25.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 263/136


P8_TA(2017)0093

Politika integrata tal-Unjoni Ewropea għall-Artiku

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar politika integrata tal-Unjoni Ewropea għall-Artiku (2016/2228(INI))

(2018/C 263/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) konkluża fl-10 ta' Diċembru 1982 u fis-seħħ mis-16 ta' Novembru 1994, u l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC),

wara li kkunsidra l-Ftehim adottat f'Pariġi fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC tat-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi), u l-vot fil-Parlament Ewropew dwar ir-ratifika tal-Ftehim fl-4 ta' Ottubru 2016 (1),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Minamata, il-Konvenzjoni fuq it-tniġġis tal-arja transkonfini fuq distanza kbira, il-Protokoll ta' Göteborg, il-Konvenzjoni ta' Stokkolma, il-Konvenzjoni ta' Aarhus u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika,

wara li kkunsidra s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument ta' eżitu adottat mill-Assemblea Ġenerali fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu “Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli” (2),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali tas-16 ta' Novembru 1972,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ilulissat imħabbra fit-28 ta' Mejju 2008 mill-ħames stati kostali tal-Oċean Artiku fil-Konferenza dwar l-Oċean Artiku f'Ilulissat, Greenland,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ċirkumpolari tal-Inuit dwar l-Prinċipji ta' Żvilupp tar-Riżorsi ta' Inuit Nunaat (3),

wara li kkunsidra l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni 61/295 (UNDRIP) mill-Assemblea Ġenerali fit-13 ta' Settembru 2007,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kwistjonijiet tal-Artiku, partikolarment dawk tal-20 ta' Ġunju 2016, tat-12 ta' Mejju 2014, tat-8 ta' Diċembru 2009 u tat-8 ta' Diċembru 2008,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ta' Ġunju 2016 intitolata “Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe”, kif ukoll is-“CFSP Report – Our priorities in 2016”, kif approvat mill-Kunsill fis-17 ta' Ottubru 2016,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-27 ta' April 2016 intitolata “Sistema integrata tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku” (JOIN(2016)0021) il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tas-26 ta' Ġunju 2012 intitolata “L-iżvilupp ta' Politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-Reġjun Artiku” (JOIN(2012)0019) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2008 intitolata “L-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Artiku” (COM(2008)0763),

wara li kkunsidra l-istrateġiji nazzjonali Artiċi tal-Istati Artiċi, partikolarment dawk tar-Renju tad-Danimarka (2011), tal-Iżvezja (2011) u tal-Finlandja (2013), kif ukoll dawk tal-Istati Membri l-oħra tal-UE u l-oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/137/UE tal-14 ta' Marzu 2014 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Greenland u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Istabbiliment tal-Kunsill tal-Artiku u l-programm attwali għall-2015-2017 taħt il-presidenza tal-Istati Uniti,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni fl-okkażjoni tal-20 Anniversarju tal-Kooperazzjoni Ewro-Artika ta' Barents, maħruġa f'Kirkenes, in-Norveġja, fit-3-4 ta' Ġunju 2013,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Konferenza tal-Parlamentari tar-Reġjun tal-Artiku (CPAR) u tal-Konferenza Parlamentari ta' Barents (BPC), partikolarment id-Dikjarazzjoni tal-Konferenza adottata fit-12-il Konferenza tas-CPAR f'Ulan Ude, fir-Russja fl-14-16 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-tielet laqgħa ministerjali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mġedda, li saret fi Brussell fit-18 ta' Frar 2013,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet adottata waqt il-Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana f'Rejkjavik, f'Mejju 2015, f'Archangelsk, ir-Russja, f'Novembru tal-2013, u fi Tromsø, in-Norveġja, fi Frar tal-2011 u fi Brussell f'Settembru tal-2009,

wara li kkunsidra tal-Kodiċi Internazzjonali għall-Bastimenti li Joperaw f'Ilmijiet Polari adottati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar it-Tixrid taż-Żejt, il-Fond għat-Tixrid taż-Żejt u l-Fond Supplimentari,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-21 ta' Novembru 2013 dwar "l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni) (4), tat-12 ta' Settembru 2013 dwar “id-Dimensjoni Marittima tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni” (5), tat-22 ta' Novembru 2012 dwar “ir-rwol tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni f'każ ta' kriżijiet ikkawżati mill-klima u ta' diżastri naturali” (6), u tat-12 ta' Settembru 2012 dwar “ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni” (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Artiku, partikolarment dawk tat-12 ta' Marzu 2014 dwar “L-istrateġija tal-UE għall-Artiku” (8), tal-20 ta' Jannar 2011 dwar “politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema” (9) u tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar “il-Governanza tal-Artiku” (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar “ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità” (11) , u tat-12 ta' Mejju 2016 dwar “Is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030” (12),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Iżvizzera u n-Norveġja u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Iżlanda u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea (Delegazzjoni SINEAA),

wara li kkunsidra l-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa (COM(2016)0705) ippubblikata mill-Kummissjoni fis-26 ta' Ottubru 2016,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/1775 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin kif ukoll tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0032/2017),

A.

billi l-UE hija attur globali; billi l-UE ilha impenjata fl-Artiku għal ħafna żmien, abbażi tal-istorja, tal-ġeografija, tal-ekonomija u tar-riċerka; billi tlieta mill-Istati Membri tagħha – id-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżvezja – huma pajjiżi tal-Artiku; billi l-Artiku huwa mdawwar minn ilmijiet internazzjonali, u ċ-ċittadini u l-gvernijiet fid-dinja kollha, inkluża l-Unjoni Ewropea, għandhom ir-responsabilità li jappoġġaw il-protezzjoni tal-Artiku;

B.

billi l-impenn tal-UE fir-reġjun tat-Tramuntana u fl-Artiku kien diġà beda fil-bidu tas-snin disgħin permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fl-istabbiliment tal-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku (CBSS), tal-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents (BEAC) u permezz tas-sħubija sħiħa tal-Kummissjoni f'dawn l-entitajiet;

C.

billi l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, li taffettwa kemm l-affarijiet interni u r-relazzjonijiet esterni, żviluppat fi sħubija ugwali bejn l-UE, ir-Russja, in-Norveġja u l-Iżlanda; billi, minbarra s-sħab tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, diversi organizzazzjonijiet multilaterali oħra jipparteċipaw f'din il-politika konġunta, bħall-Kunsill tal-Artiku, is-CBSS u l-BEAC, filwaqt li l-Kanada kif ukoll l-Istati Uniti huma osservaturi; billi din il-politika tkopri żona ġeografika wiesgħa u taqdi rwol importanti permezz ta' kooperazzjoni reġjonali prattika fl-iżvilupp sostenibbli, is-saħħa pubblika u l-benesseri soċjali, il-kultura, il-protezzjoni tal-ambjent, u l-loġistika u t-trasport;

D.

billi l-UE bniet u saħħet il-politika dwar l-Artiku tagħha b'mod gradwali; billi l-impenn, li qed jevolvi, u l-interessi komuni tal-UE jinqdew bl-aħjar mod permezz ta' mezzi komuni u kkoordinati tajjeb; billi l-isfidi relatati mal-Artiku jitolbu rispons reġjonali u internazzjonali konġunt;

E.

billi l-Artiku jiffaċċja sfidi soċjali, ambjentali u ekonomiċi uniċi;

F.

billi l-Artiku Ewropew għandu popolazzjonijiet sparsi, mifruxin fuq żona wiesgħa li hija karatterizzata minn nuqqas ta' konnessjonijiet tat-trasport, bħal konnessjonijiet tat-toroq, ferrovjarji u ta' titjiriet bejn il-Lvant u l-Punent; billi l-Artiku Ewropew isofri minn nuqqas ta' investiment;

G.

billi għall-Artiku japplika qafas ġuridiku internazzjonali wiesa';

H.

billi l-Kunsill tal-Artiku huwa l-forum prinċipali għall-kooperazzjoni dwar l-Artiku; billi fl-għoxrin sena li ilu jeżisti, il-Kunsill tal-Artiku wera l-kapaċità tiegħu li jżomm il-kooperazzjoni fi spirtu kostruttiv u pożittiv, u li jadatta sfidi ġodda u jassumi responsabilitajiet ġodda;

I.

billi l-istati Artiċi għandhom sovranità u ġurisdizzjoni fuq l-art u l-ilmijiet tagħhom; billi d-drittijiet tal-poplu tal-Artiku li jagħmlu użu sostenibbli mir-riżorsi naturali tagħhom iridu jiġu rrispettati;

J.

billi l-interess fl-Artiku u fir-riżorsi tiegħu qiegħed jiżdied minħabba l-ambjent li qiegħed jinbidel fiż-żona, u l-iskarsezza ta' riżorsi; billi qiegħda tikber l-importanza ġeopolitika tar-reġjun; billi l-effetti tat-tibdil fil-klima u l-kompetizzjoni dejjem akbar għal aċċess għall-Artiku u r-riżorsi naturali tiegħu, u aktar attivitajiet ekonomiċi, ġabu magħhom riskji għar-reġjun, inklużi sfidi għall-ambjent u s-sigurtà tal-bniedem, iżda wkoll opportunitajiet ġodda, bħal pereżempju għal bijoekonomija sostenibbli u żviluppata ħafna; billi bħala konsegwenza tat-tibdil fil-klima, se jinfetħu rotot ta' navigazzjoni ġodda, u żoni tas-sajd u riżorsi naturali ġodda jistgħu jwasslu għal żieda fl-attività tal-bniedem u sfidi ambjentali f'dan ir-reġjun;

K.

billi l-Artiku ilu żona ta' kooperazzjoni internazzjonali kostruttiva għal żmien twil u billi hemm bżonn li l-Artiku jinżamm żona ta' tensjoni baxxa;

L.

billi aċċessibilità tajba sabiex ikun hemm konnessjoni aħjar bejn żoni rurali tar-reġjun tat-Tramuntana u l-bqija tal-UE hija prerekwiżit għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u kompetittiv ta' ċentri ta' tkabbir tat-Tramuntana, meta titqies l-attenzjoni dejjem ikbar minn investituri u partijiet ikkonċernati fir-riżorsi tagħhom li għadhom ma ġewx sfruttati u r-rwol tagħhom bħala punti fokali ta' preokkupazzjoni ekoloġika;

M.

billi sal-2015 il-Federazzjoni Russa stabbiliet mill-inqas sitt bażijiet ġodda fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku, inklużi sitt portijiet tal-ilma fond u 13-il mitjar u żiedet il-preżenza ta' forzi terrestri f'termini ta' forzi tal-Artiku;

N.

billi ekosistemi tal-Artika robusti, b'saħħithom u sostenibbli, abitati minn komunitajiet vijabbli, huma importanti mil-lat strateġiku għall-istabilità politika u ekonomika tal-Ewropa u tad-dinja; billi l-Artiku jinkludi 'l fuq minn nofs l-artijiet mistagħdra tad-dinja u għandu rwol ewlieni fil-purifikazzjoni tal-ilma; billi huwa jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettiv ta' stat tajjeb tal-ilma fl-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; billi f'dak li jirrigwarda l-preservazzjoni tas-sistemi soċjoekoloġiċi, l-ispejjeż ta' nuqqas ta' azzjoni qed jiżdiedu b'mod esponenzjali;

O.

billi s-silġ fil-Baħar Artiku naqas b'mod sinifikanti mill-1981, iż-żoni bil-permafrost qegħdin jonqsu (bir-riskju ta' rilaxxi inċidentali ta' ammonti kbar ta' dijossidu tal-karbonju (13) u ta' metan fl-atmosfera), il-kopertura tal-borra qiegħda tkompli tonqos u l-glaċieri li qegħdin idubu jikkontribwixxu biex jgħollu l-livelli tal-baħar fuq livell dinji; billi ġie osservat li s-silġ fil-baħar qiegħed jisparixxi b'ritmu saħansitra aktar mgħaġġel minn dak li kienu bassru l-mudelli, bil-volum tas-silġ fil-baħar preżenti matul is-sajf jonqos b'aktar minn 40 % f'35 sena; billi t-tibdil fil-klima qed javvanza b'pass doppju, dejjem aktar mgħaġġel, fir-reġjuni polari, u jikkawża bidliet mhux magħrufa u imprevedibbli għall-ekosistemi tad-dinja;

P.

billi tliet Stati Membri tal-UE (id-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżvezja) u Pajjiż u Territorju Barrani extra-Ewropew wieħed (Greenland) huma membri tal-Kunsill tal-Artiku li fih tmien membri, u sebgħa Stati Membri oħra (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit) huma osservaturi; billi l-UE tistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni finali tal-istatus formali tagħha bħala osservatur fi ħdan il-Kunsill tal-Artiku;

Q.

billi l-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli huma ż-żewġ prinċipji ewlenin tad-Dikjarazzjoni ta' Ottawa, li ħolqot il-bażi għall-Kunsill tal-Artiku fl-1996;

R.

billi madwar erba' miljun ruħ jgħixu fir-reġjun tal-Artiku, li minnhom madwar 10 % huma popli indiġeni; billi l-ambjent vulnerabbli tal-Artiku, kif ukoll id-drittijiet fundamentali tal-popli indiġeni, iridu jiġu rrispettati u protetti b'salvagwardji aktar stretti; billi d-drittijiet tal-popli indiġeni u l-popolazzjonijiet lokali biex japprovaw l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali u jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet li jaffettwawha, iridu jiġu ggarantiti; billi ż-żieda fis-sustanzi li jniġġsu u fil-metalli tqal fl-Artiku għandha riperkussjonijiet negattivi fil-katina alimentari permezz tal-preżenza tagħhom fil-fawna u flora, b'mod partikolari l-ħut, u hija kwistjoni tas-saħħa importanti għall-abitanti lokali kif ukoll għall-konsumaturi ta' prodotti tas-sajd fi bnadi oħra;

S.

billi l-ekosistemi fl-Artiku, inklużi l-flora u l-fawna tagħhom, huma partikolarment vulnerabbli għad-disturb, b'perjodu ta' rkupru relattivament twil; billi l-konsegwenzi ambjentali negattivi ħafna drabi huma kumulattivi u irriversibbli, u ħafna drabi jkollhom impatti esterni ġeografiċi u ekoloġiċi (eż. ħsara lill-ekosistemi tal-oċeani);

T.

billi f'dawn l-aħħar deċennji t-temperatura fl-Artiku żdiedet b'madwar darbtejn ir-rata tal-medja globali;

U.

billi ż-żieda fil-kwantità ta' gassijiet b'effett ta' serra u tat-tniġġis tal-arja fl-atmosfera qegħdin jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima tal-Artiku; billi t-tniġġis li qiegħed jitfaċċa fil-klima tal-Artiku fil-biċċa l-kbira tiegħu ġej mill-għejun ta' emissjonijiet fl-Asja, fl-Amerika ta' Fuq u fl-Ewropa, u b'hekk il-miżuri maħsuba biex inaqqsu l-emissjonijiet fl-UE jaqdu rwol importanti fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima tal-Artiku;

V.

billi r-riskji li joħloq l-użu ta' żejt tal-fjuwil tqil (HFO) fit-trasport marittimu tal-Artiku huma diversi: fl-eventwalità ta' tixrid, il-karburant dens ħafna jemulsifika, jegħreq u jista' jiġi trasportat tul distanzi twal ħafna jekk jinqabad fis-silġ; it-tixrid tal-HFO joħloq riskji kbar għas-sigurtà tal-ikel tal-komunitajiet indiġeni tal-Artiku li s-sussistenza tagħhom tiddependi fuq is-sajd u l-kaċċa; il-kombustjoni tal-HFO tipproduċi ossidi tal-kubrit u metalli tqal, kif ukoll ammonti kbar ta' karbonju iswed li, meta jiġi depożitat fuq is-silġ Artiku, jistimula l-assorbiment tas-sħana fil-massa tas-silġ u b'hekk jaċċellera l-proċess ta' tidwib u jaffettwa t-tibdil fil-klima; billi t-trasport u l-użu tal-HFO huwa pprojbit mill-OMI fl-ilmijiet ta' madwar l-Antartiku;

W.

billi l-UE jenħtieġ li jkollha rwol ewlieni fid-diskussjonijiet u n-negozjati fil-fora internazzjonali, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-partijiet kollha kkonċernati jaċċettaw ir-responsabilitajiet tagħhom f'termini ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra jew is-sustanzi niġġiesa, u jiffaċċaw l-isfidi dejjem jikbru tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi;

X.

billi r-riskji li ġejjin mill-użu tal-enerġija nukleari f'bastimenti li jkissru s-silġ u faċilitajiet kostali għandhom jiġu kkunsidrati u kemm jista' jkun jiġu minimizzati fl-attivitajiet kollha relatati mal-livell ta' tħejjija u rispons;

Y.

billi r-rimi ta' kull tip ta' skart fil-permafrost Artiku m'huwa taħt l-ebda ċirkostanza soluzzjoni ta' mmaniġġjar ta' skart sostenibbli, kif muri mir-riżultati reċenti li nkisbu f'Camp Century fi Greenland;

Z.

billi l-politika tal-UE fl-Artiku għandha tirrifletti b'mod aktar strett l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li l-UE ntrabtet li tilħaq sal-2030;

AA.

billi t-teħid ta' deċiżjonijiet abbażi ta' informazzjoni xjentifika, inkluż l-għarfien lokali u indiġenu, huwa fundamentali għas-salvagwardja tal-ekosistemi fraġli tal-Artiku, għat-tnaqqis tar-riskji, għall-adattament tal-komunitajiet lokali, u għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli; billi l-UE hija s-sors ewlieni ta' finanzjament tad-dinja tar-riċerka fl-Artiku u tippromwovi l-iskambju liberu tar-riżultati tagħha;

AB.

billi taħlita bbilanċjata ta' għarfien espert u speċjalizzazzjoni industrijali dwar l-Artiku, minn naħa, u impenn favur l-ambjent u l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli, min-naħa l-oħra, għandhom il-potenzjal li jinkoraġġixxu l-innovazzjoni ekoloġika, is-simbjożi industrijali u l-immaniġġjar effettiv tal-iskart fir-reġjun tal-Artiku, u b'hekk jinżamm kemm l-ambjent verġni tiegħu u l-potenzjal tieħu għal opportunitajiet ta' negozju ġodda u emerġenti, u għal żieda fl-impjiegi, u fil-proċess jagħtu kontribut ukoll għall-impjieg taż-żgħażagħ u jsolvu l-isfida tal-popolazzjoni tiegħu li qed tixjieħ;

AC.

billi l-kapaċitajiet tekniċi ta' komunikazzjonijiet bis-satellita eżistenti fl-UE, skont is-servizzi u l-infrastruttura offruti minn Copernicus u Galileo, jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti li jinsabu fir-reġjun tal-Artiku;

AD.

billi l-involviment tal-komunitajiet lokali huwa kruċjali għas-suċċess tal-immaniġġjar tar-riżorsi naturali u l-bini tar-reżiljenza f'ekosistemi fraġili;

AE.

billi jirrikonoxxi l-importanza li tingħata kunsiderazzjoni lill-għarfien tradizzjonali u lokali fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-Artiku;

AF.

billi l-kulturi Sami, Nenets, Khanty, Evenk, Chukchi, Aleut, Yupik u Inuit iridu jiġu protetti skont l-UNDRIP; billi l-popolazzjonijiet indiġeni tal-Artiku għandhom id-dritt li jużaw ir-riżorsi naturali fl-inħawi tagħhom u għalhekk jenħtieġ li jkunu parti minn kwalunkwe pjan ġejjieni għal sajd kummerċjali;

AG.

billi kwalunkwe attività ta' sajd fir-reġjun tal-Artiku trid issir f'konformità mal-ftehimiet internazzjonali eżistenti li jirregolaw iż-żona, inkluż it-Trattat ta' Spitsbergen tal-1920 u, speċifikament, kwalunkwe dritt tal-Istati Partijiet għal dan it-trattat, u wkoll f'konformità ma' kwalunkwe dritt storiku ta' sajd;

1.

Jilqa' l-komunikazzjoni konġunta bħala pass pożittiv fit-triq lejn politika integrata tal-UE dwar il-kwistjonijiet tal-Artiku, billi tidentifika oqsma speċifiċi ta' azzjoni, u lejn l-iżvilupp ta' qafas aktar koerenti għall-azzjoni tal-UE b'attenzjoni fuq l-Artiku Ewropew; jenfasizza l-ħtieġa ta' koerenza akbar bejn il-politiki interni u esterni tal-UE fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar l-Artiku; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri konkreti ta' implimentazzjoni u segwitu għall-komunikazzjoni tagħha; itenni s-sejħa tiegħu għal strateġija komprensiva u pjan ta' azzjoni konkretizzat dwar l-impenn tal-UE fl-Artiku, li fihom l-għan ta' preservazzjoni tal-ekosistema vulnerabbli tal-Artiku jenħtieġ li jkun il-punt tat-tluq;

2.

Jilqa' t-tliet oqsma ta' prijorità tal-komunikazzjoni konġunta, jiġifieri t-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u l-kooperazzjoni internazzjonali;

3.

Jenfasizza l-importanza tal-UNCLOS fil-forniment ta' qafas legali multilaterali essenzjali għall-attivitajiet kollha tal-oċeani, inkluż l-Artiku, għad-delimitazzjoni tal-blata kontinentali tal-Artiku u għas-soluzzjoni ta' kwistjonijiet ta' sovranità fi ħdan l-Artiku fir-rigward tal-ibħra territorjali; jinnota li l-kwistjonijiet ta' ġurisdizzjoni mhux risolti li jinsabu fl-Artiku huma ftit ħafna; iqis li r-rispett tad-dritt internazzjonali fl-Artiku huwa essenzjali; jinnota li l-ilmijiet madwar il-Pol tat-Tramuntana huma prevalentement ilmijiet internazzjonali; huwa favur rwol b'saħħtu fil-promozzjoni ta' arranġamenti multilaterali effettivi u ordni globali bbażata fuq ir-regoli permezz tat-tisħiħ u l-implimentazzjoni konsistenti ta' ftehimiet u oqfsa internazzjonali, reġjonali u bilaterali rilevanti; jissottolinja li l-UE jenħtieġ li jkollha rwol pożittiv fil-promozzjoni u l-appoġġ ta' ftehimiet li jsaħħu l-immaniġġar tal-bijodiversità u l-ambjent lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali fl-Oċean Artiku; jinnota li dan ma jirrigwardax in-navigazzjoni u l-għajxien tradizzjonali; iħeġġeġ lill-UE taħdem mill-qrib mal-Istati Membri tagħha biex jingħata appoġġ lill-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent fir-reġjun; jenfasizza r-rwol importanti tal-Kunsill tal-Artiku biex tinżamm kooperazzjoni kostruttiva, tensjoni baxxa, paċi u stabilità fir-reġjun Artiku;

4.

Jilqa' r-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi min-naħa tal-Unjoni Ewropea u d-dħul fis-seħħ tiegħu fl-4 ta' Novembru 2016; jappella għall-implimentazzjoni rapida u effettiva tiegħu mill-partijiet kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw il-Ftehim ta' Pariġi sabiex jipproċedu bil-miri ambizzjużi ta' tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u bil-miżuri kemm fis-settur tal-iskambju tal-kwoti ta' emissjonijiet u l-kondiviżjoni tal-isforzi, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-mira ta' limitazzjoni taż-żieda fit-temperatura għal 1,5 oC sal-2100;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jassumu rwol aktar b'saħħtu fl-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali bħalma huma l-Ftehim ta' Pariġi, il-Konvenzjoni ta' Minamata, il-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila, il-Protokoll ta' Gothenburg, il-Konvenzjoni ta' Stokkolma, il-Kodiċi Internazzjonali għall-Bastimenti li Joperaw f'Ilmijiet Polari (il-Kodiċi Polari) u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-proċess internazzjonali li għaddej bħalissa mill-Kumitat għall-Analiżi tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes sabiex gradwalment jiġi eliminat l-użu ta' materjal organiku kontaminanti persistenti; jistenna li l-pajjiżi sħab tal-UE jagħmlu l-istess ħaġa;

6.

Jappoġġa l-iżvilupp ta' netwerk ta' żoni ta' konservazzjoni tal-Artiku u l-protezzjoni taż-żona tal-ibħra internazzjonali madwar il-Pol tat-Tramuntana lil hinn miż-żoni ekonomiċi tal-istati kostali;

7.

Jitlob li kwalunkwe żvilupp ta' sajd kummerċjali fir-reġjun tal-Artiku jsir b'mod kompletament kompatibbli man-natura sensittiva u speċifika tar-reġjun; jinsisti li qabel ma jinbeda kwalunkwe sajd kummerċjali ġdid fir-reġjun tal-Artiku, iridu jsiru stimi xjentifiċi tal-istokk li jkunu affidabbli u prekawzjonarji sabiex jiġu determinati l-livelli tas-sajd li jikkonservaw l-istokkijiet tal-ħut fil-mira, 'il fuq minn livelli li kapaċi jipproduċu rendiment sostenibbli massimu, u li ma jwasslux għal tnaqqis ta' speċijiet oħra jew għal ħsara serja lill-ambjent tal-baħar; jenfasizza li s-sajd kollu fl-ibħra miftuħa jrid ikun regolat minn organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd li tirrispetta l-pariri xjentifiċi u li jkollha programm robust ta' kontroll u ta' sorveljanza biex tiġi żgurata konformità mal-miżuri tal-ġestjoni; jinnota li s-sajd li jsir fiż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi irid jilħaq l-istess standards; jitlob li jkun hemm moratorju fuq is-sajd fuq skala industrijali, inkluż it-tkarkir tal-qiegħ, fl-ilmijiet tal-Artiku li ma sarx sajd fihom qabel;

8.

Jilqa' n-negozjati li għaddejjin dwar ftehim internazzjonali bejn l-istati kostali tal-Artiku u partijiet internazzjonali bl-għan li jipprevjenu s-sajd mhux regolat fl-ibħra internazzjonali tal-Artiku, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffirmaw din id-dikjarazzjoni u jaħdmu sabiex jagħmluha vinkolanti għall-firmatarji;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Artiku biex ikomplu jaħdmu fuq l-estensjoni tal-informazzjoni u l-analiżi disponibbli rigward l-istokkijiet kollha fir-reġjun;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom fi ħdan il-qafas leġiżlattiv tal-UE billi jaqblu dwar miri ambizzjużi ta' tnaqqis ta' emissjonijiet fin-negozjati dwar id-Direttiva dwar il-Livelli Nazzjonali tal-Emissjonijiet, billi jitnaqqsu l-livelli tat-tniġġis lokali permezz tal-Pakkett ta' Politika dwar l-Arja Nadifa sabiex jonqos it-tniġġis ambjentali fuq distanzi twal u b'mod partikolari l-ġmied, u billi jiġu negozjati miri ambizzjużi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u miżuri kemm fis-settur tal-iskambju tal-kwoti ta' emissjonijiet u l-kondiviżjoni tal-isforzi, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-objettiv li ż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 oC sal-2100;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ftehim tal-oċeani tan-NU għall-protezzjoni tad-diversità bijoloġika lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali (BBNJ), li qiegħed jiġi nnegozjat attwalment, ikun b'saħħtu u effettiv u li jkun jista' jiżgura proċess robust għall-identifikazzjoni, l-għażla, il-ġestjoni u l-infurzar ta' żoni tal-baħar protetti, inklużi r-riżervi tal-baħar fejn il-qbid huwa pprojbit;

12.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaffermaw ir-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni effiċjenti tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-ftehimiet internazzjonali relatati; iqis li huwa importanti li l-pjan strateġiku rigward l-identifikazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ta' speċijiet ta' ħsara aljeni li jheddu lill-ekosistemi, u r-rotot ta' espansjoni tagħhom, li sar ftehim dwarhom fl-Artikolu 10 tal-Protokoll ta' Nagoya, jitwettqu b'tali mod li l-ispeċijiet invażivi li l-aktar jagħmlu ħsara jiġu kkontrollati jew eliminati, u b'mod li r-rotot ta' espansjoni tagħhom ikunu fil-mira bil-ħsieb li jiġu eliminati t-trasferiment u l-invażjoni ta' speċijiet bħal dawn, inkluż lejn iż-żoni tal-Artiku;

13.

Jistieden lill-Istati Membri jipprojbixxu s-sussidji fuq il-fjuwils fossili li jbaxxu l-kost tal-produzzjoni tal-enerġija bil-fjuwils fossili, bil-ħsieb li jiskoraġġixxu l-isfruttament u l-użu tal-fjuwils fossili;;

14.

Jistieden lill-UE tippromwovi standards regolatorji ta' prekawzjoni stretti fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u s-sikurezza għall-esplorazzjoni, l-ipprospettar u l-produzzjoni taż-żejt fil-livell internazzjonali; jitlob li ssir projbizzjoni fuq it-tħaffir għaż-żejt fl-ilmijiet bis-silġ Artiċi tal-UE u taż-ŻEE li ssir promozzjoni mill-UE ta' standards ta' prekawzjoni komparabbli fil-Kunsill tal-Artiku u għall-istati kostali tal-Artiku;

15.

Jenfasizza l-importanza għall-UE li tħeġġeġ ratifika rapida tal-Konvenzjoni ta' Minamata bil-ħsieb li jiġu evitati u mnaqqsa l-emissjonijiet tal-merkurju;

16.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) lejn miżuri sabiex l-azzjoni klimatika fl-Artiku tiġi integrata, bil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi lokali u n-natura speċjali tar-reġjuni tal-Artiku;

17.

Jenfasizza li ż-żieda fl-użu tar-riżorsi naturali fl-Artiku jenħtieġ li titwettaq b'mod li jirrispetta u jkun ta' benefiċċju għall-popolazzjonijiet lokali u li tittieħed responsabilità ambjentali sħiħa għall-ambjent fraġli tal-Artiku; jemmen li din l-għażla strateġika hija integrali biex jiġu żgurati l-leġittimità u l-appoġġ lokali għall-impenn tal-UE favur l-Artiku;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni u lil dawk l-Istati Membri li huma membri jew osservaturi tal-Kumitat tal-Artiku, biex jappoġġaw il-ħidma li għaddejja tal-Kumitat tal-Artiku rigward il-valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali biex jiġu ppreservati l-ekosistemi vulnerabbli tal-Artiku skont il-linji tal-Konvenzjoni ta' Espoo; jenfasizza l-importanza vitali ta' valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali sabiex jiġu żgurati żvilupp sostenibbli tal-attivitajiet ekonomiċi u l-protezzjoni tal-Artiku b'mod partikolari l-ekosistemi u l-komunitajiet vulnerabbli; jiġbed l-attenzjoni lejn dawn il-kriterji mhux eżawstivi ppreżentati mill-Kunsill Ċirkumpolari tal-Inuit għall-evalwazzjoni ta' proġetti li qed iseħħu fl-Artiku:

L-impatti kollha ambjentali, soċjoekonomiċi u kulturali potenzjali kemm matul u wara l-proġett, inklużi l-effetti kumulattivi ta' proġetti attwali u futuri,

Il-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas għandhom jiġu applikati fl-istadji kollha tal-ippjanar, il-valutazzjoni, l-implimentazzjoni u r-reklamazzjoni tal-proġetti.

Ir-reklamazzjoni u l-irkupru tal-ħabitats u l-artijiet affettwati jridu jkunu ppjanati bir-reqqa u jkunu ffinanzjati kompletament minn qabel.

Il-Proposti għal proġetti ta' rispons għat-tixrid taż-żejt iridu jinkludu dimostrazzjoni pprovata għall-abilità tal-industrija li tirkupra żejt imxerred f'kundizzjonijiet ta' silġ iffriżat, miksur u ffriżat mill-ġdid.

Irid jiġi stabbilit reġim internazzjonali dwar ir-responsabilità u l-kumpens għall-kontaminazzjoni tal-artijiet, l-ilmijiet u ż-żoni tal-baħar li jirriżultaw mill-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni taż-żejt lil hinn mill-kosta;

19.

Jenfasizza l-importanza li jinsabu mekkaniżmi li jinkorporaw ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji f'attivitajiet ta' kumpaniji li jagħmlu negozju fir-reġjun tal-Artiku, partikolarment permezz ta' kooperazzjoni mar-rappreżentanti tas-settur tan-negozju, bħall-Kunsill Ekonomiku tal-Artiku; jirrakkomanda li jiġi esplorat il-potenzjal tal-mekkaniżmi volontarji biex jiġu mħeġġa standards għoljin tal-industrija fil-prestazzjoni soċjali u ambjentali, pereżempju billi ssir enfasi fuq l-“aħjar prestazzjonijiet” f'Indiċi tar-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji tal-Artiku bbażat, pereżempju, fuq il-Protokoll ta' Investiment fin-Negozju tal-Artiku u l-Global Compact Initiative tan-NU;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġaw l-isforzi kollha li saru fl-OMI biex jintlaħaq ftehim globali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-tbaħħir;

21.

Jirrkonoxxi l-importanza ta' finanzjament kontinwu u suffiċjenti għaż-Żoni Nordiċi b'Popolazzjoni Sparsa sabiex jiġu indirizzati żvantaġġi permanenti bħal popolazzjoni sparsa, kundizzjonijiet klimatiċi ħorox u distanzi twal;

22.

Jinkoraġġixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri rilevanti tal-UE dwar kwistjonijiet tal-Artiku; jistieden lil dawk l-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tal-Artiku biex iżommu lill-Istati Membri l-oħra u lir-Rappreżentant Għoli infurmati bi kwalunkwe kwistjoni ta' interess komuni fil-Kunsill tal-Artiku skont l-Artikolu 34(2) tat-TUE;

23.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE timpenja ruħha mas-sħab kollha tal-Artiku fi djalogu politiku u jitlob li jkun hemm kooperazzjoni intensifikata bejn l-UE, il-Kunsill tal-Artiku fil-qafas tas-Dimensjoni tat-Tramuntana, il-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents u korpi oħra involuti f'kooperazzjoni fit-Tramuntana Estrema; jissottolinja r-rwol importanti ta' osservaturi fil-Kunsill tal-Artiku li għandhom esperjenza kbira u li ilhom impenjati fil-kooperazzjoni xjentifika u politika fl-Artiku; jilqa', f'dan ir-rigward, id-djalogu li għaddej bħalissa bejn l-osservaturi u Presidenza tal-Kunsill tal-Artiku;

24.

Jappoġġa bil-qawwa l-għoti ta' status ta' osservatur lill-UE fil-Kunsill tal-Artiku; huwa konvint li l-implimentazzjoni sħiħa tal-istatus formali tal-UE bħala osservatur formali tikkontribwixxi b'mod pożittiv għar-rwol politiku u istituzzjonali tal-Kunsill tal-Artiku u ssaħħu fl-indirizzar ta' kwistjonijiet tal-Artiku;

25.

Jilqa' t-titjib fil-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar kwistjonijiet tal-Artiku; jissuġġerixxi li tinħoloq unità għall-politiki tat-Tramuntana fi ħdan is-SEAE u li l-kooperazzjoni ta' interservizzi bejn is-SEAE u l-Kummissjoni tissaħħaħ, sabiex ikun żgurat approċċ tal-politika koerenti, ikkoordinat u integrat f'oqsma rilevanti ewlenin tal-politika;

26.

Jinnota l-kapaċità tal-UE li tikkontribwixxi biex jissolvew sfidi potenzjali ta' sigurtà; jistieden lill-UE tikkontribwixxi, fi sħubija mal-Istati Membri tagħha u b'kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Artiku, kif ukoll l-isforzi biex jinbnew mekkaniżmi tas-sigurtà ċivili, u biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet u d-diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem kif ukoll l-infrastrutturi ta' tiftix u salvataġġ;

27.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sigurtà tal-enerġija hi marbuta mill-qrib mat-tibdil fil-klima; iqis li s-sigurtà tal-enerġija trid tittejjeb billi titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili; jenfasizza l-fatt li t-trasformazzjoni tal-Artiku tirrappreżenta effett kbir wieħed tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li dan il-multiplikatur tar-riskji jiġi indirizzat permezz ta' strateġija msaħħa tal-UE għall-Artiku, u permezz ta' politika msaħħa dwar l-enerġiji minn sorsi rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika tal-UE li tnaqqas b'mod sinifikanti d-dipendenza tal-Unjoni fuq sorsi esterni u b'hekk ittejjeb il-pożizzjoni tagħha fil-qasam tas-sigurtà;

28.

Jitlob li jiġu żviluppati pjanijiet ta' rispons għall-organiżmi slavaġ li jintlaqtu miż-żejt, skont prattiki tajba definiti, fl-istati kollha tal-Artiku, inkluża valutazzjoni effettiva tal-ispeċijiet vulnerabbli fir-riskju, kif ukoll strateġiji fatibbli ta' prevenzjoni u rispons li jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

29.

Jenfasizza l-kooperazzjoni transfruntiera kostruttiva u prammatika fuq bażi kontinwa fid-Dimensjoni tat-Tramuntana, is-sħubijiet tagħha u l-Kooperazzjoni ta' Barents;

30.

Jenfasizza l-importanza ta' impenn u djalogu kontinwi mar-Russja fi ħdan il-qafas ta' kooperazzjoni reġjonali tal-Artiku, b'mod partikolari l-kooperazzjoni transfruntiera UE-Russja, minkejja ż-żieda l-istazzjonar ta' forzi militari Russi fir-reġjun, il-bini u l-ftuħ mill-ġdid tal-bażijiet militari Russi u l-ħolqien ta' bażi militari distrettwali Russa tal-Artiku; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tasserixxi l-interessi tagħha lejn ir-Russja permezz tal-użu ta' impenn selettiv u tfittex li jsir progress dwar kwistjonijiet ta' tħassib komuni fejn ikun hemm bażi għal soluzzjonijiet globali għal sfidi u theddid komuni; iħeġġeġ li din il-kwistjoni tiġi inkluża fl-Istrateġija tal-UE dwar l-Artiku; jissottolinja li r-reġjun tal-Artiku huwa parti integrali minn sferi ambjentali, ekonomiċi u politiċi tar-relazzjonijiet internazzjonali;

31.

Huwa tal-fehma li l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana sservi bħala mudell li rnexxa ta' stabilità, sjieda konġunta u impenn fil-kooperazzjoni dwar l-Artiku; jenfasizza l-importanza tas-sħubijiet settorjali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, b'mod speċjali fl-ambjent u fl-infrastruttura u l-loġistika;

32.

Jinnota li ġew iffurmati rotot migratorji tal-Artiku lejn l-UE; jenfasizza li r-rotot migratorji u żieda fit-trasport għandhom jitqiesu meta tkun qed titfassal strateġija tal-UE għall-Artiku;

33.

Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iħarsu b'mod attiv il-prinċipji tan-navigazzjoni libera u l-passaġġ innoċenti;

34.

Jilqa' l-pjanijiet għall-ħolqien ta' forum tal-partijiet interessati Ewropej tal-Artiku; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-sinerġiji bejn l-istrumenti ta' finanzjament eżistenti sabiex tiġi evitata l-possibilità ta' duplikazzjoni u tiġi mmassimizzata l-interazzjoni bejn il-programmi interni u esterni tal-UE; jinnota li l-Finlandja offriet li tospita l-ewwel forum, li għandu jsir fl-2017;

35.

Jenfasizza l-importanza li l-għarfien tradizzjonali u lokali jiġi inkluż fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-Artiku;

36.

Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tal-UE għal UNDRIP; ifakkar, b'mod partikolari, fl-Artikolu 19 tagħha li jafferma li l-Istati għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw in bona fide mal-popli indiġeni konċernati permezz tal-istituzzjonijiet rappreżentattivi tagħhom stess, sabiex jinkiseb il-kunsens liberu u informat tagħhom minn qabel, qabel ma jiġu adottati u implimentati miżuri leġiżlattivi u amministrattivi li jistgħu jaffettwawhom; jitlob involviment aħjar u aktar kmieni ta' popli indiġeni meta tiġi mfassla politika Artika ċċentrata fuq iċ-ċittadini u fil-ħidma tal-Kunsill tal-Artiku; jenfasizza li l-inklużjoni tagħhom fit-teħid ta' deċiżjonijiet tiffaċilita l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali fl-Artiku; jenfasizza l-ħtieġa li jkunu ssalvagwardjati u promossi d-drittijiet, il-kulturi u l-lingwi tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati riżorsi tal-enerġija rinnovabbli fir-reġjun tal-Artiku b'mod sostenibbli, li jirrispetta wkoll l-ambjent fraġli u bl-involviment sħiħ tal-popli indiġeni;

37.

Jagħti attenzjoni speċjali lill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 4.5, li jinkludi li jiġi żgurat aċċess ugwali għal-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-persuni indiġeni, anke fil-lingwi tagħhom stess;

38.

Jenfasizza li turiżmu aċċessibbli, interkonness, sikur u sostenibbli fiż-żoni rurali u żoni skarsament popolati fl-Artiku Ewropew jista' jikkontribwixxi biex jiżdiedu l-attivitajiet tan-negozju, li min-naħa tagħhom jistgħu jżidu l-għadd ta' impjiegi fin-negozji żgħar u ta' daqs medju u jgħin l-iżvilupp pożittiv ġenerali tar-reġjun; jenfasizza, għalhekk, li t-turiżmu fiż-żona jenħtieġ li jiġi promoss minħabba l-implikazzjonijiet soċjali u ambjentali relatati tiegħu għall-infrastruttura u r-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

39.

Jenfasizza r-rwol tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali biex ir-reġjun tal-Artiku jinżamm vijabbli u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-isforz li tipprovdi dawn il-komunitajiet b'aċċess għall-informazzjoni kollha rilevanti dwar ir-rekwiżiti, l-aħjar prattiki u l-istrumenti ta' finanzjament tas-suq uniku tal-UE; jenfasizza r-rwol ta' netwerks ta' trasport fluwidu, ta' komunikazzjoni u tal-elettriku, kif ukoll ġeolokalizzazzjoni spazjali u teknoloġiji tat-telekomunikazzjoni fil-ħolqien tal-attività ekonomika fir-reġjun; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligi tagħha skont ir-Regolament (UE) 2015/1775 f'termini ta' rapportar u għoti ta' informazzjoni lill-pubbiku u l-awtoritajiet kompetenti tad-dispożizzjonijiet fir-Regolament; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi inkorporat l-għarfien prattiku indiġenu u lokali, kif ukoll li jiġu żgurati l-involviment, l-aċċettazzjoni u l-impenn aktar mill-qrib tal-komunitajiet indiġeni u lokali fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jissottolinja l-ħtieġa li jingħataw l-appoġġ u l-finanzjament meħtieġa; jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, rappreżentanza tal-Artiku tal-popli indiġeni fi Brussell sabiex il-parteċipazzjoni tagħhom tkun aktar viżibbli; huwa tal-fehma li l-UE jenħtieġ li tappoġġa l-applikazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi fl-Artiku, li jiżviluppaw sorsi rinnovabbli tal-Artiku;

40.

Jenfasizza li ż-żamma ta' komunitajiet żviluppati b'mod sostenibbli li jibbenefikaw mit-teknoloġija tal-informazzjoni l-aktar attwali fl-Artiku b'livell għoli ta' kwalità tal-ħajja hija ta' importanza assoluta, u li l-UE jista' jkollha rwol vitali f'dan il-qasam; itenni d-dritt tal-poplu tal-Artiku li jiddetermina l-għajxien tiegħu stess u jirrikonoxxi x-xewqa tiegħu għal żvilupp sostenibbli tar-reġjun; jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni jintensifikaw id-djalogu magħhom u jesploraw il-possibilità li jiġu pprovduti fondi għal dawn l-assoċjazzjonijiet u jiġi żgurat li l-fehmiet tagħhom jiġu kkunsidrati fid-dibattiti tal-UE dwar l-Artiku; jilqa' l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-popli indiġeni u tal-Mekkaniżmu Espert tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;

41.

Jenfasizza li x-xjenza jenħtieġ li tkun il-bażi sottostanti għat-tfassil tal-politika fl-Artiku fir-rigward tal-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

42.

Jenfasizza r-rwol vitali tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) fl-iżvilupp fl-Artiku Ewropew u l-ħolqien ta' tkabbir sostenibbli u impjiegi ta' kwalità mmirati lejn setturi orjentati lejn il-futur; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' żvilupp responsabbli u li jirrispetta r-riżorsi naturali tal-Artiku; jiġbed l-attenzjoni lejn l-iżvantaġġi permanenti li għandhom bżonn jiġu kkumpensati (l-Artikolu 174 tat-TFUE); jissottolinja l-importanza għall-ġejjieni fit-tul tal-istrateġija f'oqsma differenti, bħalma huma l-aġenda diġitali, it-tibdil fil-klima, it-tkabbir blu, eċċ.;

43.

Jissottolinja r-rwol tal-aċċessibilità tajba tar-reġjun tal-Artiku għan-netwerk TEN-T, l-estensjoni tal-kurituri tan-netwerk ewlieni ppjanata tiegħu tal-kurituri tal-Baħar tat-Tramuntana-Baltiku u l-kurituri Skandinavja-Mediterran, kif ukoll ir-rotot tal-aċċess tat-tieni livell bħala l-istruttura tat-trasport ewlenija li tippermetti mobilità sostenibbli tal-persuni u l-oġġetti; ifakkar fil-potenzjal tal-finanzjament tal-UE, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, fil-finanzjament ta' proġetti infrastrutturali fl-Artiku Ewropew; jinnota r-rwol prominenti tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) f'dan ir-rigward; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni tesplora l-potenzjal għal kooperazzjoni finanzjarja internazzjonali usa' dwar l-iżvilupp tal-infrastruttura u tal-konnettività, inklużi sistemi tal-ICT;

44.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tal-anqas iżżomm il-livell ta' finanzjament għar-riċerka fl-Artiku f'Orizzont 2020, u b'mod partikolari l-intenzjoni tagħha li tappoġġa l-applikazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament tal-UE għar-riċerka fl-Artiku fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ta' wara l-2020; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ l-użu ta' Orizzont 2020 u programmi ta' finanzjament oħra għal skopijiet ta' studju fl-Artiku;

45.

Jinnota li l-ekosistemi tal-baħar tal-Artiku huma kruċjali għall-preservazzjoni tal-bijodiversità globali; jinnota li t-tnaqqis tas-silġ tal-baħar tal-Artiku u bidliet ambjentali oħra fl-Artiku, ikkombinati mal-għarfien xjentifiku limitat dwar ir-riżorsi tal-baħar f'din iż-żona, jirrikjedu approċċ ta' prekawzjoni li jimmira lejn l-istabbiliment ta' miżuri internazzjonali xierqa biex jiġu żgurati l-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi fl-ibħra miftuħa tal-Artiku;

46.

Iħeġġeġ il-promozzjoni u l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u r-riċerka fost il-partijiet interessati kollha attivi fil-qasam tar-riċerka dwar l-Artiku, u fl-istabbiliment ta' infrastrutturi tar-riċerka, fir-rikonoxximent li għarfien aħjar tal-Artiku huwa determinanti biex jintlaqgħu l-isfidi kollha b'mod adegwat; jappoġġa l-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet ewlenin tar-riċerka dwar l-Artiku bil-ħsieb li jiġi żviluppat programm integrat ta' riċerka polari Ewropew fil-qafas tal-inizjattiva EU-PolarNet li tinkorpora għarfien tradizzjonali u lokali; jinnota li l-Kummissjoni ġiet mistiedna għal konferenza internazzjonali dwar ix-xjenza tal-Artiku li għandha ssir fl-Ewropa fl-2018; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni b'suċċess mal-Kanada u l-Istati Uniti permezz tal-Alleanza tar-Riċerka tal-Oċean Transatlantiku;

47.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi fl-Artiku Ċentru ta' Informazzjoni tal-UE dwar l-Artiku, b'fondi suffiċjenti biex jiġi żgurat aċċess effiċjenti għall-informazzjoni u għarfien dwar l-Artiku, u biex jiġi ġġenerat it-turiżmu; jirrimarka li dan it-tip ta' Ċentru ta' Informazzjoni tal-UE dwar l-Artiku jista' jiġi konness ma' ċentri tal-Artiku diġà eżistenti jew ma' xi istituzzjoni oħra tal-Artiku bħala mezz biex jitnaqqsu l-ispejjeż b'mod kruċjali;

48.

Jitlob li jkun hemm ġbir ta' data ġejja minn proġetti ta' riċerka fl-Artiku b'mod aktar sistematiku u fuq żmien twil; jiddispjaċih li l-kisbiet tal-proġetti individwali spiss jgħibu meta jgħaddu minn perjodu ta' finanzjament wieħed għal ieħor; jistieden lill-Kummissjoni timmira lejn il-kontinwità fl-ippjanar tal-qafas għar-riċerka fl-Artiku għal wara l-2020;

49.

Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' żoni protetti tal-baħar fl-Artiku; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-mira ta' mill-inqas 10 % tal-protezzjoni taż-żoni kostali u tal-baħar bħala parti mill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jinnota, madankollu, li kwalunkwe proposta ġdida dwar dawn il-kwistjonijiet jenħtieġ li tkun koerenti mal-eżitu tad-diskussjoni tal-istati tal-Artiku fil-Kunsill tal-Artiku; jenfasizza li ż-żoni protetti tal-baħar huma kritiċi għall-preservazzjoni tal-ekosistemi tal-Artiku; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu involuti bis-sħiħ il-komunitajiet lokali fl-ippjanar, ir-realizzazzjoni u l-ġestjoni ta' tali żoni protetti;

50.

Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta' teknoloġiji spazjali u l-attivitajiet ta' riċerka relatata mal-ispazju li huma essenzjali għal operazzjonijiet tat-trasport bil-baħar sikuri, kif ukoll monitoraġġ ambjentali u l-osservazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-Artiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl tat-tibdil fir-reġjun Artiku rikonoxxut fil-komunikazzjoni tagħha dwar Strateġija Spazjali għall-Ewropa (COM(2016)0705), biex jiġu esplorati possibilitajiet għal aktar użu ta' programmi bis-satellita futuri u attwali tal-UE fir-reġjun, b'kooperazzjoni mal-membri tal-Kunsill tal-Artiku, u biex tqis il-ħtiġijiet tal-utenti fi ħdan il-qafas tal-inizjattiva GOVSATCOM; jistieden lill-partijiet interessati kollha jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tan-navigazzjoni bis-satellita Galileo u l-programmi ta' osservazzjoni tad-dinja Copernicus f'dan ir-rigward;

51.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġaw l-istabbiliment ta' żona protetta tal-baħar fl-Ibħra Miftuħa tal-Artiku fil-qafas tal-mandat tal-Kummissjoni OSPAR (Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Atlantiku tal-Grigal), li tipprojbixxi l-prattiki kollha ta' estrazzjoni, inkluż is-sajd, fl-ibħra internazzjonali madwar il-Pol tat-Tramuntana li OSPAR tkopri;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa inizjattivi li jipprojbixxu l-użu ta' tkarkir tal-qiegħ f'Żoni tal-Baħar Ekoloġikament jew Bioloġikament Sinifikanti (EBSAs) u fl-ibħra miftuħa tal-Artiku;

53.

Jitlob li l-miri ta' konservazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida u l-mira kwantitattiva tal-irkupru u ż-żamma tal-istokkijiet 'il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli jkunu l-bażi għal kwalunkwe sajd kummerċjali fir-reġjun;

54.

Jistieden lill-UE tkun minn ta' quddiem fil-prevenzjoni ta' sajd mhux regolat fl-Artiku; huwa tal-fehma li hija jkollha kull dritt li tagħmel dan, peress li l-Istati Membri huma involuti fil-livelli kollha ta' governanza fir-reġjun tal-Artiku;

55.

Jenfasizza li l-flotot tas-sajd tal-UE m'għandhomx jheddu l-bijodiversità fir-reġjun; jilqa' l-identifikazzjoni tal-EBSAs fir-reġjun tal-Artiku skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika bħala proċess importanti biex tiġi żgurata l-konservazzjoni effettiva tal-bijodiversità tal-Artiku, u jenfasizza l-importanza li jiġi implimentat approċċ ta' Ġestjoni Bbażata fuq l-Ekosistemi fl-ambjenti kostali, marini u terrestri tal-Artiku, kif ġie ssottolinjat mill-grupp ta' esperti tal-Ġestjoni Bbażata fuq l-Ekosistemi tal-Kunsill tal-Artiku; jistieden lill-istati jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-UNCLOS permezz tal-ħolqien ta' netwerk ta' żoni tal-baħar protetti u riservi tal-baħar fl-Oċean Artiku;

56.

Jiffavorixxi bil-qawwa l-kunċett li kwalunkwe żvilupp ulterjuri ta' sajd kummerċjali fir-reġjun tal-Artiku jrid isir f'konformità ma' ftehimiet internazzjonali relatati maż-żona, inkluż it-Trattat ta' Spitsbergen tal-1920, mad-drittijiet ta' kwalunkwe Stat Parti għal ftehimiet bħal dawn, u mad-drittijiet tas-sajd storiċi eżistenti;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni tistudja u tagħmel proposti dwar it-tisħiħ tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni tal-Artiku, inklużi s-satelliti, sabiex tgħin ir-riċerka xjentifika u l-monitoraġġ tal-klima, u toħloq żvilupp lokali, navigazzjoni u sigurtà fuq il-baħar;

58.

Itenni l-appell tiegħu tal-2014 lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw b'mod attiv il-projbizzjoni fuq l-użu u l-ġarr ta' żejt tqil (HFO) użat bħala fjuwil tal-bastimenti li jbaħħru f'ibħra tal-Artiku permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (il-Konvenzjoni MARPOL), u/jew permezz tal-kontroll tal-istat tal-port, kif regolat fl-ilmijiet li jiċċirkondaw l-Antartika; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi r-riskji ambjentali u klimatiċi tal-użu tal-HFO fl-istudju tagħha dwar ir-riskji li ġġib magħha ż-żieda fin-navigazzjoni tar-Rotta tal-Baħar tat-Tramuntana; jistieden lill-Kummissjoni biex, fin-nuqqas ta' miżuri internazzjonali adegwati, tressaq proposti dwar regoli għall-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tal-UE wara, jew qabel, ma jagħmlu vjaġġi fl-ilmijiet Artiċi, bil-għan li jiġu pprojbiti l-użu u l-ġarr ta' HFO;

59.

Jistenna bil-ħerqa d-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Polari tal-OMI fl-2017 u l-2018, li se jagħmel in-navigazzjoni fl-Artiku aktar sikura; jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata sistema unika “escape, evacuation and rescue” (EER) għall-persunal lil hinn mill-kosta li tista' tiġi applikata għall-pjattaformi u l-bastimenti fl-Artiku;

60.

Ifakkar li skont il-Ftehim taż-ŻEE, l-Iżlanda u n-Norveġja impenjaw ruħhom għall-preservazzjoni tal-kwalità tal-ambjent u li jiżguraw l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, f'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE;

61.

Jenfasizza l-interess li qed jikber taċ-Ċina fir-reġjun tal-Artiku, b'mod speċjali fir-rigward tal-aċċess għal rotot ta' tbaħħir u d-disponibilità tar-riżorsi tal-enerġija; jieħu nota tal-konklużjoni ta' ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-Iżlanda u ċ-Ċina, u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-effetti li dan jista' jkollu mhux biss fuq l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli tal-parti Iżlandiża tal-Artiku iżda wkoll fuq l-ekonomija u s-suq intern tal-UE;

62.

Ifakkar li, skont il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u Greenland tal-2007, l-UE tagħti appoġġ finanzjarju lil Greenland biex jiżgura sajd responsabbli u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ekonomika esklużiva ta' Greenland;

63.

Jitlob li l-Istati Membri jirratifikaw u jaderixxu malajr mal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni Internazzjonali fuq ir-Responsabilità u l-Kumpens għal Dannu kkawżat mill-Ġarr bil-Baħar ta' Sustanzi Noċivi u Potenzjalment Perikolużi (il-Konvenzjoni HNS);

64.

Iqis li l-impenn u l-kooperazzjoni interparlamentari mill-qrib tal-Parlament dwar kwistjonijiet tal-Artiku, b'mod partikolari mal-parlamenti nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti tal-UE bħala essenzjali fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Artiku;

65.

Jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni jissorveljaw l-iżviluppi tal-klima, tal-protezzjoni ambjentali, l-iżviluppi marittimi, soċjoekonomiċi u ta' sigurtà fl-Artiku mill-qrib, u jirrapportaw lura regolarment lill-Parlament u lill-Kunsill, inkluż dwar l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-Artiku;

66.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati tar-reġjun Artiku.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0363.

(2)  Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/70/1.

(3)  http://www.inuitcircumpolar.com/uploads/3/0/5/4/30542564/ declaration_on_resource_development_a3_final.pdf

(4)  ĠU C 436, 24.11.2016, p. 17.

(5)  ĠU C 93, 9.3.2016, p. 131.

(6)  ĠU C 419, 16.12.2015, p. 153.

(7)  ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 77.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2014)0236.

(9)  ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 71.

(10)  ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 41.

(11)  Testi adottati, P8_TA(2016)0034.

(12)  Testi adottati, P8_TA(2016)0224.

(13)  Huwa stmat li biljun u nofs tunnellata ta' CO2 huwa maħżun fl-Artiku.