25.7.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 263/72 |
P8_TA(2017)0075
Fondi tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2017 dwar fondi tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi (2016/2144(INI))
(2018/C 263/09)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għas-snin 2014-2020 (1), |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (2) mehmuża mal-QFP dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (3), |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (4), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 – Baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati” (COM(2016)0603), |
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni intitolat “Rapport ta' Monitoraġġ Annwali 2014 tal-Orizzont 2020” (SWD(2016)0123), |
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar “Dikjarazzjonijiet tal-Programmi għan-nefqa operattiva għall-Abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017” (COM(2016)0300), |
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà “Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020” (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020) (SWD(2015)0182), |
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni intitolat “Strategic engagement for gender equality 2016-2019” (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019) (SWD(2015)0278), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata (5), |
— |
wara li kkunsidra l-istudju bl-isem “The EU Budget for Gender Equality” (Il-baġit tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi), ippubblikat fl-2015 mid-Dipartiment Tematiku D tal-Parlament u l-istudju ta' segwitu dwar l-użu ta' fondi għall-ugwaljanza bejn is-sessi fi Stati Membri magħżula, ippubblikat fl-2016 mid-Dipartiment Tematiku C, |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 intitolata “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2016 dwar l-Integrazzjoni tal-Perspettiva tal-Ġeneri fil-ħidma tal-Parlament Ewropew (6), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Ibbaġitjar li jqis l-Ugwaljanza bejn is-Sessi: rapport finali tal-Grupp ta' Speċjalisti dwar l-ibbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn is-sessi – Strasburgu 2005, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġits (A8-0033/2017), |
A. |
billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea minqux fit-Trattati; billi l-Artikolu 8 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u jistipula li, “fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi u tinkoraġġixxi ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa”; |
B. |
billi, fost is-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, li għandhom jintlaħqu sal-2030, Nru 5 huwa l-ugwaljanza bejn is-sessi, li japplika għas-17 li huma; |
C. |
billi l-Impenn Strateġiku tal-Kummissjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019, ippubblikat f'Diċembru 2015, jenfasizza r-rwol ewlieni tal-finanzjament tal-UE bħala appoġġ għall-ugwaljanza bejn is-sessi; billi l-ebda istituzzjoni tal-UE ma applikat b'mod konsistenti l-ibbaġitjar skont il-ġeneru; |
D. |
ifakkar li deċiżjonijiet ta' nfiq u dħul għandhom impatt differenti fuq in-nisa milli fuq l-irġiel; |
E. |
billi fil-Parlament, ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: l-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni (7), jappoġġja l-integrazzjoni effettiva tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; |
F. |
billi l-kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi huma ġeneralment aktar indirizzati f'oqsma ta' politika mhux vinkolanti bħalma huma l-iżvilupp tar-riżorsi umani, milli f'dawk vinkolanti, bħall-infrastruttura u l-ICT, li jirċievu appoġġ finanzjarju akbar; |
G. |
billi s-sistema maħsuba tajjeb ta' liv relatat mal-għoti ta' kura flimkien ma' kura ta' kwalità għolja, affordabbli u aċċessibbli, inklużi l-faċilitajiet pubbliċi għandha tiġi pprovduta sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata, u billi n-nefqiet fuq dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu kkunsidrati bħala parti minn investimenti infrastrutturali; billi dawn iż-żewġ fatturi huma prekundizzjoni għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u f'pożizzjonijiet ta' tmexxija, fix-xjenza u r-riċerka u b'hekk għall-ugwaljanza bejn is-sessi; |
H. |
billi d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni titlob li l-proċeduri baġitarji annwali applikati għall-QFP 2014-2020 jintegraw, kif inhu xieraq, elementi sensittivi għall-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, waqt li jitqiesu l-modi li bihom il-qafas finanzjarju ġenerali tal-Unjoni jikkontribwixxi għal aktar ugwaljanza bejn is-sessi u jiżgura l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; billi, minkejja dan il-fatt, hemm il-ħtieġa li jiżdied l-impenn sod lejn l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, peress li kien hemm implimentazzjoni minima tal-politiki eżistenti u ġew allokati riżorsi baġitarji insuffiċjenti għal kwistjonijiet dwar is-sessi; |
I. |
billi wara l-kriżi tal-2008 sar evidenti li kien hemm tnaqqis fil-livell ta' ugwaljanza bejn is-sessi fid-dibattitu pubbliku u l-aġenda politika kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali; billi l-konsolidazzjoni fiskali u l-limiti baġitarji imposti mill-kriżi x'aktarx ikomplu jnaqqsu r-riżorsi disponibbli għal strateġiji u korpi għall-ugwaljanza bejn is-sessi; |
J. |
billi, f'salib it-toroq fejn hemm kriżi ta' fiduċja fl-UE, filwaqt li l-iżgurar li l-finanzi tagħha jkunu għal kollox trasparenti għandu jkun prijorità għall-istituzzjonijiet Ewropej kollha, u hija xi ħaġa li m'għandhiex tiġi injorata; |
K. |
billi, skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2015 ippubblikat mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), l-għan tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Ewropa fadallu ħafna biex jintlaħaq; |
L. |
billi paga ugwali hija waħda mill-iktar miżuri li juru l-ugwaljanza bejn is-sessi; billi madankollu l-isforzi tal-UE u r-riżultati tagħhom li jżidu l-parteċipazzjoni femminili fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika ugwali tan-nisa u l-irġiel, li jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet, li jiġġieldu kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u li jipproteġu u jappoġġjaw il-vittmi, kif ukoll li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa madwar id-dinja huma ta' importanza ugwali; |
M. |
billi fl-1995 il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tan-Nazzjonijiet Uniti talbet għal approċċ sensittiv għall-ġeneru fil-proċessi baġitarji; |
Osservazzjonijiet ġenerali
1. |
Jilqa' l-integrazzjoni intenzjonali tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'konformità mal-Artikolu 8 tat-TFUE bħala objettiv ta' politika li jolqot ħafna setturi tal-baġit tal-UE f'fondi u programmi tal-UE; |
2. |
Jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li l-impenn politiku ta' livell għoli tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għadha ma ġietx riflessa kompletament fl-allokazzjonijiet tal-baġit u fid-deċiżjonijiet dwar l-infiq f'oqsma ta' politika tal-UE bħala parti minn metodoloġija ta' bbaġitjar skont il-ġeneru; |
3. |
Jinnota li l-ibbaġitjar skont il-ġeneru huwa parti minn strateġija globali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u jenfasizza, għaldaqstant, li l-impenn tal-istituzzjonijiet tal-UE f'dan il-qasam huwa fundamentali; f'dan il-kuntest jiddispjaċih li ma ġiet adottata l-ebda strateġija għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-perjodu 2016-2020 u, jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-istatus tal-Impenn Strateġiku tagħha għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019 billi tadottah bħala Komunikazzjoni, filwaqt li jtenni l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tas-16 ta' Ġunju 2016; |
4. |
Jenfasizza l-importanza tal-istrutturi u l-proċessi involuti fit-tfassil tal-baġit u l-ħtieġa li jinbidlu dawk li jidhru li jsostnu jew jippromwovu b'mod mhux intenzjonat, l-inugwaljanza bejn is-sessi; |
5. |
Jinnota li sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru huma meħtieġa biex jiġu żviluppati strutturi u proċeduri sensittivi fir-rigward tal-ġeneru; |
6. |
Jinnota li xi programmi tal-UE (pereżempju l-Fond Soċjali Ewropew (ESF), il-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza 2014-2020 (REC), l-Orizzont 2020, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni II (IPA II), fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR)) jinkludu azzjonijiet speċifiċi relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li oħrajn (bħal, pereżempju, il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD), il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG)) jinkludu referenzi għall-prinċipji ġenerali tal-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda ftit huma l-programmi li effettivament jistabbilixxu miri ċari u riżorsi dedikati jew li jipprevedu l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ sistematiċi; |
7. |
Jiddeplora l-fatt li bosta programmi jinkludu l-ugwaljanza bejn is-sessi biss bħala objettiv transversali, li mhux biss twassal għal inqas appoġġ għal azzjonijiet speċifiċi għas-sessi, iżda wkoll tagħmilha kważi impossibbli li jiġu stmati l-ammonti li jiġu allokati għal kwistjonijiet dwar il-ġeneru (8); |
8. |
Jiddeplora l-fatt li bosta programmi ffinanzjati mill-UE m'għandhomx azzjonijiet immirati speċifiċi b'allokazzjonijiet tal-baġit speċifiċi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi; jinnota li l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi rikonoxxuta bħala għan ta' politika għat-titoli baġitarji tal-UE, u b'hekk l-ammont allokat għall-objettivi u l-azzjonijiet ta' politika individwali għandhom ikunu speċifikati sabiex dawn ikunu aktar trasparenti u ma jtellfux mill-importanza tal-objettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi; iqis, bl-istess mod, li l-kompiti tal-kontroll baġitarju għandhom jindikaw kemm il-baġit tal-UE u l-implimentazzjoni tiegħu jgħinu jew ifixklu l-politiki ta' ugwaljanza; |
9. |
Jiddispjaċih li għodod għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, bħalma huma indikaturi bbażati fuq il-ġeneru, valutazzjoni tal-impatt tal-ġeneru (GIA) u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru (GB), rarament jintużaw fit-tfassil tal-politika u fl-implimentazzjoni tagħha, kemm jekk fil-livell tal-UE kif ukoll minn istituzzjonijiet nazzjonali; jiddispjaċih għan-nuqqas attwali ta' indikaturi komprensivi tal-ġeneru u data diżaggregata skont il-ġeneru u u jenfasizza l-fatt li l-EIGE għandu jiġbor l-indikaturi tal-ġeneru u jiġbor data diżaggregata skont il-ġeneru sabiex jagħtu stampa konsistenti tal-impatt tal-ugwaljanza bejn is-sessi tal-politiki possibbli tal-UE kif ukoll ir-responsabilità finanzjarja u baġitarja korretta fir-rigward tagħha; jenfasizza r-rwol fundamentali tal-EIGE biex isib soluzzjoni f'kollaborazzjoni bejn in-nies li jaħdmu fl-istatistika u dawk fil-politika sabiex iqajmu kuxjenza tal-isfidi involuti fil-ġbir ta' data sensittiva; itenni, għalhekk, it-talba tiegħu li l-indikaturi u l-istatistika dwar kwistjonijiet relatati mal-ġeneru jiġu żviluppati aktar biex jippermettu li ssir il-valutazzjoni tal-baġit tal-UE mill-perspettiva tal-ġeneri kif ukoll il-monitoraġġ ta' bbaġitjar skont il-ġeneru; |
10. |
Jiddispjaċih li, minkejja d-dikjarazzjoni konġunta rigward l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri mehmuża mal-QFP, s'issa l-progress kien żgħir wisq f'dan il-qasam; |
11. |
Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li, mill-QFP 2014-2020, ma tfaċċat l-ebda strateġija dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi b'objettivi speċifiċi, miri konkreti u allokazzjonijiet; |
12. |
Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP, ippubblikata f'Settembru 2016, ma tagħmel l-ebda referenza għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; |
13. |
Jitlob biex l-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tagħha ssir parti mis-Semestru Ewropew; |
14. |
Jenfasizza li t-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kisbiet reali fl-ugwaljanza bejn is-sessi pjuttost milli fuq l-implimentazzjoni għandha tkun prijorità reali għall-Unjoni Ewropea; |
15. |
Jitlob biex id-dispożizzjonijiet dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jiġu adottati wkoll f'oqsma politiċi li ma jitqisux li huma immedjatament relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi, bħall-ICT, it-trasport, in-negozju u l-appoġġ għall-investiment jew it-tibdil fil-klima; |
16. |
Iqis li netwerk ta' esperti esterni u organizzazzjonijiet għandu jkun involut fl-istadji kollha tal-proċess baġitarju biex jiżdiedu t-trasparenza u l-kwalità demokratika tiegħu, b'mod partikolari meta dan ikun jirrigwarda l-applikazzjoni ta' approċċ ta' bbaġitjar skont il-ġeneru; |
Il-finanzjament tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (Fondi SIE)
17. |
Jirrimarka li l-Fondi SIE jikkostitwixxu l-aktar appoġġ finanzjarju importanti għall-implimentazzjoni tal-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE, speċjalment fil-każ tal-FSE (Fond Soċjali Ewropew), li għandu l-għan li jrawwem l-integrazzjoni sħiħa tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jissottolinja li r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 jagħmel l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri parti obbligatorja fil-fażijiet kollha tal-programmi u l-proġetti ffinanzjati mill-FSE, inklużi l-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni; |
18. |
Jisħaq fuq ir-rwol importanti tas-servizzi pubbliċi fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu lejn l-ilħuq tal-miri ta' Barċellona biex il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jsir realtà għal kulħadd, kif ukoll biex jużaw l-għodod u l-inċentivi xierqa, inklużi l-Fondi Ewropej bħalma huma l-FSE, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), li jiżguraw finanzjament għal infrastruttura soċjali meħtieġa għall-għoti ta' servizzi ta' kura ta' kwalità, affordabbli u aċċessibbli għat-tfal u persuni dipendenti oħra, inklużi d-dipendenti anzjani u l-membri tal-familja b'diżabilità; jinnota li dan se jirriżulta f'titjib fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika tan-nisa; |
19. |
Jiddeplora l-fatt li n-nisa għadhom ibatu minn inugwaljanzi fuq il-post tax-xogħol, bħal rati ta' parteċipazzjoni iktar baxxi fl-impjiegi, id-differenza fil-pagi, l-inċidenza akbar ta' impjiegi part-time jew atipiċi, drittijiet tal-pensjoni aktar foqra, segregazzjoni fil-karrieri u livelli aktar baxxi ta' progressjoni; jenfasizza l-importanza tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fl-għoti ta' opportunitajiet ta' finanzjament għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol; |
20. |
Jinnota li l-approċċ tradizzjonali jonqos milli jqis ix-xogħol mhux imħallas, bħall-kura tat-tfal u l-kura tal-anzjani fil-ħlas ta' benefiċċji soċjali; |
21. |
Jinnota li skont id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-involviment strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019, EUR 5,85 biljun se jintefqu fil-perjodu 2014-2020 fuq miżuri li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, li minnhom 1,6 % jaqgħu taħt l-FSE għall-prijorità ta' investiment speċifiku “L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha, inkluż fl-aċċess għall-impjiegi, il-progress fil-karriera, ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata u l-promozzjoni ta' paga ugwali għal xogħol ugwali”; |
22. |
Jinnota li l-finanzjament FEŻR għandu jkompli jappoġġja l-investiment fil-kura tat-tfal, il-kura tal-anzjani u infrastrutturi soċjali oħra pubbliċi u privati biex jippromwovi, fost riżultati oħra, bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; |
23. |
Jenfasizza r-rwol importanti tal-FAEŻR fl-iżgurar tal-finanzjament meħtieġ biex ikunu appoġġjati s-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura soċjali f'żoni rurali u fil-promozzjoni tal-aċċess għall-art u l-investiment għan-nisa; |
24. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet immirati ġodda mmirati biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, bħal programm speċifiku ffinanzjat mill-FAEŻR biex tiġi appoġġjata l-intraprenditorija femminili; |
25. |
Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex jagħmlu użu mill-potenzjal ta' opportunitajiet ta' finanzjament li jolqot ħafna setturi taħt il-fondi SIE li jappoġġjaw proġetti mmirati biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tas-sħubija applikat fi ħdan il-fondi SIE, li jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-livell lokali; |
26. |
Ifakkar fl-importanza tar-rekwiżit li jiġu inklużi indikaturi diżaggregati skont il-ġeneru fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Programmi Operattivi kif previst fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fondi SIE, sabiex jikkonformaw mal-objettiv tal-ugwaljanza bejn is-sessi matul il-fażi ta' implimentazzjoni; |
27. |
Jiddeplora l-fatt li, minkejja l-isforzi biex jinħoloq “standard” f'dan il-qasam, għadu ma ġiex stabbilit metodu sistematiku għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fi ħdan il-Fondi SIE, u lanqas ma ntrabtu azzjonijiet immirati mal-istrateġija ġenerali tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu r-riżorsi għall-valutazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u biex isegwu b'mod konsistenti l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; |
28. |
Ifakkar li l-Fondi SIE huma soġġetti għal kondizzjonalità ex ante dwar il-ġeneru, li tirrikjedi arranġamenti għat-taħriġ tal-persunal rilevanti u għall-involviment tal-korpi responsabbli għall-ugwaljanza bejn is-sessi tul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfat; jitlob għall-użu effettiv tal-korpi permanenti eżistenti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell tal-Istati Membri; jilqa' bis-sħiħ, f'dan il-kuntest, l-aħjar prattiki nazzjonali, bħalma huwa n-netwerk tal-Komunità Ewropea tal-Prattika dwar l-Integrazzjoni tal-Perspettiva tal-Ġeneri (Gender CoP) fl-Iżvezja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu l-indipendenza, l-effettività, kif ukoll biżżejjed setgħat u poteri għal korpi tal-ugwaljanza biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti prinċipali tagħhom; |
29. |
Jenfasizza l-importanza li tingħata attenzjoni speċjali u prijorità lill-miżuri tal-Fondi SIE li jappoġġjaw l-investimenti fis-servizzi edukattivi, soċjali u tal-kura tas-saħħa, flimkien mal-faċilitajiet għall-kura tat-tfal, minħabba l-fatt li dawn is-servizzi qed jiffaċċjaw tnaqqis fil-finanzjament pubbliku fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u li għalhekk dawn il-miżuri jżidu n-numru ta' impjiegi; |
30. |
Jirrakkomanda żieda fl-allokazzjonijiet finanzjarji fil-QFP għall-infrastrutturi u s-servizzi soċjali għall-kura tat-tfal u tal-anzjani; |
Il-finanzjament tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u ċ-ċittadinanza permezz tal-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza 2014-2020 (REC)
31. |
Jiddispjaċih li l-linji baġitarji taħt il-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza 2014-2020 (REC) ma jispeċifikawx ir-riżorsi allokati għal kull wieħed mill-objettivi tal-programm, u dan jagħmilha diffiċli ħafna biex jiġi analizzat l-infiq iddedikat għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa; |
32. |
Jinnota li, skont id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-involviment strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019, iż-żewġ objettivi relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-programm Daphne għall-ġlieda kontra l-vjolenza fil-konfront tan-nisa jikkostitwixxu madwar 35 % tal-fondi REC, filwaqt li l-baġit ġenerali għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u ċ-ċittadinanza permezz tal-programm REC 2014-2020 huwa ta' EUR 439,5 miljun; jinnota li l-parti l-kbira tal-fondi kienu allokati skont l-objettiv Daphne meta mqabbel mal-objettiv tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jiddispjaċih madankollu li l-programm Daphne m'għandu l-ebda linja baġitarja separata, meta jitqies li bħalissa huwa wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-Programm REC; jenfasizza l-bżonn li jingħata appoġġ finanzjarju suffiċjenti għall-programm Daphne u li jinżammu l-viżibilità u l-profil ta' suċċess kbir tiegħu; |
33. |
Jissottolinja li għall-perjodu 2014-2020, l-applikazzjonijiet maħruġa taħt l-objettiv Daphne jindirizzaw il-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u/jew it-tfal; jinnota li l-biċċa l-kbira tar-riżorsi li ġew allokati għall-ġlieda u l-prevenzjoni tal-vjolenza marbuta ma' prattiki ta' ħsara (39 %) u għall-appoġġ għal vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, vjolenza domestika jew vjolenza f'relazzjoni intima huma pprovduti minn servizzi ta' appoġġ speċjalizzati mmirati għan-nisa (24 %); |
34. |
Jinnota li skont l-objettiv ta' ugwaljanza bejn is-sessi, ġew indirizzati l-prijoritajiet li ġejjin: l-indipendenza ekonomika ugwali tan-nisa u l-irġiel u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata (44 % tar-riżorsi allokati); il-promozzjoni ta' prattiki tajba dwar ir-rwoli tal-ġeneru u t-tagħlib tal-isterjotipi tal-ġeneru fl-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll fuq il-post tax-xogħol (44 %) u appoġġ għal netwerks fil-livell tal-UE dwar temi tal-ugwaljanza bejn is-sessi (12 %); |
35. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-bini ta' ċittadinanza għandu jiġi assoċjat mhux biss mad-difiża u l-estensjoni tad-drittijiet, iżda wkoll mal-ġid u l-benessri, l-edukazzjoni u t-taħriġ ħielsa mill-isterjotipi tal-ġeneru u l-aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa, inkluża s-saħħa sesswali u dik riproduttiva; |
36. |
Jiddeplora madankollu t-tnaqqis fil-fondi disponibbli għall-objettiv speċifiku tal-programm Daphne; jinnota li l-approprjazzjonijiet tal-baġit għall-programm Daphne kienu ta' EUR 18-il miljun f'impenji fl-2013 meta mqabbla ma' EUR 19,5 miljun fl-2012 u aktar minn EUR 20 miljun fl-2011; jinnota wkoll li fl-2016, il-programm ta' ħidma REC kien diġà ppreveda ftit aktar minn EUR 14-il miljun għall-objettiv; |
37. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tħejji l-programm ta' ħidma annwali, tosserva d-distribuzzjoni xierqa u ġusta tal-appoġġ finanzjarju bejn l-oqsma differenti koperti mill-objettivi speċifiċi tal-Programm REC, filwaqt li tqis il-livell ta' finanzjament li diġà ġie allokat fil-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti (2007-2013); |
38. |
Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ għal netwerks Ewropej dwar temi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u b'hekk issaħħaħ l-opportunitajiet għal aktar tagħlim bejn il-pari, notevolment fost l-awtoritajiet sottonazzjonali; jinnota b'mod partikolari li huwa meħtieġ appoġġ speċifiku sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet; |
39. |
Jitlob li jkun hemm aktar ċarezza dwar kif l-objettiv dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza jkun segwit skont il-programm REC; jisħaq fuq l-importanza li l-fondi jilħqu l-organizzazzjonijiet tal-poplu u l-gvernijiet lokali u reġjonali sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva; jitlob li tingħata prijorità lil organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq il-prevenzjoni tal-vjolenza u l-appoġġ tal-vittmi tal-forom kollha ta' vjolenza; |
40. |
Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi żgurat sostenn għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi lokali u reġjonali eżistenti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi bħalma huma l-Karta Ewropea għall-Ugwaljanza tan-Nisa u l-Irġiel fil-Ħajja Lokali; |
41. |
Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rekwiżit dwar il-ġbir ta' data diżaggregata skont il-ġeneru fl-implimentazzjoni ta' dan il-programm, bħala għodda essenzjali għal analiżi effettiva tal-ibbaġitjar abbażi tal-ġeneru; |
Il-finanzjament tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-programm Orizzont 2020
42. |
Jenfasizza l-fatt li l-programm Orizzont 2020 (minn hawn 'il quddiem “dan il-programm”), f'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, jintegra l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka bħala kwistjoni transversali f'kull waħda mill-partijiet differenti tal-programm ta' ħidma; |
43. |
Jiġbed l-attenzjoni lejn it-tliet għanijiet ta' integrazzjoni taħt dan il-programm, jiġifieri: it-trawwim ta' opportunitajiet indaqs u l-bilanċ bejn is-sessi f'timijiet ta' proġetti; l-iżgurar ta' bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet; u l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru fil-kontenut tar-riċerka; |
44. |
Jilqa' l-fatt li dan il-programm jipprovdi appoġġ għal korpi ta' riċerka fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi; jilqa' wkoll il-proġett konġunt tal-Kummissjoni u l-EIGE biex joħolqu għodda online għall-pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi bħala mezz biex jiġu identifikati u skambjati l-aħjar prattiki mal-partijiet interessati relevanti; |
45. |
Jilqa' l-fatt li l-applikanti għandhom l-opportunità li jinkludu taħriġ u studji speċifiċi dwar il-ġeneru bħala spejjeż eliġibbli fil-proposti tagħhom; |
46. |
Jilqa' l-fatt li l-bilanċ bejn is-sessi fil-persunal huwa wieħed mill-fatturi ta' klassifikazzjoni tal-kriterji ta' evalwazzjoni f'dan il-programm u li l-mod li bih titqies l-analiżi tas-sess u/jew tal-ġeneru f'proposta huwa vvalutat mill-evalwaturi flimkien ma' aspetti relevanti oħra tal-proposta; |
47. |
Jilqa' l-indikaturi speċifiċi użati biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta' perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'dan il-programm, kif ukoll il-fatt li, fir-rigward tal-bilanċ bejn is-sessi fil-gruppi konsultattivi tal-programm Orizzont 2020 fl-2014, il-parteċipazzjoni tan-nisa kienet ta' 52 % (9); |
48. |
Iqis li rieżami ulterjuri huwa meħtieġ sabiex jiġu vvalutati r-riżultati, abbażi wkoll ta' indikaturi bħalma huma l-perċentwali ta' nisa parteċipanti u nisa koordinaturi tal-proġetti f'dan il-programm, u biex jiġu proposti aġġustamenti għall-azzjonijiet speċifiċi jekk dan ikun meħtieġ; |
49. |
Jitlob biex tissaħħaħ ulterjorment l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri f'dan il-programm, u biex jiġu żviluppati miri tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrateġiji, il-programmi u l-proġetti fl-istadji kollha taċ-ċiklu tar-riċerka; |
50. |
Jitlob għaż-żamma ta' linja indipendenti ta' finanzjament għal proġetti ta' tibdil strutturali speċifiċi għall-ġeneru (bħal Ugwaljanza bejn is-Sessi fir-Riċerka u l-Innovazzjoni (GERI) għall-2014-2016), kif ukoll suġġetti oħra ta' ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka u l-innovazzjoni; |
51. |
Jilqa' l-fatt li wieħed mill-objettivi fi “Xjenza mas-Soċjetà u għaliha” huwa li jiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi, kemm fil-proċess ta' riċerka kif ukoll fil-kontenut tar-riċerka; jilqa', barra minn hekk, l-għotjiet għal “Appoġġ lil organizzazzjonijiet ta' riċerka biex jimplimentaw pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi” u “Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'Orizzont 2020 u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka”; jiddeplora, madankollu, li m'hemmx linji speċifiċi fil-baġit għal dawn l-għanijiet deskritti f'dan il-programm; |
Programmi u fondi oħra inklużi objettivi speċifiċi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi
52. |
Jenfasizza li d-diżastri naturali għandhom impatt kbir fuq l-infrastruttura marbuta ma' servizzi pubbliċi u, għaldaqstant, li n-nisa huma affettwati b'mod partikulari; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi rekwiżit għal analiżi sensittiva għas-sessi fil-Fond ta' Solidarjetà tal-UE meta tevalwa l-impatt fuq il-popolazzjonijiet; |
53. |
Jinnota li fil-qasam tal-azzjonijiet esterni u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Ġeneru (GAP) stabbilit għall-perjodu 2016-2020 ikopri l-attivitajiet tal-UE f'pajjiżi terzi, u li hemm bosta strumenti ta' għajnuna esterna li jappoġġjaw l-objettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi; |
54. |
Jenfasizza li n-nisa u l-bniet vittmi ta' kunflitti armati għandhom id-dritt li jirċievu l-kura medika neċessarja, inkluż l-aċċess għall-kontraċezzjoni, kontraċezzjoni ta' emerġenza u servizzi ta' abort; ifakkar li l-għajnuna umanitarja tal-UE għandha tirrispetta d-drittijiet tal-bniet u n-nisa taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u ma għandhiex tkun suġġetta għal restrizzjonijiet imposti minn donaturi sħab oħrajn, kif innutat fil-baġit tal-UE għall-2016; jilqa' l-approċċ tal-UE f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm il-pożizzjoni tagħha; |
55. |
Jistieden lill-Kummissjoni talloka fondi tal-UE għall-iżvilupp għal servizzi volontarji u moderni tal-ippjanar tal-familja u tas-saħħa riproduttiva sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet finanzjarji kkawżati mir-regola “global gag” stabbilita mill-Gvern il-ġdid tal-Istati Uniti u biex b'hekk jiġu salvati l-ħajjiet tan-nisa, titħares saħħithom u jiġi pprevenut it-tixrid ta' infezzjonijiet trażmessi sesswalment; |
56. |
Jenfasizza li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri hija inkluża wkoll fost il-prinċipji bażiċi tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) reċenti; itenni s-sejħa tiegħu biex titqies id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politiki ta' migrazzjoni u asil billi jiġi żgurat li n-nisa jkollhom aċċess għal spazju sikur, kura tas-saħħa speċifika marbuta mas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u li tingħata attenzjoni speċjali għall-bżonnijiet speċifiċi ta' persuni vulnerabbli, bħalma huma n-nisa li sofrew vjolenza, inkluża l-vjolenza sesswali, minorenni mhux akkumpanjati u gruppi oħra f'riskju, inklużi l-persuni LGBTI; |
57. |
Jitlob biex jiġi adottat sett komprensiv ta' linji gwida dwar il-ġeneru għall-UE kollha fir-rigward tal-politika dwar il-migrazzjoni u l-asil b'finanzjament adegwat għal programmi komprensivi ta' taħriġ għal professjonisti li jistgħu jiġu f'kuntatt ma' rifuġjati u persuni li jfittxu l-asil; jenfasizza li dawn għandhom ikunu sensittivi għall-ħtiġijiet speċifiċi għall-ġeneru ta' rifuġjati nisa u l-ħsara konkomitanti bbażata fuq il-ġeneru, bħalma huwa t-traffikar tan-nisa u l-bniet; |
58. |
Jenfasizza kwistjonijiet li għadhom għaddejjin dwar l-iffullar fiċ-ċentri ta' akkoljenza tar-rifuġjati u l-impatt li dan għandu fuq is-sikurezza tan-nisa; jitlob għal użu akbar tal-AMIF biex itejjeb ċentri ta' lqugħ b'faċilitajiet ta' rqad u sanitarji separati għan-nisa u l-irġiel, u aċċess għal servizzi tas-saħħa sensittivi għall-ġeneru inkluża l-kura ta' qabel u wara t-twelid; |
59. |
Jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jagħmlu użu akbar mill-fondi ta' koeżjoni u l-Fondi SIE b'mod parallel mal-AMIF biex jippromwovu l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol, b'enfasi partikolari fuq kif il-kura tat-tfal aċċessibbli tippermetti lin-nisa rifuġjati jkollhom aċċess għall-impjieg; |
60. |
Jitlob li jkun hemm rieżami tal-finanzjament miżjud u l-kamp ta' applikazzjoni usa' tal-programmi Daphne u Odysseus, b'valutazzjoni dwar l-espansjoni tagħhom biex jindirizzaw il-vulnerabilitajiet ħorox li jġarrbu n-nisa rifuġjati u jipprovdu appoġġ akbar biex jiġu indirizzati dawn il-ħsarat ibbażati tal-ġeneru; |
61. |
Jenfasizza li hemm fondi oħrajn, bħall-Fond għas-Sigurtà Interna, strumenti finanzjarji speċjali bħall-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza u strumenti u għotjiet ad hoc oħra, li ġew mobilizzati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet fil-kuntest tal-kriżi tar-rifuġjati attwali; jirrimarka dwar id-diffikultà fil-monitoraġġ tal-użu ta' dawn il-fondi, b'mod partikolari mill-perspettiva tal-ġeneri, u jitlob li l-użu tal-finanzjament tal-UE f'dan il-qasam ikun ikkoordinat, effettiv, trasparenti u sensittiv għall-kwistjonijiet ta' ġeneru; |
62. |
Jitlob għal finanzjament speċifiku biex jappoġġja miżuri mmirati li jinvolvu organizzazzjonijiet tal-poplu, il-gvernijiet lokali u reġjonali biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet bażiċi, id-drittijiet tal-bniedem, is-sikurezza u s-sigurtà ta' tfittxija ta' asil, rifuġjati u nisa u bniet migranti, inklużi nisa tqal u anzjani, kif ukoll LGBTI ikunu protetti; |
Rakkomandazzjonijiet ta' politika
63. |
Itenni t-talba tiegħu li l-ibbaġitjar għall-perspettiva tal-ġeneri jintuża fil-livelli kollha tal-proċedura baġitarja tal-UE; jitlob biex l-ibbaġitjar għall-perspettiva tal-ġeneri jintuża b'mod konsistenti matul il-proċess baġitarju kollu sabiex l-infiq baġitarju jintuża bħala mezz għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi; |
64. |
Jappella sabiex fil-ġenerazzjoni ta' wara l-2020 tal-programmi ta' finanzjament tal-UE jiġu inkorporati u implimentati bbaġitjar għall-perspettiva tal-ġeneri u integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri b'saħħithom u effettivi, bil-għan li jiżdied il-finanzjament tal-UE għal miżuri li jiġġieldu d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, filwaqt li jitqiesu l-aspetti li ġejjin:
|
65. |
Jitlob li kwalunkwe titolu tal-baġit tal-UE isegwi miri tal-perspettiva tal-ġeneri u standards tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri b'saħħithom b'mod indaqs; |
66. |
Jitlob li l-ammont li għandu jiġi allokat għal objettivi u azzjonijiet ta' politika individwali ddedikati għall-ugwaljanza bejn is-sessi jiġi speċifikat b'mod ċar sabiex jiżdiedu t-trasparenza u s-sens ta' responsabilità; |
67. |
Jinnota li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri mhijiex eżerċizzju ta' darba u li l-ibbaġitjar ibbażat fuq il-ġeneru jeħtieġ impenn kontinwu għall-fehim dwar il-ġeneru, li jinkludi analiżi u konsultazzjoni u aġġustamenti baġitarji attwali biex jitqiesu l-ħtiġijiet li qed jinbidlu tan-nisa u l-irġiel, u tal-bniet u s-subien; |
68. |
Iqis li l-finanzjament fil-livell tal-UE ta' EUR 6,17 biljun allokati fil-QFP attwali sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' dan l-impenn strateġiku skont il-ġeneru huwa l-ewwel pass; |
69. |
Jemmen li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP seta' kien opportunità biex jitjiebu r-riżultati miksuba mill-baġit tal-UE fit-twettiq tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u biex jintwerew dawn il-kisbiet lill-pubbliku; |
70. |
Jiddispjaċih, għalhekk, dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tindirizzax il-kwistjoni tal-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP, u jitlob għal azzjoni aktar speċifika biex jiġi indirizzat dan in-nuqqas; |
71. |
Jitlob li jiġu applikati indikaturi speċifiċi għall-ġeneru fil-fażijiet tal-għażla, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti tal-azzjonijiet kollha li jirċievu finanzjament mill-baġit tal-UE; jitlob, barra minn hekk, għal valutazzjoni obbligatorja tal-impatt fuq il-ġeneru bħala parti minn kondizzjonalità ġenerali ex ante, u għall-ġbir ta' data diżaggregata skont il-ġeneru dwar il-benefiċjarji u l-parteċipanti; |
72. |
Jirrakkomanda bil-qawwa li data diżaggregata skont il-ġeneru għandha tkun disponibbli għall-pubbliku sabiex tiġi żgurata r-responsabilità finanzjarja u t-trasparenza; |
73. |
Jitlob li tiġi adottata l-metodoloġija tar-rapport ''Gender Equality Index 2015 – Measuring gender equality in the European Union 2005-2012'', ippubblikat mill-EIGE fl-2015, għall-kejl tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri bħala bażi għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' finanzjament tal-UE; |
74. |
Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jorganizzaw taħriġ regolari u programmi ta' appoġġ tekniku dwar għodod għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għall-persunal kollu involut fit-tfassil tal-politiki u l-proċeduri baġitarji; jitlob li jitħeġġeġ l-użu tal-ibbaġitjar għall-perspettiva tal-ġeneri fiż-żewġ strateġiji nazzjonali u tal-UE sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod aktar effettiv; |
75. |
Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-effettività ta' korpi nazzjonali għall-ilmenti u proċeduri fl-implimentazzjoni ta' direttivi għall-ugwaljanza bejn is-sessi; |
76. |
Jeżiġi li l-Qorti tal-Awdituri tinkorpora wkoll il-perspettiva tal-ġeneri meta tivvaluta l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-Unjoni fir-rigward tal-objettivi speċifiċi tal-politiki ta' ugwaljanza tal-UE u tal-aspetti orizzontali ta' dawn il-politiki, kemm fir-rakkomandazzjonijiet kif ukoll fir-rapporti speċjali tagħha; jitlob biex, bl-istess mod, l-Istati Membri jintroduċu d-dimensjoni tal-ġeneru fil-baġits tagħhom sabiex janalizzaw il-programmi u l-politiki tal-gvern, l-impatt tagħhom fuq l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-kontribut tagħhom għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; |
77. |
Itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas kbir ta' bilanċ bejn il-ġeneri – li jinvolvi l-iktar differenza wiesgħa fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE – fost il-Membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li bħalissa hija komposta minn 28 raġel u 3 nisa (tnejn inqas mill-bidu tal-2016); jistieden lill-Kunsill, minn issa 'l quddiem u sakemm jintlaħaq bilanċ aċċettabbli, biex jipproponi żewġ kandidati għall-Parlament, mara u raġel, għal kull ħatra futura; |
78. |
Ifaħħar il-ħidma tal-uffiċċju tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Polonja, li skont il-Liġi dwar it-Trattament Ugwali, huwa l-korp tal-ugwaljanza responsabbli għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar it-tnaqqis baġitarju riċenti li jaffettwa dawk il-partijiet tal-uffiċċju tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem li jittrattaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; ifakkar li korp nazzjonali għall-ugwaljanza għandu jkollu biżżejjed persunal, għandu jkun iffinanzjat b'mod adegwat, u għandu jkollu l-indipendenza tiegħu rispettata u miżmuma; |
o
o o
79. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2) ĠU C 436, 24.11.2016, p. 51.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0338.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0072.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0309.
(8) Id-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni Parti I dwar “Dikjarazzjonijiet tal-Programmi għan-nefqa operattiva” li jakkompanja l-Abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2016)0300), p. 15.
(9) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, “Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ 2014 tal-Orizzont 2020”), ISBN 978-92-79-57749-9, p. 44.