25.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 263/64


P8_TA(2017)0074

Trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (2016/2012(INI))

(2018/C 263/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 19(1) u 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (1),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (COM(2015)0190),

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE fis-settur tal-assikurazzjoni, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-236/09 (Test-Achats(2),

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta' Marzu 2011 fil-Kawża C-236/09 (Test-Achats(3),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), u l-Artikolu 3 tagħha li jiddefinixxi 'ġeneru' bħala “r-rwoli, imġibiet, attivitajiet u attributi mibnija soċjalment li soċjetà partikolari tikkunsidra xierqa għan-nisa u l-irġiel”,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva” (COM(2016)0356),

wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tad-Direttiva 2004/113/KE li saret f'Jannar 2017 mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (4),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Equinet ta' Novembru 2014 bl-isem “Equality Bodies and the Gender Goods and Services Directive” (Korpi tal-Ugwaljanza u d-Direttiva dwar is-Sessi u l-Merkanzija u s-Servizzi),

wara li kkunsidra r-rapport tal-2014 tan-Netwerk Ewropew ta' Esperti Legali fil-Qasam tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi bl-isem “Gender Equality Law in 33 European Countries: How are EU rules transposed into national law?”, (Il-Liġi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi fi 33 Pajjiż Ewropew – Kif ġew trasposti r-regoli tal-UE fil-liġi nazzjonali?),

wara li kkunsidra r-rapport tan-Netwerk Ewropew ta' Esperti Legali fil-Qasam tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi ta' Lulju 2009 intitolat “Sex Discrimination in the Access to and Supply of Goods and Services and the Transposition of Directive 2004/113/KE” (Id-Diskriminazzjoni Sesswali fl-Aċċess għal u l-Provvista ta' Merkanzija u Servizzi u t-Traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/113/KE),

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-13/94 li d-dritt li wieħed ma jkunx diskriminat għal raġunijiet ta' sess jista' jinkludi diskriminazzjoni li tirriżulta minn tibdil tas-sess ta' persuna (5) u wara li kkunsidra wkoll l-istħarriġ dwar il-persuni LGBTI tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u r-rapport tagħha bl-isem “Professionally speaking: challenges to achieving equality for LGBT people” (Biex ngħiduha b'mod professjonali – l-isfidi għall-ksib tal-ugwaljanza għall-persuni LGBT), kollu dwar il-qasam tal-merkanzija u s-servizzi,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426) u l-pożizzjoni tal-Parlament tat-2 ta’ April 2009 dwar dan (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2016 dwar fatturi esterni li jirrappreżentaw ostakoli għall-intraprenditorija femminili Ewropea (7),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjonijiet tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0043/2017),

A.

billi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru, kemm diretta kif ukoll indiretta, fil-qasam tal-merkanzija u s-servizzi hija parti integrali mill-prinċipju ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li jikkostitwixxi valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u billi kemm it-Trattati kif ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tas-sess u jirrikjedu li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tiġi żgurata fl-oqsma kollha u fl-Istati Membri kollha tal-UE;

B.

billi d-Direttiva 2004/113/KE (minn hawn 'il quddiem “id-Direttiva”) testendi l-prinċipju ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa lil hinn mill-isfera tal-impjieg u s-suq tax-xogħol u ddaħħlu fil-qasam tal-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi;

C.

billi d-Direttiva tipprojbixxi kemm id-diskriminazzjoni diretta kif ukoll dik indiretta bbażata fuq is-sess fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi li huma disponibbli għall-pubbliku, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat;

D.

billi d-Direttiva hija applikabbli għall-merkanzija u s-servizzi kollha pprovduti bi ħlas, skont it-tifsira tal-Artikolu 57 tat-TFUE u skont il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE); billi r-rimunerazzjoni ma tridx neċessarjament tiġi pprovduta minn dawk li jingħatalhom is-servizz u tista' tiġi pprovduta f'forma ta' pagament indirett li mhux neċessarjament jinvolvi lill-konsumatur tas-servizz;

E.

billi fis-setturi tal-media u tar-reklamar, is-servizzi relatati mal-edukazzjoni u s-servizzi li huma pprovduti fl-isfera privata huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva; billi l-Istati Membri għandhom il-kompetenza leġiżlattiva li jiżguraw it-trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel f'oqsma oħra, u billi f'xi każijiet il-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur lil hinn minn dak li tirrikjedi d-Direttiva billi tkopri d-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fil-media, ir-reklamar u l-edukazzjoni;

F.

billi d-Direttiva ġiet trasposta fil-liġi nazzjonali tat-28 Stati Membri kollha; billi, skont ir-rapport tal-Kummissjoni, fl-2015, kien għadu għaddej djalogu intensiv dwar l-implimentazzjoni suffiċjenti tad-Direttiva ma' sitt Stati Membri;

G.

billi fis-sentenza Test-Achats, il-QtĠ-UE kkonkludiet li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva jmur kontra l-ilħiq tal-objettiv ta' trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel; billi din id-dispożizzjoni ġiet meqjusa bħala invalida b'effett mill-21 ta' Diċembru 2012 u b'riżultat ta' dan huma obbligatorji primjums u benefiċċji unisex fl-Istati Membri kollha;

H.

billi l-oqsma problematiċi ewlenin fl-implimentazzjoni tad-Direttiva jinkludu fehim restrittiv iżżejjed tal-kunċett ta' merkanzija u servizzi, ġustifikazzjonijiet wiesgħa u xi drabi mhux ċari ta' trattament inugwali fuq il-bażi tal-Artikolu 4(5) u protezzjoni insuffiċjenti għan-nisa għal raġunijiet ta' maternità u tqala;

I.

filwaqt li fil-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni huwa importanti li jiġu rrispettati drittijiet u libertajiet fundamentali oħra, inkluża l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-familja u t-transazzjonijiet imwettqa f'dak il-kuntest u l-libertà tar-reliġjon;

J.

billi d-Direttiva dwar Trattament Ugwali proposta fl-2008 se testendi l-protezzjoni mid-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' reliġjon jew twemmin, età, diżabilità u orjentazzjoni sesswali lilhinn mis-suq tax-xogħol għall-protezzjoni soċjali, inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, il-vantaġġi soċjali, l-edukazzjoni, u l-aċċess għal u l-provvista ta' prodotti u servizzi; billi s'issa l-Kunsill ma adottax il-pożizzjoni tiegħu dwar din il-proposta għal direttiva;

K.

billi, filwaqt li l-komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni bl-isem “Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva” tirrappreżenta punt ta' tluq tajjeb għall-promozzjoni u r-regolazzjoni ta' dan is-settur b'mod effettiv, hemm ħtieġa li tiġi inkorporata l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi u li jiġu riflessi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva f'analiżi u rakkomandazzjonijiet ulterjuri f'dan il-qasam;

L.

billi r-realizzazjoni tal-potenzjal sħiħ tad-Direttiva jiddependi minn integrazzjoni effiċjenti u konsistenti tal-perspettiva tal-ġeneri fis-setturi kollha rilevanti li tapplika għalihom;

M.

billi l-ħidma tan-Netwerk Ewropew għall-Korpi tal-Ugwaljanza hija kruċjali biex titjieb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali u tiġi kkoordinata l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki bejn l-entitajiet nazzjonali inkarigati mill-ugwaljanza fl-UE kollha;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.

Jinnota li l-applikazzjoni tad-Direttiva mhix uniformi u tvarja fl-Istati Membri u li, minkejja l-progress miksub f'dan il-qasam, għad hemm sfidi u lakuni fl-implimentazzjoni tagħha li jeħtieġ li jiġu indirizzati f'xi Stati Membri u f'ċerti setturi mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-indirizzar ta' kwalunkwe lakuni pendenti fl-implimentazzjoni fid-djalogu tagħhom mal-Istati Membri; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE u jirrakkomanda li appoġġ akbar mill-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, flimkien ma' gwida lill-industrija mill-Istati Membri, jistgħu jkunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva;

2.

Jinnota li l-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva b'dewmien twil mill-ewwel rapport tagħha fl-2009;

3.

Jinnota li, filwaqt li r-rapport tal-Kummissjoni jiddikjara li ma ġiet issinjalata l-ebda diffikultà fl-implimentazzjoni ta' diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva, din id-dikjarazzjoni hija bbażata fuq numru żgħir ħafna ta' każijiet ta' diskriminazzjoni rrapportati, u li kumplessivament hemm informazzjoni limitata ħafna u li l-ġbir tad-data f'dan il-qasam ivarja b'mod konsiderevoli fil-livell tal-Istati Membri;

4.

Jenfasizza li waħda mill-isfidi ffaċċjati f'xi Stati Membri hija n-nuqqas ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-protezzjonijiet mogħtija liċ-ċittadini kif minquxa fid-Direttiva fost dawk li jfasslu l-politika, il-fornituri tas-servizzi u ċ-ċittadini nfushom; jirrimarka li n-nuqqas ta' għarfien u sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej dwar id-Direttiva u d-dispożizzjonijiet tagħha jista' jirriżulta f'għadd iżgħar ta' lmenti dwar id-diskriminazzjoni bejn is-sessi; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati rilevanti biex iqajmu l-kuxjenza, potenzjalment f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-ħarsien tal-konsumatur, dwar id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva sabiex issaħħu l-perċezzjoni tal-importanza tat-trattament ugwali fil-qasam tal-merkanzija u s-servizzi;

5.

Jinnota li xi Stati Membri biss irrapportaw l-eżistenza ta' dispożizzjonijiet speċifiċi dwar azzjoni pożittiva; jistieden lill-Istati Membri jintegraw u jippromwovu aħjar id-dispożizzjonijiet dwar l-azzjoni pożittiva, li hija bbażata fuq għan leġittimu u taħdem biex tevita jew tikkumpensa l-inugwaljanzi fuq il-bażi tal-ġeneru, kif speċifikat fid-Direttiva;

Is-settur bankarju, finanzjarju u dak tal-assikurazzjoni,

6.

Jilqa' l-implimentazzjoni tas-sentenza Test-Achats fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-Istati Membri u l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ġiet emendata b'mod legalment vinkolanti; jirrimarka li għad hemm sfidi relatati mal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mas-sentenza, pereżempju fl-iskemi ta' assikurazzjoni medika u fir-rigward tal-eliminazzjoni sħiħa tad-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' tqala u maternità;

7.

Jenfasizza li l-effett ugwalizzanti fuq il-pensjonijiet tas-sentenza li pprojbixxiet fatturi attwarjali fuq il-bażi tal-ġeneru fil-kuntratti tal-assikurazzjoni u għamlet il-primjums u l-benefiċċji unisex obbligatorji fl-iskemi privati tal-assikurazzjoni, inklużi l-pensjonijiet; jinnota li, filwaqt li din is-sentenza tapplika biss għall-iskemi privati, ir-regola unisex fil-pensjonijiet tikkostitwixxi prattika tajba f'termini tat-tnaqqis tad-differenza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri; jilqa' d-deċiżjoni ta' xi Stati Membri li jmorru lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tas-sentenza billi jestendu r-regola unisex sabiex tkopri tipi oħra ta' assikurazzjoni u pensjonijiet, inklużi l-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f'dawn l-oqsma; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri l-oħra jikkunsidraw li jagħmlu dan huma wkoll, jekk ikun xieraq;

8.

Iqis li l-iżgurar tal-implimentazzjoni xierqa u sħiħa tas-sentenza huwa kruċjali; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja, permezz ta' rapporti perjodiċi, il-konformità ma' dawn ir-regoli fl-Istati Membri sabiex tiżgura li tiġi indirizzata kwalunkwe lakuna;

9.

Jenfasizza li d-Direttiva tipprojbixxi espressament l-użu ta' tqala u maternità bħala mod ta' differenzjazzjoni fil-kalkolu tal-primjums għall-finijiet ta' assikurazzjoni u servizzi finanzjarji relatati; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu sforz akbar u jsaħħu ċ-ċarezza fil-protezzjoni tad-drittijiet u l-benessri tan-nisa tqal f'dan il-qasam, jissalvagwardjawhom kontra spejjeż relatati mat-tqala li ma jkunux kwalifikati, peress li n-nisa tqal m'għandhomx jesperjenzaw spejjeż ogħla sempliċement fuq il-bażi tat-tqala tagħhom, u biex iqajmu l-kuxjenza fost il-fornituri tas-servizzi fir-rigward tal-protezzjoni speċjali mogħtija lin-nisa tqal; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jkun żgurat li l-perjodi tranżitorji f'tipi differenti ta' assikurazzjoni, speċjalment l-assikurazzjoni medika, ma jfixklux id-drittijiet tan-nisa tqal li jgawdu minn trattament ugwali matul il-perjodu tat-tqala;

10.

Itenni li d-dritt li wieħed ma jkunx diskriminat għal raġunijiet ta' ġeneru jista' jinkludi d-diskriminazzjoni li tirriżulta mit-tibdil fis-sess ta' persuna (8), u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li n-nisa u l-irġiel ikunu protetti kontra diskriminazzjoni għal dawn ir-raġunijiet; jenfasizza li d-Direttiva toffri protezzjoni f'dan ir-rigward u kwalunkwe speċifikazzjoni ulterjuri tista' ssir fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li 13-il Stat Membru għadhom ma adottawx dispożizzjonijiet legali diretti biex jipproteġu lill-persuni transġeneri, li għadhom jesperjenzaw id-diskriminazzjoni fil-provvista ta' u l-aċċess għal prodotti u servizzi, u jiġbed l-attenzjoni li l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet bħal dawn tista' tikkontribwixxi biex jiżdied l-għarfien dwar il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja d-diskriminazzjoni għal dawn ir-raġunijiet fir-rapporti futuri tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva;

11.

Jiddispjaċih li għad hemm prattiki diskriminatorji kontra n-nisa u prattiki diskriminatorji marbuta mat-tqala, il-pjanijiet għall-maternità u l-maternità f'termini ta' aċċess għas-servizzi pprovduti mis-settur tal-assikurazzjoni u dak bankarju;

12.

Jinnota li l-akbar diffikultà għall-imprendituri femminili biex ikollhom aċċess għall-finanzjament tista' parzjalment tkun relatata ma' diffikultà fil-bini ta' storja ta' kreditu u esperjenza maniġerjali suffiċjenti; jistieden lill-Istati Membri jikkollaboraw mas-settur finanzjarju biex jiżguraw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għall-kapital għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju; jistedinhom jesploraw il-possibilitajiet li jdaħħlu perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrutturi ta' rappurtar tagħhom dwar l-attribuzzjoni ta' self, fit-tfassil tal-profili ta' riskju tagħhom, il-mandati ta' investiment u l-istrutturi tal-persunal, u fil-prodotti finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Membri sabiex jadottaw miżuri effettivi b'eżempji prattiċi li jiżguraw li kulħadd ikun jista' jagħmel użu b'mod sħiħ u xieraq mid-Direttiva bħala mezz effettiv ta' protezzjoni tad-drittijiet tagħhom għal trattament ugwali fl-aċċess għall-prodotti u s-servizzi kollha;

13.

Jitlob li jkun hemm approċċ olistiku lejn l-intraprenditorija femminili, bil-għan li jinkoraġġixxi u jappoġġja lin-nisa jibnu karriera fl-intraprenditorija, jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi u l-opportunitajiet kummerċjali, u joħloq ambjent li jippermetti li n-nisa jilħqu l-potenzjal tagħhom u jsiru intraprendituri b'suċċess billi jiżgura, fost l-oħrajn, ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u l-ħajja personali, l-aċċess għal faċilitajiet ta' indukrar tat-tfal u taħriġ imfassal apposta;

Is-settur tat-trasport u l-ispazji pubbliċi

14.

Jinnota li filwaqt li l-projbizzjoni tal-fastidju, inkluż il-fastidju sesswali u dak fuq il-bażi tal-ġeneru, huwa inkorporat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, in-nisa u l-persuni transġeneru u intersesswali għadhom jesperjenzaw forom ta' abbuż fuq il-mezzi tat-trasport fuq bażi sistematika u frekwenti u hemm ħtieġa persistenti biex jitjiebu l-miżuri preventivi kontra l-fastidju, inkluża s-sensibilizzazzjoni fost il-fornituri tas-servizzi;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam; jitlob li wieħed jiffoka fuq dawk il-miżuri preventivi li huma konsistenti mal-prinċipju ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, kif rakkomandat pereżempju fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), li ma jillimitawx il-libertajiet tan-nisa u li jikkonċentraw primarjament fuq l-indirizzar tal-awturi potenzjali tar-reati aktar milli jimmodifikaw l-imġiba tan-nisa bħala vittmi potenzjali; jinnota li l-Konvenzjoni ta' Istanbul tiddikjara li t-twettiq de jure u de facto tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa element ewlieni fil-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u, għalhekk, jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsegwu dan l-approċċ komprensiv fil-politika tagħhom bil-għan li jeradikaw il-vjolenza fuq in-nisa, inkluża l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kontra l-fastidju deskritti fid-Direttiva; jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill javvanzaw fil-proċess tal-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni;

16.

Jiddispjaċih mill-fatt li l-ġenituri u l-indukraturi tat-tfal żgħar għadhom qed jaffaċċjaw ostakli fiżiċi għall-aċċess u ostakli oħra bħal aċċess insuffiċjenti għal faċilitajiet għall-bdil tal-ħrieqi fil-binjiet tal-fornituri tas-servizzi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet kemm tal-ommijiet kif ukoll tal-missirijiet biex igawdu opportunitajiet ugwali fil-kumpanija ta' wliedhom fil-binjiet tal-fornituri tas-servizzi; jenfasizza li t-trattament ugwali kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, bħala ġenituri u indukraturi ta' tfal żgħar, fl-aċċess għal u l-użu ta' servizzi huwa kruċjali għall-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod ġenerali peress li dan jippromwovi responsabilità ugwali u kondiviża għall-kura tat-tfal bejn in-nisa u l-irġiel; jappella, għalhekk, lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza fost il-fornituri tas-servizzi dwar il-ħtieġa li jkun hemm disponibbli faċilitajiet ugwali u sikuri għaż-żewġ ġenituri fil-binjiet tagħhom;

17.

Jinnota, barra minn hekk, li l-indukraturi, b'mod predominanti nisa, għandhom rekwiżiti ta' aċċessibilità speċifiċi u jħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ostakli u l-limitazzjonijiet kollha li jiltaqgħu magħhom in-nisa bħala l-utenti ewlenin tas-servizzi ta' trasport pubbliku u mill-indukraturi b'mod ġenerali, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Ħames Konferenza dwar Kwistjonijiet tan-Nisa fit-Trasport li saret f'Pariġi fl-2014; jenfasizza li, minkejja r-riċerka f'dan il-qasam, ingħatat attenzjoni limitata lill-iżvilupp ta' linji ta' politika speċifiċi għall-ġeneru fis-settur tat-trasport; jinnota li l-integrazzjoni tal-perspettiva sensittiva għall-ġeneru fl-istadji bikrija tal-ippjanar u l-istrutturar tal-mezzi ta' trasport u ta' spazji pubbliċi oħra, kif ukoll it-twettiq ta' valutazzjonijiet regolari tal-impatt fuq ġeneru jikkostitwixxu prattika tajba u effiċjenti għall-eliminazzjoni tal-ostakli fiżiċi li jxekklu l-aċċess ugwali għall-ġenituri u għall-indukraturi ta' tfal żgħar;

18.

Jirrimarka li t-trattament inugwali tan-nisa għal raġunijiet ta' maternità jew ta' tqala, inkluż it-treddigħ fil-binjiet tal-fornituri tas-servizzi, għadu jippersisti fl-Istati Membri kollha; iqis li l-protezzjoni tan-nisa għal raġunijiet ta' maternità u tqala, inkluż it-treddigħ, kif iggarantita mid-Direttiva teħtieġ li tissaħħaħ u tiġi implimentata bis-sħiħ fil-livell tal-Istati Membri; jirrimarka li l-fornituri tas-servizzi jridu jikkonformaw mal-prinċipji ta' gwida tad-Direttiva u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponiha;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-vetturi u l-infrastruttura tat-trasport pubbliku jkunu ugwalment aċċessibbli u adattati għal nisa u rġiel, mhux biss bħala utenti finali u passiġġieri, iżda wkoll bħala professjonisti li jaħdmu fis-settur;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-regoli tal-linji tal-ajru dwar l-awtorizzazzjoni tan-nisa tqal fuq it-titjiriet, u dwar l-għajnuna lilhom matul it-titjiriet, u tieħu passi biex il-linji tal-ajru jiġu mġiegħla jiżguraw approċċ armonizzat f'dan ir-rigward;

21.

Jistieden lill-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tal-Parlament dwar ir-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri fir-rigward tal-obbligu tal-operaturi tal-ajruport li jirritornaw prams lill-passiġġieri immedjatament wara l-iżbark, jew li jipprovdu mezzi alternattivi ta' trasport biex il-passiġġieri ma jkollhomx iġorru t-tfal tul l-ajruport, sakemm dawn jilħqu ż-żona tal-ġbir tal-bagalji;

22.

Huwa tal-fehma li l-offertà ta' netwerk ta' servizzi ta' appoġġ għall-maternità, partikolarment crèches u servizzi preskolari u ta' indukrar wara l-iskola, hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għall-prodotti u servizzi jiġi fil-fatt implimentat; huwa tal-fehma li dan in-netwerk għandu jinkludi livell ta' servizzi pubbliċi li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni;

23.

Jinnota li d-diskriminazzjoni u d-disparitajiet għadhom qed jiġu rreġistrati fl-aċċess għal prodotti u servizzi mediċi, u dan jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-aċċess għal servizzi tas-saħħa pubbliċi bla ħlas u ta' kwalità għolja;

L-ekonomija kollaborattiva

24.

Jenfasizza l-oqsma ġodda possibbli tal-applikazzjoni tad-Direttiva, b'mod partikolari bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni ta' ċerti servizzi u setturi kif ukoll il-proliferazzjoni ta' forom kollaborattivi ta' forniment tas-servizzi li biddlu l-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi, filwaqt li jinnota li d-Direttiva għadha applikabbli għall-isfera diġitali; jirrimarka li komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġiet ippubblikata dan l-aħħar bl-isem “Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva” għandha sservi bħala l-ewwel pass għall-promozzjoni u r-regolamentazzjoni ta' dan is-settur b'mod effettiv, u li fl-istadji ulterjuri l-Kummissjoni għandha tintegra l-prinċipji tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u tirrifletti r-regolamenti tad-Direttiva sabiex tissalvagwardja t-trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel u tevita b'mod effettiv il-fastidju fis-servizzi offruti fl-ekonomija kollaborattiva u tiżgura sikurezza adegwata;

25.

Jinnota li l-fastidju jirrapreżenta sfida għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tas-servizzi tal-ekonomija kollaborattiva; jenfasizza li filwaqt li politika ta' “tolleranza zero” fil-konfront tal-fastidju adottata minn ħafna pjattaformi tikkostitwixxi prattika tajba li trid tkompli tissaħħaħ fis-settur, hemm ħtieġa għall-pjattaformi kkonċernati li jipprijoritizzaw il-prevenzjoni tal-fastidju u li jiġi kkunsidrat li jinħolqu proċeduri ċari biex l-utenti jirrapurtaw każijiet ta' abbuż; jenfasizza l-ħtieġa għal kjarifika tad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabilità tal-fornituri ta' merkanzija u servizzi, inkluż f'istanzi ta' fastidju minn parti terza, u li l-pjattaformi online jiġu konnessi abbażi tad-Direttiva;

26.

Iqis li dawk is-servizzi offruti fl-ekonomija kollaborattiva li huma disponibbli għall-pubbliku u offruti għal profitt jaqgħu taħt il-mandat tad-Direttiva u għandhom, għaldaqstant, ikunu konsistenti mal-prinċipju ta' trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel;

27.

Jinnota, f'dan il-kuntest, li, fil-qasam diġitali, 'profitt' ma tfissirx neċessarjament il-flus u li d-data qed jintużaw dejjem aktar bħala korrispettiv għall-merkanzija u s-servizzi;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-ekonomija kollaborattiva fir-rapporti futuri tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva u toħroġ linji gwida speċifiċi li jidentifikaw prattiki tajba għas-salvagwardja tat-trattament ugwali ta' nisa u rġiel fis-servizzi offruti fl-ekonomija kollaborattiva;

It-trattament differenzjali

29.

Jirrimarka li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) uriet li hija sfida kbira fl-implimentazzjoni tad-Direttiva, billi tikkostitwixxi r-raġunijiet għall-akbar sehem ta' lmenti li jaslu lill-korpi tal-ugwaljanza fl-Istati Membri, prinċipalment b'rabta mas-settur tar-rikreazzjoni u d-divertiment;

30.

Jenfasizza li minkejja l-ambigwità dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva, l-għan prinċipali ta' din id-deroga huwa li toħloq opportunitajiet għal titjib ulterjuri tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-provvista ta' merkanzija u servizzi;

31.

Jinnota li hemm prattiki diverġenti, pereżempju fir-rigward ta' każijiet fejn is-servizzi jiġu offruti lill-membri ta' sess wieħed biss jew fejn ġie applikat ipprezzar differenzjali għall-istess servizzi; jenfasizza li l-applikazzjoni ta' trattament differenzjali għandha tkun ivvalutata fuq bażi ta' każ b'każ bil-għan li jiġi evalwat jekk hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu, kif speċifikat mid-Direttiva;

32.

Iħeġġeġ lill-korpi għall-ugwaljanza u l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur kemm biex iqajmu kuxjenza dwar il-limiti u l-kundizzjonijiet għat-trattament differenzjali fost il-fornituri tas-servizzi kif ukoll biex isaħħu l-għarfien dwar id-drittijiet għal trattament ugwali fost l-utenti tas-servizz, peress li spiss jiġi rrappurtat li l-utenti ma jkunux midħla tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-merkanzija u s-servizzi;

33.

Iqis li n-nuqqas relattiv ta' azzjoni pożittiva bbażat fuq l-Artikolu 4(5) fl-Istati Membri kollha jikkostitwixxi lakuna fl-implimentazzjoni tad-Direttiva; jitlob li jiġu promossi forom ta' azzjoni pożittiva bbażati fuq għan leġittimu, li fihom hemm rabta diretta bejn trattament preferenzjali u l-iżvantaġġi li għandhom jiġu evitati jew eliminati, bħall-protezzjoni tal-vittmi ta' vjolenza sesswali f'każijiet ta' djar ta' kenn għal persuni tal-istess sess;

34.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jikkunsidra l-għażliet kollha disponibbli biex jiżgura li l-proposta għal Direttiva dwar it-Trattament Indaqs tiġi adottata mingħajr aktar dewmien, biex b'hekk jiggarantixxi l-protezzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali b'mod ugwali;

Rakkomandazzjonijiet dwar it-titjib tal-applikazzjoni tad-Direttiva

35.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-indirizzar tal-kwistjonijiet ta' traspożizzjoni mal-Istati Membri kkonċernati permezz ta' miżuri konkreti u tappoġġjahom fl-implimentazzjoni tad-Direttiva b'mod aktar konsistenti;

36.

Jirrimarka li, filwaqt li l-korpi ta' ugwaljanza għandhom rwol kruċjali fil-monitoraġġ u l-iżgurar li d-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva jiġu eżerċitati b'mod sħiħ fil-livell nazzjonali, il-kompetenzi attribwiti tagħhom fir-rigward tal-provvista ta' u l-aċċess għal merkanzija u l-effettività biex jilħqu l-għanijiet mixtieqa jvarjaw; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu kompetenza u indipendenza suffiċjenti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u l-leġislazzjoni nazzjonali kif ukoll biżżejjed riżorsi għall-korpi nazzjonali ta' ugwaljanza sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw il-kompiti prinċipali tagħhom b'mod effettiv, li jinkludu l-għoti ta' assistenza indipendenti lill-vittmi tad-diskriminazzjoni biex jipproċedu bl-ilmenti tagħhom, it-twettiq ta' stħarriġijiet indipendenti, il-pubblikazzjoni ta' rapporti u rakkomandazzjonijiet indipendenti, is-sensibilizzazzjoni dwar id-Direttiva u li jisfidaw l-isterjotipi dwar ir-rwoli tal-ġeneri fil-provvista u l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi; jinnota li l-korpi nazzjonali ta' ugwaljanza għandhom jiġu appoġġjati b'mod adegwat fil-qadi ta' dmirijiethom fir-rigward tal-promozzjoni, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament ugwali b'mod indipendenti u effettiv;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-kooperazzjoni tagħha mal-korpi ta' ugwaljanza fil-monitoraġġ ta' jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti li jirrigwardaw il-kompetenzi tagħhom jiġux issodisfati fl-Istati Membri kollha u tipprovdi appoġġ sabiex jiġu identifikati sistematikament l-isfidi prinċipali u jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor l-aħjar prattiki u tagħmilhom disponibbli għall-Istati Membri bil-għan li tipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex tiġi appoġġjata l-azzjoni pożittiva u tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar tad-dispożizzjonijiet rispettivi fil-livell nazzjonali;

38.

Jiġbed l-attenzjoni li l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi ta' diskriminazzjoni jista' jitjieb billi l-korpi indipendenti għall-ugwaljanza jingħataw il-kompetenzi biex jipprovdu assistenza, inkluża għajnuna legali bla ħlas, u d-dritt li jirrappreżentaw lill-individwi f'kawżi ta' diskriminazzjoni allegata;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-effettività tal-korpi nazzjonali tal-ilmenti u tal-proċeduri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva u biex tiżgura li jkun hemm applikati mekkaniżmi effettivi u trasparenti, inklużi sanzjonijiet dissważivi;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-korpi tal-ugwaljanza, potenzjalment f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, biex iqajmu għarfien dwar id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fost kemm il-fornituri tas-servizzi kif ukoll l-utenti sabiex jiġi implimentat il-prinċipju ta' trattament ugwali f'dan il-qasam u jitnaqqas l-għadd ta' ksur mhux irraportat tad-Direttiva;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tan-nuqqasijiet persistenti fl-applikazzjoni prattika tad-Direttiva, titlob lin-Netwerk Ewropew ta' Esperti Legali, f'kooperazzjoni mal-korpi ta' ugwaljanza, jniedu studju komprensiv, b'kont meħud ukoll tal-forom intersezzjonali ta' inugwaljanzi fuq il-bażi tal-ġeneru u raġunijiet multipli ta' diskriminazzjoni li jinkludu varjetà ta' gruppi soċjali vulnerabbli, tkompli l-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħha u tappoġġja u tħeġġeġ lill-Istati Membri jiġbru u jipprovdu data sabiex jinkiseb il-potenzjal sħiħ tad-Direttiva; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-ġbir ta' data speċifiki li jkunu komprensivi u komparabbli dwar il-fastidju u l-fastidju sesswali fil-qasam tal-aċċess ugwali għall-merkanzija u s-servizzi sabiex jiddifferenzjaw bejn ir-raġunijiet tad-diskriminazzjoni, u f'dan ir-rigward iħeġġeġ kooperazzjoni mtejba mal-istituzzjonijiet rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi ta' data pubblika tal-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza rilevanti rigward it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel bħala mezz biex titqajjem il-kuxjenza dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali f'dan il-qasam;

42.

Jirrimarka li l-qasam tar-reklamar huwa marbut maż-żona ta' merkanzija u servizzi, li fil-parti l-kbira jiġu ppreżentati lill-konsumaturi permezz tar-reklami; jenfasizza s-sinifikat tar-reklamar fil-ħolqien, iż-żamma u l-iżvilupp tal-isterjotipi bbażati fuq il-ġeneri u ta' xbihat diskriminatorji tan-nisa; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fir-reklamar u tesplora l-bżonn u l-possibilitajiet li jitjieb it-trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-qasam tar-reklamar u biex jiġu promossi l-aħjar prattiki f'dan il-qasam; jilqa' r-regolamenti u l-linji gwida nazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-media, u jistieden lill-Istati Membri jsaħħu dawn id-dispożizzjonijiet, meta jkun meħtieġ, sabiex jiġi żgurat trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel;

43.

Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu djalogu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti li għandhom interess leġittimu fil-kontribuzzjoni għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru fil-qasam tal-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi;

44.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jintegraw approċċ ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri speċifika għas-settur fit-titjib tal-implimentazzjoni tad-Direttiva;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-monitoraġġ u l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva, tikkoordina aħjar ir-rekwiżiti tad-Direttiva mad-direttivi l-oħra dwar l-ugwaljanza;

o

o o

46.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

(2)  ĠU C 11, 13.1.2012, p. 1.

(3)  ĠU C 130, 30.4.2011, p. 4.

(4)  PE 593.787.

(5)  ECLI:EU:C:1996:170. Ara wkoll id-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, Addendum għall-eżitu tal-proċedimenti għall-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (st.15622/04 ADD 1).

(6)  ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 68.

(7)  Testi adottati. P8_TA(2016)0007.

(8)  Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, Addendum għall-eżitu tal-proċedimenti għall-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi.