25.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 263/28


P8_TA(2017)0063

Implimentazzjoni tal-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini”

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” għall-perijodu 2014-2020 (2015/2329(INI))

(2018/C 263/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jiddikjaraw li “kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni”, li “l-istituzzjonijiet għandhom, permezz ta' mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta' azzjoni kollha ta' l-Unjoni”, u li “l-istituzzjonijiet għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili”,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” għall-perijodu 2014-2020 (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE (2),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tal-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” għall-2007-2013 (COM(2015)0652),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta’ Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta’ rapport fuq inizjattiva proprja, u l-Anness 3 tagħha,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opnijonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0017/2017),

A.

billi l-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” huwa programm uniku u simboliku ħafna, peress li huwa eżerċizzju ta' smigħ dwar id-dibattitu tas-soċjetà ċivili u jistimola l-ħsieb kritiku dwar il-proġett Ewropew, l-istorja tiegħu u l-istorja tal-movimenti u l-ideat li ppromwovewh, u peress li jikkontribwixxi biex ikun hemm għarfien aħjar tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet Ewropew, u b'hekk itejjeb il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ċivika u demokratika fil-livell tal-Unjoni;

B.

billi l-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” għandu l-għan li jsaħħaħ sens ta' ċittadinanza u ta' appartenenza Ewropea, itejjeb is-solidarjetà, it-tolleranza reċiproka u r-rispett, jippromwovi fehim aħjar tal-UE, kif ukoll tal-oriġini, l-iżvilupp, il-valuri, l-istituzzjonijiet tagħha, u jrawwem djalogu attiv bejn iċ-ċittadini tal-UE; billi l-attivitajiet taħt il-programm jistgħu jitqiesu bħala parti mill-edukazzjoni informali tul il-ħajja fiċ-ċittadinanza;

C.

billi l-kampanja ta' “Euro għal kull ċittadin” għall-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” għandha l-għan li tibgħat messaġġ simboliku b'saħħtu biex tinstema' l-vuċi taċ-ċittadini fl-Ewropa;

D.

billi ż-żieda li qed naraw bħalissa fl-“Ewroxettiċiżmu” – li huwa rifless f'dawk il-forzi anti-Ewropej li qed jitfgħu f'dubju l-eżistenza tal-proġett Ewropew nnifsu u li dan l-aħħar laħqu l-kulminu tagħhom fil-votazzjoni favur Brexit – tenfasizza l-importanza ta' tali programmi u ssaħħaħ il-ħtieġa li jitrawwem l-iżvilupp ta' sens kondiviż ta' identità Ewropea, li ssir riflessjoni dwar x'wassal biex l-Unjoni Ewropea tilfet il-kredibilità tagħha, li tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni ċivika u biex jingħata bidu għal dibattitu fil-fond dwar il-valuri Ewropej, li għandu jinvolvi lis-soċjetà ċivili kollha u l-istituzzjonijiet stess – kif ukoll kampanja ta' taħriġ dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-UE – filwaqt li jiġu enfasizzati l-opportunitajiet li nħolqu bis-saħħa tal-appartenenza għall-UE;

E.

billi, qabel l-adeżjoni ta' pajjiż mal-Unjoni Ewropea, hija meħtieġa preparazzjoni profonda u olistika li tinvolvi kwistjonijiet b'rabta mat-tifkira, ir-rikonoxximent tal-passat u l-iżgurar tal-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-ħajja ċivika fil-pajjiż ikkonċernat;

F.

billi f'konformità mal-Artikolu 11 tat-TUE l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom l-obbligu li jagħtu liċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jiskambjaw pubblikament il-fehmiet tagħhom fl-oqsma kollha ta' azzjoni tal-Unjoni; billi din id-dispożizzjoni timplika wkoll l-obbligu li l-istituzzjonijiet tal-UE jipparteċipaw fi djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mas-soċjetà ċivili u d-dmir tal-Kummissjoni li twettaq konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati kollha;

G.

billi l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddetermina l-istatus fundamentali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jipprovdi d-dettalji dwar id-drittijiet marbuta magħha, u billi fehim aħjar tal-UE u l-valuri tagħha hija prekundizzjoni importanti biex tingħata s-setgħa liċ-ċittadini ħalli jibbenefikaw bis-sħiħ minn dawn id-drittijiet;

H.

billi ċ-ċittadinanza attiva, l-edukazzjoni għaċ-ċittadinanza u d-djalogu interkulturali huma kruċjali għall-bini ta' soċjetajiet miftuħa, inklużivi u reżiljenti;

I.

billi l-programm attwali huwa bbażat fuq l-Artikolu 352 tat-TFUE, li ta biss lill-Parlament id-dritt li jesprimi l-pożizzjoni tiegħu taħt il-proċedura ta' kunsens u li kien ikkontestat bil-qawwi mill-Parlament fil-mument li l-Kummissjoni ssottomettiet il-proposta peress li jikkontradixxi bil-kbir in-natura demokratika tal-programm;

J.

billi l-evalwazzjoni ex post imwettqa mill-Kummissjoni kkonfermat ir-rilevanza tal-objettivi tal-programm u l-fatt li, minħabba li huwa distint minn programmi oħra f'termini ta' ambitu, objettivi, attivitajiet u gruppi fil-mira, ippermetta inizjattivi li ma setgħux jiġu ffinanzjati band'oħra;

K.

billi wara t-tnaqqis baġitarju li rriżulta min-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, il-pakkett finanzjarju għall-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” naqas b'madwar EUR 29,5 miljuni, u billi l-pakkett finanzjarju limitat ta' EUR 185,47 miljun għall-programm jirrappreżenta biss 0,0171 % tal-QFP;

L.

billi ġie nnotat li l-Istati Membri għandhom it-tendenza li jiddiżimpenjaw ruħhom mill-kofinanzjament ta' dawn il-proġetti u li l-awtoritajiet lokali jsibu ruħhom f'diffikultajiet f'dawk li huma proġetti Ewropej b'rati ta' kofinanzjament għoljin;

M.

billi bħala konsegwenza tat-tnaqqis fil-pakkett finanzjarju, in-numru ta' proġetti li setgħu jiġu ffinanzjati fl-2014, naqas b'madwar 25 % meta mqabbel mal-programm preċedenti;

N.

billi t-tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll il-volontarjat, l-isports, l-arti u l-kultura, jipprovdu ħafna opportunitajiet għall-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza u għaċ-ċittadinanza attiva;

O.

billi huma meħtieġa aktar sinerġiji ma' programmi oħra u komunikazzjoni aħjar ma' DĠs oħra sabiex titnaqqas il-koinċidenza u jissaħħaħ l-impatt tal-programm;

P.

billi jeżisti valur ippruvat tal-ġemellaġġ internazzjonali eżistenti tal-bliet u l-muniċipalitajiet (Ġemellaġġ bejn il-Bliet – Netwerks ta' Bliet), li jtejjeb il-fehim reċiproku bejn iċ-ċittadini u jippromwovi l-ħbiberija u l-kooperazzjoni;

Konklużjonijiet prinċipali

1.

Jenfasizza li l-finanzjament ġenerali disponibbli (EUR 185,47 miljun) għall-uniku programm li huwa ddedikat kollu kemm hu għaċ-ċittadinanza Ewropea, jiġifieri l-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini”, huwa negliġibbli meta mqabbel ma' programmi edukattivi u kulturali oħra, bħall-Ewropa Kreattiva (EUR 1,46 biljun) u l-Erasmus+ (EUR 14,7 biljuni), bir-riżultat li l-applikanti jkunu ddiżappuntati fl-aspettattivi tagħhom;

2.

Jilqa' l-fatt li, matul l-ewwel sentejn taċ-ċiklu l-ġdid ta' finanzjament, il-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini”, li huwa mistenni li jnaqqas id-distakk bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini Ewropej, jidher li qed jaħdem sew, b'għadd dejjem jikber ta' applikanti, proġetti ta' kwalità għolja u implimentazzjoni tajba tal-proġetti;

3.

Jagħraf li l-ostaklu ewlieni għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-programm hija l-allokazzjoni finanzjarja insuffiċjenti u jiddispjaċih ħafna li naqset bi 13,7 % taħt il-QFP 2014-2020, li naqqas sew in-numru ta' proġetti ffinanzjati u li jfisser li d-domanda għolja ma tistax tintlaħaq, u dan jikkawża frustrazzjoni fost il-kandidati bi proġetti siewja;

4.

Jinnota li, minħabba restrizzjonijiet baġitarji, in-numru totali ta' proġetti ffinanzjati huwa żgħir wisq biex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi tal-programm u li fl-2015 madwar 6 % biss tal-proġetti ta' tifkira Ewropea u ta' soċjetà ċivili setgħu jiġu ffinanzjati, li huwa perċentwal żgħir wisq meta mqabbel mar-riżultati tal-programm Ewropa Kreattiva għall-istess sena (19,64 % għall-Kultura u 45,6 % għall-MEDIA); jindika li l-finanzjament għal dawn iż-żewġ oqsma tal-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” għandu jiżdied b'mod sostanzjali f'konformità mal-ambizzjonijiet tal-programm;

5.

Jirrikonoxxi s-suċċess tal-proġetti ta' ġemellaġġ ta' bliet madwar l-UE, u jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-iskema fost il-muniċipalitajiet u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni;

6.

Jilqa' l-bullettin tal-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” u d-databażi dwar il-proġetti ffinanzjati, varati mill-Kummissjoni;

7.

Jenfasizza l-fatt li l-punti ta' kuntatt nazzjonali (NCPs) tal-programm tal-“Ewropa għaċ-ċittadini” għandhom rwol importanti fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u fl-għoti ta' appoġġ u ta' gwida lill-applikanti potenzjali (b'mod partikolari għal dawk li jkunu qed japplikaw għall-ewwel darba f'pajjiżi fil-mira), kif ukoll assoċjazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tal-gvern lokali u ċentrali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

8.

Jilqa' l-approċċ multidixxiplinari tal-programm, il-formola ta' applikazzjoni ċara u sempliċi tiegħu u r-rekwiżiti ta' rappurtar u l-attenzjoni tiegħu fuq attivitajiet speċifiċi;

9.

Jilqa' l-fatt li l-prijoritajiet definiti għaż-żewġ oqsma tal-programm, “tifkira Ewropea” u “impenn demokratiku u parteċipazzjoni ċivika”, li qabel kienu jiġu modifikati kull sena, minn issa 'l quddiem saru pluriennali u se japplikaw matul il-bqija tal-perjodu tal-programm (2016-2020);

10.

Jagħraf il-fatt li l-impatt tal-programm jibqa' proporzjonalment għoli, kif jidher mill-fatt li fl-2015 madwar 1 100 000 parteċipant kienu involuti f'408 proġetti magħżula; iqis ukoll li n-numru għoli ta' applikazzjonijiet – 2 087 fl-2014 u 2 791 fl-2015 – u l-kwalità tal-proġetti jindikaw livell ta' interess għoli fil-programm u l-ħtieġa li jiġu ddedikati aktar riżorsi umani u finanzjarji lill-programm sabiex jiżdied in-numru ta' proġetti appoġġati;

Rakkomandazzjonijiet

Aspetti ġuridiċi tal-implimentazzjoni

11.

Jirrakkomanda li l-ġenerazzjoni li jmiss tal-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” għandha tiġi adottata b'bażi ġuridika li tippermetti lill-Parlament ikun involut fl-adozzjoni tal-programm bħala koleġiżlatur taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fuq l-istess livell bħall-Kunsill; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħseb dwar soluzzjonijiet possibbli biex tilħaq dan l-objettiv;

Aspett finanzjarju tal-implimentazzjoni

12.

Iqis li proġetti ta' kwalità għolja, bħalma huma proġetti ta' tifkira Ewropea u tas-soċjetà ċivili (rata ta' suċċess ta' 6 %, meta mqabbel mad-19,64 % għall-Kultura u l-45,6 % għall-MEDIA fil-programm Ewropa Kreattiva), ġew irrifjutati minħabba nuqqas ta' finanzjament suffiċjenti fil-Programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini”; rigward ir-rwol deċiżiv li dan il-programm jaqdi bħala prerekwiżit għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, iqis li tinħtieġ żieda sostanzjali fil-baġit attwali sabiex tintlaħaq rata fil-mira ogħla; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jqisu pakkett finanzjarju totali ta' madwar EUR 500 miljun għall-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” taħt il-QFP li jmiss, li jirrappreżenta biss EUR 1 għal kull ċittadin;

13.

Jirrikonoxxi l-għan komuni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ECI) u l-Progamm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” (EfC) u s-sinerġiji potenzjali li jeżistu bejniethom biex jippermettu liċ-ċittadini jipparteċipaw direttament fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE; jitlob madankollu lill-Kummissjoni tiżgura li l-ECI ma tiġix iffinanzjata taħt il-baġit limitat tal-programm EfC, kif inhu l-każ bħalissa, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu aktar involuti fis-sostenn finanzjarju għaż-żewġ azzjonijiet;

14.

Jinnota li s-sistema ta' somma sħiħa jew rata fissa għandha tqis id-differenzi fil-prezzijiet madwar l-UE, skont l-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri; jirrakkomanda li jitqiesu mill-ġdid kemm din l-iskema u kemm it-tnaqqis fil-finanzjament minn qabel bil-għan li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-proġetti ffinanzjati u jingħata appoġġ aħjar lill-kooperazzjoni fost l-amministrazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet lokali f'distanza usa', u b'mod partikolari biex jiġi ffaċilitat l-involviment ta' organizzazzjonijiet iżgħar b'kapaċità finanzjarja limitata u parteċipanti bi bżonnijiet speċjali;

15.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) jivvalutaw b'mod regolari l-impatt li għadd ta' arranġamenti baġitarji kellhom fuq l-applikanti u l-applikanti potenzjalment eleġibbli; jitlob, b'mod partikolari, valutazzjoni ta' jekk ir-rata mnaqqsa ta' prefinanzjament (minn 50 % għal 40 % għall-proġetti, u minn 80 % għal 50 % għall-għotjiet operattivi u għall-punti ta' kuntatt nazzjonali) applikata fl-2015, minħabba nuqqas kbir ta' approprjazzjonijiet ta' pagament, il-ħtieġa għal kofinanzjament u l-applikazzjoni tal-istess parametri indipendentement mill-għoli tal-ħajja u l-periferiċità ġeografika effettivi, setgħux poġġew, u jistax ikun li jkomplu jpoġġu, xi tipi ta' organizzazzjonijiet u Stati Membri partikolari fi żvantaġġ; jitlob, barra minn hekk, li dawn jiżviluppaw aktar strateġiji biex l-istituzzjonijiet Ewropej jitqarrbu lejn iċ-ċittadini u biex iċ-ċittadini jiġu informati aħjar dwar il-politiki varji tal-UE;

16.

Jinnota li għandu jiġi inkorporat parametru ieħor fis-sistema ta' somma sħiħa jew rata fissa, biex b'hekk il-persuni bi bżonnijiet speċjali jistgħu jiġu akkomodati b'mod aktar effettiv, peress li ħafna aktar membri tal-persunal u, ta' spiss, miżuri addizzjonali, li min-naħa l-oħra jiġġeneraw kostijiet ogħla, huma meħtieġa sabiex ikun possibbli li l-persuni b'diżabilità jipparteċipaw;

17.

Jenfasizza li l-għotjiet operattivi jiżguraw indipendenza lill-benefiċjarji (jiġifieri l-gruppi ta' riflessjoni) u joffru l-possibbiltà ta' ppjanar fit-tul sabiex jitwettqu attivitajiet orjentati lejn il-viżjoni u sabiex jiġi żviluppat għarfien espert; jirrakkomanda l-użu ta' kriterji speċifiċi, indikaturi u rappurtar annwali sabiex jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-għanijiet tagħhom u jiġi żgurat li dawn l-iskemi ta' finanzjament ma jwasslux biex il-benefiċjarju jsir dipendenti mill-Kummissjoni;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-EACEA biex b'mod pubbliku jagħtu rendikont tal-ispejjeż imġarrba permezz tal-qasam 3 dwar Azzjoni Orizzontali – Valorizzazzjoni – Analiżi, disseminazzjoni u l-użu tar-riżultati tal-proġetti;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-EACEA biex fir-rapport dwar l-evalwazzjoni interim, li għandu jitressaq sal-31 ta' Diċembru 2017, jinkludu valutazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni baġitarja u finanzjarja tal-programm u jisiltu lezzjonijiet minn din il-valutazzjoni bl-għan li jiġu definiti mill-ġdid l-għanijiet futuri u jiġu aġġustati r-rekwiżiti baġitarji tal-programm fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;

Aspetti ta' koordinazzjoni u komunikazzjoni

20.

Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor flimkien l-informazzjoni utli kollha dwar il-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” (gwida tal-programm, prijoritajiet, sejħiet għal proposti, proġetti attwali u tal-passat, eżiti u tagħlimiet miksuba, bullettin), flimkien mal-programmi, l-azzjonijiet, l-għotjiet u l-fondi strutturali kollha li jaqgħu taħt il-kappa taċ-ċittadinanza Ewropea (bħall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u s-Servizz Volontarju Ewropew), f'portal komunikattiv uniku u faċli għall-utent (pjattaforma onlajn ta' punt uniku ta' kuntatt), aċċessibbli wkoll għal persuni b'diżabilità; jirrakkomadna li din il-pjattaforma għandha tintuża bħala reġistru pubbliku tad-dettalji ta' kuntatt tal-benefiċjarji u bħala għodda li taċċessa d-deskrizzjonijiet tal-proġetti u biex issib imsieħba f'pajjiżi oħra;

21.

Jenfasizza li l-applikazzjonijiet miċħuda għandhom jitwieġbu b'mod sodisfaċenti, filwaqt li jiġu indikati r-raġunijiet għaċ-ċaħda, speċjalment meta l-entità li tkun ippreżentat l-applikazzjoni titlob spjegazzjoni; jissuġġerixxi li titqies, meta jkun possibbli, l-identifikazzjoni tal-kwistjonijiet ta' prijorità minn applikazzjonijiet simili miċħuda;

22.

Jirrimarka li ċerti objettivi tal-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” huma simili u komplementari għal dawk tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, b'mod partikolari l-aspirazzjoni li ċ-ċittadini jiġu involuti fix-xogħol tal-UE; jemmen, għal din ir-raġuni, li jridu jsiru sforzi biex ikun hemm approċċ komuni fit-tfassil tal-politiki tal-UE dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u d-demokrazija parteċipattiva, appoġġat minn strateġija ta' komunikazzjoni konsistenti, sabiex il-programmi tal-Kummissjoni relatati maċ-ċittadinanza Ewropea jiġu inklużi kollha f'qafas wieħed, possibilment billi jippromovu u jtejbu l-esperjenzi diretti u l-involviment taċ-ċittadini;

23.

Jissottolinja l-ħtieġa li tinħoloq lista miftuħa ta' sħab potenzjali f'kull Stat Membru bl-għan li jiġu ffaċilitati s-sħubijiet bejn dawk li jixtiequ jkollhom aċċess għall-programm Ewropa għaċ-Ċittadini;

24.

Jirrakkomanda wkoll il-ħolqien ta' pjattaforma online għall-organizzazzjonijiet ewlenin li jaħdmu fil-qasam taċ-ċittadinanza u jibbenefikaw mill-programm sabiex jinġabru l-prattiki tajba, jissaħħu l-kapaċitajiet u tissaħħaħ il-viżibilità ladarba l-proġetti jkunu saru;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-viżibilità tal-programm u tissensibilizza lill-pubbliku dwar l-objettivi tiegħu, billi timplimenta strateġija ta' komunikazzjoni għaċ-ċittadinanza Ewropea li tinvolvi lil dak li jkun bl-użu tan-netwerks soċjali, ir-radju, ir-reklamar fuq it-TV u l-billboards u billi ssaħħaħ l-impenn lokali permezz tal-involviment attiv tal-punti ta' kuntatt nazzjonali u taġġorna kontinwament il-kontenut u tikkomunika ma' udjenzi ġodda fil-pajjiżi parteċipanti, b'attenzjoni partikolari fuq dawk fejn il-livell ta' parteċipazzjoni huwa aktar baxx, kif ukoll fuq iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-persuni vulnerabbli;

26.

Huwa tal-fehma li l-programm għandu jservi wkoll biex jippubbliċizza l-kanali eżistenti ta' parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea, bħalma huma l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, il-fora taċ-ċittadini u l-konsultazzjonijiet pubbliċi, bl-għan li jżid l-għarfien tal-pubbliku dwar l-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni diretta fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE;

27.

Iħeġġeġ lill-pajjiżi parteċipanti jinnominaw punt ta' kuntatt nazzjonali jekk dan għadhom m'għamluhx; jirrakkomanda t-tisħiħ tal-koordinament u s-sinerġiji bejn dawn il-pajjiżi, l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

28.

Jirrikonoxxi li l-ikbar sfida hija li jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi attwali bil-fondi limitati disponibbli; jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-gvernijiet lokali jżidu l-effikaċja u l-popolarità tal-programm, foshtom billi jimmassimizzaw il-potenzjal tal-NCPs permezz tal-iskambju ta' esperjenzi mal-entitajiet responsabbli għal proġetti simili, bħal Erasmus+ u Ewropa Kreattiva; Iħeġġeġ lill-EACEA taġevola u tagħti spinta, fejn hu possibbli, lis-sinerġiji bejn programmi tal-UE bħalma huma Ewropa Kreattiva, Erasmus+ u l-Fond Soċjali Ewropew, biex ittejjeb l-impatt;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni iżżid jerġa' aktar l-isforzi tagħha f'dak li jikkonċerna s-simplifikazzjoni amministrattiva, meta jitqies li r-rekwiżiti formali xi drabi jkunu diffiċli biex jingħelbu min-naħa tal-organizzazzjonijiet partikolarment żgħar li m'għandhomx jiġu diskriminati għal raġunijiet burokratiċi;

30.

Jirrakkomanda li l-fondi allokati għall-komunikazzjoni jenħtieġ li ma jintużawx biex ikopru l-komunikazzjoni istituzzjonali tal-prijoritajiet tal-Unjoni, kif inhu stabbilit attwalment fl-Artikolu 12 tal-programm preżenti, iżda għandhom jintużaw biex jiġi ppubblikat il-programm innifsu fil-pajjiżi parteċipanti, speċjalment dawk li fihom il-livell ta' parteċipazzjoni huwa aktar baxx;

Fokus u objettivi tal-programm

31.

Jirrakkomanda li, fil-programm tal-ġenerazzjoni li jmiss, jiġi formalizzat l-approċċ pluriennali fid-definizzjoni tal-prijoritajiet u li jissaħħu s-sinerġiji fost l-oqsma u l-komponenti tal-programm; jenfasizza li kwalunkwe bidla fl-istruttura tal-programm għandha ssir b'tali mod li tipprevjeni l-possibbiltà ta' konfużjoni fost l-utenti aħħarin tiegħu, sitwazzjoni li tnaqqas l-impatt tiegħu;

32.

Jilqa' l-attenzjoni qawwija fuq iċ-ċittadini u l-aspetti soċjali tal-UE, li tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-UE jinvolvu ruħhom direttament mas-soċjetà ċivili fost il-pubbliku; jenfasizza, fil-kuntest tal-prijoritajiet tal-programm, l-importanza tal-proġetti ffukati fuq sfidi attwali għall-Ewropa, fuq kwistjonijiet bħad-diversità, il-migrazzjoni, ir-rifuġjati, il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, it-trawwim tal-inklużjoni soċjali, id-djalogu interkulturali, l-indirizzar tal-problemi ta' finanzjament u l-identifikazzjoni tal-wirt kulturali Ewropew komuni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-rabtiet bejn il-prijoritajiet tal-programm u l-politiki marbuta maċ-ċittadinanza Ewropea kif ukoll mal-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej;

33.

Isostni li l-programm għandu jilħaq firxa usa' ta' parteċipanti, jiggarantixxi l-parteċipazzjoni tal-persuni bi bżonnijiet speċjali, jippromwovi l-parteċipazzjoni tal-persuni emarġinati u ta' dawk imċaħħda minn drittijiethom, inklużi l-migranti, ir-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil;

34.

Huwa tal-fehma li, fejn ikun rilevanti, il-programm għandu jibni fuq inizjattivi eżistenti fil-livell taċ-ċittadini li rnexxew bħall-ġemellaġġi bejn il-bliet;

35.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li, fil-qasam “Tifkira Ewropea”, tiġi żviluppata identità Ewropea li jenħtieġ li tiġi orjentata lejn il-ġejjieni u mhux biss lejn l-imgħoddi, identità li hija wkoll plurali, transkulturali u miftuħa għall-flussi migratorji u l-influwenzi mill-bqija tad-dinja, bil-għan li tintlaħaq integrazzjoni komuni msejsa fuq il-valuri Ewropej u l-wirt sekulari u spiritwali Ewropew; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-istorja ma tintużax bħala strument ta' firda, iżda bħala opportunità biex jiġu indirizzati l-isfidi kontemporanji permezz tal-interpretazzjoni sensittiva u programmi ta' edukazzjoni mmirati u kapaċi; jenfasizza l-importanza li jitrawmu proġetti interġenerazzjonali li jippermettu l-iskambji tal-esperjenza bejn il-ġenerazzjoni anzjana u dik żagħżugħa;

36.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu mħeġġa proġetti li jippreżentaw formati ġodda ta' diskussjoni maċ-ċittadini, f'format u stil attraenti, u b'approċċ multidimensjonali;

37.

Jipproponi li l-Kummissjoni kull sena tippubblika rapport sintetiku li jkun fih il-proposti ewlenin għat-titjib tal-proġett Ewropew li jkunu ġew espressi mill-parteċipanti fil-proġetti ffinanzjati mill-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini”;

38.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-programm jiġi arrikit bi proposti dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku u fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, b'tali mod li jikkontribwixxi għall-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini biex jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom, pereżempju permezz tal-implimentazzjoni tad-demokrazija elettronika; jistieden lill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha biex, bil-għan li jilħqu dan, jiżviluppaw azzjonijiet u politiki għat-tisħiħ tal-ħiliet ta' ħsieb trasferibbli, kritiku u kreattiv kif ukoll il-litteriżmu diġitali u medjatiku u l-inklużjoni taċ-ċittadini tagħhom u l-istimular tal-kurżità tagħhom, speċjalment tat-tfal u ż-żgħażagħ, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-proċessi demokratiċi;

39.

Jirrimarka li parteċipazzjoni fil-programm mill-pajjiżi li qed ifittxu sħubija fl-UE tista' twassal għal fehim reċiproku aħjar u kooperazzjoni aktar mill-qrib; jirrakkomanda internazzjonalizzazzjoni akbar tal-programm, b'mod partikolari permezz ta' stedina lill-pajjiżi kollha tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), lill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), lill-pajjiżi fil-proċess ta' adeżjoni u lill-pajjiżi kandidati biex jingħaqdu flimkien mal-Istati Membri tal-UE biex japplikaw għal proġetti, u jitlob aktar kooperazzjoni bejn l-NGOs li huma mill-UE, mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tan-Nofsinhar u mill-pajjiżi kandidati potenzjali sabiex l-UE titqarreb lejn iċ-ċittadini tal-UE; jipproponi l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet fl-UE u fil-pajjiżi ġirien f'dak li jikkonċerna l-valuri Ewropej;

40.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żviluppat il-ġemellaġġ bejn il-bliet, b'enfasi partikolari fuq kif jista' jsir użu akbar tal-iskema, il-promozzjoni tagħha u r-riżultati tagħha, inkluża l-allokazzjoni adegwata ta' riżorsi finanzjarji;

o

o o

41.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 115, 17.4.2014, p. 3.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0005.