25.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 263/2


P8_TA(2017)0060

Obbligi fil-qasam tar-reċiproċità tal-viża

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-obbligi tal-Kummissjoni fil-qasam tar-reċiproċità tal-viża skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 (2016/2986(RSP))

(2018/C 263/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(4) tiegħu (“il-mekkaniżmu ta' reċiproċità”),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2016 bit-titolu “Sitwazzjoni attwali u l-modi possibli 'l quddiem rigward is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta' reċiproċità ma' ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika dwar il-viża” (COM(2016)0221),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2016 bit-titolu “Stat attwali u t-triq 'il quddiem possibbli fir-rigward tas-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' reċiproċità ma' ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika tal-viża (Segwitu għall-Komunikazzjoni tat-12 ta' April)” (COM(2016)0481),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016“L-istat attwali u t-triq 'il quddiem possibbli fis-sitwazzjoni tan-nuqqas ta' reċiproċità ma' ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika dwar il-viża (Segwitu tal-Komunikazzjoni tat-12 ta' April)” (COM(2016)0816),

wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 80, 265 u 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu dwar “L-obbligi fil-qasam tar-reċiproċità tal-viża” li sar fl-14 ta' Diċembru 2016 fi Strasburgu,

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-obbligi tal-Kummissjoni fil-qasam tar-reċiproċità tal-viża skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 (O-000142/2016 – B8-1820/2016),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-kriterju tar-reċiproċità tal-viża, bħala wieħed mill-kriterji li jiggwidaw il-politika tal-UE dwar il-viża, huwa ġeneralment mifhum li jfisser li ċ-ċittadini tal-UE għandhom ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet meta jivvjaġġaw lejn pajjiż terz li jiġu suġġetti għalihom iċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż terz meta jivvjaġġaw lejn l-UE;

B.

billi l-iskop tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità tal-viża huwa li tinkiseb tali reċiproċità tal-viża; billi l-politika dwar il-viża tal-UE tipprojbixxi li Stat Membru individwali jintroduċi rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz jekk dak il-pajjiż ikun elenkat fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 (pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mir-rekwiżit tal-viża għal soġġorni qosra);

C.

billi l-mekkaniżmu ta' reċiproċità ġie rivedut fl-2013, fejn il-Parlament aġixxa ta' koleġiżlatur, minħabba li kien jenħtieġ li jiġi adattat fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fuq bażijiet legali sekondarji u “biex jipprovdi rispons mill-Unjoni bħala att ta' solidarjetà, jekk pajjiżi terz elenkat fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 japplika ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta' għall-anqas Stat Membru wieħed” (Premessa 1 tar-Regolament (UE) Nru 1289/2013);

D.

billi l-mekkaniżmu ta' reċiproċità jistabbilixxi proċedura li tibda minn sitwazzjoni ta' nuqqas ta' reċiproċità bi skadenzi preċiżi u azzjonijiet li jridu jittieħdu bl-għan li tintemm sitwazzjoni ta' nuqqas ta' reċiproċità; billi l-loġika inerenti tiegħu tinkludi miżuri biex tiżdied is-severità vis-à-vis l-pajjiż terz ikkonċernat, inkluża, fl-aħħar mill-aħħar, is-sospensjoni tal-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat (“fit-tieni fażi tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità”);

E.

billi “sabiex jiġi żgurat l-involviment adegwat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fit-tieni fażi tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità, minħabba n-natura politika sensittiva tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini kollha ta' pajjiż terz elenkat fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 u l-implikazzjonijiet orizzontali tagħha għall-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati ta' Schengen u l-Unjoni nnifisha, b'mod partikolari għar-relazzjonijiet esterni tagħhom u għall-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen, is-setgħa biex jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea [ġiet iddelegata] lill-Kummissjoni fir-rigward ta' ċerti elementi tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità” inkluża s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat;

F.

billi “l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jirtira d-delega” (Artikolu 290(2)(a) TFUE);

G.

billi att delegat “jista' jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fiż-żmien stabbilit mill-att leġislattiv” (Artikolu 290(2)(b) TFUE);

H.

billi l-Kummissjoni kkontestat l-għażla ta' atti delegati fit-tieni fażi tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u billi l-Qorti kkunsidrat madankollu li l-għażla tal-leġiżlatur kienet korretta (Kawża C-88/14);

I.

billi l-mekkaniżmu b'hekk jassenja b'mod ċar l-obbligi u r-responsabbiltajiet lill-Parlament u lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fil-fażijiet differenti tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità;

1.

Jikkunsidra li l-Kummissjoni hija legalment obbligata tadotta att delegat – biex tissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li ma jkunux neħħew il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta' ċerti Stati Membri tal-UE – fi żmien 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifiki f'dan ir-rigward, liema skadenza ntemmet fit-12 ta' April 2016;

2.

Jitlob, abbażi tal-Artikolu 265 TFUE, lill-Kummissjoni, tadotta l-att delegat meħtieġ sa mhux aktar tard minn xahrejn mid-data tal-adozzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.