11.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2018/C 129/03)

Relatur: Christian MOOS

Konsultazzjoni

27.4.2017

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

8.11.2017

Adottata fil-plenarja

6.12.2017

Sessjoni plenarja Nru

530

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

138/0/12

1.   Konklużjonijiet

1.1.

Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ tirrikjedi impenn fit-tul minn diversi atturi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti ħafna fil-proċess. Is-soċjetà ċivili tikkontribwixxi għal reżiljenza soċjali u bbażata fuq il-valuri kontra r-radikalizzazzjoni.

1.2.

Jeħtieġ li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu aktar konxji dwar l-atturi tas-soċjetà ċivili bħala sħab minflok ma jużawhom bħala għodod biex jiġġieldu l-estremiżmu vjolenti. Fl-oqsma kollha tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, diġà jeżistu l-aħjar prattiki, programmi u inizjattivi ta’ prevenzjoni oħra, iżda dawn ma jirċievux biżżejjed appoġġ sostenibbli fit-tul u huma vulnerabbli għal tnaqqis fil-baġit.

1.3.

Il-KESE huwa favur l-adozzjoni ta’ approċċ li jinkludi diversi aġenziji għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li jirrikjedi bini tal-kapaċità estensiv fis-setturi kollha rilevanti. Dan ilaqqa’ flimkien lil dawk li jfasslu l-politika, l-istituzzjonijiet nazzjonali bħall-pulizija u l-ħabsijiet, l-assistenti soċjali (speċjalment il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ), l-akkademiċi u l-midja, l-intraprendituri u l-kumpaniji, kif ukoll ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata, inklużi organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-familji u organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali u b’enfasi partikolari fuq l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

1.4.

Jinħtieġ aktar appoġġ nazzjonali u Ewropew għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għal riżorsi baġitarji aktar sostenibbli fit-tul u għal koordinazzjoni, netwerking u implimentazzjoni tal-politika madwar l-UE kollha. Għalhekk, jeħtieġ li l-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu tingħata aktar konsiderazzjoni fir-rigward tal-involviment u l-appoġġ lill-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili, peress li tabilħaqq, il-politika u s-soċjetà jaqsmu r-responsabbiltà għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni. Il-Programm ta’ Responsabbilizzazzjoni tas-Soċjetà Ċivili, li tnieda taħt il-Forum tal-Internet tal-UE, jista’ jkun inizjattiva ta’ inkoraġġiment f’dan il-kuntest (1).

1.5.

Jeħtieġ li s-soċjetà ċivili u l-istrutturi tas-sħab soċjali jkunu aktar involuti fin-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (2). L-Istati Membri għandhom ikunu aktar proattivi fl-inkoraġġiment ta’ strutturi simili għar-RAN fil-livell reġjonali jew lokali.

1.6.

In-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN) u l-għodod li l-Kummissjoni għamlet disponibbli huma pass fid-direzzjoni t-tajba iżda jeħtieġ li dawn ikunu mmirati aktar lejn l-istrutturi tas-soċjetà ċivili lokali u jkollhom aktar persunal u riżorsi sabiex jgħaqqdu flimkien b’mod effiċjenti esperti mis-settur pubbliku u s-soċjetà ċivili organizzata.

1.7.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti u l-programmi tal-UE għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, inkluż in-Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika – netwerk kollaborattiv ta’ 26 Stat Membru li jikkondividi analiżi, prattiki tajba u ideat dwar l-użu ta’ komunikazzjonijiet strateġiċi fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti (3).

1.8.

It-trade unions għandhom rwol importanti, peress li dawn jirrappreżentaw ħaddiema fis-setturi pubbliċi rilevanti kollha. B’mod partikolari, il-persunal l-aktar espost għandu jiġi edukat dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi esperti tas-soċjetà ċivili.

1.9.

Il-KESE jilqa’ l-ħolqien tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni, li se jassisti lill-Kummissjoni fit-tisħiħ tar-reazzjoni għar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti permezz ta’ koordinazzjoni ta’ politika aħjar u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti, inkluża s-soċjetà ċivili.

1.10.

Pariri speċifiċi, servizzi ta’ appoġġ u netwerks li jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ sinjali tar-radikalizzazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jipprevjenu kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni għandhom isiru disponibbli mhux biss għall-persunal tas-servizzi pubbliċi bħalma huma l-iskejjel, iżda wkoll għall-familji.

1.11.

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ edukazzjoni formali u mhux formali inklussiva, li hija assolutament essenzjali għall-parteċipazzjoni attiva f’soċjetà diversa, għat-tagħlim ta’ ħsieb kritiku u għal-litteriżmu fil-midja kif ukoll għall-kontribut tagħha fir-reżiljenza tas-soċjetà kontra tendenzi antidemokratiċi, ksenofobiċi u populisti, li f’xi każijiet qed jiksbu aktar u aktar influwenza fuq diskors politiku tal-massa peress li dan jadatta għal sentimenti u fehmiet ksenofobiċi.

1.12.

Fl-isforzi sabiex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ tas-soċjetà ċivili li jipprovdu strutturi u opportunitajiet ta’ identifikazzjoni alternattivi, kif ukoll spazji sikuri għal djalogu, inkluż smigħ attiv u espressjoni personali u jsir investiment fihom.

1.13.

L-investiment biex jiġu indirizzati r-rati għoljin ħafna ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u l-instabbiltà tal-impjieg mifruxa sew f’ħafna pajjiżi tal-UE għandhom ukoll jitqiesu bħala mezz għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni. Barra minn hekk, il-KESE jappella biex tingħata prijorità ogħla għal investiment akbar fil-ġlieda kontra l-faqar u għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà, is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol.

1.14.

Il-KESE jenfasizza r-rwol kruċjali li għandhom il-komunitajiet reliġjużi kif ukoll ir-responsabbiltà soċjali tagħhom fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u jitlob li jkun hemm aktar impenn strateġiku fid-difiża tar-regoli u l-valuri ta’ demokrazija liberali u fil-promozzjoni ta’ djalogu interkulturali bbażat fuq il-valuri, il-paċi u n-nonvjolenza.

1.15.

L-isħubiji attivi man-negozji jistgħu jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni. Jeħtieġ li n-negozji tal-midja soċjali jiġu involuti wkoll fil-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda, il-fatti alternattivi u n-narrattivi estremisti fil-midja tagħhom.

1.16.

L-UE għandha turi l-interess qawwi tagħha fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tikkoopera aktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’pajjiżi terzi.

1.17.

Huwa importanti li jingħalqu l-flussi finanzjarji li jappoġġjaw strutturi estremisti fi ħdan l-UE u kif ukoll minn pajjiżi terzi li jmorru kontra l-isforzi mill-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni.

2.   Sfond

2.1.

Din l-opinjoni tittratta fit-tul, il-miżuri effettivi meħuda fi stadju bikri biex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ. Għall-finijiet ta’ din l-opinjoni, ir-radikalizzazzjoni hija mifhuma bħala proċess li permezz tiegħu l-individwi jew il-gruppi jsiru estremisti (4) eventwalment bl-użu, il-promozzjoni u l-appoġġ tal-vjolenza għall-finijiet tagħhom. Ir-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti hija proċess speċifiku li m’għandux jiġi konfuż mar-radikaliżmu politiku jew ideat jew azzjonijiet radikali mhux vjolenti jew oppożizzjoni demokratika leġittima. Hija marbuta b’mod intrinsiku mal-estremiżmu vjolenti, kif deskritt fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2015, u tista’ tinbet f’kuntesti differenti tas-soċjetà. L-opinjoni tenfasizza attivitajiet importanti mwettqa minn proġetti tas-soċjetà ċivili u kooperazzjoni bejn il-korpi tal-gvern, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, u jappella għal kontinwazzjoni tal-ħidma fuq kunċett tal-UE koerenti, inkluż appoġġ Ewropew, finanzjament u koordinazzjoni sostenibbli u effettiv.

2.2.

Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm bżonn li ssir ħidma fuq definizzjonijiet u fehim komuni bejn l-Istati Membri tal-UE u fost l-akkademja tal-fenomeni tar-radikalizzazzjoni, jew azzjoni vjolenti u antidemokratika, jew it-terroriżmu, u r-rabtiet bejn dawn il-kunċetti. Għalhekk, il-KESE għandu l-għan li jkompli janalizza dawn is-suġġetti mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili sabiex jipprovdi perspettivi ulterjuri għal dan is-suġġett.

2.3.

L-estremiżmu vjolenti mmotivat mill-ideoloġiji radikali għandu ħafna uċuh, iżda ħafna minnhom huma żgħażagħ. Spiss huma ż-żgħażagħ, li jiġu minn firxa wiesgħa ta’ sfondi soċjoekonomiċi u b’livelli differenti ta’ edukazzjoni, li jiġu reklutati. In-nisa żgħażagħ qed jiġu reklutati aktar ukoll.

2.4.

Iż-żgħażagħ vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni li tista’ twassal għal estremiżmu vjolenti, ta’ spiss iħossuhom maqtugħin u emarġinati mis-soċjetà jew imħawda minħabba kwistjonijiet ta’ identità u bidla. L-ideoloġiji radikali ta’ spiss isostnu li jipprovdu gwida, direzzjoni u appoġġ fil-ħajja ta’ kuljum u jikkumpensaw għas-sentimenti ta’ inferjorità minħabba diversi raġunijiet. Dan huwa fejn is-soċjetà ċivili jista’ jkollha rwol ewlieni billi tipprovdi alternattivi u b’mod aktar ġenerali, tikkontribwixxi għal reżiljenza soċjali u bbażata fuq il-valuri sostenibbli kontra r-radikalizzazzjoni.

2.5.

Il-proċess tar-radikalizzazzjoni jista’ jkun rapidu ħafna, billi ta’ spiss iseħħ fi żmien ftit ġimgħat jew xhur. Il-midja soċjali għandha rwol importanti, billi tipprovdi pjattaformi anonimi u rapidi għar-reklutaġġ u t-tixrid tal-propaganda.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-Istati Membri huma primarjament responsabbli għas-sigurtà domestika tagħhom. Madankollu, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni Ewropej ta’ miżuri adegwati ser isiru aktar diffiċli jekk il-koordinazzjoni fil-livell interistituzzjonali ma tkunx ċara u ma jkun hemm l-ebda approċċ ġenerali. Dan qed isir dejjem aktar problematiku minħabba l-fatt li t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni huma transkonfinali fin-natura tagħhom, u jirrikjedu aktar koordinazzjoni, netwerking u l-implimentazzjoni tal-politika madwar l-UE kollha.

3.2.

Mill-2005, l-inizjattivi kollha tal-UE kontra r-radikalizzazzjoni ġew implimentati skont l-Istrateġija tal-UE Kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu, li kienet aġġornata fl-2008 u aktar reċentement fl-2014. L-Istrateġija tal-UE hija riflessa wkoll fiż-żewġ komunikazzjonijiet tal-2014 (5) u l-2016 (6), kif ukoll f’bosta Konklużjonijiet tal-Kunsill (7), ir-rapport tal-Parlament Ewropew tal-2015 u l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-2016 (8). Saħansitra, jeħtieġ li l-Istrateġija tal-UE tagħti aktar konsiderazzjoni lill-involviment tal-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili u tappoġġjahom. Il-politika u s-soċjetà għandhom responsabbiltà komuni li jindirizzaw in-nuqqas ta’ kuntentizza li ż-żgħażagħ iħossu bil-valuri tas-sistema demokratika liberali u li jiġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni tagħhom.

3.3.

Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tieħu kreditu talli rrikonoxxiet, fi stadju bikri ħafna, l-importanza ta’ approċċ ġenerali għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni. Il-Kummissjoni ddikjarat l-appoġġ tagħha għall-iskambju madwar l-UE kollha ta’ esperjenzi u l-aħjar prattiki permezz ta’ RAN. Fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tat-28 ta’ April 2015 (9), il-Kummissjoni pprevediet it-twaqqif ta’ Ċentru ta’ Eċċellenza tar-RAN, li ġie stabbilit fl-1 ta’ Ottubru 2015. Għandha ssir referenza speċjali għall-Forum tal-Internet tal-UE li tnieda fit-3 ta’ Diċembru 2015. Il-linji gwida riveduti għall-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea Kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu tal-24 ta’ Mejju 2017 (10) jikkonformaw b’mod aktar effettiv mal-esperjenzi u r-rakkomandazzjonijiet tar-RAN u għalhekk, jimmiraw ukoll lejn l-involviment akbar tas-soċjetà ċivili f’approċċ li jinkludi diversi aġenziji.

3.4.

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti (11), il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li se tressaq proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali. Il-KESE jappoġġja dawn il-pjani u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tabbozza u tippreżenta tali proposta fil-futur qarib.

3.5.

Bl-għan li ssaħħaħ l-isforzi biex tipprevjeni u tiġġieled ir-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu u biex ittejjeb il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti, il-Kummissjoni waqqfet grupp ta’ esperti ta’ livell għoli fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni (Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni). Dan il-grupp se jagħti pariri dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-politiki tal-UE fil-qasam tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu u dwar l-għażliet għal kooperazzjoni aktar strutturata fil-futur bejn il-partijiet ikkonċernati differenti, inklużi l-prattikanti u l-Istati Membri f’dan il-qasam.

3.6.

Madankollu, il-KESE jqis li l-inizjattivi tal-UE u tal-Istati Membri għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, kif ukoll il-passi meħuda biex jimplimentawhom, għadhom insuffiċjenti. Il-maġġoranza tal-politiki attwali tal-UE jagħtu wisq importanza lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala għodod (minflok bħala sħab) fil-ġlieda kontra l-estremiżu vjolenti (pereżempju bħala għodod għall-iżvilupp ta’ kontronarrattiva onlajn). Barra minn hekk, huwa jqis li dawn qegħdin jiġu xprunati prinċipalment minn avvenimenti ta’ “kriżi” bħalma huma attakki terroristiċi matul dawn l-aħħar snin, bir-riżultat li dawn jidhru li ffukaw b’mod predominanti fuq it-terroriżmu Iżlamiku u politika tas-sigurtà punittiva (12) meta fil-verità hemm iktar theddid estremist li jabbuża r-reliġjon bħala ġustifikazzjoni u minn gruppi estremisti politiċi. Minflok, jeħtieġ li jsir investiment fi sforzi ta’ prevenzjoni fit-tul u sostenibbli. Fl-opinjonijiet tiegħu dwar “Il-linja politika tal-UE Kontra t-Terroriżmu” (2011) (13) u dwar l-Aġenda tal-UE għall-2030 (14), il-KESE kien diġà talab lis-soċjetà ċivili u lill-partijiet ikkonċernati lokali biex jinvolvu ruħhom aktar u biex jingħatalhom aktar appoġġ istituzzjonali (15), peress li dawn għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-fiduċja, l-impenn soċjali u l-inklużjoni demokratika fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE huwa ferm favur l-adozzjoni ta’ approċċ li jinvolvi diversi aġenziji lejn il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni. Dan se jeħtieġ bini tal-kapaċità estensiv fis-setturi rilevanti kollha. Għalhekk, l-approċċ li jinvolvi diversi aġenziji jlaqqa’ flimkien lil dawk li jfasslu l-politika, l-istituzzjonijiet nazzjonali bħalma huma l-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi u l-ħabsijiet, l-assistenti soċjali, l-akkademiċi u l-midja u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata, kif ukoll organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali fil-qasam, bħalma huma l-pulizija, il-ħabs u t-trade unions tal-għalliema.

4.2.

Il-KESE jenfasizza r-rwol tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u jinnota li l-kontribut ġenerali tagħha m’għandux tkun limitat minn kunsiderazzjonijiet ta’ politika ta’ sigurtà. Din l-opinjoni ssemmi eżempji ta’ attivitajiet tas-soċjetà ċivili u proġetti li jikkontribwixxu għal aktar sostenibbiltà soċjali u inklużjoni. Din hija waħda minn għadd ta’ oqsma fejn is-soċjetà ċivili tagħti kontribut kbir li jmur ferm lil hinn minn kwalunkwe miżura ta’ politika ta’ sigurtà konċepibbli.

4.3.

Għalhekk, il-KESE jilqa’ n-netwerk ta’ dawk li jfasslu l-politika għall-prevenzjoni fil-livell nazzjonali, stabbilit mill-Kummissjoni fi Frar 2017, bil-għan li jżid l-iskambju ta’ għarfien u esperjenza fl-Istati Membri u jintensifika l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f’attivitajiet tar-RAN. Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni li għadu kif twaqqaf huwa pass ulterjuri lejn it-tisħiħ ta’ dan l-iskambju fost il-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti.

4.4.

L-Istati Membri għandhom jużaw bis-sħiħ l-istrumenti u l-programmi tal-UE għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u huma stess għandhom jipprovdu riżorsi baġitarji adegwati, li hemm nuqqas tagħhom kważi kullimkien. Jekk ir-riżultati għandhom ikunu sostenibbli, il-miżuri għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni jirrikjedu impenn fit-tul.

4.5.

B’mod partikolari, it-trade unions għandhom rwol importanti, peress li dawn jirrappreżentaw il-persunal l-aktar espost fis-setturi rilevanti kollha u jistgħu jipprovdu taħriġ u servizzi lill-membri tagħhom. Għalhekk, il-KESE jitlob lis-servizzi pubbliċi u lill-assistenti soċjali biex ikollhom biżżejjed persunal u riżorsi fil-livelli kollha, speċjalment fil-livell lokali. Pereżempju, iż-żieda fil-preżenza tal-pulizija f’postijiet li jinsabu f’riskju ta’ kriminalità tista’ tipprevjeni l-ħolqien ta’ spazji llegali b’livelli għolja ta’ vjolenza.

4.6.

Edukazzjoni formali u informali inklussiva hija kruċjali għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà. Din tista’ tistabbilixxi soċjetajiet tolleranti u pluralistiċi billi tippromwovi s-sensibilizzazzjoni dwar il-valuri liberali u umanistiċi u standards ibbażati fuq id-demokrazija u l-istat tad-dritt. L-iskola, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll l-inizjattivi tal-ħidma fost iż-żgħażagħ huma istituzzjonijiet ewlenin li jista’ jkollhom rwol fil-prevenzjoni bikrija tar-radikalizzazzjoni jekk dawn jgħallmu l-ħsieb kritiku u l-litteriżmu fil-midja (16) u, flimkien ma’ swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw, jippromwovu integrazzjoni soċjali billi joffru prospetti tajba, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ. Waħedhom, sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ tajba ma jistgħux jipprevjenu r-radikalizzazzjoni, iżda jistgħu jżidu r-reżiljenza kontriha.

4.7.

Barra minn hekk, il-ħidma edukattiva għandha tiġi intensifikata wkoll lil hinn mis-sistema skolastika statali u l-inizjattivi rilevanti tas-soċjetà ċivili għandhom jingħataw aktar appoġġ sabiex tinħoloq sensibilizzazzjoni interkulturali u, fl-istess ħin, impenn ċar għal-libertà, id-demokrazija liberali u l-istat tad-dritt. Approċċ informat għall-kulturi u r-reġjuni differenti tad-dinja, b’mod partikolari fil-kuntest tal-migrazzjoni tal-kriżi, iżda li jwassal ukoll għal fehim mhux negozjabbli tal-valuri tas-soċjetà tagħna bħalma huwa r-rwol tal-irġiel u n-nisa, abbażi tal-ugwaljanza u l-opportunitajiet indaqs, jista’ jikkontribwixxi b’mod attiv għall-prevenzjoni.

4.8.

B’mod aktar partikolari, għandu jkun hemm aktar investiment fil-ħidma fost iż-żgħażagħ tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom jipprovdu attivitajiet kulturali, tal-isports u attivitajiet oħrajn ta’ divertiment, bil-għan li jiġu pprovduti strutturi u opportunitajiet ta’ identifikazzjoni alternattivi, kif ukoll spazji għal djalogu u espressjoni personali.

4.9.

Kif diġà rrimarka l-KESE (17), minbarra s-settur tal-edukazzjoni tal-istat, is-soċjetà ċivili organizzata, b’mod partikolari, tagħti kontribut ewlieni għall-iżvilupp ta’ kontromessaġġi u kontronarrattivi ta’ kwalità għolja għall-“offerti” li saru minn gruppi radikali. Il-komunitajiet reliġjużi u, fuq kollox, ix-xhieda, il-vittmi u s-superstiti minn reġjuni ta’ konflitt kif ukoll dawk li abbandunaw gruppi estremisti, jistgħu jagħtu kontribut siewi billi jaġixxu bħala mudelli. Huwa preċiżament minħabba l-fatt li dawn għandhom rwol ewlieni fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, li s-sistemi edukattivi, is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali jeħtieġu ħafna aktar għajnuna, appoġġ u finanzjament fit-tul.

5.   Rakkomandazzjonijiet speċifiċi

5.1.

B’mod partikolari, il-Kumitat jappoġġja l-inizjattiva għall-promozzjoni ta’ djalogu ma’ dawk li jfasslu l-politika fil-livell Ewropew u nazzjonali u jitlob li fil-livelli kollha, jitwaqqaf qafas formali għal skambji regolari, filwaqt li jiġi żgurat li r-RAN ikun jista’ jipprovdi rakkomandazzjonijiet prattiċi lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej. Barra minn hekk, tixrid aktar sistematiku tar-rakkomandazzjonijiet u l-eżiti tiegħu jista’ jimmassimizza l-impatt tiegħu fil-livelli kollha. Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar ir-radikalizzazzjoni se jipprovdi rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward.

5.2.

F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-idea li jinġiebu flimkien ħarsiet ġenerali f’kull Stat Membru ta’ programmi ta’ prevenzjoni u ta’ ħruġ eżistenti. Tali ħarsiet ġenerali jistgħu jsiru disponibbli wkoll fil-livell Ewropew, pereżempju permezz tar-RAN, bil-għan li jittejjeb id-djalogu bejn il-korpi tal-gvern u l-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili, filwaqt li jinħolqu sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni fost il-programmi. Jeħtieġ li l-informazzjoni dwar dawn l-inizjattivi tittejjeb b’mod sinifikanti madwar l-UE.

5.3.

Is-soċjetà ċivili u l-istrutturi tas-sħab soċjali li huma interessati jew li huma diġà attivi fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni għandhom ikunu aktar involuti fir-RAN. Barra minn hekk, jinħtieġ li l-istrutturi simili għar-RAN fil-livell reġjonali jew lokali jkomplu jiġu mħeġġa mill-Istati Membri.

5.4.

Il-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili u l-korpi l-assoċjazzjonijiet governattivi, inklużi l-klabbs sportivi u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-familji, l-iskejjel, l-organizzazzjonijiet u l-attivitajiet taż-żgħażagħ, il-komunitajiet reliġjużi, is-servizzi soċjali u l-pulizija jeħtieġ li jaħdmu flimkien billi jadottaw approċċ integrat u interdixxiplinari, sabiex l-istrateġiji għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni jkunu jistgħu jinbdew fi stadju bikri. Għalhekk, b’mod partikolari, jeħtieġ li l-persunal l-aktar espost, fl-oqsma kollha rilevanti, jiġi edukat fir-rigward tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-istrutturi esperti tas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, il-korpi konsultattivi u n-netwerks rilevanti għandhom isiru aċċessibbli għall-persunal, filwaqt li jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ sinjali ta’ radikalizzazzjoni u fl-istess ħin jipprevjenu kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.

5.5.

L-awtoritajiet lokali u l-amministrazzjonijiet tagħhom għandhom rwol partikolarment importanti, peress li dawn jistgħu jlaqqgħu flimkien il-partijiet ikkonċernati lokalment. Mekkaniżmi ta’ finanzjament eżistenti fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali għandhom jissaħħu u jsiru aċċessibbli permezz ta’ tnaqqis fl-ostakoli burokratiċi u għandhom jiżdiedu finanzjamenti sostenibbli estensivi.

5.6.

Il-KESE jitlob li jkun hemm aktar investiment fl-edukazzjoni, fis-sistemi ta’ taħriġ, fil-ħidma fost iż-żgħażagħ u f’faċilitajiet ta’ ħin liberu li jippromwovu l-integrazzjoni u l-valuri demokratiċi kondiviżi madwar l-UE.

5.7.

L-Istati Membri jinvestu ftit wisq biex jipprovdu opportunitajiet eċċellenti għaż-żgħażagħ u b’hekk fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni, li jistgħu jiġu kkawżati minn marġinalizzazzjoni soċjali u nuqqas ta’ opportunitajiet, ikkawżati pereżempju meta wieħed jitlaq kmieni mis-sistemi edukattivi. B’mod globali, il-miżuri li jindirizzaw ir-rati għoljin ħafna ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u l-kondizzjonijiet prekarji tal-impjieg f’ħafna pajjiżi tal-UE għandhom ukoll jitqiesu bħala mezz għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni.

5.8.

Kwistjonijiet bħall-identità, il-kunflitti speċifiċi għas-sessi u dawk kulturali marbuta mar-rwoli, il-lok għal kunflitt soċjoekonomiku u l-immigrazzjoni kif ukoll id-diskriminazzjoni, l-esklużjoni soċjali u l-bullying, li jistgħu jiġu sfruttati fil-propaganda estremista u minn gruppi estremisti, għandhom jingħataw konsiderazzjoni akbar fl-edukazzjoni skolastika u l-programmi ta’ taħriġ ta’ impjegati tal-Istat, bħalma huma dawk tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-ħabsijiet. Madankollu, is-suġġetti ewlenin f’dan ir-rigward, bħall-edukazzjoni ċivika, jingħataw ftit wisq konsiderazzjoni fil-kurrikulu tal-istudju ta’ bosta pajjiżi tal-UE. L-iżvilupp tal-ħiliet tal-midja jibqa’ jkun essenzjali fl-użu tal-Internet u l-midja soċjali fost iż-żgħażagħ, il-ġenituri u l-għalliema.

5.9.

Mhumiex biss iż-żgħażagħ affettwati mill-faqar jew mill-qgħad li huma vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni, iżda l-privazzjoni materjali u n-nuqqas ta’ opportunitajiet u parteċipazzjoni attiva jistgħu jwasslu għall-esklużjoni soċjali, li sussegwentement isiru “tieqa” għal dawk ir-radikalisti li jirreklutaw. Minbarra l-investiment akbar fl-indirizzar tal-faqar, il-KESE (18) jitlob li tingħata prijorità akbar lill-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà, fis-sistemi edukattivi u fis-suq tax-xogħol. Il-KESE jtenni t-talba tiegħu fir-rigward ta’ sistemi robusti ta’ integrazzjoni fl-Istati Membri, li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-provvediment ta’ taħriġ vokazzjonali u tal-lingwa bħala għodod ta’ integrazzjoni u jirrifjuta kull tip ta’ diskriminazzjoni etnika u reliġjuża (19).

5.10.

Pariri speċifiċi u servizzi ta’ appoġġ huma importanti ħafna għall-familji taż-żgħażagħ li qegħdin jiġu radikalizzati. B’mod simili, jekk dawn il-familji jindunaw b’xi tibdil fi qraba żgħażagħ li jindika radikalizzazzjoni, dawn għandu jkollhom aċċess għal persuni ta’ kuntatt u netwerking rilevanti. Minħabba l-aċċessibbiltà tagħhom, l-organizzazzjonijiet u l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili jeħtieġu b’mod partikolari appoġġ fit-tfassil ta’ programmi għal djalogu u skambju ta’ għarfien maż-żgħażagħ marġinalizzati u l-familji tagħhom.

5.11.

Il-programmi għall-ġlieda kontra l-vjolenza domestika jgħinu sabiex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni, minħabba li l-esperjenzi ta’ vjolenza domestika jistgħu joħolqu mudelli foloz u fehim falz tar-rwoli, filwaqt li ta’ spiss iħeġġu l-kriminalità. Dawn jeħtieġu wkoll aktar appoġġ istituzzjonali u finanzjarju.

5.12.

Sħubijiet attivi man-negozju jistgħu jikkontribwixxu għall-prevenzjoni. Dan huwa speċjalment minnu għas-settur tal-ICT. Għodod innovattivi, bħalma huma dawk offruti mill-midja soċjali u l-Internet, jistgħu jgħinu fit-tixrid ta’ kontronarrattivi permezz ta’ opzjonijiet bi ftit ħlas jew idealment mingħajr ħlas. In-negozji jistgħu jgħinu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-prattikanti japprofittaw mill-komunikazzjoni professjonali tagħhom u l-ħiliet fil-midja u jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ reklamar u kampanji mmirati.

5.13.

Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-fornituri onlajn jiġu involuti fil-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda, il-fatti alternattivi u n-narrattivi estremisti fil-midja tagħhom u għandhom ikunu obbligati li jneħħu kontenut estremist illegali mis-siti tagħhom. Madankollu, is-sorveljanza ta’ dawn il-komunikazzjonijiet m’għandhiex tiżviluppa fi strument li jista’ jkollu impatt fuq il-privatezza tal-pubbliku ġenerali (20).

5.14.

F’dan ir-rigward, l-Istati Membri huma mitluba jiżviluppaw il-ħiliet ta’ komunikazzjoni u tal-midja tal-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili sabiex jiġu żviluppati u jsiru disponibbli miżuri xierqa għall-ġlieda kontra t-tixrid ta’ kontenut radikali li jinċita l-vjolenza għal professjonisti u proġetti oħrajn. Mod ta’ kif jista’ jintlaħaq dan l-għan huwa billi l-Istati Membri jikkontribwixxu fuq bażi sostenibbli għall-Programm ta’ Responsabbilizzazzjoni tas-Soċjetà Ċivili.

5.15.

Il-KESE jitlob li jkun hemm aktar finanzjament għar-riċerka, li l-UE diġà tagħmel disponibbli permezz tal-programmi ta’ riċerka tagħha għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni – b’konnessjoni, pereżempju, maċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tar-RAN – u li jkun hemm aktar netwerking bejn l-akkademiċi u l-esperti tas-soċjetà ċivili fil-qasam.

5.16.

Ta’ spiss, ir-radikalizzazzjoni sseħħ fi ħdan is-sistema tal-ħabsijiet. L-ambjent tal-ħabs jgħaqqad numru ta’ fatturi ta’ riskju bħal konċentrazzjoni ta’ nies, sitwazzjonijiet personali ta’ esklużjoni, id-disponibbiltà eċċessiva ta’ żmien, eċċ. Hemm bżonn ta’ intervent proattiv biex jiġi faċilitat it-taħriġ adatt tal-ħaddiema tal-ħabs u li jippermettilhom li jidentifikaw is-sitwazzjonijiet ta’ riskju. Hemm esperjenzi pożittivi li għandhom jinstabu f’dan il-qasam, kif ukoll mekkaniżmi tajba biex jipprevjenu tali sitwazzjonijiet. Sabiex jintlaħaq dan, jeħtieġ li l-ħabsijiet ikunu ta’ daqs xieraq u jkollhom persunal ikkwalifikat u għandu jkollhom proporzjon adegwat ta’ ħaddiema tal-ħabs u ħabsin sabiex jgħinu fil-promozzjoni tar-riabilitazzjoni. Ir-rwol tat-trade unions f’dan is-settur jista’ jkompli jissaħħaħ, pereżempju fl-organizzazzjoni ta’ taħriġ u t-tixrid ta’ tagħlimiet meħuda permezz tar-RAN.

5.17.

L-uffiċjali pubbliċi mill-awtoritajiet ta’ sigurtà, il-ħabsijiet, il-ħidma soċjali u l-iskejjel u istituzzjonijiet tal-istat rilevanti oħra li għandhom bosta rabtiet mas-soċjetà ċivili organizzata, għandhom jadottaw approċċ li jinvolvi diversi aġenziji, filwaqt li jmorru lil hinn mill-miżuri punittivi permezz ta’ aktar taħriġ dwar il-prevenzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar is-suġġett. Għal dan l-għan, fil-livell Ewropew, jista’ jsiru disponibbli għarfien espert u riżorsi u tista’ tiġi promossa l-kooperazzjoni mmirata mas-soċjetà ċivili.

5.18.

Il-kooperazzjoni bejn il-korpi governattivi u mhux governattivi dwar l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ eks ħabsin jeħtieġ li tiġi intensifikata sabiex tiġi żgurata r-riabilitazzjoni soċjali ta’ suċċess tagħhom. Bosta żgħażagħ radikalizzati jaqsmu passat kriminali.

5.19.

L-integrazzjoni ta’ eks ħabsin fis-suq tax-xogħol hija diffiċli minħabba l-istigma li ta’ spiss hija assoċjata ma’ sentenza ta’ ħabs. Madankollu, hija pass importanti lejn il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni. Is-sħab soċjali (prinċipalment l-impjegaturi f’dan il-każ) huma mitluba biex hawnhekk jagħtu kontribut billi joffru t-tieni opportunità, u ta’ spiss l-ewwel waħda, lil dawk affettwati.

5.20.

L-UE għandha turi l-interess qawwi tagħha għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tikkoopera aktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi terzi li jimponu riskju għoli ta’ radikalizzazzjoni u li jistgħu jkunu jew jistgħu jsiru wkoll hotspots għar-radikalizzazzjoni.

5.21.

B’mod aktar speċifiku, l-azzjoni esterna tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reżiljenza statali u soċjetali, kif ġie enfasizzat fl-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, tenfasizza l-ħtieġa li jitrawwem djalogu interkulturali u interreliġjuż billi jitwessgħu l-isħubijiet mas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet soċjali, il-komunitajiet reliġjużi u s-settur privat f’dawk il-pajjiżi. Hemm riskju għoli li l-isforzi tas-soċjetà ċivili jistgħu ma jiksbux ir-riżultati mistennija, peress li l-atturi esterni f’pajjiżi terzi jeżerċitaw influwenza konsiderevoli, pereżempju billi jiffinanzjaw il-movimenti estremisti vjolenti fl-Istati Membri tal-UE u fil-viċinat tagħha. Tali flussi finanzjarji għandhom jingħalqu.

Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Is-sejħa tnediet fl-4 ta’ Ottubru: http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/isfp/topics/isfp-2017-ag-csep.html

(2)  In-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni huwa proġett iffinanzjat mill-UE li jlaqqa’ flimkien prattikanti minn madwar l-Ewropa li jaħdmu fuq il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni. Għal aktar informazzjoni: https://ec.europa.eu/home-affairs/what-we-do/networks/radicalisation_awareness_network_en

(3)  L-għan tal-ESCN huwa li jiffaċilita Netwerk ta’ Stati Membri Ewropej sabiex jikkondividi l-aħjar prattiki u għarfien dwar l-użu ta’ komunikazzjonijiet strateġiċi fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u li jagħti pariri lill-Istati Membri billi joffri konsultazzjoni bla ħlas, adatta u kunfidenzjali dwar kif għandhom japplikaw approċċ ta’ komunikazzjoni strateġika biex jiżviluppaw il-kapaċità domestika tagħhom stess u b’hekk jisfidaw l-influwenza estremista vjolenti bil-pass u l-iskala meħtieġa.

(4)  L-espressjoni għandha tintuża b’kawtela. Tkopri diversi fenomeni bħalma huma l-estremiżmu tal-lemin jew tax-xellug u l-fundamentaliżmu reliġjuż li jimmira lejn azzjoni vjolenti jew illegali. It-terminu huwa suxxettibbli għal interpretazzjoni ħażina u abbuż politiku. Fehmiet estremisti jistgħu jeżistu wkoll fil-parti tan-nofs tas-soċjetà.

(5)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2013%3A0941%3AFIN

(6)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2016%3A379%3AFIN

(7)  Pereżempju dwar il-ġustizzja kriminali (Novembru 2015), dwar iż-żgħażagħ u r-radikalizzazzjoni (Ġunju 2016), dwar l-litteriżmu tal-midja u l-ħsieb kritiku (Ġunju 2016) u dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti (Novembru 2016).

(8)  ĠU C 17, 18.1.2017, p. 33.

(9)  COM(2015) 185 final, COM(2013) 941 final.

(10)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9646-2017-INIT/mt/pdf

(11)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52016DC0379

(12)  Ara wkoll http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/583124/IPOL_STU(2017)583124_EN.pdf

(13)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 91ĠU C 211, 19.8.2008, p. 61.

(14)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 58.

(15)  Fir-rigward taż-żieda fil-miżuri meħuda fil-livell lokali, ara l-opinjoni tal-KtR dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti: mekkaniżmi ta’ prevenzjoni fil-livell lokali u reġjonali (ĠU C 17, 18.1.2017, p. 33).

(16)  Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi.

(17)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 61.

(18)  ĠU C 170, 5.6.2014, p. 23.

ĠU C 173, 31.5.2017, p. 15.

(19)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 40.

(20)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 91.