|
15.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 434/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tar-rivoluzzjoni diġitali fil-qasam tas-saħħa fuq l-assigurazzjoni tal-mard”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2017/C 434/01)
|
Relatur: |
Alain COHEUR |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
26.1.2017 |
|
Bażi legali |
L-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
|
Adottata fis-sezzjoni speċjalizzata |
5.9.2017 |
|
Adottata fis-sessjoni plenarja |
20.9.2017 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
528 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
174/0/1 |
1. Konklużjonijiet
|
1.1. |
Għall-KESE, quddiem ir-rivoluzzjoni diġitali fil-qasam tas-saħħa, huwa indispensabbli li jinżammu u jitmexxew ’il quddiem sistemi tal-assigurazzjoni tal-mard/tas-saħħa li jkunu għall-benefiċċju ta’ kulħadd, solidari, inklużivi u mhux diskriminatorji. Fil-fatt, l-inklużjoni u l-aċċess ekwu għal kulħadd għas-servizzi tas-saħħa (diġitali jew le) ta’ kwalità u l-impenn favur dan huma wkoll prerekwiżiti għal kopertura tas-saħħa universali. |
|
1.2. |
B’konformità mal-opinjonijiet preċedenti (1), il-KESE jqis li l-ugwaljanza fl-aċċess għall-kura, li huwa għan essenzjali tal-politiki tas-saħħa, tista’ tibbenefika mill-kontributi tad-diġitalizzazzjoni ladarba jiġu rrispettati diversi prerekwiżiti:
|
|
1.3. |
L-iżvilupp tat-telemediċina, tal-oġġetti konnessi u tan-nanoteknoloġiji, tal-bijoteknoloġiji, tal-informatika u tax-xjenzi konjittivi (NBIC) m’għandu qatt iwassal biex l-individwi jitqiesu bħala sempliċement iġsma konnessi, li jistgħu jiġu analizzati, ikkontrollati u ssorveljati mill-bogħod minn programm informatiku omnipotenti. It-teknoloġizzazzjoni tas-saħħa fil-fatt tistimula l-kontra, jiġifieri l-affermazzjoni mill-ġdid tal-post tar-relazzjoni interpersonali u r-rabta soċjali fundamentali tal-prattika medika u tal-kura tas-saħħa. |
|
1.4. |
Il-KESE jisħaq dwar l-isfida li tirrappreżenta responsabbiltà żejda għaċ-ċittadin li jkollu jiġġestixxi saħħtu hu stess, u ma’ dan tiżdied mal-individwalizzazzjoni żejda. Bil-mediċina predittiva, minn naħa, u l-għodod relatati, min-naħa l-oħra, l-għarfien tar-riskji tas-saħħa tal-individwu kif ukoll tal-kontroll tagħhom għandu tendenza li jipprogressa, filwaqt li jħeġġeġ politiki aktar personalizzati. L-iżvelar ta’ dawn ir-riskji u d-differenzi li hemm bejn l-individwi jqajmu kwistjonijiet etiċi importanti fil-kuntest taż-żamma ta’ kopertura solidarja tal-assigurazzjoni. |
2. Rakkomandazzjonijiet
|
2.1. |
Il-KESE jfakkar li biex ir-rivoluzzjoni tad-diġitalizzazzjoni tabilħaqq tirnexxi, is-sistemi effiċjenti tal-assigurazzjoni tal-mard/tas-saħħa tagħna għandhom:
|
|
2.2. |
It-tnedija tad-diġitalizzazzjoni m’għandha qatt tpoġġi f’dubju l-prinċipji tar-ridistribuzzjoni u tal-mutwalizzazzjoni tar-riskji sanitarji u soċjali, li huma l-veri fatturi ewlenin tal-qofol tas-solidarjetà kollettiva. |
|
2.3. |
Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li:
|
3. Kuntest
|
3.1. |
L-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni jistimola evoluzzjonijiet fuq skala kbira u b’ritmu bla preċedent fil-qasam tas-saħħa. Bl-isplużjoni tal-oġġetti konnessi u tal-applikazzjonijiet mobbli tas-saħħa, l-isfruttar tal-big data, l-iżvilupp tan-nanoteknoloġiji, tal-bijoteknoloġiji, tal-informatika u tax-xjenzi konjittivi (NBIC) u l-offerta dejjem tikber ta’ servizzi tas-saħħa ġodda, id-diġitalizzazzjoni twassal għal trasformazzjoni globali tas-sistema tas-saħħa tagħna. |
|
3.2. |
Altru milli tillimita ruħha għad-dimensjoni teknika jew xjentifika tagħha, l-innovazzjoni diġitali fis-saħħa għandha diversi aspetti minħabba l-innovazzjoni tal-użi kollha li hija tintegra. Dawn l-użi ġodda jakkumpanjaw innovazzjoni soċjali kbira billi jippermettu l-iżvilupp ta’ risponsi ġodda għall-ħtiġijiet sanitarji u soċjali. |
|
3.3. |
B’hekk jiġu affettwati direttament ir-relazzjonijiet imrawma fi ħdan ekosistema kumplessa bejn:
|
|
3.4. |
Rigward ir-relazzjoni tal-individwu ma’ saħħtu: kull individwu jsir iżjed konxju mill-importanza ta’ saħħtu u mill-mod kif jgħin ruħu. Sal-lum, minħabba d-diffikultà biex individwu jaċċessa l-informazzjoni medika u n-nuqqas ta’ għarfien minħabba f’hekk, l-individwu spiċċa fl-inċertezza quddiem ir-riskji tal-mard. Illum il-ġurnata għandu firxa ta’ ta’ mekkaniżmi (pereżempju l-oġġetti konnessi) li jippermettilu li jqis l-istat tas-saħħa tiegħu u jadatta l-istil ta’ ħajja tiegħu b’mod xieraq. |
|
3.5. |
Id-disponibbiltà tas-sorsi tal-informazzjoni tagħti lil kull individwu l-possibbiltà li jkun protagonist attiv ta’ saħħtu b’ħila li jidentifika, iqabbel u jagħżel l-aktar servizz tas-saħħa xieraq għall-ħtiġijiet tiegħu. Il-pazjent elettroniku jsir kontributur tal-mediċina predittiva kif ukoll produttur tad-data medika u parteċipant fis-saħħa tiegħu u tal-oħrajn. F’dan ir-rigward, il-kunsens infurmat jikkostitwixxi element ċentrali, b’rabta mal-protezzjoni tad-data, il-ġestjoni integrata u l-użu tad-data. |
|
3.6. |
It-teknoloġiji ġodda jwasslu sabiex issir enfasi fuq il-prevenzjoni iktar milli fuq it-trattament tal-mard innifsu. Dawn jippermettu wkoll li jiġu stabbiliti terapewtiki aktar effettivi, inqas intrużivi u aktar individwalizzati skont il-karatteristiċi ġenetiċi u bijoloġiċi ta’ kull individwu filwaqt li d-disponibbiltà tal-informazzjoni f’ħin reali ttejjeb ir-risposta terapewtika. |
|
3.7. |
Il-professjonijiet mediċi jitmexxew f’direzzjoni biex jevolvu lejn kompetenzi u oqsma ta’ azzjoni ġodda u jsiru disponibbli fuq diversi livelli, b’mod partikolari lejn metodu relazzjonali ieħor ibbażat aktar fuq ir-relazzjoni ta’ fiduċja reċiproka mal-pazjent, ħakma gradwali tal-għodod diġitali marbuta mat-taħriġ, modifika fir-rappreżentazzjonijiet tekniċi tal-għoti tal-kura, kif ukoll approċċ ta’ kollaborazzjoni u ta’ skambju permezz ta’ sistemi interoperabbli. |
|
3.8. |
Id-djalogu soċjali għandu jakkumpanja dawn il-bidliet u jsaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ taħriġ tal-persunal tas-saħħa. |
|
3.9. |
Rigward is-sistemi tal-assigurazzjoni tal-mard: l-aċċess għal servizzi tas-saħħa effiċjenti u ta’ kwalità, kemm pubbliċi u kemm privati, jibqa’ għan li jrid jintlaħaq għal kull ċittadin. F’dan il-kuntest, l-assigurazzjoni tal-mard se tintlaqat sew għax l-isfida tal-ġejjieni se tkun li jitfasslu, b’ċertu riskju, soluzzjonijiet u perkorsi personalizzati fil-limiti tal-prinċipji tal-mutwalizzazzjoni, filwaqt li tinżamm il-funzjoni tradizzjonali tagħha li tippermetti lill-persuni li jimirdu l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa. |
|
3.10. |
Potenzjalment, l-innovazzjoni medika li toħloq id-diġitalizzazzjoni għandha l-potenzjal li ġġib magħha bidliet profondi fl-assigurazzjoni tal-mard. Id-dinamika li tiġi stabbilita twassal għal individwalizzazzjoni fil-mediċina u tal-kura permezz ta’ żewġ sorsi ta’ informazzjoni:
Għaldaqstant jenħtieġ jitqiesu għadd ta’ mistoqsijiet u osservazzjonijiet.
|
4. L-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq iċ-ċittadin/il-pazjent
|
4.1. |
It-trasformazzjoni diġitali toffri lill-individwi l-possibbiltà li jieħdu azzjoni fuq l-istat ta’ saħħithom, minkejja li jeżistu xi ostakli li jimblokkaw l-aċċess. Iż-żieda fl-aċċess għat-tagħrif, għall-infrastrutturi u għas-servizzi innovattivi personalizzati fil-qasam tas-saħħa tista’ tippermetti li kull individwu jsir parteċipant fis-saħħa tiegħu stess u li jagħti kontribut ukoll – bħala assistent, produttur tal-informazzjoni, fornitur tad-data – fit-titjib tas-saħħa tal-oħrajn. |
|
4.2. |
L-iżvilupp ta’ din l-individwalizzazzjoni hija kkaratterizzata minn saħħa deskritta bħala s-“saħħa tal-4 Ps”: parteċipattiva: data medika ġġenerata u segwita mill-pazjenti stess, mgħejuna minn għadd dejjem jikber ta’ oġġetti konnessi. Ir-relazzjoni bejn il-pazjent u t-tabib (li ma jibqax iżjed l-uniku sors tat-tagħrif mediku) tevolvi. Il-pazjent isir “parteċipant attiv”; preventiva: il-pazjenti li jiġbru b’mod regolari l-informazzjoni rigward saħħithom isiru kulma jmur iżjed konxji minn kif jibqgħu f’saħħithom – xi ħaġa li twitti t-triq għal saħħa iżjed imsejsa fuq il-prevenzjoni; personalizzata: il-fluss kontinwu ta’ data personali dejjem iżjed preċiża u varjata jippermetti wkoll l-iżvilupp ta’ saħħa aktar u aktar personalizzata; predittiva: fl-aħħar, l-avvanzi teknoloġiċi li jippermettu, pereżempju, id-diġitalizzazzjoni tal-ġenoma sħiħa umana, iwittu t-triq għal saħħa b’ambizzjoni iżjed u iżjed predittiva. |
|
4.3. |
Il-litteriżmu u r-riskju ta’ distakk ġdid fil-qasam tas-saħħa, dak diġitali |
|
4.3.1. |
Il-litteriżmu tas-saħħa tfisser il-kapaċità tal-individwi li jiksbu, jifhmu u jużaw l-informazzjoni sabiex jippromovu u jżommu saħħa tajba. Dan jimplika li jintlaħaq livell ta’ għarfien, ta’ ħiliet u ta’ fiduċja personali li jippermetti li jittieħdu miżuri sabiex itejbu s-saħħa personali u tal-komunità billi jibdlu l-modi u l-kundizzjonijiet tal-għajxien. |
|
4.3.2. |
Id-diġitalizzazzjoni għandha t-tendenza li tenfasizza l-inugwaljanzi soċjali fil-qasam tas-saħħa billi tirrinforza r-rabta tal-kawża mal-effett bejn l-istat tas-saħħa tal-individwu u l-ħiliet konjittivi (pereżempju, il-ħila li jsib u jifhem informazzjoni ta’ kwalità dwar is-saħħa) u finanzjarji tiegħu (bħall-possibbiltà li wieħed jgħammar ruħu bl-aktar apparat effikaċi). Dawn l-inugwaljanzi huma akbar fost l-anzjani, l-aktar vulnerabbli u dawk li jgħixu f’żoni li ma tantx huma koperti mill-operaturi diġitali. |
|
4.3.3. |
L-użu tal-applikazzjonijiet tas-saħħa jeħtieġ livell ta’ għarfien li jippermetti li jkun hemm aċċess għall-informazzjoni dwar is-saħħa, li tiġi mifhuma, evalwata u użata bil-għan li jittieħdu deċiżjonijiet ta’ kuljum dwar il-kura tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u l-promozzjoni tas-saħħa. Iżda livell baxx ta’ litteriżmu joħloq bosta riskji għas-saħħa, b’konsegwenzi f’termini tal-istennija ta’ ħajja f’saħħa tajba, ta’ mwiet qabel iż-żmien, tal-kwalità tal-ħajja u ta’ spejjeż għall-individwu u għas-soċjetà. |
|
4.3.4. |
Madankollu m’għandux jiġi ttraskurat l-iżvilupp ta’ firda diġitali fi dan il-professjonijiet mediċi u paramediċi. Din tista’ tiġi solvuta billi tissaħħaħ is-sistema edukattiva permezz ta’ programm ta’ taħriġ dedikat għat-tagħlim tar-rapporti l-ġodda li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni fir-relazzjoni ta’ bejn min jagħti u jirċievi l-kura. |
4.4. Ir-responsabbiltà żejda, riskju prinċipali ieħor tal-qasam diġitali
|
4.4.1. |
Il-prattiki tal-kwantifikazzjoni fil-qasam tas-saħħa jiffavorixxu l-mikroġestjoni individwali tas-saħħa u r-responsabilizzazzjoni żejda, għad-detriment ta’ fehim iżjed kollettiv. Dawn jibdlu l-individwi f’intraprendituri responsabbli mill-imġiba tajba jew ħażina tagħhom fis-saħħa, u jistgħu jdawru l-attenzjoni minn fuq il-kawżi ambjentali jew soċjoekonomiċi tal-problemi tas-saħħa pubblika. |
|
4.4.2. |
In-nuqqas ta’ antiċipazzjoni tal-effetti tad-diġitalizzazzjoni fuq l-individwalizzazzjoni, iż-żieda tal-inugwaljanzi soċjali fis-saħħa u t-tkabbir tal-kummerċjalizzazzjoni tas-saħħa jistgħu jipperikolaw il-mudelli solidari u universali tal-mudelli tal-assigurazzjoni tal-mard/tas-saħħa tagħna. |
5. L-impatti tad-diġitalizzazzjoni fuq il-professjonisti tas-saħħa u bejniethom
5.1. Il-fajl mediku elettroniku, il-pedament għall-organizzazzjoni tal-kura tas-saħħa
|
5.1.1. |
Id-diġitalizzazzjoni ġġib magħha mezzi li jneħħu kull ostakolu mis-sistema tas-saħħa billi tiffaċilita l-ġbir flimkien ta’ informazzjoni bejn l-istrutturi tal-isptarijiet, il-kliniki privati, in-netwerks tas-saħħa u s-servizzi tal-kura fid-djar. Il-mezzi ta’ trażmissjoni siguri u rapidi tal-informazzjoni miġbura minn parteċipanti differenti huma kundizzjoni meħtieġa għall-koordinazzjoni tal-kura u tal-indukrar ġenerali tal-pazjenti. L-organizzazzjoni tal-kontinwità tal-kura u l-indukrar multidixxiplinarju tal-pazjenti huma ferm iżjed faċli biex jiġu implimentati. Id-disponibbiltà, il-ħeffa fl-aċċess, l-iskambju u l-kondiviżjoni tad-data jiffaċilitaw id-deċiżjonijiet mediċi. Il-valuri miżjuda tal-iskambju kompjuterizzat tad-data bejn il-professjonisti tas-saħħa għall-kwalità tal-kura huma diretti. |
|
5.1.2. |
Il-fajl mediku elettroniku jsir għodda tal-koordinazzjoni u tal-kwalità tal-kura għall-benefiċċju tal-pazjent permezz tal-kondiviżjoni tad-data mill-partijiet awtorizzati, dejjem sakemm din il-kondiviżjoni ssir b’kunsens mogħti minn qabel mill-pazjent, ħlief f’każ ta’ urġenza jew ta’ impossibbiltà. Ir-regoli speċifiċi tal-fajls mediċi elettroniċi kompjuterizzati jirrigwardaw il-garanziji speċifiċi kollha mogħtija lill-pazjent dwar id-data diġitali, f’termini tal-protezzjoni tal-ħajja privata tiegħu u tal-aċċess għal din id-data. Ir-rispett tas-segretezza fir-rigward tal-fajl mediku u amministrattiv irid ikun żgurat bis-sħiħ. |
|
5.1.3. |
Il-fajl mediku elettroniku jippermetti li jiġu evitati żbalji marbuta mal-leġġibbiltà skorretta tad-dokumenti (riċetti mediċi, protokolli ta’ eżamijiet mediċi) u jiffaċilita l-aċċess għall-bażijiet tat-tagħrif mediċinali kif ukoll il-ħruġ ta’ riċetti iżjed siguri, għax dan jibda jitqabbel mal-karatteristiċi tal-pazjent. Il-kompjuterizzazzjoni tal-prattika medika tagħti kontribut biex jiġu limitati r-riskji li jittieħdu żbalji u biex jitnaqqsu r-riskji jatroġeniċi. |
|
5.1.4. |
Il-funzjonijiet ta’ tfakkir u ta’ allarmi li jippermettu l-kompjuterizzazzjoni ta’ fajl mediku jiffaċilitaw it-titjib tal-ħidma preventiva (tilqim, skrinjar), tas-sorveljanza tal-morda milquta minn patoloġiji kroniċi u tat-tagħrif mediċinali u kif ukoll itejbu l-kwalità tal-kura mogħtija lill-pazjenti u jsaħħu l-kompetenzi tal-prestatur tal-kura fir-rigward tad-dijanjożi u l-preskrizzjoni tat-trattament. |
|
5.1.5. |
Barra minn hekk, bid-diġitalizzazzjoni tal-informazzjoni miġbura dwar il-pazjent li tikkontribwixxi sabiex jittejjeb il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni medika, fis-snin li ġejjin ser naraw bidla radikali fil-prattiki mediċi. L-ebda dijanjożi medika ma tista tintlaħaq mingħajr sistema ta’ esperti jew ta’ għodod li joriġinaw mill-intelliġenza artifiċjali. Rivoluzzjoni bħal din hija frott l-iżvilupp parallel tal-ġenomika, tan-newroxjenzi u tal-oġġetti konnessi (NBIC), fejn f’dan il-kuntest huma biss il-magni, minn issa ’l quddiem, li se jkunu jistgħu jipproċessaw id-data kollha. |
5.2. Post il-bniedem fil-qalba tal-iżvilupp ta’ prattiki mediċi ġodda
|
5.2.1. |
L-evoluzzjonijiet teknoloġiċi jagħmlu possibbli u jsaħħu l-iżvilupp tat-telemediċina li twitti t-triq għall-prattiki mediċi u paramediċi ġodda. It-telemediċina ġġib magħha dawn il-vantaġġi: kopertura tas-saħħa aħjar tat-territorji iżolati u tnaqqis fl-iskariġġ għall-persuni fraġli, segwitu mill-bogħod tal-morda u jiġi evitat li jiddaħħlu l-isptar, kondiviżjoni tal-għarfien espert mill-bogħod, dimensjoni ta’ edukazzjoni terapewtika permezz tat-telesorveljanza u tal-konċertazzjoni multidixxiplinarja permezz tat-telekonsultazzjoni u tat-telekompetenza. |
|
5.2.2. |
It-telemediċina, il-komunikazzjoni professjonali kompjuterizzata, id-dematerjalizzazzjoni tad-dokumenti, l-akkomunament tal-kompetenzi mifruxa u l-kondiviżjoni tar-riżorsi intellettwali jew medikotekniċi għandhom jippermettu l-gwadann tal-ħin għall-professjonisti tas-saħħa, u għaldaqstant dan il-gwadann ikun jista’ jiġi investit ħdejn is-sodda tal-pazjent u fid-djalogu wiċċ imbwiċċ miegħu, u jirriżulta f’titjib konsiderevoli fir-relazzjoni mal-pazjent. |
6. L-impatti tad-diġitalizzazzjoni fuq il-ġestjoni tal-assigurazzjoni tal-mard/tas-saħħa
6.1. Il-big data
|
6.1.1. |
Il-kompjuterizzazzjoni gradwali tas-sistemi tas-saħħa tagħna tat kontribut indiskutibbli biex ittejjeb, minn naħa, il-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja tal-fajls tal-assigurazzjoni ta’ kull ċittadin (gwadann ta’ spazju, iffrankar ta’ ħin u ta’ materjal konsumabbli, żieda fil-produttività, arkivjar iżjed faċli u sigur, gwadann ekoloġiku) u, min-naħa l-oħra, favur il-ħeffa fir-rimborż lill-prestatur tal-kura u lill-istabbilimenti tal-isptarijiet, u dan kollu żied il-kontroll u naqqas ir-riskju li jittieħdu żbalji fil-kontijiet tal-prestazzjonijiet mediċi. |
|
6.1.2. |
Id-dematerjalizzazzjoni tal-formoli amministrattivi, għalkemm din ma ġġib l-ebda benefiċċju dirett għall-kwalità tal-kura, naqqset l-iskadenzi għat-trażmissjoni tal-formoli u ssemplifikat il-proċeduri amministrattivi. Din tiffaċilita madankollu l-eżerċitar tal-mediċina u tippermetti lit-tabib jiffoka aktar fuq l-arti ta’ fejqan u inqas fuq l-atti amministrattivi inevitabbli konnessi. |
|
6.1.2.1. |
Illum, il-big data tiġi ġġenerata meta timtela d-data kollha tal-pazjenti/assigurati kollha, inkluża dik li tkun ġejja mill-applikazzjonijiet informatiċi tas-saħħa. Dan jirrigwarda l-kapaċità li ssir analiżi tad-data kollha miġjuba minn għadd kbir ta’ sorsi. Din tassumi d-disponibbiltà ta’ mezzi li jgħaqqdu d-data bejniethom u l-kisba, b’mod awtomatiku u effettiv, tal-informazzjoni utli minn data mhux strutturata. |
|
6.1.3. |
Permezz tal-“apps”, id-data ma tibqax maħżuna għand it-tabib, fl-isptar jew fi ħdan l-entitajiet tal-assigurazzjoni tal-mard/tas-saħħa, iżda minflok tinħażen fuq apparat jew fuq pjattaformi tal-“cloud computing” li l-intrapriża ewlenija tagħhom mhux bilfors tibqa’ tinsab fil-pajjiż ta’ affiljazzjoni tal-assigurazzjoni tal-mard u lanqas fl-Ewropa. |
|
6.1.4. |
L-interoperabilità tirrappreżenta fattur ewlieni kemm fil-livell Ewropew (permezz tas-“suq uniku diġitali”) kif ukoll fil-livell nazzjonali. Jenħtieġ jiġi żviluppat u implimentat “qafas ta’ interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni medika”. Qafas referenzjali ta’ interoperabbiltà bħal dan jkopri prinċipji u standards li għandhom jiġu rrispettatti sabiex l-iskambju tad-data medika jsir bl-iżjed mod sigur filwaqt li jintegra fih il-parteċipanti kollha tas-saħħa elettronika. |
6.2. Protezzjoni tad-data
|
6.2.1. |
Il-proprjetà u l-protezzjoni tad-data huma sfida ta’ importanza primarja għaċ-ċittadin/il-pazjent u jikkostitwixxu dritt fondamentali li għandu jiġi rrispettat. Iċ-ċittadin/Il-pazjent għandu jkollu aċċess liberu tad-data tiegħu. Dan għandu jsir bil-kunsens liberu, infurmat u kontinwu taċ-ċittadini rigward il-ġbir u l-użu tad-data tagħhom. Għandu jkun akkumpanjat ukoll mir-rikonoxximent ta’ dritt effettiv għall-portabbiltà u għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tat-tip “Blue Button” (4) biex dawn isiru disponibbli fl-istorja medika personali tal-individwi. |
|
6.2.2. |
Ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data (RGPD) li se jidħol fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2018 jirregola dan is-suġġett fil-livell Ewropew. Barra dan, għandha titqies ukoll id-dikjarazzjoni tal-Assoċjazzjoni Medika Dinjija dwar il-kunsiderazzjonijiet etiċi rigward il-bażijiet tad-data medika u l-bijobanek (id-dikjarazzjoni ta’ Taipei). |
6.3. Assigurazzjoni tal-mard/tas-saħħa li qed tinbidel
|
6.3.1. |
Id-diġitalizzazzjoni tibda titħaddem fl-assigurazzjoni. Fejn qabel kienet ristretta għal proposti ta’ valur informattiv u komparattiv (komparaturi, abbonament onlajn, eċċ.), jew marbuta mad-dematerjalizzazzjoni tal-formoli mediċi amministrattivi, issa se tmur ferm lil hinn mill-ħoloq tranżazzjonali tagħha. Il-metodi l-ġodda ta’ kwantifikazzjoni, magħrufin bit-terminu “big data”, se jittrasformaw b’mod radikali l-mudell ekonomiku tal-assigurazzjoni, u għaldaqstant se jitfaċċaw fis-suq prodotti ġodda. |
|
6.3.2. |
Din l-iżvolta se jkollha impatt qawwi u loġiku:
|
|
6.3.3. |
Mal-pass tal-evoluzzjoni tat-teknoloġija u tal-iżvilupp tal-applikazzjonijiet informatiċi tas-saħħa, kull individwu jkun jista’ mbagħad “joġġettivizza” l-attività fiżika tiegħu, in-nutrizzjoni tiegħu u l-interazzjonijiet tiegħu mal-oħrajn, jiġifieri l-fatturi determinanti kollha ta’ saħħtu. |
|
6.3.4. |
L-użu ta’ data tal-massa fuq l-individwi tista’ tfisser it-tranżizzjoni minn mudell ta’ kopertura tar-riskji u tal-mutwalizzazzjoni tagħhom għal mudell ta’ kopertura tal-imġibiet u tal-individwalizzazzjoni tal-polza tal-assigurazzjoni li twassal għal individwalizzazzjoni żejda. Filwaqt li l-assiguraturi privati b’għan ta’ qligħ jidhru li jsibu posthom b’mod naturali, il-bidla tista’ tkun aktar diffiċli għall-parteċipanti mutwalistiċi u l-atturi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, li l-iskop fundamentali tagħhom ikun soġġett għal sfidi. |
|
6.3.5. |
Quddiem din l-evoluzzjoni, l-operaturi tal-assigurazzjoni tal-mard/tas-saħħa jidħlu f’fażi ta’ vulnerabbiltà, għax isibu ruħhom f’salib it-toroq f’ekosistema multidimensjonali għall-aħħar magħmula minn industrijalisti, tobba, gvernijiet, regolaturi, investituri u pazjenti. |
|
6.3.6. |
L-operaturi tal-assigurazzjoni tal-mard/tas-saħħa se jkollhom jiffaċċjaw inerzja qawwija marbuta ma’ regolamentazzjoni stretta ħafna fuq id-data sensittiva rigward is-saħħa, mal-funzjonament u mal-finanzjament kumplessi tas-settur mediku fl-isptarijiet, ma’ katina ta’ valur (l-adeżjoni, l-irkupru tal-kontribuzzjonijiet, il-likwidazzjoni tal-prestazzjonijiet eċċ.) pjuttost riġida u ftit li xejn reattiva, ma’ regolamentazzjoni fuq il-prodotti tal-assigurazzjoni dejjem iżjed stretta, u ġieli wkoll mal-korporativiżmu tal-professjonijiet mediċi. |
|
6.3.7. |
Madankollu, mhux l-operaturi kollha tal-assigurazzjoni tal-mard/tas-saħħa għandhom jew għad għandhom iżjed l-istess kapaċitajiet ta’ azzjoni finanzjarja u għaldaqstant il-bżonnijiet kapitali meħtieġa għal din l-attività kulma jmur qed jidhru dejjem iżjed ta’ xkiel għall-iżvilupp tagħhom. Is-saħħa ekonomika tal-ġganti diġitali tiftħilhom il-bibien biex jinvestu direttament f’dak li huma jqisu bħala suq. |
|
6.3.8. |
Minkejja għarfien aħjar tar-riskji individwali tas-saħħa, huwa essenzjali li s-sistemi tas-saħħa tagħna jibqgħu jinżammu fuq assigurazzjoni kollettiva u solidari. Is-sistemi tagħna tal-assigurazzjoni tal-mard/tas-saħħa kienu l-aktar effettivi fil-kuntest tar-rabta bejn is-sħubija individwali u l-protezzjoni kollettiva kontra r-riskji kollha tas-saħħa. |
6.4. L-adattar tal-mekkaniżmi ta’ rimborż
|
6.4.1. |
Attwalment, hemm biss ftit eżempji ta’ responsabbiltà finanzjarja (rimborż) għall-użu ta’ applikazzjonijiet mobbli matul il-kors tal-kura ta’ persuna. Wieħed mill-akbar ostakli attwali huwa, m’hemmx xi ngħidu, in-nuqqas ta’ mudelli ta’ rimborż adegwati li jintegraw fihom ir-realtajiet teknoloġiċi l-ġodda. |
|
6.4.2. |
Hemm il-mudell klassiku tal-intervent statali fejn ir-rimborż ikun f’idejn l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet nazzjonali li jiddeċiedu fuq il-prestazzjonijiet tas-saħħa mobbli rimborsabbli (5), iżda hemm ukoll inizjattivi li jittieħdu mill-parteċipanti tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-mard, fosthom il-kumpaniji mutwalistiċi (6). |
|
6.4.3. |
Jeżistu wkoll sistemi innovattivi ta’ rimborż bħall-programmi ta’ inċentiv u ta’ prevenzjoni li għandhom l-għan li jiffokaw fuq il-prevenzjoni iżjed milli fuq il-medikazzjoni. |
6.5. Sfidi ġodda għall-organizzazzjonijiet ta’ assigurazzjoni tal-mard/tas-saħħa
|
6.5.1. |
Għall-entitajiet tal-ġestjoni tal-assigurazzjoni tal-mard/tas-saħħa obbigatorji, kemm pubbliċi kif ukoll privati (bħall-kumpaniji mutwalistiċi) li se jintlaqtu bil-kbir, l-isfidi tal-ġejjieni se jkunu li:
|
|
6.5.2. |
Il-kumpaniji mutwalistiċi tas-saħħa li kienu l-prekursuri tal-assigurazzjoni tal-mard issa se jkunu jistgħu jiffokaw fuq l-offerta ta’ assistenza permanenti u individwalizzata ta’ kull membru msieħeb magħhom. Kemm għall-prodotti/servizzi li jipproponu kif ukoll għall-assistenza tal-individwu fit-tfittxija tiegħu għall-benesseri jew fil-perkors tal-kura tiegħu, il-kumpaniji mutwalistiċi tas-saħħa għandu jkollhom is-setgħa li jkunu preżenti, b’mezz ta’ komunikazzjoni jew ieħor, fil-ħajja tal-membri tagħhom u li jipproponu tweġiba unika skont il-ħtiġijiet tagħhom. |
7. L-impatti tal-atturi “interferenti” tad-diġitalizzazzjoni fuq l-assigurazzjoni tal-mard u fuq is-soċjetà
|
7.1. |
Minkejja l-elementi kollha msemmija qabel, li jagħtu xhieda tal-kumplessità tal-isfidi tad-diġitalizzazzjoni fil-qasam tas-saħħa, il-wasla ta’ parteċipanti informatiċi ġodda se ġġib magħha tisħiħ fis-setgħa ekonomika fis-sistemi tal-assigurazzjoni tal-mard/tas-saħħa tagħna. |
|
7.2. |
Dan it-taqlib bla dubju sar possibbli minħabba li tfaċċaw sensers, li saru ekonomikament aċċessibbli u teknikament “affidabbli”, kif ukoll, fuq kollox, bis-saħħa tal-kapaċità taċ-ċentralizzazzjoni u tal-analiżi tad-data, permezz ta’ smartphone jew ta’ interfaċċja fuq l-Internet. Huwa proprju b’dan il-mod li tiġi żviluppata ekosistema ta’ applikazzjonijiet mobbli, li issa se jkunu msejsa fuq il-prinċipju tal-objettivi, tal-komunikazzjoni u tal-“ludifikazzjoni”. Dan jippermetti lill-manifatturi tal-ambjenti mobbli li jiddefinixxu l-istandards tal-ġestjoni tad-data tas-saħħa permezz tas-servizzi tagħhom imfassla apposta (7). |
|
7.3. |
Hemm il-biża’ li “GAFAMA” (Google, Apple, Facebook, Amazon, Microsoft u Alibaba) (8) u oħrajn li għadhom iridu jinħolqu għada pitgħada jkunu jikkontrollaw din il-mediċina l-ġdida waqt li jibbażaw dejjem aktar fuq it-teknoloġiji tal-informazzjoni u d-dekodifikazzjoni tagħhom. Preċiżament dan huwa il-mestier tal-mexxejja tal-ekonomija diġitali, li jużaw dawn it-teknoloġiji sabiex jaħtfu l-kontroll tal-ekosistemi fis-setturi kollha. |
|
7.4. |
Il-qawwa ta’ dawn il-pjattaformi tiġi mit-tisjis tal-mudell ta’ żvilupp tagħhom fuq il-forniment lill-massa ta’ prodott jew servizz marbut mal-popolazzjoni, li jagħtihom aċċess għal data abbundanti li mbagħad tiġi mmonetizzata. Il-monetizzazzjoni tad-data tippermettilhom joffru għadd kbir ta’ servizzi b’xejn li jiżguraw il-frekwentazzjoni tal-massa u li jsostnu ċirku virtwuż fejn kull pjattaforma tistinka biex tirristrinġi lill-konsumatur f’ekosistema kemm jista’ jkun magħluqa. Ġaladarba din tiswihom biss l-ispejjeż tassew marġinali tal-forniment tas-servizzi, il-mudell ekonomiku tal-Internet naturalment jiffavorixxi lill-akbar parteċipanti li jikkapparraw parti kbira mill-valur maħluq u li mbagħad ikollhom f’idejhom kapaċitajiet ta’ investiment enormi. |
|
7.5. |
Għandu jħasseb il-fatt li huma biss il-“GAFAMA” li jinsabu f’qagħda li jieħdu vantaġġ minn din id-data mqassma bla ħlas, meta titqabbel mad-data kollha rigward l-imġiba tal-individwi li tinġabar minn bnadi oħra. Quddiem il-ġganti tal-qasam diġitali, preżenti u futuri, huwa essenzjali li jiġi mħares, kemm għaċ-ċittadini, kif ukoll għall-gvernijiet u l-istituzzjonijiet (inklużi l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali) Ewropej, is-sovranità tagħhom fl-oqsma tal-identifikazzjoni, il-ġbir u l-użu tad-data tas-saħħa minn perspettiva legali u etika. |
|
7.6. |
Il-valur miżjud ta’ din l-informazzjoni, b’mod partikolari fis-saħħa, imbagħad jinqabad u jiġi kkontrollat minn dawn il-pjattaformi u mhux iżjed mill-produtturi tas-sistema tas-saħħa. Ma jkun jifdal xejn imbagħad ħlief li din l-informazzjoni ssir disponibbli għar-“rikjedenti” li jkunu jistgħu jużawha. |
|
7.7. |
Il-protezzjoni tad-data akkwistata permezz tal-priżma “5 V” (volum, veloċità, varjetà, veraċità, valur) tirrappreżenta valur ekonomiku li jeħtieġ qasam regolatorju evoluttiv marbut mal-ekosistema kollha (“partijiet ikkonċernati multipli”), u dan bil-għan li jiġi evitat kull sfruttar għal finijiet purament kummerċjali. |
Brussell, l-20 ta’ Settembru 2017.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) ĠU C 458, 19.12. 2014, p. 54;ĠU C 242, 23.7.2015, p. 48; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 14; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40; ĠU C 288, 31.8.2017, p.1.
(2) Ara l-paragrafu 4.2.
(3) “L-oqsma tal-benesseri, tas-saħħa u tal-kura huma parti minn kontinwità bejn in-normalità u l-patoloġija u din il-kontinwità għalhekk tgħin lill-mediċina.”
(4) Preżentazzjoni tal-Inizjattiva Blue Button: l-inizjattiva Blue Button tnediet fl-2010 mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti bil-għan li tikkostitwixxi pjattaforma ta’ segwitu, ta’ kontroll u ta’ tniżżil elettroniku tad-data personali medika tal-veterani Amerikani. B’hekk din tippermettilhom li jaċċessaw ir-rapporti tal-kura, id-data tal-assigurazzjoni tal-mard u l-istorja medika tagħhom (allerġiji, analiżijiet mediċi eċċ.), u li jniżżluhom onlajn. Sors: http://www.va.gov/bluebutton/.
(5) Franza għamlet pass importanti bl-adozzjoni ta’ Diabeo, wara parir mill-kummissjoni nazzjonali għall-evalwazzjoni tal-apparat mediku u tat-teknoloġiji tas-saħħa. Is-soluzzjoni Diabeo hija softwer imqabbad ma’ telesorveljanza medika u prestazzjoni teknika ta’ taħriġ fl-użu tas-softwer. Is-softwer Diabeo għandu l-għan li jgħin lill-pazjent fil-kalkolu ta’ kuljum tad-dożi tal-insulina b’effett mgħaġġel jew bil-mod, skont l-objettivi stabbiliti minn qabel mit-tabib li jkun kiteb ir-riċetta medika. Dan huwa disponibbli permezz ta’ applikazzjoni fuq terminal mobbli (smartphone jew tablet) għall-pazjent u permezz ta’ web portal.
(6) Żviluppat minn kumpanija mutwalistika Franċiża (MGEN) u trażmess fil-Belġju minn impriża mutwalistika Belġjana (Solidaris), Vivoptim huwa programm tas-saħħa elettronika ġdid li jipprevjeni u jassisti r-riskji kardjovaskulari u li jipproponi pakkett ta’ servizzi individwalizzati, bis-saħħa ta’ għodod diġitalizzati u oġġetti konnessi, li jiġu fi tliet programmi ta’ assistenza u 13-il kors ta’ prevenzjoni adattati skont is-sitwazzjoni, l-aspettattivi u l-ħtiġijiet ta’ kull utent, mill-prevenzjoni għall-persuni f’saħħithom għall-ġestjoni tal-mard kroniku.
(7) L-istruttura tas-suq tal-“Appstores” essenzjalment tinqasam bejn l-akbar ħames ditti tal-applikazzjonijiet informatiċi [90 % tat-tniżżil elettroniku: Play (Android), Appstore (Apple), Windows Phone Store (Microsoft), App World (Blackberry) u Ovi (Nokia)].
(8) Il-ġganti tas-suq, il-“GAFAMA” (Google, Appel, Facebook, Amazon, Microsoft u Alibaba) għandhom it-tendenza li jiksbu l-monopolju tal-kontroll tas-saħħa mobbli. Il-qasam tas-saħħa pubblika huwa totalment investit mill-multinazzjonali li fih jaraw potenzjal ta’ espansjoni ekonomika.