2.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 81/22


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ġustizzja klimatika”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2018/C 081/04)

Relatur:

Cillian LOHAN

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

23.2.2017

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

3.10.2017

Adottata fil-plenarja

19.10.2017

Sessjoni plenarja Nru

529

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

194/12/8

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-kunċett tal-ġustizzja klimatika jinkwadra t-tibdil fil-klima globali bħala kwistjoni politika u etika u mhux sempliċement kwistjoni strettament ambjentali. Din tipikament titqies fil-kuntest globali ta’ interdipendenza spazjali u temporali u tirrikonoxxi li dawk l-aktar vulnerabbli u l-ifqar fis-soċjetà ħafna drabi jkollhom isofru l-akbar impatt tal-effetti tat-tibdil fil-klima. Dan minkejja li dawk l-istess gruppi huma l-anqas responsabbli għall-emissjonijiet li xprunaw il-kriżi klimatika. B’mod aktar ġenerali, f’din l-Opinjoni, il-ġustizzja klimatika tirrikonoxxi l-ħtieġa li titqies il-ġustizzja tal-impatt ħafna drabi sproporzjonat tat-tibdil fil-klima fuq iċ-ċittadini u l-komunitajiet kemm fl-ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw kif ukoll f’dawk żviluppati.

1.2.

Il-KESE jemmen li ċ-ċittadini kollha għandhom dritt għal ambjent nadif b’saħħtu, u li jistennew lill-gvernijiet jieħdu responsabbiltà għall-impenji nazzjonali u l-kontributi determinati fil-livell nazzjonali skont il-Ftehim ta’ Pariġi dwar l-ixpruni tat-tibdil fil-klima u t-theddid tat-tibdil fil-klima, b’rikonoxximent mhux biss tal-aspetti ambjentali u ekonomiċi aktar ovvji iżda wkoll tal-impatt soċjali.

1.3.

Il-KESE jipproponi li titfassal Karta tad-Drittijiet Klimatiċi tal-UE li tkun tiġbor fiha d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u tan-natura fil-kuntest tal-isfidi tal-kriżi tat-tibdil fil-klima globali. Filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol ta’ tmexxija tal-UE fil-promozzjoni ta’ approċċ b’saħħtu u ġust dwar il-klima fil-livell internazzjonali, il-KESE jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-gvernijiet nazzjonali sabiex jeżaminaw l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ġustizzja klimatika fil-livelli kollha: globali, Ewropej, nazzjonali u tal-komunità. Il-Proċess tas-Semestru jista’ jintuża bħala għodda sabiex tintlaħaq din l-ambizzjoni. Il-ġustizzja klimatika tirrigwarda l-ġustizzja kemm għall-persuni kif ukoll għall-ambjent li minnu niddependu – it-tnejn huma interkonnessi. F’dan il-kuntest il-KESE jfakkar f’żewġ inizjattivi reċenti: il-Patt Globali għall-Ambjent u l-proġett ta’ Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Umanità.

1.4.

Is-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ konsum għandhom jinbidlu biex jadattaw għat-tibdil fil-klima u biex jimmitigawh. Din it-tranżizzjoni ser ikollha isseħħ globalment u fil-kuntest settorjali, u l-UE tista’ taqdi rwol ta’ tmexxija. Jeħtieġ li l-aktar setturi tan-negozju u ħaddiema vulnerabbli jiġu identifikati u appoġġjati b’mod adegwat. B’mod partikolari, is-sistemi tal-ikel u l-partijiet interessati tagħhom jeħtieġ jiġu appoġġjati fit-tranżizzjoni. Il-konsum sostenibbli tal-ikel irid jibda fl-istadju upstream tal-preparazzjoni tal-ħamrija u l-ġestjoni tas-sistemi naturali sabiex jiġi pprovdut l-element kostitwenti primarju tal-ikel. L-UE għandha tipprovdi tmexxija ċara filwaqt li tippromovi l-ġestjoni sostenibbli u l-protezzjoni tal-ħamrija.

1.5.

Fil-kisba tat-tranżizzjoni, is-setgħa tal-konsumaturi tista’ tiġi sfruttata biss meta l-konsumaturi jkollhom l-għażla ta’ alternattivi etiċi sostenibbli li ma jwasslux għal tnaqqis sinifikanti fil-konvenjenza jew fil-kwalità f’termini ta’ servizz, użu jew aċċessibbiltà. Alternattivi vijabbli għall-konsumaturi jistgħu jiġu żviluppati permezz tal-mudelli ekonomiċi ġodda bħalma huma l-ekonomija diġitali, dik kollaborattiva u dik ċirkolari u permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-tranżizzjoni settorjali u globali lejn dawn il-mudelli.

1.6.

Mekkaniżmi ta’ appoġġ, inkluż flus pubbliċi, strumenti ekonomiċi u inċentivi għandhom jintużaw sabiex ikun żgurat li jkun hemm infrastruttura u appoġġ adatt għall-konsumaturi li jkunu jixtiequ jagħżlu stil ta’ ħajja b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, inkluża assistenza sabiex jintlaħqu l-ispejjeż ogħla ta’ prodotti u servizzi etiċi/ta’ ħajja twila/sostenibbli, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li ma tiġix mhedda l-kompetittività.

1.7.

Jeħtieġ li jsir immappjar tal-ispostament tal-impjiegi f’ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, u jiġu identifikati l-opportunitajiet kemm jista’ jkun malajr. Dan jippermetti t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-aktar politiki effettivi sabiex ikun żgurat li l-ħaddiema jkunu protetti, u li l-kwalità tal-ħajja tagħhom tkun preservata permezz ta’ tranżizzjoni ġusta.

1.8.

Il-KESE jtenni s-sejħa tiegħu għal osservatorju Ewropew dwar il-faqar enerġetiku (1), li jkun ilaqqa’ flimkien il-partijiet interessati kollha biex jgħinu fid-definizzjoni ta’ indikaturi Ewropej tal-faqar enerġetiku. Il-ġustizzja għaċ-ċittadini kollha tfisser li jkun żgurat li tiġi pprovduta enerġija aċċessibbli, nadifa u affordabbli lil kulħadd.

1.9.

Il-KESE jitlob li jintemmu s-sussidji għall-karburanti fossili u bidla sabiex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

1.10.

Politiki ta’ sostenibbiltà effettivi jiddependu fuq l-iżgurar li l-għajnuniet għat-transizzjoni jiġu identifikati b’mod ċar, prijoritizzati u ffinanzjati b’mod adatt. Fl-istess ħin, l-UE jeħtieġ tibda negozjati internazzjonali komprensivi ħafna lejn ftehim globali li jista’ jtaffi l-ixpruni tat-tibdil fil-klima u tappoġġja mudell ekonomiku globali aktar sostenibbli.

2.   Kuntest/Raġuni għal din l-opinjoni

2.1.

Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja qed issir fil-kuntest tal-Pjan ta’ Ħidma tal-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli għall-2017. Il-ġustizzja klimatika hija suġġett li jaffettwana lkoll iżda safrattant hemm nuqqas ta’ azzjoni dwaru fuq livell tal-UE. Din hija opportunità għall-KESE biex jieħu rwol ewlieni u jagħmel proposti inizjali, speċjalment fir-rigward tal-Ewropa. Ħafna aspetti tal-ġustizzja klimatika hemm bżonn jiġu diskussi aktar fil-fond, bħall-kwistjonijiet tat-tqassim tal-kwoti tal-emissjonijiet globali u individwali.

2.2.

Il-KESE jrid jieħu pożizzjoni istituzzjonali sabiex jipprovdi l-fehma tas-soċjetà ċivili organizzata tal-UE fid-dibattitu dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima u kif l-aħjar li jiġi indirizzat dak l-impatt b’mod ġust.

2.3.

Fil-kuntest tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU adottati internazzjonalment, il-Ftehim ta’ Pariġi, u fid-dawl tal-fatt li diġà qegħdin jinħassu l-impatti tat-tibdil fil-klima, jenħtieġ li jkun hemm sens akbar ta’ urġenza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ġustizzja klimatika permezz ta’ azzjonijiet konkreti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-kunċett tal-ġustizzja klimatika jinkwadra t-tibdil fil-klima globali bħala kwistjoni politika u etika u mhux sempliċement kwistjoni strettament ambjentali. Dan jirrikonoxxi li dawk l-aktar vulnerabbli u l-aktar fqar fis-soċjetà ħafna drabi jkollhom isofru l-akbar impatt tal-effetti tat-tibdil fil-klima. Il-kunċett jitqies tipikament f’kuntest globali ta’ interdipendenza spazjali u temporali, jiġifieri b’enfasi fuq ir-responsabbiltajiet ta’ pajjiżi li żviluppaw abbażi tal-isfruttar tar-riżorsi naturali.

3.2.

L-SDGs jmorru lil hinn minn dawk ta’ qabilhom (l-MDGs) peress li jirrikonoxxu r-responsabbiltà reċiproka, is-sjieda, l-azzjoni kollettiva u l-ħtieġa għal proċessi parteċipatorji inklużivi. Filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol ta’ tmexxija tal-UE fil-promozzjoni ta’ approċċ b’saħħtu u ġust dwar il-klima fil-livell internazzjonali, il-KESE jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-gvernijiet nazzjonali sabiex jaġixxu favur il-ġustizzja klimatika fil-livelli kollha: globali, Ewropej, nazzjonali u tal-komunità. Il-Proċess tas-Semestru jista’ jintuża bħala għodda sabiex tintlaħaq din l-ambizzjoni. B’mod aktar ġenerali, f’din l-Opinjoni, il-ġustizzja klimatika tirrikonoxxi l-ħtieġa li titqies l-ekwità tal-impatt ħafna drabi sproporzjonat tat-tibdil fil-klima fuq iċ-ċittadini u l-komunitajiet kemm fl-ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw kif ukoll f’dawk żviluppati.

3.3.

Hemm problema ta’ reżistenza għall-politiki dwar it-tibdil fil-klima, u l-perċezzjoni tagħhom bħala politiki li jippenalizzaw liċ-ċittadin medju, lil setturi speċifiċi (eż. dawk agroalimentari jew tat-trasport), jew lil komunitajiet u individwi dipendenti fuq il-karburanti fossili minkejja l-benefiċċji ta’ politiki bħal dawn.

3.4.

Inizjattivi ta’ politika differenti jiffukaw fuq setturi u oqsma li huma influwenzati b’mod qawwi mill-isfidi klimatiċi, pereżempju s-saħħa, it-trasport, l-agrikoltura, l-enerġija. Il-ġustizzja klimatika tista’ tipprovdi approċċ integrat komprensiv sabiex ikun żgurat li t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju tinkiseb b’mod ġust u ekwu.

3.5.

Importanti li jiġi nnotat li l-ġustizzja klimatika ma tirrigwardax biss ’il dawk direttament affettwati mill-impatti tat-tibdil fil-klima iżda wkoll lil dawk affettwati mill-ixpruni tat-tibdil fil-klima permezz tad-dipendenza fuq prodotti, servizzi u stili ta’ ħajja li huma assoċjati ma’ emissjonijiet għoljin u effiċjenza baxxa tar-riżorsi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Il-ġustizzja soċjali

4.1.1.

Il-KESE jemmen li ċ-ċittadini kollha għandhom dritt għal ambjent nadif b’saħħtu, u li jistennew lill-gvernijiet jieħdu responsabbiltà għall-impenji nazzjonali u l-kontributi determinati fil-livell nazzjonali skont il-Ftehim ta’ Pariġi dwar l-ixpruni tat-tibdil fil-klima u t-theddid tat-tibdil fil-klima, b’rikonoxximent mhux biss tal-aspetti ambjentali u ekonomiċi aktar ovvji iżda wkoll tal-impatt soċjali.

4.1.2.

Il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali tal-UE għandu jservi bħala kumpass għal proċess imġedded ta’ konverġenza lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar fost l-Istati Membri. Dan huwa bbażat fuq 20 prinċipju, li ħafna minnhom se jiġu affettwati jew direttament mit-tibdil fil-klima jew indirettament mill-ħtieġa ta’ tranżizzjoni lejn mudelli ekonomiċi ġodda.

4.1.3.

Fil-kuntest tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Drittijiet Soċjali, il-KESE jipproponi li jinbeda dibattitu dwar it-tfassil ta’ Karta tad-Drittijiet Klimatiċi. Din tiġbor fiha d-drittijiet taċ-ċittadini u n-natura fil-kuntest tal-isfidi tal-kriżi tat-tibdil fil-klima. F’dan il-kuntest, il-KESE jfakkar fil-proġett ta’ Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Umanità mfassal minn Corinne Lepage, bi tħejjija għall-COP21 fl-2015.

4.1.4.

Id-drittijiet tan-natura issa huma rikonoxxuti f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, permezz tal-proċess leġislattiv. Pereżempju, fin-Netherlands fl-2015, l-NGO Urgenda Foundation rebħet kawża klimatika kontra l-gvern. Il-Qorti Suprema Netherlandiża sostniet b’mod konsistenti l-prinċipju li l-gvern jista’ jinżamm legalment responsabbli għan-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni suffiċjenti sabiex jipprevjeni l-ħsara prevedibbli li tirriżulta mit-tibdil fil-klima. Kawżi simili qed jiġu ppreparati fil-Belġju u fin-Norveġja. Barra minn hekk, inizjattivi bħalma hu l-Patt Globali għall-Ambjent li tnieda fl-24 ta’ Ġunju 2017 jindirizzaw il-ħtieġa għal governanza ambjentali globali ġusta billi jissaħħu “d-drittijiet tal-bniedem tat-tielet ġenerazzjoni” permezz ta’ strument ta’ referenza universali u trasversali.

4.1.5.

Jeħtieġ li jiġi żgurat li dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà ma jkollhomx għalfejn jerfgħu piż inġust u li l-prezz tat-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku responsiv għall-klima jinfirex b’mod ġust madwar is-soċjetà. Pereżempju, il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas għandu jiġi applikat fil-livell ta’ dawk li joħolqu t-tniġġis u jagħmlu profitt minnu, pjuttost milli fil-livell tal-utent finali f’każijiet fejn ma tkun teżisti l-ebda alternattiva vijabbli. L-applikazzjoni bir-reqqa u rilevanti ta’ dan il-prinċipju importanti kienet eżaminata qabel mill-KESE (2).

4.1.6.

Se jkun hemm żieda f’kull tip ta’ migrazzjoni (inklużi refuġjati minħabba l-klima) minħabba l-persuni spostati (3). Diġà rajna kemm m’aħniex ippreparati tajjeb fl-UE biex inlaħħqu ma’ dan, u l-kwistjoni tal-piżijiet sproporzjonati madwar l-Istati Membri. Il-KESE diġà enfasizza kif proċessi ekonomiċi żbilanċjati jistgħu jżidu d-destabbilizzazzjoni f’dan il-kuntest (4).

4.1.7.

Fuq livell tal-UE, ma hemm l-ebda strument distint applikabbli għal “persuni spostati minħabba l-ambjent” kif instab minn studju riċenti tal-Parlament Ewropew dwar ir-Refuġjati minħabba l-Klima. Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja hija strument politikament ikkumplikat sabiex jindirizza kwalunkwe spostament tal-massa, u l-KESE jappoġġa l-pożizzjoni li t-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi mandat wiesa’ biżżejjed biex tiġi riveduta l-politika tal-immigrazzjoni bil-għan li jiġi regolat l-istatus tal-“persuni spostati minħabba l-ambjent”.

4.2.   Is-settur agroalimentari

4.2.1.

Is-sistemi ta’ produzzjoni tal-ikel u d-dieti se jinbidlu biex jadattaw għat-tibdil fil-klima u biex jimmitigawh. Iċ-ċittadini kollha huma dipendenti fuq is-settur agroalimentari (eż. l-bdiewa, il-familji, dawk tul il-katina tal-provvista, il-konsumaturi) u għalhekk it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju għandha tiżgura li dawk affettwati jiġu faċilitati u appoġġati fit-tibdil. Din it-tranżizzjoni ser ikollha isseħħ globalment u fil-kuntest settorjali, u l-UE tista’ taqdi rwol ta’ tmexxija.

4.2.2.

It-tibdil fil-klima jġib sfidi enormi għall-agrikoltura Ewropea kemm bħala xprun kif ukoll bħala settur li jaffaċja l-aktar l-impatti.

4.2.3.

Is-settur jeħtieġ li jiġi definit mill-ġdid għall-kontribut tiegħu għas-sistemi ta’ assorbiment naturali, bħalma huma s-servizzi tal-ekosistema li jistgħu jtaffu parti mill-impatt tat-tibdil fil-klima. Dawn għandhom jiġu rikonoxxuti u l-finanzjament pubbliku, permezz tal-PAK, għandu jaġġusta sabiex jiġu appoġġati dawn is-servizzi pprovduti mis-settur agrikolu, bħala konsegwenza tal-objettiv tagħhom ta’ produzzjoni tal-ikel. Dan il-kunċett ġenerali huwa appoġġat f’Opinjoni adottata dan l-aħħar (5).

4.2.4.

Il-konsum sostenibbli tal-ikel irid jibda fl-istadju upstream tal-preparazzjoni tal-ħamrija u l-ġestjoni tas-sistemi naturali sabiex jiġi pprovdut l-element kostitwenti primarju tal-ikel. Il-KESE jenfasizza li jeħtieġ jitnieda dibattitu dwar il-bżonn ta’ Direttiva Qafas dwar il-Ħamrija, u tingħata tmexxija ċara dwar l-importanza ta’ promozzjoni favur il-ġestjoni sostenibbli u l-protezzjoni tal-ħamrija (6). Il-protezzjoni tal-ħamrija u r-rwol tagħha fis-servizzi tal-ekosistema huma fokus għall-Presidenza Estonjana tal-Kunsill tal-UE fil-preżent (7).

4.2.5.

Il-KESE jippromovi l-kunċett ta’ produzzjoni u konsum sostenibbli. Il-kisba ta’ kunsens dwar il-ħtieġa ta’ bidla fl-attitudnijiet lejn il-konsum tal-laħam se tiddependi fuq l-identifikazzjoni tal-opportunitajiet u l-appoġġ meħtieġa sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta għal dawk li jiddependu fuq dan is-settur tal-industrija agroalimentari.

4.2.6.

Dan huwa settur affettwat ukoll mill-ixpruni tat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari d-dipendenza tiegħu fuq il-karburanti fossili, mill-produzzjoni tal-ikel, sal-ipproċessar, u t-trasport u l-imballaġġ. Il-politiki jeħtieġ li jiġu fformulati b’rikonoxximent tan-natura riġida (locked-in) tal-mudell agroalimentari eżistenti, u jridu jimmappjaw rotta li tista’ tintlaħaq għal ġejjieni sostenibbli għall-bdiewa u li ma jagħmilx ħsara lill-klima.

4.2.7.

Il-politiki ambjentali ma għandhomx għalfejn ikunu f’kunflitt mal-ħtiġijiet immedjati tas-settur tal-biedja, meta jitqiesu bħala applikazzjonijiet ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn soċjetà b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

4.3.   Il-konsumaturi

4.3.1.

Fil-kisba tat-tranżizzjoni, is-setgħa tal-konsumaturi tista’ tiġi sfruttata biss meta l-konsumaturi jkollhom l-għażla ta’ alternattivi etiċi sostenibbli li ma jwasslux għal tnaqqis sinifikanti fil-konvenjenza jew fil-kwalità f’termini ta’ servizz, użu jew aċċessibbiltà. Alternattivi vijabbli għall-konsumaturi jistgħu jiġu żviluppati permezz tal-mudelli ekonomiċi ġodda bħalma huma l-ekonomija diġitali, dik kollaborattiva u dik ċirkolari u permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-tranżizzjoni settorjali u globali lejn dawn il-mudelli.

4.3.2.

Wisq drabi l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas jiġi applikat ħażin u jiġu imposti miżati fuq il-konsumaturi, meta dawn ma jkollhom l-ebda alternattiva vijabbli disponibbli. Il-konsumaturi jrid ikollhom l-alternattiva ta’ għażla qabel ma l-ipprezzar jista’ jsir strument effettiv sabiex jixpruna l-bidla fl-imġiba fid-direzzjoni meħtieġa.

4.3.3.

It-taxxa fuq il-basktijiet tal-plastik hija eżempju tajjeb ta’ konsumaturi li jiffaċċjaw taxxa żgħira, iżda li għandhom għażliet alternattivi disponibbli għalihom – jiġifieri li jġibu l-basket tagħhom stess jew jużaw kaxxa pprovduta mill-bejjiegħ bl-imnut. Meta jiġi applikat b’dan il-mod, tista’ tinkiseb bidla fl-imġiba fuq skala kbira.

4.3.4.

B’kuntrast, l-intaxxar tal-karburanti fossili (pereżempju l-petrol) fil-livell tal-konsumatur jista’ jikkawża skuntentizza u d-devjazzjoni tal-introjtu disponibbli għall-fjuwil. Dan jista’ jixpruna wkoll suq illegali sekondarju, filwaqt li jippreserva l-profitti tal-produttur tal-inkwinant. Dan huwa aggravat min-nuqqas ta’ delimitazzjoni ta’ dawn it-taxxi fil-biċċa l-kbira tal-każijiet. Iċ-ċittadini jħossu li l-politiki dwar it-tibdil fil-klima huma assoċjati mal-penalizzazzjoni inġusta ta’ dawk li ma għandhom l-ebda alternattiva ħlief li joperaw fi ħdan l-ekonomija bbażata fuq il-karburanti fossili.

4.3.5.

Għandu jsir investiment f’mekkaniżmi ta’ appoġġ, inkluż flus pubbliċi, strumenti ekonomiċi u inċentivi sabiex ikun żgurat li jkun hemm infrastruttura u appoġġ adatt għall-konsumaturi li jkunu jixtiequ jagħżlu stil ta’ ħajja b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, inkluża assistenza sabiex jintlaħqu l-ispejjeż ogħla ta’ prodotti u servizzi etiċi/ta’ ħajja twila/sostenibbli. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ sħubijiet pubbliċi-privati. L-industrija tal-karozzi hija eżempju funzjonali tajjeb ta’ arranġamenti ta’ “back financing” mill-manifattur sabiex jittejjeb l-aċċess għall-karozzi ġodda għall-konsumaturi. Jistgħu jiġu offruti tipi simili ta’ sistemi ta’ appoġġ għal setturi oħra, pereżempju l-apparat domestiku, il-modifika (retrofitting) ta’ dar jew negozju.

4.3.6.

Hemm kontradizzjoni klimatika meta jintużaw il-flus pubbliċi sabiex jingħata appoġġ u jsir investiment f’sistemi u infrastrutturi li jżidu d-dipendenza tal-utent finali fuq il-fatturi li jwasslu għat-tibdil fil-klima, filwaqt li fl-istess issir ħidma sabiex l-impatti tat-tibdil fil-klima jitrażżnu u jiġu mmaniġġjati. Il-konsumaturi huma l-ewwel li jiffaċċjaw l-impatt ta’ dan. L-għażla bejn ħlas akbar biex jintużaw l-alternattivi niġġiesa jew inkella ma jintużawx mhijiex għażla “ġusta” li għandha tiġi offruta liċ-ċittadini.

4.3.7.

Hemm perċezzjoni li l-għażliet ta’ stil ta’ ħajja sostenibbli u ta’ konsum sostenibbli huma kompatibbli biss ma’ introjtu disponibbli għoli. L-għażliet etiċi, li ma jagħmlux ħsara lill-klima, u sostenibbli mhumiex aċċessibbli għal kulħadd indaqs. L-ipprezzar li jinkorpora l-ispejjeż klimatiċi (bħalma hi l-intensità tal-użu tar-riżorsi) tal-prodotti u s-servizzi għandu jkun appoġġjat minn qafas ta’ politika li jikkontesta din il-perċezzjoni u jżid l-aċċessibbiltà għall-konsumaturi kollha.

4.3.8.

Il-leġislazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur saret qabel ma n-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxxiet fl-1999 li l-konsum sostenibbli huwa dritt bażiku tal-konsumatur, u għalhekk ma tagħmel l-ebda referenza għal dan (8). Il-KESE jtenni l-appell tiegħu għal politika dwar il-konsum sostenibbli. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-kuntest tal-SDGs u l-inizjattiva tal-Ekonomija Ċirkolari.

4.3.9.

Mingħajr l-għażla alternattiva l-konsumatur ma titħallielu l-ebda triq għajr faqar impost/deċiżjonijiet ħżiena/għażliet mhux tajbin għas-saħħa/għażliet mhux sostenibbli u jiżviluppa diżgust għall-politiki “ambjentali” li jitqiesu bħala penalizzanti għall-utent finali. Sadanittant, dawk li jagħmlu profitt minn din is-sistema mhumiex iħallsu iżda qegħdin jagħmlu aktar flus, u b’hekk l-inugwaljanza tiżdied – taħt il-pretest tal-politika ambjentali u f’kontradizzjoni mal-prinċipji tas-sussidjarjetà.

4.4.   It-tranżizzjonijiet tax-xogħol

4.4.1.

Huwa essenzjali li jiġu protetti l-ħaddiema fit-tranżizzjoni, kemm dawk b’ħiliet baxxi jew mhux trasferibbli kif ukoll dawk f’pożizzjonijiet bi kwalifiki għoljin. Jeħtieġ li l-aktar setturi tan-negozju u ħaddiema vulnerabbli jiġu identifikati u appoġġjati b’mod adegwat. L-awtomatizzazzjoni tal-impjiegi, bħala parti mill-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, tista’ twassal għall-qerda ta’ ċerti impjiegi (9).

4.4.2.

It-taħriġ mill-ġdid u l-edukazzjoni huma wħud mill-mezzi sabiex tinkiseb din il-protezzjoni. Il-ħaddiema li l-impjiegi tagħhom jgħibu b’riżultat tat-tibdil fil-klima jew b’riżultat tal-ħtieġa li tintemm id-dipendenza fuq l-ixpruni tat-tibdil fil-klima ma għandhomx ikunu dawk li jħallsu l-prezz għal din il-bidla.

4.4.3.

L-identifikazzjoni bikrija tal-ħiliet meħtieġa sabiex jippermettu parteċipazzjoni sħiħa f’dawn il-mudelli ekonomiċi ġodda hija parti mis-soluzzjoni iżda daqstant ieħor dawn għandhom jiġu mmappjati fil-kuntest tal-impjiegi u d-dipendenzi eżistenti fuq il-mudell mhux sostenibbli tal-preżent.

4.4.4.

Importanti li fejn huwa possibbli jiġu protetti u ppreservati l-komunitajiet, u tiġi faċilitata t-tranżizzjoni bl-anqas ammont ta’ impatt fuq il-benesseri, kemm soċjali kif ukoll ekonomiku, ta’ dawk affettwati.

4.4.5.

Opportunitajiet ġodda huma identifikabbli b’mod ċar fil-mudelli ekonomiċi ġodda proposti, inkluża l-Ekonomija Funzjonali, Kollaborattiva u Ċirkolari. F’dan ir-rigward, l-UE għandha tniedi n-negozjati internazzjonali meħtieġa biex taħdem favur il-kisba ta’ mudell ekonomiku globali.

4.5.   Is-saħħa

4.5.1.

Hemm prezz għas-saħħa li jirriżulta mit-tibdil fil-klima, u l-ixpruni tat-tibdil fil-klima. Dan jista’ jitkejjel mill-imwiet u l-mard assoċjati mat-tniġġis tal-arja pereżempju, u jirrappreżenta prezz għas-soċjetà kif ukoll il-prezz għas-sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika. Is-sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika jeħtieġ li jikkunsidraw ir-rwol li t-tibdil fil-klima u l-ixpruni tat-tibdil fil-klima jaqdu fis-settur tagħhom.

4.5.2.

Hemm korrelazzjoni bejn is-saħħa u l-benesseri u l-aċċess għan-natura (IEEP). Bosta Stati Membri jiffaċċjaw sfidi tas-saħħa u soċjali bħall-obeżità, kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, esklużjoni soċjali, storbju u tniġġis tal-arja, li jaffettwaw b’mod sproporzjonat lill-gruppi soċjoekonomikament żvantaġġati u vulnerabbli.

4.5.3.

L-investiment fin-natura mhux biss jindirizza t-tibdil fil-klima f’termini tad-divestiment mill-inkwinanti, iżda wkoll l-investiment fil-ħżin tal-karbonju f’ekosistemi naturali. Il-benefiċċji li jirriżultaw għas-saħħa huma doppji: il-prevenzjoni taż-żieda fil-mard u l-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja attiv li jwassal għal titjib fis-saħħa taċ-ċittadini u tal-komunitajiet. Ir-rikonoxximent ta’ dan l-aspett jgħin sabiex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet ta’ politika jkunu bbilanċjati, infurmati u bbażati fuq l-evidenza.

4.6.   L-enerġija

4.6.1.

Il-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli f’termini ta’ perċentwal tal-konsum tal-elettriku żdiedet b’aktar mid-doppju bejn l-2004 u l-2015 fl-UE (14 % għal 29 %). Madankollu fit-tisħin, il-bini u l-industrija, kif ukoll fit-trasport, ir-rekwiżiti enerġetiċi għadhom enormi. Qiegħed isir progress iżda minn bażi baxxa ħafna, pereżempju s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum ta’ fjuwil fit-trasport żdied minn 1 % għal 6 % fl-istess perjodu.

4.6.2.

Il-faqar enerġetiku huwa kwistjoni madwar l-Ewropa kollha u għalkemm it-tifsira u l-kuntest tiegħu jistgħu jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor, dan huwa eżempju ieħor tal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-politiki dwar it-tibdil fil-klima jkunu ffukati fuq il-protezzjoni ta’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli.

4.6.3.

Il-KESE jtenni s-sejħa tiegħu għal osservatorju Ewropew dwar il-faqar enerġetiku (10), li jkun ilaqqa’ flimkien il-partijiet interessati kollha biex jgħinu fid-definizzjoni ta’ indikaturi Ewropej tal-faqar enerġetiku. Il-ġustizzja għaċ-ċittadini kollha tfisser li jkun żgurat li tiġi pprovduta enerġija aċċessibbli, nadifa u affordabbli lil kulħadd.

4.6.4.

Il-politiki li jappoġġjaw l-indirizzar tal-problema enormi tal-faqar enerġetiku fl-UE jistgħu jkunu wkoll soluzzjonijiet sabiex jiġu stabbiliti infrastruttura u provvista ta’ enerġija nadifa, permezz ta’ spostament tas-sussidji u l-koordinazzjoni tar-rieda politika.

4.6.5.

Il-politiki li jappoġġjaw is-sussidji għall-karburanti fossili, direttament jew indirettament, jammontaw għall-inverżjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas – min iniġġes jitħallas f’dawn il-każijiet. Ħafna minn dawn is-sussidji huma inviżibbli għall-utent finali iżda finalment jiġu minn flus pubbliċi. Opinjoni reċenti (11) diġà stabbiliet il-każ biex jintemmu s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent (EHS) fl-UE, u Opinjoni oħra dwar l-immappjar tal-politiki dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-UE (12) tenfasizza l-ħtieġa ta’ implimentazzjoni tal-impenji eżistenti biex jitneħħew l-EHS u l-ħtieġa għal promozzjoni vigoruża tar-riforma tat-taxxi ambjentali.

4.6.6.

L-appoġġ għandu jkun disponibbli għal kulħadd, is-sussidji għandhom jiffukaw fuq is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, is-sussidji għall-ixpruni tat-tibdil fil-klima għandhom jiġu eliminati b’mod urġenti, u l-eżenzjonijiet għandhom jiġu applikati b’mod aktar ġust, b’mod espliċitu mhux għal dawk li l-aktar jifilħu jħallsu, u mhux għal dawk li jagħmlu profitt mill-inkwinant. Is-sussidji għall-karburanti fossili fil-preżent huma b’rata ta’ $10 miljuni fil-minuta b’mod globali skont il-FMI. L-eliminazzjoni ta’ dawn is-sussidji żżid id-dħul tal-gvernijiet bi 3,6 % tal-PDG globali, tnaqqas l-emissjonijiet b’aktar minn 20 %, tnaqqas l-imwiet qabel iż-żmien mit-tniġġis tal-arja b’aktar min-nofs, u żżid il-benesseri ekonomiku globali b’$1,8 triljun (2,2 % tal-PDG globali). Din iċ-ċifra tissottolinja n-natura inġusta tas-sistema preżenti.

4.6.7.

Politiki ta’ sostenibbiltà effettivi jiddependu fuq l-assigurazzjoni li l-għajnuniet għat-transizzjoni jiġu identifikati b’mod ċar, prijoritizzati u ffinanzjati b’mod adatt.

Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni dwar Lejn azzjoni Ewropea kkoordinata għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-faqar fil-qasam tal-enerġija, ĠU C 341, 21.11.2013, p. 21.

(2)  Opinjoni dwar L-impatt tal-konklużjonijiet tal-COP21 dwar il-politika Ewropea tat-trasport, ĠU C 303, 19.8.2016, p. 10.

(3)  Opinjoni dwar L-integrazzjoni tar-refuġjati fl-UE, ĠU C 264, 20.7.2016, p. 19.

(4)  Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp, ĠU C 246, 28.7.2017, p. 71.

(5)  Opinjoni dwar Tfassil mill-ġdid possibbli tal-Politika Agrikola Komuni, ĠU C 288, 31.8.2017, p. 10.

(6)  Opinjoni dwar L-Ekonomija Ċirkolari – fertilizzanti ĠU C 389, 21.10.2016, p. 80.

(7)  Opinjoni dwar Użu tal-art għall-produzzjoni tal-ikel sostenibbli u s-servizzi tal-ekosistema (ara paġna 72 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Opinjoni dwar Il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv: mudell ta’ sostenibbiltà għas-seklu XXI, ĠU C 177, 11.6.2014, p. 1.

(9)  Opinjoni dwar It-tranżizzjoni lejn futur Ewropew iżjed sostenibbli – strateġija għall-2050 (ara paġna 44 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(10)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(11)  Opinjoni dwar Strumenti bbażati fuq is-suq għal ekonomija tal-UE effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1.

(12)  Opinjoni dwar Żvilupp sostenibbli: immappjar tal-politiki interni u esterni tal-UE, ĠU C 487, 28.12.2016, p. 41.