IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.12.2017
COM(2017) 821 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
AKTAR PASSI LEJN IT-TLESTIJA TAL-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA TAL-EWROPA: PJAN DIREZZJONALI
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.12.2017
COM(2017) 821 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
AKTAR PASSI LEJN IT-TLESTIJA TAL-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA TAL-EWROPA: PJAN DIREZZJONALI
1.INTRODUZZJONI
Għaddew kważi 16-il sena minn meta daħlu f’ħajjitna ta’ kuljum l-ewwel muniti u l-karti tal-euro. Il-munita issa hija użata ta’ kuljum minn 340 miljun Ewropew f’19-il Stat Membru fiż-Żona tal-Euro. Hija t-tieni l-aktar munita użata madwar id-dinja. Sittin pajjiż u territorju ieħor madwar id-dinja b’175 miljun persuna, għażlu li jużaw l-euro bħala l-munita tagħhom jew li jorbtu l-munita tagħhom stess magħha.
Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li laqtet lill-Ewropa fl-2008, li l-konsegwenzi tagħha għadhom jinħassu sal-lum, ma bdewx fiż-Żona tal-Euro iżda kixfu ċerti nuqqasijiet istituzzjonali. Bħala rispons ta’ emerġenza għall-isfidi immedjati, ġew adottati diversi strumenti. Huma pprovdew salvagwardji finanzjarji ġodda, għenu lill-aktar pajjiżi affettwati u żiedu l-koordinazzjoni tal-politika fil-livell tal-UE. Saħħew ir-regoli fiskali u finanzjarji sabiex jiġi evitat li tkompli teskala l-kriżi. Azzjoni fuq il-politika monetarja mill-Bank Ċentrali Ewropew ukoll uriet li kienet deċiżiva.
Wara snin mingħajr tkabbir, jew tkabbir baxx, sforzi determinati fil-livelli kollha bdew jagħtu l-frott. L-Ewropa issa għaddejja minn irkupru sod. L-Istati Membri issa kollha qegħdin jikbru u t-tkabbir ġenerali fl-UE baqa’ bir-rata medja ta’ 2 % għal diversi snin wara xulxin. 1 Is-sentiment ekonomiku huwa l-ogħla li qatt kien fl-UE u fiż-Żona tal-Euro mis-sena 2000. Ir-rata tal-qgħad hija l-aktar baxxa mill-aħħar tal-2008. L-appoġġ popolari għall-euro huwa fl-ogħla livell fiż-Żona tal-Euro mill-introduzzjoni tal-muniti u karti tal-euro fl-2002. 2 Madankollu, kif kienet qalet il-Kummissjoni ta' bħalissa kif ħadet il-kariga tagħha, il-kriżi tkun għadha ma għaddietx jekk il-qgħad jibqa’ daqshekk għoli, b’14,3 miljun ruħ għadhom mingħajr impjieg fiż-Żona tal-Euro f'Ottubru 2017.
Tagħlimiet importanti li jeħtieġ li jittieħdu mis-snin tal-kriżi. Il-kwistjonijiet rilevanti kienu ġew identifikati biċ-ċar fir-Rapport tal-Ħames Presidenti f’Ġunju 2015. 3 Minn dakinhar, sar ħafna għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja permezz ta’ “azzjoni". Is-Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika ġie msaħħaħ bi gwida aktar ċara għaż-Żona tal-Euro kollha kemm hi u b’enfasi aktar qawwija fuq l-aspetti soċjali. Il-governanza ekonomika tjiebet, bit-twaqqif ta’ Bord Fiskali Ewropew u Bords Nazzjonali tal-Produttività. L-assistenza teknika lill-Istati Membri ngħatat spinta permezz tal-ħolqien ta’ Servizz ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali. Ittieħdu passi importanti lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja 4 u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali 5 , l-aktar permezz ta’ avvanzi paralleli fit-tnaqqis tar-riskji u l-miżuri ta’ qsim tar-riskji fis-settur bankarju. Sabiex tiżdied is-sjieda fil-livelli kollha, id-djalogu mal-atturi politiċi nazzjonali u Ewropej u l-imsieħba soċjali intensifika wkoll.
B’riżultat ta’ dan, l-arkitettura taż-Żona tal-Euro hija aktar b’saħħitha minn qatt qabel, iżda dan ma jfissirx li hija lesta. Id-Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, 6 kif ukoll id-Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi Ewropej 7 ippreżentati mill-Kummissjoni bħala parti mis-segwitu għall-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, 8 ifakkru l-istat attwali u jindikaw possibiltà għall-futur lejn l-2025.
L-Ewropa tidher biċ-ċar li qiegħda tieħu lura saħħitha. Kemm ekonomikament u politikament, hemm tieqa ta’ opportunità u l-iżviluppi pożittivi huma ta’ inkoraġġiment ulterjuri għal azzjoni. Ma għandu jkun hemm l-ebda lok għal kompjaċenza: wieħed għandu dejjem isewwi s-saqaf sakemm tkun għadha x-xemx.
Fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2017, 9 il-President Juncker ippreżenta l-fehmiet tiegħu għal Unjoni Aktar Magħquda, Aktar Qawwija u Aktar Demokratika u għamilha ċara li t-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja hija parti essenzjali tal-pjan direzzjonali li se jwassal għal-laqgħa tal-Mexxejja f’Sibiu, imsejħa mill-President Tusk fid-9 ta’ Mejju 2019, fejn għandhom jittieħdu deċiżjonijiet importanti dwar il-futur tal-Ewropa.
Dan ġie rifless ukoll fl-Aġenda tal-Mexxejja, 10 bil-mexxejja tal-UE jippjanaw Summit dwar l-Euro fil-15 ta’ Diċembru 2017 sabiex jiddiskutu l-kronoloġija għal deċiżjonijiet dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Unjoni Bankarja, u laqgħa dedikata ppjanata għat-28-29 ta’ Ġunju 2018 sabiex jintlaħqu deċiżjonijiet konkreti.
L-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa llum
Sors: Il-Kummissjoni Ewropea
Is-sejħa għall-unità, l-effiċjenza u l-akkontabbiltà demokratika tad-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni hija partikolarment rilevanti għat-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja:
·L-Unità: L-euro hija l-munita unika tal-UE u dak li huwa maħsub għaż-Żona tal-Euro jinħtieġ li jkun maħsub għal u ma’ dawk l-Istati Membri li huma mistennija li jissieħbu fl-euro fil-futur. Bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u tad-Danimarka, l-Istati Membri mhux membri tal-euro ħadu l-impenn legali li eventwalment jissieħbu fl-euro 11 . Barra minn hekk, bit-tluq tar-Renju Unit, l-ekonomija taż-Żona tal-Euro mbagħad jirrappreżentaw madwar 85 % tal-Prodott Domestiku Gross totali tal-UE. L-integrazzjoni politika u ekonomika tal-UE, li l-qalba tagħha huwa s-suq uniku, tfisser li l-futur tal-Istati Membri tal-euro u dawk li mhumiex huwa diġà interkonness, u Żona tal-Euro b’saħħitha u stabbli hija l-qofol għall-membri tagħha kif ukoll għall-UE kollha kemm hi. Dan huwa għalfejn il-proposti f’dan il-pakkett jindirizzaw il-bżonnijiet u l-interessi tal-Istati kemm membri tal-euro kif ukoll dawk li mhumiex, bħala partijiet interdipendenti tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
·L-effiċjenza: Unjoni Ekonomika u Monetarja iktar b’saħħitha teħtieġ governanza aktar b’saħħitha u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi disponibbli. Is-sistema attwali għadha tirrifletti taħlita ta’ deċiżjonijiet meħuda biex jiffaċċjaw kriżi mingħajr preċedent. Dan xi kultant wassal għal multiplikazzjoni ta’ strumenti u sofistikazzjoni dejjem akbar ta’ regoli, li huwa sors ta’ kumplessità u joħloq riskji ta’ duplikazzjoni. Sinerġiji aqwa, proċeduri ssimplifikati u l-integrazzjoni tal-arranġamenti intergovernattivi fil-qafas legali tal-UE jsaħħu l-governanza u t-teħid ta’ deċiżjonijiet. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza l-bidliet kollha proposti mill-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett tal-lum jistgħu jiġu implimentati fil-qafas tat-Trattati attwali tal-UE.
·L-akkontabbiltà democratika: It-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tfisser ukoll responsabbiltà politika u trasparenza akbar dwar min jiddeċiedi xhiex fil-livelli differenti.
Din teħtieġ li d-dimensjoni Ewropea tat-teħid ta’ deċiżjonijiet isir aktar qrib iċ-ċittadin u minn ta’ quddiem nett fid-dibattiti nazzjonali, kif ukoll li jiġi żgurat li kemm il-Parlamenti Nazzjonali u dak Ewropew ikollhom setgħat ta’ sorveljanza suffiċjenti fuq il-ġestjoni tal-governanza ekonomika tal-UE. Dan jinħtieġ iwassal għal sjieda ogħla tad-deċiżjonijiet kollettivi u ftuħ rigward il-mod li bih jittieħdu u jiġu kkomunikati.
F’dawn l-aħħar snin, ġew espressi ħafna fehmiet dwar it-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. L-opinjonijiet jistgħu jvarjaw iżda hemm kunsens wiesa’ dwar il-ħtieġa li jsir aktar progress. Saru wkoll kontribuzzjonijiet sinifikanti ħafna mill-Parlament Ewropew 12 u diskussjonijiet importanti fil-Grupp tal-Euro. 13
Din il-Komunikazzjoni tagħti taqsira tar-raġunijiet u l-kontenut tal-inizjattivi ppreżentati
llum mill-Kummissjoni. Hija mbagħad tfakkar kif dan il-pakkett huwa inkluż fi pjan direzzjonali aktar wiesgħa biex japprofondixxi l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa sal-2025 u tipprovdi skadenza għal azzjoni fit-18-il xahar li ġejjin.
2.INIZJATTIVI TAL-LUM
Kif imħabbar fid-Diskors tal-2017 dwar l-Istat tal-Unjoni u l-Ittra ta’ Intenzjoni li takkumpanjah, l-inizjattivi tal-lum jistabbilixxu iżjed passi lejn l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
Ħarsa ġenerali lejn il-pakkett tal-lum
Illum, il-Kummissjoni qed tippreżenta l-proposti u l-inizjattivi li ġejjin:
·Proposta għall-ħolqien ta’ Fond Monetarju Ewropew ankrat fil-qafas legali tal-Unjoni;
·Proposta sabiex tiġi integrata s-sustanza tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fil-qafas legali tal-Unjoni, tenut kont tal-flessibilità xierqa inkluża fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u identifikata mill-Kummissjoni minn Jannar 2015;
·Komunikazzjoni dwar strumenti baġitarji ġodda għal Żona tal-Euro stabbli fil-qafas tal-Unjoni;
·Għall-perjodu 2018-2020, (1) bidliet immirati fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni sabiex jiġu mobilizzati fondi tal-UE b’appoġġ għar-riformi nazzjonali u (2) proposta għat-tisħiħ tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali;
·Komunikazzjoni dwar Ministru Ewropew tal-Ekonomija u l-Finanzi.
Il-Proposta għall-ħolqien ta’ Fond Monetarju Ewropew
Din il-proposta tibni fuq l-istruttura stabbilita sew tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà billi toħloq Fond Monetarju Ewropew ibbażat fuq il-qafas legali tal-UE. Dan kien tħabbar diġà fir-Rapport tal-Ħames Presidenti u kienet saret sejħa għalih ukoll mill-Parlament Ewropew, li saħaq dwar il-bżonn ta’ Fond Monetarju Ewropew li jkollu kapaċitajiet ta’ self u teħid ta’ self xierqa u mandat ċar ħafna 14 .
Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà ġie stabbilit f’Ottubru 2012 fl-eqqel tal-kriżi. Il-pressjoni taċ-ċirkostanzi f’dak iż-żmien wasslet għal soluzzjoni intergovernattiva. Madankollu, kien diġà ċar dak iż-żmien li dan seta’ jintlaħaq ukoll fil-qafas tat-Trattati tal-UE, kif indikat, pereżempju, fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina 15 .
Matul is-snin, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà ġie kkonfermat bħala element deċiżiv biex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja taż-Żona tal-Euro. Huwa għamel dan billi pprovda appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri taż-Żona tal-Euro f’diffikultà. It-trasformazzjoni tiegħu f’Fond Monetarju Ewropew se tkompli ssaħħaħ l-iffissar istituzzjonali tiegħu. Se jgħin sabiex jinħolqu sinerġiji ġodda fil-qafas tal-UE, l-aktar f’termini ta’ trasparenza, rieżami legali u l-effiċjenza tar-riżorsi finanzjarji tal-UE u b’hekk jingħata appoġġ aqwa lill-Istati Membri. Dan se jgħin ukoll biex titjib aktar il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-akkontabbiltà lejn il-Parlament Ewropew. Dan se jsir mingħajr ma jaffettwa l-mod kif il-gvernijiet nazzjonali jinżammu responsabbli mill-parlamenti nazzjonali tagħhom stess u jippreserva l-impenji tal- Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà eżistenti.
L-inizjattiva tieħu l-forma ta’ proposta għal Regolament tal-Kunsill, li hija soġġetta għall-kunsens tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. L-Artikolu 352 jippermetti l-integrazzjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà fil-qafas tal-Unjoni, għaliex din l-azzjoni hija meħtieġa għall-istabbiltà finanzjarja taż-Żona tal-Euro
16
u t-Trattati ma jkunu pprovdew l-ebda bażi legali oħra għall-UE biex tkun tista’ tilħaq dan l-għan preċiż
17
. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jbassar b’mod ċar rwol għall-Parlamenti nazzjonali. Storikament, diversi deċiżjonijiet sinifikanti li wasslu għat-twaqqif tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja kienu bbażati fuq l-
Artikolu ekwivalenti tal-Artikolu 352. Pereżempju, id-deċiżjonijonijiet dwar il-Fond ta’ Kooperazzjoni Monetarja Ewropew, l-Unità Monetarja Ewropea u l-ewwel mekkaniżmi tal-bilanċ tal-pagamenti ttieħdu skont l-Artikolu 235 tat- Trattat dwar il-Komunità Ekonomika Ewropea, il-predeċessur tal-Artikolu 352.
Il-proposta kienet ikkumplimentata minn abbozz li jista’ jsir ftehim intergovernattiv
għall-Istati Membri taż-Żona tal-Euro sabiex jifthemu bejniethom dwar it-trasferiment ta’ fondi mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà lejn il-Fond Monetarju Ewropew. Hija tipprevedi wkoll li l-Fond ikun is-suċċessur ta’ u jissostitwixxi l-ESM, inkluża l-pożizzjoni legali, bid-drittijiet u l-obbligi kollha tiegħu.
Skont il-proposta tal-lum, il-Fond Monetarju Ewropew se jkun stabbilit bħala entità legali unika skont il-liġi tal-Unjoni. Huwa se jissupera l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, bl-istrutturi finanzjarji u istituzzjonali attwali tiegħu essenzjalment ippriservati. Dan ifisser li l-Fond Monetarju Ewropew se jkompli jipprovdi appoġġ ta’ stabbiltà finanzjarja għal Stati Membri fil-bżonn, biex jiġbor fondi billi joħroġ strumenti tas-suq tal-kapital u biex jidħol fi tranżazzjonijiet tas-suq monetarju. Is-sħubija mhux se tinbidel u l-parteċipazzjoni ta’ aktar Stati Membri se tibqa’ possibbli, ladarba jadottaw l-euro.
Billi l-Fond Monetarju Ewropew isir korp tal-Unjoni, xi aġġustamenti mmirati huma meħtieġa fl-istruttura attwali tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Dawn huma spjegati fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tar-Regolament. Jinkludu wkoll approvazzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjonijiet diskrezzjonarji meħuda mill-Fond Monetarju Ewropew 18 .
Barra minn hekk, il-proposta tal-lum iżżid numru limitat ta’ karatteristiċi ġodda.
L-ewwel nett, il-Fond Monetarju Ewropew se jkun jista’ jipprovdi l-garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Dan huwa komponent essenzjali tat-tieni pilastru tal-Unjoni Bankarja - il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni. 19
Meta l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni ġie adottat fl-2013, l-Istati Membri qablu wkoll li jiżviluppaw garanzija ta’ kontinġenza għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Dan kien maħsub bħala l-aħħar għażla li tiġi attivata jekk ir-riżorsi disponibbli immedjatament tal-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni ma jkunux suffiċjenti għall-finijiet ta’ kapital jew likwidità. L-Istati Membri qablu wkoll li jinħtieġ li jkun fiskalment newtrali fuq it-terminu medju ta' żmien sabiex kull skjerament potenzjali tal-garanzija ta’ kontinġenza jiġi rkuprat mis-settur bankarju fiż-Żona tal-Euro.
Regoli ġodda tal-UE dwar is-superviżjoni u r-riżoluzzjoni bankarja żviluppati wara l-kriżi naqqsu b’mod sinifikanti l-probabbiltà u l-impatt potenzjali ta’ fallimenti bankarji. Madankollu, garanzija ta' kontinġenza fiskali komuni għadha meħtieġa sabiex titjieb il-kapaċità finanzjarja tal-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni. Din il-garanzija tispira fiduċja fis-sistema bankarja għaliex tenfasizza l-kredibilità tal-azzjonijiet meħuda mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni. B’hekk, dan inaqqas iċ-ċans ta’ sitwazzjoni fejn tkun tinħtieġ il-garanzija ta’ kontinġenza.
Hemm kunsens wiesa’ li l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà - il-Fond Monetarju Ewropew futur - qiegħed fl-aħjar pożizzjoni sabiex jipprovdi din il-garanzija fl-għamla ta’ linja ta’ kreditu jew garanziji għall-Fond Monetarju Ewropew. Dan huwa rifless fil-proposta tal-lum li jistabbilixxi wkoll proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet xierqa biex jiżguraw li l-garanzija ta’ kontinġenza tkun tista’ tiġi mobilizzata malajr, jekk ikun meħtieġ. Huma proposti wkoll arranġamenti speċjali biex jaqdu l-interessi leġittimi tal-Istati Membri li mhumiex fiż-Żona tal-Euro li jingħaqdu mal-Unjoni Bankarja.
It-tieni, f’termini ta’ governanza, il-proposta tinkludi l-possibbiltà ta’ teħid aktar mgħaġġel tad-deċiżjonijiet f’ċerti sitwazzjonijiet urġenti. Huwa propost li tinżamm il-votazzjoni b’unanimità għad-deċiżjonijiet ewlenin kollha b’impatt finanzjarju (pereż. sejħiet kapitali). Madankollu, il-maġġoranza kwalifikata msaħħa, fejn jinħtieġu 85 % tal-voti, hija proposta għal deċiżjonijiet speċifiċi dwar l-għajnuna għall-istabbiltà, l-iżborż u l-iskjerament tal-garanzija ta’ kontinġenza.
It-tielet nett, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġestjoni tal-programmi ta’ assistenza finanzjarja, il-proposta tbassar involviment aktar dirett tal-FME, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea.
Ir-raba’ nett, il-proposta tirreferi għall-possibbiltà li l-Fond Monetarju Ewropew jiżviluppa strumenti finanzjarji ġodda. Matul iż-żmien, dawn l-istrumenti jistgħu jissupplimentaw jew jappoġġaw programmi u strumenti finanzjarji oħra tal-UE. Dawn is-sinerġiji jistgħu jkunu partikolarment utli jekk il-Fond Monetarju Ewropew kellu jkollu rwol ta’ appoġġ għal funzjoni potenzjali ta’ stabbilizzazzjoni fil-futur.
B’dawn il-bidliet, il-Fond Monetarju Ewropew jistabbilixxi lilu nnifsu bħala korp ta’ ġestjoni tal-kriżijiet b’saħħtu fil-qafas tal-Unjoni, u jaħdem b’sinerġija sħiħa mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE. Il-Kunsill u l-Kummissjoni se jżommu l-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tagħhom f’termini ta’ sorveljanza ekonomika u fiskali u koordinazzjoni tal-politika, kif stabbiliti fit-Trattati tal-UE.
Il-kooperazzjoni prattika tista’ tiżdied ukoll sabiex taqdi aħjar lill-Istati Membri, tinvolvi l-parteċipanti fis-suq u tevita d-duplikazzjoni tal-attivitajiet. Kooperazzjoni ulterjuri tista’ tinkiseb fid-dawl tal-progress ulterjuri lejn it-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
Proposta sabiex tiġi integrata s-sustanza tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fil-qafas legali tal-Unjoni, tenut kont tal-flessibilità xierqa inkluża fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u identifikata mill-Kummissjoni minn Jannar 2015;
It-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja huwa Trattat intergovernattiv iffirmat minn 25 Stat Membru tal-UE. 20 Huwa jikkumplimenta l-qafas fiskali tal-UE, inkluż il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.
Il-proposta tal-lum timplimenta l-Artikolu 16 tiegħu fejn il-partijiet kontraenti kollha tiegħu ħadu impenn vinkolanti li jieħdu passi sabiex jinkorporaw is-sustanza ta’ dak it-Trattat fil-liġi tal-Unjoni fi żmien ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, li jikkorrispondi għal Jannar 2018 21 . Jinħtieġ li jiġi mfakkar li fiż-żmien tan-negozjati tat-Trattat, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni saħħqu dwar l-inkorporazzjoni tiegħu skont il-liġi tal-UE f’ammont ta’ żmien preċiż, li l-Istati Membri aċċettaw fl-Artikolu 16.
Bl-istess mod bħal l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, id-deċiżjoni għat-twaqqif tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja bħala Trattat intergovernattiv fl-2012 trid jitqies fil-kuntest taċ-ċirkostanzi ta’ dak iż-żmien. Madankollu, kemm l-impenn meħud skont l-Artikolu 16 u l-fatt li l-leġiżlazzjoni sussegwenti (magħrufa bħala “two-pack”) diġà tinkorpora ħafna mill-elementi skont il-liġi tal-UE, juri li l-intenzjoni li jinstabu soluzzjonijiet tal-Unjoni ilha preżenti mill-bidu. It-trasferiment tas-sustanza tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja skont il-liġi tal-UE ilu jissejjaħ biex isir mill-Parlament Ewropew, 22 li saħaq li, sabiex tkun effettivament leġittima u demokratika, il-governanza ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina trid issir fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni.
L-inizjattiva tal-lum tieħu l-forma ta’ proposta għal Direttiva tal-Kunsill, li tirrikjedi li jiġi kkonsultat il-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 126(14)(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Din hija l-unika bażi legali disponibbli fit-Trattat. Il-Kummissjoni se tqis l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew fil-proċess. Il-proposta tapplika għall-Istati Membri kollha taż-Żona tal-Euro u tinkludi dispożizzjonijiet ta’ “inklużjoni fakultattiva” għall-Istati Membri li mhumiex parti miż-Żona tal-Euro.
Id-Direttiva proposta tintegra l-essenza tal-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza, li jifforma parti mill-hekk imsejjaħ Patt Fiskali. Dan l-Artikolu jitlob li regola ta’ baġit bilanċjat f’termini strutturali jinħtieġ li tiġi applikata, flimkien ma’ mekkaniżmu ta’ korrezzjoni f’każ ta’ devjazzjoni sinifikanti. Kif rappurtat mill-Kummissjoni aktar kmieni din is-sena 23 , id-dispożizzjonijiet skont dan l-Artikolu diġà ġew adottati fil-liġijiet nazzjonali.
L-integrazzjoni tal-Patt Fiskali fil-liġi tal-Unjoni tissimplifika l-qafas legali u tippermetti monitoraġġ aħjar u kontinwu bħala parti mill-qafas kumplessiv ta’ governanza ekonomika tal-UE.
B’mod partikolari, din se tikkomplementa u ssaħħaħ l-oqfsa fiskali eżistenti, li għandhom l-għan li tinkiseb konverġenza lejn livelli prudenti ta’ dejn pubbliku. Fl-istess waqt, il-proposta tqis il-flessibbiltà xierqa li fih il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u identifikata mill-Kummissjoni sa minn Jannar 2015
24
. Id-dispożizzjonijiet huma għalhekk konformi mar-regoli eżistenti definiti fil-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja.
Il-proposta tenfasizza wkoll il-valur — u żżomm il-prattika — tal-laqgħat interparlamentari li jsiru kull sena mill-Parlament Ewropew, kif ukoll tal-arranġamenti tal-votazzjoni fost il-partijiet kontraenti elenkati fit-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza.
Komunikazzjoni dwar strumenti baġitarji ġodda għal Żona tal-Euro stabbli fil-qafas tal-Unjoni
Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Juncker enfasizza li ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal strutturi paralleli: “Ma għandniex bżonn ta’ baġit għaż-Żona tal-Euro imma għandna bżonn linja tal-baġit għaż-Żona tal-Euro fil-limitu tal-baġit tal-UE.” Id-Dokumenti ta’ Riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u dwar il-futur tal-finanzi pubbliċi tal-UE ddeskrivew l-isfidi komuni għall-immodernizzar tal-finanzi pubbliċi tal-UE b’mod ġenerali u għall-ħtiġijiet partikolari taż-Żona tal-Euro. Il-Komunikazzjoni tal-lum tistabbilixxi viżjoni ta’ kif ċerti funzjonijiet baġitarji li huma essenzjali għaż-Żona tal-Euro u tal-UE
kollha kemm hi jistgħu jiġu żviluppati fil-qafas tal-finanzi pubbliċi tal-UE tal-lum u ta’ għada.
Il-Komunikazzjoni tfakkar dak li jista’ jinkiseb fil-qafas finanzjarju attwali tal-UE u tippreżenta diversi ideat u għażliet, xi wħud li jwittu t-triq għall-proposti li jmiss tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta’ wara l-2020.
Il-Komunikazzjoni tiddiskuti erba’ funzjonijiet speċifiċi li huma essenzjali għal approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Hija tipproponi l-passi konkreti li jmiss għal kull waħda minnhom:
·Appoġġ għar-riformi strutturali permezz ta’: 1) għodda għat-twettiq tar-riformi biex issostni l-pakketti tal-impenji favur ir-riformi miftiehma mal-Istati Membri u 2) appoġġ tekniku fuq talba tal-Istati Membri;
·Faċilità dedikata għal konverġenza tal-Istati Membri fi triqthom biex jissieħbu fl-euro;
·Garanzija ta’ kontinġenza għall-Unjoni Bankarja, permezz tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà / Fond Monetarju Ewropew, kif spjegat hawn fuq;
·Funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni, li tlaqqa’ flimkien id-diversi fondi u strumenti finanzjarji fil-livell tal-UE u taż-Żona tal-Euro, li għandhom jintużaw biex jinżammu l-livelli ta’ investiment f’każ ta’ xokkijiet asimmetriċi kbar.
Għall-perjodu 2018-2020, il-Kummissjoni bi ħsiebha tiżviluppa xi wħud minn dawn l-ideat u ttestjahom fil-prattika biex tappoġġa r-riformi strutturali u l-bini tal-kapaċità. Għal dan il-għan, l-inizjattivi li ġejjin huma ppreżentati flimkien ma’ dan il-pakkett:
·Proposta biex jiġi emendat ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, kif spjegat hawn taħt, sabiex jiġu estiżi l-possibbiltajiet li tintuża r-riżerva ta’ prestazzjoni minsuġa fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.
·Proposta biex jissaħħaħ il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali, kif spjegat hawn taħt, biex jissaħħaħ l-appoġġ tekniku disponibbli għall-Istati Membri kollha u biex jinħoloq ambjent ta’ ħidma ddedikata għall-appoġġ tal-Istati Membri li mhumiex fiż-Żona tal-Euro fil-proċess tagħhom ta’ konverġenza.
Il-proposti l-oħra msemmija hawn se jsegwu l-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriannali ta’ wara l-2020, li għalih se jiġu preżentati proposti dettalljati f’Mejju 2018. Il-Kummissjoni se tqis bis-sħiħ ir-reazzjonijiet li jaslulha sa dak inhar.
Il-bidliet immirati fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni
Bil-ħsieb li tħejji l-għodda l-ġdida msemmija hawn fuq għat-twettiq tar-riformi, il-Kummissjoni qed tipproponi li tittestja għodda ġdida ta’ appoġġ baġitarju f’fażi pilota fil-perjodu 2018-2020. Din il-proposta hija fil-forma ta’ emendi mmirati fir-Regolament tad-Dispożizzjonijiet Komuni 25 . L-għan huwa li tkun offruta aktar flessibilità fl-użu mill-Istati Membri tar-riżerva ta’ prestazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Se jkun f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi jekk għandux l-intenzjoni jalloka partijiet mir-riżerva tal-prestazzjoni tiegħu għal din l-iskema ġdida.
L-għan ta’ din l-għodda se jkun l-appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ riformi nazzjonali, li se jiġu identifikati permezz tas-Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u integrati fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma ppreżentati mill-Istati Membri. Ladarba l-impenji għar-riforma ta’ Stat Membru jiġu miftiehma, b’miri u stadji importanti definiti b’mod ċar, il-Kummissjoni se timmonitorja u tevalwa l-implimentazzjoni tagħhom qabel ma sar l-iżburżar tal-appoġġ.
Il-proposta ma tbiddilx il-livell kumplessiv tan-nefqa tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej fil-qafas Finanzjarju Pluriennali attwali. It-tagħlimiet minn din l-inizjattiva se jintużaw fil-proposti għall-perjodu ta’ wara l-2020.
Proposta biex jissaħħaħ il-Programm ta’ Appoġġ għar-Riformi Strutturali
Wara ir-Rapport tal-Ħames Presidenti, lejn l-aħħar tal-2015 il-Kummissjoni stabbilixxiet Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali. L-għan ta’ dan is-Servizz huwa li jipprovdi support tekinku lill-Istati Membri biex jgħin fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi speċifiċi jew biex jirrinforza l-kapaċità kumplessiva tagħhom ta’ riforma. Il-programm wera biċ-ċar li kien partikolarment utli biex jgħin lill-Istati Membri biex ifasslu r-riformi għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u l-ambjent kummerċjali. Issa huwa ċar li d-domanda għal din it-tip ta’ assistenza teknika taqbeż sew il-finanzjament li kien inizjalmet disponibbli permezz tal-Programm ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali 26 .
Fl-istess ħin, kif iddikjarat mill-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, hemm ħtieġa ċara li naħsbu bil-quddiem u nappoġġaw lill-Istati Membri fit-tħejjija tagħhom għall-adeżjoni fl-euro meta dawn jkunu jixtiequ hekk. Waħda mil-lezzjonijiet li tgħallimna mill-kriżi hija li huwa kruċjali li tintlaħaq konverġenza u jinbnew strutturi ekonomiċi b’saħħithom għall-prosperità tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għall-funzjonament tajjeb tal-munita unika.
Appoġġ tekniku dedikat għall-Istati Membri li mhumiex fiż-Żona tal-Euro jista’ jkunu utli biex jikkontribwixxi lejn il-proċess ta’ konverġenza reali. Dan huwa partikolarment veru f’oqsma bħalma huma l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, l-amministrazzjoni pubblika, is-settur finanzjarju, is-swieq tax-xogħol u tal-prodotti.
Għal dawn iż-żewġ raġunijiet, il-Kummissjoni llum qed tippreżenta emenda tar-Regolament dwar il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali 27 . L-objettiv tagħha huwa li tirdoppja l-fondi disponibbli għall-attivitajiet ta’ assistenza teknika sal-2020, biex b’hekk din titla’ għal EUR 300 miljun fil-perjodu 2017-2020. It-tagħlimiet miksuba se jiggwidaw il-proposti għall-perjodu ta’ wara 2020.
Komunikazzjoni dwar Ministru Ewropew tal-Ekonomija u l-Finanzi
Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Juncker appoġġa l-idea ta’ Ministru Ewropew tal-Ekonomija u l-Finanzi. Skont il-prinċipju li “il-funzjoni tiddetta l-għamla”, il-Ministru se jkun strumentali biex isaħħaħ il-koerenza, l-effiċjenza, it-trasparenza u l-akkontabbiltà demokratika tal-governanza ekonomika tal-UE. Huwa wkoll importanti li jiġi osservat li l-possibbiltà li l-funzjoni tal-Kummissarju responsabbli, possibbilment tal-Viċi President tal-Kummissjoni, tiġi fuża ma’ dik tal-President tal-Grupp tal-Euro hija diġà possibbli skont it-Trattati attwali 28 .
L-arkitettura attwali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja hija intrinsikament kumplessa. Il-kompetenzi, il-funzjonijiet u l-istrumenti jitwettqu minn korpi differenti, f' oqfsa legali differenti u li xi kultant jidħlu f’xulxin. Din mhix sitwazzjoni xierqa la għaċ-ċittadini tal-UE u lanqas għal dawk li jfasslu l-politika, peress li tfixkel il-kapaċità li jiġi artikulat u difiż l-interess ekonomiku komuni tal-UE u taż-Żona tal-Euro b’mod partikolari. Din il-ħtieġa ilha tinħass dejjem iżjed matul is-snin hekk kif l-euro saret munita internazzjonali ewlenija u diversi dimensjonijiet tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja qed jissaħħu. Din hija wkoll waħda mir-raġunijiet li wasslu għall-fatt li din il-Kummissjoni saħħet il-kapaċitajiet tagħha ta’ koordinazzjoni interna u assenjat rwoli ġodda lill-Viċi Presidenti tagħha biex jikkoordinaw diversi portafolli ekonomiċi, finanzjarji u ta’ politika soċjali.
Il-Komunikazzjoni tal-lum tħares 'il quddiem u tistabbilixxi kif ċerti funzjonijiet eżistenti jistgħu jiġu kkombinati taħt Ministru Ewropew sabiex jiġi segwit l-interess ġenerali tal-ekonomija tal-UE u taż-Żona tal-Euro, tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika u jrendu taħlita ta’ politika mtejba fil-livelli kollha.
Il-Ministru Ewropew jista’ wkoll jissorvelja l-użu tal-istrumenti baġitarji tal-UE u taż-Żona tal-Euro u jfittex li jimmassimizza l-impatt tagħhom b’appoġġ għal prijoritajiet kondiviżi.
Il-Komunikazzjoni tistipula l-isfond istituzzjonali potenzjali li fihom ikun jopera l-Ministru. Il-Ministru jissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tat-tfassil tal-politika ekonomika u jiżgura skrutinju parlamentari qawwi fil-livell tal-UE, mingħajr ma jirfes fuq il-kompetenzi nazzjonali. Billi jgħaqqad il-funzjonijiet eżistenti u l-għarfien espert disponibbli fil-livell tal-UE, il-Ministru jikkontribwixxi għal qafas ta’ governanza aktar effiċjenti, li jinħtieġ li jikkomplementa u jiffaċilita l-eżerċizzju tal-kompetenzi nazzjonali, kif ukoll fl-interazzjoni tagħhom fil-livell tal-UE.
L-istabbiliment ta’ kariga bħal din jista’ jsir b’mod sekwenzjali. Ir-rwol tal-Ministru bħala Viċi President tal-Kummissjoni jista’ jiġi stabbilit bħala parti mill-ħatra tal-Kummissjoni li jmiss minn Novembru 2019. Biex il-Ministru jibda jippresiedi l-Grupp tal-Euro, il-Grupp tal-Euro jista’ b’mod informali jaqbel li jeleġġi lill-Ministru bħala l-President tiegħu għal żewġ mandati konsekuttivi, biex b’hekk jallinja l-mandat tiegħu mal-mandat tal-Kummissjoni.
3.PJAN DIREZZJONALI GĦALL-APPROFONDIMENT TAL-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA
Biex mill-prinċipji ġenerali ngħaddu għall-implimentazzjoni prattika jeħtieġ sens ta’ direzzjoni determinat u sekwenzar xieraq. Wara r-Rapport tal-Ħames Presidenti, id-Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa stabbilixxa pjan direzzjonali biex l-Unjoni Ekonomika u Monetarja titlesta sal-2025, liema pjan għadu rilevanti.
Il-pakkett tal-lum huwa parti minn din l-aġenda wiesgħa. Iżid mal-passi li diġà ttieħdu u li għad iridu jiġu. B’mod ġenerali, jinħtieġ progress f’erba’ oqsma komplementari: 1) L-Unjoni Finanzjarja; 2) L-Unjoni Fiskali;3) L-Unjoni Ekonomika u 4) l-akkontabbiltà demokratika u governanza msaħħa.
Biex jittiedu l-ewwel passi, huwa importanti li jkunu jafu d-direzzjoni u qed jaraw it-triq 'il quddiem. Bħala mod biex jiġi strutturat ix-xogħol li għandna quddiemna, din il-Komunikazzjoni tidentifika l-inizjattivi li għandhom jiġu diskussi u miftehma mill-koleġiżlaturi tal-UE matul it-18-il xahar li ġejjin. Dan il-pjan direzzjonali huwa wkoll ippreżentat fl-appendiċi u l-elementi ewlenin qed jiġu mfakkra hawn taħt. Tistabbilixxi wkoll perkors possibbli sal-2025.
Unjoni Fiskali
L-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali naqqsu b’mod konsiderevoli r-riskji li fadal fis-settur finanzjarju tal-UE, bidlu l-elementi fundamentali tiegħu u kkontribwixxew lejn is-solidità u r-reżiljenza tiegħu. Madankollu, il-partijiet li fadal minn din il-ħidma jenħtieġ li jitlestew malajr.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja, ippubblikata f’Ottubru 2017 29 , tinkludi perkors pragmatiku għal qbil malajr dwar il-kwistjonijiet pendenti. Dan il-pjan direzzjonali speċifiku huwa wkoll riprodott fl-Appendiċi. Dan jinkludi l-ewwel u qabel kollox it-tlestija tal-aġenda tat-tnaqqis tar-riskju biex tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tal-banek tal-UE. Għadd ta’ inizjattivi li bħalissa qed jiġu nnegozjati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, b’mod partikolari l-Pakkett Bankarju tal-Kummissjoni minn Novembru 2016 30 , kif ukoll il-proposta għall-insolvenza u r-ristrutturar tan-negozji, jeħtieġ li jiġu miftiehma fl-2018. Progress determinat huwa wkoll meħtieġ fil-kuntest tal-ħidma nazzjonali u Ewropew li għaddejja dwar is-self improduttiv, li għandu jkun ta’ problema f’partijiet tas-settur bankarju 31 . B’mod parallel, il-proposti għal Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti 32 u l-garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni jinħtieġ li jiġu miftiehma mill-koleġiżlaturi sal-aħħar tal-2018. Il-proposta għall-garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni jinħtieġ li tiġi miftehma politikament sa nofs l-2018, bil-ħsieb li ssir operazzjonali malajr sal-2019.
Fl-istess ħin, l-atturi kollha — l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji u l-operaturi tas-suq madwar l-Ewropa — jinħtieġ li jsaħħu l-ħidma tagħhom biex jagħmlu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali realtà sabiex swieq kapitali profondi u integrati sew ikunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom bħala ammortizzatur u bħala kanali effiċjenti għall-kondiviżjoni tar-riskju privat, waqt li fl-istess ħin jitjieb l-aċċess għall-finanzjament, b’mod partikolari għal negozji li jkunu għadhom jibdew u l-kumpaniji.
Il-Kummissjoni tappoġġa l-ħidma attwali fil-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku dwar it-Titoli Sovrani Ewropej garantiti b’bonds u se tippreżenta qafas ta’ abilitazzjoni għal tali titoli fir-rebbiegħa 2018.
Unjoni Fiskali
Bħala parti mis-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Kummissjoni se tkompli taħdem favur politika fiskali responsabbli fil-livell nazzjonali, billi tappoġġa l-istabbiliment ta’ oqfsa fiskali sodi u billi tagħti attenzjoni adegwata lil-livelli tad-dejn.
Il-gwida ta’ politika se tkompli tqies dak li jagħmel sens ekonomiku u baġitarju kemm għall-pajjiżi konċernati u għaż-Żona tal-Euro kollha kemm hi, f’dan l-istadju partikolari taċ-ċiklu ekonomiku. Il-Kummissjoni se tkompli tapplika r-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir billi tuża l-flessibbiltà intrinsika tiegħu biex tgħin ir-riformi u l-investiment. Hija se tkompli wkoll tiffoka fuq il-prijoritajiet taż-Żona tal-Euro kollha, b’mod partikolari f’termini tal-pożizzjoni fiskali aggregata, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro 33 .
Lil hinn minn dawn l-aspetti, kif spjegat hawn fuq, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss se jkun opportunità kruċjali sabiex jiġu modernizzati l-finanzi pubbliċi tal-Unjoni u jinstabu sinerġiji ġodda sabiex jappoġġaw l-isforzi nazzjonali ta’ riforma u l-investiment, kif ukoll biex jilqgħu kontra xokkijiet asimmetriċi kbar. Il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel proposta dwar il-ħolqien ta’ funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni f’Mejju 2018, li tiġi kompletament żviluppata matul iż-żmien, bħala parti mill-proposti għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta’ wara l-2020.
Fl-aħħar nett, il-ħtieġa li tiġi riflessa d-diversità taċ-ċirkustanzi ekonomiċi, li kienet partikolarment sinifikanti matul is-snin tal-kriżi, ġabet regoli fiskali iktar sofistikati iżda wkoll aktar kumplessi fil-livell tal-UE matul iż-żmien. Xi drabi, dan jista’ jmur kontra kemm is-sjieda nazzjonali tar-riformi kif ukoll kontra l-implimentazzjoni effettiva. Aktar integrazzjoni ekonomika, fiskali u finanzjarja, flimkien ma’ dixxiplina tas-suq, jinħtieġ li jwittu t-triq għal rieżami tar-regoli fiskali tal-UE fuq terminu twil, bil-għan jiġu simplifikati sostanzjalment sal-2025.
Unjoni Ekonomika
Il-kunċetti ta’ konverġenza u integrazzjoni jinsabu fil-qalba tal-Unjoni Ekonomika. Biex jiksbu prosperità sostenibbli, jeħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jiffukaw fuq ir-riformi meħtieġa biex jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom u jagħmluhom aktar reżiljenti għax-xokkijiet possibbli u jtejbu l-prospetti tat-tkabbir tagħhom. Il-prijoritajiet ta’ riforma jiġu diskussi u monitorjati fuq bażi annwali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.
Għall-ġejjieni, il-qafas tal-Unjoni jinħtieġ li jkompli jappoġġa l-proċess ta’ riformi għal konverġenza reali madwar l-UE, kemm fiż-Żona tal-Euro kif ukoll għall-pajjiżi fi triqithom biex jissieħbu fl-euro. Kif spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni se tibda b’azzjonijiet pilota għall-perjodu 2018-2020 u se tippreżenta proposti dedikati biex tappoġġa r-riformi miftiema f’Mejju 2018 fid-dawl tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta’ wara l-2020. Jinħtieġ li dan jiġi miftiehem qabel l-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew.
Barra minn hekk, il-proposta biex jissaħħaħ il-baġit tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għas-sentejn li ġejjin se jkun jeħtieġ li tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-2018. Fost kompiti oħra, se jiġi żviluppat fluss ta’ xogħol apposta biex jipprovdi għajnuna mfassla apposta lil pajjiżi li qed jippjanaw li jadottaw l-euro fuq perjodu definit ta’ żmien. B’ħarsa lil hinn mill-2020, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi kontinwazzjoni tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali. Dan se jinkludi wkoll faċilità ta’ konverġenza dedikata għal Stati Membri mhux fiż-Żona tal-Euro.
Fl-aħħar nett, li tissaħħaħ aktar il-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet politiċi ekonomiċi nazzjonali huwa importanti għall-konverġenza. Il-proċess annwali ta’ koordinazzjoni ta’ politika se jibqa’ marbut ma’ approċċ aktar pluriennali għar-riformi mibdija mill-gvernijiet nazzjonali. B’dan il-mod, se jkun ukoll importanti li tinżamm dimensjoni soċjali qawwija fl-attivitajiet kollha. Il-prinċipji u d-drittijiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie proklamat f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, se jipprovdu boxxla għall-konverġenza mġedda lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja aħjar 34 . Barra minn hekk, il-ħidma li għaddejja fil-Kunsill u fil-Grupp tal-Euro dwar il-valutazzjoni komparattiva tal-politiki u l-identifikazzjoni ta’ standards ta’ konverġenza jinħtieġ li tissaħħaħ matul it-18-il xahar li ġejjin.
Akkontabbiltà demokratika u tisħiħ tal-governanza
Kif spjegat hawn fuq, l-integrazzjoni kemm tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza taħt il-qafas tal-Unjoni sa nofs l-2019 se jkunu passi utli biex tittejjeb l-effiċjenza istituzzjonali, it-trasparenza u l-akkontabbiltà.
Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali jinħtieġ li jkunu mgħammra b’biżżejjed setgħat ta’ sorveljanza. Il-Kummissjoni żviluppat sistema effettiva ta’ djalogu regolari mal-Parlament Ewropew dwar l-kwistjonijiet tal-politika ekonomika tal-UE u taż-Żona tal-Euro matul dawn l-aħħar snin. Fid-dawl tal-proposti tal-lum, dawn il-prattiki jistgħu jiġu formalizzati miż-żewġ istituzzjonijiet sa tmiem l-2018.
Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ Ministru Ewropew tal-Ekonomija u l-Finanzi jista’ jitqies bħala parti mill-ħatra tal-Kummissjoni li jmiss minn Novembru 2019, bil-Grupp tal-Euro li jeleġġi lill-Ministru bħala l-President tiegħu għal żewġ mandati konseguttivi. B’mod parallel, koordinazzjoni interna aktar b’saħħitha dwar kwistjonijiet tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja jinħtieġ li tiġi riflessa permezz ta’ rappreżentanza esterna aktar unifikata taż-Żona tal-Euro, kif propost mill-Kummissjoni fl-2015 35 .
4.KONKLUŻJONIJIET
Il-pakkett ippreżentat illum jikkostitwixxi pass essenzjali lejn it-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, li hija parti essenzjali fit-triq lejn Unjoni aktar Magħquda, aktar Qawwija u aktar Demokratika. Fix-xhur li ġejjin huma mistennija deċiżjonijiet konkreti abbażi tal-Aġenda tal-Mexxejja. Skont il-Kummissjoni, jinħtieġ li jintlaħaq qbil dwar pjan direzzjonali, li jinħtieġ li jinkludi dawn il-passi matul it-18-il xahar li ġejjin:
Sa nofs l-2018:
·jiġu adottati l-atti legali meħtieġa biex titlesta l-Unjoni Bankarja, inkluż il-pakkett ta’ Novembru 2016 biex jitnaqqas ir-riskju biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-banek tal-UE. B’mod parallel, il-ħidma fuq il-proposti dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali jenħtieġ li titkompla.
·jintlaħaq ftehim dwar garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni bil-ħsieb li ssir operazzjonali malajr sa tmiem l-2019.
·tiġi adottata l-proposta ta’ emenda biex jiġu rduppjati l-attivitajiet tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali sal-2020.
·jiġu adottati l-bidliet fil-mira fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni b’appoġġ għall-implimentazzjoni tar-riformi nazzjonali.
Sa tmiem l-2018:
·tiġi adottata l-proposta dwar l-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti.
·jiġu formalizzati l-prattiki tad-djalogu bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.
Sa nofs l-2019:
·jġu adottati l-proposti li jwasslu (1) għall-istabbiliment ta’ Fond Monetarju Ewropew, (2) għall-inkorporazzjoni tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fil-liġi tal-Unjoni u (3) għall-ħolqien ta’ rappreżentanza unifikata taż-Żona tal-Euro fil-Fond Monetarju Internazzjonali.
·jintlaħaq fehim komuni dwar ir-rwol ta’ Ministru Ewropew tal-Ekonomija u l-Finanzi fil-kuntest tal-Kummissjoni li jmiss, bil-Grupp tal-Euro jaqbel li jeleġġi lill-Ministru bħala l-President tiegħu għal żewġ mandati konseguttivi.
·konklużjoni tad-diskussjonijiet dwar il-proposti pendenti biex jitjieb il-funzjonament taż-Żona tal-Euro u jadottaw fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss: (1) proposti għal appoġġ għar-riformi strutturali, (2) faċilità ta’ konverġenza dedikata għal Stati Membri mhux fiż-Żona tal-Euro, (3) funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni.
·jiġu finalizzati l-inizjattivi leġiżlattivi kollha pendenti għal Unjoni tas-Swieq Kapitali, inkluż ir-rieżami tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-bidliet kollha fir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Swieq Ewropej u l-Prodott tal-Pensjonijiet Pan-Ewropew.
Filwaqt li jsir progress dwar dawn l-aspetti kollha, se jkun importanti li jkun hemm sens ċar ta’ direzzjoni għall-perjodu 2019-2024, bil-ħsieb li jsir approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa sal-2025. Il-pjan direzzjonali fl-Appendiċi 1 ifakkar il-passi ewlenin xorta waħda se jkunu meħtieġa wara l-2019, fuq il-bażi tad-Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Dawn il-passi jinħtieġ li jkunu parti mill-fehim komuni li għandu jintlaħaq sa nofs l-2018.
Appendiċi 1: Pjan direzzjonali għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomija u Monetarja
* Għal aktar dettalji, ara id-Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-31 ta’ Mejju 2017
Sors: Il-Kummissjoni Ewropea
Appendiċi 2: Pjan direzzjonali dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja sal-2018 — astratt mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 2017
Tbassir Ekonomiku Ewropew Ħarifa 2017, Dokument Istituzzjonali 63.
Ewrobarometru Flash 458, 4 ta’ Diċembru 2017.
“Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea”, Rapport ta’ Jean-Claude Juncker, b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem, Mario Draghi u Martin Schulz, it-22 ta’ Ġunju 2015.
Ara b’mod partikolari COM(2017) 592 final, 11 ta' Ottubru 2017.
COM(2017) 292 final, 8 ta’ Ġunju 2017.
COM(2017) 291, 31 ta' Mejju 2017.
COM(2017) 358, 28 ta' Ġunju 2017.
COM(2017) 2025, 1 ta’ Marzu 2017.
Id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017 tal-President Juncker, 13 ta’ Settembru 2017.
L-Aġenda tal-Mexxejja: Nibnu l-ġejjieni tagħna flimkien, approvata mill-Kunsill Ewropew fl-20 ta’ Ottubru 2017.
Fost l-Istati Membri li ma adottawx l-euro, id-Danimarka u l-Bulgarija rabtu l-munita tagħhom mal-
Euro sa mill-introduzzjoni tiegħu fl-1999. Għall-kuntrarju tad-Danimarka, il-Bulgarija ma teħux sehem
fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju II, iżda l-lev huwa marbut mal-euro permezz ta’ Arranġament ta' Bord tal-Valuta (Currency Board Arrangement - CBA).
Ara, b’mod partikolari, ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2017 dwar i) il-kapaċità baġitarja għaż-Żona tal-Euro (2015/2344(INI)), ii) evoluzzjonijiet potenzjali ta’ u aġġustamenti fl-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea (2014/2248(INI)) u iii) t-tisħiħ tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jibni fuq il-potenzjal tat-Trattat ta’ Lisbona (2014/2249(INI)).
Ara, b’mod partikolari, il-Grupp tal-Euro tas-6 ta’ Novembru 2017 dwar “Il-Kapaċità fiskali u r-regoli fiskali għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja”, il-Grupp tal-Euro tad-9 ta’ Ottubru 2017 dwar l-”Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja - Ir-Rwol tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà” u l-Grupp tal-Euro tal-10 ta’ Lulju 2017 dwar is-”Segwitu fuq l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja”.
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2017 dwar kapaċità baġitarja għaż-Żona tal-Euro (2015/2344(INI)).
COM(2012) 777 “Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina”, 28 ta’ Novembru 2012.
Il-ħtieġa li jkun hemm korp bħal l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà biex jissalvagwardja l-istabbiltà taż-Żona tal-Euro hija bbażata fuq elementi fattwali u kkonfermata mill-Artikolu 136(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Kif ukoll mit-tieni premessa tat-Trattat dwar il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, li jirreferi għal ESM attwali bħala “mekkaniżmu ta’ stabbiltà li għandu jiġi attivat biss jekk indispensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà taż-Żona tal-Euro kollha kemm hi”.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà qiegħda tikkunsidra l-possibbltà li l-Artikolu 352 jista’ jintuża
biex jitwaqqaf korp tal-Unjoni li jkun responsabbli sabiex jagħti appoġġ finanzjarju sabiex jiżgura l-istabbiltà taż-Żona tal-Euro.Ara “Il-Kawża Pringle” — is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, il-Kawża C-370/12, EU:C:2012:756, paragrafu 67. Kif ġie indikat fin-nota f'qiegħ il-paġna 15, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 semma wkoll l-użu potenzjali tal-Artikolu 352.
Dan jiżgura konformità mad-“duttrina Meroni”. Id-duttrina Meroni, li ħarġet mill-Kawżi H-9/56 u H-10/56 (Meroni v High Authority) [1957/1958] ECR 133), tittratta l-kwistjoni sa fejn l-Istituzzjoni tal-UE jistgħu jiddelegaw il-kompiti tagħhom lil aġenziji regolatorji. Fil-kuntest tal-proposta tal-lum, jinħtieġ li jiġi nnutat li l-approvazzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjonijiet diskrezzjonarji meħuda mill-Bords tal-Fond Monetarju Ewropew jsiru aktar faċli minħabba li l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tiegħu huwa l-istess bħal dak tal-Grupp tal-Euro.
Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014. Il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (Single Resolution Board, SRB) huwa l-awtorità ta' riżoluzzjoni għall-banek kbar u sistemiċi fiż-Żona tal-Euro, li ilu jopera minn Jannar 2016. Il-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (Single Resolution Fund, SRF) huwa ffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjonijiet mis-settur bankarju taż-Żona tal-Euro. Dan jista’ jintuża biex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż tar-riżoluzzjoni, dment li l-kundizzjonijiet kollha tal-qafas regolatorju huma sodisfatti, inkluża r-rikapitalizzazzjoni interna ta’ 8 % tat-total ta’ obbligazzjonijiet tal-bank ikkonċernat.
L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Estonja, Spanja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Latvja, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Iżvezja, il-Finlandja, is-Slovenja u s-Slovakkja.
L-Artikolu 16 tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja jgħid li “fi żmien ħames snin, l-aktar tard, mid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-esperjenza fl-implimentazzjoni tiegħu, jittieħdu l-passi meħtieġa, skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li tiġi inkorporata s-sustanza ta’ dan it-Trattat fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea”.
Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Diċembru 2013 dwar il-problemi kostituzzjonali ta’ governanza b’diversi livelli fl-Unjoni Ewropea (P7_TA(2013)0598) u r-Riżoluzzjoni tal-24 ta’ Ġunju 2015 dwar ir-rieżami tal-qafas tal-governanza ekonomika: analiżi u sfidi (P8_TA(2015)0238).
COM(2017) 1201 final, it-22 ta' Frar 2017.
COM(2015) 12, it-13 ta' Mejju 2015.
Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320–469).
Il-Programm ta’ Appoġġ Strutturali (Structural Support Programme, SRSP) ġie stabbilit f’Mejju 2017 biex jappoġġa finanzjarjament l-attivitajiet tas-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali.
Ir-Regolament (UE) 2017/825 dwar l-istabbiliment ta’ Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013 (ĠU L 19.05.2017, p. 129).
L-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 14) dwar il-Grupp tal-Euro, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jistabbilixxi r-regoli biex jiġi elett President tal-Grupp tal-Euro. Ma hemm l-ebda inkompatibbiltà bejn dan ir-rwol u dak ta’ membru tal-Kummissjoni.
COM(2017) 592 final, il-11 ta' Ottubru 2017.
Il-proposti tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2016 li jemendaw il-leġislazzjonijiet li ġejjin: Ir-Regolament Nru 575/2013, id-Direttiva 2013/36/UE, id-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2015/81 tad-19 ta’ Diċembru 2014.
Ara pereżempju l-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN dwar is-self mhux produttiv fis-Settur Bankarju (dok. 9854/17).
COM(2015) 586 final, il-It-Tlieta, 24 ta' Novembru 2015.
Ara pereżempju COM(2016) 726 final, is-16 ta’ Novembru 2016 u COM(2017) 770 final, it-22 ta’ Novembru 2017.
L-adozzjoni tal-Pilastru kienet ikkomplimentata bl-istabbiliment ta’ Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, li se tiġi integrata fis-Semestru Ewropew tal-2018 u se sservi bħala qafas ta’ referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u dak soċjali.
COM(2015) 603 final, il-L-Erbgħa, 21 ta' Ottubru 2015.