Brussell, 20.12.2017

COM(2017) 815 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-ewwel rapport taħt il-mekkaniżmu ta' sospensjoni tal-eżenzjoni ta' viża

{SWD(2017) 480 final}


I. Introduzzjoni

Il-liberalizzazzjoni tal-viża hija waħda mill-aktar strumenti b’saħħithom tal-Unjoni sabiex tiffaċilita l-kuntatti bejn in-nies u ssaħħaħ ir-rabtiet bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-Unjoni. Dan ir-Rapport jagħti segwitu għall-obbligu tal-Kummissjoni li tissorvelja l-issodisfar kontinwu tar-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża minn pajjiżi terzi u li tirrapporta dwar dawn il-kwistjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-anqas darba f’sena f’konformità mal-Artikolu 1a (2b) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 1   u f’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Frar 2017 2 .

Il-valutazzjoni tal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża tapplika għal pajjiżi li kkonkludew b’suċċess id-djalogi tal-liberalizzazzjoni tal-viża skont il-pjanijiet ta’ azzjonijiet u l-pjanijiet direzzjonali rilevanti, eż. il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant. Ir-rapport jiffoka fuq oqsma speċifiċi 3 identifikati għal kull pajjiż fejn ġie kkunsidrat li jeħtieġ ikun hemm aktar sorveljanza u azzjonijiet sabiex jiżguraw il-kontinwità u s-sostenibilità tal-progress li sar fil-qafas tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-viża. Għalhekk, il-parametri referenzjarji u l-impenji b’rekord ta’ implimentazzjoni stabbli mhumiex qed jiġu koperti f’dan ir-rapport. Il-Kummissjoni tirrapporta fid-dettall dwar is-sitwazzjoni aktar wiesgħa fil-qasam tal-affarijiet interni u l-ġustizzja, li hija wkoll rilevanti għall-implimentazzjoni tal-impenji għal-liberalizzazzjoni tal-viża, fil-qafas tal-Pakkett dwar it-Tkabbir għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent 4 u għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni rispettivi. Il-perjodu ta’ valutazzjoni ta’ dan ir-Rapport jibda bid-data tal-adozzjoni tal-aħħar rapporti relevanti: jiġifieri għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, permezz tal-Ħames rapport dwar il-monitoraġġ ta’ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża li ġie adottat fi Frar 2015 5 u għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant bir-Rapporti ta’ progress finali tal-liberalizzazzjoni tal-viża li ġew adottati rispettivament f’Diċembru 2013 għar-Repubblika tal-Moldova 6 , u f’Diċembru 2015 għall-Ukrajna u l-Georgia.

Il-parti tal-istatisika tar-Rapport tkopri lil dawk l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati, jiġifieri s-26 Stat Membru li japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 u l-erba’ Pajjiżi Assoċjati maż-Żona Schengen (minn hawn’ il quddiem imsejħa “ż-żona Schengen +”) 7 . Il-valutazzjoni ta’ oqsma speċifiċi hija bbażata primarjament fuq: l-informazzjoni provduta lill-Eurostat miż-żona Schengen +, l-aġenziji tal-UE (Europol, eu-LISA, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCGA), u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u pajjiżi mingħajr l-obbligu ta’ viża.

Ir-rapport huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jipprovdi sfond iktar dettaljat dwar l-iżviluppi identifikati għal oqsma speċifiċi.

II. Valutazzjoni ta’ oqsma speċifiċi f’konformità mal-parameteri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża

II.1 Il-Balkani tal-Punent

L-Albanija

Immigrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni

Rigward l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn it-tieni nofs tal-2016 u l-ewwel nofs tal-2017, iċ-ċaħdiet ta’ dħul żdiedu b’mod konsiderevoli u s-soġġorn illegali naqas bi ftit. Għalkemm l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-asil minn ċittadini Albaniżi fl-UE għadu l-ogħla wieħed assolut ta’ kull stat mingħajr obbligu ta’ viża, huwa naqas b’28 % fl-ewwel nofs tal-2017 meta mqabbel mat-tieni nofs tas-sena ta’ qabel (minn 17 165 għal 12 440). Bejn l-2015 u l-2016, iċ-ċaħdiet ta’ dħul żdiedu b’91 % (minn 15 835 għal 30 305) u s-soġġorn illegali naqas bi 30 % (minn 47 755 għal 33 445), filwaqt li l-applikazzjonijiet għall-asil naqsu b’54 % (minn 66 715 għal 30 840). Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-asil hija baxxa (1,84 % fl-2015 u 2,61 % fl-2016). Bejn l-2015 u l-2016, l-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn naqas bi 19 % minn 39 310 għal 31 975. Ir-riammissjoni qiegħda taħdem tajjeb, bil-pajjiż jonora rapidament it-talbiet għal riammissjoni mill-Istati Membri u r-rata ta’ ritorn turi żieda sostanzjali minn 86 % fl-2015 għal 129 % fl-2016.

F'dawn l-aħħar xhur, l-Albanija ħadet għadd ta’ passi biex tindirizza l-isfida ta’ applikazzjonijiet għall-asil infondati imressqa minn ċittadini Albaniżi, iżda l-implimentazzjoni trid titkompla mingħajr waqfien. L-Albanija kisbet riżultati inizjali fl-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni kontra l-migrazzjoni irregolari, li jiffoka fuq il-kooperazzjoni operattiva fil-ġestjoni tal-migrazzjoni irregolari, l-identifikazzjoni u l-protezzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati u l-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti. L-Albanija żiedet l-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri dwar projbizzjonijiet ta’ dħul fiż-żona ta’ Schengen. Hija saħħet ukoll il-kontrolli tad-dokumenti f’ċerti punti ta’ qsim tal-fruntieri (BCPs), inkluż fl-ajruport ta’ Rinas, iżda jenħtieġ li ttejjeb il-kontroll fuq il-fruntiera fil-BCPs kollha.

L-Albanija saħħet ukoll il-kooperazzjoni operattiva mal-Istati Membri l-aktar affettwati mill-migrazzjoni irregolari. Il-prattika riċenti tal-Albanija li twettaq “intervisti mal-ħruġ” ma’ vjaġġaturi fil-BCPs hija miżura effettiva iżda temporanja, li għandha tiġi implimentata b’mod li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-vjaġġaturi. L-Albanija għamlet ukoll sforzi biex iżżid il-kapaċità tagħha li tospita l-persuni li qed ifittxu l-asil permezz tal-kostruzzjoni ta’ ċentru ġdid miftuħ f’Babrru, kif ukoll sforzi biex ittejjeb il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza fil-fruntiera mal-Greċja.

 

L-ordni pubbliku u s-sigurtà

Il-gruppi tal-kriminalità organizzata (GKO) li jitkellmu bl-Albaniż huma partikolarment attivi f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kriminali fl-UE. Dawn il-gruppi huma normalment polikriminali u huma involuti fit-traffikar tad-drogi, (speċjalment tal-kannabis, il-kokaina u l-eroina), it-traffikar tal-migranti u t-traffikar ta’ persuni (THB); il-kriminalità organizzata kontra l-proprjetà, ir-rikattar organizzat u l-estorsjoni.

L-Albanija ħadet passi biex ittejjeb l-effikaċja tal-isforzi tagħha tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata. Il-qbid ta’ drogi illeċiti, b’mod partikolari l-kannabis, żdied b’mod sostanzjali mill-2015 sal-2017, u ġie osservat tnaqqis sinifikanti fil-kultivazzjoni tal-kannabis matul l-istaġun tal-ħsad tal-2017. 

B’mod ġenerali, il-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Huwa mistenni titjib ulterjuri fl-implimentazzjoni, b’mod partikolari biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari. L-oqsma li ġejjin jeħtieġ li jiġu indirizzati:

·Jitjiebu l-kontrolli fil-fruntieri, inklużi “intervisti mal-ħruġ” fil-BCPs imwettqa b’mod li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tal-vjaġġaturi;

·Titkompla l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehim ta’ riammissjoni, jekk ikun meħtieġ billi jiġu konklużi protokolli ta’ implimentazzjoni ma' Stati Membri addizzjonali;

·Ikomplu jiġu implimentati azzjonijiet miftiehma b’mod bilaterali mal-Istati Membri sabiex jitnaqqsu l-flussi ta’ migrazzjoni irregolari;

·Tiġi organizzata kampanja ta’ informazzjoni ta’ livell għoli dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża li timmira lejn oqsma li huma partikolarment affettwati mill-migrazzjoni irregolari;

·Tiżdied l-assistenza lill-popolazzjonijiet vulnerabbli li huma iktar suxxettibbli li jħallu l-pajjiż b’mod irregolari, bil-għan li titjieb l-integrazzjoni soċjoekonomika tagħhom fit-tul, inkluż billi jiġi pprovdut appoġġ għar-riintegrazzzjoni tal-Albaniżi li ġew lura;

·Tkompli titjieb l-effettività tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ persuni, it-traffikar tal-migranti, it-traffikar tad-droga u l-kriminalità tal-proprjetà organizzata;

·Jiġu intensifikati l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni tal-GKO, b’mod partikolari dawk involuti fit-traffikar tad-drogi u t-traffikar tal-migranti;

·L-iskjerament ta’ Uffiċjal ta’ Kollegament tal-Europol se jkompli jikkontribwixxi għal kooperazzjoni msaħħa fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Immigrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni

Rigward l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn it-tieni nofs tal-2016 u l-ewwel nofs tal-2017, iċ-ċaħdiet ta’ dħul baqgħu stabbli filwaqt li l-ammont ta’ persuni b’soġġorn illegali żdied. Matul l-istess perjodu, in-numru ta’ applikazzjonijiet għall-asil minn ċittadini tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-UE naqas bi 28 % (minn 5 240 għal 3 755). Bejn l-2015 u l-2016, iċ-ċaħdiet ta’ dħul naqsu bi 2 % (minn 2 555 għal 2 495); is-soġġorn illegali naqas bi 13 % (minn 5 265 għal 4 595); u l-applikazzjonijiet għall-asil naqsu b’44 % (minn 16 110 għal 9 100). Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-asil hija baxxa (1,34 % fl-2015 u 0,80 % fl-2016). Bejn l-2015 u l-2016, l-għadd ta’ deċiżjonijiet tar-ritorn żdied b’6,8 % minn 5 700 għal 6 085.

Ir-riammissjoni qiegħda taħdem tajjeb, fejn il-pajjiż qed jonora b’mod rapidu t-talbiet ta’ riammissjoni minn Stati Membri tal-UE u għandu rata ta’ ritorn eċċellenti ta’ 127 % fl-2016. Protokolli ta’ implimentazzjoni jinsabu fis-seħħ ma’ ħames Stati Membri, sitt istrumenti oħrajn bħal dawn għandhom jiġu implimentati dalwaqt. Hija bdiet negozjati mal-Kummissjoni fl-użu fit-territorju tagħha ta’ membri tat-tim ta’ EBCGA. Barra minn hekk, emendat il-liġi tagħha dwar il-barranin biex tallinjaha mal-istandards tal-UE dwar il-migrazzjoni legali.

L-ordni pubbliku u s-sigurtà

Fir-rigward tal-kriminalità organizzata, GKO mill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huma attivi fit-traffikar u d-distribuzzjoni tad-drogi, speċjalment tal-eroina. Il-pajjiż jibqa’ sors ta’ oġġetti arkeoloġiċi, reliġjużi u kulturali li jiġu traffikati lejn l-UE. Xi gruppi kriminali huma involuti wkoll fil-korruzzjoni tal-isport, b’mod partikolari l-frodi fl-imħatri. Ġellieda terroristi barranin li jirritornaw li jgħaddu mit-territorju tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huma wkoll ta’ riskju.

L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja żviluppat Valutazzjoni tat-Theddid Gravi tal-Kriminalità Organizzata għaliha stess, kif ukoll waħda reġjonali mas-Serbja u l-Montenegro. Fir-rigward tal-infurzar tal-liġi, l-isforzi biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga wasslu għal aktar sekwestri tad-drogi, b’mod partikolari l-kannabis u d-drogi sintetiċi, u t-tfixkil ta’ diversi gruppi tat-traffikar tad-droga. Ġie maħtur koordinatur nazzjonali biex jissorvelja l-isforzi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi ma’ sħab tal-Balkani tal-Punent, l-Italja u s-Slovenja tjiebet, bħal ma tjiebet il-kooperazzjoni operazzjonali mal-Europol. Filwaqt li jinsab fis-seħħ ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Eurojust, il-kooperazzjoni hija limitata ħafna u ma ġiex nominat punt ta’ kuntatt ġdid.

B’mod ġenerali, il-punti ta’ riferiment tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Huwa mistenni aktar titjib fl-implimentazzjoni. L-oqsma li ġejjin jeħtieġ li jiġu indirizzati:

·Titkompla l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim ta’ Riammissjoni UE-l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, jekk ikun meħtieġ permezz tal-konklużjoni ta’ protokolli ta’ implimentazzjoni ma’ Stati Membri tal-UE addizzjonali;

·Jissaħħu l-kontrolli fil-fruntieri b’mod li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tal-vjaġġaturi;

·Tiġi organizzata kampanja ta’ informazzjoni ta’ livell għoli dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża mmirati lejn oqsma li huma partikolarment affettwati mill-migrazzjoni irregolari;

·Tiżdied l-assistenza lill-popolazzjoni vulnerabbli, bil-għan li titjieb l-integrazzjoni soċjoekonomika tagħhom fit-tul;

·Tittejjeb l-effikaċja tal-isforzi tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, speċjalment l-eroina, it-traffikar ta’ oġġetti arkeoloġiċi u l-korruzzjoni fl-isport, kif ukoll attivitajiet illeċiti oħrajn.

·Jiġu intensifikati l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni tal-OCGs, b’mod partikolari dawk involuti fit-traffikar tad-droga;

·Jiġi nnominat malajr punt ta’ kuntatt għall-Eurojust u tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni fis-seħħ.

Il-Bożnija-Ħerzegovina 

Immigrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni



Rigward l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn it-tieni nofs tal-2016 u l-ewwel nofs tal-2017, ix-xejriet għal rifjut ta’ dħul u għal soġġorn illegali baqgħu stabbli. Ix-xejra għal applikazzjonijiet għal asil minn ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-UE bejn it-tieni nofs tal-2016 u l-ewwel nofs tal-2017 tindika tnaqqis ta’ 38 % (minn 2 340 għal 1 440). Iċ-ċifri għal rifjut tad-dħul kienu diġà stabbli bejn l-2015 u l-2016 (5 185 każ fl-2015 meta mqabbla ma’ 5 150 fl-2016), kif kienu ċ-ċifri għal soġġorn illegali (3 585 każ fl-2015 meta mqabbla ma’ 3 645 fl-2016). L-applikazzjonijiet għall-asil kienu diġà naqsu b’51 % bejn l-2015 u l-2016 (minn 9 100 għal 4 495). Ir-rata ta' rikonoxximent tal-asil kienet 3,50% fl-2015 u 4,20% fl-2016. Bejn l-2015 u l-2016, l-għadd ta’ deċiżjonijiet tar-ritorn żdied b’10 % (minn 5 675 għal 5 080). F’dan il-perjodu, kien hemm rata ta’ ritorn stabbli ta’ madwar 73 %. Il-kooperazzjoni mal-Istati Membri dwar ir-riammissjoni hija bla xkiel u sodisfaċenti, filwaqt li l-isforzi jeħtieġ li jinżammu.

F’Marzu 2016, il-Bożnija-Ħerzegovina adottat Strateġija u pjan ta’ azzjoni dwar il-migrazzjoni u l-asil għall-perjodu 2016-2020, bil-għan li ttejjeb il-qafas strateġiku tagħha dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni. Fi Frar 2016, daħlet fis-seħħ liġi ġdida dwar l-asil bil-għan li l-politika tal-asil tal-pajjiż tkompli tiġi armonizzata mal-istandards internazzjonali u mal-acquis tal-UE, partikolarment rigward id-drittijiet tal-applikanti għall-asil u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għax-xogħol, l-edukazzjoni, il-benessri soċjali u medika, ir-riunifikazzjoni tal-familji u l-prinċipju ta’ non-refoulement.

L-ordni pubbliku u s-sigurtà



Fir-rigward tal-kriminalità organizzata, iċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina huma fost l-aktar nazzjonalitajiet frekwenti għal reati organizzati kontra l-proprjetà fl-UE. Il-GKO mill-pajjiż huma involuti f’serq bi żgass fid-djar, serq vjolenti u imbrolji kif ukoll fit-traffikar ta’ persuni u ta’ drogi illeċiti li jgħaddi mir-rotta tal-Balkani tal-Punent. Il-pajjiż huwa wkoll pajjiż destinatarju għal vetturi misruqa fi Stati Membri differenti. Għad hemm ħażniet kbar ta’ armi fil-Bożnija-Ħerzegovina, li huwa ta’ riskju fil-qafas tat-traffikar tal-armi tan-nar.

F’Awwissu 2016, ġie ffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni operattiva mal-Europol li għandu l-għan li jappoġġa lill-pajjiż fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità internazzjonali. Wara dan, f’Mejju 2017 ġie ffirmat ftehim dwar l-istazzjonar ta’ Uffiċjal ta’ Kollegament fil-kwartieri ġenerali tal-Europol. Bħalissa tinsab għaddejja ħidma biex jinħatar punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Europol. Jeħtieġ li jiġu intensifikati l-miżuri li jindirizzaw it-traffikar ta’ persuni. Għad hemm bżonn li jiġi żviluppat approċċ komprensiv, multidixxiplinari u orjentat lejn il-vittmi tat-traffikar u l-identifikazzjoni tal-vittmi trid titjieb.

B’mod ġenerali, il-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Huwa mistenni titjib ulterjuri tal-implimentazzjoni. L-oqsma li ġejjin jeħtieġ li jiġu indirizzati:

·Titkompla l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim ta’ Riammissjoni UE - Bożnija-Ħerzegovina, jekk ikun meħtieġ billi jiġu konklużi protokolli ta’ implimentazzjoni ma’ Stati Membri tal-UE li fadal; jeħtieġ li tingħata attenzjoni ulterjuri biex jiġu rispettati l-iskadenzi u jittejbu l-proċessi ta’ identifikazzjoni;

·Jissaħħu l-kontrolli fil-fruntieri b’mod li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tal-vjaġġaturi;

·Tiġi organizzata kampanja ta’ informazzjoni ta’ livell għoli dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża li hija mmirata lejn oqsma li huma partikolarment affettwati mill-migrazzjoni irregolari;

·Tiżdied l-assistenza lill-popolazzjonijiet vulnerabbli, bil-għan li titjieb l-integrazzjoni soċjoekonomika tagħhom fit-tul;

·Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex jiġi indirizzat it-traffikar ta’ persuni;

·Jeħtieġ li jiżdied l-użu ta’ investigazzjonijiet finanzjarji f’każijiet ta’ korruzzjoni u ta’ kriminalità organizzata.

Il-Montenegro 

Migrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni

Rigward l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn it-tieni nofs tal-2016 u l-ewwel nofs tal-2017, ix-xejriet juru żieda żgħira fiċ-ċaħdiet ta’ dħul u żieda konsiderevoli fis-soġġorn illegali. Madankollu, f’termini assoluti ċ-ċifri għadhom baxxi. Ix-xejra dwar l-applikazzjonijiet għall-asil minn ċittadini Montenegrini fl-UE tindika tnaqqis ta’ 36 % bejn it-tieni nofs tal-2016 u l-ewwel nofs tal-2017 (minn 795 għal 510). Bejn l-2015 u l-2016, iċ-ċifri taċ-ċaħda ta’ dħul kienu naqsu bi 13 % minn 385 għal 335, bħal dawk għal soġġorn illegali li kienu naqsu b’26% minn 770 għal 570. L-għadd kumplessiv ta’ applikazzjonijiet għall-asil naqas b’mod sinifikanti bejn l-2015 u l-2016 (minn 4 115 għal 1 830, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 56 %). Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-asil hija baxxa (1,63 % fl-2015 u 1,75 % fl-2016). Bejn l-2015 u l-2016, l-għadd ta’ deċiżjonijiet tar-ritorn għaċ-ċittadini tal-Montenegro baqgħet stabbli (1 565 fl-2015 u 1 500 fl-2016). L-Istati Membri tal-UE rrapportaw kooperazzjoni tajba ħafna dwar ir-riammissjoni u r-rata ta’ ritorn tal-2016 lejn il-Montenegro ta’ 160 % hija l-ogħla fost il-pajjiżi terzi kollha li jibbenefikaw minn sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża wara li jissodisfa l-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża. Madankollu, ir-rata ta’ aċċettazzjoni ta’ talbiet ta’ riammissjoni maħruġa mill-Istati Membri tal-UE rigward ċittadini ta’ pajjiżi terzi għadha baxxa.

Fl-2016, ġiet adottata Strateġija għar-riintegrazzjoni tal-persuni li jirritornaw fuq il-bażi ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni għall-perjodu 2016-2020. Mal-adozzjoni tal-Istrateġija għall-Ġestjoni Integrata tal-Migrazzjoni għall-perjodu 2017-2020, il-qafas strateġiku kumplessiv jinsab fis-seħħ u l-allinjament mal-acquis tal-UE f’dan il-qasam avvanza. Grupp ta’ Ħidma Interministerjali stabbilit f’Awwissu 2017 iwettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija.

L-ordni pubbliku u s-sigurtà



Fir-rigward tal-kriminalità organizzata, il-Montenegro kien ċentru għat-traffikar ta’ prodotti tat-tabakk illeċiti fl-UE. Il-GKO li joriġinaw mill-pajjiż huma partikolarment attivi fit-traffikar ta’ kokaina. Il-GKO Montenegrini huma magħrufa għall-ħasil ta’ dħul minn kriminalità serja u organizzata u għall-investiment mill-ġdid ta’ dan id-dħul.

Il-Montenegro kompla saħħaħ l-istruttura istituzzjonali tiegħu fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. L-Unità Speċjali tal-Pulizija issa għandha 20 post tax-xogħol li mtlew kif previst; madankollu għad hemm bżonn ta’ żieda addizzjonali fil-persunal biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet. F’dawn l-aħħar snin, il-Montenegro adotta l-Valutazzjoni tat-Theddid Gravi tal-Kriminalità Organizzaza fejn fuq il-bażi tagħha jiġu ddeterminati l-prijoritajiet tas-sigurtà. Ġew adottati emendi għall-Kodiċi Kriminali li jippermettu l-implimentazzjoni tal-Protokoll tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali li jikkkonċerna t-traffikar tal-migranti. Il-ftehim operazzjonali ma’ Eurojust daħal fis-seħħ f’Ġunju u f’Settembru ġie maħtur il-prosekutur ta’ kollegament ta’ Eurojust.

B'mod ġenerali, il-paramentri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Huwa mistenni aktar titjib tal-implimentazzjoni. L-oqsma li ġejjin jeħtieġ li jiġu indirizzati:

·Titkompla l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim ta’ Riamissjoni UE-Montenegro, jekk hemm bżonn permezz tal-konklużjoni ta’ protokolli ta’ implimentazzjoni mal-Istati Membri tal-UE;

·Tiġi organizzata kampanja ta’ informazzjoni ta’ profil għoli dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża mmirata partikolarment lejn oqsma affettwati mill-migrazzjoni irregolari;

·Ikomplu jiġu żviluppati riżultati fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

·Tiżdied l-assistenza għall-popolazzjonijiet vulnerabbli, bil-għan li ttejjeb l-integrazzjoni soċjoekonomika fit-tul tagħhom.

Is-Serbja 

L-immigrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni

Fir-rigward tal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn it-tieni nofs tal-2016 u l-ewwel nofs tal-2017 ix-xejra tindika żieda minima fir-rifjut ta’ dħul, fir-rigward tas-soġġorn illegali. Iċ-ċifri tal-applikazzjonijiet għall-asil minn ċittadini Serbi fl-UE turi tnaqqis konsiderevoli b’41 % bejn it-tieni nofs tal-2016 u l-ewwel nofs tal-2017 (minn 7 140 għal 4 225). L-għadd ta’ ċittadini Serbi li ġew miċħuda d-dħul fl-2016 kien ta’ 7 910, bejn wieħed u ieħor l-istess bħal fl-2015 meta ġie rapportat 7 850 każ. L-għadd ta’ soġġorn illegali naqas bi 19 % bejn l-2015 u l-2016 (minn 13 785 għal 11 180). Kien hemm diġà tnaqqis sinifikanti ta’ 55 % f’applikazzjonijiet għall-asil bejn l-2015 u l-2016 (minn aktar minn 30 325 għal 13 515). ir-rata ta' rikonoxximent tal-asil hija baxxa (1,86 % fl-2015 u 1,95 % fl-2016). L-għadd ta’ deċiżjonijiet tar-ritorn għal ċittadini Serbi naqas b’7 % minn 14 985 fl-2015 għal 13 870 fl-2016. Il-kooperazzjoni tas-Serbja dwar ir-riammissjoni tal-persuni nazzjonali proprji hija tajba ħafna, b’rata ta’ ritorn ta’ 86, 65 % fl-2015 u 89,04 % fl-2016. Ir-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija qasam ta’ tħassib (speċjalment fir-rigward ta’ riammissjonijiet mill-Bulgarija, l-Ungerija u r-Rumanija). Fit-3 ta’ Ottubru 2017, is-Serbja impenjat ruħha fil-Kumitat Konġunt għar-Riammissjoni biex timplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-Ftehim ta' Riammissjoni UE-is-Serbja. Se jseħħ monitoraġġ mill-qrib fix-xhur li ġejjin. Id-deċiżjoni riċenti tas-Serbja li tagħti vjaġġar mingħajr viża liċ-ċittadini Iranjani tqajjem tħassib u jeħtieġ li tiġi mmoniterjata mill-qrib.

Is-Serbja rrevediet il-pjan ta’ rispons tagħha għal għadd ikbar ta’ migranti fi tmiem l-2016 biex tkopri l-perjodu sa Diċembru 2017. Fi Frar 2017, is-Serbja bdiet taħdem fuq strateġija u pjan ta’ azzjoni ġodda biex tiġġieled il-migrazzjoni irregolari għall-2017-2020. L-adozzjoni ta’ liġi ġdida dwar l-asil ġiet imdewma u għad trid tiġi adottata liġi ġdida dwar il-barranin. Is-Serbja tagħmel monitoraġġ b’mod kontinwu tal-għadd ta’ persuni li jfittxu asil kif ukoll tal-għadd ta’ persuni rimpatrijati skont ftehimiet ta’ riammissjoni, inkluż permezz ta’ aġġornament ta’ data statistika u l-ħolqien ta’ profili tal-migrazzjoni. Is-Serbja għamlet sforzi biex tappoġġa r-riintegrazzjoni tal-persuni rimpatrijati inkluż fil-livell tal-komunitajiet lokali. Is-Serbja tappoġġa finanzjarjament ukoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jimplimentaw kampanji ta’ informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ riammissjoni u r-riskji tal-abbuż minn sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża, inkluż lejn segmenti tal-popolazzjoni speċifiċi li huma aktar suxxettibbli li jitilqu mill-pajjiż b'mod irregolari.

L-ordni pubbliku u s-sigurtà

Fir-rigward tal-kriminalità organizzata, iċ-ċittadini tas-Serbja huma fost dawk il-nazzjonalitajiet l-aktar rapportati għal kriminalità organizzata kontra l-proprjetà fl-UE, b'mod partikolari fil-Belġju, Franza, il-Ġermanja u l-Italja. Iċ-ċittadini tas-Serbja jagħmlu parti wkoll mill-aktar vittmi komuni ta’ traffikar ta’ persuni li joriġinaw mir-reġjun tal-Balkani tal-Punent. Il-kriminali mis-Serbja huma msemmija li huma involuti fit-traffikar tal-kokaina permezz tar-rotta tal-Balkani tal-Punent u l-prodotti u prodotti tat-tabakk illeċiti huma traffikati b’mod frekwenti mis-Serbja fl-UE. Għad fadal stokkijiet tal-armi sinifikanti fis-Serbja, li huma ta’ riskju fl-ambitu tat-traffikar tal-armi tan-nar.

Sabiex tiżdied il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni u l-Ġuriżdizzjoni tal-Awtoritajiet tal-Gvern għas-Soppressjoni tal-Kriminalità Organizzata, it-Terroriżmu u l-Korruzzjoni (li se tidħol fis-seħħ f’Marzu 2018) tipprevedi li jiġu stabbiliti awtoritajiet speċjalizzati li jinvestigaw, jipprosegwixxu u jaġġudikaw każijiet fl-oqsma li ġew imsemmija. Is-Serbja tejbet il-kooperazzjoni tagħha mal-Europol; uffiċjal ta’ kollegament Serb intbagħat il-kwartieri ġenerali tal-Europol f’Marzu 2017. Uffiċjal ta’ kollegament reġjonali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ntbagħat Belgrad f’Settembru 2017. Fl-istess xahar, is-Serbja ffirmat arranġament ta’ xogħol mas-CEPOL. Għadha ma ġietx adottata strateġija ġdida dwar l-investigazzjoni finanzjarja u hemm nuqqas ġenerali ta’ approċċ proattiv fl-investigazzjonijiet finanzjarji. Fl-2016, ġiet stabbilita Task Force Permanenti dwar il-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Persuni. F’Awwissu 2017, ġiet adottata Strateġija ġdida għall-Prevenzjoni u s-Soppressjoni tat-Traffikar ta’ Persuni għall-2017-2022, flimkien ma’ pjan ta’ azzjoni mehmuż. Fuq il-bażi ta’ din l-istrateġija, hemm bżonn li s-Serbja tieħu passi lejn identifikazzjoni proattiva u protezzjoni dovuta tal-vittmi tat-traffikar ta’ persuni. Is-Serbja għadha ma bdietx negozjati dwar ftehim operazzjonali ma’ Eurojust, peress li għadha ma ġietx adottata Liġi ġdida dwar il-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-acquis tal-UE.    

B’mod ġenerali, il-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Huwa mistenni titjib ulterjuri tal-implimentazzjoni. L-oqsma li ġejjin jeħtieġ li jiġu indirizzati:

·It-tkomplija tal-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim ta’ Riammissjoni UE-Serbja, jekk hemm bżonn permezz tal-konklużjoni ta’ protokolli ta’ implimentazzjoni mal-Istati Membri tal-UE; jeħtieġ li tingħata attenzjoni ulterjuri lir-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

·Tiġi organizzata kampanja ta’ informazzjoni bi profil għoli dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża mmirata lejn oqsma partikolarment affettwati mill-migrazzjoni irregolari;

·Tkompli ż-żieda fl-investigazzjonijiet bil-għan li jiġu żviluppati riżultati sostenibbli ta’ kundanni finali u ta’ netwerks involuti fil-kriminalità organizzata, fil-ħasil tal-flus u fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni u t-traffikar ta’ persuni.

·Tiżdied l-assistenza għal popolazzjonijiet vulnerabbli, bil-għan li tiżdied l-integrazzjoni soċjoekonomika fit-tul tagħhom.

II.2 Is-Sħubija tal-Lvant

Il-Moldova

Immigrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni

Fir-rigward tal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn it-tieni nofs tal-2016 u l-ewwel nofs tal-2017, l-għadd ta’ rifjut ta’ dħul żdied kemmxejn, filwaqt li ċ-ċifri ta’ soġġorn illegali żdiedu. L-ogħla livell tal-applikazzjonijiet għall-asil minn ċittadini tal-Moldova fl-UE ntlaħaq fir-rebbiegħa 2016 u x-xejra għall-applikazzjonijiet għall-asil bejn it-tieni nofs tal-2016 u l-ewwel nofs tal-2017 tindika tnaqqis konsiderevoli b’58 % (minn 1 730 għal 720). Ir-rifjuti ta’ dħul fil-fruntieri wrew żieda ta’ 71 % bejn l-2015 u l-2016 (minn 2 725 għal 4 660), filwaqt li l-għadd ta’ soġġorni illegali żdied ukoll b’mod drastiku bi 89 % f'dak il-perjodu (minn 4 050 għal 7 660). Bejn l-2015 u l-2016, l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-asil żdied b’mod drastiku, b’99 % (minn 1 850 għal 3 675). Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-asil kienet 10,81 % iżda naqset għal 2,07 % fl-2016. L-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn għal ċittadini tal-Moldova żdiedet ferm minn 178 % bejn l-2015 u l-2016 (minn 1 810 għal 5 035). Ir-rata ta’ ritorn naqset minn 67,13 % fl-2015 għal 48,16 % fl-2016. Il-kwalità ta’ kooperazzjoni fir-riammissjoni tingħata valur kbir mill-Istati Membri tal-UE, u hija ppruvata wkoll minn rata għolja ta’ tweġibiet pożittivi għal applikazzjonijiet tar-riammissjoni. L-aktar Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni riċenti tas-6 ta’ Ottubru 2017 vvaluta l-kooperazzjoni mal-Moldova bħala ġeneralment pożittiva.

Fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-Moldova qiegħda timplimenta l-pjan ta’ azzjoni 2016-2020 biex timplimenta l-Istateġija Nazzjonali dwar il-Migrazzzjoni u l-Asil 2011-2020. Permezz ta’ proġetti bħall-pjattaforma ta’ informazzjoni NEXUS, li hija aċċessibbli online u għandha uffiċċji f’diversi bliet fil-Moldova kif ukoll wieħed f’Pariġi, qed tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-benefiċċji u r-riskji ta’ aspetti differenti liċ-ċittadini tal-Moldova.

L-ordni pubbliku u s-sigurtà

Il-gruppi ta’ kriminalità organizzata tal-Moldova huma partikolarment attivi fl-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, il-Latvja u l-Polonja, u jibqgħu primarjament involuti f’tipi differenti ta’ kriminalità organizzata bħal kriminalità organizzata kontra l-proprjetà, kummerċ illeċitu tat-tabakk, traffikar ta’ drogi (l-eroina hija ta’ tħassib sinifikanti), frodi fiskali, frodi b’kards tal-ħlas u ħasil tal-flus. B’mod partikolari, gruppi ta’ kriminalità organizzata li jitkellmu bir-Russu jisfruttaw lill-Moldova bħala pajjiż tranżitorju biex jaħslu l-flus u jġibuhom fl-UE. Il-Moldova tibqa pajjiż ta’ oriġini għat-traffikar ta’ persuni. Sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-Moldova ffirmat ftehim ma’ Eurojust f’nofs l-2014, li daħal fis-seħħ f’Ottubru 2016. Il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi ġiet imsaħħa bl-iffirmar ta’ Europol f’Diċembru 2014.

Mir-rapport finali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, il-Moldova adottat liġijiet biex tirrinforza l-qafas istituzzjonali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni (b’mod partikolari korruzzjoni ta’ livell għoli) u l-ħasil tal-flus. Madankollu, l-implimentazzjoni għadha lura b’mod inkwetanti. Għad hemm tħassib rigward l-influwenza politika fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. It-tentattivi biex jiddgħajjef il-qafas kontra l-korruzzjoni (bħall-hekk magħrufa “liġi tal-liberalizzazzjoni tal-kapital” u l-hekk magħruf “pakkett tan-negozji” bil-għan li fost l-oħrajn tinbidel l-istruttura istituzzjonali ta’ korpi kontra l-korruzzjoni) għandhom effett negattiv fuq il-kredibbiltà tar-rieda politika li tkun miġġielda l-korruzzjoni. Filwaqt li l-istruttura tal-uffiċċju tal-irkupru tal-assi ġiet prevista fl-aħħar rapport dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, l-uffiċċju ġie stabbilit biss fl-2017 u l-iskop tiegħu fil-preżent għadu limitat għal każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus. Id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Awtorità Nazzjonali tal-Integrità wassal għal waqfien totali fil-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi u l-kunflitti ta’ interess minn Awwissu 2016. Il-progress fil-leġiżlazzjoni li tiġġieled kontra l-ħasil tal-flus (biex tiġi allinjata mar-raba’ Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) ma huwiex javvanza. 

B’mod ġenerali, il-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Madankollu, is-sodisfazzjoni tal-parametri referenzjarji kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus jistgħu jiġu pperikolati dment li ma jittiħdux azzjonijiet immedjati sabiex jiżguraw implimentazzjoni kontinwa u sostenibbli. L-oqsma li ġejjin jeħtieġ li jiġu indirizzati:

·Tiżdied il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata bl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida kontra l-ħasil tal-flus;

·Tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet speċjalizzati kontra l-korruzzjoni. Jiġi żgurat li l-qafas ġuridiku futur tal-hekk magħruf “pakkett tan-negozji” ma jaffetwax b’mod negattiv il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-investigazzjoni tal-frodi bankarja;

·Jiġi żgurat bħala kwistjoni ta’ prijorità l-funzjonament tal-Awtorità Nazzjonali tal-Integrità billi jinħatar maniġment superjuri u spetturi;

·Jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Aġenzija għall-Irkupru tal-Assi Kriminali billi jiġi żgurat aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa (inklużi bażijiet tad-data), jiġi allokat baġit u persunal suffiċjenti, u jitwessa’ l-ambitu tagħha għal dħul li joriġina minn kull tip ta’ reat;

·Jiżdiedu l-isforzi sabiex jinkisbu riżultati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta’ livell għoli;

·Jiżdiedu kampanji ta’ informazzjoni mmirati li jiċċaraw id-drittijiet u l-obbligi involuti fi vjaġġar mingħajr viża.

Il-Georgia

 

Il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, u l-asil

Fir-rigward tal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn it-tieni nofs tal-2016 u nofs l-2017, ix-xejriet għas-soġġorn illegali u għar-rifjut ta’ dħul baqgħu stabbli. Iċ-ċifri ta’ applikazzjonijiet għall-asil minn ċittadini Georgjani fl-UE bejn it-tieni nofs tal-2016 (4 750) sa nofs l-2017 (4 630) ma jindikawx żieda ulterjuri. Ir-rifjuti tad-dħul naqsu b’39 % minn 1 330 fl-2015 għal 810 fl-2016 u s-soġġorni illegali naqsu bi 3 % minn 5 405 fl-2015 għal 5 240 fl-2016. L-applikazzjonijiet għall-asil żdiedu b’7,2 % (minn 8 110 fl-2015 għal 8 700 fl-2016). Ġiet reġistrata żieda ta’ 22 % bejn l-ewwel u t-tieni nofs tal-2016 (minn 3 905 għal 4 750). Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-asil baqgħet kważi l-istess (6,62 % fl-2015 u 6,48 % fl-2016). L-għadd ta’ ċittadini Georgjani ordnati jitilqu naqas bi 12 % minn 6 415 fl-2015 għal 5 635 fl-2016, filwaqt li r-rata ta’ ritorn żdiedet minn 45,13 % fl-2015 għal 55,90 % fl-2016. Filwaqt li r-rata ta’ ritorn baqgħet relattivament modesta, il-kooperazzjoni fir-riammissjoni hija meqjusa eċċellenti mill-Istati Membri u l-maġġoranza kbira tat-talbiet għal riammissjoni mressqa fl-2016 ġew approvati mill-awtoritajiet Georgjani.

Il-Georgia għamlet progress ulterjuri fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar il-Migrazzjoni 2016-2020 u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha , fost l-oħrajn billi stabbiliet is-Sistema Analitika Unifikata tal-Migrazzjoni (l-ittestjar tnieda f’Ottubru 2016), is-Sistema Unifikata ta’ Analiżi tat-Theddid u tar-Riskji fil-fruntieri, il-metodoloġija tal-Analiżi tar-Riskju ta’ Migrazzjoni, li taġġorna l-Profil tal-Migrazzjoni tal-2015, u b’hekk kompliet timplimenta l-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża b’mod sostnut. Il-Georgia qiegħda twettaq tliet fażijiet ta’ kampanji u taħriġ fuq livell nazzjonali dwar ir-regoli tal-ivvjaġġar mingħajr viża u qed tagħmel monitoraġġ tal-ivvjaġġar lejn iż-żona Schengen.

Rigward proċeduri għall-asil, l-għadd sinifikanti ta’ applikazzjonijiet għall-asil fil-Georgia li ġew miċħuda fuq il-bażi ta’ konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali matul l-ewwel nofs tal-2017 8 hija kwistjoni ta’ tħassib li tqajmet fit-tielet u r-raba’ rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Georgia tal-pjan ta’ azzjoni dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża 9 u li jeħtieġ li tiġi indirizzata.

L-ordni pubbliku u s-sigurtà

Mill-aħħar rapport tal-liberalizzazzjoni tal-viża, il-GKO mill-Georgia għadhom rapportati bħala wieħed mill-aktar ċittadinanzi mhux tal-UE involuti fil-kriminalità serja u organizzata fl-UE. Il-GKO Georgjani huma mobbli ħafna u involuti prinċipalment fil-kriminalità organizzata kontra l-proprjetà (b’mod partikolari serq organizzat) u huma attivi speċjalment fi Franza, il-Greċja, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja. Dawn il-GKO huma theddida partikolari għall-UE għax l-attivitajiet tagħhom spiss jiġu kkunsidrati bħala kriminalità ta’ intensità baxxa, il-kontroll tagħhom tas-swieq kriminali qed jiżdied gradwalment u huma jikkooperaw ma’ GKO oħrajn mhux fl-UE. Il-Georgia tibqa’ pajjiż ta’ tranżitu għal diversi komoditajiet illeċiti traffikati fl-UE, b’mod partikolari drogi. Il-Georgia intużat dejjem aktar biex taħsel dħul illeċitu ġġenerat minn diversi GKO fl-UE u barra minnha u qed temerġi bħala pajjiż ta’ tranżitu għall-ħasil ta’ dħul kriminali.

Il-Georgia żgurat issodisfar kontwinu u wriet impenn serju fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Hija żiedet il-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali. Jeħtieġ li l-isforzi jiġu sostnuti u kkonsolidati, b’mod partikolari min-naħa tal-infurzar. L-istrateġiji nazzjonali u l-pjanijiet ta’ azzjoni, kif ukoll il-leġiżlazzjoni huma aġġornati b’mod regolari. L-Istrateġija Nazzjonali ġdida tal-2017-2020 għall-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata 2017-2018 jiffoka fuq l-oqsma ewlenin li ġejjin: gruppi tal-kriminalità organizzata (“thieves-in-law”), drogi, ċiberkriminalità, ħidma tal-pulizija moderna u kooperazzjoni internazzjonali. L-implimentazzjoni f’waqtha u effettiva tagħhom trid tiġi żgurata fix-xhur li ġejjin. Ir-riformi tal-pulizija dwar attivitajiet tal-pulizija bbażati fuq l-intelligence u servizzi tal-pulizija fil-komunità qed jimxu ’l quddiem, kif ukoll it-twaqqif ta’ sistemi unifikata ta’ analiżi tal-kriminalità. Dawn huma ta’ importanza kruċjali għall-fehim u l-analizzar tal-attivitajiet kriminali u għal azzjoni ta’ infurzar tal-liġi u tal-ġustizzja kriminali mmirata. Attachés tal-pulizija huma stazzjonati fl-Istati Membri ewlenin u qed jiġu konklużi ftehimiet ġodda tal-infurzar tal-liġi. Il-Georgia ffirmat Ftehim ta’ Kooperazzoni Operazzjonali u Strateġiku mal-Europol f’April 2017 li daħal fis-seħħ f’Lulju 2017. Il-passi lejn in-negozar tal-Ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Eurojust għadhom għadejjin u n-negozjati huma skedati li jibdew f’Jannar 2018.

Filwaqt li b’mod ġenerali l-Georgia għandha rekord tajjeb fl-implimentazzjoni ta’ riformi kontra l-korruzzjoni, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni effettiva tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-mekkaniżmu ta’ verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi introdott f’Jannar 2017.

B’mod ġenerali, il-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Huwa mistenni titjib ulterjuri fl-implimentazzjoni. L-oqsma li ġejjin jeħtieġ li jiġu indirizzati:

·Jitkomplew il-kampanji dwar ir-regoli tal-ivvjaġġar mingħajr viża, ikunu finalizzati s-sistemi analitiċi u ta’ analiżi tar-riskju tal-migrazzjoni u jiżdiedu l-isforzi fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni li ġew identifikati;

·Jiġi operazzjonalizzat Ftehim ta’ Kooperazzjoni konkluż mal-Europol bħala kwistjoni ta’ prijorità u jiġi konkluż ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ Eurojust;

·Tiġi finalizzata r-riforma dwar attivitajiet tal-pulizija bbażati fuq l-intelligence u l-ħolqien ta’ sistema ta’ analiżi tal-kriminalità bħala kwistjoni ta’ prijorità;

·Jitkompla u jkompli jiġi msaħħaħ l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera;

·Jiżdiedu l-isforzi dwar il-leġiżlazzjoni tal-ħasil tal-flus, l-intraċċar, l-iffriżar u l-konfiskazzjoni tal-assi kriminali, inkluż minn naħa għal oħra tal-fruntiera. Jiġi maħtur Uffiċċju nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi. Il-leġiżlazzjoni tiġi allinjata mar-raba’ Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus tal-UE;

·Jiġu adottati emendi għal-liġi kontra d-diskriminazzjoni biex jagħmlu l-implimentazzjoni tagħha effettiva.

L-Ukrajna

Il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, u l-asil

Rigward l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, ix-xejriet bejn it-tieni nofs tal-2016 u l-ewwel nofs tal-2017 għal soġġorn illegali u ċaħda tad-dħul, jindikaw tnaqqis żgħir. L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-asil minn ċittadini Ukreni fl-UE bejn it-tieni nofs tal-2016 u l-ewwel nofs tal-2017 tindika xejra stabbli (minn 5 435 għal 5 380). Iċ-ċaħdiet ta’ dħul naqsu kemmxejn b’5% minn 23 795 fl-2015 għal 22 495 fl-2016, filwaqt li s-soġġorni illegali żdiedu b’26 % minn 23 480 fl-2015 għal 29 565 fl-2016. Kien hemm tnaqqis sostanzjali f’applikazzjoni għall-asil b’44 % minn 22 100 fl-2015 għal 12 460 fl-2016. Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-asil kienet 30,12 % fl-2015 u 24,61 % fl-2016. L-għadd ta’ ċittadini Ukreni li ġew ordnati jitilqu żdied minn 19 200 fl-2015 għal 26 865 fl-2016, filwaqt li r-rata ta’ ritorn żdiedet minn 76,41 % fl-2015 għal 82,58 % fl- 2016. Il-kooperazzjoni mal-Ukrajna dwar ir-riammissjoni tibqa’ tajba ħafna, li huwa ppruvat mill-valutazzjonijiet kwalitattivi kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri.

Fir-rigward tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, fit-12 ta’ Lulju 2017 ġiet adottata l-Politika dwar il-Migrazzjoni tal-Istat tal-Ukrajna. Matul l-2015–2017 twettqu operazzjonijiet preventivi nazzjonali mmirati lejn il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-migrazzjoni. F’Mejju 2017, l-Ukrajna nediet kampanja ta’ informazzjoni mifruxa mal-Istat kollu biex tispjega d-drittijiet u l-obbligi ta’ sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża.

L-ordni pubbliku u s-sigurtà

Fir-rigward tal-kriminalità organizzata, l-Ukrajna xorta waħda tibqa’ pajjiż ta’ tranżitu għal diversi prodotti illeċiti ttraffikati lejn l-UE. L-eroina hija traffikata tul ir-rotta tal-Kawkasu, fost pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant, u tgħaddi mill-Ukraina lejn l-UE fi kwantitajiet kbar. Il-GKO li joriġinaw mill-Ukrajna huma involuti fi frodi fiskali, b’mod partikolari l-produzzjoni u l-kuntrabandu illeċitu ta’ prodotti tat-tabakk fl-UE. Iċ-ċiberkriminali bbażati fl-Ukrajna huma sofistikati ferm. Fir-rigward tat-traffikar illegali tal-armi tan-nar, għalkemm il-livell ta’ attività tat-traffikar jidher li huwa baxx attwalment, l-Ukrajna hija pajjiż tas-sors potenzjali għat-traffikar illegali ta’ armi tan-nar lejn l-UE. L-unità preċedenti tal-Pulizija Nazzjonali ddedikata biex tinvestiga l-kriminalità organizzata ġiet xolta fl-2015 mingħajr pjanijiet biex tiġi sostitwita.

L-Ukrajna rratifikat ftehim ma’ Europol dwar Kooperazzjoni Operattiva u Strateġika. F’Settembru 2017, il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni mal-Eurojust dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntier u t-terroriżmu daħal fis-seħħ. Bħala l-ewwel pass biex tiġi stabbilita sistema ta’ ċibersigurtà, f’Ottubru 2017 il-Parlament adotta liġi dwar iċ-ċibersigurtà biex tibda l-formazzjoni tal-politika tal-istat f’dan il-qasam u toħloq kundizzjonijiet biex tiġi żgurata protezzjoni ċibernetika tal-infrastruttura tal-informazzjoni tal-pajjiż. 

Mir-rapport finali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, kien hemm progress fl-implimentazzjoni ta’ riforma kontra l-korruzzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-funzjonament effettiv ta’ Bureau Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni (NABU) u Prosekuzzjoni Speċjalizzata Kontra l-Korruzzjoni (SAP), iżda s-sostenibbiltà tar-riformi għadha ta’ sfida. Iż-żamma u t-tisħiħ tal-indipendenza kif ukoll il-funzjonament effettiv tal-NABU, l-SAP u l-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni (NAPC) għandhom ikunu prijoritajiet ewlenin. Żviluppi riċenti bħall-introduzzjoni ta’ skadenzi stretti għal investigazzjonijiet ta’ qabel il-proċess, kif ukoll id-divulgazzjoni pubblika tal-investigazzjonijiet bil-moħbi tal-NABU fi tmiem Novembru mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jdgħajfu b’mod serju l-kapaċità tal-NABU li jwettaq investigazzjonijiet b’mod effettiv u l-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni. Abbozz ta’ liġi introdott fil-Parlament li jibda f’Diċembru, li jiffaċilita b’mod mhux dovut it-tkeċċija tal-kapijiet ta’ istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni, għalkemm attwalment tneħħa mill-aġenda, għadu rreġistrat. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ kundanni f’każijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-NABU u l-SAP huwa ta’ tħassib serju. It-twaqqif ta’ qorti għolja speċjalizzata indipendenti f’konformità sħiħa mal-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja jikkontribwixxi biex jirrimedja dawn in-nuqqasijiet.

Fir-rigward tal-NAPC, wara t-tnedija b’suċċess tas-sistema ta’ dikjarazzjonijiet elettroniċi f’Settembru 2016, il-verifika effettiva tad-dikjarazzjonijiet elettroniċi hija mxekkla serjament minn sfidi. It-tħassib jirrigwarda l-ġestjoni tal-Aġenzija, qafas regolatorju kkumplikat, in-nuqqas li jiġi installat softwer ta’ verifikazzjoni awtomatiku, in-nuqqas ta’ bażijiet ta’ data diretti u awtomatiċi għal bażijiet ta’ data u reġistri rilevanti, kif ukoll in-nuqqas persistenti ta’ kooperazzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra tal-istat. Il-każ riċenti ta’ informatur kontra t-tmexxija tal-NAPC iqajjem tħassib ulterjuri dwar il-kredibbiltà tal-istituzzjoni u l-abbiltà tagħha li tagħti riżultati.

Il-pressjoni li dejjem qed tiżdied fuq is-soċjetà ċivili, inkluż permezz ta’ investigazzjonijiet kriminali u attakki fiżiċi, huma żviluppi inkwetanti. Bidliet leġiżlattivi li ġew introdotti f’Marzu 2017 li jirrikjedu lil attivisti kontra l-korruzzjoni jippreżentaw dikjarazzjonijiet tal-assi jqajmu tħassib serju bl-istess mod.

B’mod ġenerali, il-parametri riferenzjarju tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Madankollu, fid-dawl tal-iżviluppi riċenti, jeħtieġ li jittieħdu azzjonijiet immedjati biex jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u sostenibbiltà ta’ riformi li saru fil-passat, b’mod partikolari fir-rigward tal-parametru referenzjarju kontra l-korruzzjoni. L-oqsma li ġejjin jeħtieġ li jiġu indirizzati:

·It-titjib fil-kooperazzjoni mal-aġenziji rilevanti tal-UE biex jipprevjenu r-riskji li joriġinaw mill-migrazzjoni irregolari,

·Jiżdiedu kampanji ta’ informazzjoni mmirati li jiċċaraw id-drittijiet u l-obbligi involuti fl-ivvjaġġar mingħajr viża,

·Jiġu żgurati l-indipendenza, l-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-qafas istituzzjonali kontra l-korruzzjoni, b’mod partikolari billi titwaqqaf qorti indipendenti u speċjalizzata f’konformità mal-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja u mal-leġiżlazzjoni Ukrena. B’mod parallel, l-indipendenza u l-kapaċità tal-NABU u l-SAP iridu jiġu żgurati u rinfurzati, li jreġġa’ lura xejriet attwali li jdgħajfu l-ħidma tagħhom.

·Tiġi restawrata l-kredibbiltà tal-NAPC u tiġi stabbilita sistema ta’ verifika effettiva bħala kwistjoni ta’ urġenza, inkluż is-softwer tal-verifika awtomatika b’aċċess dirett u awtomatiku għal bażijiet ta’ data u reġistri tal-istat;

·Jitħassru l-emendi li jestendu l-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi tad-dikjarazzjoni tal-assi għal dikjaranti tas-soċjetà ċivili u jiġi żgurat li s-soċjetà ċivili jkun jista’ jkollha rwol mingħajr ostakli u interferenza mhux dovuti;

·Jiżdiedu l-isforzi biex jiġġieldu l-kriminalità organizzata, inkluż billi jiġu ddedikati riżorsi u għarfien espert suffiċjenti fil-Pulizija Nazzjonali, bl-introduzzjoni ta’ delineazzjoni ċara ta’ kompetenzi u t-titjib fil-kooperazzjoni bejn aġenziji tal-infurzar tal-liġi.

III. Konklużjonijiet

F’konformità mal-Artikolu 1a(2b) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jesiġi lill-Kummissjoni timmonitorja u tirrapporta dwar is-sodisfazzjon kontinwu tar-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża minn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni tqis li fuq il-bażi tal-analiżi ppreżentata f’dan ir-Rapport u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, ir-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi kkonċernati qed ikomplu jiġu ssodisfati. Ir-Rapport jidentifika azzjonijiet ulterjuri li għandhom jittieħdu f’oqsma speċifiċi biex tiġi ppreservata implimentazzjoni kontinwa u sostenibbli. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi żgurata implimentazzjoni kontinwa tal-parametri referenzjarji l-oħrajn kollha.

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant komplew jieħdu miżuri biex jindirizzaw l-isfidi ta’ migrazzjoni irregolari li għadhom jippersistu, b’mod partikolari l-Albanija. Dawn il-miżuri diġà qed jagħtu r-riżultati. Il-Kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni tkompli għaddejja bla xkiel għall-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant b’rati ta’ ritorn ġeneralment għolja.

Fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, minkejja sforzi kontinwi, il-gruppi ta’ kriminalità organizzata minn dawn il-pajjiżi għadhom attivi fit-traffikar tal-armi tan-nar illeċiti, id-delitti kontra l-proprjetà u t-traffikar ta’ diversi komoditajiet illeċiti (b’mod partikolari drogi u tabakk), il-ħasil tal-flus, it-traffikar ta’ bnedmin, it-traffikar tal-migranti u ċiberkriminalità fl-Istati Membri tal-UE. Jeħtieġ li jissaħħu l-isforzi f’dan ir-rigward.

Fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, hemm bżonn li l-Moldova tieħu azzjonijiet immedjati biex tiżgura l-implimentazzjoni kontinwa tal-parametru referenzjarju u s-sostenibbiltà tar-riformi. Fid-dawl tal-iżviluppi riċenti, hemm bżonn ukoll li l-Ukraina tieħu azzjonijiet immedjati biex tissalvagwardja l-miżuri kontra l-korruzzjoni li ġew introdotti fir-riformi preċedenti u biex tippermetti li jkompli jsir aktar progress.

L-implimentazzjoni tal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża hija proċess kontinwu. Laqgħat u Djalogi regolari tas-Sottokumitat tal-Ġustizzja, Libertà u Sigurtà bejn l-UE u l-pajjiżi tal-liberalizzazzjoni tal-viża, inkluż għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Puntent, fejn rilevanti, negozjati tal-adeżjoni tal-UE, kif ukoll laqgħat tal-uffiċjali għolja jipprovdu l-qafas xieraq biex jiddiskutu dawn il-kwistjonijiet f’aktar dettall. Il-Kummissjoni se terġa’ tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lil-Kunsill dwar it-twettiq kontinwu tar-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża minn pajjiżi terzi fl-2018.

(1)

     Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81 , 21.3.2001, p. 1) kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-1 ta’ Marzu 2017 (ĠU L 61 , 8.3.2017, p. 1).

(2)

      http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6290-2017-ADD-1/mt/pdf .

(3)

   L-oqsma speċifiċi huma identifikati skont il-pjanijiet ta’ azzjoni għal-liberalizzazzjoni tal-viża rispettivi għal kull pajjiż. Il-punti ta’ riferiment huma maqsuma f’erba’ “blokok” ta’ kwistjonijiet teknikament rilevanti: (1) is-sigurtà tad-dokumenti, inkluża l-bijometrika; (2) il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-asil; (3) l-ordni pubbliku u s-sigurtà; (4) ir-relazzjonijiet esterni u d-drittijiet fundamentali. F’dan ir-rapport, l-attenzjoni tinsab fuq l-oqsma speċifiċi li ġejjin (relatati ma’ partijiet 2 u 3): l-Albanija (il-migrazzjoni irregolari, l-infurzar tal-liġi), l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (il-kriminalità organizzata, l-infurzar tal-liġi), il-Bożnija-Ħerzegovina (il-migrazzjoni irregolari, il-kriminalità organizzata), il-Montenegro (il-migrazzjoni irregolari, il-kriminalità organizzata), is-Serbja (il-migrazzjoni irregolari, il-kriminalità organizzata), il-Moldova (il-migrazzjoni irregolari, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus), il-Georgia (il-migrazzjoni irregolari, l-asil, il-kriminalità organizzata, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni), l-Ukrajna (il-migrazzjoni irregolari, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata). Il-Kummissjoni tkompli wkoll issegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ punti ta’ referenza relatati mal-blokka (1) u l-blokka (4) b’mod partikolari, fir-rigward tar-reati kontra d-diskriminazzjoni u s-sitwazzjoni ta’ gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni, partikolarment il-miżuri ta’ integrazzjoni tar-Rom.

(4)

     Adottat l-aħħar f’Novembru 2016.

(5)

     F’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2010: http://www.europarl.europa.eu/meetdocs/2009_2014/documents/d-mk/dv/1027_12/1027_12en.pdf  

(6)

     Minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Moldova”.

(7)

     Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja, kif ukoll l-Iżvizzera, in-Norveġja, il-Liechtenstein u l-Iżlanda.

(8)

     F’Jannar-Ġunju 2017, 26 % tad-deċiżjonijiet kollha kienu ċaħdiet fuq il-bażi ta’ raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali. Fl-2016 u l-2015 dawn il-perċentwali kienu 5 % u 4 % rispettivament (sors UNHCR).

(9)

     COM (2015) 199/SWD(2015) 103 final, adottat fit-8.5.2015, u COM(2015)684/SWD(2015) 299 final, adottat fit-18.12.2015.