Brussell, 19.12.2017

COM(2017) 788 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

DWAR IT-TĦADDIM TAD-DIRETTIVA (UE) 2015/1535 MILL-2014 SAL-2015

{SWD(2017) 465 final}


Werrej

INTRODUZZJONI    

1.    Żviluppi 2014-2015    

1.1.    L-użu tal-proċedura ta’ notifika fi ħdan il-kuntest ta’ “Regolamentazzjoni aħjar” u biex tittejjeb il-kompetittività    

1.2.    Użu tal-proċedura ta' notifika biex jissaħħaħ ir-rikonoxximent reċiproku    

1.3.    Titjib fil-proċedura ta' notifika    

1.4.    Il-ġurisprudenza dwar id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku    

2.    Applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika    

2.1.    Effikaċja: ħarsa ġenerali    

2.2.    L-użu tal-proċedura ta’ urġenza    

2.3.    In-notifika ta’ “miżuri ta’ inċentivi fiskali jew finanzjarji”    

2.4.    Is-segwitu għar-reazzjonijiet tal-Kummissjoni    

2.5.    Is-segwitu għall-proċedura ta’ notifika    

2.6.    Skambji strutturati mal-Istati Membri    

2.7.    Talbiet għal aċċess għal dokumenti maħruġa skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku    

2.8.    Trasparenza    

3.    Konklużjoni    



Sommarju eżekuttiv

Dan ir-rapport janalizza l-applikazzjoni ta’ wieħed mill-pedamenti tas-suq intern mill-2014 sal-2015: il-proċedura ta’ notifika stabbilita mid-Direttiva (UE) 2015/1535 1 (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku”). Ir-rapport jenfasizza l-kontribuzzjoni importanti tal-proċedura ta' notifika għall-funzjonament tas-Suq Uniku u għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar 2 .

Id-Direttiva (UE) 2015/1535 ġiet adottata fid-9 ta’ Settembru 2015 u rrevokat u ssostitwixxiet id-Direttiva 98/34/KE. Peress li d-Direttiva 98/34/KE kienet ġiet emendata sostanzjalment diversi drabi (b’mod partikolari biex tinkludi servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni u biex tneħħi standards tekniċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha), ittieħdet deċiżjoni biex tiġi kkodifikata fl-interess taċ-ċarezza.

In-notifika lill-Kummissjoni dwar regolamenti tekniċi nazzjonali qabel l-adozzjoni tagħhom baqgħet strument effettiv għall-prevenzjoni tal-ostakoli għall-kummerċ u għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u fost l-Istati Membri nnifishom. Il-proċedura ta’ notifika hi wkoll għodda importanti biex tiggwida l-attività regolatorja nazzjonali inkluż f’ċerti setturi li qed jiżviluppaw u biex ittejjeb il-kwalità tar-regolamenti tekniċi nazzjonali – f’dak li għandu x'jaqsam mat-trasparenza, mal-leġibiltà u mal-effikaċja – f’oqsma mhux armonizzati jew parzjalment armonizzati. Ċarezza akbar fil-qafas legali ta’ kull Stat Membru tista’ tgħin lill-operaturi ekonomiċi biex jadattaw għar-regoli l-ġodda u b'hekk inaqqsu l-ispiża tal-aċċess għar-regolamenti u biex japplikawhom b’mod korrett. Dan hu possibbli wkoll bis-saħħa tal-fatt li r-regolamenti tekniċi nnotifikati lill-Kummissjoni huma tradotti fit-23 lingwa uffiċjali tal-UE 3 .

 INTRODUZZJONI

Il-proċedura ta’ notifika għal regolamenti tekniċi nazzjonali tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jeżaminaw qabel l-adozzjoni r-regolamenti tekniċi li l-Istati Membri għandhom l-intenzjoni li jintroduċu għall-prodotti (industrijali, agrikoli u tas-sajd) u għas-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ara l-Anness 1 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-Rapport). Il-proċedura tapplika b’mod simplifikat għall-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma firmatarji għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u għall-Iżvizzera u għat-Turkija (ara l-Anness 3).

L-iskop prinċipali tal-proċedura ta' notifika hu li tipprevjeni l-ħolqien ta’ ostakoli ġodda għas-suq intern qabel ma jiddaħħlu fis-seħħ u jkunu pproduċew xi effett negattiv.

Is-suq intern hu wieħed mill-10 prijoritajiet tal-Kummissjoni u l-Kummissjoni tqis li funzjonament aħjar tas-Suq Uniku hu magna għall-bini ta’ ekonomija aktar b’saħħitha tal-UE u “l-aqwa assi tal-Ewropa fi żminijiet ta' globalizzazzjoni dejjem akbar 4 . Għal din ir-raġuni, flimkien mal-Istati Membri l-Kummissjoni tieħu impenn li tisfrutta l-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku “sabiex iċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom aċċess għal oġġetti u servizzi bl-aħjar kwalità, prezz jew servizz 5 . Kif iddikjarat fl-Istrateġija għal Suq Uniku, “Jista’ jiġi argumentat li s-Suq Uniku hu fost l-akbar kisbiet tal-Unjoni Ewropea 6 u l-Kummissjoni tqisu bħala prijorità biex jitneħħew l-ostakoli regolatorji u mhux regolatorji li jifdal għas-Suq Uniku għall-oġġetti u għas-servizzi. Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tagħti spinta ġdida lis-Suq Uniku b’numru ta’ azzjonijiet ambizzjużi u pragmatiċi f’oqsma ewlenin għas-suq intern tal-UE bħall-ekonomija ċirkolari, l-ekonomija kollaborattiva, is-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u t-tassazzjoni.

Fil-Komunikazzjoni tagħha “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji 7 , il-Kummissjoni saħqet li "[l-prodotti] jiġġeneraw madwar 75% tal-kummerċ intra-UE [u li, fl-2014,] il-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri tal-UE ġie valutat li jilħaq l-EUR 2 900 biljun", u b’hekk xeħtet dawl fuq ir-rwol importanti li jaqdi l-kummerċ f’oġġetti fil-kuntest ġenerali tal-kummerċ fis-Suq Uniku (fl-2015 il-kummerċ intra-UE f’oġġetti rrappreżenta 20.6% tal-PDG tal-UE). Il-ħtieġa li jissaħħaħ il-moviment liberu tal-oġġetti u li jiġi pprovdut qafas regolatorju aktar prevedibbli għan-negozju hi mtennija fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. Id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku tikkontribwixxi b’mod dirett jew indirett għal diversi inizjattivi ta’ segwitu tal-Istrateġija għal Suq Uniku.

Minħabba l-importanza tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku fil-funzjonament xieraq tas-Suq Uniku għal oġġetti u għal servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni, dan ir-rapport hu adottat flimkien mal-“Pakkett dwar il-Prodotti”. L-għan tal-pakkett hu li jsaħħaħ is-Suq Uniku u li jisfrutta l-potenzjal sħiħ tiegħu billi jkabbar il-fiduċja fis-Suq Uniku għall-benefiċċju ta’ kulħadd, taċ-ċittadini kif ukoll tan-negozji. B’mod speċifiku, se jiġu ppreżentati inizjattivi biex ir-rikonoxximent reċiproku jaħdem aħjar u jissaħħaħ l-infurzar tar-regoli komuni tal-UE dwar is-sigurtà tal-prodotti.

Id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku hi l-aktar strument miftuħ u trasparenti tas-Suq Uniku. Hi sistema unika li tipprevjeni li jfeġġu ostakoli ġodda għas-Suq Uniku billi tixħet enfasi fuq it-trasparenza, id-djalogu, il-prevenzjoni u r-regolamentazzjoni aħjar. Mhux talli tipprevedi li l-Istati Membri jieħdu sehem daqs il-Kummissjoni f’din il-proċedura, iżda tippermetti wkoll biex il-partijiet ikkonċernati nfushom ikollhom aċċess għar-regolamenti tekniċi nazzjonali kollha li jkunu qed jitħejjew, li jiġu tradotti fit-23 lingwa uffiċjali tal-UE. Għaldaqstant, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jantiċipaw il-ħolqien ta’ ostakoli għall-kummerċ u, billi jieħdu rwol attiv fil-proċess ta’ notifika, jistgħu jipprevjenu milli piżijiet amministrattivi żejda u għaljin jaffettwaw lin-negozji tagħhom.

Id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku tista’ taqdi wkoll rwol importanti fil-laqgħat ta’ djalogu dwar il-konformità mal-Istati Membri 8 , li huma parti mill-kultura ta’ konformità u mill-proġett ta’ infurzar intelliġenti tal-Istrateġija għal Suq Uniku 9 . Il-Kummissjoni tara dawn il-laqgħat bħala opportunità għal djalogu biex ittejjeb it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE. Id-djalogi huma wkoll okkażjoni biex issir diskussjoni mal-Istati Membri dwar kif jiġu indirizzati b’mod proattiv l-isfidi tal-infurzar tal-liġi tal-UE. F’dan il-kuntest, id-djalogu skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku, flimkien ma’ indikaturi oħra, jippermetti lill-Kummissjoni biex tidentifika aħjar is-setturi tal-problemi u l-problemi strutturali fl-Istati Membri.

B’kunsiderazzjoni tar-rwol tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku fil-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ ostakoli fis-suq uniku tal-oġġetti, fil-qafas tal-Pakkett tas-Servizzi dan l-aħħar il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva għal strument ta’ notifika awtonomu fil-qasam tas-servizzi. Din għandha l-għan li timmodernizza l-proċedura ta' notifika eżistenti skont id-Direttiva dwar is-Servizzi 10 u se tippermetti għal verifika aktar upstream tal-ġustifikazzjoni u tal-proporzjonalità ta’ regolamenti nazzjonali ġodda li potenzjalment jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi kif ukoll tindirizza l-konformità permezz tad-djalogu mal-Istati Membri qabel ma tkun ġiet adottata l-leġiżlazzjoni proposta 11 .

Bis-saħħa tal-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tagħha, li jkopri l-prodotti kollha, is-servizzi industrijali, agrikoli u tas-sajd, u tas-Soċjetà tal-Informazzjoni, id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku tgħin ukoll fil-promozzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi f’setturi emerġenti tal-ekonomija diġitali u għall-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ ostakoli għall-kummerċ fis-Suq Uniku Diġitali tal-UE. Il-proċedura ta' notifika tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku tgħin biex jinħoloq Suq Uniku Diġitali aktar b’saħħtu u aktar konness. Fir-rigward tal-ekonomija kollaborattiva, id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku tfittex li tipprevjeni l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ rekwiżiti mhux iġġustifikati u sproporzjonati ta’ aċċess għas-suq 12 .    

1.Żviluppi 2014-2015

1.1.L-użu tal-proċedura ta’ notifika fi ħdan il-kuntest ta’ “Regolamentazzjoni aħjar” u biex tittejjeb il-kompetittività

Diġà fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2002 "Regolamentazzjoni aħjar għat-tkabbir u għall-impjegi fl-UE 13 ", il-Kummissjoni enfasizzat li l-mekkaniżmu ta’ kontroll preventiv stabbilit bid-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tar-regolamenti nazzjonali dwar il-prodotti u s-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni. Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fi ħdan il-kuntest tal-proċedura ta' notifika għandha l-għan li tiżgura qafas regolatorju aktar ċar għall-operaturi ekonomiċi.

Fil-qafas tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni biex tissimplifika u ttejjeb l-ambjent regolatorju 14 , l-Istati Membri ġew mistiedna jissottomettu studji tal-impatt (jew il-konklużjonijiet tagħhom) flimkien ma’ abbozzi notifikati ta’ regolamenti tekniċi skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku, meta dawn l-istudji jkunu twettqu internament. Billi jwettqu dawn l-istudji tal-impatt, l-Istati Membri jitħeġġu jirriflettu minn qabel dwar l-aktar strument adattat li għandu jintuża, u l-Kummissjoni tkun tista’ tikkontrolla l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżuri proposti. Fil-perjodu ta' rapportar, l-Istati Membri ssottomettew studji tal-impatt b’rabta ma’ 356 notifika (kważi 25% min-notifiki kollha). Dawn jirrappreżentaw żieda ħafifa meta mqabbla mas-sentejn ta’ qabel, meta l-Istati Membri ssottomettew 314-il studju tal-impatt minn 1439 notifika (madwar 22% min-notifiki kollha).

1.2.Użu tal-proċedura ta' notifika biex jissaħħaħ ir-rikonoxximent reċiproku

Id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku tikkontribwixxi għal rikonoxximent reċiproku aħjar. L-evalwazzjoni tar-regolamenti tekniċi, qabel ma jiġu adottati, fid-dawl tal-Artikoli 34-36 tat-TFUE u tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni biex tiddaħħal klawżola dwar is-suq uniku fl-abbozzi notifikati tar-regoli nazzjonali, fejn ikun hemm bżonn, tgħin fit-tnaqqis tar-riskju li dawk ir-regoli jdaħħlu ostakoli regolatorji għall-kummerċ. Dan il-mekkaniżmu preventiv jista’ jiġi kkomplementat minn mekkaniżmu korrettiv, f’każ li, meta jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq regoli nazzjonali f’każijiet individwali, l-awtoritajiet japplikaw ħażin il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Għal din ir-raġuni, ir-rapport hu adottat flimkien mal-“Pakkett dwar il-prodotti”, li fih inizjattiva ta’ segwitu għall-Istrateġija għal Suq Uniku biex tingħata spinta qawwija lir-rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-oġġetti. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tintroduċi l-użu minn operaturi ekonomiċi ta’ dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent reċiproku volontarju u li tiffaċilita l-implimentazzjoni mingħajr intoppi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Jenħtieġ li din tiżgura li r-regolamenti nazzjonali ma joħolqux ostakoli mhux iġġustifikati għall-kummerċ matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tagħhom.

1.3.Titjib fil-proċedura ta' notifika

Wieħed mill-objettivi tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku hu li tinforma lill-operaturi ekonomiċi, inklużi lill-impriżi żgħar u medji (SMEs), bil-quddiem dwar regolament tekniku ppjanat fl-Istati Membri, u mbagħad tippermettilhom isemmgħu l-opinjoni tagħhom u jadattaw sa minn kmieni l-attivitajiet tagħhom għal regolamenti tekniċi futuri 15 . In-numru għoli ta’ kontribuzzjonijiet dwar in-notifiki mibgħuta mill-partijiet ikkonċernati juri li dan id-dritt ta’ skrutinju jintuża b’mod estensiv u jgħin lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jidentifikaw ostakoli għall-kummerċ.

Bi sforz li dejjem jevolvi favur it-trasparenza u l-effiċjenza, fl-2015 il-Kummissjoni ħadmet fuq funzjonalità ġdida fis-sit web tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi (TRIS) 16 . Din il-funzjonalità l-ġdida ġiet implimentata f’Ġunju 2016 u tippermetti lil kwalunkwe persuna li tuża s-sit web tat-TRIS biex tissottometti kontribuzzjonijiet dwar kwalunkwe notifika matul il-perjodu taż-żmien tal-waqfien totali previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku.

Il-kontributuri għandhom il-possibbiltà li jagħmlu l-kontribuzzjoni tagħhom kunfidenzjali u disponibbli għas-servizzi tal-Kummissjoni biss. L-għodda l-ġdida tal-“Kontribuzzjonijiet” tipprovdi wkoll mod kif jiġu aċċessati malajr u faċilment il-kontribuzzjonijiet ta’ partijiet ikkonċernati oħra dment li dawn ma jkunux immarkati bħala kunfidenzjali, u b’hekk tingħata viżibilità akbar lill-kontribuzzjonijiet barra mill-Kummissjoni wkoll.

Il-kontribuzzjonijiet kollha sottomessi permezz ta’ dan il-mekkaniżmu l-ġdid se jingħaddew minnufih lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni, biex b’hekk jirrappreżentaw żieda fl-effiċjenza tal-proċess ta’ kontribuzzjoni. Sadanittant, il-kontributuri jirċievu konferma awtomatika tar-riċevuta permezz tal-irċevuta ta’ Aċċettazzjoni tal-Kontribuzzjoni mibgħuta b’ittra elettronika.

1.4.Il-ġurisprudenza dwar id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku 

Fil-perjodu referenzjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ) iddeċidiet żewġ każijiet ewlenin b'referenza għad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku u għall-obbligi tagħha li jgħinu fl-iċċarar ta’ ċerti aspetti tad-Direttiva u jiġu ddefiniti aħjar uħud mir-rekwiżiti tagħha.

Fil-Kawża C-307/13 (Ivansson u Oħrajn), 17 il-Qorti ddikjarat li, jekk iseħħ tibdil fl-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ miżura nazzjonali u jekk dan ikun ta’ natura sinifikanti, l-abbozz tar-regolament tekniku hu soġġett għall-obbligu ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni, kif stabbilit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku ("L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-abbozz mill-ġdid [lill-Kummissjoni] […] jekk jagħmlu tibdil lill-abbozz li jkollu l-effett li jibdel b’mod sinifikanti l-iskop tiegħu, iqassru l-iskeda imfassla oriġinarjament għall-implimentazzjoni, iżidu l-ispeċifikazzjonijiet jew il-ħtiġiet [ir-rekwiżiti] jew jagħmlu lil dawn tal-aħħar iktar stretti"). Il-Qorti żiedet li nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ obbligu bħal dan jikkostitwixxi difett proċedurali fl-adozzjoni tar-regolament tekniku kkonċernat, u jrendi dan ir-regolament tekniku inapplikabbli u, għalhekk, mhux infurzabbli kontra l-individwi.

Fil-Kawża C-98/14 (Berlington Hungary u Oħrajn) 18 , il-Qorti ddikjarat li leġiżlazzjoni tat-taxxa bħal dik inkwistjoni li ma tkunx akkumpanjata minn kwalunkwe speċifikazzjoni teknika jew kwalunkwe rekwiżit ieħor li bih ikollha l-iskop allegat li tiżgura konformità, ma tistax tiġi deskritta bħala "regolament tekniku de facto" (l-Artikolu 1(f) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku) u li l-kunċett ta’ "regolamenti tekniċi de facto" ma jirreferix għall-miżuri tat-taxxa nfishom, iżda għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal rekwiżiti oħra marbuta magħhom.

Il-Qorti ddikjarat ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprojbixxu l-operat tal-islot machines barra mill-casinos jikkostitwixxu “regolamenti tekniċi” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(f) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku, li l-abbozzi tagħhom iridu jiġu kkomunikati f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku. Il-Qorti ddikjarat li “miżura nazzjonali li tirriżerva l-organizzazzjoni ta’ ċertu logħob tal-ażżard għall-każinos biss tikkostitwixxi “regolament tekniku” fis-sens tal-imsemmi Artikolu [1(f), sa fejn din tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv in-natura jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti użati f’dan il-kuntest”.

Il-Qorti ddikjarat ukoll li l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku, li turi l-passi proċedurali tal-proċedura ta' notifika, “ma għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, b’mod li l-ksur tagħhom minn Stat Membru ma jwassalx għal dritt għall-individwi li jiksbu, min-naħa ta’ dan l-Istat Membru, il-kumpens għad-dannu sostnut minħabba dan il-ksur abbażi tad-dritt tal-Unjoni”.

Dawn is-sentenzi pprovdew aktar ċarezza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 5 u 6 tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku u b’mod partikolari dwar in-notifika tat-tibdiliet fil-liġijiet innotifikati preċedentement, il-kunċett ta’ regolament tekniku u l-fatt li l-ksur proċedurali ma jwassalx għal talbiet ta’ kumpens. Dan se jgħin lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni japplikaw aħjar id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku.

2.Applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika

1.5.Effikaċja: ħarsa ġenerali 

Volum ta’ notifiki u s-setturi involuti

Mill-2014 sal-2015, il-Kummissjoni rċiviet 1382 notifika (655 fl-2014, 727 fl-2015) 19 . Dan jirrappreżenta tnaqqis żgħir fir-rigward tas-sentejn ta’ qabel (1484 notifika).

Ġew osservati differenzi kbar fin-numru ta’ notifiki fost l-Istati Membri, b’ċerti Stati Membri li għamlu aktar minn 50 notifika fis-sena u oħrajn li nnotifikaw anqas minn 10 notifiki fis-sena. Jekk dan id-distakk jista’ jiġi parzjalment spjegat minn kuntest differenti tal-organizzazzjoni tal-Istat (eż. preżenza ta’ awtoritajiet reġjonali/lokali b’setgħat regolatorji), nuqqas ta’ għarfien jew bi grad ogħla/anqas ta’ attività regolatorja, din id-diskrepanza kbira tqajjem dubji dwar il-konformità sħiħa mal-obbligi ta’ notifiki minn uħud mill-Istati Membri. Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li wħud mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ma jiħdux f’kunsiderazzjoni l-proċess ta’ notifika tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku, u b’mod partikolari l-waqfien meħtieġ ta’ tliet xhur, meta jippjanaw il-proċess tagħhom ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet regolatorji.

Tista’ tiġi osservata korrelazzjoni bejn id-daqs tal-Istati Membri u n-numru ta’ notifiki, bl-akbar Stati Membri li, b’mod ġenerali, innotifikaw aktar minn dawk medji u żgħar. Dan jista’ jiġi parzjalment spjegat minn numru akbar ta’ awtoritajiet reġjonali u lokali li għandhom obbligu li jinnotifikaw l-abbozzi tagħhom ta’ regolamenti tekniċi. Madankollu, dan mhux dejjem ikun il-każ: pereżempju, f’ċerti każijiet, Stati Membri ta’ daqs medju nnotifikaw aktar minn uħud mill-Istati Membri l-kbar.

Bħal fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti, is-settur tal-kostruzzjoni kellu l-ogħla għadd ta’ notifiki matul il-perjodu ta' rapportar. Ħafna miżuri marbuta mal-effiċjenza enerġetika tal-bini u tal-istrutturi tal-konkrit, mal-pavimentar tat-toroq u mal-materjali kostitwenti u mas-sikurezza tal-bini kontra n-nar.

Bħal fil-perjodu ta' rapportar preċedenti, dan is-settur reġa’ kien segwit minn notifiki fil-qasam ta’ prodotti agrikoli, prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura u oġġetti tal-ikel oħra. F’din il-kategorija, diversi miżuri kellhom x'jaqsmu mal-iġjene tal-ikel, mal-kompożizzjoni u mat-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel u tax-xorb, mal-imballaġġ tal-ikel, mal-prezz minimu għax-xorb alkoħoliku, mal-kompożizzjoni u mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ xorb alkoħoliku u mhux alkoħoliku, mal-marki tal-kwalità u tal-oriġini.

Diversi notifiki saru wkoll fis-settur tat-telekomunikazzjoni (tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet, interfaċċi tar-radju, ħardwer u softwer għall-ġbir, għall-ġestjoni u għall-użu ta’ data miġbura minn mekkaniżmi elettroniċi installati abbord vetturi (il-kaxxa s-sewda)).

Numru ta’ notifiki li jikkonċernaw prodotti u servizzi tal-logħob tal-azzard. 

Finalment, numru ta’ notifiki relatati mas-settur tal-ambjent (primarjament l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, prodotti riċiklabbli, l-ipproċessar ta’ skart bijodegradabbli) (ara l-Anness 2.3).

Kwistjonijiet indirizzati mill-Kummissjoni fir-reazzjonijiet tagħha

Fl-oqsma mhux armonizzati li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, huma soġġetti għall-konformità mal-Artikoli 34 sa 36 (moviment liberu tal-oġġetti) u 49 u 56 (dritt ta' stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi) tat-TFUE, ir-reazzjonijiet tal-Kummissjoni kellhom l-għan li jiġbdu l-attenzjoni tal-Istati Membri għal ostakoli potenzjali għall-kummerċ wara li jivvalutaw in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha l-għan li tiżgura l-konformità ma’ dawn il-prinċipji u barra minn dan baqgħet tistieden lill-Istati Membri biex idaħħlu klawżoli ta’ rikonoxximent reċiproku f’kull abbozz ta’ regolament tekniku li jaqa’ lil hinn mill-qasam armonizzat.

Meta l-miżuri nazzjonali jaqgħu f’parti minnhom taħt oqsma armonizzati, ir-reazzjonijiet kellhom l-għan li jiżguraw li l-miżuri nazzjonali jkunu kompatibbli mal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE.

·    Fl-2014-2015, l-Istati Membri nnotifikaw 303 (151 fl-2014 u 152 fl-2015) abbozzi ta’ regolamenti tekniċi fil-qasam tal-kostruzzjoni. Dawn l-abbozzi kellhom x'jaqsmu mat-tipi kollha ta’ prodotti għall-kostruzzjoni, fosthom, strutturi ta' pontijiet u strutturi tat-toroq tal-konkrit, kisi tal-qatran għall-bjut tal-bini, tagħmir għat-tifi tan-nar u għas-salvataġġ, iżolament termali, materjali sintetiċi tal-mili, strutturi tal-konkrit, installazzjonijiet elettriċi fuq l-istrutturi tal-konkrit u ġewwa fihom, materjali metalliċi li jiġu f'kuntatt mal-ilma tax-xorb.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni eżaminat l-abbozzi ta' regolamenti tekniċi li jistabbilixxu rekwiżiti tekniċi jew testitjiet addizzjonali għal prodotti għall-kostruzzjoni li jostakolaw il-moviment liberu ta’ prodotti li jkunu ttikkettati bil-marka CE. L-abbozzi notifikati ġew analizzati prinċipalment skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE 20 .

Il-Kummissjoni eżaminat abbozzi ta’ leġiżlazzjoni li jipprojbixxu l-istallazzjoni ta’ fran taż-żejt fossili u fran tal-gass naturali f’bini ġdid ħlief meta l-fran taż-żejt u tal-gass jużaw biss l-enerġija rinnovabbli. L-abbozz notifikat ġie eżaminat skont id-Direttiva 2009/142/KE dwar tagħmir li juża l-gass (GAD) 21 u d-Direttiva 92/42/KEE dwar il-ħtiġiet ta’ effiċjenza għal kaldaruni tal-misħun ġodda li jaħdmu b’karburanti likwidi jew gassużi 22 .

Ir-regolamenti tekniċi relatati mal-effiċjenza enerġetika tal-bini ġew ivvalutati skont id-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija 23 , id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija 24 u d-Direttiva 2009/125/KE li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija 25 .

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll l-abbozz tal-leġiżlazzjoni dwar ir-rekwiżiti għat-tagħmir ta’ komunikazzjoni tal-awtostradi. L-abbozz notifikat ġie eżaminat skont id-Direttiva 1999/5/KE 26 , id-Direttiva 2006/95/KE 27 u d-Direttiva 2004/108/KE 28 .

·Fis-setturi tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-oġġetti tal-ikel, mill-2014 sal-2015 l-Istati Membri nnotifikaw 266 (133 fl-2014 u 133 fl-2015) abbozz ta’ regolamenti tekniċi. Dawn l-abbozzi kienu jikkonċernaw fost l-oħrajn materjali li jiġu f’kuntatt mal-oġġetti tal-ikel, ix-xorb enerġetiku, ix-xaħmijiet trans fil-prodotti tal-ikel, l-inbid u l-ispirti, il-marki tal-kwalità għall-oġġetti tal-ikel, it-trattament xieraq tal-annimali u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tal-pil.

   Ċerti Stati Membri nnotifikaw l-abbozzi ta’ regolamenti li stabbilixxew marki li jorbtu l-kwalità ta’ prodott mal-oriġini tiegħu. Dawn in-notifiki ġew eżaminati skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-oġġetti u r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 29 .

   Matul il-perjodu rilevanti, il-Kummissjoni eżaminat ħafna notifiki dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel u ħarġet opinjonijiet dettaljati u kummenti dwar il-konformità tagħhom mar-Regolamenti (KE) Nru 852/2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel 30 , mar-Regolament (KE) Nru 853/2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali 31 u mar-Regolament (KE) Nru 854/2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman 32 .

   Notifiki oħra kkonċernaw it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel u l-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà tagħhom mar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, 33  b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjonijiet nutrizzjonali, jew dispożizzjonijiet oħra speċifiċi għas-setturi dwar l-informazzjoni tal-konsumatur 34 . 

 

·    Fis-settur tas-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni kien hemm 69 notifika (25 fl-2014 u 44 fl-2015). Diversi notifiki kienu fil-qasam tal-logħob tal-azzard, filwaqt li oħrajn kienu jirrigwardaw, fost l-oħrajn, id-drittijiet tal-awtur fl-ambjent diġitali, is-servizzi tal-midja awdjoviżivi fuq talba, il-kummerċ elettroniku, is-servizzi tal-firem elettroniċi u servizzi fiduċjarji oħra.

·    Fis-settur tal-metroloġija kien hemm 67 notifika (37 fl-2014 u 30 fl-2015). Dawn l-abbozzi kienu jikkonċernaw diversi tipi ta’ apparat ta’ kejl bħall-miters tal-gass, tal-elettriku u tas-sħana, tassimetri jew rifrattometri bil-priżma u kienu jistipulaw dwar ir-rekwiżiti speċifiċi li dawn l-istrumenti jridu jissodisfaw. In-notifiki dwar il-miters tal-gass, tal-elettriku u tas-sħana u t-tassimetri ġew analizzati prinċipalment skont id-Direttiva 2004/22/KE dwar l-istrumenti tal-kejl 35 . In-novità kienet tikkonsisti fi proġetti ta’ sistemi ta’ metraġġ intelliġenti ġodda, li jaqgħu ukoll taħt id-Direttiva 2004/22/KE, li huma pjuttost kumplessi minħabba l-ħtiġijiet tal-kombinazzjoni ta’ inġinerija mal-IT u mal-kommunikazzjoni, il-privatezza tad-data u l-aspetti tas-sigurtà.

·    Fis-settur tas-sustanzi kimiċi, il-Kummissjoni rċiviet 69 notifika (33 fl-2014 u 36 fl-2015). Il-biċċa l-kbira tan-notifiki kienet tikkonċerna prodotti bijoċidali, fertilizzanti, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u prodotti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-REACH u primarjament ġiet eżaminata skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) 36 , ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali 37 u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti 38 .

·    Fis-settur ambjentali, il-Kummissjoni eżaminat 86 abbozz ta’ regolamenti (42 fl-2014 u 44 fl-2015). Ċerti abbozzi notifikati kienu jikkonċernaw l-iskart mill-imballaġġ u qajmu kemm problemi ta’ kompatibbiltà mal-leġiżlazzjoni armonizzata tal-UE, b’mod partikolari mad-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ 39 (pereżempju fir-rigward tar-rekwiżiti għall-projbizzjoni ta’ basktijiet ħfief tal-plastik), u kif ukoll mal-Artikoli 34-36 tat-TFUE, għall-aspetti mhux armonizzati (pereżempju fir-rigward tal-klawżola tar-rikonoxximent reċiproku jew l-użu ta’ standards nazzjonali għall-basktijiet tal-plastik mhux riutilizzabbli jew kikkri, tazzi u platti tal-plastik mhux riutilizzabbli).

Permezz tal-proċedura ta' notifika, il-Kummissjoni setgħet tintervjeni f'setturi fejn l-armonizzazzjoni kienet prevista jew għadha għaddejja fil-livell tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, l-Istati Membri ma setgħux jintroduċu miżuri nazzjonali diverġenti. Skont l-Artikoli 6(3) u 6(4) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni talbet lill-Istat Membru notifikatur jipposponi l-adozzjoni tal-abbozzi tal-leġiżlazzjoni nnotifikati għal tnax-il xahar mid-data tan-notifika fl-oqsma ta’: firem elettroniċi, arkivjar elettroniku, konsenja rreġistrata elettronika, servizzi ta’ kronogrammi u ta’ ċertifikazzjoni elettroniċi (notifika 2013/584/B u 2013/585/B) u rekwiżiti għal ħalib u għal prodotti tal-ħalib, għal ġelati u għal xaħmijiet u għal żjut li jittieklu (notifika 2015/169/CZ).

B’hekk, id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku tgħin biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku f’oqsma fejn hi prevista jew għaddejja l-armonizzazzjoni u għandha l-għan li tagħti ċertezza u stabbiltà akbar fil-qafas legali lill-operaturi ekonomiċi.

► Eżempji pożittivi li juru l-impatt tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku

·Fl-2014, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni dettaljata dwar notifika Taljana li tikkonċerna logo reġjonali li rabtet l-oriġini ta’ medda wiesa’ ta’ prodotti mal-kwalità tagħhom. Il-Kummissjoni argumentat li din il-miżura kienet tmur kontra l-Artikolu 34 tat-TFUE peress li setgħet tħeġġeġ lill-konsumaturi jixtru prodotti nazzjonali għad-detriment ta’ dawk importati. Wara djalogu, l-awtoritajiet Taljani neħħew l-ostakolu billi eliminaw ir-referenza għall-oriġini tal-prodotti koperti mill-abbozz innotifikat.

·Fl-2014, l-Ungerija nnotifikat abbozz ta’ miżura li jistabbilixxi spezzjonijiet biex jiġi żgurat li l-operaturi jħallsu l-VAT fuq prodotti tal-inbid mingħajr indikazzjoni ġeografika mqiegħda fis-suq fl-Ungerija. Dawn l-ispezzjonijiet kienu soġġetti għall-ħlas ta’ tariffa. Il-Kummissjoni ħarġet opinjoni dettaljata li targumenta li l-pagament ta’ tariffa ta’ spezzjoni tal-VAT kienet tmur kontra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli 40 . Wara l-adozzjoni tal-miżura mill-awtoritajiet Ungeriżi, il-Kummissjoni nediet investigazzjoni li finalment ingħalqet minħabba l-fatt li l-miżura kkontestata ma baqgħetx fis-seħħ mill-31 ta’ Lulju 2017 (minħabba n-nuqqas ta’ estensjoni mill-awtoritajiet Ungeriżi). Għaldaqstant, il-proċedura ta' notifika wriet li kienet siewja fl-identifikazzjoni ta’ ostakolu għall-kummerċ li eventwalment tneħħa permezz ta’ investigazzjoni.

·Fl-2015, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni abbozz ta’ miżura li jiddefinixxi t-tip ta’ logo li għandu jintuża ma’ prodotti industrijali u tas-snajja’ protetti b’indikazzjonijiet ġeografiċi. Il-Kummissjoni ħarġet opinjoni dettaljata fuq il-bażi li l-istabbiliment tat-tip ta’ logo, li kien jikkonsisti f’kontorn blu u aħmar madwar l-inizjali “IG” [indication géographique – indikazzjoni ġeografika], bil-kelma “FRANCE”, setgħet tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti skont l-Artikolu 34 tat-TFUE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li dan it-tip ta’ logo li jisħaq l-oriġini Franċiża tal-prodotti kkonċernati jkun imur lil hinn mill-objettiv ta’ awtentikazzjoni tal-oriġini lokali jew reġjonali speċifika u, għalhekk, jista’ jħeġġeġ lill-konsumaturi jixtru prodotti li fuqhom ikun hemm stampat dan il-logo, bl-esklużjoni ta’ prodotti minn Stati Membri oħra. L-awtoritajiet Franċiżi laqgħu dawn l-oġġezzjonijiet u emendaw l-abbozz tat-tip ta’ logo b’mod li tqies aċċettabbli mill-Kummissjoni.

·Fl-2015, Franza nnotifikat abbozz ta’ regolament tekniku li jistabbilixxi l-prestazzjoni mistennija tat-tagħmir ta' protezzjoni personali (PPE) użat għall-protezzjoni tal-operaturi u tal-ħaddiema minn prodotti sintetizzati għall-protezzjoni tal-pjanti u t-testijiet xierqa proposti. Il-Kummissjoni ħarġet opinjoni dettaljata li esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-klawżola ta’ rikonoxximent reċiproku li tinsab fl-abbozz innotifikat. Skont l-abbozz innotifikat, jista’ jintuża kwalunkwe mezz ieħor biex jintwera li l-ilbies jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv 41 (Direttiva tal-PPP), dment li dawn il-mezzi jiggarantixxu l-istess livell ta’ protezzjoni għall-operaturi u għall-ħaddiema bħall-kundizzjonijiet tat-test u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni deskritti fl-abbozz Franċiż. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li permezz ta' din id-dispożizzjoni fil-prattika l-kundizzjonijiet tat-test u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni tat-test innotifikat saru obbligatorji, bi ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-PPE: “L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirristrinġu jew ifixklu t-tqegħid fis-suq ta' PPE jew komponenti tal-PPE li jikkonformaw mad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva u li għandhom l-immarkar CE li jafferma l-konformità tagħhom mad-disposizzjonijiet kollha ta' din id-Direttiva, li jinkludi l-proċeduri ta' ċertifikazzjoni fil-Kapitolu II”. L-awtoritajiet Franċiżi mmodifikaw it-test kif xieraq, filwaqt li indirizzaw it-tħassib li esprimiet il-Kummissjoni.

·Fl-2014, ir-Renju Unit innotifika abbozz li jipprevedi li t-tagħmir ta’ komunikazzjoni tal-awtostradi jenħtieġ li jikkonforma mad-Direttiva dwar il-Vultaġġ Baxx (LVD) 42 , id-Direttiva dwar it-Tagħmir Terminali tar-Radju u tat-Telekomunikazzjoni (R&TTE) 43 , u d-Direttiva dwar il-Kompatibbiltà Elettromanjetika (EMC) 44 , u, kif ukoll ma’ numru ta’ standards volontarji armonizzati. Il-Kummissjoni ħarġet opinjoni dettaljata biex tfakkar li jekk il-prodotti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni speċifika tal-UE ta’ armonizzazzjoni li tipprovdi għall-markar CE (bħal-LVD, EMC u R&TTE), dawn għandhom jikkonformaw ma’ dik il-leġiżlazzjoni u m’għandhomx ikunu soġġetti għal dawk id-dispożizzjonijiet tal-abbozz innotifikat li jirregolaw l-istess riskji. Ir-Renju Unit immodifika l-abbozz billi neħħa kwalunkwe rekwiżit għall-konformità mal-istandards armonizzati volontarji skont id-direttivi dwar il-markar CE fi ħdan l-abbozz innotifikat.

Ħafna mill-ostakoli komuni indirizzati

Wieħed mill-iskopijiet tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku hu li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ ostakoli rikorrenti għall-moviment liberu ta’ oġġetti u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni u d-detezzjoni ta’ ħtiġijiet ta’ armonizzazzjoni bl-għan li jiġi żgurat funzjonament mingħajr intoppi tas-suq uniku 45 .

F’dan ir-rigward, fil-perjodu analizzat, il-Kummissjoni identifikat diversi ostakoli rikorrenti fl-abbozz innotifikat tal-leġiżlazzjoni, li dawk l-aktar pertinenti fosthom huma elenkati hawn taħt.

Klawżoli tar-rikonoxximent reċiproku

Il-Kummissjoni spiss irreaġixxiet għal notifiki tal-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi li fihom ma kinitx inkluża l-klawżola tar-rikonoxximent reċiproku u lanqas ma ġiet abbozzata t-tali klawżola f’konformità mal-istandard stabbilit fil-“Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-iffaċilitar tal-aċċess tal-prodotti għas-swieq ta’ Stati Membri oħra: l-applikazzjoni prattika tar-rikonoxximent reċiproku” (2003/C 265/02). Ċerti Stati Membri ġġustifikaw in-nuqqas tal-klawżola tar-rikonoxximent reċiproku fl-abbozzi tagħhom fuq il-bażi tal-inklużjoni ta’ klawżola ġenerali tar-rikonoxximent reċiproku fil-leġiżlazzjoni bażika. F’dawk il-każijiet, il-Kummissjoni xorta waħda rrakkomandat lill-Istati Membri li jinnotifikaw biex fl-abbozzi nnotifikati jinkludu referenza diretta għall-klawżola tar-rikonoxximent reċiproku fil-leġiżlazzjoni bażika biex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt neċessarja għall-operaturi ta’ negozji.

Teknika mhux xierqa ta’ abbozzar legali - Ripetizzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-UE

Waħda mill-aktar kwistjonijiet spissi indirizzata mill-Kummissjoni fl-opinjonijiet dettaljati maħruġa fuq il-bażi tar-regolamenti tal-UE applikabbli fil-qasam tal-iġjene tal-ikel kienet prattika li biha l-abbozzi nnotifikati tar-regolamenti tekniċi rripetew, spiss b’mod parzjali u inkomplut, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regolamenti applikabbli tal-UE. Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, regolament għandu applikazzjoni ġenerali, hu vinkolanti fl-intier tiegħu u hu direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha (l-Artikolu 288 tat-TFUE). B'hekk, l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu regoli fil-qasam irregolat b’leġiżlazzjoni tal-UE li hi direttament applikabbli, lanqas dawk identiċi, peress li dawn ikunu qed ixekklu l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE u jikkawżaw inċertezza dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt rilevanti tal-UE.

Implimentazzjoni żbaljata tal-eżenzjonijiet previsti fir-regolamenti dwar l-iġjene tal-ikel

Ġew identifikati wkoll diversi każijiet ta’ ksur potenzjali fir-rigward tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri li jinnotifikaw tal-eċċezzjonijiet u tal-klawżoli ta’ flessibbiltà li jinsabu fit-tliet Regolamenti (eż. l-Artikolu 1(3) u (5) u l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali). L-Istati Membri implimentaw b’mod żbaljat jew marru lil hinn minn dak li hu permess minn dawn l-eżenzjonijiet.

Ostakoli mhux iġġustifikati relatati mas-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni 

Fil-qasam tas-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni, il-Kummissjoni identifikat problemi rikorrenti fl-abbozzi nnotifikati li jikkonċernaw il-logħob tal-azzard. Dawn wasslu għall-ħruġ ta’ 14-il opinjoni dettaljata (6 fl-2014 u 8 fl-2015), li r-raġunijiet ewlenin għalihom kienu jikkonċernaw restrizzjonijiet mhux iġġustifikati jew sproporzjonati għall-forniment liberu ta’ servizzi u l-libertà tal-istabbiliment skont l-Artikoli 49 u 56 tat-TFUE. Pereżempju, il-Kummissjoni għamlet kummenti dwar il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazjoni tal-monopolju u tal-liċenzji lil operaturi tal-logħob tal-azzard, ir-rekwiżiti ta’ stabbiliment fi Stat Membru partikolari tal-fornitur ta' servizz jew tal-infrastruttura tal-ICT tiegħu jew rigward l-imblukkar tas-siti web.

Kwistjonijiet rikorrenti oħra fl-opinjonijiet dettaljati li jikkonċernaw il-logħob tal-azzard kienu relatati mal-konformità mad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data 95/46/KE, ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-oġġetti (l-Artikoli 34-36 tat-TFUE) u mal-ksur tal-leġiżlazzjoni sekondarja relatata mal-prodotti bħar-Regolament (KE) Nru 765/2008 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti, l-akkreditament u s-sorveljanza tas-suq, id-Direttiva 2006/42/KE dwar il-Makkinarju, id-Direttiva 1999/5/KE dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet, id-Direttiva 2014/30/UE dwar il-Kompatibbiltà Elettromanjetika u d-Direttiva 2014/35/UE dwar il-Vultaġġ Baxx. Pereżempju, il-Kummissjoni qajmet tħassib rigward il-markar CE, il-valutazzjoni mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ korpi barranin ta’ valutazzjoni tal-konformità.

Standards – kif isiru obbligatorji u l-ħtieġa ta’ metodi addizzjonali ta’ ttestjar

Kwistjoni rikorrenti oħra hi prattika li biha l-leġiżlazzjoni nazzjonali tfittex li tagħmel standards armonizzati volontarji Ewropej obbligatorji billi ddaħħalhom fid-dritt nazzjonali.

F’dan il-kuntest, skont id-direttivi “Approċċ Ġdid”, “rekwiżiti essenzjali” elenkati fid-Direttivi ta’ armonizzazzjoni biss huma obbligatorji. L-istandards armonizzati Ewropej huma wieħed mill-modi kif tiġi ggarantita l-preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali obbligatorji u, b'hekk, jenħtieġ li jibqgħu volontarji.

Din il-prattika mill-Istati Membri tkun toħloq ostakoli għall-kummerċ fi ħdan is-suq intern peress li l-prodotti li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttivi “Approċċ Ġdid” iżda mhux mal-istandards armonizzati Ewropej, ma jkunux jistgħu jiċċirkolaw liberament fl-Istat Membru inkwistjoni.

Barra minn hekk, ċerti Stati Membri kellhom l-għan li jiżviluppaw u jitolbu metodi ta’ ttestjar (mhux standardizzati) addizzjonali għal dawk previsti mill-istandards armonizzati, filwaqt li ma jistgħux jiġu imposti metodi nazzjonali addizzjonali mill-Istati Membri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-QtĠ kif ukoll tal-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja tal-UE. Għaldaqstant, mhumiex permessi proċeduri nazzjonali (anki volontarji) marbuta mal-verifika/mal-ittestjar tal-karatteristiċi mhux armonizzati fi standards armonizzati.

Dawn il-prattiki rikorrenti kollha msemmija hawn fuq ġew diskussi mal-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat Permanenti tar-Regolamenti Tekniċi, li jiltaqa’ darbtejn fis-sena. Barra minn hekk, dawn il-prattiki rikorrenti se jiġu diskussi wkoll fil-kuntest tal-laqgħat bilaterali tal-konformità mal-Istati Membri.

Reazzjonijiet

Id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku tippermetti biex isir skambju formali u strutturat ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u fost l-Istati Membri meta jiġu vvalutati l-abbozzi nnotifikati. L-intensità ta’ dan l-iskambju ta’ informazzjoni hi murija min-numru għoli ta’ reazzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għan-notifiki u mit-tweġibiet tal-Istati Membri li jinnotifikaw u mill-iskambju sussegwenti ta’ messaġġi. Bis-saħħa ta’ dan l-iskambju ta’ informazzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll il-possibbiltà li jiżguraw il-grad ta’ kompatibbiltà tal-abbozzi nnotifikati mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Meta jkun hemm bżonn, is-servizzi tal-Kummissjoni jiltaqgħu wkoll fil-livell tal-esperti ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri biex jiċċaraw il-kwistjonijiet pendenti. Il-Kummissjoni tista’ tibgħat ukoll talbiet lill-Istati Membri għal informazzjoni supplimentari biex jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti tekniċi nnotifikati.

L-intensità ta’ dan id-djalogu hi murija fit-tabella ta’ hawn taħt li tindika n-numru ta’ notifiki għal kull Stat Membru għal kull sena tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni u l-kummenti u l-opinjonijiet dettaljati maħruġa mill-Kummissjoni rigward dawk in-notifiki 46 .

Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni ħarġet 141 opinjoni dettaljata (60 mill-2014, 81 mill-2015), li jirrappreżentaw 10.2% min-numru totali ta’ abbozzi nnotifikati mill-Istati Membri matul il-perjodu ta’ rapportar. Din iċ-ċifra turi tnaqqis ta’ 10% fin-numru ta’ opinjonijiet dettaljati maħruġa mill-Kummissjoni meta mqabbla mas-sentejn preċedenti. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri ħarġu 131 opinjoni dettaljata (64 mill-2014 u 67 mill-2015), li jirrappreżentaw tnaqqis meta mqabbla mas-sentejn ta’ qabel (157 opinjoni dettaljata). Mill-589 kumment maħruġa matul il-perjodu ta' rapportar (634 kienu nħarġu fis-sentejn ta’ qabel), 352 saru mill-Kummissjoni (161 fl-2014 u 191 fl-2015) u 237 mill-Istati Membri (112 fl-2014 u 125 b'rabta man-notifiki mill-2015) (ara l-Annessi 2.4 u 2.6).

It-tabella ta’ hawn taħt turi n-numru ta’ reazzjonijiet (kummenti u opinjonijiet dettaljati) maħruġa minn kull Stat Membru fil-perjodu ta' rapportar. In-numri fit-tabella jipprovdu xi indikazzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fid-djalogu mniedi min-notifika u dwar l-interessi speċifiċi ta’ wħud mill-Istati Membri li r-reazzjonijiet tagħhom huma aktar ikkonċentrati f’setturi speċifiċi. L-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit huma fost l-aktar Stati Membri attivi. Analiżi tar-reazzjonijiet għal kull Stat Membru u għal kull settur turi interess partikolari tal-Awstrija, ta’ Franza, tal-Italja, tas-Slovakkja u ta’ Spanja għas-settur tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-oġġetti tal-ikel; tal-Ġermanja għas-settur tat-telekomunikazzjoni; tal-Polonja għas-settur mekkaniku; u ta’ Malta għas-settur tat-tagħmir domestiku u tad-divertiment (l-aktar marbuta mal-magni tal-logħob tal-azzard).

Bis-saħħa tal-aċċess għan-notifiki kollha u għall-messaġġi skambjati fi ħdan id-djalogi, l-Istati Membri jistgħu jużaw id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku bħala għodda ta’ parametraġġ referenzjarju. Din tippermettilhom jisfruttaw l-ideat tas-sħab tagħhom biex isolvu problemi komuni rigward regolamenti tekniċi u jidentifikaw meta abbozz ta’ regolament tekniku jista’ jkun qed jikser id-dritt tal-UE.

Fi 3 każijiet, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kkonċernati jipposponu l-adozzjoni tar-regolamenti notifikati għal sena minn meta jaslu minħabba l-ħidma ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea li kienet għaddejja f’dak il-qasam (ara l-Anness 2.5).

1.6.L-użu tal-proċedura ta’ urġenza

Minn total ta’ 1382 notifika, l-Istati Membri għamlu 76 talba (40 fl-2014 u 36 fl-2015) biex japplikaw il-proċedura ta’ urġenza għall-abbozzi nnotifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat il-kundizzjonijiet stretti meħtieġa mid-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku għall-proċedura ta’ urġenza, jiġifieri ċirkustanzi serji u imprevidibbli relatati b’mod partikolari mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza. B’riżultat ta’ dan, l-użu tal-proċedura ta’ urġenza ġie rrifjutat għal każijiet li fihom il-ġustifikazzjoni ma ġietx stabbilita b’mod suffiċjenti jew fejn kienet ibbażata fuq raġunijiet purament ekonomiċi jew ta' dewmien amministrattiv nazzjonali kif ukoll f’każijiet li għalihom ma kienu seħħew ebda ċirkustanzi imprevedibbli. Il-proċedura ta' urġenza tqieset iġġustifikata f’60 każ (29 fl-2014 u 31 każ fl-2015), b’mod partikolari rigward sustanzi psikotropiċi, kontroll ta’ narkotiċi, prodotti mediċinali, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, armi tan-nar, pestiċidi, infezzjoni ta’ naħal, projbizzjoni ta’ prodotti li huma dannużi għas-saħħa u ta’ logħob tan-nar (ara l-Anness 2.7).

1.7.In-notifika ta’ “miżuri ta’ inċentivi fiskali jew finanzjarji

Skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku, l-Istati Membri jridu jinnotifikaw l-inċentivi finanzjarji u fiskali, jiġifieri r-regolamenti tekniċi li huma marbuta ma’ miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti jew ta’ servizzi billi jħeġġu l-konformità ma’ regolamenti tekniċi bħal dawn. L-ispeċifiċità ta’ regolamenti tekniċi bħal dawn hija li l-perjodu ta’ waqfien ma japplikax.

Matul il-perjodu 2014-2015, l-Istati Membri nnotifikaw 70 abbozz ta’ regolamenti (35 fl-2014 u 35 fl-2015) bħala “miżuri fiskali jew finanzjarji”. Il-Kummissjoni tosserva li ta' spiss il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi kklassifikata ħażin bħala “miżura fiskali jew finanzjarja” skont it-tifsira tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku meta jkun fiha xi miżura fiskali jew finanzjarja iżda mhux l-inċentiv biex tinżamm konformità ma’ regolamenti tekniċi bħal dawn. Sabiex tgħin lill-Istati Membri jikklassifikaw b'mod korrett dawn ir-regolamenti tekniċi, il-Kummissjoni qasmet mal-Istati Membri Linji Gwida dwar id-definizzjoni u n-notifika ta’ “miżuri fiskali jew finanzjarji” għall-finijiet tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku.

1.8.Is-segwitu għar-reazzjonijiet tal-Kummissjoni

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku, l-Istati Membri jridu jirrapportaw dwar l-azzjoni li jipproponu li tittieħed bħala tweġiba għal opinjoni dettaljata.

Mill-2014 sal-2015, il-proporzjon bejn in-numru ta’ risposti mogħtija mill-Istati Membri u l-volum tal-opinjonijiet dettaljati maħruġa mill-Kummissjoni kien sodisfaċenti, iżda għandu lok għal aktar titjib (medja ta’ 79% matul il-perjodu). In-numru ta’ risposti kompletament sodisfaċenti kien allinjat mas-sentejn ta’ qabel (medja ta’ 56% tul il-perjodu 2014-2015 meta mqabbla ma’ 54% tul il-perjodu 2012-2013) (ara l-Anness 2.8).

Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-Istati Membri rtiraw 43 abbozz ta’ regolamenti tekniċi. Fi 12-il każ (7 fl-2014 u 5 fl-2015), l-irtirar segwa l-ħruġ ta’ reazzjoni (opinjoni dettaljata jew kummenti) mill-Kummissjoni. Uħud mir-raġunijiet ta’ dan l-irtirar huma, fost l-oħrajn, l-introduzzjoni mill-Istat Membru notifikatur ta’ tibdiliet sostanzjali fl-abbozz ta’ regolament tekniku li jeħtieġu notifika ġdida (l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku) jew id-deċiżjoni sempliċi tal-awtoritajiet nazzjonali li ma jipproċedux bl-adozzjoni tal-abbozz ta’ regolament tekniku.

Għal abbozzi ta’ regolamenti tekniċi notifikati oħra d-djalogu għadu għaddej.

1.9.Is-segwitu għall-proċedura ta’ notifika 

Għall-każijiet l-oħra kollha li fihom il-ksur potenzjali tad-dritt tal-UE dwar is-suq intern ma jkunx tneħħa għalkollox fi ħdan il-qafas tal-proċedura ta' notifika, il-Kummissjoni għamlet investigazzjonijiet ulterjuri li, f’ċerti każijiet, eventwalment wasslu għat-tnedija ta’ djalogu ta’ qabel il-ksur mal-Istati Membri (l-hekk imsejħa EU Pilot) u, f’ċerti każijiet, għal proċedimenti ta’ ksur (l-Artikolu 258 tat-TFUE) dwar suġġetti bħall-kontenut ta’ zokkor għall-ġamm u għall-marmellata u l-użu tad-denominazzjoni riżervata “marmalade” (“marmellata”), il-kwalità u t-trasparenza tal-katina ta’ provvista għaż-żjut taż-żebbuġa verġni, għall-inbejjed u għall-ispirti, it-tikkettar tal-laħam taċ-ċanga fil-kuntest ta’ sistema reġjonali tal-kwalità, il-logħob tal-azzard online, il-kwalità tal-karburanti, l-apparati domestiċi tal-gass, is-sikurezza tal-ilqugħ fit-toroq u l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ.

Fil-perjodu kkonċernat, il-Kummissjoni nediet ukoll każijiet tal-EU Pilot u, fejn kien hemm bżonn, proċedimenti ta’ ksur li, fost l-oħrajn ikkonċernaw il-ksur ta’ obbligi skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku. Għal dawn il-każijiet kollha, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għad-dmir tagħhom li jinnotifikaw u jirrispettaw il-perjodu tal-waqfien previst fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku. Il-Kummissjoni fakkret li l-QtĠ ddikjarat li l-adozzjoni ta’ regolamenti tekniċi li jiksru “l-obbligu ta' notifikazzjoni jikkostitwixxi difett sostanzjali ta' proċedura li jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regolamenti tekniċi kkonċernati, b'mod li dawn ir-regolamenti ma jistgħux jiġu invokati fil-konfront ta' individwi”. Konsegwentement, l-individwi jistgħu jirrikorru għall-qrati nazzjonali li “jridu jirrifjutaw li japplikaw regolament tekniku nazzjonali li ma jkunx ġie nnotifikat f’konformità mad-direttiva” (traduzzjoni mhux uffiċjali, Kawża C-194/94 CIA Security International, il-paragrafi 44, 48 u 54; Il-Kawża-226/97 Lemmens, il-paragrafu 33; Il-Kawża C-303/04 Lidl Italia, il-paragrafi 23, 24).

 

1.10.Skambji strutturati mal-Istati Membri 

Il-laqgħat regolari tal-Kumitat tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku ppermettew li jiġu skambjati fehmiet dwar punti ta’ interess ġenerali kif ukoll dwar aspetti speċifiċi tal-proċedura ta’ notifika.

Fir-rigward tar-regolamenti tekniċi, id-diskussjonijiet kienu jikkonċernaw b’mod partikolari l-proċedura ta' urġenza skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku; l-aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 47 u notifiki kunfidenzjali; l-obbligu tal-Istati Membri li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test finali ta' regolament tekniku notifikat; l-iżviluppi dwar il-ġurisprudenza tal-QtĠ rigward id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku.

Fuq il-bażi tat-talbiet mill-Istati Membri u fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tipprovdi kjarifika dwar xi ostakoli rikorrenti jew dwar leġiżlazzjoni ġdida, il-Kummissjoni għamlet preżentazzjonijiet rigward il-proċedura ta' notifika għan-notifiki tal-Iżvizzera u taż-ŻEE; regolamenti tekniċi fil-qasam tas-sustanzi psikoattivi; il-proposta għal regolament dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern; ir-relazzjoni bejn REACH u d-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku; kwistjonijiet relatati mal-eżenzjoni tax-xandir mid-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku; il-klawżola tar-rikonoxximent reċiproku u l-Artikoli 34-36 tat-TFUE; id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti 48 ; il-pakkett dwar l-iġjene tal-ikel 49 ; id-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ 50 ; il-proċedura ta’ notifika skont ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 51 .

Diversi Stati Membri għamlu preżentazzjonijiet dwar l-aħjar prattiki tagħhom għal notifiki skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku.

Saru wkoll seminars f’diversi Stati Membri, li jippermettu djalogu dirett bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali involuti fil-proċedura ta’ notifika u li jgħinu lil dawn tal-aħħar biex jiffamiljarizzaw rwieħhom mal-elementi tekniċi tal-proċedura ta' notifika.

Il-Kummissjoni inkludiet preżentazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku fl-aġendi tal-laqgħat ta’ djalogu dwar il-konformità mal-Istati Membri li jitwettqu wara l-impenn fl-Istrateġija għal Suq Uniku.

1.11.Talbiet għal aċċess għal dokumenti maħruġa skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku

Mill-2014 sal-2015, il-Kummissjoni rċiviet 236 talba għal aċċess (98 fl-2014 u 138 fl-2015) għad-dokumenti maħruġa fil-qafas tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku. Il-parti l-kbira tagħhom kellha x'taqsam mal-opinjonijiet dettaljati u l-kummenti mogħtija mill-Kummissjoni. F’68 mill-każijiet, l-aċċess għad-dokumenti mitluba ngħata. F’każijiet oħra, l-aċċess għad-dokumenti ġie rrifjutat jew irrifjutat b’mod parzjali filwaqt li d-djalogu mal-Istati Membri, bl-għan li jitneħħa kull ostakolu potenzjali għall-kummerċ, dejjem baqa' għaddej.

1.12.Trasparenza

It-trasparenza hi karatteristika fundamentali tal-proċedura ta' notifika. Is-sit web pubbliku tat-TRIS hu l-post li jiżgura li l-partijiet ikkonċernati jibqgħu informati b’mod kostanti dwar l-abbozzi kollha ta’ regolamenti tekniċi li jkunu qed jitħejjew mill-Istati Membri u li jseħħ djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati u s-servizzi tal-Kummissjoni, bis-saħħa tal-funzjonalità l-ġdida ta’ kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1.3.

Is-suċċess tas-sit web pubbliku tat-TRIS hu korroborat bin-numri:

·Fi tmiem l-2015, kien hemm 5,196 abbonat għal-lista tal-posta elettronika tat-TRIS meta mqabbla mal-4,441 fl-2013, b’żieda ta’ 17% fil-perjodu ta’ rapportar ta’ sentejn;

·Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni saru 244,736 tiftixa permezz tas-sit web pubbliku tat-TRIS meta mqabbla mal-177,147 tiftixa fil-perjodu 2012-2013, b’żieda ta’ 38%;

·Barra minn hekk, l-aċċess għan-notifiki mill-utenti żdied minn 869,791 okkorrenza fl-2013 għal 1,203,299 sa tmiem l-2015 u ddetermina żieda speċifika ta’ 38%.

3.Konklużjoni

Matul il-perjodu 2014-2015, l-utilità tal-proċedura reġgħet ġiet ikkonfermata f’termini ta’ trasparenza, ta’ kooperazzjoni amministrattiva u ta’ prevenzjoni tal-ostakoli tekniċi fis-suq intern.

L-approċċ preventiv u ta' netwerking tal-proċedura ta’ notifika naqqas b’mod sostanzjali r-riskju li l-attivitajiet regolatorji nazzjonali jsiru b’mod li joħloq ostakoli tekniċi għall-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan suq intern li qed jevolvi rapidament, iżda li għadu ma laħaqx il-potenzjal sħiħ tiegħu.

Għad hemm lok għal titjib fl-applikazzjoni tal-proċedura, jiġifieri f’dak li għandu x’jaqsam man-numru ta’ notifiki minn ċerti Stati Membri u mal-konformità tagħhom mal-obbligi ta’ notifika. Numru akbar ta’ notifiki u parteċipazzjoni aktar attiva tal-Istati Membri fil-proċedura jkun favur il-prevenzjoni ta’ ostakoli tekniċi ġodda u l-identifikazzjoni ta’ problemi sistemiċi f’kull Stat Membru u madwar l-UE. Dan jista' jkun ta' għajnuna għad-djalogu mal-Kummissjoni u jkun jiffaċilita approċċ aktar immirat u effettiv għall-ostakoli għall-kummerċ intra-UE.

In-numru kbir ta’ opinjonijiet dettaljati u ta’ kummenti maħruġa matul il-perjodu ta’ rapportar juri li hemm riskju dejjem akbar ta’ frammentazzjoni tas-suq intern għall-oġġetti. Medja ta’ 79% tal-opinjonijiet dettaljati maħruġa mill-Kummissjoni twieġbu mill-Istati Membri kkonċernati u rriżultaw fi djalogi biex titneħħa kull inkompatibbiltà mad-dritt tal-UE, u b’hekk jiġu evitati l-proċeduri ta’ ksur.

L-importanza tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku hi murija mill-interess għoli tal-partijiet ikkonċernati fil-proċedura ta' notifika, kif innotat, fost l-oħrajn, fl-opinjoni tal-Pjattaforma tal-REFIT dwar id-Direttiva 52 . Dan l-interess dejjem akbar jirrifletti l-isforz biex jittejbu t-trasparenza u l-effiċjenza tas-sit web pubbliku tat-TRIS.

Il-proċedura ta’ notifika kkonfermat ukoll l-utilità tagħha fl-għoti tal-possibbiltà li jiġu identifikati oqsma fejn l-armonizzazzjoni fil-livell tal-UE tista’ tkun alternattiva oħra.

Fl-applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni se tibqa’ attenta fir-rigward tal-prinċipju ta’ regolamentazzjoni aħjar u tal-bżonn li jinżamm ambjent favorevoli għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. L-abbozzi notifikati għadhom disponibbli b’mod elettroniku, mingħajr ħlas u fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, biex b’hekk l-operaturi ekonomiċi u partijiet interessati oħra jkunu jistgħu jikkummentaw dwarhom.

Ser ikomplu l-isforzi biex jiġi żgurat qafas legali ċar għall-operaturi ekonomiċi bl-għan li tissaħħaħ il-kompetittività tal-impriżi Ewropej fl-UE u barra minnha,b’kunsiderazzjoni tar-rabtiet bejn il-proċedura ta' notifika u dik stabbilita mill-Ftehim dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ (OTK) fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Promozzjoni ulterjuri tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku u l-implimentazzjoni aktar b’saħħitha tagħha flimkien ma’ rabta aktar b’saħħitha b’politika ta’ segwitu u b’azzjonijiet leġiżlattivi huma kruċjali biex jinkisbu bis-sħiħ l-objettivi tagħha.

(1)    Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (kodifikazzjoni; ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1–15).
(2)    Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-ambjent regolatorju, COM(2002) 278 final. Ara wkoll Regolamentazzjoni Aħjar għat-Tkabbir u għall-Impjiegi fl-Unjoni Ewropea, COM(2005) 97 final; L-Implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta’ Lisbona: Strateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju, COM(2005) 535 final; Reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea, COM(2006) 689; It-tieni reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea, COM(2008) 32, It-Tielet Reviżjoni Strateġika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea, COM(2009) 15 Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea; COM(2010)543 u COM(2016) 615 final, Ir-Regolamentazzjoni Aħjar: Inwasslu riżultati aħjar għal Unjoni iktar b'saħħitha.
(3)      It-traduzzjoni Irlandiża mhix disponibbli.
(4)      https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/juncker-political-guidelines-speech_mt.pdf
(5)

     Ara l-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker, Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku. Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss, https://ec.europa.eu/priorities/internal-market_mt.

(6)      A Single Market Strategy for Europe - Analysis and Evidence Accompanying the document Upgrading the Single Market: more opportunities for people and business, SWD/2015/0202 final.
(7)      Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji, COM(2015) 550 final.
(8)

     Id-djalogu dwar il-konformità jikkonsisti f’laqgħat strutturati / strateġiċi mal-Istati Membri organizzati fuq bażi regolari biex jittieħed kont tal-istat tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku f'dak l-Istat Membru, b’mod partikolari l-istat tat-traspożizzjoni u l-proċedimenti ta’ ksur kurrenti.

(9)      Ara l-paragrafu “Ensure a culture of compliance and smart enforcement to help deliver a true Single Market” tal-Istrateġija għal Suq Uniku, http://ec.europa.eu/growth/single-market/strategy_mt.
(10)

     Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern, ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36–68

(11)       Ara , COM(2016) 821.
(12)

     Ara Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva, COM(2016) 356 final.

(13)    Ara aktar ’il fuq, in-nota 2 f’qiegħ il-paġna.
(14)    Ara aktar ’il fuq, in-nota 2 f’qiegħ il-paġna.
(15)      Dwar dan ara l-klawżola numru 7 tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku.
(16)       http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/tris/mt/ .
(17)      Il-kawża tressqet il-Qorti fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari rigward l-interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ dik li kienet id-Direttiva 98/34/KE, (ĠU 1998 L 204, p. 37) dwar l-obbligu ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe tibdil fl-abbozzi nnotifikati preċedentement lill-Kummissjoni skont id-Direttiva msemmija hawn fuq, li jkollu l-effett ta’ tibdil sinifikanti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, iqassar l-iskeda ta’ żmien oriġinarjament prevista għall-implimentazzjoni tagħha, iżid speċifikazzjonijiet jew rekwiżiti, jew jagħmilha aktar restrittiva.
(18)      Il-Kawża tressqet il-Qorti fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari rigward, fost l-oħrajn, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 8 u 9 ta’ dik li kienet id-Direttiva 98/34/KE. Is-suġġet tal-Kawża kien ir-regolamentazzjoni fl-oqsma tal-islot machines.
(19)      Dawn iċ-ċifri ma jinkludux notifiki mill-pajjiżi tal-EFTA li huma firmatarji għall-Ftehim ŻEE (in-Norveġja, il-Lichtenstein u l-Iżlanda), it-Turkija u l-Iżvizzera. Fil-perjodu ta’ rapportar saru 85 notifika minn dawn il-pajjiżi (44 mill-pajjiżi tal-EFTA/taż-ŻEE, 22 mit-Turkija u 19 mill-Iżvizzera). Jekk jogħġbok ara l-Anness 3 għal aktar informazzjoni dwar dawn in-notifiki.
(20)      Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE, ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5–43.
(21)      Id-Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 rigward tagħmir li juża l-gass, ĠU L 330, 16.12.2009, p. 10–27.
(22)      Id-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-ħtiġiet ta’ effiċjenza għal kaldaruni tal-misħun ġodda li jaħdmu b’karburanti likwidi jew gassużi, ĠU L 167, 22.6.1992, p. 17–28.
(23)      Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE, ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1–56.
(24)      Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13–35.
(25)      Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija, ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10–35.
(26)      Id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom, ĠU L 91 tas-7.4.1999, p. 10–28.
(27)

     Id-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ, ĠU L 374 tas-27.12.2006, , p. 10–19

(28)

     Id-Direttiva 2004/108/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika, ĠU L 390 tal-31.12.2004, p. 24–37.

(29)      Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1–29.
(30)      Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel, ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1–54.
(31)      Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali, ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55–205.
(32)      Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġiniw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman, ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206–320.
(33)      Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18-63.
(34)      Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000, ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1–21.
(35)      Id-Direttiva 2004/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar l-istrumenti tal-kejl, ĠU L 135, 30.4.2004, p. 1–80.
(36)      Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni, ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1–849.
(37)      Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1–123.
(38)      Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE, ĠU L 309 tal-24.11.2009, p. 1–50.
(39)      Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10–23.
(40)      Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671–854.
(41)      Id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv, ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18–38.
(42)      Id-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ, ĠU L 96, 29.3.2014, p. 357–374.
(43)      Id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom, ĠU L 091 , 07.04.1999 p. 10-28.
(44)      Id-Direttiva 2004/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-kompatibilità elettromanjetika u li tħassar id-Direttiva 89/336/KEE, ĠU L 390, 31.12.2004, p. 24–37.
(45)      Ara l-premessa numru 15 tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku.
(46)      Din it-tabella tuża metodoloġija differenti mill-bqija tar-rapport għall-kalkolu tan-numru ta’ opinjonijiet dettaljati u ta’ kummenti maħruġa mill-Kummissjoni. Filwaqt li l-bqija tar-rapport tirreferi għall-opinjonijiet dettaljati u għall-kummenti maħruġa matul il-perjodu rilevanti (2014 u 2015), it-tabella tirreferi għall-opinjonijiet dettaljati u għall-kummenti maħruġa fir-rigward tan-notifiki mwettqa fl-2014 u fl-2015. Għaldaqstant, din it-tabella tinkludi opinjonijiet dettaljati u kummenti maħruġa fil-bidu tal-2016 għal notifiki magħmula fi tmiem l-2015. Bl-istess mod, it-tabella ma tinkludix opinjonijiet dettaljati u kummenti maħruġa fil-bidu tal-2014 għal notifiki magħmula fi tmiem l-2013.
(47)      Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43-48.
(48)      Id-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' April 2009, li temenda d-Direttiva 98/70/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12/KEE, ĠU L 140, 5.6.2009, p. 88–113.
(49)

     Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel, ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1–54; Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali, ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55–205; Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman, ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206–320

(50)

     Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10-23.

(51)

     Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 Test b’rilevanza għaż-ŻEE, ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18–63.

(52)

     https://ec.europa.eu/info/files/refit-platform-recommendations-internal-market-xii6a-single-market-transparency-directive_mt