Brussell, 14.12.2017

COM(2017) 775 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 70/2012 tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2012 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta' merkanzija bit-triq


WERREJ

1.INTRODUZZJONI

1.1.Għan tar-rapport

1.2.L-isfond tal-qafas ġuridiku

1.3.Il-kuntest tal-politika

1.4.Kopertura tal-Istati Membri u pajjiżi oħra

2.SEGWITU DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT

2.1.Konformità mal-obbligi ġuridiċi

2.2.Metodi użati għall-ġbir tad-dejta fl-Istati Membri

2.3.Il-piż amministrattiv għall-Istati Membri

2.4.It-tnaqqis u s-simplifikazzjoni tal-piżijiet amministrattivi

2.5.Validazzjoni tad-dejta u kwalità tad-dejta statistika riċevuta

2.6.Appoġġ metodoloġiku għall-Istati Membri

3.RIŻULTATI TAL-ISTATISTIKA

3.1.Xejriet fit-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE

3.2.Id-disseminazzjoni tad-dejta

3.2.1.Id-disseminazzjoni tat-tabelli tal-Eurobase

3.2.2.Pubblikazzjonijiet

4.Aktar żvilupp tal-istatistika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq

5.KONKLUŻJONIJIET


1. INTRODUZZJONI

1.1.Għan tar-rapport

Skont ir-Regolament (UE) Nru 70/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 January 2012 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq 1 , il-Kummissjoni trid tissottometti rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2014 u kull tliet snin minn dakinhar ’il quddiem. Dan huwa t-tieni rapport li jissodisfa dan ir-rekwiżit.

Dan ir-rapport ifassal l-isfond, il-kuntest tal-politika u l-kopertura tal-leġiżlazzjoni. Jiddiskuti wkoll kwistjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni tiegħu u jippreżenta r-riżultati statistiċi miksuba. L-aħħar taqsimiet jiddiskuti s-segwitu tal-proposti għal aktar żvilupp tal-istatistika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li tinsab fl-ewwel rapport.

1.2.L-isfond tal-qafas ġuridiku

Ir-Regolament (UE) Nru 70/2012 huwa riformulazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/98 tal-25 ta’ Mejju 1998 u l-emendi segwenti, li jimmiraw li jallinjaw il-bażi ġuridika għall-ġbir tad-dejta dwar it-trasport bit-triq mad-dispożizzjonijiet skont it-Trattat ta’ Liżbona. Bħala tali, ir-Regolament huwa pass importanti ’l quddiem fl-evoluzzjoni tal-istatistika tat-trasport fl-UE. Ir-Regolament jipprovdi l-bażi ġuridika għall-ġbir ta’ firxa wiesgħa ta’ dejta dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq. Billi jirrikjedi li tintbagħat mikrodejta minn sondaġġi tal-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq lill-Kummissjoni, jenfasizza wkoll il-kwalità u l-komparabbiltà tal-informazzjoni statistika.

Ir-Regolament (UE) Nru 70/2012 tfassal biex jipprovdi lill-Kummissjoni, lil istituzzjonijiet oħrajn tal-UE u lill-gvernijiet nazzjonali bi statistika komparabbli, affidabbli, armonizzata, regolari u komprensiva dwar l-iskala u l-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Din id-dejta hija meħtieġa sabiex tiġi inkwadrata, immonitorjata u evalwata l-politika tal-UE.

L-Istati Membri jibagħtu l-informazzjoni lill-Kummissjoni fil-forma ta’ mikrodejta: dan jagħmilha possibbli li l-utenti jiġu pprovduti b’tabelli statistiċi li jinkludu kombinazzjonijiet differenti ta’ varjabbli, suġġetti għas-salvagwardji tal-kunfidenzjalità.

Ir-Regolament (UE) Nru 70/2012 kien maħsub sabiex jillimita l-piż fuq il-kumpaniji tat-trasport kemm jista’ jkun. Il-ġbir tad-dejta huwa bbażat fuq sondaġġ kampjun; għalhekk, tintalab informazzjoni biss għal kampjun ta’ vetturi tat-trasport, u għal perjodu limitat ta’ żmien (ġeneralment ġimgħa). L-Istati Membri jistgħu jeskludu mis-sondaġġ l-operazzjonijiet tat-trasport imwettqa minn vetturi taħt ċerti limiti 2 .

1.3.Il-kuntest tal-politika

L-iżvilupp tal-politika komuni tat-trasport jeħtieġ għarfien fil-fond tal-iskala u l-evoluzzjoni tat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

Ir-rilevanza tal-politika hija kbira ħafna: fil-White Paper imsejħa “Pjan Direzzjonali għal Żona Unika tat-Trasport Ewropea – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti fir-riżorsi”, 3 ġew iddefiniti għaxar għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti fir-riżorsi (punti ta’ referenza għall-ilħiq tal-mira ta’ 60 % tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra). Hija meħtieġa aktar statistika ddettaljata tat-trasport tal-merkanzija bit-triq sabiex jiġi mmonitorjat il-progress fl-ilħiq ta’ xi wħud minn dawn l-għanijiet (pereżempju l-għan li sal-2030, 30 % tal-attività tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fuq distanzi ta’ iktar minn 300 km tinbidel għal modi oħrajn ta’ transport).

Sabiex twettaq ix-xogħlijiet mogħtija lilha fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport, il-Kummissjoni għandha bżonn dejta tal-istatistika komparabbli, ta’ min jorbot fuqha, sinkronizzata, regolari u komprensiva dwar l-iskala u l-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bit-triq permezz ta’ vetturi rreġistrati fl-UE, u dwar il-grad ta’ utilizzazzjoni tal-vetturi li jwettqu dan it-trasport.

Id-dejta miġbura fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 70/2012 hija importanti ħafna wkoll għal organizzazzjonijiet professjonali, kumpaniji tat-trasport, riċerkaturi u mudellaturi fil-qasam tat-trasport bit-triq, minħabba li għarfien fil-fond tas-suq jgħin sabiex titjieb il-kompetittività tal-kumpaniji fis-settur.

1.4.Kopertura tal-Istati Membri u pajjiżi oħra

Ir-Regolament (UE) Nru 70/2012 japplika direttament u fl-intier tiegħu għall-Istati Membri kollha.

Huwa jeħtieġ li l-Istati Membri kollha jipprovdu d-dejta. Skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament, Malta hija l-unika eċċezzjoni għal din ir-regola, minħabba n-numru żgħir ta’ vetturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq irreġistrati fil-pajjiż u li huma mgħammra b’kopja ċertifikata tal-liċenzja Komunitarja. Il-ġbir ta’ dejta affidabbli u sinifikanti minn popolazzjoni żgħira ta’ vetturi ikun jimponi piż sproporzjonat fuq l-intrapriżi Maltin.

Żewġ pajjiżi tal-EFTA, in-Norveġja u l-Iżvizzera, jipprovdu wkoll id-dejta.

2.SEGWITU DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT

2.1.Konformità mal-obbligi ġuridiċi

Teżisti konformità kbira mal-obbligi għall-forniment tad-dejta ddefiniti fir-Regolament (UE) Nru 70/2012. Kull Stat Membru forna s-settijiet tad-dejta mitlubin, b’dewmien biss f’għadd żgħir ta’ każijiet, prinċipalment minħabba bidliet fl-IT fil-livell nazzjonali. Dan jiżgura li jkun possibbli li tiġi prodotta statistika ta’ kwalità għolja u affidabbli dwar it-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa.

2.2.Metodi użati għall-ġbir tad-dejta fl-Istati Membri

L-arranġamenti metodoloġiċi tar-Regolament (EU) Nru 70/2012 ipprovdew qafas komuni biex jiżgura ġbir ta’ dejta armonizzat u komparabbli.

Il-Kummissjoni tiġbor informazzjoni dwar il-metodi nazzjonali tal-ġbir tad-dejta (l-użu ta’ reġistri, il-metodoloġija ta’ kkampjunar, il-kopertura eċċ) kull tliet snin u tagħmilha disponibbli fil-pubblikazzjoni tagħha “Methodologies used in surveys of road freight transport in Member States and Candidate Countries (Metodoloġiji użati f’sondaġġi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fi Stati Membri u f’Pajjiżi Kandidati).

2.3.Il-piż amministrattiv għall-Istati Membri

Ir-Regolament (UE) Nru 70/2012 kien maħsub b’għanijiet speċifiċi biex iżomm f’livell minimu l-piż fuq l-Istati Membri. F’ħafna mill-pajjiżi parteċipanti, l-ebda miżura speċifika addizzjonali ma kellha tiġi kkunsidrata, minħabba li l-proċessi eżistenti kienu biżżejjed biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ġbir ta’ dejta. Il-Kummissjoni ġabret informazzjoni anki dwar il-piż fuq dawk li jwieġbu.

B’mod ġenerali, huma biss ftit Stati Membri li kienu kapaċi jivvalutaw b’mod preċiż il-piż tal-implimentazzjoni tar-Regolament. Madankollu, wieħed jista’ jasal għall-konklużjonijiet li ġejjin:

·Għall-provvediment ta’ dejta regolari, il-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi parteċipanti li wieġbu jikkunsidraw il-volum tax-xogħol bħala wieħed aċċettabbli.

·Hemm differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi f’dak li jirrigwarda l-piżijiet relatati mal-ġbir ta’ dejta, speċjalment skont is-sistemi nazzjonali tal-kompilazzjoni tad-dejta disponibbli. B’mod aktar partikolari, abbażi tal-kampjun ta’ pajjiżi relaturi li pprovdew informazzjoni dwar dan, jidher li:

oil-ħin medju meħtieġ minn dawk li jwieġbu biex jirrappurtaw dejta għal vettura waħda bi vjaġġi matul il-perjodu tal-istħarriġ kien stmat li kien ta’ bejn 10 u 45 minuta, skont is-sistema tal-ġbir tad-dejta użata;

oil-ħin medju meħtieġ minn dawk li jwieġbu biex jirrappurtaw dejta għal vettura waħda bla vjaġġi matul il-perjodu tal-istħarriġ kien stmat li kien ta’ bejn 2 u 7 minuti;

oil-possibbiltà li jiġbru u jibagħtu d-dejta f’format elettroniku tnaqqas b’mod sinifikanti l-piż tar-rappurtar fuq dawk li jwieġbu.

Għandu jiġi nnotat li l-piż iġġenerat permezz tal-ġbir tad-dejta tas-sondaġġ imwettaq fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 70/2012 huwa kkumpensat mill-valur miżjud tal-istatistika li tirriżulta. B’mod aktar partikolari:

·Il-Kummissjoni ġġestixxi l-mikrodejta nazzjonali kunfidenzjali pprovduta minn kull Stat Membru u tikkompila dejta nazzjonali ddettaljata (Tabelli-D). Dawn it-tabelli jippermettu lil kull pajjiż li jirrapporta biex ikollu informazzjoni statistika kompluta dwar operazzjonijiet ta’ ġarr ta’ merkanzija fuq it-toroq kollha fit-territorju tagħhom minn trakkijiet irreġistrati fi kwalunkwe pajjiż tal-UE (ħlief f’Malta), fl-Iżvizzera u fin-Norveġja. L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u s-servizz ipprovdut mill-Kummissjoni jipprevjenu d-duplikazzjoni tal-ġbir tad-dejta fuq livell nazzjonali dwar trakkijiet barranin.

·Il-pajjiżi parteċipanti għandhom interess qawwi fl-istatistika prodotta; ir-riżultati ta’ dan is-sondaġġ jipprovdu valur miżjud u huma fundamentali għall-monitoraġġ tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-Ewropa.

·Il-ġbir u l-immaniġġjar ta’ informazzjoni fil-livell ta’ mikrodejta jagħti flessibilità biex jintlaħqu l-bżonnijiet speċifiċi tal-politika tal-UE fejn l-informazzjoni statistika hija meħtieġa, mingħajr dewmien u mingħajr sforz addizzjonali fil-livell nazzjonali. Din l-informazzjoni ħafna drabi tkun meħtieġa mis- servizzi tal-politika biex jiġu abbozzati rapporti jew biex jiġu evalwati l-miri tal-leġiżlazzjoni u l-miri politiċi rilevanti.

2.4.It-tnaqqis u s-simplifikazzjoni tal-piżijiet amministrattivi 

It-tnaqqis u s-simplifikazzjoni tal-piżijiet amministrattivi huwa ta’ tħassib kontinwu għall-Kummissjoni. Abbażi tal-feedback, il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-istituti nazzjonali tal-istatistika, qed timplimenta azzjonijiet speċifiċi biex jitnaqqas il-piż tal-ġbir tad-dejta u tar-rappurtar minn fuq l-awtoritajiet nazzjonali u dawk li jwieġbu għas-sondaġġ. Dawn l-azzjonijiet jinkludu:

1.l-iżvilupp ta’ għodda li tiffaċilita r-rappurtar tad-dejta reġjonali ddettaljata (NUTS 3);

2.l-iżvilupp ta’ trażmissjoni awtomatizzata tal-mikrodejta u għodod ta’ validazzjoni u rutini, li jipprovdu feedback lill-Istati Membri dwar il-kwalità tad-dejta u dwar l-iżbalji speċifiċi fuq kull sett ta’ dejta;

3.it-tħeġġiġ u l-għajnuna fl-implimentazzjoni ta’ kwestjonarji elettroniċi u sistemi ta’ rappurtar ibbażati fuq l-internet fil-livell nazzjonali;

4.l-organizzazzjoni ta’ laqgħat regolari ta’ esperti nazzjonali mill-Istati Membri (gruppi ta’ ħidma u task forces) u esperti minn pajjiżi ġirien biex isir skambju ta’ prattika tajba u sabiex jiġu diskussi l-kwalità tad-dejta, il-problemi u s-soluzzjonijiet.

2.5.Validazzjoni tad-dejta u kwalità tad-dejta statistika riċevuta

Filwaqt li l-kwalità tal-implimentazzjoni tas-sondaġġ dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha biex tindividwa l-iżbalji fid-dejta riċevuta u żżomm sistema tal-IT affidabbli u ta’ prestazzjoni għall-validazzjoni u l-ipproċessar tad-dejta. Il-Kummissjoni tagħti feedback regolari lill-Istati Membri dwar kwistjonijiet li jistgħu jeħtieġu investigazzjoni ulterjuri.

Il-pajjiżi li jirrappurtaw jagħmlu kull sforz raġonevoli biex jindirizzaw l-iżbalji, b’mod partikolari dawk li huma rikorrenti. Il-proċedura ta’ validazzjoni tinkludi validazzjoni trimestrali u annwali tal-mikrodejta u verifiki tas-serje taż-żmien għat-trasport nazzjonali, internazzjonali u totali:

·Validazzjoni tal-mikrodejta: biex tiġi żgurata l-produzzjoni ta’ settijiet ta’ dejta mingħajr żbalji, il-pajjiżi relaturi jirċievu rapport ta’ validazzjoni għal kull trażmissjoni ta’ dejta, li jinkludi dettalji fil-livell ta’ mikrodejta li jagħmluha possibbli li jiġi korrett kwalunkwe żball maqbud. Dan isegwi proċess iterattiv sakemm l-iżbalji kollha jkunu ġew ikkoreġuti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda kontinwament tiżviluppa r-regoli ta’ validazzjoni tagħha biex tissodisfa l-bżonnijiet li jevolvu u tiżgura l-produzzjoni ta’ statistika ta’ kwalità għolja.

·Verifiki tas-serje taż-żmien: il-Kummissjoni (Eurostat) tqis li huwa importanti li jiġu identifikati l-outliers fis-serje ta’ żmien qabel ma tiġi ppubblikata d-dejta, minħabba li l-istatistika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tintuża f’diversi rapporti tal-Kummissjoni biex jinsiltu konklużjonijiet dwar l-iżvilupp tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Titlob speċifikament li l-pajjiżi li jirrappurtaw jikkonfermaw ix-xejriet jekk jiġu osservati varjazzjonijiet sinifikanti. Meta meħtieġ, l-Istati Membri jibagħtu settijiet ta’ dejta riveduti jew spjegazzjoni tar-raġunijiet għal varjazzjonijiet sinifikanti fis-serje ta’ żmien.

Il-pajjiżi kollha li jirrappurtaw jirrevedu d-dejta jekk ikun hemm xi żbalji.

2.6.Appoġġ metodoloġiku għall-Istati Membri

Il-Kummissjoni kontinwament tipprovdi appoġġ metodoloġiku u tekniku għall-implimentazzjoni ta’ Regolament dwar l-istatistika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tiżgura li jkun hemm dejta ta’ kwalità għolja filwaqt li tinżamm sistema ta’ informazzjoni ta’ metadejta.

Sabiex jiġu pprovduti bi gwida metodoloġika l-pajjiżi li jirrappurtaw dwar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 70/2012, il-Kummissjoni pproduċiet żewġ manwali ta’ referenza:

· Road freight transport methodology 4 , li jiddeskrivi l-bażi metodoloġika għall-ġbir ta’ statistika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi tal-EFTA;

· Methodologies used in surveys of road freight transport in Member States and Candidate Countries , 5 li jippreżenta aspetti metodoloġiċi tas-sondaġġi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li saru mill-pajjiżi parteċipanti.



3.RIŻULTATI TAL-ISTATISTIKA 6

3.1.Xejriet fit-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE

Fl-Unjoni Ewropea, it-trasport tal-merkanzija bit-triq jirrappreżenta s-sehem prinċipali mit-trasport tal-merkanzija mwettqa minn mezz ta’ trasport intern (madwar 75 %, din iċ-ċifra kienet relattivament stabbli matul l-aħħar għaxar snin). Fl-2015, l-attività tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE, imkejla f’tunnellati-kilometri żdiedet b’madwar 2,4 % mqabbla mal-2014. Madankollu, kienet għadha 7,6 % taħt l-ogħla livell ta’ qabel il-kriżi tal-2007 u biss marġinalment ogħla mil-livell tal-2010 (0,7 %).

It-trasport nazzjonali mwettaq minn kumpaniji domestiċi jirrappreżenta madwar żewġ terzi tal-attività totali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, filwaqt li r-rata ta’ penetrazzjoni tal-kabotaġġ tal-2015 kienet ta’ madwar 3 %, jiġifieri medja ta’ 3 % tal-attivitajiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq nazzjonali kollha fl-UE twettqet minn operaturi tat-trasport barranin.

L-approfondiment tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku tal-UE jikkontribwixxi għal rati ta’ tkabbir ogħla fil-każ tat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq milli fil-każ ta’ dawk nazzjonali. Bejn l-2005 u l-2015, l-għadd ta’ tunnellati-kilometri minn attivitajiet nazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq imwettqa minn operaturi tat-trasport domestiċi naqas b’6,5 % filwaqt li dawk minn operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali (inkluż il-kabotaġġ) żdied b’14,9 %.

3.2.Id-disseminazzjoni tad-dejta

3.2.1.Id-disseminazzjoni tat-tabelli tal-Eurobase

Id-dejta aggregata tittella’ fil-Eurobase, li huwa l-bażi tad-dejta ta’ referenza tal-Kummissjoni (Eurostat), hekk kif tgħaddi mill-verifiki ta’ validazzjoni. L-utenti jistgħu jiksbu tabelli tal-istatistika ddettaljati disponibbli skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 6/2003 tat-30 ta’ Diċembru 2002 dwar it-tixrid tal-istatistika dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq 7 , rigward id-dejta trażmessa fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 70/2012, għall-perjodu mill-1999 ‘l quddiem.

3.2.2.Pubblikazzjonijiet

Il-Kummissjoni (Eurostat) tipproduċi wkoll Statistics Explained articles 8 , li jkopru s-suġġetti li ġejjin:

· Xejriet ġenerali fit-trasport tal-merkanzija bit-triq

· It-trasport tal-merkanzija bit-triq skont il-karatteristiċi tal-vettura

· It-trasport tal-merkanzija bit-triq skont il-karatteristiċi tal-vjaġġ

· It-trasport tal-merkanzija bit-triq skont it-tip ta' oġġetti

Dawn l-artikli jiġu aġġornati kull sena, meta l-ġbir tad-dejta jiġi finalizzat għal sena ta’ referenza partikolari.

Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 557/2013 tas-17 ta’ Ġunju 2013 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istatistika Ewropea fir-rigward tal-aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi 9 , il-mikrodejta dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq hija anonimizzata u tkun disponibbli għar-riċerkaturi bħala fajls għall-użu xjentifiku.

4.Aktar żvilupp tal-istatistika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq

Fl-2015-2016, saru diversi laqgħat tat-task force u tal-grupp ta’ ħidma mal-Istati Membri biex jeżaminaw u jipproponu modi ta’ titjib tal-kwalità tad-dejta u ħalli jitnaqqas il-piż tal-ġbir tad-dejta, filwaqt li ddiskutew il-fattibbiltà tal-ġbir tal-informazzjoni dwar vjaġġi bit-trakkijiet vojta fuq bażi mandatorja u d-dejta relatata dwar il-konsum tal-fjuwil tat-trakkijiet. Numru ta’ oqsma fejn l-għarfien espert eżistenti jista’ jgħin biex titjieb il-kwalità tad-dejta u jonqos il-piż tal-ġbir tad-dejta ġew identifikati matul dawn il-laqgħat, jiġifieri:

·rappurtar dwar vetturi li ma jkunux qed jintużaw,

·simplifikazzjoni tal-kwestjonarju tas-sondaġġ,

·l-użu ta’ dejta amministrattiva,

·il-valutazzjoni komparattiva tar-riżultati tas-sondaġġ,

·l-użu ta’ modi ġodda għar-rappurtar tad-dejta tas-sondaġġ.

Fl-aktar verżjoni reċenti tal-Manwal dwar l-Istatistika tat-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq, il-Kummissjoni ppreżentat prassi tajba fl-oqsma elenkati hawn fuq minn Stati Membri magħżula. Dan ser ikun ta’ appoġġ għall-iżvilupp ulterjuri tal-istatistika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, għat-titjib tal-kwalità tad-dejta u għat-tnaqqis tal-piż tar-rappurtar. L-Istati Membri għadhom iżommu lura milli jaqblu dwar ġbir mandatorju ta’ informazzjoni dwar il-vjaġġi vojta (bħalissa dan huwa volontarju) u l-ġbir ta’ dejta dwar il-konsum tal-fjuwil tat-trakkijiet minħabba ż-żieda fil-piż tar-rappurtar li tkun marbuta ma’ dan. Fl-istess ħin, f’dawn l-aħħar snin ġie osservat titjib fid-disponibbiltà ta’ statistika rrappurtata fuq bażi volontarja mill-Istati Membri. Barra minn hekk saru sforzi għall-produzzjoni ta’ statistika aktar dettaljata dwar il-konsum tal-fjuwil fis-settur tat-trasport fl-istatistika dwar l-enerġija u dan jiżgura konsistenza mal-bilanċi tal-enerġija globali.

5.KONKLUŻJONIJIET

L-esperjenza u r-riżultati miksuba bl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 70/2012 jistgħu jitqiesu bħala ġeneralment pożittivi. Ir-riżorsi allokati biex isostnu l-produzzjoni statistika kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell tal-Kummissjoni jippermettu l-produzzjoni ta’ riżultati komparabbli u ta’ kwalità għolja. Il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-Regolament u jipproduċu statistika ta’ kwalità għolja. Hi żviluppat u żammet sistema ta’ informazzjoni u komunikazzjoni msaħħa biex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż tar-rappurtar fuq il-pajjiżi. Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll gwida għal aktar titjib tal-kwalità tad-dejta u t-tnaqqis tal-piż tal-ġbir u r-rappurtar tad-dejta permezz tal-pubblikazzjoni ta’ prattika nazzjonali tajba.

Ir-Regolament wera li hu strument effiċjenti u effikaċi għall-produzzjoni ta’ statistika ta’ kwalità għolja affidabbli u komparabbli dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali, u b’hekk qed tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol. Fi Stat Membru wieħed, is-sondaġġ nazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ġie sostitwit mis-sondaġġ dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq skont ir-Regolament (UE) Nru 70/2012. Il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri l-oħra biex isegwu dan l-eżempju. L-istatistika li ġiet prodotta tintuża regolarment fil-monitoraġġ u fil-valutazzjoni ta’ politiki tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fil-livell nazzjonali u tal-UE.

(1) Ir-Regolament (UE) Nru 70/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq. Test b’rilevanza għaż-ŻEE ĠU L 032, 3/2/2012 P. 01-18.
(2) Kull Stat Membru jista’ jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament il-vetturi tat-trasport bit-triq li l-kapaċità tat-tagħbija tagħhom jew il-piż massimu permissibbli tagħhom ikun anqas minn ċertu limitu. Dan il-limitu ma jistax jaqbeż kapaċità tat-tagħbija ta’ 3,5 tunnellata metrika jew piż massimu permissibbli ta’ 6 tunnellati metriċi fil-każ ta’ vetturi b’mutur wieħed.
(3) COM(2011) 144 tat-28.3.2011.
(4)   http://ec.europa.eu/eurostat/web/products-manuals-and-guidelines/-/KS-GQ-16-105?inheritRedirect=true&redirect=%2Feurostat%2Fweb%2Ftransport%2Fpublications
(5)   http://ec.europa.eu/eurostat/web/products-manuals-and-guidelines/-/KS-GQ-14-007?inheritRedirect=true&redirect=%2Feurostat%2Fweb%2Ftransport%2Fpublications
(6) Id-dejta statistika u l-analiżi tax-xejriet huma disponibbli fis-sit tal-internet tal-Kummissjoni (Eurostat): ( http://ec.europa.eu/eurostat ) u r-rapporti dedikati tal-Kummissjoni (DG MOVE) jinsabu hawn: ( https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/mobility-package-overview-of-the-eu-road-transport-market-in-2015.pdf )
(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 6/2003 tat-30 ta' Diċembru 2002 dwar it-tixrid tal-istatistika dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (Test b'relevanza għaż-ŻEE), ĠU L 001, 04/01/2003 P. 0045 - 0049
(8)   http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Transport
(9) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 557/2013 tas-17 ta’ Ġunju 2013 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istatistika Ewropea fir-rigward tal-aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002 Test b’relevanza għaż-ŻEE, ĠU L 164, 18.6.2013, p. 16–19