IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.12.2017
COM(2017) 762 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
FMT:BoldRapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u ta’ Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea u l-Monitoraġġ tal-Orizzont 2020 fl-2016/FMT
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u ta’ Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea u l-Monitoraġġ tal-Orizzont 2020 fl-2016
1.
Il-kuntest tar-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet tal-RTD
Ir-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u ta’ Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea (UE), u dwar it-tixrid tar-riżultati, jitħejja skont l-Artikolu 190 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jipprovdi ħarsa ġenerali konċiża u mhux eżawrjenti tal-miżuri ewlenin meħuda fis-sena tar-rapportar.
Wara appell mill-Kunsill fit-30 ta’ Mejju 2017 lill-Kummissjoni biex tissimplifika l-istrateġija ta’ rapportar tagħha, dan ir-rapport jinkludi data ta’ monitoraġġ annwali tal-Orizzont 2020 b’rabta mas-sejħiet tal-Orizzont 2020 li għalqu fl-2016. Mid-9 ta’ Novembru 2017, qed ikun hemm disponibbli aktar data ta’ moitoraġġ dettaljata għall-Orizzont 2020 fid-Dashboard tal-Orizzont 2020.
2.
Il-kuntest politiku aktar mifrux fl-2016
Is-sena 2016 immarkat it-tieni sena tal-ħidma tal-Kummissjoni taħt it-tmexxija tal-President Juncker. Fil-bidu tal-mandat tiegħu, il-President Juncker ħabbar bidu ġdid għall-Ewropa u introduċa l-Aġenda tiegħu għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku, iffukata fuq għaxar prijoritajiet politiċi.
Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa ta’ EUR 315-il biljun tal-Kummissjoni, bil-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), ta aktar riżultati. Il-Fond kien qed jopera u wassal investimenti ta’ kwalità għolja biex tingħata spinta aktar qawwija lill-ekonomija Ewropea, inkluż fir-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I) u għal SMEs innovattivi u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja żgħar.
Matul is-sena, uħud mill-inizjattivi kruċjali tal-Kummissjoni, bħall-Unjoni tal-Enerġija, is-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, u l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, laħqu stadji ġodda. L-UE jeħtieġ li tkun kemm rilevanti kif ukoll konnessa maċ-ċittadini tagħha aktar minn qatt qabel. Skont il-President Juncker jeħtieġ ikollna konnessjoni aktar b’saħħitha bejn il-politiki, id-deċiżjonijiet u l-istrateġiji.
Bħala segwitu għall-Konferenza ta’ Pariġi dwar il-Klima (COP21), il-Kummissjoni Ewropea bdiet timplimenta l-impenji tal-UE dwar l-enerġija u l-klima billi adottat il-pakkett ambizzjuż “Enerġija nadifa għall-Ewropej kollha” inkluża Komunikazzjoni dwar “Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa” (ACEI). Din tal-aħħar tenfasizza miżuri ta’ politika wiesgħa biex titħaffef it-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju billi tingħata spinta lill-investiment fir-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I) fl-enerġija nadifa u jiġu mobilizzati l-atturi fil-livelli kollha sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni mis-suq ta’ teknoloġiji u servizzi innovattivi tal-enerġija nadifa. Din segwiet ukoll, f’isem l-UE kollha kemm hi, il-Missjoni Innovazzjoni, imnedija fis-COP21, li hija inizjattiva internazzjonali li tipprova taċċellera l-innovazzjoni u l-infiq pubbliċi u privati fl-enerġija nadifa sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.
3.
Oqfsa ta’ politika
Matul din is-sena ta’ rapportar, il-prijoritajiet strateġiċi tal-Kummissarju għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni Carlos Moedas “Innovazzjoni Miftuħa, Xjenza Miftuħa u Ftuħ għad-Dinja” ġew żviluppati aktar.
Wieħed mill-komponenti ewlenin ta’ “Xjenza Miftuħa” huwa l-istabbiliment ta’ Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa. Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea nediet komponenti differenti ta’ din l-inizjattiva biex tikkapitalizza fuq ir-rivoluzzjoni tad-data. Il-cloud tax-xjenza ser tipprovdi lix-xjenza, lill-industrija u lill-awtoritajiet pubbliċi Ewropej b’infrastruttura diġitali ta’ klassi dinjija li tagħmel l-aktar informatika u kapaċità tal-ħżin tad-data avvanzati faċilment aċċessibbli għal kwalunkwe xjenzjat u inġinier fl-Unjoni Ewropea.
Matul l-2016, il-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Konsulenti Xjentifiċi tal-Mekkaniżmu għall-Pariri Xjentifiċi adotta l-opinjoni xjentifika tiegħu dwar “Closing the gap between light-duty vehicle real-world CO2 emissions and laboratory testing” (“Innaqqsu d-distakk bejn l-emissjonijiet CO2 tal-vetturi ħfief u l-ittestjar fil-laboratorju fid-dinja reali”); għamel progress sinifikanti fir-rigward tal-iżvilupp ta’ opinjoni xjentifika dwar “Cybersecurity in the European Digital Single Market” (“Iċ-ċibersigurtà fis-Suq Uniku Diġitali Ewropew”); u fir-rigward ta’ Nota Spjegattiva dwar “New techniques in Agricultural Biotechnology” (“Tekniki ġodda fil-Bijoteknoloġija Agrikola”); il-grupp beda wkoll ħidma fuq opinjoni xjentifika dwar “Food from the Oceans” (“L-Ikel mill-Oċeani”). Matul l-2016, il-Grupp ta' Livell Għoli (HLG) ħadem dejjem iżjed mill-qrib mal-konsorzju stabbilit reċentement “Science Advice for Policy by European Academies” (“Pariri Xjentifiċi għall-Politika minn Akkademji Ewropej”) (SAPEA - iffinanzjat mill-Orizzont 2020) li jġib flimkien l-għarfien u l-kompetenzi eċċellenti ta’ persuni minn 100 Akkademja u Soċjetà tal-Għerf f’aktar minn 40 pajjiż madwar l-Ewropa.
Sabiex tiżdied il-kapaċità tal-Ewropa li tiġġenera u żżid innovazzjonijiet rivoluzzjonarji li joħolqu s-swieq, mis-16 ta’ Frar sad-29 ta’ April 2016 kien hemm
Sejħa għal Ideat
dwar l-istabbiliment possibbli ta’ Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni. Il-Kummissjoni nediet ukoll Tħabbira speċjali għat-twaqqif ta’ Grupp ta' Livell Għoli ta’ Innovaturi biex jipprovdi parir espert lill-Kummissjoni Ewropea fit-tfassil u l-iżvilupp ta’ Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC), sabiex tingħata spinta lill-kapaċità tal-UE fil-qasam tal-innovazzjoni rivoluzzjonarja li toħloq is-swieq. Wara t-tħabbira, grupp ta’ 15-il membru ntgħażlu minn kważi 500 sottomissjoni, li jifformaw grupp li beda jopera fl-1 ta’ Jannar 2017. Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni huwa miżura ewlenija fl-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu mnedija mill-Kummissjoni biex tagħti lill-bosta imprendituri innovattivi tal-Ewropa kull opportunità biex isiru kumpaniji ewlenin fid-dinja. Il-miżuri pilota li jidħlu fis-seħħ taħt l-Orizzont 2020 kienu diġà żviluppati matul l-2016 bl-impenn ta’ partijiet ikkonċernati esterni u servizzi tal-Kummissjoni rilevanti.
Fl-2016, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) fassal Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) ġdida, l-EIT tal-Ikel, li tappoġġja inizjattivi innovattivi u ekonomikament sostenibbli bl-għan li tinbidel is-sistema Ewropea tal-ikel, tiżdied il-kunfidenza tal-konsumatur u titjieb is-saħħa globali.
Fl-2016, ingħata bidu għall-azzjoni pilota dwar l-Ekonomija Ċirkolari biex tgħin tipi differenti ta’ innovaturi jaffaċċjaw l-ostakoli regolatorji billi jistabbilixxu ftehimiet mal-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet pubbliċi
. Tnedew
Ftehmiet dwar l-Innovazzjoni
bħala skema pilota ġdida mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jgħinu lill-innovaturi permezz ta’ soluzzjonijiet promettenti għal kwistjonijiet ambjentali biex jinnavigaw sfidi regolatorji biex ipoġġu l-ideat tagħhom fis-suq.
Fi Frar 2016, il-Kummissjoni nediet
konsultazzjoni pubblika
dwar inizjattiva tar-R&I ġdida għall-produzzjoni ta’ ikel sostenibbli u l-immaniġġjar imtejjeb tal-ilma fiż-żona Mediterranja, li għandha tissejjaħ
PRIMA
, is-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran. F’Ottubru 2016, il-Kummissjoni adottat il-proposta leġiżlattiva għall-Inizjattiva PRIMA bbażata fuq l-Artikolu 185 tat-Trattat (TFUE), li ġie approvat mil-leġiżlatur fl-2017. Dan kien stadju importanti wkoll fid-dawl tal-avvenimenti reċenti f’din iż-żona tal-viċinat tal-UE.
F’Ġunju 2016, il-Kummissjoni ngħaqdet, f’isem l-UE, mal-inizjattiva globali “Missjoni Innovazzjoni” li bdiet waqt il-konferenza COP21. Din l-inizjattiva tgħaqqad ekonomiji globali ewlenin bl-għan li żżid il-kooperazzjoni dwar proġetti tar-R&I fil-qasam tat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa. Il-membri kollha wiegħdu li fil-ħames snin li ġejjin ser jirduppjaw l-investiment tal-gvern fir-R&I fl-enerġija nadifa. F’Novembru 2016, il-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija ħareġ ir-rapport ta’ progress 2016 tiegħu fil-marġini tal-Konferenza dwar il-Pjan SET fi Bratislava. Ir-rapport ippreżenta l-miri għal teknoloġiji ewlenin li huma mħejjija f’kooperazzjoni mal-Istati Membri kollha u approvati minnhom u minn pajjiżi oħrajn tal-UE involuti fil-Pjan SET, kif ukoll mill-komunità tal-partijiet ikkonċernati R&I. Il-miri jiffokaw fuq it-tnaqqis tal-kostijiet u fuq it-titjib tal-prestazzjoni ta’ teknoloġiji ewlenin b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. It-triq ’il quddiem hija l-kompilazzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni għall-oqsma ta’ teknoloġija rispettivi, li ser jidentifikaw attivitajiet/proġetti konkreti li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-miri li għandhom jitmexxew ’il quddiem mill-atturi tal-Pjan SET interessati, u li qegħdin jitħejjew matul l-2017.
Il-Kummissjoni Ewropea kompliet l-inizjattiva “ix-xjenza għar-refuġjati” tagħha għal xjenzjati u riċerkaturi li qed ifittxu l-ażil u refuġju, li tinvolvi proċess ta’ tqabbil bejn refuġjati u dawk li qed ifittxu l-ażil bi sfond xjentifiku u l-istituzzjonijiet xjentifiċi li jiddikjaraw lilhom infushom b’mod volontarju bħala “organizzazzjonijiet li jilqgħu lir-refuġjati”.
Fl-2016, benefiċjarju ieħor tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) ingħata l-Premju Nobel. Il-Professur Ben Ferringa mill-Università ta’ Groningen fin-Netherlands ingħata l-Premju Nobel 2016 fil-Kimika, flimkien ma’ Sir J. Fraser Stoddart u Jean-Pierre Sauvage, li ssorveljaw żewġ fellowships individwali tal-azzjoni Marie-Curie “għad-disinn u s-sinteżi ta’ magni molekulari”. Fl-2008, il-Professur Ferringa rċieva l-ewwel Għotja Avvanzata tiegħu tal-ERC u fl-2015 irċieva t-tieni għotja sabiex jagħti spinta ’l quddiem lill-fruntieri tal-qasam tal-muturi molekulari. Huwa s-sitt Benefiċjarju tal-ERC li ngħata l-Premju Nobel. Primarjament, huwa kien ukoll xjenzjat responsabbli minn proġett ikkofinanzjat mill-azzjoni Marie-Curie. Barra minn hekk, 7 benefiċjarji kienu diġà rebħu l-premju Nobel fil-mument meta rċevew għotja tal-ERC, u b’hekk l-għadd totali ta’ dawk li rebħu l-premju Nobel iffinanzjati mill-ERC sa mill-bidu tiegħu 10 snin ilu, niżel għal 13.
F’Ottubru 2016, il-Kummissjoni pproponiet Strateġija Spazjali għall-Ewropa ġdida. Din l-inizjattiva kienet fost l-10 inizjattivi ewlenin tal-Kummissjoni reċenti. Din l-istrateġija ser tkun marbuta mill-qrib mal-programm Orizzont 2020 permezz ta’ sejħiet differenti.
Fl-2016, ġie adottat sett ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li jindirizza kwistjonijiet dwar ir-R&I fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-KŻER (Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni), l-SFIC (Il-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika Internazzjonali) u l-GPC (il-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-IpprogrammarKonġunt) kienu qed iħejju l-pożizzjonijiet tagħhom dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Orizzont 2020 u l-Programm Qafas għar-R&I li jmiss.
Il-Faċilità ta’ Appoġġ għall-Politiki (PSF) tal-Orizzont 2020, li tnediet f’Marzu 2015, kompliet b’suċċess bħala strument ġdid li jagħti lill-Istati Membri u lill-pajjiżi assoċjati mal-Orizzont 2020 appoġġ prattiku biex ifasslu, jimplimentaw u jevalwaw riformi li jsaħħu l-kwalità tal-investimenti tagħhom fir-R&I. Finalment, twettqet ħidma biex jissaħħu l-metodi ta’ evalwazzjoni sabiex jitkejjel l-impatt tal-investimenti fir-R&I, speċjalment fid-dawl tal-Programm Qafas għar-R&I l-ġdid.
4.
Implimentazzjoni tal-Orizzont 2020
Permezz tat-tieni programm ta’ ħidma biennali tiegħu, li jkopri l-2016-2017, l-Orizzont 2020 huwa allinjat mal-aġenda politika tal-Kummissjoni u b’mod partikolari ma’ prijoritajiet bħalma huma s-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija, l-Ekonomija Ċirkolari u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS). Matul is-sena, tnedew sejħiet għal proposti li jiswew EUR 7.7 biljun.
It-tieni fażi tas-Simplifikazzjoni tal-Orizzont 2020 saret fl-2016, inkluża t-tħejjija tas-“somma f’daqqa pilota”. Il-fażi pilota ser tittestja l-finanzjament permezz ta’ somma f’daqqa ta’ proġetti kollaborattivi kbar bħala parti mill-programm ta’ ħidma tal-2018-2020 tal-Orizzont 2020, fid-dawl li jinsiltu lezzjonijiet għall-FP9.
Il-prijorità ewlenija l-oħra f’termini ta’ implimentazzjoni għall-2016 kienet l-eżerċizzju ta’ programmar strateġiku biex jitħejja l-programm ta’ ħidma finali skont l-Orizzont 2020, f’dan il-każ tliet snin u li jkopri l-2018-20. Dan l-eżerċizzju ewlieni laqqa’ flimkien firxa wiesgħa ta’ tipi differenti ta’ informazzjoni li ġejja mill-partijiet ikkonċernati kollha u minn konsultazzjonijiet miftuħa, kif ukoll il-ħidma ta’ gruppi esperti mill-oqsma kollha ta’ riċerka u innovazzjoni u ta’ politika taħt l-Orizzont 2020. Bosta studji u evalwazzjonijiet tal-progress li sar s’issa fil-programm appoġġjaw dan.
Filwaqt li l-programmi ta’ ħidma ta’ Orizzont 2020 ikopru l-maġġoranza kbira tal-finanzjament disponibbli skont il-Programm, huma kkomplementati mill-programmi ta’ ħidma separati għall-Kunsill Ewropew ta’ Riċerka, il-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom (2014-2018), u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, kif ukoll mill-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni għall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT).
Anke fl-2016, sinerġiji (bħal CleanSky 2 JU, ECSEL JU) b’Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FEIS) u azzjoni preparatorja bħal Skala tal-Eċċellenza baqgħu jiġu promossi. Bħala parti minn dan, il-Kummissarju Carlos Moedas ħabbar estensjoni ulterjuri tas-Siġill ta’ Eċċellenza taħt l-Orizzont 2020. L-applikanti kienu mistiedna jidentifikaw l-oqsma tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tal-Istat Membru jew tar-reġjun tal-UE tagħhom u jesploraw il-potenzjal għal sinerġiji mal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni rilevanti inkarigati mill-FSIE fit-territorju tagħhom
. “Siġill ta’ Eċċellenza” huwa pprovdut għal proposti li jissodisfaw il-kriterji tal-evalwazzjoni iżda li mhumiex iffinanzjati minħabba restrizzjonijiet baġitarji taħt l-istrument għall-SMEs (u possibbilment strumenti monobenefiċjarji oħrajn). Is-“Siġill ta’ Eċċellenza” jippermetti lill-pajjiżi / lir-reġjuni biex jirrikonoxxu t-tikketta tal-kwalità mogħtija lil proposti promettenti ppreżentati skont l-Orizzont 2020 u jippromwovu l-aċċess tagħhom għal sorsi ta’ finanzjament differenti bħall-FSIE u programmi ta’ investiment nazzjonali jew reġjonali oħrajn. Din l-azzjoni ġiet ikkomplementata minn kampanja ta’ “mobilizzazzjoni” lejn reġjuni/pajjiżi biex jiġu inklużi skemi ta’ finanzjament li jiffavorixxu l-istrument għall-SMEs fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali tal-FSIE tagħhom.
4.1 Data ta’ Monitoraġġ Ewlenija – l-Orizzont 2020 tliet snin wara
Sa tmiem l-2016, ġew konklużi kważi 329 sejħa tal-Orizzont 2020, u ġew ippreżentati 115 235 proposta eliġibbli, li kienu jirrikjedu kontribuzzjoni finanzjarja totali tal-UE ta’ EUR 182.4 biljun. Minn dawn, 14 549 proposta biss inżammu għal finanzjament, li wassal għar-rata globali ta’ suċċess ta’ proposti sħaħ eliġibbli fl-ewwel tliet snin għal 12.6 %. Total ta’ 13 903 ftehimiet ta’ għotjiet ġew iffirmati mill-1 ta’ Settembru 2016, b’allokazzjoni tal-baġit ta’ EUR 24.8 biljun fil-finanzjament mill-UE. Fl-2016 biss, ġew iffirmati total ta’ 4 594 ftehim ta’ għotja b’kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE ta’ EUR 8.3 biljun.
Total ta’ 399 927 applikazzjoni eliġibbli ġew irċevuti matul it-tliet snin. Fl-2016 l-għadd ta’ applikazzjonijiet miżmuma u l-kontribuzzjoni finanzjarja allokata lilhom żdiedet b’mod sinifikanti (rispettivament bi 23.8% u bi 17.1 % meta mqabbel mal-2015). Mill-bidu tal-Orizzont 2020, 38.4 % tal-applikazzjonijiet kollha ġew minn universitajiet, 36.1 % mis-settur privat u 18.2 % minn organizzazzjonijiet ta' riċerka. Għalkemm il-korpi pubbliċi kellhom ir-rata ta’ applikazzjoni l-aktar baxxa (3.5 %), huma kellhom l-ogħla rata ta’ suċċess.
Fl-2016, il-Ġermanja għandha l-ogħla sehem ta’ parteċipazzjonijiet fl-għotjiet iffirmati għal kull Stat Membru tal-UE, segwita mir-Renju Unit u minn Spanja. Tnax-il Stat Membru tal-UE esperjenzaw żieda fil-parteċipazzjoni, bl-Iżvezja u Spanja jesperjenzaw l-ogħla żieda. L-Istati Membri rċevew total ta’ 92.8 % ta’ finanzjament fl-ewwel tliet snin tal-Orizzont 2020. Il-finanzjament li jifdal mar għall-Pajjiżi Assoċjati u l-Pajjiżi Terzi.
Il-Pajjiżi Terzi kellhom 1.94 % sehem ta’ parteċipazzjonijiet f’għotjiet iffirmati matul it-tliet snin, bi ftehimiet ta’ għotjiet iffirmati ta’ parteċipanti minn 94 pajjiż differenti. L-aqwa ħames pajjiżi parteċipanti (l-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Afrika ta’ Isfel, il-Kanada u l-Brażil) ammontaw għal aktar minn 40 % tal-parteċipazzjoni globali tal-Pajjiżi Terzi.
L-universitajiet jibqgħu fl-ewwel post f’termini tal-finanzjament irċevut, filwaqt li s-settur privat qabiżhom f’termini ta’ parteċipazzjoni.
Is-sehem tal-parteċipazzjoni tas-settur privat fis-sejħiet mill-bidu tal-programm u sal-aħħar tas-sena tar-rapportar jammonta għal 32.8 %. Fil-pilastri 2 u 3, minbarra “Aċċess għal finanzjament ta’ riskju”, 63.9 % tal-benefiċjarji kollha fil-ftehimiet ta’ għotjiet iffirmati huma mis-settur privat.
Kemm il-korpi pubbliċi kif ukoll entitajiet oħrajn żiedu s-sehem tagħhom ta’ parteċipazzjoni u kontribuzzjoni finanzjarja.
Kien hemm kważi 35 000 applikazzjoni għall-Istrument għall-SMEs matul it-tliet snin, b’żieda minn sena għal sena (9 061 fl-2014, 12 713 fl-2015 u 13 186 fl-2016). Ir-rata medja ta’ suċċess ta’ proposti sħaħ fl-istrument SME fl-ewwel tliet snin kien ta’ 7.5 % (9.1 % fl-2014, 6.4 % fl-2015 u 7.4 % fl-2016), li huwa inqas mill-medja tal-Orizzont 2020 ta’ 14.8 % f’termini ta’ applikazzjonijiet globali. Fl-2016, 23.6 % (EUR 1.17 biljun) tal-baġits kombinati għal Tmexxija f’Teknoloġiji Abilitanti u Industrijali (LEIT) u Sfidi Soċjetali ġie allokat għall-SMEs, li jaqbżu l-mira tal-baġit ta’ 20 %.
Madwar 54 % tat-total ta’ parteċipanti fl-Orizzont 2020 huma ġodda , filwaqt li l-bqija pparteċipaw ukoll fl-FP7. Fl-ewwel tliet snin tal-Orizzont 2020, 73 % tal-parteċipanti ġodda kienu mis-settur privat, u dan juri kemm l-Orizzont 2020 jattira lill-kumpaniji privati. Minn dawn, 48.9 % kienu SMEs.
Bħala medja matul it-tliet snin, 90.5 % tal-ftehimiet ta’ għotjiet kollha ġew iffirmati fi ħdan il-mira ġuridika (li ma tkoprix l-ERC) ta’ tmien xhur, b’żieda minn 90.9 % fl-2015 għal 93.7 % fl-2016. Fl-ewwel tliet snin tal-Orizzont 2020, il-medja tal-perjodu ta’ żmien li fih jistgħu jingħataw il-fondi kien ta’ 192.5 jum (208.4 fl-2014, li naqset għal 189.7 fl-2015 u għal 180.9 fl-2016).
Barra minn hekk, fl-2016 kien hemm kontinwazzjoni tal-inizjattiva pilota Rotta Rapida lejn l-Innovazzjoni (FTI), bl-objettiv sottostanti li tiġi promossa l-innovazzjoni billi jitnaqqas iż-żmien meħtieġ biex jitwasslu ideat innovattivi fis-suq. Mill-1096 proposta rċevuti, 48 irċevew aktar minn EUR 100.9 miljun f’finanzjament fl-2016, b’51.7 % tal-parteċipanti fil-proġett ikunu SMEs.
Matul dan il-perjodu l-evalwaturi esperti tal-proposti eliġibbli ġew minn 107 pajjiż differenti. Il-maġġoranza tal-evalwaturi kienu affiljati ma’ università jew organizzazzjoni ta' riċerka (ċifra kkombinata ta’ 68 %), filwaqt li 17 % ġew mis-settur privat. Il-korpi pubbliċi u entitajiet oħrajn ammontaw għal madwar 15 % tal-evalwaturi. 71 % ġew mill-UE-15, 16 % mill-UE-13, 6 % minn Pajjiżi Terzi u 6 % minn Pajjiżi Assoċjati.
Fl-2016, żdiedu l-isforzi biex tissaħħaħ ir-rilevanza interdixxiplinarja tas-sejħiet għal proposti, b’attenzjoni partikolari għar-riċerka tax-xjenzi soċjali u umanistiċi (SSH). Fl-2016, kien hemm 183 suġġett b’rilevanza għall-SSH. Barra minn hekk, esperti tal-SSH ħadu sehem fil-panels ta’ evalwazzjoni rispettivi - u ngħataw linji gwida mmirati lill-esperti u l-moderaturi. Barra minn hekk, l-SSH kellhom rwol prinċipali fl-Isfida Soċjetali 6 “L-Ewropa f'dinja li qed tinbidel - Soċjetajiet Inklużivi, Innovattivi u Riflessivi”, fejn suġġetti b’rilevanza għall-SSH laħqu l-94 %.
Fl-Orizzont 2020 sar progress fil-ħidma għal integrazzjoni aħjar tad-dimensjoni bejn is-sessi u fil-programm ta’ ħidma 2016-2017 ittejbet għal darb’oħra l-viżibbiltà tas-sessi. L-ugwaljanza bejn is-sessi issa għandha l-paġna tagħha fuq is-sit web tal-Orizzont 2020 u saru aktar sforzi biex jiġi żgurat li jitqies il-ġeneru. Barra minn hekk, is-sehem ta’ kuntratti ffirmati ma’ esperti nisa li jipparteċipaw fil-panels tal-evalwazzjoni għall-Orizzont 2020 kien ta’ 41 %, żieda mis-sena preċedenti b’ċifra ta’ 37 %.
Il-monitoraġġ tan-nefqa tal-azzjoni klimatika u l-iżvilupp sostenibbli madwar l-Orizzont 2020 meta mqabbla mal-miri tal-infiq ta’ 35 % u 60 % rispettivi stabbiliti fir-Regolament dwar l-Orizzont 2020 għaddej bħalissa. Iċ-ċifri għall-2020 juru li l-mira għall-iżvilupp sostenibbli tinsab fejn hi mixtieqa, filwaqt li dik għall-azzjoni klimatika għadha ma ntlaħqitx. Iċ-ċifri għan-nefqa tal-Orizzont 2020 traċċata fl-2016 (li jikkorrispondu għal EUR 8.3 biljun) huma 28 % għall-azzjoni klimatika u 65 % għall-iżvilupp sostenibbli. Madankollu, iż-żewġ kontribuzzjonijiet xorta waħda żdiedu meta mqabbla mas-snin preċedenti. Sforzi addizzjonali mill-Kummissjoni kollha huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-mira ssimplifikata tal-azzjoni klimatika tintlaħaq fl-Orizzont 2020. Is-simplifikazzjoni kostanti tal-azzjoni klimatika fi ħdan id-DĠs responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Orizzont 2020 ser tkun appoġġjata wkoll.
Il-Programm Euratom baqa’ jappoġġja s-sikurezza nukleari u l-iżvilupp tal-enerġija. Fir-riċerka dwar il-fissjoni, 48 proġett li jinvolvu 1200 riċerkatur kienu qed jindirizzaw tliet oqsma ewlenin: is-sikurezza nukleari, l-immaniġġjar tal-iskart u l-protezzjoni mir-radjazzjoni. Fir-riċerka dwar il-fużjoni, sat-tmiem l-2016, il-programm kiseb 47 % tal-istadji tar-riċerka stabbiliti għall-2014-2018 u qiegħed iwassal informazzjoni u data ewlenija għall-operazzjoni futura tal-ITER, il-faċilità globali tar-riċerka rivoluzzjonarja li qiegħda tinbena fi Franza.
Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ parteċipazzjoni wiesgħa, fl-2016, flimkien mal-Faċilità ta’ Appoġġ ta’ Politika (PSF) u s-Siġill ta’ eċċellenza, intgħażlu 10 proġetti skont it-tieni fażi tal-istrument tar-Raggruppamenti, biex jgħinu fit-titjib tal-prestazzjoni tar-riċerka u fiż-żieda tal-investiment f’pajjiżi bi gradazzjonijiet ta’ eċċellenza fir-riċerka aktar baxxa. Il-proġetti rċevew bejn 10 u 14-il miljun Euro kull wieħed, li b’kollox jammontaw għal EUR 140 miljun. Fl-2016, tnediet ukoll sejħa waħda tal-istadju tar-Raggruppamenti bi kważi EUR 14-il miljun ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE, li rriżultat fi 30 proġett iffinanzjat. Barra minn hekk, kompla jingħata l-appoġġ għall-COST (Kooperazzjoni Ewropea fix-Xjenza u t-Teknoloġija).
Il-parteċipazzjoni internazzjonali fl-Orizzont 2020 fl-2016 tjiebet meta mqabbla mal-bidu tal-programm iżda għadha ferm taħt il-livell FP7. Ittieħdu azzjonijiet korrettivi biex titjieb id-dimensjoni internazzjonali tal-Orizzont 2020. B’mod partikolari, l-għadd ta’ suġġetti fil-programm ta’ ħidma 2016-17 li huma speċifikament rilevanti għal kooperazzjoni internazzjonali żdied meta mqabbel mal-programm ta’ ħidma 2014-15. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kompliet tħeġġeġ u tassisti lill-pajjiżi industrijalizzati u lill-ekonomiji emerġenti fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmi li jiffinanzjaw il-parteċipazzjoni tar-riċerkaturi tagħhom fl-azzjonijiet tal-Orizzont 2020 u l-isforzi komplew fl-2016 biex iwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u l-avvenimenti ta’ sħubija fil-mira ssaħħew b’mod partikolari permezz tal-kampanja “Horizon 2020 – Open to the World” (Orizzont 2020 – Miftuħ għad-dinja). F’Ottubru 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Rapport ta' Progress dwar l-Istrateġija għall-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-UE fir-Riċerka u fl-Innovazzjoni. Id-diplomazija tax-xjenza qiegħda ssir dejjem aktar parti importanti mill-istrateġija tal-UE għal kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I. Pereżempju, il-Komunikazzjoni Konġunta dwar “Politika tal-UE integrata għall-Artiku”, ippubblikata f’April 2016, tenfasizza r-rwol ewlieni tar-R&I fl-iżvilupp ta’ kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet tal-Artiku. L-UE mmobilizzat ukoll riżorsi politiċi, finanzjarji u xjentifiċi sostanzjali biex tgħin lill-persuni affettwati mill-vajrus taz-Zika u biex trażżnu, tikkontrollah, tittrattah u fl-aħħar mill-aħħar teliminah (b’sejħa speċifika għal 30 miljun euro). Dan kien jinkludi finanzjament mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni.
Fl-2016, it-Tuneżija, il-Georgia u l-Armenja assoċjaw ruħhom mal-Orizzont 2020, u b’hekk l-għadd ta’ pajjiżi assoċjati żdied għal 16.
5.
Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC)
Fl-2016, il-JRC baqa’ jipprovdi appoġġ xjentifiku lil inizjattivi politiċi ewlenin bħall-iżvilupp reġjonali, is-suq uniku diġitali, l-unjoni tal-enerġija, l-ekonomija ċirkolari, l-istandardizzazzjoni, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-migrazzjoni.
Strateġija ġdida tal-JRC 2030 ġiet approvata f’April 2016 mill-Kummissarju Navracsics. L-istrateġija tħejji l-JRC biex jaqdi aħjar il-prijoritajiet attwali u futuri tal-Kummissjoni. Huwa jiffoka fost l-oħrajn fuq il-ġestjoni tal-għarfien u l-kooperazzjoni mas-sħab ewlenin. Il--JRC ikkontribwixxa b’mod attiv fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ ġestjoni ġdida tad-data, tal-informazzjoni u tal-għarfien tal-Kummissjoni. L-Inventarju tat-Tfassil u s-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Għarfien tkabbru minn għodda JRC għal għodda fil-Kummissjoni kollha. F’Ottubru 2016, tnieda spazju onlajn kollaborattiv, bl-għan li tissaħħaħ il-ħidma kollaborattiva, bl-użu ta’ pjattaforma “konnessa” għas-27 tim ta’ pajjiż tas-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, tnedew ċentri ġodda tal-għarfien (għall-migrazzjoni u d-demografija u għall-politiki territorjali) u ċentri ta’ kompetenza (dwar indikaturi u tabelli ta’ valutazzjoni komposti u evalwazzjoni mikroekonomika). Billi jlaqqgħu flimkien esperti, kompetenzi, għodod, ħiliet, data u għarfien u jaħdmu mad-DGs madwar il-Kummissjoni, dawn iċ-ċentri jistgħu jadattaw il-provvista ta’ għarfien u pariri xjentifiċi sodi, billi jindirizzaw aħjar il-ħtiġijiet politiċi.
Billi jaqsam għarfien, kompetenzi u faċilitajiet ma’ aktar minn 1 000 sieħeb madwar id-dinja, il-JRC isostni livell għoli ta’ għarfien espert, u jinforma t-tfassil ta’ politika bl-aħjar evidenza xjentifika. Fl-2016, il-JRC ikkonkluda arranġamenti mal-organizzazzjonijiet strateġiċi bħall-Università Ewropea Ċentrali, l-EIT, l-Akkademja Nazzjonali tax-Xjenzi tal-Ukrajna,
id-Dipartiment tal-Enerġija (DoE)
tal-Istati Uniti u l-Istħarriġ Ġeoloġiku tal-Istati Uniti. Il-JRC saħħaħ ukoll ir-relazzjonijiet tiegħu mal-pajjiżi Afrikani, l-aktar permezz ta’ avveniment għall-bini ta’ kapaċità li jindirizza l-isfidi tat-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza. Avvenimenti oħrajn ta’ suċċess koorganizzati mill-JRC kienu jinkludu l-avvenimenti “Science meets regions” (Ix-xjenza tiltaqa’ mar-reġjuni) u “Science meets parliaments” (Ix-xjenza tiltaqa’ mal-parlamenti) u l-ħames forum annwali tal-istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju kif ukoll l-appoġġ tat-trasferiment tat-teknoloġija lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.
6.
Tixrid, sfruttament u komunikazzjoni
Il-Kummissjoni timplimenta attivitajiet permezz ta’ sejħiet għal proposti speċifiċi, azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u appoġġ, u akkwist pubbliku biex jipprovdu assistenza mmirata lil proġetti u konsorzji biex jiġu ottimizzati l-użu u t-tixrid tar-riżultati, b’baġit fl-2016 ta’ madwar EUR 6.6 miljun. Kuntratt qafas “Common Exploitation Booster” (EUR 1.6 miljun) jappoġġja 239 proġett, b’40 servizz jitlesta sat-tmiem l-2016 Għall-partijiet ikkonċernati esterni, il-CORDIS, ir-repożitorju pubbliku primarju u l-portal tal-Kummissjoni Ewropea biex tinxtered l-informazzjoni dwar il-proġetti kollha ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE u r-riżultati tagħhom, ġie appoġġjat b’EUR 5 miljun. Il-CORDIS ġie estiż u ttejjeb b’inizjattivi ġodda. Dawk ir-riżultati ta’ riċerka li jistgħu jintużaw għal udjenzi mmirati huma disponibbli permezz tal-“Pakketti ta’ Riżultati”, u servizz ġdid imsaħħaħ “Riżultati fil-Qosor” jippreżenta r-riżultati u l-impatt tal-proġetti għall-pubbliku inġenerali. Dan kien ikkomplementat bi sforz sostnut biex juri s-suċċessi tar-R&I ffinanzjati mill-UE b’fokus fuq l-Orizzont 2020. Azzjoni ta’ komunikazzjoni ġdida tnediet biex tenfasizza l-impatt aktar fit-tul ta’ appoġġ tal-UE sostnut għar-R&I f’oqsma ewlenin.
Wara l-politika tal-aċċess miftuħ tal-Orizzont 2020, il-benefiċjarji jeħtiġilhom jiżguraw li l-pubblikazzjonijiet xjentifiċi evalwati bejn il-pari li jirriżultaw minn finanzjament tal-Orizzont 2020 jiġu ddepożitati f’repożitorji u jingħataw b’aċċess miftuħ, jiġifieri jinvolvu aċċess onlajn bla ħlas għall-utent. Abbażi tal-ftehimiet tal-għotja ffirmati, sal-aħħar tal-2016 madwar 68 % tal-proġetti fl-oqsma ewlenin ipparteċipaw fil-Proġett Pilota. Filwaqt li dan il-Proġett Pilota jikkonċerna oqsma magħżula tal-Orizzont 2020, sar progress biex ikompli jissaħħaħ l-aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet ta’ riċerka u data sabiex l-aċċess miftuħ għad-data jsir ir-regola prestabbilita fil-programmi ta’ ħidma mill-2017.
L-importanza tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni fiċ-ċiklu tal-programmazzjoni strateġika u l-politika ġiet imsaħħa kompletament f’konformità mal-Pakkett għal Regolamentazzjoni Aħjar.
7.
Prospettiva
Il-prospettiva ssawret kemm minħabba li l-programm Orizzont 2020 diġà wasal fin-nofs, inkluż l-eżerċizzju tal-evalwazzjoni interim, kif ukoll bl-isforzi bikrija biex jiġi stabbilit ix-xogħol ta’ bażi għall-programm qafas suċċessur.
L-evalwazzjonijiet interim tal-Orizzont 2020 u l-programm Euratom tlestew fl-2017. Ir-riżultati ta’ dawn l-eżerċizzji affettwaw it-titjib għall-programm ta’ ħidma 2018-2020, bħall-attenzjoni biex jitjiebu r-rati ta’ suċċess għall-applikanti.
F’Settembru 2016, ġie stabbilit Grupp ta’ Livell Għoli, ippresedut minn Pascal Lamy, biex jifformula viżjoni futura għar-R&I tal-UE u biex jagħmel rakkomandazzjonijiet strateġiċi dwar il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-programmi R&I tal-UE fil-futur. Dan ressaq ir-rapport finali tiegħu f’Lulju 2017. Ir-rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli, flimkien mal-lezzjonijiet meħuda fl-evalwazzjoni interim tal-Orizzont 2020, eżerċizzju ta’ tbassir kontinwu, u l-loġika ekonomika għall-finanzjament pubbliku tar-R&I u l-impatt tagħha ser ikunu passi fundamentali li ser iwittu t-triq għall-Programm Qafas suċċessur, li ser jiġi propost mill-Kummissjoni fl-2018.