IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.12.2017
COM(2017) 749 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Id-Disa’ Rapport dwar l-istatus tal-implimentazzjoni u l-programmi għall-implimentazzjoni (kif meħtieġ mill-Artikolu 17) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE dwar it-trattament tal-ilma urban mormi
{SWD(2017) 445 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Id-Disa’ Rapport dwar l-istatus tal-implimentazzjoni u l-programmi għall-implimentazzjoni (kif meħtieġ mill-Artikolu 17) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE dwar it-trattament tal-ilma urban mormi
Werrej
1. kuntest tal-politika
2. Valutazzjoni tal-konformità
2.1 Sistemi ta’ ġbir u/jew sistemi oħrajn xierqa
2.2 Trattament sekondarju jew bijoloġiku
2.3 Trattament iktar strett jew terzjarju u żoni sensittivi
2.4 Distanza għall-konformità
2.5 Xejriet fil-konformità
2.6 Bliet kbar/skarikaturi kbar
2.7 Produzzjoni u użu mill-ġdid tal-ħama tad-dranaġġ
2.8 Użu mill-ġdid tal-ilma mormi
3. Implimentazzjoni tal-UWWTD u l-istat tal-ilmijiet
4. promozzjoni tal-konformità
4.1 Programmi ta’ finanzjament
4.2 Infurzar legali
4.3 Strateġija għall-promozzjoni tal-konformità
4.4 Riċerka u Innovazzjoni
5. Titjib fil-proċess tar-rappurtar
6. Impjiegi, tkabbir u Investimenti
7. Evalwazzjoni tal-UWWTD
8. Konklużjonijiet
1. kuntest tal-politika
Id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (UWWTD) hija waħda mill-istrumenti ta’ politika ewlenin skont l-acquis tal-ilma tal-UE għall-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Il-progress fl-implimentazzjoni tal-UWWTD matul l-aħħar 25 sena kellu rwol sostanzjali fit-titjib tal-kwalità tal-ilmijiet fix-xmajjar, fil-lagi u fl-ibħra tal-UE (ara l-Figura 1). Din ippermettiet ukoll li jsir progress kbir fl-ilħuq tal-għanijiet ta’ Direttivi oħrajn tal-UE bħad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, id-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. Flimkien mad-Direttivi dwar l-Ilma għall-Għawm u dwar l-Ilma tax-Xorb, din id-Direttiva tikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir u l-impjiegi. Pereżempju:
·kull sena jeħtieġ investiment ta’ bejn EUR 19 u EUR 25 biljun biex jiġi investit fl-infrastrutturi tal-ilma;
·madwar 600 000 impjieg ekwivalenti full-time huma relatati mal-ġestjoni tal-ilma.
Figura 1 — L-evoluzzjoni fid-domanda bijoloġika ta’ ossiġenu (BOD-5) fix-Xmajjar Ewropej- it-tnaqqis tal-BOD5 huwa indikatur tat-titjib fil-kwalità tal-ilmijiet tal-UE (sors: Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE))
Il-UWWTD jenħtieġ li titqies ukoll fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 6 (SDG 6) — ‘‘niżguraw l-aċċess għall-ilma u s-sanitazzjoni għal kulħadd”. Meta wieħed iqis il-fatt li madwar 2.4 biljun persuna jgħixu mingħajr aċċess għal faċilitajiet sanitarji aħjar u fil-livell tal-UE għad hemm madwar 10 miljun persuna. L-SDG 6 joffri tama ġdida f’termini ta’ titjib fis-saħħa u fl-ambjent għal kulħadd. Dan joffri wkoll opportunità għal investimenti u operazzjonijiet fis-settur tal-ilma.
Dan ir-rapport huwa bbażat fuq id-dejta miġbura minn Jannar sa Diċembru 2014, abbażi tar-rekwiżiti tal-Artikoli 15 u 17 tal-UWWTD. Dan huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma tal-persunal li jipprovdi analiżi aktar dettaljata. Għal dan ir-rapport, il-Kummissjoni vvalutat is-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha abbażi ta’ dejta preċiża dwar l-implimentazzjoni. Dan kien possibbli permezz ta’ djalogu fil-fond mal-Istati Membri u t-titjib tal-għodod tal-IT użati mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent . Ir-rapport juri li l-pajjiżi li ssieħbu fl-UE mill-2004 (UE-13) għamlu titjib sinifikanti fil-kisba tal-għanijiet.
2. Valutazzjoni tal-konformità
Fl-2014, l-UE kellha madwar 23 500 “agglomerazzjoni” kif iddefinit fil-UWWTD, ta’ 2 000 ekwivalenti ta’ popolazzjoni (e.p.) u aktar. Dawn l-agglomerazzjonijiet iġġeneraw tagħbija totali ta’ 604 miljun ekwivalenti ta’ popolazzjoni (M e.p), li jikkorrispondu għall-ilmijiet mormija domestiċi iżda wkoll għal xi ilmijiet mormija industrijali u ilmijiet mormija tax-xita. Id-differenza mqabbla mat-tagħbija li ġiet irrappurtata fir-rapport preċedenti (500 M e.p) hija prinċipalment dovuta għall-inklużjoni tal-Polonja u tal-Italja.
580 “belt kbira”, b’aktar minn 150 000 abitant iġġeneraw tagħbija totali ta’ 256 M e.p. – jew 42 % tat-total. Il-Figura 2 turi li 89 % tat-tagħbija totali hija ġġenerata f’agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10 000 e.p., għalhekk dawn l-agglomerazzjonijiet jitqiesu bħala prijorità f’termini tal-kisba tal-konformità.
|
Figura 2 — It-tagħbija totali tal-ilma mormi tal-UE għal kull daqs tal-agglomerazzjoni, imqabbla mal-kapaċità tal-impjanti tat-trattament
|
F’termini ġenerali, l-UE laħqet livell għoli ta’ konformità sal-2014, b’rati ta’:
·94.7 % għall-ġbir (permezz ta’ sistemi ta’ ġbir jew sistemi alternattivi individwali jew sistemi xierqa oħra (IAS));
·88.7 % għal trattament sekondarju;
·84.5 % għal trattament iktar strett mit-trattament sekondarju, bit-tneħħija tan-nitroġenu (N) u/jew tal-fosforu (P), meta meħtieġ.
Madankollu, għad hemm differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri, speċjalment dwar il-konformità mar-rekwiżiti ta’ trattament iktar strett (ara hawn taħt).
Figura 3 — Rati ta’ konformità mal-UWWTD (medja ponderata — sena 2014) fil-livelli tal-UE-28, l-UE-15 u l-UE-13 (l-Artikolu 3, ġbir; l-Artikolu 4, trattament sekondarju, l-Artikolu 5, trattament iktar strett. It-trattament sekondarju huwa ogħla fl-UE-13 minħabba l-kundizzjonijiet u l-iskadenzi differenzjati fit-Trattati tal-Adeżjoni.
Iċ-ċifri tal-konformità ġenerali tal-UE naqsu bi ftit minn dawk fir-rapport preċedenti (98.4 % għall-ġbir, 91.9 % għat-trattament sekondarju u 87.9 % għat-trattament iktar strett), iżda ċ-ċifri fir-rapport attwali jirrappreżentaw b’mod aktar preċiż l-istatus attwali tal-implimentazzjoni tal-UWWTD milli ċ-ċifri fir-rapport preċedenti. Dan huwa minħabba taħlita ta’ fatturi, bħal:
·skadenzi ġodda ta’ konformità għall-UE-13;
·l-inklużjoni tal-Italja, tal-Polonja u tar-Rumanija, li għandhom rati ta' implimentazzjoni aktar baxxi;
·Titjib fil-ġbir u fil-verifika tad-dejta.
Fl-UE, il-kapaċità tat-trattament totali installata tirrappreżenta madwar 780 M e.p (Figura 2) u hija ogħla mit-tagħbija ġġenerata fil-livell tal-UE. Fil-prinċipju, dan iwassal biex il-ħtiġijiet futuri tat-trattament jiġu indirizzati anke minkejja l-fatt li s-sitwazzjoni tvarja minn post għal ieħor. Jeżistu każijiet ta’ dimensjonar eċċessiv tal-impjanti tat-trattament, iżda wkoll każijiet ta’ ġbir insuffiċjenti u/jew ta’ konnessjoni insuffiċjenti ma’ impjanti diġà eżistenti.
2.1 Sistemi ta’ ġbir u/jew sistemi oħrajn xierqa
Ir-rata ta’ konformità tal-UE dwar il-ġbir ta’ ilmijiet mormija hija għolja, b’valur medju ta’ 94.7 %. It-tnaqqis fil-punti perċentwali 3.7 (pps.) mir-rapport preċedenti huwa prinċipalment dovut għall-inklużjoni tad-dejta tal-Italja u tal-Polonja kif ukoll minħabba valuri aktar preċiżi min-naħa tar-Rumanija. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri żammew jew tejbu r-rati ta’ konformità tagħhom, ħlief ir-Rumanija, Ċipru, u f’livell inqas, Spanja. Ir-rati ta’ konformità huma għoljin ħafna fi 19-il Stat Membru, fil-firxa ta’ 98 sa 100 %, filwaqt li Erba’ Stati Membri għad għandhom rati baxxi ta’ inqas minn 70 % (ir-Rumanija, il-Bulgarija, is-Slovenja u Ċipru).
L-applikazzjoni tal-IAS bħala alternattiva għall-ġbir ċentralizzat naqset bħala medja meta mqabbla mat-tmien Rapport. Ġew osservati valuri ogħla tal-IAS fis-Slovakkja, fil-Greċja, fl-Ungerija, fil-Polonja u fir-Repubblika Ċeka. Il-Kummissjoni qiegħda tinvestiga jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-IAS (reġistru, permessi, monitoraġġ u spezzjoni, tipi u protezzjoni tal-ambjent relatata) humiex konformi mar-rekwiżiti tal-UWWTD.
Figura 4 — Progress fir-rati ta’ konformità mal-Artikolu 3 tal-UWWTD fl-aħħar tliet rapporti f’% tat-tagħbija soġġetta — dejta mill-2010, l-2012 u l-2014
2.2 Trattament sekondarju jew bijoloġiku
88.7 % tal-ilmijiet mormija tal-UE jiġu ttrattati kif xieraq permezz ta’ trattamenti sekondarji, u dawn naqqsu bi 3.2 % mir-rapport preċedenti. Ir-raġunijiet għal dan ġew spjegati fil-paragrafu 2.1. Madwar 17-il Stat Membru kellhom rati ta’ konformità ta' bejn 90 u 100 %, filwaqt li erbgħa minnhom (Malta, ir-Rumanija, il-Bulgarija u s-Slovenja) għad iridu jagħmlu sforzi sinifikanti fil-konformità, b’rati inqas minn 20 %. l-Irlanda, li għandha rata ta’ konformità inqas minn 70 %, hija każ speċifiku, u l-Italja qed tagħmel biss progress kajman. Minkejja r-rata ta’ konformità medja aktar baxxa għall-UE, fit-tmien rapport għall-UE-13 din żdiedet minn 68% għal 75 %. Fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja u fis-Slovakkja, il-progress huwa notevoli. L-inklużjoni tal-Polonja naqqset ir-rata medja tal-UE-28, iżda żiedet ir-rata tal-UE-13.
Figura 5 —Progress fir-rati ta’ konformità għall-Artikolu 4 tal-UWWTD fl-aħħar tliet Rapporti f’% tat-tagħbija soġġetta — dejta mill-2010, l-2012 u l-2014
2.3 Trattament iktar strett jew terzjarju u żoni sensittivi
Trattament iktar strett (minn dak sekondarju) huwa applikat għall-ilma mormi skarikat f’żoni li jkopru 76 % tat-territorju tal-UE. 15-il Stat Membru japplikawh fit-territorju kollu tagħhom, filwaqt li t-13 l-oħra identifikaw ċerti żoni bħala “sensittivi” skont l-UWWTD. It-territorju indikat bħala “sensittiv” żied f’dan tal-aħħar, bir-riżultat li żied it-total tat-territorju tal-UE indikat bħala “sensittiv” b’4 %, u tejjeb il-protezzjoni tal-ilmijiet.
Ir-rata ta’ konformità għal trattament iktar strett (applikabbli għal agglomerazzjonijiet li jiskarikaw f’żoni “sensittivi”) hija 84.5%, bi tnaqqis ta’ 3.4% mir-rapport preċedenti. Dan huwa prinċipalment dovut għad-disponibbiltà ta’ dejta aktar preċiża, iżda wkoll għad-dejta ġdida rrappurtata li turi inqas konformità min-naħa tal-Italja, tal-Polonja u tar-Rumanija, inqas mill-medja tal-UE. F’livell inqas, dan huwa dovut ukoll għal tnaqqis żgħir fir-riżultati ta’ tmien Stati Membri minħabba t-tmiem tal-iskadenzi l-ġodda għall-konformità. 15-il Stat Membru laħqu l-livelli ta’ konformità ta’ bejn 85 u 100 % (inklużi Ċipru, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, u l-Litwanja). B’mod ġenerali, għad hemm differenza kbira bejn l-Istati Membri, b’rati li jvarjaw minn inqas minn 70 % għal konformità sħiħa, u din jenħtieġ li tiġi indirizzata b’mod suffiċjenti. Għad hemm bżonn ta’ sforzi sinifikanti f’diversi Stati Membri b’rati inqas minn 20 % (BG, MT, IE u RO).
Figura 6 —Progress fir-rati ta’ konformità għall-Artikolu 5 tal-UWWTD fl-aħħar tliet Rapporti f’% tat-tagħbija soġġetta — dejta għall-2010, l-2012 u l-2014
2.4 Distanza għall-konformità
“Distanza għall-konformità” tista’ tiġi ddefinita bħala l-kalkolu tat-tagħbija tal-ilma mormi f’e.p. mhux miġbura jew ittrattata kif xieraq. Din turi l-punt sa fejn għad hemm bżonn li jsiru sforzi, iżda turi wkoll stampa aktar realistika tal-progress li nkiseb. Din hija kkalkulata abbażi tal-e.p. li jifdal li jrid jinġabar jew, jekk diġà nġabar, li għad irid jirċievi trattament xieraq biex it-termini tal-UWWTD jiġu implimentati bis-sħiħ. L-istampa murija b’dan il-kunċett tikkumplimenta l-valutazzjoni ta’ konformità, li tqis biss l-agglomerazzjonijiet li jissodisfaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-UWWTD sabiex ikunu “f’konformità”.
Il-graff ta’ hawn taħt (Figura 7) turi t-tendenzi tad-“distanza għall-konformità”: bejn l-2012 u l-2014, inġabru madwar miljun e.p addizzjonali, 10 miljun e.p. addizzjonali rċevew trattament sekondarju “konformi” u 5 miljun e.p. addizzjonali rċevew trattament iktar strett “konformi”.
Figura 7 — Distanza għall-konformità UE-27. Evoluzzjoni mill-2012 sal-2014 (il-Kroazja mhix inkluża) f’% u M e.p.
Id-“distanza għall-konformità” kkalkulata bl-użu tad-dejta tal-2014, turi b’mod aktar ċar in-natura u d-daqs tal-isfidi li jifdal:
·11-il miljun e.p. ma nġabrux kif xieraq (1.8 % tat-tagħbija kollha tal-UE). L-e.p. li ma nġabarx kif xieraq lanqas mhu qed jiġi ttrattat kif xieraq;
·41 miljun e.p. ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni tat-trattament sekondarju (7.2 % tat-tagħbija totali tal-UE li teħtieġ dan it-trattament);
·45 miljun e.p. ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni ta’ trattament iktar strett (11.9 % tat-tagħbija totali tal-UE li teħtieġ dan it-trattament).
Jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Disa’ pajjiżi għandhom rati ta’ “distanza għall-konformità” li huma ogħla minn 20 % għall-ġbir, għat-trattament sekondarju jew għat-trattament iktar strett. Ir-rati baxxi tad-“distanza għall-konformità” miksuba f’xi pajjiżi għall-ġbir jew it-trattament huma bbażati fuq l-applikazzjoni ta’ rati konsiderevoli tal-IAS.
Figura 8—Distanza għall-konformità (ġbir) fl-Istati Membri tal-UE (dejta tal-2014). Xi Stati Membri ma jidhrux f’din il-figura minħabba li d-distanza għall-konformità tagħhom hija ugwali għal 0 %.
Figura 9—Distanza għall-konformità (trattament sekondarju) fl-Istati Membri tal-UE (dejta tal-2014)
Figura 10 —Distanza għall-konformità (trattament iktar strett) fl-Istati Membri tal-UE (dejta tal-2014)
2.5 Xejriet fil-konformità
B’mod ġenerali, ix-xejriet tal-implimentazzjoni huma pożittivi, b’mod partikolari għall-UE-13: ir-rati medji ta’ konformità tagħhom żdiedu b’mod sinifikanti mill-2009/10 (jiġifieri fuq tliet rapporti) għall-ġbir, it-trattament sekondarju u t-trattament iktar strett. It-tnaqqis fil-konformità dwar il-ġbir fil-livell tal-UE-13 għal dan ir-rapport huwa prinċipalment dovut għall-użu sistematiku tal-metodoloġija ta’ valutazzjoni korretta għall-konformità legali.
Figura 11—Evoluzzjoni storika tar-rati ta’ konformità (1998-2014)
Madankollu, xi pajjiżi għadhom ’il bogħod milli jilħqu l-konformità sħiħa mal-UWWTD. Malta tinsab f'sitwazzjoni speċifika: l-infrastruttura tagħha hija implimentata b’mod parzjali iżda din għandha problemi operattivi li jeħtieġ li jiġu solvuti. Wara aktar minn 25 sena tal-applikazzjoni tal-UWWTD, xi Stati Membri għadhom qed jaffaċċjaw diffikultajiet biex jikkonformaw bis-sħiħ — dawn il-pajjiżi jinkludu l-Irlanda, l-Italja, Spanja u l-Portugall.
2.6 Bliet kbar/skarikaturi kbar
Kif spjegat hawn fuq, 580 belt kbira tal-UE jiġġeneraw 42 % tat-tagħbija totali tal-ilma mormi tal-UE. 86 % ta’ din it-tagħbija tirċievi trattament iktar strett mit-trattament sekondarju. Il-perċentwal tat-tagħbija mhux miġbura u mhux ittrattata baqa’ stabbli mir-rapport preċedenti, għal madwar 2.3 %. Il-grad ta' konformità jvarja, u 18 mis-27 belt kapitali jistgħu jitqiesu li fl-2014 kienu kompletament konformi, erbgħa aktar mir-rapport preċedenti. Għad hemm bżonn ta’ aktar sforzi min-naħa tal-ibliet kapitali li għad mhumiex konformi.
2.7 Produzzjoni u użu mill-ġdid tal-ħama tad-dranaġġ
Abbażi tad-dejta tal-2014, jistgħu jiġu enfasizzati xi fatti u ċifri rilevanti dwar il-ġestjoni tal-ħama:
·8.7 M tunnellata ta’ materja solida niexfa ta’ ħama ġew prodotti fl-UE, li jirrappreżentaw madwar 17-il kg għal kull abitant;
·Il-Bulgarija, Ċipru, l-Italja, il-Portugall u r-Rumanija wrew proporzjon ta’ inqas minn 10 kg għal kull abitant, u dan jissuġġerixxi livell insuffiċjenti ta’ ġbir u trattament;
·58 % tal-ħama ġġenerata ntużat mill-ġdid, l-aktar fl-agrikoltura (Figura 12).
Figura 12 — Destinazzjoni tal-ħama tal-ilma urban mormi rrappurtata
Il-kontribut potenzjali għall-ekonomija ċirkolari tas-settur huwa sinifikanti:
·Aktar min-nofs tal-P li tneħħa mill-ilma mormi fl-impjanti tat-trattament intuża mill-ġdid jew ġie riċiklat.
·Il-kwantità ta’ N u P riċiklati fil-ħamrija tammonta għal 250 000 tunnellata rispettivament. B’valur ta’ EUR 1 300 għal kull tunnellata għal N u EUR 900 għal kull tunnellata għal pentossidu tal-fosforu (P2O5), il-valur totali riċiklat mill-ħama tad-dranaġġ jilħaq EUR 550 M fl-2014.
·27 % tal-ħama tiġi inċinerata (l-aktar dik li tiġi ġġenerata f’żoni urbani). Dan huwa prinċipalment il-każ fl-Awstrija, fil-Ġermanja u fin-Netherlands.
L-iżvilupp tat-teknoloġija tad-diġestjoni jikkontribwixxi, b’mod parallel, għat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-ħama, filwaqt li jipproduċi enerġiji rinnovabbli (bijogass).
2.8 Użu mill-ġdid tal-ilma mormi
L-informazzjoni rrappurtata l-aħħar tikkonferma l-użu mill-ġdid limitat tal-ilma mormi: tmien Stati Membri biss indikaw l-użu mill-ġdid regolari ta’ parti mill-ilmijiet mormija ttrattati tagħhom (il-Greċja, ir-Renju Unit, Franza, l-Italja, Malta, Ċipru, Spanja u l-Belġju). Id-dejta relatata ma tinġabarx b’mod regolari u għalhekk mhijiex kompletament disponibbli. Il-perċentwal tal-ilma mormi ttrattat li jintuża mill-ġdid ivarja minn 0.08 % fir-Renju Unit għal 97 % f’Ċipru, b’medja ta’ 2 % fl-UE. Prinċipalment, l-użu mill-ġdid isir fl-agrikoltura, u fuq bażi okkażjonali fl-industrija u fit-tmigħ tal-akwifer. Il-Kroazja, l-Ungerija, is-Slovakkja, u r-Rumanija rrappurtaw li fil-futur beħsiebhom jużaw mill-ġdid l-ilma mormi. Il-Latvija u l-Awstrija spjegaw li dan mhuwiex meħtieġ minħabba d-disponibbiltà kbira ta’ ilma ħelu. L-14-il Stat Membru li jifdal irrappurtaw li huma ma jużawx mill-ġdid l-ilmijiet mormija tagħhom.
Fil-kuntest tal-Komunikazzjoni tagħha “L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari”, il-Kummissjoni qed tħejji inizjattiva leġiżlattiva biex tippromwovi l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi. Din l-azzjoni tal-UE timmira li tippermetti l-użu mill-ġdid kosteffikaċi tal-ilma mormi għall-irrigazzjoni agrikola, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa u l-ambjent.
3. Implimentazzjoni tal-UWWTD u l-istat tal-ilmijiet
It-titjib fil-kwalità ta’ bosta xmajjar tal-UE, minħabba l-implimentazzjoni tal-UWWTD, jista’ jintwera permezz ta’ parametri tal-valutazzjoni, bħal-BOD5 (ara Figura 1), l-ammonju jew l-ortofosfat. Huwa aktar diffiċli li jinsiltu konklużjonijiet simili dwar l-istatus ekoloġiku tajjeb, li jqis il-ħajja bijoloġika. Madankollu, analiżi tal-għadd tal-ispeċijiet tal-ħut f’xi xmajjar (bħas-Seine) turi b’mod ċar li l-għadd tagħhom żdied b’mod parallel mat-tnaqqis ta’ skarikar tal-ilma mormi mhux ittrattat. Dan huwa minħabba l-fatt li t-tniġġis qawwi tad-drenaġġ jikkawża nuqqas ta’ ossiġenu u jipprevjeni l-iżvilupp ta’ speċijiet bijoloġiċi sensittivi.
Attwalment, il-Kummissjoni qed teżamina t-tieni pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmara (li jkopru 2009-2015) sottomessi skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) u se tippubblika rapport ta’ valutazzjoni fl-2018.
4. promozzjoni tal-konformità
Il-Kummissjoni stabbiliet diversi inizjattivi biex tappoġġja, tħeġġeġ u tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-UWWTD.
4.1 Programmi ta’ finanzjament
Il-fondi Ewropej, b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni, kellhom rwol deċiżiv fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-ilma tal-UE. Dan l-appoġġ ikopri l-aħħar żewġ deċennji u jinkludi kemm il-finanzjament kif ukoll il-promozzjoni ta’ qafas ta’ politika ta’ abilitazzjoni: Għall-investimenti tal-ilma ġew allokati EUR 20.7 biljun fl-2000-2006 u EUR 21.9 biljun fl-2007-2013.
Għall-2014-2020, l-investimenti huma kkonċentrati fl-Istati Membri b’reġjuni inqas żviluppati. B’allokazzjonijiet ta’ EUR 14.8 biljun, l-ilma huwa l-aktar qasam ambjentali importanti tal-politika ta’ koeżjoni. L-enfasi huwa fuq it-trattament tal-ilma mormi u l-provvista tal-ilma għax-xorb, filwaqt li jsir investiment ukoll fil-konservazzjoni tal-ilma, il-prevenzjoni tal-għargħar u suġġetti oħrajn relatati mal-ilma. Dan l-appoġġ isaħħaħ il-finanzjament privat addizzjonali u huwa kkumplimentat b’sorsi oħrajn ta’ finanzjament tal-UE bħall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, LIFE u Orizzont 2020.
L-akbar sehem tal-baġit disponibbli, madwar EUR 10 biljun, jintuża għall-infrastruttura tat-trattament tal-ilma mormi, inklużi l-kostruzzjoni jew l-aġġornament ta’ netwerks tal-impjanti u tad-drenaġġ, b’xi finanzjament jintuża wkoll għall-immaniġġjar tal-ħama. Fl-2014-2020, l-Istati Membri mistennija li jgħaqqdu 17-il miljun persuna ma’ faċilitajiet tat-trattament tal-ilma mormi ġodda jew rinnovati. Dan l-ammont se jiżdied mas-seba’ miljun persuna konnessi bejn l-2007 u l-2013.
Il-politika ta’ koeżjoni toffri wkoll qafas ta’ politika għall-iżvilupp reġjonali integrat, filwaqt li taħdem bi sħubija mal-partijiet ikkonċernati fil-prattika. Dan jinkludi prekundizzjonijiet għall-finanzjament. Sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi jintużaw bl-aħjar mod, l-investimenti jridu jibbażaw fuq il-
pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara
tal-Istati Membri, kif previst fid-WFD. Barra minn hekk, għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-proġetti, hemm bżonn ta’ politiki tal-ipprezzar tal-ilma li jkollhom inċentivi xierqa sabiex l-ilma jintuża b’mod effiċjenti. Dawn jinkludu, skont il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, kontribut xieraq ta’ użi differenti tal-ilma għall-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma. Din il-“kundizzjonalità ex ante” tat spinta lill-implimentazzjoni tad-WFD.
4.2 Infurzar legali
Fl-2014, il-Kummissjoni nediet investigazzjonijiet għall-maġġoranza tal-pajjiżi li ssieħbu fl-2004 jew aktar tard u fetħet proċeduri ta’ ksur għal dawk ħatja ta’ ksur fl-2016 u fl-2017.
Għal dawk li kienu Stati Membri qabel l-2004, il-ksur identifikat wassal għal diversi proċeduri ta’ ksur u s’issa l-maġġoranza tagħhom ġew soġġetti għal mill-inqas sentenza waħda tal-Qorti tal-Ġustizzja. Mill-pubblikazzjoni tat-tmien rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni, il-Qorti ħarġet erba’ sentenzi u għad hemm żewġ kawżi li għadhom pendenti.
Waħda minn dawn is-sentenzi kkundannat lill-Portugall skont l-Artikolu 260 (it-tieni sentenza) tat-TFUE. S’issa, erba’ Stati Membri ġew ikkundannati mill-Qorti għal multi u/jew pagamenti ta’ penali skont l-UWWTD (il-Belġju, il-Lussemburgu, il-Portugall u l-Greċja). L-Istati Membri jiġu imposti multa u/jew somma f'daqqa meta dawn jonqsu milli jikkonformaw ma’ sentenza preċedenti tal-Qorti dwar l-istess suġġett.
4.3 Strateġija għall-promozzjoni tal-konformità
Il-Kummissjoni wettqet diversi attivitajiet biex ittejjeb il-konformità mal-UWWTD, bħalma huma:
·l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma, seminars u laqgħat jew f’pajjiżi kandidati/ta’ adeżjoni jew fi Stati Membri matul l-ewwel snin wara li ssieħbu fl-UE, sabiex jingħata l-appoġġ meħtieġ għal implimentazzjoni futura ta’ livell għoli;
·Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn id-DĠ ENV u d-DĠ REGIO sabiex jiġi żgurat l-aħjar eżitu possibbli tal-Programmi Operattivi;
·It-titjib fil-formati tar-rappurtar tal-Artikolu 17 u t-titjib fil-ġestjoni tad-dejta bl-użu ta’ għodod ġodda tal-IT;
·It-tnedija ta’ proċeduri ta’ ksur għal ksur persistenti.
Minkejja dawn l-isforzi u l-progress sussegwenti miksub f’bosta każijiet, għad hemm bżonn ta’ titjib fl-implimentazzjoni ta’ ċerti Stati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tikkunsidra aktar inizjattivi u djalogi ad hoc mal-Istati Membri li qed jaffaċċjaw l-aktar diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-UWWTD.
4.4 Riċerka u Innovazzjoni
Ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-UWWTD. Hemm bżonn ta’ teknoloġiji ġodda u mudelli kummerċjali u ta’ governanza innovattivi għat-trattament aktar effettiv tal-ilma urban mormi u għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-konformità. Sabiex jappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni, fil-perjodu 2007-2013, is-seba’ Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ffinanzja aktar minn 140 proġett ta’ riċerka u innovazzjoni relatati mal-ilma mormi tal-valur totali ta’ EUR 330 miljun. Proġetti oħrajn qed jiġu appoġġjati jew se jiġu appoġġjati minn Orizzjont 2020 fil-perjodu attwali 2014-2020.
5. Titjib fil-proċess tar-rappurtar
Ammont kbir ħafna ta’ dejta huwa rrapportat fil-bażi tad-dejta ċentralizzata tal-EEA. Dan jimponi sfida sabiex id-dejta disponibbli tiġi estratta, użata u tintwera kif ukoll sabiex din tiġi interkonnessa ma’ bażijiet tad-dejta u ma’ sorsi ta’ informazzjoni oħrajn relatati, bħad-WFD, ir-rappurtar dwar Natura 2000 jew ir-rappurtar dwar l-Ilma għall-Għawm jew l-Istat tal-ambjent. Il-portal tad-dejta aġġornat tal-EEA tejjeb l-aċċess għal informazzjoni fil-livell tal-UE. Sar titjib fil-proċess tar-rappurtar u fl-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar l-ambjent minħabba l-iżvilupp ta’ pjattaforma diġitali faċli għall-utenti fil-livell nazzjonali, skont il-qafas strutturat ta’ implimentazzjoni u ta’ informazzjoni (SIIF). Dan sar fil-kuntest tad-disa’ eżerċizzju tar-rappurtar. SIIF huwa għodda b’sors miftuħ ibbażata fuq il-web li tippermetti l-ipproċessar u t-tixrid tad-dejta b’mod awtomatizzat u standardizzat.
Figura 13 — Eżempju tal-istampa tal-pjattaforma nazzjonali IE
Skont is-SIIF, 28 pjattaforma nazzjonali jxerrdu d-dejta permezz ta’ ċarts, mapep, tabelli u statistika, b’komponent ġeospazjali qawwi li jwettaq ukoll kalkoli awtomatiċi. Tintwera wkoll informazzjoni dwar il-proġetti ppjanati, sabiex tintlaħaq il-konformità mal-UWWTD. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar l-ilma għall-għawm, Natura 2000 u l-kwalità tax-xmajjar hija kompletament integrata f’din l-għodda.
6. Impjiegi, tkabbir u Investimenti
L-UWWTD, flimkien mad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb u d-Direttiva dwar l-Iskart, hija waħda mill-elementi tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE bl-akbar implikazzjonijiet ekonomiċi. L-UWWTD tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-investiment fil-manutenzjoni u għal aktar titjib tal-faċilitajiet tat-trattament tal-ilma mormi fl-Ewropa, kif ukoll tipprovdi vantaġġ kompetittiv għall-kumpaniji li huma attivi lil hinn mill-Ewropa.
L-Istati Membri tal-UE-28 irrappurtaw informazzjoni dettaljata dwar 11 500 proġett li għandhom għaddejjin u ppjanati indirizzati sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-UWWTD. Fosthom, mill-inqas 6 000 impjant tat-trattament huma mistennija li jinbnew jew jiġu rinnovati, b’kapaċità totali ta’ madwar 94 miljun e.p., jew 12 % tat-total tal-UE.
Skont ir-rapporti tal-Istati Membri, l-investimenti fl-ilma urban mormi żdiedu u laħqu plateau ta’ EUR 19 sa EUR 25 biljun kull sena (minkejja li xi Stati Membri pprovdew biss informazzjoni parzjali u ma pprovdewx dik dwar ir-rinnovament u l-estensjoni tal-infrastruttura). L-investimenti f’dan is-settur jirrappreżentaw, bħala medja, EUR 38-50 għal kull abitant u għal kull sena.
Figura 14 — Investimenti f’sistemi ta’ ġbir u f’impjanti tat-trattament ġodda u r-rinnovament tagħhom fl-UE (EUR biljun/sena)
Meta mqabbla mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, wieħed jista’ jara tnaqqis fl-investimenti għall-UE-13, skont iċ-ċifri rrappurtati fir-rapport tal-Artikolu 17. Dan huwa riżultat ta’ rati ta’ implimentazzjoni ogħla.
Abbażi tal-istimi tal-Istati Membri, fl-10 snin li ġejjin jenħtieġu investimenti li jiswew madwar EUR 49 biljun sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-UWWTD. Dan jinkludi investimenti f’għadd dejjem akbar ta’ proġetti sabiex jitnaqqas it-tifwir tal-ilma mill-maltempati u tiġġedded/tittejjeb parzjalment l-infrastruttura (pereżempju s-sostituzzjoni tal-IAS b’sistemi ta’ ġbir). Il-fondi tal-UE huma mistennija li jkopru parzjalment dawn l-investimenti.
L-investimenti huma mistennija li jiżdiedu fil-15-il Stat Membru l-oħra, l-aktar fit-tiġdid tal-infrastruttura u fil-kontroll aħjar tal-avvenimenti tax-xita (it-tifwir tal-ilma mill-maltemp). Xi pajjiżi, bħall-Italja jew Spanja, għad iridu jżidu bil-qawwa l-investimenti tagħhom biex jiksbu konformità sħiħa mar-rekwiżiti ewlenin tal-UWWTD.
Meta ssir referenza għas-settur tal-ilma mormi kollu kemm hu, inklużi l-esportazzjonijiet, huwa importanti li jiġi enfasizzat il-kontribut sostanzjali tiegħu lill-ekonomija Ewropea. Dan is-settur joħloq valur ta’ produzzjoni ta’ madwar EUR 96 biljun kull sena, u valur miżjud ta’ madwar EUR 41 biljun kull sena. Dan jiġġenera madwar 600 000 ta’ impjiegi ekwivalenti full-time.
Attwalment, il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tivvaluta l-ħtiġijiet ġenerali tal-investiment għall-manutenzjoni u l-installazzjonijiet il-ġodda madwar l-UE.
7. Evalwazzjoni tal-UWWTD
Il-Kummissjoni qed twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva. Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-għanijiet tal-evalwazzjoni huma deskritti fil-pjan direzzjonali li ġie ppubblikat għall-feedback.
8. Konklużjonijiet
Aktar minn 25 sena wara l-adozzjoni tal-UWWTD, sal-2014 sar progress sinifikanti lejn l-implimentazzjoni sħiħa. Dan wassal għal titjib gradwali iżda sinifikanti fil-kwalità tal-ilmijiet Ewropej. Madankollu, minkejja l-livell ġeneralment għoli tal-implimentazzjoni tal-UWWTD, għad hemm għadd ta’ sfidi, bħal:
·Aktar investiment fis-settur tal-ilma mormi sabiex tiżdied jew tinżamm l-implimentazzjoni. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għal xi Stati Membri li għadhom jaffaċċjaw rati baxxi ta’ implimentazzjoni u b’mod aktar ġenerali fuq it-trattament iktar strett, flimkien mal-ħtieġa li jiġu żgurati l-funzjonament u l-manutenzjoni tajba tal-infrastruttura.
·Il-ġbir ta’ evidenza addizzjonali dwar kif is-sistemi tal-IAS jiffunzjonaw.
·It-titjib fil-kwalità u l-irkupru tal-ħama.
·It-tnaqqis tal-effetti tat-tifwir tal-ilma mill-maltempati li jniġġes il-korpi tal-ilma b’ilma mormi mhux ittrattat. Dan jista’ jintlaħaq billi:
ojiġu promossi sistemi naturali għaż-żamma tal-ilma;
oisir titjib fil-ġestjoni tan-netwerks b’rabta mal-impjanti tat-trattament;
oInvestimenti addizzjonali (meta meħtieġa).
·Titjib tal-konnessjonijiet bejn ir-rekwiżiti bażiċi tal-UWWTD u d-WFD, b’mod partikolari meta dawn ir-rekwiżiti mhumiex biżżejjed biex tinkiseb il-konformità mal-għanijiet tal-kwalità tal-ilma stabbiliti fid-WFD.
·Żieda fl-użu mill-ġdid tal-ilma mormi ttrattat (f’każijiet ta’ skarsezza tal-ilma) filwaqt li tiġi żgurata kwalità tal-ilma xierqa.
·L-ottimizzazzjoni tal-konsum tal-enerġija tas-sistemi tas-sanitazzjoni, il-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli fil-livell tal-impjanti tat-trattament (pereżempju l-bijogass) meta jkun possibbli.
·L-iżgurar tal-affordabbiltà tas-servizzi tal-ilma mormi bl-għarfien li l-ħtiġijiet għall-investimenti fis-settur tal-ilma ma jikkonċernawx biss il-ġbir u t-trattament, peress li dawn jinkludu wkoll l-ilma tax-xorb, il-protezzjoni kontra l-għargħar u d-disponibbiltà tal-ilma f’xi reġjuni.
Dawn l-isfidi u sejbiet oħra tal-evalwazzjoni li jmiss se jikkontribwixxu għar-riflessjoni tal-Kummissjoni dwar azzjoni futura possibbli. Sadanittant, se tingħata attenzjoni speċjali lill-Istati Membri li jaffaċċjaw diffikultajiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva u se jsir titjib fl-attivitajiet ta’ rappurtar sabiex ikun żgurat li d-dejta tinġabar u tiġi vvalutata b’mod xieraq u fil-ħin.