Brussell, 12.12.2017

COM(2017) 737 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-fabrikazzjoni u t-traffiku illegali tal-armi tan-nar, tal-partijiet, elementi u munizzjoni tagħhom, li jiżdied mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-krminalità tranżnazzjonali organizzata (Protokoll dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabilixxi awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni, kif ukoll miżuri li jikkonċernaw l-imporazzjoni u t-tranżitu ta’ armi tan-nar, il-partijiet, elementi u munizzjoni tagħhom

{SWD(2017) 442 final}


1.Introduzzjoni

1.1.Kuntest

(1) Ladarba jkunu prodotti legalment, l-armi tan-nar jistgħu jintużaw għal ħafna snin. Mingħajr miżuri xierqa, jistgħu faċilment jiġu ddevjati miċ-ċirkwit legali u jinbiegħu bil-kuntrabandu minn teatru ta’ kunflitt għal ieħor jew lejn ambjent ta’ kriminalità organizzata u tat-terroriżmu. L-użu tagħhom huwa għalhekk element essenzjali tal-attivitajiet terroristiċi, u b’mod usa’ l-parti l-kbira tal-attivitajiet kriminali li hija spiss karatteristika tagħhom.

(2) It-traċċabilità sħiħa tal-kummerċ legali tikkostitwixxi kundizzjoni tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar, u din tissupponi kooperazzjoni mill-qrib tal-awtoritajiet kompetenti fil-livell internazzjonali. Għal dan il-għan, Protokoll għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll dwar l-Armi tan-Nar) jiffoka fuq il-prevenzjoni tal-iffabrikar u t-traffiku illegali tal-armi tan-nar, il-partijiet, l-elementi u l-munizzjoni tagħhom. B’mod partikolari, l-Artikolu 10 għandu l-għan li jiffaċilita u jsaħħaħ il-kooperazzjoni globali biex jinqered it-traffikar tal-armi u biex jitwaqqfu dispożittivi amministrattivi li jippermettu kontroll effettiv fuq l-iffabbrikar, il-marka, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-armi tan-nar.

(3) F’dak li għandu x’jaqsam mal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir ta’ karattru militari, il-politika ġenerali tal-Unjoni Ewropea tibni fuq l-Istrateġija adottata mill-Kunsill Ewropew fl-2005 1 . Fir-rigward tal-armi tan-nar għal użu ċivili, l-Unjoni Ewropea adottat id-Direttiva 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi sabiex jiġu stabbiliti regoli komuni dwar il-pussess u l-użu ta’ armi tan-nar għal finijiet ċivili leġittimi fi ħdan is-suq uniku 2 . Fil-fatt, l-Unjoni Ewropea għandha wkoll il-kompetenza esklużiva biex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali dwar kwistjonijiet relatati mal-kompetenza interna tagħha. Għal din ir-raġuni, sabiex jiġi rratifikat il-Protokoll dwar l-Armi tan-Nar 3 u tiġi żgurata t-traċċabilità tagħhom fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, waslet biex tadotta r-Regolament (UE) Nru 258/2012 4 .

(4) L-għan strateġika ġenerali fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar għal użu ċivili ġie kkonkretizzat f’għanijiet speċifiċi 5 :

·Garanzija ta’ implimentazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament fl-Istati Membri kollha, f’konformità mal-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar l-armi tan-nar;

·Kontribuzzjoni għal traċċabilità mtejba tal-armi tan-nar fil-kummerċ internazzjonali (jiġifieri bejn il-punt ta’ esportazzjoni u l-punt ta’ importazzjoni), sabiex titjieb l-informazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali biex ikunu jistgħu jiġġieldu aħjar kontra t-traffikar billi jtejbu l-prevenzjoni u r-ripressjoni;

·Titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, sabiex tkun faċilitata l-kollaborazzjoni fl-ittraċċar tal-armi tan-nar u l-kontroll tagħhom, u għall-prevenzjoni u stħarriġ dwar miżapproprijazzjonijiet eventwali tas-suq legali.

(5) Ma’ dawn it-tliet għanijiet għandu jiżdied ir-raba’ wieħed, inqas espliċitu, li jirrigwarda l-effetti potenzjali li r-Regolament (UE) 258/2012 jista’ jkollu f’termini ta’ faċilitazzjoni ta’ tranżazzjonijiet internazzjonali legali. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li tkabbir regolari fil-produzzjoni tal-armi (fil-parti l-kbira munizzjoni) u tal-esportazzjonijiet tagħhom f’suq ferm konċentrat (l-impriżi l-kbar jirrappreżentaw 4,8 % tan-numru totali ta’ impriżi meta mqabbla ma’ 78,8 % tal-bejgħ annwali totali). Min-naħa l-oħra, is-sehem tas-suq tal-esportazzjonijiet Ewropej tal-armi ddegrada, iżda dan it-tnaqqis mhuwiex korrelatat mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

1.2.Dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament

(6) Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, ir-Regolament jissottometti l-esportazzjonijiet tal-armi tan-nar għall-użu ċivili għall-prinċipju ta’ liċenzja tal-esportazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jużaw proċedura unika għall-esportazzjonijiet li fihom kemm armi militari 6 kif ukoll armi tan-nar għal użu ċivili. L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom perjodu li ma jkunx iktar minn sittin jum tax-xogħol biex jipprovdu risposta għat-talbiet.

(7) Meta jkunu qed jagħmlu dan, huma għandhom l-obbligu li jivverifikaw li r-rikjedent għandu liċenzja ta’ importazzjoni fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni u fejn xieraq fil-pajjiż terz ta’ tranżitu (l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jiftiehmu dwar ftehim taċitu għat-tranżitu).

(8) L-Istati Membri għandhom jiżguraw kooperazzjoni amministrattiva adegwata dwar iċ-ċaħda, is-sospensjoni jew il-modifikazzjoni tal-liċenzji sabiex ikun evitat t-tidwir u t-trattament differenti.

(9) L-esportatur għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru d-dokumenti kollha meħtieġa, u jekk ikun hemm bżonn, dawn għandhom jiġu tradotti.

(10) Jistgħu japplikaw proċeduri ssimplifikatigħall-esportazzjonijiet temporanji, b’mod partikolari għall-kaċċaturi jew sportivi tal-isparar.

(11) Id-data li tikkonċerna l-armi tan-nar, il-liċenzji tal-esportazzjoni u l-benefiċjarji tagħhom għandhom jinżammu għal mhux inqas minn għoxrin sena.

(12) Is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tar-Regolament għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

1.3.Għanijiet tal-evalwazzjoni u l-metodoloġija

(13) L-evalwazzjoni għandha tiddetermina jekk il-proċeduri attwali u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament taw ir-riżultati mistennija b’mod effiċjenti u jekk għadhomx validi. Din l-evalwazzjoni tista’ twettaq, jekk ikun hemm bżonn, l-identifikazzjoni ta’ għażliet ta’ politika biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati, suġġetta għall-eżitu ta’ studju ta’ impatt ulterjuri.

(14) L-evalwazzjoni hija bbażata fuq l-iskambji u l-konsultazzjoni ta’ bosta partijiet ikkonċernati: l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (b’mod partikolari fil-Grupp ta’ Koordinazzjoni għall-esportazzjoni tal-Armi tan-Nar stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament), rappreżentati tas-settur, rappreżentanti tal-utenti tal-armi tan-nar, esperti oħra. Barra minn hekk, mill-1 ta’ Marzu sas-26 ta’ Mejju 2017 il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika fuq l-internet.

(15) Studju tal-evalwazzjoni li tintalab għal fornitur estern 7 kien ibbażat fuq sorsi dokumentarji (data statistika, testijiet regolatorji, data privata miftuħa, rapporti u studji disponibbli fuq l-internet u informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonsultati), fuq stħarriġ dettaljat onlajn, u fuq 48 intervisti fil-fond. Studji ta’ każijiet li jkopru għaxar Stati Membri rappreżentattivi ippermettew li jiġu analizzati iktar bir-reqqa ċerti kwistjonijiet ewlenin. L-Istati Membri ġew ikkonsultati dwar is-sejbiet tal-istudji, sabiex jiġi evititat kull żball fattwali f’dak li jikkonċerna lilhom.

2.Implimentazzjoni tar-Regolament

(16) Ir-Regolament (UE) 258/2012 huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri mid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu u ma jeħtieġx miżuri ta’ traspożizzjoni. Skont l-informazzjoni miġbura, jidher li l-Istati Membri ħadu approċċi differenti fl-implimentazzjoni tar-Regolament. Jekk ċerti Stati Membri mmodifikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali, billi inkludew ir-referenza diretta għar-Regolament, oħrajn ma emendawx il-leġiżlazzjoni eżistenti, u adattaw biss il-proċeduri u l-prattiki tagħhom permezz ta’ atti amministrattivi.

(17) B’mod ġenerali, id-definizzjonijiet tar-Regolament huma applikati kif suppost mill-Istati Membri, mill-inqas parzjalment, fil-biċċa l-kbira minħabba li huma ekwivalenti mad-definizzjonijiet tad-Direttiva 91/477/KEE dwar l-armi tan-nar, li diġà kienu ġew trasposti.

(18) L-ebda Stat Membru ma jidher li japplika r-regoli u l-proċeduri tar-Regolament għal tranżazzjonijiet, armi jew persuni li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Il-prattika tista’ min-naħa l-oħra ssir utli, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-armi diżattivati jew l-armi ta’ allarm 8 . Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet sostanzjali fid-determinazzjoni ta’ natura ċivili jew militari tal-armi tan-nar (b’mod partikolari fir-rigward ta’ armi fil-kategorija ML1) 9 abbażi tal-karatteristiċi tekniċi tagħhom.

(19) L-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta' liċenzji ta’ esportazzjoni jvarjaw ħafna bejn Stat Membru għal ieħor. Fi tnax-il Stati Membri, bosta awtoritajiet huma involuti b’mod effettiv fil-proċeduri ta’ għoti ta' liċenzji ta’ esportazzjoni 10 .

(20) Ir-Regolament iħalli l-għażla f’idejn l-Istati Membri dwar kif isiru t-talbiet għal awtorizzazzjoni, u dawn ivarjaw. L-użu ta' dokumenti elettroniċi għandu riżultati varji. Jekk f’xi pajjiżi, id-dematerjalizzazzjoni tal-proċeduri tidher li qed tiġi implimentata b’suċċess 11 , f’oħrajn, l-emendi frekwenti tas-sistema elettronika ta’ għoti tal-liċenzji timponi kariga konsiderevoli għall-intrapriżi.

(21) Erbatax-il Stat Membru u r-Reġjun tal-Wallonja għażlu proċedura waħdanija għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni, li l-modalitajiet tagħha jvarjaw xi ftit minn Stat Membru għal ieħor 12 .

(22) L-Istati Membri kważi kollha japplikaw il-proċeduri simplifikati għall-kaċċaturi u s-sportivi tal-isparar, li mhumiex meħtieġa juru liċenzja tal-esportazzjoni fil-każijiet previsti f’dan ir-Regolament. Skont l-evalwatur estern, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-proċeduri simplifikati madankollu mhumiex rispettati b’mod sistematiku, b’mod partikolari għal esportazzjoni mill-ġdid wara ammissjoni temporanja jew ħażna temporanja, u meta l-kaċċaturi jew sportivi tal-isparar ikunu suġġetti għal awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni mhux previsti fir-Regolament.

(23) Ir-Regolament iħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà biss li jikkuntentaw ruħhom bil-ftehim taċitu ta’ pajjiż terzi fi tranżitu sabiex tiġi simplifikata l-proċedura stretta ħafna tal-Protokoll (notifika bil-miktub ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni). Tlettax-il Stati Membri japplikaw il-prinċipju ta’ ftehim taċitu; l-istess numru jeżiġi ftehim bil-miktub.

 

(24) L-eżistenza ta’ ksur reġistrat fir-rekord kriminali ġeneralment tiġġustifika rifjut tal-għoti tal-liċenzja tal-esportazzjoni. Iżda estratt mir-rekords tal-pulizija mhuwiex sistematikament mitlub, u xejn ma jindika li l-eżistenza ta’ tali ksur tkun dejjem ivverifikata, kemm fir-reġistri tar-rekords kriminali nazzjonali, kif ukoll iktar u iktar fir-reġistri tar-rekords kriminali tal-Istati Membri l-oħra.

(25) Erbatax (14 %) tal-awtoritajiet nazzjonali kkonsultati indikaw li diġà rrifjutaw li jagħtu awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni (għal proporzjoni dgħajjef ħafna tan-numru totali annwali ta’ applikazzjonijiet). Għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-rifjuti għal awtorizzazzjoni, 21 awtorità nazzjonali jindikaw li jużaw is-sistema onlajn tal-grupp COARM “Esportazzjonijiet ta’ Armi Konvenzjonali”, inqas għan-notifikar tar-rifjuti u iktar biex jikkonsultaw ir-rifjuti maħruġa minn Stati Membri oħra. B’mod iktar ġenerali, il-komunikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri huma mibnija fuq kanali diversifikati ħafna.

(26) Il-modalitajiet ta’ konservazzjoni tad-data tirrifletti eteroġenità kbira, u kultant il-perjodu minimu ta’ konservazzjoni ma jilħaqx l-20 sena meħtieġa mir-Regolament 13 .

(27) Ir-Regolament jipprevedi li fil-każ ta’ suspett, l-Istati Membri għandhom jitolbu lill-pajjiż terz importatur biex jikkonferma l-konsenja tal-armi tan-nar esportati. Madankollu, ħdax-il Stat Membru qatt ma jitolbu tali konferma, inkluż tnejn mill-esportaturi maġġuri (Franza, ir-Renju Unit). Esportaturi maġġuri oħrajn, għall-kuntrarju, jeżiġuha f’100 % tal-każijiet. Dawn iż-żewġ tipi ta’ prattiki sistematiċi jqajmu dubju dwar il-valutazzjoni tad-domanda fuq bażi ta’ każ b’każ.

(28) Fil-mument tal-importazzjoni, jekk kważi l-Istati Membri kollha jiżguraw marka konformi mal-Protokoll, li tippermetti l-identifikazzjoni tal-ewwel pajjiż fi ħdan l-Unjoni Ewropea minbarra l-marka unika hekk kif meħtieġ skont id-Direttiva 91/477/KEE, wieħed biss minnhom (in-Netherlands) għandu approċċ inqas restrittiv, u jqis suffiċjenti, kif jippermetti r-Regolament, marka unika meta jitqiegħed fis-suq, li jindika biss il-pajjiż tal-produzzjoni.

(29) Finalment, il-Kummissjoni tinnota d-diffikultajiet fil-ġbir tal-informazzjoni u n-natura ta’ spiss frammentata tal-informazzjoni komuninkata mill-Istati Membri, inkluż bil-ħsieb tat-tħejjija ta’ dan ir-rapport.

3.Konklużjonijiet tal-evalwazzjoni

3.1.Ir-rilevanza

(30) L-evalwazzjoni turi li l-għanijiet u l-miżuri previsti fir-Regolament huma b’mod ġenerali rilevanti. It-traffikar internazzjonali ta’ armi tan-nar għadu problema ewlenija. Kontroll armonizzat għall-importazzjonijiet ta’ armi tan-nar fuq it-territorju doganali tibqa’ prijorità, sabiex il-kundizzjonijiet għal kummerċ legali jkunu rregolati. Fil-mument tal-esportazzjoni, ir-Regolament jżomm ir-relevanza kollha tiegħu 14 , li hi bla dubju iktar b’saħħitha llum milli meta ġie adottat minħabba l-instabbiltà politika u l-kunflitti armati f’ħafna pajjiżi qrib l-Unjoni Ewropea.

(31) Huwa biss Regolament Ewropew li jista’ jiggarantixxi implimentazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet fl-Istati Membri kollha, f’konformità mal-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar l-armi tan-nar. Il-partijiet kkonċernati jaqblu li approċċ mhux armonizzat jipprekludi li l-awtoritajiet tal-infurzar jiġġieldu b’mod effiċjenti kontra t-traffikar tal-armi. Barra minn dan, huma meħtieġa regoli aktar minn qatt qabel f’termini ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet, għall-finijiet ta’ informazzjoni, analiżi tar-riskju, u biex tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi tar-regoli ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni ta’ armi tan-nar fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea.

(32) Id-definizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 258/2012 huma meqjusa globalment rilevanti mid-diversi partijiet ikkonċernati. Bl-istess mod, l-arranġamenti prattiċi tal-kontroll tal-esportazzjonijiet jidhru iktar adegwati fid-dawl tal-objettiv tagħhom u tan-natura sensittiva tal-merkanzija inkwistjoni.

(33) Madankollu, id-dispożizzjonijiet li jħallu l-għażla lill-awtoritajiet kompetenti jirrappreżentaw dgħjufija fir-Regolament, li l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni tiegħu għandhom, bħala prinċipju, jkunu uniformi.

(34) F’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet, ir-Regolament ma jistabillixxix sistema armonizzata ta' liċenzji ta’ importazzjoni u għalhekk mhuwiex rilevanti f’dan ir-rigward. L-istess japplika f’dak li jikkonċerna l-proċeduri ta’ tranżitu fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li jaqa’ taħt il-liġi doganali.

3.2.Valur miżjud Ewropew u l-karattru ta' sostenibbiltà tal-intervent

(35) Ir-Regolament ippermetta lill-Unjoni Ewropea kollha li tirratifika l-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-armi tan-nar. Dan indirizza n-nuqqasijiet ġuridiċi li kien għad fadal li setgħu jiġu sfruttati mill-kriminali. Minkejja li l-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati jqisu li tħassir tar-Regolament ftit ikollu effett, l-ebda minnhom ma jqisu li dan huwa mixtieq. Min-naħa tagħha, l-Kummissjoni tqis li tħassir eventwali tar-Regolament jista’ jkollu bħala konsegwenza d-deregolamentazzjoni tal-esportazzjoni tal-armi tan-nar għall-użu ċivili u jista’ jwassal għal eteroġenità ikbar ta’ prattiki u regoli nazzjonali fil-qasam tal-liċenzji ta’ importazzjoni u esportazzjoni.

(36) Min-naħa l-oħra, il-kuntest regolatorju u amministrattiv għadu karatterizzat minn eteroġenità kbira, minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza suffiċjenti ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet, tal-artikulazzjoni kumplessa ma’ strumenti oħra, tal-marġni ta’ manuvra mogħtija lill-Istati Membri fil-proċeduri amministrattivi tagħhom, fil-valutazzjoni tat-talbiet għal awtorizzazzjoni, fir-rikonoxximent jew le ta’ ftehim taċitu tal-Istati terzi ta’ tranżitu, jew in-natura ġenerali tad-dispożizzjonijiet dwar skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni amministrattiva. Billi l-Kummissjoni mhijiex id-destinatarja tal-iskambju tal-informazzjoni dwar ir-rifjuti ta’ awtorizzazzjoni, mhijiex f’pożizzjoni li tiżgura sorveljanza fil-livell Ewropew u li twissi lill-awtoritajiet kompetenti f’każ ta’ diverġenza fl-approċċ bejniethom. Għalhekk, l-esportaturi għadhom mhumiex qegħdin jiffaċċaw sistema verament unifikata ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet.

(37) Jirriżulta wkoll mill-evalwazzjoni li bosta regoli kienu diġà fis-seħħ fiż-żmien meta ġie adottat dan ir-Regolament, u li f’bosta Stati Membri, il-proċeduri nazzjonali ma ġewx mibdula sostanzjalment.

(38) Fil-qasam tal-importazzjoni u t-tranżitu, ir-regoli, il-proċeduri u l-modalitajiet ta’ kontroll jaqgħu taħt ir-regolamentazzjoni doganali u mhux taħt ir-Regolament 15 , li jispjega l-fatt li ma ġabx valur miżjud minn dak l-aspett.

3.3.Effettività

(39) It-tqabbil bejn is-sitwazzjoni fl-2010 u s-sitwazzjoni attwali turi li l-Istati Membri kollha għamlu progress fl-applikazzjoni uniformi tal-Protokoll. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ippermettew effettivament li jiġu żgurati l-moviment tal-armi tan-nar permezz tal-fruntieri esterni tal-UE.

(40) Madankollu, l-armonizzazzjoni għadha frammentata.

(41) B’mod partikolari, r-Regolament kellu l-għan li jagħmel distinzjoni ċara bejn armi tan-nar militari 16 u armi għal użu ċivili fil-proċeduri ta’ esportazzjoni, ta’ importazzjoni jew ta’ tranżitu. Madankollu, il-parti l-kbira tal-Istati Membri tqis illi l-proċedura waħdanija tawtorizzahom japplikaw l-istess proċedura u l-istess kriterji għal kwalunkwe esportazzjoni ta’ armi, ċivili kif ukoll militari, u mhux, kif huwa l-għan tagħha, li b’mod eċċezzjonali jiġu suġġetti għall-istess operazzjoni ta’ esportazzjoni l-armi ċivili u militari fi proċedura amministrattiva waħda.

(42) In-nuqqas ta’ dispożizzjoni dwar il-marka ta’ esportazzjoni għall-armi diżattivati jew għal armi tal-allarm tagħmilha impossibbli li jiġu traċċati. Min-naħa l-oħra, it-traċċabilità tal-merkanzija mhijiex garantita waqt operazzjonijiet ta’ tranżitu fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea (hija taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni doganali u mhux tar-Regolament).

(43) Dwar il-perjodu taż-żamma tad-data, skont l-evalwatur estern, disa’ Stati Membri jidhru li mhumiex jirrispettaw perjodu minimu ta’ 20 snin, li timpedixxi l-formazzjoni ta’ rekords dettaljati li jittraċċaw il-movimenti ta’ armi tan-nar. Barra minn hekk, prattiki diverġenti fil-fajls nazzjonali (in-nuqqas ta’ reġistru nazzjonali wieħed) jaffettwaw il-kwalità tat-traċċabilità. Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ interkonnessjoni bejn il-fajls ta’ trasferimenti intra-UE u l-fajls ta' liċenzji ta’ esportazzjoni ma jiffaċilitax li tinkiseb stampa globali tal-movimenti.

(44) Fir-rigward ta’ skambji ta’ informazzjoni, filwaqt li l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni 17 kienet tinkludi dispożizzjonijiet preċiżi, il-koleġiżlatur għażel regoli iktar ġenerali. Dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex biżżejjed biex jintlaħaq l-għan imfittex. Minn naħa, l-Istati Membri ma jivverifikawx sistematikament jekk l-applikant kien is-suġġett ta’ ċaħda jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni fl-Istati Membri l-oħra. Min-naħa l-oħra, il-kontrolli għandhom isiru prinċipalment fis-sistema COARM, minkejja li dan huwa użat biex jiġu nnotifikati rifjut jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni biss minn għadd żgħir ta’ Stati. Konsegwentement, 43 % tal-awtoritajiet nazzjonali indikaw li diġà taw awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni lil esportaturi għal tranżazzjonijiet essenzjalment identiċi li kienu s-suġġett ta’ rifjut minn naħa ta’ Stat Membru ieħor.

(45) Fl-aħħar nett, jekk id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ma affettwax it-tkabbir kostanti tal-esportazzjonijiet Ewropej ta’ armi tan-nar, il-biċċa l-kbira tal-esportaturi jqisu li ż-żmien meħtieġ biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet, għalkemm konformi mar-Regolament, għadu twil wisq. Il-flessibbiltà għall-Istati Membri fil-modalitajiet ta’ liċenzjar iwassal għal eteroġenità unanimament kkritikata mill-professjonisti, peress li toħloq piżijiet addizzjonali.

3.4.Effiċjenza

(46) Jekk l-operaturi ekonomiċi huma tal-fehma li l-ispejjeż jegħlbu l-benefiċċji, din il-perċezzjoni mhijiex ibbażata fuq valutazzjoni oġġettiva, iżda fuq il-perċezzjoni, mhux neċessarjament marbuta mir-Regolament innifsu 18 . Għall-Kummissjoni, ma ntweriex li l-objettivi tar-Regolament kienu ntlaħqu għall-prezz ta’ spejjeż jew diffikultajiet mhux raġonevoli. Il-biċċa l-kbira tal-ispejjeż introdotti mir-Regolament huma ta’ natura amministrattiva, u huma marbuta ma’ obbligi ta’ konformità u ta’ infurzar, konsegwenza diretta tal-prattiki differenti bejn Stat Membru u ieħor. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom ibatu, min-naħa tagħhom, l-ispejjeż involuti fil-kontrolli, u l-implimentazzjoni (inkluż l-infurzar tal-liġi) tar-Regolament.

(47) Filwaqt li l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni kellha l-għan li ssovli l-problemi tal-ispejjeż amministrattivi ġenerati mid-diversità tal-proċeduri u l-liġijiet nazzjonali, l-evalwazzjoni ma setgħetx turi impatt pożittiv tar-Regolament, kif adottat mil-leġiżlatur, b’mod partikolari minħabba armonizzazzjoni mhux kompluta. Dan kien iktar u iktar inkwetanti li 76 % tal-operaturi huma mikrointrapriżi.

(48) Il-kunfidenzjalità u n-natura frammentata tad-data kummerċjali jew amministrattivi jrendu diffiċli analiżi dettaljata tal-impatt finanzjarju tar-Regolament. Filwaqt li l-operaturi ekonomiċi jqisu li l-bilanċ tal-ispejjeż u l-benefiċċji tar-Regolament huwa negattiv, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi jikkonkludu min-naħa tagħhom għal bilanċ pożittiv żgħir.

3.5.Koerenza u kumplimentarjetà

(49) Jekk il-koerenza tar-Regolament ma’ diversi dispożizzjonijiet leġiżlativi oħra kienet oriġinarjament garantita, inkluża l-konsistenza tal-ambitu ta’ applikazzjoni tar-Regolament u tad-Direttiva 91/477/KEE li tippermetti li tiġi attribwita l-istess tifsira lil kunċetti differenti, hija kienet affettwata mill-emendi għad-Direttiva 19 adottati f’Mejju 2017 li bidlu b’mod sostanzjali l-ambitu sostantiv (il-kategoriji ta’ armi pprojbiti, obbligu ta’ marki għall-armi diżattivati u l-armi tal-allarm jew ta’ divertiment, il-kunċett ta’ “komponent essenzjali”) u personali (kollezzjonisti, mużewijiet).

(50) Jeżisti għadd ta’ oqsma fejn ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 u l-lista Militari Komuni koperta tal-Pożizzjoni Komuni tal-UE 2008/944/PESC huma komuni. L-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-partijiet komuni tvarja minn Stat Membru għal ieħor, li jxekkel l-ugwaljanza fit-trattament bejn tranżazzjonijiet li jkunu sostanzjalment identiċi. Sadanittant, l-evalwazzjoni konfermat l-artikulazzjoni tajba mal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

4.Konklużjonijiet u perspettivi

(51) Ir-raġuni għal dan ir-Regolament tibqa’ valida. L-instabbiltà politika internazzjonali f’diversi reġjuni tad-dinja u t-tisħiħ tar-regoli interni tal-Unjoni Ewropea tiġġustifika dejjem iktar l-eżistenza tiegħu sabiex ikun żgurat il-kontroll adegwat tal-kummerċ ta’ armi tan-nar ċivili minn u lejn l-Unjoni Ewropea. Jekk id-devjazzjoni prinċipali tirrigwarda l-armi militari, qafas robust għall-armi ċivili huwa indispensabbli, minħabba ż-żoni griżi u biex jiġi evitat li l-użu ta’ proċeduri iktar flessibbli f’qasam relatat ma jiffaċilitax misapproprjazzjonijiet.

(52) Madankollu, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni wasslet għal konklużjonijiet mħallta tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 258/2012. Jekk fil-parti l-kbira laħaq l-għanijiet stabbiliti, huwa madankollu vittma kemm tan-nuqqas ta’ preċiżjoni tiegħu kif ukoll tar-rabta kumplessa tiegħu ma’ regoli oħra tal-liġi Ewropea.

(53) L-iskambji regolari mal-awtoritajiet nazzjonali, l-istudju li sar u l-konsultazzjoni pubblika identifikaw ideat li jistgħu jirrispondu għall-isfidi identifikati matul dan l-eżerċizzju.

(54) Il-Kummissjoni bi ħsieba tassumi r-responsabbiltajiet tagħha bis-sħiħ biex tassisti lill-Istati Membri u tkun żgurata implimentazzjoni tar-Regolament, inkluż fejn meħtieġ permezz ta’ skambji formali jekk l-analiżi turi prattiki mhux konformi mar-Regolament.

(55) Fir-rigward tal-kompetenza tagħha sabiex tadotta atti delegati, il-Kummissjoni tista’ taġixxi sabiex taġġorna l-Anness 1 tar-Regolament u tadatta t-tabella ta’ korrelazzjoni tal-kategoriji ta’ armi tan-nar u tal-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda, biex jittieħed kont tar-reviżjoni tad-Direttiva 91/477/KEE (mingħajr ma jaffettwa la l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u lanqas id-definizzjonijiet).

(56) Min-naħa l-oħra, l-istudju ta’ evalwazzjoni esternalizzat irakomanda diversi azzjonijiet mhux leġiżlativi sabiex jitjieb l-iskambju tal-aħjar prattika, jiġu żviluppati linji gwida għall-implimentazzjoni tar-Regolament u jsir użu aħjar tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni għall-esportazzjonijiet tal-armi tan-nar.

(57) Fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni, it-titjib tas-sistema COARM għall-iskambji dwar ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 u l-prinċipju ta’ aċċess dirett tal-awtoritajiet l-kompetenzi huma interessanti. Għad fadal l-arranġamenti ta’ involviment tal-awtoritajiet doganali, kemm jekk ta’ tranżitu estern fi ħdan l-Unjoni Ewropea, bejn l-uffiċċju doganali u l-uffiċċju doganali tal-ħruġ jew l-uffiċċju tad-dħul u l-uffiċċju doganali ta’ rilaxx.

(58) B’mod iktar ġenerali, lil hinn mill-kjarifiki possibbli biex tittejjeb l-applikazzjoni tar-Regolament, ċerti diffikultajiet li jeżistu jeħtieġu kunsiderazzjoni tal-opportunità ta’ reviżjoni, u dan skont il-prinċipji ta’ “regolamentazzjoni aħjar”. Suġġett għad-deċiżjonijiet finali tal-Kummissjoni, jekk ikun il-każ wara li sar Studju tal-Impatt kif suppost, huwa minn issa diġà possibbli li jiġu stabbiliti l-punti ta’ riflessjoni.

(59) Mill-evalwazzjoni jirriżulta li l-koerenza ta’ ċerti definizzjonijiet tar-Regolament ma’ dispożizzjonijiet leġiżlativi oħra għandha tissaħħaħ (“partijiet” u “partijiet essenzjali”, “esportazzjoni temporanja”, “armi tan-nar diżattivati”, eċċ.).

(60) Ir-regoli dwar proċeduri ssimplifikati jistgħu jiġu ċċarati. Jekk il-linji gwida huma insuffiċjenti, l-għażliet jistgħu jinkludu l-promozzjoni tal-użu ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali jew konnessjoni mal-istatut ta’ Operatur Ekonomiku Awtorizzat Sikurezza/Sigurtà.

(61) Sabiex tiġi żgurata analiżi tar-riskju affidabbli, jista’ jkun previst li jitqarrbu l-metodi tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ esportazzjoni, partikolarment permezz ta’ konsultazzjoni sistematika tar-rekords kriminali tal-Istati Membri (u mhux biss fil-pajjiż fejn issir l-applikazzjoni).

(62) Bil-ħsieb li jiġu faċilitati l-proċeduri amministrattivi, bħas-sistema interna tad-Direttiva 91/477/KEE dwar l-armi tan-nar, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iqisu d-dematerjalizzazzjoni tas-sistema tat-tressiq tal-applikazzjonijiet, li għandhu jiffaċilita wkoll l-iskambju tal-informazzjoni fuq ir-rifjuti, tista’ tippermetti l-interoperabbiltà ta’ sistemi diversi, kif ukoll biex tiġbor statistika affidabbli. Tali sistema interoperabbli ta’ ġestjoni tat-talbiet dematerjalizzata tista’ min-naħa l-oħra trendi inqas utli fil-forniment ta’ traduzzjonijiet tad-dokumenti diġà koperti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

(63) Il-kwistjoni tal-ġeneralizzazzjoni tal-prinċipju ta’ ftehim taċitu tal-pajjiżi terzi ta’ tranżitu (jew għal uħud minnhom) tista’ tkun magħmula sa fejn din tippermetti li jitqassar iż-żmien fil-proċeduri tal-esportaturi.

(64) Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-importazzjonijiet, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament jistgħu jiġu ċċarati biex b’hekk, skont il-Protokoll dwar l-Armi tan-Nar, l-armi importati jkunu sistematikament markati b’marka armonizzata li tippermetti l-identifikazzjoni tal-ewwel Stat Membru ta’ importazzjoni.

(1)

     Strateġija tal-UE fil-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illegali ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom, tas-16 ta’ Diċembru 2005.

(2)

     Id-Direttiva 91/477/KEE tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 1991, dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-armi, ĠU L 256 tat-13.9.1991, p. 51, hekk kif emendat bid-Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Direttiva 91/477/KEE tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-armi, ĠU L 137 tal-24.5.2017, p. 22.

(3)

     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/164/UE tal-11 ta' Frar 2014 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll kontra l-Iffabrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, ĠU L 89, 25.3.2014.

(4)

     Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta' u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-transitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni, ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1-15.

(5)

     Hekk kif stabbiliti fl-istudju tal-impatt imwettaq fl-2010 (SEC(2010) 662 Finali) u t-test adottat finalment.

(6)

     Biex iwieġbu għall-obbligi tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari.

(7)

     Studji tal-evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament 258, Ernst&Young, SIPRI, 2017.

(8)

   Il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Estonja, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Ungerija, il-Litwanja, is-Slovenja, is-Slovakkja. L-ebda informazzjoni ma hi disponibbli għall-Istati Membri l-oħra.

(9)

   Il-lista ML1 tinkludi armi tan-nar bil-kanna lixxa ta’ kalibru inqas minn 20 mm, armi oħra u armi awtomatiċi ta’ kalibru daqs jew inqas minn 12,7 mm u aċċessorji.

(10)

   Il-Bulgarija, l-Estonja, Spanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands, il-Portugal u r-Rumanija.

(11)

     Is-sistema SIGMA (Sistema Integrata tal-Ġestjoni tal-Movimenti tal-Armi), iffinanzjata mill-professjonisti tas-settur, tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-trasferimenti fl-UE u barra mill-UE bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-professjonisti.

(12)

     Il-proċedura tista’ tvarja minn sempliċi talba għal opinjoni għal ministeri oħra kkonċernati għall-implimentazzjoni ta’ dik l-istess proċedura għall-armi kollha tan-nhar (ċivili u militari), permezz ta’ formula waħda (jew websajt) għal talba tal-awtorizzazzjoni għall-kisba ta’ żewġ tiġi ta' liċenzji.

(13)

     Disa’ Stati Membri skont l-evalwatur estern.

(14)

     B’mod partikolari għall-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll (il-Ġermanja, Franza, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta, ir-Renju Unit).

(15)

     Analiżi tal-Kummissjoni "Konklużjonijiet dwar il-punti sodi, in-nuqqasijiet, id-dgħjufijiet fil-leġiżlazzjoni doganali, proċeduri u prattiki ta’ kontroll ibbażati fuq ir-riskju ta’ traffiku lleċitu ta’ armi tan-nar – PCA Firearms April 2017 – TAXUD/B2/031/2017 – LIMITE" tenfasizza “tendenza sistematika” tal-Istati Membri li jittrattaw il-merkanzija ta’ armi tan-nar bħal kwalunkwe merkanzija oħra fi tranżitu , mingħajr l-obbligu li jiġi indikat li l-merkanzija tkun waslet fid-destinazzjoni u li l-proċedura ta’ tranżitu tista’ tingħalaq.

(16)

     Sottomessi għar-regoli mniżżla fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK.

(17)

     COM/2010/0273 finali.

(18)

   Dan huwa l-każ, pereżempju, tar-regoli ta’ tranżitu imposti minn Stati terzi, jew proċeduri tal-esportazzjoni li jeżistu anki fin-nuqqas ta’ Regolament.

(19)

   Id-Direttiva (UE) 2017/853 tas-17 ta’ Mejju 2017, ĠU L 137, 24.5.2017.