Brussell, 23.11.2017

COM(2017) 718 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tan-netwerks tal-enerġija tal-Ewropa


1. Introduzzjoni

Il-“Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li Tħares ’il Quddiem” tal-Kummissjoni Ewropea ħoloq momentum ġdid għall-ilħuq tas-sigurtà tal-enerġija, is-sostenibbiltà u l-kompetittività.

Fuq livell globali, l-Ewropa għadha l-mexxej f’termini tal-kontribuzzjoni ambizzjuża tagħna għall-Ftehim ta’ Pariġi u fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija fil-prattika kif deskritt fit-Tielet Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 1 . Grilja interkonnessa Ewropea se tgħin biex jintlaħqu l-objettivi aħħarin tal-Unjoni Ewropea biex tiġi żgurata enerġija affordabbli, sigura u sostenibbli għall-Ewropej kollha.

Sistema tal-elettriku li għaliha sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jikkontribwixxu madwar nofs il-ġenerazzjoni fl-2030 u li sal-2050 se tkun kompletament dekarbonizzata se tkun il-pedament ta’ din it-tranżizzjoni tal-enerġija. Dan jimplika sfidi sinifikanti ħafna f’termini tal-adattament tar-regolament tagħna, l-infrastruttura tagħna u l-iskattar tal-investiment neċessarju.

Kif ġie enfasizzat f’diversi Kunsilli Ewropej u minn Kapijiet tal-Istati u Gvernijiet, l-aktar riċenti mill-President Macron matul il-COP23, grilji trans-Ewropej interkonnessi u integrati tajjeb huma indispensabbli biex it-tranżizzjoni tal-enerġija tkun suċċess. Il-Kummissjoni indirizzat din il-ħtieġa fil-Komunikazzjoni tagħha 2 dwar “L-ilħuq tal-mira ta 10 % għall-interkonnessjoni elettrika”.

Il-pakkett Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha, li ġie adottat lejn tmiem is-sena li għaddiet, huwa l-aktar qafas legali avvanzat għal tranżizzjoni tal-enerġija nadifa u li jippermetti investimenti tal-enerġija nadifa għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku. L-infrastruttura tan-netwerk tal-Ewropa għandha tiżviluppa fl-istess direzzjoni u bl-istess ritmu sabiex tappoġġa bis-sħiħ din it-tranżizzjoni tal-enerġija. Fuq kollox, dan huwa importanti minħabba li l-kondiviżjoni dejjem tiżdied ta’ elettriku rinnovabbli tkun teħtieġ aktar skambju transfruntier biex il-grilja tinżamm stabbli.F’dan il-kuntest, kooperazzjoni reġjonali aktar b’saħħitha bejn l-Istati Membri tista’ twassal għal użu aktar ottimizzat tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura tan-netwerk.

Il-grilji tal-elettriku u tal-gass interkonnessi huma wkoll vitali għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Netwerks integrati sew mhumiex biss l-aqwa garanzija biex jikkumpensaw għal ħsara possibbli tal-akbar infrastruttura fi kwalunkwe Stat Membru, iżda magħhom iġibu wkoll aktar alternattivi ta’ provvista u għaldaqstant prezzijiet aktar kompetittivi fis-swieq nazzjonali. Fl-istess ħin, l-Ewropa għandha tqiegħed lill-konsumatur fiċ-ċentru tas-sistema tal-enerġija billi tirrinforza u ttejjeb l-intelliġenza tan-netwerks ta’ distribuzzjoni.

Barra minn hekk, in-netwerks tal-UE jridu jiġu modernizzati biex jippermettu t-trasformazzjoni tal-enerġija u biex jappoġġaw u jibbenefikaw mid-diġitalizzazzjoni rapida tal-ekonomija. L-innovazzjoni u l-intelliġenza fin-netwerks fil-livelli kollha hija essenzjali fil-bidu tal-ġestjoni tad-domanda u servizzi tal-grilja intelliġenti oħra. Tali teknoloġiji jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi, filwaqt li jagħtu spinta lill-kompetittività tal-industrija tal-UE.

Huwa stmat li sal-2030 se jkunu meħtieġa madwar EUR 180 biljun f’investimenti għall-aġġornament u l-espansjoni tan-netwerks tal-enerġija Ewropej. Dawn l-investimenti jwasslu għal iffrankar annwali ta’ bejn EUR 40 biljun u EUR 70 biljun 3 fi spejjeż fil-ġenerazzjoni tal-elettriku u prezzijiet bl-ingrossa tal-gass aktar kompetittivi, li jgħinu biex l-ispejjeż tat-tranżizzjoni tal-enerġija jibqgħu raġjonevoli u b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni.

Din il-Komunikazzjoni tqis il-progress miksub fl-integrazzjoni u fil-modernizzazzjoni tan-netwerks tal-enerġija Ewropej fil-livell tat-trażmissjoni permezz tal-politika tat-TEN-E u tispjega t-triq ’il quddiem biex jiġi żgurat li l-infrastruttura jista’ jkollha rwol sħiħ fl-ilħuq tal-objettivi tal-politika dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija għall-2030, u lil hinn. Hija tivvaluta wkoll il-progress lejn l-ilħuq tal-mira ta’ interkonnessjoni ta’ 10 % u tħares ’il quddiem lejn il-mira għall-2030 li qabel fuqha l-Kunsill Ewropew.

2. Il-politika dwar in-netwerks trans-Ewropej tal-Enerġija (TEN-E) bħala pedament tal-Unjoni tal-Enerġija

L-investiment jeħtieġ li jilħaq grilja tal-enerġija Ewropea sħiħa fejn l-Istati Membri kollha jkunu interkonnessi u protetti kontra interruzzjonijiet tal-provvista f’daqqa li kienu u għadhom komuni ħafna 4 . Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni f’waqtha ta’ dawn l-investimenti u l-bini tal-infrastrutturi neċessarji, fl-2013 l-Unjoni Ewropea adottat ir-Regolament 5 dwar il-linji gwida għan-netwerks tal-enerġija trans-Ewropej. Dan kien akkumpanjat mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 6 (is-CEF), li nħolqot biex tappoġġa finanzjarjament l-iżvilupp tal-enerġija, it-trasport u n-netwerks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej.

2.1 Politika dwar it-TEN-E iffukata fuq il-prijoritajiet tal-Ewropa u li taċċellera l-investiment

Il-qafas ta’ politika dwar it-TEN-E ilu mill-2013 jippermetti approċċ iffukat għall-identifikazzjoni u l-appoġġ għat-twettiq tal-proġetti li huma essenzjali għal netwerks konnessi sew madwar l-Istati Membri u s-suq intern tal-enerġija. Dan huwa bbażat fuq objettiv u proċess ta’ għażla inklużiv li jagħti prijorità lill-aktar proġetti tal-infrastruttura meħtieġa.

Is-suċċess ta’ dan l-approċċ qed ikun dejjem aktar evidenti. Sa issa tlestew, jew se jkunu qed joperaw sal-2018, madwar 30 proġett tal-infrastruttura tal-enerġija ta’ interess komuni (PCIs). 47 proġett ieħor importanti huma skedati li se jitlestew madwar l-2020 minn total ta’ 173. Madankollu, ħafna proġetti ta’ interess komuni mhux mexjin kif ippjanat: fir-rigward kemm tal-infrastruttura tal-elettriku kif ukoll dik tal-gass, u madwar nofs il-proġetti qed jiffaċċjaw dewmien, normalment matul il-proċess tal-permess jew ġew skedati mill-ġdid 7 , ta’ spiss minħabba inċertezza relatata mal-vijabbiltà kummerċjali jew id-domanda futura.

Tabella 1: Prospett tal-PCIs skont is-settur

PCIs mill-1 u t-2 lista li mistennija jitlestew* bejn l-2013 u l-2018

Elettriku

Grilji Intelliġenti

Gass

Żejt

CCS

Total

22

0

8

0

N/A

30

PCIs inklużi fit-3 lista

Elettriku

Grilji Intelliġenti

Gass

Żejt

CCS

Total

106

4

53

6

4

173

PCIs mit-3 lista li mistennija jitlestew* sal-2020

Elettriku

Grilji Intelliġenti

Gass

Żejt

CCS

Total

31

0

14

2

0

47

*Il-proġetti li għandhom jitlestew jinkludu proġetti li jew se jiksbu permess jew li għadhom qed jinħolqu u li hemm probabbiltà kbira li jitlestew sa tmiem il-perjodu indikat.

L-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni taħt is-CEF kien fattur importanti fl-implimentazzjoni ta’ ċerti PCIs tal-elettriku u tal-gass kritiċi li jwasslu għal benefiċċji soċjoekonomiċi sinifikanti fil-livell reġjonali iżda li l-ispejjeż tagħhom ma jistax iġarrabhom is-suq waħdu. Il-programm huwa għodda importanti li tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-investiment privat. B’kollox intgħażlu 93 azzjoni li jikkorrispondu għall-implimentazzjoni tal-74 PCI biex jingħataw għotjiet għal xogħlijiet u studji li b’kollox jammontaw għal EUR 1.6 biljun (mill-baġit tal-enerġija tas-CEF totali ta’ EUR 5.35 biljun).

Il-fondi ta’ koeżjoni tal-UE, b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (il-FEŻR) jipprovdu wkoll appoġġ għall-ħżin tal-enerġija intelliġenti u s-sistemi ta’ trażmissjoni. S'issa sitt Stati Membri 8 ppjanaw madwar EUR 2 biljun għall-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020, bi kwart minn dan l-ammont imur direttament għall-proġetti PCI.

Il-Fond Ewropew għall-Investmenti Strateġiċi (il-FEIS), fejn is-settur tal-enerġija s’issa għandu l-akbar sehem, immobilizza investiment addizzjonali għall-infrastruttura tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u proġetti tal-effiċjenza enerġetika, inkluż PCIs kofinanzjati mis-CEF. Għall-ewwel tliet PCIs, li jimmobilizzaw investiment kumplessiv ta’ aktar minn EUR 2 biljuni, ġie approvat finanzjament tal-FEIS ta’ EUR 420 miljun. Il-każ tal-kuritur tat-trażmissjoni tal-gass ta’ bejn il-Bulgarija, ir-Rumanija, l-Ungerija u l-Awstrija (il-BRUA), li rċieva appoġġ f’forma ta’ għotja tas-CEF ta’ EUR 179 miljun għax-xogħlijiet, u sussegwentement aċċessa finanzjament tal-FEIS ta’ EUR 100 miljun, juri l-potenzjal tas-CEF biex jingranaġġa l-investiment privat għall-infrastruttura tal-enerġija. Barra minn hekk, 14-il PCI irċevew self tal-BEI. Dan juri li l-għotjiet tas-CEF jista’ jkollhom ir-rwol li jimplimentaw, u jattiraw l-investituri. L-għotjiet tas-CEF għall-istudji jibqgħu ukoll katalisti importanti biex jgħinu lill-proġetti jegħlbu l-fażijiet inizjali u aktar riskjużi tagħhom.

Minbarra l-appoġġ finanzjarju, l-implimentazzjoni tal-PCIs ġiet imħaffa wkoll bis-saħħa tal-appoġġ regolatorju u t-tnaqqis tal-burokrazija. Kif jidher mill-evalwazzjoni 9 , ir-Regolament dwar in-Netwerk Trans-Ewropew tal-Enerġija (it-TEN-E) wassal għall-għoti malajr ta’ permessi u l-approvazzjoni tal-proġetti issa hija aktar simplifikata u xierqa. Il-miżuri regolatorji bdew jikkontribwixxu wkoll għal implimentazzjoni malajr tal-PCIs importanti. S'issa, ibbenefikaw 18-il PCI tal-gass u 6 tal-elettriku mid-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-kostijiet transfruntieri (CBCAs) u tliet proġetti rċevew deċiżjonijiet dwar l-investiment maħruġa mill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (l-ARN). Il-potenzjal tar-Regolament dwar it-TEN-E, madankollu, għadu ma ġiex sfruttat kollu. L-applikazzjoni tar-regoli tat-TEN-E fil-livell nazzjonali għandhom jiġu jissaħħu sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-PCIs f’waqtha.

Is-sett ta’ għodod ta’ hawn fuq li ġie implimentat permezz tar-Regolament dwar it-TEN-E wera li hu utli biex jingħelbu l-ostakoli finanzjarji u regolatorji għal numru ta’ proġetti. Biss, jeħtieġ li tiġi ddedikata aktar attenzjoni lejn xi sfidi infrastrutturali aktar kumplessi. Fl-2015 10 , il-Kummissjoni pproponiet forma aktar strutturali ta’ kooperazzjoni reġjonali, inkluż fil-livell politiku, biex tallinja l-enfasi tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati kollha involuti dwar l-implimentazzjoni ta’ proġetti prinċipali.

2.2 It-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali – ir-rwol ewlieni tal-Gruppi ta’ Livell Għoli 

Il-Kummissjoni, għalhekk, stabbilixxiet erba’ Gruppi ta’ Livell Għoli reġjonali li f’perjodu ta’ żmien qasir irnexxielhom iħaffu l-iżvilupp infrastrutturali f’reġjuni Ewropej speċifiċi, li jiffaċċjaw sfidi partikolari. Dawn il-Gruppi ta’ Livell Għoli, b’mod partikolari, ikkontribwixxew għall-prijoritizzazzjoni tal-proġetti prinċipali ta’ interess komuni fir-reġjun. L-appoġġ politiku u finanzjarju tal-Kummissjoni kien fattur prinċipali li għen biex dan iseħħ.

Filwaqt li jibnu fuq ir-riżultati tajbin, l-għan ta’ ċerti Gruppi ta’ Livell Għoli twessa’ biex ikopri aspetti usa’ tal-politika dwar l-enerġija, b’mod partikolari s-swieq, il-ġenerazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Il-Gruppi ta’ Livell Għoli jista’ jkollhom ukoll rwol fil-kooperazzjoni reġjonali fil-qafas tal-preparazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (l-NECPs) li ġew previsti fil-proposta għal Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija 11 .

2.2.1 Il-BEMIP – il-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku

Il-kooperazzjoni li ilha għaddejja taħt il-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (il-BEMIP) kienet ta’ kontribut sinifikanti sabiex il-kollegamenti tal-elettriku prinċipali, inkluż in-“Nordbalt” (bejn il-Litwanja u l-Iżvezja; 700 MW) u l-“Kollegament Litpol” (bejn il-Litwanja u l-Polonja; 500 MW) jitlestew malajr. Dawn l-interkonnessjonijiet temmew b’mod effettiv l-iżolament fil-qasam tal-enerġija tal-Istati Baltiċi u kkollegawhom mal-bqija tal-Ewropa. 

Prijorità politika prinċipali tibqa’ s-sinkronizzazzjoni tal-grilja elettrika tat-tliet Stati Baltiċi man-netwerk kontinentali Ewropew. Il-Kummissjoni Ewropea tibqa’ impenjata li tappoġġa l-Istati Baltiċi għal dan il-għan. F’dan il-kuntest, l-istudju li bħalissa qed iwettqu l-Operaturi tas-Sistemi tat-Trażmissjoni tal-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja u l-Polonja u bl-involviment tan-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (l-ENTSO-E) huwa stadju importanti. Fuq l-istess binarji, dan huwa wkoll mument tajjeb għar-reġjun biex jisfrutta l-potenzjal tal-enerġija lil hinn mill-kosta tiegħu.

Il-Grupp ta’ Livell Għoli BEMIP ta wkoll impetu ġdid lill-iżvilupp ta’ interkonnessjonijiet tal-gass neċessarji biex jintemm l-iżolament tal-gass tat-tliet Stati Baltiċi u l-Finlandja. Kemm l-interkonnessjoni ta’ bejn il-Polonja u l-Litwanja (il-GIPL), kif ukoll l-interkonnessjoni ta’ bejn l-Estonja u l-Finlandja (il-Balticconnector) irċevew appoġġ finanzjarju permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, iffirmata fil-preżenza tal-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern flimkien mal-President tal-Kummissjoni. Issa huwa ta’ importanza kbira li jiġi żgurat li ż-żewġ proġetti jitlestew mingħajr dewmien.

B’kollox, l-UE kkontribwixxiet madwar EUR 740 miljun mis-CEF u madwar EUR 430 miljun mill-FEŻR għall-infrastruttura tal-enerġija fir-reġjun tal-BEMIP.

Il-passi li jmiss u stadji importanti

- Ftehim politiku dwar is-sinkronizzazzjoni u t-triq ’il quddiem fl-2018;

- It-tlestija tal-PCIs tal-gass prinċipali sal-2021, b’mod partikolari l-interkonnessjoni ta’ bejn il-Polonja u l-Litwanja (il-GIPL) u l-interkonnessjoni ta’ bejn l-Estonja u l-Finlandja (il-Balticconnector).

2.2.2 L-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Madrid fil-Lbiċ tal-Ewropa

Sar ukoll progress importanti fil-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Interkonnessjonijiet fil-Lbiċ tal-Ewropa fl-integrazzjoni tal-Peniżola Iberika mas-suq tal-enerġija intern tal-Ewropa kontinentali. Fl-2015, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, ġie kkummissjonat il-proġett “INELFE”, li rdoppja l-kapaċità tal-interkonnessjoni tal-elettriku bejn Spanja u Franza u li issa laħaq il-kapaċità sħiħa tiegħu.

Biss, xorta waħda għad baqa’ xi jsir biex id-Dikjarazzjoni ta’ Madrid tiġi implimentata u biex il-Peniżola Iberika tiġi integrata bis-sħiħ fis-suq intern tal-elettriku u biex ikun permess l-isfruttar tal-potenzjal tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tiegħu.

Il-linja tal-Golf tal-Biskalja – interkonnessjoni tal-elettriku ġdida b’sezzjoni sottomarina li se toffri sfida fuq livell teknoloġiku u li għandha tul ta’ madwar 280 km u żewġ stazzjonijiet konverturi – trid tingħata l-ogħla prijorità mhux biss mill-promoturi iżda wkoll mill-awtoritajiet regolatorji u tal-għoti tal-permessi. Dan sabiex tiġi żgurata t-tlestija f’waqtha tagħha għall-anqas sal-2025. Il-proġett għal darb’oħra se jirdoppja l-kapaċità tal-interkonnessjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, u b’hekk iżid il-kapaċità ta’ skambju sa’ 5 000 MW. Għandha tingħata attenzjoni wkoll għall-progress li jsir fuq iż-żewġ proġetti li jaqsmu l-Pirinej li sejrin jgħollu l-kapaċità għal 8 000 MW u li sejrin jippermettu lill-Peniżola Iberika tibbenefika bis-sħiħ mis-suq intern. Il-finalizzazzjoni tal-PCI li għadu għaddej bejn Spanja u l-Portugall għandha tissokta sabiex il-proġetti jkunu jistgħu jiġu kkummissjonati sa tmiem l-2018 kif ippjanat.

S'issa diġà sar xi progress fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Madrid tal-2015 fir-rigward tal-iżvilupp tal-Assi tal-Gass tal-Lvant, mill-Peniżola Iberika sa Franza. Fl-2016 u l-2017 twettaq xogħol preparatorju għall-preparazzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-iżvilupp f’fażijiet tal-proġett kritiku Midcat 12 , inkluż l-ewwel fażi tiegħu magħrufa bħala l-proġett STEP 13 .

Il-passi li jmiss u stadji importanti

- Fl-2018 summit politiku ta’ livell għoli se jiddiskuti d-Dikjarazzjoni ta’ Madrid;

- lejn il-bidu tal-2018 tittieħed deċiżjoni ta’ investiment finali dwar il-proġett tal-Golf tal-Biskalja u fl-2019 jingħata bidu għax-xogħlijiet;

- fl-2018 jinbeda l-proċess tal-permess għaż-żewġ interkonnessjonijiet tal-elettriku li jaqsmu l-Pirinej;

- fl-2018 tittieħed deċiżjoni dwar il-passi li jmiss ta’ STEP, bħala l-ewwel fażi ta’ MIDCAT;

- fl-2019 titlesta l-interkonnessjoni ta’ bejn il-Portugall u Spanja.

2.2.3 CESEC – Il-konnettività tal-enerġija Ċentrali u tax-Xlokk

Ix-xogħol mexa wkoll fir-reġjun tal-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (is-CESEC) li huwa storikament vulnerabbli għal interruzzjonijiet tal-provvista u li għadu jħallas prezzijiet tal-gass ogħla minn dawk tal-Ewropa tal-Punent, minkejja l-prossimità ġeografika tiegħu mal-fornitur tal-gass ewlieni tiegħu.

Fl-2016 u l-2017, il-Grupp ta’ Livell Għoli għamel progress importanti fil-proġetti tal-gass ta’ prijorità tas-CESEC, b’mod partikolari fuq l-interkonnettur ta’ bejn il-Bulgarija, ir-Rumanija, l-Ungerija u l-Awstrija (il-BRUA) u fuq l-ewwel fażijiet ta’ tisħiħ tal-grilja Bulgara. Il-Memorandum ta’ Qbil tal-2017 dwar il-flussi fid-direzzjoni opposta ta’ bejn il-Kroazja u l-Ungerija li se jippermetti l-fluss ħieles tal-gass b’mod partikolari mit-terminal tal-Krk LNG huwa eżempju ta’ kooperazzjoni reġjonali kostruttiva. Madanakollu, għall-2018, huwa ta’ importanza kbira li t-tliet proġetti ta’ prijorità li jifdal, u li jiżguraw aċċess għal sorsi diversifikati tal-gass fir-reġjun, jiġu implimentati mingħajr aktar dewmien. Għalhekk, il-prijorità għall-2018 hija li jiġi żgurat li l-kostruzzjoni tat-terminal tal-LNG fil-Kroazja (il-Krk LNG), l-interkonnettur ta’ bejn il-Greċja u l-Bulgarija u l-interkonnettur ta’ bejn il-Bulgarija u s-Serbja tibda kif ippjanat attwalment. Dan jitlob l-appoġġ politiku kontinwu sabiex jipprevjeni u jitneħħa kull ostakolu li jista’ jdewwem it-tlestija f’waqtha ta’ dawn il-proġetti.

Filwaqt li jibnu fuq is-suċċessi fil-gass, fl-2017 il-Kummissjoni, l-Istati Membri tas-CESEC u l-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija kkonkludew il-Memorandum ta’ Qbil, li jestendi s-CESEC għas-suq tal-elettriku u l-infrastruttura, l-effiċjenza enerġetika u l-iżvilupp rinnovabbli u jipprevedi azzjonijiet konkreti għall-ksib ta’ suq tal-elettriku effiċjenti u interkonness sew fir-reġjun. Barra minn hekk, il-Grupp ta’ Livell Għoli qabel ukoll li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tiegħu sabiex ikopri l-Balkani tal-Punent kollha.

Il-passi li jmiss u stadji importanti

- Sal-bidu tal-2018 isir ftehim bejn il-promoturi tal-proġett fis-Serbja u l-Bulgarija dwar il-fażijiet ta’ implimentazzjoni għall-interkonnettur ta’ bejn il-Bulgarija u s-Serbja;

- fir-rebbiegħa tal-2018 tittieħed Deċiżjoni ta’ Investiment Finali dwar it-terminal Krk LNG;

- fil-bidu tal-2018 jingħata bidu għall-kostruzzjoni tal-parti Rumena tal-kuritur ta’ bejn il-Bulgarija, ir-Rumanija, l-Ungerija u l-Awstrija (il-BRUA), u f’Ġunju 2018 tal-Interkonnettur ta’ bejn il-Greċja u l-Bulgarija;

- issir laqgħa Ministerjali f’Sofia matul il-Presidenza Bulgara tal-UE sabiex iż-żoni l-ġodda tas-CESEC jingħataw aktar impetu.

2.2.4 Il-kooperazzjoni tal-enerġija tal-Ibħra tat-Tramuntana

Fl-2016 ġie ffirmat il-Memorandum ta’ Qbil dwar l-Ibħra tat-Tramuntana li jippromwovi l-integrazzjoni ta’ interkonnessjoni eolika u msaħħa lil hinn mill-kosta. Fl-2017, beda x-xogħol fuq sistema tal-enerġija lil hinn mill-kosta ottimizzata b’mod reġjonali bl-inqas spejjeż, il-ħolqien ta’ impjiegi u t-tkabbir, u l-kontroll tat-tmexxija industrijali tal-UE f’dan il-qasam.

Sabiex jiġi żgurat progress konkret, intlaħaq qbil li ssir enfasi fuq proġetti innovattivi li joħolqu sinerġiji bejn elementi differenti fis-sistema tal-enerġija, b’mod partikolari bil-kombinazzjoni tal-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni rinnovabbli. Il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati se jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu qafas legali u regolatorju li jwassal għall-iżvilupp ta’ tali proġetti, u li jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-iżviluppaturi tal-proġetti. S'issa ġew identifikati erba’ raggruppamenti, inkluż il-Belġju-in-Netherlands-ir-Renju Unit, il-Golf ta’ Eligolandja, u l-Baħar Ċentrali tat-Tramuntana. Għal kull raggruppament se jiġi stabbilit grupp ta’ partijiet b'interess sabiex jiġi żgurat l-involviment sħiħ tal-partijiet kollha kkonċernati.

Il-passi li jmiss u stadji importanti

- fl-2018 jiġi adottat Pjan ta’ Azzjoni ta’ grilja lil hinn mill-kosta/infrastruttura tal-Baħar tat-Tramuntana;

- f’Mejju jew f'Ġunju 2018 issir laqgħa Ministerjali sabiex jissaħħaħ l-impenn politiku f’kuntest ta’ spiża li qed tonqos b’mod mgħaġġel ta’ riħ lil hinn mill-kosta.

2.3 Norjentaw mill-ġdid il-politika tal-infrastruttura għal perjodu ta’ żmien itwal

Is-sett ta’ għodod tat-TEN-E u kooperazzjoni reġjonali iktar b’saħħitha irnexxielhom isaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-gass u d-diversifikazzjoni fir-reġjuni aktar vulnerabbli tal-Ewropa. Illum, l-Ewropa tinsab f’qagħda aħjar grazzi għal PCIs tal-gass lesti, bħall-pipeline ta’ bejn Klaipeda u Kiemenai li huwa neċessarju għall-operat korrett tat-terminal tal-LNG ta’ Klaipeda (il-Litwanja).

Il-grilja tal-gass saret aktar reżiljenti u kważi l-Istati Membri kollha 14 jikkonformaw mal-kriterju N-1 15 u diġà għandhom aċċess għal żewġ sorsi ta’ gass. F’dan il-kuntest, is-sitwazzjoni fil-Bulgarija u l-Finlandja teħtieġ enfasi partikolari. Jekk il-PCIs jiġu implimentati fil-ħin, fil-prinċipju l-Istati Membri kollha, minbarra Malta u Ċipru sal-2022 għandu jkollhom aċċess għal tliet sorsi ta’ gass. Jekk l-Istati Membri, il-promoturi, ir-regolaturi u l-partijiet ikkonċernati jiżguraw l-impenn neċessarju, il-konġestjonijiet li jifdal jistgħu fil-biċċa l-kbira tagħhom jiġu indirizzati madwar l-2020 jew ftit wara permezz tal-finalizzazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni li għaddejjin diġà. Il-proġetti tal-gass kienu jikkostitwixxu parti sinifikanti kemm f’termini ta’ numri kif ukoll f’termini ta’ finanzjament mogħti s'issa minħabba li l-prijorità urġenti kienet li tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija ta’ Stati Membri u reġjuni aktar vulnerabbli. Għalhekk, sal-2022/25, l-Ewropa għandha tikseb grilja tal-gass reżiljenti għax-xokkijiet u interkonnessa tajjeb. Fis-snin li ġejjin, il-proġetti tal-elettriku se jsiru dejjem aktar importanti għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli mal-fruntieri, inkluż id-diġitalizzazzjoni u t-titjib fl-intelliġenza tal-grilja.

Sabiex il-grilja tal-elettriku tal-Ewropa tkun tista’ ssir xierqa għat-tranżizzjoni tal-enerġija jeħtieġ li tittieħed azzjoni kontinwata ulterjuri, flimkien mal-implimentazzjoni tar-regoli riveduti għas-suq tal-elettriku, kif propost fil-Pakkett tal-Enerġija Nadifa mill-Kummissjoni. Għalhekk, ix-xogħol fuq l-interkonnessjonijiet neċessarji jeħtieġ li jiżdied fir-ritmu. Il-livelli insuffiċjenti attwali ta’ interkonnessjoni tar-reġjuni bħall-Peniżola Iberika qed jirrappreżentaw ostakolu għal aktar penetrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u aktar konverġenza tal-prezzijiet. L-istess jista’ jingħad għall-progress kajman fir-tisħiħ intern tal-grilja bħal bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Ġermanja. L-impenn politiku biex jitneħħew dawn il-konġestjonijiet ma jistax ibatti mir-ritmu. Fi ftit kliem, xenarju b’ħafna sorsi ta’ enerġija rinnovabbli se jkun ifisser li l-ħtiġijiet ta’ investiment fl-interkonnetturi aktar minn jirduppjaw 16 . 

Ir-rwol tal-elettriku, fejn sal-2030 is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli se jkunu qed jikkostitwixxu nofs il-ġenerazzjoni tal-elettriku, se jkun qed jixpruna dejjem aktar id-dekarbonizzazzjoni tas-setturi li sa issa kienu ddominati mill-fjuwils fossili, bħat-trasport, l-industrija u t-tisħin u t-tkessiħ. Barra minn hekk, trid issir enfasi fuq it-tisħiħ tat-trażmissjoni tal-elettriku u l-grilji ta’ distribuzjoni, id-diġitalizzazzjoni u t-titjib fl-intelliġenza tal-grilji u l-użu ta’ soluzzjonijiet ta’ infrastrutturi ġodda, b’mod partikulari fil-qasam tal-ħżin tal-elettriku, u l-impatt tal-awtokonsum.

Dawn l-isfidi jridu jiġu riflessi kompletament fl-orjentazzjoni futura tal-politika tal-infrastruttura tal-UE. Lejn 2019 u l-2020 mistennija jimmaturaw aktar proġetti f’dawn l-oqsma u l-baġit back-loaded tas-CEF jirrifletti bis-sħiħ din l-ambizzjoni. Bil-maturità dejjem tiżdied, huwa mistenni li aktar proġetti tal-elettriku jirċievu finanzjament anke mill-Bank Ewropew tal-Investiment, inkluż taħt il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (il-FEIS). It-tielet lista ta’ PCIs, adottata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, tirrappreżenta pass importanti f’din ir-riorjentazzjoni.

Filwaqt li n-netwerks trans-Ewropej fit-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni huma interdipendenti ħafna u s-sinerġiji huma naturalment preżenti fost kull wieħed mis-setturi, dawn iridu jiġu kkontrollati aħjar. Pereżempju, il-grilji tal-enerġija għandhom jadottaw l-isfida tad-diġitalizzazzjoni aktar malajr. Iċ-ċibersigurtà hija prijorità globali fis-setturi kollha tat-TEN (u lil hinn) u għandha tifforma element inerenti minn kwalunkwe investiment li jkun twettaq fit-tliet setturi. L-elettromobbiltà se tkun teħtieġ netwerk dens ta’ punti tal-iċċarġjar tul l-awtostradi u l-ibliet. Portijiet ewlenin jistgħu jiżviluppaw f’hubs anke biex iwettqu operazzjonijiet rinnovabbli lil hinn mill-kosta.

3. It-tielet lista ta’ PCIs orjentata aħjar lejn il-miri għal perjodu ta’ żmien itwal tal-UE

It-tielet lista tal-Unjoni tidentifika 173 PCI, inkluż 106 proġetti tat-trażmissjoni u tal-ħżin tal-elettriku, 4 proġetti tal-użu ta’ grilji intelliġenti, 53 proġett tal-gass, 6 proġetti taż-żejt, u – għall-ewwel darba – 4 proġetti tan-netwerk tad-diossidu tal-karbonju transfruntieri. Din il-lista tiġi adottata abbażi tal-appoġġ unanimu tal-Istati Membri kollha u dan juri r-rieda politika komuni.

B’konformità mal-aġenda tad-dikarbonizzazzjoni tal-Unjoni, il-politika tat-TEN-E qiegħda tqiegħed dejjem aktar enfasi fuq l-interkonnessjonijiet tal-elettriku, il-ħażniet tal-elettriku u l-proġetti ta’ grilji intelliġenti.

3.1 PCIs tal-elettriku u l-grilji intelliġenti għall-interkonnessjoni u t-titjib fl-intelliġenza tal-grilja bħala l-bażi tat-tranżizzjoni tal-enerġija

Il-PCIs magħżula se jippermettu l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u t-trasport tagħha fuq distanzi twal filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista. Fost il-PCIs hemm 15-il proġett tal-ħżin tal-elettriku, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma tal-ħżin bl-idropompa. Madanakollu, hemm ukoll xi uħud li jagħmlu użu mit-teknoloġija tal-arja kkompressata. Interkonnessjoni aħjar, grilji u alternattivi għall-ħżin aktar intelliġenti jipprovdu aktar flessibbiltà, stabbiltà fil-grilja u jippermettu l-kontroll ta’ kargi massimi kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell transreġjonali.

Il-PCIs tal-elettriku se jgħinu wkoll lill-Istati Membri li jifdal biex sal-2020 jilħqu l-mira ta’ interkonnessjoni ta’ 10 % jew għall-anqas ikunu mxew lejha, u se jikkontribwixxu lejn l-ilħuq tal-mira tal-interkonnessjoni l-ġdida tal-2030. Barra minn hekk, il-PCIs tal-elettriku sejrin jikkontribwixxu għall-objettivi li ntlaħaq qbil fuqhom mill-Gruppi ta’ Livell Għoli, b’mod partikolari:

·Fir-reġjun tal-BEMIP, il-proġetti magħżula se jippermettu s-sinkronizzazzjoni tal-grilja tal-elettriku man-netwerk tal-elettriku tal-UE.

·Fl-Ewropa tal-Punent, il-PCIs tal-elettriku se jippermettu wkoll integrazzjoni aħjar tal-Peniżola Iberika ma’ Franza u mal-bqija tal-Ewropa u għalhekk jiffaċilitaw aktar l-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u se jipprevedu l-ewwel interkonnessjoni diretta tal-Irlanda mal-Ewropa Kontinentali (il-Kollegament Keltiku).

·Fir-reġjun tas-CESEC, il-proġetti magħżula se jsaħħu l-grilji tal-elettriku sabiex jittejbu l-interkonnessjonijiet, jippermettu tranżazzjonijiet kummerċjali effettivi u jippermettu lill-pajjiżi jisfruttaw il-potenzjal rinnovabbli importanti tagħhom.

·Fl-Ibħra tat-Tramuntanta, il-fokus huwa fuq il-fatt li grilja lil hinn mill-kosta tagħmel kemm jista’ jkun użu mill-potenzjal tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u dan tagħmlu b’mod kosteffettiv. L-objettiv huwa li jiġu ppuljati r-riżorsi u l-finanzi permezz tal-iżvilupp ta’ grilja komuni lil hinn mill-kosta.

Il-lista l-ġdid tinkludi 4 proġetti ta’ grilji intelliġenti. Il-proġett ta’ bejn il-Kroazja u s-Slovenja se jwassal għal reżiljenza aħjar tan-netwerks, u se jippermetti l-użu ta’ aktar ġenerazzjoni rinnovabbli u rispons tad-domanda. Il-proġett ta’ bejn ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja se jindirizza r-reżiljenza tan-netwerks mil-livell tat-trażmissjoni għal dak tad-distribuzzjoni. Iż-żewġ proġetti li jifdal, jiġifieri dak ta’ bejn l-Awstrija u l-Italja u dak ta’ bejn Franza u l-Ġermanja għandhom l-għan li jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-operat tan-netwerk f’xenarji ta’ akkoppjament tas-setturi, billi jkopru pereżempju l-elettrifikazzjoni tat-trasport kif ukoll, bħal fil-każ tal-proġett ta’ bejn Franza u l-Ġermanja, l-interazzjonijiet mas-settur tat-tisħin u l-involviment aktar b’saħħtu tal-konsumatur.

3.2 PCIs tal-gass aktar iffukati li jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-provvista li jifdal

L-Ewropa jeħtieġ li tiżgura l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti tal-gass prinċipali, sabiex ittemm l-iżolament fil-qasam tal-enerġija tar-reġjun tal-Baħar Baltiku tal-Lvant, ittejjeb is-sigurtà tal-parti Ċentrali u tax-Xlokk tal-Ewropa, u tintegra l-Peniżola Iberika fis-suq Ewropew tal-enerġija.

Dan għandu jkun akkumpanjat minn użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti, ottimizzat fil-livell reġjonali, u tisħiħ aktar effettiv tal-miżuri ġuridiċi u ta’ bażi regolatorja. Lil hinn mill-prijoritajiet identifikati, jinħtieġ approċċ kawt lejn l-investiment ġdid sabiex jiġi evitat investiment żejjed u r-riskju ta’ assi abbandunati li jqiegħed piż akbar fuq il-konsumaturi. It-tielet lista ta’ PCIs b’għadd imnaqqas ta’ proġetti tal-gass minn 77 għal 53 tirrifletti dan l-approċċ.

3.3 L-ewwel PCIs tat-trasport tal-karbonju identifikati

Għall-ewwel darba, il-lista ta’ PCIs tal-Unjoni tinkludi 4 proġetti fil-qasam tan-netwerks tat-trasport tad-diossidu tal-karbonju. Il-proġetti jinsabu madwar ir-reġjun tal-Ibħra tat-Tramuntana u jinvolvu l-Belġju, il-Ġermanja, in-Netherlands, ir-Renju Unit, u n-Norveġja. Dawn huma importanti b’mod speċjali għall-industrija intensiva fl-użu tal-enerġija bħala mod kif tnaqqas aktar il-marka tal-karbonju tagħha.

4. Ir-realizzazzjoni tal-miri tal-interkonnessjoni tal-elettriku għall-2020 u l-2030

4.1 Il-mira tal-interkonnessjoni għall-2020

Il-mira ta’ interkonnessjoni tal-elettriku ta’ 10 % tat momentum politiku lill-iżvilupp ta’ proġetti transfruntieri prinċipali. L-implimentazzjoni tal-PCIs wasslet għal livelli ta’ interkonnessjoni dejjem jiżdiedu matul l-aħħar snin.

Tabella 2: Il-livelli ta’ interkonnessjoni tal-Istati Membri fl-2017 u l-2020

Pajjiż

Livelli ta’ interkonnessjoni fl-2017

Livelli ta’ interkonnessjoni mistennija fl-2020 17  

AT

15 %

32 %

BE

19 %

33 %

BG

7 %

18 %

CY

0 %

0 %    

CZ

19 %

23 %

DE

9 %

13 %

DK

51 %

59 %

EE

63 %

76 %

ES

6 %

6 %

FI

29 %

19 %

FR

9 %

12 %

UK

6 %

8 %

EL

11 %

15 %

HR

52 %

102 %

HU

58 %

98 %

IE 18

7 %

18 %

IT

8 %

10 %

LT

88 %

79 %

LU

109 %

185 %

LV

45 %

75 %

MT

24 %

24 %

NL

18 %

28 %

PL

4 %

8 %

PT

9 %

21 %

RO

7 %

15 %

SE

26 %

28 %

SI

84 %

132 %

SK

43 %

59 %

 

Illum, 17-il Stat Membru diġà laħqu l-mira ta’ 10 % u qed igawdu minn benefiċċji ta’ titjib fil-kummerċ u prezzijiet tal-ingrossa dejjem jonqsu. Seba’ Stati Membri oħra – il-Bulgarija, il-Ġermanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Portugall u r-Rumanija – qegħdin fi triqithom biex sal-2020 jilħqu l-mira tal-10 % permezz tat-tlestija tal-PCIs li bħalissa qegħdin jiġu żviluppati. Madankollu, hemm bżonn ta' sforzi addizzjonali sabiex il-Peniżola Iberika tiġi integrata (l-interkonnetturi ta’ bejn il-Portugall u Spanja u ta’ bejn Spanja u Franza), l-Ewropa tax-Xlokk kif ukoll il-Polonja u l-Irlanda (l-interkonnessjoni Ċeltika ma’ Franza se tkun l-ewwel kollegament bejn l-Irlanda u l-kontinent).

4.2 Il-mira tal-interkonnessjoni għall-2030

Filwaqt li fakkar il-konklużjonijiet tal-Kunsilli Ewropej ta’ Marzu u Ġunju 2014, li saħqu fuq il-ħtieġa sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Istati Membri kollha fis-suq intern tal-enerġija, f’Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni tirrapporta “regolament lill-Kunsill Ewropew bl-għan li sal-2030 tintlaħaq il-mira ta’ 15 %, kif propost mill-Kummissjoni 19 . Kemm il-mira tal-2020, kif ukoll dik tal-2030 se jintlaħqu permezz tal-implimentazzjoni tal-PCIs”.

Għalhekk il-Kummissjoni stabbilixxiet Grupp ta’ Esperti, magħmul minn 15-il espert minn ta’ quddiem nett fil-qasam tagħhom, u minn madwar l-Ewropa kollha, biex jagħtu pariri dwar l-ilħuq u l-operazzjonalizzazzjoni tal-mira ta’ interkonnessjoni ta’ 15 % għall-2030. Il-Grupp ta’ Esperti kkonkluda r-rapport tiegħu dwar dan f’Settembru 20 . 

Ir-rapport tal-Grupp ta’ Esperti jirrikonoxxi l-isfidi li joħloq kuntest tal-enerġija li jinbidel malajr. Dan jirrakkomanda l-valutazzjoni tal-ħtieġa għall-iżvilupp ta’ kapaċità tal-interkonnessjoni ulterjuri bl-użu ta’ metrika u livelli limiti differenti li jirriflettu b’mod aktar sottili r-realtajiet tal-enerġija differenti tal-Istati Membri u r-rwoli differenti li l-interkonnetturi għandhom fl-appoġġ tagħhom lejn it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija, li jippermettu l-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista.

Fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp, il-Kummissjoni tipproponi l-operazzjonalizzazzjoni tal-mira tal-interkonnessjoni ta’ 15 % permezz ta’ sett ta’ livelli limiti addizzjonali u aktar speċifiċi li jservu ta’ indikaturi tal-urġenza tal-azzjoni meħtieġa u li jirriflettu t-tliet objettivi primarji tal-politika tal-enerġija Ewropea: li tiżdied il-kompetittività permezz tal-integrazzjoni tas-suq, li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista u li jintlaħqu l-miri tal-klima permezz taż-żieda fl-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. L-Istati Membri, it-TSOs/il-promoturi, ir-regolaturi u l-istituzzjonijiet Ewropew għandhom jieħdu azzjoni f’każ li xi wieħed minn dawn it-tliet livelli limiti jiġi xkattat:

·Suq intern li jiffunzjona sew għandu jwassal għal prezzijiet tal-elettriku kompetittivi għall-Ewropej kollha. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jimminimizzaw id-differenzi fil-prezzijiet tas-suq tal-ingrossa tagħhom. Fil-każ li d-differenza kbira ħafna fil-prezz taqbeż il-livell limitu indikattiv ta’ EUR 2/Mwh bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u ż-żoni tal-offerti, għandhom jingħataw prijorità l-interkonnessjonijiet addizzjonali, sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha jibbenefikaw mis-suq intern b’mod komparabbli. Iktar ma tkun kbira d-differenza fil-prezz, iktar tkun kbira l-ħtieġa għal azzjoni urġenti.

·Kull Stat Membru għandu jiżgura li d-domanda massima tkun tista’ tiġi ssodisfata taħt kwalunkwe kundizzjoni permezz ta’ kombinazzjoni ta’ kapaċità domestika u importazzjonijiet. Għalhekk pajjiżi fejn il-kapaċità tat-trażmissjoni nominali tal-interkonnetturi tkun taħt it-30 % tad-domanda massima tagħhom jeħtieġ li malajr kemm jista’ jkun jinvestigaw l-alternattivi ta’ interkonnetturi oħra.

·Id-distribuzzjoni ulterjuri tal-enerġija rinnovabbli ma għandhiex tkun impeduta min-nuqqas ta’ kapaċità tal-esportazzjoni. Il-produzzjoni rinnovabbli fi kwalunkwe Stat Membru għandha tintuża bl-aħjar mod mal-Ewropa kollha. Għalhekk pajjiżi fejn il-kapaċità tat-trażmissjoni nominali tkun anqas minn 30 % tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni rinnovabbli installata, għandhom malajr kemm jista’ jkun jinvestigaw alternattivi ta’ aktar interkonnetturi.

Mappa li tindika s-sitwazzjoni tal-Istati Membri, l-Iżvizzera u n-Norveġja fir-rigward tat-tliet livelli limiti

Aħdar: jissodisfaw it-tliet livelli limiti

Isfar: jissodisfaw tnejn mil-livelli limiti

Aħmar: jissodisfaw livell limitu wieħed jew ma jissodisfaw l-ebda livell limitu

Il-proġetti li huma neċessarji għal Stat Membru jew reġjun biex dan jilħaq kwalunkwe wieħed mit-tliet livelli limiti għandhom jingħataw prijorità xierqa, inkluż taħt il-proċeduri previsti fir-Regolament dwar it-TEN-E. Ir-realizzazzjoni ta’ dawn il-proġetti titlob l-impenn sħiħ miż-żewġ naħat u b’hekk il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet ma’ dawk il-ġirien li għadhom ma laħqu l-ebda wieħed mil-livelli limiti fi spirtu ta’ solidarjetà u kooperazzjoni. 

Dawn il-proġetti se jkunu segwiti mill-qrib mill-Gruppi ta’ Livell Għoli stabbiliti fil-qafas tal-politika tat-TEN-E u se jibbenefikaw mill-appoġġ politiku li jirriżulta. Il-Kummissjoni qed tistieden lill-ENTSO-E biex kull sena jkejjel il-livelli ta’ interkonnessjoni tal-elettriku u jirrapporta dan lill-Kummissjoni u lill-ACER. Dan ir-rapport, li għandu jqis l-indikaturi ġodda spjegati hawn fuq u li għandhom l-għan li jilħqu l-miri ta’ 10 % u 15 %, għandu jiġi inkluż fir-Rapport dwar l-Istat tal-Enerġija tal-Unjoni u jiġi diskuss fil-Gruppi ta’ Livell Għoli u l-grupp ta’ koordinazzjoni tal-elettriku, kif ukoll fil-Forum annwali tal-Infrastruttura tal-Enerġija ta’ Copenhagen.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri biex iqisu l-approċċ u l-livelli limiti l-ġodda bil-għan li jilħqu l-mira tal-interkonnessjoni ta’ 15 % meta jabbozzaw il-pjanijiet dwar il-klima u l-enerġija nazzjonali integrata tagħhom taħt ir-Regolament propost dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija. Dan jinkludi b’mod partikolari d-deskrizzjoni tal-politiki u l-miżuri eżistenti u ppjanati biex tiġi ffaċilitata l-kisba ta’ interkonnessjonijiet urġenti, iżda wkoll il-konsultazzjoni ma’ Stati Membri ġirien u Stati Membri oħra li jesprimu l-interess dwar dawk l-elementi fil-kuntest tal-kooperazzjoni reġjonali. L-approċċ u l-livelli limiti l-ġodda wkoll sejrin jitqiesu mill-Kummissjoni meta din tiżviluppa rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozz tal-pjanijiet dwar il-klima u l-enerġija nazzjonali integrata.

Minbarra l-finanzjalizzazzjoni rapida tal-kollegamenti tal-infrastruttura neqsin, l-użu aħjar tal-interkonnetturi eżistenti jibqa’ tal-akbar importanza. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar l-importanza li l-Istati Membri kollha jimplimentaw bis-sħiħ ir-regoli tas-suq intern. Barra minn hekk, fil-proposti għat-tfassil tas-suq bħala parti mill-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, il-Kummissjoni pproponiet regoli aktar effettivi li jiżguraw li aktar kapaċità ssir disponibbli għal interkonnessjonijiet eżistenti, kif ukoll li jiżdied l-inċentiv għall-operaturi tan-netwerks biex dawn jinvestu mill-ġdid redditi mill-konġestjoni f’linji ġodda.

5. Konklużjoni

Flimkien mal-ftehim mgħaġġel dwar qafas regolatorju msaħħaħ kif propost fil-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha, l-avvanzi rapidi fil-bini u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura fiżika neċessarja jibqgħu l-kundizzjonijiet prinċipali sabiex it-tranżizzjoni tal-enerġija tkun ta’ suċċess kif ukoll għas-sigurtà tal-enerġija.

L-Unjoni Ewropea għandha politika tal-infrastruttura tal-enerġija effettiva fis-seħħ li bdiet tagħti l-frott. Filwaqt li l-progress jidher promettenti, il-maġġoranza tal-kollegamenti tal-infrastruttura neqsin għadhom iridu jitlestew. L-impenn fil-livelli kollha, jiġifieri fil-livell politiku, tekniku u finanzjarju, jeħtieġ li jinżamm u jitħaffef.

L-ilħuq tal-miri tal-interkonnessjoni tal-elettriku ta’ 10 u 15 % tal-2020 u l-2030 kif maqbul mill-Kunsill Ewropew jibqa’ essenzjali jekk l-Ewropa trid tisfrutta l-potenzjal kollu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tagħha filwaqt li tiżgura s-sigurtà tal-provvista u l-kompetittività. Il-Komunikazzjoni tal-2015 indirizzat il-ħtieġa indispensabbli għal grilji trans-Ewropej interkonnessi u integrati sabiex it-tranżizzjoni tal-enerġija tkun suċċess. Għalhekk din il-Komunikazzjoni tipproponi approċċ ġdid u tistabbilixxi livelli limiti ġodda li jiskattaw azzjoni mill-Istati Membri, mir-regolaturi u mill-promoturi tal-proġetti biex jinvestigaw u jiżviluppaw aktar interkonnessjonijiet biex ikabbru l-integrazzjoni tas-suq, isaħħu s-sigurtà tal-provvista u jiżguraw li l-infrastruttura neċessarja tkun fis-seħħ biex jappoġġaw l-ilħuq tal-mira tal-enerġija rinnovabbli għall-2030.

Dan se jeħtieġ ukoll il-modernizzazzjoni tal-grilji tal-elettriku tagħna billi dawn isiru diġitali u jkunu magħmulin aktar intelliġenti, u dan jippermetti raggruppament intelliġenti tas-setturi. Matul is-snin li ġejjin, dan se jkun qasam ta’ enfasi ewlieni għall-programm tat-TEN-E, u t-tielet lista ta’ PCIs li ġiet adottata llum timmarka pass importanti f’din id-direzzjoni.

Permezz tal-Unjoni tal-Enerġija u l-pakkett tal-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha, issa jinħass momentum ċar għall-aċċellerazzjoni tal-bini tan-netwerks tal-enerġija prinċipali bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal enerġija nadifa.

(1)

     COM(2017) 688

(2)

     COM(2015) 82

(3)

     Studju dwar il-benefiċċji ta’ suq tal-enerġija Ewropew integrat 2013, Booz & co, https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/20130902_energy_integration_benefits.pdf

(4)

     Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.

(5)

     Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).

(6)

     Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(7)

Ir-Rapport Konsolidat dwar il-progress tal-proġetti tal-elettriku u l-gass tal-Interess Komuni għas-sena 2016.

(8)

     Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall u r-Rumanija.

(9)

     L-Anness tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (C(2017) 7834).

(10)

     COM(2015) 82 finali, 25.2.2015; http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2015%3A82%3AFIN .

(11)

     Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija – COM(2016) 759 tat-23.2.2017.

(12)

     L-assi tal-gass tal-Lvant ta’ bejn Spanja u Franza.

(13)

     South Transit East Pyrenees.

(14)

     Minbarra l-Istati Membri, jiġifieri Ċipru, il-Lussemburgu, Malta, is-Slovenja u l-Iżvezja li għandhom eżenzjoni.

(15)

     Il-kriterju N-1 jfisser li n-netwerk irid ikun kapaċi jiflaħ għat-telf (temporanju) tal-

akbar ass tan-netwerk.

(16)

     European Energy Industry Investments, Studju għall-Kumitat ITRE, 2017 http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/595356/IPOL_STU(2017)595356_EN.pdf.

(17)

     Kif ġie vvalutat mit-TYNDP 2016 u l-Viżjoni għall-2020 tal-ENTSO-E

(18)

     Minħabba li r-Renju Unit se jħalli l-Unjoni Ewropea, l-Irlanda se jkollha livell ta’ interkonnessjoni ta’ 0 % sal-2025, meta l-Interkonnetur Keltiku bejn l-Irlanda u Franza mistenni jitlesta.

(19)

     Ara COM(2014) 330 fejn il-Kummissjoni pproponiet li “testendi l-mira ta’ interkonnessjoni ta’ 10 % attwali għal 15 % sal-2030 filwaqt li jiġu kkunsidrati l-aspetti tal-ispejjeż u l-potenzjal ta’ skambji kummerċjali fir-reġjuni rilevanti”.

(20)

     Ir-rapport tal-Grupp ta' Esperti huwa disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/energy/en/topics/projects-common-interest/electricity-interconnection-targets/expert-group-electricity-interconnection-targets .