Brussell,29.11.2017

COM(2017) 712 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-istabbiliment tal-approċċ tal-UE għall-Privattivi Essenzjali għal Standard


Introduzzjoni

L-interazzjoni bejn il-privattivi u l-istandards hija importanti għall-innovazzjoni u t-tkabbir. L-istandards jiżguraw li teknoloġiji interoperabbli u sikuri jiġu mxerrdin b’mod wiesa’ fost il-kumpaniji u l-konsumaturi. Il-privattivi jipprovdu inċentivi għar-riċerka u l-iżvilupp u jippermettu li l-kumpaniji innovattivi jirċievu redditu adegwat fuq l-investimenti. L-istandards 1 ta’ spiss jirreferu għal teknoloġiji li huma protetti minn privattivi. Privattiva li tipproteġi teknoloġija essenzjali għal standard tissejjaħ privattiva essenzjali għal standard (SEP). B’hekk, l-SEPs jipproteġu teknoloġiji li huma essenzjali għall-konformità ma’ standards tekniċi u għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti abbażi ta’ dawn l-istandards.

L-istandards jappoġġaw l-innovazzjoni u t-tkabbir fl-Ewropa, b’mod partikolari jipprovdu teknoloġiji diġitali interoperabbli, li huma l-pedament tas-Suq Uniku Diġitali. Pereżempju, il-kompjuters, l-ismartphones jew it-tablets jaqbdu mal-internet jew ma’ tagħmir ieħor permezz ta’ teknoloġiji standardizzati bħal LTE (long-term evolution), WiFi, jew Bluetooth, li lkoll huma protetti mill-SEPs. Mingħajr l-użu mifrux ta’ teknoloġiji standardizzati bħal dawn, din l-interkonnettività ma kinitx tkun possibbli 2 .

Fl-era iperkonnessa, l-interkonnettività saret saħansitra aktar kruċjali. Firxa wiesgħa ta’ prodotti ġodda jeħtieġu jkunu interkonnessi biex il-konsumaturi jiġu pprovduti bi prodotti u servizzi addizzjonali (pereżempju apparati għad-djar intelliġenti) u biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ negozju għall-kumpaniji Ewropej.

Id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija toħloq opportunitajiet kbar għall-industrija tal-UE. Il-potenzjal ekonomiku stmat tal-applikazzjonijiet tal-Internet tal-Oġġetti f’tagħmir għall-bnedmin, id-djar, l-uffiċċji, il-fabbriki, is-siti tax-xogħol, l-ambjenti tal-bejgħ bl-imnut, l-ibliet, il-vetturi u l-ambjent apert sal-2025 fil-pajjiżi żviluppati se jammonta sa EUR 9 triljun fis-sena 3 . Tul il-ħames snin li ġejjin, id-diġitalizzazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi tista’ żżid introjtu ta’ aktar minn EUR 110 biljun għall-ekonomija Ewropea fis-sena 4 . L-abbiltà tat-tagħmir u tas-sistemi konnessi li jaħdmu flimkien hija kruċjali biex jiġi massimizzat dan il-potenzjal ekonomiku. Mingħajr l-interoperabbiltà, li hi possibbli permezz tal-istandards, 40 % tal-benefiċċji potenzjali tas-sistemi tal-Internet tal-Oġġetti kieku ma jiġux sfruttati 5 . Mingħajr l-istandardizzazzjoni formali u l-SEPs ma kienx ikun hemm, pereżempju, vetturi konnessi. Lanqas ma kienu jkunu possibbli t-teledijanjożi jew l-operazzjonijiet mill-bogħod ma’ sptarijiet imbiegħda jew l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-pazjenti.

Id-detenturi tal-privattivi jikkontribwixxu teknoloġija għall-iżvilupp ta’ standards fi ħdan organizzazzjonijiet għall-iżvilupp tal-istandards (SDOs). Malli jiġi stabbilit xi standard u d-detenturi tal-SEPs ikunu impenjaw ruħhom li jilliċenzjawhom skont termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND), jenħtieġ li t-teknoloġija inkluża fl-istandard tkun disponibbli għal kwalunkwe utent potenzjali tal-istandard. Għaldaqstant, huma meħtieġa prattiki ta’ liċenzjar bla xkiel biex ikun garantit l-aċċess ġust, raġonevoli u mhux diskriminatorju għat-teknoloġiji standardizzati u biex id-detenturi tal-privattivi jiġu ppremjati sabiex ikomplu jinvestu fir-riċerka u fl-iżvilupp u fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni. Min-naħa tiegħu, dan għandu rwol prominenti fl-iżvilupp ta’ soċjetà konnessa, fejn l-atturi l-ġodda fis-suq li ma jagħmlux parti mis-setturi tradizzjonali tal-ICT (produtturi ta’ apparati domestiċi, karozzi konnessi, eċċ.) ikollhom bżonn aċċess għat-teknoloġija standardizzata.

Madankollu, l-evidenza turi li l-liċenzjar u l-infurzar tal-SEPs mhuwiex bla xkiel u jista’ jwassal għal kunflitti. L-utenti tat-teknoloġiji jakkużaw lid-detenturi ta’ SEP li qed jimponu tariffi tal-liċenzjar eċċessivi abbażi ta’ portafolli tal-privattivi dgħajfa u li qed jagħmlu użu minn theddid ta’ litigazzjoni. Id-detenturi ta’ SEP isostnu li l-utenti tat-teknoloġiji jippreżentaw imġibiet ta’ parassitiżmu rigward l-innovazzjonijiet tagħhom u li b’mod konxju jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) mingħajr ma jinnegozjaw in bona fide għall-għoti ta’ liċenzji 6 . Il-problemi jistgħu jkunu partikolarment akuti meta l-atturi li ġejjin minn setturi industrijali ġodda li ma jkunux midħla tan-negozju tradizzjonali tal-ICT ikollhom bżonn aċċess għal teknoloġiji standardizzati. It-tilwim u d-dewmien fin-negozjati bejn l-utenti u d-detenturi tat-teknoloġiji jistgħu jispiċċaw biex idewmu l-użu mifrux ta’ teknoloġiji standardizzati prinċipali. Dan jista’ jfixkel l-iżvilupp ta’ prodotti interkonnessi fl-Ewropa u b’hekk fl-aħħar mill-aħħar tiġi affettwata l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE.

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ April 2016 dwar l-Istandards tal-ICT bħala l-Pedament tas-Suq Uniku Diġitali 7 , il-Kummissjoni identifikat tliet oqsma ewlenin fejn jista’ jitjieb l-ambjent tal-liċenzjar tal-SEPs: l-informazzjoni mhux trasparenti dwar l-esponiment għall-SEPs; il-valutazzjoni mhux ċara ta’ teknoloġiji protetti bi privattiva bbażati fuq l-istandards u d-definizzjoni ta’ FRAND; u r-riskju ta’ nuqqas ta’ ċertezza fl-infurzar tal-SEPs. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi vvalutat ukoll ir-rwol tal-komunitajiet b’sors miftuħ fl-iżvilupp tal-istandards.

Hemm il-ħtieġa ta’ politika ċara, ibbilanċjata u raġonevoli għall-Privattivi Essenzjali għal Standard fl-Ewropa biex isir kontribut għall-iżvilupp tal-Internet tal-Oġġetti u jsir l-aqwa użu mir-rwol xprunatur tal-Ewropa f’dan il-kuntest.

L-interessi kunfliġġenti tal-partijiet ikkonċernati f’ċerti SDOs jistgħu jagħmluha diffiċli biex dawn l-organizzazzjonijiet jipprovdu gwida effikaċi dwar kwistjonijiet tal-politika legali u tal-proprjetà intellettwali (PI) daqshekk kumplessi. L-inizjattivi dwar il-pjattaformi ta’ liċenzjar f’dan il-qasam jinsabu fi stadju bikri u għadhom ma ġewx adottati mill-implimentaturi, li jista’ jkun li qed iżommu lura minħabba l-inċertezza fl-ambjent regolatorju attwali tal-SEPs u li ma tantx għandhom inċentivi biex jidħlu fi ftehim f’dan il-kuntest.

Barra minn hekk, l-istandardizzazzjoni tal-5G u tal-Internet tal-Oġġetti hija kwistjoni globali. L-industrija tal-Ewropa għandha rwol ewlieni f’ħafna setturi fi swieq globali. Il-Kummissjoni tenfasizza r-rwol importanti tal-istandardizzazzjoni Ewropea fil-kuntest globali 8 .

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li hemm ħtieġa urġenti li jiġu stabbiliti l-prinċipji ewlenin li jrawmu qafas ibbilanċjat, bla xkiel u prevedibbli għall-SEPs. Dawn il-prinċipji ewlenin jirriflettu żewġ objettivi prinċipali: l-għoti ta’ inċentivi għall-iżvilupp u l-inklużjoni tal-aqwa teknoloġiji fl-istandards, billi jiġi ppreservat redditu ġust u adegwat għal dawn il-kontribuzzjonijiet, u jiġi żgurat it-tixrid bla xkiel u wiesa’ ta’ teknoloġiji standardizzati abbażi ta’ kundizzjonijiet ġusti ta’ aċċess. Politika bbilanċjata u ta’ suċċess dwar il-liċenzjar tal-SEPs jenħtieġ li fl-aħħar mill-aħħar taqdi liċ-ċittadini kollha tal-UE billi tagħtihom aċċess għal prodotti u servizzi bbażati fuq it-teknoloġija standardizzata bl-aqwa prestazzjoni.

Din il-Komunikazzjoni tissejjes fuq ir-responsabbiltà tal-atturi kollha fil-kuntest tal-liċenzjar tal-SEPs, u l-partijiet ikkonċernati kollha huma mħeġġa jikkontribwixxu biex dan il-qafas jaħdem fil-prattika. Din il-Komunikazzjoni mhijiex maħsuba biex tirrappreżenta dikjarazzjoni tal-liġi u hija bla ħsara għall-interpretazzjoni tal-liġi tal-UE mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE). Din ma torbotx lill-Kummissjoni rigward l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, u b’mod partikolari l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

1.Aktar trasparenza rigward l-esponiment għall-SEPs

L-informazzjoni dwar l-eżistenza, il-kamp ta’ applikazzjoni u r-rilevanza tal-SEPs hija ta’ importanza vitali biex in-negozjati ta’ liċenzjar ikunu ġusti u biex l-utenti potenzjali ta’ standard jingħataw il-possibbiltà li jidentifikaw il-livell tal-esponiment tagħhom għall-SEPs u s-sħab meħtieġa għal-liċenzjar. Madankollu, bħalissa l-unika informazzjoni dwar l-SEPs aċċessibbli għall-utenti tista’ tinstab f’bażijiet tad-dejta ta’ dikjarazzjonijiet miżmuma mill-SDOs, li jistgħu jkunu neqsin mit-trasparenza. Din is-sitwazzjoni tagħmel in-negozjati ta’ liċenzjar u l-antiċipazzjoni tar-riskji relatati mal-SEPs partikolarment diffiċli għan-negozji l-ġodda u għall-SMEs. L-għan ewlieni tad-dikjarazzjonijiet huwa li jassiguraw lil SDO u lill-partijiet terzi kollha li t-teknoloġija se tkun aċċessibbli għall-utenti, normalment taħt impenn ta’ liċenzjar skont il-kundizzjonijiet FRAND.

Il-bażijiet tad-dejta tal-SDO jistgħu jirreġistraw għexieren ta’ eluf ta’ SEPs għal standard wieħed, u din it-tendenza qed tiżdied 9 . Id-dikjarazzjonijiet huma bbażati fuq awtovalutazzjoni mid-detentur tal-privattiva u mhumiex soġġetti għal skrutinju rigward l-essenzjalità tal-privattiva ddikjarata, li tista’ tevolvi tul il-kors tal-proċedura tal-adozzjoni ta’ standard. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati jirrapportaw li anki f’negozjati konkreti ta’ liċenzjar, il-liċenzjaturi jonqsu milli jissostanzjaw it-talbiet tagħhom b’informazzjoni aktar preċiża. Dan huwa partikolarment insodisfaċenti fil-kuntest tal-Internet tal-Oġġetti, fejn atturi ġodda bi ftit esperjenza rigward il-liċenzjar tal-SEPs qed jidħlu fis-suq għall-konnettività l-ħin kollu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, kif deskritt hawn taħt, huma meħtieġa miżuri biex titjieb l-informazzjoni dwar l-SEPs.

1.1.Titjib tal-kwalità u tal-aċċessibbiltà tal-informazzjoni rreġistrata fil-bażijiet tad-dejta tal-SDO

Il-Kummissjoni tqis li l-SDOs jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni dettaljata fil-bażijiet tad-dejta tagħhom biex jappoġġjaw il-qafas tal-liċenzjar tal-SEPs. Filwaqt li l-bażijiet tad-dejta tal-SDO jiġbru ammonti kbar ta’ dejta ta’ dikjarazzjoni 10 , ta’ spiss ma jipprovdux aċċessibbiltà faċli għall-utenti lill-partijiet interessati u jkunu neqsin minn karatteristiċi essenzjali ta’ kwalità. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-bażijiet tad-dejta jenħtieġ li titjieb 11 . L-ewwel, id-dejta trid tkun aċċessibbli faċilment permezz ta’ interfaċċi faċli għall-utenti, kemm għad-detenturi tal-privattivi kif ukoll għall-partijiet terzi. L-informazzjoni kollha ddikjarata jenħtieġ li tkun disponibbli għat-tiftix abbażi tal-proġetti rilevanti ta’ standardizzazzjoni, li jistgħu jirrikjedu wkoll it-trasformazzjoni ta’ dejta storika f’formati attwali. Jenħtieġ li l-proċessi tal-kwalità jeliminaw ukoll id-duplikazzjonijiet u nuqqasijiet ovvji oħrajn. Fl-aħħar, jenħtieġ li jkun hemm links għall-bażijiet tad-dejta tal-uffiċċju tal-privattivi, inklużi aġġornamenti dwar l-istatus u s-sjieda tal-privattivi u t-trasferiment tagħhom. Ix-xogħol fuq it-titjib tal-bażijiet tad-dejta jeħtieġ li jiġi kkombinat ma’ skrutinju aktar strett fuq il-konformità mal-obbligi ta’ dikjarazzjoni kif definit fil-politiki attwali tal-SDO, sabiex jiġu evitati dikjarazzjonijiet mhux kompleti 12 .

1.2.Żvilupp ta’ għodda ta’ informazzjoni għall-assistenza waqt in-negozjati ta’ liċenzjar

Il-Kummissjoni tinnota li s-sistema attwali ta’ dikjarazzjoni fl-SDOs tappoġġja l-proċess ta’ stabbiliment ta’ standards tekniċi u mhix orjentata lejn il-liċenzjar ta’ SEPs futuri. Madankollu, huwa ċar li hemm benefiċċji netti fl-estensjoni tal-prattika u tal-għan attwali tad-dikjarazzjonijiet u tal-bażijiet tad-dejta lejn il-ħolqien ta’ għodod ġodda ta’ trasparenza li, mingħajr ma jitilfu l-għan ewlieni tagħhom, jistgħu jiffaċilitaw bil-kbir in-negozjati ta’ liċenzjar. F’dan il-kuntest, il-kunsiderazzjonijiet ta’ proporzjonalità huma essenzjali. Filwaqt li jenħtieġ li jiġu evitati piżijiet eċċessivi għall-partijiet ikkonċernati, ta’ min iżomm f’moħħu li f’negozjati konkreti ta’ liċenzjar, id-detenturi ta’ privattivi neċessarjament ikollhom jinvestu biex jagħtu ġustifikazzjoni lill-utenti tal-SEP għaliex il-privattivi mill-portafoll tad-detenturi tal-privattivi huma essenzjali għall-istandard jew kif dawn il-privattivi qed jinkisru 13 . Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-titjib inkrimentali propost bi spejjeż ikkontrollati jista’ jnaqqas b’mod sostanzjali l-ispejjeż globali ta’ tranżazzjoni tul in-negozjati ta’ liċenzjar kif ukoll ir-riskji ta’ ksur, u dan ikun ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet fin-negozjati 14 .

1.2.1.Dikjarazzjonijiet aktar aġġornati u preċiżi

Id-dikjarazzjonijiet iseħħu fi stadju bikri tal-proċess ta’ standardizzazzjoni u normalment ’il quddiem ma ssir l-ebda reviżjoni. Madankollu, is-soluzzjonijiet tekniċi proposti fin-negozjati tal-istandards jevolvu sakemm jintlaħaq ftehim dwar l-istandard finali 15 . Filwaqt li l-maġġoranza tad-dikjarazzjonijiet jikkonċernaw l-applikazzjonijiet għal privattivi, it-talbiet għal privattivi fil-qafas tal-privattiva finali mogħtija wara l-adozzjoni tal-istandard jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli 16 , peress li l-kontenut tagħhom jista’ jinbidel tul il-proċess tal-għoti. Għalhekk, id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jirrevedu r-rilevanza tad-dikjarazzjonijiet tagħhom waqt l-adozzjoni tal-istandard finali (u r-reviżjonijiet sinifikanti sussegwenti) u meta tittieħed deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-privattiva.

Id-dikjarazzjonijiet jenħtieġ li jinkludu wkoll biżżejjed informazzjoni għall-valutazzjoni tal-esponiment għall-privattiva. Id-detenturi tal-privattivi jenħtieġ li tal-inqas jagħmlu riferiment għat-taqsima tal-istandard li hija rilevanti għall-SEP u l-konnessjoni mal-familja tal-privattivi. Id-dikjarazzjonijiet jenħtieġ li jidentifikaw b’mod ċar kuntatt għall-proprjetarju/liċenzjatur tal-PES iddikjarata.

Fl-aħħar, għandu jiġi nnutat li l-SEPs ta’ teknoloġiji ewlenin jkunu ta’ spiss is-suġġett ta’ litigazzjoni 17 . L-informazzjoni assoċjata hija rilevanti għad-detenturi kollha ta’ liċenzja interessati u jista’ jkollha rwol biex tiġi limitata l-possibbiltà ta’ litigazzjoni futura. Għalhekk, jenħtieġ li l-SDOs jipprovdu l-possibbiltà u l-inċentivi għad-detenturi tal-privattivi u għall-utenti tat-teknoloġiji biex jirrapportaw ir-referenzi tal-kawża u l-eżitu ewlieni tad-deċiżjonjiet finali, pożittiv jew negattiv, dwar l-SEPs iddikjarati (inkluż dwar l-essenzjalità u l-validità tal-privattiva). Peress li normalment il-kumpaniji jieħdu azzjoni legali biss fuq ċerti privattivi ta’ valur fi ħdan portafoll, u kemm id-detenturi tal-privattivi kif ukoll l-utenti jenħtieġ li jkollhom interess li jirrappurtaw deċiżjonijiet li ttieħdu favurihom, il-piż assoċjat ta’ din il-miżura għandu jkun wieħed limitat.

1.2.2.Verifiki tal-essenzjalità

L-evidenza tindika r-riskju ta’ firxa wiesgħa ta’ dikjarazzjonijiet żejda u toffri argument sod favur aktar affidabbiltà rigward l-essenzjalità tal-SEP 18 . Il-partijiet ikkonċernati jirrapportaw li d-dikjarazzjonijiet irreġistrati joħolqu presunzjoni de facto ta’ essenzjalità fin-negozjati mad-detenturi ta’ liċenzja 19 . Dan ix-xenarju jimponi piż kbir fuq kull detentur ta’ liċenzja, b’mod partikolari lill-SMEs u lin-negozji l-ġodda, biex jivverifika l-essenzjalità ta’ għadd kbir ta’ SEPs fin-negozjati ta’ liċenzjar.

Għalhekk, hemm il-ħtieġa ta’ grad ogħla ta’ skrutinju fir-rigward tat-talbiet marbuta mal-essenzjalità. Dan ikun jirrikjedi li jsir skrutinju minn parti indipendenti b’kapaċitajiet tekniċi u b’rikonoxximent tas-suq, fi żmien xieraq. Minkejja dan, l-introduzzjoni ta’ tali rekwiżit ta’ skrutinju għall-SEPs trid tiġi bbilanċjata mal-ispejjeż 20 . Madankollu, approċċ inkrimentali, fejn l-iskrutinju jitwettaq fuq talba tad-detenturi tad-drittijiet jew tal-utenti prospettivi, li jikkalibra l-profondità tal-iskrutinju u jillimita l-verifiki għal privattiva waħda fi ħdan familja u għall-kampjuni, jista’ jiżgura bilanċ xieraq bejn l-ispiża u l-benefiċċju ta’ din il-miżura 21 .

1.2.3.Mezzi ta’ implimentazzjoni

Filwaqt li aktar trasparenza twassal għal benefiċċji evidenti, il-piż relatat jeħtieġ li jibqa’ proporzjonat. B’hekk il-miżuri jistgħu jiġu estiżi b’mod gradwali, u japplikaw għal standards ġodda u ewlenin biss, pereżempju l-5G.

Bħala l-ewwel pass, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jiġu inċentivati biex jivvalorizzaw iż-żieda fit-trasparenza, pereżempju permezz ta’ ċertifikazzjoni li turi li l-portafolli tal-SEPs iddikjarati tagħhom jikkonformaw mal-kriterji ta’ trasparenza. Din iċ-ċertifikazzjoni tista’ tintuża aktar tard f’negozjati ta’ liċenzjar u f’litigazzjoni. Barra minn hekk, studju reċenti mwettaq għall-Kummissjoni juri li l-SDOs jistgħu jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ tariffi (modesti) għall-konferma tad-dikjarazzjonijiet tal-SEP wara l-ħruġ ta’ standard u l-għoti ta’ privattiva, biex id-detenturi tal-PES jiġu inċentivati jirrevedu u jżommu d-dikjarazzjonijiet rilevanti biss 22 .

Meta wieħed jikkunsidra l-verifiki tal-essenzjalità, l-uffiċċji tal-privattivi jistgħu jkunu l-kandidati naturali għall-isfruttar tas-sinerġiji u biex jitnaqqsu l-ispejjeż 23 . Il-Kummissjoni se tappoġġja l-analiżi ulterjuri tal-fattibbiltà tagħhom biex jiġu żgurati soluzzjonijiet effikaċi u proporzjonati. Skont l-eżitu ta’ dan il-proġett, korp Ewropew indipendenti jista’ jingħata l-kompitu li jipproċedi bil-valutazzjoni tal-essenzjalità tal-SEP.

Il-Kummissjoni:

- tistieden lill-SDOs biex mill-aktar fis jiżguraw li l-bażijiet tad-dejta tagħhom jikkonformaw mal-karatteristiċi ta’ kwalità ewlenin deskritti hawn fuq, u se tikkoopera mal-SDOs biex tiffaċilita dan il-proċess.

- tistieden lill-SDOs biex jibdlu s-sistema attwali ta’ dikjarazzjoni f'għodda li tipprovdi informazzjoni aktar aġġornata u aktar preċiża dwar l-SEPs u se tikkoopera mal-SDOs biex tiffaċilita dak il-proċess;

- tqis li l-SEPs iddikjarati jenħtieġ li jkunu soġġetti għal skrutinju affidabbli tal-essenzjalità tagħhom għal standard, u se tniedi proġett pilota għall-SEPs f’teknoloġiji ewlenin, bil-għan li tiffaċilita l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ skrutinju xieraq.

2.Prinċipji ġenerali relatati mat-termini ta’ liċenzjar FRAND għall-SEPs 

Il-Kummissjoni tqis li l-partijiet jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jaslu għal fehim komuni rigward x’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ liċenzjar ġusti u r-rati ġusti, permezz ta’ negozjati in bona fide. Bħalissa, il-liċenzjar huwa mxekkel minn interpretazzjonijiet li mhumiex ċari u diverġenti tas-sinifikat ta’ FRAND. Id-dibattitu huwa partikolarment imqanqal fir-rigward tal-prinċipji ta’ valutazzjoni. Hemm ir-riskju li l-opinjonijiet diverġenti u l-litigazzjonijiet dwar il-liċenzjar FRAND jistgħu jdewmu l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, il-proċessi ta’ standardizzazzjoni u l-introduzzjoni tal-Internet tal-Oġġetti fl-Ewropa. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li huwa kemm neċessarju kif ukoll ta’ benefiċċju li jiġi stabbilit l-ewwel sett ta’ indikazzjonijiet bażiċi dwar il-kunċett FRAND sabiex jiġi pprovdut ambjent ta’ liċenzjar aktar stabbli u l-partijiet jiġu ggwidati fin-negozjati tagħhom u jitnaqqsu l-litigazzjonijiet.

L-elementi ta’ gwida stabbiliti hawn taħt huma bbażati fuq ir-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika 24 , analiżi tal-aħjar prattiki 25 , studji 26 , kif ukoll fuq il-ġurisprudenza nazzjonali 27 . Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati sabiex jiddjalogaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni, bil-għan li tinkiseb aktar ċarezza u jiġu żviluppati l-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-progress miksub u tieħu azzjoni kumplimentari dwar il-liċenzjar FRAND, skont kif meħtieġ.

2.1.Prinċipji ta’ liċenzjar

Kif ikkonfermat il-QtĠ-UE, “impenn ta’ għoti ta’ liċenzji skont il-kundizzjonijiet FRAND joħloq aspettattivi leġittimi ma’ terzi li l-proprjetarju tal-PES jagħtihom effettivament għal tali kundizzjonijiet” 28 .

Iż-żewġ partijiet jridu jkunu lesti li jinvolvu ruħhom f’negozjati in bona fide, bil-għan li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ta’ liċenzjar li huma ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji. Il-partijiet ta’ ftehim ta’ liċenzjar ta’ SEP li jinnegozjaw in bona fide jkunu fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeterminaw l-aktar termini FRAND adegwati għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom.

Jenħtieġ li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet dwar l-effiċjenza, l-aspettattivi raġonevoli taż-żewġ naħat fir-rigward tat-tariffi tal-liċenzji, il-faċilitazzjoni tal-adozzjoni mill-implimentaturi li jippromwovu d-diffużjoni wiesgħa tal-istandard. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi enfasizzat li ma hemmx soluzzjoni waħda li hija tajba għal kulħadd fir-rigward tat-termini FRAND: dak li jista’ jitqies ġust u raġonevoli jvarja minn settur għal ieħor u matul iż-żmien. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati għal diskussjonijiet settorjali bil-għan li jiġu stabbiliti prattiki komuni għal-liċenzjar, ibbażati fuq il-prinċipji riflessi f’din il-Komunikazzjoni.

Il-Kummissjoni tqis li jridu jiġu kkunsidrati l-prinċipji ta’ valutazzjoni tal-PI li ġejjin:

·It-termini tal-liċenzjar għandu jkollhom rabta ċara mal-valur ekonomiku tat-teknoloġija protetta bi privattiva. Dak il-valur jeħtieġ li jiffoka primarjament fuq it-teknoloġija nnifisha u fil-prinċipju ma għandu jinkludi l-ebda element li jirriżulta mid-deċiżjoni li t-teknoloġija tiġi inkluża fl-istandard. F’każijiet fejn it-teknoloġija tiġi żviluppata primarjament għall-istandard u jkollha valur baxx tas-suq barra mill-istandard, għandhom jiġu meqjusa metodi alternattivi ta’ evalwazzjoni, bħall-importanza relattiva tat-teknoloġija fi ħdan l-istandard meta mqabbla ma’ kontribuzzjonijiet oħrajn inklużi fl-istandard. 

·Id-determinazzjoni ta’ valur FRAND jenħtieġ li jirrikjedi li jitqies il-valur miżjud preżenti 29 tat-teknoloġija protetta bi privattiva. Dak il-valur jenħtieġ li ma jkunx jiddependi mis-suċċess fis-suq tal-prodott li ma għandux rabta mat-teknoloġija protetta bi privattiva.

·Il-valutazzjoni FRAND jenħtieġ li tiżgura inċentivi kontinwati għad-detenturi ta’ SEP biex jikkontribwixxu l-aħjar teknoloġija disponibbli tagħhom għall-istandards.

·Fl-aħħar, sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ royalties, fid-definizzjoni ta’ valur FRAND, SEP individwali ma tistax tiġi meqjusa weħidha. Il-partijiet iridu jqisu rata aggregata raġonevoli għall-istandard, billi jivvalutaw il-valur miżjud globali tat-teknoloġija 30 . L-implimentazzjoni tal-miżuri dwar it-trasparenza tal-SEP diġà tista’ tkun ta’ appoġġ għal dan l-objettiv. Dan jista’ jiġi indirizzat aktar, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE, bil-ħolqien ta’ pjattaformi industrijali ta’ liċenzjar u aggregazzjonijiet ta’ privattivi, jew abbażi ta’ indikazzjonijiet ipprovduti mill-parteċipanti fl-istandardizzazzjoni rigward ir-rata massima kumulattiva li tista’ tiġi prevista jew mistennija b’mod raġonevoli.

2.2.Effiċjenza u nondiskriminazzjoni

L-element ta’ nondiskriminazzjoni ta’ FRAND jindika li d-detenturi tad-drittijiet ma jistgħux jiddiskriminaw bejn implimentaturi li jinsabu fl-“istess sitwazzjoni” 31 .

Peress li fir-rigward tat-termini FRAND ma hemmx soluzzjoni waħda li hija tajba għal kulħadd, is-soluzzjonijiet jistgħu jvarjaw minn settur għal ieħor u jiddependu fuq il-mudelli ta’ negozju inkwistjoni.

Kif imsemmi hawn fuq, in-negozjati FRAND jimplikaw negozjati in bona fide min-naħa taż-żewġ partijiet. Il-kunsiderazzjonijiet dwar l-effiċjenza wkoll jista’ jkollhom xi rwol. L-ispejjeż tat-tranżazzjoni relatati man-negozjati ta’ liċenzja jenħtieġ li jinżammu kemm jista’ jkun baxxi. Barra minn hekk, f’setturi fejn il-prattiki ta’ liċenzjar inkroċjat huma komuni ħafna, irid jiġi meqjus it-titjib fl-effiċjenza relatat ma’ prattiki bħal dawn. Dawn il-punti jeħtieġ li jiġu meqjusa meta ssir valutazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ dwar jekk offerta ta’ liċenzjar hijiex kompatibbli ma’ FRAND.

B’konformità mal-approċċ ippreżentat hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-istess prinċipji ta’ effiċjenza jappoġġjaw il-prattika ta’ liċenzjar tal-portafoll tal-SEP għal prodotti b’ċirkolazzjoni globali 32 . Kif ġie nnutat f’sentenza reċenti 33 , approċċ ta’ liċenzjar skont il-pajjiż jista’ ma jkunx effiċjenti u jista’ ma jkunx konformi ma’ xi prattika kummerċjali rikonoxxuta fis-settur.

2.3.Aggregazzjonijiet ta’ privattivi u pjattaformi ta’ liċenzjar li jiffaċilitaw il-liċenzjar ta’ SEP

Jenħtieġ li jiġi mħeġġeġ il-ħolqien ta’ aggregazzjonijiet ta’ privattivi jew ta’ pjattaformi oħra ta’ liċenzjar, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Dawn jistgħu jindirizzaw ħafna mill-isfidi marbuta mal-liċenzjar ta’ SEP billi joffru skrutinju aħjar fuq l-essenzjalità, aktar ċarezza fir-rigward tat-tariffi tal-liċenzjar aggregati u soluzzjonijiet b’punt uniku ta’ kuntatt. Għall-industriji tas-settur tal-Internet tal-Oġġetti, u b’mod partikolari għall-SMEs, li ġew esposti reċentement għal tilwim dwar il-liċenzjar ta’ SEPs, dawn jistgħu joffru aktar ċarezza dwar il-kundizzjonijiet ta’ liċenzjar tad-detenturi tal-SEP f’settur speċifiku.

Jenħtieġ li jiġu mħeġġa miżuri għall-istabbiliment ta’ aggregazzjonijiet għal teknoloġiji standardizzati ewlenin, pereżempju l-iffaċilitar tal-aċċess għal offerti għall-ġestjoni ta’ aggregazzjonijiet u assistenza teknika mill-SDO 34 . Il-Kummissjoni se tqis miżuri ulterjuri jekk dawn l-isforzi jkunu ineffettivi fis-setturi tal-Internet tal-Oġġetti.

2.4.Sfruttament u approfondiment tal-kompetenzi relatati ma’ FRAND

Jeħtieġ li tiżdied l-aċċessibbiltà tal-esperjenza, il-kompetenzi u l-għarfien espert fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet FRAND. Tul bosta snin inkiseb għarfien siewi u ġew żviluppati approċċi minn ftehimiet ta’ liċenzjar, medjazzjonijiet, arbitraġġi u deċiżjonijiet tal-qorti. Ġew iddedikati riżorsi u sforzi sinifikanti biex jiġu kkjarifikati, analizzati u vvalutati l-privattivi u t-teknoloġiji. Minħabba li ma hemmx repożitorju komuni għal dawn il-kompetenzi, ix-xogħol u r-riċerka jistgħu jiġu ddupplikati bla bżonn bi spejjeż serji għall-partijiet involuti. Informazzjoni aktar aċċessibbli relatata ma’ FRAND tista’ żżid il-prevedibbiltà għan-negozji bħall-atturi tal-Internet tal-Oġġetti, tiffaċilita l-proċess ta’ liċenzjar inġenerali u tipprovdi appoġġ u parametri referenzjarji fir-riżoluzzjoni tat-tilwim.

Għalhekk, il-Kummissjoni se tistabbilixxi grupp ta’ esperti bil-għan li jinġabru prattiki industrijali u kompetenzi addizzjonali dwar il-liċenzjar FRAND. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tuża kull għodda xierqa disponibbli biex tikseb aktar informazzjoni li tista’ tappoġġja t-tfassil tal-politika tagħha b’evidenza suffiċjenti.

Fid-dawl tal-iżviluppi attwali, il-Kummissjoni tqis li l-liċenzjar ta’ SEP jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-bażi tal-prinċipji li ġejjin:

- Ma hemmx soluzzjoni waħda li hija tajba għal kulħadd fir-rigward ta’ FRAND: dak li jista’ jitqies ġust u raġonevoli jista’ jvarja minn settur għal ieħor u matul iż-żmien. Jenħtieġ li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet dwar l-effiċjenza, l-aspettattivi raġonevoli taż-żewġ naħat fir-rigward tat-tariffi tal-liċenzji, il-faċilitazzjoni tal-adozzjoni mill-implimentaturi li jippromwovu d-diffużjoni wiesgħa tal-istandard.

Id-determinazzjoni ta’ valur FRAND jenħtieġ li tirrikjedi li jitqies il-valur miżjud preżenti tat-teknoloġija protetta bi privattiva. Dak il-valur jenħtieġ li ma jkunx jiddependi mis-suċċess fis-suq tal-prodott li ma għandux rabta mal-valur tat-teknoloġija protetta bi privattiva.  

- Fid-definizzjoni ta’ valur FRAND, jenħtieġ li l-partijiet jqisu r-rata aggregata raġonevoli għall-istandard.

- L-element ta’ nondiskriminazzjoni ta’ FRAND jindika li d-detenturi tad-drittijiet ma jistgħux jiddiskriminaw bejn implimentaturi li jinsabu fl-“istess sitwazzjoni”.

- Għall-prodotti b’ċirkolazzjoni globali, il-liċenzji għal SEP mogħtija fuq bażi dinjija jistgħu jikkontribwixxu għal approċċ aktar effiċjenti u għalhekk jistgħu jkunu kompatibbli ma’ FRAND.

Il-Kummissjoni tistieden lill-SDOs u lid-detenturi ta’ SEP biex jiżviluppaw soluzzjonijiet effettivi sabiex jiffaċilitaw il-liċenzjar ta’ għadd kbir ta’ implimentaturi fl-ambjent tal-Internet tal-Oġġetti (b’mod partikolari l-SMEs) permezz ta’ aggregazzjonijiet ta’ privattivi jew pjattaformi oħrajn ta’ liċenzjar, filwaqt li joffru trasparenza u prevedibbiltà suffiċjenti.

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-prattiki ta’ liċenzjar, b’mod partikolari fis-settur tal-Internet tal-Oġġetti. Se tistabbilixxi wkoll grupp ta’ esperti bil-għan li tapprofondixxi l-kompetenzi dwar il-prattiki tal-liċenzjar tal-industrija, dwar il-valutazzjoni soda tal-IP u dwar id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet FRAND.

3.Ambjent ta’ infurzar prevedibbli għall-SEPs

It-tilwim dwar l-SEPs huwa fattur importanti fis-sistema ta’ liċenzjar meta jfallu n-negozjati. Ambjent ta’ infurzar ibbilanċjat u prevedibbli għandu effetti partikolarment pożittivi fuq l-imġiba tal-partijiet tul in-negozjati, u dan jista’ jħaffef it-tixrid ta’ teknoloġiji standardizzati. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-Internet tal-Oġġetti jirrapportaw li l-inċertezzi u n-nuqqas ta’ bilanċ fis-sistema ta’ infurzar għandhom implikazzjonijiet serji għad-dħul fis-suq. L-SEPs juru grad ogħla ta’ litigazzjoni minn privattivi oħrajn 35 u dan issaħħaħ il-ħtieġa ta’ qafas ċar għat-tilwim f’dan il-qasam. Filwaqt li din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq gwida speċifika dwar Privattivi Essenzjali għal Standard, il-Gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali 36 tikkjarifika r-reġim IPRED b’mod aktar ġenerali. Il-possibbiltà tal-infurzar hija waħda mill-aspetti prinċipali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali 37 . Id-dibattitu fil-qasam tal-SEPs iffoka primarjament fuq id-disponibbiltà ta’ rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni. Tali rimedju jimmira li jipproteġi lid-detenturi ta’ SEP kontra kontraventuri li ma jkunux lesti jikkonkludu liċenzja skont it-termini FRAND. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jkun hemm salvagwardji kontra r-riskju li utenti in bona fide tat-teknoloġija li jiġu mhedda b’inibizzjoni jaċċettaw it-termini ta’ liċenzjar li mhumiex FRAND, jew fl-agħar każ, ma jkunux jistgħu jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom (“hold-ups”).

3.1.id-disponibbiltà ta’ rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni fil-qafas tal-ġurisprudenza Huawei vs ZTE

Fis-sentenza tagħha fil-kawża Huawei 38 , il-QtĠ-UE stabbiliet obbligi li japplikaw għaż-żewġ naħat ta’ ftehim ta’ liċenzjar ta’ SEP, meta jiġi vvalutat jekk id-detentur ta’ SEP jistax ifittex inibizzjoni kontra detentur potenzjali ta’ liċenzja mingħajr ma jmur kontra l-Artikolu 102 tat-TFUE. Id-detenturi ta’ SEP ma jistgħux ifittxu inibizzjonijiet kontra utenti li jkunu lesti li jidħlu għal liċenzja skont it-termini FRAND, u l-QtĠ-UE stabbiliet kriterji ta’ mġiba biex jiġi vvalutat meta detentur potenzjali ta’ liċenzja jista’ jitqies lest biex jidħol għal tali liċenzja.

Il-Kummissjoni tqis li l-elementi ta’ hawn taħt – li jirriżultaw mill-ġurisprudenza nazzjonali fl-applikazzjoni tas-sentenza Huawei 39 jipprovdu gwida addizzjonali utli għall-partijiet ikkonċernati.

Għadd ta’ qrati enfasizzaw li detentur prospettiv ta’ SEP għandu jirċievi informazzjoni li tkun dettaljata u rilevanti biżżejjed sabiex jiddetermina r-rilevanza tal-portafoll tal-SEP u l-konformità ma’ FRAND 40 . Ir-rekwiżiti konkreti jistgħu jvarjaw skont il-każ individwali, iżda l-Kummissjoni hija tal-fehma li, biex tiġi vvalutata offerta FRAND u ssir kontrofferta adegwata, hemm bżonn ta’ spjegazzjonijiet ċari rigward: l-essenzjalità għal standard, il-prodotti tad-detentur tal-SEP li allegatament jikkostitwixxu ksur, il-kalkolu propost tar-royalty u l-element mhux diskriminatorju ta’ FRAND.

Rigward il-kontrofferta, skont is-sentenza Huawei jirriżulta li jenħtieġ li din tkun konkreta u speċifika, jiġifieri ma tistax tkun limitata għall-kontestazzjoni tal-offerta tad-detentur tal-SEP u għal referenza ġenerali għad-determinazzjoni tar-royalty minn parti terza. Jenħtieġ ukoll li tinkludi informazzjoni dwar l-użu preċiż tal-istandard fil-prodott speċifiku. Ir-rieda tal-partijiet li jissoġġettaw lil parti terza, b’mod vinkolanti, għad-determinazzjoni tat-termini FRAND, fil-każ li jinstab li l-(kontr)offerta mhijiex konformi ma’ FRAND, madankollu hija indikazzjoni ta’ mġiba FRAND.

Fir-rigward tal-puntwalità tal-kontrofferta tad-detentur potenzjali ta’ liċenzja, ma jista’ jiġi stabbilit ebda parametru referenzjarju ġenerali, peress li hemm involuti elementi speċifiċi għall-każ. Dawn jinkludu l-għadd ta’ SEPs asseriti u d-dettalji inklużi fil-proċediment ta’ ksur. Madankollu, hemm kompromess probabbli bejn iż-żmien meqjus raġonevoli għar-risposta għall-offerta u d-dettalji u l-kwalità tal-informazzjoni pprovduta fl-offerta inizjali tad-detentur tal-SEP. F’dan ir-rigward, miżuri li jtejbu t-trasparenza upstream dwar l-esponiment għall-SEPs 41 se jkollhom impatt pożittiv ħafna fuq is-sistema ta’ infurzar.

Jekk ikun hemm disponibbli minn qabel informazzjoni aktar affidabbli dwar l-SEPs permezz tas-sistema ta’ dikjarazzjoni, kif enfasizzat fit-taqsima 1 ta’ hawn fuq, l-għadd ta’ SEPs iddikjarati jonqos b’mod konsiderevoli. Dan jenħtieġ li jitqies fil-valutazzjoni tal-ħinijiet ta’ rispons aċċettabbli għal offerta FRAND min-naħa tal-utenti tal-SEP.

Rigward il-garanzija li trid tiġi pprovduta mill-utent tal-SEP bħala protezzjoni kontra inibizzjoni, l-ammont jenħtieġ li jiġi ffissat f’livell li jiskoraġġixxi strateġiji msejħa “patent hold-out”. Kunsiderazzjonijiet simili jistgħu japplikaw fil-valutazzjoni tad-daqs tad-danni. Il-Kummissjoni se tappoġġja skambju tal-aħjar prattika minn esperti u partijiet ikkonċernati dwar il-metodu ta’ kalkolu tad-danni f’każijiet ta’ SEP.

3.2.Kunsiderazzjonijiet ta’ proporzjonalità

Meta tiġi vvalutata d-disponibbiltà ta’ rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni, il-qrati huma marbuta bl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali 42 , u b’mod partikolari r-rekwiżit li jkun żgurat li r-rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni jkun effettiv, proporzjonat u dissważiv. Minħabba l-impatt wiesa’ li inibizzjoni tista’ tħalli fuq in-negozji, il-konsumaturi u fuq l-interess pubbliku, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ekonomija diġitalizzata, il-valutazzjoni tal-proporzjonalità trid titwettaq bir-reqqa u fuq bażi ta’ każ b’każ. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jeħtieġ li tiġi meqjusa r-rilevanza relattiva tat-teknoloġija li tkun l-oġġett ta’ tilwim għall-applikazzjoni inkwistjoni u l-effetti konsegwenzjali potenzjali ta’ inibizzjoni fuq il-partijiet terzi.

3.3.Litigazzjoni abbażi ta’ portafolli ta’ privattivi

B’konformità mas-sentenza Huawei, li tirreferi għal konswetudnijiet kummerċjali aċċettati fil-qasam 43 , il-qrati nazzjonali qiesu wkoll li l-liċenzji ta’ portafoll mogħtija barra mit-territorju nazzjonali huma konformi ma’ FRAND, dment li l-portafoll ikun limitat għall-SEPs kollha li detentur ta’ liċenzja jkollu bżonn biex jipproduċi/jikkummerċjalizza l-prodott tiegħu (ara t-taqsima 2.2 ta’ hawn fuq). F’dan il-kuntest, id-detenturi ta’ SEP jistgħu joffru aktar privattivi, inklużi mhux SEPs, iżda ma jistgħux jeżiġu li detentur ta’ liċenzja jaċċetta liċenzja għal dawn il-privattivi l-oħrajn ukoll. In-nuqqas ta’ rieda jew ir-rifjut ġenerali li wieħed joffri jew jaċċetta l-SEPs kollha li detentur ta’ liċenzja jkollu bżonn jistgħu jkunu indikazzjoni ta’ mala fede. Sabiex tkun FRAND, il-kontrofferta trid tkun relatata mal-SEPs kollha li detentur ta’ liċenzja jkollu bżonn u ma tistax tkun ibbażata fuq privattiva jew privattivi individwali biss. Madankollu, il-portafolli jenħtieġ li ma jinkludux teknoloġiji kompetittivi, iżda biss teknoloġiji kumplimentari jekk meħtieġ 44 . Filwaqt li d-detenturi putattivi ta’ liċenzji jistgħu dejjem jiddubitaw mill-validità/l-essenzjalità ta’ privattivi individwali, il-liċenzjar tal-SEPs kollha li detentur ta’ liċenzji jkollu bżonn jista’ jkun partikolarment effiċjenti. Għalhekk, il-Kummissjoni se taħdem mal-partijiet ikkonċernati (inkluż, fejn xieraq, qrati, arbitri u medjaturi) biex tiżviluppa u tuża metodoloġiji konsistenti, bħall-kampjunar, li jippermettu riżoluzzjoni effiċjenti u effikaċi tat-tilwim dwar SEPs, b’konformità mal-prattika industrijali tal-liċenzjar ta’ portafolli.

3.4.Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li mekkaniżmi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) bħall-medjazzjoni u l-arbitraġġ jistgħu joffru riżoluzzjoni tat-tilwim aktar rapida u irħas 45 . Filwaqt li ma jistax ikun hemm obbligu biex il-partijiet jużaw ADR, il-Kummissjoni temmen li l-benefiċċji potenzjali ta’ din l-għodda bħalissa mhux qed jiġu sfruttati biżżejjed.

L-użu ta’ ADR ta’ spiss huwa mxekkel min-nuqqas ta’ prevedibbiltà u kkritikat minħabba nuqqas ta’ trasparenza tad-deċiżjonijiet preċedenti. Is-suċċess ta’ tali mekkaniżmi jiddependi mhux biss fuq proċeduri adegwati, iżda wkoll fuq il-kwalità tal-esperti. Jenħtieġ li meta tibda topera, il-Qorti Unifikata tal-Privattivi tipprovdi ċentru ddedikat għall-arbitraġġ u l-medjazzjoni li jibbenefika minn grupp ta’ mħallfin speċjalizzati, b’hekk jiġu żgurati proċedimenti ta’ kwalità għolja u effiċjenti, prattiki koerenti u kamp ta’ applikazzjoni limitat għall-għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni. Kif ħabbret fl-istrateġija tagħha ta’ Novembru 2016 dwar il-PI għall-SMEs, il-Kummissjoni, flimkien mal-EUIPO, qed timmappja l-għodod għall-medjazzjoni u l-arbitraġġ fil-qasam tal-PI bil-għan li tiffaċilita t-tixrid ulterjuri gradwali tas-servizzi ta’ medjazzjoni u arbitraġġ marbuta mal-PI, b’mod partikolari għall-SMEs 46 .

Il-Kummissjoni tqis li l-eżiti tat-tilwim jenħtieġ li jiġu inklużi wkoll fil-bażijiet tad-dejta tal-SDOs, kif imsemmi fil-kapitolu dwar it-trasparenza 47 .

3.5.Entitajiet li jasserixxu privattivi u SEPs

L-entitajiet li jasserixxu privattivi 48 (Patent Assertion Entities (PAEs)) qed jinvolvu ruħhom dejjem aktar fis-suq tal-liċenzjar ta’ SEP. Studji 49 juru li s-sistema Ewropea ta’ litigazzjoni, inkluża dik li mistennija tiġi stabbilita skont il-Qorti Unifikata tal-Privattivi, għandha biżżejjed salvagwardji biex jipproteġu kontra l-effetti potenzjalment dannużi ta’ ċerti PAEs fl-UE 50 . Il-PAEs jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess regoli bħal kull detentur ieħor ta’ SEP, inkluż wara t-trasferiment tal-SEPs mid-detenturi tal-privattivi għall-PAEs. Aktar trasparenza u prevedibbiltà għandhom inaqqsu aktar il-marġni ta’ abbuż. L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità mill-qrati tipprovdi salvagwardja oħra. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-impatt kontinwu ta’ dawn l-atturi tas-suq fuq is-suq tal-liċenzjar ta’ SEP fl-Ewropa, b’mod partikolari malli tibda topera l-privattiva unitarja tal-UE.

3.6.Sensibilizzazzjoni

Jeħtieġ li l-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari l-SDOs u d-detenturi ta’ SEP, iżidu b’mod proattiv l-għarfien dwar il-proċess ta’ liċenzjar FRAND u l-implikazzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari għall-SMEs (kemm id-detenturi tal-privattivi kif ukoll l-implimentaturi tal-istandards). Il-Kummissjoni se tappoġġja azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni fuq din il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni tqis li l-proċess FRAND jirrekjedi li ż-żewġ partijiet jinnegozjaw in bona fide, inkluż li jirrispondu fil-ħin. Madankollu, wieħed jista’ jfittex rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni kontra partijiet li jaġixxu in mala fede (jiġifieri partijiet mhux lesti li jieħdu liċenzja skont it-termini FRAND), iżda dan irid jintuża b’mod proporzjonat.

Il-Kummissjoni se:

- taħdem mal-partijiet ikkonċernati biex tiżviluppa u tuża metodoloġiji bħall-kampjunar, li jippermettu soluzzjoni effiċjenti u effikaċi ta’ litigazzjonijiet dwar l-SEPs, b’konformità mal-prattika industrijali tal-liċenzjar ta’ portafolli;

- tiffaċilita aktar l-introduzzjoni ta’ medjazzjoni u ta’ għodod għas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim; u

- timmonitorja l-impatt tal-PAEs fl-Ewropa.

4. Sors miftuħ u standards

Fil-kuntest tal-avvanzi attwali fit-teknoloġija, l-implimentazzjoni ta’ softwer b’sors miftuħ (OSS), flimkien mal-istandards, qed tixpruna wkoll l-innovazzjoni u qed tinxtered dejjem aktar, inkluż fil-qasam tal-istandards tal-ICT. L-integrazzjoni bejn il-proġetti b’sors miftuħ u l-proċessi ta’ żvilupp tal-istandards hija sitwazzjoni li minna qed jibbenefikaw iż-żewġ naħat: fuq naħa waħda l-allinjament bejn is-sors miftuħ u l-istandardizzazzjoni jista’ jħaffef il-proċess tal-iżvilupp tal-istandards u l-adozzjoni tal-istandards tal-ICT (b’mod partikolari għall-SMEs) u fuq in-naħa l-oħra l-istandards jistgħu jipprevedu l-interoperabbiltà tal-implimentazzjonijiet ta’ softwer b’sors miftuħ 51 . Fi ħdan SDOs differenti qed isiru attivitajiet lejn din id-direzzjoni 52 .

Il-proċessi b’sors miftuħ u ta’ standardizzazzjoni it-tnejn għandhom karatteristiċi komuni (pereżempju proċessi miftuħa kollaborattivi, kontribut għall-innovazzjoni) u differenzi (politiki dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, aġilità, manutenzjoni, trasparenza, bilanċ tal-proċessi eċċ.). Għalhekk, jeħtieġ li tingħata attenzjoni lill-interazzjoni bejn il-proġetti tal-komunità b’sors miftuħ u l-proċessi tal-SDOs.

Il-Kummissjoni tappoġġja soluzzjonijiet b’sors miftuħ, jiġifieri permezz ta’ proġetti tar-riċerka u l-investiment iffinanzjati fil-qafas ta’ Orizzont 2020. Interazzjonijiet flessibbli u effettivi bejn il-komunitajiet tal-istandardizzazzjoni u l-komunitajiet b’sors miftuħ se jippromwovu u jaċċelleraw l-adozzjoni ta’ żviluppi teknoloġiċi avvanzati.

Il-Kummissjoni se tkompli tikkollabora mal-partijiet ikkonċernati, mal-komunitajiet b’sors miftuħ u mal-SDOs biex tippromwovi relazzjoni effettiva bejn l-istandardizzazzjoni u s-sors miftuħ. Se tiffinanzja wkoll studji għall-analiżi tal-komplementarjetajiet, il-modi ta’ interazzjoni u d-differenzi bejn iż-żewġ proċessi, u se tirrakkomanda soluzzjonijiet għall-kollaborazzjoni bla xkiel bejn iż-żewġ komunitajiet.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-partijiet ikkonċernati, mal-komunitajiet b’sors miftuħ u mal-SDOs, għal interazzjoni b’suċċess bejn is-sors miftuħ u l-istandardizzazzjoni, permezz ta’ studji u ta’ analiżijiet.

5. Konklużjoni

Sabiex l-Ewropa tkun tista’ tibbenefika bis-sħiħ mis-Suq Uniku u s-Suq Uniku Diġitali, hemm bżonn ta’ qafas ibbilanċjat tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li jappoġġja ekosistema ta’ standardizzazzjoni u ambjent ta’ liċenzjar ta’ SEP li jkunu sostenibbli u effiċjenti.

Din il-Komunikazzjoni tipproponi approċċ olistiku u tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin għal-liċenzjar ta’ SEP filwaqt li tqis il-mod ta’ kif inhuma organizzati s-setturi industrijali kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet dwar l-effiċjenza. Il-ħidma flimkien mal-partijiet ikkonċernati kollha se tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-prinċipji u biex ikunu żgurati riżultati konkreti tal-azzjonijiet imħabbra, b’mod partikolari billi titrawwem il-parteċipazzjoni tan-negozji l-ġodda fl-introduzzjoni tal-Internet tal-Oġġetti. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha sabiex jimpenjaw ruħhom b’mod attiv fl-implimentazzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib is-swieq tal-liċenzjar ta’ SEP, b’enfasi partikolari fuq it-teknoloġiji tal-Internet tal-Oġġetti, billi tagħmel użu mill-grupp ta’ esperti li se jinħoloq u tniedi aktar studji jekk ikun meħtieġ. Se tieħu kont tal-progress miksub u tivvaluta l-ħtieġa għal aktar miżuri biex ikun żgurat qafas ibbilanċjat għal-liċenzjar bla xkiel, effiċjenti u effettiv tal-SEPs fuq dik il-bażi.

(1)

Ir-Regolament (UE) 1025/2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea jiddefinixxi t-tifsira tat-termini “standard” u “speċifikazzjoni teknika”. F’dan id-dokument it-terminu “standard” jintuża għaż-żewġ sinifikati biex jiġi evitat tul żejjed.

(2)

Pereżempju, il-kumpanija X li tikkummerċjalizza sistemi tal-allarm residenzjali konnessi mal-internet kemm permezz tal-WIFI kif ukoll permezz tal-LTE biex tipprovdi lill-konsumaturi b’aktar sikurezza fil-każ li jinqata’ d-dawl, ikollha bżonn liċenzja għal dawn it-teknoloġiji standardizzati.

(3)

McKensey, 2015. Ara wkoll l-objettiv stabbilit mill-President Juncker fir-rigward tal-5G u l-Internet tal-Oġġetti fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-14 ta’ Settembru 2016.

(4)

PricewaterhouseCoopers, 2015, u Boston Consulting Group, 2015. Ara wkoll: https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/digitising-european-industry#usefullinks

(5)

 Ara McKinsey (2015).

(6)

Ir-riskji ekonomiċi huma għoljin ħafna: pereżempju, id-dħul mir-royalties għall-istandards 2G, 3G u 4G huwa ta’ madwar EUR 18-il biljun fis-sena (CRA 2016).

(7)

 Il-konsultazzjoni pubblika organizzata mill-Kummissjoni fl-2014 turi b’mod ċar l-opinjonijiet diverġenti dwar l-isfidi u s-soluzzjonijiet rigward l-ambjent tal-SEPs. Ara http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=7833 .

(8)

Il-privattivi ddikjarati lill-ETSI jirrappreżentaw 70 % tal-SEPs globali (IPlytics, 2017).

(9)

Pereżempju, aktar minn 23 500 privattiva ġew iddikjarati essenzjali għall-istandard tas-Sistema Globali ta’ Komunikazzjoni Mobbli u għall-istandards tat-teknoloġija 3G jew tas-Sistema Universali ta’ Komunikazzjoni Mobbli żviluppati fi ħdan l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI). Dawn l-istandards japplikaw għall-ismartphones u għat-tagħmir kollu b’konnessjoni mobbli. Għal aktar ċifri, ara Landscaping study on SEPs IPlytics (2017) u Patent and standards, A modern framework for IPR-based standardization ECSIP (2014).

(10)

Xi SDOs jirrikjedu d-divulgazzjoni ta’ privattivi speċifiċi, peress li jirrikonoxxu l-benefiċċji tagħhom, filwaqt li oħrajn jippermettu dikjarazzjonijiet ġenerali. Din it-taqsima tal-Komunikazzjoni tirreferi għall-SDOs b’divulgazzjoni ta’ privattivi speċifiċi.

(11)

Ara pereżempju l-proġett li ilu għaddej "DARE" għat-titjib tal-bażi tad-dejta tal-ETSI.

(12)

Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok, ara r-rapport sommarju tal-konsultazzjoni pubblika organizzata mid-DĠ GROW fl-2015. http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/14482/attachments/1/translations/en/renditions/native.

(13)

Ara CRA (2016).

(14)

 Ara t-taqsima 3 ta’ hawn taħt rigward infurzar effettiv.

(15)

Pereżempju, privattiva potenzjali jew applikazzjoni għal privattiva inizjalment ddikjarati għal teknoloġija kandidata jistgħu ma jinżammux fl-istandard maħruġ, jew l-applikazzjoni għal privattiva ddikjarata tista’ tiġi riveduta tul il-proċess tal-għoti.

(16)

Pereżempju, 71 % tal-SEPs iddikjarati għall-SDOs maġġuri (73 % għall-ETSI) jingħataw biss wara li jkun inħareġ l-istandard (IPlytics, 2017).

(17)

Ara ECSIP (2014).

(18)

Ara IPlytics (2017) u CRA (2016) u s-sommarju tal-konsultazzjoni pubblika tad-DĠ GROW dwar l-SEPs (2015).

(19)

Għadd ta’ studji dwar diversi teknoloġiji ewlenin juru li, meta jiġu ttestjati bir-reqqa, bejn 10 % u 50 % biss tal-privattivi ddikjarati huma essenzjali (CRA, 2016 u IPlytics, 2017).

(20)

L-ispiża tal-verifiki tal-essenzjalità jistgħu jkunu negliġibbli meta mqabbla mad-dħul mil-liċenzjar ta’ teknoloġiji ewlenin (ara CRA, 2016).

(21)

Għal analiżi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji, jekk jogħġbok ara IPlytics (2017).

(22)

Ara CRA (2016).

(23)

Ara IPlytics (2017).

(24)

 Public consultation on patents and standards: A modern framework for standardisation involving intellectual property rights.

(25)

 Licensing Terms of Standard Essential Patents: A Comprehensive Analysis of Cases, JRC 2017

(26)

 Study on Transparency, Predictability and Efficiency of SDO-based Standardization and SEP Licensing, Ippubblikat: 12/12/2016, (studju CRA).

(27)

Ara, b’mod partikolari, Unwired Planet v. Huaweï [2017] EWHC 711 (Pat).

(28)

Kawża C-170/13, Huawei Technologies, EU:C:2015:477, paragrafu 53

(29)

Il-valur attwali huwa l-valur skontat saż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ liċenzjar. Huwa importanti li wieħed jippermetti l-attwalizzazzjoni maż-żmien fl-isfond tal-ftehim tal-liċenzja li jkopri diversi snin f’ambjenti ta’ negozju li xi drabi jinbidlu b’pass teknoloġiku mgħaġġel.

(30)

Dwar l-akkumulazzjoni ta’ royalties ara l-istudju tas-CRA.

(31)

Unwired Planet v. Huaweï [2017] EWHC 711 (Pat).

(32)

Madankollu, il-liċenzjar FRAND jirrikjedi li r-remunerazzjoni tiġi kkalkolata b’mod li l-implimentaturi li jkunu jixtiequ jiżviluppaw prodott għal żona speċifika li tkun ġeografikament limitata ma jiġux żvantaġġi.

(33)

Unwired Planet v. Huaweï [2017] EWHC 711 (Pat).

(34)

Pereżempju, il-ħolqien ta’ aggregazzjonijiet jista’ jiġi mħeġġeġ permezz ta’ miżuri bħat-tisħiħ tar-relazzjoni bejn l-SDOs u l-aggregazzjonijiet, l-għoti ta’ inċentivi għall-parteċipazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-universitajiet u tal-SMEs rigward il-vantaġġi li wieħed isir liċenzjatur f’aggregazzjoni (ECSIP, 2015).

(35)

ECSIP (2014).

(36)

COM(2017)708

(37)

Id-Direttiva 2004/48/KE tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. ĠU L 195 tat-2.6.2004, premessa 3

(38)

Il-Kawża C-170/13, Huawei Technologies, EU:C:2015:477.

(39)

Il-QtĠ-UE stabbiliet li l-Artikolu 102 tat-TFUE jrid jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ privattiva essenzjali għal standard stabbilit minn korp ta’ standardizzazzjoni, li jkun impenja ruħu b’mod irrevokabbli fil-konfront ta’ dak il-korp li jagħti lil partijiet terzi liċenzja skont termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (“FRAND”), ma jabbużax mill-pożizzjoni dominanti tiegħu skont it-tifsira ta’ dak l-Artikolu billi jwettaq proċediment ta’ ksur bil-għan li tinkiseb inibizzjoni li tipprojbixxi l-ksur tal-privattiva tiegħu jew bil-għan li jiġu msejħa lura l-prodotti li għall-manifattura tagħhom intużat din il-privattiva, dment li:

(1) qabel ma jwettaq dik l-azzjoni, l-ewwel il-proprjetarju għandu javża lill-allegat kontraventur bil-ksur li qed jiġi akkużat dwaru billi jindika dik il-privattiva u jispeċifika l-mod ta’ kif din il-privattiva inkisret, it-tieni, wara li l-allegat kontraventur ikun esprima r-rieda tiegħu li jikkonkludi ftehim ta’ liċenzjar skont it-termini FRAND, għandu jippreżenta lil dan il-kontraventur offerta speċifika u bil-miktub għal liċenzja skont dawn it-termini, li tispeċifika, b’mod partikolari, ir-royalty u l-modalità ta’ kalkolu tagħha; kif ukoll

(2) meta l-allegat kontraventur ikompli juża l-privattiva inkwistjoni, l-allegat kontraventur ma jkunx wieġeb b’mod diliġenti għal dik l-offerta, skont prattiki kummerċjali rikonoxxuti fil-qasam u in bona fide, din hija kwistjoni li trid tiġi determinata abbażi ta’ fatturi oġġettivi u li timplika, b’mod partikolari, li ma hemm l-ebda tattika ta’ dewmien.

(40)

OLG Düsseldorf, il-Kawża I-15 U 66/15, Ordni tas-17 ta’ Novembru 2016, u OLG Karlsruhe, il-Kawża 6 U 58/16, Ordni tat-8 ta’ Settembru 2016.

(41)

Ara t-taqsima 1 ta’ hawn fuq.

(42)

Id-Direttiva 2004/48/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ĠU L 195, 2.6.2004, p. 16.

(43)

Kawża C-170/13, Huawei Technologies, EU:C:2015:477 (paragrafu 65)

(44)

Ara, mutatis mutandis, il-Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, ĠU C 89, 28.3.2014, p. 3, paragrafi 250-55.

(45)

Diġà jeżistu diversi mekkaniżmi ADR, bħaċ-Ċentru għall-Medjazzjoni u l-Arbitraġġ tal-WIPO.

(46)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Putting intellectual property at the service of SMEs to foster innovation and growth, SWD(2016)373 tat-22.11.2016.

(47)

Ara t-taqsima 1.2.1 aktar ’il fuq.

(48)

Għat-tentattiv ta’ definizzjoni, ara l-kapitolu 3 tal-istudju tal-JRC Patent Assertion Entities in Europe. http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC103321/lfna28145enn.pdf  

(49)

  http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC103321/lfna28145enn.pdf  

(50)

L-istudju tal-JRC ta’ hawn fuq.

(51)

Rigward il-Cloud computing, ara r-rapport dwar l-istandards u s-sors miftuħ: bridging the gap.

(52)

OASIS, ECMA, ITU-T, ETSI, eċċ.