Brussell, 23.11.2017

COM(2017) 682 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

DWAR L-ATTIVITAJIET TA' GĦOTI U TEĦID TA' SELF TAL-UNJONI EWROPEA FL-2016


Werrej

1.Introduzzjoni

2.Attivitajiet ta' għoti b'self tal-Unjoni Ewropea

2.1.Faċilità tal-Bilanċi ta’ Pagament

2.2.Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja

2.3.Assistenza Makrofinanzjarja

2.4.Faċilità tal-Euratom

3.Attivitajiet ta' teħid b'self tal-Unjoni Ewropea

3.1.Faċilità tal-Bilanċ tal-Pagamenti

3.2.Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja

3.3.Assistenza Makrofinanzjarja

3.4.Faċilità tal-Euratom

4.Bank tal-Investiment Ewropew:

4.1.Attivitajiet ta' għoti b'self tal-BEI

4.2.Attivitajiet ta' teħid b'self tal-BEI

5.L-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro

5.1.Faċilità ta' Self għall-Greċja

5.2.Il-Faċilità Ewropea ta’ Stabilità Finanzjarja

5.3.Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà

1.Introduzzjoni

Dan ir-rapport huwa ppreżentat skont l-Artikolu 149 tar-Regolament Finanzjarju 1 li jitlob li l-Kummissjoni tirrapporta darba fis-sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-garanziji tal-baġit tal-UE u r-riskji korrispondenti.

Għalhekk, il-Kummissjoni tgħarraf kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu tad-diversi strumenti ta' self tal-Unjoni Ewropea (UE).

Dan ir-rapport jiddeskrivi l-operazzjonijiet ta' għoti b'self għal kull strument kif ukoll l-attivitajiet rispettivi ta' teħid b'self.

Fid-dawl tal-bidliet previsti fir-Regolament Finanzjarju, informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ għoti u teħid b’self fil-futur ser ikunu integrati fil-pakkett tar-rappurtar finanzjarju previst mir-Regolament Finanzjarju rivedut. Biex tiġi evitata d-duplikazzjoni, dan ir-rapport separat dwar għoti u teħid b’self, imbagħad mhux se jibqa’ jitħejja.

2.Attivitajiet ta' għoti b'self tal-Unjoni Ewropea

Is-sostenn finanzjarju għall-pajjiżi terzi kif ukoll għall-Istati Membri fil-forma ta’ selfiet bilaterali ffinanzjati mis-swieq kapitali bil-garanzija tal-baġit tal-UE jingħata mill-Kummissjoni permezz ta’ bosta atti legali tal-Kunsill jew tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, skont l-objettivi segwiti 2 . Il-konsistenza tas-sostenn finanzjarju lil pajjiżi terzi mal-objettivi kumplessivi tal-azzjoni esterna tal-UE hija żgurata mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà megħjuna mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

Tabella 1: L-evoluzzjoni tal-operazzjonijiet tal-UE (ammonti pendenti ta' kapital f'miljuni ta' EUR) 

2.1.Faċilità tal-Bilanċi ta’ Pagament

L-assistenza għall-bilanċi ta’ pagamenti (Balance-of-payments - BOP) skont l-Artikolu 143 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri 3 (ir-Regolament BOP) tieħu l-forma ta' self fuq perjodu ta' żmien medju pprovdut mill-Unjoni. Din ġeneralment tingħata flimkien ma' finanzjament mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u mutwanti multilaterali oħra, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) jew il-Bank Dinji.

L-assistenza għall-BOP tingħata skont il-każ mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata. Il-benefiċjarji potenzjali huma l-Istati Membri mhux fiż-Żona tal-Euro li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet serji fil-bilanċi ta’ pagament. L-għan tagħha huwa li ttaffi l-limitazzjonijiet fuq il-finanzjament estern tal-Istati Membri benefiċjarji u li treġġa' lura l-vijabbiltà tal-bilanċi ta’ pagamenti tal-pajjiż. Hija tingħata soġġetta għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika li jiġu deċiżi mill-Kunsill – wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) dwar abbozz ta' programm ta' aġġustament – u li d-dettalji tagħhom huma maqbula bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru benefiċjarju f'Memorandum ta' Qbil (MtQ) qabel il-konklużjoni ta' ftehim ta' self. Il-konformità kontinwa mal-miżuri fil-programm ta' aġġustament tiġi rieżaminata regolarment u hija kundizzjoni għall-iżborżi ta' pagamenti ulterjuri. Il-fondi meħtieġa jinġabru mis-swieq kapitali mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tirrapporta regolarment lill-KEF u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-BOP.

F’April 2016, l-Ungerija ħallset lura l-aħħar segment tas-self tagħha ta’ EUR 1,5 biljun. Fil-31 ta' Diċembru 2016, l-ammont totali pendenti fil-programm tal-BOP kien ta' EUR 4,2 biljun 4 .

Tabella 2: Assistenza għall-BoP sal-31.12.2015 (ammonti ta' kapital f’biljuni ta’ EUR) 

Pajjiż

Ammont deċiż

Ammont żburżat

Ammont rimborżat

Ammont pendenti

Maturità medja ponderata (snin)

Latvja

3.1

2.9

2.2

0.7

4.2

Rumanija

5.0

5.0

1.5

3.5

1.4

Total

8.1

7.9

3.7

4.2

1.9

2.2.Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 5 li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) fuq il-bażi tal-Artikolu 122(2) 6 tat-TFUE. L-EFSM huwa sostnut b'mod sħiħ mill-baġit tal-UE u għandu kapaċità totali li jagħti b’self sa EUR 60 biljun 7 .

Il-faċilità tal-EFSM ġiet attivata fl-2011 għall-Irlanda 8 u għall-Portugall 9 , fejn ġie impenjat l-għoti b’self ta’ sa EUR 22,5 biljun u EUR 26 biljun rispettivament.

Fl-2013, ġiet deċiża estensjoni tal-maturità medja massima tas-self żborżat minn 12-il sena u nofs għal 19-il sena u nofs għaż-żewġ Stati Membri. Il-benefiċjarji tal-EFSM jistgħu jitolbu għal estensjoni u rifinanzjament tas-selfiet kollha tal-EFSM sakemm il-maturità medja tas-self żburżat (ikkalkulata mill-iżborżment inizjali) ma taqbiżx id-19-il sena u nofs.

F’dan il-kuntest, fl-2011 saret talba biex titwal il-maturità tas-self tal-EFSM ta’ EUR 4,75 biljun żborżat lill-Portugall - li kellu jsir dovut fit-3 ta’ Ġunju 2016. Is-self ġie rifinanzjat f’tliet tranżazzjonijiet b’maturitajiet fl-2023 (EUR 1,5 biljun), 2031 (EUR 2,25 biljun) u 2036 (EUR 1 biljun). Wara din l-estensjoni tal-maturità, il-medja ponderata tal-maturità tas-self tal-EFSM lill-Portugall issa hija ta’ 14,9-il sena.

L-ammont pendenti totali tal-faċilità tal-EFSM fi tmiem l-2016 kien ta' EUR 46,8 biljun (l-Irlanda: EUR 22,5 biljun, il-Portugall: EUR 24,3 biljun).

2.3.Assistenza Makrofinanzjarja

L-Assistenza Makrofinanzjarja (Macro-Financial Assistance - MFA) 10 hija mfassla biex tindirizza ħtiġijiet eċċezzjonali ta' finanzjament estern ta’ pajjiżi li huma ġeografikament, ekonomikament u politikament qrib l-UE. L-objettiv tagħha huwa li tirrestawra l-istabbilità makroekonomika u finanzjarja fil-pajjiżi kandidati tal-UE, fil-pajjiżi kandidati potenzjali u fil-pajjiżi fil-viċinat (u ċirkostanzi eċċezzjonali, pajjiżi terzi oħra), filwaqt li tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' aġġustament makroekonomiku u riformi strutturali. L-MFA tingħata fuq bażi eċċezzjonali u temporanja u hija rilaxxata f'segmenti abbażi ta' kundizzjonalità stretta fuq il-politika ekonomika. L-MFA tikkomplementa u hija soġġetta għall-eżistenza ta' programmi ta' aġġustament tal-FMI. L-MFA tista' tingħata fl-għamla ta' self u/jew, f'ċerti ċirkostanzi, għotjiet mhux rimborżabbli 11 .

Jekk pajjiż benefiċjarju ma jonorax l-obbligi tiegħu li jħallas lura, il-Kummissjoni tista’ tattiva l-Fond ta’ Garanzija għall-Azzjonijiet Esterni 12 biex il-Kummissjoni tħallas lura s-self korrispondenti mill-fondi ta’ dan il-Fond 13 .

It-tieni u l-aħħar segment tas-self ta’ EUR 10 miljun mis-self ta’ EUR 15-il miljun mogħti lir-Repubblika Kirgiża 14 ġie żborżat f’April 2016.

Fis-6 ta’ Lulju 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew li jipprovdu assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lit-Tuneżija 15 ta’ ammont massimu ta’ EUR 500 miljun fil-forma ta’ self (tliet pagamenti parzjali ta’ self ta’ EUR 200, 150 u 150 miljun).

Fl-14 ta’ Diċembru 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew li jipprovdu assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan 16 ta’ ammont massimu ta’ EUR 200 miljun fil-forma ta’ self (żewġ pagamenti parzjali ta’ self ta’ EUR 100 miljun).

Tħallsu lura ripagamenti ta’ self b’total ta’ EUR 70 miljun bħala dovuti mill-pajjiżi benefiċjarji (il-Bożnija-Ħerzegovina EUR 4 miljun, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja EUR 10 miljun, il-Montenegro EUR 1,34 miljun, u s-Serbja EUR 54,66 miljun).

L-ammont pendenti ta' self tal-MFA naqas minn EUR 3.006,6 miljun għal EUR 2.946.6 miljun bejn il-31 ta' Diċembru 2015 u l-31 ta' Diċembru 2016. Self lill-Ukraina jirrappreżenta 75 % tal-iskopertura totali tal-MFA.

2.4.Faċilità tal-Euratom

Il-faċilità ta' self tal-Euratom tista' tintuża biex tiffinanzja proġetti fl-Istati Membri (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/270/Euratom) jew f'ċerti pajjiżi terzi 17 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/179/Euratom).

Fl-1990, il-Kunsill iffissa limitu ta' teħid b'self ta' EUR 4 biljun, li minnhom ġew deċiżi EUR 3,7 biljun u EUR 3,4 biljun diġà ġew żborżati. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-limitu massimu ta' self (77/271/Euratom, kif emendata), il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill ladarba l-ammont iffirmat jilħaq it-EUR 3,8 biljun u, jekk ikun xieraq, tipproponi massimu ġdid ta' self.

Fl-2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2013) 3496 dwar l-għoti ta' self Euratom, lill-Ukrajna, sa massimu ta' EUR 300 miljun, b'appoġġ għall-programm ta' titjib tas-sikurezza tal-unitajiet ta' enerġija nukleari tagħha. Il-Ftehim tas-Self ġie ffirmat fis-7 ta' Awwissu 2013. B'mod parallel, ftehim ta' self ta' EUR 300 miljun ġie ffirmat f'Marzu 2013 mill-BERŻ.

Filwaqt li d-deċiżjoni tas-self għall-ewwel segment sa EUR 100 miljun kienet adottata fis-27 ta’ Mejju 2015, minħabba dewmien fil-proċess ta’ implimentazzjoni, ma saru l-ebda żborżamenti sal-aħħar tal-2016. L-ewwel segment tas-self ta’ EUR 50 miljun ġiet żborżata f’Mejju 2017.

L-ammonti mħallsa lura kienu jikkonsistu fi EUR 22,62 miljun mill-Bulgarija, EUR 19-il miljun mir-Rumanija u EUR 7,1 miljun mill-Ukrajna 18 .

3.Attivitajiet ta' teħid b'self tal-Unjoni Ewropea

Sabiex jiġu ffinanzjati l-attivitajiet tal-għoti b'self deċiżi mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissellef fondi mis-swieq tal-kapital kemm f'isem l-Unjoni Ewropea kif ukoll f'isem l-Euratom. L-għoti u t-teħid b'self jitwettqu bħala operazzjonijiet spalla ma’ spalla għax dan jiżgura li l-baġit tal-UE ma jieħu l-ebda riskju marbut mar-rata tal-imgħax jew mal-kambju 19 . It-teħid b'self pendenti huwa pariġġat b'għoti ta’ self pendenti.

3.1.Faċilità tal-Bilanċ tal-Pagamenti

Fl-2016, fil-faċilità tal-BOP, l-ebda teħid b'self ma eżegwit fis-suq. L-ammont totali pendenti miġbur għall-BOP kien ta' EUR 4,2 biljun fi tmiem l-2016.

3.2.Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja

Wara t-talba tal-Portugall biex jestendi l-maturità tas-self tiegħu mill-EFSM dovut fit-3 ta’ Ġunju 2016, f’Marzu u f’April 2016, l-UE ħarġet tliet bonds b’maturitajiet fl-2023 (EUR 1,5 biljun), 2031 (EUR 2,25 biljun) u 2036 (EUR 1 biljun) biex tirrifinanzja l-bond li kienet qed tiskadi.


Tabella 4: Operazzjonijiet ta' teħid b'self tal-EFSM tal-UE matul l-2016 (f'EUR miljuni)

Pajjiż

Data tal-ħruġ

Data tal-Maturità

Daqs

Il-Portugall — l-ewwel Segment

15/03/2016

04/04/2036

1 000

Il-Portugall – it-tieni Segment*

13/04/2016

04/04/2031

2 250

Il-Portugall – it-tielet Segment*

19/04/2016

04/11/2023

1 500

Totali

4 750

*Flimkien ma’ EUR 10 miljun għall-MFA lir-Repubblika Kirgiża; (ara 3.3 hawn taħt)

3.3.Assistenza Makrofinanzjarja

It-tieni segment (EUR 10 miljun mid-deċiżjoni ta’ EUR 15-il miljun) tas-self mogħti lir-Repubblika Kirgiża ġie żborżat f’April 2016.

Tabella 5: Operazzjonijiet ta' teħid b'self tal-MFA tal-UE matul l-2016 (f'EUR miljuni)

Pajjiż

Data tal-ħruġ

Data tal-Maturità

Daqs

Ir-Repubblika Kirgiża

13/04/2016

04/04/2031

10

Totali

10

3.4.Faċilità tal-Euratom

Fl-2016, ma kien hemm l-ebda operazzjoni ta' teħid b'self taħt il-Euratom.

4.Bank tal-Investiment Ewropew: 

4.1.Attivitajiet ta' għoti b'self tal-BEI

Il-BEI jipprovdi finanzjament jew direttament lil proġetti individwali ta' investiment inkella permezz ta' intermedjarji finanzjarji lil proġetti fuq skala iżgħar imwettqa minn SMEs jew minn awtoritajiet lokali u muniċipalitajiet. Il-BEI jipprovdi wkoll garanziji fuq self, assistenza teknika u kapital ta' riskju.

Fl-2016, il-BEI iffirma volum ta' finanzjament totali ta' EUR 74,6 biljun (meta mqabbla mas-EUR 77,5 biljun fl-2015); Il-finanzjament tal-Grupp tal-BEI (inkluż l-attività tal-FEI) ammonta għal EUR 83,8 biljun, li kkatalizza kważi EUR 280 biljun f’investiment.

Barra minn hekk, sa tmiem l-2016, il-Grupp tal-BEI approva 422 selfa u garanzija tal-Pjan ta’ Investiment li kienu appoġġati mill-garanzija tal-UE taħt il-FEIS 20 . Ir-riżorsi impenjati kienu jammontaw għal total ta’ EUR 30,2 biljun approvati fl-ambitu tal-FEIS. Il-valur tal-proġetti u tal-investiment immobilizzat b’kollox jammonta għal EUR 163,9 biljun. Dan huwa 52 % tal-objettiv kumplessiv ta’ EUR 315-il biljun fuq tliet snin.

L-attivitajiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom impatt fuq il-baġit tal-UE meta jkunu akkumpanjati b’garanziji tal-UE jew fondi baġitarji oħra tal-UE. Minbarra l-operazzjonijiet approvati taħt il-FEIS, dan huwa l-każ għal:

-l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI imwettqa permezz tal-mandat tas-self estern (li jkopri l-pajjiżi ta' Qabel l-Adeżjoni, il-pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija, l-Asja u l-Amerika Latina, l-Afrika t'Isfel). Dan il-finanzjament jibbenefika minn garanzija tal-baġit tal-UE li tkopri riskji ta' natura sovrana jew politika. Rapport separat dwar l-attività ta' għoti ta' self estern mill-BEI fl-2016 se jinħareġ mill-Kummissjoni matul it-tieni semestru tal-2017.

-faċilitajiet ta' finanzjament għall-kondiviżjoni tar-riskji li jinvolvu l-użu tal-baġit tal-UE sabiex jappoġġa l-politiki tal-UE (pereż. il-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji għall-proġetti ta' riċerka u żvilupp u l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti).

Fl-2016 l-operazzjonijiet ta' self mill-BEI barra mill-UE ammontaw għal EUR 7,9 biljun li minnhom EUR 6,8 biljun f’reġjuni koperti mill-Mandat ta’ Self Estern (External Lending Mandate - ELM). Madwar EUR 5,9 biljun, jew 74 % tal-finanzjament totali barra mill-UE, sar f’reġjuni ta’ Qabel l-Adeżjoni u tal-Viċinat. Il-bqija (26 %) ġie ffirmat fl-Asja, fl-Asja Ċentrali u fl-Amerika Latina.

Mit-total ta’ EUR 6,8 biljun li kienu ffirmati mill-BEI fl-2016 fir-reġjuni koperti mill-ELM, kważi EUR 4 biljun (58 %) kienu koperti mill-garanzija tal-UE.

Id-Deċiżjoni li tagħti garanzija tal-UE għall-operazzjonijiet tal-BEI barra l-UE ġiet adottata fis-16 ta' April 2014 mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill 21 . Id-daqs kumplessiv tal-mandat jammonta għal EUR 27 biljun flimkien ma’ ammont addizzjonali fakultattiv ta' EUR 3 biljun. L-attivazzjoni sħiħa jew parzjali tal-ammont fakultattiv għandha tiġi deċiża mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u fuq il-bażi tar-riżultati ta' rieżami ta' nofs it-terminu tal-Mandat tas-Self Estern.

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet emenda fil-Mandat tas-Self Estern f’Settembru 2016, fejn ipproponiet li l-livell limitu jgħolla għal EUR 32,3 biljun, u bħalissa qed tiġi diskussa mil-leġiżlaturi.

4.2.Attivitajiet ta' teħid b'self tal-BEI

Il-BEI għandu strateġija ta’ finanzjament reżiljenti billi jiġbor fondi fuq terminu twil permezz ta’ ħruġ ta’ bonds fis-swieq kapitali internazzjonali biex isostni l-operazzjonijiet tiegħu ta’ self. Bl-objettiv li tilħaq volumi suffiċjenti u fil-maturitajiet meħtieġa għall-ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet, kif ukoll biex tottimizza l-kost tal-finanzjament fuq bażi sostenibbli, l-istrateġija tal-finanzjament tal-BEI tikkombina l-ħruġ ta’ bonds kbar u likwidi f’muniti ewlenin ma’ ħruġ immirat u mfassal apposta f’għadd ta’ muniti oħra.

Fl-2016, l-attività ta' teħid b'self tal-BEI ammontat għal EUR 66,4 biljun b'maturità medja ta' 7,1 snin.

5.L-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro

B'reazzjoni għall-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, l-Istati Membri taż-żona tal-euro ddeċidew dwar miżuri biex jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro u fl-Ewropa b'mod ġenerali. Dawn il-miżuri huma deskritti fil-qosor hawn taħt u mhumiex garantiti mill-baġit tal-UE 22 .

5.1.Faċilità ta' Self għall-Greċja 

Wara l-qbil unanimu tal-Ministri tal-Finanzi taż-żona tal-euro fit-2 ta' Mejju 2010 23 biex jappoġġaw lill-Greċja, ġie stabbilit programm ta' tliet snin konġunt mal-FMI li jinvolvi pakkett finanzjarju sa EUR 110 biljun biex jgħin lill-Greċja, akkumpanjat minn kundizzjonalità stretta ta' politika 24 li ġie negozjat mal-awtoritajiet Griegi mill-Kummissjoni u l-FMI, b'kollaborazzjoni mal-BĊE. Is-selfiet żborżati mill-Istati Membri fiż-żona tal-euro taħt il-Faċilità ta’ Self għall-Greċja (FSG) jammontaw għal EUR 52,9 biljun li ġew żborżati bejn Mejju 2010 u Diċembru 2011.

5.2.Il-Faċilità Ewropea ta’ Stabilità Finanzjarja 

Il-Faċilità Ewropea ta’ Stabilità Finanzjarja (EFSF) 25 inħolqot mill-Istati Membri taż-żona tal-euro bħala kumpanija rreġistrata fil-Lussemburgu u hija proprjetà tagħhom u maħsuba bħala mekkaniżmu temporanju ta’ salvataġġ għal self ta’ fondi mislufa lill-Istati Membri taż-żona tal-euro li jkunu qegħdin f’diffikultà, billi jinħarġu bonds garantiti mill-Istati Membri taż-żona tal-euro. F'Ottubru 2010, ġie deċiż li jinħoloq mekkaniżmu ta' salvataġġ permanenti, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) li beda l-operazzjonijiet tiegħu fit-8 ta' Ottubru 2012.

Fl-14 ta' Marzu 2012, ġie approvat it-Tieni Programm ta' Aġġustament Ekonomiku għall-Greċja mill-ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro u mill-FMI, li żied EUR 130 biljun mal-ammonti mhux żborżati tal-ewwel programm. Dan it-tieni programm jipprevedi għalhekk total ta' assistenza finanzjarja ta' EUR 164,5 biljun, fejn il-kontribuzzjoni tal-FMI tammonta għal EUR 19,8 biljun. Filwaqt li l-ewwel programm (GLF) ġie stabbilit bħala Ftehim ta' Bejn il-Kredituri ta' self bilaterali ppuljat bejn l-Istati Membri appoġġanti taż-żona tal-euro, bil-Kummissjoni li tipprovdi l-koordinazzjoni u l-ġestjoni, it-tieni wieħed ġie ffinanzjat permezz tal-EFSF.

Mill-1 ta' Lulju 2013, l-EFSF ma għadhiex tieħu sehem fil-finanzjament ta' programmi ġodda ta' finanzjament jew fi ftehimiet ġodda ta’ faċilità ta' self. Madankollu, għadha attiva fil-programmi fis-seħħ għall-Greċja, il-Portugall u l-Irlanda fejn hija mutwanti (flimkien mal-FMI u xi Stati Membri).

5.3.Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà

Mill-1 ta' Lulju 2013, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) 26 sar il-mekkaniżmu permanenti biex jindirizza talbiet ġodda għal assistenza finanzjarja mill-Istati Membri taż-żona tal-euro.

Il-MES għandu kapaċità massima ta' self ta' EUR 500 biljun. Il-kapital sottoskritt totali jammonta għal EUR 704,8 biljun, b'kapital diġà mħallas mill-Istati Membri taż-żona tal-euro ta' EUR 80,5 biljun u b’kapital eżerċitabbli impenjat ta' EUR 624,3 biljun.

Il-MES pprovda assistenza finanzjarja lill-Greċja u lill-Ċipru (soġġetta għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku), u lil Spanja għar-rikapitalizzazzjoni tas-settur bankarju. Il-programm għal Spanja skada f’Diċembru 2013, b’żborżament total ta’ EUR 41,3 biljun u Ċipru kkonkluda l-programm tiegħu fl-31 ta’ Marzu 2016 bi żborżamenti ta’ self li jammonta għal EUR 6,3 biljun.

Fit-8 ta’ Lulju 2015, il-Gvern Grieg ressaq talba għal assistenza finanzjarja mill-MES. L-għajnuna finanzjarja lill-Greċja pprovduta permezz tal-MES se tkun sa EUR 86 biljun fuq tliet snin. Il-mexxejja tal-pajjiżi taż-żona tal-euro laħqu ftehim mal-Greċja fit-13 ta’ Lulju 2015 dwar sett ta’ azzjonijiet prijoritarji li jridu jiġu implimentati b’mod urġenti sabiex jinbdew negozjati dwar l-aġenda ta’ riforma ġenerali, imniżżla f’Memorandum ta’ Qbil (MtQ). Fid-19 ta’ Awwissu 2015 il-MES approva l-MtQ. Il-MtQ jiffoka fuq erba’ oqsma ewlenin: ir-restawr tas-sostenibbiltà fiskali; is-salvagwardja tal-istabbilità finanzjarja; li tingħata spinta lit-tkabbir, lill-kompetittività u lill-investiment; u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika.

Fl-31 ta’ Diċembru 2016, l-ammont totali ta’ assistenza finanzjarja mill-MES għall-Greċja laħaq EUR 31,7 biljun (li jikkorrispondi għal madwar 37 % tal-volum totali tal-programm)

Żborż addizzjonali ta’ EUR 7,7 biljun sar fl-10 ta’ Lulju 2017, u ġab ammont Kumulattiv tal-MES żborżat għall-Greċja għal EUR 39,4 biljun.

(1)    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(2)    Preżentazzjoni dettaljata tal-attivitajiet ta' għoti u teħid b'self tal-Kummissjoni tinsab fis-sit elettroniku http://ec.europa.eu/economy_finance/eu_borrower/index_en.htm.
(3)    ĠU L 53, 23.2.2002, p.1.
(4)

   Informazzjoni dettaljata dwar l-operazzjonijiet tal-BOP tinstab hawn: http://ec.europa.eu/economy_finance/eu_borrower/balance_of_payments/index_en.htm

(5)    Kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/1360 tal-4 ta' Awwissu 2015 (ĠU L 210, 7.8.2015, p. 1).
(6)    L-Artikolu 122(2) TFUE jipprevedi sostenn finanzjarju għall-Istati Membri li jinsabu f'diffikultajiet ikkawżati minn ċirkustanzi eċċezzjonali li jmorru lil hinn mill-kontroll tagħhom.
(7)    Informazzjoni dettaljata dwar l-operazzjonijiet tal-EFSM tinstab hawn: http://ec.europa.eu/economy_finance/eu_borrower/efsm/index_en.htm
(8)    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2011/77/UE tas-7 ta' Diċembru 2010 dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda (ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34).
(9)    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2011/344/UE tat-30 ta' Mejju 2011 dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88).
(10)    Art. 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), 2012/C 326/142.
(11)      Informazzjoni dettaljata dwar l-MFA fuq: http://ec.europa.eu/economy_finance/eu_borrower/macro-financial_assistance/index_en.htm
(12)    Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10). Sa issa qatt ma ġiet irreġistrata inadempjenza għal self mill-MFA.
(13)    Għalkemm il-ħlas lura tas-self huwa kopert in fine mill-baġit tal-UE, il-Fond ta' Garanzija jservi bħala bafer ta' likwidità li tipproteġi l-baġit tal-UE kontra r-riskju ta' sejħiet li jirriżultaw minn inadempjenzi. Għal rapport komprensiv dwar il-funzjonament tal-Fond, ara COM(2014) 214 u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal SEC(2014) 129, li jakkumpanjah.
(14)      Id-Deċiżjoni 1025/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika Kirgiża (ĠU L 283, 25.10.2013, p. 1).
(15)    Id-Deċiżjoni (UE) 2016/1112 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar l-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lit-Tuneżija (ĠU L 186, 09.07.2016, p. 1).
(16)    Id-Deċiżjoni (UE) 2016/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 18).
(17)     Bħalissa l-Ukrajna, ir-Russja u l-Armenja.
(18)    Rimborżi ta’ USD 3.607.665,00 u EUR 3,900.000,00.
(19)     Ir-Regolament dwar l-EFSM jippermetti li jsir użu minn prefinanzjament peress li r-Regolament jawtorizza lill-Kummissjoni li "tissellef fuq is-swieq kapitali jew mill-istituzzjonijiet finanzjarji fiż-żmien l-aktar xieraq bejn il-ħruġ ippjanat tal-fondi, sabiex tottimizza l-ispiża tal-finanzjament u tippreserva r-reputazzjoni tagħha bħala l-emittent tal-Unjoni fis-swieq." Madankollu, kull kost li jirriżulta jitħallas mill-mutwatarju.
(20)

   Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (“ir-Regolament FEIS”). ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.

(21)    Id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 135, 8.5.2014, p. 1).
(22)

   Informazzjoni addizzjonali dwar it-tliet faċilitajiet eżistenti tinsab hawn: http://ec.europa.eu/economy_finance/assistance_eu_ms/index_en.htm

(23)    L-appoġġ huwa pprovdut permezz ta' selfiet bilaterali mill-Istati Membri l-oħra taż-żona tal-euro, ippuljati ċentralment mill-Kummissjoni, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dikjarazzjoni tagħhom tal-11 ta' April 2010.
(24)    L-elementi ewlenin tal-kundizzjonalità tal-politika ġew stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2010 indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (2010/320/UE). Il-kundizzjonalità kienet spjegata f'iktar dettall f'MtQ konkluż bejn l-awtoritajiet Griegi u l-Kummissjoni f'isem l-Istati Membri taż-żona tal-euro.
(25)

   Il-faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) hija strument bi skop speċjali ffinanzjat mill-membri taż-żona tal-euro biex jindirizzaw il-kriżi tad-dejn sovran Ewropew. Ġie miftiehem mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-9 ta’ Mejju 2010, bl-objettiv li jippreserva l-istabbiltà finanzjarja fl-Ewropa billi jipprovdi assistenza finanzjarja lill-istati taż-żona tal-euro li jkunu jinsabu f’diffikultà ekonomika. Il-kwartieri ġenerali tal-Faċilità jinsabu fil-Belt tal-Lussemburgu peress li l-EFSF twaqqfet bħala kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata taħt il-liġi tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu. (Journal Officiel du Grand-Duché de Luxembourg - C — Nru. 1189 8 Ġunju 2010).

(26)

   Fil-11 ta' Lulju 2011, il-ministri tal-finanzi tas-17-il pajjiż taż-żona tal-euro iffirmaw it-Trattat li jistabbilixxi il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES). Dan it-Trattat isegwi d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011 u jibni fuq emenda tal-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).