IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.11.2017
COM(2017) 652 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EMPTY
Għall-akbar użu tal-fjuwils alternattivi: Pjan ta’ Azzjoni għall-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi skont l-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2014/94/UE, li jinkludi valutazzjoni tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2014/94/UE
{SWD(2017) 365 final}
1.Introduzzjoni: biex l-Ewropa ssir mexxejja dinjija fid-dekarbonizzazzjoni
Bħalma ddikjara l-President tal-Kummissjoni f’Settembru 2017 waqt id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, l-Unjoni Ewropea (l-UE) jeħtieġ issir mexxejja dinjija fid-dekarbonizzazzjoni. Biex l-UE jirnexxilha twettaq l-impenji li għamlet waqt il-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, li saret f’Pariġi , trid titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport biex ikun żgurat li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja jaqbdu t-triq it-tajba biex sa nofs is-seklu jixxejnu għalkollox.
Bl-istrateġija tagħha għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi, il-Kummissjoni diġà stabbiliet kif l-UE tista’ tilħaq dan il-għan. Biex taqbel ma’ din l-istrateġija, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa Attiva: aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobbiltà kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kulħadd” tagħraf li l-ambizzjoni tal-UE trid tkun li tagħmel passi mgħaġġla lejn sistema tal-mobbiltà aktar nadifa, aktar kompetittiva u konnessa mingħajr qtugħ sal-2025.
Dan il-pjan ta’ azzjoni hu parti mit-tieni pakkett ta’ proposti u inizjattivi tant meħtieġa għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport. Kif ippreżentat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “It-twettiq ta’ mobilità b’emissjonijiet baxxi – Unjoni Ewropea li tipproteġi l-pjaneta, tagħti s-setgħa lill-konsumaturi tagħha u tiddefendi l-industrija u lill-ħaddiema tagħha” – COM(2017) 675 final, it-tieni pakkett dwar il-mobbiltà fih taħlita ta’ miżuri orjentati lejn il-provvista u miżuri orjentati lejn id-domanda biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn il-mobbiltà mingħajr emissjonijiet u b’emissjonijiet baxxi u biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-mobbiltà Ewropea u tas-settur tat-trasport
.
Madwar 95 % tal-vetturi tat-triq għadhom jużaw fjuwil konvenzjonali, inkluż taħlitiet ta’ bijofjuwils rinnovabbli, u għalhekk l-għadd ta’ vetturi u bastimenti li jaħdmu b’enerġiji alternattivi fl-UE għadu ftit wisq. Il-problemi persistenti jkomplu joħolqu ostakli għas-suq għall-użu tagħhom. Dawn jinkludu n-nuqqas ta’ infrastruttura għall-iċċarġjar u r-riforniment tal-vetturi u l-bastimenti, in-nuqqas ta’ żvilupp biżżejjed ta’ grilji intelliġenti u d-diffikultajiet għall-konsumaturi biex jużaw faċilment l-infrastruttura. Biex l-UE tkun tista’ tagħmel it-tranżizzjoni lejn mobbiltà mingħajr emissjonijiet u b’emissjonijiet baxxi, hemm bżonn jitħaddem approċċ integrat. Dan jeħtieġ qafas ta’ politika komuni għall-vetturi, l-infrastrutturi, il-grilji elettriċi, l-inċentivi ekonomiċi u s-servizzi diġitali li jintużaw fil-livell tal-UE u fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.
Dan il-pjan ta’ azzjoni jenfasizza l-azzjonijiet li jikkumplimentaw u jimplimentaw aħjar l-oqfsa nazzjonali ta’ politika skont id-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi, biex jgħinu fil-ħolqien ta’ infrastruttura bażi interoperabbli tal-UE sal-2025, b’mod partikolari għall-kurituri tan-Netwerk Ewlieni tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) ħalli l-vetturi u l-bastimenti jkunu jistgħu jintużaw faċilment bejn il-fruntieri u għal distanzi twal. Għal dan il-għan hu importanti li jintlaħaq ftehim malajr bejn l-atturi pubbliċi u privati rilevanti kollha fuq approċċ komuni għall-interoperabbiltà tas-servizzi.
L-installazzjoni tal-infrastruttura fil-futur se jkollha bżonn investiment pubbliku u privat sinifikanti. It-taħlit ta’ għotjiet mhux ripagabbli ma’ finanzjament tad-dejn ripagabbli jeħtieġ isir standard, meta jkun fattibbli. Hemm bżonn li bosta strumenti differenti ta’ finanzjament fil-livell tal-UE jaħdmu flimkien b’mod effettiv. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-koordinazzjoni tal-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE u se taħdem qatigħ għal sinerġiji mal-azzjonijiet fil-livell nazzjonali u lokali biex jikber l-impatt tal-finanzjament tal-UE. Barra minn hekk, din se tindirizza kwistjonijiet oħrajn ta’ importanza kritika għall-installazzjoni tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, fosthom l-integrazzjoni tas-sistemi tat-trasport u tal-enerġija.
2.Fejn wasalna?
2.1.Is-sitwazzjoni attwali u stima tal-ħtiġijiet
Dan l-aħħar, l-installazzjoni tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi qabdet ċertu ritmu. Fl-aħħar snin sar progress importanti bis-saħħa wkoll tal-finanzjament tal-UE. Skont l-Osservatorju Ewropew tal-Fjuwils Alternattivi, sal-aħħar ta’ Settembru 2017 inħolqu 118 000 punt tal-iċċarġjar aċċessibbli pubblikament għall-vetturi elettriċi, 3 458 punt tar-riforniment tal-gass naturali kkompressat (CNG) jew tal-gass naturali likwifikat (LNG) għall-vetturi u l-bastimenti u 82 punt tar-riforniment għall-vetturi tal-idroġenu.
Issa l-UE trid tħaffef l-installazzjoni f’żewġ oqsma: l-ewwel nett fin-Netwerk Ewlieni u Komprensiv tat-TEN-T. Għal dan il-għan, il-Komunikazzjoni “Ewropa Attiva” ta’ Mejju 2017 stabbiliet mira biex sa mhux aktar tard mill-2025 titwettaq infrastruttura bażi għan-netwerk ewlieni.
It-tieni nett, l-infrastruttura jeħtieġ tingħata spinta fiż-żoni urbani u suburbani, fejn ħafna mid-drabi qed jintużaw il-vetturi. Il-Kummissjoni tistenna li l-investiment f’dawn iż-żewġ oqsma se jikkawża effetti indiretti fejn tidħol l-installazzjoni tal-infrastruttura f’żoni oħrajn.
Il-ħolqien ta’ infrastruttura bażi fil-kurituri tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T jidher l-inqas ħaġa diffiċli. Hu stmat li hemm bżonn EUR 1,5 biljun sal-2025 biex jiġu armati l-kurituri
. Il-lakuni għandhom x’jaqsmu l-aktar mal-punti tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, u f’xi żoni anki mal-punti tar-riforniment tal-vetturi tqal li jużaw il-gass naturali likwifikat (LNG).
Neħtieġu sforzi akbar biex nindirizzaw in-netwerk usa’ tat-trasport.
Il-livell tal-ambizzjoni fost l-Istati Membri differenti jvarja ġmielu.
Ngħidu aħna, żewġ Stati Membri biss jipprovdu aktar minn 100 punt tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi għal kull 100 000 abitant tal-belt.
Fejn jidħol il-gass naturali, l-azzjonijiet ippjanati fl-oqfsa nazzjonali ta’ politika tal-Istati Membri jipprevedu żieda ta’ 2 599 sa 2 634 punt addizzjonali tar-riforniment tas-CNG u 256 sa 431 punt tar-riforniment tal-LNG fl-2025, għalkemm il-kapaċità addizzjonali ppjanata fl-oqfsa nazzjonali ta’ politika se tkun ikkonċentrata fi ftit Stati Membri biss.
Fejn jidħol l-idroġenu, wara l-valutazzjoni tal-impatt għall-proposta dwar l-istandards tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet wara l-2020, is-sehem tas-suq possibbli tal-vetturi tal-idroġenu fl-2025 hu stmat li se jkun bejn 0,3-0,4 % tal-istokk kollu tal-vetturi. It-820 sa 842 stazzjon tar-riforniment li ġew ippjanati fl-oqfsa nazzjonali ta’ politika huma mistennija jakkomodaw il-ħtiġijiet tar-riforniment ta’ 0,9-1,1 miljun vettura f’dan ix-xenarju.
Analiżi tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika skont id-Direttiva 2014/94/UE tagħti dawn l-istimi tal-ħtiġijiet tal-investiment fl-infrastrutturi mill-Istati Membri, inkluż il-kurituri tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T:
·L-elettriku: sa EUR 904 miljun sal-2020.
·Is-CNG: sa EUR 357 miljun sal-2020 u sa EUR 600 miljun sal-2025 għall-vetturi tat-triq tas-CNG.
·L-LNG: sa EUR 257 miljun sal-2025 għall-vetturi tat-triq tal-LNG. Għall-LNG għat-trasport fuq l-ilma, sa EUR 945 miljun fil-portijiet tal-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T sal-2025 u sa EUR 1 biljun fil-portijiet interni tal-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T sal-2030.
·L-idroġenu: sa EUR 707 miljun sal-2025.
Għall-elettriku, dawn il-pjanijiet nazzjonali mhumiex qed ilaħħqu mal-istimi tal-Kummissjoni għall-infrastruttura. Għall-vetturi elettriċi, il-valutazzjoni tal-impatt għad-Direttiva 2014/94/UE tqis il-parametru referenzjarju konservattiv ta’ 4 miljun vettura elettrika fit-toroq sal-2020. Dan jirrappreżenta żieda kbira meta mqabbel max-xenarju attwali, iżda xorta jikkorrispondi biss għal madwar 1,5 % tal-istokk tal-vetturi tal-lum.
Jekk iż-żieda fil-karozzi elettriċi ssir aktar malajr, dan iwassal għal sehem ta’ 7 % fl-2025, kif tassumi l-valutazzjoni tal-impatt għall-proposta għall-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet wara l-2020, li għandu jwassal għal aktar ħtiġijiet tal-investiment:
·Sal-2020 hemm bżonn 440 000 punt tal-iċċarġjar aċċessibbli pubblikament – żieda sinifikanti meta mqabbla max-xenarju attwali. Dan jaf ikun jeħtieġ investiment sa EUR 3,9 biljun f’punti tal-iċċarġjar aċċessibbli pubblikament.
·Sal-2025 se jkun hemm bżonn madwar ħames darbiet aktar jew madwar 2 miljun punt tal-iċċarġjar aċċessibbli pubblikament. Jekk is-sehem tal-infrastruttura tal-iċċarġjar malajr jiżdied għal 5-15 % tal-infrastrutturi ġenerali għall-iċċarġjar, kull sena mill-2021 jaf ikun hemm bżonn isiru investimenti ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 2,7 sa 3,8 biljun. Il-maġġoranza ta’ dawn il-ħtiġijiet tal-investiment huma fiż-żoni urbani.
Għall-gass naturali u l-idroġenu, l-azzjonijiet ippjanati mill-Istati Membri fl-oqfsa nazzjonali ta’ politika u l-istimi tal-Kummissjoni huma kongruwenti.
|
F’daqqa, il-ħtiġijiet stmati kollha tal-investiment għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi aċċessibbli pubblikament fl-UE jammontaw għal madwar EUR 5,2 biljun sal-2020 u għal EUR 16-il biljun addizzjonali sa EUR 22 biljun sal-2025.
Biex jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet sinifikanti, jenħtieġ jintuża appoġġ finanzjarju pubbliku biex joħloq investiment privat sinifikanti, inkluż permezz ta’ finanzjament innovattiv.
|
Wieħed jinnota li kull stima tal-ħtiġijiet tal-investiment hi affettwata b’inċertezzi konsiderevoli fejn jidħlu d-densità tal-infrastruttura futura tal-iċċarġjar bil-mod u malajr, id-domanda tal-vetturi u l-iżviluppi teknoloġiċi (eż il-potenza tal-batterija).
Għaldaqstant il-Kummissjoni tilqa’ l-wegħda riċenti tal-manifatturi l-kbar Ewropej tal-karozzi li se jqiegħdu aktar vetturi elettriċi bil-batterija fis-suq sal-2020. Dan jagħti aktar ċertezza għall-investimenti fl-infrastruttura. Il-Kummissjoni tappella lis-settur tal-karozzi biex jissokta u jżid l-investiment ukoll f’teknoloġiji rilevanti oħrajn li jaħdmu mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi.
Minħabba l-inċertezzi konsiderevoli, hu tassew importanti li jonqsu r-riskji għall-investituri privati permezz ta’ strumenti tal-mitigazzjoni mmirati apposta bħal pereżempju s-self iddedikat u l-garanziji sottoskritti mis-settur pubbliku. Barra minn hekk, hemm bżonn orjentazzjoni ċara u fit-tul tal-politika. Skont id-Direttiva 2014/94/UE, l-oqfsa nazzjonali ta’ politika jaqdu rwol ċentrali f’dan ir-rigward.
2.2.L-oqfsa nazzjonali ta’ politika għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi
Id-Direttiva 2014/94/UE teżiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu oqfsa nazzjonali ta’ politika biex jipprevedu kopertura minima tal-infrastruttura sal-2020, sal-2025 u sal-2030, li tkun dipendenti fuq il-fjuwil, u jinnotifikaw l-oqfsa nazzjonali ta’ politika lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Novembru 2016. B’konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, l-oqfsa nazzjonali ta’ politika għandhom jistabbilixxu sett ċar ta’ miri u għanijiet fit-tul u jistipulaw miżuri ta’ appoġġ xierqa, ħallu jagħtu ċertezza ta’ politika fit-tul lis-swieq.
Kif jeżiġi l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni vvalutat l-oqfsa nazzjonali ta’ politika u l-koerenza tagħhom fil-livell tal-Unjoni. Din ivvalutat jekk l-oqfsa nazzjonali ta’ politika jippermettux lill-Istat Membru inkwistjoni biex jilħaq il-miri u l-għanijiet li jkun stabbilixxa għalih kif jeżiġi l-Artikolu 3(1). Din il-Komunikazzjoni tirrapporta dwar din il-valutazzjoni fit-taqsimiet t’hawn taħt.
Il-kompletezza, il-koerenza u l-ambizzjoni tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika jvarjaw ferm. Sas-6 ta’ Novembru 2017, kienu biss tmienja (8) l-oqfsa nazzjonali ta’ politika minn 25 li ssodisfaw għalkollox ir-rekwiżiti tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika. Sal-lum, hemm żewġ (2) Stati Membri li għadhom ma ressqux l-oqfsa nazzjonali ta’ politika. L-oqfsa nazzjonali ta’ politika mhumiex koerenti minn perspettiva tal-UE mil-lat tal-prijoritajiet stabbiliti minnhom u kemm huma ambizzjużi fejn jidħlu l-fjuwils alternattivi differenti. L-ambizzjoni tal-Istati Membri biex tinbidel is-sitwazzjoni attwali tvarja ħafna, kemm mil-lat ta’ skjerament previst ta’ vetturi u bastimenti li jaħdmu bl-enerġija alternattiva u anki l-infrastruttura relatata. Fuq kollox, huma ftit l-oqfsa nazzjonali ta’ politika li jistabbilixxu miri u għanijiet ċari u suffiċjenti u li jissuġġerixxu miżuri ta’ appoġġ. Qafas nazzjonali ta’ politika wieħed (1) ma fih l-ebda mira.
L-elettriku
Kull qafas nazzjonali ta’ politika jistabbilixxi miri għall-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi. Madankollu, il-livell tal-ambizzjoni u d-dettall ivarja ġmielu fost l-Istati Membri. Fl-ippjanar ta’ ħafna inqas minn 200 000 punt tal-iċċarġjar aċċessibbli pubblikament sal-2020, l-oqfsa nazzjonali ta’ politika ma jissodisfawx il-ħtieġa stmata tal-Kummissjoni mogħtija fit-Taqsima 2.1. B’mod mill-inqas ambizzjuż, sitt (6) oqfsa nazzjonali ta’ politika jistabbilixxu miri li diġà kważi ntlaħqu. Filwaqt li oħrajn jistabbilixxu miri ambizzjużi li se jkun diffiċli biex jintlaħqu bil-miżuri ta’ politika ppjanati.
Kull qafas nazzjonali ta’ politika jistabbilixxi firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ appoġġ, iżda għad hemm xi inċertezzi. Il-miżuri għadhom ma ġewx adottati jew inkella l-miżuri jidhru limitati wisq biex iħallu impatti tanġibbli fuq is-suq. Kull qafas nazzjonali ta’ politika għajr tnejn (2) jistabbilixxu miri għall-punti tal-iċċarġjar aċċessibbli pubblikament, u 10 Stati Membri ma jikkunsidraw l-ebda miżura biex jiżdiedu l-punti tal-iċċarġjar aċċessibbli pubblikament. Il-kopertura tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T qed tipprogressa, iżda hemm xi partijiet minnha li jistgħu jibqgħu mingħajr infrastruttura minima tal-iċċarġjar jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni oħra. L-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar b’potenza kbira f’kull stazzjon tal-iċċarġjar tul in-netwerk ewlieni tat-TEN-T hija essenzjali. L-oqfsa nazzjonali ta’ politika ftit li xejn ikopru l-provvista tal-elettriku max-xtut u l-provvista tal-elettriku għall-ajruplani weqfin.
|
Il-qafas nazzjonali ta’ politika Pollakk hu eżempju tajjeb ta’ analiżi tal-ħtiġijiet tal-agglomerazzjonijiet, taż-żoni b’popolazzjoni densa u tan-netwerk kollu tat-TEN-T fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi – inkluż il-ħtiġijiet tas-suq. Fil-Ġermanja, il-fornitur taż-żona ewlieni tas-servizzi fl-awtostrada se jinstalla punti tal-iċċarġjar b’potenza kbira f’kull stazzjon tas-servizzi (f’kull pompa) tiegħu sal-aħħar ta’ din is-sena. Fir-Renju Unit, Highways England impenjat ruħha li tiżgura li tal-inqas ikun hemm punti tal-iċċarġjar b’potenza kbira f’kull 32 km tul 95 % tan-netwerk tat-toroq strateġiċi tal-Ingilterra.
|
Il-gass naturali
Il-maġġoranza tal-Istati Membri ma stabbilew l-ebda mira għall-vetturi tas-CNG. Iżda huma ftit l-oqfsa nazzjonali ta’ politika li jagħtu prijorità lill-installazzjoni. Ħafna mill-oqfsa nazzjonali ta’ politika għandhom nuqqas ta’ stimi b’rabta mal-adozzjoni tal-vetturi fil-futur. Id-disponibbiltà tal-infrastruttura tista’ tkun problema fil-ġejjieni fl-Istati Membri li bħalissa għandhom għadd kbir ta’ punti tar-riforniment tas-CNG meta mqabbel mal-għadd ta’ vetturi tas-CNG fit-triq u ddikjaraw li ma għandhom l-ebda pjan biex jappoġġaw żieda ulterjuri fl-infrastruttura.
F’19-il qafas nazzjonali ta’ politika hemm miri tal-LNG għall-vetturi tqal tat-triq , iżda l-istabbiliment tal-miri u l-ippjanar tal-azzjoni mhumiex dejjem adattati u mhux se jwasslu għall-kopertura meħtieġa min-netwerk ewlieni tat-toroq tat-TEN-T. Kienu ħamsa (5) biss l-oqfsa nazzjonali ta’ politika li jistabbilixxu stimi dwar l-adozzjoni tal-vetturi tqal tal-LNG fil-ġejjieni.
Xi ftit mill-oqfsa nazzjonali ta’ politika jistabbilixxu miri ambizzjużi għall-installazzjoni tal-infrastruttura tal-LNG fil-portijiet marittimi u interni. Iżda ħafna minn dawn ma jindirizzawx il-ħtiġijiet tal-punti tar-riforniment tal-LNG fil-portijiet marittimi sal-2025 u fil-portijiet interni sal-2030. Għadd ta’ portijiet fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T qed jirriskjaw li jibqgħu mingħajr soluzzjoni għall-punti tar-riforniment tal-LNG. Fil-każ tal-passaġġi fuq l-ilma interni fil-kurituri tat-TEN-T, mhi ppjanata l-ebda infrastruttura tar-riforniment tal-LNG li hi biżżejjed biex fl-UE tkun tista’ ssir ċirkolazzjoni wiesgħa ta’ bastimenti fil-passaġġi fuq l-ilma interni.
Il-qafas nazzjonali ta’ politika Taljan iqis li hu kruċjali li tiġi żviluppata infrastruttura tal-LNG għall-applikazzjonijiet marittimi. Il-pjan għall-iżvilupp tagħha, inkluż it-tfassil tal-kwantitajiet tal-ħażna f’kull wieħed mill-14-il port marittimu tan-netwerk ewlieni TEN-T u lil hinn, hu eżempju ta’ ppjanar tajjeb tal-politika. Bosta oqfsa nazzjonali ta’ politika jinnotaw li parti sinifikanti mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (is-CEF) u fondi oħrajn tal-UE jridu jagħtu sehemhom fl-appoġġ tal-iskjerament tar-riforniment tal-LNG għall-vetturi tqal u l-bastimenti.
L-idroġenu
L-installazzjoni tal-infrastruttura tar-riforniment tal-vetturi elettriċi biċ-celloli tal-fjuwil li jaħdmu bl-idroġenu mhix obbligatorja bid-Direttiva 2014/94/UE. 14-il Stat Membru jindirizzaw l-infrastruttura tal-idroġenu fl-oqfsa nazzjonali ta’ politika tagħhom. Xi drabi l-oqfsa nazzjonali ta’ politika fihom miri ambizzjużi għall-intallazzjoni tal-infrastruttura. Dan it-tip ta’ ppjanar jixhed l-importanza li jsiru previżjonijiet affidabbli għall-iskjerament fis-suq ta’ vetturi elettriċi biċ-ċelluli tal-fjuwil.
Il-miżuri ta’ appoġġ
L-Istati Membri jeħtieġ idaħħlu fis-seħħ miżuri ta’ appoġġ biex jiżguraw li jintlaħqu l-miri u l-għanijiet tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika. L-oqfsa nazzjonali ta’ politika fihom sett ta’ miżuri differenti ħafna u li jvarjaw fost l-oħrajn fejn jidħlu l-maturità u l-iffissar tal-prijoritajiet (fjuwil alternattiv wieħed jew bosta). Minbarra dan, l-oqfsa nazzjonali ta’ politika jindirizzaw modi differenti tat-trasport, pereżempju l-ferroviji, ix-xaraanks, it-taxis, ir-roti u l-karozzi kondiviżi. Ħafna mill-oqfsa nazzjonali ta’ politika jiffukaw fuq it-trasport pubbliku, b’enfasi fuq ir-rwol li jista’ jkollu l-akkwist pubbliku biex tiġi appoġġata l-adozzjoni mis-suq.
|
Il-qafas nazzjonali ta’ politika Franċiż jelenka sett komprensiv ta’ miżuri ta’ appoġġ tal-elettromobbiltà. L-effett tal-miżuri f’daqqa bħalma huma s-sistema ta’ bonus-malus tas-CO2 għall-vetturi u l-promozzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar hu mistenni jixpruna s-suq tal-vetturi elettriċi tat-trasport bit-triq. L-Att Franċiż dwar it-Tranżizzjoni tal-Enerġija lejn Ekonomija Ekoloġika jistabbilixxi miri ċari u mandati minimi tal-akkwist għall-akkwist pubbliku tal-vetturi mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi. Il-qafas nazzjonali ta’ politika Netherlandiż jipprovdi eżempju ta’ prattika tajba għal djalogu mal-partijiet konċernati li jinvolvi direttament lill-partijiet konċernati rilevanti fl-implimentazzjoni tal-approċċ tal-Ftehimiet Ekoloġiċi.
|
2.3.Mexjin kif ippjanat?
L-analiżi tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika turi li l-lakuni fl-infrastruttura se jibqgħu fl-UE jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni oħra. Dan jikkonċerna l-aktar lit-tipi kollha ta’ vetturi elettriċi ħfief u tqal. Meta mqabbel mal-istimi ppreżentati fit-Taqsima 2.1. għall-oqfsa nazzjonali ta’ politika, jeħtieġ li jiżdiedu ħafna l-impenji li jiġu skjerati punti tal-iċċarġjar aċċessibbli pubblikament fl-agglomerazzjonijiet urbani u suburbani fl-UE. Għad fadal ukoll lakuni fil-kurituri tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T fejn jidħlu l-punti tal-iċċarġjar.
Lakuna oħra fl-ippjanar għandha x’taqsam mal-punti tar-riforniment tal-LNG għall-vetturi tqal. Anki l-miri tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika li jkopru l-portijiet b’punti tar-riforniment tal-LNG mhumiex biżżejjed biex tkun tista’ ssir iċ-ċirkolazzjoni tal-bastimenti fil-passaġġi fuq l-ilma interni jew tal-vapuri tat-tbaħħir madwar in-netwerk ewlieni tat-TEN-T kif meħtieġ skont id-Direttiva 2014/94/UE. Jeżistu riskji simili għall-idroġenu: dan mhux obbligatorju bid-Direttiva 2014/94/UE filwaqt li l-Istati Membri jindirizzawh b’modi diverġenti, għalhekk hemm ċerta frammentazzjoni fl-infrastruttura. L-infrastruttura trid tinferex fil-wisa’ biex il-vetturi jkunu jistgħu jivvjaġġaw faċilment fl-UE (“il-kontinwità tas-servizz”).
B’mod ġenerali, l-analiżi tas-sitwazzjoni turi li l-oqfsa nazzjonali ta’ politika lkoll flimkien ma jiffurmawx l-istampa sħiħa li jeħtieġ is-suq għal ċertezza fit-tul. Barra minn hekk, jeżisti r-riskju li ħafna mill-miri u l-għanijiet tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika ma jintlaħqux, anki fejn l-ambizzjoni hi baxxa. Id-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD) mehmuż ma’ din il-Komunikazzjoni juri l-impatt limitat tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika fuq l-għanijiet ewlenin ta’ politika, jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni oħra.
|
Filwaqt li hu mistenni aktar tnaqqis fl-emissjonijiet fi wħud mill-Istati Membri b’oqfsa nazzjonali ta’ politika ambizzjużi, fil-livell tal-UE huma mistennija xi impatti marġinali fuq l-ispostament tal-fjuwils ibbażati fuq iż-żjut fossili: 0,4 % ta’ dawn il-fjuwils jistgħu jiġu spostati minn fjuwils alternattivi sal-2020, meta mqabbla max-xenarju mingħajr oqfsa nazzjonali ta’ politika, u 1,4 % sal-2030. L-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport jistgħu jonqsu b’0,4 % (jew b’madwar 3,2 Mt) sal-2020 u b’1,4 % sal-2030 (jew b’madwar 11,5 Mt) meta mqabbla max-xenarju mingħajr oqfsa nazzjonali ta’ politika. It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx) mit-trasport bħala riżultat tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika hu stmat madwar 0,37 % sal-2020 u 1,5 % sal-2030 meta mqabbel max-xenarju mingħajr oqfsa nazzjonali ta’ politika. Għall-PM2.5, l-oqfsa nazzjonali ta’ politika jwasslu għal tnaqqis ta’ 0,44 % fl-emissjonijiet tal-materja partikulata (PM2,5 ) sal-2020 u 1,9 % sal-2030. Dan it-titjib jista’ jwassal għal tnaqqis sa 5,8 % fil-konċentrazzjonijiet tal-NO2 u għal tnaqqis ta’ 2,1 % fil-konċentrazzjonijiet tal-PM2,5 f’ċerti żoni sal-2030. Skont l-ippjanar attwali tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika, il-ħolqien tal-impjiegi minħabba l-bini, l-operat u l-manutenzjoni tal-infrastruttura mistenni jiżdied bi ftit.
|
Biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn mobbiltà mingħajr emissjonijiet u b’emissjonijiet baxxi, hemm bżonn tittieħed azzjoni deċiżiva minnufih biex l-installazzjoni tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fl-Istati Membri kollha ssir b’ritmu mgħaġġel.
Dan jeħtieġ iżjed rieda mill-atturi pubbliċi u privati biex jinvestu f’infrastruttura aċċessibbli faċilment għal tipi differenti ta’ vetturi u bastimenti. Il-Kummissjoni lesta tappoġġa dawn l-isforzi u għalhekk qed tipproponi dan il-pjan ta’ azzjoni.
3.Għall-akbar użu tal-fjuwils alternattivi: pjan ta’ azzjoni
L-azzjonijiet proposti f’dan il-pjan jista’ jkollhom benefiċċji sinifikanti għall-konsumaturi, għall-industriji u għall-awtoritajiet pubbliċi, jekk jiġu kkoordinati sew fil-livelli rilevanti kollha. L-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat iridu jagħrfu li lkoll għandhom biċċa responsibbiltà x’jerfgħu. Minbarra l-investiment pubbliku fl-infrastruttura jeħtieġ jingħataw offerti affidabbli ta’ vetturi u bastimenti biex tonqas l-inċertezza dwar il-provvista u d-domanda futuri.
3.1. Inħeġġu t-tlestija u t-twettiq tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika
L-Istati Membri li għadhom ma ppreżentawx l-oqfsa nazzjonali ta’ politika lill-Kummissjoni jenħtieġ jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli. L-Istati Membri li ppreżentaw l-oqfsa nazzjonali ta’ politika tagħhom huma mħeġġa biex iqisu l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni u r-riżultati tal-evalwazzjoni stabbiliti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż.
Dawk il-ftit oqfsa nazzjonali ta’ politika li jistabbilixxu miri u għanijiet ambizzjużi, flimkien ma’ taħlita komprensiva ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-politika, jipprovdu rispons xieraq; l-oħrajn jenħtieġ isegwuhom għax dawn l-eżempji juru l-akbar benefiċċji soċjoekonomiċi u ambjentali.
Kull Stat Membru hu mħeġġeġ jikkollabora u jaħtaf l-appoġġ tal-Kummissjoni għal implimentazzjoni effettiva tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika:
·Il-Kummissjoni waqqfet il-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli (l-STF) li jiġbor flimkien rappreżentanti tal-Istati Membri, is-settur tat-trasport u s-soċjetà ċivili. Il-ħidma tal-STF dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/94/UE għandha l-għan li tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jieħdu sehem b’mod attiv f’dan il-proċess. Ir-riżultati tal-ħidma tiegħu se jiġu rieżaminati waqt konferenza Ewropea annwali dwar it-trasport nadif u l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, bl-ewwel waħda ssir lejn tmiem il-ħarifa tal-2018.
·Il-Forum Ewropew dwar Trasport Marittimu Sostenibbli (l-ESSF), il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni maħluq fl-2013 jaqdi rwol simili għall-STF iżda għas-settur tat-trasport marittimu. Dan hu pjattaforma għal djalogu strutturat, għall-iskambju tal-għarfien tekniku u għall-koperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet rilevanti u l-partijiet konċernati marittimi biex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi tas-sostenibbiltà li għandu s-settur, inkluż l-użu tal-LNG.
·Fl-awspiċji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, il-Kummissjoni se tħejji gwida mhux vinkolanti għall-UE kollha dwar il-bunkering tal-LNG. Din tal-aħħar tgħin għall-armonizzazzjoni tal-approċċ tal-awtoritajiet fl-Istati Membri biex ikun żgurat li l-operazzjonijiet tal-bunkering tal-LNG huma sikuri.
Anki l-Istati Membri huma mistiedna jikkunsidraw dan li ġej:
·Jekk il-miżuri ta’ appoġġ fl-oqfsa nazzjonali ta’ politika huma kklassifikati bħala li qed jiġu kkunsidrati jew li qed jiġu adottati, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex joħolqu ċ-ċarezza billi jadottaw jew ineħħu malajr il-miżuri.
·L-Istati Membri jenħtieġ jinvolvu b’mod attiv lil kull parti konċernata rilevanti biex jadattaw u jimplimentaw l-oqfsa nazzjonali ta’ politika, ħalli jiżguraw li l-iskjerament tal-vetturi jsir b’mod sinkronizzat mal-installazzjoni tal-infrastrutturi, jiżguraw l-integrazzjoni tas-sistemi tat-trasport u tal-enerġija, u l-użu min-naħa tal-konsumaturi.
·Il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri jenħtieġ titqawwa ħalli tkun żgurata l-kontinwità transfruntiera għat-tipi kollha ta’ vetturi u bastimenti bi fjuwil alternattiv.
·Għal kuntratti fit-tul tal-forniment tas-servizzi fl-awtostradi, l-Istati Membri ma jridux jinsew iqisu d-dispożizzoni dwar l-infrastruttura alternattiva fil-kuntratti l-ġodda tal-forniment tas-servizzi. Flimkien mal-fornituri tas-servizz, dawn jenħtieġ iqisu l-kundizzjonijiet tal-installazzjoni u l-operat, meta jkun possibbli, tal-infrastruttura skont il-kuntratti eżistenti.
·Għal ċirkolazzjoni sħiħa tal-vapuri u l-bastimenti li jaħdmu bl-LNG, l-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu jew jorqmu l-miri u l-għanijiet, u jadottaw miżuri finanzjarji u mhux finanzjarji għall-forniment ta’ punti tar-riforniment tal-LNG fil-portijiet marittimi u interni.
·L-Istati Membri huma mħeġġa jqawwu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-provvista tal-elettriku max-xtut u l-provvista tal-elettriku għall-użu mill-ajruplani wieqfa, billi jneħħu l-ostakli tas-suq għal dawn is-sorsi alternattivi ta’ provvista tal-enerġija u jappoġġaw l-installazzjoni tal-infrastruttura relatata.
Il-Kummissjoni tistieden lill-manifatturi tal-vetturi u l-bastimenti biex jaqsmu bejniethom l-informazzjoni dwar l-iżvilupp futur tal-vetturi u tal-bastimenti u anki l-previżjonijiet tas-suq.
|
L-azzjonijiet ewlenin
·L-Istati Membri li għadhom ma ppreżentawx l-oqfsa nazzjonali ta’ politika huma mħeġġa jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli.
·Meta meħtieġ, l-Istati Membri jenħtieġ isaħħu l-oqfsa nazzjonali ta’ politika tagħhom. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-iskambju tal-informazzjoni u t-tagħlim reċiproku dwar l-implimentazzjoni tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika, l-ewwel permezz ta’ diskussjoni mal-grupp ta’ esperti fl-STF f’Marzu 2018 u mbagħad b’konferenzi annwali ta’ politika li l-ewwel edizzjoni tagħhom se ssir lejn tmiem il-ħarifa 2018
·Il-Kummissjoni se tikkunsidra kif l-aħjar tirrifletti l-prijoritajiet tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika fl-allokazzjoni tal-finanzjament tal-proġetti tal-UE u fir-rappurtar tas-Semestru Ewropew.
·L-Istati Membri huma mistiedna jinvolvu mill-qrib lill-partijiet konċernati pubbliċi u privati rilevanti kollha fi djalogu biex jiddiskutu l-adattamenti fl-oqfsa nazzjonali ta’ politika, meta meħtieġ.
|
3.2.L-appoġġ għall-investiment
Nisfruttaw għalkollox l-approċċ tal-kurituri tan-netwerk TEN-T
In-netwerks ewlenin u komprensivi tat-TEN-T huma kruċjali għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-politika tat-trasport tal-UE. L-approċċ TEN-T jenħtieġ jintuża b’mod effettiv ħalli tkun tista’ tissawwar il-bażi tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment għall-UE kollha sa mhux aktar tard mill-2025. Permezz tal-kunċett tal-kurituri jkunu jistgħu jinstabu l-lakuni fejn tidħol il-mobbiltà transfruntiera fuq distanzi twal filwaqt li l-partijiet konċernati rilevanti kollha jkunu jistgħu jiġu involuti fl-ippjanar u fit-twettiq tal-proġetti.
F’dan il-kuntest, dan il-pjan ta’ azzjoni jenfasizza r-rilevanza li sal-2025, l-Istati Membri jipprovdu kurituri tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T ibbażati fuq infrastruttura sħiħa tal-fjuwils alternattivi. Jenħtieġ li l-ħtiġijiet u r-rekwiżiti relatati jiġu kkunsidrati waqt l-ippjanar tal-postijiet u fil-proċeduri tal-awtorizzazzjoni relatati. Jekk għallinqas in-nodi urbani tan-netwerk ewlieni u n-netwerk komprensiv tat-TEN-T jitgħammru b’għadd biżżejjed ta’ punti tal-iċċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli pubblikament, dan mistenni jsaħħaħ il-kunfidenza tal-investituri u tal-konsumaturi. Anki l-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment teħtieġ l-iżvilupp ta’ infrastruttura diġitali ta’ servizzi miftuħa u interoperabbli għall-ġid tal-konsumaturi.
Għaldaqstant il-Kummissjoni qed tiffaċilita l-ħidma tal-partijiet konċernati pubbliċi u privati ewlenin biex jiżviluppaw azzjonijiet ewlenin b’rabta man-netwerks tat-TEN-T, fosthom l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Dawn l-azzjonijiet se jsiru bil-għan li jgħaqqdu l-proġetti u jimmobilizzaw firxa usa’ ta’ atturi. Il-Kummissjoni beħsiebha tħabbar dawn l-azzjonijiet ewlenin fil-kuntest tat-tielet pjan ta’ ħidma tal-kurituri tat-TEN-T sar-rebbiegħa tal-2018. L-implimentazzjoni se tgawdi minn kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u atturi oħrajn fil-fora tal-kurituri tat-TEN-T. It-tiswir tal-kapaċitajiet dwar in-netwerk tat-TEN-T se jitwieżen b’mekkaniżmi xierqa permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (is-CEF).
Kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu indirizzati:
·Għal sinerġiji massimi bejn it-trasport, l-enerġija u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fir-rigward tal-mobbiltà fuq distanzi twal u l-mobbiltà urbana. Hu essenzjali li jiġu integrati d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u tal-provvista tal-enerġija, il-grilji intelliġenti u s-soluzzjonijiet innovattivi għall-ħżin tal-enerġija.
·Jenħtieġ li s-soluzzjonijiet tal-flotta jiġu promossi flimkien ma’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fin-netwerk tat-TEN-T u fin-nodi urbani.
·Fin-nodi urbani jistgħu jiġu promossi l-linji ferrovjarji elettriċizzati; meta dan ma jkunx vijabbli, tista’ tiġi vvalutata l-opportunità għal qlib mid-diżil lejn l-LNG jew l-idroġenu.
·Jenħtieġ li l-atturi privati tas-suq imorru lil hinn fl-azzjoni li jieħdu. Dan jinkludi l-kummerċjalizzazzjoni tat-trakkijiet li jaħdmu bl-LNG permezz ta’ soluzzjonijiet tal-flotta bi stazzjonijiet tar-riforniment, li għalihom in-netwerk tat-TEN-T jista’ jservi ta’ test għal aktar soluzzjonijiet.
·Minħabba n-nuqqas ta’ adozzjoni mis-suq ta’ vetturi li jaħdmu bl-LNG fl-UE, l-operaturi tal-LNG jistgħu jibbenefikaw jekk jakkwistaw b’mod konġunt bastimenti li jaħdmu bl-LNG, bil-possibbiltà li ssir estensjoni tal-punti tar-riforniment tal-LNG. L-awtoritajiet jistgħu jikkunsidraw ukoll li jistabbilixxu żoni tal-kontroll tal-emissjonijiet tal-SOx skont il-proċess tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-IMO) fl-Anness VI tal-MARPOL, kif previst fid-Direttiva 2012/33/UE.
·Mill-2019, il-magni ġodda tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni se jkollhom jirrispettaw il-limiti l-ġodda tas-sustanzi li jniġġsu l-arja. Hu kruċjali li jiġi adottat l-użu tal-magni tal-LNG. Ikun ta’ għajnuna jekk tiġi installata malajr l-infrastruttura tal-LNG meħtieġa fil-kurituri tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T. Jenħtieġ jiġu eżaminati sinerġiji ma’ modi oħra tat-trasport, ngħidu aħna infrastruttura tal-LNG fil-portijiet marittimi jew għall-vetturi tqal.
Anki l-Istati Membri u r-reġjuni huma mħeġġa jsaħħu l-użu tagħhom tal-appoġġ tal-politika ta’ koeżjoni u, b’mod partikolari, tal-Programmi ta’ Koperazzjoni Territorjali Ewropea (“Interreg”) biex jiżguraw koordinazzjoni u koerenza tajbin fl-installazzjoni tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi – mhux biss tul it-TEN-T iżda wkoll fil-livell reġjonali u lokali.
Inżidu l-iskala u l-impatt tal-finanzjament
Prijorità ewlenija hi li nżidu l-iskala u l-impatt tal-finanzjament. Jenħtieġ li l-appoġġ tal-UE jingrana aktar finanzjament pubbliku u privat sa fejn dan ikun possibbli. Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet finanzjarji u l-opportunitajiet relatati mal-finanzjament innovattiv se jikkontribwixxu wkoll għat-tħejjija tal-qafas finanzjarju pluriennali ta’ wara l-2020.
L-appoġġ għall-fjuwils alternattivi qiegħed kulma jmur ifisser l-użu ta’ soluzzjonijiet, mhux biss dwar l-innovazzjoni. Il-flus pubbliċi jenħtieġ jintużaw b’mod effiċjenti. F’xi każijiet, l-għotjiet għad hemm bżonnhom biex titħaffef l-installazzjoni tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, speċjalment għall-proġetti transfruntiera u interurbani u għal teknoloġiji inqas maturi. F’ħafna mill-każijiet, jenħtieġ li l-finanzjament privat jitħallat ma’ għotja pubblika, meta l-proġetti jkunu se jiġu ffinanzjati primarjament minn fondi oħra, pereżempju minn banek pubbliċi jew mis-settur privat, u meta l-għotja tkun tkopri parti iżgħar.
L-investimenti jeħtieġu ċ-ċertezza politika. Il-proposta għall-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet wara l-2020 ippubblikata flimkien ma’ dan il-pjan ta’ azzjoni, tindirizza dan l-ostaklu tas-suq, flimkien ma’ proposti politiċi oħrajn bħal pereżempju r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa.
Bħala regola, jenħtieġ li l-proġetti appoġġati bil-fondi tal-UE jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/94/UE u jirriflettu l-prijoritajiet stabbiliti fl-oqfsa nazzjonali ta’ politika. Il-Kummissjoni se tuża r-riżultati tal-valutazzjoni tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika biex tinforma d-deċiżjonijiet ta’ finanzjament mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (is-CEF), il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (il-FEŻR).
Il-Kummissjoni se tniedi roadshow fl-Istati Membri biex tirrevedi b’mod komprensiv l-ambizzjoni tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika u l-ħtiġijiet tal-investiment fil-mobbiltà mingħajr emissjonijiet u b’emissjonijiet baxxi u biex tgħarbel l-opportunitajiet li joffru l-istrumenti finanzjarji u ta’ finanzjament differenti tal-UE, inkluż fil-kuntest tal-azzjonijiet ewlenin tat-TEN-T għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Din se tinvolvi lis-servizzi kollha tal-Kummissjoni li jimmaniġġaw il-fondi rilevanti, lill-Bank Ewropew għall-Investiment (il-BEI) u lil banek promozzjonali nazzjonali, meta xieraq.
Il-Kummissjoni se tipproponi pjan ta’ azzjoni dwar il-finanzi sostenibbli biex jipprovdi inċentivi lill-investituri u jtejjeb il-qafas legali u l-kundizzjonijiet ta’ faċilitazzjoni ħalli dawn jattiraw aktar investimenti privati fi proġetti sostenibbli u ekoloġiċi. L-installazzjoni tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi jenħtieġ tibbenefika minn dan il-pjan.
Nużaw aħjar l-appoġġ finanzjarju tal-UE
Appoġġ konsiderevoli għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi hu disponibbli permezz ta’ diversi strumenti finanzjarji appoġġati mill-baġit tal-UE.
Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa qiegħed kulma jmur jixpruna l-investiment fis-settur tat-trasport u fl-innovazzjoni, inkluż fil-vetturi mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi u fl-infrastruttura relatata. Il-programm Orizzont 2020 jipprovdi investiment kontinwu fir-riċerka u l-iżvilupp tat-trasport nadif, li jinkludi l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi u l-bijofjuwils avvanzati. L-inizjattivi bħall-Inizjattiva Ewropea għall-Vetturi Ekoloġiċi jew tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu huma parti minn dan l-appoġġ.
|
Bejn wieħed u ieħor, l-investiment immobilizzat mill-għotja ta’ appoġġ tas-CEF għall-fjuwils alternattivi fit-trasport bit-triq sal-lum hu aktar minn EUR 600 miljun, u dan jappoġġa kważi 60 proġett. Is-CEF ta wkoll kważi EUR 150 miljun bħala għotja ta’ appoġġ għall-provvista tal-elettriku max-xtut u t-terminals tal-LNG u għal teknoloġija innovattiva għal bastimenti aktar ekoloġiċi.
Għall-perjodu 2014-2020, l-appoġġ tal-politika ta’ koeżjoni għall-investiment fil-mobbiltà u t-trasport sostenibbli hu previst f’209 programmi operazzjonali u ta’ koperazzjoni territorjali Ewropea, b’parti pprogrammata b’mod speċifiku għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Madwar EUR 70 biljun ġew ipprogrammati fl-appoġġ tat-trasport tal-Fond ta’ Koeżjoni u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, fosthom EUR 35 biljun għan-netwerk TEN-T u EUR 12-il biljun għal mobbiltà urbana, sostenibbli, multimodali u b’livell baxx tal-karbonju. Bosta Stati Membri u reġjuni diġà qed jużaw tajjeb l-appoġġ tal-Politika ta’ Koeżjoni biex jimplimentaw l-oqfsa nazzjonali ta’ politika tagħhom u jinstallaw l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.
Pereżempju, il-kofinanzjament tal-UE mill-Fond ta’ Koeżjoni se jgħin fit-twettiq tal-akkwist ta’ 177 xarabank elettriku tal-batterija f’Varsavja, Zielona Góra u Świnoujście fil-Polonja jew l-installazzjoni ta’ 150 stazzjon tal-iċċarġjar fil-Latvja sal-2020.
|
It-taħlit ta’ għotjiet u self hu opportunità kbira biex jiġi ingranat l-investiment pubbliku u privat. L-ewwel “Sejħa għat-Taħlit” tas-CEF imnedija fl-2017 ipprovdiet EUR 150 miljun għall-installazzjoni tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi tul il-kurituri tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T. Fid-dawl tar-rispons pożittiv għal din is-sejħa, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżid il-baġit tagħha b’ammont addizzjonali ta’ EUR 350 miljun biex jitressqu proposti sar-rebbiegħa 2018, biex tantiċipa l-ingranaġġ ta’ investiment addizzjonali ta’ mill-inqas EUR 1,75 biljun.
Dan l-investiment jista’ jiġi kkombinat ma’ appoġġ addizzjonali mogħti bl-istrument tad-Dejn tas-CEF, fejn se jkun hemm disponibbli sa EUR 450 miljun bit-tqassim mill-ġdid tad-dħul mhux imqassam mill-programm tar-Riżerva tal-UE għal Min Jidħol Ġdid (NER 300) skont l-Iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet, biex jappoġġaw proġetti innovattivi dwar l-enerġija rinnovabbli, fis-setturi tal-enerġija u tat-trasport.
Minħabba f’hekk, b’dan il-pjan ta’ azzjoni qed jiġi disponibbli appoġġ finanzjarju addizzjonali tal-UE ta’ mhux aktar minn EUR 800 miljun mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u mill-programm NER300 għal investimenti fl-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.
|
L-ewwel proġetti appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (l-EFSI) u mis-CEF jikkonċernaw investimenti f’xarabanks tat-trasport pubbliku aktar nodfa f’Riga, Las Palmas, Palma de Mallorca u fid-dipartiment ta’ Pas-de-Calais fit-Tramuntana ta’ Franza. Bħala parti mill-proġett Bulles f’Pas-de-Calais, il-kumpanija tat-trasport inkwistjoni se tbiddel mill-qiegħ il-flotta tax-xarabanks tagħha u taqleb mill-fjuwils konvenzjonali għall-potenza ibrida. Linja minnhom se ssir kollha kemm hi minn xarabanks elettriċi li jaħdmu bl-idroġenu.
L-iżvilupp ta’ mekkaniżmi tal-finanzjament innovattivi bħal pereżempju l-programm ta’ Garanzija għat-Tbaħħir Ekoloġiku (il-GSGP), biex jappoġġaw l-industrija Ewropea tat-tbaħħir biex tħaffef l-investimenti f’teknoloġiji sostenibbli. Dan qed isir biex jingħataw garanziji għal investimenti fit-tbaħħir ekoloġiku sa EUR 3 biljun. Dan jista’ jintuża bħala appoġġ għall-investimenti biex pereżempju jkun jista’ jintuża l-LNG. Il-BEI jimplimenta programm b’arranġamenti speċifiċi mal-Kummissjoni. Sa issa, ġew iffirmati żewġ ftehimiet qafas ma’ banek kummerċjali fi Franza u fin-Netherlands.
|
Insawru l-kapaċitajiet
Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa t-tiswir tal-kapaċitajiet fl-awtoritajiet pubbliċi, fil-kumpaniji u fl-istituzzjonijiet tal-finanzjament. Din wessgħet l-iskemi tagħha ta’ assistenza teknika bħal JASPERS u ELENA u l-esperjenza s’issa turi r-rilevanza ta’ din l-għamla ta’ tiswir tal-kapaċitajiet.
Hemm bżonn kollaborazzjoni u koordinazzjoni aħjar tal-proġetti biex jinħolqu sensiela ta’ proġetti xierqa fit-TEN-T u lil hinn, b’enfasi partikolari fuq iż-żoni urbani. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-atturi privati u lill-banek privati u promozzjonali biex jużaw l-opportunitajiet eżistenti, b’mod partikolari fil-kuntest tal-azzjonijiet ewlenin tat-TEN-T. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni se tappoġġa pjattaformi għall-iskambju tal-għarfien dwar l-infrastrutturi tal-fjuwils alternattivi, b’rabta mal-ħidma tal-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli (l-STF).
|
L-azzjonijiet ewlenin
·Il-partijiet konċernati pubbliċi u privati huma mistiedna jiffinalizzaw l-azzjonijiet ewlenin dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fin-netwerk tat-TEN-T sal-bidu tal-2018.
·Mill-bidu ta' Novembru 2017 il-Kummissjoni se torganizza roadshows fl-Istati Membri biex tirrevedi b’mod komprensiv l-ambizzjoni tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika u l-ħtiġijiet tal-investiment fil-mobbiltà mingħajr emissjonijiet u b’emissjonijiet baxxi u biex tgħarbel l-opportunitajiet li joffru l-istrumenti finanzjarji u ta’ finanzjament differenti tal-UE.
·Flimkien mal-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi huma mistiedna jħaffu l-iskjerament ta’ vetturi li jużaw fjuwils alternattivi u l-installazzjoni tal-infrastruttura fin-netwerk tat-TEN-T, inkluż kull nodu urban, bil-għan li jiksbu kopertura sal-2025, b’impatt viżibbli ta’ azzjoni sal-2020. Dan se jiddaħħal fil-pjanijiet ta’ ħidma li jmiss tat-TEN-T.
·Il-manifatturi, l-operaturi tal-infrastruttura u l-awtoritajiet pubbliċi huma mħeġġa jaħtfu l-opportunitajiet ta’ proġetti integrati u ffinanzjar innovattiv.
·Il-Kummissjoni se żżid l-appoġġ finanzjarju tagħha sa EUR 800 miljun billi: (i) iżżid it-tieni sejħa għat-taħlit tas-CEF bi EUR 350 miljun għal proposti mressqa sar-rebbiegħa tal-2018; (ii) tippermetti t-tqassim malajr tad-dħul mhux minfuq tal-programm NER300 permezz tal-faċilità InnovFin tal-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv u l-istrument tad-Dejn tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.
|
3.3.Azzjonijiet ta’ faċilitazzjoni fiż-żoni urbani
Ħafna mill-bliet u r-reġjuni Ewropej jinsabu fuq quddiem nett fit-tranżizzjoni lejn mobbiltà mingħajr emissjonijiet u b’emissjonijiet baxxi. Proporzjon ġmielu tal-akkwist pubbliku għamluh awtoritajiet muniċipali u lokali. Iżda anki l-bliet qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi uniċi. Bil-limitazzjonijiet fl-ispazju, l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi jeħtieġ tiġi allinjata mal-ħtiġijiet tal-infrastruttura ta’ modi oħra tat-trasport. Mhux possibbli li kull utent jiċċarġja l-vettura elettrika f’daru. Għalhekk hemm bżonn li jinstabu soluzzjonijiet għall-binjiet residenzjali u mhux residenzjali jew jiġu kkombinati l-faċilitajiet tal-iċċarġjar ma’ infrastrutturi oħrajn (eżempju l-arbli tad-dawl). Barra minn hekk, iridu jiġu vvalutati l-impatti tal-infrastruttura tal-iċċarġjar malajr u bil-mod fuq il-grilja.
Hemm bżonn issir analiżi komprensiva tal-ħtiġijiet u l-ippjanar tal-lievi ta’ politika, finanzjarji u informattivi fil-livell urban. Ħafna bliet implimentaw pjanijiet ta’ mobbiltà urbana sostenibbli (SUMPs). Il-kunċett wera l-valur tiegħu meta ġabar flimkien lil partijiet konċernati pubbliċi u privati differenti waqt l-ippjanar tal-mobbiltà urbana. Il-Kummissjoni hi impenjata li taħdem mal-bliet biex jadattaw il-pjanijiet tagħhom tal-mobbiltà urbana sostenibbli. Il-Kummissjoni se tipprova tfassal mill-ġdid il-kunċentt ġenerali tas-SUMPs biex dan ikun jirrifletti l-ħtiġijiet tal-infrastruttura u tal-fjuwils alternattivi u jiddiskuti l-esperjenzi mal-partijiet konċernati fil-forum li jmiss tas-SUMPs tal-2018.
Dan il-pjan ta’ azzjoni jidentifika wkoll dawn l-azzjonijiet li ġejjin:
·Meta fattibbli, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jenħtieġ jużaw dejjem iżjed il-possibbiltajiet ta’ kofinanzjament tal-Fond ta’ Koeżjoni u tal-FEŻR għal mobbiltà urbana sostenibbli. Il-proġetti f’infrastruttura u fjuwils alternattivi joffru benefiċċji sinifikanti mil-lat ta’ assorbiment malajr tas-suq u impatt immedjat fuq il-kwalità tal-arja lokali.
·L-informazzjoni dwar l-iskemi tar-regolamentazzjoni tal-aċċess urban jenħtieġ issir aktar trasparenti. Dan jinkludi soluzzjonijiet diġitali, bħal apps, għaċ-ċittadini u n-negozji. Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni mill-qrib.
·Jenħtieġ li fil-bliet ikun hemm infrastruttura tal-iċċarġjar għat-tipi kollha ta’ vetturi, inkluż soluzzjonijiet għall-flotot tal-vetturi kondiviżi, ir-roti elettriċi, u r-roti bil-mutur.
·Jenħtieġ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qafas tal-Patt tas-Sindki dwar il-Klima u l-Enerġija jagħmlu ħilithom biex jinkludu l-miżuri tagħhom li hemm fil-Pjanijiet għall-Enerġija Sostenibbli u l-Klima u li huma mmirati biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport u biex jinkisbu r-riżultati fejn jidħol it-tnaqqis stmat kollettiv tal-emissjonijiet tas-CO2 b’19 % sal-2020.
·Bħalissa, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qed jeżaminaw il-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija. Jenħtieġ li r-rekwiżiti ambizzjużi għal tifrix minn qabel ta’ kejbils u punti tal-iċċarġjar fil-binjiet mhux residenzjali u residenzjali previsti f’dan it-test iħeġġu l-użu aktar mifrux milli hu bħalissa.
·Il-Kummissjoni se tkompli tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni f’fora ewlenin, bħall-Forum Civitas u s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għal Bliet Intelliġenti biex tippromwovi approċċi integrati għal trasport u enerġija nodfa.
·Il-Kummissjoni qed teżamina l-opportunitajiet biex tippromwovi s-soluzzjonijiet tal-flotta għall-fjuwils alternativi fiż-żoni urbani, fosthom il-finanzjament ta’ proġetti urbani b’enfasi fuq il-fjuwils alternattivi skont il-parti tal-innovazzjoni tas-sejħa għat-taħlit tas-CEF.
|
L-azzjonijiet ewlenin
·Il-Kummissjoni se tuża l-forum annwali li jmiss tas-SUMPs biex taħdem mal-awtoritajiet pubbliċi dwar l-adattament tas-SUMP sar-rebbiegħa tal-2018.
·Din se teżamina u tadatta wkoll il-finanzjament, meta jkun fattibbli, għall-fjuwils alternattivi fin-nodi urbani, inkluż għas-soluzzjonijiet tal-flotta, sa tmiem l-2017.
|
3.4.Aktar użu min-naħa tal-konsumaturi
L-adozzjoni tal-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi tiddependi ħafna fuq l-użu min-naħa tal-konsumaturi, u dan jeħfief b’aċċess bla xkiel għall-infrastruttura u bl-affordabbiltà tiegħu. Għaldaqstant, rekwiżit importanti hu li l-konsumaturi jkunu jistgħu jesperjenzaw il-mobbiltà mingħajr qtugħ bħalma huma mdorrijin jagħmlu bil-vetturi li jaħdmu bi fjuwils konvenzjonali.
Din hija r-raġuni għalfejn hemm bżonn li tiżdied il-kollaborazzjoni bejn l-atturi pubbliċi u privati. Dan jikkonċerna l-aċċess għal informazzjoni affidabbli u fil-ħin dwar il-lokazzjoni u d-disponibbiltà tal-punti tal-iċċarġjar jew tar-riforniment. Anki s-servizzi ta’ ħlas integrati u interoperabbli se jħallu impatt kbir. Madankollu, dawn is-servizzi huma ’l bogħod milli jsiru realtà fl-UE, u kultant anki fi ħdan l-istess Stati Membri. Jeħtieġ li jsir progress b’mod partikolari fis-servizzi tal-mobbiltà elettronika u li għalihom qed jiġu installati għadd dejjem akbar ta’ punti tal-iċċarġjar.
Fl-aħħar nett, kull parti meħtieġa tal-infrastruttura jeħtieġ li tkun konnessa b’mod diġitali (jiġifieri mill-bogħod u f’ħin reali għall-istazzjonijiet tal-iċċarġjar). Dan mhux biss se jagħmilha possibbli li jiġi ssorveljat kull punt tal-iċċarġjar innifsu. Iżda dan se jippermetti wkoll li jkunu jistgħu jitwettqu varjetà ta’ alternattivi tal-iċċarġjar permezz tal-ismartphones u (fil-futur) jingħataw servizzi b’valur miżjud (bħal pereżempju għar-riżervazzjoni) li jistgħu jagħtu lok għal negozju mill-investituri u l-operaturi tal-infrastruttura.
Għadd ta’ rekwiżiti għall-aċċess, il-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid tad-dejta diġà ġew miftiehma bħala parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS) u mir-Regolamenti Delegati sussegwenti tagħha, fejn l-informazzjoni eżistenti dwar il-lokazzjoni u d-disponibbiltà tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar trid tingħata mill-punti tal-aċċess nazzjonali. L-Istati Membri, l-awtoritajiet tat-toroq u l-fornituri tas-servizzi issa jridu jiżguraw li jiġu implimentati malajr ir-Regolamenti Delegati rilevanti skont id-Direttiva dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti. Madankollu, f’ħafna każijiet, id-dejta għadha mhix disponibbli u jeħtieġ tinġabar u tiġi pproċessata fl-Istati Membri. Li jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet jenħtieġ tkun prijorità għall-awtoritajiet tal-Istati Membri.
Iżda biex jinħoloq suq miftuħ u kompetittiv – li jagħti l-aqwa riżultati possibbli għall-konsumaturi – hemm bżonn firxa usa’ ta’ standards bl-appoġġ tal-industrija, formati tad-dejta u protokolli tal-komunikazzjoni. L-atturi tas-suq pubbliċi u privati għamlu progress dwar dan fil-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli, u nħoloq Memorandum ta’ Qbil (MtQ) li jiġbor rakkomandazzjonijiet importanti dwar is-servizzi ta’ ħlas interoperabbli.
Dawn jinkludu dan li ġej:
·Biex ikun żgurat li s-servizzi tal-mobbiltà elettronika jkunu interoperabbli fl-UE kollha hemm bżonn li jiġu identifikati l-atturi tal-mobbiltà elettronika b’mod uniku. Għalhekk jenħtieġ li fil-livell tal-UE jidħol fis-seħħ proċess tar-reġistrazzjoni bbażat fuq standards internazzjonali. Dan se jeżiġi li l-Istati Membri jaħtru awtorità kompetenti biex tirreġistra kodiċijiet uniċi tal-identifikazzjoni għall-mobbiltà elettronika. Il-Kummissjoni se tgħarbel liema mekkaniżmu (pereżempju s-CEF) jixraq biex jgħin it-twaqqif ta’ dan il-proċess. Dan se jagħti appoġġ għall-ġbir tal-informazzjoni nieqsa relatata mal-implimentazzjoni tar-Regolamenti Delegati msemmija hawn fuq. Dan jista’ jqis ukoll il-ħtieġa li jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet differenti tar-roaming.
·Il-konsumaturi jeħtieġu servizzi ta’ ħlas integrati u interoperabbli tal-mobbiltà elettronika li jenħtieġ jiġu bbażati fuq standards miftuħa u ħielsa minn drittijiet tal-proprjetà intellettwali u minn drittijiet dovuti għall-użu tal-proprjetà. Il-Kummissjoni se tibqa’ attenta għall-iżviluppi f’dan il-qasam. Din se tniedi konsultazzjoni pubblika dwar dan is-suġġett qabel tmiem l-2017. Jekk is-servizzi ta’ ħlas jibqgħu frammentati, din se tikkunsidra l-adozzjoni ta’ approċċ leġiżlattiv biex tiżgura li s-servizzi jkunu interoperabbli.
·Il-prevedibbiltà tal-kostijiet hija fattur ewlieni. Dan ifisser li jinkiseb aċċess għal informazzjoni trasparenti, li tinftiehem faċilment u fil-ħin dwar il-prezz. It-tariffi tar-roaming jenħtieġ ikunu raġonevoli u limitati. Il-Kummissjoni tistenna li, apparti li jaħdmu minn lok ċentralizzat biex ikun jista’ jsir roaming, il-mekkaniżmi kompetituri (eż. il-blockchain) se jippermettu lis-suq jiżviluppa l-aqwa riżultati possibbli. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi tas-suq, b’mod partikolari l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-prezzijiet u t-tariffi tar-roaming, u se tevalwa l-qagħda attwali waqt il-konferenza annwali dwar it-trasport nadif u l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi li se tittella’ lejn tmiem il-ħarifa tal-2018.
Il-Kummissjoni se tissokta tiġbor il-kontribut espert u tiffaċilita l-iskambju tiegħu.
Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll mal-Istati Membri dwar metodoloġija li tippermetti lill-konsumaturi jqabblu l-prezzijiet tal-fjuwils konvenzjonali u alternattivi f’unità komuni, biex b’hekk ikunu jistgħu jistmaw il-kost totali tas-sjieda ta’ tipi differenti ta’ vetturi. Din se tgħin ukoll lill-Istati Membri biex jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli permezz tal-għodod diġitali.
L-evalwazzjoni riċenti tad-Direttiva 1999/94/KE dwar it-tikkettar tal-karozzi, bil-għan li titjieb l-informazzjoni għall-konsumaturi dwar l-ekonomija tal-fjuwils u l-emissjonijiet tas-CO2, enfasizzat in-nuqqas ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-vetturi li jaħdmu bil-fjuwils alternattivi, kwistjoni li teħtieġ aktar attenzjoni.
Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll lill-Istati Membri fil-ġbir tad-dejta relatata mal-lokazzjoni u d-disponibbiltà tal-istazzjonijiet tal-fjuwils alternattivi. Imbagħad din id-dejta trid tkun aċċessibbli fil-punti tal-aċċess nazzjonali msemmija skont id-Direttiva 2010/40/UE.
|
L-azzjonijiet ewlenin
·L-Istati Membri jenħtieġ jaħtru awtoritajiet għar-reġistrazzjoni ta’ kodiċijiet uniċi tal-identifikazzjoni għall-mobbiltà elettronika. Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-possibbiltà li jinħoloq mekkaniżmu ta’ appoġġ relatat.
·Il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika fl-2017 dwar servizzi integrati u interoperabbli, b’enfasi fuq il-mobbiltà elettronika, u se tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi tas-suq relatati mal-ipprezzar għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi.
·Il-Kummissjoni se tadotta att ta’ implimentazzjoni dwar it-tqabbil tal-prezzijiet tal-fjuwils fl-2018 u l-implimentazzjoni tiegħu se titħeġġeġ iżjed permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ.
|
3.5.L-integrazzjoni tal-vetturi elettriċi fis-sistema tal-elettriku
L-adozzjoni usa’ tal-vetturi elettriċi se żżid id-domanda għan-netwerk tal-elettriku li diġà hu ristrett f’ċerti ħinijiet tal-jum f’ċerti żoni. Biex jiġu evitati l-kostijiet u d-dewmien fl-adozzjoni tal-vetturi elettriċi minħabba investimenti għaljin u li jieħdu ħafna ħin fl-aġġornament tal-infrastruttura tal-elettriku, l-iċċarġjar (bil-mod) tal-vetturi ħafna drabi jsir meta n-netwerks ma jkunux ristretti u jkun qed jiġi ġġenerat elettriku biżżejjed.
Iż-żieda fid-diġitalizzazzjoni tal-infrastruttura diġà tippermetti ġestjoni intelliġenti tal-grilja, u b’hekk il-ġestjoni tal-punti tal-iċċarġjar. Dan jagħmel “l-iċċarġjar intelliġenti” possibbli: l-iċċarġjar fl-iżjed ħin konvenjenti għall-grilja tal-elettriku u bl-inqas kost għall-konsumaturi. Fil-ġejjieni, anki l-batteriji tal-vetturi elettriċi se jintużaw għall-operazzjonijiet tas-sistema tal-elettriku (mill-vettura għall-grilja), u dan jgħin biex jinkiseb bilanċ fil-grilja tal-elettriku b’mod kosteffiċjenti. Id-dħul minn dawn is-servizzi lill-operaturi tan-netwerks jista’ jintuża biex jiffinanzja mill-ġdid il-kost tal-investiment fl-infrastruttura, speċjalment għall-iċċarġjar fuq il-postijiet tax-xogħol.
Fil-proposta tagħha għal Direttiva dwar regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (riformulazzjoni), imsejsa fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, il-Kummissjoni tipproponi qafas koerenti għal rispons għad-domanda li jippermetti iċċarġjar intelliġenti, jagħti inċentivi lill-konsumaturi biex jiċċarġjaw waqt perjodi kwieti u jagħti l-kapaċità lill-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni biex jimmaniġġaw il-grilja b’mod attiv. Għaldaqstant, li jintlaħaq ftehim malajr dwar ir-riformulazzjoni tad-Direttivi proposti u t-traspożizzjoni korretta tagħha hu prerekwiżit għall-iċċarġjar intelliġenti u fl-aħħar mill-aħħar għall-użu fuq skala kbira tal-vetturi elettriċi.
L-użu ta’ apparati u teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija (eż. l-użu tat-tieni ħajja tal-batteriji tal-karozzi fl-istokk tal-bini u l-idroġenu ġġenerat b’mod rinnovabbli) jenħtieġ jitħeġġeġ b’mod aktar qawwi bħala kundizzjoni ta’ faċilitazzjoni għall-mobbiltà mingħajr emissjonijiet.
It-trasparenza tal-prezzijiet hemm bżonnha biex tevita li jiżdiedu l-kostijiet u l-prezzijiet (tal-elettriku) minħabba l-aġġornament tal-vetturi elettriċi, fosthom għall-familji bi dħul aktar baxx.
|
L-azzjonijiet ewlenin
·Jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu bis-sħiħ rispons għad-domanda billi jittrasponu malajr id-dispożizzjonijiet rispettivi tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika u t-tfassil tas-suq tal-elettriku relatat, u b’hekk jadottaw qafas leġiżlattiv li jappoġġa r-rispons għad-domanda u l-iċċarġjar intelliġenti.
·L-Istati Membri jenħtieġ jippromwovu l-iskjerament ta’ punti tal-iċċarġjar u t-tifrix minn qabel ta’ kejbils fl-ispazji tal-parkeġġi fil-binjiet residenzjali u mhux residenzjali.
·L-Istati Membri jenħtieġ jiżguraw li qed jiġu skjerati t-teknoloġiji li jippermettu l-iċċarġjar intelliġenti, bħall-miters intelliġenti, u li qed jiġu applikati standards tal-iċċarġjar intelliġenti li diġà jew adottati jew emerġenti għall-vetturi elettriċi (eż. ISO 15118 u IEC 63110).
·Il-ħtiġijiet relatati mal-elettromobbiltà se jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-programm Orizzont 2020 kif ukoll fil-kuntest tal-proċess tal-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (il-pjan SET) u fora oħrajn tal-partijiet konċernati.
·Il-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli se jiżviluppa aktar rakkomandazzjonijiet meħtieġa biex jiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva tal-integrazzjoni bejn l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar u l-grilja tal-elettriku u biex jiżgura l-interoperabbiltà mal-UE kollha.
|
3.6.Kwistjonijiet emerġenti
Jenħtieġ jiżdied l-użu tal-bijometanu sostenibbli li jitħallat mal-gass naturali jew ma’ sostituzzjoni tiegħu fil-vetturi li jaħdmu bil-gass naturali ħalli tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-vetturi li jaħdmu bil-gass naturali. Il-manifatturi u l-operaturi jistgħu jaqblu fuq għanijiet tat-taħlit ambizzjużi biex is-suq jingħata ċ-ċertezza.
Minbarra li tiġi promossa l-provvista tal-elettriku fl-ajruporti għall-ajruplani wieqfa bħala parti mill-oqfsa nazzjonali ta’ politika skont id-Direttiva 2014/94/UE, hemm bżonn jiġi żviluppat aktar l-użu tal-fjuwils alternattivi fis-settur tal-avjazzjoni. Jenħtieġ li enfasi ewlenija ssir fuq il-bijofjuwils ta’ sostituzzjoni, fejn l-użu u l-kapaċità tal-produzzjoni għadhom limitati, u aktar fit-tul fuq it-teknoloġiji ta’ propulsjoni mingħajr karbonju. F’dan il-qasam, azzjoni multilaterali hi fundamentali wkoll. Il-ħidma tal-ICAO favur aktar allinjament tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u r-regoli u l-istandards tal-UE dwar is-sostenibbiltà tal-fjuwils se tgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet aħjar tas-suq.
Il-Kummissjoni se tħeġġeġ għal aktar sforzi biex iżżid l-użu tal-fjuwils alternattivi bħall-idroġenu jew fjuwils rinnovabbli oħrajn flimkien ma’ ċelloli tal-fjuwils biex twessa’ l-firxa ta’ teknoloġiji nodfa ta’ propulsjoni ferrovjarja. Jeżistu wkoll sinerġiji bejn l-idroġenu u l-LNG fis-settur tat-trasport fuq l-ilma, flimkien ma’ bijofjuwils avvanzati bħala soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni f’dan is-settur.
4.Konklużjonijiet
Minn meta daħal fis-seħħ il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, se jkollha titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija moderna b’livell baxx tal-karbonju. Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2017 irrikonoxxa l-Ftehim ta’ Pariġi bħala “element prinċipali għall-modernizzazzjoni tal-industrija u l-ekonomija Ewropej”.
Kulma jmur qed teqliel dejjem iżjed il-kompetizzjoni globali għall-ishma tas-suq, it-teknoloġija u l-imħuħ li joħorġu bl-innovazzjonijiet futuri b’livell baxx tal-karbonju. Ma għandniex ħin għall-kompjaċenza.
Dan il-pjan ta’ azzjoni jelenka għadd ta’ miżuri maħsuba biex jappoġġaw l-installazzjoni mgħaġġla tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fl-UE. Dawn huma parti minn pakkett ta’ politika dwar il-mobbiltà li jindirizza flimkien il-vetturi, l-infrastrutturi, il-grilja tal-elettriku u s-servizzi tal-utenti. Sal-2025, l-UE jenħtieġ tkun lestiet il-bażi tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment, biex tagħti kopertura sħiħa tal-kurituri tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T.
L-Ewropa ma tistax tibqa’ traqqa’ s-soluzzjonijiet tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, għax b’hekk tirriskja li wħud mir-reġjuni u l-konsumaturi jinqatgħu lura. Il-valutazzjoni tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika skont id-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi toħroġ fid-dieher li hemm ħafna x’wieħed jitgħallem mill-esperjenzi pożittivi ta’ xi Stati Membri. Dak li hu meħtieġ issa biex tiżdied l-azzjoni f’dan il-qasam hu kollaborazzjoni transfruntiera u transsettorjali serja fost il-partijiet konċernati pubbliċi u privati kollha. Jeħtieġ jiġi evitat il-lock-in tat-teknoloġiji u tas-swieq. Biex is-swieq jikbru, l-infrastrutturi tal-fjuwils alternattivi u s-servizzi tagħhom jeħtieġ ikunu miftuħa, trasparenti u interoperabbli. Anki l-utenti jeħtieġ ikunu jistgħu jużaw in-netwerk tat-trasport kollu mingħajr qtugħ u b’mod faċli.
Il-Kummissjoni lesta tappoġġa dan il-proċess permezz ta’ azzjoni mhux leġiżlattiva u leġiżlattiva kif imsemmi f’dan il-pjan ta’ azzjoni. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ is-settur tat-trasport tal-Ewropa, tagħmlu aktar kompetittiv, u tiżgura li l-ebda konsumatur jew reġjun ma jinqata’ lura waqt li tkun qed tmexxi l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.