IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.10.2017
COM(2017) 630 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi
1.
Introduzzjoni u bażi ġuridika
L-Artikolu 39(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament dwar l-Annimali Domestiċi”) jistipula li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni b’dak ir-Regolament. Ir-rapport għandu jitfassal sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta' ħames snin tad-delega, li beda fit-28 ta' Ġunju 2013. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.
2.
Eżerċizzju tad-delega
L-Artikolu 39(2) tar-Regolament dwar l-Annimali Domestiċi japplika għas-setgħa biex jiġu adottati atti delegati kkonferiti lill-Kummissjoni bl-Artikolu 5(5), bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(2), bl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u bl-Artikolu 38 ta’ dak ir-Regolament.
B’mod iktar speċifiku:
(a)
L-Artikolu 5(5) tar-Regolament dwar l-Annimali Domestiċi, jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi r-regoli li jistabbilixxu n-numru massimu ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I li jistgħu jakkumpanjaw lis-sid jew lil persuna awtorizzata matul moviment wieħed mhux kummerċjali sabiex jiġi impedit il-moviment kummerċjali ta’ annimali domestiċi ta’ dawk l-ispeċijiet li jinħeba b’mod frodulenti taħt il-bixra ta’ natura mhux kummerċjali. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tinġabar aktar esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli l-ġodda qabel ma jibda jitħejja att delegat b’rabta man-numru ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet fil-Parti B.
(b)
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament dwar l-Annimali Domestiċi, jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għall-ispeċijiet għall-immarkar jew għad-deskrizzjoni ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I, filwaqt li jitqies kull rekwiżit nazzjonali rilevanti. Għalkemm mhu meqjus li nqala l-ebda bżonn li jiġu stabbiliti dawn ir-rekwiżiti f’att delegat f’dan il-mument, il-Kummissjoni hija lesta li tipproċedi bit-tħejjija ta’ att delegat dwar l-immarkar jew id-deskrizzjoni ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet tal-Parti B b’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni jekk ikun ġustifikat minn progress xjentifiku jew tekniku jew mill-esperjenza miksuba tal-applikazzjoni prattika tar-Regolament dwar l-Annimali Domestiċi.
(c)
L-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar l-Annimali Domestiċi, jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll ta’ mard jew infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija li x’aktarx jinfirxu minħabba l-moviment ta’ annimali domestiċi. Abbażi ta’ din is-setgħa, il-Kummissjoni ħejjiet abbozz ta’ Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fil-klieb, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1152/2011. Fid-dawl tal-adozzjoni tiegħu mill-Kummissjoni u notifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’konformità mal-Artikolu 39(4) tar-Regolament dwar l-Annimali Domestiċi, l-abbozz iinfetaħ għall-feedback mit-8 ta’ Settembru sas-6 ta’ Ottubru 2017 fit-Taqsima tal-Konsultazzjonijiet Pubbliċi tal-websajt tal-Kummissjoni.
(d)
L-Artikolu 38 tar-Regolament dwar l-Annimali Domestiċi, jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex temenda l-Annessi II sa IV ta’ dak ir-Regolament u biex b’hekk tistabbilixxi aktar dettalji dwar aspetti tekniċi diversi koperti minn dawk tal-Annessi sabiex jitqies il-progress tekniku, l-iżviluppi xjentifiċi u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew tas-saħħa tal-annimali domestiċi. Peress li dan ir-Regolament sar applikabbli biss mid-29 ta’ Diċembru 2014, jeħtieġ li tinġabar aktar esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli l-ġodda qabel ma ssir deċiżjoni dwar l-użu xieraq ta’ din is-setgħa delegata.
3.
Konklużjoni
Ir-Regolament dwar l-Annimali Domestiċi ilu japplika għal perjodu ta’ ftit iktar minn sentejn u nofs.
S’issa, il-Kummissjoni ħejjiet u nediet konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz ta’ att delegat dwar miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fil-klieb abbażi tas-setgħa mogħtija lilha permezz tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) ta’ dak ir-Regolament.
Il-Kummissjoni attwalment ma għandha l-ebda pjan biex tipproċedi bit-tħejjija ta’ att delegat b’rabta ma’ kwalunkwe mis-setgħat delegati msemmija fl-Artikolu 5(5), fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(2), jew fl-Artikolu 38 tar-Regolament dwar l-Annimali Domestiċi.
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-setgħat delegati mogħtija permezz tar-Regolament dwar l-Annimali Domestiċi għandhom jibqgħu fis-seħħ minħabba l-ħtieġa li tinġabar iktar esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-Regolament, biex ikun magħruf kif wieħed għandu jirreaġixxi għal theddidiet għas-saħħa ġodda jew li qegħdin jibdew li huma marbutin mal-movimenti ta’ annimali domestiċi u biex naddattaw għall-progress tekniku u għall-iżviluppi xjentifiċi.