Brussell,24.10.2017

COM(2017) 629 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament KE 1466/97 dwar il-missjoni ta' sorveljanza msaħħa fir-Rumanija


Dan ir-rapport dwar il-missjoni ta’ sorveljanza msaħħa fir-Rumanija jiġi trażmess lill-Kunsill skont l-Artikolu -11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 1 . Kif previst mill-Artikolu -11(5) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, is-sejbiet proviżorji ta’ dik il-missjoni ġew trażmessi lir-Rumanija minn qabel għall-kummenti.

Ir-Rumanija - Proċedura ta’ Devjazzjoni Sinifikanti

Missjoni ta’ sorveljanza msaħħa, 26-27 ta’ Settembru 2017

Rapport

1. Introduzzjoni

B’konsegwenza tad-devjazzjoni sinifikanti mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju (MTO) fl-2016, tnediet Proċedura ta’ Devjazzjoni Sinifikanti (SDP) għar-Rumanija fir-rebbiegħa tal-2017. Id-defiċit strutturali tal-Istat Membru żdied għal 2,5% tal-PDG fl-2016, minn inqas minn 1% fl-2015, minħabba tnaqqis sinifikanti f’taxxi indiretti u żidiet fil-pagi tas-settur pubbliku, B’konsegwenza, fit-22 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni ħarġet twissija lir-Rumanija u pproponiet lill-Kunsill biex iniedi SDP. Fir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-SDP, approvata fis-16 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill talab lir-Rumanija biex tieħu miżuri biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma jaqbiżx it-3,3% fl-2017. Dan jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,5% tal-PDG, li huwa l-isforz minimu meħtieġ taħt il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST). Dan ifisser bżonn ta’ miżuri korrettivi ekwivalenti għal 1,8% tal-PDG fl-2017, meta mqabbel mal-linja bażi minn tal-previżjonijiet ekonomiċi tal-Kummissjoni li saru fir-rebbiegħa 2017. Ir-Rumanija rrapportat lill-Kunsill kif kienet mitluba tagħmel, dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill sal-15 ta’ Ottubru 2017. Il-Kummissjoni issa qiegħda tivvaluta l-kontenut tas-sottomissjoni tar-Rumanija.

Il-missjoni ta’ sorveljanza msaħħa mill-Kummissjoni seħħet fis-26 u s-27 ta’ Settembru 2017. Il-missjoni twettqet abbażi tal-Artikolu -11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Il-missjoni laqqgħet flimkien il-Ministeru tal-Finanzi Ionuţ Mişa, il-gvernatur tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija Mugur Isărescu, il-membri tal-Kunsill Fiskali tar-Rumanija u l-membri tal-kumitati baġitarji tal-Parlament Rumen. L-għan tal-missjoni kien li jitgħallmu iktar dwar l-azzjonijiet fiskali ppjanati mill-awtoritajiet Rumeni, biex tiżdied il-viżibbiltà tar-riskji fiskali u biex tiġi inkoraġġuta l-konformità mal-PST. Il-missjoni vvalutat ukoll l-iżviluppi fiskali u l-eżekuzzjoni baġitarja fl-2017.

2. Is-sejbiet tal-missjoni

Ġie mifhum li l-awtoritajiet Rumeni ma għandhomx l-intenzjoni li jieħdu azzjoni fuq ir-rakkomandazzjoni tal-SDP. Il-Ministeru tal-Finanzi kkonferma li l-mira għall-2017 tibqa’ d-defiċit nominali ta’ 3 % tal-PDG, filwaqt li aġġustament strutturali fl-2017 mhuwiex prijorità. Fir-rettifika tal-baġit tal-2017, li ġiet adottata mill-gvern f’nofs Settembru 2017, il-mira tad-defiċit nominali nżammet f’2,996% tal-PDG, filwaqt li ttejbet il-projezzjoni makroekonomika sottostanti. Dan jindika deterjorament fid-defiċit strutturali sottostanti meta mqabbel mal-baġit oriġinali tal-2017 li kien diġà ppjana pożizzjoni fiskali espansjonarja. Il-Ministru tal-Finanzi sostna li r-rakkomandazzjoni tal-SDP rakkomandazzjoni waslet tard fis-sena u għalhekk ħalliet ftit li xejn skop biex jiġi implimentat l-aġġustament strutturali rakkomandat.

Ir-rettifika tal-baġit tal-2017 adottata reċentement ukoll tqajjem tħassib dwar il-kwalità tal-finanzi pubbliċi. L-elementi ewlenin tar-rettifika fil-baġit huma: (i) reviżjoni ’l fuq tat-tkabbir fil-PDG minn 5,2 % għal 5,6 %; (ii) il-mira tad-defiċit pubbliku (kontanti) biex tinżamm fil-livell ta' 2,96 % tal-PDG; (iii) reviżjoni ’l isfel tad-dħul mit-taxxi (immexxija minn reviżjoni ’l isfel tal-VAT u tat-taxxa korporattiva ta’ profitt), (iv) kontribuzzjonijiet soċjali u dħul mhux fiskali (jiġifieri dividendi minn impriżi tal-istat (SOEs)) li ġew riveduti ’l fuq. Iż-żieda fid-dividendi minn SOEs hija parzjalment minħabba talba għal dividendi minn profitti miżmum fi snin preċedenti; (v) min-naħa tal-infiq, l-infiq kapitali naqas b’madwar kwart; (vi) filwaqt li l-pagi tas-settur pubbliku kif ukoll il-benefiċċji soċjali żdiedu. F’termini ta’ kompożizzjoni tal-baġit, ir-Rumanija adottat politiki li jżidu l-konsum fit-terminu qasir (tnaqqis fit-taxxi indiretti, żidiet fil-pagi pubbliċi) u li huma diffiċli biex jitreġġgħu lura, milli politiki mmirati biex jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku fit-terminu twil, bħat-titjib tal-assorbiment tal-fondi tal-UE jew fuq iż-żieda fil-kwalità tal-investiment pubbliku.

L-awtoritajiet qed jimmiraw li jżommu defiċit nominali ta’ 3 % tal-PDG fl-2018. Il-Ministru tal-Finanzi tenna żewġ objettivi għall-2018: objettiv primarju taż-żamma ta’ defiċit nominali ta’ 3 % tal-PDG u, bħala objettiv sekondarju, it-tnaqqis fid-defiċit strutturali b’0,5 % tal-PDG. Il-missjoni osservat li, fid-dawl tad-differenza fil-produzzjoni pożittiva u li qed tiżdied, iż-żamma tad-defiċit nominali fil-livell ta' 3 % tal-PDG fl-2018 jimplika deterjorament fil-pożizzjoni fiskali strutturali.

Skont il-projezzjonijiet tal-Kummissjoni, jekk wieħed jimxi max-xenarju tal-ebda bidla fil-politika, id-defiċit nominali x’aktarx li se jiżdied fl-2018 b'mod sostanzjali għal aktar minn 3 % tal-PGD, xprunat minn iktar żidiet sinifikanti fil-pagi pubbliċi. F’Ġunju 2017, il-Parlament Rumen approva l-Liġi Unifikata dwar il-Pagi. Din il-liġi għandha l-għan li tarmonizza t-tabelli ta’ klassifikazzjoni tal-pagi fis-settur pubbliku li bħalissa huma frammentati u tiddefinixxi s-salarju għal kull pożizzjoni tas-settur pubbliku. Hija tiddefinixxi t-triq biex jintlaħaq dan il-għan u tiddefinixxi s-sena 2022 bħala s-sena għall-implimentazzjoni sħiħa tas-sistema l-ġdida tal-pagi. Il-pagi se jiżdiedu b’25 % għall-impjegati kollha tal-gvern f’Jannar 2018, b’żidiet annwali ta’ 25 % tad-differenza bejn is-salarju ta’ Jannar 2018 u s-salarju ta’ mira għall-2022 minn hemm ’il quddiem. Is-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni se jirċievu żidiet addizzjonali fl-2018 minbarra ż-żieda ġenerali ta’ 25 % ta’ Jannar 2018. B’konsegwenza, skont ix-xenarju tal-ebda bidla fil-politika, id-defiċit nominali huwa mistenni li jiżdied b’mod sinifikanti ’l fuq minn 3 % tal-PDG, possibbilment għal xi ftit aktar minn 4 % tal-PDG (stima iktar preċiża se tinkiseb matul l-eżerċizzju ta’ previżjoni tal-ħarifa). Għalhekk, sabiex jintlaħqu l-miri msemmija tal-2018, u wisq inqas biex jikkonformaw mal-fergħa preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, l-awtoritajiet jenħtieġu jadottaw miżuri ulterjuri.

L-awtoritajiet qed jippjanaw li jittrasferixxu l-kontribuzzjonijiet soċjali totalment għal fuq l-impjegati sabiex jittaffa l-impatt fiskali tal-Liġi Unifikata dwar il-Pagi. L-intenzjoni hija li tiżdied ir-rata tal-kontribuzzjonijiet soċjali mħallsa mill-impjegati fuq il-pagi gross tagħhom. Il-gvern qed jippjana li jakkumpanja dan it-tibdil bi tnaqqis fir-rata ġenerali tal-kontribuzzjonijiet soċjali, mir-rata attwali ta’ 22,75 % għall-impjegaturi u dik ta’ 16,5 % għall-impjegati, u li jnaqqas ir-rata tat-Taxxa fuq l-Introjtu Personali minn 16 % għal 12 % jew għal 10 %. Il-gvern qed ifittex ukoll soluzzjoni legali li tiżgura li impjegaturi fis-settur privat iżidu l-pagi grossi tal-impjegati tagħhom b’tali mod li l-pagi netti tagħhom ma jġorrux l-ispiża tal-bidla fil-kontribuzzjonijiet soċjali.

Il-gvern qed jikkunsidra wkoll it-treġġigħ lura tar-riforma tal-pensjonijiet tal-2008 li introduċiet it-tieni pilastru tal-pensjonijiet. L-awtoritajiet qed jikkunsidraw tnaqqis fit-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet soċjali għat-tieni pilastru tal-pensjonijiet li skont ir-regoli tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA), hija kklassifikata barra l-amministrazzjoni pubblika. Dawn it-trasferimenti jammontaw għal madwar 0,8 % tal-PDG annwali. Tali miżura tkun qed tnaqqas id-defiċit fiskali fuq medda qasira ta’ żmien. Madankollu, il-gwadann fiskali fil-medda twila ta’ żmien jonqos hekk kif il-kontribuzzjonijiet soċjali ddevjati mit-tieni pilastru jiġu akkumpanjati minn obbligu ta’ ħlas ta’ pensjonijiet tax-xjuħija fil-futur. Barra minn hekk, bidla bħal din jista’ jkollha implikazzjonijiet negattivi fuq il-vijabilità tas-sistema tal-pensjonijiet u għall-iżvilupp tas-swieq kapitali. Il-missjoni wissiet kontra t-twettiq ta’ tali bidliet profondi fis-sistema tal-pensjonijiet b’mod mgħaġġel, mingħajr l-analiżi xierqa u għal raġunijiet biss ta’ tnaqqis tad-defiċit għall-medda qasira ta’ żmien. In-nazzjonalizzazzjoni tal-assi akkumulati fit-tieni pilastru, li skont ir-regoli tal-ESA ma taffettwax id-defiċit tal-gvern, ma jidhirx li qed tiġi kkunsidrata f’dan il-punt.

Il-missjoni ddiskutiet ukoll il-mekkaniżmu ta’ pagamenti maqsuma tal-VAT li ġie adottat dan l-aħħar. Fl-aħħar ta’ Awwissu 2017, il-gvern adotta ordinanza ta’ emerġenza li temenda l-Kodiċi Fiskali. L-ordinanza, li timmira li ttejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa, tobbliga lil kull min iħallas il-VAT biex jużaw kontijiet separati għal skopijiet ta’ VAT minn Jannar 2018 ’il quddiem. Il-missjoni enfasizzat li tali mekkaniżmu obbligatorju jista’ jirrikjedi deroga minn qabel mid-Direttiva dwar il-VAT 2 . Il-Ministeru tal-Finanzi kkontesta l-ħtieġa ta’ deroga u sostna li l-Kummissjoni m’għandhiex informazzjoni preċiża dwar din il-miżura.

Il-Bank Nazzjonali tar-Rumanija ikkonferma l-politika fiskali pro-ċiklika u b’hekk ikkontribwixxa għat-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tat-taħlita kurrenti ta’ politiki. Ir-Rumanija għaddejja minn qawmien ekonomiku kbir li huwa l-aħjar żmien biex terġa’ tibni buffers fiskali għal tnaqqis eventwali. Madankollu, il-pożizzjoni fiskali tar-Rumanija kienet ferm espansjonarja. Minn din il-perspettiva, il-politika fiskali tar-Rumanija tidher imprudenti u tikkundizzjona bil-qawwa l-politika monetarja.

Il-missjoni qasmet fehmiet mal-membri tal-kumitati tal-Parlament Rumen dwar il-baġit u l-politika fiskali. Il-membri kemm tal-koalizzjoni fil-gvern, kif ukoll mill-oppożizzjoni qasmu tħassib rigward il-kompożizzjoni tal-baġit, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tnaqqis fl-investiment pubbliku u l-impatt tiegħu fuq it-tkabbir fit-tul. Il-president tal-kumitati konġunti deher jikkunsidra li kien hemm bżonn ta’ bidla fid-direzzjoni tal-politika fiskali u li jingħata bidu għal aġġustament strutturali fl-2018.

Il-Kunsill Fiskali kkondivida t-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tal-perspettiva fiskali. Skont il-Kunsill Fiskali, id-defiċit strutturali se jiddeterjora sostanzjalment fl-2018 u d-defiċit nominali huwa previst li jaqbeż il-limitu ta’ 3 % tal-PDG fin-nuqqas ta’ miżuri fiskali kumpensatorji.

ANNESS TAL-ISTATISTIKA

(Data ta’ previżjonijiet ibbażat fuq il-previżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tar-rebbiegħa 2017) 3

Tabella 1: Ħarsa ġenerali lejn l-indikaturi ekonomiċi ewlenin għall-perjodu 2009–2018



Tabella 2: Kontijiet għall-perjodu 2015–2018 tal-amministrazzjoni pubblika



Tabella 3: Aġġustament ċikliku tal-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(3)

Il-previżjonijiet tal-Kummissjoni se jiġu aġġornati f’Novembru 2017.