Brussell, 18.10.2017

COM(2017) 608 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-ħdax-il rapport dwar il-progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina


I.    INTRODUZZJONI

Dan huwa l-ħdax-il rapport ta’ kull xahar dwar il-progress li sar sabiex tinħoloq Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina, u jkopri l-iżviluppi f’żewġ pilastri ewlenin: il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u l-mezzi li jappoġġawhom; u t-tisħiħ tad-difiżi tagħna u l-bini ta’ reżiljenza kontra dawn it-theddidiet.

Il-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni 1 enfasizza li l-Unjoni Ewropea trid tkun aktar b’saħħitha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u trid tkompli tibni fuq il-progress reali li sar f’dawn l-aħħar tliet snin. Kif imħabbar fl-ittra ta’ intenzjoni 2 lill-Parlament Ewropew u lill-Presidenza tal-Kunsill, u fil-Pjan Direzzjonali li jakkumpanjaha dwar Unjoni aktar Magħquda, aktar Qawwija u aktar Demokratika, f’dan ir-rapport il-Kummissjoni tippreżenta pakkett ta’ miżuri kontra t-terroriżmu li għandhom jitwettqu fis-sittax-il xahar li ġejjin. Dawn il-miżuri operattivi se jgħinu lill-Istati Membri biex jindirizzaw vulnerabbiltajiet sinifikanti li nkixfu reċentement mill-attakki terroristiċi, u se jagħmlu differenza reali sabiex titjieb is-sigurtà. Dan se jikkontribwixxi biex titlesta Unjoni tas-Sigurtà fejn it-terroristi ma jkunux jistgħu jibqgħu jisfruttaw il-lakuni biex iwettqu l-atroċitajiet tagħhom. Lil hinn minn dawn il-miżuri prattiċi fuq terminu ta’ żmien qasir, il-Kummissjoni qed taħdem biex fil-futur ikun hemm Unità tal-Intelligence Ewropea, kif imħabbar mill-President Juncker bħala parti mill-viżjoni tiegħu għall-Unjoni Ewropea sal-2025.

Il-pakkett ta’ kontra t-terroriżmu jinkludi:

·miżuri li jappoġġjaw lill-Istati Membri biex jipproteġu l-ispazji pubbliċi (il-Kapitolu II), inkluż Pjan ta’ Azzjoni li jappoġġa l-protezzjoni tal-spazji pubbliċi u Pjan ta’ Azzjoni li jsaħħaħ it-tħejjija kontra r-riskji għas-sigurtà kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari;

·miżuri biex jinqata’ l-aċċess għall-mezzi użati mit-terroristi biex jippreparaw u jwettqu attakki bħal sustanzi perikolużi jew il-finanzjament tat-terroriżmu (il-Kapitolu III), inkluża Rakkomandazzjoni dwar il-passi immedjati biex jiġi impedut l-użu ħażin ta’ prekursuri tal-isplussivi kif ukoll miżuri biex jiġu appoġġati l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji meta jiltaqgħu mal-użu tal-kriptaġġ f’investigazzjonijiet kriminali;

·il-passi li jmiss dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni (il-Kapitolu IV);

·il-passi li jmiss sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (il-Kapitolu V), inklużi proposti għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Protokoll Addizzjonali dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu kif ukoll Rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati rigward ftehim mal-Kanada dwar reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri rivedut.

II.    MIŻURI LI JTEJBU L-PROTEZZJONI U R-REŻILJENZA KONTRA T-TERRORIŻMU

1.     Protezzjoni msaħħa ta’ spazji pubbliċi

L-enfasi tat-terroristi, fil-propaganda u fl-għażla tal-miri tagħhom, qed tmur fuq l-ispazji pubbliċi bħalma huma ż-żoni pedonali, is-siti turistiċi, iċ-ċentri tat-trasport, iċ-ċentri kummerċjali, is-swali tal-kunċerti u l-pjazez tal-ibliet, kif jidher pereżempju mill-attakki ta’ Barċellona, Berlin, Brussell, Londra, Manchester, Nizza, Pariġi u Stokkolma. Dak li dawn “il-miri faċli” għandhom in komuni huwa n-natura miftuħa u pubblika tagħhom, kif ukoll il-konċentrazzjoni għolja ta’ persuni, li jagħmilhom intrinsikament vulnerabbli.

Nistgħu nagħmlu aktar biex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet ta’ dawn il-postijiet, biex niskopru t-theddidiet fi stadju aktar bikri u biex inżidu r-reżiljenza. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni, permezz ta’ Pjan ta’ Azzjoni biex tiġi appoġġata l-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi 3 ppreżentat flimkien ma’ dan ir-rapport, stipulat miżuri biex l-Istati Membri jiġu appoġġati f’livell nazzjonali, reġjonali u lokali fl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-protezzjoni fiżika kontra t-theddidiet terroristiċi. Filwaqt li “r-riskju żero” qatt ma jista’ jeżisti, il-Pjan ta’ Azzjoni għandu l-għan li jappoġġa lill-Istati Membri biex jidentifikaw it-theddidiet, inaqqsu l-vulnerabbiltà tal-ispazji pubbliċi, jimmitigaw il-konsegwenzi ta’ attakk terroristiku u jtejbu l-kooperazzjoni.

L-appoġġ li l-UE tista’ tagħti għall-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi jinqasam fi tnejn. L-ewwel nett, dan jista’ jrawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki min-naħa għall-oħra tal-fruntieri, inkluż permezz ta’ finanzjament. Dan jinkludi pereżempju miżuri biex jiġi promoss u appoġġjat l-iżvilupp ta’ lqugħ innovattiv u diskret sabiex fil-bliet ikun hemm sigurtà mingħajr ma ssir bidla fin-natura miftuħa tagħhom (“protetti mit-tifsila nnifisha”). Permezz ta’ appoġġ finanzjarju għall-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni llum nediet sejħa għal proposti permezz tal-Fond għas-Sigurtà Interna għall-l-Pulizija, li jammonta b’kollox għal EUR 18,5-il miljun. Dan il-finanzjament fuq terminu ta’ żmien qasir se jkun ikkumplimentat fl-2018 b’finanzjament permezz tal-Azzjonijiet Innovattivi Urbani (UIA), bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, fejn is-sigurtà se tkun is-suġġett ċentrali u li għaliha l-finanzjament totali se jammonta sa EUR 100 miljun. Fil-15 ta’ Settembru 2017 tnediet konsultazzjoni pubblika sabiex jinġabru ideat dwar soluzzjonijiet innovattivi għas-sigurtà minn bliet. Dan se jgħin lill-Kummissjoni biex tifforma s-sejħiet għal proposti imminenti f’dan il-qasam.

It-tieni, l-UE tista’ trawwem kooperazzjoni ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, li hija kkunsidrata bħala kruċjali sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni taż-żoni pubbliċi. Il-kondiviżjoni ta’ esperjenzi u l-ġbir komuni ta’ riżorsi jenħtieġ li jkunu strutturati aħjar. Il-Kummissjoni se twaqqaf forum sabiex tinvolvi ruħha ma’ operaturi privati, bħal ċentri kummerċjali, organizzaturi ta’ kunċerti, areni tal-isport, lukandi u kumpaniji li jikru l-karozzi. Dan se jiffaċilita għarfien komuni dwar l-isfidi ta’ sigurtà attwali u jinkoraġġixxi sħubijiet pubbliċi-privati sabiex titjieb il-protezzjoni. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ukoll rwol fundamentali x’jaqdu fil-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi, u dawn jeħtieġ li jkunu involuti fl-attivitajiet relatati fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-involviment ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati u se tibda djalogu kemm mal-awtoritajiet reġjonali kif ukoll lokali, bħalma huma s-sindki ta’ bliet kbar, sabiex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u informazzjoni għall-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi. Bħala segwitu għad-Dikjarazzjoni ta’ Nizza 4 tad-29 ta’ Settembru 2017, kmieni s-sena d-dieħla l-Kummissjoni se torganizza flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni laqgħa ta’ livell għoli mas-sindki li ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Nizza u ma’ rappreżentanti interessati oħra fil-livelli lokali u reġjonali sabiex tkompli bl-iskambju tal-aħjar prattiki għall-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi.

Il-Kummissjoni se tkompli wkoll b’ħidmietha għall-protezzjoni u r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika. Il-Valutazzjoni Komprensiva tal-Politika ta’ Sigurtà tal-UE 5 indikat ukoll il-ħtieġa li l-Programm Ewropew għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika 6 jiġi adattat għat-theddid emerġenti. Il-Kummissjoni bdiet evalwazzjoni tad-Direttiva 7 dwar l-identifikazzjoni u d-deżinjazzjoni tal-Infrastrutturi Kritiċi Ewropej. L-evalwazzjoni tqis it-tagħlimiet meħuda u l-iżviluppi fis-snin reċenti, bħall-adozzjoni tad-Direttiva dwar is- Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni 8 . Sadanittant, il-Programm Ewropew għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ġie msaħħaħ billi ġew indirizzati l-isfidi emerġenti bħat-theddidiet interni u ibridi, u billi twessa’ l-aspett estern tal-programm permezz tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tal-Lvant u tal-Balkani tal-Punent.

Is-settur tat-trasport ilu għal ħafna snin il-mira ta’ atti terroristiċi kif ukoll il-mezz li bih jitwettqu l-attakki (pereż. l-ajruplani maħtufa jew l-attakki bi trakkijiet). Bħala tweġiba, hemm bżonn li ssir analiżi tal-grad sa fejn ir-regoli dwar sigurtà fit-trasport jiżguraw is-sigurtà, filwaqt li jassiguraw ukoll fluwidità fin-netwerks tat-trasport. Filwaqt li s-settur tal-avjazzjoni huwa protett ferm aħjar, l-attakki terroristiċi saru aktar opportunistiċi b’enfasi ikbar fuq l-ispazji pubbliċi. Fost dawn, it-trasport bil-ferrovija huwa bersall ta’ riskju għoli, għaliex l-infrastruttura min-natura tagħha stess hija miftuħa. Bħalissa ma hemm l-ebda qafas leġiżlattiv tal-UE biex it-trasport bil-ferrovija tal-passiġġieri jiġi protett mit-terroriżmu u mill-kriminalità serja. Fil-15 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, nediet valutazzjoni tar-riskju ferrovjarja komuni u qed taħdem fuq aktar miżuri sabiex titjieb is-sigurtà tal-passiġġieri ferrovjarji. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq għodod għal gwida għall-aħjar prattiki fis-sigurtà għas-settur kummerċjali tat-trasport bit-triq. Dawn se jiffukaw biex titjieb is-sigurtà tat-trakkijiet billi jitnaqqas ir-riskju ta’ dħul mhux awtorizzat, inkluż il-ħtif jew is-serq ta’ trakk għal użu f’attakk terroristiku. L-għodod se jkunu disponibbli qabel tmiem l-2017 u se jipprovdu gwida għas-setturi nazzjonali tat-trasport bit-triq. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll il-ħidma dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tat-trasport marittimu, b’mod partikolari biex tiżdied il-protezzjoni ta’ infrastruttura tat-trasport marittimu li tinkludi l-portijiet u l-faċilitajiet tal-portijiet, il-bastimenti tal-kontejners u l-bastimenti tal-ġarr tal-passiġġieri bħall-kruċieri u l-laneċ.

2.    Titjib fit-tħejjija kontra riskji għas-sigurtà Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari    

Għalkemm il-probabbiltà ta’ attakki li jinvolvu sustanzi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (chemical, biological, radiological and nuclear, CBRN) fl-UE għadha baxxa, it-theddida CBRN globalment qed tevolvi. Hemm indikazzjonijiet li ċerti individwi kriminali jew gruppi terroristiċi jista’ jkollhom l-intenzjoni li jakkwistaw materjal CBRN kif ukoll l-għarfien u l-kapaċità ta’ kif jużawh għal skopijiet terroristiċi. Il-potenzjal ta' attakki CBRN jingħata prominenza fil-propaganda terroristika. Barra minn hekk, il-Valutazzjoni Komprensiva tal-Politika 9 tal-UE dwar is-Sigurtà indikat li hemm bżonn li t-tħejjija kontra dawn it-theddidiet tissaħħaħ.

Sabiex inkunu mħejjija aħjar kontra t-theddidiet CBRN matul is-snin li ġejjin, il-Kummissjoni qed tippreżenta, flimkien ma’ dan ir-rapport, Pjan ta’ Azzjoni sabiex issaħħaħ it-tħejjija kontra r-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u tas-sigurtà nukleari 10 . Dan jinkludi firxa wiesgħa ta’ miżuri sabiex titjieb it-tħejjija, ir-reżiljenza u l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE, pereżempju billi jinħoloq netwerk tal-UE għas-sigurtà CBRN li jiġbor flimkien l-atturi CBRN kollha. In-netwerk se jkun appoġġat, fost l-oħrajn, permezz ta’ ċentru ta’ għarfien CBRN mwaqqaf fiċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (European Counter Terrorism Centre, ECTC) fil-Europol. Huwa importanti wkoll li r-riżorsi eżistenti jintużaw aħjar, u għalhekk il-Pjan ta’ Azzjoni jipproponi t-tisħiħ tat-tħejjija u tar-reazzjoni fl-ambitu CBRN permezz ta’ taħriġ u eżerċizzji li jinvolvu l-persuni kollha differenti tal-ewwel intervent (tal-infurzar tal-liġi, tal-protezzjoni ċivili, tas-saħħa) u – fejn ikun rilevanti – is-sħab militari u privati. Dan se jkun appoġġat wkoll mill-għodod eżistenti fil-livell tal-UE, b’mod partikolari l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (Union Civil Protection Mechanism, UCPM) 11 u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (European Union Agency for Law Enforcement Training, CEPOL). Sabiex jiġi pprovdut appoġġ aħjar f’każ ta’ inċident CBRN kbir, l-Istati Membri għandhom ikomplu jsaħħu l-Kapaċità Ewropea għal Reazzjoni f’Każ ta’Emerġenzi (European Emergency Response Capacity, EERC) eżistenti tal-UCPM. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri huma mħeġġa biex ikomplu jimpenjaw kapaċitajiet ġodda għall-EERC.

Id-dritt tal-UE dwar it-theddid transkonfinali serju għas-saħħa 12 jipprevedi t-tħejjija, is-sorveljanza u l-koordinazzjoni tar-reazzjoni fl-emerġenzi tas-saħħa fl-UE. F’dan il-kuntest, is-Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Reazzjoni tal-UE se tkun marbuta aħjar ma’ sistemi oħra ta’ twissija tal-UE għat-theddid bijoloġiku, kimiku, ambjentali kif ukoll għat-theddid mhux magħruf. Il-Programm tas-Saħħa qed jiffinanzja wkoll taħriġ fl-UE kollha dwar it-tħejjija u r-reazzjoni għall-emerġenzi, u azzjonijiet konġunti biex l-Istati Membri jiġu appoġġati biex isaħħu l-laboratorji, it-tilqim u l-kapaċitajiet fundamentali skont ir-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa.

L-inizjattivi kollha se jkunu appoġġati permezz ta’ attivitajiet speċifiċi ta’ riċerka, finanzjament u kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali rilevanti.

III.    L-INDIRIZZAR TAL-MEZZI LI JAPPOĠĠAW IT-TERRORIŻMU

1.    Finanzjament tat-terroriżmu l-aċċess transfruntier għall-informazzjoni finanzjarja

L-informazzjoni dwar l-attivitajiet finanzjarji ta’ persuni suspettati b’terroriżmu tista’ tipprovdi ħjiel kruċjali f’investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu. Minħabba l-affidabbiltà u l-preċiżjoni tagħha, id-data finanzjarja (inkluża data dwar tranżazzjonijiet finanzjarji) tista’ tgħin biex jiġu identifikati t-terroristi, jinkixfu rabtiet ma’ kompliċi, jiġu stabbiliti l-attivitajiet, il-loġistika u l-movimenti tal-persuni ssuspettati, u jinkixfu n-netwerks terroristiċi. Permezz ta’ ħarsa ta’ malajr lejn l-attivitajiet finanzjarji tal-persuni ssuspettati u tal-kompliċi tagħhom, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jistgħu jiġu pprovduti b’informazzjoni kruċjali biex jipprevjenu attakki jew jirreaġġixxu immedjatament wara attakk. Il-fenomenu dejjem jikber ta’ attakki fuq skala żgħira mhux raffinati jippreżenta sfidi ġodda; l-indikaturi ta’ komplotti u atti maħsuba jistgħu jkunu anqas evidenti meta jkunu ppjanati fi żmien qasir. Tranżazzjonijiet finanzjarji assoċjati ma’ komplotti fuq skala żgħira jistgħu ma jidhrux suspettużi, bir-riżultat li din l-informazzjoni tiġi ppreżentata għall-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti wara attakk biss.

Kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-2016 dwar il-finanzjament tat-terroriżmu 13 , il-Kummissjoni qed tanalizza l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali biex jiffaċilitaw l-aċċess għal informazzjoni finanzjarja miżmuma f’ġuriżdizzjonijiet oħra fl-UE għall-investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu. Fit-tielet rapport ta’ progress għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina ta’ Diċembru 2016 14 , il-Kummissjoni ppreżentat l-analiżi inizjali tagħha u ddikjarat li se tkompli l-valutazzjoni tagħha, filwaqt li tieħu inkonsiderazzoni b’mod partikolari l-impatti possibbli fuq id-drittijiet fundamentali u b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Minn dak iż-żmien ’l hawn il-Kummissjoni kienet qed tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati u analizzat il-mekkaniżmi li permezz tagħhom l-awtoritajiet kompetenti jista’ attwalment ikollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari għad-dejta finanzjarja maħżuna fi Stati Membri oħrajn; l-ostakli biex dan iseħħ b’mod effettiv u malajr; u l-miżuri possibbli biex jiġu indirizzati dawn l-ostakoli.

Barra mill-valutazzjoni kontinwa, il-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki rigward tekniki ta’ investigazzjoni u l-analiżi tal-metodi li jużaw it-terroristi biex jiġbru l-fondi u jmexxuhom, fost l-oħrajn permezz ta’ appoġġ finanzjarju abbażi ta’ sejħa għall-proposti ta’ EUR 2,5 miljun, li tnediet llum.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qed tesplora wkoll kif tista’ ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja 15 stabbiliti biex jipprevjenu, jidentifikaw u jiġġieldu b’mod effettiv kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Ir-rapport ta' mmappjar ta’ Diċembru 2016 imwettaq mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni relatat miegħu, dwar it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja 16 , jissottolinjaw għadd ta’ limitazzjonijiet fis-setgħat domestiċi tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u jiddefinixxu t-triq ’il quddiem biex jiġu solvuti dawn il-kwistjonijiet permezz ta’: (i) l-implimentazzjoni tar-raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus 17 u l-emendi tagħha 18 li bħalissa qed jiġu nnegozjati; (ii) inizjattivi oħra mwettqa minn Pjattaforma għall-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni operattiva, speċjalment permezz ta’ gwida, xogħol ta’ standardizzazzjoni u soluzzjonijiet tan-negozju li għandhom jiġu implimentati fl-FIU.Net; u (iii) miżuri regolatorji biex jiġu indirizzati kwistjonijiet oħra li jirriżultaw minn status u kompetenzi differenti tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja, b’mod partikolari sabiex jiġu ffaċilitati l-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni kemm bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja kif ukoll bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

Għaddejja wkoll ħidma biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal data finanzjarja fi Stat Membru. L-emendi proposti għar-raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus 19 li bħalissa qed jiġu nnegozjati mill-koleġiżlaturi jwasslu għat-twaqqif ta’ reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji jew għal sistemi tal-irkupru tad-data fl-Istati Membri kollha, aċċessibbli mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u minn awtoritajiet kompetenti oħra responsabbli mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Dawn ir-reġistri, ladarba jiġu stabbiliti fl-Istati Membri, kollha se jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tad-data dwar il-kontijiet. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qed tħejji inizjattiva biex twessa’ l-aċċess tal-infurzar tal-liġi għal dawn ir-reġistri tal-kontijiet bankarji 20 biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jidentifikaw aktar malajr l-eżistenza ta’ kont bankarju.

Matul il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, issemmew l-ostakli biex tinkiseb id-data dwar tranżazzjonijiet finanzjarji miżmuma fi Stati Membri oħra. Meta jkun meħtieġ, informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji tista’ tinqasam bejn Stati Membri permezz ta’ mezzi ta’ kooperazzjoni tal-pulizija fi żmien tmien sigħat 21 . Aċċess għal data dwar tranżazzjonijiet finanzjarji miżmuma minn Stati Membri oħra jista’ tkun iffaċilitat ukoll permezz ta’ Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja. Meta din l-informazzjoni trid tintuża bħala evidenza fi proċedimenti kriminali, jista’ jkun li jkollha tintalab permezz ta’ assistenza legali reċiproka. L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea 22 toffri possibbiltajiet ġodda biex tinkiseb data dwar tranżazzjoni finanzjarja ferm aktar malajr milli permezz tal-assistenza legali reċiproka. Sa issa, ftit xhur wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni, 16-il Stat Membru biss ittrasponew l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea u l-bqija tal-Istati Membri huma mħeġġa biex jagħmlu dan mingħajr aktar dewmien. Fl-aħħar nett, il-proposti leġislattivi li ġejjin dwar l-evidenza elettronika previsti għall-bidu tal-2018 se jiffaċilitaw ukoll l-aċċess transfruntier għal data bħal din.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati juru wkoll li hemm ostakli li jfixklu l-kxif ta’ data dwar tranżazzjonijiet finanzjarji miżmuma fi Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni, biex tindirizzahom u bħala parti mill-valutazzjoni kontinwa tagħha, se tevalwa l-ħtieġa, il-fattibilità teknika u l-proporzjonalità biex jiġu interkonnessi r-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji, filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni l-istrumenti eżistenti u ppjanati kollha biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal data marbuta ma’ tranżazzjonijiet finanzjarji miżmuma fi Stati Membri oħra.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tkompli tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati kollha dwar il-ħtieġa, il-fattibilità teknika u l-proporzjonalità ta’ miżuri ġodda possibbli fil-livell tal-Unjoni biex jiġi ffaċilitat u mħaffef l-aċċess transfruntier għal data dwar tranżazzjonijiet finanzjarji, inkluż il-proċeduri biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità. Il-Kummissjoni se torganizza laqgħa ta’ livell għoli għall-partijiet ikkonċernati f’Novembru 2017, li se tlaqqa’ flimkien il-valutazzjonijiet kontinwi marbutin mal-użu ta’ informazzjoni finanzjarja għal investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu. Il-punti ċentrali għad-diskussjoni se jinkludu:

·l-ostakli ewlenin għal aċċess effettiv u f’waqtu għal data dwar tranżazzjonijiet finanzjarji miżmuma fi Stati Membri oħra għal investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu;

·il-ħtieġa, il-fattibilità teknika u l-proporzjonalità ta’ miżuri addizzjonali possibbli sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess transfruntier għal data dwar tranżazzjonijiet finanzjarji għal investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu b’mod mgħaġġel, effettiv u sigur.

Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar ir-riżultat ta’ din id-diskussjoni.

2.    Splussivi: iktar restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-prekursuri tal-isplussivi

Ir-Regolament dwar il-Prekursuri tal-Isplussivi 23 jirrestrinġi l-aċċess mill-pubbliku ġenerali għal seba’ sustanzi kimiċi (l-hekk imsejħa “l-prekursuri tal-isplussivi ristretti” elenkati fl-Anness I tar-Regolament), u l-użu tagħhom. Fi Frar tal-2017, il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament mill-Istati Membri 24 . Dan ir-rapport ikkonkluda li l-implimentazzjoni tar-Regolament ikkontribuwiet biex jitnaqqas l-aċċess għall-prekursuri tal-isplussivi perikolużi li jistgħu jiġu użati ħażin biex jiġu manifatturati splussivi magħmulin id-dar. L-Istati Membri rrappurtaw ukoll eżempji fejn l-applikazzjoni tar-Regolament wasslet għall-identifikazzjoni bikrija ta’ attentati terroristiċi 25 . Biex tkun żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament, il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur f’Mejju u f’Settembru 2016 kontra għadd ta’ Stati Membri talli naqsu milli jimplimentaw b’mod sħiħ ir-Regolament. Minn Ottubru 2017, kien hemm biss żewġ każijiet ta’ ksur li għadhom miftuħin, kontra Spanja u r-Rumanija.

Minkejja dawn l-isforzi konġunti, l-attakki u l-inċidenti terroristiċi reċenti jindikaw li fl-Ewropa t-theddida kkawżata mill-isplussivi magħmulin id-dar għadha għolja. Dawn is-sustanzi jibqgħu jiġu aċċessati u użati sabiex isiru l-isplussivi magħmulin id-dar. L-isplussiv użat fil-biċċa l-kbira tal-attakki kien il-perossidu tal-aċetun triċikliku (TATP), splussiv magħmul id-dar li huwa rrappurtat li huwa l-isplussiv ippreferut tat-terroristi 26 .

Fid-dawl tat-theddida attwali mill-prekursuri tal-isplussivi, huwa meħtieġ li jittieħdu miżuri immedjati sabiex jiġi żgurat li r-Regolament attwali jiġi implimentat mill-Istati Membri kollha bl-aktar mod effettiv. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ħarġet, flimkien ma’ dan ir-rapport, Rakkomandazzjoni 27 li tagħti gwida dwar il-passi immedjati sabiex jiġi pprevenut l-użu ħażin tal-prekursuri tal-isplussivi. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw b’mod sħiħ din ir-Rakkomandazzjoni sabiex jiġi limitat kemm jista’ jkun l-aċċess għall-prekursuri tal-isplussivi mit-terroristi u l-użu tagħhom u jiġi żgurat li l-kontrolli fuq l-użu leġittimu, u azzjoni f’każ ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, ikunu mtejba. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tassisti lill-Istati Membri biex jagħmlu dan.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed issaħħaħ ir-rieżami tar-Regolament dwar il-Prekursuri tal-Isplussivi b’evalwazzjoni, li se tiġi segwita minn valutazzjoni tal-impatt matul l-ewwel nofs tal-2018. L-evalwazzjoni se teżamina r-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza u l-valur miżjud ta’ dan ir-Regolament, u se tidentifika l-problemi u l-ostakoli li għandhom mnejn ikunu jeħtieġu aktar azzjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt se teżamina diversi għażliet varji ta’ politika biex jiġu indirizzati l-problemi u l-ostakli kollha identifikati.

3.    Il-kriptaġġ: l-appoġġ għall-infurzar tal-liġi fl-investigazzjonijiet kriminali

L-użu tal-kriptaġġ huwa essenzjali biex iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data personali jkunu żgurati. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tindika speċifikament ir-rwol tal-kriptaġġ biex tiġi żgurata s-sigurtà adegwata għall-ipproċessar tad-data personali 28 . Fl-istess ħin, fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji dejjem aktar iħabbtu wiċċhom aktar ma’ sfidi minħabba l-użu tal-kriptaġġ mill-kriminali. Dan jaffettwa l-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji li jiksbu l-informazzjoni meħtieġa bħala evidenza f’investigazzjonijiet kriminali, u biex il-kriminali jittellgħu l-qorti u jiġu kkundannati. L-użu tal-kriptaġġ mill-kriminali, u għalhekk l-impatt tiegħu fuq l-investigazzjonijiet kriminali, huwa mistenni li jkompli jikber fis-snin li ġejjin.

Wara sejħa mill-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni f’Diċembru 2016, il-Kummissjoni ddiskutiet mal-partijiet ikkonċernati rilevanti r-rwol tal-kriptaġġ fl-investigazzjonijiet kriminali, u indirizzat kemm l-aspetti tekniċi kif ukoll legali. Fosthom kien hemm esperti mill-Europol, il-Eurojust, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità (EJCN), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, l-industrija u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-progress kien irrappurtat regolarment fil-Kunsill fil-livell ta’ grupp ta’ ħidma, u sessjoni ta’ ħidma mal-Istati Membri saret fit-18 ta’ Settembru 2017. Saru diversi diskussjonijiet mal-industrija u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul il-proċess.

Wara dawn id-diskussjonijiet mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati u abbażi tal-kontribut tagħhom, il-Kummissjoni tikkonkludi li jenħtieġ li tiġi implimentata din il-ġabra ta’ miżuri biex jiġu appoġġati l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji meta jiltaqgħu mal-użu tal-kriptaġġ minn kriminali waqt investigazzjonijiet kriminali. Dan jinkludi (a) miżuri legali biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal evidenza kriptata kif ukoll (b) miżuri tekniċi sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ dekriptaġġ. Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel monitoraġġ tal-iżviluppi f’dan ir-rigward.

(a) il-qafas legali għall-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika

L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ spiss jħabbtu wiċċhom mal-isfida ta’ aċċess għal evidenza li tinsab f’pajjiż ieħor. Żviluppi leġislattivi li għadhom għaddejjin fil-livell Ewropew jistgħu jappoġġaw lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lil dawk ġudizzjarji fil-kapaċità tagħhom li jiksbu aċċess għall-informazzjoni meħtieġa, iżda possibbilment kriptata, li tinsab fi Stat Membru ieħor. L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati b’mod effettiv jeħtieġu qafas xieraq. Għal dan l-għan, fil-bidu tal-2018, il-Kummissjoni se tressaq proposti biex tiffaċilita l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika. B’mod parallel, il-Kummissjoni qed timplimenta ġabra ta’ miżuri prattiċi 29 biex ittejjeb l-aċċess transfruntier għal evidenza elettronika għall-investigazzjonijiet kriminali, inkluż finanzjament għat-taħriġ dwar il-kooperazzjoni transfruntiera, l-iżvilupp ta’ pjattaforma elettronika għall-iskambju ta’ informazzjoni fl-UE, u l-istandardizzazzjoni ta’ formoli għall-kooperazzjoni ġudizzjarja użati bejn l-Istati Membri.

(b) miżuri tekniċi

Skont kif il-kriminali jużaw il-kriptaġġ, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jistgħu jkunu kapaċi jirkupraw xi informazzjoni. Għadd ta’ Stati Membri waqqfu servizzi nazzjonali b’għarfien espert fuq l-isfida tal-kriptaġġ fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali. Madankollu, il-maġġoranza tal-Istati Membri ma għandhomx aċċess għal-livell xieraq ta' għarfien espert u riżorsi tekniċi. Dan huwa ta' sfida kbira għall-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji biex jaċċessaw informazzjoni kriptata f’investigazzjonijiet kriminali. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni qed tipproponi firxa ta’ miżuri biex tappoġġa lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, mingħajr ma tipprojbixxi, tillimita jew iddgħajjef il-kriptaġġ.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni se tappoġġa l-Europol sabiex tkompli tiżviluppa l-kapaċità tagħha ta’ dekriptaġġ. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni pproponiet, fil-kuntest tat-tħejjija tal-Baġit tal-UE għall-2018, it-total ta’ 86 kariga marbuta mas-sigurtà addizzjonali għall-Europol (19 aktar minn tal-baġit tal-2017), b’mod partikolari biex jiġi msaħħaħ iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol (EC3). Se jiġi vvalutat il-bżonn ta’ riżorsi addizzjonali, u l-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-finanzjament magħmul disponibbli għal dan l-għan fir-Rapport li jmiss dwar il-Progress dwar l-Unjoni tas-Sigurtà. Żviluppi teknoloġiċi futuri jenħtieġ li jiġu meqjusa abbażi tar-riċerka u l-iżvilupp taħt il-program Orizzont 2020 u programmi oħra ffinanzjati mill-UE. Mhux se jiġu kkunsidrati l-miżuri li jistgħu jdgħajfu l-kriptaġġ jew li jista’ jkollhom impatt fuq għadd indiskriminat u ikbar ta’ persuni.

It-tieni, sabiex jiġu appoġġjati l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji fuq livell nazzjonali, jenħtieġ li jitwaqqaf netwerk ta’ punti ta’ għarfien espert. Mingħajr ma jiġu sostitwiti l-inizjattivi nazzjonali, il-kapaċitajiet u l-għarfien espert fil-livell nazzjonali jistgħu jiġu kondiviżi aħjar. L-Istati Membri huma mħeġġa biex jużaw il-finanzjament taħt il-programmi nazzjonali marbutin mal-programm dwar il-Fond għas-Sigurtà Interna - il-Pulizija (ISF-P), biex joħolqu, jestendu jew jiżviluppaw punti ta’ għarfien espert nazzjonali. Fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni se tappoġġa l-Europol sabiex tipprovdi l-funzjonijiet ta’ netwerk ċentrali li jiffaċilita l-kollaborazzjoni bejn dawn il-punti ta’ għarfien espert nazzjonali.

It-tielet, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom ġabra ta’ tekniki ta’ investigazzjoni alternattivi għad-dispożizzjoni tagħhom biex tiffaċilita l-iżvilupp u l-użu ta’ miżuri biex jiksbu l-informazzjoni meħtieġa kriptata mill-kriminali. In-netwerk ta’ punti ta’ għarfien espert huwa mistenni li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ din il-ġabra ta' tekniki, u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) fil-Europol qiegħed fl-aħjar pożizzjoni biex jistabbilixxi u jżomm repożitorju ta’ dawn it-tekniki u strumenti. Mhux se jiġu kkunsidrati l-miżuri li jistgħu jdgħajfu l-kriptaġġ jew li jista’ jkollhom impatt fuq għadd indiskriminat u ikbar ta’ persuni.

Ir-raba’, jinħtieġ li r-rwol importanti tal-fornituri tas-servizzi u ta’ sħab tal-industrija oħra biex jingħataw soluzzjonijiet bi kriptaġġ qawwi jingħata attenzjoni. Meta jitqies l-impenn tal-Kummissjoni favur il-kriptaġġ qawwi, kollaborazzjoni aħjar u aktar strutturata bejn l-awtoritajiet, il-fornituri tas-servizzi u sħab oħra tal-industrija jippromwovu fehim aħjar tal-isfidi eżistenti u li qed jevolvu fuq in-naħat differenti. Il-Kummissjoni se tappoġġa djalogi strutturati ma’ fornituri tas-servizzi u impriżi oħra taħt il-kappa tal-Forum tal-UE dwar l-Internet u n-netwerk ta’ punti ta’ għarfien espert, u fejn ikun xieraq tiġi involuta s-soċjetà ċivili.

Il-ħames, jenħtieġ li l-programmi ta’ taħriġ għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jiżguraw li l-uffiċjali responsabbli jkunu mħejjija aħjar sabiex jiksbu l-informazzjoni neċessarja kriptata mill-kriminali. Il-Kummissjoni biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ għandha l-ħsieb li tipprovdi finanzjament ta’ EUR 500 000 permezz tal-programm ta’ ħidma annwali tal-2018 għall-Fond għas-Sigurtà Interna - il-Pulizija. L-għarfien espert tal-Grupp Ewropew għat-Taħriġ u l-Edukazzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità (ECTEG) se jittieħed inkonsiderazzjoni fejn rilevanti. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-għoti tat-taħriġ mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u l-Istati Membri huma mħeġġa biex għat-taħriġ jużaw il-finanzjament disponibbli permezz tal-programmi nazzjonali tagħhom għall-Fond għas-Sigurtà Interna - il-Pulizija.

Is-sitt, hemm bżonn ta’ valutazzjoni kontinwa tal-aspetti tekniċi u legali tar-rwol ta’ kriptaġġ f’investigazzjonijiet kriminali minħabba l-iżvilupp kostanti ta’ tekniki ta’ kriptaġġ, iż-żieda fl-użu tagħhom mill-kriminali u l-effett fuq investigazzjonijiet kriminali. Il-Kummissjoni se tkompli din il-ħidma importanti. Barra minn hekk, se tappoġġa l-iżvilupp ta’ funzjoni ta’ osservazzjoni f’kollaborazzjoni maċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (l-EC3) fil-Europol, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità Ġudizzjarja (EJCN) u l-Eurojust.

IV.    Il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni

1.    Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar ir-Radikalizzazzjoni

L-attakki reċenti, speċjalment minn atturi solitarji, u l-pass mgħaġġel li xi wħud mill-awturi li wettqu l-attakki ġew radikalizzati bih servew bħala tfakkira qawwija dwar l-importanza tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni. Il-Kummissjoni waqqfet Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar ir-Radikalizzazzjoni biex jitqawwew l-isforzi fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u biex tiġi pprevenuta, u biex titjieb il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha billi l-kisbiet li kien hemm sa issa jkomplu jiġu msaħħin 30 . Il-grupp għandu l-kompitu li jistipula rakkomandazzjonijiet għal aktar ħidma f’dan il-qasam, bl-ewwel rapport interim li għandu jitlesta din is-sena. Il-Kummissjoni se tagħti rendikont lill-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni f’Diċembru 2017 dwar il-progress li sar. Il-Grupp se jindirizza wkoll il-kundizzjonijiet ta’ qafas neċessarji sabiex jissaħħu l-kapaċità u l-għarfien espert kontra r-radikalizzazzjoni, inkluż il-possibilità li jkun hemm bżonn ta’ aktar strutturi ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-UE. F’dan ir-rigward, xi Stati Membri talbu li jsir Ċentru tal-UE għall-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni, u l-Grupp se janalizza hemmx bżonn li tinħoloq struttura bħal din u l-valur miżjud tagħha.

Fost il-kwistjonijiet ta’ prijorità li għandhom jiġu diskussi mill-Grupp hija r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet. L-attenzjoni attwali hija fuq l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ĠAI dwar it-tisħiħ tar-reazzjoni tal-ġustizzja kriminali għar-radikalizzazzjoni tal-20 ta’ Novembru 2015 31 . Il-Kummissjoni se torganizza konferenza għall-partijiet ikkonċernati dwar ir-rispons tal-ġustizzja kriminali għar-radikalizzazzjoni fis-27 ta’ Frar 2018 biex jiġu kondiviżi r-riżultati ta’ proġetti li għaddejjin bħalissa.

Il-Kummissjoni se tqis il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp fil-pjan ta’ ħidma għal inizjattivi eżistenti (b’mod partikolari fi ħdan iċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni), kif ukoll fl-użu u l-iffukar tal-istrumenti ta’ finanzjament tagħha (inkluż il-Fond għas-Sigurtà Interna, iżda wkoll fondi oħra relatati bħal Erasmus +, il-programm dwar il-Ġustizzja jew il-Fond Soċjali Ewropew).

2.    Il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni fuq l-internet

It-terroristi għadhom qed jużaw l-Internet biex jirradikalizzaw, jirreklutaw, iħejju u jinċitaw attakki kif ukoll biex jigglorifikaw l-atroċitajiet tagħhom. Il-Kunsill Ewropew 32 , il-G7 33 u l-G20 34 reċentement ħeġġew aktar azzjoni sabiex din l-isfida globali tiġi indirizzata u fakkret fir-responsabbiltà tal-industrija f’dan ir-rigward.

F’Lulju 2017, il-Forum tal-UE dwar l-Internet stabbilixxa Pjan ta’ Azzjoni għall-ġlieda kontra l-kontenut terroristiku fuq l-internet, u talab lill-industrija tal-internet biex tieħu azzjoni deċiżiva, tiddedika r-riżorsi u tiżviluppa l-għodod teknoloġiċi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-kontenut dannuż jinstab u jitneħħa malajr. Il-pjan ta’ Azzjoni jsejjaħ għal progress immedjat fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma 35 u jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rappurtar regolari sabiex jiġu mkejla u vvalutati r-riżultati.

Fid-29 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni ospitat laqgħa tal-uffiċjali għolja tal-Forum tal-UE dwar l-Internet biex jieħdu rendikont tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-ġlieda kontra l-kontenut terroristiku fuq l-internet. Rigward l-identifikazzjoni awtomatizzata, aktar kumpaniji qed jimxu f’din id-direzzjoni li tippermettilhom jużaw l-għarfien espert tekniku biex jiġi identifikat il-kontenut terroristiku fil-mument li dan jittella’. Xi kumpaniji rrappurtaw li 75 % tal-kontenut issa huwa identifikat b’mod awtomatiku u jiġi rriferut lil persuni li jeżaminawh biex fl-aħħar mill-aħħar jiddeċiedu dwar it-tneħħija tiegħu, filwaqt li għal oħrajn, 95 % tal-kontenut issa huwa identifikat permezz ta’ għodod ta’ identifikazzjoni apposta. Filwaqt li dan jirrappreżenta progress konkret, il-Kummissjoni ħeġġet lill-kumpaniji kollha biex iżidu l-użu ta’ dawn l-għodod biex jiżguraw l-identifikazzjoni b’iktar ħeffa, jitnaqqas l-ammont ta’ ħin li l-kontenut terroristiku jagħmel online, u jneħħu b’mod aktar effettiv u mgħaġġel il-propaganda terrorista. Il-Kummissjoni ħeġġet ukoll lill-kumpaniji biex jespandu l-għodod marbutin mal-“bażijiet tad-data tal-hashes” biex jiġi żgurat li l-kontenut terroristiku li tneħħa ma jerġax jittella’ fuq pjattaformi oħrajn, biex b’hekk jitwaqqaf it-tixrid ta’ kontenut terroristiku fuq diversi pjattaformi. Din l-għodda għandha tiġi estiża f’termini ta’ kontenut li tinkludi – apparti l-vidjos u x-xbihat li attwalment huma koperti – u f’termini ta’ kumpaniji li jipparteċipaw.

Il-Kummissjoni tkompli wkoll tappoġġa l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex ixerrdu messaġġi b’kontenut oppost online. Fis-6 ta’ Ottubru 2017 il-Kummissjoni nediet sejħa għal proposti biex tipprovdi l-finanzjament ta’ EUR 6 miljun lil konsorzji ta’ atturi tas-soċjetà ċivili li jiżviluppaw u jimplimentaw dawn il-kampanji.

Aktar ’il quddiem, fis-6 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea se torganizza f’livell Ministerjali l-Forum tal-UE dwar l-Internet, bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ livell għoli mill-industrija tal-internet, biex jiġi vvalutat il-progress u titwitta t-triq għal azzjoni futura.

L-azzjonijiet meħuda kontra kontenut terroristiku online fil-qafas tal-Forum tal-UE dwar l-Internet jenħtieġ li jitqiesu fil-qafas usa' li fih jiġi indirizzat il-kontenut illegali fuq l-internet. Dawn l-azzjonijiet ġew rinfurzati f’Komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Settembru 2017 li tistabbilixxi linji gwida u prinċipji għal pjattaformi online sabiex tintensifika l-ġlieda kontra l-kontenut illegali online 36 , f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tiffaċilita u tintensifika l-implimentazzjoni ta’ prattiki tajba għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, it-tneħħija u d-diżattivazzjoni ta’ aċċess għal kontenut illegali sabiex tiġi żgurata t-tneħħija effettiva tal-kontenut illegali, tiżdied it-trasparenza u jiġu protetti d-drittijiet fundamentali. Għandha l-għan ukoll li tipprovdi kjarifiki lil pjattaformi dwar ir-responsabbiltà tagħhom meta huma jieħdu passi proattivi sabiex l-aċċess għall-kontenut illegali jiġi individwat, diżattivat jew jitneħħa. Il-Kummissjoni tistenna li l-pjattaformi online jieħdu azzjoni malajr kemm jista’ jkun fix-xhur li ġejjin, inkluż fil-kuntest ta’ djalogi rilevanti bħalma huwa l-Forum tal-UE dwar it-terroriżmu u d-diskors ta’ mibegħda illegali.

B’mod parallel, il-Kummissjoni se tissorvelja l-progress u tivvaluta jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali sabiex tiġi żgurata b’mod rapidu u proattiv l-identifikazzjoni u t-tneħħija tal-kontenut illegali online, inklużi miżuri leġiżlattivi possibbli li jikkomplementaw il-qafas regolatorju eżistenti. Din il-ħidma se titlesta sa Mejju 2018.

F’termini leġiżlattivi, il-proposta tal-Kummissjoni 37 għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (Audiovisual Media Services Directive, AVMSD), ippreżentata f’Mejju 2016, issaħħaħ il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda. Hija tfittex li tallinja d-Direttiva mad-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija 38 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Tipprevedi wkoll obbligu fuq l-Istati Membri biex jiżguraw li l-pjattaformi għall-kondiviżjoni ta’ vidjows jistabbilixxu miżuri xierqa li jipproteġu liċ-ċittadini kollha mill-inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda. Dawn il-miżuri jikkonsistu, pereżempju, minn mekkaniżmi ta’ mmarkar u ta’ rappurtar.

V.    ID-DIMENSJONI ESTERNA TAL-ĠLIEDA KONTRA T-TERROROŻMU

1.    L-azzjoni esterna tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu

L-azzjoni esterna tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tikkontribwixxi għall-objettiv ta’ prijorità marbut mat-tisħiħ tas-sigurtà interna tal-Unjoni. Għalhekk, il-kontinwità strateġika u politika bejn is-sigurtà interna tal-UE u dik esterna jenħtieġ li tkun msaħħa aktar sabiex titjieb kullimkien l-effettività tal-azzjonijiet kontra t-terroriżmu.

Il-Kummissjoni tappoġġa firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet esterni sabiex tissaħħaħ is-sigurtà, b’finanzjament ta’ aktar minn EUR 2,3 biljun disponibbli għal aktar minn 600 proġett attwali mill-1 ta’ Jannar 2017. Għadd ta’ attivitajiet jew huma ikkonċentrati fuq is-sigurtà (jiġifieri azzjonijiet speċifiċi fi kwistjonijiet bħalma huma l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, il-fruntieri, il-ħabsijiet) jew relevanti għas-sigurtà (jiġifieri programmi li jindirizzaw il-kawżi prinċipali ta’ insigurtà u lmenti billi jiġi megħjun it-titjib fl-edukazzjoni, fl-aċċess għar-riżorsi naturali u għall-enerġija, fil-governanza u fis-settur tas-sigurtà, u jingħata appoġġ lis-soċjetà ċivili).

Il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tad-19 ta’ Ġunju 2017 ġedded id-direzzjoni strateġika f’dawn l-oqsma billi adotta l-Konklużjonijiet dwar l-Azzjoni Esterna tal-UE fil-Ġlieda kontra t-Terroriżmu 39 li huma komprensivi. Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni Ewropea se jaħdmu flimkien b’mod konġunt kif meħtieġ għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ dawn il-Konklużjonijiet. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f’waqtha u komprensiva tal-Konklużjonijiet u ta’ rappurtar lill-Kunsill sa Ġunju 2018, twaqqfet proċedura ta’ koordinazzjoni konġunta bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni Ewropea. Se tingħata prijorità lil:

·It-tisħiħ ta’ netwerk ta’ esperti kontra t-terroriżmu f’Delegazzjonijiet tal-UE: Hemm bżonn li l-esperti kontra t-terroriżmu jkunu dejjem aktar involuti fl-ipprogrammar tal-appoġġ tal-UE u fil-koordinazzjoni lokali tal-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu tal-Istati Membri li qed jagħmlu individwalment mas-sħab tagħna. Sabiex jiġi promoss dan ir-rwol imsaħħaħ, se jiġi intensifikat it-taħriġ ta’ qabel u waqt l-istazzjonar ta’ dawn l-esperti. Il-kompiti tagħhom se jkunu aktar iffukati permezz ta’ ittri ta' missjoni speċifiċi, u l-koordinazzjoni tagħhom mal-Aġenziji tal-UE għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni se tkun aktar stabbli. Sabiex jiġu koperti l-oqsma kollha ta’ prijorità għolja, in-netwerk ta’ esperti 40 kontra t-terroriżmu se jiġi estiż għall-Qarn tal-Afrika, l-Asja Ċentrali, u l-Asja tax-Xlokk.

·It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni u l-Aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġbir, l-analiżi u l-iskambju tal-informazzjoni, kif ukoll aktar stħarriġ dwar kif jistgħu jitjiebu r-rabtiet bejn l-atturi militari u tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Sabiex jissaħħaħ l-iskambju tad-data u tal-informazzjoni bejn il-politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni u l-politika tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni huwa importanti li tiġi ppreparata reviżjoni tal-elementi tal-oqfsa regolatorji attwali u tiġi ttestjata l-inkorporazzjoni ta’ Ċelloli b’Informazzjoni dwar il-Kriminalità f’missjonijiet u operazzjonijiet magħżula tal-Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni. Huwa importanti li r-rabtiet mal-attivitajiet tal-Aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet interni jkomplu jiġu ffaċilitati u mtejba f’pajjiżi terzi ta’ prijorità, inkluż titjib fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn atturi tal-UE u mhux tal-UE fejn ikun possibbli.

·It-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti ma’ pajjiżi sħab fil-Balkani tal-Punent, fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika ta’ Fuq, fit-Turkija, fil-Golf, fis-Saħel u l-Qarn tal-Afrika; ma’ sħab strateġiċi ewlenin, inkluż l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja; u ma’ sħab reġjonali u multilaterali ewlenin bħan-Nazzjonijiet Uniti, in-NATO, il-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu, it-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja, l-Unjoni Afrikana, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf u l-Lega tal-Istati Għarab.

 2.    Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu

Il-Kummissjoni biex tintensifika l-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu qed tippreżenta, flimkien ma’ dan ir-rapport, proposti 41 għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu u l-Protokoll Addizzjonali tagħha. Il-Konvenzjoni 42 , adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fis-16 ta’ Mejju 2005, tirrigwarda l-kriminalizzazzjoni ta’ attivitajiet terroristiċi u attivitajiet marbutin mat-terroriżmu, il-kooperazzjoni internazzjonali dwar dawn ir-reati kif ukoll il-protezzjoni, il-kumpens u l-appoġġ għall-vittmi tat-terroriżmu. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2007. L-Istati Membri kollha tal-UE ffirmaw il-Konvenzjoni u 23 Stat Membru tal-UE rratifikawha. L-objettiv tal-Protokoll Addizzjonali 43 , adottat mill-Kunsill tal-Ewropa fit-18 ta’ Mejju 2015 huwa biex il-Konvenzjoni tiġi ssuplimentata b’serje ta’ dispożizzjonijiet mmirati biex jiġu implimentati l-aspetti tad-dritt kriminali tar-Riżoluzzjoni 2178(2014) 44 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar “it-Theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi”. Il-Protokoll Addizzjonali jirreaġixxi għal din ir-Riżoluzzjoni billi jkompli jiżviluppa fehim komuni u reazzjoni għar-reati relatati ma’ ġellieda terroristi barranin. Il-Protokoll Addizzjonali daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2017.

L-UE ffirmat il-Konvenzjoni u l-Protokoll Addizzjonali tagħha fit-22 ta’ Ottubru 2015. Peress li l-UE adottat ġabra komprensiva ta’ strumenti legali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’mod partikolari bid-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu 45 , l-UE issa hija lesta biex ittemm l-impenn tagħha billi ssir parti għall-Konvenzjoni u l-Protokoll Addizzjonali tagħha.

3.    Lejn ftehim rivedut dwar ir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri mal-Kanada

Fl-opinjoni tagħha tas-26 ta’ Lulju 2017 46 , il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddikjarat li l-Ftehim bejn il-Kanada u l-UE dwar it-trasferiment u l-użu ta’ reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (passenger name record, PNR) iffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2014, ma jistax jiġi konkluż fil-forma attwali tiegħu minħabba li diversi dispożizzjonijiet tiegħu huma inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-UE, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data u r-rispett għall-ħajja privata. Il-Kummissjoni issa qiegħda f’kuntatt mal-Kanada, inkluż b’mod periferali fil-Laqgħa tal-Ministri tal-Intern tal-G7 li jmiss f’Ischia fid-19 u fl-20 ta’ Ottubru 2017, sabiex tħejji għan-negozjati li jmiss biex tirrevedi t-test tal-Ftehim. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni ppreżentat, flimkien ma’ dan ir-rapport Rakkomandazzjoni 47 lill-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehim rivedut, f’konformità mar-rekwiżiti kollha stipulati mill-Qorti fl-Opinjoni tagħha. Il-Kunsill huwa mistieden biex malajr jawtorizza l-ftuħ ta’ dawn in-negozjati. Billi l-użu tad-data tal-PNR huwa għodda importanti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati transnazzjonali serji, il-Kummissjoni se tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li t-trasferimenti tad-data tal-PNR lill-Kanada jkomplu, b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali f'konformità mal-Opinjoni tal-Qorti.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tissottolinja l-appoġġ kontinwu tagħha biex l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva tal-UE dwar il-PNR 48 ; l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn din id-Direttiva mhumiex affettwati mill-Opinjoni tal-Qorti.

4.    It-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-Europol ma’ pajjiżi terzi

Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi hija essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, kif enfasizzat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin ta’ Ġunju 2017 dwar l-Azzjoni Esterna tal-UE għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu 49 u dwar l-istrateġiji reġjonali tal-UE rilevanti 50 . Qabel ma r-Regolament tal-Europol 51 il-ġdid daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2017, il-Europol kienet ikkonkludiet skont il-bażi legali 52 preċedenti tagħha, ftehimiet ma’ għadd ta’ pajjiżi terzi sabiex jiġi żgurat qafas ta’ kooperazzjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni strateġika u teknika. Uħud minn dawn il-ftehimiet jinkludu wkoll il-possibbiltà li tiġi skambjata data personali 53 . Dawn il-ftehimiet għadhom fis-seħħ.

Sa mill-1 ta’ Mejju 2017 ir-Regolament tal-Europol il-ġdid jiddetermina r-regoli dwar ir-relazzjonijiet esterni tal-Europol ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għall-iskambju tad-data personali ma’ korpi tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Skont it-Trattat u r-Regolament, il-Kummissjoni hija responsabbli, f’isem l-Unjoni, biex tinnegozja ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi għall-iskambju tad-data personali mal-Europol 54 . Sa fejn meħtieġ għat-twettiq ta' xogħolha, l-Europol tista’ tistabbilixxi u żżomm relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni ma’ sħab esterni permezz ta’ arranġamenti amministrattivi u ta’ ħidma li ma jippermettux l-iskambju tad-data personali.

Fid-dawl tal-ħtiġijiet operattivi tal-Unjoni f’termini ta’ kooperazzjoni fir-rigward tas-sigurtà ma’ pajjiżi terzi, u skont ir-Regolament tal-Europol, il-Kummissjoni se tressaq rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill qabel tmiem is-sena sabiex jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehimiet bejn l-UE u l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija, biex jipprovdi bażi ġuridika għat-trasferiment tad-data personali bejn il-Europol u dawn il-pajjiżi terzi 55 . Dawn il-ftehimiet se jkomplu jsaħħu l-kapaċitajiet tal-Europol biex taħdem ma’ dawn il-pajjiżi terzi għall-finijiet tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-kriminalità, li jaqgħu fl-ambitu tal-objettivi tal-Europol.

VI.    KONKLUŻJONI

Dan ir-rapport fih pakkett ta’ miżuri kontra t-terroriżmu li se jkompli jappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw it-theddid għas-sigurtà tal-lum. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kunsill biex jimplimentaw dawn il-miżuri bħala kwistjoni prijoritarja. Il-Kummissjoni se żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati dwar il-progress li jkun sar.

Ir-rapport ta’ progress li jmiss dwar l-Unjoni tas-Sigurtà se jiġi ppreżentat f’Diċembru 2017, bl-enfasi tkun fuq l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni tal-UE għall-ġestjoni tas-sigurtà, tal-fruntieri u tal-migrazzjoni. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tfakkar fl-importanza li jsir progress fil-prijoritajiet leġislattivi ta’ dawn is-sistemi tal-informazzjoni.

(1)

      http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-17-3165_mt.htm .

(2)

      https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/letter-of-intent-2017_mt.pdf .

(3)

     COM(2017) 612 final (18.10.2017).

(4)

     Id-Dikjarazzjoni ta’ Nizza ġiet adottata waqt konferenza tas-sindki tar-reġjun Ewro-Mediterranju f’Nizza fid-29 ta’ Settembru 2017, organizzata fuq l-inizjattiva tas-Sindku ta’ Nizza u bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni sabiex tiġi skambjata l-aħjar prattika dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi fil-bliet u f’livell lokali u reġjonali: http://www.nice.fr/uploads/media/default/0001/15/TERRORISME%20EUROPE%20Déclaration%20-%20der%20version.pdf .

(5)

   Ara d-Disa’ Rapport ta’ Progress Lejn Unjoni ta’ Sigurtà Effettiva u Ġenwina” (COM(2017) 407 final tas-26.7.2017) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni anness (SWD(2017) 278 final).

(6)

     Il-Programm Ewropew għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika (European Programme for Critical Infrastructure Protection, EPCIP) jistabbilixxi l-qafas tal-attivitajiet tal-UE li għandhom l-għan li jtejbu l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika fl-Ewropa – fl-Istati Membri kollha u fis-setturi kollha ta’ attività ekonomika relevanti. Il-pilastru ewlieni ta’ din il-ħidma hija d-Direttiva tal-2008 dwar l-Infrastrutturi Kritiċi Ewropej (id-Direttiva 2008/114/KE tat-8.12.2008).

(7)

     Id-Direttiva 2008/114/KE (8.12.2008).

(8)

     Id-Direttiva 2016/1148 (6.7.2016).

(9)

     Ara d-Disa’ Rapport ta’ Progress Lejn Unjoni ta’ Sigurtà Effettiva u Ġenwina” (COM(2017) 407 final tas-26.7.2017) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni anness (SWD(2017) 278 final).

(10)

     COM(2017 610 final (18.10.2017).

(11)

     Id-Deċiżjoni 1313/2013 (17.12.2013).

(12)

     Id-Deċiżjoni 1082/2013/UE (22.10.2013),

(13)

     COM(2016) 50 final (2.2.2016).

(14)

     COM(2016) 831 final (21.12.2016).

(15)

     L-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja ġew stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI (17.10.2000) u huma rregolati wkoll bid-Direttiva 2015/849 (20.5.2015) dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu. Dawn huma unitajiet li joperaw b’mod indipendenti u awtonomu u għandhom ir-responsabbiltà li jirċievu u janalizzaw rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi u informazzjoni rilevanti oħra dwar il-ħasil tal-flus, reati prinċipali assoċjati jew il-finanzjament tat-terroriżmu minn entitajiet rilevanti, kif ukoll li jikkondividu r-riżultati tal-analiżi tagħhom u kull informazzjoni oħra rilevanti mal-awtoritajiet kompetenti.

(16)

     SWD(2017)275 final (26.6.2017).

(17)

     Id-Direttiva 2015/849 (20.5.2015).

(18)

     COM(2016) 450 final (5.7.2016).

(19)

     COM(2016) 450 final (5.7.2016).

(20)

      http://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiatives/Ares-2017-3971182 .

(21)

     Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI (“l-Inizjattiva Svediża”) tipprevedi dawn il-limiti ta’ żmien għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex iwieġbu għat-talbiet barranin: tmien sigħat f’każijiet urġenti meta l-informazzjoni jew l-intelligence mitluba tkun miżmuma f’bażi tad-data direttament aċċessibbli mill-awtorità tal-infurzar tal-liġi; u limiti ta’ żmien itwal meta l-informazzjoni jew l-intelligence mitluba ma tkunx miżmuma f’bażi tad-data direttament aċċessibbli.

(22)

     Id-Direttiva 2014/41 (3.4.2014).

(23)

     Ir-Regolament Nru 98/2013 (15.1.2013).

(24)

     COM(2017) 103 final (28.2.2017).

(25)

     Fit-23 ta’ Ġunju 2017, il-Ministeru tal-Intern Belġjan ħabbar li f’sena waħda huma kienu rċevew 30 rapport dwar bejgħ li jqajjem suspett. Minn Frar sa Ġunju 2017, Franza rċeviet 11-il rapport li kienu jinvolvu fil-parti l-kbira l-perossidu tal-idroġenu.

(26)

     Rapport tal-UE tal-2017 dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-terroriżmu (TE-SAT): https://www.europol.europa.eu/activities-services/main-reports/eu-terrorism-situation-and-trend-report-te-sat-2017 .

(27)

     C(2017) 6950 final (18.10.2017).

(28)

     L-Artikolu 32 tar-Regolament 2016/679 (27.4.2017).

(29)

     Ara t-Tmien Rapport ta’ Progress lejn Unjoni ta’ Sigurtà Effettiva u Ġenwina (COM(2017) 354 final tad-29.6.2017).

(30)

     Ara t-Tmien Rapport ta' Progress dwar l-Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2017) 354 final tad-29.7.2017).

(31)

     Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar it-tisħiħ tar-reazzjoni tal-ġustizzja kriminali għar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u għall-estremiżmu vjolenti (14382/15).

(32)

      http://www.consilium.europa.eu/mt/meetings/european-council/2017/06/22-23-euco-conclusions_pdf/ .

(33)

      http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/05/26-statement-fight-against-terrorism/ .

(34)

      http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2017/07/07-g20-counter-terrorism/ .

(35)

     COM(2017) 407 final (26.7.2017).

(36)

     Komunikazzjoni dwar l-Indirizzar tal-Kontenut Illegali Online, “Lejn aktar responsabbiltà fir-rigward tal-pjattaformi online” (COM(2017) 555 final tat-28.9.2017).

(37)

     COM(2016) 287 final (25.5.2016).

(38)

     Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI (28.11.2008).

(39)

      http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2017/06/pdf/Read-the-full-text-of-the-Council-conclusions_pdf(4)/ .

(40)

     Sal-lum, l-UE għandha Esperti Kontra t-Terroriżmu stazzjonati fid-Delegazzjonijiet tagħha fi: l-Alġerija, il-il-Bożnija-Ħerzegovina (b’mandat reġjonali għall-Balkani tal-Punent), iċ-Ċad (is-Saħel), l-Iraq, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja (stazzjonati f’Tuneż), il-Marokk, in-Niġerja, il-Pakistan, l-Arabja Sawdija, it-Tuneżija u t-Turkija.

(41)

     COM(2017) 606 final (18.10.2017) u COM(2017) 607 final (18.10.2017).

(42)

      https://rm.coe.int/168008371c .

(43)

      https://rm.coe.int/168047c5ea .

(44)

      http://www.un.org/en/sc/ctc/docs/2015/SCR%202178_2014_EN.pdf .

(45)

     Id-Direttiva 2017/541 (15.3.2017).

(46)

     Opinjoni 1/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja (26.7.2017).

(47)

     COM(2017) 605 final (18.10.2017).

(48)

     Id-Direttiva 2016/681 (27.4.2016).

(49)

      http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2017/06/pdf/Read-the-full-text-of-the-Council-conclusions_pdf(4)/ .

(50)

     Dan jinkludi l-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta (JOIN (2015) 50 finali tat-18.11.2015).

(51)

     Ir-Regolament 2016/794 (11.5.2016)

(52)

     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI (6.4.2009).

(53)

     L-Europol ikkonkludiet ftehimiet li jippermettu l-iskambju ta’ data personali mal-pajjiżi terzi li ġejjin: l-Albanija, l-Awstralja, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kanada, il-Kolombja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Ġeorġia, l-Iżlanda, il-Leichtenstein, il-Moldova, Monaco, il-Montenegro, in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera, l-Ukrajna u l-Istati Uniti. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol kien awtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim bejn il-Europol u l-Iżrael, iżda meta daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Europol il-ġdid dawn in-negozjati ma ġewx konklużi.

(54)

     Ir-Regolament tal-Europol jipprevedi wkoll it-trasferiment tad-data personali bejn il-Europol u pajjiż terz fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li l-pajjiż inkwistjoni jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data (“id-deċiżjoni ta’ adegwatezza”).

(55)

     Lil hinn minn dawn il-pajjiżi terzi, il-Kummissjoni tfakkar dwar il-qafas strateġiku għad-“deċiżjonijiet ta’ adegwatezza” kif ukoll dwar għodod oħra għat-trasferimenti tad-data u strumenti internazzjonali għall-protezzjoni tad-data, kif imfisser fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Iskambju u l-Protezzjoni tad-Data Personali f’Dinja Globalizzata (COM(2017) 7 final tal-10.1.2017), li fiha l-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-adeżjoni ta’ pajjiżi terzi mal-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Protokoll addizzjonali tagħha.