Brussell, 11.10.2017

COM(2017) 591 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013

{SWD(2017) 336 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013

I. Introduzzjoni

Kif ġie enfasizzat mill-President Juncker fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fit-13 ta’ Settembru 2017, 1 l-Unjoni Bankarja trid titlesta jekk tabilħaqq se tagħti l-potenzjal sħiħ tagħha bħala parti minn Unjoni Ekonomika u Monetarja b’saħħitha. Flimkien mal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (USK), Unjoni Bankarja kompluta se tippromwovi sistema finanzjarja stabbli u integrata fl-UE. Din se żżid ir-reżiljenza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja fil-konfront ta’ xokkijiet negattivi billi tiffaċilita b’mod sostanzjali l-kondiviżjoni transfruntiera tar-riskji privati, filwaqt li fl-istess ħin tnaqqas il-ħtieġa għal kondiviżjoni tar-riskji pubbliċi.

Il-kriżijiet finanzjarji u tad-dejn sovran li għaddiet minnhom l-UE matul dawn l-aħħar għaxar snin indikaw li l-qafas ekonomiku u finanzjarju mhux komplut tal-UE ma kienx biżżejjed biex jipprevjeni li jfeġġu linji ta’ politika mhux sostenibbli matul is-snin ta’ espansjoni ekonomika jew biex jippermetti li x-xokkijiet negattivi jkunu assorbiti b’mod effettiv matul il-fażi sussegwenti ta’ korrezzjoni makroekonomika. B’mod partikolari, il-kriżijiet żvelaw il-preżenza ta’ rabtiet mhux mixtieqa bejn is-setturi bankarji nazzjonali u s-sovrani tagħhom – l-hekk imsejjaħ “ċirku destinat li jisfaxxa” (“doom loop”). L-Unjoni Bankarja nħolqot sabiex tħoll dik ir-rabta u ma tħallix li l-baġits nazzjonali jintużaw biex isalvaw lill-banek f’diffikultà.

Għal dawn l-iskopijiet, abbażi tal-ġabra unika tar-regoli, il-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni ppreveda tliet Pilastri għall-Unjoni Bankarja: mekkaniżmu superviżorju uniku, mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni uniku għall-banek u sistema komuni għall-garanziji tad-depożiti.

F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta’ Ottubru 2012, ġie stabbilit mekkaniżmu superviżorju uniku sabiex tkun żgurata superviżjoni tal-ogħla kwalità, għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni marbuta ma’ superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu b’mod koerenti u effettiv, u għall-applikazzjoni b’mod konsistenti tal-ġabra unika tar-regoli. Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) nibet bħala sistema magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs – national competent authorities) fl-Istati Membri parteċipanti (l-Istati Membri li huma parti miż-Żona tal-Euro, u kull Stat Membru ieħor li jissieħeb f’kooperazzjoni mill-qrib mal-MSU) u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Għal dan l-għan, ingħataw kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-Regolament MSU).

Dan ir-rapport jagħti valutazzjoni dwar it-twaqqif u t-tħaddim tal-MSU, bl-għan li tkun iddeterminata l-effettività tiegħu bħala l-ewwel pilastru tal-Unjoni Bankarja. Huwa parti minn valutazzjoni usa’ tal-progress miksub f’rabta mal-Unjoni Bankarja, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “It-tlestija tal-Unjoni Bankarja”. Ir-rapport jirrappreżenta wkoll l-ewwel rieżami mill-Kummissjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament MSU skont l-Artikolu 32 tar-Regolament imsemmi.

Ir-Regolament MSU jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq rieżami mifrux tal-applikazzjoni ġenerali tar-Regolament MSU, b’enfasi fuq l-identifikazzjoni tal-impatt potenzjali fuq il-funzjonament bla problemi tas-suq intern. Dan ir-rapport janalizza fil-qosor l-aspetti ċentrali tar-Regolament MSU u tal-applikazzjoni tiegħu filwaqt li jelenka s-sejbiet ewlenin. Id-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni li jakkumpanjah jagħti tagħrif aktar fil-fond b’rabta mas-suġġetti diskussi. Minħabba l-istadju bikri tal-MSU, mhux l-aspetti kollha elenkati fil-mandat ta’ rieżami tal-Kummissjoni stipulati fl-Artikolu 32 tar-Regolament MSU setgħu jiġu vvalutati bl-istess livell ta’ dettall. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ rieżami fir-Regolament MSU, dan ir-rapport jikkonċentra fuq il-qafas leġiżlattiv, istituzzjonali u proċedurali tal-MSU. Il-Kummissjoni tinsab sodisfatta bil-valutazzjonijiet l-oħra li qegħdin jitwettqu bħalissa, bħall-Programm ta’ Valutazzjoni tas-Settur Finanzjarju (Financial Sector Assessment Programme – FSAP) tal-Fond Monetarju Internazzjonali li jinsab għaddej bħalissa, il-verifiki ta’ konverġenza mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA – European Banking Authority) u d-diversi rieżamijiet mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li huma kumplimentarji għal dan ir-rapport, u se jikkontribwixxu għal valutazzjoni komprensiva tal-MSU li tinvolvi aspetti u perspettivi differenti.

Abbażi tal-analiżi tad-dokumenti u intervisti ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti, il-Kummissjoni tagħti valutazzjoni kumplessiva pożittiva tal-applikazzjoni tar-Regolament MSU u tal-ewwel snin tal-BĊE fil-kapaċità superviżorja tiegħu. L-ewwel Pilastru tal-Unjoni Bankarja issa ġie implimentat bis-sħiħ u huwa funzjonali b’benefiċċji ċari fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ekwi u fiduċja li tirriżulta mis-superviżjoni integrata tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

F’xi oqsma hemm ambitu għal aktar titjib tal-funzjonament tal-qafas superviżorju. Sabiex ikunu trattati wħud mid-diffikultajiet identifikati, ir-rapport jipprovdi interpretazzjonijiet tal-qafas regolatorju, jirreferi għal diskussjonijiet li jinsabu għaddejjin dwar emendi għal-liġi rilevanti tal-Unjoni jew jissuġġerixxi kif il-BĊE jista’ jirrifletti dan fl-operat tiegħu. Fl-istadju attwali, il-Kummissjoni ma tqisx li huwa meħtieġ li tipproponi emendi għar-Regolament MSU.

Dan ir-rapport jirrikonoxxi li l-pilastru superviżorju tal-Unjoni Bankarja ġie implimentat b’suċċess u qed jaħdem kompletament b’benefiċċji miżjuda ċari f’termini ta’ stabbiltà finanzjarja u integrazzjoni tas-suq. Din hija premessa importanti biex l-Unjoni Bankarja titlesta qabel tmiem l-2019 kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tlestija tal-Unjoni Bankarja, adottata fl-istess waqt ta’ dan ir-Rapport, u konformement mal-appelli li saru fir-Rapport tal-Ħames Presidenti tal-2015 2 u l-Karta ta’ Riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) (minn hawn ’il quddiem “il-karta ta’ riflessjoni tal-UEM”).

II. Valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament MSU

Ir-rieżami huwa kkonċentrat fuq l-aktar aspetti importanti tal-funzjonament tal-MSU bħala mekkaniżmu superviżorju uniku għall-banek. L-analiżi hija strutturata madwar ħames temi wesgħin li jkopru s-suġġetti ewlenin elenkati fil-mandat ta’ rieżami stabbilit fir-Regolament MSU:

·il-governanza tal-MSU;

·l-għodod ewlenin żviluppati mill-BĊE biex iwettaq il-kompiti superviżorji tiegħu;

·it-twettiq ta’ kompiti superviżorji mill-BĊE;

·l-interazzjoni ma’ korpi rilevanti tal-UE u internazzjonali; u

·l-kosteffettività tal-MSU.

Hemm għadd ta’ kwistjonijiet sovrastanti li jmorru lil hinn minn dawn il-ħames temi, u għaldaqstant jitqiesu fir-rapport sabiex tingħata perspettiva kumplessiva tal-funzjonament tal-MSU. B’mod partikolari, dawn jikkonċernaw:

·il-vijabbiltà tal-bini tal-MSU u l-effettività tas-salvagwardji inkorporati fir-Regolament MSU;

·il-bilanċ bejn il-kompiti u r-responsabbiltajiet mogħtija lid-diversi partijiet fl-MSU;

·l-impatt tal-MSU fuq is-suq intern; u

·l-adegwatezza tal-għodod u s-setgħat disponibbli għall-BĊE sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu.

Għadd ta’ aspetti fil-mandat mogħti lill-Kummissjoni fl-Artikolu 32 tar-Regolament MSU ma setgħux jiġu vvalutati fid-dettall, għaliex f’dan l-istadju ma kienx hemm informazzjoni biżżejjed disponibbli biex jinsiltu konklużjonijiet sostanzjali. Pereżempju, minħabba li ma ġew konklużi l-ebda arranġamenti ta’ kooperazzjoni mill-qrib ma’ Stati Membri barra miż-Żona tal-Euro, mhuwiex possibbli li jiġi vvalutat l-impatt ta’ dawn l-Artikoli. Apparti minn hekk, b’rabta mal-impatt potenzjali fuq sistemi bankarji nazzjonali, għalkemm jistgħu jiġu osservati xi xejriet emerġenti, għadu kmieni wisq biex dawn ikunu attribwiti għal impatt possibbli tal-MSU u biex ikunu identifikati impatti possibbli oħra fuq l-istrutturi tas-sistemi bankarji nazzjonali. Fl-aħħar nett, il-mandat għall-valutazzjoni tal-effetti fiskali li d-deċiżjonijiet superviżorji jista’ jkollhom fuq l-Istati Membri parteċipanti u l-impatt tal-iżviluppi f’rabta ma’ arranġamenti finanzjarji ta’ riżoluzzjoni ntlaqtu b’mod sinifikanti mit-twaqqif sussegwenti tal-Mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni (SRM – Single Resolution Mechanism), u għaldaqstant għandhom jitqiesu b’mod aktar xieraq ladarba jsir ir-rieżami tal-SRM.

A. Il-governanza tal-MSU

Sabiex il-MSU jikseb l-objettivi kumplessivi tiegħu li jiżgura li s-sistema bankarja tal-UE tkun sikura u fis-sod, għandu bżonn governanza u proċeduri interni effettivi, ibbilanċjati b’kontabbiltà kif suppost, proċess ġust u arranġamenti ta’ indipendenza, soġġetti għal separazzjoni ċara bejn il-funzjonijiet monetarji u superviżorji, u tqassim effettiv tar-responsabbiltajiet bejn il-BĊE u l-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti (NCAs – National Competent Authorities) fl-MSU. Din it-taqsima tiġbor fil-qosor is-sejbiet tal-Kummissjoni f’rabta mal-governanza tal-MSU.

Kontabbiltà, proċess ġust u arranġamenti ta’ indipendenza

Il-Kummissjoni vvalutat il-kontabbiltà tal-BĊE billi qieset id-dimensjonijiet politiċi, ġudizzjarji u amministrattivi tiegħu. Abbażi tal-informazzjoni analizzata, ir-rieżami jivvaluta li l-arranġamenti ta’ kontabbiltà applikabbli għall-BĊE huma kumplessivament effettivi.

B’mod partikolari, id-diversi proċessi u proċeduri stabbiliti għall-iżgurar tal-kontabbiltà fil-konfront ta’ korpi politiċi bħall-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Grupp tal-Euro, il-parlamenti nazzjonali huma użati ta’ spiss fil-prattika.

Il-BĊE huwa mitlub sabiex jagħti rendikont quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ) relattivament ta’ spiss minn destinatarji ta’ deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE, li turi li l-arranġamenti tal-kontabbiltà ġudizzjarja jintużaw fil-prattika. Minħabba r-reġim ta’ responsabbiltà applikabbli għall-BĊE u l-mandat tal-QtĠ li jwettaq stħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjonijiet tal-BĊE, il-BĊE joffri opportunitajiet aħjar għal stħarriġ ġudizzjarju meta mqabbel ma’ kemm joffru ħafna NCAs.

Fir-rigward tar-responsabbiltà amministrattiva, il-BĊE huwa soġġett għal rieżamijiet kumplimentari estensivi minn korpi amministrattivi varji fl-UE, jiġifieri l-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), l-Awtorità Bankarja Ewropea (European Banking Authority – EBA) u l-Ombudsman Ewropew. Il-BĊE wera li jieħu bis-serjetà rakkomandazzjonijiet maħruġin skont tali rieżamijiet, u ta’ spiss idawwarhom f’adattamenti tar-regoli jew imġiba tiegħu stess. Barra minn hekk, il-BĊE jikkontribwixxi b’mod attiv għall-eżerċizzji ta’ sorveljanza mwettqa mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) fi Stati Membri taż-Żona tal-Euro, u għandu rwol ewlieni fl-FSAP tal-UE/taż-Żona tal-Euro li jinsab għaddej. Dan ir-rieżami tratta wkoll l-effettività tal-awditjar estern applikabbli għall-BĊE, filwaqt li kkunsidra li l-ambitu tal-mandat ta’ awditjar tal-QEA fuq il-BĊE għandu jitqies fil-kuntest tal-arranġamenti ta’ responsabbiltà ġenerali applikabbli għall-BĊE fil-kapaċità superviżorja tiegħu u fid-dawl tal-fatt li l-mandati ta’ korpi nazzjonali ta’ awditjar fuq l-NCAs huma diverġenti ħafna. Fl-istess waqt, għandu jkun enfasizzat li f’konformità mat-TFUE, il-BĊE huwa soġġett għal obbligu li jipprovdi lill-QEA b’kull dokument jew informazzjoni meħtieġa għall-QEA sabiex twettaq il-kompitu li jikkorrispondi mal-mandat legali tagħha. Tintlaqa’ b’sodisfazzjon il-possibbiltà li l-BĊE u l-QEA jikkonkludu ftehim interistituzzjonali biex jispeċifikaw il-modalitajiet tal-iskambju ta’ informazzjoni bil-ħsieb li l-QEA tingħata aċċess għall-informazzjoni neċessarja kollha għat-twettiq tal-mandat ta’ awditjar tagħha.

Ir-rapporti dwar il-konverġenza ppreparati mill-EBA jidhru li huma għodda effettiva oħra ta’ rieżami għall-iżgurar tal-konformità mill-BĊE mal-ġabra unika tar-regoli. Min-naħa l-oħra, skont evidenza aneddotali, il-kompetenzi tal-EBA li taġixxi f’każijiet ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni jidhru li huma anqas effettivi fir-rigward tal-BĊE minħabba li l-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-EBA teħtieġ maġġoranza doppja mill-NCAs fi Stati Membri parteċipanti u NCAs fi Stati Membri mhux parteċipanti, filwaqt li maġġoranza ta’ NCAs minn Stati Membri parteċipanti diġà jkunu appoġġaw id-deċiżjoni tal-BĊE meta tiġi adottata mill-Bord Superviżorju u l-Kunsill Governattiv.

Ir-rieżami juri wkoll li hemm arranġamenti ta’ indipendenza adegwati fis-seħħ u ma sabx evidenza li toħloq dubji dwar l-effettività tagħhom.

Il-BĊE stabbilixxa mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni, proċess ġust u rikors intern abbażi ta’ oqfsa dettaljati. Il-fatt li l-BĊE jiżviluppa kultura ta’ konsultazzjoni lil hinn mill-obbligi formali tiegħu jintlaqa’ b’sodisfazzjon u l-BĊE huwa mħeġġeġ sabiex jagħmel użu minn konsultazzjonijiet kull meta jkollu l-ħsieb li jikkontribwixxi aktar għall-armonizzazzjoni tar-regoli u l-prattiki. Regoli tal-proċess ġust jidhru li huma appoġġati minn qafas solidu. Huwa meqjus importanti li l-BĊE jilħaq bilanċ tajjeb meta jistipula skedi taż-żmien jew jimmarka dokumenti bħala kunfidenzjali, sabiex tkun evitata kull restrizzjoni bla bżonn għad-drittijiet proċedurali ta’ partijiet milquta mid-deċiżjonijiet tiegħu.

Il-mekkaniżmu ta’ rikors disponibbli kontra deċiżjonijiet tal-BĊE — il-Bord Amministrattiv ta’ Reviżjoni (ABoR – Administrative Board of Review) — huwa użat b’mod attiv minn dawk milquta u l-BĊE jsostni li l-opinjonijiet tiegħu kellhom influwenza fil-prattika superviżorja tal-BĊE li tmur lil hinn mill-każijiet individwali li dawn jirrigwardaw. Dan ir-rapport ma sab l-ebda evidenza ta’ nuqqasijiet. Ikun ta’ siwi li jittieħed vantaġġ mill-ġurisprudenza dejjem tikber żviluppata mill-ABoR billi tkun żgurata aktar trasparenza fil-konfront tal-ħidma mwettqa mill-ABoR, pereżempju permezz tal-pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-BĊE ta’ sommarji ta’ deċiżjonijiet tal-ABoR u b’osservanza xierqa tar-regoli ta’ kunfidenzjalità.

Teħid ta’ deċiżjonijiet

Il-Kummissjoni wettqet skrutinju tal-arranġamenti ta’ governanza li fuqhom huwa bbażat it-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-BĊE b’rabta ma’ attivitajiet superviżorji.

Il-korpi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-BĊE jikkonsistu mill-Kunsill Governattiv u mill-Bord Eżekuttiv. Il-Kunsill Governattiv huwa fl-aħħar mill-aħħar responsabbli wkoll mid-deċiżjonijiet meħuda mill-MSU. Madankollu, biex ikunu riflessi l-kompiti speċifiċi tal-MSU, ġew stabbiliti strutturi superviżorji speċifiċi (pereż. il-Bord Superviżorju) u proċeduri (pereż. il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni) sabiex jappoġġaw lill-Kunsill Governattiv, meta jaġixxi fuq il-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament MSU.

Minħabba l-għadd kbir ta’ deċiżjonijiet u t-tipoloġija varjata tagħhom, l-involviment tal-Bord Superviżorju u l-Kunsill Governattiv f’kull deċiżjoni tidher li hija pressjoni sinifikanti fuq ir-riżorsi ta’ dawn iż-żewġ korpi, li jinvolvu lill-NCAs u lill-Banek Ċentrali Nazzjonali kollha. Hemm differenzi sinifikanti bejn id-deċiżjonijiet superviżorji, fir-rigward tal-kumplessità, l-impatt u r-rilevanza għal entitajiet taħt superviżjoni. Tali diversità teżisti fit-tipi ta’ deċiżjonijiet kollha (pereż. deċiżjonijiet tal-SREP imqabbla ma’ approvazzjonijiet ta’ strumenti CET1), kif ukoll fl-istess kategorija ta’ deċiżjonijiet (pereż. deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità għall-Bord ta’ kumpanija prinċipali ewlenija mqabbla ma’ deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità għall-ġestjoni ta’ sussidjarja integrata). Tali differenzi ma ġewx ikkunsidrati fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, li wassal għal użu sproporzjonat tar-riżorsi tal-BĊE fil-każ ta’ deċiżjonijiet ta’ rutina jew deċiżjonijiet b’impatt kumplessiv aktar baxx. Din is-sitwazzjoni ma ħallietx lill-korpi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-BĊE jiffukaw fuq kwistjonijiet superviżorji importanti, u ta’ spiss kienet teħtieġ ammont sproporzjonat ta’ sforzi u riżorsi mill-BĊE kif ukoll mill-NCAs għall-preparazzjoni tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet formali 3 . Sabiex jindirizza dawn il-kwistjonijiet, il-BĊE ssimplifika t-teħid ta’ deċiżjonijiet permezz ta’ mudelli, proċeduri bil-miktub, iggruppar ta’ deċiżjonijiet, u adotta qafas ta’ delega għal ċerti deċiżjonijiet ta’ rutina jew deċiżjonijiet b’impatt potenzjali mnaqqas. 4 Għad irid jiġi eżaminat jekk il-qafas ta’ delega huwiex se jilħaq bilanċ adegwat bejn deċiżjonijiet li huma delegati u dawk li mhumiex, u fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal użu aħjar tar-riżorsi.

Separazzjoni bejn funzjonijiet superviżorji u monetarji

Sabiex ikunu evitati kunflitti ta’ interess bejn il-kompiti superviżorji, minn naħa, u l-kompiti ta’ politika monetarja u kompiti oħra eżerċitati mill-BĊE, min-naħa l-oħra, ir-Regolament MSU jirrikjedi separazzjoni bejn il-funzjonijiet monetarji u superviżorji.

Dan ġie implimentat mill-BĊE permezz ta’ ġabra ta’ regoli proċedurali, li jiżguraw separazzjoni organizzattiva tal-persunal, laqgħat differenzjati u proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għall-Kunsill Governattiv, linji ta’ rappurtar differenzjati, regoli ta’ kunfidenzjalità u medjazzjoni tal-kunflitti ta’ interess. Ħafna mill-persunal li jwettaq kompiti superviżorji jinsab f’dipartimenti separati b’mod organizzattiv, għandu linji ċari ta’ rappurtar lill-Bord Superviżorju u huwa soġġett għal regoli ta’ kunfidenzjalità stretti. Ċerti servizzi, bħas-servizz legali, l-awditjar intern jew ir-riżorsi umani huma “maqsumin” bejn iż-żewġ funzjonijiet. Dan ma jimminax il-prinċipju ta’ separazzjoni sal-punt li dawn iwettqu biss funzjonijiet ta’ appoġġ. Madankollu, fejn tali servizzi maqsumin jipprovdu parir li huwa ewlieni għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-BĊE, għandhom jiġu kkunsidrati salvagwardji rinforzati.

Il-ħidma preparatorja għall-kompiti makroprudenzjali mogħtija lill-BĊE mir-Regolament MSU titwettaq mid-dipartiment tal-BĊE responsabbli għall-istabbiltà finanzjarja, li huwa involut kemm f’kompiti superviżorji kif ukoll f’kompiti oħra tal-BĊE. Fl-istess waqt, il-proċedura speċifika ddedikata għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet makroprudenzjali bbażata fuq l-Artikolu 5 tar-Regolament MSU tagħti lill-Kunsill Governattiv rwol aktar prominenti matul il-proċess kollu ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet minn dak tal-Kunsill Governattiv fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet superviżorji mikroprudenzjali. Filwaqt li wieħed jista’ jifhem id-deċiżjoni tal-BĊE li jisfrutta l-għarfien espert u l-kapaċità tad-dipartiment eżistenti tiegħu sabiex jistabbilixxi fis-sod il-kompiti superviżorji ġodda tiegħu relatati ma’ setgħat makroprudenzjali, huwa importanti li l-BĊE jiżgura li l-Bord Superviżorju jkun involut kif suppost fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u li d-deċiżjonijiet kollha skont l-Artikolu 5 tar-Regolament MSU jkunu bbażati fuq abbozz komplut propost mill-Bord Superviżorju.

Qsim ta’ kompiti u responsabbiltajiet bejn il-BĊE u l-NCAs

Il-MSU bħala sistema tikkonsisti mill-inkarigar tal-BĊE fil-livell ċentrali sabiex jiżgura l-funzjonament u l-effiċjenza kumplessivi tas-sistema, u mill-NCAs bħala saff deċentralizzat. Ir-Regolament MSU jistabbilixxi qsim ċar tar-responsabbiltajiet. Jinkariga lill-NCAs biex jassistu lill-BĊE fl-azzjonijiet superviżorji kollha tiegħu u jaħtarhom bħala dawk primarjament responsabbli għas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet anqas sinifikanti (LSIs – Less Significant Institutions). Il-BĊE, bl-assistenza tal-NCAs, iwettaq superviżjoni diretta ta’ istituzzjonijiet sinifikanti (SIs – Significant Institutions), jadotta deċiżjonijiet marbutin ma’ proċeduri komuni, jissorvelja l-konsistenza tas-superviżjoni tal-NCAs fuq l-LSIs, jagħti struzzjonijiet lill-NCAs u jista’ jieħu f’idejh is-superviżjoni diretta tal-LSIs.

Din id-distribuzzjoni ta’ kompiti u responsabbiltajiet tidher li taħdem sew fil-prattika, bil-BĊE jakkumula għarfien u kompetenza fl-interazzjoni kostanti tiegħu mal-NCAs, u l-NCAs jirrinforzaw l-għarfien tagħhom abbażi ta’ interazzjoni aktar intensiva ma’ NCAs oħra u mal-BĊE. F’dan l-istadju tal-MSU, id-distribuzzjoni ta’ rwoli bejn il-BĊE u l-NCAs tidher ibbilanċjata b’mod kumplessiv.

Għalkemm ma hemmx evidenza ta’ xi kunflitt eżistenti jew intenzjonijiet intrużivi mill-BĊE, hemm ftit tħassib minn ċerti NCAs fir-rigward tar-rwol tal-BĊE b’rabta mal-LSIs. Dawn l-NCAs jitolbu li jkun hemm prevedibbiltà sa fejn il-BĊE jista’ jinfluwenza s-superviżjoni ta’ LSI jew eventwalment jeħodha f’idejh. L-attribuzzjoni prestabbilita ta’ superviżjoni ta’ LSIs ingħatat lill-NCAs u d-dritt tal-BĊE li jieħu f’idejh is-superviżjoni tal-LSI seta’ jkun eżerċitat biss jekk ikun hemm ġustifikazzjoni meħtieġa u suffiċjenti biex wieħed jitbiegħed minn dik ir-regola. Madankollu, dispożizzjonijiet fir-Regolament MSU li jagħtu responsabbiltajiet lill-BĊE b’rabta ma’ LSIs għandhom jiġu interpretati li qed jipprovdu biżżejjed flessibbiltà lill-BĊE sabiex jintervjeni meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu 5 . Għalhekk il-possibbiltà li jagħti gwida u struzzjonijiet lil NCAs hija għodda ewlenija għall-BĊE sabiex jiżgura implimentazzjoni koerenti u effettiva ta’ superviżjoni prudenzjali fl-Unjoni Bankarja kollha. Ugwalment importanti hija l-kapaċità tal-BĊE li jieħu f’idejh is-superviżjoni tal-LSI fejn meħtieġ għall-ġustifikazzjoni ta’ applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin. Il-flessibbiltà tal-BĊE li juża dawn l-għodod ma għandhiex tkun soġġetta għal restrizzjonijiet addizzjonali.

Ifeġġu xi mistoqsijiet b’rabta mal-bqija tal-kompetenzi tal-NCAs, u l-mod li bih jistgħu jintużaw biex tkun evitata d-distribuzzjoni ta’ responsabbiltajiet fl-MSU. Żviluppi strutturali tas-suq reċenti juru xejra li skontha l-gruppi ta’ pajjiżi terzi qed ikollhom strutturi dejjem aktar kumplessi fl-Unjoni, u joperaw permezz ta’ entitajiet li jiżgiċċaw is-superviżjoni tal-BĊE. Pereżempju l-BĊE ma jkollux setgħat fuq ditti ta’ investiment jew fergħat tal-UE ta’ istituzzjonijiet li għandhom l-uffiċċju ewlieni f’pajjiżi terzi, li tista’ tikkostitwixxi lakuna fil-mandat ġenerali tiegħu u tiftaħ il-bieb għal arbitraġġ regolatorju u superviżorju. Jeżisti tħassib speċifiku fir-rigward tal-akbar ditti ta’ investiment li jipprovdu servizzi ewlenin għas-suq tal-operaturi u servizzi bankarji ewlenin għall-investiment fl-UE kollha, li min-natura tagħhom huma “qishom banek”. Għaldaqstant dawn id-ditti huma ta’ riskju ċar għall-istabbiltà finanzjarja, minħabba d-daqs u l-interkonnessjoni tagħhom. Għal din ir-raġuni huma essenzjalment soġġetti għall-istess obbligi bħall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Madankollu, mhumiex neċessarjament awtorizzati mill-istess awtoritajiet bħall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lanqas mhuma neċessarjament taħt is-superviżjoni tagħhom, li jaf joħloq sitwazzjoni żbilanċjata fl-applikazzjoni tas-CRD u tas-CRR. Ir-rieżamijiet li għaddejjin tas-CRD-CRR u tat-trattament prudenzjali ta’ ditti ta’ investiment jistgħu jservu ta’ opportunità tajba biex dan l-aspett ikun trattat.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ispeċifiċità tal-kompitu tal-BĊE li japplika leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi Direttivi rilevanti u l-kapaċità tiegħu li jnissel setgħat konkreti minn tali leġiżlazzjoni nazzjonali. Huma meħtieġa prinċipji ċari sabiex isostnu tali sitwazzjoni mingħajr preċedent. Għalhekk huwa enfasizzat li s-setgħat superviżorji tal-BĊE taħt ir-Regolament MSU għandhom jiġu analizzati b’mod wiesa’ biżżejjed sabiex jinkludu setgħat mogħtija lil awtoritajiet nazzjonali mil-liġi nazzjonali għat-twettiq ta’ funzjonijiet superviżorji taħt is-CRD u s-CRR b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Madankollu, minħabba li s-setgħat tal-BĊE jistgħu jiġu eżerċitati biss fil-limiti tal-kompiti mogħtija lill-BĊE, jeħtieġ li jkun aċċertat każ b’każ jekk setgħa speċifika mogħtija taħt liġi nazzjonali hijiex fil-kompetenza tal-kompiti speċifiċi mogħtija lill-BĊE jew le. Minħabba li tali analiżi każ b’każ hija diffiċli u mhux dejjem prevedibbli, huwa ssuġġerit li leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti fil-futur tispeċifika espliċitament is-setgħat superviżorji f’dispożizzjonijiet direttament applikabbli.

B. Għodod superviżorji

Sabiex iwettaq il-kompiti superviżorji tiegħu, il-BĊE żviluppa u applika għadd ta’ għodod superviżorji ewlenin ibbażati fuq is-setgħat mogħtija lilu mir-Regolament MSU. Din it-taqsima tiġbor fil-qosor is-sejbiet tal-Kummissjoni dwar dawn l-għodod u s-siwi tagħhom għall-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tal-BĊE.

Kategorizzazzjoni ta’ entitajiet taħt superviżjoni

Sabiex tiddetermina r-rwol preċiż tal-BĊE u tal-NCAs b’rabta mal-entitajiet individwali taħt superviżjoni, abbażi tar-Regolament MSU, il-BĊE jrid jistabbilixxi jekk l-entitajiet humiex istituzzjonijiet sinifikanti jew anqas sinifikanti. Filwaqt li l-punt tat-tluq skont ir-Regolament MSU huwa klassifikazzjoni abbażi ta’ kriterji kwantitattivi, il-BĊE jqis ukoll “ċirkostanzi partikolari” possibbli li jiġġustifikaw devjazzjoni minn dawn il-kriterji. Anki jekk il-BĊE f’każijiet eċċezzjonali biss iddevja mill-allokazzjoni awtomatika, aktar trasparenza tintlaqa’ tajjeb fir-rigward tar-raġunament għal deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid.

Il-BĊE juża wkoll ta’ sikwit sottoklassifikazzjonijiet ulterjuri ta’ entitajiet taħt superviżjoni għal skopijiet varji, bħall-iddeterminar tal-limitu tal-involviment tiegħu, l-eżerċitar ta’ superviżjoni ta’ kuljum, l-applikar tal-proporzjonalità, l-iżgurar ta’ paragun bejn il-pari, l-iddeterminar ta’ liema informazzjoni għandha tintbagħat mill-NCAs, eċċ. Dawn il-klassifikazzjonijiet huma utli għall-BĊE sabiex jiżgura kundizzjonijiet superviżorji ekwi bejn istituzzjonijiet komparabbli u organizzazzjoni effiċjenti tal-attivitajiet tiegħu. L-interazzjoni bejn il-klassifikazzjonijiet differenti u r-rilevanza tagħhom għal attivitajiet superviżorji varji madankollu mhux dejjem tkun sempliċi. Għalhekk huwa rakkomandat li l-BĊE jtejjeb il-komunikazzjoni tiegħu dwar il-metodoloġiji sottostanti għal dawn il-klassifikazzjonijiet, kif ukoll dwar l-implikazzjonijiet tal-kategoriji varji fir-rigward tal-azzjoni superviżorja.

Timijiet superviżorji konġunti (JSTs)

It-Timijiet Superviżorji Konġunti (JSTs – joint supervisory teams) huma rappreżentattivi tal-MSU bħala sistema; dawn jikkostitwixxu l-għodda li biha l-BĊE jisfrutta l-għarfien espert tal-persunal tal-NCAs sabiex iwettaq ir-responsabbiltajiet superviżorji diretti tiegħu fil-konfront tal-SIs. Huma responsabbli għas-superviżjoni kontinwa tal-SIs, fdati bl-implimentazzjoni tal-kompiti elenkati fil-Programm ta’ Eżaminazzjoni Superviżorja, bil-koordinazzjoni ta’ spezzjonijiet fil-post u bil-kuntatti ma’ NCAs.

L-iżvilupp tal-qafas għall-JSTs kien proċess ta’ tagħlim bil-prattika, li xorta għadu għaddej minn adattamenti. L-isfidi huma marbuta mal-fatt li l-JSTs jirrappreżentaw forma ġenwina ta’ kooperazzjoni superviżorja li teħtieġ integrazzjoni ta’ riżorsi fi struttura istituzzjonali ġdida. Matul l-ewwel snin ta’ funzjonament, il-JSTs urew bil-provi li huma funzjonali u kredibbli, billi għamlu x-xogħol bażiku għal deċiżjonijiet superviżorji. Il-BĊE għamel sforzi sostanzjali sabiex jiżviluppa l-JSTs f’għodda ewlenija għal superviżjoni armonizzata fiż-Żona tal-Euro. Madankollu qam xi tħassib b’rabta ma’ ċerti aspetti strutturali tal-qafas li jistgħu jaffettwaw l-effiċjenza tal-JSTs fil-prattika, bħal linji ta’ rappurtar mhux ikkoordinati, problemi tal-lingwa u allokazzjoni mhux biżżejjed tal-persunal. Il-BĊE huwa mħeġġeġ jindirizza dawn il-kwistjonijiet fiż-żmien propizju sabiex jiżgura l-funzjonament effiċjenti tal-JSTs.

Funzjonijiet orizzontali

Wieħed mill-objettivi tal-MSU huwa li tkun żgurata superviżjoni armonizzata fl-Unjoni Bankarja. Għal dan l-għan, Direttorat Ġenerali apposta jospita l-hekk imsejħa “funzjonijiet orizzontali”, li jiddefinixxu l-politiki superviżorji tal-BĊE, jiżguraw konverġenza ta’ approċċi superviżorji fost il-JSTs u jikkoordinaw l-eżekuzzjoni ta’ kompiti speċjalizzati essenzjali oħrajn. It-twaqqif ta’ funzjonijiet orizzontali jintlaqa’ b’sodisfazzjon, għaliex huwa essenzjali sabiex tkun żgurata l-konsistenza fl-applikazzjoni ta’ standards superviżorji ta’ kwalità għolja għall-banek kollha fl-Unjoni Bankarja.

Sabiex ikunu effettivi fil-kompiti tagħhom, il-funzjonijiet orizzontali jeħtieġ li jippromwovu kooperazzjoni bbilanċjata mal-NCAs. Dan il-bilanċ fil-parti l-kbira nkiseb fil-qasam tal-iżvilupp tal-politika superviżorja, speċjalment permezz tat-twaqqif ta’ strutturi ta’ appoġġ informali bi rwol konsultattiv (pereż. netwerks tal-esperti). L-użu ta’ netwerks tal-BĊE sabiex jitolbu l-input tal-NCAs dwar kwistjonijiet ta’ politika għandu jintlaqa’ bħala għodda flessibbli ta’ kooperazzjoni fl-MSU. Filwaqt li m’hemmx ħtieġa li tali strutturi jiġu formalizzati, status aktar ċar għal netwerks stabbli u influwenti jistgħu jagħtu ħarsa ġenerali aħjar tal-mandat, governanza u linji ta’ rappurtar tagħhom. Barra minn hekk, il-proliferazzjoni ta’ netwerks għandha tiġi evitata billi jiġu ssimplifikati strutturi eżistenti u jiġu identifikati oqsma li l-aktar jibbenefikaw mir-riżultat ta’ tali strutturi kooperattivi.

Xi NCAs esprimew kritika fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-funzjonijiet orizzontali, speċjalment b’rabta mal-mod kif il-ħidma orizzontali tinfluwenza r-riżultat tal-JSTs. Għal trasparenza akbar lejn l-NCAs u sabiex ikunu evitati ostakli fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-BĊE jista’ jipprevedi rappurtar aktar sistematiku u b’mod f’waqtu lill-koordinaturi u sottokoordinaturi rilevanti tal-JST dwar it-tibdil propost mill-funzjonijiet orizzontali tiegħu għal abbozzi ta’ deċiżjonijiet ġejjin mill-JSTs.

Spezzjonijiet fil-post

L-ispezzjonijiet fuq il-post huma għodda essenzjali għas-superviżuri sabiex jeżaminaw il-konformità u jiġbru informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, direttament fil-post fejn tkun tinsab l-entità taħt superviżjoni. Il-BĊE għamel progress tajjeb fit-twaqqif tal-funzjoni ta’ spezzjoni fil-post tiegħu. Ir-regoli u l-proċeduri diġà jipprovdu għal livell sinifikanti ta’ armonizzazzjoni ta’ prattiki superviżorji f’dan il-qasam. Dan se jkun rinforzat aktar fil-futur qrib minn kurrikulu komuni milqugħ tajjeb ta’ taħriġ dwar il-MSU għal spetturi fil-post. Il-BĊE għandu jikkoopera mill-qrib mal-EBA f’tali programm ta’ taħriġ sabiex ikunu evitati duplikazzjonijiet u jkunu żgurati sinerġiji għal spetturi fl-Istati Membri kollha.

Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ proċeduri armonizzati għadhom juru diverġenzi, speċjalment b’rabta mal-kwantifikazzjoni tas-sejbiet minn spezzjonijiet minn timijiet ta’ investigazzjoni u r-reazzjonijiet tal-JST għal dawk is-sejbiet. Il-BĊE għandu jrawwem implimentazzjoni konsistenti tal-proċeduri komuni tiegħu għal spezzjonijiet fil-post, filwaqt li jiżgura li anki r-riżultat ta’ tali spezzjonijiet ikun armonizzat kif dovut.

Barra minn hekk, għad hemm bżonn ta' aktar titjib fir-rigward tat-tħaddim ta’ persunal għat-timijiet ta’ spezzjoni fil-post. Dan jista’ jinkiseb billi jiżdied il-proporzjon ta’ persunal tal-BĊE, u tinħoloq prevedibbiltà għall-BĊE fir-rigward tad-disponibbiltà tal-persunal tal-NCAs għal spezzjonijiet fil-post. Huwa aċċettabbli għall-BĊE li kultant joqgħod fuq konsulenti esterni, speċjalment meta jkun meħtieġ għarfien tekniku speċifiku, li xi kultant ma jkunx jista’ jinstab faċilment fir-riżorsi tal-MSU. Madankollu l-użu ta’ esperti esterni fi spezzjonijiet fil-post għandu jkun limitat u akkumpanjat minn salvagwardji xierqa. Pereżempju, esperti esterni ma għandhomx ikunu mexxejja ta’ timijiet ta’ spezzjoni fil-post, jew ma għandhomx jammontaw għal aktar minn nofs il-membri ta’ tim, għaliex dan jista’ jagħti lok għal riskju tar-reputazzjoni u kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità potenzjali għall-MSU.

Kulleġġi

Il-kulleġġi ġenerali jibqgħu l-għodda ewlenija għas-superviżjoni kkoordinata ta’ gruppi bankarji transfruntiera b’attivitajiet barra miż-Żona tal-Euro. Attwalment huma l-għodda ewlenija għall-interazzjoni mal-NCAs minn Stati Membri mhux parteċipanti, li jidher li jagħtu valur sinifikanti lill-BĊE bħala l-kontroparti ġdida tagħhom. Il-BĊE wera bil-provi li huwa president tal-kulleġġi kredibbli u organizzat sew u kkontribwixxa b’input ta’ kwalità għolja f’diskussjonijiet tal-kulleġġi. Il-kulleġġi huma wkoll għodda importanti għall-BĊE sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu b’rabta ma’ fergħat sinifikanti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu minn pajjiżi mhux taż-Żona tal-Euro, li għalihom jaġixxi bħala superviżur ospitanti. Il-BĊE għandu jkun imfaħħar għall-arranġamenti ta’ kooperazzjoni li kkonkluda f’perjodu qasir ta’ żmien u huwa mħeġġeġ jiffinalizza n-negozjati li fadal mal-awtoritajiet rilevanti kollha.

Opzjonijiet u diskrezzjonijiet

Fil-fażi tal-bidu tiegħu, il-BĊE ddedika sforzi notevoli sabiex jarmonizza l-eżerċitar ta’ għażliet u diskrezzjonijiet. Dawn l-isforzi kienu ta’ suċċess u jeħtieġ li jiġu mfaħħrin, għaliex ir-regoli armonizzati li rriżultaw dwar l-eżerċitar ta’ għażliet u diskrezzjonijiet minn awtoritajiet kompetenti kkontribwew għat-titjib tal-kundizzjonijiet ekwi fiż-Żona tal-Euro, kemm għal SIs kif ukoll għal LSIs. Jintlaqa’ b’sodisfazzjon li l-BĊE ma jadottax approċċ vag fil-konfront tal-armonizzazzjoni, iżda jikkunsidra kull għażla u diskrezzjoni individwalment fil-kuntest ta’ punti tat-tluq differenti fl-Istati Membri parteċipanti u ħtiġijiet differenti li jikkaratterizzaw is-setturi bankarji nazzjonali. Huwa apprezzat ukoll li l-BĊE jimmira li jikseb kundizzjonijiet ekwi billi jestendi l-eżerċizzju ta’ armonizzazzjoni għas-superviżjoni tal-LSIs, filwaqt li jikkunsidra b’mod xieraq il-proporzjonalità. Madankollu, huwa ta’ dispjaċir li għal xi għażliet u diskrezzjonijiet l-għan tal-ħruġ ta’ standard armonizzat bis-sħiħ ma ntlaħaqx, bil-BĊE jaċċetta l-koeżistenza ta’ reġimi differenti 6 .

C. Twettiq ta’ kompiti superviżorji

Ir-Regolament MSU inkariga lill-BĊE b’għadd ta’ kompiti superviżorji speċifiċi bl-għan li jkun żgurat li l-banek taħt is-superviżjoni tiegħu jkunu sikuri u fis-sod. Fl-ambitu ta’ din it-tielet tema, il-Kummissjoni vvalutat it-twettiq tal-kompiti superviżorji prinċipali mogħtija lill-BĊE.

Proċeduri komuni għall-awtorizzazzjonijiet u għall-valutazzjoni tal-akkwiżizzjonijiet

Il-BĊE ngħata tliet kompiti fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fl-Unjoni Bankarja (SIs u LSIs): awtorizzazzjoni, irtirar ta’ awtorizzazzjoni u valutazzjoni ta’ akkwiżizzjonijiet u holdings kwalifikanti (imsejħa bħala “proċeduri komuni”). Dawn il-kompiti huma speċjali mhux biss minħabba l-ambitu wiesa’ f’termini ta’ entitajiet koperti, iżda wkoll minħabba r-rwol prominenti mogħti lill-NCAs fit-twettiq tal-ħidma preparatorja.

Il-proċeduri komuni għall-awtorizzazzjonijiet u għall-valutazzjoni tal-akkwiżizzjonijiet jirrappreżentaw kompitu li joffri sfida għall-BĊE, minħabba l-iskadenzi qosra applikabbli, l-għadd kbir ta’ deċiżjonijiet u l-kumplessità tal-valutazzjoni ta’ proposti ppreparati minn NCAs abbażi ta’ 19-il qafas ġuridika nazzjonali differenti. Dawn il-proċeduri intrinsikament joqogħdu fuq kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u l-NCAs. Tali kooperazzjoni hija ta’ obbligu fl-MSU u għandha titwettaq mill-partijiet kollha, in bona fide u fl-istadji kollha (jiġifieri l-istadju ta’ approvazzjoni inizjali kif ukoll il-verifika tal-konformità b’mod kostanti). Il-BĊE u l-NCAs għamlu biċċa xogħol notevoli u rnexxielhom joħolqu għodod u proċeduri li jgħinu lill-BĊE jwettaq il-kompiti tiegħu fiż-żmien ristrett applikabbli. L-evoluzzjoni ta’ proċeduri komuni turi li l-fiduċja reċiproka bejn il-BĊE u l-NCAs qed tiżdied, u b’hekk tappoġġja b’mod kostruttiv il-funzjonament tal-MSU.

Superviżjoni b’mod kostanti ta’ istituzzjonijiet sinifikanti: valutazzjoni ta’ kompetenza u idoneità

Sabiex ikun żgurat li l-banek jimmaniġġaw ir-riskju tagħhom b’mod kwalifikat, il-BĊE huwa inkarigat li jivvaluta kull membru tal-maniġment ta’ istituzzjoni sinifikanti fir-rigward ta’ jekk il-persuna tkunx kompetenti u idonea biex twettaq il-kompiti tagħha. Dan ikkawża piż operattiv kbir ferm għall-Bord Superviżorju u l-Kunsill Governattiv, primarjament minħabba l-għadd kbir ta’ proċedimenti u l-iskedi taż-żmien proċedurali diverġenti previsti f’reġimi nazzjonali. Għal din ir-raġuni dan il-qasam intgħażel għall-ewwel prova tal-qafas ta’ delega li ġej, li huwa mistenni li jħaffef it-teħid ta’ deċiżjonijiet u jnaqqas ix-xogħol b’lura. Madankollu, mhux se jissimplifika l-kumplessità tal-analiżi għall-BĊE sakemm id-dettalji tar-regoli sostanzjali jiżviluppaw b’mod mhux armonizzat.

Il-BĊE kien involut b’mod attiv meta l-EBA żviluppat id-dokument ta’ konsultazzjoni tagħha dwar linji gwida riveduti dwar valutazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità. Il-BĊE ħareġ b’mod parallel il-konsultazzjoni tiegħu dwar gwida dwar valutazzjoni ta’ kompetenza u idoneità, li ffinalizza u ppubblika qabel il-finalizzazzjoni tal-linji gwida tal-EBA. Jintlaqa’ b’sodisfazzjon li hemm impenn ċar mill-BĊE sabiex jirrevedi l-Gwida tal-BĊE fid-dawl ta’ tibdil eventwali fil-linji gwida tal-EBA finalizzati sabiex ikun żgurat allinjament sħiħ fir-rigward tal-kontenut.

Superviżjoni b’mod kostanti ta’ istituzzjonijiet sinifikanti: Approvazzjonijiet tal-fondi proprji u eżenzjonijiet

L-approvazzjonijiet ta’ strumenti kapitali jirriflettu responsabbiltajiet superviżorji ewlenin, li għandhom jiġu applikati konsistentement fl-Unjoni kollha. Dan il-qasam huwa partikolarment skrutinizzat mill-EBA, li għandha mandat ġenerali ta’ rieżami tal-kwalità tal-fondi proprji. Minħabba l-għarfien espert estensiv tal-EBA fl-iskrutinju tal-kompatibbiltà ta’ strumenti kapitali maħruġin fl-Unjoni kollha bil-kriterji ta’ eliġibbiltà tas-CRR għal skopijiet ta’ fondi proprji, huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw mill-qrib mal-EBA f’dan il-qasam. Għalhekk il-BĊE huwa mħeġġeġ li jistabbilixxi qafas li jiżgura, minn naħa waħda, l-iskrutinju orizzontali intern tal-istrumenti ta’ fondi proprji maħruġin minn istituzzjonijiet taħt superviżjoni mill-BĊE u, min-naħa l-oħra, kooperazzjoni effettiva u konsistenti mal-EBA fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kwalità ta’ tali strumenti ta’ fondi proprji, f’konformità mal-kompiti mogħtija lill-EBA.

Fir-rigward tal-użu tal-eżenzjonijiet, huwa osservat li l-BĊE applika xi eżenzjonijiet relattivament ta’ spiss wara d-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ tali eżenzjonijiet fil-Gwida tal-BĊE dwar għażliet u diskrezzjonijiet. L-applikazzjoni prudenti tal-eżenzjonijiet prevista fil-leġiżlazzjoni tintlaqa’ b’sodisfazzjon u għandha tkun użata aktar mill-BĊE, inkluż billi jkunu ssimplifikati aktar il-kundizzjonijiet għall-eżerċitar tagħhom 7 fil-limiti tas-CRR. Il-kundizzjonijiet armonizzati għall-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet żviluppati mill-BĊE jistgħu jkomplu jiġu żviluppati fil-kuntest ta’ sforzi b’mod kostanti sabiex tiġi żviluppata aktar l-Unjoni Bankarja li jqisu l-possibbiltà ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet fuq bażi transfruntiera, meta din twassal għal ġestjoni aktar effiċjenti tal-kapital jew tal-likwidità mingħajr ma tqajjem tħassib prudenzjali.

Superviżjoni b’mod kostanti ta’ istituzzjonijiet sinifikanti: mudelli interni

Il-BĊE stabbilixxa b’suċċess proċedura robusta sabiex jivvaluta mudelli interni. Kollox ma’ kollox, l-evidenza disponibbli tissuġġerixxi li l-proċess tal-BĊE għall-approvazzjoni ta’ mudelli interni huwa wieħed rigoruż u ġestit tajjeb. Dan se jtejjeb il-kredibbiltà tal-mudelli interni użati minn banek taħt is-superviżjoni tal-MSU u konsegwentement il-fiduċja tal-investituri fl-adegwatezza tar-rekwiżiti kapitali tal-banek u fl-aħħar mill-aħħar fir-reżiljenza tagħhom. Ir-Reviżjoni Mmirata ta’ Mudelli Interni (proġett TRIM – Targeted Review of Internal Models) hija kkunsidrata wkoll bħala investiment superviżorju tajjeb li għandu jwassal għal kundizzjonijiet ekwi mtejba u armonizzazzjoni akbar ta’ prattiki superviżorji.

It-twaqqif tal-approvazzjoni u r-rieżami tal-mudelli kien jirrikjedi l-ħin u wassal għal xi xogħol b’lura fl-approvazzjonijiet tal-mudelli u potenzjalment żied iż-żmien li jieħdu l-approvazzjonijiet tal-mudelli fil-fażi inizjali. Madankollu, evidenza pprovduta mill-BĊE tissuġġerixxi li dan mhux se jkun aktar il-każ fil-futur qarib. Barra minn hekk, għandu jkun enfasizzat ukoll li l-BĊE jipprovdi valur miżjud reali fir-rigward tal-kwalità tas-superviżjoni tal-mudelli, minħabba l-profondità tal-kompetenza tiegħu b’mod partikolari meta mqabbla ma’ xi NCAs iżgħar. Ukoll, meta mqabbel ma’ NCAs akbar, il-BĊE jista’ jipprovdi superviżjoni mtejba minħabba d-daqs akbar tal-grupp tal-pari tiegħu, li jippermetti valutazzjoni komparattiva aktar iddettaljata tal-mudelli.

Huwa importanti li l-MSU jkun involut mal-EBA bl-għan li jaqsmu prattiki tajbin ma’ awtoritajiet kompetenti mhux taż-Żona tal-Euro, u b’hekk jikkontribwixxu għal konverġenza superviżorja mhux biss fiż-Żona tal-Euro, iżda wkoll fis-suq uniku kollu tal-UE.

Superviżjoni b’mod kostanti ta’ istituzzjonijiet sinifikanti: Proċess ta’ Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorji (SREP)

Il-BĊE rnexxielu japplika fi żmien qasir ħafna SREP (SREP – Supervisory Review and Evaluation Process) unitarju għall-SIs kollha, ibbażat fuq metodoloġija komuni li tinkorpora l-aqwa prattiki. L-eżerċizzji tal-SREP tal-2015 u l-2016 rawmu livelli tal-kapital miżjuda fil-banek, u rrinforzaw aktar l-istabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema bankarja taż-Żona tal-Euro. Barra minn hekk, il-BĊE ta prova li huwa organizzazzjoni adattabbli u li titgħallem billi indirizza nuqqasijiet u inkorpora malajr żviluppi regolatorji fil-metodoloġija tiegħu. F’dan is-sens, il-kisbiet tal-BĊE b’rabta mal-SREP huma notevoli u l-isforzi tal-BĊE jintlaqgħu b’sodisfazzjon kbir.

Il-BĊE għandu jibqa’ jinvolvi ruħu b’mod kostruttiv mal-Kummissjoni u l-EBA meta jiżviluppa ulterjorment il-metodoloġiji u l-proċessi tiegħu, speċjalment fir-rigward tal-applikazzjoni tal-gwida tal-Pilastru 2. Barra minn hekk, il-BĊE huwa mistieden jinkorpora fil-metodoloġija tal-SREP tiegħu r-rispons mogħti mill-EBA fil-kuntest tal-ħidma ta’ valutazzjoni ta’ konverġenza tiegħu.

Ir-rieżami tad-deċiżjonijiet tal-SREP mill-funzjonijiet orizzontali tal-BĊE jippermetti applikazzjoni konsistenti tal-SREP u jikkontribwixxi għall-kisba ta’ riżultati tal-SREP simili għal istituzzjonijiet simili. Huwa importanti li jinżamm bilanċ tajjeb u li t-tiftixa għall-konsistenza ma twassalx għal restrizzjoni tar-riżultati f’faxxa ristretta ħafna li tinjora n-natura speċifika għall-banek tal-SREP. Barra minn hekk, il-BĊE huwa mħeġġeġ itejjeb il-komunikazzjoni mal-NCAs fir-rigward tal-metodi użati sabiex jiġu aġġustati deċiżjonijiet tal-SREP proposti mill-JSTs fuq livell orizzontali.

B’mod partikolari: il-possibbiltà ta’ influwenza fuq ir-riżerva tal-banek għal self improduttiv

Fl-aħħar nett, il-BĊE huwa mħeġġeġ japplika l-varjetà kbira sħiħa ta’ setgħat superviżorji sabiex jippermetti t-trattament tar-riskji permezz tal-aktar għodod superviżorji adattati. Setgħat eżistenti jinkludu l-possibbiltà għall-awtorità kompetenti li tinfluwenza livell ta’ riżerva ta’ bank fil-limiti tal-qafas ta’ kontabbiltà applikabbli u li tapplika l-aġġustamenti meħtieġa (deduzzjonijiet u trattamenti simili) fil-każ li, pereżempju, ir-riżerva tal-kontabbiltà ma tkunx biżżejjed minn perspettiva superviżorja 8 . Dan huwa importanti b’mod partikolari fil-kuntest tal-indirizzar tas-self improduttiv, kif misħuq mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar is-self improduttiv 9 .

Superviżjoni b’mod kostanti ta’ istituzzjonijiet sinifikanti: Infurzar u sanzjonar

Matul il-fażi tal-bidu tiegħu, il-BĊE ffoka li jikseb għarfien tas-sitwazzjoni prudenzjali ta’ entitajiet taħt superviżjoni, u kienu relattivament ftit l-okkażjonijiet li fihom eżerċita s-setgħat tiegħu ta’ sanzjonar u infurzar. L-effettività tal-qafas ta’ sanzjonar u infurzar għalhekk jeħtieġ li tiġi vvalutata aktar mill-qrib ladarba tiġi akkumulata esperjenza prattika aktar estensiva. Sabiex il-qafas ta’ sanzjonar jiġi implimentat b’mod effettiv, huwa kruċjali li kemm il-BĊE kif ukoll l-NCAs ikomplu jikkooperaw in bona fide.

Xi asimetriji ovvji (bħall-ambitu differenti ta’ setgħat ta’ sanzjonar b’differenza għal setgħat superviżorji), in-nuqqas ta’ sett komuni ta’ miżuri ta’ infurzar u sanzjonar, kif ukoll marġni wiesa’ fl-interpretazzjoni ta’ regoli ta’ sanzjonar tal-UE eżistenti diġà jistgħu jiġu osservati. Dawn għandhom il-potenzjal li jkollhom effett fuq il-kundizzjonijiet ekwi u jeħtieġ li jiġu mmonitorjati mill-qrib fir-rigward tal-implikazzjonijiet għall-effettività tat-twettiq ta’ kompiti superviżorji tal-BĊE.

Sorveljanza tas-superviżjoni tal-LSIs mill-NCAs

Is-settur tal-LSI huwa varjat ħafna u tħalla apposta taħt is-superviżjoni diretta tal-NCAs, bil-BĊE inkarigat mis-sorveljanza tal-kondotta tas-superviżjoni mill-NCAS sabiex jiżgura konsistenza ta’ riżultati superviżorji u applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin. Ir-rwol ta’ sorveljanza tal-BĊE huwa strumentali sabiex tissawwar tali kondotta sa tali punt li jiżgura implimentazzjoni koerenti u konsistenti ta’ regoli prudenzjali. Il-BĊE jista’ jieħu f’idejh superviżjoni diretta tal-LSIs, meta jkun meħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin. Minħabba dan il-qafas, il-BĊE għandu jsib bilanċ bejn armonizzazzjoni minn naħa waħda u flessibbiltà u proporzjonalità min-naħa l-oħra. L-armonizzazzjoni tfisser l-iżgurar ta’ livell suffiċjenti ta’ konverġenza fir-rigward tal-approċċ superviżorju applikat għal-LSIs fi Stati Membri parteċipanti u bejn LSIs u SIs fi Stati Membri parteċipanti. Dan jimplika l-iżvilupp ta’ approċċi komuni għas-superviżjoni tal-LSIs f’kompetenzi ewlenin tal-NCAs.

Il-flessibbiltà u l-proporzjonalità jfissru li l-NCAs huma kapaċi jadattaw l-attivitajiet superviżorji tagħhom għad-daqs, il-kumplessità u r-riskju tal-istituzzjonijiet rispettivi. F’dan il-kuntest, b’mod partikolari l-isforzi tal-BĊE li jiżviluppa metodoloġija SREP għal-LSIs li hija bbażata fuq il-metodoloġija SREP għall-SIs, iżda tinkorpora karatteristiċi li jippermettu l-proporzjonalità u l-flessibbiltà superviżorja, jintlaqgħu b’sodisfazzjon kbir.

Twettiq ta’ funzjonijiet makroprudenzjali

Is-setgħat u għodod makroprudenzjali fis-CRD-CRR huma relattivament ġodda, b’esperjenza limitata akkwistata minn NCAs u awtoritajiet maħtura fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom. Is-setgħat makroprudenzjali addizzjonali tal-BĊE jistgħu jiġu vvalutati b’mod tajjeb biss fil-kuntest ta’ analiżi aktar estensiva tal-użu tas-setgħat makroprudenzjali minn awtoritajiet nazzjonali. F’dan l-istadju ma jidhirx li hemm ostakli ewlenin għall-BĊE sabiex jipparteċipa fil-koordinazzjoni ta’ miżuri makroprudenzjali fl-Unjoni Bankarja, u lanqas għall-eżerċitar tas-setgħat supplimentari tiegħu. Skedi taż-żmien għall-proċeduri jippreżentaw sfida kbira, iżda — bħal f’ċirkostanzi oħrajn — jistgħu jiġu ġestiti permezz ta’ kooperazzjoni f’waqtha xierqa.

Madankollu hemm ċerti mistoqsijiet miftuħa fir-rigward tal-ambitu ta’ għodod makroprudenzjali, kif ukoll l-interazzjoni bejn għodod varji li jistgħu jintużaw għal skopijiet makroprudenzjali u l-kompetenzi korrispondenti tal-awtoritajiet rilevanti. Aspett wieħed, jiġifieri l-użu tal-miżuri tal-Pilastru 2 għal skopijiet makroprudenzjali qiegħed attwalment jiġi kkunsidrat mill-koleġiżlaturi, abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni ta’ Novembru 2016 dwar ir-reviżjoni tas-CRD, li l-bidliet proposti fiha jipprevedu l-projbizzjoni tal-użu ta’ rekwiżiti tal-Pilastru 2 għall-indirizzar ta’ riskji makroprudenzjali u sistemiċi.

D. Relazzjoni ma’ korpi rilevanti oħra

Fit-twettiq tar-responsabbiltajiet superviżorji tiegħu, il-BĊE jinteraġixxi mill-qrib ma’ entitajiet Ewropej u internazzjonali oħra. Il-kooperazzjoni effettiva hija meħtieġa sabiex ikun żgurat li l-MSU jeżerċita l-mandat tiegħu filwaqt li jikkontribwixxi għal ġestjoni effettiva tal-kriżijiet bankarji u għal konverġenza superviżorja usa’ fil-livell tal-UE u internazzjonali. Ir-raba’ tema tar-rieżami tal-Kummissjoni hija l-iffukar fuq l-interazzjoni bejn il-BĊE u l-EBA, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), dawk li jiffissaw l-istandards internazzjonali (il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja – FSB u l-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja – BCBS), u l-Kummissjoni Ewropea minħabba r-rwol tagħha f’rabta mal-kwistjonijiet koperti mill-MSU u dawn il-korpi l-oħra.

Interazzjoni mal-Awtorità Bankarja Ewropea – konverġenza superviżorja u testijiet tal-istess

Ir-Regolament MSU ma bidilx ir-rwol u s-setgħat tal-BĊE, li jibqa’ dak ta’ aġenzija regolatorja responsabbli mit-tlestija u mill-ġestjoni tal-Ġabra Unika tar-Regoli tas-settur bankarju fl-UE, kif ukoll mill-iżgurar tal-applikazzjoni konsistenti tal-Ġabra Unika tar-Regoli. Il-BĊE huwa obbligat li jikkonforma mar-regoli tal-EBA. Madankollu, għandu jkun rikonoxxut li l-BĊE jkollu jimplimenta r-regoli tal-EBA permezz tal-istrumenti tiegħu stess, u dan jaf ikollu effett fuq l-EBA minħabba l-applikazzjoni estiża tal-istrumenti tal-BĊE għal 19-il Stat Membru. Huwa rrakkomandat li fir-regoli tiegħu stess, inklużi dawk adottati fil-forma ta’ Regolamenti, il-BĊE jirreferi għar-regoli korrispondenti tal-EBA jew għal flussi ta’ xogħol tal-EBA kontinwi rilevanti. Huwa rrakkomandat ukoll li l-BĊE jikkoordina mill-qrib l-inizjattivi ta’ implimentazzjoni tiegħu stess fir-rigward kemm tal-kontenut kif ukoll tal-iskeda taż-żmien ma’ dawk tal-EBA. Barra minn hekk, sabiex ikunu evitati duplikar u inkonsistenzi fl-interpretazzjoni tal-Ġabra Unika tar-Regoli, il-BĊE huwa mistieden sabiex jikkoopera mill-qrib mal-EBA u jagħmel kull sforz sabiex jevita li l-għodda tiegħu stess għall-Mistoqsijiet u Tweġibiet tkopri kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati mill-EBA jew tikkontradixxi risposti diġà mogħtija mill-EBA.

L-intenzjoni tal-BĊE li jiżgura konformità sħiħa tal-MSU mal-Linji Gwida u mar-Rakkomandazzjonijiet tal-EBA tintlaqa’ b’sodisfazzjon. Il-BĊE huwa mħeġġeġ ikompli jistinka għal konformità sħiħa mal-Linji Gwida u r-rakkomandazzjonijiet tal-EBA, inkluż mar-rispons mill-ħidma ta’ konverġenza tal-EBA.

Fl-istess ħin, l-introduzzjoni tal-MSU pprovdiet opportunità għal progress aktar mgħaġġel fl-insegwiment ta’ konverġenza superviżorja. Il-BĊE ta’ spiss jiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ pożizzjonijiet bejn l-NCAs tal-MSU fl-iżvilupp ta’ riżultati regolatorji tal-EBA, u jipprovdi kompetenza ta’ valur fil-livelli kollha tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-BĊE huwa mħeġġeġ li jkun proattiv b’mod konsistenti fil-flussi tax-xogħol kollha tal-EBA, speċjalment fejn dan huwa mitlub espliċitament mill-EBA.

Il-BĊE huwa wkoll involut mill-qrib fil-kuntest tat-test tal-istress fl-UE kollha. Ladarba l-istress test huwa eżerċizzju konġunt li fih ir-responsabbiltajiet jitqassmu b’mod ċar, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti (inkluż il-BĊE) u l-EBA jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin.

Kooperazzjoni mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku – konverġenza makroprudenzjali

Il-kooperazzjoni bejn il-BĊE fil-kapaċità superviżorja tiegħu u l-BERS hija meħtieġa sabiex tkun żgurata koerenza bejn il-kompiti tal-BĊE u l-koordinazzjoni makroprudenzjali kumplessiva tal-UE fil-BERS. L-interazzjoni u kooperazzjoni bejn il-kumitati tekniċi tal-BERS u l-MSU tjiebet matul iż-żmien, speċjalment fir-rigward ta’ skambju ta’ informazzjoni u l-evitar ta’ duplikazzjoni tax-xogħol, iżda l-ambitu u l-fokus tagħhom jibqgħu differenti. Ir-rieżami tar-Regolamenti BERS 10 jipproponi li tiġi fformalizzata r-rappreżentanza istituzzjonali tal-BĊE fil-kapaċità superviżorja tiegħu fl-istruttura ta’ governanza tal-BERS u li tittejjeb aktar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom.

Kooperazzjoni mal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni – intervent bikri u skattar tar-riżoluzzjoni

Sa minn mindu, f’Jannar 2016, l-SRB ġie stabbilit bħala l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni Bankarja, il-MSU u l-SRB iridu jikkooperaw mill-qrib. Ġie ffirmat Memorandum ta’ Qbil li jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni meħtieġa sabiex l-SRB jipprepara u jieħu azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni. L-azzjonijiet fl-2017 fir-rigward ta’ diversi banek inadempjenti wrew li l-kooperazzjoni ħadmet tajjeb. L-esperjenza minn każijiet reċenti se tgħin lill-atturi kollha involuti biex itejbu aktar l-applikazzjoni prattika tar-regoli u t-tħaddim tas-sistema. Fost il-kwistjonijiet li jinvolvu l-MSU, dan jikkonċerna pereżempju l-modalitajiet prattiċi tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-entitajiet Ewropej u nazzjonali kollha involuti fl-intervent bikri u fir-riżoluzzjoni, fil-proċeduri li jwasslu għal deċiżjoni dwar jekk bank hux qed ifalli jew probabbilment se jfalli u fl-użu ta’ analiżijiet tal-kwalità tal-assi sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għal rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja jkunux ġew issodisfati. Fid-dawl ta’ aktar esperjenza li kulma jmur qed tinkiseb fil-prattika, huwa importanti li l-qafas ta’ kooperazzjoni jkun ivvalutat b’mod kostanti u jittejjeb, jekk ikun hemm bżonn. Il-Kummissjoni se tibqa’ tikkoordina mal-MSU u mal-SRB għal dawn il-finijiet, fir-rigward tat-tħaddim kumplessiv tal-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni, u inkluż ukoll mill-perspettiva tal-qafas tal-UE għall-għajnuna mill-Istat.

Meta jkunu ppjanati miżuri ta’ intervent bikri biex jittieħdu mill-BĊE fir-rigward ta’ istituzzjoni taħt superviżjoni li l-SRB ikun l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tagħha, tali miżuri għandhom ikunu notifikati lill-SRB, li jista’ jħejji r-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata u flimkien mal-BĊE, iwettaq monitoraġġ mill-qrib tal-konformità mal-miżuri ta’ intervent bikri. Ġew osservati xi inkonsistenzi fil-qafas ġuridiku għall-miżuri ta’ intervent bikri u dawn jistgħu jkunu indirizzati billi jiġi ċċarat l-użu tas-setgħat ta’ intervent bikri meta dawn ikunu sovrapposti fuq is-setgħat superviżorji. Barra minn hekk, jista’ jkun previst li s-setgħat ta’ intervent bikri jiġu stipulati direttament fir-Regolament li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, sabiex il-BĊE jkun jista’ juża s-setgħat previsti fil-liġi direttament applikabbli tal-Unjoni. Sakemm isiru tali kjarifiki fil-liġi, inkluż dwar il-każijiet li jiskattaw intervent bikri, huwa rrakkomandat li l-BĊE jiżviluppa l-istrateġija ta’ ġestjoni ta’ kriżi tiegħu, speċjalment billi jiddefinixxi ċ-ċirkostanzi li jeħtieġu miżuri ta’ intervent bikri, u jikkomunika b’mod ċar lill-SRB il-miżuri kollha indirizzati lill-istituzzjonijiet b’sitwazzjoni finanzjarja li sejra għall-agħar, sabiex jingħata lok għal kooperazzjoni aktar effettiva.

Fl-aħħar nett, il-BĊE bħala l-awtorità kompetenti għandu s-setgħa li jiddetermina meta istituzzjoni taħt is-superviżjoni tiegħu tkun qed tfalli jew probabbilment se tfalli (FOLF – failing or likely to fail). Iddeterminar bħal dan huwa prekundizzjoni għall-iskattar tar-riżoluzzjoni, u l-mod ta’ kif dan jiġi eżerċitat għandu jkun eżaminat fir-rieżamijiet tal-SRM fil-futur.

Parteċipazzjoni fil-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u l-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja – konverġenza regolatorja internazzjonali

Jintlaqa’ b’sodisfazzjon li l-BĊE kiseb u qed juża b’mod attiv l-istatus ta’ sħubija tiegħu fl-FSB u l-BCBS, il-korpi li jiffissaw l-istandards internazzjonali rilevanti. F’din il-kapaċità, il-BĊE jista’ jikkontribwixxi b’mod attiv għall-iffissar tal-istandards internazzjonali rilevanti għas-settur bankarju b’mod aktar influwenti mill-EBA jew mill-Kummissjoni, li għandhom biss status ta’ osservaturi fil-BCBS. Il-kisba ta’ allinjament sħiħ tal-input tal-membri Ewropej f’Basel tibqa’ xorta waħda sfida, iżda l-isforzi tal-BĊE f’dan ir-rigward, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, huwa importanti u għaldaqstant għandu jitħeġġeġ.

E. Il-kosteffettività tal-MSU

Din it-taqsima tiffoka fuq il-kosteffettività tal-MSU, filwaqt li tivvaluta l-iżviluppi fl-effettività tal-proċess superviżorju u fil-kostijiet tas-superviżjoni fl-ewwel snin ta’ eżistenza tal-MSU.

Għal analiżi aktar fundamentali tal-kontribuzzjoni tal-MSU għall-funzjonament mingħajr intoppi tas-suq uniku, ikun jenħtieġ perjodu itwal ta’ osservazzjoni. Madankollu, minkejja l-isfidi inerenti fl-ewwel snin tal-funzjonament tal-MSU, il-maġġorparti tal-banek taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE raw titjib fil-kwalità tas-superviżjoni fl-2015, b’mod partikolari f’termini ta’ konsistenza superviżorja minn entità għall-oħra ta’ grupp bankarju. L-iżvilupp pożittiv ġie kkonfermat ukoll mill-NCAs, li osservaw titjib notevoli fil-funzjonament tal-kulleġġi superviżorji bis-saħħa tat-tmexxija effettiva tal-BĊE. Apparti minn hekk, l-istituzzjonijiet sinifikanti indikaw interazzjonijiet imtejba mal-BĊE fl-2016.

Fl-istess waqt, it-tariffi superviżorji żdiedu minn mindu beda l-MSU billi l-kontribuzzjonijiet sabiex jinġemgħu r-riżorsi fil-livell tal-BĊE mhumiex ibbilanċjati bi tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet għar-riżorsi u l-kostijiet fl-NCAs. Apparti hekk, fl-2016, it-tariffi żdiedu ftit meta mqabbla mal-2015, xhieda ta’ livelli ogħla ta’ persunal fil-BĊE.

Il-qafas attwali għat-tariffi superviżorji jipprevedi mod ċar, trasparenti u sempliċi ta’ distribuzzjoni tat-tariffi lill-istituzzjonijiet taħt superviżjoni. L-użu tal-medja tal-assi tal-banek ipponderati għar-riskju u tal-assi totali bħala kriterju ta’ distribuzzjoni tat-tariffi fost il-banek taħt superviżjoni huwa l-aħjar mod peress li għad baqa’ inċertezzi rigward kemm tassew il-ponderazzjonijiet tar-riskju applikati mill-banek jirriflettu l-istat ta’ riskju effettiv tagħhom. Il-metodoloġija tat-tariffi attwali tal-BĊE tipprevedi proporzjonalità billi taqsam il-baġit għall-SIs u għal-LSIs skont l-allokazzjoni tal-kostijiet. Dan il-qsim tal-baġit żgura li t-tariffi, bħala sehem tal-assi totali mħallsa, ikunu bejn wieħed u ieħor darbtejn aktar baxxi għal-LSIs milli għall-SIs.

Il-BĊE, fir-rieżami li jmiss tiegħu, tal-metodoloġija tat-tariffi, għandu jikkunsidra jekk tistax tiġi introdotta aktar proporzjonalità, pereż. billi possibbilment issir distinzjoni bejn l-LSIs bi prijorità għolja, li s-superviżjoni tagħhom tuża aktar riżorsi, u LSIs oħra.

Qiegħed jiġi nnutat li l-BĊE implimenta sistema ta’ kejl tal-prestazzjoni funzjonanti, li tippermetti li jkun intraċċat il-progress miksub fi proċessi superviżorji differenti u proċessi interni oħra, u tipprovdi bażi meħtieġa għall-valutazzjoni tal-effiċjenza u tal-effettività fir-rigward tal-kostijiet. Din hija inizjattiva ta’ min wieħed ifaħħarha li tista’ tittejjeb aktar sabiex tinkludi l-aspetti kollha tal-attivitajiet superviżorji tal-BĊE u eventwalment tinkludi anki l-NCAs.

III. Konklużjonijiet

Abbażi tal-analiżi riflessa f’dan ir-rapport kif ukoll fid-dokument ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah, ir-rieżami tal-Kummissjoni tindika li t-twaqqif tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, b’mod kumplessiv, kien ta’ suċċess. Fl-istadju inizjali setgħu jiġu osservati ċerti diffikultajiet organizzazzjonali, iżda l-BĊE u l-NCAs ġestewhom b’mod tajjeb, filwaqt li wrew kapaċità għolja ta’ reazzjoni u ta’ adattament.

Il-BĊE, bl-appoġġ tal-NCAs, stabbilixxa l-proċeduri u l-għodod meħtieġa li ppermettew it-trasferiment mingħajr intoppi tal-kompetenzi ta’ superviżjoni fuq l-SIs u l-eżerċitar mill-BĊE tal-funzjonijiet ta’ koordinazzjoni u sorveljanza tiegħu. Abbażi ta’ tali qafas, il-BĊE ħa kompletament f’idejh ir-rwol superviżorju tiegħu u f’sentejn irnexxielu jistabbilixxi fama tajba bħala awtorità superviżorja effettiva u rigoruża. Dan jirrappreżenta kisba notevoli speċjalment fil-kuntest fejn l-iskedi taż-żmien kienu jippreżentaw sfida kbira u r-realtajiet superviżorji sottostanti tad-19-il Stat Membru parteċipanti kienu varjati ħafna.

Filwaqt li jibni fuq l-istruttura ta’ governanza tal-BĊE kif stipulata fit-Trattat, ir-Regolament MSU kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet effikaċji li jirriflettu l-karatteristiċi tal-MSU. Wieħed jittama li dan l-aspett se jittejjeb ferm bis-saħħa tal-qafas ta’ delega l-ġdid li se jippermetti l-adozzjoni minn livelli intermedji ta’ maniġment fil-BĊE ta’ deċiżjonijiet ta’ rutina jew superviżorji li għandhom impatt aktar baxx.

Ma nstabet l-ebda kwistjoni kbira marbuta mal-indipendenza tal-BĊE. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ separazzjoni, il-BĊE għandu jiżgura li jkun hemm is-salvagwardji kollha fis-seħħ u li dawn ikunu applikati, speċjalment fir-rigward ta’ servizzi li fuqhom hija msejsa kemm il-funzjoni superviżorja tal-BĊE kif ukoll il-funzjonijiet l-oħra kollha mwettqa mill-BĊE. Il-BĊE huwa wkoll mistieden jiżgura l-involviment xieraq tal-Bord Superviżorju fit-teħid ta’ deċiżjonijiet makroprudenzjali.

Din il-fażi inizjali tal-MSU kienet importanti sabiex tinkiseb il-fiduċja tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Sabiex tiġi stabbilita tali fiduċja, il-BĊE fil-kapaċità superviżorja tiegħu ġie vvalutat kemm-il darba u nżamm responsabbli minn korpi politiċi, ġudizzjarji u amministrattivi. L-użu ta’ mekkaniżmi sabiex il-BĊE jinżamm responsabbli kien intens u regolari, u ma weriex nuqqasijiet kbar fil-mod li bih il-BĊE jwettaq il-kompiti superviżorji tiegħu. Irriżulta ċertu nuqqas ta’ qbil dwar l-ambitu tal-mandat tal-QEA li twettaq rieżami tal-BĊE – kwistjoni li hija mistennija li tissolva permezz ta’ impenn iddikjarat għal kooperazzjoni aħjar fil-kuntest tat-tieni rieżami li se jitwettaq mill-QEA.

Waħda mid-dimensjonijiet fundamentali tal-MSU hija l-interazzjoni bejn il-BĊE u l-NCAs. Apparti minn ftit inċertezzi inizjali fir-rigward tas-setgħat superviżorji stabbiliti fil-liġi nazzjonali, ma ġiet identifikata l-ebda problema kbira li taffettwa d-distribuzzjoni tal-kompiti u tar-responsabbiltajiet fir-Regolament MSU. Fil-prattika, il-kooperazzjoni tinsab f’evoluzzjoni gradwali, bil-fiduċja bejn id-diversi partijiet li qed tinbena progressivament b’mod parallel ma’ dejjem aktar esperjenzi kondiviżi. L-NCAs fi Stati Membri parteċipanti wrew ir-rieda tagħhom li jikkooperaw b’mod effiċjenti mal-BĊE u jgħinu fl-iżvilupp ta’ politiki superviżorji u fl-implimentazzjoni ta’ atti superviżorji. Il-kooperazzjoni in bona fide bejn il-BĊE u l-NCAs hija essenzjali u l-partijiet kollha huma mistiedna jkomplu jikkooperaw b’mod leali.

Ir-relazzjoni bejn il-BĊE u l-EBA tikkostitwixxi aspett importanti ieħor tal-funzjonament tal-MSU fil-kuntest tas-suq intern. Dan ir-rieżami osserva dinamika pożittiva ta’ interazzjoni li hija ta’ benefiċċju reċiproku, u tinkoraġġixxi lill-BĊE sabiex ikompli jikkoopera u jikkoordina mal-EBA, speċjalment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ġabra unika tar-regoli.

L-effettività tas-superviżjoni tal-banek taż-Żona tal-Euro diġà marret għall-aħjar fl-ewwel snin ta’ funzjonament tal-MSU. Għall-SIs, il-qafas regolatorju huwa aktar armonizzat, u s-superviżjoni hija bbażata fuq metodoloġiji komuni applikati b’mod konsistenti. Il-kwalità tas-superviżjoni hija perċeputa li żdiedet b’rabta ma’ għadd ta’ oqsma superviżorji ewlenin, speċjalment l-SREP, il-mudelli interni, il-valutazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità u l-funzjonament tal-kulleġġi. Il-BĊE ħa wkoll passi importanti fl-armonizzazzjoni ta’ prattiki superviżorji għal-LSIs, iżda huwa meħtieġ aktar żmien sabiex jiżdied il-livell ta’ armonizzazzjoni u jkun promoss l-użu ta’ l-aqwa prattiki komuni fis-superviżjoni tal-LSIs. B’mod ġenerali, hemm impatt pożittiv fuq il-kundizzjonijiet ekwi bejn SIs fl-Istati Membri parteċipanti, kif ukoll bejn SIs u LSIs fi Stati Membri parteċipanti. Barra minn hekk, minħabba l-evalwazzjoni pożittiva ħafna tar-rwol tal-BĊE fil-kulleġġi superviżorji u l-kontribuzzjonijiet sostanzjali tiegħu għad-diskussjonijiet fl-EBA, hemm effetti kollaterali pożittivi fis-suq intern kollu.

B’mod ġenerali, l-applikazzjoni tar-Regolament MSU tidher li qed taħdem sew fil-prattika, bl-ebda tibdil ewlieni meħtieġ fil-qafas ġuridiku f’dan l-istadju. In-nuqqasijiet innutati f’dan ir-rapport jistgħu jitranġaw primarjament permezz ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-BĊE jew permezz ta’ emendi tal-liġijiet tal-Unjoni rilevanti li attwalment qed jiġu diskussi mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-kuntest tal-Proposti li saru mill-Kummissjoni f’Novembru 2016. Ladarba tinkiseb aktar esperjenza vis-à-vis l-MSU, se jkun hemm bżonn ta’ valutazzjoni f’aktar dettall u monitoraġġ ulterjuri ta’ ċerti aspetti tal-applikazzjoni tar-Regolament MSU.

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pilastru superviżorju tal-Unjoni Bankarja ġie stabbilit b’suċċess, jaħdem sew u jagħti prova tal-effettività tiegħu. Il-MSU jirrappreżenta element solidu u affidabbli tal-Unjoni Bankarja li jista’ jagħti prova tal-potenzjal sħiħ tiegħu fil-kuntest ta’ Unjoni Bankarja kompluta.

(1) https://ec.europa.eu/commission/state-union-2017_mt   
(2) https://ec.europa.eu/commission/publications/five-presidents-report-completing-europes-economic-and-monetary-union_mt
(3) L-NCAs ilmentaw dwar ir-riżorsi li jeħtieġ li jiddedikaw għall-preparazzjoni tal-pożizzjoni tagħhom għall-Bord Superviżorju u l-Kunsill Governattiv dwar kwistjonijiet li mhuma rilevanti xejn mill-perspettiva tagħhom u li qabel kienu jiġu indirizzati fil-livell ta’ maniġment intermedju fl-organizzazzjonijiet tagħhom.
(4) Id-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta’ setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma’ kompiti superviżorji (BĊE/2016/40); Id-Deċiżjoni (UE) 2017/934 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Novembru 2016 dwar id-delegazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza ta’ entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2016/41); Id-Deċiżjoni (UE) 2017/935 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Novembru 2016 dwar id-delegazzjoni tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet ta’ kompetenza u idoneità u l-evalwazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ kompetenza u idoneità (BĊE/2016/42); Id-Deċiżjoni (UE) 2017/936 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2017 li tinnomina kapijiet ta’ unitajiet ta’ xogħol biex jadottaw deċiżjonijiet dwar kompetenza u idoneità (BĊE/2017/16); Id-Deċiżjoni (UE) 2017/937 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2017 li tinnomina kapijiet ta’ unità ta’ ħidma biex jadottaw deċiżjonijiet iddelegati dwar is-sinifikanza ta’ entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2017/17).
(5) Din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata reċentement mill-QtĠ. li enfasizzat li l-eżerċitar mill-NCAs ta’ superviżjoni prudenzjali diretta ta’ LSIs “huwa rregolat mill-BĊE li, skont l-Artikolu 6(5)(a) u (b) tar-Regolament Bażiku [ir-Regolament MSU], għandu s-setgħa, minn naħa, li jikkomunika lill-imsemmija awtoritajiet ‘regolamenti, linji gwida jew struzzjonijiet ġenerali lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, skont liema l-kompiti definiti fl-Artikolu 4 [tal-imsemmi Regolament] ... jitwettqu’ u, min-naħa l-oħra, li jneħħi s-setgħa minn awtorità nazzjonali ‘[billi] jiddeċiedi li jeżerċita direttament hu stess is-setgħat rilevanti kollha għal istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar’.” Ara l-Kawża T-122/15, is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tas-16 ta’ Mejju 2017 Landeskreditbank Baden-Württemberg - Förderbank vs il-Bank Ċentrali Ewropew, il-paragrafu 24.
(6) Bħal pereżempju, fir-rigward tal-arranġamenti tranżizzjonali għall-kalkoli tal-fondi proprji taħt is-CRR.
(7) Speċjalment fil-każ ta’ eżenzjonijiet transfruntiera fir-rigward tal-likwidità.
(8) Tali setgħat huma stipulati fl-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament MSU, li għandu l-istess kliem bħall-Artikolu 104(1)(d) tas-CRD. Dawn ma jirrigwardawx setgħat ta’ kontabbiltà li jippermettu lill-BĊE jimponi dispożizzjoni speċifika, iżda jippermettu lill-BĊE jinfluwenza l-politika ta’ riżerva ta’ bank fil-limiti tal-istandards ta’ kontabbiltà, pereżempju meta tali qafas jippermetti flessibbiltà fl-għażla ta’ politiki jew jeħtieġ stimi soġġettivi, u l-implimentazzjoni speċifika magħżula mill-istituzzjoni ma tkunx adegwata jew prudenti biżżejjed minn perspettiva superviżorja. Barra minn hekk, dawn jippermettu lill-BĊE jitlob lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex japplikaw aġġustamenti speċifiċi (deduzzjonijiet, filtri jew miżuri simili) għal kalkoli ta’ fondi proprji fil-każijiet li fihom it-trattament tal-kontabbiltà applikat mill-bank ikun ikkunsidrat mhux prudenti minn perspettiva superviżorja.
(9) Pjan ta’ azzjoni biex jiġi indirizzat is-self improduttiv fl-Ewropa – il-konklużjonijiet tal-Kunsill (il-11 ta’ Lulju 2017), http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11173-2017-INIT/mt/pdf
(10) Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (“Regolament BERS”) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (“ir-Regolament BĊE/BERS”). Fl-20 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi li jipproponu l-formalizzazzjoni tar-rwol tal-Bord Superviżorju tal-BĊE fil-BERS. Ara https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiatives/com-2017-538_mt.