Strasburgu, 3.10.2017

COM(2017) 573 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Għajnuna għall-investiment permezz ta' valutazzjoni volontarja ex-ante tal-aspetti tal-akkwist f'każijiet ta' proġetti infrastrutturali kbar


1.Introduzzjoni

Il-prijorità ewlenija tal-UE hija l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività, li jfisser li jiġi stimulat l-investiment fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Din il-Komunikazzjoni hija dwar l-għajnuna lill-awtoritajiet pubbliċi biex jimmaniġġjaw proġetti kbar ta’ akkwist, irrispettivament minn jekk humiex iffinanzjati mill-Unjoni jew le, bl-aktar mod effiċjenti possibbli, sabiex jiġi ottimizzat il-valur għal min iħallas it-taxxa, tinbena infrastruttura ta’ kwalità għolja, u jiġu massimizzati l-impjiegi u t-tkabbir. Għal dan il-għan, il-Kummisjoni se tħaddem mekkaniżmu fuq tliet pilastri biex jiġu appoġġati dawn l-awtoritajiet pubbliċi fl-applikazzjoni tagħhom tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist.

Minn meta ħadet il-kariga l-Kummissjoni Ewropea attwali, f’Novembru 2014, hija poġġiet l-investiment fiċ-ċentru tal-attenzjoni, bl-introduzzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. Dan jinkludi l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), li l-għan tiegħu huwa li jimmobilizza
EUR 315 biljun sa nofs l-2018, bl-użu ta’ garanziji pubbliċi biex jattira u jassigura l-investiment privat fi proġetti ewlenin. Kruċjali għas-suċċess tal-Pjan huwa li jneħħi l-ostakli għall-investiment, li tinkiseb prevedibbiltà regolatorja akbar u li tingħata għajnuna teknika għal proġetti ta’ investiment.

Minħabba s-suċċess bikri tal-Pjan fit-twassil tar-riżultati, fl-2016 il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li testendi d-durata tiegħu, iżżid il-kapaċità tiegħu u ssaħħu permezz ta’ żieda fl-assistenza teknika filwaqt li jitneħħew l-ostakoli għall-investiment fis-Suq Uniku 1 . Il-proposta ta’ Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku (FEIS 2.0) 2 għandha tgħin biex tagħti spinta lill-ekonomija tal-UE b’mod sinifikanti. Il-FEIS ma jimmirax biss li jżid l-investiment totali mobilizzat għal mill-inqas EUR 500 biljun sa tmiem l-2020, iżda li jtejjeb ukoll il-kopertura ġeografika tiegħu u jsaħħaħ l-adozzjoni f’reġjuni inqas żviluppati u ta’ tranżizzjoni. Dan huwa kruċjali għall-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività fl-Ewropa fil-futur.

Fl-istess ħin, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) ssostni l-konnettività tal-UE fis-setturi tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni, bl-iffinanzjar ta’ proġetti f’Netwerk Trans-Ewropej. Sa mill-2014 ġew investiti EUR 25 biljun li rriżultat f’madwar EUR 50 biljun ta’ investiment f’infrastruttura ġenerali tal-UE.

Li jiġi attirat l-investiment privat huwa essenzjali, bħalma huwa l-użu tal-akkwist pubbliku bl-aktar mod effettiv u effiċjenti possibbli. L-akkwist pubbliku jirrappreżenta madwar 14 % tal-PDG tal-UE u l-awtoritajiet pubbliċi jonfqu aktar minn EUR 2 triljuni ta’ flus mit-taxxi tal-kontribwenti Ewropej kull sena. Madankollu l-potenzjal għall-akkwist pubbliku biex jistimula l-impjiegi u t-tkabbir mhuwiex qed jintuża bis-sħiħ.

Il-proċeduri tal-akkwist jiżguraw li l-promutur tal-proġett ikunu jista’ jqabbel l-offerti differenti ħalli jagħżel l-aħjar waħda u jikseb l-aqwa valur għall-flus. Tagħti wkoll il-kunfidenza lill-kumpaniji ħalli jissottomettu l-offerti peress li l-għażla tal-kuntrattur ssir fuq il-bażi ta’ trattament ġust u ugwali. Madankollu, ħafna drabi l-akkwist pubbliku jsir mingħajr l-applikazzjoni tal-ħiliet, l-għarfien tekniku jew il-fehim proċedurali neċessarji 3 .

Bosta proġetti ta’ infrastruttura fuq skala kbira ma jiġux eżegwiti skont il-pjan. Spiss il-baġits ma jiġux rispettati u jinqabżu. L-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ spiss jieħdu konsiderevolment aktar żmien milli kien previst fil-bidu 4 .

Hemm bosta raġunijiet għal dan: l-inċertezza dwar il-livell u l-mezz ta’ finanzjament, evalwazzjoni inkompleta jew superfiċjali tal-ħtiġijiet, u bidliet ekonomiċi u politiċi. Il-kumplessità u d-dewmien tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, flimkien ma’ żbalji fil-proċeduri u d-dgħufijiet ta’ ċerti sistemi ta’ akkwist pubbliku tal-Istati Membri 5 għandhom rwol ukoll.

Proġetti kbar transfruntiera li jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet infrastrutturali bejn l-Istati Membri jiffaċċjaw sfida addizzjonali minħabba d-differenzi possibbli bejn l-oqfsa leġiżlattivi nazzjonali. Għalkemm il-maġġoranza tar-regoli tal-akkwist pubbliku ġew armonizzati fil-livell tal-UE, id-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku jippermettu flessibbiltà fil-livell nazzjonali.

Din is-sitwazzjoni trid tinbidel. Din il-Komunikazzjoni toffri xi elementi ewlenin li jikkontribwixxu għal din il-bidla. Kif tħabbar fil-Komunikazzjonijiet dwar l-Istrateġija tas-Suq Uniku 6 u “L-Ewropa tinvesti mill-ġdid” 7 , il-Kummissjoni qed tintroduċi mekkaniżmu fi tliet partijiet għal proġetti infrastrutturali kbar — biex tipprovdi ċarezza u gwida lill-awtoritajiet pubbliċi, u tgħinhom jiskambjaw u jadottaw l-aħjar prattiki. Dan se jgħin biex tittejjeb l-effikaċja tan-nefqa nazzjonali, li hija essenzjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-investiment fl-Ewropa.

Din l-inizjattiva hija waħda mill-pilastri tal-istrateġija tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-effikaċja tal-akkwist pubbliku u tagħmlu aktar strateġiku, biex b’hekk jitħeġġu l-kompetittività, l-impjiegi u t-tkabbir.

Għaldaqstant, il-mekkaniżmu ex-ante huwa parti minn pakkett ta’ akkwist, li jinkludi Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija dwar l-Akkwist Pubbliku, “Nagħmlu l-akkwist effettiv fl-Ewropa u favur l-Ewropa” u Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Professjonalizzazzjoni tal-Akkwist Pubbliku: “Il-bini ta’ struttura għall-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku”. B’mod parallel, qed tiġi mnedija konsultazzjoni dwar abbozz ta’ gwida dwar l-akkwist innovattiv, biex tappoġġja l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda u aktar sostenibbli għas-soċjetajiet tagħna.

Meta l-akkwist ma jkunx ippjanat bir-reqqa, jhedded l-investiment pubbliku

Belt kbira kellha bżonn urġenti ta’ bini mhux residenzjali ġdid. Żviluppatur privat ippropona li jibni l-bini meħtieġ. L-awtoritajiet pubbliċi u l-iżviluppatur daħlu f’kuntratt ta’ kiri tal-bini qabel ma bdew ix-xogħlijiet. Il-ftehim tal-kiri, mingħajr ebda sejħa għal offerti, inkluda r-rekwiżiti dettaljati tal-awtoritajiet pubbliċi rigward il-bini.

Fuq il-bażi ta’ lment ta’ ċittadin, il-Kummissjoni kkonkludiet li, peress li l-proġett kien kopert mir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, huwa kien imissu nħareġ għall-offerti. L-awtoritajiet tal-belt kienu obbligati li jtemmu l-kuntratt tal-kera, jew inkella jiffaċċjaw sanzjonijiet mill-UE. Fl-istess ħin, huma kienu s-suġġett ta’ talbiet għal danni mingħand l-iżviluppatur privat għat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ kiri.

Kieku użaw il-mekkaniżmu propost, l-awtoritajiet setgħu evitaw id-diffikultajiet legali biex ikunu jistgħu jmexxu proġett ekonomikament sod.

2.Mekkaniżmu ex-ante volontarju

L-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jkollhom l-għażla li jużaw il-mekkaniżmu fuq bażi volontarja biex iqajmu mistoqsijiet 8 9 ; mal-Kummissjoni u jirċievu valutazzjoni 10 tal-kompatibbiltà ta’ proġett 11 mal-qafas regolatorju tal-UE qabel ma jieħdu passi importanti, eż. jniedu sejħa għall-offerti għal xogħlijiet ewlenin tal-proġett, jiffirmaw ftehim internazzjonali jew jiddeċiedu li jużaw proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel.

L-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti li jittrattaw fuq skala kbira u, b’mod partikolari, fuq proġetti transkonfinali jistgħu jużaw dan il-mekkaniżmu meta u fejn hemm ħtieġa jew utilità perċepita. Dan se jgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta’ dewmien u spejjeż żejda li jirriżultaw mid-diffikultajiet fi proċessi ta’ akkwist pubbliku.

Il-mekkaniżmu se jgħin biex jiġu żviluppati prattiki tajba fi ħdan il-qafas Ewropew tal-akkwist pubbliku rivedut u mmodernizzat adottat fl-2014 12 . Dan jista’ jkun speċjalment importanti għall-konċessjonijiet, li għall-ewwel darba huma kompletament soġġetti għal skema armonizzata tal-UE.

Il-mekkaniżmu huwa maħsub għat-tipi kollha ta’ proġetti infrastrutturali, b’mod partikolari fis-setturi tat-trasport u l-enerġija, l-ICT u għall-bini mhux residenzjali 13 . Huwa ġeneralment disponibbli ’l fuq minn ċerti limiti 14 . Barra minn hekk, Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex juża l-mekkaniżmu għal xi proġetti ta’ infrastruttura b’valur aktar baxx li huwa jqis ta’ importanza kbira għalih innifsu u/jew għall-UE kollha kemm hi 15 , pereżempju, għal proġetti ta’ interess komuni (PCI) fil-qasam tan-Netwerks Trans-Ewropej.

Il-mekkaniżmu janalizza l-kwistjonijiet fid-dawl tal-qafas Ewropew tal-akkwist pubbliku. Dan se jissuplementa, mhux jieħu post, il-mekkaniżmi nazzjonali eżistenti għal kontrolli ex-ante jew appoġġ. L-awtoritajiet tal-Istati Membri huma responsabbli mid-dimensjoni nazzjonali tal-akkwist pubbliku, u kwalunkwe proġett ikollu jirrispetta l-liġijiet nazzjonali, inklużi, kif applikabbli, il-liġi tal-Unjoni. Il-qrati jew korpi ta’ rimedju tal-Istati Membri huma kompetenti biex jiddeċiedu dwar kwalunkwe kunflitt.

Qabel ma stabbiliet il-mekkaniżmu, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni wiesgħa mal-awtoritajiet nazzjonali, esperti tal-akkwist pubbliku, organizzazzjonijiet tan-negozju, promoturi u partijiet ikkonċernati oħra dwar is-siwi tiegħu u dwar il-parametri differenti. B’mod ġenerali, il-partijiet ikkonċernati appoġġjaw il-mekkaniżmu propost u indikaw ir-rieda tagħhom li jużaw l-għodod differenti. Bosta ssuġġerew li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u li jitbaxxa l-livell limitu. Ġie ppubblikat sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa 16 .

L-għajnuna pprovduta permezz tal-mekkaniżmu se tikkumplimenta l-mekkaniżmi ta’ appoġġ eżistenti bħalma huma ċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (EIAH), l-Assistenza Konġunta ta’ Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej (JASPERS) u l-European PPP Expertise Centre (EPEC). Dawn il-mekkaniżmi japplikaw biss għal proġetti li jibbenefikaw minn, jew li jiffukaw fuq setturi eliġibbli għal appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-Bank Ewropew tal-Investiment, u ma jiffokawx fuq il-kwistjonijiet u l-proċessi tal-akkwist. Pereżempju, ir-rwol ewlieni ta’ JASPERS huwa li jipprovdi għajnuna sakemm il-proġett jiġi sottomess għal evalwazzjoni għal finanzjament mill-UE. L-EPEC jgħin l-awtoritajiet pubbliċi biss meta jkunu beħsiebhom iwettqu l-proġetti tagħhom permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati, b’enfasi fuq il-fondi u l-finanzjament. Ma jassistix fl-għażla tal-aktar mudell xieraq ta’ akkwist, u ma jipprovdix għarfien espert għal proġetti żviluppati b’mod ieħor. Il-mekkaniżmu ex-ante volontarju se jipprovdi mekkaniżmu speċifiku u appoġġ dedikat dwar il-kwistjonijiet kollha tal-akkwist pubbliku matul l-implimentazzjoni tal-proġett. Dan joffri għajnuna komprensiva li tikkumplimenta għodod disponibbli għall-Istati Membri.

Permezz ta’ taħlita ta’ għodod, li kull waħda minnhom għandha l-karatteristiċi speċifiċi tagħha, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-promoturi se jibbenefikaw b’mod konsiderevoli mill-għarfien espert eżistenti fil-każ ta’ proġetti infrastrutturali kbar.

Proġetti ffinanzjati mill-FEIS jew strumenti oħra tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se jibbenefikaw mill-mekkaniżmu flimkien ma’ appoġġ mill-Fond Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investiment. Ħafna minnhom huma proġetti ta’ infrastruttura, bħal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli (eż. wind farms) u proġetti sabiex jittejbu n-netwerks tat-trasport. Il-FEIS ġiet użata wkoll biex tittejjeb l-infrastruttura soċjali. Kwistjonijiet li jittrattaw l-akkwist pubbliku jafu jkunu kruċjali għas-suċċess ta’ dawn il-proġetti.

Fir-rigward tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, il-Kummissjoni ħabbret 17 li se twaqqaf tim ta’ politika ta’ investiment uniku, li jiġbor flimkien lid-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu valutati malajr u b’mod effikaċi proġetti infrastrutturali kbar. L-ewwel passi fit-twaqqif ta’ din il-funzjoni ġà ttieħdu. Il-mekkaniżmu ex-ante li se jagħti kontribut għal dan il-qafas, u se jintegra u jappoġġja din il-funzjoni usa’ ladarba ssir kompletament operattiva. Fl-aħħar nett, jinsabu għaddejjin valutazzjoni 18 u konsultazzjoni pubblika 19 biex jiddeterminaw liema miżuri addizzjonali jistgħu jkunu utli biex jgħinu lill-promoturi ta’ proġetti li jimplimentaw proġetti transfruntiera u proġetti T-TEN oħra.

3.L-istruttura tal-mekkaniżmu ex-ante volontarju

Il-mekkaniżmu se jkollu tliet komponenti:

I.helpdesk,

II.mekkaniżmu ta’ notifika u

III.mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni.

Dawn il-komponenti jistgħu jintużaw indipendentement minn xulxin għal kull proġett.

3.1.Il-helpdesk

Se jkun disponibbli helpdesk għall-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti li jipprovdi gwida, iwieġeb il-mistoqsijiet u jiċċara ċerti kwistjonijiet ta’ akkwist pubbliku fi stadju bikri fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet dwar l-akkwist pubbliku. Il-helpdesk se jkun disponibbli għal proġetti li għandhom valur stmat totali ta’ mill-inqas EUR 250 miljun 20 .

Dan jista’ jkollu rwol importanti għal proġetti transfruntiera biex ikunu mifhuma l-implikazzjonijiet ta’ soluzzjonijiet differenti potenzjali.

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jikkuntattjaw il-helpdesk fuq kwistjonijiet speċifiċi li jiffaċċjaw meta jiġi żviluppat il-pjan ta’ akkwist għal proġett. Dawn il-mistoqsijiet jistgħu, pereżempju, jikkonċernaw:

·il-qafas legali applikabbli tal-UE li jirregola l-proġett: id-direttivi klassiċi dwar l-akkwist jew l-utilitajiet; id-direttiva dwar il-konċessjonijiet, eċċ.

·il-kundizzjonijiet għal esklużjonijiet mid-direttivi;

·il-proċeduri ta’ akkwist li għandhom jintużaw u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom;

·il-kriterji ta' selezzjoni u tal-għoti;

·l-inklużjoni ta’ konsiderazzjonijiet ekoloġiċi, soċjali u innovattivi;

·kif jista’ jiġi implimentat akkwist konġunt skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/24/UE.

Jekk ikun hemm bżonn, l-helpdesk jkompli joffri pariri matul il-proġett, pereżempju dwar kwistjonijiet relatati ma’ proċeduri ta’ għotjiet jew il-possibbiltà li jiġu emendati kuntratti eżistenti. Madankollu, kwalunkwe valutazzjoni dettaljata tal-pjan usa’ ta’ akkwist jew ta’ aspetti speċifiċi għaliha, se ikollha tiġi mmexxija taħt il-mekkaniżmu ta’ notifika. Japplikaw il-kundizzjonijiet tal-mekkaniżmu ta’ notifika.

Il-kwistjonijiet kollha se jeħtieġ li jiġu ppreżentati permezz ta’ sistema elettronika apposta fuq:  https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/pp-large-projects/ . Is-sistema elettronika se tittratta l-iskambji kollha ta’ informazzjoni, kwalunkwe mistoqsijiet u t-tweġibiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ din is-sistema, l-utenti jistgħu jressqu mistoqsijiet addizzjonali jew jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-proġett fi stadju aktar tard. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni sabiex issegwi l-iżvilupp tal-proġett.

Il-Kummissjoni se tagħmel l-almu tagħha biex twieġeb 21 il-mistoqsijiet fi żmien xahar. Tista’, jekk ikun meħtieġ, titlob tagħrif addizzjonali rilevanti għal analiżi, f’liema każ id-data tal-għeluq għar-risposti tiġi estiża.

Ladarba talba tkun magħluqa, verżjoni anonima tal-mistoqsijiet u t-tweġibiet tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-mekkaniżmu ex ante 22 . Kull informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva se titneħħa b’kooperazzjoni mal-awtorità kontraenti rilevanti 23 . Dan se jippermetti lill-awtoritajiet kontraenti biex jitgħallmu minn firxa wiesgħa ta’ kawżi mressqa quddiem il-Kummissjoni, inkluż għal proġetti li mhumiex direttament eliġibbli għall-assistenza taħt il-mekkaniżmu.

Il-kostruzzjoni ta’ linja ferrovjarja futura — l-għajnuna mingħand l-helpdesk

Awtorità kontraenti qed tikkunsidra l-aħjar soluzzjoni ta’ akkwist għall-kostruzzjoni ta’ linja ferrovjarja ġdida, b’tul ta’ 150 km. Tista’ tikkuntattja l-helpdesk, darba jew aktar spiss, biex tinvestiga, pereżempju:

·Kif għandha tkun is-sħubija pubblika-privata li se tibni u topera il-linja ferrovjarja li se tiġi żviluppata? Id-distribuzzjoni prevista tar-riskji teħtieġ l-użu ta’ proċeduri ta’ akkwist fil-qasam tal-utilitajiet jew il-proġett jaqa’ taħt id-direttiva tal-konċessjonijiet?

·Jekk il-pajjiż ikkonċernat huwa kkunsidrat li se jiffirma ftehim internazzjonali li jkopru l-implimentazzjoni tal-proġett, dan il-ftehim huwa eżenti mill-proċeduri tal-akkwisti fl-ambitu tad-direttivi?

·Kif l-aħjar tista’ proċedura kompetittiva li tinvolvi negozjati titfassal u tiġi ġestita tajjeb? Kif jista’ jitnaqqas in-numru ta’ kandidati mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċedura, eċċ.?

·Kif jistgħu l-għanijiet ekoloġiċi, soċjali, u innovattiv tal-akkwist l-aħjar jiġu inklużi fil-proġett?

Jekk il-linja ferrovjarja tgħaqqad żewġ pajjiżi differenti, l-helpdesk jista’ wkoll jiġi kkuntattjat:

·biex tiġi mfittxija kjarifika tal-ftehim meħtieġ bejn l-awtoritajiet kontraenti minn żewġ pajjiżi li jwettqu akkwist konġunt;

·biex jiġi ċċarat ir-reġim ta’ akkwist applikabbli meta żewġ Stati Membri jixtiequ jistabbilixxu entità konġunta biex jitwettaq proġett.

Jekk kuntratt jeħtieġ li jiġi modifikat wara li jkun ġie ffirmat, awtorità tista’ tippreżenta mistoqsijiet fir-rigward tal-kondizzjonijiet li taħthom il-kuntratti jistgħu jiġu modifikati. Dan jgħin fid-deċiżjoni dwar jekk modifika hijiex possibbli mingħajr proċedura ta’ akkwist ġdida u trasparenti.

3.2.Il-mekkaniżmu ta’ notifika

Ladarba tittieħed deċiżjoni dwar kif il-proġett se jitwettaq mill-perspettiva ta’ akkwist pubbliku, u l-awtoritajiet nazzjonali u/jew l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jkunu fi stadju avvanzat tal-preparazzjoni meħtieġa tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti 24 , dawn ikollhom il-possibbiltà li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-pjan ta’ akkwist ta’ proġetti ta’ infrastruttura b’valur totali stmat tagħhom li jaqbeż l-EUR 500 miljun 25 . Is-servizzi tal-Kummissjoni mbagħad jipprovdu valutazzjoni 26 , li fiha s-servizzi tal-Kummissjoni jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar jekk il-pjan ta’ akkwist hija konformi mar-regoli tal-akkwist tal-UE, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe interpretazzjoni jew evalwazzjoni legali fil-futur.

Filwaqt li l-helpdesk huwa disponibbli għal mistoqsijiet speċifiċi, il-mekkaniżmu ta’ notifika jkopri l-pjan tal-akkwist sostenibbli usa’. Il-pjan ta’ akkwist jiddefinixxi kif proġett se jiġi implimentat minn perspettiva ta’ akkwist pubbliku. Pereżempju, huwa jistabbilixxi (i) jekk il-proġett se jużax kuntratt tat-tip Build, Design-Build, jew Design-Build-Operate, (ii) jekk proġett ikunx se jitwettaq permezz ta’ bosta offerti separati u liema proċeduri tal-akkwist se jintużaw, u (iii) kif se jitwettaq l-akkwist għal proġett transfruntier.

L-awtoritajiet nazzjonali u/jew l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jgħarrfu lill-Kummissjoni bi pjan ta’ akkwist globali tal-proġett u/jew kwistjonijiet speċifiċi ta’ importanza deċiżiva għall-proġett kollu. Fil-każ tal-aħħar, huma għandhom jidentifikaw b’mod ċar l-elementi speċifiċi li jeħtieġu valutazzjoni.

Il-maġġorparti tal-proġetti infrastrutturali kbar jużaw diversi sejħiet għall-offerti. Sabiex jiġi żgurat trattament effettiv u l-mekkaniżmu jinżamm faċli biex jintuża, l-awtoritajiet jistgħu jkunu jixtiequ li jqajmu kwistjonijiet speċifiċi marbuta ma’ offerta waħda, iżda m’għandhomx jinnotifikaw kull sejħa individwali għall-offerti lill-Kummissjoni.

Meta jimplimentaw il-proġetti, hija prattika komuni li l-kuntratti jiġu emendati biex jirriflettu l-bidliet fil-kundizzjonijiet inizjali. Dawn il-bidliet iqajmu kwistjonijiet legali kumplessi; minkejja li d-direttivi dwar l-akkwist pubbliku diġà qegħdin iservu ta’ gwida u jiċċaraw il-kundizzjonijiet għal tali emendi. Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali u/jew l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jgħarrfu lill-Kummissjoni wkoll bi proposta għal emendi għal kuntratti speċifiċi tagħhom.

Il-pjanijiet tal-akkwist jistgħu wkoll jinbidlu maż-żmien hekk kif jiżviluppa proġett. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sostanzjali għal notifika preċedenti li jista’ jkollha effett fuq l-eżitu ta’ valutazzjoni, eż. bidla fi proċedura ta’ akkwist pubbliku minn waħda standard għal proċedura eċċezzjonali.

Il-kostruzzjoni ta’ linja ferrovjarja futura — notifika lill-Kummissjoni

Għall-kostruzzjoni ta’ linja ferrovjarja, l-awtoritajiet iddeċidew li l-proġett jinqasam fi tliet sezzjonijiet ta’ bejn wieħed u ieħor 50 km kull waħda. Dawn se jiġu offruta b’offerta separata, għall-kostruzzjoni u l-manutenzjoni, taħt il-qafas tal-akkwist ta’ utilitajiet.

L-awtoritajiet ikunu jridu jivverifikaw li dan l-approċċ huwa konformi mar-regoli tal-akkwist tal-UE, u jinnotifika dan il-pjan lill-Kummissjoni. Din in-notifika trid tinkludi l-informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ akkwisti li tkun se tintuża biex tagħti l-kuntratti għat-tliet lottijiet, l-ippjanar tal-proċess ta’ akkwist, iż-żmien previst, ir-reklamar u l-informazzjoni, eċċ.

L-entità kontraenti tista’ tindika kwistjonijiet speċifiċi li jeħtieġu attenzjoni partikolari bħad-definizzjoni tal-kriterji tal-għorja fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-ewwel segment.

Jekk l-entità kontraenti li beħsiebha temenda kuntratt, jaf tkun trid jirċievi valutazzjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni li l-pjan huwa konformi mar-regoli tal-UE. F’dan il-każ, l-entità kontraenti tista’ tinnotifika din il-modifika lill-Kummissjoni. 

3.2.1.Il-proċedura tan-notifika

L-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti (l-awtoritajiet notifikanti) se jużaw formola standard akkumpanjata minn dokumenti ta’ sostenn. L-istruttura tal-formola standard hija annessa ma’ din il-Komunikazzjoni.

Apparti l-identifikazzjoni tal-proġett u l-awtorità li tkun qed tinnotifikah, il-formola standard se titlob informazzjoni dwar il-pjan ta’ akkwist għall-proġett kollu, li hija meħtieġa għall-analiżi. Din l-informazzjoni tinkludi:

·il-kwistjoni tas-suġġett tal-proġett,

·il-valur tal-proġett,

·l-organizzazzjonijiet involuti (awtorità/awtoritajiet kontraenti, eċċ.),

·il-fażijiet differenti tal-proġett,

·jekk huwiex mistenni li l-proġett jiġi ffinanzjat mill-UE,

·jekk il-proġett ikunx tressaq quddiem il-korpi nazzjonali kompetenti għall-approvazzjoni,

·l-ippjanar tal-proċess ta’ akkwist,

·il-kundizzjonijiet li jeħtieġu modifika tal-kuntratt, meta s-suġġett tan-notifika huwa emenda tal-kuntratt.

L-awtoritajiet notifikanti se jkunu jistgħu wkoll japplowdjaw dokumenti li huma jikkunsidraw rilevanti għall-analiżi. Dawn għandhom, madankollu, jipprovdu biss l-informazzjoni li hija neċessarja għall-evalwazzjoni.

Il-Kummissjoni u l-awtorità ta’ notifika, jekk ikun meħtieġ, jibqgħu f’kuntatt biex jiġu ċċarati l-aspetti tan-notifika.

Għall-finijiet tan-notifika, l-awtoritajiet notifikanti se jużaw sistema elettronika apposta, li tintuża wkoll għall-helpdesk ( https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/pp-large-projects/ ) . Is-sistema se tipprovdi s-sigurtà neċessarja għas-sottomissjoni u l-ipproċessar tad-dejta.

3.2.2.Ir-reazzjoni tal-Kummissjoni

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar il-kompatibbiltà tal-pjan ta’ akkwist tal-proġett mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, jew kwistjonijiet speċifiċi mqajma mill-awtoritajiet nazzjonali f’ittra. Jipprovdu wkoll valutazzjoni ta’ kwalunkwe kwistjonijiet speċifiċi mqajma fin-notifika.

Din il-valutazzjoni ma tinkludix il-fehmiet tal-Kummissjoni dwar il-konformità tal-miżura mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE għajr dwar l-akkwist pubbliku. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha dejjem tkun ibbażata fuq l-informazzjoni pprovduta u l-kundizzjonijiet applikabbli f’dak iż-żmien.

Il-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha tagħti r-risposta tagħha fi żmien tliet (3) xhur mid-data tan-notifika. Jekk il-Kummissjoni titlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet nazzjonali, jitwaqqaf iż-żmien tal-applikazzjoni tar-regola.

Il-Kummissjoni se tistieden ukoll lill-awtoritajiet ikkonċernati biex jipprovdu dokumenti marbuta mal-proġett għall-mekkaniżmu ta’ skambju tal-informazzjoni, kif adegwat u meta disponibbli. Kull informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva se tiġi trattata skont dan u titneħħa b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti 27 .

3.3.Il-mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni

Il-mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni huwa għodda tal-ġestjoni tal-għarfien għall-użu mill-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti. Għandu l-għan li tibni klassijiet ta’ referenza ta’ proġetti simili bħala mezz ta’ kondiviżjoni tal-esperjenzi. Iservi wkoll bħala pjattaforma għal skambji dwar aspetti differenti relatati ma’ proġetti, bħal pereżempju t-tip ta’ proċedura ta’ akkwist, il-fażijiet tal-proġett, il-problemi fl-implimentazzjoni ta’ proġett, eċċ.

Fil-fażi inizjali, din l-għodda se tinkludi żewġ komponenti: bażi tad-dejta aċċessibbli b’mod wiesa’ u li jkun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha, u pjattaforma fejn il-partijiet ikkonċernati jistgħu jiskambjaw fehmiet u informazzjoni. Iż-żewġ elementi se jsiru disponibbli kmieni fl-2018.

3.3.1.L-istruttura, is-sors u l-aċċessibbiltà tal-bażi tad-dejta

Il-bażi tad-dejta se jkun fiha diversi tipi ta’ dokumenti relatati mal-proċess ta’ akkwist ta’ proġetti infrastrutturali kbar. Dawn jinkludu l-fajls tal-offerti, id-dokumenti dwar l-istruttura organizzattiva tal-proġett, il-kuntratti, il-linji gwida dwar ċerti tipi ta’ proċeduri, informazzjoni speċifika fuq proġetti transfruntiera u s-sentenzi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni se tiġġestixxi l-bażi tad-dejta u se ttella’ d-dokumenti fil-pussess tagħha jew li l-Istati Membri u/jew promoturi jkunu ressqulha.

L-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti huma mħeġġa jissottomettu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar proġetti infrastrutturali fuq skala kbira li huma diġà implimentati jew li qed jitwettqu. Il-bażi tad-dejta se taqdi bl-aħjar mod il-funzjoni tagħha bħala għodda ta’ informazzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali jekk, mill-bidu nett, ikun fiha informazzjoni dwar proġetti li diġà ġew implimentati bis-sħiħ.

Il-bażi tad-dejta għandha tkun aċċessibbli b’mod wiesa’ mal-mument tar-reġistrazzjoni. B’hekk, il-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni se jibbenefika wkoll lill-promoturi ta’ proġetti privati u l-awtoritajiet kontraenti jiżviluppaw proġetti li l-valur tagħhom ma jilħaqx il-limitu applikabbli għall-użu tal-helpdesk u l-mekkaniżmu ta’ notifika.

L-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet fil-qafas tal-proċedura ta’ notifika se tkun disponibbli fil-bażi tad-dejta biss bi qbil tal-awtorità kkonċernata. Għal kull informazzjoni oħra, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni sensittiva tkun tneħħiet 28 .

Id-dokumenti jistgħu jingħataw bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE. Il-bażi tad-dejta se tinkludu faċilità ta’ traduzzjoni awtomatika. Din se tkun marbuta ma’ inizjattivi simili oħra, bħalma huwa l-JASPERS’ Knowledge and Learning Centre.

3.3.2.Il-pjattaforma

Id-diskussjonijiet bejn il-pari huma waħda mill-għodod l-aktar effettivi għat-tagħlim u l-iżvilupp. Għalhekk, flimkien mal-bażi tad-dejta, il-Kummissjoni se toħloq pjattaforma tal-IT biex jiġi ffaċilitat l-iskambju dirett ta’ informazzjoni u esperjenzi bejn dawk involuti fl-iżvilupp ta’ proġetti infrastrutturali kbar fl-UE. Il-pjattaforma se tkun miftuħa għall-professjonisti fl-UE mal-mument tar-reġistrazzjoni. Dan se jippermetti l-ħolqien ta’ sottogruppi ta’ diskussjoni għal kull tip ta’ proġett jew kwistjoni ta’ akkwist. Dawn il-gruppi jistgħu jkunu miftuħa jew magħluqa, jiġifieri aċċessibbli biss għall-membri li jkunu varaw id-diskussjoni.

4.Konklużjoni

Il-mekkaniżmu ex-ante mhux miżura ta’ darba. Huwa parti mis-sħubija l-ġdida proposta mill-Kummissjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u bejniethom. Huwa marbut direttament mal-għan ġenerali li l-akkwist pubbliku jsir għodda aktar strateġika. Is-suċċess ta’ dan il-mekkaniżmu se jiddependi fuq dan il-kunċett ta’ sħubija u fuq l-użu mifrux tal-għodod proposti fl-Istati Membri. L-awtoritajiet nazzjonali huma mistiedna biex attivament jippromwovu l-mekkaniżmu u sabiex jagħmlu l-aħjar u l-aktar użu xieraq tas-servizzi ta’ assistenza offruti minn dan il-mekkaniżmu.

Din l-azzjoni ġiet żviluppata b’attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati, espressi kemm fil-konsultazzjoni pubblika jew f’okkażjonijiet oħra. Billi l-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati jistgħu jevolvu maż-żmien, il-Kummissjoni se tissorvelja u tevalwa l-użu tal-mekkaniżmu ex-ante. Se tivvaluta wkoll jekk l-istrument ikunx ta appoġġ effettiv. Il-valutazzjoni se titwettaq meta l-għodod ikunu saru kompletament operattivi għal 24 xahar jew iktar kmieni jekk ikun xieraq u meħtieġ. Abbażi ta’ dawn l-elementi, jekk ikun hemm bżonn, l-għodod se jiġu aġġustati skont dan.



Anness I

Formola standard

Mistoqsijiet ta’ identifikazzjoni

Titlu tal-proġett:

Settur:

Awtorità/entità kontraenti:

Stat Membru:

Awtorità tan-notifika tal-proġett I

Dettalji ta’ kuntatt:

Stima tal-kost totali

Din in-notifika tikkonċerna:

Proġett ġdid                    Proġett modifikat

Deskrizzjoni tal-proġett

Jekk jogħġbok iddeskrivi l-elementi rilevanti tal-proġett II :

Jekk jogħġbok iddeskrivi il-pjan ta’ akkwist tal-proġett III :

Għal proġetti ġodda

Jekk jogħġbok iddeskrivi l-fażijiet differenti li fihom se jitwettaq l-akkwist u l-istima tad-data tal-bidu/skeda ta’ żmien tal-proċeduri tas-sejħa għall-offerti:

Jekk jogħġbok speċifika l-kwistjonijiet li tixtieq li s-Servizzi tal-Kummissjoni jivvalutaw:

Għal modifika ta’ kuntratt

Jekk jogħġbok iddeskrivi l-kuntratt li jkun jeħtieġ modifika u ċ-ċirkostanzi għal dan IV :

Informazzjoni addizzjonali

Ksibt opinjoni dwar l-aspetti tal-akkwist ta’ dan il-proġett minn awtorità nazzjonali kompetenti? Jekk iva, jekk jogħġbok ipprovdiha.

Le            Iva        Applowdja l-materjali rilevanti

In-notifika fiha informazzjoni sensittiva? Jekk iva, jekk jogħġbok speċifika liema..

Le            Iva        ………………………………..

Tagħrif addizzjonali rilevanti għal din id-domanda:

Applowdja l-materjali rilevanti

(1)  COM(2016) 581.
(2)  COM(2016) 597; 2016/0276 (COD).
(3)  Komunikazzjoni, “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozju "Punt 3.2 ta’ COM(2015) 550.
(4)  Skont l-istudju, Bent Flyvbjerg ‘What You Should Know About Megaprojects, and Why: An Overview”, 2014, disa’ (9) minn kull għaxar (10) proġetti ta’ dan it-tip jaqbżu l-limiti tal-baġit jew taż-żmien allokat għalihom.
(5)  Dawn id-dgħufijiet huma enfasizzati għal ċerti Stati Membri fis-Semestru Ewropew 2017: Ir-Rapporti tal-Pajjiżi (https://ec.europa.eu/info/publications/2017-european-semester-country-reports_en).
(6)  COM(2015) 550.
(7)  COM(2016) 359.
(8)  It-talba għal appoġġ tista’ tiġi biss mill-awtoritajiet involuti fil-proġett. Jeħtieġ li dawn jipprovdu informazzjoni speċifika dwarha u huma biss ikunu jistgħu jispjegaw il-kwistjonijiet li jkunu ta’ interess għalihom. Skont in-natura speċifika ta’ kull proġett u l-Istat Membru kkonċernat, dawn l-awtoritajiet jistgħu jvarjaw mill-ministeru responsabbli (fuq livell nazzjonali jew reġjonali) għas-settur, li fi ħdanu jiġi żviluppat il-proġett, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-akkwisti jew l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti.
(9)  Il-mistoqsijiet u n-notifiki jistgħu jintbagħtu b’kull lingwa uffiċjali tal-UE.
(10)  Il-fehmiet espressi mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħhom mhumiex legalment vinkolanti fuq dawk li jużaw mekkaniżmu jew fuq il-Kummissjoni, u huma mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni tar-regoli rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
(11)  Proġett jirrappreżenta t-totalità tax-xogħlijiet, il-provvisti u s-servizzi meħtieġa għall-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ żviluppi infrastrutturali kbar u dawn jistgħu jkunu akkwistati minn awtorità kontraenti waħda jew aktar. Dan jista’, pereżempju, jinvolvi l-iżvilupp ta’ biċċa infrastruttura tat-trasport lineari, bħal sezzjonijiet biswit awtostrada mmirati li jgħaqqdu żewġ punti nodali, jew ikopri proġett tal-infrastruttura tal-enerġija uniku, bħalma huma l-kostruzzjoni ta’ impjant tal-enerġija u l-konnessjonijiet tiegħu mal-grilja nazzjonali.
(12)  Ir-riforma tal-2014 kienet tinkludi d-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku, id-Direttiva 2014/25/UE dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-setturi tas-servizzi postali u d-Direttiva 2014/23/UE dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni. L-iskadenza tat-traspożizzjoni skadiet fis-16 ta’ April 2016.
(13)   Ftehimiet ta’ qafas kbar li jkopru diversi proġetti iżgħar ma jkunux koperti minn dan il-mekkaniżmu.
(14)  Il-limiti massimi proposti ġew definiti fuq il-bażi ta’ analiżi tal-proġetti ta’ infrastruttura ippubblikata fit-Tender Electronic Daily mill-2010 sal-2015. Dawn għandhom l-għan li jiffokaw fuq il-proġetti ta’ investiment infrastrutturali l-aktar importanti għall-UE.
(15)  Wara li tirċievi talba, il-Kummissjoni se tevalwa l-ammissibbiltà tagħha, u tinforma lill-Istat Membru dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tagħha.
(16)   http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=9021 .
(17)  COM(2016) 359; COM(2016) 581; COM(2016) 764.
(18)   http://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiatives/ares-2017-3272163_mt
(19)   https://ec.europa.eu/transport/themes/infrastructure/consultations/2017-ten-t-implementation_mt  
(20)  Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex juża l-mekkaniżmu għal xi proġetti ta’ infrastruttura b’valur aktar baxx li huwa jqis ta’ importanza kbira għalih innifsu u/jew għall-UE kollha kemm hi, pereżempju, għal proġetti ta’ interess komuni (PCI) fil-qasam tan-Netwerks Trans-Ewropej. Wara li tirċievi talba, il-Kummissjoni se tevalwa l-ammissibbiltà tagħha, u tinforma lill-Istat Membru dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tagħha.
(21)  Jekk jogħġbok ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.
(22)  Jekk jogħġbok ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.
(23)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni japplika għad-dokumenti kollha mfassla jew riċevuti mill-Kummissjoni u li jkunu fil-pussess tagħha.
(24)  Il-helpdesk huwa l-għodda xierqa għall-kjarifika ta’ kwistjonijiet jew l-istaqsar ta’ mistoqsijiet il-proċess tat-teħid ta’ dawn id-deċiżjonijiet.
(25)  Jekk jogħġbok ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.
(26)  Jekk jogħġbok ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.
(27) Jekk jogħġbok ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.
(28)  Jekk jogħġbok ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.
(I)

Jekk din hija differenti mill-awtorità/entità kontraenti.

(II)

Jekk jogħġbok inkludi fid-deskrizzjoni: l-objettivi tal-proġett, il-partijiet ikkonċernati ewlenin, il-fondi u l-finanzjament tal-proġett, l-istadju attwali tal-proġett, informazzjoni teknika bażika (speċjalment ir-rekwiżiti funzjonali) u, jekk disponibbli, il-kriterji tal-evalwazzjoni u l-klawżoli soċjali.

(III)

 Il-pjan ta’ akkwist jiddefinixxi kif proġett se jiġi implimentat minn perspettiva ta’ akkwist pubbliku. Huwa jistabbilixxi, pereżempju, (i) jekk il-proġett se jużax kuntratt tat-tip Build, Design-Build, jew Design-Build-Operate, (ii) jekk proġett ikunx se jitwettaq permezz ta’ bosta offerti separati u liema proċeduri tal-akkwist se jintużaw, u (iii) kif se jitwettaq l-akkwist għal proġett transfruntier.

(IV)

Id-deskrizzjoni għandha tinkludi wkoll l-impatt ta’ bidla potenzjali fuq il-valur totali tal-kuntratt.