IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 3.10.2017
COM(2017) 572 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Nagħmlu l-Akkwist Pubbliku jaħdem fl-Ewropa u għaliha
Daħla
Fi żmien meta l-UE għaddejja minn bidliet fundamentali u meta qed iseħħ dibattitu mill-ġdid dwar id-direzzjoni li din għandha tieħu fil-ġejjieni, huwa ċar li l-Ewropej jixirqilhom li l-UE twassal riżultati konkreti u li huma jridu dejjem aktar UE li tagħmel dan. Azzjonijiet meħuda fuq il-livell tal-UE hemm bżonn li jirriżultaw fi tkabbir ekonomiku, kompetittività, sostenibbiltà, solidarjetà u sigurtà. Kif intqal fid-dettall fil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, huwa importanti ferm li jiġi stimulat l-investiment sabiex jinkisbu t-tali riżultati billi jinħolqu iktar impjiegi u jkun hemm tkabbir sostenibbli fis-suq uniku.
Parti sostanzjali mill-investiment pubbliku fl-ekonomija tagħna ssir permezz tal-akkwist pubbliku, li jirrappreżenta 14 % tal-prodott domestiku gross tal-UE, u b’hekk dan huwa element fundamentali tal-ekosistema tal-investiment. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jużaw dan b’mod iktar strateġiku sabiex jiksbu iktar valur għal kull Euro mill-flus tas-settur pubbliku li jintefqu u sabiex jikkontribwixxu għal ekonomija iktar kompetittiva, iktar inklużiva, iktar innovattiva u iktar sostenibbli. Barra minn hekk, it-titjib fl-akkwist jifforma parti minn suq uniku iktar b’saħħtu li l-President Juncker talab li jkollna fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017.
Din il-Komunikazzjoni tippreżenta strateġija għall-akkwist pubbliku li tistabbilixxi l-qafas ġenerali tal-politika u li tiddefinixxi prijoritajiet ċari sabiex ikun hemm titjib fl-akkwist fil-prattika u sabiex jiġu appoġġati l-investimenti fl-UE. Minbarra din l-istrateġija qed jiġu ppreżentati tliet inizjattivi konkreti. Il-Kummissjoni qed tippreżenta Komunikazzjoni dwar mekkaniżmu għall-proġetti l-kbar tal-infrastruttura sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jingħataw gwida u informazzjoni ċara dwar l-akkwist pubbliku. Hija qed tipproponi wkoll Rakkomandazzjoni biex jiġu professjonalizzati x-xerrejja tas-settur pubbliku minħabba li, biex ikun hemm implimentazzjoni effettiva, irid ikollok forza tax-xogħol tas-sengħa. Fl-istess waqt, qed titnieda konsultazzjoni mmirata dwar abbozz ta’ linji gwida dwar l-akkwist pubbliku tal-innovazzjoni biex jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda li jkunu iżjed sostenibbli għas-soċjetajiet tagħna.
1.L-akkwist pubbliku huwa importanti iktar minn qatt qabel
L-Ewropej jistennew li dak li jħallsu f’taxxi jissarraf, b’mod ġust, f’servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja. Il-ġenituri jixtiequ li t-tfal tagħhom jingħataw ikel tajjeb għas-saħħa fl-iskola, dawk li jgħixu fl-ibliet jistennew li jsir iktar investiment fi bliet intelliġenti u sostenibbli sabiex ikunu jistgħu jgħixu aħjar fihom, u jistennew li jinħolqu mogħdijiet sikuri għar-roti u li jinbnew pjazez u bandli għat-tfal b’materjali sikuri u innovattivi, dawk li jużaw it-toroq jistennew infrastruttura ta’ kwalità għolja mibnija b’mod sikur, filwaqt li l-pazjenti jeħtieġ li jkollhom aċċess aħjar għal kura tas-saħħa ta’ kwalità aħjar u jistennew li jintużaw l-aħħar għodod dijanjostiċi u l-aħħar tagħmir mediku xprunat mill-innovazzjoni. Sabiex jingħataw servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja, hemm bżonn ta’ approċċ strateġiku għas-sejbien tas-sorsi. Dan jiddependi ferm fuq proċessi moderni u effiċjenti tal-akkwist pubbliku.
Għall-awtoritajiet pubbliċi, l-akkwist huwa għodda b’saħħitha biex il-flus tas-settur pubbliku jintefqu b’mod effiċjenti, sostenibbli u strateġiku, b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet meta l-baġits nazzjonali huma ristretti ħafna. L-akkwist, li jirrappreżenta EUR 2 000 biljun fis-sena, jista’ jwassal għal iffrankar sinifikanti għall-baġits pubbliċi u għal iktar investiment meta jkun ġestit aħjar. Pereżempju, żieda ta’ 10 % fl-effiċjenza tista’ twassal għal iffrankar sinifikanti ta’ EUR 200 biljun fis-sena mingħajr ma jonqos il-livell tas-servizzi li l-Ewropej jingħataw. L-akkwist jaffettwa bil-kbir ukoll lill-fondi strutturali u ta’ investiment tal-UE, li kważi nofshom jintefqu permezz tal-kuntratti pubbliċi. L-għoti tajjeb tal-kuntratti jgħin biex dawn il-fondi tal-UE jrendu l-aħjar valur għall-flus.
L-akkwist huwa importanti wkoll għall-kumpaniji Ewropej, li jibbenefikaw mis-suq uniku meta jkunu qed iressqu l-offerti tagħhom għall-kuntratti pubbliċi fl-Istat Membru tagħhom stess, kif ukoll fi Stati Membri oħrajn. L-aċċellerazzjoni teknoloġika u d-diġitalizzazzjoni, it-tibdil demografiku u swieq dejjem iżjed interkonnessi qed jaffettwaw bil-kbir lis-soċjetajiet u lill-ekonomiji tagħna. F’dinja globalizzata, l-integrazzjoni ekonomika li ġab miegħu s-suq uniku għadha fattur ewlieni li toħloq il-ġid u li twassal għall-kompetittività u għalhekk għadha l-fattur li kapaċi jipproteġina l-aktar.
Id-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku tal-ġenerazzjoni l-ġdida, li ġew adottati fl-2014, jipprovdu qafas biex l-akkwist isir b’mod iktar flessibbli. Dawn jissimplifikaw il-proċeduri tal-akkwist pubbliku, u b’hekk itejbu l-aċċess tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (l-SMEs) għall-akkwist. L-għan ġenerali huwa li jinkiseb valur aħjar għall-flus tas-settur pubbliku u li jinkisbu iktar riżultati b’rabta mal-għanijiet tas-soċjetà u mal-għanijiet l-oħrajn tal-politika pubblika, filwaqt li tiżdied l-effiċjenza tal-infiq fis-settur pubbliku. Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet iktar b’saħħithom dwar l-integrità u t-trasparenza inklużi fid-Direttivi għandhom l-għan li jiġġieldu l-korruzzjoni u l-frodi.
Minkejja li d-Direttivi qed jinqalbu f’liġijiet nazzjonali bil-mod, il-qafas legali mmodernizzat issa huwa fis-seħħ fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Madankollu, tul il-proċess tas-Semestru Ewropew ġew identifikati diversi oqsma speċifiċi fejn it-titjib fix-xenarju nazzjonali tal-akkwist pubbliku se jikkontribwixxi b’mod deċiżiv biex jiżdiedu l-kompetittività u l-effiċjenza. Barra minn hekk, l-Istati Membri mhux qed jużaw sal-massimu l-possibbiltajiet kollha li joffri l-akkwist pubbliku bħala għodda strateġika favur għanijiet u innovazzjoni sostenibbli fil-qasam tal-politika soċjali. Għaldaqstant, wasal il-waqt li niffukaw fuq l-implimentazzjoni intelliġenti tar-regoli l-ġodda fil-prattika.
F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tidentifika oqsma speċifiċi fejn bidla tista’ tagħmel differenza fil-mod kif jintefqu l-flus tas-settur pubbliku fl-Istati Membri u b’hekk tikkontribwixxi b’mod tanġibbli għat-tkabbir u għall-impjiegi fl-UE. Fiha l-Kummissjoni tippreżenta l-viżjoni tagħha ta’ kif jista’ u għandu jsir l-akkwist pubbliku fl-Ewropa fil-futur qarib. Filwaqt li tirrikonoxxi bis-sħiħ is-setgħat li għandhom l-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi tagħhom, il-Kummissjoni qed tintrabat li tappoġġa bis-sħiħ bidla fil-kultura marbuta mal-akkwist pubbliku fl-Istati Membri. Dan jeħtieġ responsabbiltà politika kbira f’kull livell tal-gvern u qabża fil-kwalità fil-mod kif jitwettaq l-akkwist pubbliku. Għalhekk il-Kummissjoni qed titlob li jkun hemm sħubija wiesgħa mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u bejniethom f’kull livell tal-gvern u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn, b’impenji reċiproki ċari.
2.L-akkwist illum il-ġurnata: qed isir tibdil, iżda għad hemm diversi sfidi
Fil-livell tal-UE, diversi inizjattivi li tnedew f’dawn l-aħħar snin qed jibdew jagħtu l-frott. Il-qafas legali li huwa fis-seħħ għen biex ikomplu jitjiebu s-swieq tal-akkwist fl-Istati Membri differenti u biex dawn ikomplu jiġu integrati aktar flimkien. Il-fatt li nħoloq suq uniku tal-akkwist fl-UE huwa kisba kbira meta mqabbel mas-sitwazzjoni f’reġjuni oħra tad-dinja. Id-dejta turi li l-akkwist transkonfinali totali (dirett u indirett) żdied f’dawn l-aħħar snin u issa jirrappreżenta madwar 23 % tal-valur kollu tal-akkwist fl-UE, għalkemm għad hemm lok għal xi titjib. Kif ħabbret fil-Komunikazzjoni tagħha msejħa “Governanza aqwa tas-Suq Uniku”, il-Kummissjoni tat għajnuna kbira lill-Istati Membri meta kienu qed jaqilbu d-Direttivi l-ġodda f’liġijiet nazzjonali. Fil-kuntest tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), l-Istati Membri għandhom jissodisfaw l-prekundizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku, li jenħtieġ li jiggarantixxu li l-kundizzjonijiet bażiċi ta' qafas għal investimenti effiċjenti u effettivi kofinanzjati mill-fondi huma stabbiliti. L-Istati Membri għandhom ikomplu bil-proċessi ta’ riforma tagħhom, u l-Kummissjoni għandha tagħtihom l-appoġġ kollu tagħha biex jagħmlu dan.
F’diversi Stati Membri, dan l-aħħar saru passi inkuraġġanti biex il-prattiki u l-istrutturi tal-akkwist pubbliku jinbidlu mill-qiegħ nett. Fi Franza, pereżempju, f’Marzu tal-2016 inħoloq id-Direttorat tax-xiri tal-Istat sabiex jiddefinixxi l-politika tax-xiri tal-Istat u jħarreġ lix-xerrejja tas-settur pubbliku. Fl-Irlanda, fl-2014 inħoloq korp ċentrali għall-akkwisti li kellu mandat ċar biex itejjeb il-ġestjoni tal-infiq fis-settur pubbliku permezz tal-użu estensiv ta’ dejta tas-suq u ta’ dejta oħra dwar l-akkwisti. Fl-Italja ġew iffrankati bħala medja 23 % billi nħolqot sistema kkoordinata biex jiġu identifikati l-bżonnijiet u l-proċedura għall-akkwist kooperattiv. Fil-kuntest tal-proġett HAPPI, l-awtoritajiet kontraenti ta’ diversi Stati Membri akkwistaw flimkien soluzzjonijiet innovattivi għat-tixjiħ b’saħħtu. Is-Slovakkja implimentat reġistru tal-kuntratti li jagħti aċċess lill-pubbliku għall-kuntratti kollha li l-awtoritajiet pubbliċi f’dak il-pajjiż ikunu kkonkludew, u b’hekk tejbet it-trasparenza u ppermettiet li jkun hemm skrutinju pubbliku. 40 awtorità pubblika minn tmien pajjiżi tal-UE kkalkulaw li s-sejħiet għall-offerti li tnedew fil-kuntest tal-proġett tal-akkwist pubbliku ekoloġiku għall-2020, li kien iffinanzjat mill-UE, li kienu jammontaw għal iktar minn mija, wasslu biex ġew iffrankati iktar minn 900 000 tunnellata ta’ ekwivalenti għad-diossidu tal-karbonju.
Il-bidla tista’ sseħħ ukoll minn isfel għal fuq. Il-“Patt ta’ Amsterdam” huwa sħubija wiesgħa li għadd kbir ta’ partijiet ikkonċernati u istituzzjonijiet, fosthom awtoritajiet urbani, qablu fuqu f’Mejju tal-2016, u li għandu l-għan li joħloq approċċ ibbilanċjat, integrat u sostenibbli biex jiġu ttrattati l-isfidi urbani. Wieħed mill-mezzi ewlenin biex dan jinkiseb huwa l-akkwist, inkluż permezz tal-akkwist pubbliku ekoloġiku, innovattiv u responsabbli. It-tali eżempji jistgħu jispiraw lill-oħrajn biex jaqbdu rotot simili, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet tagħhom.
Madankollu, ħafna drabi dawn l-iżviluppi pożittivi għadhom prattiki tajbin iżolati u jeħtieġ li jiddaħħlu fi proċess usa’ li jinkuraġġixxi lill-oħrajn biex jingħaqdu magħhom u biex jitgħallmu minn dawn l-esperjenzi. Diversi indikaturi juru li għad hemm lok għal ħafna titjib.
Il-possibbiltajiet strateġiċi tal-akkwist mhux qed jintużaw biżżejjed. F’55 % tal-proċeduri tal-akkwist, għadu jintuża l-irħas prezz bħala l-uniku kriterju tal-għoti. Id-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku jħallu lix-xerrejja tas-settur pubbliku kompletament liberi li jagħżlu li jixtru abbażi ta’ kriterji tal-kosteffettività u tal-kwalità. Madankollu, għadu mhux qed jintuża biżżejjed il-prinċipju tal-aktar offerti ekonomikament vantaġġużi abbażi ta’ approċċ ta’ kosteffettività li jista’ jinkludi kriterji tal-aċċessibbiltà, kriterji ambjentali, kriterji innovattivi, kriterji soċjali u kriterji kwalitattivi oħrajn.
Min-naħa tal-innovazzjoni, l-analiżijiet juru li l-akkwist pubbliku ta’ innovazzjoni hu ostakolat minn ostakli varji.Jista’ jkun li nistgħu ntejbu s-sitwazzjoni billi nużaw iktar il-proċedura tas-sħubiji għall-innovazzjoni. Din l-għodda, li permezz tagħha l-atturi fis-suq jiġu mistiedna jressqu soluzzjonijiet innovattivi, twaqqfet permezz tad-Direttivi li ġew adottati fl-2014 sabiex jintlaħqu l-ispeċifiċitajiet tal-akkwist tal-innovazzjoni, kif ukoll sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali u jonqsu r-riskji inerenti tal-innovazzjoni. S’issa nbdew 17-il proċedura ta’ sħubiji għall-innovazzjoni.
L-akkwist pubbliku jiddependi fuq il-kompetizzjoni miftuħa biex iwassal l-aħjar valur għall-flus tas-settur pubbliku. Dan il-proċess kompetittiv jew mhuwiex preżenti jew qed inaqqas fl-intensità. 5 % tal-kuntratti pubbliċi ppubblikati fit-TED jingħataw wara li jsiru negozjati dwarhom, mingħajr ma tiġi ppubblikata sejħa għall-offerti għalihom. Bejn l-2006 u l-2016, l-għadd ta’ sejħiet għall-offerti li għalihom titressaq biss offerta waħda żdied minn 17 % għal 30 %. L-għadd medju ta’ offerti għal kull sejħa għall-offerti naqas minn ħames offerti għal tlieta matul l-istess perjodu. Dan juri li l-kumpaniji qed iħabbtu wiċċhom ma’ iktar diffikultajiet meta jiġu biex ikollhom aċċess għas-swieq tal-akkwist, b’mod speċjali b’mod transkonfinali. L-SMEs jirbħu 45 % biss mill-valur tal-kuntratti pubbliċi ’l fuq mil-limiti tal-UE, li huwa ferm inqas minn kemm jiswew fl-ekonomija.
Ħafna drabi, l-akkwist pubbliku għadu jitqies sempliċiment bħala proċedura amministrattiva li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jixtru l-prodotti, is-servizzi u x-xogħlijiet bażiċi li għandhom bżonn għall-operat tagħhom. Dan jintwera mill-fatt li ħafna drabi ma jkunx hemmx dejta ċara u kkonsolidata dwar l-akkwisti. Fl-UE ma hemm l-ebda kunsens dwar liema dejta trid tinġabar u għal liema skop irid isir dan. F’ħafna Stati Membri, l-awtoritajiet ċentrali mhumiex f’pożizzjoni li jindikaw kemm jintefaq eżatt fuq l-akkwist pubbliku f’pajjiżhom, minkejja li dan jinvolvi ammonti kbar ta’ flus. Fit-tali każijiet, b’mod ġenerali ma jsir l-ebda skrutinju pubbliku, il-politiki ma jkunux jistgħu jitfasslu abbażi tad-dejta u l-kontroll tal-baġit ukoll ikun imfixkel.
Bl-istess mod, it-trasformazzjoni diġitali tal-akkwist pubbliku ssir bil-mod. Minn stħarriġ li sar fl-2016 ħareġ li huma biss erba’ l-Istati Membri li jiddependu fuq it-teknoloġiji diġitali għall-istadji ewlenin kollha tal-proċess tal-akkwist. L-Istati Membri għadhom mhux qed jużaw it-teknoloġiji l-ġodda bħala opportunità biex jissimplifikaw il-proċeduri tal-akkwist tagħhom u biex iħaffuhom.
L-awtoritajiet kontraenti rari ferm jixtru flimkien, u fil-fatt 11 % biss tal-proċeduri jitwettqu permezz tal-akkwist kooperattiv. Ix-xiri bl-ingrossa ta’ spiss iwassal għal prezzijiet aħjar u huwa wkoll opportunità biex ikun hemm skambju tal-għarfien u biex tinkiseb kwalità aħjar. Għalkemm mhux kull tip ta’ xiri jista’ jiġi aggregat, ir-rati ta’ aggregazzjoni, li b’mod ġenerali huma baxxi, jissuġġerixxu li qed jintilfu ħafna opportunitajiet.
Uħud isostnu li l-proċeduri tal-akkwist huma kumplessi wisq u li, mil-lat amministrattiv, huma wisq ta’ piż, ukoll wara r-riforma kbira u s-simplifikazzjoni tar-regoli tal-UE li saru fl-2014 u li ssemmew hawn fuq. Il-proġetti transnazzjonali tal-infrastruttura huma saħansitra iktar kumplessi għaliex, min-natura tagħhom, mhumiex proġetti standard minħabba li jkun fihom diversi azzjonijiet li jridu jiġu implimentati fi Stati Membri differenti. Kemm dawn ikunu kumplessi fir-realtà jiddependi wkoll minn kif ir-regoli jiġu applikati fil-prattika u minn kemm jintużaw l-għodod il-ġodda. L-akkwist jista’ jkompli jiġi ssimplifikat billi jiġu standardizzati l-proċessi, billi l-awtoritajiet jaqsmu l-aħjar prattiki bejniethom u billi l-akkwist pubbliku jiġi professjonalizzat.
3.Nimxu ’l quddiem: sħubija wiesgħa biex ikun hemm suċċess komuni
Sabiex jiżdied ir-rikonoxximent tal-lat strateġiku tal-akkwist pubbliku u jitjieb l-akkwist pubbliku fil-prattika, jeħtieġ li jkun hemm responsabbiltà politika kbira u wiesgħa f’kull livell tal-gvern. Jista’ jkun hemm titjib sinifikanti jekk l-awtoritajiet jintrabtu li jieħdu l-kwistjoni taħt idejhom bis-serjetà. Jekk wieħed jieħu approċċ proattiv tal-politika minflok ma jqis l-akkwist bħala obbligu amministrattiv, wieħed jista’ jiggwadanja ħafna.
Minbarra l-kooperazzjoni u l-assistenza legali, li hija stabbilita sew, il-Kummissjoni tinsab ħerqana biex tikkoopera mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati b’rabta mal-kwistjonijiet li jkunu qed iħabbtu wiċċhom magħhom u fejn l-azzjonijiet u l-appoġġ fil-livell tal-UE jistgħu jwasslu għal valur miżjud ċar. Sabiex twettaq it-titjib meħtieġ, il-Kummissjoni qed tipproponi sħubija kollaborattiva wiesgħa biex nimxu lejn sistema diġitali effettiva, intelliġenti u trasparenti tal-akkwist pubbliku, li tkun twieġeb bis-sħiħ għall-isfidi tal-ambjent li qed jinbidel tal-lum. Kull sieħeb se jkollu rwol x’jaqdi, iżda l-impenji ta’ kull wieħed se jsaħħu b’mod reċiproku lil xulxin. Titjib simultanju u kkoordinat minn diversi persuni jista’ jrendi iktar benefiċċji b’mod ġenerali milli l-għadd sempliċi tal-isforzi individwali meħudin f’daqqa minħabba li b’hekk jiġu sfruttati l-effetti multiplikaturi.
Is-sħubija tista’ tkopri l-partijiet ikkonċernati u l-aspetti li ġejjin:
-L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu itejbu l-mod kif inhu organizzat l-akkwist billi jfasslu strateġiji nazzjonali ċari għall-akkwist, billi jiżguraw li jkun hemm koordinazzjoni iktar effiċjenti fil-livell nazzjonali u reġjonali, billi jipprovdu regoli u linji gwida prattiċi nazzjonali ċari, billi jiskambjaw il-prattiki t-tajbin, billi jimplimentaw ċentri ta’ appoġġ dwar il-kompetenzi u korpi ċċentralizzati għall-akkwisti, billi jżidu t-trasparenza u billi joħolqu proċeduri ġusti, indipendenti u rapidi ta’ reviżjoni.
-L-awtoritajiet reġjonali u lokali jistgħu jikkooperaw iktar bejniethom u jużaw l-akkwist aggregat, jippromwovu l-akkwist strateġiku u diġitali u jipprofessjonalizzaw lix-xerrejja tas-settur pubbliku tagħhom.
-Il-Kummissjoni se tintrabat li tikkollabora f’ħidmietha u li tkompli tiżviluppa għadd ta’ għodod ta’ appoġġ, fosthom linji gwida dwar diversi oqsma ewlenin u l-aħjar prattiki f’dawn l-oqsma sabiex l-akkwist isir kemm jista’ jkun sempliċi u effettiv. Fl-istess ħin, hija se tkompli bl-isforzi tagħha marbutin mal-politika tal-infurzar u se tkompli tuża s-setgħat ta’ diskrezzjoni tagħha b’mod strateġiku biex tiffoka fuq l-iktar ksur serju tal-liġijiet tal-UE li jaffettwa lill-interessi taċ-ċittadini u tan-negozji.
-In-negozji, l-industrija u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju jistgħu jinkuraġġixxu, pereżempju, parteċipazzjoni ikbar fis-swieq tal-akkwist, anke lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom, billi jfasslu mudelli tal-evalwazzjoni biex iqabblu b’mod oġġettiv is-soluzzjonijiet differenti bejniethom. Il-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom jintużaw b’mod responsabbli. Il-konsultazzjonijiet minn qabel tas-suq huma stadju importanti sabiex jittejjeb l-għarfien espert dwar l-akkwist u fihom għandhom ikunu involuti wkoll l-SMEs.
-Il-partijiet ikkonċernati: F’ħafna bliet u komunitajiet qed tingħata dejjem iktar attenzjoni lill-approċċ parteċipattiv għall-baġit, u dan jista’ jżid l-attenzjoni li tingħata lill-kriterji strateġiċi li jippromwovu l-gruppi lokali. Il-ġurnalisti u l-pubbliku inġenerali għandhom jużaw id-dejta disponibbli sabiex iwettqu skrutinju pubbliku tal-akkwist u sabiex ix-xerrejja tas-settur pubbliku jinżammu responsabbli għal għemilhom. Ix-xjenzati u l-akkademiċi għandhom rwol importanti x’jaqdu, anke billi jiżviluppaw l-analiżi u l-mudelli tad-dejta.
Fil-livell tal-UE, il-kumitati rilevanti tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Kompetittività jistgħu jservu ta’ forum biex fihom isir dibattitu politiku kontinwu dwar l-akkwist pubbliku fl-Istati Membri. Din is-sħubija tista’ sseħħ ukoll permezz ta’ djalogi strutturati volontarji dwar l-akkwist li jkunu allinjati għalkollox mal-proċess tas-Semestru Ewropew, fejn dan ikun rilevanti. Dawn id-djalogi, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jimplimentawhom b’kollaborazzjoni bejniethom. Dan jippermetti wkoll approċċ iddivrenzjat, li jiffoka fuq it-twettiq ta’ riformi strutturali u l-iżgurar tal-konformità fejn dan ikun meħtieġ, u ta’ appoġġ iktar avvanzat għall-oħrajn. Fil-livell nazzjonali jistgħu jiġu stabbiliti proċessi simili li fihom ikunu involuti l-partijiet ikkonċernati rilevanti fi proċess ta’ kollaborazzjoni ġenwina. Minħabba li bħalissa 70 % tal-popolazzjoni tal-UE toqgħod f’żoni urbani, l-aġenda urbana li l-Kummissjoni pproponiet biex ikun hemm pjattaforma pan-Ewropea għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati fuq diversi livelli għandha rwol importanti x’taqdi.
Hemm bżonn ta’ impenn favur l-immodernizzar, id-diġitalizzazzjoni u l-professjonalizzazzjoni u ta’ determinazzjoni biex isir dan sabiex jiġu implimentati sistemi tal-akkwist pubbliku intelliġenti li jkunu adattati għas-seklu 21. Hemm bżonn ukoll ta’ qbil ċar dwar kif għandu jitkejjel is-suċċess, flimkien ma’ ċarezza dwar l-istadji importanti u monitoraġġ tal-progress. Minħabba s-sistemi eteroġeni tal-akkwist pubbliku u l-livelli differenti ta’ maturità u ta’ avvanz fl-Istati Membri individwali, l-awtoritajiet f’kull livell u l-partijiet ikkonċernati qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jistabbilixxu l-kontenut tal-impenji li jieħdu u l-livell tagħhom.
Il-Kummissjoni lesta tappoġġa dawn l-isforzi u tippromwovi l-iskambju tal-informazzjoni, tal-għarfien u tal-esperjenza, anke fil-livell nazzjonali u reġjonali. Hija qed tintrabat ukoll li twettaq għadd ta’ azzjonijiet ta’ appoġġ li huma mniżżlin fl-Anness. Hija qed tistenna bil-ħerqa d-djalogu politiku wiesa’ mal-awtoritajiet nazzjonali u lokali u mal-partijiet ikkonċernati l-oħrajn u li tikkoopera u tikkollabora magħhom biex tistabbilixxi impenji fakultattivi li, madankollu, jkunu b’saħħithom. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll biex ittejjeb il-prattiki tal-akkwist tagħha stess sabiex tuża iktar il-kriterji strateġiċi.
4.It-titjib meħtieġ - sitt prijoritajiet strateġiċi
Il-Kummissjoni identifikat sitt oqsma ta’ prijorità li jistgħu jwasslu biex l-akkwist pubbliku jsir strument b’saħħtu fis-sett ta’ għodod ta’ politiki ekonomiċi li kull Stat Membru għandu jekk tittieħed azzjoni ċara u konkreta fihom, u b’hekk ikun hemm benefiċċji sostanzjali fl-eżiti tal-akkwist.
a.L-iżgurar ta’ użu usa’ tal-akkwist pubbliku strateġiku
L-akkwist pubbliku strateġiku għandu jkollu rwol ikbar fit-tweġiba tal-gvernijiet ċentrali u tal-gvernijiet lokali għall-għanijiet ambjentali, ekonomiċi u tas-soċjetà, bħall-ekonomija ċirkolari. Biex ikun hemm integrazzjoni tal-kriterji innovattivi, ekoloġiċi u soċjali, biex jintużaw b’mod iktar wiesa’ l-konsultazzjonijiet minn qabel tas-suq jew il-valutazzjonijiet kwalitattivi (biex tiġi stabbilita l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża), kif ukoll biex jinxtraw soluzzjonijiet innovattivi fl-istadju ta’ qabel dak kummerċjali, irid ikun hemm mhux biss grupp ta’ xerrejja tas-settur pubbliku li jkunu kompetenti ħafna, iżda fuq kollox viżjoni politika u responsabbiltà politika. F’xi Stati Membri, il-prinċipju tal-istabbiliment tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, li jinkludi kriterji ekoloġiċi, sar wieħed obbligatorju għall-proċessi tal-akkwist tagħhom. Stati Membri oħrajn jistgħu jqisu l-iffissar ta’ miri volontarji biex jimmonitorjaw l-użu ta’ dan il-prinċipju. Fi kwalunkwe każ, il-kriterji strateġiċi jridu jiġu applikati b’mod sistematiku sabiex jinkisbu l-aqwa riżultati fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Dan jista’ jsir billi jingħata appoġġ prattiku wiesa’, bħat-tixrid tal-istandards, il-metodoloġiji għall-parametri referenzjarji, l-aġġornamenti regolari tat-tikketti u tal-kriterji tal-evalwazzjoni u d-disponibbiltà ta’ katalgu ta’ prattiki tajbin.
Pereżempju, fil-każ tal-akkwist ekoloġiku, il-Kummissjoni se tipproponi li tiġi emendata d-Direttiva 2009/33/KE dwar vetturi nodfa, se toħroġ verżjoni aġġornata tal-Manwal tat-taħriġ dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku u beħsiebha tiżviluppa strumenti li jintużaw b’mod volontarju biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ ċerti prodotti. Fil-każ tal-akkwist pubbliku soċjali, se jiġu aġġornati l-linji gwida eżistenti. Għal dan l-aġġornament se jintuża approċċ kollaborattiv u l-ewwel se ssir konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati sabiex jinġabru s-suġġerimenti dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida u l-kwistjonijiet li dawn għandhom jittrattaw, fosthom kif l-aħjar li tiġi integrata l-funzjoni marbuta mad-domanda għall-innovazzjoni u għall-intraprenditorija soċjali. L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà li qed jiġi propost għandu l-għan li jistabbilixxi rekwiżiti funzjonali komuni għall-aċċessibbiltà għall-anzjani u għall-persuni b’diżabilità. F’dak li għandu x’jaqsam mal-innovazzjoni, qed titħejja ħarsa ġenerali lejn il-qafas ta’ politika u ta’ implimentazzjoni li jagħmel l-innovazzjoni possibbli, u lejn il-linji gwida dwar il-proċeduri tal-akkwist pubbliku li jiffavorixxu l-innovazzjoni.
Għalkemm l-użu usa’ tal-akkwist strateġiku huwa ħaġa ta’ prijorità, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-fatt li f’ħafna Stati Membri għad hemm nuqqasijiet fil-mod kif taħdem is-sistema tal-akkwist pubbliku. Il-Kummissjoni se tkompli tagħti l-appoġġ u l-gwida tagħha lil dawk il-pajjiżi biex fihom ikun hemm sistemi tal-akkwist pubbliku li jaħdmu għalkollox qabel ma tkompli bl-isforzi tagħha favur l-integrazzjoni tal-kriterji innovattivi, ekoloġiċi u soċjali.
Hemm bżonn ta’ approċċ immirat għas-setturi ta’ prjiorità, bħal dawk tal-kostruzzjoni, tal-kura tas-saħħa u tat-teknoloġija tal-informazzjoni, minħabba l-effett ta’ ingranaġġ tagħhom, minħabba l-ispeċifiċitajiet tagħhom u minħabba l-isfidi partikulari marbutin magħhom, fosthom l-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji u tas-suq fihom. L-inizjattiva tal-Kummissjoni għal mekkaniżmu volontarju għall-valutazzjoni ex ante tal-proġetti l-kbar tal-infrastruttura tista’ titqies f’dan il-kuntest. Diġà hemm inizjattivi u strumenti bħall-promozzjoni tal-akkwist tal-kura tas-saħħa bbażat fuq il-valur, l-immudellar tal-informazzjoni dwar il-bini u approċċi bbażati fuq iċ-ċiklu tal-ħajja sabiex jiġi appoġġat l-akkwist ta’ bini pubbliku li jkun sostenibbli jew il-katalgu Ewropew tal-istandards tal-ICT għall-akkwist pubbliku sabiex titjieb l-interoperabbiltà u tiġi evitata d-dipendenza fuq bejjiegħ wieħed.
Minbarra dawn is-setturi jeħtieġ li jitqiegħdu fil-mira wkoll is-setturi tad-difiża u tas-sigurtà, fosthom iċ-ċibersigurtà. Diġà sar ħafna xogħol fuq il-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-difiża. Dan il-pjan ta’ azzjoni jiffoka fuq l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża bil-għan li l-kumpaniji Ewropej jingħataw opportunitajiet f’dan il-qasam ikunu ta’ liema daqs ikunu u jkunu fejn ikunu. Dan ifisser:
·li tingħata gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva;
·li jiġu stabbiliti rapporti perjodiċi (tabelli ta’ valutazzjoni) dwar l-applikazzjoni tagħha min-naħa tal-Istati Membri;
·li ssir diskussjoni mal-Istati Membri dwar l-infurzar tagħha; u
·li jiġu promossi l-inizjattivi biex jittejjeb l-aċċess transkonfinali għas-suq għall-SMEs u għas-sottofornituri (rakkomandazzjoni għall-Istati Membri u kooperazzjoni mal-industrija).
b.il-professjonalizzazzjoni tax-xerrejja tas-settur pubbliku:
Biex issir il-bidla hemm bżonn ta’ nies li jkollhom is-sett ta’ ħiliet it-tajba. F’ħafna Stati Membri, il-livell baxx ta’ professjonalizzazzjoni tax-xerrejja tas-settur pubbliku hija problema sistematika. Huwa importanti ħafna li jitjiebu l-ħiliet marbutin mal-akkwist, fosthom il-ħiliet fl-IT, fl-istadji kollha tal-proċess tal-akkwist. Il-kultura li qed tinbidel u l-użu iżjed mifrux tal-akkwist pubbliku strateġiku jeżiġu użu ikbar ta’ prattiki flessibbli, għarfien tas-swieq u għodod innovattivi. Is-settur pubbliku jrid jimplimenta strateġija komprensiva sabiex jikkumpensa għall-averżjoni għar-riskju u jattira nies li għandhom talent u ħiliet fis-settur kollu tal-akkwist pubbliku u jħarriġhom u jiżviluppa t-talenti u l-ħiliet tagħhom.
Minkejja li l-Istati Membri jinsabu fi stadji differenti fi triqithom lejn il-professjonalizzazzjoni, huwa importanti li kollha kemm huma jintrabtu li jaqbdu dik it-triq. Il-qsim tal-esperjenzi se jgħinhom itejbu l-prattiki tagħhom fil-qasam tal-akkwisti u se jżid l-impatt u r-reputazzjoni tal-akkwisti fil-kisba tar-riżultati b’rabta mal-għanijiet tal-politika pubblika. Huwa essenzjali li jkun hemm strateġiji fit-tul dwar il-professjonalizzazzjoni fil-livell nazzjonali sabiex ikun hemm in-nies it-tajbin li jkollhom il-ħiliet u l-għodod it-tajbin u li jkunu fil-post u fil-mument it-tajjeb sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati.
Il-Kummissjoni qed tintrabat li tgħin lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex ifasslu u jimplimentaw it-tali strateġiji permezz ta’ Rakkomandazzjoni dwar il-professjonalizzazzjoni li qed tiġi adottata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, billi tistabbilixxi qafas Ewropew għall-kompetenza, billi tistabbilixxi ċentru elettroniku tal-kompetenzi għall-għarfien fil-qasam tal-informazzjoni u għall-iskambju tal-prattiki t-tajbin, u billi tagħti għajnuna mmirata lejn il-bini tal-kapaċità u lejn it-taħriġ li joffru l-istrumenti ta’ appoġġ marbutin mal-pajjiżi differenti li huma disponibbli permezz tad-diversi programmi tal-Kummissjoni.
c.Titjib fl-aċċess għas-swieq tal-akkwist
L-SMEs huma vitali sabiex jinħolqu l-impjiegi u jkun hemm it-tkabbir u l-innovazzjoni, iżda huma jsibuha diffiċli jkollhom aċċess għall-akkwist, kemm fis-swieq tal-UE kif ukoll f’dawk internazzjonali. Bħalissa l-SMEs jirbħu, direttament jew inkella bħala offerenti konġunti jew bħala sottokuntratturi, 45 % mill-valur aggregat tal-kuntratti ’l fuq mil-limiti tal-UE. Id-Direttivi li ġew adottati fl-2014 jinkludu miżuri li għandhom jiffaċilitaw l-aċċess tal-kumpaniji, fosthom tal-SMEs, għall-akkwist pubbliku - anke dak transkonfinali. Jeħtieġ li l-pubbliku inġenerali, il-kumpaniji u l-awtoritajiet kontraenti jkunu infurmati iktar dwar dawn l-opportunitajiet imtejba tal-akkwist għall-SMEs. Dan huwa importanti b’mod speċjali biex jiġu promossi iżjed akkwisti transkonfinali. L-għan hu li jiżdied is-sehem tal-SMEs fl-akkwist pubbliku f’konformità ma’ kemm jiswew b’mod ġenerali fl-ekonomija. Il-Kummissjoni bdiet tieħu wkoll azzjonijiet speċifiċi sabiex tħaffef l-aċċess tal-SMEs għall-akkwist, bħall-proġetti ffinanzjati mill-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u tal-SMEs (il-Programm COSME). Barra minn hekk, tnedew azzjonijiet speċifiċi fil-qasam tad-difiża biex jitħaffef l-aċċess transkonfinali għas-suq għall-SMEs kif previst fil-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-difiża.
Mod ieħor kif jista’ jittejjeb l-aċċess huwa billi tiżdied il-fiduċja fost l-atturi fis-suq, fosthom l-SMEs, biex dawn jieħdu sehem fil-proċeduri tal-akkwist. Dan jista’ jsir billi jingħataw possibbiltajiet ġusti u effiċjenti biex jiġu solvuti l-problemi u biex jiġu riveduti b’mod indipendenti d-deċiżjonijiet dwar l-akkwisti. Dan l-aħħar ġew evalwati d-Direttivi dwar ir-rimedji u f’Marzu tal-2017 ġie stabbilit netwerk tal-korpi ta’ reviżjoni tal-prim’istanza. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni f’dan il-qasam, tagħti gwida u tippromwovi b’mod attiv il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, fosthom bejn il-korpi ta’ appell u ta’ reviżjoni, sabiex ittejjeb l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistemi ta’ reviżjoni fl-UE kollha.
L-UE hija l-aktar suq miftuħ tad-dinja fis-settur tal-akkwist, iżda l-kumpaniji tagħna mhux dejjem jibbenefikaw minn aċċess reċiproku għas-swieq ta’ pajjiżi oħra. Is-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE għad għandhom miżuri li bihom jiddiskriminaw kontra n-negozji tal-UE billi jagħtu preferenza lill-offerenti nazzjonali. Fid-dokument ta’ riflessjoni tagħha dwar il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni, il-Kummissjoni saħqet fuq il-fatt li llum il-ġurnata huwa importanti iktar minn qatt qabel li jerġgħu jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi u talbet li jiġi adottat malajr strument tal-akkwist internazzjonali. Dan se jżid l-influwenza tal-Unjoni Ewropea fin-negozjati tagħha mas-sħab kummerċjali tagħha. Hemm bżonn urġenti li tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni staġnata li hemm bħalissa fil-Kunsill b’rabta ma’ dan l-istrument.
Il-Kummissjoni se tkompli tmexxi l-isforzi biex tippromwovi l-aċċess għas-swieq tal-akkwist u b’hekk tgħin lill-kumpaniji tal-UE jbiegħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom barra minn pajjiżhom. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE jissieħbu fil-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi u taħdem qatigħ biex tikkonkludi kapitli ambizzjużi dwar l-akkwist fil-ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles. Dawn ikollhom l-għan li jiżguraw li n-negozji tal-UE jkollhom id-dritt legali li jieħdu sehem fis-sejħiet għall-offerti ta’ pajjiżi terzi, fosthom ta’ pajjiżi li għaddejjin bin-negozjati biex jissieħbu fl-UE u ta’ pajjiżi li huma msieħba fil-politika Ewropea tal-viċinat, bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-kumpaniji ta’ dawk il-pajjiżi.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippromwovi wkoll ambjent regolatorju favorevoli fil-pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE billi tippromwovi l-iżvilupp ta’ standards globali u konverġenti tal-akkwist.
d.Żieda fit-trasparenza u fl-integrità u dejta ta’ kwalità aħjar
Huwa essenzjali li jkun hemm dejta affidabbli biex jitħejjew tweġibiet adattati tal-politika. It-trasformazzjoni diġitali, il-ġabra tad-dejta li, b’mod ġenerali, qiegħda dejjem tikber u d-disponibbiltà ta’ standards tad-dejta miftuħa joffru opportunitajiet biex tinħoloq analitika aħjar għat-tfassil ta’ politiki bbażati fuq il-ħtiġijiet u biex jinħolqu sistemi ta’ twissija biex jiġi indikat li hemm il-korruzzjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku u biex din tiġi ttrattata. Għandu jkun hemm dejta ta’ kwalità aħjar u li tkun aktar aċċessibbli għaliex dan joffri firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex tiġi vvalutata aħjar il-prestazzjoni tal-politiki tal-akkwist, biex tittejjeb kemm jista’ jkun l-interazzjoni bejn is-sistemi tal-akkwist pubbliku u biex jissawru b’ċertu mod id-deċiżjonijiet strateġiċi tal-ġejjieni. Trid toħroġ dejta ta’ kwalità tajba mis-sistemi tal-akkwist elettroniku, iżda, ta’ rilevanza ikbar huwa l-fatt li dawk li jfasslu l-politika jridu jużaw din id-dejta u jaqsmuha ma’ partijiet interessati oħrajn. Dawn is-sistemi jservu wkoll ta’ mezz biex jiġu nnutati l-irregolaritajiet. Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se tipproponi formoli elettroniċi ġodda sabiex jitjieb il-ġbir tad-dejta.
L-aċċess għad-dejta dwar l-akkwist pubbliku għandu jippermetti li jsir djalogu mas-soċjetà ċivili u għandu jagħmel lill-gvernijiet iktar responsabbli għal għemilhom. B’hekk l-awtoritajiet pubbliċi qegħdin f’qagħda aħjar biex jiġġieldu l-frodi u l-korruzzjoni. Għal dan il-għan, huwa rrakkomandat ferm li jiġu stabbiliti reġistri tal-kuntratti li l-pubbliku jkollu aċċess għalihom, li jfissru li jkun hemm trasparenza dwar il-kuntratti li jkunu ngħataw u dwar l-emendi li jkunu saru fihom.
Il-fatt li jiġu stabbiliti mekkaniżmi effettivi tar-rappurtar u li l-informaturi jitħarsu minn xi att ta’ ritaljazzjoni kontrihom jippermetti li tiġi rrappurtata l-korruzzjoni u dan ukoll jista’ jikkontribwixxi biex titjieb it-trasparenza fl-akkwist pubbliku u biex jiġu ffrankati l-flus tas-settur pubbliku. Bħalissa l-Kummissjoni qed tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni orizzontali fil-livell tal-UE jew għal aktar azzjoni settorjali f’dan il-livell sabiex l-informaturi jitħarsu iktar, kif ukoll il-fattibbiltà legali ta’ azzjoni bħal din u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
Id-Direttivi dwar l-akkwist joffru diversi opportunitajiet biex nimxu lejn proċeduri tal-akkwist pubbliku li jkunu trasparenti għalkollox u li jkunu ħielsa mill-korruzzjoni, billi jdaħħlu l-obbligu tal-akkwist elettroniku sal-2018 u billi jsaħħu d-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitti ta’ interess u dwar l-estensjoni tar-raġunijiet għall-esklużjoni tal-offerenti. Jeħtieġ li jiżdied l-għarfien ta’ dawn il-possibbiltajiet fil-livelli kollha tal-gvern.
Il-kollużjoni hija karatteristika rikorrenti f’ċerti swieq tal-akkwist pubbliku. Din tista’ żżid sa 20 % mal-prezz li normalment jitħallas fis-swieq kompetittivi. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ngħataw is-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar biex jippenalizzaw il-prattiki ta’ kollużjoni, iżda jistgħu jużaw dawn is-setgħat f’każijiet fejn ikun hemm suspett li diġà seħħet il-kollużjoni biss. Għalhekk il-Kummissjoni se tiżviluppa għodod u inizjattivi li jittrattaw din il-kwistjoni u li jżidu l-għarfien dwarha sabiex tnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskji ta’ mġiba kollużiva fis-swieq tal-akkwist. Dan se jinkludi azzjonijiet biex l-awtoritajiet kontraenti jkollhom iktar għarfien tas-suq, l-għoti ta’ appoġġ lill-awtoritajiet kontraenti, l-ippjanar u t-tfassil bir-reqqa tal-proċessi tal-akkwist u kooperazzjoni aħjar u skambju aħjar tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-akkwist pubbliku u dawk tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni se tħejji wkoll linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi l-ġodda tal-UE dwar l-akkwist b’rabta mal-esklużjoni għal raġunijiet ta’ kollużjoni.
e.L-għoti ta’ spinta lit-trasformazzjoni diġitali tal-akkwist
It-teknoloġiji diġitali l-ġodda joffru opportunitajiet kbar biex jiġi armonizzat u ssimplifikat il-proċess tal-akkwist billi jiġi implimentat l-akkwist pubbliku elettroniku. Skont id-Direttivi dwar l-akkwist, sa Ottubru tal-2018 se jkun obbligatorju li l-offerti jitressqu b’mod elettroniku. Madankollu, il-benefiċċji kollha tal-akkwist elettroniku se jinkisbu biss jekk il-proċess kollu tal-akkwist pubbliku jsir wieħed diġitali. Dan jinkludi bosta fażijiet, li jvarjaw mill-ippjanar, in-notifika u t-tressiq sal-ħruġ ta’ fatturi, il-ħlas u l-arkivjar.
It-teknoloġiji l-ġodda joffru l-possibbiltà li wieħed jaħseb mill-ġdid u fil-fond dwar il-mod kif inhuma organizzati l-akkwist pubbliku u l-partijiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Huma joffru ċans uniku biex insawru mill-ġdid is-sistemi rilevanti u biex noħolqu trasformazzjoni diġitali.
Il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb u tippromwovi l-għodod u l-istandards li żviluppat sabiex tgħin lill-pajjiżi jwettqu t-trasformazzjoni diġitali tal-akkwist fil-livell nazzjonali u se tkompli timplimenta għodod f’oqsma kumplimentari bħall-portal diġitali uniku u l-e-Card Ewropea tas-servizzi. Hija se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fuq bażi bilaterali billi tidentifika oqsma ta’ tħassib fit-trasformazzjoni diġitali tal-akkwist pubbliku. Dan jinkludi kwistjonijiet marbutin mal-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet jew tad-definizzjonijiet, mal-istabbiliment ta’ arkitetturi tal-politika adattati, mal-ħiliet u mal-ġbir flimkien tal-partijiet ikkonċernati li hemm bżonn sabiex ir-riformi jsiru b’mod effiċjenti.
f.Kooperazzjoni biex ikun hemm akkwist aggregat
L-aggregazzjoni tal-akkwisti pubbliċi bdiet trabbi l-għeruq fl-UE. Bħala aggregaturi, il-korpi ċentrali għall-akkwisti għandhom f’idejhom il-ġestjoni ta’ ishma dejjem ikbar mis-swieq tal-akkwist pubbliku. Dawn qed isiru atturi importanti fil-promozzjoni tar-riforma fil-qasam tal-akkwist pubbliku, fosthom fl-implimentazzjoni ta’ approċċ strateġiku. Huma joħolqu l-possibbiltà li tiżdied l-influwenza tax-xerrejja tas-settur pubbliku, li hija essenzjali f’ċerti swieq li fihom għadd żgħir ta’ operaturi tas-suq jiddominaw is-suq. Skont is-sitwazzjoni, il-korpi ċentrali għall-akkwisti jistgħu jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali b’mandat ġenerali jew inkella jkollhom fil-mira setturi speċifiċi (bħas-settur tas-saħħa u dak tat-teknoloġija tal-informazzjoni) jew inkella jkunu speċjalizzati fl-akkwist reġjonali jew muniċipali.
L-għadd kbir ta’ akkwisti li jagħmlu l-korpi ċentrali għall-akkwisti jista’ jintuża biex ikun hemm akkwist strateġiku, pereżempju billi jiġu stabbiliti miri għall-akkwist. Ir-rwol ta’ dawn il-korpi fl-istandardizzazzjoni tal-proċessi tal-akkwist pubbliku u l-għarfien li dawn għandhom tas-suq ukoll huma importanti ħafna għall-professjonalizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u jippermettu li jiġu implimentati proċeduri li jiffavorixxu lill-SMEs. L-aggregazzjoni tal-għarfien u tal-għarfien espert toħloq effetti kollaterali minħabba li l-korpi ċentrali għall-akkwisti ta’ spiss joffru servizzi ta’ appoġġ u ta’ konsulenza għal awtoritajiet kontraenti oħrajn.
Kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet kontraenti wkoll tista’ twassal għal ħafna benefiċċji. Bir-regoli l-ġodda tal-UE, l-akkwist konġunt transkonfinali, li fih l-awtoritajiet kontraenti minn pajjiżi differenti jorganizzaw il-proċeduri tal-akkwist tagħhom flimkien, jista’ jsir ħafna iktar faċilment. Diversi eżempji riċenti juru l-fattibbiltà ta’ sħubiji bħal dawn. Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-entitajiet tal-akkwist fil-każ tal-akkwist ta’ proġetti kbar tal-infrastruttura li jaqsmu l-fruntieri nazzjonali, kif ukoll tal-ħila li dawn jitkellmu l-istess lingwa. F’ċerti oqsma, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mal-proġetti tal-infrastruttura tan-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport, se ssir analiżi iktar fil-fond tar-raġunijiet għall-akkwist transkonfinali limitat u jistgħu jitqiesu miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu.
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tkompli żżid l-għarfien dwar prattiki tajbin marbutin mal-akkwist konġunt transkonfinali u tippromwovi dawn il-prattiki.
5.KONKLUŻJONI
B’mod ġenerali, l-awtoritajiet pubbliċi qed jaħdmu qatigħ biex joħolqu soċjetà iktar ġusta bbażata fuq opportunitajiet indaqs, tkabbir ekonomiku sostenibbli u parteċipazzjoni wiesgħa fis-suq, filwaqt li jipprevedu finanzi pubbliċi sostenibbli. L-akkwist pubbliku se jibqa’ strument kruċjali biex jinkisbu l-għanijiet tal-politika. Minħabba s-sehem kbir tiegħu fl-infiq fis-settur pubbliku, jekk jintuża bħala għodda strateġika, dan jista’ jagħti s-setgħa lill-gvernijiet jiksbu riżultati b’rabta ma’ ċerti politiki ewlenin tagħhom.
Użu għaqli tal-akkwist pubbliku jista’ jgħin biex jiġu ttrattati sfidi globali bħalma huma t-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tar-riżorsi u s-soċjetà li qed tixjieħ. Dan jappoġġa l-politiki soċjali u jħaffef il-pass tal-bidla lejn ktajjen tal-provvista u mudelli tan-negozju iktar sostenibbli. Huwa jista’ jtejjeb il-kompetittività u jwassal biex l-SMEs ikollhom aċċess għall-opportunitajiet tal-akkwist. Xerrejja trasparenti u professjonali tas-settur pubbliku se jkunu jistgħu jonfqu b’mod effiċjenti u jiġġieldu l-korruzzjoni.
Diversi Stati Membri diġà bdew jiżviluppaw approċċ strateġiku għall-politiki tal-akkwist, li qed jiġi kkumplimentat minn inizjattivi lokali promettenti. Jekk naħdmu flimkien u nispiraw ruħna minn xulxin nistgħu niksbu iktar riżultati. Il-Kummissjoni tinsab ħerqana biex isservi ta’ faċilitatur f’dan il-proċess ta’ trasformazzjoni lejn sistemi tal-akkwist moderni, innovattivi u sostenibbli li jkunu adattati għas-seklu 21, li jkun xprunat minn sħubija tal-UE li tkun inklużiva u li tkun impenjata b’dedikazzjoni lejn l-akkwist pubbliku intelliġenti.
ANNESS I — Ħarsa ġenerali lejn l-inizjattivi tal-UE marbutin mal-implimentazzjoni tal-akkwist sa tmiem l-2018
F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed titlob li jkun hemm sħubija wiesgħa sabiex jitjieb il-funzjonament tal-prattiki tal-akkwist pubbliku fl-UE. Il-Kummissjoni qed tistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet l-oħrajn u lill-partijiet ikkonċernati l-oħrajn tas-settur tal-akkwist pubbliku jintrabtu li jieħdu azzjonijiet volontarji iżda konkreti b’rabta ma’ dan. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni qed tindika li qed tintrabat li bejn dan il-mument u tmiem l-2018 hija tikseb riżultati b’rabta mal-azzjonijiet speċifiċi li ġejjin:
1. L-iżgurar ta’ użu usa’ tal-akkwist pubbliku strateġiku
-l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu volontarju għall-valutazzjoni ex ante tal-proġetti l-kbar tal-infrastruttura;
-l-aġġornament tal-linji gwida dwar l-akkwist ekoloġiku u soċjali u l-għoti ta’ gwida dwar l-akkwist tal-innovazzjoni; u
-l-iskambju ta’ prattiki tajbin marbutin mal-akkwist strateġiku, fosthom fis-setturi ewlenin (bħal dawk tal-kostruzzjoni, tal-kura tas-saħħa u tat-teknoloġija tal-informazzjoni);
2. il-professjonalizzazzjoni tax-xerrejja tas-settur pubbliku:
-l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni dwar il-professjonalizzazzjoni tax-xerrejja tas-settur pubbliku;
-l-iżvilupp ta’ qafas Ewropew għall-kompetenza fl-akkwist pubbliku li jagħti l-ħiliet u l-kompetenzi essenzjali li x-xerrejja għandhom bżonn;
-il-ħolqien ta’ ċentru elettroniku tal-kompetenzi li jservi ta’ portal ċentrali tal-informazzjoni u ta’ librerija elettronika dwar il-prattiki t-tajbin marbutin mal-akkwist; u
-l-istabbiliment ta’ netwerk ta’ ċentri nazzjonali tal-akkwist tal-innovazzjoni mifrux mal-UE kollha;
3. Titjib fl-aċċess għas-swieq tal-akkwist
-aktar titjib fl-aċċess għas-swieq tal-akkwist ta’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE permezz ta’ ftehimiet dwar il-kummerċ;
-it-tisħiħ tas-sistema ta’ rimedji billi jkompli jissaħħaħ in-netwerk tal-korpi ta’ reviżjoni tal-prim’istanza u billi jinħarġu linji gwida dwar ir-rimedji; u
-it-tnedija ta’ proġetti pilota sabiex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni tal-SMEs permezz tal-intermedjarji kummerċjali u tas-sensara tal-innovazzjoni;
4. Żieda fit-trasparenza u fl-integrità u dejta ta’ kwalità aħjar
-il-ħruġ ta’ formoli standard ġodda marbutin mal-akkwist sabiex jitjieb il-ġbir tad-dejta;
-il-promozzjoni tal-istabbiliment ta’ reġistri tal-kuntratti li l-pubbliku jkollu aċċess għalihom; u
-il-ħruġ ta’ linji gwida dwar l-applikazzjoni fil-prattika tad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar l-integrità u dwar l-esklużjoni għal raġunijiet ta’ kollużjoni, u l-istabbiliment ta’ bażi tad-dejta dwar l-irregolaritajiet;
5. L-għoti ta’ spinta lit-trasformazzjoni diġitali tal-akkwist
-it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-għodda msejħa “e-Certis” u aktar titjib fis-sistemi tal-IT; u
-l-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist, tal-prinċipju ta’ darba biss u tal-fatturazzjoni elettronika;
6. Kooperazzjoni biex ikun hemm akkwist aggregat
-il-promozzjoni tal-akkwist pubbliku konġunt transkonfinali, fosthom tal-innovazzjoni mix-xerrejja l-kbar; u
-it-tnedija ta’ proġett pilota tat-taħriġ dwar il-politiki tal-korpi ċentrali għall-akkwisti li jiffavorixxu lill-SMEs.