IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.9.2017
COM(2017) 570 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-ippreservar u t-tisħiħ ta' Schengen
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.9.2017
COM(2017) 570 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-ippreservar u t-tisħiħ ta' Schengen
1. Introduzzjoni
Iż-żona Schengen hija l-akbar żona tal-ivvjaġġar ħieles fid-dinja. Hija tippermetti lil aktar minn 400 miljun ċittadin tal-UE, kif ukoll lil viżitaturi, jiċċirkolaw b’mod liberu u li l-oġġetti u s-servizzi jiċċaqilqu mingħajr xkiel. Schengen huwa fost l-akbar kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea u l-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ biex tissalvagwardja u żżomm il-moviment liberu tal-persuni żgurat minnu.
In-nuqqas ta’ kontroll fuq il-fruntieri interni huwa fil-qalba ta’ Schengen. F’żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, theddid transfruntier li jaffettwa l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna ta’ dik iż-żona huma kwistjoni ta’ interess komuni. In-nuqqas tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni fiż-żona ta’ Schengen dejjem kien akkumpanjat minn miżuri fil-qasam tal-fruntieri esterni, politika tal-viża, is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, il-protezzjoni tad-data, il-koperazzjoni bejn il-pulizija, il-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u l-politiki dwar id-drogi. F’żona fejn il-persuni jistgħu jiċċirkolaw b’mod liberu, id-dħul mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni huwa l-eċċezzjoni. L-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri għandha tiġi deċiża biss bħala l-aħħar miżura, għal perjodu limitat ta’ żmien u sal-punt li l-kontrolli jkunu meħtieġa u proporzjonati għat-theddidiet serji identifikati għall-ordni pubbliku jew is-sigurta interna
Mill-bidu tiegħu, Schengen kien qed iħabbat wiċċu ma’ tipi differenti ta’ sfidi u theddid. Is-saħħa ta’ Schengen tirriżulta wkoll mill-kapaċità li wieħed jitgħallem u jadatta; Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen ġie emendat f’diversi okkażjonijiet fil-passat biex jiżgura li jibqa' rilevanti.
Il-pressjoni mill-influss tal-massa tal-immigrazzjoni irregolari u ż-żieda tal-atti terroristiċi f’diversi Stati Membri kixfet nuqqasijiet fl-arkitettura ta’ Schengen li kienu jeħtieġu azzjoni uliterjuri. Il-Kummissjoni ħadet il-passi ewlenin biex dawn jiġu rmedjati, bħall-Pjan Direzzjonali Lura lejn Schengen. Fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà fil-fruntieri esterni komuni Ewropew, dan kien ifisser ċaqliqa malajr lejn responsabilità konġunta u ġestjoni tal-azzjoni u kien jinkludi l-aktar it-twaqqif tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-introduzzjoni ta’ kontrolli sistematiċi msejsin fuq bażijiet ta’ data fuq il-persuni kollha li jaqsmu l-fruntieri esterni. Sar progress reali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu permezz ta’ ħidma lejn Unjoni ta’ Sigurtà effettiva u ġenwina. Il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen rivedut implimentat mill-2014 sar ukoll mod importanti biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet, inkluż fl-artikettura ta’ Schengen.
Wasal iż-żmien biex jiġu vvalutati r-riżultati li ħarġu mill-miżuri meħuda mill-Unjoni Ewropea bħala rimedju għall-isfidi li ħabbtet wiċċha magħhom iż-żona Schengen matul is-sentejn li għaddew. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Delivery of the European Agenda on Migration" 1 adottata fis-27 ta’ Settembru, min-naħa waħda tieħu kont tal-kisbiet u n-nuqqasijiet ewlenin fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u min-naħa l-oħra tidentifika azzjonijiet prijoritarji ewlenin li għandhom jittieħdu biex tinkiseb politika Ewropea dwar l-ażil u l-migrazzjoni aktar effiċjenti, ġusta u stabbli. Il-Komunikazzjoni preżentitislet il-konklużjonijiet mill-implimentazzjoni tal-Pjan direzzjonali Lura lejn Schengen u tipproponi l-passi li jmiss għat-tisħiħ ta’ Schengen, inkluż l-adozzjoni ta’ Rakkomandazzjoni dwar applikazzjoni aħjar tar-regoli preżenti u proposta biex jiġi aġġornat il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen fid-dawl tal-isfidi preżenti li qed taffaċċja l-Ewropa.
Barra minn hekk, Schengen aktar bsaħħtu huwa wkoll wieħed li jikkontribwixxi għal koperazzjoni msaħħa fis-sigurtà u għal fiduċja reċiproka fost l-aktar ċirku wiesgħa ta' Stati Membri. Kif ħeġġeġ il-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017, jekk irridu li nsaħħu l-protezzjoni tal-fruntieri esterni tagħna, jeħtieġ li niftħu ż-żona Schengen tal-moviment liberu għall-Bulgarija u r-Rumanija minnufih, u immedjatament wara, ladarba tkun issodisfat il-kriterji kollha, għall-Kroazja.
2. Is-sitwazzjoni attwali taż-żona Schengen
F’żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntiera interni, l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni tista’ tiġi deċiża biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali b'reazzjoni għal sitwazzjonijiet li jaffettwaw b’mod serju l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna ta’ dik iż-żona jew ta’ partijiet minnha jew ta’ Stat Membru jew aktar. B’mod ġenerali l-użu ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontroll fuq il-fruntiera juri li l-Istati Membri japplikaw din il-miżura b’mod responsabbli. Il-kostijiet f'simulazzjoni mingħajr Schengen juru b’mod ċar li din dejjem tkun deċiżjoni għalja għall-ekonomija 2 .
L-influss bil-massa u movimenti migratorji sekondarji li joriġinaw mir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran
L-2015 kien xhieda ta’ flussi mingħajr preċedent ta’ migranti waslu fl-Unjoni Ewropea u li ħolqu movimenti sekondarji ta’ migranti irregolari li mhumiex reġistrati. Is-sitwazzjoni wasslet biex diversi Stati Membri esposti jintroduċu mill-ġdid kontrolli temporanji fil-fruntieri interni tagħhom, f’konformita mar-regoli ta’ Schengen. Il-persistenza tat-theddid għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna f’diversi Stati Membri li rriżultat mill-movimenti sekondarji ta’ migrant irregolari wasslet biex il-Kummissjoni tiskatta għall-ewwel darba l-proċedura speċifika ta’ Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Dan kien wieħed mill-passi previsti mill-Kummissjoni fil-pjan direzzjonali tagħha lura lejn żona Schengen li taħdem b’mod normali fil-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta’ Marzu 2016 3 . Il-proċedura tal-Artikolu 29 tista’ tintuża f’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn in-nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni, identifikati waqt evalwazzjoni ta’ Schengen, jpoġġu f’risjku l-funzjonament taż-żona ta’ Schengen kollha. Fit-12 ta’ Mejju 2016, il-Kunsill 4 , fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni irrakkomanda 5 li l-ħames Stati Membri l-aktar milquta mill-movimenti sekondarji li kienu ġejjin mill-Greċja jintroduċu mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntiera f’taqsimiet speċifiċi tal-fruntieri interni tagħhom. Minkejja titjib progressiv tas-sitwazzjoni, kompliet il-pressjon fuq il-ħames Stati Membri4 kkonċernati u din iġġustifikat l-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntiera interni 6 . Fil-11 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill awtorizza 7 lil dawn il-ħames Stati Membri għat-tielet u l-aħħar darba taħt din il-proċedura biex jestendu dawn il-kontrolli sal-11 ta’ Novembru 2017.
Dawn il-kontrolli fuq il-fruntieri interni ġew akkumpanjati minn kundizzjonijiet stretti: il-kontrolli fuq il-fruntieri ġew introdotti mill-ġdid biss fiż-żoni speċifiċi tal-fruntieri interni affettwati mill-movimenti sekondarji li ġejjin mill-Greċja. It-tieni nett, il-ħames Stati ta’ Schengen konċernati kienu obbligati jipprovdu rapporti kull xahar lill-Kummissjoni dwar il-kontrolli fuq il-fruntieri mwettqa u r-riżultati tagħhom. Dawn ir-rapporti ppermettew lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni sabiex tivverifika li dawn il-kontrolli baqgħu fil-limiti stabbiliti mill-Kunsill. B’kull estensjoni konsekuttiva tar-rakkomandazzjoni inizzjali tat-12 ta’ Mejju 2016, il-Kunsill fakkar ir-regola li l-kontrolli fuq il-fruntiera jistgħu jintużaw biss bħala miżura estrema u li l-Istati Membri minflok għandhom jiffavorixxu l-użu ta’ miżuri alternattivi bħal kontrolli intensivi tal-pulizija fiż-żona tal-fruntiera sabiex jiġu indirizzati t-theddidiet serji għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna.
L-aħħar rapporti mill-Istati ta’ Schengen taħt it-tielet u l-aħħar estensjoni jikkonfermaw it-tendenza kostanti li l-qagħda ġenerali tjiebet ħafna mill-bidu tal-kriżi tal-migrazzjoni. Illum l-għadd ta’ wasliet kuljum fil-gżejjer Griegi naqsu b’mod sinifikanti 8 u l-movimenti sekondarji sussegwenti mill-Greċja lejn Stati Membri oħra huma limitati. Dan huwa l-aktar rifless mix-xejra ’l isfel osservata fl-applikazzjonijiet għall-ażil riċevuti fil-fruntieri interni tal-Istati Membri kkonċernati kif ukoll fl-għadd baxx ta’ ċaħdiet ta’ dħul f’dawn l-Istati Membri.
Dan huwa r-riżultat tal-isforzi kkombinati tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri, l-aġenziji u atturi oħra bħall-IOM jew l-UNCHR involuti fil-ġestjoni ta’ dawn l-isfidi.
It-theddid terroristiku miżjud
L-attakki terroristiċi mwettqa f’seba’ Stati Membri 9 matul dawn l-aħħar sentejn għal darb’oħra poġġew pressjoni fuq iż-żona Schengen. B’mod partikolari, minn Jannar 2015 Franza ffaċċjat għadd ta’ attakki terroristiċi fit-territorju tagħha 10 . It-theddida akbar u d-diversi attakki terroristiċi flimkien mal-organizzazzjoni ta’ diversi avvenimenti internazzjonali wasslu lil Franza biex minn Novembru 2015 tintroduċi u twettaq kontroll fuq il-fruntieri, fil-fruntieri interni kollha tagħha f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Ittieħdu passi biex tiġi indirizzata din l-isfida kemm fuq livell tal-UE kif ukoll fuq livell nazzjonali, iżda t-theddida tat-terrorożmu għadha tippersisti.
3. Azzjonijiet meħuda biex isaħħu lil Schengen
Filwaqt li ż-żona Schengen ffaċċjat dawn l-isfidi kritiċi u mingħajr preċedent, l-UE u l-Istati Membri tagħha ħadmu flimkien biex jieħdu azzjoni biex isaħħu l-fruntieri esterni u jiżguraw is-sigurta u l-ordni pubblika biex jiżguraw iż-żona Schengen ta’ moviment liberu. L-għan aħħari jibqa’ li mmorru lura għal żona Schengen li taħdem normali, mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni. Fi ħdan il-qafas tal-Unjoni tas-Sigurtà, qed jiġu implimentati wkoll serje ta’ azzjonijiet li jikkontrobwixxu għas-sigurtà fiż-żona Schengen. Dan l-approċċ komprensiv huwa essenzjali biex jindirizza t-theddidiet u l-isfidi preżenti u futuri fil-forom kollha tagħhom, li jistgħu jpoġġu fir-riskju l-funzjonalment taż-żona Schengen.
a) Miżuri meħuda fil-fruntiera esterna
Ġestjoni tal-fruntieri esterni msaħħa bl-għodda tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta
Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta l-ġdida 11 saħħet il-kapaċitajiet f’termini ta’ monitoraġġ tal-flussi migratorji lejn u fi ħdan l-Unjoni Ewropea u f’termini ta’ analiżi tar-riskju. Il-qafas ġuridiku l-ġdid ġab riżorsi u għodod ġodda u għamel il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE aktar reżiljenti għall-isfidi l-ġodda. Dan huwa mod speċjali l-każ bil-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà obbligatorja u r-rakkomandazzjonijiet ta’ segwitu tagħhom. Dawn il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà bbażati fuq l-evidenza huma orjentati fuq ir-riżultat peress li jistgħu jwasslu għal rakkomandazzjonijiet operazzjonali indirizzati lill-Istati Membri kkonċernati u jistabbilixxu miżuri konkreti biex jeliminaw vulnerabilitajiet identifikati fi ħdan perjodu ta’ żmien definit. Dawn jgħinu wkoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimmiraw aħjar il-fondi relevanti tal-UE, l-aktar il-Fond għas-Sigurtà Interna u kwalunkwe talba għal finanzjament addizzjonali ta’ emerġenza. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri kkonċernati għalhekk hija ta' importanza ewlenija għas-salvagwardja tat-tħaddim tajjeb taż-żona Schengen.
It-twaqqif tar-Riżerva ta’ Reazzjoni Rapida u tar-Riżerva ta’ Tagħmir ta’ Reazzjoni Rapida(Riżerva ta' reazzjoni rapida) jiggarantixxu d-disponibilità fi ħdan 10 t’ijiem ta’ xogħol ta’ riżorsi umani u tagħmir għal appoġġ operazzjonali fuq talba għal kwalunkwe Stat Membru li jaffronta sitwazzjoni fil-fruntieri esterni li teħtieġ azzjonijiet urġenti. Il-mandat imsaħħaħ tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jinkludi wkoll il-possibilità li jsiru interventi f’sitwazzjonijiet urġenti kemm b’talba ta’ Stat Membru jew fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-Kunsill meta Stat Membru ma jkunx kapaċi jew ma jkollux ir-rieda li jaġixxi.
L-Aġenzija għandha mandat imsaħħaħ fl-assistenza u fl-iżvilupp ulterjuri tal-koperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri fil-qasam tar-ritorn. It-tliet riżervi ġodda ta’ monitoraġġ għar-ritorn furzat, skorta għar-ritorn furzat u speċjalisti tar-ritorn huma operazzjonali u issa jistgħu jiġu mobilizzati billi jiffurmaw Timijiet Ewropej ta’ Intervent ta’ Ritorn, li jipprovdu appoġġ operazzjonali biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-Istati Membri.
Fir-rigward tal-monitoraġġ tas-sitwazzjoni u l-analiżi tar-riskju, l-Aġenzija issa hija kapaċi tħejji l-analiżi tar-riskju li tkopri aspetti rilevanti għall-Ġestjoni Integrata tal-fruntieri Esterni, inkluż riskji li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament jew is-sigurtà taż-żona Schengen ta’ moviment liberu u l-fruntieri esterni tagħha.
Dawn l-għodda operattivi ġodda kollha jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riskju ta’ wasliet irregolari tal-massa kif ukoll ta’ movimenti sekondarji fi ħdan iż-żona Schengen, li jikkonferma progressivament il-bżonn li jitneħħew il-kontrolli temporanji preżenti tal-fruntieri interni.
Il-hotspots
Bħala parti mill-azzjoni immedjata biex jiġu assistiti l-Istati Membri l-aktar esposti li qed jaffaċċjaw pressjonijiet migratorji sproporzjonati fil-fruntieri esterni tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea żviluppat l-approċċ tal-hotspot.
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO), l-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija tal-koperazzjoni tal-Pulizija tal-UE (Europol) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-koperazzjoni Ġudizzjarja (Eurojust) se jaħdmu fuq il-post mal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-aktar esposti biex jgħinuhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE u biex il-migranti irregolari li jaslu jiġu identifikati, rreġistrati u jitteħdulhom il-marki tas-swaba' malajr. L-approċċ tal-hotspot jikkontrobwixxi wkoll għal-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ rilokazzjoni temporanji. L-Italja u l-Greċja huma l-ewwel żewġ Stati Membri fejn dan l-approċċ tal-hotspot bħalissa qed jiġi implimentat. Stati Membri oħra jistgħu, fuq talba, jibbenefikaw ukoll mill-approċċ hotspot. Skont it-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-approċċ tal-hotspots s’issa, il-Kummissjoni aktar tard fil-ħarifa se tippreżenta linji gwida dwar il-preparamenti u t-twaqqif ta’ hotspot fl-Istati Membri.
Kontrolli msaħħa fil-fruntieri esterni b’reazzjoni għat-thedidd terroristiku
Biex jissaħħu l-fruntieri esterni wara sejħa espliċita mill-Kunsill 12 , bl-għan partikolari li jiġu identifikati aħjar u arrestati l-‘ġellieda terroristi barrani’, il-Kummissjoni proponiet emenda fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen biex jiġu introdotti kontrolli sistematiċi ma’ bażijiet ta’ data rilevantigħall-persuni kollha li jaqsmu l-fruntieri esterni 13 . Mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni l-ġdida fis-7 ta’ April 2017, l-istess regoli ta’ konsultazzjoni ma’ bażijiet ta’ data rilevanti japplikaw għall-vjaġġaturi kollha, inkluż għaċ-ċittadini tal-UE u għal persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni, suġġett għal xi deroga possibbli f’każijiet ġustifikati 14 . Ir-regoli l-ġodda saħħew aktar l-użu tal-bażijiet tad-data bħas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen jew il-Bażijiet ta’ data tal-Interpol 15 .
B’konsegwenza tal-introduzzjoni ta’ kontrolli sistematiċi, l-għadd totali ta’ hits fis-Sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen, skont l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, żdied u issa l-ivvjaġġar lejn u lura minn żoni ta’ gwerra jidher biċ-ċar li sar aktar diffiċli.
Bl-azzjonijiet, miżuri u inizjattivi kollha meħuda msemmija hawn fuq fil-fruntiera esterna, l-UE issa hija mgħammra aħjar biex tipprevjeni u tiġġestixxi sitwazzjonijiet potenzjali ta’ kriżi, u biex tiggarantixxi livell ogħla ta’ sigurtà għaċ-ċittadini tagħha.
Sistemi tal-Informazzjoni aktar b'saħħithom u aktar intelliġenti għall-fruntieri u għas-sigurtà
Is-Sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen (SIS) hija l-akbar sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni li tappoġġa l-kontroll fuq il-fruntieri esterni u l-koperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fiż-żona Schengen. F'Diċembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat tliet proposti biex tissaħħaħ aktar l-effettività u l-effiċjenza operazzjonali tas-SIS u biex tissaħħaħ is-sigurtà b’mod globali fl-Ewropa. Il-proposta tintroduċi titjib tekniku u operazzjonali għas-SIS biex jiżgura kondiviżjoni tal-informazzjoni kontinwu u effettiv bejn l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u l-gwardji tal-fruntieri madwar l-Ewropa. Il-miżuri jiffokaw b’mod partikolari fuq li jipprovdu għodda aħjar biex jgħinu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-titjib tar-ritorn effettiv ta’ ċittadin ta' pajjiżi terzi li m’għandhomx id-dritt ikunu fiż-żona Schengen.
Titjib importanti ieħor huwa l-iskjerament tas-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ (AFIS) fis-SIS li se tgħin biex jiġu identifikati b’mod aktar affidabbli n-nies li jidħlu f’Schengen. Il-proġett bħalissa jinsab għaddej (m’huma meħtieġa ebda bidliet leġiżlattivi għall-implimentazzjoni) u l-AFIS se tibda titħaddem fi Frar 2018.
Il-Kummissjoni fl-2016 ressqet ukoll aktar proposti għal titjib tas-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri bi proposti tal-Kummissjoni għal żewġ sistemi tal-IT ġodda fuq skala kbira, is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS).
Is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ timmira li timmodernizza l-ġestjoni tal-fruntiera esterna billi titejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tal-kontrolli kif ukoll id-detezzjoni ta’ frodi tad-dokumenti u tal-identità. Is-sistema se tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li fil-verità jkunu fuq soġġorn qasir fil-mument li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Ewropa. Is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ se tiffaċilita l-qsim tal-fruntiera ta’ vjaġġaturi in bona fede, se tiskopri lil dawk li jeċċedu l-permess ta’ soġġorn u se tidentifika l-persuni mingħajr dokumenti fiż-żona Schengen. L-għan anċillari tas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ huwa li tissaħħaħ is-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja. F'Lulju 2017 intlaħaq ftehim politiku dwar l-istabbiliment ta’ Sistema ta’ Dħul/Ħruġ bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew.
Is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar se teħtieġ liċ-ċittadini ta’ pajjiżi li ma jeħtiġux viża biex jiksbu awtorizzazzjoni tal-ivjajġġar qabel il-wasla tagħhom fiż-Żona Schengen. Dan se jgħin biex jiġu identifikati persuni li jistgħu jkunu ta’ riskju ta' migrazzjoni irregolari jew ta’ riskju għas-sigurtà qabel ma jaslu fuq il-fruntiera u ttejjeb b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-fruntieri esterni. Il-vjaġġaturi se jkollhom ukoll indikazzjoni bikrija u affidabbli tad-dħul fiż-żona Schengen li għaldaqstant se tnaqqas b'mod sostanzjali l-għadd ta' ċaħdiet għal dħul.
Il-Kummissjoni tippjana li tippreżenta malajr kemm jista’ jkun proposta biex titjieb aktar l-interoperabilità bejn is-sistemi t’hawn fuq, kif ukoll mad-data tal-Eurodac, tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali u tal-Europol. Din il-proposta se jkollha l-għan li jiġi żgurat li l-utenti aħħarin ikollhom aċċess rapidu u bla xkiel għall-informazzjoni kollha li jeħtieġu biex iwettqu l-kompiti tagħhom, b’iffukar partikolari fuq l-aċċess mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal sistemi ta’ informazzjoni mhux tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll biex jipprovdu soluzzjoni biex jikxfu u jiġġieldu l-frodi tal-identità.
b) Miżuri meħuda fi ħdan iż-żona Schengen
L-użu ta’ kontrolli proporzjonati tal-pulizija u koperazzjoni transfruntiera tal-pulizija biex tikber is-sigurtà fiż-żona Schengen
L-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri bħala rimedju għal theddid serju għas-sigurtà interna jew għall-ordni pubbliku m’għandhomx ikunu l-ewwel soluzzjoni, kif enfasizzat fl-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, anqas u anqas issa li ttieħdu passi importanti biex jissaħħu l-fruntieri esterni. Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tat-12 ta’ Mejju 2017 16 , il-Kummissjoni esprimiet l-opinjonijiet tagħha dwar kif l-Istati Membri jistgħu jużaw is-setgħat tal-pulizija taħt il-liġi nazzjonali u jwettqu kontrolli tal-pulizija fit-territorju kollu, jekk ikun meħtieġ u ġustifikat, inkluż fiż-żona tal-fruntiera.
Ir-Rakkomandazzjoni ħeġġet lill-Istati Membri jużaw is-setgħat li jikkonċernaw il-kontrolli tal-pulizija fi ħdan it-territorju u l-koperazzjoni transfruntiera bejn il-pulizija b’mod aktar effettiv. L-Istati Membri ġew inkoraġġuti wkoll li jevalwaw jekk il-kontrolli msaħħa tal-pulizija jippermettux li jinkisbu l-istess riżultati bħall-kontrolli interni temporanji, qabel l-introduzzjoni jew l-estensjoni ta’ dawn il-kontrolli. F’dan ir-rigward, ir-Rakkomandazzjoni mibnija fuq ir-Rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 17 li fihom l-Istati Membri ġew mitluba b’mod espliċitu biex jespolraw il-possibilitajiet taħt il-kontrolli tal-pulizija qabel jiddeċiedu dwar l-estensjoni sussegwenti tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni.
L-Istati Membri laqgħu b’mod pożittiv ir-Rakkomandazzjoni, madankollu saħqu l-skala u l-intensità tal-isfidi attwali. Għadd ta’ Stati Membri ddikjaraw li l-użu ta’ kontrolli tal-pulizija u ta’ koperazzjoni operazzjonali transfruntiera ma jistgħux jissostitwixxu l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontroll mal-fruntieri interni f’qasir żmien, iżda jistgħu biss jikkumplimentawh. Biex twieġeb għal dan it-tħassib u biex tassisti lil Stati Membri fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni fil-ħin, il-Kummissjoni qed taħdem mil-qrib mal-awtoritajiet tal-Istati Membri 18 biex tiddiskuti l-isfidi relatati mal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni fil-prattika, inkluż bl-għoti ta’ appoġġ finanzjarju u l-iskambju tal-aħjar prattika.
Il-Kummissjoni flimkien mal-Kunsill se jkomplu jaħdmu biex itejbu l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam biex joħolqu ambjent fejn jiġu implimentati kontrolli effettivi tal-pulizija mill-ewwel minflok kontrolli fuq il-fruntieri interni meta jkun meħtieġ, biex jiġi indirizzat theddid serju għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna.
Miżuri oħra biex tissaħħaħ il-koperazzjoni transfruntiera bejn il-pulizija u dik fl-infurzar tal-liġi
Il-Kummissjoni ħadet passi wkoll biex tkompli ssaħħaħ il-koperazzjoni tal-pulizija bħala għodda ewlenija għal reazzjoni komuni għat-theddid transfruntier li jaffettwa l-ordni pubbliku jew is-sigurta interna ta’ dik iz-zona, u qed taħdem lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina.
Il-qsim effetti tal-informazzjoni hu element ewlieni fil-ġlieda kontra t-theddid kriminali. L-iskambju tal-informazzjoni żdied b’mod sinifikanti u l-Istati Membri qed jużaw il-bazijiet ta’ data bħas-Sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen ħafna aktar spiss. Fl-2016 ġiet adottata d-Direttiva tal-UE dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri li hija essenzjali biex jiġu identifikati vjaġġaturi b’riskju għoli u li ma kinux magħrufa minn qabel mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Bil-ġbir, il-qsim u l-analiżi tad-data tal-passiġġieri, l-ifurzar tal-liġi se jkun f’qagħda aħjar biex jindirizza l-kriminalità organizzata transfruntiera. Ir-Regolament Europol li jsaħħaħ il-mandat tal-Europol daħal fis-seħħ f'Mejju 2017, u ta lill-aġenzija l-għodda biex issir aktar effettiva, effiċjenti u responsabbli. L-Aġenzija ġiet imsaħħa wkoll b’aktar riżorsi.
Skont dan, il-koperazzjoni operazzjonali kompliet titjieb. L-għan tal-hekk imsejjaħ Ċiklu tal-Politika tal-UE huwa li jiżgura koperazzjoni effettiva bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, l-Istituzzjonijiet tal-UE u l-Aġenziji tal-UE li għandha twassal għal azzjoni operazzjonali koerenta u robusta li timmira għall-aktar theddid kriminali urġenti li tħabbat wiċċha miegħu l-UE. Il-prijoritajiet il-ġodda tal-UE għas-snin 2018-2021 ġew adottati reċentement. Dawn se jiġu implimentati mill-2018 ‘il quddiem permezz ta’ pjanijiet annawli ta’ azzjoni operazzjonali.
Biex tgħin ittejjeb il-koperazzjoni transfruntiera tal-infurzar tal-liġi, din is-sena l-Kummissoni organizzat żewġ sessjonijiet ta’ ħidma ddedikati għall-prattika ta’ ‘insegwimenti trasfruntieri’ 19 u għall-użu ta’ għodod ta’ koperazzjoni transfruntiera f’pajjiżi fejn ġew introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Il-Kummissjoni tippjana li tiżviluppa ċerti sejbiet minn dawn iż-żewġ sessjonijiet ta’ ħidma b’għadd ta’ azzjonijiet ta’ appoġġ unterjuri dedikati.
Kontroll ta' kwalità b'saħħtu taż-żona Schengen bil-mekkaniżmu l-ġdid ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen
Filwaqt li ġew implimentati miżuri u inizjattivi addizzjonali biex tkompli tiġi protetta u ppreservata ż-żona ta’ moviment liberu tagħna, qed ikompli l-monitoraġġ mill-qrib tal-obbligi u r-responsabilitajiet tal-Istati Membri skont ir-regoli ta’ Schengen. Dan isir permezz ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, kif rivedut permezz tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013. Kull sena, minn ħames sa sitt Stati Membri jiġu evalwati fuq l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, il-politika tal-viża, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, il-protezzjoni tad-data, il-koperazzjoni tal-pulizija u r-ritorn. Dawn l-evalwazzjonijiet fuq il-post isiru fuq il-bażi ta’ programm multiannwali għall-perjodu 2014–2019, li jippermetti l-evalwazzjoni tal-Istati ta’ Schengen kollha sa tmiem iċ-ċiklu.
Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, li ilu fis-seħħ minn Novembru 2014, jistabbilixxi regoli proċedurali aktar ċari għal rapporti, rakkomandazzjonijiet u segwitu tan-nuqqasijiet identifikati (inkluż monitoraġġ mill-qrib u segwitu tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet), kif ukoll żjarat għal għarrieda. Żjarat fuq il-post minn timijiet ta’ evalwazzjoni, magħmula minn esperti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri kif ukoll osservatur minn aġenziji rilevanti, jirriżultaw f’rapporti ta’ evalwazzjoni fil-qosor bis-sejbiet ikkwalifikati bħala “konformi”, “konformi iżda titjib meħtieġ” jew “mhux konformi” skont id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen kif ukoll rakkomandazzjonijiet biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet identifikati. L-għoti minn Stat Membru evalwat ta’ pjan ta’ azzjoni biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet identifikati f’rapport ta’ evalwazzjoni u ta’ rapporti ta’ segwitu jiżgura monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Barra minn hekk, skont il-gravità tan-nuqqasijiet identifikati, jistgħu jiġu organizzati ż-żjarat mill-ġdid.
Mir-riforma tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, it-timijiet ta’ fuq il-post, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, osservaw konformità mad-dispożizzjonijiet essenzjali tal-qafas ġuridiku ta’ Schengen. Madankollu, ġew innutati għadd ta’ nuqqasijiet speċifiċi u trasversali fl-oqsma kollha ta’ politika, li jeħtieġu li jiġu rimedjati biex jiżguraw standards uniformi għolja fl-applikazzjoni fil-prattika tal-acquis ta’ Schengen u biex jinżamm livell għoli ta’ fiduċja reċiproka bejn dawk l-Istati Membri li jagħmlu parti minn żona mingħajr kontroll fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni.
Il-mekkaniżmu wassal għal titjib sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fl-Istati Membri u diġà wera l-valur miżjud tiegħu fl-iżgurar tal-funzjonament effiċjenti taż-żona Schengen: l-introduzzjoni b’mod koordinat tal-kontrolli fuq il-fruntieri fiż-żoni magħżula tal-fruntiera interna skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kienet ir-riżultat ta’ żjara ta’ evalwazzjoni għall-għarrieda ta’ Schengen fil-Greċja fl-aħħar tal-2015. Dan il-mekkaniżmu ppermetta li jiġu identifikati u li jiġu rimedjati malajr nuqqasijiet serji fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni fil-Greċja, filwaqt li l-pjan ta’ azzjoni sussegwenti u r-rapporti ta’ segwitu ta’ kull xahar ippreżentati mill-Greċja juru l-azzjonijiet meħuda mill-Greċja biex tiżdied is-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-Ewropa. L-evalwazzjoni “regolari” tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni Griegi li saret fl-2016 ikkonfermat il-progress li sar mill-awtoritajiet Griegi.
L-Evalwazzjoni ta’ Schengen wasslet ukoll għal titjib konkret fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fl-Istati Membri evalwati. Fost l-eżempji ta' dawn insibu: titjib fl-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, li tistabbilixxi strateġiji nazzjonali għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri mill-Istati Membri, jew żieda fil-livelli tal-persunal f’punti speċifiċi ta’ qsim tal-fruntiera sabiex tittejjeb il-ġestjoni tal-fruntiera esterna.
Dawn l-esperjenzi kollha juru l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen fiż-żona Schengen kollha. L-Istati Membri kollha għandhom isegwu mill-qrib fuq it-tagħlimiet meħuda mill-evalwazzjonijiet ta’ Schengen, u jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva u effiċjenti tal-acquis ta’ Schengen f’pajjiżhom stess.
Il-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-kwalità ta’ Schengen huwa sistema f’evoluzzjoni permanenti. Il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà mwettqa kull sena, mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta issa tikkumplimentaw il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, li flimkien jikkostitwixxu sistema kompluta ta’ kontroll tal-kwalità ta’ Schengen. It-tisħiħ tas-sinerġiji u koordinazzjoni mill-qrib bejn il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà u l-evalwazzjonijiet ta’ Schengen se jwassal għal titjib sinifikanti, peress li l-evalwazzjonijiet ta’ Schengen fil-futur ser ikunu jistgħu wkoll jirrikorru għal u jintegraw ir-riżultati ewlenin tal-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà kif ukoll jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw miż-żewġ mekkaniżmi jkunu qed isaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jżommu kuntatt mill-qrib biex jiżguraw l-ogħla livell ta’ sigurtà fil-fruntieri esterni.
Fl-aħħar nett, hija essenzjali rabta iktar b’saħħitha bejn is-sistema ta’ kontroll tal-kwalità ta’ Schengen u l-użu tal-finanzjament tal-UE. Diġà skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, l-Istat Membru kkonċernat għandu jeżamina, flimkien mal-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, kif għandu jindirizza l-konklużjonijiet fi ħdan il-qafas tal-programm nazzjonali tiegħu taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna, inklużi kwalunkwe nuqqasijiet, identifikati permezz tal-valutazzjonijiet ta’ Schengen.
Qafas ta’ Schengen b’saħħtu u reżiljenti
Ir-regoli ta’ Schengen jinkludu ċertu grad ta’ flessibbiltà u għandhom għalhekk jitħallew jittrattaw kemm sitwazzjonijiet ta’ kriżi maġġuri kif ukoll dawk inqas maġġuri; il-qafas tar-regoli ta’ Schengen intuża b’suċċess biex jissalvagwardja l-funzjonament ġenerali tas-sistema ta’ Schengen. Dawn l-aħħar 10 snin juru li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-dispożizzjonijiet attwali tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, inklużi l-iskedi taż-żmien stabbiliti, huma biżżejjed biex jiġi indirizzat it-theddid serju identifikat. Bejn l-2006 (id-data tal-adozzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) u 2015, il-kontrolli temporanji fuq il-fruntieri ddaħħlu mill-ġdid 36 darba u kważi qatt ma ġew estiżi, u normalment twettqu biss għal ftit ġranet jew ġimgħat. Barra minn hekk, proċedura eċċezzjonali tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li ntużat għall-ewwel darba wara l-kriżi tal-migrazzjoni wriet li l-qafas legali ta’ Schengen għandu l-għodda biex jindirizza din l-isfida.
Filwaqt li l-Istati Membri kkonċernati segwew approċċ koordinat għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni taħt l-Artikolu 29, dan kien mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex b’mod temporanju jintroduċu mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntieri interni f’każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna.
Id-dispożizzjonijiet attwali tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprojbixxu l-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni introdotti mill-ġdid lil hinn, rispettivament minn xahrejn (Artikolu 28 - f’każ ta’ avvenimenti li jeħtieġu azzjoni immedjata) u sitt xhur (Artikolu 25 - għal avvenimenti previsti).
Għandu jitfakkar ukoll li r-regoli ta’ Schengen jeħtieġu li kontrolli fuq il-fruntieri interni jintużaw biss bħala miżura aħħarija. L-Istati Membri għandhom l-ewwel jikkunsidraw l-użu ta’ miżuri alternattivi għal kontrolli fuq il-fruntiera, bħalma huma spezzjonijiet tal-pulizija, biex tiġi indirizzata theddida identifikata. L-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu kif iwettqu spezzjonijiet tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntieri interni, bil-kundizzjoni li dawn il-kontrolli ma jkollhomx effett ekwivalenti bħall-verifiki fil-fruntieri. Huwa biss meta miżuri alternattivi, bħal spezzjonijiet tal-pulizija, ma jkunux biżżejjed biex jirrimedjaw it-theddid, li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħmlu kontrolli temporanji fil-fruntieri interni.
4. Schengen jadatta għall-isfidi attwali u futuri
Is-saħħa tal-għodod fil-qafas legali ta’ Schengen, kif spjegat hawn fuq, ippermettiet it-tnaqqis tal-flussi irregolari ta’ migranti lejn l-UE u movimenti sekondarji, li kienu kawża ta’ tħassib kbir għal ħafna Stati Membri u ċittadini.
It-theddid li jkollu jiffaċċja Schengen qed jevolvi l-ħin kollu. L-attakki terroristiċi reċenti f’diversi Stati Membri juru li abbażi tal-progress li sar, l-Unjoni Ewropea għandha wkoll tkun aktar b’saħħitha u mgħammra kif suppost fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Biex tiġi żgurata l-effettività tal-isforzi tal-UE biex titjieb is-sigurtà u biex tissaħħaħ iż-żona Schengen, huwa kruċjali li jiġi żgurat li r-regoli huma u jibqgħu adattati għall-iskop tagħhom fid-dawl ta’ dawn ir-realtajiet ġodda u li jiġu segwiti mill-Istati Membri kollha kkonċernati.
Proposta għal emenda għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen
Fil-maġġoranza assoluta tal-każijiet, ir-regoli li jirregolaw l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontroll fil-fruntieri interni wrew li kienu biżżejjed. Madankollu f’dawn l-aħħar snin kien hemm żieda fl-isfidi għas-sigurtà li qed jevolvu u dawk ġodda, kif urew l-attakki terroristiċi ripetuti. Il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm il-ħtieġa li jiġu aġġortanti dawn ir-regoli.
L-Istati Membri huma responsabbli għall-għażla tal-miżuri l-aktar xierqa biex jiġu indirizzati t-theddidiet identifikati u jiġu protetti l-ordni pubbliku u s-sigurtà interna tagħhom. Għal dak l-għan, fejn it-theddida tibqa' tippersisti minkejja l-isforzi kollha, huwa ġġustifikat li jiġu aġġustati l-limiti taż-żmien applikabbli, filwaqt li fl-istess ħin jiġu introdotti salvagwardji proċedurali aħjar tal-kontrolli mal-fruntieri interni għal dak li huwa strettament meħtieġ, biex tinżamm żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni.
Għal dan l-għan, il-Kummissjoni llum qed tressaq proposta 20 li tirrevedi r-regoli attwali li jirregolaw il-qafas ġenerali għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni skont l-Artikoli 25 u 27 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.
Il-proposta timmodifika l-iskadenzi ġenerali għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni f’każ ta’ avvenimenti prevedibbli. Madankollu, minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni m’għandux jaqbeż dak li hu strettament neċessarju b’risposta għat-theddida serja, il-Kummissjoni tissorvelja t-tul attwali ta’ dawn il-kontrolli u jista’ jagħti l-każ li toħroġ opinjoni f’dan ir-rigward. Fil-każ ta’ tħassib dwar in-neċessità jew il-proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri, jew meta l-kontrolli fil-fruntieri interni jitwettqu għal aktar minn sitt xhur, il-Kummissjoni għandha dejjem tagħti opinjoni.
Kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid jew estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntiera se tkun soġġetta għal valutazzjoni dettaljata tar-riskju li għandha jkun fiha wkoll rapport dettaljat tal-koordinament li jkun sar mal-Istati Membri kkonċernati. Il-Kummissjoni għandha tikkondividi l-valutazzjoni tar-riskju, kif ikun xieraq mal-Aġenziji li għandhom il-kompetenzi biex jivvalutaw l-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri, b’mod partikolari l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta u l-Europol.
Il-proposta tintroduċi wkoll il-possibilità li jiġi estiż b’mod eċċezzjonali, il-kontroll fuq il-fruntieri interni, jekk l-istess theddid jippersisti għal aktar minn sena, iżda biss jekk it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fl-Istat Membru konċernat tkun speċifika biżżejjed u tikkorrispondi għal miżuri nazzjonali eċċezzjonali proporzjonati, bħal pereżempju stat ta’ emerġenza. Kwalunkwe estensjoni ulterjuri fuq din il-bażi hija limitata għal sentejn. Fid-dawl tan-natura straordinarja ta’ estensjoni ulterjuri bħal din, tkun meħtieġa opinjoni mill-Kummissjoni segwita minn rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet għall-koperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, u li tikkostitwixxi prerekwiżit għal kwalunkwe estensjoni.
Il-proposta ssaħħaħ il-prinċipju li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni għandha tkun miżura aħħarija. Ir-rekwiżit biex tiġi ppreżentata valutazzjoni tar-riskju li turi li l-ħsieb ta' introduzzjoni jew estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntiera huwa miżura aħħarija għandha tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-użu ta’ miżuri alternattivi, bħalma huma l-miżuri msaħħa mill-pulizija.
Implimentazzjoni aħjar tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen relatati mal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni
Sakemm issir l-adozzjoni ta’ bidliet immirati tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kif spjegat fid-dettall iktar ’il fuq, ma jistax jiġi eskluż li l-Istati Membri ta’ Schengen jirrikorru biex jinvokaw ir-regoli attwali relatati mal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.
Abbażi tar-regoli eżistenti u fid-dawl tal-ispirtu tal-bidliet proposti, il-Kummissjoni hija tal-fehma li teħtieġ gwida ulterjuri biex jiġi żgurat li, jekk Stat Membru jinvoka r-regoli eżistenti, dan isir b’tali mod li jiġu salvagwardjati aħjar l-interessi komuni. B’mod partikolari, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprijoritizza l-użu ta’ miżuri alternattivi u, fejn tkun meħtieġa l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli temporanji fil-fruntieri interni, f’konformità mal-Artikolu 26 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jieħu miżuri li jillimitaw kemm jista’ jkun l-impatt fuq il-moviment liberu u jikkoopera mill-qrib mal-ġirien tiegħu. Pereżempju, din il-koperazzjoni għandha tinkludi reiżami kostanti tal-kontrolli fuq il-fruntiera u l-adattament għall-ħtiġijiet li jkunu qed jevolvu u l-impatt fil-post. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni llum adottat ukoll Rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen 21 .
It-tkabbir ta’ Schengen għal dawk il-pajjiżi li huma lesti u impenjati
Hekk kif l-Istati Membri qed jiffaċċjaw theddid akbar, huwa permezz tal-għaqda flimkien, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jiżguraw żona Schengen aktar b'saħħitha.
Wara l-evalwazzjonijiet pożittivi li twettqu fl-2009 u fl-2010 li wrew li kemm ir-Rumanija kif ukoll il-Bulgarija jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jissieħbu f’Schengen, il-Kummissjoni qed tinsisti dwar l-adeżjoni sħiħa ta’ dawn l-Istati Membri fiż-żona Schengen.
Issa wasal iż-żmien li l-Bulgarija u r-Rumanija jsiru membri sħaħ ta’ Schengen. Il-Kummissjoni tqis li l-Kunsill issa għandu jieħu d-deċiżjoni li tiftaħ it-triq għat-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni bejn dawn iż-żewġ Stati Membri u l-ġirien tagħhom tal-UE. Li l-Bulgarija u r-Rumanija jitħallew jissieħbu f’Schengen ser ikompli jikkontribwixxi għall-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kollha. Kif iddikjarat mill-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fit-13 ta’ Settembru 2017, “Għandna fruntieri komuni iżda l-Istati Membri li, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, jintlaqtu l-ewwel, ma jistgħux jitħallew waħedhom biex jipproteġuhom. Il-fruntieri komuni u l-protezzjoni komuni jridu jimxu id f’id.” Barra minn hekk, deċiżjoni rapida dwar l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen għar-Rumanija u l-Bulgarija tippermetti l-inklużjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija biex jikkontribwixxu bis-sħiħ għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.
Fir-rigward tal-adeżjoni tal-Kroazja, evalwazzjoni ta’ Schengen, li tivverifika l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet rilevanti kollha tal-acquis ta’ Schengen saret matul l-2016 għall-biċċa l-kbira tal-oqsma tar-regoli ta’ Schengen. Ġie konkluż li l-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tissieħeb fiż-żona Schengen f’xi oqsma, iżda f’oqsma oħrajn huwa meħtieġ aktar titjib. L-evalwazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen trid titlesta sa Ottubru 2017, u se ssir żjara oħra fil-qasam tal-fruntieri esterni f’Novembru 2017. Wara dan, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha, l-adeżjoni tal-Kroazja fiż-żona Schengen se tiġi deċiża mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Kroazjagħandna wkoll issir membru sħiħ ta’ Schengen ladarba tissodisfa l-kriterji kollha.
Fir-rigward ta’ Ċipru, ser iseħħ evalwazzjoni ta’ Schengen fl-oqsma rilevanti kollha ladarba tagħmel notifika.
5. Konklużjonijiet għall-passi li jmiss biex tissaħħaħ iż-żona Schengen
Il-Pjan Direzzjonali Lura lejn Schengen tal-4 ta’ Marzu 2016 jistabbilixxi l-miżuri li hemm bżonn biex jiġu stabbiliti s-sisien għal ritorn lejn żona Schengen li taħdem b’mod normali. Minn dak iż-żmien saru ħafna kisbiet fl-indirizzar tal-isfidi identifikati u fl-iżgurar ta’ approċċ koordinat, f’konformità mar-regoli tas-sistema ta’ Schengen.
Schengen tkompli tħabbat wiċċha ma’ sfidi ġodda u li qed jevolvu. Għalhekk jeħtieġ li niżguraw li r-regoli attwali ta’ Schengen jiġu applikati u l-għodod tagħha jintużaw b’mod sħiħ filwaqt li jitjiebu dawk ir-regoli li urew li ma kinux adattati biżżejjed.
Fl-istess ħin, issa jeħtieġ li nintegraw bis-sħiħ lill-Bulgarija u lir-Rumanija f’Schengen, għaliex huwa biss bl-għaqda flimkien li nistgħu niżguraw żona Schengen aktar b'saħħitha.
Il-Kummissjoni tistieden:
1.lill-Kunsill japprova l-approċċ tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen;
2.lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jaqblu malajr dwar l-aġġornament tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kif propost mill-Kummissjoni.
3.lill-Kunsill biex issa jieħu deċiżjoni li tippermetti għall-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija u l-abolizzjoni tal-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni tal-art, tal-baħar u tal-ajru.
COM(2017) 558.
Skont l-analiżi tal-Kummissjoni tal-kost ekonomiku dirett m ta’ Schengen, jiġifieri s-sitwazzjoni fejn il-kontroll fuq il-fruntieri jkunu ġew introdotti mill-ġdid għal perjodu itwal ta’ żmien, id-dewmien fil-fruntieri jkollu impatt sostanzjali fuq it-trasport transfruntier (l-aktar permezz ta’ trasport bit-triq), it-turiżmu, l-amministrazzjoni pubblika u l-ħaddiema u l-vjaġġaturi transfruntiera. Għal dawk il-kategoriji, il-kostijiet diretti huma stmati li jvarjaw bejn EUR 5 u EUR 18-il biljun kull sena (jew 0.06 %- 0.13 % tal-PDG), skont il-ħin moħli minħabba d-dewmien. Il-kostijiet indiretti mhux ta’ Schengen fuq terminu medju jistgħu jkunu konsiderevolment ogħla minn dawk l-istimi diretti, minħabba li l-impatti fuq il-kummerċ intrakomunitarju, l-investiment u l-mobilità jkunu bla preċedent jekk l-eliminazzjoni ta’ Schengen tipperikola l-integrazzjoni ekonomika.
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill "Lura lejn Schengen – Pjan Direzzjonali", COM(2016) 120 final.
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/894 tat-12 ta’ Mejju 2016 li tikkostitwixxi rakkomandazzjoni għal kontroll temporanju fil-fruntieri interni f’ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f’riskju (ĠU L 151, 8.6.2016, p.8).
Il-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2016 għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsillli tagħti rakkomandazzjoni għal kontroll temporanju fil-fruntieri interni f’ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f’riskju, COM(2016) 275 final.
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1989 tal-11 ta’ Novembru 2016u (UE) 2017/246 tas-7 ta’ Frar 2017 għal estensjoni tal-kontroll temporanju fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f'riskju.
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/818 tal-11 ta’ Mejju 2017għall-estensjoni temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni f’ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f’riskju.
L-għadd ta’ qasmiet irregolari bejn il-21 ta’ Marzu 2016 u s-17 ta’ Setetmbru 2017 kien ta’ medja ta’ 78 kuljum.
Il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.
F'Jannar u Novembru 2015, f’Pariġi, f’Junju 2015 f’Saint-Quentin Fallavier, f’Awwisu 2015 fuq ferrovija Thalys, f'Jannar 2016 f’Valence, f'Ġunju 2016 f’Magnanville, f'Lulju 2016 f’Nizza, f'Lulju 2016 f’Saint-Étienne-du-Rouvray, fi Frar 2017 f’Pariġi (attakk b’machete quddiem il-Louvre), f'April 2017 għal darb oħra f’Pariġi (attakk f’Champs-Elysees).
Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, ĠU L 251, 16.9.2016, p.1.
B’mod partikolari s-sejħa tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2015 biex jiġi emendat il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen wara l-attakki terroristiċi f’Pariġi fit-13 ta’ Novembru 2015.
Ir-Regolament (UE) 2017/458 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar it-tisħiħ tal-verifiki fuq il-fruntieri esterni ma’ bażijiet ta’ data rilevanti.ĠU L 74 18.3.2017 p. 1-7.
Il-possibilità ta’ deroga mill-kontrolli sistematiċi fil-fruntieri tal-art u tal-baħar tapplika fir-rigward ta’ ċittadini tal-UE meta dawn il-kontrolli sistematiċi jkollhom impatt disproporzjonat fuq il-flussi tat-traffiku u wara valutazzjoni tar-riskju li tiggarantixxi li s-sigurtà ma tkunx imfixkla minn konsultazzjoni mhux sistematika u mmirata mal-bażijiet ta’ data rilevanti. Fl-ajruporti, deroga bħal din fil-prinċipju hija possibbli matul perjodu ta’ 6 xhur (sas-7 t’Ottubru 2017). Wara dik id-data il-Kummissjoni tista’ tawtorizza derogi fl-ajruporti li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi infrastrutturali matul perjodu addizzjonali ta’ 18-il xahar.
B’użu obbligatorju tal-bażi ta’ data tad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Mitlufa u Misruqa.
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 2017 dwar kontrolli propoporzjonati tal-pulizija u l-koperazzjoni tal-pulizija fiż-żona Schengen, C(2017) 3349 final.
Il-proposta tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ottubru 2016 għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsillli tagħti rakkomandazzjoni għal kontroll temporanju fil-fruntieri interni f’ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f’riskju, COM(2016) 711 final.
Il-Kumitat Permanenti tal-Kunsill dawwr il-koperazzjoni operazzjonali dwar is-sigurta interna (COSI) għamel dibattitu ta' orjentazzjoni fl-20 ta’ Ġunju 2017 u diskussjoni ta’ segwitu fl-10 ta’ Lulju 2017.
Dawn huma insegwimenti (tipikament bil-karozza) ta’ persuni suspettati, li jibdew f’żoni tal-fruntieri interni minn uffiċjali tal-eżekuzzjoni tal-liġi ta’ Stat Membru wieħed u jkomplu fit-territorju ta’ Stat Membru ġar.
COM(2017) 571.
C(2017) 6560.