IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.9.2017
COM(2017) 547 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Sistema tat-Taxxa Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.9.2017
COM(2017) 547 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Sistema tat-Taxxa Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali
Introduzzjoni
Is-Suq Uniku Diġitali (Digital Single Market, DSM) huwa wieħed mill-10 prijoritajiet politiċi ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea. L-istrateġija tad-DSM 1 għandha l-għan li toħloq opportunitajiet diġitali għan-nies u n-negozji f’suq ta’ aktar minn 500 miljun konsumatur fl-UE. Jekk jitlesta s-Suq Uniku Diġitali dan ikun jista’ jikkontribwixxi għal EUR 415 biljun kull sena għall-ekonomija tal-Ewropa, joħloq impjiegi u jbiddel is-servizzi pubbliċi. Il-Kummissjoni wettqet il-proposti li ħabbret tul it-18-il xahar wara li ġiet adottata l-Istrateġija. Fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija 2 , il-Kummissjoni aġġornat l-analiżi tagħha u ffukat fuq is-serje ta’ sfidi li kien imiss. It-teknoloġiji diġitali qegħdin ibiddlu d-dinja tagħna u qed ikollhom impatt importanti fuq is-sistemi tat-tassazzjoni. Dawn jgħinu biex is-sistemi jiġu ġestiti aħjar, joffru soluzzjonijiet biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, u jindirizzaw il-problema tal-evażjoni tat-taxxa. Madankollu, ibiddlu wkoll il-mudelli tan-negozju fejn l-assi intanġibbli sar ikollhom rwol aktar u aktar importanti, u dan jitfa’ pressjoni fuq is-sistema tat-tassazzjoni Ewropea.
Is-Suq Uniku Diġitali tal-UE jeħtieġ qafas tat-taxxa modern u stabbli sabiex l-ekonomija diġitali tkun tista’ tistimola l-innovazzjoni, tindirizza l-frammentazzjoni tas-suq u tippermetti lill-atturi kollha jisfruttaw id-dinamiċi ġodda tas-suq f’kundizzjonijiet ġusti u bbilanċjati. Huwa essenzjali li tiġi garantita ċ-ċertezza tat-taxxa għall-investiment tan-negozji u li jiġu evitati lakuni ġodda fil-qasam tat-taxxa li qed ifeġġu fis-Suq Uniku.
Fil-qasam tat-tassazzjoni, dawk li jfasslu l-politika qed isibuha bi tqila biex isibu soluzzjonijiet li jiżguraw tassazzjoni ġusta u effettiva hekk kif il-bidla diġitali tal-ekonomija qed taċċelera. Hemm dgħufijiet fir-regoli tat-taxxa internazzjonali minħabba li dawn oriġinarjament tfasslu għan-negozji tradizzjonali u issa saru antikwati. Ir-regoli tat-taxxa attwali ma għadhomx adatti għall-kuntest modern fejn in-negozji jiddependu ħafna fuq l-assi intanġibbli mhux faċilment stimabbli, dejta u awtomazzjoni li jiffaċilitaw il-kummerċ onlajn transfruntiera mingħajr preżenza fiżika. Dawn il-kwistjonijiet mhumiex limitati għall-ekonomija diġitali u potenzjalment għandhom impatt fuq in-negozji kollha. Bħala riżultat ta’ dan, xi negozji huma preżenti f’xi pajjiżi fejn joffru servizzi lill-konsumaturi u jikkonkludu kuntratti magħhom, u b’hekk jieħdu l-vantaġġ sħiħ tal-infrastruttura u l-istituzzjonijiet tal-istat tad-dritt disponibbli filwaqt li ma jitqisux preżenti għall-iskopijiet tat-taxxa. Din il-pożizzjoni ta’ opportuniżmu toħloq kundizzjonijiet favur tagħhom meta mqabbla man-negozji stabbiliti.
Bħala riżultat ta’ dan, l-isfida dejjem tikber biex jiġi żgurat li l-ekonomija diġitali tiġi ntaxxata b’mod ġust għadha ma ġietx indirizzata b’mod xieraq, l-aktar minħabba nuqqas ta’ kunsens internazzjonali u minħabba n-natura multidimensjonali ta’ din l-isfida. Din hija sitwazzjoni insostenibbli f’dinja dejjem aktar globalizzata u konnessa b’mod diġitali, fejn aktar u aktar attivitajiet qed isiru diġitali. Jekk ma jiġux indirizzati dawn is-sitwazzjonijiet ikun hemm aktar opportunitajiet biex tiġi evitata t-taxxa, inqas dħul mit-taxxa għall-baġits pubbliċi, impatt fuq il-ġustizzja soċjali, inkluż permezz tal-erożjoni tal-baġits soċjali, u dan jiddistabbilizza l-kundizzjonijiet ekwi għan-negozji. Dan kollu joħloq riskju għall-kompetittività tal-UE, it-tassazzjoni ġusta u s-sostenibbiltà tal-baġits tal-Istati Membri. Kif enfasizza l-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker fid-Diskors tiegħu tal-2017 dwar l-Istat tal-Unjoni 3 , il-Kummissjoni titlob li jkun hemm taxxi ġusti għall-industrija diġitali. Fl-ECOFIN Informali f’Tallinn 4 , il-Presidenza, appoġġata minn numru kbir ta’ Stati Membri, talbet lill-Kummissjoni biex teżamina l-għażliet u tipproponi soluzzjonijiet effettivi, bil-perspettiva li jintlaħaq qbil dwar it-triq ’il quddiem għall-UE sa tmiem is-sena.
Mill-bidu tal-mandat tagħha, il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tiżgura l-prinċipju li n-negozji kollha li joperaw fl-UE jħallsu t-taxxi tagħhom fil-post fejn jiġu ġġenerati l-profitti u l-valur. Dan il-prinċipju huwa essenzjali għal tassazzjoni ġusta u effettiva fis-Suq Uniku, u jista’ biss jiġi infurzat permezz ta’ miżuri komuni u koordinati. L-approċċi nazzjonali diverġenti fl-UE jistgħu jifframmentaw is-Suq Uniku, iżidu l-inċertezza tat-taxxa, jiddistabbilizzaw il-kundizzjonijiet ekwi u joħolqu lakuni ġodda għall-abbuż tat-taxxa. Kif diġà ġie identifikat fir-rapport tal-Kummissjoni f’Mejju 2014 5 , il-qafas tat-taxxa internazzjonali jrid jiġi riformat sabiex ikun jista’ jintegra b’mod effettiv il-valur maħluq mill-mudelli l-ġodda tan-negozju – sfortunatament, sa issa kien diffiċli li jintlaħaq qbil dwar is-soluzzjonijiet fuq il-livell globali, kif jidher ċar mir-rapport tal-OECD f’Ottubru 2015 6 . Issa wasal iż-żmien li naġixxu. Il-Kummissjoni trid aġenda ambizzjuża tal-UE fir-rigward ta’ din il-kwistjoni u approċċ komuni tal-UE biex jiġi żgurat li l-ekonomija diġitali tiġi ntaxxata b’mod effettiv u b’mod li jiżgura l-ġustizzja u li jappoġġa t-tkabbir.
Din l-aġenda l-ġdida se tikkumplimenta l-passi ewlenin li diġà saru biex jitjieb il-qafas tat-taxxa korporattiva dawn l-aħħar snin, kemm fil-livell tal-UE u kemm fil-livell internazzjonali. Fl-UE, l-Istati Membri qablu fuq serje ta’ regoli ambizzjużi biex jiġi indirizzat l-ippjanar tat-taxxa aggressiv u biex tiżdied it-trasparenza tat-taxxa, u intensifikaw il-pożizzjoni internazzjonali tagħhom dwar governanza tat-taxxa tajba permezz tal-Istrateġija Esterna dwar Tassazzjoni Effettiva. Fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni wettqet inkjesta ġenerali dwar il-prattiki tad-deċiżjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri u qed teżamina d-deċiżjonijiet u l-iskemi tat-taxxa li jagħtu trattament tat-taxxa preferenzjali għal ċerti kumpaniji. Il-Kummissjoni ordnat li tiġi rkuprata l-għajnuna f’bosta każijiet. Fil-qasam tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT), il-Kummissjoni qed tindirizza wkoll b’mod dirett l-isfidi imposti mill-ekonomija diġitali bil-proposta tagħha dwar il-kummerċ-e 7 . In-negozjati dwar il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) 8 , li tniedet mill-ġdid mill-Kummissjoni fl-2016, qed javvanzaw. Ladarba jkun hemm qbil, il-BKKTK se tipprovdi qafas kompetittiv, ġust u b’saħħtu għat-tassazzjoni tal-kumpaniji fis-Suq Uniku.
In-negozji issa huma ħafna aktar diġitalizzati minn qabel
Qed naġixxu f’dinja mingħajr fruntieri u f’dinja globalizzata. Iż-żieda fil-konsum hija akkumpanjata minn kummerċ intensifikat u volumi tal-kummerċ dejjem jikbru. Fl-istess ħin il-kummerċ qed isir aktar internazzjonali. It-tkabbir tal-ekonomija diġitali qed iwassal għal rivoluzzjoni fil-ħajja ta’ kuljum u fil-mudelli tan-negozju, li mhux biss qed jaffettwaw il-mudelli tradizzjonali tal-ekonomija, tal-politika, tal-governanza, tal-infurzar u tal-intrapriżi, iżda wkoll l-amministrazzjoni tat-taxxa u doganali.
Id-diġitalizzazzjoni aġixxiet bħala faċilitatur u aċċelleratur tal-kummerċ transfruntiera. L-evoluzzjoni tal-mudelli tan-negozju tfisser li l-kumpaniji joperaw b’mod fundamentalment differenti llum milli fiż-żmien meta tfasslu r-regoli internazzjonali tat-taxxa u dawk doganali – pereżempju, mhijiex rikjesta preżenza fiżika biex jinbiegħu l-oġġetti u s-servizzi f’suq, u dan ifisser li jista’ jkun diffiċli biex tiġi stabbilita l-bażi tat-taxxa fil-ġurisdizzjoni tas-suq jew l-oriġini tal-oġġetti għall-iskopijiet doganali. Wieħed jista’ jordna affarijiet mid-dinja kollha sempliċement billi jikklikkja fuq buttuna tal-kompjuter. Dan jissarraf f’suq akbar, prezzijiet aktar baxxi b’mod globali u opportunitajiet ġodda. Hija evoluzzjoni li qed tfixkel il-mudelli tan-negozju eżistenti, u l-pjattaformi onlajn qed jirreaġixxu għad-domanda b’mod aktar effettiv. Huwa rilevanti li dan mhux biss jirriżulta f’żieda fil-kummerċ iżda wkoll fi frammentazzjoni tal-kummerċ, li jinvolvi partijiet ġodda li mhux dejjem ikunu familjari mal-obbligi tat-taxxa u doganali, jew forsi jistgħu jibnu l-istruttura tan-negozju tagħhom b’tali mod li jevitaw it-tali obbligi.
Id-diġitalizzazzjoni tbiddel in-natura tal-kummerċ billi toħloq aktar ambigwità bejn l-oġġetti u s-servizzi, tbiddel il-prodotti fir-rappreżentazzjoni diġitali tagħhom, bħal pereżempju l-kotba elettroniċi jew billi tuża l-inqas materjal possibbli, pereżempju l-istampar 3D. L-ekonomija qed issir aktar u aktar diġitalizzata u għalhekk il-mudelli tan-negozju eżistenti se jkollhom jadattaw ruħhom għal din ir-realtà ġdida filwaqt li jitfaċċaw mudelli ġodda tan-negozju. Il-karatteristiċi ewlenin ta’ dawn il-mudelli ġodda tan-negozju huma l-kapaċità li titwettaq attività mill-bogħod, il-volatilità fis-suq (pereżempju l-kisba u t-telf rapidi tas-sehem fis-suq), it-tendenza lejn il-monopolju jew l-oligopolju, u l-effetti tan-netwerk, fost oħrajn 9 .
Id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija globali qed isir b’pass mgħaġġel u fuq skala kbira, u qed tidħol kważi fl-oqsma kollha tas-soċjetà. Kważi terz tat-tkabbir tal-produzzjoni industrijali globali fl-Ewropa diġà hija dovuta għall-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali
10
. Fl-2006 kumpanija tat-teknoloġija waħda biss kienet fost l-aqwa 20, u din tirrappreżenta biss 7 % tal-kapitalizzazzjoni fis-suq. Fl-2017, disgħa mill-aqwa 20 kumpanija skont il-kapitalizzazzjoni tas-suq kienu kumpaniji tat-teknoloġija, u dawn jirrappreżentaw 54 % tal-aqwa 20 skont il-kapitalizzazzjoni tas-suq
11
. Bejn l-2008 u l-2016, id-dħul mill-aqwa ħames bejjiegħa bl-imnut tal-kummerċ-e kiber b’medja ta’ 32 % kull sena. Matul l-istess perjodu ta’ żmien, id-dħul fis-settur kollu tal-bejgħ bl-imnut tal-UE kiber b’medja ta’ 1 % kull sena
12
. Ġenerazzjoni ġdida ta’ teknoloġija tal-informazzjoni kulma jmur se twassal għal avvanzi ġodda u fi żmien dejjem iqsar, bħal pereżempju l-internet tal-oġġetti, l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u r-realtà virtwali. Qed jintużaw dejjem aktar is-soluzzjonijiet diġitali u dawn joħolqu opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini, in-negozji, l-investituri u l-amministrazzjonijiet pubbliċi. Huwa essenzjali li n-negozji tal-UE jieħdu dawn l-opportunitajiet biex jibqgħu kompetittivi, u li l-istart-ups jkunu jistgħu jaġġustaw ruħhom malajr, bl-użu sħiħ tal-cloud computing, soluzzjonijiet għall-big data, ir-robotika u l-banda wiesgħa b’veloċità għolja. L-isfida quddiemna hija li l-Ewropa tieħu dawn l-opportunitajiet diġitali kollha malajr biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-Ewropa filwaqt li tiġi żgurata t-tassazzjoni ġusta.
Id-diġitalizzazzjoni taffettwa n-negozji kollha, iżda mhux bl-istess mod. Sfida għall-politika tat-taxxa hija d-diversità tal-mudelli tan-negozji li jeżistu permezz tat-teknoloġija u l-użu ta’ ammont kbir ta’ dejta. Il-klijenti jistgħu jixtru oġġetti u servizzi minn kwalunkwe post fid-dinja permezz tal-internet, minflok mill-ħwienet lokali. Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda ta’ klijenti jagħtu aktar importanza lill-aċċess immedjat milli għas-sjieda. Il-pjattaformi diġitali tal-Asset-Light jikkollegaw il-kapaċità żejda mad-domanda, u jiffaċilitaw ammonti kbar ta’ tranżazzjonijiet kollaborattivi, li huma mistennija jikbru b’35 % kull sena fl-għaxar snin li ġejjin
13
. In-negozji ta’ kull tip issa jiksbu ħafna mill-valur tagħhom mill-assi intanġibbli, l-informazzjoni u d-dejta. Ma hemm l-ebda karatteristika preċiża li tiddefinixxi l-modi ġodda ta’ kif isir in-negozju fl-ispazju diġitali u l-aspetti differenti ta’ spiss jinsabu flimkien f’negozju wieħed. Din id-diversità tirrikjedi ħidma dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tipi differenti ta’ attivitajiet u servizzi diġitali li jridu jiġu koperti minn soluzzjoni potenzjali. Qed tiġi ppreżentata lista mhux eżawrjenti hawn taħt biex jiġu enfasizzati xi wħud mill-modi l-ġodda kif isir in-negozju fl-ekonomija diġitali, li joħolqu l-kwistjonijiet ta’ “Fejn għandhom jiġu imposti t-taxxi?” u “X’għandu jiġi ntaxxat?”. Dawn il-paradigmi ġodda jeħtieġu tweġibiet politiċi ġodda.
|
Eżempji ta’ modi ġodda kif isir in-negozju ·Il-mudell tal-bejjiegħ bl-imnut onlajn, fejn il-pjattaformi onlajn ibigħu l-oġġetti jew jikkollegaw lix-xerrejja mal-bejjiegħa billi dawn tal-aħħar iħallsu tariffa għat-tranżazzjoni jew għat-tpoġġija tal-oġġett fuq il-pjattaforma jew inkella billi jħallsu kummissjoni. Eżempji ta’ dawn in-negozji jinkludu Amazon, Zalando, Alibaba. ·Il-mudell tal-midja soċjali, fejn il-proprjetarji tan-netwerks jiddependu fuq id-dħul mir-reklamar billi jagħtu messaġġi kummerċjali lill-konsumaturi. Eżempju ta’ dawn in-negozji jinkludu Facebook, Xing, Qzone. ·Il-mudell ta’ abbonament, fejn il-pjattaformi jimponu tariffa għall-abbonament tal-aċċess kontinwu għal servizz diġitali (pereżempju mużika jew filmati). Eżempji ta’ dawn in-negozji jinkludu Netflix, Spotify, iQiyi. ·Il-mudell ta’ pjattaforma kollaborattiva, fejn il-pjattaformi diġitali jikkollegaw il-kapaċità żejda mad-domanda, jużaw mekkaniżmi tal-munita reputazzjonali biex isostnu l-konsum, u jippermettu lill-individwi jaqsmu l-”aċċess” għall-assi aktar milli jkunu l-proprjetarji tagħhom għalkollox. Il-pjattaformi jimponu tariffa fissa jew varjabbli għal kull tranżazzjoni. Eżempji ta’ dawn in-negozji jinkludu Airbnb, Blablacar, Didi Chuxing. |
L-UE teħtieġ qafas tat-taxxa modern biex taħtaf l-opportunitajiet diġitali filwaqt li tiżgura wkoll tassazzjoni ġusta. Biex in-negozji kollha jkunu jistgħu jinnovaw, jiżviluppaw u jikbru biex jappoġġaw livelli ogħla ta’ produttività, impjiegi u prosperità, irid ikun hemm kundizzjonijiet ekwi. Madankollu, il-livell tad-diġitalizzazzjoni jvarja fis-setturi kollha, b’mod partikolari bejn l-oqsma tat-teknoloġija avvanzata u dawk aktar tradizzjonali, u bejn l-Istati Membri u r-reġjuni. Hemm ukoll differenzi kbar bejn il-kumpaniji kbar u l-SMEs. Il-mudelli tan-negozju diġitalizzati domestiċi huma soġġetti għal rata tat-taxxa effettiva ta’ medja ta’ 8,5 %, li hija inqas min-nofs meta mqabbla mal-mudelli tan-negozju tradizzjonali 14 (ara l-grafika ta’ hawn taħt). Dan huwa prinċipalment minħabba l-karatteristiċi tal-mudelli tan-negozju diġitalizzati, li jiddependu ħafna fuq l-assi intanġibbli u jibbenefikaw mill-inċentivi tat-taxxa. In-negozji diġitalizzati transfruntiera jibbenefikaw minn piż tat-taxxa baxx simili għal dan, anki mingħajr ma jitqies l-ippjanar tat-taxxa transfruntier aggressiv li jista’ jnaqqas il-piż tat-taxxa għal prattikament żero 15 .
Sors: Indiċi tat-Taxxa Diġitali, 2017, PWC u ZEW
Sfidi kritiċi
L-isfida ewlenija hija r-riforma tal-qafas tat-taxxa internazzjonali, li tfassal l-ewwel fil-bidu tas-seklu għoxrin u ma għadux adatt għall-iskop tiegħu. Dan kien adatt għall-kumpaniji tradizzjonali iżda minħabba li l-attivitajiet tan-negozju saru aktar globalizzati u diġitalizzati, ir-regoli l-antiki huma inqas adatti.
Il-prinċipju sottostanti għat-taxxa korporattiva huwa li l-qligħ jenħtieġ li jiġi ntaxxat meta jinħoloq il-valur. Madankollu, f’dinja diġitalizzata, mhux dejjem ikun ċar xi jkun dak il-valur, kif jista’ jitkejjel, jew fejn jinħoloq.
Iż-żewġ sfidi politiċi ewlenin li jridu jiġu indirizzati jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:
-Fejn għandhom jiġu imposti t-taxxi? (nexus) – kif iridu jiġu stabbiliti u jiġu protetti d-drittijiet tat-tassazzjoni f’pajjiż fejn in-negozji jistgħu jipprovdu servizzi b’mod diġitali mingħajr preżenza fiżika jew ftit li xejn minnha, minkejja li jkollhom preżenza kummerċjali; u
-X’għandu jiġi ntaxxat? (il-ħolqien tal-valur) – kif irid jiġi attribwit il-qligħ f’mudelli tan-negozju diġitalizzati ġodda mmexxija minn assi intanġibbli, dejta u għarfien.
Dawn l-isfidi jridu jiġu eżaminati flimkien sabiex tinsab soluzzjoni raġonevoli biex jiġi determinat fejn qed jitwettqu l-attivitajiet ekonomiċi u fejn qed jinħoloq il-valur għall-finijiet tat-taxxa. Il-kwistjoni ta’ “Fejn għandhom jiġu imposti t-taxxi?” – kif iridu jiġu stabbiliti d-drittijiet ta’ tassazzjoni f’pajjiż fejn negozju jkollu biss preżenza diġitali u mhux preżenza fiżika – dan jista’ jiġi spjegat bl-eżempju teoretiku li ġej.
|
Eżempju teoretiku ta’ negozju li jipprovdi netwerk soċjali li jiddependi fuq id-dħul mir-reklamar billi jagħti messaġġi kummerċjali mmirati lill-utenti tiegħu fl-UE: L-utenti fl-UE għandhom aċċess b’xejn għal netwerk soċjali mmexxi minn negozju li jinsab barra mill-UE. In-negozju jiġbor dejta dwar l-utenti tiegħu, pereżempju informazzjoni dwar l-infiq, il-gosti u l-preferenzi tagħhom. Għalkemm in-negozju jiġġenera d-dħul tiegħu l-aktar billi jbigħ l-ispazju għar-reklamar lil negozji oħrajn biex jagħtu messaġġi kummerċjali mmirati permezz tan-netwerk lill-utenti tiegħu fl-UE, jista’ jkun li dan ma jkollux preżenza taxxabbli fl-UE skont il-qafas tat-taxxa internazzjonali attwali u għalhekk in-negozju mhuwiex soġġett għat-taxxa korporattiva fl-UE. Eżempju teoretiku ta’ negozju li jipprovdi servizzi diġitali lill-klijenti fl-UE permezz ta’ pjattaforma onlajn: Il-klijenti li jinsabu fl-UE jħallsu tariffi ta’ abbonament biex ikollhom aċċess għas-servizzi diġitali (pereżempju mużika jew filmati) permezz ta’ pjattaforma onlajn immexxija minn negozju li jinsab barra mill-UE. Għalkemm id-dħul iġġenerat mit-tariffi tal-abbonamenti jiġi minn klijenti fl-UE, il-fornitur tal-pjattaforma ma għandux preżenza taxxabbli fl-UE skont il-qafas tat-taxxa internazzjonali attwali u għalhekk in-negozju mhuwiex soġġett għat-taxxa korporattiva fl-UE. |
Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, huwa kruċjali li jinħoloq u jinżamm momentum internazzjonali dwar din il-kwistjoni fuq il-livell politiku, li kien pjuttost dgħajjef sa issa minħabba n-numru għoli ta’ atturi u nuqqas ta’ kunsens fid-dibattitu internazzjonali. L-approċċ ideali jibqa’ li jinsabu soluzzjonijiet multilaterali u internazzjonali biex tiġi ntaxxata l-ekonomija diġitali minħabba n-natura globali ta’ din l-isfida.
Il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri tal-UE jenħtieġ li jkollhom pożizzjoni koordinata biex ikollhom impatt akbar fuq il-ħidma fil-livell globali. Jenħtieġ li dawn jingħaqdu u jippromwovu approċċ li jmexxi l-ħidma lejn eżitu ambizzjuż. L-eżitu jenħtieġ li jistabbilizza l-bażijiet tat-taxxa tal-Istat Membri individwali, u jiżgura kompetizzjoni ġusta u t-tkabbir tal-kumpaniji li joperaw fis-Suq Uniku. Fid-diskussjonijiet internazzjonali tagħha, jenħtieġ li l-UE tiżgura li l-qligħ iġġenerat fl-UE jiġu effettivament intaxxati mill-Istati Membri tal-UE u jitqassmu mill-ġdid b’mod ġust.
Fl-2018 se jseħħ stadju importanti meta l-OECD se tippreżenta rapport interim dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali lill-G20. Huwa essenzjali li dan ir-rapport jasal għal konklużjonijiet xierqa u realistiċi dwar it-triq ’il quddiem u jidentifika għażliet politiċi ġenwini biex tiġi indirizzata l-isfida.
B’mod parallel, l-UE trid teżamina l-għażliet kollha possibbli sabiex tadotta regoli ġodda għat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali fis-Suq Uniku. Jenħtieġ li tiffoka wkoll fuq soluzzjonijiet għall-UE jekk il-progress fil-livell internazzjonali jsir bil-mod wisq.
Objettivi
Huwa meħtieġ approċċ komprensiv u modern għat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali biex jintlaħaq l-għan ta’ tassazzjoni aktar ġusta u aktar effiċjenti, u biex jiġu appoġġati t-tkabbir u l-kompetittività tal-UE permezz tas-Suq Uniku Diġitali. Dan l-approċċ għandu jkun xprunat mill-objettivi li ġejjin:
-Il-ġustizzja – L-iżgurar li l-qligħ korporattiv jiġi ntaxxat fil-post fejn jinħoloq il-valur. Huwa neċessarju li jinżammu kundizzjonijiet ekwi u sistema li hija reżiljenti kontra l-abbuż sabiex il-kumpaniji kollha jħallsu s-sehem ġust tagħhom kemm jekk ikunu żgħar u kemm jekk ikunu kbar, bejn wieħed u ieħor diġitalizzati, u bbażati fl-UE jew le.
-Il-kompetittività – Il-ħolqien ta’ ambjent tat-taxxa xieraq għat-tkabbir tal-start-ups u sabiex in-negozji jirnexxu fis-Suq Uniku tagħna. Sabiex tittejjeb il-kompetittività tal-UE, jeħtieġ li nneħħu l-ostakoli eżistenti u nevitaw li noħolqu ostakoli tat-taxxa oħrajn li jimpedixxu l-emerġenza ta’ negozji ġodda li jrawmu l-innovazzjoni u joħolqu l-impjiegi.
-L-integrità tas-Suq Uniku – Il-konverġenza lejn soluzzjoni komuni li tevita l-miżuri unilaterali li jistgħu jiddistabbilizzaw il-funzjonament tas-Suq Uniku. Il-miżuri nazzjonali mhux ikkoordinati jwasslu għall-frammentazzjoni tas-Suq Uniku, aktar distorsjonijiet u ostakli tat-taxxa li jimpedixxu lill-kumpaniji milli jikbru u milli jinvestu fis-Suq Uniku.
-Is-sostenibbiltà – L-iżgurar li s-sistema tat-taxxa korporattiva tibqa’ valida fil-futur u tkun sostenibbli fit-tul. Hekk kif il-mudelli tan-negozju tradizzjonali qed isiru dejjem aktar diġitalizzati, il-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri jistgħu jisparixxu bil-mod il-mod jekk ir-regoli tat-taxxa ma jiġux adattati biex jintegraw il-mudelli tan-negozju diġitalizzati ġodda. Jekk ma jitranġawx, dan jista’ jwassal għal żieda fil-piż tat-taxxa xi mkien ieħor.
It-triq ’il quddiem
Iċ-ċittadini u l-gvernijiet tal-UE huma aktar u aktar mħassba dwar l-iżbilanċi perċepiti fil-livelli tat-tassazzjoni tal-mudell tan-negozju diġitalizzati ġodda. Il-nuqqas ta’ qbil dwar soluzzjoni raġonevoli fi żmien xieraq iżid il-pressjoni biex tittieħed azzjoni fuq il-livell nazzjonali u jkun ta’ ħsara għas-Suq Uniku.
Soluzzjoni minnhom hija li tiddaħħal it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali fil-qafas tat-taxxa korporattiva internazzjonali ġenerali. Ir-riforma fundamentali tal-qafas tat-taxxa korporattiva internazzjonali li tapplika bħalissa għall-ekonomija diġitali, tiżgura l-konsistenza u l-koerenza tar-regoli tat-taxxa fid-dinja kollha, u tiżgura l-istabbiltà u ċ-ċertezza għan-negozji. L-UE tistenna livell għoli ta’ ambizzjoni fir-rigward tar-rapport interim dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali li se tippreżenta l-OECD lill-G20. Huwa essenzjali li r-rapport ikun fih għażliet politiċi sinifikanti biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet involuti.
B’mod partikolari, huma meħtieġa regoli internazzjonali ġodda speċifiċi għall-isfidi maħluqa mill-ekonomija diġitali sabiex jiġi determinat fejn jinħoloq il-valur tan-negozji u kif irid jiġi attribwit għall-iskopijiet tat-taxxa. Dan jinvolvi riforma tar-regoli tat-taxxa internazzjonali dwar l-istabbiliment permanenti, l-ipprezzar tat-trasferimenti u l-attribuzzjoni tal-qligħ applikabbli għat-teknoloġiji diġitali.
Ir-regoli dwar l-istabbiliment permanenti jintużaw biex jiġi determinat il-limitu tal-attività li trid titwettaq f’pajjiż sabiex negozju jkun taxxabbli f’dak il-pajjiż, u huma bbażati fil-biċċa l-kbira fuq il-preżenza fiżika. Madankollu, grazzi għat-teknoloġiji diġitali, in-negozji issa jistgħu jkollhom preżenza ekonomika sinifikanti f’ġurisdizzjoni ta’ suq mingħajr ma neċessarjament ikollhom preżenza fiżika sostanzjali. Għalhekk huma meħtieġa indikaturi alternattivi għall-preżenza ekonomika sinifikanti sabiex jiġu stabbiliti u protetti d-drittijiet tat-taxxa fir-rigward tal-mudelli tan-negozju diġitalizzati ġodda.
Ladarba n-negozju jkun taxxabbli fil-pajjiż, il-qligħ iġġenerat minn dan in-negozju jkun għad irid jiġi determinat u jiġi allokat lil dan il-pajjiż. Ir-regoli dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti jintużaw biex il-qligħ tal-gruppi multinazzjonali jiġi attribwit lill-pajjiżi differenti fuq il-bażi ta’ analiżi tal-funzjonijiet, l-assi u r-riskji fil-katina tal-valur tal-grupp. Madankollu, dawn ir-regoli ġew żviluppati għal mudelli tan-negozju u ambjent ekonomiku tradizzjonali. L-ekonomija diġitali tiddependi ħafna fuq l-assi intanġibbli, li qegħdin isiru aktar u aktar l-ixprunaturi tal-valur fil-gruppi multinazzjonali u li huwa diffiċli li tivvalutahom. L-isfida biex jiġu identifikati u vvalutati l-assi intanġibbli kif ukoll biex tiġi determinata l-kontribuzzjoni tagħhom għall-ħolqien tal-valur, teħtieġ metodi alternattivi għall-attribuzzjoni tal-qligħ li jintegraw aħjar il-ħolqien tal-valur fil-mudelli tan-negozju l-ġodda, li għalhekk jenħtieġ li jitqiesu flimkien mal-bidliet fir-regoli dwar l-istabbiliment permanenti. Barra minn hekk, peress li l-qligħ jista’ jiġi trasferit bejn il-pajjiżi permezz tal-użu ħażin tar-regoli dwar l-istabbiliment permanenti u l-ipprezzar tat-trasferimenti, ir-regoli kontra l-abbuż jistgħu jitqiesu li jinfurzaw l-konformità u jiżguraw li l-qligħ magħmul fl-UE jiġi ntaxxat fl-UE.
Fil-livell tal-UE, il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva toffri bażi biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi ewlenin. Il-Kummissjoni tkompli tkun tal-fehma li l-BKKTK tipprovdi qafas tal-UE għal regoli riveduti dwar l-istabbiliment permanenti u biex jiġi allokat il-qligħ tal-gruppi multinazzjonali kbar bl-użu tal-approċċ tal-formula tat-tqassim ibbażat fuq l-assi, il-manodopera u l-bejgħ li għandu jirrifletti aħjar fejn jinħoloq il-valur. Il-proposta attwali tal-BKKTK tħalli lok biex jiġi esplorat x’jista’ jsir aktar sabiex jiġi żgurat li tintegra b’mod effettiv l-attivitajiet diġitali. Diġà għaddejjin diskussjonijiet dwar dan fil-Kunsill taħt il-Presidenza Estonjana u fil-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni hija lesta biex taħdem mal-Istati Membri fl-eżaminazzjoni ta’ dawn l-għażliet fin-negozjati li għaddejjin mal-BKKTK, sabiex jinsab approċċ għas-Suq Uniku ambizzjuż u kompatibbli mal-liġi tal-UE.
Jista’ jgħaddi ftit taż-żmien qabel ma tinsab soluzzjoni sinifikanti biex jiġi integrat u allokat fil-pajjiżi kollha l-valur maħluq fl-ekonomija diġitali. Is-sitwazzjoni hija aktar ikkumplikata minħabba n-natura multidimensjonali ta’ din l-isfida, in-natura dejjem tinbidel tal-ekonomija diġitali, u d-diversità tal-mudelli tan-negozju u l-kumplessità tal-ekosistemi li fihom joħolqu l-valur. Madankollu, aktar kemm jgħaddi żmien biex tinsab soluzzjoni, aktar se jkun kbir it-telf fid-dħul mit-taxxa. Għalhekk se jkomplu jiġu żviluppati inizjattivi unilaterali fl-UE u b’mod internazzjonali. Mill-2016, pajjiżi bħal pereżempju l-Indja u l-Iżrael diġà bdew jittestjaw approċċi alternattivi biex jiżguraw tassazzjoni effettiva tal-ekonomija diġitali.
Flimkien mal-ħidma fuq din l-istrateġija fit-tul, hemm ukoll miżuri aktar immedjati, supplimentari u fuq żmien qasir li jenħtieġ li jitqiesu biex jiġu protetti l-bażijiet tat-taxxa diretti u indiretti tal-Istati Membri. Ġew ippreżentati ideat differenti fl-UE u b’mod internazzjonali sabiex tiġi integrata l-attività diġitali fil-qafas tat-taxxa korporattiva internazzjonali b’mod alternattiv, u biex jiġi żgurat trattament indaqs u kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kollha.
|
Xi għażliet alternattivi għal soluzzjonijiet fuq żmien iqsar ·Taxxa ta’ fuq il-fatturat tal-kumpanijiet diġitalizzati - Taxxa fuq id-dħul kollu mhux intaxxat jew mhux intaxxat biżżejjed iġġenerat mill-attivitajiet tan-negozju kollha bbażati fuq l-internet, inklużi dawk bejn in-negozji u bejn in-negozji u l-konsumaturi, imputabbli fit-taxxa korporattiva jew bħala taxxa separata. ·Taxxa minn ras il-għajn fuq it-tranżazzjonijiet diġitali - Taxxa minn ras il-għajn finali awtonoma bi bażi grossa fuq ċerti pagamenti magħmula lill-fornituri mhux residenti ta’ oġġett u servizzi ordnati onlajn. ·Imposta fuq id-dħul iġġenerat mill-provvista ta’ servizzi diġitali jew attività ta’ reklamar - Tista’ tiġi applikata imposta separata lit-tranżazzjonijiet kollha konklużi mill-bogħod ma’ klijenti ġewwa l-pajjiż fejn entità mhux residenti għandha preżenza ekonomika sinifikanti. |
L-għażliet kollha fuq żmien qasir għandhom il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom, u hemm bżonn ta' aktar ħidma fuq l-approċċ dettaljat biex tinsab soluzzjoni fattibbli għas-Suq Uniku u l-ekonomija globali kollha kemm hi. Ikunu jridu jiġu eżaminati l-mistoqsijiet dwar il-kompatibbiltà tat-tali approċċi mat-trattati kontra t-tassazzjoni doppja, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-libertajiet fundamentali, u l-impenji internazzjonali skont il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u r-regoli tad-WTO. Madankollu jridu jittieħdu xi passi. Il-Kummissjoni tibqa’ konvinta li l-levell ta’ azzjoni xieraq huwa l-UE. Huwa biss approċċ ikkoordinat fl-UE li jista' jiżgura li s-soluzzjoni tkun adatta għas-Suq Uniku Diġitali u li tkun waħda li twassalna għall-objettivi tagħna ta’ ġustizzja, kompetittività u sostenibbiltà.
Konklużjoni
Din il-Komunikazzjoni titlob pożizzjoni tal-UE b’saħħitha u ambizzjuża dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali, u għandha tikkontribwixxi għall-ħidma internazzjonali li għaddejja fuq din il-kwistjoni. Għandha wkoll l-għan li tipprovdi bażi għal diskussjonijiet politiċi oħra fost l-Istati Membri fis-Summit Diġitali ta’ Tallinn tad-29 ta’ Settembru, sabiex tintlaħaq pożizzjoni komuni fid-diskussjonijiet internazzjonali.
Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Presidenza Estonjana fil-ħidma tagħha fuq dawn il-kwistjonijiet bil-perspettiva li sa tmiem is-sena jiġu stabbilizzati l-konklużjonijiet tal-Kunsill li jistipulaw approċċ ikkoordinat tal-UE. Dawn il-konklużjonijiet se jiffurmaw il-bażi komuni li se jużaw l-UE u l-Istati Membri tagħha biex iressqu proposti fid-diskussjonijiet internazzjonali.
L-UE tistenna li jkun hemm progress sinifikanti fl-aġenda globali u għandha tagħmel ħilitha biex dan jiġi rifless fir-rapport tal-OECD lill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 fil-laqgħa tagħhom f’April 2018. Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għal konklużjoni b’suċċess tad-diskussjonijiet globali li għaddejjin fil-G20.
Fin-nuqqas ta’ progress globali xieraq, jenħtieġ li s-soluzzjonijiet fil-livell tal-UE jiġu implimentati fis-Suq Uniku u l-Kummissjoni diġà lesta biex tippreżenta l-proposti leġiżlattivi xierqa. Il-Kummissjoni se tkompli tanalizza l-għażliet politiċi u tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u r-rappreżentanti tal-industrija dwar din il-kwistjoni importanti u urġenti qabel ma tressaq proposta possibbli sar-rebbiegħa tal-2018.
COM(2015) 192
COM(2017) 228
http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-17-3165_mt.htm
https://www.eu2017.ee/political-meetings/ECOFIN
Ara r-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar it-Tassazzjoni tal-Ekonomija Diġitali tal-Kummissjoni Ewropea (Mejju 2014).
Ara Addressing the Tax Challenges of the Digital Economy, OECD Base Erosion and Profit Shifting Project Action 1 Report, Ottubru 2015.
COM(2016) 757
COM(2016)683 u COM(2016)685
Ara Addressing the Tax Challenges of the Digital Economy, OECD Base Erosion and Profit Shifting Project Action 1 Report, Ottubru 2015.
COM(2016) 180
Global Top 100 Companies by market capitalisation’ PWC, 2017; Il-bażi tad-dejta tal-Financial Times Global 500, 2006.
Il-bażijiet tad-dejta ta’ Bloomberg u tal-Eurostat, aċċessat fit-13 ta’ Settembru 2017.
Ara Literature review on taxation, entrepreneurship and collaborative economy - final report by Dondena & IHS, studju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea, għadu mhux ippubblikat.
Ara l-Indiċi tat-Taxxa Diġitali, PWC u ZEW, 2017. Il-mudell tan-negozju tradizzjonali: l-assi jitqiesu li huma mqassma b’mod ugwali bejn il-bini, il-makkinarju, l-inventarju, l-assi finanzjarji u l-assi intanġibbli. Il-mudell tan-negozju diġitali huwa l-medja ta’ tliet mudelli differenti (“domestiku”, “B2C”, “B2B”). Is-suppożizzjoni bażika għat-tlieta li huma hija li l-assi jitqassmu b’mod ugwali bejn l-intanġibbli mixtrijin, l-intanġibbli maħluqa minnhom stess, il-ħardwer tal-IT, is-softwer mixtri, is-softwer maħluq minnhom stess. Il-mudelli B2C u B2B jużaw sussidjarji biex jorganizzaw il-bejgħ u l-attivitajiet kummerċjali tagħhom.
Ara ’The Impact of Tax-planning on Forward-looking Effective Tax Rates’ ZEW, Karta dwar it-Tassazzjoni 64, DG TAXUD, il-Kummissjoni Ewropea.