IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.9.2017
COM(2017) 546 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti , li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE
{SWD(2017) 314 final}
{SWD(2017) 315 final}
{SWD(2017) 316 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti
, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE
1.Introduzzjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill daħal fis-seħħ fl-aħħar ta’ Ġunju 2014 u stabbilixxa Qafas Finanzjarju Komuni (CFF, Common Financial Framework) fl-oqsma tal-katina alimentari, tas-saħħa tal-annimali u t-trattament xieraq tal-annimali, tas-saħħa tal-pjanti u l-materjal riproduttiv tal-pjanti (aktar ’il quddiem: ir-“Regolament CFF”).
Dan ir-rapport tħejja skont l-Artikolu 42 (“Evalwazzjoni”) tar-Regolament CFF innifsu, li jirrikjedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu li jkopri l-miżuri ta’ nfiq li ġejjin:
·programmi ta’ eradikazzjoni, kontroll u sorveljanza veterinarja (aktar ’il quddiem: “programmi veterinarji”) implimentati mill-Istati Membri, li jimmiraw li jeliminaw progressivament il-mard tal-annimali u ż-żoonożi u li jimplimentaw miżuri ta’ kontroll tal-mard;
·programmi ta’ stħarriġ fitosanitarju rigward il-preżenza ta’ pesti fit-territorju tal-Unjoni;
·miżuri ta’ emerġenza veterinarja u fitosanitarja, li jimmiraw li jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fil-ħin relatati mas-saħħa tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti rispettivament;
·attivitajiet tal-Laboratorji ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea (EURLs, European Union Reference Laboratories), li jimmiraw li jiżguraw ittestjar ta’ kwalità għolja u uniformi fl-UE u li jappoġġaw l-attivitajiet tal-Kummissjoni dwar l-immaniġġjar tar-riskji fil-qasam tal-analiżi fil-laboratorju;
·il-programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel (BTSF, Better Training for Safer Food), li huwa inizjattiva ta’ taħriġ li tindirizza l-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali involuti fil-kontrolli uffiċjali fl-oqsma tal-liġi dwar l-ikel u l-għalf, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali u r-regoli dwar is-saħħa tal-pjanti.
Taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali, l-ammonti allokati għas-sett ta’ attivitajiet elenkati hawn fuq jirrappreżentaw kważi l-baġit kollu fil-qasam tal-katina alimentari.
Dan ir-rapport jiddeskrivi l-eżitu tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, ibbażat fuq l-istudju ta’ appoġġ estern
u fuq il-valutazzjoni interna mwettqa fil-livell tal-Kummissjoni. Dan huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD, Staff Working Document), li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni teknika u finanzjarja tal-attivitajiet tas-CFF, u jiġbor fil-qosor is-sejbiet tal-istudju ta’ appoġġ estern.
Il-programm ta’ nfiq tal-UE jipprovdi appoġġ finanzjarju biex jinkisbu l-objettivi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ikel u l-għalf. Il-kontribuzzjoni tiegħu għall-kisba tal-objettivi huwa intrinsikament korrelatat mal-kontribuzzjoni tal-infiq nazzjonali u l-miżuri li jobbligaw legalment lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni.
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu jkopri l-implimentazzjoni tar-Regolament CFF fl-2014, fl-2015 u, fuq il-bażi tad-dejta preliminari disponibbli, fl-2016. Id-dejta parzjali għall-2016 hija limitazzjoni għall-evalwazzjoni attwali.
2.Kuntest u għanijiet tar-Regolament CFF
Ir-Regolament CFF ġie stabbilit sabiex itejjeb il-funzjonament tal-infiq għall-attivitajiet implimentati fil-qasam tal-katina alimentari, kif ukoll biex issir enfasi fuq il-prijoritajiet ta’ finanzjament tal UE li jipprovdu valur miżjud reali. Immodernizza u rrazzjonalizza d-dispożizzjonijiet finanzjarji diġà eżistenti taħt qafas wieħed, bi proċeduri armonizzati, rati ta’ ħlas standardizzati, spejjeż u miżuri ċċarati u eliġibbli.
Mill-perspettiva operattiva, il-maġġoranza tal-attivitajiet u miżuri kienu diġà ġew appoġġati qabel l-2014. Miżuri ġodda ġew introdotti fil-qasam fitosanitarju, b’mod partikolari l-possibbiltà li tiġi kkofinanzjata l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ stħarriġ rigward il-preżenza ta’ pesti tal-pjanti fit-territorju tal-Unjoni.
L-objettiv ġenerali tal-politika tar-Regolament CFF huwa li jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ saħħa għall-bnedmin, l-annimali u l-pjanti tul il-katina tal-ikel u f’oqsma relatati, billi jiġu evitati u jiġu eradikati l-mard u l-pesti, u billi jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u l-ambjent filwaqt li tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-ikel u tal-għalf fl-Unjoni u jiġi vvantaġġat l-ħolqien tal-impjiegi.
Dan l-objettiv ġenerali huwa maqsum f’erba’ objettivi speċifiċi, wieħed għal kull wieħed mill-erba’ oqsma ta’ nfiq koperti mir-Regolament CFF innifsu, jiġifieri: is-sikurezza alimentari, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti, il-kontrolli uffiċjali.
L-objettivi speċifiċi huma akkumpanjati minn sitt indikaturi ta’ prestazzjoni speċifiċi, li huma stabbiliti wkoll fir-Regolament CFF, li pprovda bażi biex issir evalwazzjoni settorjali tal-miżuri implimentati taħt kull wieħed mill-erba’ oqsma ta’ nfiq koperti.
Sabiex jintlaħaq l-objettiv tiegħu, twarrab limitu tan-nefqa totali massimu ta’ EUR 1 891 936 000 għar-Regolament CFF għall-perjodu ta’ seba’ snin mill-2014 sal-2020 kopert mill-QFP attwali.
In-nefqa tas-CFF primarjament tikkonsisti f’kofinanzjament dirett lill-Istati Membri, li huma l-benefiċjarji kważi esklużivi tal-infiq tal-UE f’dan il-qasam. L-Istati Membri jirċievu rimborż tal-ispejjeż eliġibbli li jkunu ġarrbu biex iwettqu l-miżuri eliġibbli. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni prinċipalment tieħu l-forma ta’ għotja.
3.Eżitu tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tar-Regolament CFF
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42 tar-Regolament CFF, l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tkopri l-aspetti li ġejjin:
·il-kisba tal-objettivi tas-CFF (Artikolu 2(1)), fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud tiegħu, fil-livell tal-Unjoni;
·il-kamp ta’ applikazzjoni għas-simplifikazzjoni;
·ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi kollha;
·il-kontribuzzjoni tal-miżuri għall-prijoritajiet tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.
Din tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni dwar l-impatt fit-tul tal-miżuri li jkunu ttieħdu qabel.
L-evalwazzjoni tqis il-progress li sar bl-użu tas-sitt indikaturi tas-CFF elenkati fl-Artikolu 2(2).
3.1
Kisba tal-objettivi tar-Regolament CFF: l-effiċjenza u l-valur miżjud tal-UE
L-objettiv ta’ politika ġenerali ppreżentat fil-kuntest ta’ dan ir-rapport huwa kkumplimentat minn erba’ objettivi speċifiċi, wieħed għal kull wieħed mill-erba’ oqsma ta’ nfiq koperti.
·Is-saħħa tal-annimali: li jikkontribwixxi għall-kisba ta’ status ogħla tas-saħħa tal-annimali għall-Unjoni u li jappoġġa t-titjib tat-trattament xieraq tal-annimali.
·Is-saħħa tal-pjanti: li jikkontribwixxi għall-individwazzjoni f’waqtha tal-pesti u l-eradikazzjoni tagħhom meta dawk il-pesti jkunu daħlu fl-Unjoni.
·Il-kontrolli uffiċjali: li jikkontribwixxi biex jitjiebu l-effikaċja, l-effiċjenza u l-affidabbiltà tal-kontrolli uffiċjali u attivitajiet oħra mwettqa fid-dawl tal-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni u l-konformità magħhom (fl-oqsma koperti mir-Regolament CFF).
·Is-sikurezza alimentari: li jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sikurezza tal-ikel u tas-sistemi ta’ produzzjoni tal-ikel u ta’ prodotti oħra li jistgħu jaffettwaw is-sikurezza tal-ikel, filwaqt li jtejjeb is-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-ikel.
Dawn l-objettivi speċifiċi huma akkumpanjati mis-sitt indikaturi tar-Regolament CFF imsemmija hawn fuq; li jipprovdu approċċ ġenerali għas-segwitu tal-progress tal-infiq f’dan il-qasam. Sabiex tiġi mmonitorjata u mkejla l-prestazzjoni tal-attivitajiet tas-CFF b’mod konkret, is-servizzi tal-Kummissjoni komplew isarrfu dawk l-indikaturi f’sett komprensiv ta’ wieħed u għoxrin indikatur tekniku operattiv, li jiddefinixxu għanijiet speċifiċi għal kull wieħed minnhom
għall-2017 u l-2020. Dan is-sett ta’ indikaturi jipprovdi informazzjoni dwar il-prestazzjoni teknika tal-miżuri tas-CFF, iżda ma jippermettix il-valutazzjoni tal-kosteffettività tal-programm. B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ indikaturi tal-kosteffettività disponibbli jillimita l-evalwazzjoni tal-effiċjenza tal-miżuri tas-CFF.
3.1.1
Is-saħħa tal-annimali
Il-kisba tal-għanijiet
L-implimentazzjoni tal-miżuri veterinarji tirrappreżenta l-akbar parti tan-nefqa skont il-baġit tar-Regolament CFF, u l-programmi veterinarji biss qabżu l-75 % tal-infiq totali fl-2014 u l-2015. Il-ħlasijiet għall-programmi veterinarji fl-2014 ammontaw għal EUR 136 miljun, minn total ta’ EUR 180 miljun u fl-2015 ammontaw għal EUR 148 miljun minn total ta’ EUR 194 miljun. Din il-rilevanza baġitarja hija wkoll riflessa fil-fatt li 12 mill-21 indikatur tekniku mmonitorjat f’dan il-kuntest jirrigwardaw dan il-qasam ta’ nfiq. L-indikaturi magħżula jiffukaw fuq il-prijorità tal-mard tal-annimali u ż-żoonożi; jippermettu li tiġi mmonitorjata l-evoluzzjoni ġeografika taż-żoni tal-UE li huma ħielsa minn mard speċifiku tal-annimali, u li jitkejlu l-parametri tekniċi bħal pereżempju l-prevalenza, l-inċidenza u l-għadd ta’ każijiet. L-analiżi ta’ dawn l-indikaturi għall-perjodu 2014-2016 turi tendenza epidemjoloġika pożittiva għall-mard ta’ prijorità kollu li qed jirċievi appoġġ finanzjarju mill-UE taħt il-programmi veterinarji, b’għadd dejjem jikber ta’ Stati Membri jew reġjuni li qed isiru ħielsa minn mard tal-annimali, u tnaqqis kumplessiv fil-parametri mmonitorjati kollha. Eżempju sinifikanti huwa rrappreżentat mill-programmi tal-UE li jindirizzaw ir-Rabja: din il-marda ġiet eradikata kważi kollha fil-fawna selvaġġa fl-UE (l-eradikazzjoni totali hija mistennija li sseħħ sal-2020) u l-għadd ta’ każijiet naqas minn 80 fl-2014 għal 18 biss fl-2016, u b’hekk naqas ir-riskju sinifikanti għas-saħħa u ppermetta l-moviment ħieles tal-qtates u l-klieb fl-UE. Eżempju tajjeb ieħor huwa n-numru akbar ta’ Stati Membri ħielsa mill-bruċellosi bovina: fi tmiem l-2016, tnejn minn kull ħames Stati Membri li jkollhom programm kofinanzjat mill-UE tul il-perjodu kkunsidrat, saru ħielsa minn din il-marda; fit-tliet Stati Membri li jifdal, l-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni, li jimmonitorja l-evoluzzjoni tal-prevalenza tal-merħla, naqas b’25 % fl-istess perjodu, u juri xejra pożittiva lejn l-eradikazzjoni totali tal-marda. Għaldaqstant, jenħtieġ li wieħed jinnota li għad hemm xi oqsma fejn is-sitwazzjoni ma tjibitx kif mistenni, bħal pereżempju l-każijiet tat-tuberkulożi bovina (fi Stat Membru wieħed mill-ħamsa bi programm kofinanzjat mill-UE) u l-bruċellożi ovina u kaprina (fi Stat Membru wieħed u fi ftit reġjuni ta’ Stat Membru ieħor minn sitta bi programmi kofinanzjati mill-UE). Filwaqt li l-indikaturi dwar is-salmonellożi u l-bruċellożi fl-annimali juru progress, l-indikaturi fil-bnedmin għadhom ma wrewx ir-riżultati mistennija ta’ tnaqqis tal-każijiet ta’ 2 % kull sena, fil-perjodu ta’ tliet snin taħt evalwazzjoni.
L-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza meta jseħħu t-tifqigħat ta’ mard veterinarju għandha wkoll rwol essenzjali fil-kisba ta’status ogħla tas-saħħa tal-annimali fl-UE, kif ukoll biex tiġi protetta l-ekonomija tal-UE minn kriżi veterinarja serja u fuq skala kbira. Bis-saħħa ta’ detezzjoni bikrija u applikazzjoni immedjata tal-miżuri ta’ emerġenza kofinanzjati mill-UE, l-epidemiji reċenti kollha trażżnu b’suċċess, u ġew evitati konsegwenzi ekonomiċi ewlenin, bħalma huma r-restrizzjonijiet kummerċjali u l-imblukkar tal-esportazzjonijiet. Eżempju reċenti huwa l-ġlieda kontra l-epidemija tal-Marda tal-Infafet fil-Ġilda (LSD, Lumpy Skin Disease), marda virali infettiva tal-ifrat trasmessa permezz tas-saliva infettata jew permezz tal-insetti, li waslet fl-UE mit-Turkija. Fl-2016, din il-marda affettwat seba’ pajjiżi fix-Xlokk tal-Ewropa, inkluż l-Greċja, il-Bulgarija u r-reġjun tal-Balkani. Dawn il-pajjiżi kollha rrikorrew għal tilqim bil-massa b’appoġġ tal-bank tat-tilqim kontra l-LSD tal-UE stabbilit minnufih biex tiġi indirizzata l-emerġenza. Din il-kampanja ta’ tilqim wasslet biex il-marda trażżnet b’suċċess: l-ebda Stat Membru ieħor ma ġie affettwat fl-2016 u l-marda ma reġgħetx seħħet fiż-żoni fejn kien sar it-tilqim.
L-effiċjenza
It-titjib tal-istatus tas-saħħa tal-annimali huwa akkumpanjat minn tnaqqis gradwali tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa fil-qasam, li fil-każ speċifiku tal-programmi veterinarji naqsu b'EUR11-il miljun fil-perjodu ta’ tliet snin taħt evalwazzjoni.
Inqas prevedibbli huwa l-infiq għall-miżuri ta’ emerġenza, li jvarja minn sena għall-oħra bħala konsegwenza ta’ fatturi li huma diffiċli li jiġu antiċipati u kkontrollati, inkluża l-bidla fil-klima u l-globalizzazzjoni ta’ vetturi, kif ukoll ir-riokkorrenza ċiklika ta’ xi mard endemiku.
Irid jiġi enfasizzat li rapport speċjali reċenti mill-Qorti tal-Awdituri
, li ġie ppubblikat f'April 2016, iqis li l-istrateġija tal-Kummissjoni għall-mard tal-annimali hija soda u żviluppata sew, inkluż qafas tajjeb għall-prijoritizzazzjoni tar-riżorsi baġitarji fil-programmi prijoritarji. Skont is-sejbiet tiegħu, il-programmi tal-Istati Membri jissodisfaw il-kriterji meħtieġa, u huma ġeneralment imfassla tajjeb u implimentati b’mod korrett. Barra minn hekk, l-Istati Membri juru li għandhom sistemi adegwati biex jidentifikaw tifqigħat ta’ mard tal-annimali u biex jiffaċilitaw l-eradikazzjoni tagħhom. Madankollu, jeħtieġ li wieħed jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri jirrikonoxxi wkoll nuqqas ta' mudelli u indikaturi ekonomiċi standard internazzionali disponibbli, li jillimita l-possibbiltà għall-Kummissjoni li turi l-kosteffettività tan-nefqa veterinarja.
Il-valur miżjud tal-UE
Il-kisba ta’ status ogħla tas-saħħa tal-annimali hija r-riżultat tal-miżuri legali stabbiliti fil-livell tal-UE bl-appoġġ tekniku u finanzjarju pprovdut mill-UE lill-Istati Membri. Meta marda tkun suspettata jew ikkonfermata, għadd ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni u kontroll jiġu stabbiliti minnufih taħt is-sistema tal-miżuri ta’ emerġenza, inkluż l-għeluq temporanju tal-fruntieri fir-rigward tal-moviment ta’ kunsinni suxxettibbli u r-reġjonalizzazzjoni
tal-marda. Il-varjetà ta’ miżuri li jridu jiġu stabbiliti biex jindirizzaw il-mard tal-annimali u l-fatt li ħafna mill-mard jinjora l-fruntieri, jirrikjedu sistema ta’ ġestjoni ċentralizzata sabiex tikkoordina u torganizza sew l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fl-Istati Membri.
Il-limitazzjonijiet tal-baġit f’xi Stati Membri, speċjalment dawk li qed jaffaċċjaw kriżi ekonomika jew ristrezzjonijiet oħrajn, jistgħu jillimitaw jew idewmu l-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex titrażżan it-tifqigħa tal-marda. Għalhekk, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE tappoġġa s-sistema ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE fil-każ ta’ tifqigħaEżempju tajjeb tal-koordinazzjoni tal-UE hija l-ġestjoni reċenti fil-livell tal-UE tat-tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, li wasal fl-UE mir-Russja fl-2014. Mill-istadji l-aktar bikrin tal-epidemiji - li għalihom ma hemm l-ebda tilqim - il-Kummissjoni ppromwoviet b’mod proattiv strateġija komuni fost l-Istati Membri affettwati, il-pajjiżi terzi ġirien u l-Istati Membri konfinanti fir-riskju fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-aħjar għarfien xjentifiku. Il-Kummissjoni tat appoġġ tekniku u finanzjarju għal miżuri speċifiċi mmirati biex tiġi appoġġata l-politika. Din l-azzjoni koordinata wasslet għat-trażżin tal-marda fil-perjodu kopert mill-evalwazzjoni attwali u llimitat l-ispejjeż kemm għall-UE u kemm għall-baġits nazzjonali. Evitat ukoll tfixkil kummerċjali kbir, kemm fl-UE u kemm f’pajjiżi mhux tal-UE.
3.1.2
Is-saħħa tal-pjanti
Il-kisba tal-għanijiet
Filwaqt li l-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza għas-saħħa tal-pjanti ġiet ipprovduta għal bosta snin, il-finanzjament tal-programmi ta’ stħarriġ dwar is-saħħa tal-pjanti għadu f’fażi inizjali.
Il-programmi ta’ stħarriġ ġew stabbiliti għall-ewwel darba fl-2015; għalhekk l-evalwazzjoni tar-riżultati tagħhom ġiet limitata minħabba l-perjodu ta’ żmien qasir u n-nuqqas ta’ miżuri preċedenti. Għaldaqstant, l-Istati Membri tal-UE laqgħu l-introduzzjoni tagħhom mill-ewwel sena, bi 17-il pajjiż tal-UE li ppreżentaw programm fl-2015 u 22 wieħed fl-2016. Fl-2015, l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ stħarriġ ippermettiet id-detezzjoni ta’ għadd ta’ riskji emerġenti ġodda fit-territorju tal-Unjoni bħal pereżempju l-batterju tal-pjanti Xylella fastidiosa.
Il-baġit disponibbli għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza u l-programmi ta’ stħarriġ dwar il-preżenza ta’ pesti jirrappreżenta parti limitata tan-nefqa totali skont il-baġit tar-Regolament CFF. Fl-2014, l-infiq għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza ammonta għal EUR 7,7 miljun u fl-2015 għal EUR 12,2-il miljun, filwaqt li l-infiq għall-programmi ta’ stħarriġ ammonta għal EUR 4,2 miljun fl-2015.
Għas-segwitu tar-riżultati tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza fitosanitarja, il-Kummissjoni timmonitorja l-għadd ta’ każijiet għal għażla ta’ pesti ta' prijorità, inkluż xi patoġenu devastanti bħal pereżempju il-Xylella fastidiosa. Fil-qasam tas-saħħa tal-pjanti, l-objettiv tal-eradikazzjoni fil-każ ta’ tifqigħa huwa possibbli biss jekk jiġu stabbiliti miżuri deċiżivi minnufih u mhux meta pest ikun diġà sar endemiku fiż-żona. Id-diffikultajiet fil-kisba tal-eradikazzjoni jistgħu jirriżultaw minn nuqqas ta’ soluzzjonijiet ta’ trattament effettivi, l-għadd għoli ta’ speċijiet ta’ pjanti suxxettibbli, id-dinamiki tal-popolazzjoni u ċ-ċiklu ta’ ħajja tal-pesti u l-vetturi tagħhom preżenti fil-foresti, fil-parks u fil-pjantaġġuni b’livell għoli ta’ valur ekonomiku, soċjali u ambjentali. Fil-każijiet fejn l-eradikazzjoni ma tkunx fattibbli, it-trażżin huwa l-unika alternattiva f’dan l-istat tax-xjenza. Dan jenfasizza l-importanza tad-detezzjoni bikrija li trid tinkiseb permezz tal-programm tal-isħarriġ.
L-effiċjenza
L-implimentazzjoni tal-programmi ta’ stħarriġ għandha l-għan li tidentifika l-preżenza ta’ pesti ta' prijorità fit-territorju tal-UE. F’din il-perspettiva, hija prevista żieda gradwali tar-riżorsi finanzjarji fil-QFP attwali, li tappoġġa l-objettiv li tiżdied il-kopertura tat-territorju tal-Unjoni ta’ dak l-istħarriġ sal-2020.
Bħal fil-każ tal-miżuri ta’ emerġenza veterinarja, l-infiq għall-miżuri ta’ emerġenza fitosanitarja huwa varjabbli u inqas prevedibbli minħabba riskji emerġenti bħall-effett tal-bidla fil-klima, il-kummerċ globali u l-moviment tal-vjaġġaturi fid-dinja. Tul is-snin 2014-2016, kien jikkonċerna l-aktar erba’ pesti ewlenin biss: il-miżuri ta’ emerġenza li jindirizzaw in-nematodu tal-injam tal-arżnu u l-Xylella fastidiosa, flimkien mal-Anoplophora glabripennis u l-Pomacea insularum, li kienu responsabbli għal kważi l-ħlasijiet kollha (91 %). Tul il-perjodu kkunsidrat, l-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza kkontribwixxa fil-prevenzjoni ta’ introduzzjoni ulterjuri u aktar tixrid fil-bqija tat-territorju tal-Unjoni tal-pesti msemmija hawn fuq.
Il-valur miżjud tal-UE
L-intervent tal-UE jappoġġa l-ġestjoni ta’ tifqigħat tas-saħħa tal-pjanti, fejn l-UE tipprovdi l-kontribuzzjoni finanzjarja meħtieġa fil-livell tal-Istati Membri biex jiġu implimentati l-miżuri ta’ emerġenza bl-għan li jiġi evitat aktar tixrid tal-pesti rilevanti fil-bqija tat-territorju tal-Unjoni.
Barra minn hekk, l-appoġġ tal-Unjoni jiffaċilita l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri bl-għan li jsir stħarriġ dwar il-pesti tal-pjanti li jistħoqqilhom attenzjoni aktar mill-qrib minħabba l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali tagħhom.
B’mod globali, l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ stħarriġ kofinanzjati mill-UE u tal-miżuri ta’ emerġenza fit-territorju tal-UE tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-produzzjoni agrikola permezz tal-ħarsien tas-saħħa tal-pjanti, kif ukoll il-ħarsien tal-bijodiversità u l-foresti, flimkien mal-kompetittività agrikola.
3.1.3
Il-kontrolli uffiċjali
Il-kisba tal-għanijiet
L-appoġġ finanzjarju tal-UE għas-sistema ta’ kontrolli uffiċjali jindirizza żewġ strumenti ewlenin, li jkopru madwar 100 % tal-ispejjeż eliġibbli mġarrba: l-attivitajiet ta’ ttestjar imwettqa min-netwerk ta’ rappreżentanti ta’ 43 EURLs, u t-taħriġ ipprovdut f’għadd ta’ oqsma prijoritarji tas-sikurezza alimentari mill-EURL, u fil-kuntest tal-inizjattiva BTSF. Erba’ indikaturi operattivi ġew żviluppati biex jimmonitorjaw il-prestazzjoni tal-miżuri ewlenin kofinanzjati fil-qasam tal-kontrolli uffiċjali.
L-EURLs ikkontribwew, inter alia, għall-aġġornament kontinwu ta’ għodod dijanjostiċi għall-identifikazzjoni f’waqtha ta’ patoġeni. Dan huwa kruċjali għall-implimentazzjoni uniformi tal-kontrolli fl-UE kollha peress li jiżgura l-kunfidenza fl-affidabbiltà tar-riżultati tat-testijiet u kundizzjonijiet ekwi fil-kompetizzjoni. Rata medja ta’ suċċess ta’ 85 % mil-laboratorji parteċipanti fit-testijiet tal-profiċjenza
mwettqa min-netwerk tal-EURLs turi l-applikazzjoni b’suċċess tal-metodi ta’ ttestjar tal-laboratorji ta’ referenza fl-UE kollha. Permezz ta’ taħriġ kontinwu, b’sessjoni ta’ ħidma annwali organizzata minn kull EURL, il-Laboratorji ta’ Referenza Nazzjonali (NRLs, National Reference Laboratories) involuti fil-kontroll uffiċjli jistgħu jtejbu l-għarfien espert tagħhom. Ir-rata ta’ sodisfazzjon medja tal-parteċipanti, fir-rigward tal-kontenut tat-taħriġ, kienet aktar minn 87 %.
Għat-tliet snin ikkunsidrati, l-inizjattiva ta’ taħriġ tal-BTSF kopriet 52 tema ta’ importanza ewlenija għall-oqsma tas-CFF. Il-programm tqies utli mill-parteċipanti, kemm fl-Istati Membri tal-UE u kemm fil-pajjiżi terzi, b’rata ta’ sodisfazzjon ogħla minn 90 % għas-snin kollha kkunsidrati. Barra minn hekk ir-rata ta’ suċċess tat-testijiet imwettqa mill-parteċipanti wara t-taħriġ hija għolja ħafna, madwar 88 %. It-taħriġ ipprovda appoġġ għal fehim komuni fost l-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom u kif l-aħjar jistgħu jinfurzaw il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Il-programm tal-BTSF wera wkoll li jkun ta’ għajnuna fir-rispons għall-ħtiġijiet ġodda, b’mod partikolari matul avvenimenti ta’ kriżi, meta kkontribwixxa għall-prevenzjoni u t-tħejjija għall-kriżijiet. Eżempju konkret huwa t-taħriġ tal-BTSF dwar l-investigazzjonijiet tat-tifqigħat ta’ oriġini alimentari, li kien organizzat tul it-tliet snin ikkunsidrati u ffoka fuq soġġetti bħal pereżempju t-tħejjija għat-tifqigħat, il-ġestjoni tat-tifqigħat u l-komunikazzjoni tal-kriżi, u indirizza t-timijiet nazzjonali tas-saħħa pubblika u l-awtoritajiet veterinarji u tas-sikurezza alimentari.
L-effiċjenza
Dawk iż-żewġ attivitajiet huma 100 % ffinanzjati mill-UE, u kull waħda minnhom għandha spiża annwali ta’ madwar EUR 15-il miljun għall-baġit tal-UE. Madankollu, din l-ispiża limitata ppermettiet lill-EURLs iwettqu attivitajiet ta’ ttestjar ta’ livell għoli u jħarrġu mijiet ta’ NRLs kull sena u l-BTSF ħarreġ kull sena madwar 6,000 uffiċjal tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali involuti fil-kontrolli uffiċjali.
Il-valur miżjud tal-UE
Il-valur miżjud tal-UE pprovdut mill-attivitajiet tal-EURLs u l-programmi tal-BTSF huwa marbut man-natura ta’ dawk l-attivitajiet: in-netwerk ta’ laboratorji jiżgura li l-Istati Membri kollha tal-UE jaħdmu fi ħdan qafas regolatorju konsistenti u uniformi u l-programm ta’ taħriġ tal-UE jippromwovi approċċ komuni lejn l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Din il-kontribuzzjoni lejn l-armonizzazzjoni ta’ regoli fil-livell tal-Unjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-għarfien espert fl-oqsma tas-sikurezza alimentari u oqsma relatati hija eżempju ewlieni ta’ interazzjoni pożittiva fl-UE, li ma setax jinkiseb permezz ta’ sforzi iżolati fil-livell nazzjonali u mingħajr l-appoġġ finanzjarju tal-UE.
3.1.4
Is-sikurezza alimentari
Il-kisba tal-objettiv tas-sikurezza alimentari għandha titqies minn perspettiva integrata, peress li hija għan orizzontali li jirriżulta mill-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas leġiżlattiv flimkien mal-kontribuzzjoni tal-UE u tal-programmi tal-infiq nazzjonali. L-attivitajiet kollha relatati mas-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u l-kontroll uffiċjali jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ sikurezza alimentari u ta’ sikurezza tas-sistemi ta’ produzzjoni tal-ikel, fl-interess taċ-ċittadini kollha tal-UE. Is-sikurezza alimentari tirrikjedi annimali u pjanti sikuri u b’saħħithom kif ukoll sistema ta’ kontrolli u ta’ kwalità għolja. Għalhekk hemm rabta diretta u vinkolanti mal-kisba ta’ livell għoli tas-saħħa tal-annimali, tas-saħħa tal-pjanti u tal-kontrolli uffiċjali sabiex jiġi ssodisfat dan ir-rekwiżit.
L-infurzar effettiv tar-rekwiżiti tal-UE fl-oqsma msemmija hawn fuq fl-UE u fil-pajjiżi mhux tal-UE li jesportaw l-annimali, il-pjanti u l-prodotti lejn l-UE, huwa kruċjali biex jinżammu livelli għoljin tas-sikurezza alimentari.
L-istandards għoljin tal-UE jiffaċilitaw il-kummerċ fl-UE u joħolqu opportunitajiet għan-negozji Ewropej biex jikkompetu fis-suq globali. Livelli għoljin ta’ sikurezza huma fundamentali għal swieq stabbli u għall-kunfidenza tal-konsumatur u fl-istess ħin jipproteġu lill-Ewropa minn spejjeż ekonomiċi u umani relatati ma’ tifqigħat ta’ mard.
Fil-perjodu kopert mill-evalwazzjoni, twettqu madwar 200 awditu u spezzjoni kull sena mis-servizzi tal-Kummissjoni. Dawk ikkontribwew għal diversi prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni, b’mod partikolari: ambjent regolatorju li jiffaċilita l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment billi jiġu żgurati livelli għoljin ta’ sikurezza appoġġati minn sistemi sodi ta’ kontroll u infurzar; suq intern aktar profond u ġust billi jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwi fejn iċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jkunu kunfidenti f’livelli għolja u uniformi ta’ sikurezza u informazzjoni trasparenti dwar l-istat ta’ implimentazzjoni tal-kontrolli fl-Istati Membri u fil-pajjiżi li mhumiex fl-UE li min-naħa tagħha tinforma lil dawk li jfasslu l-politika dwar l-effettività tar-regolamentazzjoni fis-setturi rilevanti.
Pemezz ta’ din l-esperjenza tal-awditjar tagħha, il-Kummissjoni tipprovdi feedback importanti dwar l-effettività, l-impatt u l-valur miżjud tal-leġiżlazzjoni u l-attivitajiet tal-UE.
Jekk il-kisba tal-objettivi settorjali analizzati fit-taqsimiet preċedenti tikkontribwixxi għal valutazzjoni pożittiva tas-sitwazzjoni ġenerali tas-sikurezza alimentari fil-livell tal-UE, ir-reputazzjoni tal-prodotti alimentari tal-UE ma teħtieġ l-ebda introduzzjoni. Il-produzzjonijiet agroalimentari tal-UE huma apprezzati fid-dinja kollha għall-kwalità tagħhom kif ukoll għall-istandards ta’ sikurezza ta’ livell għoli, u dawn jirrappreżentaw l-akbar settur ta’ manifattura fl-Ewropa u attur ewlieni fid-dinja kollha. F’dan il-kuntest, il-baġit tas-sikurezza alimentari tal-UE għandu rwol kruċjali fil-kompetittività tagħhom.
3.2
Is-simplifikazzjoni
Bi qbil mal-Komunikazzjoni “Baġit għall-Ewropa 2020”, ir-Regolament CFF kien maħsub biex jimmodernizza u jissimplifika d-dispożizzjonijiet finanzjarji preeżistenti. Is-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni ġew indirizzati billi:
·ġie sostitwit il-qafas legali preċedenti, li kien kumpless wisq u ta’ spiss mhux aġġornat, b’leġiżlazzjoni waħda li tkopri l-qasam kollu tal-katina alimentari;
·ġew razzjonalizzati r-rati ta’ finanzjament, bid-definizzjoni ta’ tliet rati standard biss, jiġifieri: 50 %, 75 % u 100 %;
·ġew allinjati l-proċeduri fil-qasam fitosanitarju u veterinarju taħt qafas armonizzat biex jiġu żgurati ċ-ċarezza, it-trasparenza u ambjent regolatorju sod;
·tnaqqas l-użu tal-Komitoloġija u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni sabiex il-kuntratti u l-ħlas jieħdu inqas żmien,
Pass ieħor lejn is-simplifikazzjoni globali tas-sistema kien l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ spiża unitarja għar-rimborż tal-attivitajiet imwettqa biex jiġu implimentati l-programmi veterinarji. Din tkopri madwar 50 % tal-ispejjeż eliġibbli u bħalissa qed tiġi riveduta sabiex tiġi estiża għal oqsma oħrajn. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkunsidraw li s-sistema l-ġdida tiffaċilita t-talba għall-finanzjament u r-rimborżi.
Fir-rigward tar-rekwiżiti tar-rappurtar, xi Stati Membri jqisu li huma spoporzjonati għall-iżgħar programmi veterinarji u l-miżuri ta’ emerġenza biss.
3.3
Kontribuzzjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv
Skont l-aħħar dejta tal-EUROSTAT, fl-2015, l-istima tal-produzzjoni tal-industrija agroalimentari kollha fl-UE kienet aktar minn EUR 410 biljun, u din tirrappreżenta l-akbar settur tal-manifattura fl-Ewropa u attur ewlieni fid-dinja kollha, b’żieda kontinwa tal-esportazzjonijiet tal-prodotti agrikoli tagħha. B'mod ġenerali, dan is-settur jipprovdi madwar 44 miljun impjieg fl-UE, li minnhom 22 miljun huma impjiegi fl-irziezet.
Il-kompetittività tal-produzzjoni alimentari Ewropea tiddependi mir-reputazzjoni tagħha, u l-baġit tas-sikurezza alimentari tal-UE għandu rwol kruċjali fis-sikurezza u l-kwalità tal-prodotti alimentari Ewropej.
Iżda aspetti bħal pereżempju l-globalizzazzjoni tal-kummerċ, il-bidla fil-klima u t-talbiet tas-sħab kummerċjali kif ukoll dawk tal-imġiba tal-konsumaturi waqt kriżijiet tal-ikel, huma sfida għas-sistema tal-produzzjoni tal-UE. F’din id-dinja li qed tinbidel, l-istrateġija għat-tkabbir Ewropa 2020 trid li l-UE ssir ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva. Dawn it-tliet prijoritajiet li jsaħħu lil xulxin għandhom jgħinu lill-UE u lill-Istati Membri biex joffru livelli għoljin ta’ impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali.
Fil-qasam agroalimentari, dawn l-għanijiet jistgħu jinkisbu biss jekk jiġi garantit livell għoli ta’ saħħa għall-bnedmin, l-annimali u l-pjanti tul il-katina alimentari u fl-oqsma relatati, u jekk jiġu implimentati l-azzjonijiet biex b’mod attiv jiġu evitati u jiġu eradikati l-mard u l-pesti.
3.4
Ir-rilevanza
Skont il-prinċipju gwida tad-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, il-miżuri tas-CFF jikkontribwixxu għal Ewropa sikura u sigura, fejn iċ-ċittadini jkollhom aċċess għal ikel ta’ kwalità għolja, b’rispett tal-aktar standards internazzjonali stretti; ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u s-saħħa pubblika jitrażżnu bis-saħħa tal-intervent fit-tul tal-UE f’dan il-qasam, kif ukoll bis-saħħa tar-reazzjoni f’waqtha tagħha fil-każ ta’ emerġenzi. Meta jiġu evitati l-okkorrenza jew it-tifrix ta’ epidemiji fit-territorju tal-Unjoni, il-miżuri tal-katina alimentari għandhom rwol ewlieni fil-protezzjoni tal-ekonomija tal-UE, fejn il-kriżijiet veterinarji, fitosanitarji u alimentari jista' jkollhom impatt devastanti, u jistgħu jiġġeneraw spejjeż enormi għall-baġits pubbliċi u għas-settur agroalimentari kollu. Dan għandu impatt fuq id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, u għandu effett pożittiv fuq il-protezzjoni tal-interessi taċ-ċittadini kollha tal-UE, mill-produtturi inizjali sal-konsumaturi finali. Eventwalment, din is-sistema qiegħda tikkontribwixxi lejn industrija agroalimentari tal-UE aktar b’saħħitha fix-xena globali, billi toħloq ekonomiji ta’ skala tas-suq intern tal-UE, li min-naħa tagħhom jappoġġaw l-esportazzjonijiet tal-prodotti agrikoli tal-UE.
3.5
L-impatt fit-tul tal-miżuri preċedenti
Il-maġġoranza tal-attivitajiet li bħalissa huma koperti mir-Regolament CFF diġà ġew kofinanzjati taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti. Ħafna minnhom, speċjalment il-miżuri dwar is-saħħa tal-annimali, min-natura tagħhom jirrikjedu investiment fit-tul biex jiksbu suċċess.
Fost il-kisbiet ewlenin li jirriżultaw mill-impatt fit-tul tal-miżuri implimentati qabel l-2014, eżempju tajjeb huwa l-eradikazzjoni tal-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina fl-ifrat, marda fatali li tista’ tittieħed mill-bniedem permezz tal-konsum ta’ prodotti taċ-ċanga kkontaminati. Il-kofinanzjament tal-UE fit-tul kontra din il-marda kellu rwol ewlieni u rriżulta fi tnaqqis fl-għadd ta’ każijiet pożittivi minn aktar minn 2,000 fl-2001 għal ħames każijiet biss fl-2016: inqerdet kważi għalkollox. Dan imbagħad ippermetta l-irtirar ta’ medda ta’ miżuri ta’ protezzjoni għaljin u l-ħolqien ta’ opportunitajiet kummerċjali ġodda.
Każ tajjeb ieħor huwa relatat ma’ żoonożi importanti bħal pereżempju r-Rabja li kważi ġiet eradikata fil-fawna selvaġġa fl-UE (l-eradikazzjoni totali hija mistennija li sseħħ sal-2020) u l-għadd ta’ każijiet naqas minn 726 fl-2010 sa 18 biss fl-2016 u dan ippermetta l-moviment ħieles tal-qtates u l-klieb fl-UE.
Ġie rrapurtat tnaqqis tal-infezzjonijiet fil-popolazzjoni tat-tjur (bħal pereżempju t-tiġieġ tal-bajd) mis-salmonella spp wara l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ kontroll tas-salmonella kofinanzjati mill-UE. Dan wassal ukoll għal benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem, peress li s-salmonellożi hija żoonożi importanti u waħda mill-kawżi ewlenin tal-kontaminazzjoni umana hija l-konsum tal-bajd. L-inċidenza ta’ każijiet umani kkonfermati, analizzata f’perjodu itwal mill-perjodu ta’ żmien li qed jiġi evalwat, naqset minn 105,450 fl-2010 għal 94,600 fl-2015. Madankollu, kull sena jistgħu jiġu osservati livelli għoljin ta’ każijiet umani minħabba bosta fatturi bħal pereżempju l-interruzzjoni tal-katina tal-kesħa tal-bajd.
3.6
Qasam li għandu jingħata attenzjoni ulterjuri
Fil-baġit 2014-2020 tal-UE, ir-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu mhijiex disponibbli għall-programm tal-ikel u tal-għalf. Fil-każ ta’ tifqigħat ta’ epidemiji veterinarji u fitosanitarji fuq skala kbira, bħal pereżempju l-każ reċenti tal-influwenza avjarja, li l-impatt baġitarju tagħhom ma jkunx jista’ jiġi kopert mill-programm attwali, jista’ jkun diffiċli li jingħata appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ eradikazzjoni u biex jitrażżan f’waqtu t-tixrid ta’ dawn l-epidemiji.
Il-finanzjament tal-attivitajiet relatati mas-saħħa tal-pjanti għadu fil-fażi inizjali u se jkun meħtieġ li dan jingħata attenzjoni ulterjuri biex jiġu indirizzati sewwa l-ħtiġijiet f’dan il-qasam, pereżempju f’termini ta’ integrazzjoni bejn il-programmi tal-istħarriġ u l-miżuri ta’ emerġenza. Sadanittant jenħtieġ li wieħed jinnota li l-effettività tal-miżuri ta’ emerġenza għas-saħħa tal-pjanti jistħoqqilha attenzjoni partikolari. F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jikkunsidra li l-kisba tal-eradikazzjoni ta’ xi pesti ta’ spiss hija aktar ikkumplikata milli fil-qasam tas-saħħa tal-annimali minħabba l-għadd kbir ta’ speċijiet ospitanti, il-latenza tas-sintomi u l-preżenza tagħhom tal-vetturi. Fil-każijiet fejn l-eradikazzjoni ma tkunx aktar possibbli, approċċ ta’ trażżin xorta huwa mod effettiv biex jiġi evitat aktar tixrid tal-pest fil-bqija tat-territorju tal-Unjoni.
Saru xi aġġustamenti biex jiġu adattati l-għodod finanzjarji użati f’dawn l-oqsma ta’ nfiq mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju attwali, b’mod partikolari l-għotjiet. Madankollu, l-esperjenza turi li, meta wieħed jikkunsidra l-karatteristiċi tan-nefqa tas-sikurezza alimentari (finanzjament mhux kompetittiv li jikkonsisti f’rimborż lill-Istati Membri), l-għotjiet mhux dejjem huma l-aħjar għodda fil-qasam speċifiku tal-miżuri veterinarji u fitosanitarji.
Fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju għal attivitajiet oħrajn, għandhom isiru riflessjonijiet dwar kif l-għotjiet immirati lejn l-appoġġ ta’ mġiba aktar sostenibbli ta’ ċerti atturi fil-katina alimentari jikkontribwixxu għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, kif imsemmi fil-Komunikazzjoni “Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli”. Għandhom jiġu eżaminati aktar l-għażliet disponibbli fuq kif l-għażla li tingħata donazzjoni ta’ ikel li huwa sikur biex jiġi kkunsmat tista’ tiġi appoġġata billi jiġu estiżi l-għotjiet lill-organizzazzjonijiet li huma attivi fid-distribuzzjoni mill-ġdid ta’ ikel sikur, kif issuġġerit fir-Rapport Speċjali “Il-Ġlieda kontra l-Ħela tal-Ikel” tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
4.
KONKLUŻJONIJIET
Il-qafas tal-UE dwar is-sikurezza alimentari, is-saħħa tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti ġie rikonoxxut b’mod ġenerali bħala uniformi u ġeneralment konsistenti fl-applikazzjoni u l-infurzar tiegħu fl-Istati Membri kollha. Dan jiżgura mbagħad li kemm iċ-ċittadini u kemm in-negozji jkunu kunfidenti li dan il-qafas huwa ġust u effettiv fil-promozzjoni ta’ standards ta’ sikurezza għoljin f’settur ewlieni tal-ekonomija tal-UE. L-investiment tal-UE fis-sorveljanza, u l-eradikazzjoni u l-kontroll tal-mard u l-pesti, jikkontribwixxi għas-sikurezza u l-kummerċ fil-katina alimentari kollha. L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tar-Regolament CFF turi li l-qafas finanzjarju attwali qed jaħdem sew fil-kuntest tal-politika tiegħu: l-attivitajiet kollha li jirċievu appoġġ finanzjarju mill-UE f’dan il-qasam jaqdu l-objettivi ġenerali u speċifiċi tar-Regolament CFF, jiġifieri t-titjib tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, kif ukoll il-prijoritajiet globali tal-Kummissjoni, inkluż il-funzjonament ta’ suq intern effettiv u l-appoġġ għall-kummerċ mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE.
L-istrument finanzjarju tar-Regolament CFF wera wkoll li huwa flessibbli biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet emerġenti għall-kofinanzjament speċjalment meta jseħħu t-tifqigħat. L-attivitajiet iffinanzjati taħt ir-Regolament CFF jipprovdu appoġġ għall-qafas tal-UE dwar l-ikel u l-għalf li jikkontribwixxu għal UE li hija sikura u sigura, prospera u sostenibbli, soċjali u aktar b’saħħitha fix-xena globali.