Brussell, 22.5.2017

COM(2017) 524 final

EMPTY

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2017 tas-Slovakkja

u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tas-Slovakkja tal-2017


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2017 tas-Slovakkja

u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tas-Slovakkja tal-2017

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, 2

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, 3

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 4 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew tad-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta' Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 5 , li fih hija ma identifikatx is-Slovakkja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Dik ir-Rakkomandazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew tad-9 u l-10 ta’ Marzu 2017 u adottata mill-Kunsill fil-21 ta’ Marzu 6 .

(2)Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro u fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jinħtieġ li s-Slovakkja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro li hija riflessa fir-rakkomandazzjonijiet 1 u 2 hawn taħt.

(3)Ir-rapport dwar il-pajjiż tal-2017 għas-Slovakkja 7 ġie ppublikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan evalwa l-progress tas-Slovakkja hi u tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tas-Slovakkja lejn il-miri nazzjonali Ewropa 2020 tagħha.

(4)Fis-26 ta’ April 2017, is-Slovakkja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2017 tagħha. Iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien biex jitqiesu r-rabtiet mill-qrib ta' bejniethom.

(5)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti tqiesu fil-programmi tal-Istati Membri għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) li jkopru l-perjodu 2014-2020. Kif previst fil-leġiżlazzjoni li tirregola l-Fondi SIE 8 , fejn ikun neċessarju li l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relevanti, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru jirrieżamina u jemenda l-programmi tal-Fondi SIE relevanti tiegħu. Il-Kummissjoni tat iktar gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli 9 .

(6)Bħalissa s-Slovakkja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu tal-2017, il-gvern qed jippjana titjib tad-defiċit nominali għal 1,3 % tal-PDG fl-2017 u gradwalment għal 0 % tal-PDG fl-2019 u l-2020. L-objettiv baġitarju ta' terminu medju — defiċit strutturali ta' 0,5 % tal-PDG — huwa mistenni li jintlaħaq fl-2018. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG huwa mistenni li jinżel gradwalment għal 46 % sal-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli.

(7)Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda li s-Slovakkja tikseb aġġustament fiskali annwali ta' 0,5 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2017. Abbażi tal-previżjoni tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2017, fl-2017 hemm riskju ta’ xi devjazzjoni minn dak ir-rekwiżit.

(8)Fl-2018, fid-dawl tas-sitwazzjoni fiskali tagħha, is-Slovakkja hija mistennija li taġġusta ulterjorment lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju tagħha ta’ defiċit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG. Skont il-matriċi ta’ aġġustament miftiehma b’mod komuni skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, dak l-aġġustament jissarraf f’rekwiżit ta’ rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja tal-gvern netta 10 li ma teċċedix 2,9 %. Ikun jikkorrispondi għal aġġustament strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG. Jekk il-politiki ma jinbidlux, tul il-perjodu 2017-18 hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dan ir-rekwiżit. Kollox ma’ kollox, il-Kunsill huwa tal-fehma li jeħtieġ li s-Slovakkja tkun lesta li tieħu aktar miżuri biex tiżgura l-konformità fl-2017 u li se jkunu meħtieġa miżuri ulterjuri fl-2018 biex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-valutazzjoni tal-pjanijiet u l-eżiti tal-baġit jinħtieġ li tieħu kont tal-bilanċ baġitarju tal-Istat Membru fid-dawl tal-kundizzjonijiet ċikliċi. Kif imfakkar fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li takkompanja dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, il-valutazzjoni tal-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tal-eżiti baġitarji tal-2018 se jkollhom bżonn iqisu kif dovut l-għan li tintlaħaq pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru li għaddej u għall-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi Slovakki. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tuża l-marġni ta’ apprezzament applikabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni ċiklika tas-Slovakkja.

(9)Il-finanzi pubbliċi tas-Slovakkja għadhom jaffaċċjaw riskji fit-terminu ta’ żmien twil. In-nefqa fuq is-saħħa għadha tippreżenta riskju għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, minħabba li ż-żieda tal-kosteffettività tal-kura tas-saħħa fis-Slovakkja għadha sfida. Ittieħdu xi passi biex il-kura fl-isptarijiet tiġi razzjonalizzata u jitbaxxew il-kostijiet, iżda għad m’hemmx riżultati viżibbli. L-analiżi tal-infiq tal-2016 identifikat iffrankar potenzjali. Madankollu, il-progress fil-prattika biex titwettaq riforma komprensiva tas-sistema tas-saħħa u tal-infiq fuq is-saħħa sa issa kienet imdewma, bi progress kajman fl-introduzzjoni tas-sistema ta’ pagamenti fi gruppi relatati mad-dijanjożi u t-tnedija ta’ sistemi tas-saħħa elettroniċi. Sadanittant, id-defiċit tas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi huwa previst li jirdoppja fit-terminu twil, u l-età tal-irtirar hija fost l-aktar baxxi fl-UE. Aġġustamenti reċenti fis-sistema tal-pensjonijiet kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom ad hoc u għal żmien qasir.

(10)L-evażjoni u l-evitar tat-taxxa naqsu, u qegħdin isiru sforzi biex tiżdied il-konformita volontarja. It-titjib fil-ġbir tat-taxxi naqqas b’mod sinifikanti dik li kienet, fl-imgħoddi, diskrepanza tal-VAT kbira. Il-limitar tal-frodi tal-VAT jidher li kellu wkoll impatt pożittiv fuq il-ġbir tat-taxxa korporattiva. L-amministrazzjoni finanzjarja tagħmel enfasi fuq it-titjib tal-konformità mal-VAT, partikolarment permezz tal-awditjar. Fl-istess waqt, qegħdin jiġu esplorati attivitajiet li mhumiex tal-awditjar biex tissaħħaħ il-konformità mar-regoli tat-taxxa volontarja.

(11)Minkejja titjib fis-suq tax-xogħol li jirriżulta minn irkupru ekonomiku robust u ħolqien tax-xogħol b’saħħtu, il-qgħad fit-tul għadu problema. Ir-rata ta’ qgħad fit-tul għadha waħda mill-ogħla fl-UE. B'mod partikolari din taffettwa r-Rom marġinalizzati, persuni b’livelli baxxi ta’ ħiliet u ż-żgħażagħ. Barra minn hekk, għadhom jippersistu differenzi reġjonali — ir-rata tal-qgħad fis-Slovakkja tal-Lvant għadha d-doppju ta' dik fi Bratislava. Il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni li tagħti ċans ieħor għadha baxxa. Minkejja miżuri li jinkoraġġixxu lill-ħaddiema b’paga baxxa u riforma li għaddejja tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, għad fadal problemi biex jiġi introdott appoġġ individwalizzat lil dawk qiegħda fit-tul u lil gruppi vulnerabbli minħabba, fost l-oħrajn, għadd kbir ta’ każijiet. Il-pjan ta' azzjoni Slovakk dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul, iffinanzjat fil-biċċa l-kbira mill-Fond Soċjali Ewropew, għandu l-għan li jirrimedja dan permezz ta’ approċċ komprensiv għas-servizzi personalizzati. Dan sa jinkiseb billi tingħata konsulenza speċjalizzata, sistema ġdida ta’ pprofilar, kooperazzjoni ma’ aġenziji ta’ impjieg privati, u t-twettiq ta’ programmi ta’ taħriġ immirati apposta ddiżinjati minn impjegaturi abbażi tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol reġjonali. Il-parteċipazzjoni tar-Rom fis-suq tax-xogħol Slovakk għadha baxxa ħafna u l-progress fiż-żieda tar-rata ta' impjieg tagħhom għadu kajman. Livelli baxxi ta' edukazzjoni u ħiliet u diskriminazzjoni huma fatturi li jaffettwaw l-eżiti baxxi tagħhom fis-suq tax-xogħol. Ir-rata ta' impjieg baxxa tan-nisa fl-età riproduttiva tirrifletti l-liv tal-ġenituri twil (sa tliet snin) li rari jeħduh l-irġiel, in-nuqqas ta’ faċilitajiet tal-kura tat-tfal, partikolarment għal tfal taħt it-tliet snin, u adozzjoni baxxa ta’ arranġamenti ta’ ħin tax-xogħol flessibbli.

(12)Is-sistema edukattiva mhijiex immirata biżżejjed biex iżżid il-potenzjal ekonomiku tas-Slovakkja. L-eżiti edukattivi u l-livell ta’ ħiliet bażiċi għadhom diżappuntanti meta mqabbla ma’ standards internazzjonali, u komplew jiddeterjoraw bejn l-2012 u l-2015. Barra minn hekk, għadhom jippersistu differenzi reġjonali qawwija. Il-prestazzjoni baxxa hija primarjament marbuta ma’ impatt qawwi tal-isfond soċjoekonomiku u etniku tal-istudenti, ma’ kwistjonijiet ta’ ekwità, aċċess, u inklussività, kif ukoll mal-fatt li t-tagħlim huwa professjoni li relattivament mhijiex attraenti. Minkejja ż-żieda ta’ 6 % fis-salarji għall-għalliema fl-2016 u iktar żidiet ippjanati għall-2017-2020, il-kundizzjonijiet tas-salarji mhux kompetittivi u t-taħriġ kontinwu limitat tal-għalliema huma fost il-fatturi li jagħmlu l-professjoni pjuttost inattraenti, partikolarment għal għalliema prospettivi żgħażagħ u dawk li jgħixu fir-reġjuni aktar żviluppati tal-pajjiż. Il-leġiżlazzjoni adottata dan l-aħħar kontra s-segregazzjoni, dwar il-komunità emarġinata tar-Rom, għad fadlilha biex tiġi implimentata kollha kemm hi biex twassal għal tibdil pożittiv u żżid il-parteċipazzjoni tar-Rom fl-edukazzjoni ordinarja inklussiva, b’enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, kif ukoll l-edukazzjoni ta’ qabel l-iskola.

(13)L-amministrazzjoni pubblika Slovakka qed tiġi mmodernizzata, iżda l-korruzzjoni għadha sfida li trid tingħeleb. Il-perċezzjoni tal-korruzzjoni għadha għolja, u din isservi ta’ ostaklu kbir għan-negozju. Il-mekkaniżmi ta’ kontroll u l-infurzar ta’ regoli kontra l-korruzzjoni għadhom jidhru inadegwati, u inizjattivi ta’ politika dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u kumpaniji tal-isem jista’ jkun li mhumiex biżżejjed biex il-problema tissolva. Barra minn hekk, il-prattiki tal-akkwist pubbliku jonqsu mill-istandard tal-aħjar prattika f’bosta oqsma. Qegħdin jiġu żviluppati miżuri ta’ taħriġ biex il-persunal ikun kapaċi jmexxi sistema ta’ akkwist pubbliku iktar effiċjenti. Madankollu, kunflitti ta’ interess, speċifikazzjonijiet tas-sejħiet għal offerti individwalizzati u l-użu eċċessiv tal-kriterju tal-irħas prezz għadhom ta’ tħassib, u jwasslu għal kompetizzjoni abbażi tal-kwalità limitata. Id-dgħufijiet fl-akkwist pubbliku huma persistentement irrappurtati li jaffettwaw l-effiċjenza tal-allokazzjoni ta' riżorsi pubbliċi.

(14)L-ambjent leġiżlattiv li jinbidel spiss jagħmilha diffiċli u għalja għall-kumpaniji biex jimxu mal-leġiżlazzjoni, u l-proċessi leġiżlattivi u regolatorji u l-arranġamenti ta’ insolvenza spiss jitqiesu li mhumiex adattati biżżejjed għan-negozji. M’ilux twaqqaf grupp ta’ ħidma interministerjali għan-negozju, immexxi mis-Segretarju tal-Istat tal-Ministeru tal-Ekonomija, li huwa mistenni li sa Ġunju 2017 jippreżenta proposti għal miżuri biex jitjieb l-ambjent tan-negozju. Fadal ostakli regolatorji kbar għas-settur tas-servizzi għan-negozju fis-Slovakkja. F’Jannar 2017, fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar rakkomandazzjonijiet ta' riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali ngħatat gwida speċifika għal kull professjoni biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, bħala parti minn pakkett ta’ miżuri biex jindirizzaw l-ostakli fis-swieq tas-servizzi 11 .    

(15)It-titjib fl-effettività, inkluża l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, għadha ta’ sfida għas-Slovakkja, minkejja li qed isiru sforzi biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet. Madankollu, għad fadal xi tħassib dwar l-effiċjenza u l-indipendenza tal-ġudikatura. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni pubblika għadha mkidda mill-ineffiċjenza, in-nuqqas ta’ kapaċità, u l-frammentazzjoni. L-adozzjoni tal-istrateġija dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani f’Ottubru 2015 u l-adozzjoni reċenti tal-Att dwar is-Servizz Ċivili huma passi pożittivi ’l quddiem. Il-Kunsill dwar is-Servizz Ċivili l-ġdid, li huwa politikament indipendenti, se jissorvelja l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Att kif ukoll il-kodiċi tal-etika għall-ħaddiema taċ-Ċivil. Il-qafas regolatorju kumpless u opak jikkumplika r-relazzjonijiet bejn il-partijiet interessati u s-suq tal-enerġija. Bidliet reċenti fl-iffissar tat-tariffi tad-distribuzzjoni jindikaw li għad hemm influwenza politika u kummerċjali. L-indipendenza tar-regolatur tal-prezzijiet tal-enerġija hija mistennija li tonqos wara l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tagħti lill-gvern dritt esklużiv biex jinnomina l-president tar-regolatur u tagħti lill-Ministeri tal-Ekonomija u tal-Ambjent id-dritt li jintervjenu fi proċediment ta’ ffissar tal-prezzijiet.

(16)Fil-Kuntest tas-Semestru Ewropew il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovakkja u ppublikatha fir-rapport dwar il-pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu li sar għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lis-Slovakkja fi snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għas-sostenibbiltà tal-politika fiskali u soċjoekonomika fis-Slovakkja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(17)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà, u l-opinjoni 12 tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 ta’ hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovakkja tieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

1.Taħdem favur il-politika fiskali tagħha konformi mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li tissarraf fi sforz fiskali sostanzjali għall-2018. Meta tieħu azzjoni politika, jinħtieġ li tingħata konsiderazzjoni li tinkiseb pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru li għaddej kif ukoll għall-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi Slovakki. Ittejjeb il-kosteffettività tas-sistema tas-saħħa tagħha, inkluż billi timplimenta l-proġett dwar il-valur għall-flus.

2.Ittejjeb miżuri ta’ attivazzjoni għal gruppi żvantaġġati, inkluż billi timplimenta l-pjan ta’ azzjoni għall-persuni qiegħda fit-tul u billi tipprovdi servizzi individwalizzati u t-taħriġ immirat apposta għalihom. Ittejjeb l-opportunitajiet ta' xogħol għan-nisa, speċjalment billi testendi l-kura tat-tfal ta’ kwalità għall-but ta’ kulħadd. Ittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u żżid il-parteċipazzjoni tar-Rom fl-edukazzjoni ordinarja inklussiva.

3.Ittejjeb il-kompetizzjoni u t-trasparenza fl-operazzjonijiet tal-akkwist pubbliku u tintensifika l-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi tinforza aktar il-leġiżlazzjoni eżistenti. Tadotta u timplimenta pjan komprensiv biex tnaqqas l-ostakli amministrattivi u regolatorji għan-negozji. Ittejjeb l-effettività tas-sistema tal-ġustizzja, inkluż tnaqqis fit-tul ta’ żmien li jieħdu l-każijiet ċivili u kummerċjali.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2) COM(2017) 524 final.
(3) P8_ TA(2017)0038, P8_ TA(2017)0039, u P8_ TA(2017)0040.
(4) COM(2016) 725 final.
(5) COM(2016) 728 final.
(6) 2017/C92/01.
(7) SWD(2017) 90 final/2.
(8) L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(9)

   COM(2014) 494 final.

(10) In-nefqa netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-gvern bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u tibdil nondiskrezjonarju fin-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjat nazzjonalment huwa raddrizzat fuq perjodu ta’ 4 snin. Miżuri ta’ dħul diskrezjonarji jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma meqjusa. Miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma nnettjati.
(11) COM(2016) 820 final, COM(2016) 821 final, COM(2016) 822 final, COM(2016) 823 final, COM(2016) 824 final.
(12) Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.