Brussell, 13.9.2017

COM(2017) 494 final

Limité cabinets Embargo jusqu'à l'adoption

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Nilqgħu l-Investiment Dirett Barrani filwaqt li Nħarsu l-Interessti Essenzjali


1.Introduzzjoni

Fl-10 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet id-dokument ta’ riflessjoni dwar il-Ġestjoni tal-Globalizzazzjoni 1 li fetaħ dibattitu dwar kif tissawwar globalizzazzjoni biex jibbenefika minnha kulħadd. Id-dokument enfasizza l-impenn sod tal-Unjoni Ewropea (UE) li tibni ordni tal-kummerċ dinji miftuħ, sostenibbli, ġust u bbażat fuq ir-regoli permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali. Madankollu, l-UE ma toqgħodx lura milli taġixxi sabiex tħares liċ-ċittadini u lill-industrija tagħha meta l-pajjiżi jew il-kumpaniji barranin jinvolvu ruħhom fi prattiki inġusti jew iqajmu tħassib għas-sigurtà u l-ordni pubbliku.

Dawn il-prinċipji japplikaw bis-sħiħ għall-investiment dirett barrani minn pajjiżi terzi, li jiffurmaw parti mill-politika kummerċjali komuni tal-UE. L-investiment dirett barrani huwa sors importanti ta’ tkabbir, impjiegi u innovazzjoni. Ġab benefiċċji sinifikanti għall-UE kif ukoll għall-bqija tad-dinja. Minħabba f’hekk l-UE trid iżżomm ambjent ta’ investiment miftuħ. Fl-istess ħin, id-dokument ta’ riflessjoni dwar il-Ġestjoni tal-Globalizzazzjoni jirrikonoxxi żieda fit-tħassib dwar akkwisti strateġiċi ta’ kumpaniji Ewropej b’teknoloġiji ewlenin minn investituri barranin, speċjalment intrapriżi tal-Istat. Dan it-tħassib qajjem dubju dwar il-kapaċità li l-qafas regolatorju attwali jindirizzahom.

Il-Kunsill Ewropew laqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiġġestixxi l-globalizzazzjoni u speċifikament li tanalizza l-investimenti minn pajjiżi terzi f’setturi strateġiċi 2 . Min-naħa tiegħu, il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri,  “teżamina l-investiment barrani dirett ta’ pajjiżi terzi fl-UE f’industriji strateġiċi, fl-infrastruttura u f’teknoloġiji ewlenin tal-ġejjieni, jew assi oħra li huma importanti għal raġunijiet ta’ sigurtà u għall-protezzjoni tal-aċċess għalihom” 3 .

Sabiex jindirizzaw l-impatt potenzjali ta’ akkwiżizzjonijiet transfruntiera fuq is-sigurtà u l-ordni pubbliku, kważi nofs l-Istati Membri tal-UE bħalissa għandhom mekkaniżmi ta’ skrinjar tal-investiment dirett barrani u jirriżervaw is-setgħa li jrażżnu l-investimenti li jheddu l-interessi essenzjali tagħhom. Madankollu, minkejja dimensjoni Ewropea ċara għall-investiment dirett barrani, la hemm kooperazzjoni sistematika fost l-Istati Membri u lanqas approċċ mifrux madwar l-UE għal dawn il-kwistjonijiet.

Għaldaqstant, din il-Komunikazzjoni tissuġġerixxi aktar passi konkreti biex l-Istati Membri u, meta jkun rilevanti, il-Kummissjoni jiskrinjaw ċerti investimenti diretti barranin fl-UE. 4 Takkumpanja proposta għal Regolament li jistabbilixxi qafas li jiskrinja l-investimenti diretti barranin minn pajjiżi terzi għal raġunijiet ta’ sigurtà u ordni pubbliku fl-UE, flimkien ma’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni fost l-Istati Membri kif ukoll qafas għall-iskrinjar fil-livell tal-UE.

2.L-UE hija miftuħa għall-investiment barrani...

L-UE għandha wieħed mill-aktar reġimi ta’ investiment miftuħa tad-dinja. 5 Il-ftuħ għall-investiment barrani huwa minqux fit-Trattati tal-UE 6 . L-UE hija l-akbar sors u destinazzjoni dinjija ta’ investiment dirett barrani. Fi tmiem l-2015, l-istokk ta’ investiment dirett barrani eżoġenu fl-UE kien ta’ aktar minn EUR 5,7 triljun filwaqt li dan laħaq EUR 5,1 triljun fl-Istati Uniti u EUR 1,1 triljun fiċ-Ċina. Fl-istess ħin, l-investituri tal-UE kellhom EUR 6,9 triljun f’investiment dirett barrani f’pajjiżi terzi 7 . 

Il-flussi tal-investiment dirett barrani fl-UE rkupraw miċ-ċifri baxxi osservati matul u wara l-kriżi finanzjarja, b’mod partikulari bejn l-2008 u l-2010. Fl-2015, l-investiment dirett barrani eżoġenu laħaq kważi EUR 470 biljun – aktar mill-ogħla livell qabel il-kriżi rreġistrata fl-2007 8 .  L-irkupru ġie appoġġjat minn żieda kemm fl-għadd kif ukoll fil-valur tal-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet transfruntiera internazzjonali, li għadhom jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-influssi tal-investiment dirett barrani.

Fl-istess ħin, qed ifeġġu xejriet ġodda ta’ investiment u xi kumpaniji emerġenti għandhom rwol ikbar bħala fornituri tal-investiment dirett barrani. L-Istati Uniti huma bla dubju l-akbar investituri barranin fl-UE iżda s-sehem tagħhom fl-istokk tal-investiment dirett barrani fl-UE waqa’ minn 51,3 fil-mija fl-1995 għal 41,4 fil-mija fl-2015. Is-sehem tal-Ġappun ukoll naqas minn 7,7 fil-mija għal inqas minn 3 fil-mija fl-istess perjodu. Fl-istess ħin, l-ishma tal-Brażil u taċ-Ċina żdiedu b’mod sinifikanti minn 0,2 u 0,3 fil-mija rispettivament fl-1995 għal 2,2 u 2 fil-mija fl-2015, 9 u b’hekk dawn iż-żewġ pajjiżi saru l-ħames u s-sitt l-akbar investituri barranin fl-UE (ara l-grafiki hawn taħt).

Grafika 1: Kompożizzjoni tal-istokk tal-investiment dirett barrani eżoġenu u endoġenu tal-UE minn sieħba internazzjonali, tmiem l-2015

Sors: l-Eurostat

Grafika 2: Evoluzzjoni tal-ishma tal-għaxar l-akbar investituri fl-istokk tal-investiment dirett barrani eżoġenu tal-UE 10  

Sors: l-Eurostat

L-UE tilqa’ l-investimenti barranin minħabba l-benefiċċji sostanzjali li jġibu magħhom għall-ekonomija tagħna u għas-soċjetà inġenerali. L-investiment dirett barrani huwa sors ta’ tkabbir u impjiegi. Jorbot lill-kumpaniji tal-UE mal-ktajjen ta’ valur mondjali li jmexxu l-ekonomija moderna. Jixpruna l-produttività u jagħmel il-kumpaniji tagħna aktar kompetittivi billi jtejjeb l-allokazzjoni tar-riżorsi, jiġbed kapital, teknoloġiji u għarfien espert, iżid il-kompetizzjoni, jistimula l-innovazzjoni, u jiftaħ swieq ġodda għall-esportazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, jappoġġja l-objettivi tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, u proġetti u programmi oħra tal-UE. L-investiment dirett barrani endoġenu jiġġenera qligħ simili bħala flussi eżoġeni, inkluż għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, l-UE se tkompli tappoġġja l-liberalizzazzjoni u l-protezzjoni tal-investimenti madwar id-dinja.

Filwaqt li 0,4 fil-mija tal-kumpaniji tal-UE biss huma kkontrollati minn investituri mhux tal-UE, bħala medja dawn il-kumpaniji huma ħafna akbar mill-kumpaniji li għandhom is-sjieda tagħhom l-investituri tal-UE. B’riżultat ta’ dan, dawn jirappreżentaw madwar 13 fil-mija tad-dħul totali, 11 fil-mija tal-valur miżjud u 6 fil-mija tal-impjiegi totali fl-UE 11 .

3.…iżda hekk kif ix-xejriet tal-investiment barrani jinbidlu, iridu jiġu żgurati s-sigurtà u l-ordni pubbliku

Il-ftuħ tal-UE għall-investiment barrani mhuwiex se jinbidel. Madankollu, irid ikun akkumpanjat minn politiki b’saħħithom u xierqa li, l-ewwel nett, jiftħu s-swieq għall-kumpaniji tal-UE f’pajjiżi terzi, jiżguraw li kulħadd josserva l-istess regoli u jħarsu l-investimenti tal-UE f’pajjiżi terzi, u, it-tieni nett, iħarsu l-assi fl-UE kontra akkwiżizzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ detriment għall-interessi essenzjali tal-UE jew tal-Istati Membri tagħha.

L-investituri barranin huma aktar iffukati li jfittxu swieq ġodda u assi strateġiċi u l-Intrapriżi tal-Istat għandhom rwol ikbar fl-ekonomija globali 12 . F’xi ekonomiji l-Intrapriżi tal-Istat għandhom sehem sinifikanti mill-investiment dirett barrani, f’xi każijiet bħala parti minn strateġija ddikjarata tal-gvern 13 . Apparti s-sjieda diretta tal-Istat fl-intrapriżi, naraw ukoll sitwazzjonijiet fejn ċerti kumpaniji huma direttament jew indirettament influwenzati mill-Istat permezz ta’ diversi mezzi, jew fejn l-Istat jiffaċilita akkwisti barranin minn kumpaniji nazzjonali, speċjalment permezz ta’ faċilitazzjoni għall-aċċess għal finanzjament taħt ir-rati tas-suq.

F’dan il-kuntest, hemm riskju li f’każijiet individwali l-investituri barranin ifittxu li jakkwistaw kontroll jew jinfluwenzaw intrapriżi Ewropej li l-attivitajiet tagħhom ikollhom riperkussjonijiet fuq teknoloġiji, infrastrutturi, kontributi, jew informazzjoni sensittiva kritiċi. Dan ir-riskju jfeġġ speċjalment, iżda mhux biss, meta l-investituri barranin ikunu tal-Istat jew ikkontrollati minnu, inkluż permezz ta’ finanzjament jew mezzi oħra ta’ direzzjoni. Dawn l-akkwisti jistgħu jippermettu li l-Istati inkwistjoni jużaw dawn l-assi għad-detriment mhux biss tal-vantaġġ teknoloġiku tal-UE iżda anke tas-sigurtà u tal-ordni pubbliku tagħha.

Diversi sħab internazzjonali ewlenin tal-UE stabbilew u joperaw mekkaniżmi ta’ skrinjar tal-investiment dirett barrani, sabiex jindirizzaw dan it-tip ta’ tħassib. Dawn jinkludu l-Awstralja, il-Kanada, iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun u l-Istati Uniti.

Eżempji ta’ skrinjar tal-investiment dirett barrani

L-Istati Uniti

Sa mill-1975, il-Kumitat dwar l-Investiment Barrani fl-Istati Uniti (Committee on Foreign Investment in the US, CFIUS) jissorvelja u jiskrinja tranżazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw f’kontroll ta’ negozju tal-Istati Uniti minn persuna barranija sabiex tiddetermina l-effett ta’ dawn it-tranżazzjonijiet fuq is-sikurezza nazzjonali. Bħala servizz interaġenzjali, is-CFIUS għandu l-awtorità li jirrieżamina formalment l-investimenti diretti barranin, filwaqt li l-Att dwar l-Investiment Barrani u s-Sikurezza Nazzjonali tal-2007 ukoll jeħtieġ skrutinju miżjud tat-tranżazzjonijiet barranin ikkontrollati mill-gvern. Bejn l-2009 u l-2014, is-CFIUS irċieva 627 avviż ta’ akkwisti proposti ta’ kumpaniji tal-Istati Uniti minn ditti barranin, u investigaw formalment madwar 40 % ta’ dan it-total: minn dawn il-244 tranżazzjoni investigata, 47 (jew madwar 7 % tal-ftehimiet skrinjati) ġew ikkanċellati mill-kumpaniji involuti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u waħda ġiet ikkanċellata b’deċiżjoni presidenzjali wara l-investigazzjoni tas-CFIUS.

Sors: www.treasury.gov/resource-center/international/Pages/Committee-on-Foreign-Investment-in-US.aspx

www.treasury.gov/resource-center/international/Pages/Committee-on-Foreign-Investment-in-US.aspx

L-Awstralja

Skont l-Att tal-1975 dwar l-Akkwiżizzjonijiet Barranin, ċerti investimenti barranin proposti jridu jkunu nnotifikati u jridu jirċievu approvazzjoni (notifika ta’ ebda oġġezzjoni) qabel ma jkunu jistgħu jipproċedu. L-iskrinjar, immexxi mit-Teżorier (il-Ministru responsabbli għall-infiq pubbliku) b’konsulenza mal-Bord ta’ Rieżami tal-Investiment Barrani, huwa bbażat fuq test ta’ interess nazzjonali. Setturi identifikati bħala sensittivi f’dan il-kuntest jinkludu l-midja, it-telekomunikazzjonijiet, it-trasport, l-industriji relatati mad-difiża, u l-estrazzjoni tal-uranju u tal-plutonju kif ukoll installazzjonijiet nukleari. Ir-rekwiżiti ta’ notifika jvarjaw, fost l-oħrajn, skont is-settur, it-tip u l-valur tal-akkwiżizzjoni, il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u jekk l-investitur huwiex privat jew il-gvern.

Sors: firb.gov.au

4.Il-politika tal-kummerċ u tal-investiment tal-UE bħala mexxejja għal ordni tal-investiment miftuħ u ġust

Ħafna pajjiżi għad għandhom ostakli sinifikanti għall-investiment barrani u ma joffrux kundizzjonijiet tal-investiment paragunabbli għall-operaturi tal-UE. Filwaqt li sar progress fil-liberalizzazzjoni tal-investiment, l-għadd ta’ miżuri restrittivi ġodda dan l-aħħar reġa’ żdied. 14  

It-twaqqif ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni mal-pajjiżi terzi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-investiment huwa kruċjali. Il-politika tal-kummerċ u tal-investiment tal-UE 15 hija l-aktar għodda xierqa biex jiġi żgurat li l-pajjiżi terzi joffru livell ta’ ftuħ għall-investiment barrani li jkun ekwivalenti għal dak tal-UE u li jippromwovu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi tal-UE.

L-UE għaddejja bi ftehimiet bilaterali jew reġjonali li jkopru regoli u impenji vinkolanti dwar investiment barrani, speċjalment l-investiment dirett barrani, ma’ firxa wiesgħa ta’ sħab 16 . Dawn il-ftehimiet jiżguraw b’mod partikulari li l-investituri tal-UE jibbenefikaw minn qafas legali aktar ċar u aċċess aħjar għas-swieq barranin. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfittex dispożizzjonijiet biex tiġi salvagwardjata l-proprjetà intellettwali, iżżid it-trasparenza u tillimita b’mod partikulari s-sussidju li jfixkel il-kummerċ, u tiddixxipplina l-imġiba tal-intrapriżi tal-Istat. Il-kisbiet ewlenin fl-iżgurar ta’ ambjent kummerċjali u tal-investiment aktar miftuħ, ġust u bbażat fuq ir-regoli huma enfasizzati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “A Modern Policy to Harness Globalisation" u Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-kummerċ tal-UE “Kummerċ għal Kulħadd” li ġew adottati flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni.

F’dan il-kuntest ukoll, l-UE tagħti ħafna importanza lill-kooperazzjoni multilaterali u lit-tfassil tar-regoli. Il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (General Agreement on Trade in Services, GATS) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fih regoli dettaljati dwar it-twaqqif ta’ fornituri ta’ servizzi barranin, li jkopru l-aċċess għas-suq kif ukoll impenji ta’ nondiskriminazzjoni, u jeżistu regoli dwar il-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital skont il-Kodiċi ta’ Liberalizzazzjoni tal-Moviment tal-Kapital tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (Organisation for Economic Cooperation and Development, OECD).

Huwa importanti li wieħed jinnota li dawn il-ftehimiet internazzjonali ta’ kummerċ u investiment konklużi mill-UE u mill-Istati Membri tagħha jipprevedu eċċezzjonijiet mill-obbligi ta’ trattament nazzjonali u ta’ aċċess għas-suq li jippermettu li firmatarji jieħdu miżuri biex jipproteġu l-interessi ta’ garanzija jew l-ordni pubbliku, sakemm dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ.

Fl-2016, il-G20 adotta Prinċipji Gwida għal Tfassil ta’ Politika għal Investiment Globali 17 , li jitolbu kundizzjonijiet miftuħa, nondiskriminatorji, trasparenti u prevedibbli għall-investiment. Fl-2017, il-membri tal-G20 reġgħu enfasizzaw l-importanza ta’ oqfsa ta’ kummerċ u ta’ investiment reċiproċi u l-impenn tagħhom li jaħdmu għal kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni.

L-UE se tkompli bl-isforzi tagħha fil-livell bilaterali u multilaterali biex tiżgura li l-pajjiżi terzi joffru livell ta’ ftuħ għall-investiment barrani li jkun ekwivalenti għal dak tal-UE u li jippromwovu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi tal-UE. L-UE tappoġġja wkoll diskussjonijiet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment.

5.Skrinjar tal-Investiment Dirett Barrani

5.1.Mekkaniżmi tal-iskrinjar eżistenti fl-Istati Membri tal-UE

Kważi nofs l-Istati Membri tal-UE għandhom fis-seħħ mekkaniżmi biex jiskrinjaw l-investimenti diretti barranin. Dan huwa l-każ għall-Awstrija, għad-Danimarka, għall-Ġermanja, għall-Finlandja, għal Franza, għal-Latvja, għal-Litwanja, għall-Italja, għall-Polonja, għall-Portugall, għal Spanja, u għar-Renju Unit.

L-Istati Membri jsegwu approċċi differenti fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u tad-disinn eżatti tal-proċeduri tal-iskrinjar.

Rigward il-kamp ta' applikazzjoni, ħafna mill-mekkaniżmi tal-iskrinjar eżistenti japplikaw kemm għall-investimenti fl-UE kif ukoll barra mill-UE, filwaqt li wħud japplikaw għal investimenti minn pajjiżi terzi biss iżda jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet kontra ċ-ċirkomvenzjoni biex jipprevjenu l-abbuż. F’xi każijiet, il-mekkaniżmi ta’ skrinjar ikopru investimenti f’setturi speċifiċi meqjusa strateġiċi (pereżempju l-enerġija, it-telekomunikazzjoni, it-trasport) filwaqt li f’xi oħrajn ma hemm l-ebda limitazzjoni għal setturi speċifiċi. L-investimenti koperti mill-mekkaniżmi ta’ skrinjar huma normalment kwalifikati minn kriterji kwalitattivi (pereżempju t-teħid ta’ kontroll tal-kumpanija fil-mira) u/jew limiti kwantitattivi (pereżempju persentaġġ mill-ishma ta’ drittijiet tal-vot). F’termini tar-raġunijiet għall-iskrinjar, xi mekkaniżmi ta’ skrinjar huma limitati għall-ħarsien ta’ interess essenzjali ta’ sikurezza nazzjonali, speċjalment il-produzzjoni jew il-kummerċ ta’ armi, munizzjon, tagħmir militari, materjal tal-gwerra, eċċ. Madankollu, ħafna jmorru lil hinn mis-settur ta’ difiża u huma relatati prinċipalment għall-ħarsien tas-sikurezza pubblika u l-ordni pubbliku.

Rigward it-tfassil ta’ proċeduri ta’ skrinjar, hemm żewġ tipi ta’ mekkaniżmi: dawk li jeħtieġu li l-investituri jinnotifikaw investiment kopert qabel ma jsir u jipprevedu sistema ta’ awtorizzazzjoni preliminari u dawk li jipprevedu kontroll ex post ta’ investimenti diġà kompluti, bil-possibbiltà li l-investituri jippreżentaw l-investiment għall-iskrinjar b’mod volontarju qabel ma jkun iffinalizzat.

Il-mekkaniżmi ta’ skrinjar nazzjonali jirrappreżentaw restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital jew għal-libertà tal-istabbiliment, b’mod partikulari fir-rigward tal-investimenti fl-UE 18 . Madankollu, it-Trattat jippermetti li l-Istati Membri jieħdu miżuri li jirrestrinġu dawn il-libertajiet sakemm ikunu nondiskriminatorji minħabba ċittadinanza, u jistgħu jkunu ġustifikati b’mod partikulari fuq bażi ta’ sikurezza pubblika jew ordni pubbliku jew minħabba raġunijiet prevalenti oħrajn fl-interess ġenerali kif definit mill-Qorti tal-Ġustizzja, u jikkonformaw mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ċertezza tad-dritt.

5.2.Politiki u strumenti rilevanti fil-livell tal-UE

Għadd ta’ politiki tal-UE jikkontribwixxu biex jiżguraw il-benefiċċji tal-investiment barrani filwaqt li jillimitaw ir-riskji assoċjati.

L-ewwel u qabel kollox, huwa obbligu fundamentali li l-investituri barranin kollha fl-UE jikkonformaw mal-liġijiet applikabbli tal-UE u dawk nazzjonali. Dan jinkludi r-regoli ta’ kompetizzjoni tal-UE, li jinkludu l-kontroll ta’ fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet. Meta investiment propost, ikun x’ikun is-sors jew l-oriġini tiegħu, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet tal-UE 19 , dan ma jistax jimxi ‘l quddiem mingħajr reviżjoni u approvazzjoni preliminari mill-Kummissjoni Ewropea. L-għan ta’ din il-proċedura huwa li tipprevjeni konċentrazzjonijiet li jimpedixxu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern. Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni notifikata mwettqa skont ir-Regolament dwar l-Għaqdiet tal-UE tiffoka biss fuq il-kompetizzjoni u ma tqisx it-tħassib dwar is-sigurtà jew dwar l-ordni pubbliku.

Regoli oħra rilevanti jinsabu minquxa fil-leġiżlazzjoni tal-UE li tindirizza s-sigurtà ta’ infrastrutturi kritiċi u servizzi essenzjali. F’ċerti każijiet, dawn ir-regoli jindirizzaw l-impatt tas-sjieda barranija. Jistgħu jissemmew dawn l-eżempji li ġejjin:

·Għadd ta’ assi ġew identifikati bħala kritiċi fil-livell Ewropew: Galileo, Copernicus, Eurocontrol, in-netwerks Ewropej tat-trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass 20 . Trid tingħata attenzjoni speċifika lis-sikurezza, l-integrità u s-sjieda ta’ dawn l-infrastrutturi u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-operazzjoni kontinwa tagħhom. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà 21 tistabbilixxi lista ta’ setturi li jipprovdu servizzi essenzjali meta l-operaturi jridu jiġu difiżi miċ-ċiberattakki 22 .

·Xi leġiżlazzjoni tal-UE tindirizza direttament l-impatt tas-sjieda barranija. Leġiżlazzjoni rigward il-kontroll barrani ta’ ċerti assi Ewropej diġà teżisti f’istanzi speċifiċi ħafna, b’mod partikulari meta l-UE tiddefinixxi l-kriterji għall-awtorizzazzjoni tal-operaturi abbażi, fost l-oħrajn, taċ-ċittadinanza tas-sjieda. Pereżempju, linja tal-ajru ma tistax tkun liċenzjata fl-UE jekk persuni mhux fl-UE jkollhom sjieda ta’ 50 fil-mija jew aktar mill-ishma tagħha, sakemm ma jkunx hemm ftehim mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha 23 . Bl-istess mod, skont ir-regoli tal-enerġija tal-UE, operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni tal-gass jew tal-elettriku ikkontrollat minn pajjiż terz ma jistax jopera fl-UE sakemm ma jintweriex waqt il-proċess ta’ ċertifikazzjoni li dan mhux se jpoġġi f’riskju s-sikurezza tal-provvista tal-enerġija għall-Istat Membru li jopera fih jew għall-Unjoni 24 . Eżempju ieħor huwa r-regoli tal-UE biex jingħataw u jintużaw l-awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi 25 li jipprevedu li l-Istati Membri jistgħu għal raġunijiet ta’ sikurezza nazzjonali, jirrifjutaw li jagħtu aċċess u jeżerċitaw dawn l-attivitajiet lil kwalunkwe entità li effettivament tkun ikkontrollata minn pajjiżi terzi jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

·L-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija tal-2014 tal-Kummissjoni 26 tipprevedi t-tnedija ta’ dibattitu wiesgħa dwar il-kontroll ta’ infrastrutturi strateġiċi fis-settur tal-enerġija minn entitajiet mhux tal-UE, speċjalment intrapriżi tal-Istat, banek nazzjonali jew fondi sovrani minn pajjiżi fornituri ewlenin li għandhom l-għan li jidħlu fis-suq tal-UE u meta jkun hemm riskju li jfixklu d-diversifikazzjoni tal-provvisti u l-iżvilupp tan-netwerk u l-infrastruttura tal-UE. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi rigward is-sikurezza tal-provvista tal-gass u tal-elettriku li jeħtieġu li l-Istati Membri jivvalutaw ir-riskji maħluqa minn kontroll barrani jew sjieda ta’ infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku, u jadottaw miżuri li jqisu bħala meħtieġa u li huma soġġetti għal reviżjoni mill-Kummissjoni u/jew minn grupp ta’ esperti 27 .

Madankollu, minkejja dawn l-inizjattivi settorjali, sa issa ma hemm l-ebda qafas legali komprensiv fil-livell tal-UE li jindirizza r-riskji għas-sigurtà u għall-ordni pubbliku li jistgħu jinħolqu minn ċertu investiment dirett barrani minn pajjiżi terzi.

6.Lejn qafas tal-UE li jiskrinja l-investiment dirett barrani fuq raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku

5.0.Il-każ għal azzjoni

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi bis-sħiħ il-ħtieġa li tinżamm il-flessibbiltà meħtieġa biex l-Istati Membri jiskrinjaw l-investimenti diretti barranin, filwaqt li tqis l-interessi leġittimi, is-sitwazzjonijiet differenti u ċ-ċirkustanzi nazzjonali tagħhom. Fl-istess ħin, id-dimensjoni Ewropea ta’ investiment dirett barrani hija ovvja, u għaldaqstant taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni tal-UE 28 . Fis-Suq Intern, kull ma jmur il-kumpaniji tal-UE aktar qed jużaw il-libertà tal-istabbiliment u jipprovdu servizzi kif ukoll iċ-ċirkulazzjoni libera tal-oġġetti u l-kapital, ixerrdu l-attivitajiet tagħhom u l-ktajjen tal-provvista tagħhom fuq diversi Stati Membri, minflok ma joperaw f’wieħed biss. L-investituri tal-pajjiżi terzi jixtiequ wkoll jibbenefikaw mis-Suq Intern billi jinvestu f’kumpaniji tal-UE, u dan jippermettilhom ekonomiji ta’ skala konsiderevoli u aċċess għas-Suq Intern. Barra minn hekk, investiment dirett barrani fi Stat Membru wieħed jista’ jkollu implikazzjonijiet għas-sigurtà jew l-ordni pubbliku ta’ Stat Membru ieħor jew għall-UE kollha kemm hi. Dan l-impatt transfruntier mhux dejjem jista’ jitqies u jiġi vvalutat bis-sħiħ fil-mekkaniżmi nazzjonali. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi żgurat qafas li jħares l-assi li għandhom dimensjoni Ewropea sinifikanti minħabba r-rabtiet tagħhom ma’ programmi jew proġetti ta’ interess għall-Unjoni bħal, pereżempju, is-sistema Ewropea globali ta’ navigazzjoni abbażi ta’ satellita (Galileo).

Il-Kummissjoni tqis li huwa essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni eqreb u koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri biex tirreaġixxi għax-xenarju tal-investimenti li qed jinbidel u biex ittejjeb is-sinerġiji bejn il-prerogattivi rispettivi tal-UE u tal-Istati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tieħu aktar miżuri fir-rigward ta’ dawk l-investimenti minn pajjiżi terzi li jistgħu jżidu t-tħassib dwar is-sigurtà u l-ordni pubbliku.

F’dan il-kuntest, l-objettivi speċifiċi li għandhom jinkisbu huma dawn:

jiġi pprovdut qafas koerenti li jiskrinja l-investiment dirett barrani fl-UE għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku, mingħajr ma jaffettwa l-prerogattivi nazzjonali tal-Istati Membri;

tiġi ffaċilitata kooperazzjoni mill-qrib u sistematika fost l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tal-iskrinjar ta’ ċertu investiment dirett barrani meta dawn iqajmu tħassib ta’ sigurtà jew ta’ ordni pubbliku, inkluż tisħiħ ta’ skambju ta’ informazzjoni;

tiżdied it-trasparenza tal-investiment dirett barrani li jista’ jkollu impatt fuq is-sigurtà jew l-ordni pubbliku;

jiġu indirizzati b’mod effettiv il-każijiet ta’ investiment dirett barrani li jqajmu tħassib ta’ sigurtà jew ordni pubbliku fir-rigward ta’ proġetti jew programmi ta’ interess tal-Unjoni;

tiġi prevenuta ċ-ċirkomvenzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ skrinjar tal-investiment dirett barrani nazzjonali.

Din l-azzjoni tittieħed b’rispett sħiħ lejn l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati tal-UE u l-ftehimiet u l-arranġamenti internazzjonali li huma parti minnhom l-UE u l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, meta l-UE jew l-Istati Membri jkunu assumew l-impenji internazzjonali dwar l-investiment, il-kamp ta' applikazzjoni għal azzjoni jkun diġà tpoġġa f’qafas mill-eċċezzjonijiet ta’ sigurtà u ordni pubbliku korrispondenti.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi miżuri li huma proporzjonali u trasparenti filwaqt li jimminimizzaw il-piż amministrattiv fuq il-gvernijiet u l-investituri. Il-proposta tiżgura wkoll reġim ta’ investiment ibbażat fuq ir-regoli, prevedibbli u nondiskiminatorju bejn pajjiżi terzi differenti f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea 29 .

5.0. Miżuri proposti

a.Proposta għal Regolament

Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni , fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u filwaqt li taġixxi abbażi tal-Artikolu 207 tat-TFUE, tressaq proposta għal Regolament li jistabbilixxi qafas li jiskrinja l-investimenti diretti barranin fl-UE.

Il-proposta twaqqaf qafas li jiskrinja investimenti diretti barranin fl-UE għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku, filwaqt li jipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ fatturi li jistgħu jitqiesu biex jiġi determinat jekk investiment dirett barrani jistax ikollu impatt fuq is-sigurtà jew l-ordni pubbliku. Twaqqaf elementi essenzjali tal-qafas proċedurali għall-iskrinjar ta’ dawn l-investimenti diretti barranin mill-Istati Membri, inkluż obbligi ta’ trasparenza u l-obbligu li jiġu żgurati possibbiltajiet xierqa ta’ rimedju fir-rigward ta’ deċiżjonijiet adottati skont dawn il-mekkaniżmi ta’ skrinjar. Fl-istess ħin, il-proposta żżomm il-flessibbiltà meħtieġa biex l-Istati Membri jiskrinjaw investimenti diretti barranin, u tippermettilhom li jadattaw għaċ-ċirkustanzi li jinbidlu u l-kuntest nazzjonali speċifiku tagħhom.

L-abbozz tar-Regolament jistabbilixxi wkoll mekkaniżmu għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, speċjalment għall-każijiet fejn l-investiment dirett barrani fi Stat Membru wieħed jew aktar jista’ jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku ta’ Stat Membru ieħor.

Fl-aħħar nett, l-abbozz tar-Regolament jipprovdi lill-Kummissjoni bil-mezzi biex tiskrinja l-investimenti diretti barranin li jistgħu jaffettwaw il-proġetti jew il-programmi ta’ interess għall-Unjoni għal raġunijiet ta’ sigurtà u ordni pubbliku. Ir-Regolament propost iniedi kriterji għall-identifikazzjoni ta’ dawn il-proġetti jew programmi, pereżempju l-Orizzont 2020, Galileo u s-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (European Geostationary Navigation Overlay Service, EGNOS), Copernicus, u n-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-T), tal-Enerġija (TEN-E) u tat-Telekomunikazzjoni.

b.Miżuri supplimentari

Flimkien mal-adozzjoni tal-proposta għal Regolament li jistabbilixxi qafas li jiskrinja l-investimenti diretti barranin fl-UE, li huwa soġġett għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Kummissjoni se tipproċedi immedjatament bil-miżuri li ġejjin:

1.Sa tmiem l-2018 tkompli twettaq analiżi profonda ta’ flussi ta’ investiment dirett barrani fl-UE, speċjalment f’setturi (pereżempju l-enerġija, l-ispazju, it-trasport) jew assi strateġiċi (teknoloġiji u inputs marbutin ma’ setturi strateġiċi, infrastrutturi kritiċi madwar is-setturi, dejta sensittiva) li jistgħu jqajmu tħassib fl-oqsma tas-sigurtà, tal-ordni pubbliku u/jew kontroll ta’ assi kritiċi, b’mod partikulari meta pajjiż terz ikollu s-sjieda jew jikkontrolla lill-investitur, jew l-investitur jibbenefika minn sussidji tal-Istat sinifikanti. Dan jinkludi, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, ġbir ta’ dejta fl-aktar livell granulari possibbli, analiżi ta’ xejriet, u valutazzjoni tal-impatt, inkluż permezz ta’ studji tal-każijiet. Skont kif meħtieġ, dan ikopri aktar studji biex jiġu identifikati assi kritiċi. Ir-rwol tal-appoġġ tal-Istat biex jiġu faċilitati l-akkwisti jiġi vvalutat ukoll.

2.Twaqqaf grupp ta’ koordinazzjoni ddedikat għall-investiment dirett barrani eżoġenu, inklużi l-kwistjonijiet kollha fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament propost. Il-grupp se jkun ippresedut mill-Kummissjoni u magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Jista’ jkun attiv b’mod partikulari f’dawn l-oqsma li ġejjin:

jidentifika setturi u assi li għandhom implikazzjonijiet strateġiċi minn lat ta’ sigurtà, ta’ ordni pubbliku u/jew ta’ kontroll ta’ assi kritiċi fil-livell nazzjonali, fil-livell transfruntier (pereżempju assi li jinsabu fi Stat Membru wieħed li jista’ jkollhom implikazzjonijiet strateġiċi fuq Stat Membru ieħor) jew fil-livell tal-UE (jibni fuq il-lista ta’ proġetti jew programmi ta’ interess għall-Unjoni);

jiskambja informazzjoni u analiżi dwar l-investimenti diretti barranin, inklużi motivi għall-investiment, oriġini ġeografiċi u sorsi ta’ finanzjament (pubbliċi jew privati);

jiddiskuti kwistjonijiet ta’ tħassib komuni, inklużi kwistjonijiet ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bħal sussidji u prattiki oħrajn minn pajjiżi terzi li jiffaċilitaw l-akkwisti strateġiċi, u raġunijiet li jipprevjenu lill-investituri Ewropej milli jakkwistaw u jżommu teknoloġiji u inputs Ewropej kritiċi;

jaqsam l-aħjar prattiki u tagħlimiet meħuda fost l-Istati Membri biex jiskrinjaw l-investiment dirett barrani;

jiddiskuti l-opportunità ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi b’interessi kondiviżi u sfidi kondiviżi fir-rigward tal-impatt ta’ investiment dirett barrani fuq is-sigurtà u l-ordni pubbliku;

jippromwovi l-konverġenza fil-politiki, filwaqt li jirrispetta l-awtonomija tal-Istati Membri li jagħżlu jekk jiskrinjawx investiment dirett barrani jew le;

ikompli jirrifletti fuq il-mezzi biex iħares l-assi strateġiċi Ewropej, inkluż permezz ta’ mekkaniżmu ta’ skrinjar fil-livell tal-UE;

wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament propost, iqis kull mistoqsija relatata mal-applikazzjoni tiegħu.

7.    Konklużjoni

Il-Kummissjoni għadha konvinta mill-benefiċċji tal-investiment dirett barrani u l-kontribuzzjoni deċiżiva li dawn l-investimenti għamlu għal żieda fil-livelli ta’ tkabbir u l-ħolqien ta’ mpjiegi ta’ kwalità fl-UE. Il-Kummissjoni temmen ukoll li ambjent tal-investiment miftuħ jikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli madwar id-dinja. Għaldaqstant, l-UE se tibqa’ d-difensur u l-promotur qawwija ta’ ambjent tal-investimenti internazzjonali miftuħ u bbażat fuq ir-regoli. Permezz tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment tagħha, l-UE se tkompli tinsisti li l-pajjiżi terzi joffru livell ta’ ftuħ għall-investiment barrani li huwa ekwivalenti għal dak tal-UE u li jżommu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi tal-UE.

Madankollu, huwa ċar ukoll li l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jkunu f’pożizzjoni li jieħdu azzjoni determinata u rapida meta l-investiment dirett barrani jista’ jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni qed tippreżenta proposta leġiżlattiva flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni. Il-kuntest internazzjonali li jevolvi jitlob azzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill sabiex jiżgura proċess leġiżlattiv rapidu.

Flimkien man-negozjar tar-Regolament, il-Kummissjoni, fil-qafas eżistenti u f’konformità mat-Taqsima 6.2.b ta’ din il-Komunikazzjoni, se tagħti attenzjoni partikulari għall-investimenti diretti barranin li jistgħu jheddu s-sigurtà jew l-ordni pubbliku u teżamina s-sitwazzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. L-Istati Membri huma mistiedna jikkontribwixxu b’mod attiv għal din il-kooperazzjoni u għall-kompiti tal-grupp ta’ koordinazzjoni li l-Kummissjoni se tistabbilixxi f’dan ir-rigward.

(1)

COM(2017) 240 tal-10 ta’ Mejju 2017 "Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Ġestjoni tal-Globalizzazzjoni”

(2)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2017

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-bini ta’ strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa. Barra minn hekk, bħalissa fil-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali qed tiġi diskussa proposta għal att tal-Unjoni dwar l-Iskrinjar ta’ Investiment Barrani f'Setturi Strateġiċi (il-Parlament Ewropew 2014-2019, B[8-0000/2017] tal-20.03.2017).

(4)

Din il-Komunikazzjoni tikkonċerna biss l-investiment dirett barrani mill-pajjiżi mhux tal-UE u ma tkoprix l-investiment ta’ portafolli.

(5)

Ara pereżempju l-indiċi regolatorju tal-karattru restrittiv tal-IDB tal-OECD: http://www.oecd.org/investment/fdiindex.htm

(6)

 l-Artikoli 63 u 206 tat-TFUE.

(7)

l-Eurostat

(8)

l-Eurostat

(9)

l-Eurostat

(10)

 Id-dejta teskludi l-investiment permezz tal-Entitajiet bi Skop Speċjali.

(11)

l-Eurostat

(12)

UNCTAD "World Investment Report 2017: Investment and the Digital Economy"

(13)

Idem.

(14)

 COM(2017) 338 final “RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U

LILL-KUNSILL dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u għall-Investiment, 1 ta’ Jannar 2016 - 31 ta’ Diċembru 2016”

(15)

Il-Komunikazzjoni COM(2015)497 tal-14 ta’ Ottubru 2015 “Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment”

(16)

  Il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles jinsabu fi stadji differenti ta’ diskussjoni mal-Awstralja, mal-Kanada, maċ-Ċilì, mal-Indja, mal-Indoneżja, mal-Ġappun, mas-Suq Komuni tan-Nofsinhar, mal-Messiku, mal-Marokk, man-New Zealand, mal-Filippini, ma’ Singapore, mal-Vjetnam, u mat-Turkija. L-UE qed tinnegozja wkoll ftehimiet tal-investiment awtonomi maċ-Ċina u mal-Myanmar. 

(17)

 Id-Dikjarazzjoni tal-Laqgħa tal-Ministri tal-Kummerċ tal-G20, Anness III, 9-10 ta’ Lulju 2016, Shanghai

(18)

L-Artikoli 63 u 49 tat-TFUE.

(19)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(20)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (2013)318

(21)

 Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni

(22)

Dawn is-setturi huma l-enerġija, it-trasport, l-infrastruttura tas-swieq bankarji finanzjarji, is-settur tas-saħħa, il-provvista ta'ilma tajjeb għax-xorb, u l-infrastruttura diġitali u l-fornituri tas-servizzi.

(23)

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità.

(24)

Id-Direttiva 2009/73 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u d-Direttiva 2009/72 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (

(25)

Id-Direttiva 94/22/KE tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi

(26)

COM(2014) 330

(27)

Ir-Regolament il-ġdid li jħassar ir-Regolament (UE°) Nru 994/2010 bħalissa qiegħed fil-proċess ta’ adozzjoni u huwa mistenni li jidħol fis-seħħ fil-ħarifa tal-2017. Għall-elettriku, COM (2016)862 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89).

(28)

Art. 207 TFEU.

(29)

B’mod partikulari l-Kawża C-483/99, il-Kummissjoni v Franza, il-Kawża C-463/00, il-Kummissjoni v Spanja, il-Kawża C-326/07, il-Kummissjoni v l-Italja, il-Kawża C-212/09 il-Kummissjoni v il-Portugall, u l-Kawża C-244/11 il-Kummissjoni v il-Greċja.

(I)

CONFIDENTIAL        3