Brussell, 22.8.2017

COM(2017) 438 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż

1.Introduzzjoni u bażi ġuridika

Dan ir-rapport huwa maħsub biex jissodisfa l-obbligu li ġie stabbilit għall-Kummissjoni bl-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi”) 1 . L-Artikolu 18(2) tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni b’dak ir-Regolament. Ir-rapport għandu jitfassal sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta’ ħames snin tad-delega, li beda fid-19 ta’ Lulju 2013. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

2.Eżerċizzju tad-delega

L-Artikolu 18(2) tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 11, fl-Artikolu 15(6) u fl-Artikolu 16(1) ta’ dak ir-Regolament.

2.1. L-Artikolu 11 tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi jirrikjedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi, permezz ta’ atti delegati, rekwiżiti speċifiċi għall-kategoriji tal-ikel li ġejjin: il-formula tat-trabi u l-formula ta’ prosegwiment; l-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi; l-ikel għal skopijiet mediċi speċjali; is-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż. Minn mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi, il-Kummissjoni mxiet b’konformità miegħu u adottat erba’ atti delegati:

a)ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 li jissupplimenta r-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni tal-formula tat-trabi u tal-formula ta’ prosegwiment u fir-rigward ta’ rekwiżiti dwar l-informazzjoni dwar it-tmigħ tat-trabi u tat-tfal żgħar 2 .

Dan l-att legali ġie adottat fil-25 ta’ Settembru 2015 bl-għan li jiġu aġġornati r-rekwiżiti għal formuli maħsuba għat-trabi abbażi tal-iżjed evidenza xjentifika reċenti.

Dan ittrasferixxa r-regoli eżistenti tad-Direttiva 2006/141/KE dwar formuli tat-trabi u formuli tal-prosegwiment 3 skont il-qafas tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi u aġġornahom kif ġej:

Fir-rigward tal-kompożizzjoni, meta mqabbel mad-Direttiva 2006/141/KE, il-bidliet kienu marbuta b’mod prinċipali ma’ ammonti speċifiċi ta’ ċerti makronutrijenti u mikronutrijenti abbażi tal-iżjed evidenza xjentifika reċenti.

Fir-rigward tat-tikkettar, saru xi bidliet, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-regoli orizzontali tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament tal-Informazzjoni dwar l-Ikel”) 4 , filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-prodotti. Ir-regoli dwar l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa fuq il-formuli tat-trabi ġew aġġornati filwaqt li tqies l-iżjed parir xjentifiku reċenti. Il-proċedura ta’ notifika nżammet għall-formula tat-trabi u ġiet estiża, f’ċerti każijiet, għall-formula ta’ prosegwiment.

Fir-rigward tar-regoli dwar il-pestiċidi ġew meħuda d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2006/141/KE. Ir-Regolament se japplika mit-22 ta’ Frar 2020 5 .

b)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jissupplimenta r-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u għall-ikel tat-trabi 6 .

Dan ir-Regolament Delegat ġie adottat mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Settembru 2015 u kien maħsub biex jittrasferixxi r-regoli eżistenti tad-Direttiva 2006/125/KE dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar 7 skont il-qafas tar-Regolament dwar l-Ikel għall-Gruppi Speċifiċi, b’adattamenti żgħar fir-regoli tat-tikkettar, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-regoli orizzontali tar-Regolament, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-prodotti.

Fl-20 ta’ Jannar 2016, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni 8 ta’ oġġezzjoni għar-Regolament Delegat. Il-Parlament Ewropew esprima tħassib fuq ir-rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni għall-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u għall-ikel tat-trabi (b’mod partikolari fir-rigward tal-livelli ta’ zokkor fil-prodotti) u fuq ir-rekwiżiti dwar it-tikkettar u l-kummerċjalizzazzjoni għal dawn il-prodotti (fir-rigward tal-provvista ta’ informazzjoni dwar l-introduzzjoni ta’ ikel komplementari qabel l-età ta’ sitt xhur).

c)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/128 li jissupplimenta r-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u għall-ikel tat-trabi 9 .

Dan l-att legali ġie adottat fil-25 ta’ Settembru 2015 bl-għan li r-regoli eżistenti tad-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/21/KE dwar l-ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali 10 jiġu ttrasferiti fil-qafas il-ġdid tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi, biex dawn jiġu aġġornati meta jkun rilevanti u biex ir-regoli kollha dwar it-tikkettar, il-preżentazzjoni, ir-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni applikabbli għall-formuli għat-trabi f’saħħithom, li ma jmorrux kontra l-użu maħsub tal-prodott, jiġu estiżi għall-ikel għal skopijiet mediċi speċjali għat-trabi. Ir-Regolament Delegat estenda wkoll ir-regoli dwar il-pestiċidi li japplikaw għall-formula tat-trabi, għall-formula ta’ prosegwiment, għall-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u għall-ikel tat-trabi, għal ikel għal skopijiet mediċi speċjali għat-trabi u għat-tfal żgħar.

Fir-rigward tat-tikkettar, il-bidliet li saru fid-Direttiva applikabbli attwalment għandhom l-għan li tiġi żgurata l-konsistenza mar-Regolament tal-Informazzjoni dwar l-Ikel, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-prodotti, u li tiżdied iċ-ċertezza legali dwar l-użu maħsub tal-prodotti. L-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa fuq dan it-tip ta’ ikel ġie pprojbit. Ir-Regolament se japplika mit-22 ta’ Frar 2019 11 .

d)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jissupplimenta r-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż 12 .

Dan ir-Regolament Delegat ġie adottat mill-Kummissjoni fit-2 ta’ Ġunju 2017 u ntbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal skrutinju. L-għan ewlieni tal-att legali huwa li jiġu aġġornati r-regoli eżistenti dwar is-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż tad-Direttiva tal-Kummissjoni 1996/8/KE dwar ikel maħsub sabiex jintuża f’dieti ta’ restrizzjoni ta’ enerġija għat-tnaqqis fil-piż 13 u li jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-prodotti introdotti fis-suq b’valur enerġetiku baxx ħafna sabiex jiġu żgurati s-sikurezza u l-idoneità għall-prodotti kollha maħsuba biex jissostitwixxu d-dieta kollha ta’ kuljum.

Fir-rigward tat-tikkettar, saru bidliet sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-Regolament tal-Informazzjoni dwar l-Ikel, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-prodotti. Minħabba r-rwol partikolari ta’ dawn il-prodotti tal-ikel fid-dieta ta’ grupp speċifiku ta’ konsumaturi, ir-Regolament illimita l-possibbiltà li jinħarġu indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u pprojbixxa l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa fuq dan it-tip ta’ ikel. Ġiet introdotta proċedura ta’ notifika sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ effiċjenti ta’ dawn il-prodotti. Ir-Regolament se jibda japplika ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.2.    Abbażi tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi l-Kummissjoni adottat Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi fir-rigward tal-lista ta’ sustanzi li jistgħu jiżdiedu mal-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u mal-ikel tat-trabi kif ukoll mal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali 14 .

Dan l-att delegat ġie adottat mill-Kummissjoni fl-10 ta’ April 2017 bl-għan li tiġi aġġornata l-lista ta’ sustanzi tal-Unjoni li jistgħu jiġu miżjuda mal-kategoriji speċifiċi ta’ ikel sabiex tiġi awtorizzata ż-żieda ta’ bisgliċinat ferruż bħala sors ta’ ħadid fl-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u fl-ikel tat-trabi, u ta’ oligosakkaridi tal-kalċju fosforil bħala sors ta’ kalċju fl-ikel maħsub għal skopijiet mediċi speċjali, abbażi tal-parir tal-EFSA 15 16 filwaqt li jiġu kkunsidrati l-progress tekniku, l-iżviluppi xjentifiċi u l-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumatur.

2.3. Abbażi tal-Artikolu 15(6) tar-Regolament, ingħatat delega ta’ setgħat biex tiġi miżjuda jew titneħħa kategorija ta’ sustanzi fl-Anness tar-Regolament, sabiex jiġu kkunsidrati l-progress tekniku, l-iżviluppi xjentifiċi jew il-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumatur. Sa issa, il-Kummissjoni għadha ma invokatx din il-bażi ġuridika, peress li l-kundizzjonijiet rilevanti għadhom ma ġewx applikati.

3.Konklużjoni

Ir-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi applika għal perjodu ta’ inqas minn sena u għadu mhux applikabbli kollu kemm hu. Sa issa, il-Kummissjoni adottat atti delegati dwar ir-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni tal-formula tat-trabi u tal-formula ta’ prosegwiment u fir-rigward ta’ rekwiżiti dwar l-informazzjoni relatata mat-tmigħ tat-trabi u tat-tfal żgħar kif ukoll fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel għal skopijiet mediċi speċjali. Il-Parlament Ewropew oġġezzjona għal att delegat dwar ir-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u għall-ikel tat-trabi. L-att delegat dwar ir-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ġie adottat mill-Kummissjoni fit-2 ta’ Ġunju 2017 u ntbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal skrutinju. L-att delegat li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 fir-rigward tal-lista ta’ sustanzi li jistgħu jiġu miżjuda ma’ ikel proċessat biċ-ċereali u ikel tat-trabi u ma’ ikel għal skopijiet mediċi speċjali ġie adottat mill-Kummissjoni fl-10 ta’ April 2017.

(1)

ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 tal-25 ta’ Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni tal-formula tat-trabi u tal-formula ta’ prosegwiment u fir-rigward ta’ rekwiżiti dwar l-informazzjoni dwar it-tmigħ tat-trabi u tat-tfal żgħar, ĠU L 25, 2.2.2016, p. 1.

(3)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE tat-22 ta’ Diċembru 2006 dwar formuli tat-trabi u formuli tal-prosegwiment u li temenda d-Direttiva 1999/21/KE, ĠU L 401, 30.12.2006, p. 1.

(4)

ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

(5)

Għajr fir-rigward tal-formula tat-trabi u tal-formula ta’ prosegwiment immanifatturati mill-idroliżati tal-proteini, li fil-każ tagħhom ir-Regolament għandu japplika mit-22 ta’ Frar 2021.

(6)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) .../... tal-25 ta’ Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u għall-ikel tat-trabi, C(2015) 6507 final.

(7)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE tal-5 ta’ Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar, ĠU L 339, 6.12.2006, p. 16.

(8)

P8_TA(2016)0015

(9)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/128 tal-25 ta’ Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel għal skopijiet mediċi speċjali, ĠU L 25, 2.2.2016, p. 30.

(10)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/21/KE tal-25 ta’ Marzu 1999 dwar l-ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali, ĠU L 91, 7.4.1999, p. 29.

(11)

Dan għajr fir-rigward ta’ ikel għal skopijiet mediċi speċjali żviluppat biex jissodisfa r-rekwiżiti nutrizzjonali tat-trabi, li fil-każ tiegħu r-Regolament għandu japplika mit-22 ta’ Frar 2020.

(12)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) .../... tal-2 ta’ Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż, C(2017)3664 final.

(13)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/8/KE tas-26 ta’ Frar 1996 dwar ikel maħsub sabiex jintuża f’dieti ta’ restrizzjoni ta’ enerġija għat-tnaqqis fil-piż, ĠU L 55, 6.3.1996, p. 22.

(14)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1091 tal-10 ta’ April 2017 li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista ta’ sustanzi li jistgħu jiġu miżjuda ma’ ikel proċessat biċ-ċereali u ikel tat-trabi u ma’ ikel għal skopijiet mediċi speċjali, ĠU L 158, 21.6.2017, p. 5.

(15)

  Il-Bord tal-AFC tal-EFSA (il-Bord Xjentifiku tal-EFSA dwar l-addittivi tal-ikel, il-ħwawar, l-addittivi awżiljari u l-materjali għall-ipproċessar f’kuntatt mal-ikel), l-Opinjoni relatata mal-Bisgliċinat ferruż bħala sors ta’ ħadid għall-użu fil-manifattura tal-ikel u fis-supplimenti tal-ikel, EFSA Journal (2006) 299, 1-17.

(16)

Il-Bord tal-ANS tal-EFSA (il-Bord tal-EFSA dwar l-Addittivi tal-Ikel u s-Sorsi tan-Nutrijenti miżjuda mal-Ikel), 2016, l-Opinjoni Xjentifika dwar l-Oligosakkaridi tal-kalċju fosforil (POs-Ca®) bħala sors ta’ kalċju miżjud fl-ikel għal skopijiet nutrizzjonali, fis-supplimenti tal-ikel u fl-ikel għal skopijiet mediċi speċjali, EFSA Journal 2016;14(6):4488.