Brussell, 10.8.2017

COM(2017) 423 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati kkonferita lill-Kummissjoni bir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea


1.    DAĦLA

Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 waqqaf is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet 2010 (ESA 2010). ESA 2010 hija sistema ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali mfassla biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-politika ekonomika, soċjali u reġjonali tal-UE. Din fiha:

a)metodoloġija (Anness A tar-Regolament) dwar standards komuni, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u regoli tal-kontabilità li jeħtieġ li jintużaw għat-tħejjija tal-kontijiet u t-tabelli fuq bażijiet li jistgħu jitqabblu għall-finijiet tal-UE;

b)programm (Anness B tar-Regolament) li jistabbilixxi l-limiti ta’ żmien sa meta l-Istati Membri jeħtieġ li jittrasmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) il-kontijiet u t-tabelli li jridu jiġu kkompilati skont il-metodoloġija msemmija fil-punt (a).

Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati:

·dwar emendi fil-metodoloġija tal-ESA 2010 sabiex jiġi speċifikat u mtejjeb il-kontenut tagħha bl-għan li tiġi żgurata interpretazzjoni armonizzata jew biex tiġi żgurata komparabilità internazzjonali, dejjem jekk ma jbiddlux il-kunċetti bażiċi tagħha, ma jkunux jeħtieġu riżorsi addizzjonali għall-produtturi fi ħdan is-Sistema Ewropea tal-Istatistika għall-implimentazzjoni tagħhom, u ma jikkawżawx bidla fir-riżorsi proprji (l-Artikolu 2(2));

·dwar il-metodoloġija użata għall-kalkolu u l-allokazzjoni tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni finanzjarja mkejla indirettament (FISIM) fil-kontijiet nazzjonali skont il-metodoloġija deskritta fl-Anness A. Din is-setgħa għandha tiġi eżerċitata qabel is-17 ta’ Settembru 2013 sabiex tiġi stabbilita metodoloġija riveduta għall-kalkolu u l-allokazzjoni tal-FISIM (l-Artikolu 2(4));

·biex tiżgura l-affidabilità u l-komparabilità tad-dejta tal-ESA 2010 tal-Istati Membri dwar ir-riċerka u l-iżvilupp irreġistrata bħala formazzjoni grossa tal-kapital fiss. Fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha skont dan il-paragrafu, il-Kummissjoni jeħtieġ li tiżgura li t-tali atti delegati ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq l-unitajiet rispondenti (l-Artikolu 2(5)).

Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 jenfasizza kemm hu importanti li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha. Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 2 għandu wkoll jiġi kkonsultat qabel l-eżerċitar ta’ din is-setgħa (il-Premessa 24).

2.    BAŻI ĠURIDIKA

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 549/2013, li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin mis-16 ta’ Lulju 2013. Il-Kummissjoni trid tfassal rapport dwar id-delega ta’ setgħat sa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin.

3.    EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 549/2013, il-Kummissjoni adottat żewġ atti delegati:

·Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1342 3 li jemenda l-metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-prodotti skont l-attività (CPA); kif ukoll

·Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1365 4 dwar il-format ta’ trażmissjoni tad-dejta tan-nefqa tar-riċerka u l-iżvilupp.

Il-Kummissjoni ma adottatx regolament delegat dwar il-metodoloġija għall-kalkolu u l-allokazzjoni tal-FISIM fil-kontijiet nazzjonali (l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 549/2013). Wara li wettqet konsultazzjonijiet xierqa mal-Istati Membri, hija ddeċidiet li ma tibdilx il-metodoloġija għall-kalkolu u l-allokazzjoni tal-FISIM.

a)    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1342 li jemenda l-metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-prodotti skont l-attività kien tqis neċessarju bħala riżultat tar-reviżjoni tal-klassifikazzjoni tal-prodotti skont l-attività msemmija fl-ESA 2010.

Ir-Regolament (KE) Nru 451/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , li stabbilixxa klassifikazzjoni tal-prodotti ġdida (“CPA 2008”), ġie adottat biex jirrifletti r-rekwiżiti tal-istatistika tal-UE. Dan ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1209/2014 6 (li jistabbilixxi “CPA 2.1”) biex tinżamm il-komparabilità u l-konsistenza ma’ standards internazzjonali tal-klassifikazzjoni tal-prodotti, jiġifieri l-aġġornament tal-Klassifika Ċentrali tal-Prodotti (“CPC Ver.2”) tan-Nazzjonijiet Uniti.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1342 introduċa numru ta’ emendi fl-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013. B’mod partikolari, it-termini “CPA Rev. 2” u “CPA 2008” ġew sostitwiti bit-terminu “CPA”. Barra minn hekk, diversi termini ġew allinjati mar-Regolament (UE) Nru 1209/2014 fl-Anness 7.1 dwar it-taqsira ta’ kull kategorija ta’ assi u l-Kapitolu 23 dwar klassifikazzjonijiet.

B’dawn l-emendi, ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1342 żgura interpretazzjoni armonizzata u komparabbiltà internazzjonali ta’ standards statistiċi.

Il-Kummissjoni wettqet il-konsultazzjonijiet, fosthom f’livell espert, waqt ix-xogħol ta’ tħejjija għal dan l-att delegat. Fost il-partijiet li ġew ikkonsultati kien hemm id-Diretturi tal-Istatistika Makroekonomika, li ddiskutew l-abbozz tal-att delegat fil-laqgħa tagħhom ta’ bejn is-17 u t-18 ta’ Diċembru 2014, u l-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, li ltaqgħu fit-12 ta’ Frar 2015.

Bħala riżultat ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tikkonferma li r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1342:

·ma kienx biddel il-kunċetti sottostanti tal-ESA 2010;

·ma kienx jeħtieġ riżorsi addizzjonali għall-produtturi tal-istatistika;

·ma kienx ikkawża bidla fir-riżorsi proprji tal-UE.

Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/1342 fit-22 ta’ April 2015 u nnotifikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma ħarġu xi oġġezzjoni għar-Regolament ta’ Delega fi żmien il-perjodu permess ta’ tliet xhur. Dan ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-4 ta’ Awwissu 2015 u daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Awwissu 2015.

b)    Ir-Regolament (UE) ta’ Delega tal-Kummissjoni 2015/1365 dwar il-format ta’ trażmissjoni tad-dejta tan-nefqa tar-riċerka u l-iżvilupp li għandha tiġi reġistrata bħala formazzjoni grossa tal-kapital fiss kien meqjus meħtieġ biex tkun żgurata l-affidabbiltà u l-komparabbiltà tad-dejta tal-ESA 2010 tal-Istati Membri dwar ir-riċerka u l-iżvilupp.

Minħabba l-importanza tar-riċerka u tal-iżvilupp għall-ekonomija, metodi addizzjonali u formats tat-trażmissjoni armonizzati u komparabbli ġew żviluppati għad-dejta tar-riċerka u l-iżvilupp fil-kuntest tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1365 jistabbilixxi l-format li skontu għandha tiġi trażmessa d-dejta tan-nefqa tar-riċerka u l-iżvilupp tal-kontijiet nazzjonali mill-Istati Membri lill-Kummissjoni (Eurostat), sabiex ikunu żgurati l-affidabilità u l-komparabilità ta’ dik id-dejta. L-Istati Membri jeħtieġ li japplikaw il-format tad-dejta kif ġej:

(a) AN.1171g, assi tar-riċerka u l-iżvilupp, gross;

(b) AN.1171n, assi tar-riċerka u l-iżvilupp, nett;

(c) P.51g, AN.1171, formazzjoni grossa tal-kapital fiss fir-riċerka u l-iżvilupp.

Dawn ir-rekwiżiti japplikaw għal dejta trażmessa mill-1 ta’ Awwissu 2015.

L-ewwel Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni dwar l-istess suġġett, adottat fl-2014, il-Kummissjoni wettqet il-konsultazzjonijiet, anke f’livell espert, waqt ix-xogħol ta’ tħejjija. Il-partijiet ikkonsultati jinkludu d-Diretturi tal-Istatistika Makroekonomika, li ddiskutew l-abbozz tal-att delegat fil-laqgħa tagħhom tat-12 u t-13 ta’ Diċembru 2013, u l-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, li ta l-opinjoni tiegħu permezz ta’ proċedura bil-miktub fil-11 ta’ Marzu 2014.

Fit-12 ta’ Awwissu 2014, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega u nnotifikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Fit-12 ta’ Settembru 2014, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Istatistika stieden lis-Servizz Legali tal-Kunsill biex jivvaluta jekk il-kontenut tar-Regolament ta’ Delega kienx jikkorrispondi mad-delega ta’ setgħat li tinsab fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 549/2013. Is-Servizz Legali tal-Kunsill ħareġ l-opinjoni tiegħu fil-25 ta’ Settembru 2014, fejn ikkonkluda li l-att delegat qabeż parzjalment il-mandat mogħti lill-Kummissjoni mil-leġiżlatur.

Fis-7 ta’ Novembru 2014, il-Kunsill ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li joġġezzjona għall-att delegat u għarraf lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew b’dan.

Għalhekk tħejja att delegat ġdid li jikkunsidra r-raġunijiet għall-oġġezzjoni tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni mbagħad wettqet iktar konsultazzjonijiet fost l-esperti nazzjonali dwar l-abbozz il-ġdid. Il-partijiet ikkonsultati kienu jinkludu l-Grupp ta’ Ħidma tal-Kontijiet Nazzjonali, fil-25 u fis-26 ta’ Novembru 2014, id-Diretturi tal-Istatistika Makroekonomika, fis-17 u fit-18 ta’ Diċembru 2014, u l-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, fit-12 ta’ Frar 2015.

Bħala riżultat tal-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tiżgura li ntlaħaq livell suffiċjenti ta’ fiduċja fl-affidabilità u fil-komparabilità tad-dejta tar-riċerka u l-iżvilupp irreġistrata bħala formazzjoni grossa tal-kapital fiss u li l-kontenut tar-Regolament ta’ Delega ma kienx jimponi piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq l-unitajiet rispondenti.

Fit-30 ta’ April 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega u nnotifikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma ħarġu xi oġġezzjoni għar-Regolament ta’ Delega fi żmien il-perjodu permess ta’ tliet xhur. Dan ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-8 ta’ Awwissu 2015 u daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Awwissu 2015.

4.    KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat ta’ delega tagħha b’mod korrett. Hija tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(3)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1342 tat-22 ta’ April 2015 li jemenda l-metodoloġija tal-klassifikazzjoni tal-prodotti skont l-attività mniżżla fl-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 207, 4.8.2015, p. 35).

(4)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1365 tat-30 ta’ April 2015 dwar il-format ta’ trażmissjoni tad-dejta tan-nefqa tar-riċerka u l-iżvilupp (ĠU L 211, 8.8.2015, p. 1).

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 451/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi klassifikazzjoni statistiska ġdida tal-prodotti skont l-attività (KPA) u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3696/93 (ĠU L 145, 4.6.2008, p. 65).

(6)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1209/2014 tad-29 ta’ Ottubru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 451/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi klassifikazzjoni statistika ġdida tal-prodotti skont l-attività (KPA) u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3696/93 (ĠU L 336, 22.11.2014, p. 1).