IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.8.2017
COM(2017) 420 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-fattibbiltà ta’ strument finanzjarju li jiffaċilita r-riċiklaġġ sikur u adegwat
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.8.2017
COM(2017) 420 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-fattibbiltà ta’ strument finanzjarju li jiffaċilita r-riċiklaġġ sikur u adegwat
I.Introduzzjoni
Kull sena, mijiet ta’ bastimenti kbar jinbiegħu biex jiżżarmaw fuq ix-xtut bil-marea fix-xlokk tal-Asja 1 . L-impatti negattivi ta’ din il-prattika fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem ġew iddokumentati b’mod estensiv 2 . Diffikultajiet fl-infurzar tal-Konvenzjoni ta’ Basilea 3 fir-rigward tal-bastimenti, kif ukoll il-projbizzjoni Ewropea fuq l-esportazzjonijiet ta’ skart perikoluż barra l-OECD 4 , wasslu għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong u tar-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti fl-2009 5 u fl-2013 6 rispettivament. Bil-possibbiltà offruta mill-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong, ir-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti jistabbilixxi rekwiżiti aktar stretti minn dawk tal-Konvenzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tas-saħħa, tas-sigurtà u tal-ambjent.
L-Artikolu 29 (“Inċentiv finanzjarju”) tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti 7 jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta “dwar il-fattibbiltà ta’ strument finanzjarju li jiffaċilita r-riċiklaġġ sikur u adegwat u, jekk xieraq, takkumpanja r-rapport bi proposta leġiżlattiva”. Dan ir-rapport huwa ppreżentat biex jikkonforma ma’ dan l-obbligu ta’ rapportar. Huwa l-ewwel jiddeskrivi fil-qosor l-approċċ regolatorju attwali għall-kwistjonijiet li jirriżultaw mir-riċiklaġġ tal-bastimenti (I). Imbagħad jippreżenta l-istat attwali tar-riċerka dwar il-fattibbiltà ta’ inċentiv finanzjarju għar-riċiklaġġ sikur u adegwat (II), billi jintroduċi kunċett ġdid, il-Liċenzja ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti (III). Ir-rapport jinkludi wkoll sommarju tar-reazzjonijiet tal-partijiet interessati (IV) u jispiċċa b’konklużjoni (V).
Ir-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti jintroduċi sekwenza ċara ta’ strumenti. L-istrument ewlieni, bi skeda ta’ żmien għall-istabbiliment u b’sett ta’ obbligi relatati deskritti b’mod espliċitu fit-test tar-Regolament, huwa fil-Lista Ewropea tal-faċilitajiet għar-riċiklaġġ tal-bastimenti. Minn data li taqa’ l-aktar tard fil-31 ta’ Diċembru 2018, bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE jistgħu jiġu riċiklati biss f’faċilitajiet elenkati. L-ewwel lista ta’ 18-il faċilità konformi li jinsabu fl-UE ġiet ippubblikat f’Diċembru 2016 8 . Faċilitajiet addizzjonali li jinsabu barra l-UE jistgħu jiżdiedu mal-Lista mill-2017 9 . Minħabba li hija mirfuda minn valutazzjonijiet u minn spezzjonijiet fuq il-post indipendentement minn interessi kummerċjali, il-Lista Ewropea toħloq valur miżjud uniku ta’ reputazzjoni għas-settur. Ir-riċiklaturi tal-bastimenti jistgħu jiksbu aċċess esklużiv għar-riċiklaġġ ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE talli jilħqu standards ta’ prestazzjoni għolja. Bl-istess mod, is-sidien tal-bastimenti jistgħu jsaħħu l-kredenzjali tagħhom fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u jillimitaw ir-responsabbiltà tagħhom relatata ma’ riċiklaġġ inferjuri billi jżarmaw il-bastimenti tagħhom f’faċilitajiet fuq il-Lista. Barra minn hekk, il-Lista Ewropea, billi hija l-uniku strument ta’ dan it-tip, tista’ tipprovdi inċentiv għal titjib li jmur lil hinn mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE, u dan jista’ jikkontribwixxi sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fil-livell internazzjonali.
Fl-Artikolu 29 tiegħu u fil-Premessa 19, ir-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti jalludi għal strument ieħor potenzjali ta’ natura finanzjarja bħala miżura ta’ kontinġenza kontra r-riskji possibbli ta’ evażjoni tal-Lista Ewropea 10 . L-evażjoni tkun tikkonsisti f’bastimenti li jibdlu l-bandiera għal waħda mhux tal-UE biex jiffaċilitaw iż-żarmar f’tarzna li mhix inkluża fil-Lista Ewropea. Il-massimizzazzjoni tal-profitti tinsab fil-qalba ta’ dan ir-riskju: is-suq għar-riċiklaġġ tal-bastimenti kien immirat minn tarzni ta’ standard inferjuri li jistgħu joffru prezzijiet aħjar għal bastimenti li m’għadhomx jintużaw minħabba kostijiet lavorattivi baxxi, livell għoli ta’ saħħa, esternalitajiet ambjentali u ta’ sikurezza, nuqqas ta’ investiment f’makkinarju u minħabba kapaċità ftit li xejn għall-immaniġġjar tal-iskart perikoluż. Ir-riżultat, kif ġie osservat, huwa li “il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas” ġeneralment mhuwiex applikat fir-riċiklaġġ tal-bastimenti 11 . Inċentiv finanzjarju għandu jimmira li jxejjen id-diskrepanza fil-profitti bejn iż-żarmar f’tarzni ta’ standard inferjuri u ż-żarmar fit-tarzni elenkati fil-Lista Ewropea.
Il-Komunikazzjoni tal-2008 pproponiet Strateġija tal-UE għaż-żarmar aħjar tal-bastimenti 12 u l-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2012 13 it-tnejn kienu antiċipaw l-approċċ f’diversi stadji rifless f’dan ir-Regolament.
II.L-istat attwali tar-riċerka dwar strument finanzjarju potenzjali
Strument finanzjarju diġà tqies fil-perjodu ta’ qabel l-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong. Studju tal-2005 14 sejjaħ għal Fond ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti bil-karigu tal-ġbir tal-miżati u l-iżburżar tal-fondi għall-iskrappjar li jirrispetta l-ambjent. Dan ikkunsidra wkoll l-istabbiliment ta’ assigurazzjoni tal-ħajja obbligatorja li tkopri l-ispejjeż ta’ riċiklaġġ nadif. B’approċċ differenti, il-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong fiha klawżola ta’ “finanzjament” fl-Artikolu tagħha rigward il-kooperazzjoni teknika, abbażi ta’ kontributi volontarji. Il-klawżola ma ssemmix il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Barra l-UE, fl-2013 iċ-Ċina introduċiet skema ta’ finanzjament konġunt għall-bini u r-riċiklaġġ ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera taċ-Ċina; l-iskema ġiet imġedda fl-2016.
F’Diċembru 2014, il-Kummissjoni kkumissjonat studju bħala mezz ta’ tagħrif għal dan ir-rapport. L-istudju kellu jibni fuq l-istudji preċedenti 15 u jindirizza l-lakuni fir-riċerka, inkluż dwar il-mezzi finanzjarji li jridu jiġu ġġenerati u żborżati, l-effetti fuq il-kompetizzjoni, il-piż amministrattiv u l-implikazzjonijiet legali rigward pereżempju r-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u tal-UE. Barra minn hekk, l-istudju kellu l-għan ta’ mezz ta’ tagħrif għat-tfassil ta’ strument operazzjonali li jiffaċilita r-riċiklaġġ tal-bastimenti li jkun sikur u li jħares l-ambjent.
L-istudju kien iffinalizzat f’Ġunju 2016 16 . Dan skarta diversi possibbiltajiet li kienu ġew eżaminati fi studji preċedenti għar-raġunijiet li ġejjin:
|
Kategorija ta’ possibbiltà |
Possibbiltà |
Nuqqasijiet ewlenin |
|
(Strumenti mhux finanzjarji) |
(miżuri mhux finanzjarji, pereżempju l-penali fuq is-sid ta’ qabel tal-aħħar) |
(Faċli biex wieħed jevitahom jew jistimolaw aktar l-imġiba tal-evażjoni, u/jew nuqqas ta’ mekkaniżmu xieraq ta’ infurzar.) |
|
Strumenti li jobbligaw lis-sidien tal-bastimenti biex jiġbru l-kapital meħtieġ permezz ta’ mekkaniżmu amministrat privatament li jkun imwaħħal ma’ bastiment uniku |
Garanzija tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti |
Diffiċli biex tiġi ttrasferitia fil-każ ta’ bidla fis-sjieda; sproporzjonata għall-bastimenti bi frekwenza baxxa ta’ waqfiet f’portijiet tal-UE. |
|
Kont tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti |
Diffiċli biex jiġi ttrasferit fil-każ ta’ bidla fis-sjieda; sproporzjonat għall-bastimenti bi frekwenza baxxa ta’ waqfiet f’portijiet tal-UE. |
|
|
Assigurazzjoni tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti |
Nuqqas ta’ “oġġett assigurat” minħabba n-nuqqas ta’ avveniment imprevist, għajr it-telf tal-bastiment minħabba aċċident. Mhux fattibbli bħala strument separat. |
|
|
Strumenti li jobbligaw lis-sidien tal-bastimenti biex jikkontribwixxu għal sistema pubblika (fond) bbażati fuq pagamenti li jridu jsiru meta jkun hemm aċċess għal portijiet tal-UE. |
Imposta tal-port |
Piż amministrattiv għoli għall-portijiet; potenzjalment mhux konformi mad-WTO; possibbilment jitqies bħala taxxa li ma taqax fl-ambitu tal-kompetenza tal-UE. |
III.Il-Liċenzja tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti
L-istudju tal-2016 jidentifika possibbiltà ġdida – il-Liċenzja tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti. Il-Liċenzja hija sforz biex jingħaqdu l-vantaġġi tal-possibbiltajiet skartati, filwaqt li jingħelbu l-iżvantaġġi tagħhom. Il-prinċipji ewlenin tagħha huma:
1.Bastimenti li jidħlu f’portijiet tal-UE jkunu jistgħu jiksbu liċenzja minn qabel minn aġenzija ċentralizzata (eż. aġenzija Ewropea eżistenti). Il-liċenzja tkun strument tal-liġi amministrattiva ta’ natura pubblika;
2.Meta japplikaw għal-Liċenzja, is-sidien tal-bastimenti ikollhom iħallsu kontribuzzjoni. Il-kontribuzzjoni tkun tkopri retribuzzjoni amministrattiva żgħira (0,8 %) u primjum allokat għal bastiment individwali (99,2 %);
3.Il-primjum impost ikun jiddependi fuq l-ammont ta’ kapital li jeħtieġ li jiġi akkumulat biex ikopri d-distakk finanzjarju bejn iż-żarmar f’tarzna ta’ standard baxx u ż-żarmar f’tarzna inkluża fil-Lista Ewropea fi tmiem il-ħajja tal-bastiment. Il-primjum ikun jiddependi wkoll fuq iż-żmien meħtieġ biex jiġi akkumulat il-kapital;
4.L-ammont tal-kapital sħiħ ikun imħallas lis-sid finali ta’ bastiment bil-kundizzjoni li l-bastiment ikun intbagħat f'faċilità tar-riċiklaġġ tal-bastimenti fil-Lista Ewropea;
5.Il-penali għar-riċiklaġġ f’faċilità mhux inkluża fil-Lista Ewropea tkun ta’ konfiska tad-drittijiet dovuti;
6.Sabiex tiġi evitata sistema li taħdem sproporzjonatament kontra l-bastimenti bi frekwenza għolja ħafna jew baxxa ħafna ta’ waqfiet fil-port, il-validità tal-Liċenzji tkun ibbażata fuq perjodu ta’ żmien aktar milli fuq in-numru ta’ waqfiet (pereżempju liċenzja ta’ xahar tkun orħos mil-liċenzja annwali, iżda tipprovdi anqas drittijiet għal pagament fi tmiem il-ħajja). Jistgħu jiġu previsti kriterji rfinuti, pereżempju li jibbenefikaw bastimenti ddisinjati għar-riċiklaġġ iktar faċli.
L-istudju jidentifika xi impatti potenzjali 17 tal-istabbiliment ta’ Liċenzja tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti u jiddeskrivi kunsiderazzjonijiet għall-implimentazzjoni 18 inkluż ir-rwol ta’ Aġenzija Ewropea (ġdida jew eżistenti), l-użu ta’ fondi mitlufa u skema sempliċi għal bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz.
IV.Ir-reazzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u għadd ta’ assoċjazzjonijiet ta’ partijiet ikkonċernati esprimew pożizzjoni dwar il-Liċenzja tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti.
Il-KESE adotta opinjoni dwar il-kwistjoni fid-19 ta’ Ottubru 2016 19 . L-opinjoni ssejjaħ il-Liċenzja tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti bħala "mekkaniżmu finanzjarju progressiv u infurzabbli" u tistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxiha. L-NGO Shipbreaking Platform – organizzazzjoni li tiġbor fiha bosta NGOs involuti fir-riċiklaġġ tal-bastimenti –, il-konfederazzjoni tat-trejdunjins IndustriAll u SEA EUROPE (Shipyards and Maritime Equipment Association), fl-20 ta’ Ottubru 2016 ħarġu dikjarazzjoni konġunta li tappoġġa l-konklużjonijiet tal-opinjoni tal-KESE.
L-ESPO, l-assoċjazzjoni tal-portijiet Ewropej, irtirat l-oppożizzjoni tagħha għall-inċentiv finanzjarju fl-2015, billi qieset li dan jevita l-iżvantaġġ prinċipali ta’ kunċett preċedenti fejn il-portijiet ikollhom jiġbru l-kontribuzzjonijiet.
F’Lulju 2016 il-Komunità Ewropea tal-Organizzazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti (ECSA), l-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Asja (ASA) u l-Awla Internazzjonali tat-Tbaħħir (ICS - International Chamber of Shipping) irreaġixxew għall-pubblikazzjoni tal-istudju. Il-pożizzjoni tagħhom hija li l-Liċenzja tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti tfixkel l-isforzi għar-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong. Opinjoni legali kkummissjonata mill-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti tkompli tiddeskrivi l-Liċenzja tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti bħala “miżura fiskali primarja”, tissuġġerixxi li l-UE ma jkollhiex il-kompetenza li tamministra skema ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti tal-UE u tinferixxi inkompatibilità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u mal-Prinċipju ta’ Responsabbiltajiet Komuni iżda Differenzjati. Għandu jiġi nnutat li ħafna minn dawn il-punti kienu indirizzati fl-istudju tal-2016 ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea 20 .
B’kuntrast ma’ dan, l-NGO Shipbreaking Platform ippubblikaw dokument tal-pożizzjoni tagħhom f’Ottubru 2016 21 li jappoġġja l-argumenti legali tal-istudju tal-2016. L-analiżi tisħaq li l-Liċenzja tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti ma tikkawżax “xkiel għall-kummerċ” kif beżgħu l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti bħala l-argument ewlieni għall-inkompatibilità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, kemm jekk huwa kummerċ tal-prodotti, kummerċ f’bastimenti jew kummerċ tal-azzar fi tmiem il-ħajja. L-analiżi tinnota wkoll li r-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti jikkostitwixxi komplement ta’ azzjoni għall-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong, kif awtorizzat fil-HKC infisha u kif ġeneralment mħeġġa skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), fejn l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti għandhom tendenza li jaraw kunflitt ta’ sistemi legali.
V.Konklużjoni
Il-Kummissjoni tagħraf il-merti potenzjali ta’ liċenzja potenzjali tar-riċiklaġġ tal-bastimenti, li tirrappreżenta l-iktar possibbiltà promettenti eżaminata s’issa. Madankollu, il-Kummissjoni hija konxja li għad hemm għadd ta’ kwistjonijiet li jistħoqqilhom aktar analiżi, inkluż fir-rigward tal-kompatibilità ta’ tali strument finanzjarju potenzjali mal-liġi internazzjonali u tal-UE.
Skont l-approċċ gradwali deskritt għall-ewwel darba fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 u fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2012 u rifless fit-test finali tar-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, il-ħtieġa għal miżuri addizzjonali dwar inċentivi finanzjarji se tiġi vvalutata mill-ġdid fi stadju aktar tard, fuq il-bażi ta’ analiżi dwar l-użu u l-effetti tal-Lista Ewropea tal-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti.