IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.7.2017
COM(2017) 407 final
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL
Id-disa' rapport ta' progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina
{SWD(2017) 278 final}
I.
DAĦLA
Dan huwa d-disa’ rapport ta’ kull xahar dwar il-progress li sar lejn il-kostruzzjoni ta’ Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina u jkopri żviluppi taħt żewġ pilastri ewlenin: il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u l-mezzi li jsostnuhom; u t-tisħiħ tad-difiżi tagħna u l-bini tar-reżiljenza kontra dan it-theddid.
Dan ir-rapport ifisser il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni tiġbed mill-evalwazzjoni komprensiva tal-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà interna, li qiegħda tiġi ppubblikata flimkien ma’ dan ir-rapport. Imniedija f’Diċembru 2016, l-evalwazzjoni skrutinat ir-relevanza u l-effettività tal-politiki u l-istrumenti tal-UE li jsostnu lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, it-tħarbit tal-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. Filwaqt li tagħti ħarsa lejn l-azzjoni li ttieħdet fil-livell tal-UE fil-qasam tal-sigurtà interna, l-evalwazzjoni hija bbażata fuq analiżi interna li saret mis-servizzi tal-Kummissjoni, stħarriġ li sar mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE, kif ukoll djalogu intensiv ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati inkluż il-Parlament Ewropew, il-Parlamenti nazzjonali, is-soċjetà ċivili, gruppi ta’ ħsieb (think tanks), id-dinja akkademika u r-rappreżentanti tal-industrija.
Filwaqt li r-riżultat kumplessiv tal-evalwazzjoni komprensiva huwa pożittiv, u jikkonferma l-apprezzament u r-relevanza tal-istrumenti ewlenin tal-politika ta’ sigurtà tal-UE, l-evalwazzjoni identifikat ukoll l-isfidi u l-lakuni li għandhom impatt fuq il-kooperazzjoni effettiva fl-Unjoni tas-Sigurtà. Dan ir-rapport ifisser kif il-Kummissjoni tara li għandha tkun it-triq ‘l quddiem biex tindirizza dawn l-isfidi u lakuni bil-għan li tkompli tiżdiedi l-effettività tal-politika ta’ sigurtà tal-UE. Dan jinkludi l-ħtieġa li jkomplu jiġu żviluppati u aġġustati l-politiki u l-għodod eżistenti sabiex ikun hemm reazzjoni kontra t-theddid li qiegħed jevolvi u li ġej mit-terroriżmu, kif ġie ukoll emfasizzat mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22-23 ta’ Ġunju 2017, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-G20 dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tas-7 ta’ Lulju 2017 u d-dikjarazzjoni wara s-Summit tal-G7 ta’ Taormina dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti tas-26 ta’ Mejju 2017.
Dan ir-rapport jipprovdi wkoll aġġornament dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-fajls ta’ prijorità fejn tidħol is-sigurtà, bil-passi li jmiss li ttieħdu għall-prevenzjoni tal-iffinanzjar tat-terroriżmu permezz tat-traffikar ta’ oġġetti kulturali u sabiex jitjieb l-iskambju tal-informazzjoni permezz tal-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom. Fejn tidħol l-azzjoni mhux leġiżlattiva, dan ir-rapport jipprovdi aġġornament dwar il-miżuri meħuda għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni onlajn, it-tisħiħ tal-protezzjoni ta’ miri faċli u s-sostenn tal-azzjoni nazzjonali permezz ta’ finanzjament tal-UE għal politiki ta’ sigurtà interna. Fl-aħħarnett, dan ir-rapport jindirizza wkoll l-iżviluppi reċenti fejn tidħol id-dimensjoni esterna li huma relevanti għall-ħidma lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina.
II.
EVALWAZZJONI KOMPRENSIVA TAL-POLITIKA TA’ SIGURTÀ TAL-UE
1. Evalwazzjoni kumplessiva: L-azzjoni tal-UE ġġib valur miżjud fis-sostenn għall-Istati Membri
L-evalwazzjoni komprensiva turi li l-partijiet interessati jqisu l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà interna u l-istrumenti użat bħala xierqa, relevanti u effettivi fil-kisba ta’ riżultati pożittivi. Teżisti l-perċezzjoni li l-politiki tal-UE dwar is-sigurtà interna jġibu valur miżjud għas-sostenn tal-azzjoni tal-Istati Membri, f’konformità mar-responsabbiltà operattiva tal-Istati Membri li jiżguraw is-sigurtà u r-rwol ta’ sostenn fdat lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-aġenziji tal-UE mit-Trattati. Ma ġew identifikati la effetti kollaterali negattivi sostanzjali u lanqas każijiet ta’ duplikazzjoni jew ripetizzjoni.
B’mod notevoli, l-evalwazzjoni komprensiva tagħti enfażi fuq il-valur miżjud tal-azzjoni tal-UE fl-iffaċilitar tal-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni operattiva. L-istrumenti u l-għodda bħal ma huma s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, it-timijiet konġunti ta’ investigazzjoni, il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, jew l-assistenza legali reċiproka jsostnu lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni u l-evidenza, u permezz ta’ dan ikunu jistgħu jwettqu azzjoni operattiva koordinata, u dan jgħin biex iressqu lil dawk li jwettqu r-reati quddiem il-ġustizzja. Barra minn dan, l-evalwazzjoni kumplessiva hija li l-miżuri tal-UE kkontribwew għat-titjib tal-kapaċitajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità serja u organizzata u ċ-ċiberkriminalità, inkluż permezz ta’ taħriġ, l-iskambju tal-aħjar prattiċi u l-kooperazzjoni transfruntiera. L-oqsfa għall-kooperazzjoni, bħal ma huma ċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja, jgħinu fid-definizzjoni ta’ prijoritajiet komuni ta’ azzjoni operattiva mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-livell nazzjonali u transfruntier. L-aġenziji tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni ġew trasformati f’atturi ċentrali fl-oqsma rispettivi tagħhom ta’ kompetenza, kif jidher mill-appoġġ ipprovdut mill-Europol permezz taċ-ċentri speċjalizzati tagħha jew mir-rwol tal-Eurojust fl-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea.
Fejn tidħol il-leġiżlazzjoni tal-UE, l-evalwazzjoni komprensiva turi li, kollox ma’ kollox, il-partijiet interessati huma sodisfatti bil-qafas tal-UE fil-qasam tas-sigurtà interna u ċ-ċertezza legali li jġib miegħu. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, qiegħed ikompli jiżviluppa l-qafas legali tal-UE għall-politika tas-sigurtà interna, u ta prova li huwa kapaċi jaġġusta ruħu skont kif jiżviluppa t-theddid. Filwaqt li ma ġew identifikati l-ebda lakuni maġġuri fil-leġiżlazzjoni, l-evalwazzjoni komprensiva tindika li hemm il-ħtieġa li jkun hemm tibdil u żidiet immirati mal-qafas tal-UE sabiex jiġi indirizzat it-theddid li qiegħed jevolvi, jew biex jiġu razzjonalizzati r-regoli li hemm bħalissa sabiex titnaqqas il-kumplessità għal dawk li japplikawhom fil-konkret (ara t-Taqsima II.2 hawn isfel, inkluż dwar il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni minn dawn il-kostatazzjonijiet).
L-evalwazzjoni komprensiva tikkonferma li l-konformità mad-drittijiet fundamentali hija l-karatteristika ċentrali tal-politika tas-sigurtà tal-UE, f’konformità mal-obbigi legali skont it-Trattati. Barra mill-kontroll ġudizzjarju effettiv mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni żviluppat diversi mekkaniżmi sabiex id-drittijiet fundamentali jiġu integrati fil-formulazzjoni ta’ proposti leġiżlattivi u ta’ politika. Dan jinkludi l-evalwazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet fundamentali tal-miżuri ta’ politika li jkunu ppjanati bħala parti mill-evalwazzjonijiet tal-impatt taħt regolamentazzjoni aħjar, jew l-involviment tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali fi stadju bikri tal-ħidma dwar inizjattivi speċifiċi. Il-ħidma li għaddejja bħalissa dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni hija eżempju wieħed ta’ fejn il-kontribut u l-gwida tal-Kontrollur Ewropew għal-Protezzjoni tad-Data u tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali jittieħdu f’kunsiderazzjoni fi stadju bikri tal-iżvilupp ta’ approċċ ġdid ta’ politika. Id-drittijiet fundamentali jittieħdu wkoll f’kunsiderazzjoni meta jiġu evalwati l-impatt u l-effettività tal-istrumenti u l-politiki tal-UE fil-verifika dwar jekk għadhomx neċessarji, proporzjonali u tajbin għall-iskop tagħhom. Il-Kummissjoni tassisti wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali biex tara li jkun hemm konformità mad-drittijiet fundamentali fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazjzoni relevanti tal-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tapplika u tibqa’ tiżviluppa dawn il-mekkaniżmi sabiex tiżgura li jkun hemm konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali fil-politika ta’ sigurtà tal-UE, konformi mal-fehim li l-protezzjoni tas-sigurtà taċ-ċittadini, u l-konformità mad-drittijiet fundamentali jikkumplimentaw lil xulxin.
2. L-isfidi ewlenin għal politika ta’ sigurtà effettiva tal-UE u kif għandhom jiġu indirizzati
Filwaqt li l-konklużjoni kumplessiva tal-evalwazzjoni komprensiva hija pożittiva, l-evalwazzjoni identifikat ukoll l-isfidi u l-lakuni li għandhom effett negattiv fuq il-kooperazjzoni fl-Unjoni tas-Sigurtà. Dawn l-isfidi u lakuni jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:
·l-implimentazzjoni mhux kompluta ta’ xi politiki u strumenti tal-UE fil-livell nazzjonali jnaqqsu mill-effettività tagħhom;
·il-kumplessità ta’ xi strumenti u għodod tal-UE jagħmluha aktar diffiċli li l-awtoritajiet nazzjonali jużawhom b’mod li jħallu l-effett sħiħ tagħhom;
·minħabba l-eżistenza ta’ kapaċitajiet limitati fil-livell nazzjonali ikun xieraq li jkun hemm ġabra aħjar ta’ riżorsi kif ukoll għarfien espert fil-livell tal-UE, u sinerġiji madwar l-oqsma ta’ politika;
·it-theddid li qiegħed jevolvi li jirrekjedi mill-UE li taġġorna l-istrumenti u l-għodod tagħha.
Bl-identifkazzjoni ta’ dawn l-isfidi u lakuni, l-evalwazzjoni komprensiva tikkonferma għadd ta’ inizjattivi ta’ politika li l-Kummissjoni nediet dan l-aħħar u tappella għal azzjoni ulterjuri. Il-Kummissjoni se ssegwi fuq dawn il-kostatazzjonijiet skont il-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar.
Sostenn għall-implimentazzjoni sħiħa ta’ miżuri tal-UE
L-evalwazzjoni komprensiva turi li għal għadd ta’ politki u strumenti kruċjali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà interna jeżisti nuqqas ta’ implimentazzjoni sħiħa mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali. Eżampji ta’ dan huma l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kriminalità organizzata jew tal-qafas ta’ Prüm għall-iskambju ta’ data tad-DNA, data tal-marki tas-swaba u data dwar ir-reġistazzjoni tal-vetturi. In-nuqqas ta’ implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn l-istrumenti jimpedixxi l-effettività tagħhom u ma tħallix lill-Istati Membri jesplojtaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.
Il-Kummissjoni se tkompli ssostni lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE matul il-perjodu ta’ traspożizzjoni. Eżempju ta’ dan huwa s-sostenn għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri tal-UE (PNR) li jeħtieġ li tiġi implimentata sal-25 ta’ Mejju 2018. Il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ implimentazzjoni, ipprovdiet iffinanzjar addizzjonali u torganizza laqgħat regolari ma’ esperti tal-Istati Membri sabiex jiġi kondiviż l-għarfien relatat, l-għarfien espert u l-aħjar prassi (ara t-Taqsima III.1 aktar ‘l isfel). Ezempju ieħor huwa l-implimentazzjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar is-sigurtà tas-sistemi tan-network u tal-informazzjoni (id-Direttiva NIS) li jeħtieġ li tiġi implimentata sad-9 ta’ Mejju 2018. F’konformità mal-kostatazzjonijiet tal-evalwazzjoni komprensiva, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni speċjali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-leġiżlazzjoni reċenti dwar l-iffinanzjar tat-terroriżmu, peress li l-evalwazzjoni komprensiva rrilevat li xi partijiet ikkonċernati enfasizzaw ir-riskji tad-diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti.
Il-Kummissjoni se tkompli wkoll teżerċizza r-rwol tagħha ta’ Garanti tat-Trattati u tibda proċedimenti ta’ ksur kull fejn ikun hemm il-ħtieġa sabiex tara li jkun hemm applikazzjoni sħiħa tal-liġi tal-UE fil-qasam tas-sigurtà interna. F’konformità mal-kostatazzjonijiet tal-evalwazzjoni komprensiva, il-Kummissjoni se tkompli tikkombina l-użu ta’ dawn il-poteri ta’ infurzar ma’ miżuri li bihom tiskambja l-għarfien u l-għarfien espert mal-Istati Membri kkonċernati. Eżempju ta’ dan huwa l-appoġġ tekniku mogħti mill-Kummissjoni b’mod parallel għall-proċedimenti ta’ ksur kontra dawk il-ftit Stati Membri li għadhom ma implimentawx il-qafas ta’ Prüm (ara t-Taqsima III.1 aktar ‘l isfel).
L-awtoritajiet tal-Istati Membri rreferew għan-nuqqas ta’ għarfien espert tekniku u ta’ riżorsi finanzjarji bħala raġunijiet imporanti li minħabba fihom kien hemm dewmien fil-proċess ta’ implimentazzjoni speċjalment f’każijiet ta’ informazzjoni ġdida jew aġġornata. Il-Kummissjoni tinnota li l-iffinanzjar tal-UE huwa disponibbli taħt il-Fond tas-Sigurtà Interna – Pulizija, iżda l-assorbiment mill-Istati Membri għandu jittejjeb, b’rata ta’ implimentazzjoni ta’ 26% fil-15 ta’ Ġunju 2017 (ara wkoll it-Taqsima III.2 aktar ‘l isfel). Il-Kummissjoni se tkompli ssostni lill-Istati Membri fl-użu tal-iffinanzjar disponibbli sabiex jintlaħaq l-aħjar effett.
It-tnaqqis tal-kumplessità tal-istrumenti u l-għodda tal-UE
L-evalwazzjoni komprensiva tindika li għal xi strumenti tal-UE, il-kumplessità tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola dawn l-għodod timpedixxi l-użu effettiv tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali. Eżempju ta’ dan hija l-ġabra ta’ regoli diverġenti tal-UE fejn jidħol l-aċċess għas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew l-oqfsa legali preżenti għall-kisba ta’ aċċess transfruntier għal evidenza elettronika, li jirriflettu l-kunċetti tradizzjonali ta’ territorjalità u li huma sfidati min-natura transġuriżdizzjonali tas-servizzi u l-flussi tad-data elettroniċi. Dan huwa parzjalment għaliex l-istrumenti differenti kienu ġew żviluppati fuq perjodu itwal ta’ żmien, li f’ċerti każijiet wassal għal xibka kumplessa ta’ strumenti li minħabba f’hekk sar diffiċli biex l-awtoritajiet nazzjonali jużaw dawn l-għodod. Barra minn dan, il-leġiżlazzjoni tal-UE mhux dejjem ġabet iċ-ċarezza neċessarja fejn jidħlu definizzjonijiet, u dan wassal għal regoli diverġenti fl-Istati Membri, li jxekklu l-kooperazzjoni operattiva. Dan kien notevolment il-każ fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu qabel l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu li tikkriminalizza atti bħal ma huma l-iffinanzjar tat-terroriżmu, is-sehem f’taħriġ jew l-ivvjaġġar għal skopijiet ta’ terroriżmu, kif ukoll l-organizzazzjoni jew l-iffaċilitar ta’ tali vvjaġġar.
Il-Kummissjoni diġà ħadet azzjoni biex tindirizza l-kumplessità tal-leġiżlazzjoni tal-UE kif emfasizzat mill-evalwazzjoni komprensiva. Fil-qasam tal-iskambju tal-informazzjoni, il-Kummissjoni identifikat il-pajżaġġ kumpless ta’ sistemi ta’ informazzjoni rregolari b’mod differenti bħala ostakolu li jtellef il-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali, u hija pproponiet triq ‘il quddiem sabiex dan l-ostakolu jingħeleb permezz tal-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni, inkluż permezz ta’ regoli aktar razzjonalizzati ta’ aċċess mill-forzi tal-infurzar tal-liġi li jirrispetta d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-protezzjoni tad-data. Il-Kummissjoni rrivediet ukoll il-mekkaniżmi għall-kisba ta’ aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni timplimenta miżuri prattiċi biex jittejjeb dan l-aċċess fi ħdan il-qafas leġiżlattiv preżenti filwaqt li taħdem fuq evalwazzjoni tal-impatt sabiex l-azzjoni leġiżlattiva fil-futur tkun ibbażata fuq dak li jsir magħruf.
Il-Kummissjoni se jkollha wkoll tirrevedi l-atti leġiżlattivi identifikati mill-evalwazzjoni komprensiva bħala possibbilment obsoleta jew skaduta. F’Novembru 2014, il-Kummissjoni pproponiet li tħassar 24 att fil-qasasm tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Il-koleġiżlaturi adottaw il-proposti fl-20 ta’ Jannar 2016 u b’kollox tħassru 26 att.
L-evalwazzjoni komprensiva turi wkoll l-importanza tat-taħriġ sabiex jiżdied l-għarfien tal-utent aħħari tal-istrumenti eżistenti tal-UE u l-ħila tiegħu li jużahom b’mod effettiv. Il-partijiet interessati rriferew ukoll għall-valur miżjud tal-iskambju u tal-programmi ta’ ssekondar għal uffiċjali nazzjonali bħala mod kif tiġi skambjata l-aħjar prassi fl-użu tal-istrumenti tal-UE. Il-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), sabiex tiżgura li l-programm ta’ taħriġ tagħha jkun konformi mal-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà u li l-Aġenzija tikkontribwixxi billi tagħti lill-uffiċjali nazzjonali t-tagħrif u l-ħiliet li jkollhom bżonn biex jikkooperaw effettivament mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra, u jagħmlu użu sħiħ tal-mandat il-ġdid tal-aġenzija mill-1 ta’ Lulju 2016. Il-Kummissjoni tappoġġja firxa ta’ programmi ta’ taħriġ żviluppat min-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN) għall-prosekuturi u l-imħallfin li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ta’ kriminalità.
Il-bini tal-kapaċità fil-livell tal-UE permezz tal-ġabra tar-riżorsi u l-għarfien espert u l-esplojtazzjoni tas-sinerġiji
Jirriżulta mill-evalwazzjoni komprensiva li jeżisti lok biex ir-riżorsi fil-livell tal-UE jkomplu jinġabru. Fejn l-Istati Membri individwali jkun jonqoshom l-għarfien esperti jew ir-riżorsi speċifiċi, l-iżvilupp ta' kapaċità komuni fil-livell tal-UE tista’ tkun ta’ benefiċċju. Il-partijiet interessati rreferew b’mod partikolari għal oqsma b'użu intensiv tat-teknoloġija, bħal ma huma ċ-ċibersigurtà, il-materji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi jew nukleari (CBEN) jew l-analiżi ta’ big data jew sorsi miftuħa. L-aġenziji tal-UE għandhom rwol ċentrali fl-għoti ta’ riżorsi kondiviżi lil Stati Membri individwali. Pereżempju, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) fil-Europol isostni lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u fl-infurzar tal-liġi fil-każ ta’ attakki ċibernetiċi fuq skala kbira, permezz ta’ għarfien espert forensiku jew permezz ta’ informazzjoni marbuta maċ-ċiberkriminalità minn sorsi pubbliċi, privati u miftuħa. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u ċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti fil-Europol iwettqu funzjonijiet simili ta’ sostenn fl-oqsma rispettivi tagħhom. Eżempju ieħor huwa r-rwol li għandha l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) fl-għoti ta’ sostenn lill-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri taħt id-Direttiva dwar is-sigurtà tas-sistemi tan-netwerk u tal-informazzjoni (id-Direttiva NIS). L-evalwazzjoni komprensiva turi li s-sostenn mogħti mill-aġenziji tal-UE jitqies bħala ta’ valur kbir mill-partijiet interessati. Il-Kummissjoni ħadmet sabiex tara li l-aġenziji tal-UE jkollhom il-mezzi li għandhom bżonn sabiex iwettqu din il-funzjoni ta’ sostenn.
In-netwerks fil-livell tal-UE huma mod ieħor ta’ kif jinġabar l-għarfien espert f’oqsma speċifiċi ta’ sigurtà interna. L-evalwazzjoni komprensiva tissottolinja l-valur miżjud tan-netwerks jew tal-istrutturi ta’ kooperazzjoni Ewropej li jikkumplimentaw il-ħidma tal-aġenziji tal-UE u li jmexxu ‘il quddiem il-kooperazzjoni operattiva. Dan jinkludi netwerks speċjalizzati fil-kriminalità ambjentali (EnciCrimeNet), it-traffikar tad-droga (iċ-Ċentru tal-Analiżi Marittimia u l-Operazzjonijiet – Narkotiċi), il-prevenzjoni tal-kriminalità (in-Netwerk Ewropew tal-Prevenzjoni tal-Kriminalità, l-unitajiet ta’ intervent speċjali (in-Netwerk ATLAS), il-materji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi jew nukleari (CBRN) (il-Grupp Konsultattiv tas-CBRN) jew is-sigurtà tat-trasport. Il-Kummissjoni se tkompli tuża dan l-approċċ ta’ netwerk fejn ikun hemm bżonn, kif inhu l-każ tal-Grupp ta’ Politika tal-UE dwar il-Protezzjoni ta’ Miri Faċli sabiex ikun jista’ jsir skambju aktar strutturat ta’ informazzjoni u kondiviżjoni tal-aħjar prassi dwar l-azzjoni operattiva fil-protezzjoni ta’ miri faċli.
Dan jirriżulta mill-evalwazzjoni komprensiva li saret fis-sens li minħabba n-natura trasversali tal-isfidi relatati mat-terroriżmu, il-kriminalità serja u ċ-ċiberkriminalità, jeżisti lok li jkomplu jiġu esplojtati s-sinerġiji fil-livell tal-UE bejn il-politika ta’ sigurtà u oqsma ta’ politika relatati. Eżempji jinkludu l-ħtieġa għal kooperazzjoni eqreb bejn l-awtoritajiet tal-pulizija, il-gwardji tal-fruntiera u l-awtoritajiet doganali, jew ir-rabtiet bejn il-politika ta’ sigurtà u l-pulizija tat-trasport f’oqsma bħal ma huma s-sigurtà tal-avjazzjoni jew is-sigurtà marittima. Il-Kummissjoni rrispondiet għal din il-ħtieġa ta’ azzjoni trasversali bil-ħolqien ta’ portafoll speċifiku fil-livell ta’ Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà assistit minn Task Force trasversali, abbażi tal-għarfien espert tal-Kummissjoni kollha kemm hi.
L-evalwazzjoni komprensiva tenfasizza wkoll li l-livell tal-UE jipprovdi valur miżjud lill-awtoritajiet nazzjonali billi jġib flimkien atturi varji minn barra s-settur pubbliku. Il-partijiet interessati jirreferu għall-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-industrija fejn jidħol l-impenn kontra ċ-ċiberkriminalità jew ir-radikalizzazzjoni fuq l-internet, jew l-importanza li jkunu involuti prattikanti lokali, akkademiċi u riċerkaturi fl-isforzi ta’ prevenzjoni kontra r-radikalizzazzjoni vjolenta fil-komunitajiet. Il-Kummissjoni se tkompli ssostni din il-ħidma ma’ entitajiet bħal ma huma l-Forum tal-UE dwar l-Internet jew iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni. Il-Kummissjoni se tqis ukoll li torganizza djalogi strateġiċi regolari dwar il-politika ta’ sigurtà ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati.
L-indirizzar tat-theddid li jitfaċċa
Sfida kumplessiva għall-politika tas-sigurta fl-UE hija l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-istrumenti u l-għodod ikunu aġġornati sabiex jiġu indirizzati t-theddidiet li jitfaċċaw. L-evalwazzjoni komprensiva turi li t-theddid ġdid u li qiegħed jitfaċċa darba wara l-oħra kien jenħtieġ reviżjoni mmirata tal-għodod jew tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fejn tidħol is-sigurtà interna. Fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-qafas kunċettwali kumplessiv għall-azzjoni tal-UE fejn tidħol is-sigurtà interna baqa’ validu u ppermetta li l-istrumenti u l-għodod individwali jiġu adattati b’reazzjoni għat-tibdil rapidu li minnu jkun għaddej l-ambjent ta’ sigurtà.
Il-Kummissjoni se tkompli tevalwa l-ħtieġa li jkun hemm bidliet immiratifl-istrumenti u l-għodod eżistenti ta’ sigurtà interna. Eżempji reċenti jinkludu l-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar ir-Radikalizzazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ulterjuri tal-politiki tal-UE b’reazzjoni għall-iskala bla preċedent ta’ radikalizzazzjoni u r-reviżjoni li ġejja tal-Istrateġija tal-2013 dwar iċ-Ċibersigurtà biex ikun hemm reazzjoni aġġornata u effettiva għat-theddida dejjem tikber li ġejja miċ-ċiberkriminalita.
Il-kumitat speċjali tal-Parlament Ewropew dwar it-terroriżmu, li se jiġi stabbilit, jipprovdi opportunità ulterjuri sabiex tkompli l-analiżi dwar jekk il-miżuri eżistenti tal-UE kontra t-terroriżmu humiex xierqa bħala reazzjoni għat-theddid li qiegħed jitfaċċa mit-terroriżmu fl-Ewropa, u sabiex jiġu identifikati ostakoli prattiċi u legali li hemm bżonnn li jiġu indirizzati. Il-Kummissjoni, b’mod attiv, se tikkontribwixxi għall-ħidma tal-kumitat speċjali, u tara li tikseb riżultat li jipprovdi bażi għal aktar azzjoni konġunta mal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (LIBE), u l-Kunsill.
III.
L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-FAJLS TA’ PRIJORITÀ DWAR IS-SIGURTÀ
1. Inizjattivi leġiżlattivi
Fit-13 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament għall-prevenzjoni tal-importazzjoni u l-ħażna fl-UE ta’ oġġetti kulturali esportati illegalment minn pajjiż terz, biex b’hekk jitnaqqas it-traffikar f’oġġetti kulturali, jiġi miġġieled l-iffinanzjar tat-terroriżmu u jiġi protett il-wirt kulturali. Dan huwa pass ulterjuri fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Frar 2016 biex jitħaffef il-pass fil-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu, u huwa wkoll reazzjoni għas-sejħa mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex jittieħdu passi kontra l-kummerċ u t-traffikar illeċitu ta’ proprjetà kulturali, b’mod partikolari meta din tkun toriġina fil-kuntest ta’ kunflitt armat u mmexxija minn gruppi terroristiċi, jew li jibbenefikaw minnha. Hekk kif jiġi adottat mill-koleġiżlaturi, il-Kummissjoni se tistabbilixxi definizzjoni komuni għall-oġġetti kulturali fil-mument tal-importazzjoni, tiżgura li l-importaturi jeżerċitaw id-diliġenża meta jixtru oġġetti kulturali minn pajjiżi terzi, tiddetermina l-informazzjoni standardizzata għaċ-ċertifikazzjoni tal-oġġetti bħala li jkunu legali, u tipprovdi għal deterrent effettiv kontra t-traffikar. Il-Kummissjoni tappella lill-koleġiżlaturi biex jaħdmu fuq il-proposta bħala materja ta’ prijorità.
Hemm ukoll aktar progress fil-ħidma dwar sistemi ta’ informazzjoni aktar b'saħħithom u aktar intelliġenti għall-fruntieri u s-sigurtà. Fit-12 ta’ Lulju 2017, il-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affariiet Interni (LIBE) u l-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill (COREPER) ikkonfermaw il-ftehim li ntlaħaq rigward is-Sistema tad-Dħul/Ħruġ (EES). Kif proposta mill-Kummissjoni f’April 2016, is-sistema se tirreġistra d-data dwar dħul u ħruġ ta’ ċittadini mhux tal-UE li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE u għalhekk tikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni u tas-sigurtà interna. Il-ftehim politiku dwar is-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ huwa pass importanti lejn il-kisba tal-interoperabbiltà sħiħa tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE sal-2020, f’konformità mal-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tad-data għall-fruntieri u s-sigurtà. Waqt il-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni f’Tallinn fis-6/7 ta’ Lulju 2017, l-Istati Membri saħqu fuq l-impenn tagħhom li jaħdmu fuq l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni bħala materja ta’ prijorità. Il-Kummissjoni tappella lill-koleġiżlaturi biex jaċċelleraw il-ħidma dwar il-proposti leġiżlattivi relatati dwar is-sistemi tal-informazzjoni li bħalissa qegħdin jiġu diskussi.
Għadha għaddejja wkoll il-ħidma ta’ implimentazzjoni tas-sistemi eżistenti u tal-massimizzazzjoni tal-benefiċċji tagħhom – qasam kruċjali ieħor ta’ azzjoni sabiex is-sistemi ta’ informazzjoni għall-fruntieri u s-sigurtà jitqawwew u jsiru aktar intelliġenti. Bħala parti mis-sostenn mogħti lill-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR), fit-22 ta’ Ġunju 2017 is-servizzi tal-Kummissjoni organizzaw il-ħames laqgħa mal-esperti tal-Istati Membri sabiex jikkondividu għarfien, għarfien espert, u l-aħjar prassi konnessi ma’ dan. Peress li fadal anqas minn sena qabel l-iskadenza għat-traspożizzjoni (il-25 ta’ Mejju 2018), il-Kummissjoni għal darba oħra ħeġġet lill-Istati Membri isaħħu l-isforzi tagħhom biex jaraw li tiġi stabbilita fil-ħin sistema funzjonanti ta’ PNR bħala strument importanti fir-reazzjoni kontra t-theddida tat-terroriżmu. Il-Kummissjoni bagħtet ittri lil dawk l-Istati Membri li jidhru li huma anqas avvanzati fil-proċess ta’ implimentazzjoni sabiex dawn jindirizzaw l-ostakoli possibbli li jistgħu jaffaċċjaw u jevalwaw jekk hux possibbli sostenn addizzjonali, inkluż sostenn bilaterali offrut minn fost dawk l-Istati Membri li jinsabu fi stadju avvanzat fl-implimentazzjoni tad-Direttiva PNR.
Filwaqt li xi Stati Membri għamlu progress fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm, il-Kummissjoni kellha tuża s-setgħat tagħha ta’ kontra l-ksur sabiex tara li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni bagħtet Opinjonijiet Raġunati lill-Kroazja, l-Irlanda u l-Italja fit-18 ta’ Mejju 2017. Apparti mill-użu tal-poteri tagħha skont it-Trattati, il-Kummissjoni għadha qiegħda ssostni lill-Istati Membri billi tipprovdi fondi għall-implimentazzjoni taħt il-programmi nazzjonali fi ħdan il-Fond tas-Sigurtà Interna – il-Pulizija. Il-Kummissjoni se tipprovdi EUR 22 miljun addizzjonali għal dawn il-programmi nazzjonali għall-2017 u dan il-finanzjament jista’ jintuża fl-implimentazzjoni ta’ Prüm.
Fis-7 ta’ Lulju 2017, il-Ministri tal-Ġustizzja ddiskutew il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-għarfien reċiproku tal-ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska
fil-Kunsill informali tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li sar f’Tallinn. Il-Kummissjoni tappella lill-koleġiżlaturi biex jagħmlu progress malajr dwar din il-proposta sabiex itejbu l-irkupru ta’ assi kriminali f’każijiet transfruntiera.
2. L-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet mhux leġiżlattivi
Il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni fuq l-internet għadha prijorita fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u l-Kummissjoni qiegħda taċċellera l-ħidma tagħha ta’ sostenn għall-Istati Membri fl-indirizzar ta’ din l-isfida. Wara laqgħa tal-Forum tal-Internet tal-UE fil-livell ta’ uffiċjali għolja fis-27 ta’ Ġunju 2017, il-membri tal-Forum tal-Internet tal-UE fformulaw Pjan ta’ Azzjoni għall-ġlieda kontra l-kontenut fuq l-internet konness mat-terroriżmu. Dan jinkludi miżuri biex titħaffef id-detezzjoni awtomatizzata ta’ kontenut illegali fuq l-internet konness mat-terroriżmu, il-kondiviżjoni ta’ teknoloġija u għodod relatati ma’ kumpaniji iżgħar, il-kisba tal-implimentazzjoni sħiħa u l-użu tad-”database of hashes”, u li s-soċjetà ċivli tiġi abilitata rigward miżuri alternattivi. Meta titqies l-urġenza tal-materja, is-servizzi tal-Kummissjoni se jlaqqgħu għal darba oħra l-Forum tal-Internet tal-UE fil-livell ta’ uffiċjali għolja f’ Settembru u se tirrapporta dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni f’wieħed mir-rapport ta’ progress li ġejjin dwar l-Unjoni tas-Sigurtà.
L-attakki terroristiċi ta’ dan l-aħħar għal darba oħra dawru l-attenzjoni fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-protezzjoni ta’ miri faċli, bil-ħtieġa ta’ reazzjoniiet innovattivi għall-protezzjoni ta’ postijiet iffullati. Fit-30/31 ta’ Mejju 2017, is-servizzi tal-Kummissjoni laqqgħu workshop ma’ esperti mill-Istati Membri u minn pajjizi terzi sabiex jiskambjaw il-prassi tajba u l-lezzjonijiet li jkunu ttieħdu rigward il-protezzjoni ta’ miri faċli. Dan il-workshop, organizzat fil-qafas tal-Forum Globali kontra t-Terroriżmu, ikkumplimenta l-isforzi mnedija fi Frar 2017 sabiex tiġi żviluppata politika tal-UE u pjattaforma tal-prattikanti sabiex titejjeb ir-reżiljenza tal-UE kontra l-attakki fuq miri faċli. Barra minn dan, bħala miżura prattika appoġġata mill-Kummissjoni, il-forzi ta’ intervent speċjali tal-Pulizija tal-Belġju u tan-Netherlands fid-29 ta’ Ġunju 2017 għamlu eżerċizzju dwar miri faċli li kien jinvolvi simulazzjoni ta’ attakki terroristiċi sinkronizzati fuq skejjel pubbliċi. Dan l-eżerċizzju, li kien jinvolvi forzi tal-pulizija, first responders kif ukoll timijiet ta’ reazzjoni f’emerġenza tal-Istat, kellu l-għan li jara f’liema stat ta’ tħejjija u kif taħdem il-ġestjoni ta’ kriżi fil-każ ta’ attakki li jsiru b’mod simultanju f’pajjiżi ġirien. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jorganizzaw sessjoni ta’ informazzjoni speċjali għall-Istati Membri kollha sabiex tixxerred l-aħjar prassi minn dan l-eżerċizzju.
Il-finanzjament tal-UE huwa strument importanti ta’ sostenn lill-Istati Membri fl-implimentazjoni tal-passi meħtieġa biex tinbena Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina. Meta wieħed iqis it-theddida li qiegħda tevolvi, ikkawżata mill-kriminalità terroristika, organizzata u ċibernetika, il-Kummissjoni se tipprovdi EUR 90 miljun fl-2017 f’sostenn għal azzjonijiet tal-Unjoni taħt il-Fond ta’ Sigurtà Interna – Pulizija, b’mod li jiġi rduppjat l-ammont ipprovdut fl-2016. Il-programm ta’ ħidma annwali rispettiv, li jistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ finanzjar għal azzjonijiet transfruntiera immirati fil-qasam tas-sigurtà interna, għandu l-iskop li jsostni l-isforzi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu permezz ta’ proġetti għall-prevenzjoni tal-iffinanzjar tat-terroriżmu, il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, is-sostenn għas-soċjetà ċivili fit-tixrid ta’ narrattivi alternattivi u t-tisħiħ għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipprovdi wkoll iffinanzjar għal proġetti transfruntiera sabiex jiġu ffaċjati theddidiet kriminali ta’ prijorità bħal ma hu t-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tad-droga, it-traffkar tal-armi tan-nar u l-kriminalità ambjentali.
Għall-ewwel darba taħt il-Fond ta’ Sigurtà Interna – Pulizija, il-programm ta’ ħidma annwali 2017 għandu l-intenzjoni li jipprovdi fondi għal proġetti li jikkonċernaww iċ-ċiberkriminalità. Dan jirrifletti t-theddid ċibernetiku li qiegħed jevolvi, kif jixhdu l-attakki ċibernetiċi ta’ dan l-aħħar, kif ukoll il-fatt li għal kważi t-tipi kollha ta’ kriminalità organizzata, il-kriminali qegħdin jużaw teknoloġija b’ħila dejjem tiżdied u li tħalli effett dejjem akbar. Sabiex jissaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tipprovdi ffinanzjar għal proġetti li jfittxu li jimmassimizzaw il-benefiċċji ta’ sistemi ta’ informazzjoni eżistenti tal-UE. Din hija prijorità fil-ħidma dwar sistemi ta’ informazzjoni aktar qawwija u aktar intelliġenti għall-fruntieri u s-sigurtà, u se tkun ta’ sostenn sabiex is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE jkunu interoperabbli. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tipprovdi ffinanzjar biex issaħħaħ il-kooperazzjoni polizjeska transfruntiera, f’konformità mar-rakkomandazzjoni tagħha ta’ Mejju 2017 dwar kontrolli tal-pulizija proporzjonati u kooperazzjoni tal-pulizija fiż-żona ta’ Schengen.
Dan il-finanzjament huwa b’żieda mas-sostenn mogħti lill-Istati Membri permezz tal-programmi nazzjonali tagħhom taħt il-Fond ta’ Sigurtà Interna – Pulizija, Għall-perjodu bejn l-2014 sal-2020, il-Kummissjoni tipprovdi total ta’ EUR 754 miljun lil 26 Stat Membru għal miżuri fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet. Dan il-finanzjament jista’ jintuża għal firxa wiesgħa ta’ inizjattivi sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fl-UE, bħal ma hu l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ informazzjoni, l-akkwist ta’ apparat operattiv, il-promozzjoni ta’ skemi ta’ taħriġ u l-iżgurar ta’ kooperazzjoni operattiva. Madankollu, hemm lok ċar ta’ titjib fil-mod kif l-Istati Membri jassorbu dan il-finanzjament. Il-Kummissjoni għalhekk tappella lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ minn dan il-finanzjament sabiex jimplimentaw il-prijoritajiet fl-Unjoni tas-Sigurtà.
3. Id-dimensjoni esterna
Il-mexxejja tal-G20 adottaw il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu fis-summit ta’ Ħamburg bejn is-7 u t-8 ta’ Lulju 2017. Bl-appell li hemm fih għal azzjoni fl-indirizzar tat-theddid li qiegħed jevolvi ta’ ġellieda terroristiċi barranin li jirritornaw lejn l-Ewropa, il-faċilitazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni, il-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu u kontra r-radikalizzazzjoni u l-użu tal-internet għal skopijiet ta’ terroriżmu, il-Pjan ta’ Azzjoni jikkonferma l-prijoritajiet preżenti tal-azzjoni tal-UE fl-Unjoni tas-Sigurtà. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna se jkomplu jaħdmu mill-qrib mas-sieħba tagħhom barra mill-UE fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki.
Fis-26 ta’ Lulju 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ħarġet bl-opinjoni tagħha dwar il-kumpatibbiltà tal-ftehim bejn l-UE u l-Kanada dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) mat-Trattati. Il-ftehim ġie ffirmat fl-2014 u l-Kunsill talab lill-Parlament Ewropew biex japprovah. Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jaċċerta ruħu li l-ftehim intenzjonat hu kumpatibbli mal-liġi tal-UE li tiggarantixxi r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-data personali. Il-Kummissjoni se tmur lura għal din il-kwistjoni fir-rapport ta’ progress li jmiss dwar l-Unjoni tas-Sigurtà f’Settembru 2017.
Il-laqgħa informali tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tas-Sħubjija EU-Lvant f’Tallinn fis-7 ta’ Lulju ffukat fuq il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, il-ġlieda kontra l-korruizzjoni u fuq riformi ġuridiċi essenzjali. Il-Ministri saħqu fuq l-impenn konġunt tagħhom li jieħdu azzjoni ulterjuri fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u jsaħħu ċ-ċibersigurtà. Huma ddiskutew l-isfidi leġiżlattivi u operattivi fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, fejn hemm perspettiva ta’ titjib fil-kooperazzjoni kemm fil-livelli reġjonali kif ukoll dawk internazzjonali u biex ikomplu b’azzjoni ulterjuri fil-qafas tal-bord dwar l-istat tad-dritt tas-Sħubija tal-Lvant
Fid-19 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin adotta l-konklużjonijiet tal-aspetti esterni tas-sigurtà marittima li enfasizzat ir-rwol tal-UE bħala fornitur marittimu globali u appella għal skambju aħjar tal-informazzjoni, l-iskambju ta’ prattiċi tajba, aktar koordinazzjoni ta’ inizjattivi tal-UE u kooperazzjoni internazzjonali fuq il-baħar fil-konfrontazzjoni tal-isfidi emerġenti u t-theddid fuq il-baħar.
Fis-17 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin iddiskuta l-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali għall-Politika Barranija u ta’ Sigurtà fl-2017-2018. Il-Ministri enfasizzaw il-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ ir-rabta bejn id-dimensjoni interna u esterna fejn tidħol is-sigurtà, il-ħidma kontra t-terroriżmu u kontra t-theddid ibridu. Il-Ministru qablu wkoll dwar żewġ linji addizzjonali għal ħidma ulterjuri dwar il-governanza globali u l-kooperazzjoni reġjonali, inkluż dwar it-tisħiħ tas-sigurtà marittima u t-titjib tas-sigurtà ċibernetika tal-Unjoni.
Fid-19 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-UE ppreżentaw rapport li jagħti rendikont tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Qafas Konġunt tal-Ħidma kontra t-Theddid Ibridu.
Huwa jirrapporta dwar il-progress li sar fir-rigward ta’ 22 azzjoni li jqajmu għafien dwar it-theddid ibridu, jibnu r-reżiljenza kontra dan it-theddid u jħaffu l-pass ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO.
Fil-kuntest tal-isħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO, il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tad-19 ta’ Ġunju 2017 adotta konklużjonijiet dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-ġabra komuni ta’ proposti (42 azzjoni) li qablu magħhom il-Ministri tal-UE u tan-NATO fis-6 ta’ Diċembru 2016. Ir-rapport ta’ progress jissottolinja l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet fl-ambjent strateġiku preżenti fejn l-UE u n-NATO it-tnejn huma ffaċċjati bi sfidi bla preċedenti, u l-ebda organizzazzjoni ma għandha waħedha l-firxa sħiħa ta’ għodod biex tindirizza dawn l-isfidi ta’ sigurtà. Ir-rapport juri li l-attivitajiet taż-żewġ organizzazzjoniiet huma kumplimentari għal xulxin u jgħinu fil-kisba tal-għan komuni. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda kontra t-Theddid Ibridu li għadu kif ġie stabbilit f’Ħelsinki, u l-istabbiliment taċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE kontra t-theddid ibridu kif ukoll l-interazzjoni tagħha mal-Fergħa ta’ Analiżi tat-theddid Ibridu tan-NATO, ikomplu jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO.
IV.
KONKLUŻJONI
Dan ir-rapport jiffoka fuq il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni tiġbed mill-evalwazzjoni komprensiva tal-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà interna, li qiegħda tiġi ppubblikata flimkien ma’ dan ir-rapport. Filwaqt li r-riżultat kumplessiv tal-evalwazzjoni komprensiva huwa pożittiv, u jikkonferma r-relevanza u l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà interna, il-Kummissjoni se tkompli tieħu azzjoni biex tindirizza l-ostakoli u l-lakuni identifikati, billi: (1) ssostni l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri tal-UE, (2) tnaqqas il-kumplessità tal-istrumenti u l-għodod tal-UE, (3) tkompli tibni l-kapaċità fil-livell tal-UE permezz tal-ġabra flimkien tar-riżorsi, u (4) tindirizza theddid li jkun qiegħed jevolvi. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-evalwazzjoni komprensiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u hija tinkoraġġixxi liż-żewġ Istituzzjonijiet biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu biex jeżaminaw il-kostatazzjonijiet tagħha.
Ir-rapport li jmiss dwar l-Unjoni tas-Sigurtà se jiġi ppreżentat f’Settembru 2017.