IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.7.2017
COM(2017) 401 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
L-ERBATAX-IL RAPPORT
ĦARSA ĠENERALI LEJN L-AZZJONIJIET TA' DIFIŻA TAL-KUMMERĊ MINN PAJJIŻI TERZI KONTRA L-UNJONI EWROPEA GĦAS-SENA 2016
{SWD(2017) 277 final}
1.Introduzzjoni
Strumenti għad-difiża tal-kummerċ (TDIs) jikkonsistu fi tliet għodod importanti mfassla speċifikament fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) biex jintlaħaq dan l-għan: l-antidumping, l-antisussidji u s-salvagwardji.
Il-miżuri ta’ antidumping (AD) u ta’ antisussidju (AS) jimmiraw li jikkumpensaw dannu materjali (jew it-theddid tiegħu) kkawżat mill-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping u/jew sussidjati lil industrija domestika, filwaqt li s-salvagwardji (SFG) jipprovdu lil produtturi domestiċi b’serħan temporanju minn żieda mhux prevista u sinifikanti fl-importazzjonijiet. Miżuri ta’ salvagwardja li huma applikati fuq importazzjonijiet minn kull oriġini indifferentement (erga omnes), filwaqt li l-miżuri antidumping u antisussidji huma speċifiċi għall-pajjiż — u anki għal kumpanija.
Kull membru tad-WTO għandu d-dritt li jagħmel użu mill-Istrumenti ta’ Difiża Kummerċjali (TDIs) biex tittieħed azzjoni kontra prattiki kummerċjali inġusti. Madankollu, dan irid isir f’konformità sħiħa mar-regoli tad-WTO, minħabba li użu ħażin tat-TDIs iwassal għal miżuri protezzjonisti illegali u mhux ġustifikati li jkollhom impatt negattiv fuq il-kummerċ globali u l-iżvilupp ekonomiku. L-UE nnifisha hija utent regolari ta’ TDIs (bl-eċċezzjoni tas-salvagwardji), imma għandha approċċ moderat u bilanċjat. L-istandards tal-UE huma saħansitra aktar stretti minn dawk previsti mir-regoli tad-WTO u jipprovdu għal kundizzjonijiet addizzjonali qabel kwalunkwe miżuri li jistgħu jiġu imposti. Dawn l-hekk imsejħa “elementi WTO plus” jinkludu, pereżempju, it-test tal-interess tal-Unjoni obbligatorju li għandu jitwettaq qabel kwalunkwe miżura imposta, biex jiġi vvalutat l-effett tal-impożizzjoni/tan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-ekonomija Ewropea.
Mill-2010, ġiet osservata żieda sinifikanti fl-użu ta’ TDIs minn pajjiżi terzi kontra esportazzjonijiet tal-UE. F’dawn iż-żminijiet ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u domanda staġnata, speċjalment f’ċerti setturi, l-industriji tal-UE b’mod naturali jfittxu swieq oħra għall-produzzjoni tagħhom, inklużi swieq ta’ esportazzjoni. Għaldaqstant huwa kruċjali li dawn l-opportunitajiet ta’ esportazzjoni ma jiġux imfixkla minn miżuri ta' difiża kummerċjali mhux ġustifikati, li jirrestrinġu l-aċċess għas-suq bla bżonn.
L-UE tistenna li s-sħab kummerċjali tagħha wkoll isegwu l-istandards applikabbli tad-WTO fl-użu tagħhom tal-istrumenti u kompliet bl-isforzi tagħha biex tippromwovi l-aħjar prattiki: kull sena l-Kummissjoni torganizza seminar komprensiv ta’ ġimgħa relatat mat-TDI għall-uffiċjali mill-awtoritajiet investigattivi ta’ pajjiżi terzi. 20 uffiċjal minn 6 pajjiżi differenti (l-Eġittu, il-Ġappun, it-Tajlandja, it-Tuneżija, it-Turkija u l-Vjetnam) u s-segretarjat tad-WTO ipparteċipaw fit-taħriġ organizzat f’Novembru 2016. Barra minn hekk, saru laqgħat bilaterali biex jiskambjaw l-aħjar prattiki tal-UE ma’ uffiċjali TDI minn, rispettivament, l-Indoneżja, it-Tajlandja, iċ-Ċina u l-Korea s-sena l-oħra, kif ukoll kuntatti oħra informali ma’ sħab kummerċjali oħra.
Meta pajjiż terz jagħti bidu għal investigazzjoni ta’ difiża kummerċjali kontra l-esportazzjonijiet tal-UE, ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tintervjeni attivament, meta jkun meħtieġ, sabiex tindirizza kwistjonijiet sistemiċi identifikati f’dan il-proċediment u biex tiżgura l-kompatibbiltà mad-WTO. Dan pereżempju jsir permezz ta’ sottomissjonijiet bil-miktub lill-awtorità investigattiva f’pajjiżi terzi iżda wkoll permezz ta’ parteċipazzjoni regolari f’seduti ta’ smigħ, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet u l-interessi tal-esportaturi tal-UE huma rispettati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tintervjeni wkoll fil-kuntest ta’ ftehimiet bilaterali u f’kuntest multilaterali.
Dan ir-rapport jiddeskrivi x-xejriet ġenerali f’attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ minn pajjiżi terzi, li jkollhom impatt negattiv jew li jista’ jkollhom impatt fuq l-esportazzjonijiet tal-UE, il-problemi ewlenin identifikati u r-riżultati miksuba fl-2016. Huwa jagħti wkoll ħarsa ġenerali lejn dak li l-Kummissjoni għamlet fil-monitoraġġ ta’ pajjiż terz b’mod konkret b’analiżi dettaljata għal kull pajjiż u ċifri eżawrjenti fl-Anness.
2.Xejriet ġenerali
2.1.Miżuri fis-seħħ fl-aħħar tal-2016
B’mod simili għall-2015, l-attività tad-difiża tal-kummerċ minn pajjiżi terzi kontra l-industriji tal-UE fl-2016 baqgħet intensa.
Fi tmiem l-2016, kien hemm 156 miżura TDI fis-seħħ li jaffettwaw l-esportazzjonijiet tal-UE, li tirrappreżenta żieda meta mqabbel mal-151 miżura fis-seħħ fi tmiem l-2015. Kif jidher fil-grafika hawn taħt, kien hemm tendenza ta’ żieda fl-għadd ta’ miżuri fis-seħħ li jaffettwaw l-esportazzjonijiet tal-UE sa mill-2010, u l-attività tat-TDI għadha pjuttost importanti.
Għadd totali ta’ miżuri fis-seħħ fl-aħħar tal-2016
Sors: Statistika tad-WTO u tal-UE
Kif jidher fil-grafika ta’ hawn taħt, l-Indja tibqa’ l-aktar utenta attiva ta’ TDIs kontra l-UE, b’total ta’ 24 miżura fis-seħħ fi tmiem l-2016 (19 AD u 5 SFG), b’żieda ta’ 5 miżuri meta mqabbla mal-2015 (19). L-Istati Uniti jsegwu b’21 miżura fis-seħħ, 19 minnhom huma AD (3 aktar milli fl-2015) u 2 huma AS. Iċ-Ċina baqgħet stabbli b’19-il miżura (17 AD u 2 AS) u l-istess għamel il-Brażil, b’15-il miżura, kollha AD.
Miżuri fis-seħħ fl-aħħar tal-2016 skont il-pajjiż Sors: Statistika tad-WTO u tal-UE
Skont it-tip ta’ strument, minn total ta’ 156 miżura fis-seħħ, 116 huma AD, 5 huma AS u 35 huma SFG (ta’ min ifakkar li l-miżuri SFG mhumiex speċifiċi għal kull pajjiż, u b’hekk dawn mhux kollha neċessarjament jolqtu l-esportazzjonijiet mill-UE).
B’mod aktar speċifiku dwar is-salvagwardji, l-aktar utenti importanti fl-2016 kienu l-Indoneżja (7), bl-ogħla għadd ta’ miżuri fis-seħħ, segwit mill-Indja (5) u erba’ pajjiżi oħra tal-Asja: Il-Malasja, il-Filippini, it-Tajlandja, u l-Vjetnam (3 kull wieħed).
2.2.Investigazzjonijiet ġodda miftuħa fl-2016
F’termini ta’ investigazzjonijiet ġodda, l-2016 rat tnaqqis konsiderevoli: il-pajjiżi terzi kollha flimkien fetħu total ta’ 30 każ ġdid kontra l-UE, 7 anqas mill-2015. Dan huwa prinċipalment minħabba xejra ta’ tnaqqis fl-għadd ta’ investigazzjonijiet ġodda SFG, li niżel minn 18 fl-2015 għal 12 fl-2016 (-6). L-għadd ta’ investigazzjonijiet tal-AD u AS baqa’ relattivament stabbli meta mqabbel mal-2015, jiġifieri 18-il AD ġdid u l-ebda AS ġdid.
Ta’ min wieħed jinnota li, fost il-pajjiżi kollha, l-Indja hija dik li fetħet l-akbar numru ta’ investigazzjonijiet ġodda (5, li minnhom 4 huma AD), li jreġġgħu lura x-xejra li kellha fl-2015, meta l-ebda każ AD ma nbeda.
F’termini ta’ setturi, bħal fl-2015, ix-xejra li qed tikber ta’ każijiet tal-azzar ġodda mibdija minn pajjiżi terzi kontra l-UE ippersistit matul l-2016. Kif muri fil-grafika ta’ hawn taħt, il-proporzjon ta’ investigazzjonijiet ġodda tal-azzar qabeż l-għadd totali ta’ każijiet fis-setturi l-oħra kollha. Fil-fatt, fl-2016, 17 mit-30 investigazzjoni ġdida kontra l-UE, kienu jikkonċernaw prodotti tal-azzar. Mill-2015, is-settur tal-azzar madwar id-dinja spiss kien soġġett għal investigazzjonijiet u miżuri ta’ difiża kummerċjali. Dan huwa prinċipalment minħabba kapaċità żejda u l-produzzjoni żejda fiċ-Ċina li tirriżulta f’livelli sinifikament għolja ħafna ta’ esportazzjonijiet bi prezzijiet li huma oġġett ta’ dumping. Għalkemm ma hemm l-ebda kapaċità żejda tal-produzzjoni tal-azzar fl-UE, l-industriji tal-UE huma wkoll spiss fil-mira ta’ miżuri ta’ kummerċ imposti minn pajjiżi terzi kontra importazzjonijiet tal-azzar. Dan huwa partikolarment il-każ ta’ SFG, li huma applikabbli irrispettivament mill-pajjiż ta’ oriġini. Madankollu, l-industriji tal-UE huma wkoll xi kultant inklużi minn pajjiżi terzi fl-ambitu ta’ investigazzjonijiet tal-AD li b’xi mod ieħor jibqgħu l-oġġett fil-mira l-aktar ta’ prodotti tal-azzar li jkunu ġejjin mill-Asja.
L-UE nnifisha fetħet ukoll għadd ta’ każijiet u miżuri imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar. Sabiex tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi fis-settur, l-UE daħħlet fis-seħħ mekkaniżmu ta’ “sorveljanza tal-azzar”: dan jimplika monitoraġġ regolari tax-xejriet fl-importazzjonijiet li jheddu li jikkaġunaw dannu lill-produtturi tal-azzar tal-UE.
Investigazzjonijiet ġodda kontra l-UE fis-setturi tal-azzar u oħrajnSors: Statistika tad-WTO u tal-UE
2.3.Il-miżuri imposti fl-2016
Total ta’ 30 miżura ġdida fl-2016 ġew imposti minn pajjiżi terzi fuq l-esportazzjonijiet tal-UE. Dan jirrappreżenta tnaqqis sinifikanti meta mqabbel mal-2015 (37) b’mod partikolari l-għadd ta’ miżuri ta’ salvagwardja, li niżel minn 15 għal 10. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni Ewropea hija attiva ħafna fil-promozzjoni ta’ użu ġust tat-TDIs min-naħa tas-sħab kummerċjali tagħha, speċjalment meta niġu għal SFG.
Rigward il-miżuri AD u AS imposti, iċ-ċifri juru tendenza ġenerali stabbli. Meta mqabbel mal-2015 (21), is-sena li għaddiet kien hemm tnaqqis żgħir fl-għadd totali ta’ miżuri ta’ AD imposti (19), iżda xi pajjiżi imponew aktar miżuri milli kien hemm fl-2015: l-Istati Uniti u l-Indja imponew rispettivament 5 u 3 miżuri tal-AD, filwaqt li fl-2015 kienu imposti miżuri biss f’każ wieħed kull wieħed. Min-naħa l-oħra, il-Brażil kellu tendenza bil-maqlub: impona biss miżuri AD f’każ 1, filwaqt li, fl-2015, huwa impona miżuri fi 8 każijiet. Miżura waħda biss AS kienet ġiet imposta s-sena li għaddiet mill-Istati Uniti, l-istess bħal fl-2015.
3.Kwistjonijiet rikorrenti
3.1.Kontra ċ-ċirkomvenzjoni
Fl-2016, l-għadd ta’ każijiet minn pajjiżi terzi kontra l-UE li jinvolvu tħassib dwar ċirkomvenzjoni kompla jkun sinifikanti. Bħal fl-2015, is-sena li għaddiet kien hemm total ta’ 5 każijiet li jinvolvu ċirkomvenzjoni: It-Turkija kellha 3 miżuri fis-seħħ (2 fuq drappijiet minsuġa mill-Bulgarija u l-Polonja u 1 dwar plajwudd mill-Bulgarija, b’dawn tal-aħħar ikunu imposti f’Ottubru) u nbdiet investigazzjoni 1 ġdida (ċappetti mill-Greċja, Spanja u l-Italja), u oħra kienet mibdija mill-Arġentina (karta miksija mill-Finlandja).
Ċirkomvenzjoni tirreferi għal prattiki illegali bħal trasbord, dikjarazzjoni ħażina tal-oriġini, il-prodott, il-modifika jew l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, li jkollhom l-għan li jevitaw il-pagament ta’ dazji AD jew AS. Meta tinstab ċirkomvenzjoni, il-miżuri AD jew AS eżistenti jistgħu jiġu estiżi għal pajjiżi terzi mhux soġġetti għall-miżuri (iżda ta’ spiss ġeografikament qribha) fejn isseħħ l-attività ta’ ċirkomvenzjoni, jew prodott kemm kemm immodifikat. Peress li fil-preżent m’hemmx regoli uniformi fil-ftehimiet tad-WTO rigward ċirkomvenzjoni u minħabba l-fatt li din tista’ ssir problematika meta l-miżuri kontra ċ-ċirkomvenzjoni jaqbdu produtturi ġenwini, dan huwa qasam sensittiv li l-Kummissjoni qed tissorvelja mill-qrib.
3.2.Drittijiet tad-difiża
Element ewlieni f’kull investigazzjoni tat-TDI huwa d-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet. Huwa f’idejn l-awtoritajiet investigattivi li jiżguraw li fajl mhux kunfidenzjali importanti hu disponibbli għal konsultazzjoni. Dan il-fajl għandu jeskludi s-sigrieti tan-negozju u jippreżenta informazzjoni magħżula f’forma ta’ indiċi jew firxiet biex il-partijiet kollha jkunu jistgħu jkollhom stampa sħiħa tas-sitwazzjoni. Sfortunatament, f’ħafna investigazzjonijiet (b’mod partikolari dawk bi ftit ilmentaturi jew wieħed biss), bilkemm tingħata informazzjoni fil-fajl mhux kunfidenzjali, jew tkun sempliċement mgħottija. Dan in-nuqqas ta’ informazzjoni jagħmilha impossibbli għall-partijiet biex wieħed jifhem iċ-ċirkustanzi tal-każ u biex jiddefendu lilhom infushom. F’tali każijiet il-Kummissjoni tintervjeni sistematikament, u tinsisti fuq aktar trasparenza matul il-proċedimenti.
3.3.Id-dannu u r-rabta ta’ kawżalità
L-investigazzjonijiet għandhom jirriżultaw f’miżuri biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha rilevanti tad-WTO b’mod strett; sfortunatament, dan mhux dejjem ikun il-każ. B’mod partikolari, il-Kummissjoni sikwit kellha tħabbat wiċċha ma’ analiżi inadegwata meta l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità ċara bejn l-importazzjonijiet dumped allegati u d-dannu li sofriet l-industrija domestika kienet ferm inċerta. Meta r-rabta bejn dawn it-tnejn ma tistax tiġi stabbilita, anki meta jirriżulta li tkun saret ħsara, m’hemmx raġuni suffiċjenti biex timponi kwalunkwe miżura skont ir-regoli tad-WTO. Huwa importanti li wieħed jiftakar li jista’ jkun hemm ħafna raġunijiet għalfejn l-industrija domestika ġarrbet dannu: l-użu ineffiċjenti tal-kapaċità tagħha, tnaqqis fid-domanda domestika, jew żieda tal-prezzijiet tal-materja prima u tal-enerġija, fost oħrajn. Kwalunkwe dannu minn dawn il-fatturi l-oħra ma jistax jiġi attribwit għall-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping u li jistgħu jkissru r-rabta ta' kawżalità. Il-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għall-analiżi ta’ dannu u r-rabta ta’ kawżalità f’pajjiż terz, minħabba li mingħajr rabta ta’ kawżalità, kwalunkwe miżura tmur lil hinn mir-rimedju tad-dannu kkawżata minn importazzjonijiet dumped/issussidjati u tista’ faċilment tinbidel fi protezzjoniżmu.
3.4.L-użu dubjuż ta’ salvagwardji
Kif spjegat qabel, salvagwardja hija l-aktar strument restrittiv tal-kummerċ, peress li tapplika għall-importazzjonijiet kollha indipendentement mill-oriġini tagħhom. Hu għalhekk li għandha tiġi użata f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, biex tordna temporanjament il-protezzjoni tal-industrija domestika minn żieda qawwija u mhux mistennija fl-importazzjonijiet. Għalkemm l-użu ta’ SFG beda jonqos fl-2016, il-Kummissjoni tkompli tintervjeni b’mod sistematiku fi kważi l-investigazzjonijiet kollha, peress li ħafna ma jidhrux li jirrispettaw ir-regoli stretti previsti skont il-Ftehim dwar is-Salvagwardji tad-WTO. Ħafna investigazzjonijiet SFG jirreferu għal importazzjonijiet li qegħdin joriġinaw f’pajjiż wieħed biss, u b’hekk l-istrumenti AD jew AS ikunu aktar xierqa sabiex ikun hemm reazzjoni aktar fil-mira għall-problema, mingħajr ma jillimitaw bla bżonn l-aċċess għas-suq. Fl-2016, dan kien il-każ b’mod partikolari fix-Xlokk tal-Asja, fejn investigazzjonijiet SFG kienu immirati lejn il-protezzjoni tas-swieq domestiċi tal-azzar kontra żieda fl-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar prinċipalment miċ-Ċina.
4.Kisbiet ewlenin
Iċ-Ċina — It-tmiem ta’ miżuri AD wara rapport tal-AB tad-WTO
Fit-22 ta’ Awwissu 2016 iċ-Ċina temmet il-miżuri AD fuq ċerti tubi mingħajr saldaturi tal-azzar inossidabbli u ta’ prestazzjoni għolja li joriġinaw mill-UE u l-Ġappun. Din id-deċiżjoni tirrappreżenta l-implimentazzjoni tal-Korp tal-Appelli tad-WTO (AB) ta’ Ottubru 2015, li kkonkludiet li l-miżuri AD imposti miċ-Ċina fl-2012 kienu bi ksur tar-regoli tad-WTO (ara wkoll taħt punt 5 hawn taħt). Dan il-każ huwa eżempju ta’ miżuri TDI Ċiniżi mhux ġustifikati, li kienu mmotivati minn ritaljazzjoni u ma kinux f’konformità mar-regoli tad-WTO. Il-każ inbeda ftit wara l-każ tal-UE kontra l-importazzjonijiet tal-azzar Ċiniżi. L-AB tad-WTO sabet b’mod partikolari li l-Ministeru tal-Kummerċ Ċiniż ma wettaqx analiżi segmentata tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq l-industrija domestika Ċiniża, u b’hekk naqsu milli jiżguraw li d-dannu kkawżat minn fatturi oħra ma kienx attribwit lill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping; hija kkonstatat ukoll li l-partijiet interessati ma kinux permessi li jeżerċitaw kif jixraq id-drittijiet tagħhom ta’ difiża.
L-Awstralja — Tnaqqis tad-dazji għall-produtturi esportaturi ta’ tadam ipproċessat
Fl-2013, l-awtoritajiet Awstraljani fetħu investigazzjoni AD fir-rigward ta' prodotti tat-tadam ipproċessat mill-Italja (l-esportazzjonijiet tal-UE ta’ dan il-prodott lejn l-Awstralja ammontaw għal total ta’ EUR 48 miljun). Wara bosta interventi, l-investigazzjoni għal żewġ esportaturi ewlenin, li jirrappreżentaw madwar 45 % tal-esportazzjonijiet totali tal-UE, ġiet mitmuma għax ma nstabet l-ebda evidenza ta’ dumping. Id-dazji għall-esportaturi l-oħra li kienu qed jikkooperaw kienu relattivament baxxi (medja ta’ 4 %).
Fl-2015, l-Awstralja nediet investigazzjoni AD ġdida rigward żewġ produtturi esportaturi li fir-rigward tagħhom l-investigazzjoni preċedenti kienet ġiet itterminata. Minkejja bosta interventi tekniċi u politiċi f’diversi livelli, kmieni fl-2016, l-awtoritajiet Awstraljani imponew miżuri li jvarjaw minn 4,5 % sa 8,4 %. Dawn il-miżuri kienu bbażati fuq metodoloġija li l-applikazzjoni tagħha twassal għal preokkupazzjonijiet sistemiċi serji, peress li b’mod indirett sfidat il-pagamenti tal-”kaxxa ħadra” agrikolturali tal-UE (li huma permessi skont ir-regoli tad-WTO) fi ħdan il-qafas ta’ investigazzjoni AD. F’April 2016, fuq talba ta’ kumpaniji u awtoritajiet Taljani, il-Bord ta’ Rieżami Awstraljan tal-Antidumping ta bidu għal rieżami tal-miżuri. Il-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mal-industrija, intervjena fil-pront fil-proċedura, li kienet turi li l-prezz ta’ tadam ta’ materja prima mixtri minn żewġ esportaturi ma kienx influwenzat mill-pagamenti “kaxxa ħadra” tal-UE. B’konsegwenza ta’ dan, m’għandux ikun hemm xi aġġustamenti fl-ispejjeż, li rriżultaw f’marġini artifiċjalment għoli ta’ dumping. Dan l-argument rebaħ u, fil-5 ta’ Jannar 2017, l-awtoritajiet Awstraljani naqqsu l-livell ta’ dazju applikabbli għaż-żewġ produtturi esportaturi (sa 0 % għal esportatur wieħed u sa 4,6 % għall-ieħor), filwaqt li rrikonoxxew li l-metodoloġija tal-aġġustament tal-ispejjeż ma kinitx xierqa.
B’mod parallel, f’Mejju 2016, ġie mibdi wkoll rieżami interim limitat għall-produtturi esportaturi oħra diġà soġġetti għall-miżuri mill-awtoritajiet Awstraljani, sabiex tiġi applikata l-metodoloġija tal-aġġustament tal-ispiża li inizjalment kienet applikata għal żewġ kumpaniji Taljani bl-għan li jiżdiedu wkoll il-marġnijiet ta’ dumping tagħhom. Iżda f’Jannar 2017, wara r-rieżami metodoloġiku ppreżentat miż-żewġ esportaturi Taljani (li ġie deskritt hawn fuq), il-Kumitat Awstraljan AD rieżamina l-konklużjonijiet tiegħu u ddeċieda li ma jibqax japplika l-metodoloġija tal-aġġustament tal-ispiża u biex jonqsu r-rati tad-dazju għall-esportaturi kollha kkonċernati.
Il-Brażil — Tmiem ta’ investigazzjoni AD fuq magni tal-X-ray mingħajr impożizzjoni ta’ miżuri
Fi Frar 2017, il-Brażil waqqaf investigazzjoni AD kontra l-importazzjonijiet ta’ magni dentali tal-X-ray mill-Ġermanja (l-esportazzjonijiet tal-UE ta’ dan il-prodott lejn il-Brażil kienu ta’ madwar EUR 5 miljuni). Fid-dawl tal-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni u l-industrija (tliet interventi li jindirizzaw nuqqasijiet serji li għandhom x’jaqsmu mal-analiżi ta’ volum u l-effetti fuq il-prezzijiet, dannu u rabta ta’ kawżalità), id-Dipartiment Brażiljan ta’ Rimedji Kummerċjali (DECOM) biddel id-determinazzjoni preliminari tiegħu, u kkonkluda li l-industrija domestika ma ġarrbitx dannu mill-importazzjonijiet investigati.
It-Turkija — Forma inqas restrittiva ta’ miżuri SFG
It-Turkija imponiet miżuri SFG fuq l-importazzjonijiet ta’ karta tal-ħajt, inkluża dik ta’ oriġini tal-UE (l-esportazzjonijiet tal-UE ta’ dan il-prodott lejn it-Turkija kienu ta’ madwar EUR 13-il miljun). Il-Kummissjoni intervjeniet f’bosta livelli, inkluż matul il-Kumitat SFG tad-WTO f’Ġinevra. Wara kuntatti estensivi, f’April 2017 l-awtoritajiet Torok eventwalment qablu li titwaqqaf kwota tariffarja li tapplika minn Awwissu 2016, li illimitat b’mod konsiderevoli l-impatt ekonomiku negattiv fuq l-esportaturi tal-UE.
Il-Marokk — Forma inqas restrittiva ta’ miżura SFG
Il-Kummissjoni intervjeniet mill-bidu fil-Marokk fil-każ SFG dwar il-karta f’rukkelli u riżmi (l-esportazzjonijiet tal-UE ta’ dan il-prodott lejn il-Marokk kienu ta’ madwar EUR 20 miljun). L-analiżi tad-dannu u tar-rabta ta’ kawżalità kienu inkonklużivi u l-uniku produttur domestiku deher li kellu problemi ta’ kwalità, kwantità disponibbli u żmien ta’ konsenja. Tnaqqis ta’ dazju ad valorem imbagħad ġie propost, iżda l-isforzi konġunti tal-Kummissjoni u tal-industrija u diversi interventi rriżultaw f’rata ta’ kwota tariffarja inqas restrittiva għall-esportaturi tal-UE.
It-Tuneżija — In-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri fi tliet investigazzjonijiet SFG
It-Tuneżija tat bidu għal tliet investigazzjonijiet SFG f’dawn l-aħħar snin: fliexken tal-ħġieġ u fibre board fl-2014 u madum taċ-ċeramika fl-2015 (l-esportazzjonijiet tal-UE ta’ dawn it-tliet prodotti lit-Tuneżija ta’ madwar EUR 70 miljun). Il-Kummissjoni intervjeniet b’mod qawwi, hekk kif it-tliet każijiet kollha nbdew fuq raġunijiet dgħajfa ħafna. B’mod partikolari, l-industrija domestika ma kinitx qed tbati minn dannu serju: id-diffikultajiet ġew ikkawżati minn fatturi oħra, bħal pereżempju żieda fil-prezzijiet tal-materja prima u l-prezzijiet tal-enerġija. Wara l-interventi mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-industrija, l-impożizzjoni ta’ miżuri ġiet evitata s’issa. Il-Kummissjoni tkompli teżerċita pressjoni sabiex jingħalqu dawn l-investigazzjonijiet ukoll formalment.
L-Eġittu — Terminazzjoni ta’ investigazzjoni SFG mingħajr impożizzjoni ta’ miżuri
L-investigazzjoni SFG rigward l-importazzjonijiet ta’ polietilentereftalat (PET) tnediet f’Diċembru 2015. Il-Kummissjoni intervjeniet diversi drabi biex tenfasizza nuqqasijiet sinifikanti. B’mod partikolari, l-industrija kienet f’fażi ta’ bidu u, wara li nbdiet il-produzzjoni, l-importazzjoni ma żdiditx, iżda fil-fatt naqset. Barra minn hekk, ħafna indikaturi wrew xejra pożittiva, speċjalment fir-rigward tas-sehem mis-suq (il-produtturi kienu laħqu 60 % f’sena waħda biss ta’ produzzjoni), u kwalunkwe diffikultà li l-applikant kien qed jesperjenza kienet relatata fil-fażi tal-bidu, mhux għal żieda fl-importazzjonijiet. L-investigazzjoni ntemmet mingħajr miżuri f’Awwissu tal-2016.
It-Turkija — Terminazzjoni mingħajr miżuri ta’ żewġ investigazzjonijiet SFG
F’żewġ każijiet SFG, azzar b'laminazzjoni termali u telefowns ċellulari, wara bosta sottomissjonijiet mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-industrija, l-awtoritajiet Torok finalment irrikonoxxew li l-ilmenti ma kinux fundati. Konsegwentement, iż-żewġ investigazzjonijiet intemmu mingħajr l-impożizzjoni ta’ dazji.
L-Afrika t’Isfel — Inqas miżuri SFG fuq tiġieġ iffriżat
F’Diċembru 2016, l-Afrika t’Isfel imponiet dazji SFG provviżorji ta’ 13,9 % (ad valorem) fuq tiġieġ iffriżat (l-esportazzjonijiet tal-UE ta’ dan il-prodott lejn l-Afrika t’Isfel kienu ta’ madwar EUR 200 miljun). L-istess prodott diġà ġie soġġett għal miżuri AD mill-2015. Wara diversi interventi mill-Kummissjoni, id-dazju provviżorju impost kien konsiderevolment aktar baxx minn dak inizjalment propost mill-applikant. Iżda l-każ għadu għaddej u, fil-mument ta’ dan ir-rapport, iż-żewġ dazji kienu għadhom qed jiġu applikati b’mod kumulattiv.
New Zealand — Tmiem il-miżuri AD fuq ħawħ ippreservat Spanjol
Fl-2016, New Zealand tat bidu għal rieżami ta’ skadenza tal-miżuri AD imposti fl-2011 fuq importazzjonijiet ta’ ħawħ ippreservat minn Spanja. Madankollu, anki wara l-interventi mill-Kummissjoni, f’Marzu 2017 l-awtoritajiet ta’ New Zealand ikkonkludew li d-dazji ma kinux aktar meħtieġa u għalhekk ġew mitmuma.
5.Attività tad-WTO
Il-Kummissjoni hija attiva fid-WTO sabiex tiddefendi l-interessi tal-UE f’każijiet speċifiċi u sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tal-liġi tad-WTO. Jekk miżuri TDI meħuda minn membri oħra huma kkunsidrati li jiksru r-regoli tad-WTO, il-Kummissjoni tista’ tikkontestahom u titlob it-twaqqif ta’ Bord.
Dan kien il-każ tal-miżuri AD imposti mir-Russja kontra importazzjonijiet ta’ vetturi kummerċjali ħfief (LCV) (DS479), li għaliha inħareġ rapport tal-Bord f’Jannar 2017 (il-każ kien imsemmi fir-Rapport Annwali tas-sena l-oħra). Il-Bord iddikjara dawn id-dazji bħala li qed jiksru r-regoli tad-WTO, bi qbil mal-UE fuq pretensjonijiet proċedurali u rrikonoxxa diversi problemi bl-analiżi magħmula mir-Russja, b’mod partikolari peress li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kapaċità żejda massiċċa fis-settur tal-LCVs domestiku. Fi Frar 2017 madankollu, il-Federazzjoni Russa appellat ir-rapport tal-Bord f’isem l-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ każ ieħor imsemmi wkoll is-sena li għaddiet, jiġifieri l-miżuri AD imposti miċ-Ċina fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tubi tal-azzar (DS460), wara d-deċiżjoni tal-Korp tal-Appell fir-rapport ta’ Ottubru 2015, fit-22 ta’ Awwissu 2016 iċ-Ċina implimentat ir-rakkomandazzjoni tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO (DSB) u temmet il-miżuri.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni attivament tintervjeni bħala parti terza fi proċedimenti tad-WTO li jinvolvu membri oħra tad-WTO, bl-għan li jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ tħassib sistemiku u għas-sorveljanza u l-promozzjoni ta’ standards ogħla f’investigazzjonijiet tad-difiża kummerċjali madwar id-dinja.
Fl-2016, il-Kummissjoni intervjeniet, fost oħrajn, f’żewġ tilwimiet tal-WTO (DS464: L-Istati Uniti — miżuri AD u AS għal woxers kbar mill-Korea, u DS471: L-Istati Uniti — Ċerti metodoloġiji u l-applikazzjoni tagħhom għal proċedimenti AD li jinvolvu ċ-Ċina), fejn il-metodoloġija biex jiġi stabbilit id-dumping immirat u l-applikazzjoni tal-azzerar mill-Istati Uniti f’investigazzjonijiet tal-AD ġew ikkontestati. Rapporti tal-Korp tal-Appell maħruġa fiż-żewġ każijiet huma ta’ interess partikolari għall-UE, peress li din il-metodoloġija, li tgħolli artifiċjalment il-marġnijiet ta’ dumping, hi użata mill-Istati Uniti wkoll f’każijiet kontra importazzjonijiet mill-UE.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tipparteċipa b’mod regolari fil-kumitati rilevanti tad-WTO f’Ġinevra. Fil-Kumitati tal-Antidumping u ta’ Kontra s-Sussidji, l-azzjonijiet meħuda mill-Membri l-oħra tad-WTO jiġu diskussi u eżaminati fil-kuntest tal-eżerċizzji ta’ rappurtar ta’ kull sitt xhur u ta’ kull xahar lid-WTO. Il-Kummissjoni tintervjeni b’mod sistematiku u tqajjem każijiet individwali wkoll fil-qafas tal-Kumitat ta’ Salvagwardja, minħabba l-użu intensiv ta’ dan l-istrument, li hija kawża ta’ tħassib kbir. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipparteċipa fi grupp ta’ diskussjoni aktar ġenerali dwar kwistjonijiet ta’ salvagwardja, li l-objettiv ewlieni tiegħu huwa li jkun hemm skambju ta’ fehmiet dwar il-prattiki rispettivi tal-membri tad-WTO.
6.Konklużjoni
L-informazzjoni u d-dejta ppreżentata f’dan ir-rapport turi li matul l-2016 l-attività għad-difiża tal-kummerċ kontra l-UE baqgħet intensa u ħtieġet sforzi konsiderevoli min-naħa tas-servizzi tal-Kummissjoni. Minkejja li l-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon l-għadd li qed jonqos ta’ investigazzjonijiet ġodda u miżuri kontra l-UE, speċjalment fir-rigward tas-salvagwardji, għandu jiġi nnotat li l-għadd totali ta’ miżuri attwalment fis-seħħ żdied meta mqabbel mal-2015, u laħaq livell partikolarment għoli.
Is-sena li għaddiet kienet ikkaratterizzata wkoll minn żieda fil-kumplessità tal-każijiet inkwistjoni minħabba diversi fatturi bħall-kapaċitajiet żejda globali tal-azzar u l-kuntest politiku f’xi pajjiżi terzi fejn il-miżuri tat-TDI jistgħu jiksbu konnotazzjoni protezzjonista. Barra minn hekk, produtturi fi Stati Membri tal-UE li qed jaffaċċaw sfidi fis-suq intern qed ifittxu swieq tal-esportazzjoni sabiex jilħqu l-objettivi tat-tkabbir u tal-impjiegi u għaldaqstant huma ta’ spiss soġġetti għal miżuri għad-difiża tan-negozju (TDI) ta’ pajjiżi terzi.
L-approċċ tal-Kummissjoni fil-konfront tal-attività TDI kontra l-industriji tal-UE minn pajjiżi terzi huwa li jkun hemm interventi b’mod sistematiku matul proċedimenti li għaddejjin billi jsiru interventi tekniċi; iżda jaħdem ukoll biex jibni djalogu kostruttiv ma’ servizzi tat-TDI tal-imsieħba kummerċjali tagħha. Dan għandu jikkontribwixxi lejn l-iżvilupp ta’ awtoritajiet investigattivi infurmati sew, li huma aktar konxji dwar l-importanza ta’ konformità mar-regoli tad-WTO fit-twettiq ta’ investigazzjonijiet dwar difiża kummerċjali f’pajjiżhom stess.
F’dawn l-aħħar snin, minħabba l-esperjenza miksuba matul iż-żmien, interventi tekniċi tal-Kummissjoni kellhom impatt dejjem akbar. Dan, flimkien ma’ interventi politiċi u kuntatti formali u informali ma’ pajjiżi terzi, wassal għal għadd ta’ kisbiet importanti. Madankollu, ħafna mill-kwistjonijiet li nqalgħu fil-passat għadhom jippersistu.
Barra minn hekk, minħabba li qed isiru dejjem aktar kumplessi u spiss jiġu politiċizzati fl-ambjent kummerċjali globali, għandha tkun mistennija żieda fl-użu ta’ TDIs. F’dan il-kuntest diffiċli, il-Kummissjoni se tikkonċentra l-isforzi tagħha b’tali mod li l-“użu” ma jinbidilx f’“użu ħażin” ta’ TDIs. Interazzjoni mill-qrib mal-industrija tal-UE, il-kumpaniji u l-Istati Membri individwali tal-UE, kif ukoll id-djalogi bilaterali u l-iskambju tal-aħjar prattiki ma’ pajjiżi terzi, jaqdu rwol ewlieni għall-isforzi tal-Kummissjoni.
Il-kummerċ globali, li qed jiġi kontinwament liberalizzat u li joffri opportunitajiet importanti għall-partijiet interessati, jista’ jaħdem biss fuq termini ġusti. Id-difiża tal-kummerċ tiżgura kundizzjonijiet ġusti prevalenti. F’dak is-sens, huwa parti integrali tal-politika kummerċjali tal-UE, kif ukoll ta' sħab importanti oħrajn tal-kummerċ.
* * *