IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.7.2017
COM(2017) 383 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Il-ġlieda kontra l-frodi
Rapport Annwali 2016
{SWD(2017) 266 final}
{SWD(2017) 267 final}
{SWD(2017) 268 final}
{SWD(2017) 269 final}
{SWD(2017) 270 final}
4.4.1.3.
Riżultati mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi
5.
Irkupru u miżuri preventivi u korrettivi oħra
6.
Kooperazzjoni mal-Istati Membri
7.
Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u Esklużjoni (EDES)
8.
Segwitu tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - Il-ġlieda kontra l-frodi – ir-Rapport Annwali tal-2015
9.
Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet
9.1.
Dħul
9.2.
Nefqa
9.3.
Is-snin li ġejjin
ANNESS 1 — Irregolaritajiet irrapportati bħala frodulenti fl-2016
ANNESS 2 — Irregolaritajiet mhux irrapportati bħala frodulenti fl-2016
Sommarju eżekuttiv
Ir-Rapport Annwali tal-2016 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (ir-Rapport PIF) huwa ppreżentat mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-Istati Membri skont l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Ir-rapport ikopri l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi u jippreżenta r-riżultati tagħhom. It-Trattat jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, u jippermetti t-teħid ta' miżuri speċifiċi sabiex tingħata protezzjoni ekwivalenti u effettiva tal-interessi finanzjarji tal-UE. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE minn nefqa mhux dovuta jew irregolari u minn evażjoni ta’ dazji doganali jew imposti oħra, l-aktar permezz ta’:
(a)azzjonijiet preventivi;
(b)azzjonijiet investigattivi;
(c)mekkaniżmi korrettivi;
(d)miżuri repressivi.
Meta l-analiżi ta' din l-informazzjoni tkun identifikat problemi jew riskji, isiru rakkomandazzjonijiet sabiex jiġu indirizzati dawk il-kwistjonijiet.
Miżuri ta' kontra l-frodi fil-livell tal-UE
Fl-2016, ittieħdu għadd kbir ta' miżuri sabiex jittejjeb il-qafas legali u amministrattiv għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE:
·il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni laħqu ftehim politiku dwar proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali;
·fin-nuqqas ta' unanimità dwar it-twaqqif ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), fil-bidu tal-2017, għadd kbir ta' Stati Membri ddeċidew li jipproċedu bih f'koperazzjoni msaħħa;
·il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF;
·in-netwerk tas-Sħab Ewropej Kontra l-Korruzzjoni (EPAC)/in-Netwerk Ewropew ta' Punti ta' Kuntatt kontra l-korruzzjoni (EACN) adottaw id-Dikjarazzjoni ta' Riga, bl-għan li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
·sittax-il dipartiment tal-Kummissjoni aġġornaw l-Istrateġija tagħhom Kontra l-Frodi;
·L-OLAF innegozja b'suċċess dispożizzjonijiet kontra l-frodi fi ftehimiet internazzjonali tal-UE;
·il-Programm ta’ Finanzjament Hercule III jgħin sabiex tissaħħaħ il-kapaċità operazzjonali u amministrattiva tad-dwana u awrtoritajiet oħrajn tal-Istati Membri.
Fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit tal-UE, sar progress sinifikanti fl-2016 biex ikomplu jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE:
·Is-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u Esklużjoni (EDES) biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE bdiet tapplika fl-1 ta' Jannar 2016;
·il-Kummissjoni pproponiet li tirrevedi r-Regolament Finanzjarju u r-regoli finanzjarji settorjali speċifiċi (permezz tar-Regolament “Omnibus”) bl-għan li tissimplifikahom u tagħmilhom aktar flessibbli;
·ġew żviluppati dokumenti ta’ gwida importanti fi ħdan il-qafas tal-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni ta’ Frodi (COCOLAF).
Fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit, il-miżuri li ttieħdu fl-2016 komplew jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE:
·ir-Regolament 515/97 rivedut dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka fid-dwana jipprevedi żewġ bażijiet tad-data ċentralizzati li jinkludu informazzjoni dwar il-moviment tal-kontejners u dwar prodotti li jidħlu, joħorġu u jgħaddu mill-UE;
·l-avviżi ta’ għajnuna reċiproka maħruġa wara Operazzjonijiet Doganali Konġunti mwettqa mill-OLAF baqgħu sors importanti ta’ informazzjoni għall-identifikazzjoni ta’ irregolaritajiet fit-tranżazzjonijiet li jinvolvu ċerti tipi ta’ prodotti;
·il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu fil-prodotti tat-tabakk baqgħet prijorità għolja għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri;
·il-Kummissjoni adottat pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT Lejn żona unika tal-VAT fl-UE — Iż-żmien biex niddeċiedu, filwaqt li stabbiliet miżuri biex tindirizza d-diskrepanza tal-VAT u ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi.
Miżuri kontra l-frodi meħuda mill-Istati Membri
L-Istati Membri rrappurtaw l-adozzjoni ta’ 80 miżura ewlenija sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji u l-ġlieda kontra l-frodi tal-UE. L-Istati Membri ġew mistiedna jirrappurtaw massimu ta’ tliet miżuri kontra l-frodi. Dawn il-miżuri, li jkopru ċ-ċiklu sħiħ kontra l-frodi, prinċipalment jirrelataw mal-fondi taħt ġesjtoni kondiviża u jkopru l-oqsma li ġejjin:
·akkwist pubbliku;
·kriminalità organizzata u korruzzjoni;
·kunflitti ta’ interess;
·AFCOS;
·id-definizzjoni ta’ frodi;
·l-istrateġija kontra l-frodi;
·il-ġlieda kontra l-kuntrabandu;
·l-informaturi.
Sat-tmiem tal-2016, disa’ Stati Membri adottaw Strateġija Nazzjonali Kontra l-Frodi. Żewġ Stati Membri oħra adottaw l-istrateġija tagħhom fil-bidu tal-2017.
L-akkwist pubbliku kien ukoll is-suġġett ta’ bosta miżuri meħuda, peress li l-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttivi 2014 fil-liġi nazzjonali tagħhom sa April 2016.
L-Istati Membri rrappurtaw l-adozzjoni ta’ miżuri kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, kif ukoll miżuri orizzontali oħrajn li jimmiraw lejn rifuġji fiskali, l-introduzzjoni ta’ għodod elettroniċi għall-proċedimenti kriminali, it-twettiq ta’ taħriġ kontra l-frodi u sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-frodi.
Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-Istati Membri rrappurtaw dwar l-għadd u n-natura ta’ miżuri meħuda sabiex isir segwitu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-2015. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jqisu r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ din is-sena b’mod simili.
Identifikazzjoni u rapportar ta ' irregolaritajiet frodulenti u mhux frodulenti li jaffettwaw il-baġit tal-UE
Fl-2016, ġew irrappurtati 19 080 irregolarità (frodulenti u mhux frodulenti) lill-Kummissjoni, li jinvolvu total ta’ madwar EUR 2.97 biljun. Madwar EUR 2.43 biljun jikkonċernaw is-settur tan-nefqa tal-baġit tal-UE.
L-għadd ta’ irregolaritajiet misjuba naqas bi 15 % meta mqabbel mal-2015 u l-valur finanzjarju tagħhom naqas bi 8 %.
Fl-2016, 1 410 irregolarità kienu rrappurtati bħala frodulenti, li jinvolvu EUR 391 miljun, li jkopru kemm in-nefqa kif ukoll id-dħul.
Informazzjoni dwar irkupru, korrezzjonijiet finanzjarji u miżuri oħra preventivi u korrettivi ser tingħata fir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni, li mill-2016 jinkludi l-Komunikazzjoni annwali preċedenti mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-ħarsien tal-baġit tal-UE.
1.Introduzzjoni
Kull sena, skont l-Artikolu 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-miżuri meħuda biex jikkumbattu l-frodi u kull attività illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE.
L-UE u l-Istati Membri jaqsmu r-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-ġlieda kontra l-frodi. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jiġġestixxu madwar 74 % tan-nefqa tal-UE u jiġbru r-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (TOR). Il-Kummissjoni tissorvelja dawn iż-żewġ oqsma, tistabbilixxi l-istandards u tivverifika l-konformità. Huwa essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu flimkien mill-qrib biex jiżguraw li l-interessi finanzjarji tal-UE huma effettivament protetti. Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta' dan ir-rapport huwa li jivvaluta din il-kooperazzjoni fl-2016 u li jara kif din tista' tittejjeb.
Dan ir-rapport jipprovdi sommarju tal-miżuri meħuda fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri fl-2016 sabiex jiġi miġġieled l-frodi. Dan jinkludi wkoll analiżi tal-kisbiet ewlenin tal-korpi nazzjonali u Ewropej fl-identifikazzjoni u r-rapportar ta’ frodi u irregolaritajiet li jirrigwardaw in-nefqa u d-dħul tal-UE. Is-sistema ta’ rapportar ikkontribwixxiet b’mod sinifikanti għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u għall-ġlieda kontra l-frodi.
Ir-rapport huwa akkumpanjat minn ħames Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.
2.Politiki orizzonatli kontra l-frodi, miżuri u riżultati
2.1.Inizjattivi ta’ politika mill-istituzzjonijiet tal-UE
2.1.1.Proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi għall-interessi finanzjarji tal-UE permezz tal-liġi kriminali
Wara erba’ snin ta’ negozjati, fl-2016 intlaħaq ftehim politiku bejn il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni f’laqgħa tat-trilogu fit-30 ta’ Novembru 2016. L-hekk imsejħa Direttiva PIF hija mistennija li tiġi adottata fl-2017. L-Istati Membri ser ikollhom sentejn ċans biex jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali.
Id-Direttiva ser issaħħaħ il-qafas ġuridiku eżistenti bl-armonizzazzjoni tad-definizzjoni ta’ reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE (frodi, korruzzjoni, ħasil tal-flus u pekulat), kif ukoll il-penali u l-istatuti tal-limitazzjonijiet għal dawn il-każijiet. Din tinkludi każijiet ta’ frodi transkonfinali tal-VAT għal danni totali ta’ mill-inqas EUR 10 miljun.
Id-Direttiva ser tissostitwixxi l-Konvenzjoni tal-1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u l-protokolli tagħha (il-Konvenzjoni PIF) għal dawk l-Istati Membri marbuta b'din id-Direttiva.
2.1.2.Proposta għat-twaqqif ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)
In-negozjati dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) komplew fl-2016 taħt il-Presidenzi Netherlandiżi u Slovakki. Il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tat-8 ta’ Diċembru 2016 qieset t-test sħiħ tal-abbozz tar-Regolament diskuss matul Presidenzi suċċessivi. Il-maġġoranza tal-Istati Membri qiesu t-test bħala bażi tajba għal ħidma ulterjuri u appoġġjaw il-prinċipju tat-twaqqif tal-UPPE.
In-negozjati dwar it-twaqqif tal-UPPE permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa komplew fl-2017, fid-dawl tan-nuqqas ta' unanimità fil-Kunsill.
2.1.3.L-evalwazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013
Fl-2016, il-Kummissjoni kompliet l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 dwar investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF. L-evalwazzjoni, meħtieġa mill-Artikolu 19 tar-Regolament, għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-2 ta’ Ottubru 2017.
2.1.4.Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE
Fl-2016, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni baqgħat prijorità fil-proċess ta’ governanza ekonomika tas-Semestru Ewropew. Diversi Stati Membri rċevew rakkomandazzjonijiet biex jieħdu azzjoni sabiex itejbu t-trasparenza jew iżidu l-isforzi kontra l-korruzzjoni fl-amministrazzjoni pubblika, fil-ġudikatura u fl-akkwist pubbliku.
Il-Kummissjoni kompliet is-serje ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ tagħha skont il-Programm tal-UE tal-Qsim tal-Esperjenza ta’ Kontra l-Korruzzjoni għall-esperti tal-Istati Membri. Dawn is-sessjonijiet ta’ ħidma saru fl-2016 dwar temi bħalma huma l-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku fil-livell lokali, l-immunitajiet pubbliċi u l-korruzzjoni fis-settur privat.
Bl-għarfien espert tiegħu, l-OLAF ikkontribwixxa għal diversi fora Ewropej u internazzjoni kontra l-korruzzjoni, b’mod partikolari EPAC/EACN. Dan in-netwerk, ippresedut sa Novembru 2016 mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, adotta d-“Dikjarazzjoni ta’ Riga” li titlob lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Ewropa sabiex isaħħu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
2.1.5.Proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġi rivedut ir-Regolament Finanzjarju u jiġu żgurati regoli finanzjarji settorjali (Omnibus)
F’Settembru tal-2016, il-Kummissjoni pproponiet f’att wieħed reviżjoni ambizzjuża tar-regoli finanzjarji ġenerali akkumpanjata minn bidliet korrispondenti fir-regoli finanzjarji settorjali stipulati fi 15-il att leġiżlattiv rigward il-programmi pluriennali. Meta fasslet regoli finanzjarji tal-UE aktar sempliċi u flessibbli, il-Kummissjoni rat li ma ddgħajjifx il-ġestjoni finanzjarja tajba li tibqa’ objettiv fundamentali. Il-proposta ssaħħaħ ukoll ir-regoli dwar l-evitar tat-taxxa li jridu jikkonformaw magħhom is-sħab tal-UE fl-implimentazzjoni u tiċċara li d-dmir li jiġu evitati kunflitti ta’ interess japplika bis-sħiħ għal kull xorta ta’ implimentazzjoni tal-fondi tal-UE (inkluż fil-livell tal-Istati Membri). Din tikkonsolida wkoll is-sistemi fis-seħħ sabiex il-baġit tal-UE jiġi protett kontra l-frodi u l-irregolaritajiet finanzjarji. Din tissimplifika r-regoli finanzjarji tal-UE biex tgħin fit-tnaqqis tan-nefqa u tal-ħin meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE sabiex jitnaqqas l-għadd ta’ żbalji. Din għandha żżid ukoll l-impatt tal-politiki u r-riżultati tagħhom fil-prattika.
2.1.6.Il-koperazzjoni internazzjonali
Sabiex jiġi miġġieled aħjar il-frodi kontra l-baġit tal-UE lil hinn mill-fruntieri tal-UE, OLAF jinnegozja wkoll dispożizzjonijiet kontra l-frodi fi ftehimiet internazzjonali tal-UE bħalma huma ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u ftehimiet ta’ sħubija. Fl-2016 ġew inklużi dispożizzjonijiet kontra l-frodi fil-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiva u Mtejba bejn l-UE u l-Armenja. Ġew iffinalizzati wkoll in-negozjati dwar id-dispożizzjonijiet kontra l-frodi fid-Djalogu Politiku u l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba u l-ftehim ġie inizjalat fil-11 ta’ Marzu 2016.
Bl-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni investigattiva lil hinn mill-fruntieri tal-UE, l-OLAF ikkonkluda sitt arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva ma’ awtoritajiet sħab minn pajjiżi mhux tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali fl-2016.
2.1.7.L-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (CAFS)
Il-Kummissjoni qiegħda tqis li taġġorna l-CAFS adottata fl-24 ta’ Ġunju 2011. L-għan tal-CAFS huwa li ttejjeb il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tal-frodi u tiżgura li s-sanzjonar, l-irkupru u d-deterrent huma prijorità fuq l-aġenda tal-Kummissjoni.
Issa, l-istrateġija ġiet implimentata bis-sħiħ, li jfisser li l-azzjonijiet kollha ġew finalizzati jew għadhom għaddejjin. L-enfasi hija fuq strateġiji settorjali u pjanijiet ta ' azzjoni li jittrattaw l-frodi fl-oqsma ta’ politika speċifiċi tagħhom. Filwaqt li jinżamm dan l-approċċ, l-istrateġija aġġornata tenfasizza aktar l-inkorporazzjoni ta’ miżuri kontra l-frodi fis-sistemi ta’ kontroll interni tal-Kummissjoni u b’mod partikolari r-rapportar dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra l-frodi. Il-CAFS aġġornata hija ppjanata li tinkludi kapitolu speċifiku dwar ir-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (TORs) bħala segwitu tar-riżultati tal-awditu tal-2016 tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) dwar il-“Performance and Coordination of Anti-fraud activities in the Traditional Own Resources (TOR) area” (Prestazzjoni u l-Koordinazzjoni ta’ attivtajiet kontra l-frodi fil-qasam tar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (TOR)".
Id-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni (48 b’kollox) introduċew Strateġiji Kontra l-Frodi (AFS) settorjali għall-qasam ta’ politika taħt ir-responsabbilta tagħhom. Kull waħda minn dawn l-istrateġija trid tiġi aġġornata regolarment sabiex jiġu riflessi l-bidliet fl-ambjent ta’ kontra l-frodi.
In-Netwerk għall-Prevenzjoni u d-Detezzjoni tal-Frodi (FPDNet) tal-Kummissjoni approva metodoloġija aġġornata għal tali strateġiji. Din kienet tikkonsisti fl-integrazzjoni ulterjuri ta’ miżuri ta’ kontra l-frodi fil-programazzjoni u l-ippjanar strateġiċi (SPP) u ċ-ċiklu tal-monitoraġġ — mill-identifikazzjoni tar-riskju ta’ frodi għall-kontroll u l-monitoraġġ tal-frodi. B’mod il-mod, strateġiji ta’ kontra l-frodi jiffurmaw parti integrali tal-ġestjoni tar-riskju tal-Kummissjoni, filwaqt li jżommu l-attenzjoni speċifika li jeħtieġ il-frodi.
Is-16-il dipartiment tal-Kummissjoni li aġġornaw l-istrateġija tagħhom fl-2016, irrappurtaw li huma kienu użaw l-metodoloġija u l-gwida aġġornati għall-iżvilupp ta’ strateġiji kontra l-frodi tad-DĠ pprovduti mill-OLAF.
Eżempju mill-EASME
Fl-2016, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME) użat il-metodoloġija aġġornata biex taġġorna l-istrateġija ta’ kontra l-frodi. Il-valutazzjoni tar-riskju tal-frodi tal-aġenzija issa ġiet integrata fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju annwali. Ir-riskji tal-frodi ewlenin li l-EASME taffaċċja huma l-plaġjariżmu u l-finanzjament doppju u l-pretensjonijiet tal-kost imkabbra intenzjonalment jew dawk foloz. Dawn ir-riskji u l-azzjonijiet sabiex dawn jiġu mmitigati huma ssorveljati mill-qrib fil-proċess tal-ġestjoni tar-riskju annwali.
L-EASME ħadet miżuri mitiganti u inforzat mill-ġdid il-kontrolli għal dawn ir-riskji, filwaqt li qieset il-prinċipju tal-kostijiet u l-benefiċċji. Dan ifisser li l-kontrolli bbażati fuq ir-riskju huma applikati u li l-proġetti b’riskju għoli huma ssorveljati aktar mill-qrib.
Għal ċerti riskji (pereżempju l-plaġjariżmu), l-EASME ħadet sehem fl-ittestjar ta’ għodod għall-programmi H2020, li huma applikati fid-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni attivi fir-riċerka.
L-implimentazzjoni tal-istrateġiji kontra l-frodi hija mmonitorjata regolarment permezz taċ-ċiklu tal-prestazzjoni tal-Kummissjoni. Minħabba li kull qasam ta’ politika għandu karatteristiċi speċifiċi ta’ frodi, ma hemm l-ebda approċċ ta’ universalità fl-attivitajiet ta' kontra l-frodi. Il-maġġoranza tas-servizzi tal-Kummissjoni jorganizzaw attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-frodi bħal taħriġ u seminars.
2.1.8.Implimentazzjoni tal-Programm Hercule
Il-programm Hercule III (2014-2020) jippromwovi attivitajiet għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE. Fl-2016, it-tielet sena tal-implimentazzjoni tiegħu, baġit ta’ EUR 14.5 miljun sar disponibbli għal:
·finanzjament ta’ azzjonijiet sabiex tissaħħaħ il-kapaċità operazzjonali u teknika tal-forzi tad-dwana u l-pulizija fl-Istati Membri, kif ukoll appoġġ tal-IT, li jkopri mill-inqas 70 % tal-baġit tal-programm;
·attivitajiet ta’ taħriġ u konferenzi, inkluż it-taħriġ tal-forensika diġitali għall-persunal impjegat mill-aġenziji għall-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri u pajjiżi sħab, li jkopru madwar 30 % tal-baġit.
Il-Kummissjoni (OLAF) bdiet tirċievi l-ewwel rapporti, li jirriflettu r-riżultati tanġibbli ta’ attivitajiet imwettqa minn meta l-programm beda fl-2014. Ġew irrappurtati suċċessi sostanzjali fir-rigward ta’ sigaretti u tabakk li jiddaħħlu b’kuntrabandu u li huma ffalsifikati: saru sekwestri bl-għajnuna ta’ tagħmir u taħriġ iffinanzjati mill-programm.
2.2.Miżuri meħuda mill-Istati Membri
2.2.1.Sommarju
L-Istati Membri ntalbu jirrappurtaw massimu ta’ tliet miżuri ewlenin ta’ kontra l-frodi. Dan is-sommarju jagħti ħarsa ġenerali tajba tax-xejriet u l-prijoritajiet għall-miżuri ta’ kontra l-frodi implimentati mill-Istati Membri, iżda mhuwiex eżawrenti; ittieħdu ħafna aktar miżuri li huma ddettaljati f’dokument ta’ akkumpanjament.
Fl-2016, l-Istati Membri rrappurtaw dwar 80 miżura sabiex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-UE u l-ġlieda kontra l-frodi għall-perjodu ta’ pprogrammar 2014-2020.
Il-miżuri tal-Istati Membri koprew iċ-ċiklu sħiħ ta’ kontra l-frodi, l-aktar fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża, segwiti b’miżuri dwar l-akkwist pubbliku, il-kunflitti ta’ interess, il-korruzzjoni, l-AFCOSs, id-definizzjoni tal-frodi, l-istrateġija ta’ kontra l-frodi, il-kriminalità organizzata u dik finanzjarja u l-informaturi. Fir-rigward taċ-ċiklu ta’ kontra l-frodi, il-maġġoranza tal-miżuri kkonċernaw il-prevenzjoni, segwiti bid-detezzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni, l-irkupru u s-sanzjonijiet. Il-maġġoranza kienu settorjali (73 %) pjuttost milli ġenerali (27 %). Għoxrin mill-miżuri settorjali kkonċernaw id-dħul fl-oqsma tal-frodi tat-taxxa (60 %) u d-dwana (40 %). Wieħed u erbgħin miżura kkonċernaw in-nefqa, li jkopru l-oqsma kollha tal-baġit.
2.2.1.1.L-Istrateġiji Nazzjonali Kontra l-Frodi (NAFS)
Sat-tmiem tal-2016, disa’ Stati Membri adottaw strateġija nazzjonali kontra l-frodi u bagħtuha lill-Kummissjoni. Dan huwa aktar mill-2015 u juri l-impenn tal-Istati Membri biex jadottaw approċċ strateġiku fil-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet detrimentali għall-baġits tal-UE u dawk nazzjonali. Il-Kummissjoni tilqa’ dawn l-iżviluppi u tistieden lill-Istati Membri l-oħrajn kollha biex jabbozzaw tali strateġiji.
2.2.1.2.Servizzi ta’ Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS)
Diversi Stati Membri adottaw miżuri biex itejbu tali servizzi ta’ koordinazzjoni, inklużi d-Danimarka (b’manwal kontra l-frodi AFCOS), Franza (strateġija nazzjonali kontra l-frodi), il-Kroazja (metodoloġija ta’ ġestjoni sabiex tiġi promossa l-prevenzjoni tal-frodi), il-Latvja (strateġija operazzjonali u pjan ta’ azzjoni għall-2017-2019), Malta (attivitajiet ta’ prevenzjoni tal-frodi ma’ AFCOSs oħrajn), in-Netherlands (il-ħolqien ta’ tim AFCOS) u l-Finlandja (it-tnedija ta’ netwerk nazzjonali AFCOS).
2.2.1.3.Akkwist pubbliku
Hemm għadd ta’ miżuri dwar l-akkwist pubbliku, peress li l-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu d-Direttivi 2014/23, 2014/24/UE u 2014/25/UE fil-liġi nazzjonali tagħhom sa April 2016. Għaxar Stati Membri rrappurtaw li ħadu miżuri biex jarmonizzaw il-liġi nazzjonali tagħhom dwar l-akkwist pubbliku mad-dritt tal-Unjoni. Ħdax-il Stat Membru għad iridu jittrasponu bis-sħiħ it-tliet Direttivi dwar l-akkwist pubbliku.
2.2.1.4.Oħrajn
Il-Belġju, Franza, il-Litwanja, ir-Rumanija, is-Slovenja u r-Reppublika Ċeka rrappurtaw miżuri kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fl-2016.
Ġew irrappurtati wkoll diversi miżuri oħrajn mill-Istati Membri li ġejjin: il-Belġju (b’mira lejn ir-rifuġju fiskali), Spanja (titjib fid-detezzjoni tal-frodi), Franza (protezzjoni tal-informaturi), il-Kroazja (taħriġ kontra l-frodi), l-Italja (kampanji ta’ spezzjoni), il-Litwanja (għodda elettronika għall-proċedimenti kriminali), l-Ungerija (taħriġ kontra l-frodi u aktar kooperazzjoni), in-Netherlands (sensibilizzazzjoni dwar il-frodi) u l-Awstrija (reġistru ċentrali ta’ kontijiet).
2.2.2.Implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2015
Fir-Rapport tal-2015 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Istati Membri:
(a)isibu l-bilanċ it-tajjeb bejn il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE; jiskambjaw esperjenzi dwar l-identifikazzjoni ta’ frodi jew irregolaritajiet fl-ikklirjar; jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin dwar kontrolli/awditjar ta’ wara l-ikklirjar u jinkorporaw l-informazzjoni riċevuta permezz tas-sistemi CRMS, AFIS jew OWNRES fil-ġestjoni tar-riskju.
(b)jadattaw l-istrateġiji ta’ kontroll doganali tagħhom, filwaqt li jqisu l-eżiti ta’ ammissjonijiet volontarji;
(c)itejbu aktar il-kwalità tal-informazzjoni dwar ir-rapportar tal-irregolarità permezz tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS);
(d)jippjanaw u jiffukaw l-awditjar u l-kontrolli tagħhom abbażi tal-analiżi tar-riskju u għodod tal-IT li jipprestixxu u jużaw għodod bħal ARACHNE, IMS u l-Għodda ta’ Valutazzjoni tar-Riskju ta’ Frodi.
Xi Stati Membri rrappurtaw li nkiseb bilanċ bejn il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE; oħrajn qegħdin jimplimentaw miżuri biex jiżguraw dan il-bilanċ.
Tmintax-il Stat Membru bagħtu informazzjoni li waslet minn Stati Membri oħrajn jew mid-dipartimenti tal-Kummissjoni lill-korpi kompetenti nazzjonali tagħhom għall-valutazzjoni u analiżi tar-riskju.
Għadd ta’ Stati Membri rrappurtaw li qiesu r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex jadattaw l-ippjanar annwali tagħhom tal-persunal u r-riżorsi meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-informazzjoni riċevuta fil-forma ta’ ammissjonijiet volontarji. Diversi Stati Membri rrappurtaw li inkludew tali informazzjoni fl-analiżi u l-ġestjoni tar-riskju biex inaqqsu r-riskju u jużawha għal eżaminazzjoni ta’ wara l-ikklirjar.
Is-sitt Stati Membri li ngħataw speċifikament rakkomandazzjoni biex isaħħu s-sistemi tagħhom fir-rigward tal-identifikazzjoni u/jew ir-rapportar tal-frodi, irrappurtaw dwar il-progress li sar. Franza u l-Litwanja spjegaw il-miżuri li ħadu biex itejbu r-rapportar tal-irregolaritajiet. Spanja nnotat żieda fl-irregolaritajiet irruppurtati minħabba l-effiċjenza tas-sistema tad-detezzjoni.
Fir-rigward tal-użu tal-analiżi tar-riskju u l-għodod tal-IT (ARACHNE, IMS u l-Għodda ta’ Valutazzjoni tar-Riskju ta’ Frodi), xi Stati Membri rrappurtaw li dawn jużaw xi għodod minn dawn flimkien mal-għodod tagħhom stess, filwaqt li Stati Membri oħrajn irrappurtaw li prinċipalment huma jużaw l-għodod alternattivi tagħhom stess. L-IMS tintuża b’mod wiesa’ mill-Istati Membri kollha li pprovdew informazzjoni fir-rigward ta’ din ir-rakkomandazzjoni.
2.3.Sommarju ta’ statistika dwar l-irregolaritajiet u l-frodi identifikati
Fl-2016, ġew irrapportati 19 080 irregolarità (frodulenti u mhux frodulenti) lill-Kummissjoni, 15 % inqas mill-2015. Dawn involvew total ta’ madwar EUR 2.97 biljun, 8 % inqas mis-sena preċedenti.
L-identifikazzjoni ta’ irregolarità timplika li ttieħdu miżuri korrettivi sabiex jiġu rkuprati l-ammonti finanzjarji irregolari involuti u li nbdew proċedimenti kriminali jekk jiġi ssuspettat frodi.
2.3.1.L-identifikazzjoni ta’ irregolaritajiet frodulenti
L-għadd ta’ irregolaritajiet irrapportati bħala frodulenti (li jinkludi każijiet ta’ frodi suspettata jew stabbilita) u l-ammonti relatati ma jistgħux jitqiesu f’korrelazzjoni mal-livell ta’ frodi li jaffettwa l-baġit tal-UE. Irregolaritajiet irrapportati bħala frodulenti pjuttost jindikaw kemm-il każ ta’ frodi potenzjali qed jiġi identifikat mill-Istati Membri u l-korpi tal-UE.
Fl-2016, ġew irrappurtati 1 410 irregolaritajiet bħala frodulenti (jiġifieri 6 % tal-irregolaritajiet kollha identifikati u rrappurtati), li jinvolvu EUR 391 miljun (li jirrappreżentaw 13 % tal-ammonti finanzjarji totali affettwati mill-irregolaritajiet), li jkopru kemm in-nefqa kif ukoll id-dħul. Jeżistu differenzi bejn is-setturi, kif jidher fit-Tabella 1.
Tabella 1: Irregolaritajiet irrapportati bħala frodulenti fl-2016
Meta mqabbel mal-2015, l-għadd ta’ irregolaritajiet frodulenti rrapportati fl-2016 naqas ftit, bi 3 %, filwaqt li l-impatt finanzjarju tagħhom naqas bi 39 %. Meta wieħed iħares lejn l-aħħar 5 snin (2012-2016), l-għadd ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti nbidel ftit mill-2013: dan kien 14 % ogħla fl-2016 milli fl-2012, 4% inqas mill-medja fuq ħames snin. Madankollu, l-impatt finanzjarju jvarja b’mod sinifikanti, peress li l-ammonti involuti jistgħu jiġu affettwati minn każijiet individwali li jinvolvu ammonti kbar ħafna.
Ċart 1 turi x-xejriet globali matul l-aħħar ħames snin.
Hemm xi differenzi żgħar fil-varjazzjonijiet minn sena għal oħra bejn id-dħul u n-nefqa.
Ċart 1: L-irregolaritajiet irrapportati bħala frodulenti u l-ammonti relatati tagħhom, 2012-2016
Analiżi tal-irregolaritajiet frodulenti kollha rrapportati fl-2016, skont l-Istat Membru u skont is-settur tal-baġit, hija ppreżentata fl-Anness 1.
2.3.2.Irregolaritajiet mhux frodulenti identifikati u rrappurtati
Fl-2016, il-Kummissjoni ġiet innotifikata b’17 670 irregolarità li ma ġewx irrappurtati bħala frodulenti (madwar 15 % inqas mill-2015). Iċ-ċifri naqsu għas-setturi kollha ħlief għan-nefqa diretta. L-impatt finanzjarju kważi ma nbidel xejn b’madwar EUR 2.58 biljun, kif muri fit-Tabella 2.
L-Anness 2 juri analiżi tal-irregolaritajiet mhux frodulenti kollha rrapportati fl-2016, skont l-Istat Membru u s-settur tal-baġit.
Tabella 2: Irregolaritajiet li ma ġewx irrapportati bħala frodulenti fl-2016
3.Politiki, miżuri u riżultati kontra l-frodi — Dħul
3.1.Miżuri kontra l-frodi fi dħul mill-istituzzjonijiet tal-UE
3.1.1.L-Għajnuna Amministrattiva Reċiproka (MAA — ir-Regolament Nru 515/97)
3.1.1.1.Żviluppi leġiżlattivi
Ir-Regolament (UE) 2015/1525, li jemenda r-Regolament (KE) 515/97 dwar l-Għajnuna Amministrattiva Reċiproka fi kwistjonijiet doganali, jipprevedi l-ħolqien ta’ żewġ bażijiet tad-data ċentralizzati li jinkludu informazzjoni dwar il-moviment tal-kontejner u dwar oġġetti li jidħlu, joħorġu u jgħaddu mill-UE. Dawn il-bażijiet tad-data bdew joperaw fl-1 ta’ Settembru 2016. Barra minn hekk, l-atti li ġejjin ġew adottati fl-2016 sabiex titrawwem l-għajnuna reċiproka fid-dwana: Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/757, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/345 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/346.
3.1.1.2.L-implimentazzjoni tal-Artikolu 43b tar-Regolament 515/97
Ir-Regolament (UE) 2015/1525 introduċa Artikolu ġdid (43b) li jesiġi lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa għal estensjoni tad-direttorju tal-messaġġ dwar l-istatus tal-kontejner (CSM) u d-direttorju tal-importazzjoni, esportazzjoni u tranżitu (IET) sabiex tiġi esportata data li mhijiex limitata għal prodotti soġġetti għas-sisa. Il-Kummissjoni tintalab ukoll tivvaluta l-fattibbiltà li testendi d-direttorju tat-trasport għal data dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu tal-prodotti bl-art u bl-ajru.
Peress li dawn id-direttorji bdew joperaw biss fl-1 ta’ Settembru 2016, ikun prematur li, f’dan l-istadju, jiġu estiżi għal kategoriji oħrajn tad-data. Madankollu, il-Kummissjoni bħalissa qiegħda twettaq il-valutazzjonijiet, filwaqt li qiegħda tiffoka b’mod partikolari fuq il-valur miżjud tad-data addizzjonali dwar l-esportazzjoni. F’dan il-kuntest, għadhom għaddejjin konsultazzjonijiet interni u konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri. Fir-rigward tal-fattibbiltà li jiġi estiż id-direttorju tat-trasport għal mezzi oħra ta’ trasport, ir-Regolament (KE) 515/97 diġà jipprevedi l-bażi ġuridika għall-wasla tad-data. Attwalment, l-enfasi hija fuq l-identifikazzjoni ta’ sorsi ta’ data addizzjonali, possibbilment billi tintuża data miġbura skont il-proġett tas-Sistema II ta’ Kontroll tal-Importazzjoni (ICS). Il-Kummissjoni ser tippreżenta s-sejbiet tagħha fir-rapport PIF li jmiss.
3.1.1.3.Is-Sistema ta’ Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS)
L-AFIS hija sistema komprensiva ta’ applikazzjonijiet kontra l-frodi operata mill-OLAF, bl-użu ta’ infrastruttura teknika komuni. Din hija għodda tal-IT importanti għal bosta amministrazzjonijiet u utenti oħrajn involuti fil-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE. L-AFIS tippermetti wkoll ekonomiji sostanzjali ta’ skala u sinerġiji fl-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-operat ta’ tali sett wiesa’ u divers ta’ servizzi u għodod tal-IT, li timmira lejn:
·l-iskambju f’waqtu u sikur ta’ informazzjoni relatata ma’ frodi bejn l-amministrazzjonijiet kompetenti nazzjonali u dawk tal-UE;
·il-ħżin u l-analiżi ta’ data rilevanti.
L-AFIS tkopri żewġ oqsma ewlenin:
·għajnuna reċiproka fi kwistjonijiet doganali;
·ġestjoni ta’ irregolaritajiet.
Sa tmiem l-2016, l-AFIS kellha 8 700 utent aħħari rreġistrati f’isem aktar minn 1 800 servizz kompetenti fi Stati Membri, pajjiżi sieħba mhux tal-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali, dipartimenti tal-Kummissjoni u entitajiet oħra tal-UE. Fl-2016, l-utenti tal-AFIS skambjaw 16 900 messaġġ elettroniku. Total ta’ 13 800 każ kienu disponibbli fil-bażijiet tad-data u moduli tal-għajnuna reċiproka tal-AFIS.
Is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS), operata taħt il-pjattaforma tal-AFIS, irċeviet 43 600 komunikazzjoni ġodda dwar irregolaritajiet minn Stati Membri u pajjiżi kandidati.
Żewġ sistemi ġodda tal-IT previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) 515/97 emendat bdew joperaw:
·id-direttorju tal-Messaġġi dwar l-Istatus tal-Kontejner (CSM);
·id-direttorju dwar l-Importazzjoni, l-Esportazzjoni u t-Tranżitu (IET).
Fl-2016, l-AFIS irċeviet 182 miljun CSM. Id-direttorju IET jinkludi data ta’ dikjarazzjoni dwar l-importazzjoni u t-tranżitu ta’ prodotti u dwar l-esportazzjoni ta’ prodotti soġġetti għas-sisa.
Ġew ipproċessati xi 2 miljun dikjarazzjoni dwar l-esportazzjoni u messaġġi relatati. Is-Sistema tal-Informazzjoni dwar it-Tranżitu ta’ Kontra l-Frodi (ATIS) irċeviet informazzjoni dwar 6.7 miljun konsenja ta’ tranżitu ġodda. Dawn huma disponibbli wkoll fid-direttorju tal-IET.
L-AFIS intużat għal aċċess u skambju sikur ta’ informazzjoni fi ħdax-il Operazzjoni Doganali Konġunta (ara t-taqsima li ġejja).
3.1.1.4.Operazzjonijiet Doganali Konġunti (JCOs)
Il-JCOs huma operazzjonijiet qosra, ikkoordinati u mmirati, implimentati mill-awtoritajiet doganali sabiex jiġi miġġieled it-traffikar transkonfinali illegali ta' prodotti.
L-OLAF ikkoordina u kkoopera ma’ Stati Membri fi 12-il JCO u azzjonijiet operattivi oħrajn. JCO waħda ġiet organizzata mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali b’appoġġ informattiv mill-OLAF. Erba’ JCOs ġew organizzati f’kooperazzjoni ma’ erba’ Stati Membri u ġew iffinanzjati mill-OLAF.
Sabiex jiffaċilita l-koordinazzjoni fil-JCOs ma’ għadd kbir ta’ parteċipanti, l-OLAF:
·ipprovda intelligence, appoġġ tekniku u/jew finanzjarju;
·żgura aċċess sikur u skambju ta’ informazzjoni permezz tal-AFIS;
·għamel il-kamra tal-koordinazzjoni operazzjonali permanenti tiegħu disponibbli għall-awtoritajiet involuti.
Mit-12-il JCO u azzjonijiet oħrajn, dawn li ġejjin ħadu prominenza:
Il-“JCO Magnum” immirat il-kuntrabandu ta’ prodotti tat-tabakk trasportati bit-triq fit-territorju tal-UE tul il-fruntiera tal-Lvant tal-UE. Din ġiet ikkoordinata mill-amministrazzjoni doganali Estonjana u l-OLAF, bl-involviment ta’ ħames Stati Membri. Matul l-operazzjoni nqabdu 11-il miljun sigarett tal-kuntrabandu.
Il-“JCO Warehouse III ” immirat il-kuntrabandu u t-tneħħija ta’ prodotti soġġetti għas-sisa (prodotti tat-tabakk, żjut/fjuwils minerali u ċertu alkoħol) mill-arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju u t-taxxa. Din ġiet ikkoordinata mill-amministrazzjoni doganali Finlandiża u l-OLAF, bl-involviment tal-Istati Membri kollha u l-appoġġ tal-Europol. Ir-riżultati ta' din l-operazzjoni għadhom qed jiġu evalwati.
Il-“JCO Orion” immirat prodotti li joriġinaw minn pajjiżi mhux tal-UE u rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera billi tintuża l-proċedura doganali 42. Din ġiet ikkoordinata mill-amministrazzjoni doganali Griega u l-OLAF bl-involviment tal-awtoritajiet doganali tat-23 Stat Membru f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tat-taxxa. Il-Europol appoġġjat l-operazzjoni. Din il-JCO wasslet biex id-dwana skopriet diversi każijiet ta’ sottovalutazzjoni u klassifikazzjoni ħażina ta’ prodotti fl-importazzjoni, kif ukoll sensiela ta’ negozjanti nieqsa li “sparixxew” sabiex jevadu d-dazji doganali u l-VAT.
Il-“JCO Wafers” immirat semikondutturi ffalsifikati importati fl-UE mill-Asja bil-posta/bis-servizzi espress ta’ kurrier. Ir-riżultati ta’ din l-operazzjoni għadhom qed jiġu evalwati. Din ġiet ikkoordinata mid-Dwana Netherlandiża u l-OLAF bl-involviment ta’ 12-il Stat Membru u bl-appoġġ tal-Europol, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-industrija.
L-Operazzjonijiet Kerguelen, Kiribati, Killick, Kheops u Pascal — Dawn l-operazzjonijiet ta’ sorveljanza marittima reġjonali, ikkoordinati mid-dwana Franċiża, immiraw lejn l-identifikazzjoni ta’ traffikar illegali ta’ prodotti sensittivi bil-baħar, fl-Atlantiku u l-Mediterran. L-operazzjonijiet irriżultaw fil-qbid ta’ aktar minn 8 tunnellati ta’ raża tal-kannabis u 400 kg ta’ kokaina u l-arrest ta’ 17-il persuna.
L-azzjoni konġunta “Hansa”, xprunata mid-Dwana tar-Renju Unit f’kooperazzjoni mal-Europol u l-appoġġ tal-OLAF, immirat il-moviment intern ta’ oġġetti illegali soġġetti għas-sisa, prinċipalment s-sigaretti. L-evalwazzjoni finali għadha għaddejja.
L-Operazzjoni Octopus, organizzata mid-dwana Franċiża f’kooperazzjoni mal-OLAF, immirat il-frodi tad-dħul bl-involviment tal-proċedura doganali 42 u għenet biex jiġu żvelati diversi kumpaniji frodulenti u ammonti kbar ta’ evażjoni tad-dazji doganali u l-VAT. Bħala riżultat taż-żieda fil-kontrolli, ġew sekwestrati aktar minn 6 000 prodott iffalsifikati.
L-operazzjoni “Gryphon II”, organizzata mill-Ogranizzazzjoni Dinjija Doganali bil-parteċipazzjoni ta’ OLAF, immirat il-kummerċ illegali tat-tabakk. L-operazzjoni rriżultat f’sekwestru ta’ 729 miljun sigarett, 287 000 sigarru u 250 tunnellata ta’ prodotti oħrajn tat-tabakk, kif ukoll komponenti tal-magni użati għall-manifattura ta’ sigaretti, flus kontanti bl-ingrossa u aktar minn 12-il miljun timbru tad-dazju tas-sisa.
3.1.2.Għajnuna Reċiproka u dispożizzjonijiet kontra l-frodi fi ftehimiet internazzjonali
Fil-kuntest tal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) 515/97, il-lista ta’ ftehimiet ta’ għajnuna amministrattiva reċiproka fis-seħħ, li tipprovdi l-bażi ġuridika għall-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi dwar il-frodi u l-irregolaritajiet, ġiet estiża fl-2016 biex tinkludi s-sħab li ġejjin: il-Każakistan, il-Kosta tal-Avorju il-Ghana u l-Kosovo*. Barra minn hekk, ġew iffinalizzati n-negozjati għall-aġġornament tal-ftehim preċedenti mal-Armenja. In-negozjati mal-Mercosur (l-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj) għamlu progress tajjeb.
Barra minn hekk, l-UE għamlet progress fin-negozjati kontinwi dwar l-inklużjoni ta’ klawsola kontra l-frodi fi ftehimiet ta' kummerċ ħieles mal-Ġappun, l-Istati Uniti, il-Messiku, il-Mercosur u t-Tuneżija.
3.1.3.Il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk
Il-Kummissjoni qiegħda tirrevedi l-eżitu preliminari tal-Komunikazzjoni 2013 tagħha L-intensifikar tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigarretti u forom oħra ta' kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk— Strateġija komprensiva tal-UE, li ġiet ippreżentata flimkien ma’ pjan ta’ azzjoni komprensiv. F’Mejju 2017, ġie ppubblikat rapport ta’ progress li jagħti ħarsa ġenerali tal-inizjattivi ewlenin meħuda minn dak iż-żmien 'l hawn, analiżi tas-suq illegali fil-prodotti tat-tabakk u suġġerimenti għal aktar riflessjoni u azzjoni.
3.1.4.Ġlieda kontra l-frodi tal-VAT
Fis-7 ta’ April 2016 il-Kummissjoni adottat pjan ta’ azzjoni Lejn żona unika tal-VAT fl-UE - Iż-żmien biex niddeċiedu. Din stabbiliet 20 miżura sabiex jiġu indirizzati d-diskrepanza fil-VAT u l-ġlieda kontra l-frodiu pproponiet li tindirizza l-esponiment attwali tas-sistema tal-VAT proviżorja lill-hekk imsejħa frodi intra-Komunitarja b'negozjant nieqes billi tistabbilixxi sistema tal-VAT definittiva bbażata fuq il-prinċipju tad-destinazzjoni u timplimenta miżuri aktar urġenti sabiex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-VAT.
Ir-rapport dwar id-diskrepanza fil-VAT ippubblikat fl-2016, żvela diskrepanza fil-VAT ta’ EUR 159.5 biljun. Ġie stabbilit grupp ta’ esperti taħt il-programm Fiscalis sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaqsmu l-aħjar prattiki meta jkejlu d-diskrepanza fil-frodi tal-VAT.
Fil-21 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tippermetti mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat (GRCM) li għandu jiġi applikat temporanjament jekk jitolbuh għadd partikolari ta’ Stati Membri.
L-Istati Membri u l-Kummissjoni komplew id-diskussjoni tagħhom dwar modi ġodda biex issaħħu l-attivitajiet tan-netwerk Eurofisc sabiex l-iskemi tal-frodi jiġu identifikati b’mod aktar effiċjenti.
Ġew konklużi negozjati dwar ftehim tal-UE dwar kooperazzjoni amministrattiva u għajnuna għall-irkupru fil-VAT man-Norveġja u l-ftehim għandu jiġi ffirmat fl-2017.
3.2.Miżuri kontra l-frodi fid-dħul tal-Istati Membri
Il-maġġoranza tal-Istati Membri rrappurtaw miżuri biex jiġi miġġieled il-frodi doganali. Id-Danimarka u Franza rrappurtaw dwar analiżi tar-riskju nazzjonali; L-Italja u l-Portugall irrappurtaw dwar valutazzjoni tar-riskju doganali nazzjonali; filwaqt li l-Awstrija u s-Slovenja rrappurtaw dwar strateġija ta’ kontroll doganali nazzjonali. Ġew irrappurtati miżuri sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata u finanzjarja u miżuri kontra l-kuntrabandu mill-Bulgarija, il-Greċja u l-Finlandja. Miżuri sabiex jiġu miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tal-VAT ġew irrappurtati mill-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Latvja u l-Polonja.
3.3.Statistika dwar irregolaritajiet u frodi identifikati fid-Dħul
3.3.1.Irregolaritajiet frodulenti identifikati
L-għadd ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti għall-2016 jammonta għal 513 (FFL huwa 11 %). Dan huwa 32 % inqas mill-medja fuq ħames snin (749 irregolarità għall-perjodu 2012-2016). L-ammont affettwat ta’ TOR stmat u stabbilit (EUR 83 miljun, FAL huwa 15 %) fl-2016 huwa 30 % inqas mill-medja fuq ħames snin (EUR 119-il miljun).
L-ispezzjonijiet mis-servizzi ta’ kontra l-frodi u l-kontrolli doganali mwettqa fiż-żmien tal-ikklirjar tal-oġġetti kienu metodi ugwalment ta’ suċċess tal-identifikazzjoni ta’ każijiet frodulenti. F’termini ta’ ammonti, l-ispezzjonijiet mis-servizzi ta’ kontra l-frodi kienu l-aktar produttivi.
Każijiet ta’ sottovalutazzjoni identifikata fir-Renju Unit li taffettwa d-dħul TOR.
L-ispezzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-rigward tat-TOR f’Novembru 2016 fir-Renju Unit, sabet dgħufijiet sinifikanti fl-immaniġġjar u l-kontroll ta’ importazzjonijiet sottovalutati ta’ tessuti u żraben.
F’Marzu 2017, l-OLAF ikkonkluda wkoll investigazzjoni dwar is-sottovalutazzjoni ta’ tessuti u żraben importati fir-Renju Unit mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dan sab li ma ttiħdux miżuri adegwati sabiex jiġu evitati b’mod sistematiku importazzjonijiet sottovalutati ta’ tessuti u żraben miċ-Ċina milli jidħlu fl-UE billi jgħaddu mir-Renju Unit. Dan irriżulta f’telf sinifikanti ħafna għall-baġit tal-UE bejn l-2013 u l-2016.
Dawn l-elementi wasslu lid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit biex jagħmlu riżerva fir-rapport ta’ Attività Annwali tal-2016 dwar l-ineżattezza tal-ammonti TOR trasferiti lill-baġit tal-UE mir-Renju Unit mill-2013.
Il-Kummissjoni qiegħda ssegwi flimkien mar-Renju Unit is-sejbiet tal-awditjar tagħha u r-rapporti tal-OLAF. F’każ li r-Renju Unit ma jiħux azzjoni korrettiva adegwata, il-Kummissjoni ser tieħu l-miżuri adegwati kollha biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluża, fejn xieraq, l-azzjoni legali prevista mit-Trattati.
3.3.2.L-identifikazzjoni u r-rapportar ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti
L-għadd ta’ irregolaritajiet mhux irrapportati bħala frodulenti kien 4 134, li huwa 9 % inqas mill-medja fuq ħames snin (4 532 għas-snin 2012-2016). L-ammont affettwat ta’ TOR stmat u stabbilit kien EUR 454 miljun, li huwa 28 % aktar mill-medja fuq ħames snin (EUR 355 miljun).
Għalkemm fl-2015, l-għadd totali ta’ każijiet frodulenti u mhux frodulenti naqas minn 5 514-il każ għal 4 647 fl-2016 (tnaqqis ta’ 16 %), l-ammonti totali TOR involvew żieda minn EUR 445 miljun għal EUR 537 miljun (żieda ta’ 21 %).
Prinċipalment, l-irregolaritajiet mhux frodulenti ġew identifikati permezz ta’ kontrolli ta’ wara l-ikklirjar.
Fl-2016, il-pannelli solari kienu l-aktar affettwati minn frodi u irregolaritajiet f’termini monetarji. F’ħafna każijiet, l-irregolaritajiet li jirrigwardaw il-pannelli solari kienu identifikati wara notifika ta’ għajnuna reċiproka maħruġa mill-OLAF. Dan jissottolinja l-importanza tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF sabiex jiġu identifikati l-irregolaritajiet.
3.3.3.Riżultati tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi
L-OLAF fetaħ 40 investigazzjoni dwar l-evażjoni ssuspettata tad-dazji tal-importazzjoni. Dan ikkonkluda 30 investigazzjoni u għamel 71 rakkomandazzjoni finanzjarja lill-awtoritajiet doganali nazzjonali tal-UE għall-irkupru ta’ dazji evażi, stmati EUR 103.7 miljun. Intbagħtu tmien rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ġudizzjarja lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali tal-UE.
4.Politiki, miżuri u riżultati settorjali kontra l-frodi — Nefqa
4.1.Agrikoltura — Politiki, miżuri u riżultati settorjali kontra l-frodi
4.1.1.Agrikoltura — Miżuri kontra l-frodi mill-Istati Membri
Seba’ Stati Membri rrappurtaw li ħadu miżuri kontra l-frodi speċifiċi għall-fondi agrikoli kif ġej: Il-Ġermanja organizzat taħriġ kontra l-frodi, il-Greċja adottat miżuri dwar il-prevenzjoni tal-frodi, il-Lussemburgu ffoka fuq l-identifikazzjoni tal-frodi fl-agrikoltura, il-Polonja wettqet analiżi tar-riskju tal-frodi għall-agrikoltura, is-Slovenja introduċiet sistema ta’ kontabbiltà kompjuterizzata, is-Slovakkja introduċiet proċeduri interni u listi ta’ verifiki ġodda, u r-Renju Unit implimenta strateġiji settorjali kontra l-frodi.
4.1.2.Agrikoltura — Statistika dwar irregolaritajiet u frodi identifikati
Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija ffinanzjata minn żewġ fondi, il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG — madwar 80 % tal-baġit tal-PAK) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR — 20 % li jifdal), li jiffunzjonaw b’mod differenti. Il-FAEG isegwi implimentazzjoni annwali, filwaqt li l-FAEŻR jiffinanzja programmi pluriennali. Il-FAEG huwa maqsum f’żewġ oqsma ewlenin: ħlasijiet diretti lill-bdiewa u miżuri ta’ appoġġ għas-suq.
It-tendenza matul l-aħħar ħames snin ta’ irregolaritajiet identifikati u rrappurtati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni tirrifletti dawn id-differenzi, bl-FAEG juri kurva bbilanċjata u l-FAEŻR jirrifletti ċ-ċiklu pluriennali. Il-mudell tal-irregolaritajiet identifikati mill-Istati Membri jikkonferma r-riskju inerenti ogħla tal-investimenti FAEŻR. Madankollu, l-irregolaritajiet identifikati relatati mal-miżuri ta’ appoġġ għas-suq jindikaw ukoll li f’dan il-qasam jista’ jsir aktar.
4.1.2.1.Irregolaritajiet frodulenti identifikati
Mill-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti mill-Istati Membri matul l-aħħar ħames snin, 60 % jikkonċernaw l-FAEŻR u 40 % l-FAEG. L-FFL huwa 12.5 %, filwaqt li l-FAL huwa 24 %.
Għall-FAEŻR, l-aktar modus operandi frekwenti identifikat huwa l-użu ta’ dokumentazzjoni ta’ sostenn falza jew iffalsifikata. Madankollu, fl-aħħar sentejn, beda jinħoloq ksur tal-“etika u l-integrita” (kategorija li tinkludi każijiet ta’ “korruzzjoni” u “kunflitti ta’ interess”). Dan ta’ spiss ġie identifikat fl-2016 u jista’ jiġi konness mal-istruttura tal-immaniġġjar deċentralizzat ta’ bosta programmi FAEŻR. Min-naħa l-oħra, il-fatt li ġew identifikati u rrappurtati bosta każijiet, jimplika wkoll li l-Istati Membri qegħdin jagħtu aktar attenzjoni lil dawn il-kwistjonijiet.
L-irregolaritajiet frodulenti fl-FAEŻR matul l-aħħar ħames snin jirrappreżentaw madwar 0.5 % tal-ħlasijiet.
Għall-FAEG, matul l-aħħar 5 snin, l-irregolaritajiet frodulenti jirrappreżentaw perċentwal iżgħar tal-impenji tal-baġit milli għall-FAEŻR. L-impatt fuq il-ħlasijiet diretti huwa 0.03 %.
Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti għall-miżuri tas-suq (li jirrappreżentaw biss 7 % tal-impenji FAEG). l-impatt fuq il-ħlasijiet huwa 1.1 %. Il-miżuri ewlenin ikkonċernati huma: “Frott u ħaxix”, “Prodotti tas-settur ta’ vitikultura” u “Laħam tal-Majjal, bajd u tjur, trobbija tan-naħal u prodotti oħrajn tal-annimali”. L-ammonti finanzjarji rrappurtati, prinċipalment jirriflettu korrezzjonijiet finanzjarji sinifikanti imposti mill-Kummissjoni fuq l-Istati Membri, billi ssegwi l-awditjar tagħha stess. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jirkupraw l-ammonti mħallsa indebitament mill-benefiċjarji. Dan juri li minħabba l-awditjar tal-Kummissjoni, is-sistema globali qiegħda taħdem kif suppost, iżda li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu aktar biex jiżguraw regolarità u legalità tan-nefqa f’dan il-qasam.
L-aktar kategoriji modus operandi identifikati frekwentement għall-FAEG huma “foloz jew iffalsifikati: dikjarazzjonijiet, dokumenti ta’ sostenn, talba għall-għajnuna” u “dikjarazzjoni ta’ prodott, speċi u/jew art”, f’konformità mas-snin preċedenti.
4.1.2.2.Irregolaritajiet mhux frodulenti identifikati u rrappurtati
It-tendenzi f’irregolaritajiet mhux frodulenti huma deskritti fit-taqsima 4.1.2.
Għan-nefqa FAEG, hemm għal darba oħra differenza sinifikanti bejn ħlasijiet diretti u miżuri tas-suq. Filwaqt li, għall-ewwel wieħed, l-impatt fuq il-ħlasijiet matul l-aħħar ħames snin huwa 0.07 %, għal tal-aħħar huwa 1.5 %. Għall-FAEŻR, l-impatt fuq il-ħlasijiet tal-2012-2016 ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti huwa 2.1 %.
4.1.2.3.Riżultati tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi
Ir-rakkomandazzjonijiet finanzjarji mill-OLAF matul l-aħħar ħames snin huma stabbli b’madwar EUR 60 miljun kull sena.
4.2.Politika ta’ Koeżjoni u s-Sajd — politiki, miżuri u riżultati settorjali kontra l-frodi
4.2.1.Politika ta’ koeżjoni u s-sajd — Miżuri ta’ kontra l-frodi mill-Istati Membri
Il-maġġoranza tal-Istati Membri rrappurtaw l-adozzjoni ta’ miżuri f’dan il-qasam:
Il-Belġju dwar il-kunflitt ta’ interess, il-Bulgarija dwar l-amministrazzjoni ta’ irregolaritajiet u ARACHNE, id-Danimarka dwar il-ġestjoni ta’ każijiet ta’ suspett ta’ frodi, il-Ġermanja dwar il-ġestjoni tal-Fond Soċjali Ewropew u s-sistemi ta’ kontroll kif ukoll awtovalutazzjoni tar-riskji ta’ frodi fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-Irlanda dwar miżuri kontra l-frodi speċifiċi għall-FEŻR, il-Finlandja dwar is-sistema tagħha tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarji, il-Kroazja dwar il-ġestjoni tal-irregolarità, l-Italja dwar il-prevenzjoni tal-frodi fis-sajd, Ċipru dwar għodda ta’ awtovalutazzjoni għal riskju ta’ frodi, Malta dwar ir-rapportar tal-irregolarità, in-Netherlands u r-Renju Unit dwar ARACHNE, l-Awstrija dwar proċedura ta’ verifika, il-Polonja dwar l-għodod tal-IT fl-akkwist pubbliku, is-Slovenja dwar sistema tal-kontabbiltà kompjuterizzata, il-Finlandja dwar taħriġ kontra l-frodi u l-Iżvezja dwar il-kriminalità ekonomika u l-analiżi tar-riskju.
4.2.2.Politika ta’ koeżjoni u s-sajd — Statistika dwar irregolaritajiet u frodi identifikati
Meta mqabbla ma’ setturi oħrajn tal-baġit, l-analiżi tal-politika ta’ koeżjoni tinvolvi livell ogħla ta’ kumplessità minħabba li l-informazzjoni li waslet (irregolaritajiet irrappurtati) tirrelata mal-perjodi ta’ pprogrammar differenti regolati minn settijiet ta’ regoli differenti.
Barra minn hekk, iċ-ċikli ta’ pprogrammar huma pluriennali u dan jaffettwa b’mod sinifikanti x-xejriet sottostanti. Minħabba s-similarità fil-ġestjoni tal-fondi, is-sajd u l-politika ta’ koeżjoni huma analizzati flimkien.
Fl-2016, ġew identifikati u rrapportati 8 497 irregolarità (22 % inqas mill-2015, iżda 25 % aktar mill-medja fuq l-aħħar ħames snin). Dawn jikkonċernaw erba’ perjodi ta’ pprogrammar differenti, bl-akbar sehem jirrelata għall-2007-2013 (97 %) u 115 biss għall-programm 2014-2020. L-ammonti finanzjarji affettwati mill-irregolaritajiet fl-2016 ammontaw għal EUR 2.06 biljun, filwaqt li baqgħu pjuttost stabbli (5 % inqas mill-2015 u 8 % aktar mill-medja tal-aħħar ħames snin).
Ma ġie identifikat l-ebda tibdil maġġuri fix-xejriet meta mqabbla mas-snin preċedenti, f’termini ta’ tipi ta’ irregolaritajiet identifikati u l-effiċjenza tal-identifikazzjoni u r-rapportar.
4.2.2.1.Irregolaritajiet frodulenti identifikati
Ġew identifikati u rrappurtati 407 irregolaritajiet frodulenti, 4 % aktar mill-2015, filwaqt li xorta waħda iżjed minn 17 % aktar mill-medja tal-aħħar ħames snin.
Il-parti l-kbira tal-irregolaritajiet irrappurtati kienu għall-2007-2013, għalhekk l-analiżi ta’ din is-sena ffukat fuq iċ-ċiklu sħiħ ta’ pprogrammar. Għall-perjodu kollu, ġew identifikati u rrappurtati 1 750 irregolarità frodulenti mill-awtoritajiet nazzjonali, li jammontaw għal EUR 1.48 biljun, b’rata tal-identifikazzjoni tal-frodi ta’ 0.42 %.
Ir-rata ta’ identifikazzjoni hija ogħla għall-programmi li jikkontribwixxu għall-għan tal-“konverġenza”. Il-programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC), b’kuntrast, ir-rata tal-identifikazzjoni hija baxxa b’mod anomalu (0.1 %).
L-oqsma ta’ prijorità bl-ogħla indikaturi ta’ frodi huma: It-“Turiżmu”, ir-“Riċerka u żvilupp teknoloġiku (R&TD)”, it-“Trasport”, l-“Investiment fl-infrastruttura soċjali” u l-“Assistenza Teknika tas-Sajd”.
4.2.2.2.Irregolaritajiet mhux frodulenti identifikati u rrappurtati
Ġew identifikati u rrappurtati 8 090 irregolarità mhux frodulenti, kważi 23 % inqas mill-2015 u 26 % aktar mill-medja tal-aħħar ħames snin.
Matul il-perjodu ta’ pprogrammar 2007-2013, ġew identifikati u rrappurtati 35 360 irregolarità mhux frodulenti, li ammontaw għal kważi EUR 7.3 biljun, bir-rata tal-identifikazzjoni ta’ irregolarità ta’ 2.1 %. L-oqsma ta’ prijorità bl-ogħla indikaturi huma l-istess bħall-irregolaritajiet frodulenti.
4.2.2.3.Riżultati mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi
Il-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet finanzjarji tal-OLAF jikkonċernaw il-politika ta’ koeżjoni. L-OLAF irrakkomanda rkupru ta’ EUR 353 miljun.
4.3.Ġestjoni indiretta (Qabel l-adeżjoni) — Politiki, miżuri u riżultati settorjali kontra l-frodi
4.3.1.Ġestjoni indiretta (qabel l-adeżjoni) — Statistika dwar irregolaritajiet u frodi identifikati
L-analiżi tal-irregolaritajiet relatati mal-ġestjoni indiretta tiffoka fuq l-istrumenti ta’ qabel l-adeżjoni.
L-irregolaritajiet irrappurtati għadhom jikkonċernaw żewġ perjodi ewlenin. Il-programmi tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (PAA) tal-2000-2006, immirati lejn it-tħejjija tal-fażijiet tal-adeżjoni tal-2004 u 2007, u l-istrumenti għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) tal-2007-2013 użati fil-politika Ewropea tal-Viċinat, li prinċipalment jindirizzaw il-pajjiżi Balkani u t-Turkija.
B’mod ġenerali, l-irregolaritajiet irrappurtati ma nbidlux mill-2015, filwaqt li x-xejra ta’ ħames snin (2012-2016) turi tnaqqis kostanti, minħabba l-eliminazzjoni gradwali tal-inizjattivi konnessi mal-aktar fażijiet riċenti ta’ tkabbir. Fl-2016, ġew irrappurtati biss tmien irregolaritajiet fir-rigward tal-PAA (kontra 15 fl-2015), li jinvolvu EUR 2 miljun; Ġew irrappurtati 111 fir-rigward tal-IPA (kontra 109 fl-2015), li jaffettwaw EUR 8.3 miljun.
Fir-rigward tal-PAA, ġew identifikati u rrappurtati biss tliet irregolaritajiet frodulenti, li jammontaw għal EUR 1.8 miljun. Fir-rigward tal-IPA, l-għadd ta’ irregolaritajiet frodulenti identifikati żdied għal 25 (minn 21 fl-2015), li jinvolvu EUR 1.2 miljun.
Il-qasam ewlieni kkonċernat għadu l-appoġġ għall-iżvilupp rurali.
4.3.2.Riżultati mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi
Bħala riżultat tal-investigazzjonijiet tiegħu f’dawn l-oqsma, l-OLAF irrakkomanda li l-Kummissjoni tirkupra EUR 7.1 miljun.
4.4.Ġestjoni diretta — Politiki, miżuri u riżultati settorjali kontra l-frodi
4.4.1.Ġestjoni diretta — Statistika dwar irregolaritajiet u frodi identifikati
L-istatistika dwar il-ġestjoni diretta hija bbażata fuq ordnijiet ta’ rkupru maħruġa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni li huma rreġistrati fis-Sistema tal-Kontabilità Abbażi tad-Dovuti tal-Kummissjoni, ABAC.
4.4.1.1.Irregolaritajiet frodulenti identifikati
Fl-2016, l-ABAC irreġistrat 49 oġġett ta’ rkupru kklassifikati bħala frodulenti, li ammontaw għal EUR 6.25 miljun. Meta dan jitqabbel mal-fondi totali mħallsa b’mod effettiv, ir-rata tal-identifikazzjoni tal-frodi hija 0.03 %, livell li baqa’ stabbli matul l-aħħar ħames snin.
4.4.1.2.Irregolaritajiet mhux frodulenti identifikati u rrappurtati
Fir-rigward tal-irregolaritajiet mhux frodulenti, fl-2016 ġew irreġistrati 1 861 oġġett ta’ rkupru li jammontaw għal EUR 78 miljun. Matul perjodu ta’ ħames snin, ir-rata tal-identifikazzjoni tal-irregolarità baqgħet stabbli għal madwar 0.5 %.
4.4.1.3.Riżultati mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi
Wara li saru investigazzjonijiet f’dawn l-oqsma, l-OLAF irrakkomanda l-irkupru ta’ EUR 22.3 miljun.
5.Irkupru u miżuri preventivi u korrettivi oħra
Informazzjoni dettaljata dwar irkupru, korrezzjonijiet finanzjarji u miżuri oħra preventivi u korrettivi (interruzzjonijiet u sospensjoni ta’ ħlasijiet) jiġu ppubblikati fir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni, li mill-2016 jinkludi l-Komunikazzjoni annwali preċedenti mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-ħarsien tal-baġit tal-UE.
6.Kooperazzjoni mal-Istati Membri
Il-laqgħa tal-2016 tal-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni ta’ Frodi (COCOLAF) li ġabet flimkien esperti tal-Istati Membri pprovdiet opportunità biex jiġu diskussi l-iżviluppi ewlenin fil-ġlieda kontra l-frodi u t-tħejjija tar-rapport Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — il-Ġlieda kontra l-frodi tal-2015, meħtieġ skont l-Artikolu 325 tat-TFUE.
Is-sottogruppi tal-COCOLAF iltaqgħu fl-2016 sabiex:
·iħejju d-dokument dwar il-gwida tar-rapportar ta’ irregolaritajiet u t-tnedija tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS) il-ġdida;
·ifasslu dokumenti għall-prevenzjoni ta’ frodi;
·jaqsmu strateġiji tal-midja;
·iniedu attivitajiet ta’ komunikazzjoni dwar il-prevenzjoni u d-deterrenza ta’ frodi.
Tħejjew żewġ dokumenti ta’ gwida skont is-sottogruppi:
·Is-sottogrupp tar-Rapportar u l-Analiżi: Handbook on the requirement to report irregularities (Manwal dwar ir-rekwiżit li jiġu rrappurtati l-irregolaritajiet), li jipprovdi gwida dwar l-aspetti komuni tar-rapportar tal-irregolaritajiet tal-Istati Membri b’rabta man-nefqa tal-baġit tal-UE bħala parti mill-ġestjoni kondiviża għall-perjodu ta’ pprogrammar 2014-2020.
·Sottogrupp dwar il-Prevenzjoni tal-Frodi: “Linji Gwida Ġenerali dwar Strateġiji Nazzjonali Kontra l-Frodi, għall-Istati Membri li jfasslu l-istrateġija nazzjonali tagħhom. Dan id-dokument huwa verżjoni riveduta u mkabbra tal-linji gwida 2014: dan huwa dokument aktar komprensiv li jkopri n-nefqa kollha ta’ ġestjoni kondiviża u jinkludi eżempji konkreti tal-aħjar prattiki tal-Istati Membri.
Iż-żewġ dokumenti ġew abbozzati skont approċċ kollaborattiv ma’ esperti tal-Istati Membri, ikkoordinat mill-OLAF.
It-tielet laqgħa tal-Grupp AFCOS saret fis-27 ta’ Ottubru 2016 u kienet opportunità għas-servizzi ta’ koordinazzjoni sabiex jiddiskutu fatturi prinċipali għal kooperazzjoni investigattiva ta’ suċċess mal-OLAF. L-OLAF ippreżenta diversi żviluppi f’oqsma ta’ politika differenti, pereżempju l-evalwazzjoni tar-Regolament 883/2013 u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).
Barra minn hekk, is-sottogrupp tan-Netwerk ta’ Komunikaturi ta’ Kontra l-Frodi tal-OLAF iltaqa’ fl-2016 biex jiddiskuti r-rwol tal-ġurnaliżmu investigattiv fil-ġlieda kontra l-frodi madwar l-EU, jaqsam l-esperjenza dwar proġett ta’ kontra l-korruzzjoni ta’ Transparency International u jieħu sehem f’sessjoni prattika ta’ kif tiġi żviluppata strateġija ta’ komunikazzjoni ta’suċċess, fost attivitajiet oħrajn.
Il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Ġlieda kontra l-Frodi tal-Kunsill (GAF) skambja fehmiet mal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta’ kontra l-frodi. Fl-2016 saru erba' laqgħat tal-GAF: tlieta taħt il-presidenza Netherlandiża u waħda taħt il-Presidenza Slovakka.
7.Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u Esklużjoni (EDES)
Is-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u Esklużjoni (EDES), li l-għan tagħha huwa li tinforza mill-ġdid il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, ġiet introdotta mir-reviżjoni tal-2015 tar-Regolament Finanzjarju u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2016. L-EDES tiżgura li jkun hemm:
·l-identifikazzjoni bikrija ta’ operaturi ekonomiċi li jirrappreżentaw riskji għall-interessi finanzjarji tal-UE;
·l-esklużjoni ta’ operaturi ekonomiċi mhux affidabbli milli jiksbu fondi tal-UE u/jew l-impożizzjoni ta’ penali finanzjarja;
·il-pubblikazzjoni, fl-aktar każijiet gravi, fuq is-sit web tal-Kummissjoni ta’ informazzjoni relatata mal-esklużjoni u/jew mal-penali finanzjarja, sabiex jissaħħaħ l-effett ta' deterrent.
Din is-sistema l-ġdida tirrappreżenta titjib sinifikanti fl-applikazzjoni ta’ regoli dwar sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, l-indipendenza u t-trasparenza.
L-isituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE issa jistgħu jiddeċiedu li jimponu sanzjonijiet fuq operaturi ekonomiċi mhux affidabbli wara li jiksbu rakkomandazzjoni mill-Bord ċentralizzat ġdid. Il-Bord jivvaluta każijiet fejn ma tingħata l-ebda sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali. Dan ma għandu l-ebda setgħat investigattivi. Fil-prinċipju, il-bord jibbaża l-valutazzjoni tiegħu fuq fatti u sejbiet li jirriżultaw mill-awditjar imwettaq skont ir-responsabbiltà tas-servizz kompetenti tal-Kummissjoni jew l-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF.
Il-Bord huwa magħmul minn President indipendenti permanenti ta’ livell għoli li assuma l-kariga tiegħu fl-24 ta’ Novembru 2016, żewġ Membri permanenti li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni u Membru wieħed ad hoc li jirrappreżenta lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni tas-servizz li jitlob ir-rakkomandazzjoni. Il-Bord jirrispetta d-dritt tad-difiża tal-operatur ekonomiku kkonċernat u japplika l-prinċipju tal-proporzjonalità.
Fl-2016, ġew indirizzati 21 każ li jirreletaw ma’ 33 operatur ekonomiku lill-Bord permezz tas-segretarjat permanenti tiegħu minn servizzi tal-awtorizzazzjoni differenti, inkluż 14 mill-Kummissjoni, ħamsa mill-aġenziji eżekuttivi, wieħed minn uffiċċju u wieħed minn aġenzija deċentralizzata. Fl-2016, il-Bord adotta tliet rakkomandazzjonijiet.
Il-Kummissjoni trid tirrapporta wkoll dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni rigward:
·in-nuqqas ta’ esklużjoni ta’ operaturi ekonomiċi meta dan ikun indispenabbli sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz għal perjodu limitat u sakemm jiġu adottati l-miżuri rimedjali mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati;
·in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar sanzjonijiet amministrattivi fuq is-sit web tal-Kummissjoni, jew minħabba l-ħtieġa għall-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet jew minħabba l-ħarsien tal-prinċipju tal-proporzjonalità meta persuna fiżika tkun ikkonċernata.
8.Segwitu tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - Il-ġlieda kontra l-frodi – ir-Rapport Annwali tal-2015
Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew u b’mod partikolari l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi riċenti tal-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-frodi, l-UPPE u d-Direttiva PIF. Il-Kummissjoni tinnota t-ton ġeneralment kostruttiv u pożittiv tar-riżoluzzjoni u tista’ tagħti segwitu pożittiv lil għadd kbir tar-rakkomandazzjonijiet.
(a)L-identifikazzjoni u r-rapportar tal-irregolaritajiet
Il-Kummissjoni tenfasizza li l-interpretazzjoni taż-żieda fl-irregolaritajiet irrappurtati mill-Istati Membri bħala żvilupp negattiv jew it-tnaqqis bħala żvilupp pożittiv, hija simplistika wisq u tista’ twassal għal konfużjoni.
L-Istrateġiji Nazzjonali ta’ Kontra l-Frodi huma biss obbligatorji għall-pajjiżi kandidati. Il-Kummissjoni qiegħda tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jabbozzaw tali strateġiji u jappoġġjawhom billi jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki u għarfien espert.
Għall-identifikazzjoni tal-irregolaritajiet, il-Kummissjoni diġà għamlet għodod speċifiċi tal-IT disponibbli għall-Istati Membri, bħall-ARACHNE, IMS u l-Għodda tal-Valutazzjoni tar-Riskju ta’ Frodi.
(b)Dħul ‒ riżorsi proprji
Il-Kummissjoni tenfasizza li din qiegħda timplimenta l-pjan ta’ azzjoni VAT — Lejn żona unika tal-VAT fl-UE u 20 measures to tackle the VAT gap” (20 miżura biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-VAT), ippubblikat fis-6 ta’ April 2016.
Il-Kummissjoni hija impenjata li tiġġieled il-kummerċ ta’ oġġetti illegali u ffalsifikati u kontinwament taħdem mal-Istati Membri biex tiżviluppa qafas komuni għall-ġestjoni tar-riskju sabiex jiġu żgurati livelli ekwivalenti ta’ kontroll doganali bbażat fuq ir-riskju madwar l-UE. Il-Kummissjoni regolarment twettaq spezzjonijiet fuq il-post fl-Istati Membri li għandhom l-għan li jiżguraw li s-sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni u kontroll jikkonformaw mal-liġi doganali tal-UE.
(c)Nefqa
Il-Kummissjoni tieħu nota tal-interess tal-Parlament Ewropew f’informazzjoni aktar dettaljata dwar l-irkupru minn residenti legali ta’ pajjiżi mhux tal-UE ta’ fondi tal-UE ġestiti b’mod ħażin taħt ġestjoni diretta u ser tipprova telabora aktar dwar dan l-aspett speċifiku fir-rapport tas-sena d-dieħla, fi ħdan il-limiti tal-informazzjoni disponibbli.
Fir-rigward ta’ analiżi sistematika tal-iżbalji fl-akkwist pubbliku, jinħtieġ li jkun hemm biżżejjed data sabiex titwettaq analiżi sinifikanti. Minbarra r-rapportar tal-irregolarità relatat mal-fondi tal-UE, biex tiġbor tali data, il-Kummissjoni ħadet passi biex tesplora modi għat-twaqqif ta’ bażi tad-data dwar l-irregolarità fil-livell tal-UE li tinkludi wkoll irregolaritajiet tal-akkwist pubbliku mhux relatati mal-fondi tal-UE. Għal dan il-għan, huwa ppjanat li sa Ġunju 2017, jiġi ffinalizzat studju tal-fattibbiltà.
Il-Kummissjoni ser tipprova tinvestiga b’aktar reqqa l-livell għoli ta’ każijiet frodulenti fir-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija.
(d)Problemi identifikati u miżuri meħtieġa
·Rapportar aħjar: Fir-rigward tat-talba għal prinċipji tar-rapportar uniformi fl-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni qiegħda tiffinalizza dokument ta’ ħidma mħejji f’kooperazzjoni ma’ esperti tal-Istati Membri dwar ir-rapportar tal-irregolaritajiet, li jittratta speċifikament il-kwistjonijiet li kkawżaw l-akbar problemi.
Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni wkoll li t-twaqqif ta’ Servizz ta’ Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS) fl-Istati Membri kollha diġà huwa pass importanti fid-direzzjoni t-tajba. In-netwerk AFCOS jista’ jkun qafas adegwat sabiex tiġi żviluppata tali kooperazzjoni.
·Kontrolli aħjar: Il-Kummissjoni diġà ħadet azzjonijiet speċifiċi, skont il-qafas legali attwali, biex issaħħaħ ir-rwol superviżorju tagħha, bl-għan li ttejjeb is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri u tnaqqas ir-rati ta’ żbalji.
Attwalment, il-programm Hercule III huwa soġġett għal evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu indipendenti. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-riżultati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2017.
·Id-Direttiva PIF u r-Regolament UPPE: Il-Kummissjoni tilqa’ l-ftehim politiku li ntlaħaq mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar id-Direttiva PIF u tistenna bil-ħerqa l-adozzjoni tagħha. Din tappoġġja t-twaqqif tal-UPPE bil-parteċipazzjoni tal-akbar numru possibbli ta’ Stati Membri, filwaqt li tqis li l-UPPE xorta waħda jista’ jkun effettiv anke jekk ma jipparteċipawx l-Istati Membri kollha, u tappoġġja l-isforzi attwali sabiex tiġi stabbilita kooperazzjoni mtejba.
·Tabakk: B’risposta għat-talba tal-Parlament Ewropew, mill-perspettiva tal-lum, il-ftehimiet ta’ kontra l-frodi mal-JTI, BAT u ITL ser jiskadu fl-2022 u 2030 rispettivament. Il-Kummissjoni għadha kif ippreżentat rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija 2013. Dan ir-rapport jinkludi t-tagħlimiet miksuba fir-rigward tal-fenomenu tas-sigaretti “bojod u ordinarji”. Abbażi tar-rispons tal-partijiet ikkonċernati, ladarba titlesta l-evalwazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra miżuri ulterjuri fl-2018.
(e)Investigazzjonijiet u r-rwol tal-OLAF
L-OLAF naqqas b’mod konsistenti t-tul globali tal-każijiet ta’ investigazzjoni tiegħu minn medja ta’ 23.6 xhur fl-2012 għal 21 xahar fl-2015.
Attwalment, il-Kummissjoni qiegħda tevalwa r-Regolament 883/2013 u ser tippreżenta rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa Ottubru 2017.
Il-proċedura għall-ħatra ta’ Direttur Ġenerali ġdid tal-OLAF diġà nbdiet u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma involuti bis-sħiħ.
9.Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet
L-adattament ta’ miżuri legali u amministrattivi sabiex jiġu indirizzati l-frodi u l-irregolaritajiet u jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-UE huwa proċess kontinwu. Hekk kif il-proġett dwar l-integrazzjoni Ewropea qiegħed javvanza u hekk kif jinbidel ix-xenarju ekonomiku internazzjonali, jitfaċċaw sfidi ġodda. It-trattament tagħhom jeħtieġ strumenti u għodod ġodda.
Tfaċċaw xejriet u mudelli ġodda fil-modi li bihom isir il-frodi. Il-frodisti jisfruttaw kull opportunità offruta mis-suq uniku, l-ekonomija globalizzata u t-teknoloġija ġdida.
Kif muri minn dan u mir-rapporti tas-snin preċedenti, l-Istati Membri qegħdin, b’mod partikolari, jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq miżuri preventivi u ta’ identifikazzjoni. Fil-livell tal-UE, il-leġiżlaturi Ewropej, qegħdin jippruvaw jindirizzaw it-theddid impost miż-żieda fid-dimensjoni transkonfinali tal-attivitajiet frodulenti wara li jsegwu inizjattivi speċifiċi mill-Kummissjoni Ewropea. It-twaqqif tal-UPPE ser jipprovdi azzjoni aktar effiċjenti sabiex jiġu miġġielda dawk l-attivitajiet frodulenti.
9.1.Dħul
Il-miżuri meħuda fil-livell tal-UE fl-2016 komplew isaħħu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Ir-Regolament 515/97 rivedut iservi bħala għodda b’saħħitha biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi doganali. L-operazzjonijiet doganali konġunti (JCOs) imwettqa mill-OLAF ikomplu jkunu sors importanti ta’ informazzjoni sabiex jiġu identifikati irregolaritajiet fi tranżazzjonijiet li jinvolvu ċerti tipi ta’ oġġetti.
Iċ-Ċina kienet il-pajjiż ta’ oriġini bl-ogħla livell ta’ frodi u irregolaritajiet identifikati kemm fl-għadd ta’ każijiet kif ukoll fl-ammonti stabbiliti.
L-istrateġija ta’ kontroll doganali tinvolvi kombinazzjoni ta’ kontrolli differenti. Il-kontrolli ta’ wara l-ikkriljar ġew irrappurtati bħala l-aktar metodu effettiv ta’ identifikazzjoni, kemm f’termini tal-għadd ta’ każijiet misjuba kif ukoll f’termini ta’ ammonti. Madankollu, il-kontrolli qabel u matul l-ikkriljar tal-oġġetti u spezzjonijiet imwettqa minn servizzi ta’ kontra l-frodi huma kruċjali għall-identifikazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ frodi eżistenti, mudelli ta’ frodi ġodda u ġeneralment, għall-idetifikazzjoni tat-tipi kollha ta’ frodi.
L-ispezzjonijiet TOR imwettqa fl-2016 dwar strateġija ta’ kontroll fl-evalwazzjoni doganali juru li n-nuqqasijiet fil-ġestjoni u l-kontroll ta’ importazzjonijiet sottovalutati ta’ tessuti u żraben jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi sinifikanti għall-baġit tal-UE. Jinħtieġ li jkunu fis-seħħ profili ta’ riskju adegwati; importazzjonijiet sottovalutati jinħtieġ li jiġu kkontestati sistematikament u l-vauri doganali jinħtieġ li jiġu kkoreġuti f’konformità mar-Regolamenti tal-UE.
|
Rakkomandazzjoni 1
L-Istati Membri huma mistiedna jirrevedu l-istrateġija tagħhom ta’ ġestjoni u kontroll fir-rigward tal-valutazzjoni doganali. Bl-għan li jħarsu l-interessi finanzjarji tal-UE, dawn jintalbu jirrevedu l-proċeduri u s-sistemi ta’ kontroll nazzjonali tagħhom, b’mod partikolari billi
·jinkludu profili ta’ riskju mal-UE kollha fis-sistema tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom abbażi ta’ “prezzijiet medji nodfa” u sistematikament jikkontestaw oġġetti potenzjalment sottovalutati identifikati permezz ta’ profili ta’ riskju;
·ma jirrilaxxawx l-oġġetti sakemm id-dikjaranti ta’ oġġetti potenzjalment sottovalutati ma jneħħux id-dubji raġonevoli tal-awtoritajiet dwar il-preċiżjoni tal-valur iddikjarat jew jipprovdu garanzija li tkopri bis-sħiħ id-dejn doganali li jista’ jiġġarrab;
·japplikaw il-metodoloġija tal-evalwazzjoni doganali mogħtija bil-liġi doganali.
|
9.2.Nefqa
Kif urew l-investigazzjonijiet tal-OLAF, l-akkwist pubbliku, li jibqa’ l-akbar mezz ta’ nfiq pubbliku, huwa suq attraenti għall-frodisti, li jużaw il-korruzzjoni u l-kontijiet offshore biex jiffaċilitaw il-frodi. Bosta każijiet ta’ frodi tal-akkwist huma transnazzjonali, peress li x-xenarji l-ġodda tal-frodi ta’ spiss jinvolvu awtorità kontraenti minn Stat Membru wieħed u offerenti minn diversi Stati Membri oħra li jissottokuntrattaw ix-xogħlijiet tagħhom lil kumpaniji f’pajjiżi differenti.
Matul l-aħħar ħames snin, 20 % mill-irregolaritajiet kollha rrappurtati kienu relatati ma’ ksur ta’ regoli dwar l-akkwist pubbliku, li ammontaw għal 30 % tal-ammonti finanzjarji irregolari kollha irrappurtati.
Id-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku kellhom jiġu traposti sat-18 ta’ April 2016, sabiex jiġi introdott qafas legali modernizzat u ssimplifikat. Ħdax-il Stat Membru għad iridu jittrasponu bis-sħiħ it-tliet Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku.
Rakkomandazzjoni 2
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex:
·jittrasponu bis-sħiħ id-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE u jagħtu prijorità lill-implimentazzjoni tagħhom fl-aġenda politika;
·jinfurzaw id-Direttivi l-ġodda b’enfasi fuq it-trasparenza u l-integrità fl-akkwist pubbliku, il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi u l-korruzzjoni u monitoraġġ aħjar tas-sistemi tal-akkwist pubbliku;
·jagħmlu użu mill-possibilitajiet offruti permezz ta' regoli aktar sempliċi u jirrealizzaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-akkwist elettroniku, li ser isir obbligatorju sa Ottubru 2018.
Meta wieħed iħares lejn l-identifikazzjonijiet irrappurtati mill-awtoritajiet nazzjonali matul l-aħħar ħames snin għas-setturi ewlenin tan-nefqa, ma hemm l-ebda diverġenza sinifikanti minn mudelli magħrufa. Minn sena għal oħra jkun hemm varjazzjonijiet żgħar fi programmi annwali, bħal dawk iffinanzjati mill-FAEG. Il-programmi pluriennali jsegwu mudell differenti, marbut maċ-ċiklu ta’ pprogrammar, bl-għadd baxx fl-ewwel snin tal-programm jiżdied lejn l-għeluq tiegħu.
L-analiżi ta’ din is-sena ġiet intensifikata u rfinata aktar sabiex tippermetti mmirar aħjar ta’ oqsma speċifiċi li jinsabu f’riskju. Dan seta’ jsir minħabba l-kwalità tad-data rrappurtata, li qiegħda titjieb b’mod progressiv. Madankollu, jista’ jsir aktar titjib.
Rakkomandazzjoni 3
·Meta jirrappurtaw l-irregolaritajiet (frodulenti u mhux frodulenti), l-awtoritajiet kompetenti kollha jintalbu jipprovdu informazzjoni dwar il-post u, għall-politiki ta’ koeżjoni u s-sajd, il-qasam ta’ prijorità tal-miżuri/proġetti affettwati.
·Meta jaġġornaw l-irregolaritajiet irrappurtati preċedentement, l-Istati Membri jintalbu wkoll jipprovdu din l-informazzjoni jekk dawn għadhomx ma għamlux dan.
Il-ħlasijiet diretti ffinanzjati mill-FAEG jiffurmaw qasam ta’ politika b’riskju relattivament baxx, f’termini ta’ frodi u irregolaritajiet identifikati u rrappurtati mill-Istati Membri. L-identifikazzjoni tal-frodi fil-miżuri ta’ appoġġ għas-suq hija ogħla minn kwalunkwe qasam ta’ politika ieħor.
Għall-programmi FAEŻR, il-livell tal-identifikazzjoini tal-irregolaritajiet u l-frodi mill-awtoritajiet kompetenti huwa simili għal dak ta’ oqsma ta’ ġestjoni oħrajn kondiviżi.
Għall-politika ta’ koeżjoni, l-analiżi tal-perjodu ta’ pprogrammar 2007-2013 tindika rata ta’ identifikazzjoni ogħla għall-programmi dwar l-objettiv ta’ konverġenza. Tinstab rata ta’ identifikazzjoni baxxa b’mod anormali għall-programmi ETC.
Prijoritajiet speċifiċi huma identifikati bħala aktar riskjużi.
Rakkomandazzjoni 4
·L-Istati Membri kollha huma mistiedna jqisu s-sejbiet ta’ dan ir-rapport fil-valutazzjonijiet tar-riskju tal-frodi tagħhom għall-perjodu ta’ pprogrammar 2014-2020 u jagħtu attenzjoni partikolari lill-prijoritajiet issottolinjati u lil interventi li huma simili fl-ambitu u n-natura.
·Fid-dawl tar-riżultati tal-identifikazzjoni baxxa għall-programmi tal-ETC u meta titqies iż-żieda fit-theddida ta’ frodi transnazzjonali, l-Istati Membri jintalbu jżidu l-attenzjoni u l-kooperazzjoni tagħhom.
·L-Istati Membri kollha jintalbu jirrevedu l-valutazzjonijiet tar-riskju tal-frodi tagħhom fir-rigward tal-miżuri ta’ appoġġ għas-suq, filwaqt li jqisu l-informazzjoni enfasizzata f’dan ir-rapport.
9.3.Is-snin li ġejjin
Hemm sensibilizzazzjoni dejjem tikber dwar it-theddid impost mill-frodisti u d-diffikultajiet għal awtoritajiet nazzjonali uniċi biex jittrattaw id-dimensjoni transkonfinali tal-iskemi fis-seħħ.
Dan jissarraf f’rieda dejjem akbar ta’ qsim tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki u, fi ħdan oqfsa legali adegwati, ta' data rilevanti. Issa l--UE u l-Istati Membri huma mgħammra aħjar minn ftit snin ilu u hemm żieda fl-impenn li jwettqu aktar.
Fl-2017, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ser jadottaw id-Direttiva PIF, billi jarmonizzaw aktar l-approċċi tagħhom u jħaddnu d-dimensjoni Ewropea tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.
Mill-inqas għoxrin Stat Membru ser javvanzaw saħansitra aktar, billi jwaqqfu l-UPPE abbażi ta’ “kooperazzjoni mtejba”, sabiex jindirizzaw speċifikament il-frodi u reati oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. Meta jiġi stabbilit l-UPPE, ser ikun hemm żewġ korpi tal-UE li jwettqu l-investigazzjonijiet f’dan il-qasam. L-OLAF u l-UPPE ser ikollhom jaħdmu fi sħubija biex iżidu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom għall-investigazzjonijiet amministrattivi u investigazzjonijiet kriminali rispettivament. Il-Kummissjoni hija impenjata li żżomm OLAF b’saħħtu u l-evalwazzjoni kontinwa tar-Regolament 883/2013 ser toffri opportunità ġdida għal riflessjoni ferm meħtieġa dwar kif is-setgħat investigattivi tiegħu jistgħu jkomplu jissaħħu.
ANNESS 1 — Irregolaritajiet irrapportati bħala frodulenti fl-2016
L-għadd ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti juri r-riżultati tax-xogħol tal-Istati Membri biex jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE; Għaldaqstant, iċ-ċifri ma għandhomx ikunu interpretati li jindikaw il-livell ta’ frodi fit-territorji tal-Istati Membri. It-totali huma differenti mit-Tabella 1 peress li l-Anness 1 ma jinkludix pajjiżi terzi (qabel l-adeżjoni) u nefqa diretta.
ANNESS 2 — Irregolaritajiet mhux irrapportati bħala frodulenti fl-2016
It-totali huma differenti mit-Tabella 2 peress li l-Anness 2 ma jinkludix pajjiżi terzi (qabel l-adeżjoni) u nefqa diretta.