IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.6.2017
COM(2017) 340 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati ma' attivitajiet transfruntiera
{SWD(2017) 241 final}
1.Introduzzjoni
Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu huma sfidi sinifikanti u li qed jevolvu li jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni Ewropea (UE). L-attakki terroristiċi reċenti u l-iskandli finanzjarji rikorrenti jitolbu għal azzjoni aktar b’saħħitha f’dan il-qasam.
Fil-kuntest tas-suq intern, il-flussi finanzjarji huma integrati u ta’ natura transfruntiera, u l-flus jistgħu jimxu b’ħeffa, jekk mhux b’mod istantanju, minn Stat Membru għall-ieħor, u jippermettu li l-kriminali u t-terroristi jċaqalqu l-fondi bejn il-pajjiżi u jevitaw li jinqabdu mill-awtoritajiet.
Sabiex jiġu indirizzati dawn il-fenomeni transfruntieri, id-Direttiva tal-UE kontra l-Ħasil ta’ Flus / Kontra t-Terroriżmu (Anti-Money Laundering / Counter-Terrorism Financing, AML / CFT) iddefinixxiet regoli komuni dwar il-kontrolli u obbligi ta’ rappurtar minn istituzzjonijiet finanzjarji u atturi ekonomiċi oħra, u stabbiliet qafas b’saħħtu għall-Unitajiet tal-Intelliġenza Finanzjarja (Financial Intelligence Units, FIUs) tal-UE biex janalizzaw tranżazzjonijiet suspettużi u biex jikkooperaw ma’ xulxin. Minkejja progress kontinwu u sostanzjali f’dan il-qasam, għadhom meħtieġa sforzi mġedda u miżuri addizzjonali biex jingħalqu kwalunkwe lakuni potenzjali għal ġlieda effiċjenti kontra l-ħasil tal-flus (money laundering, ML) u l-finanzjament tat-terroriżmu (terrorist financing, TF).
Dan ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju supranazzjonali (supra-national risk assessment, SNRA) dwar ir-riskji tal-ML u tat- TF li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati ma’ attivitajiet transfruntieri huwa l-ewwel rapport li sar f’livell supranazzjonali tal-UE. Barra minn hekk, janalizza r-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li tista’ taffaċċja l-UE u jipproponi approċċ komprensiv biex jiġu indirizzati.
L-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet tal-ML jew it-TF (ir-Raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, jew ir--4AMLD)
, jirrikjedi li l-Kummissjoni trid tfassal, sas-26 ta’ Ġunju 2017, rapport li jidentifika, janalizza u jevalwa tar-riskji tal-ML u t-TF fil-livell tal-Unjoni. Il-pubblikazzjoni ta’ dan l-SNRA hija wkoll waħda mir-riżultati tanġibbli tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà
, u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu
.
Fehma u analiżi ċara tar-riskji tal-ML u t-TF huma prerekwiżiti qabel tkun tista’ ssir xi reazzjoni politika effiċjenti u adegwata. Il-valutazzjoni tar-riskju hija partikolarment importanti għas-suq intern billi l-flussi finanzjarji huma ta’ natura integrata u transfruntiera.
L-SNRA juża metodoloġija definita
biex jipprovdi analiżi sistematika ta’ ħasil tal-flus jew tar-riskji tal-finanzjament tat-terroriżmu marbuta mal-modi operandi użati minn min iwettaq ir-reati. L-għan mhuwiex li jgħaddi ġudizzju fuq is-settur kollu kemm hu, iżda li jidentifika ċ-ċirkostanzi li fihom is-servizzi u l-prodotti li toffri jew tipprovdi jistgħu jiġu abbużati għal skopijiet ta’ TF jew ML. Dan l-SNRA huwa bbażat fuq id-Direttiva 2005/60/KE (it-3AMLD), il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-analiżi. Huwa jiddeskrivi ż-żoni li fihom, f’dak iż-żmien, il-qafas legali tal-UE ma kienx daqshekk armonizzat jew komplut kif seta’ kien ladarba daħlu fis-seħħ ir-reviżjonijiet sussegwenti tat-3AMLD.
Dan l-SNRA jiffoka fuq il-vulnerabbiltajiet identifikati fil-livell tal-UE, kemm f’termini ta’ qafas legali u f’termini ta’ applikazzjoni effettiva. Huwa ma jippreġudikax il-miżuri ta’ mitigazzjoni li xi Stati Membri qed japplikaw jew jistgħu jiddeċiedu li japplikaw bi tweġiba għar-riskji nazzjonali tagħhom tal-ML / CTF. Huma għalhekk jistgħu jkunu qed jimplimentaw xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt diġà, jew jkunu adottaw regoli aktar stretti mir-regoli minimi definiti fil-livell tal-UE. Il-valutazzjoni tal-vulnerabbilitajiet li jimmitigaw il-miżuri identifikati f’dan ir-rapport jinħtieġ li għalhekk tiġi kkunsidrata bħala linja bażi li tista’ tiġi adattata skont il-miżuri nazzjonali li diġà jeżistu.
Skont l-Artikolu 6 tar-4AMLD, f’każ li l-Istati Membri li jiddeċiedu li ma japplikaw l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet li ġew issuġġeriti fis-sistemi nazzjonali tagħhom tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML / CFT) jinħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom u jipprovdu ġustifikazzjoni għaliha (“ikkonforma jew spjega”).
Dan ir-rapport jippreżenta r-riskji ewlenin għas-suq intern f’firxa wiesgħa ta’ setturi u d-dgħufijiet orizzontali li jistgħu jaffettwaw setturi bħal dawn. Fuq din il-bażi, dan ir-rapport jippreżenta l-miżuri ta’ mitigazzjoni li jinħtieġ li jiġu segwiti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji u jippreżenta għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għall-atturi differenti involuti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Filwaqt li l-Kummissjoni tagħraf ir-riskji imposti minn xi pajjiżi terzi b’riskju għoli, din l-analiżi tar-riskju ġeografiku ma kinitx parti minn dan l-ewwel SNRA. Dan huwa minħabba li l-analiżi tar-riskji li jiffaċċjaw dawn il-ġurisdizzjonijiet bħalissa qed issir fil-kuntest ta’ proċess separat, jiġifieri atti delegati tal-Kummissjoni li jidentifikaw ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li jkollhom nuqqasijiet strateġiċi li huma ta’ theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-UE għall-ML / għat-TF.
2.Ir-riżultati tal-SNRA
Il-Kummissjoni identifikat 40 prodott jew servizzi li huma meqjusa potenzjalment vulnerabbli għal riskji ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern. Dawn ikopru 11-il settur professjonali, inklużi dawk definiti mir--4AMLD, flimkien ma’ wħud mhux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, iżda meqjusa rilevanti għall-SNRA
. Dan ippermetta lill-Kummissjoni biex tidentifika l-oqsma tas-suq intern li huma fl-ikbar riskju u jirrappreżentaw il-mezzi l-aktar użati mill-kriminali. L-SNRA jiffoka l-ewwel u qabel kollox fuq ir-riskji assoċjati ma’ kull settur rilevanti. Fl-istess ħin, fl-evalwazzjoni tagħha ta’ miżuri rakkomandati biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji, il-Kummissjoni ħarset lejn l-aktar mezzi mifruxa użati mill-kriminali.
2.1.Ir-riskji ewlenin għas-suq intern fis-setturi koperti mill-SNRA
2.1.1.Is-settur finanzjarju
Is-settur finanzjarju ġie kopert mill-qafas AML / CFT tal-UE mill-1991 'l hawn u jidher li għandu għarfien tajjeb tar-riskji tagħha. Waqt li t-terroristi u l-kriminali għadhom qed jippruvaw jużaw is-settur finanzjarju għall-attivitajiet tagħhom, il-valutazzjoni turi li l-livell tar-riskji tal-M/ TF għas-settur finanzjarju huwa moderatament sinifikanti minħabba l-miżuri ta’ mitigazzjoni li diġà jeżistu.
Madankollu, ir-riskju ta’ ħasil ta’ flus għadu sinifikanti għal ċerti segmenti fis-settur finanzjarju, bħal servizzi bankarji privati u l-investiment istituzzjonali (speċjalment permezz ta’ sensara). Dan huwa minħabba l-esponiment ġenerali ogħla għal riskji tal-prodott u l-klijent, pressjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-settur u fehim limitat fost is-superviżuri tar-riskji tal-AML / tas-CFT operazzjonali tagħhom. Is-servizzi tal-kustodja sikura wkoll huma meqjusa bħala ferm esposti għar-riskji tal-ML minħabba limiti fil-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ għal entitajiet obbligati — u l-eżistenza ta’ faċilitajiet ta’ ħżin mhux regolati (pereż. żoni ħielsa).
Il-flus elettroniċi jew is-servizzi ta’ trasferiment ta’ valur monetarju (jiġifieri rimessi ta’ flus) huma kkunsidrati bħala sinifikament u anke ferm esposti b’mod sinfikanti għar-riskji tal-ML / tat-TF - l-ewwel settur minħabba l-karatteristiċi tal-anonimità tagħhom skont it-3AMLD u t-tieni minħabba kapaċitajiet ta’ monitoraġġ mhux uniformi fost l-entitajiet obbligati. Għal uffiċċji tal-kambju tal-valuta u rimessi ta’ flus, l-applikazzjoni tar-regoli tal-AML / tas-CFT għal tranżazzjonijiet okkażjonali biss għal valur ta’ aktar minn EUR 15 000 jidher problematiku billi l-kriminali jistgħu jagħmlu trasferimenti iżgħar matul iż-żmien. Dan huwa partikolarment problematiku fin-nuqqas ta’ definizzjoni komuni ta’ operazzjonijiet li huma marbuta jew għandhom element konkret ta’ tul ta’ żmien.
Prodotti emerġenti — bħal pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv u muniti virtwali — jidhru li huma ferm esposti għar-riskji tal-ML / tat-TF. Xi Stati Membri ddeċidew li jittrattaw dawn il-prodotti finanzjarji fil-liġi nazzjonali, iżda b’mod ġenerali l-qafas legali tal-UE skont it-3AMLD għadu mhux adegwat. FinTech
jimmira li jintroduċi soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda għal prodotti finanzjarji aktar rapidi, sikuri u aktar effiċjenti imma jistgħu jiftħu wkoll opportunitajiet għall-persuni involuti fil-kriminalità. Sabiex ikun hemm adattament għall-iżviluppi teknoloġiċi għaddejjin bħalissa, se tkun meħtieġa analiżi ulterjuri biex nifhmu x’riskji l-prodotti f’dan is-settur li qed jiżviluppa b’rata mgħaġġla jistgħu joħolqu u biex jintużaw il-possibilitajiet ta’ teknoloġiji ġodda biex itejbu l-isforzi tal-AML/ tas-CFT.
Fl-aħħar nett, il-valutazzjoni wriet li l-applikazzjoni frawdolenti ta’ kreditu tal-konsumatur u self ta’ valur baxx kienet il-prattika rikorrenti f’dawn l-aħħar każijiet ta’ terroriżmu. Hemm livell baxx ta’ għarfien u applikazzjoni diverġenti tar-rekwiżiti tal-AML / tas-CFT f’livell nazzjonali għal prodotti bħal dawn.
2.1.2.Is-settur tal-logħob tal-azzard
Skont it-3AMLD, is-settur tal-logħob tal-azzard ma kienx suġġett għar-rekwiżiti tal-AML / tas-CFT ħlief għall-każinòs. Skont ir-4AMLD il-fornituri kollha ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard jsiru entitajiet marbutin b’obbligu. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu eżenzjonijiet sħaħ jew parzjali lil ċerti fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard, abbażi ta’ riskju baxx li hu ppruvat. L-Istati Membri jinħtieġ li jieħdu inkunsiderazzjoni s-sejbiet ta’ din l-SNRA.
F’dan l-istadju, ċerti prodotti tal-logħob tal-azzard huma kkunsidrati bħala esposti ferm għar-riskji tal-ML. Fil-każ tal-logħob tal-flus mhux virtwali u l-powker, din tidher li hija partikolarment dovuta minħabba kontrolli ineffiċjenti. Dan huwa jew għax, min-natura tagħhom, dawn l-attivitajiet jinvolvu volumi sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet rapidi u anonimi ta’ spiss ibbażata fuq flus kontanti jew b’element ta’ bejn il-pari, b’nuqqas ta’ sorveljanza xierqa. Waqt il-logħob tal-azzard online, hemm riskju għoli ta’ espożizzjoni minħabba l-volumi kbar ta’ tranżazzjonijiet / tal-flussi finanzjarji u element mhux ta’ wiċċ imb’ wiċċ. Il-logħob tal-azzard online jippermetti li jkun hemm mezzi ta’ ħlas anonimi, iżda fl-istess ħin joffri fattur mitiganti importanti fil-forma ta’ monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet. Il-lotteriji u l-magni tal-logħob (barra l-każinòs) jippreżentaw livell moderat ta’ riskju ta’ ML / TF. Il-lotteriji żviluppaw ċertu livell ta’ kontrolli, b’mod partikolari biex jindirizzaw ir-riskji assoċjati ma’ livelli għolja ta’ rebħ. Għalkemm il-każinòs min-natura tagħhom huma esposti għal riskju għoli, l-inklużjoni tagħhom fil-qafas tal-AML / tas-CFT mill-2005 kellu effett ta’ mitigazzjoni fuq ir-riskji tal-ML / tat-TF. It-tombla mhux virtwali hija meqjusa li tippreżenta livell baxx ta’ riskji ta’ ML / TF minħabba r-rata relattivament baxxa f’termini ta’ mħatri u ta’ rebħ.
2.1.3.
In-negozji u l-professjonijiet mhux finanzjarji magħżula
B’mod ġenerali, l-esponiment tas-settur mhux finanzjarju għar-riskji tal-ML / tat-TF huwa meqjus bħala sinifikanti u anki ferm sinifikanti. L-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju tal-klijent jidher li hija d-dgħufija ewlenija f’dan is-settur, b’mod speċjali għal fornituri ta’ servizzi ta’ trust jew ta’ kumpaniji, konsulenti tat-taxxa, awdituri, kontabilisti esterni, nutara u professjonisti legali indipendenti oħra. L-analiżi wriet li xi drabi l-kunċett tas-sid benefiċjarju fih innifsu ma jkunx mifhum tajjeb jew ma jiġix iċċekkjat korrettament meta jidħlu f’relazzjoni ta’ negozju.
Fil-każ speċifiku ta’ professjonisti li jwettqu attivitajiet koperti mill-prinċipju tal-privileġġ legali (konsulenti tat-taxxa, awdituri, kontabilisti esterni, nutara u professjonisti legali indipendenti oħra), l-implimentazzjoni tar-regoli tal-AML / tas-CFT tidher ta’ sfida. Il-privileġġ legali huwa prinċipju importanti u rikonoxxut fil-livell tal-UE. Huwa jirrifletti l-bilanċ delikat li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt għal proċess ġust, li fiha nfisha tirrifletti l-prinċipji tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (bħal pereżempju l-Artikolu 47).
Fil-qafas tal-UE dwar l-AML, dawn il-professjonisti huma eżentati minn obbligi ta’ rappurtar meta jiddefendu klijent fi proċediment ġudizzjarju (privileġġ legali) li jżid ir-riskju ta’ użu ħażin. Jeżistu każijiet fejn dawn il-professjonisti kultant iwettqu attivitajiet li huma ċarament koperti min-natura intrinsika tal-privileġġ legali (jiġifieri l-aċċertament tal-pożizzjoni legali tal-klijent tagħhom jew id-difiża jew rappreżentanza tal-klijent tagħhom fi proċedimenti ġudizzjarji) flimkien ma’ attivitajiet li mhumiex koperti minnha, bħall-għoti ta’ pariri legali fil-kuntest ta-ħolqien, l-operazzjoni jew il-ġestjoni ta’ kumpaniji. Jidher li hemm sitwazzjonijiet fejn uħud minn dawn il-professjonisti jistgħu jikkunsidraw li dawn l-attivitajiet kollha jaqgħu taħt il-prinċipju tal-privileġġ legali. Dan jista’ jirriżulta f’nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tal-AML / tas-CFT għal parti mill-attivitajiet. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-konformità mar-regoli tal-AML / tas-CFT bl-ebda mod ma tinterferixxi mal-prinċipju tal-privileġġ legali. Fl-istess waqt, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tiegħu minn professjonisti li jwettqu attivitajiet koperti mill-privileġġ legali jistgħu jitjiebu. Fehim aħjar minn konsulenti tat-taxxa, awdituri, kontabilisti esterni, nutara u professjonisti legali indipendenti oħra jista’ jkun ukoll ta’ benefiċċju, billi huma wkoll huma meqjusa bħala entitajiet marbutin b’obbligu skont ir-4AMLD.
Barra minn hekk, ibbażat fuq il-qafas legali attwali tal-UE, korpi awtoregolatorji huma maħtura biex jissorveljaw lill-konsulenti tat-taxxa, l-awdituri, il-kontabilisti esterni, in-nutara u l-professjonisti legali indipendenti oħra u aġenti tal-proprjetà. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu b’mod ħieles li dawn il-korpi awtoregolatorji huma kompetenti li jirċievu rapporti ta’ tranżazzjonijiet suspettużi (suspicious transactions reports, STRs) direttament mingħand l-entitajiet marbutin b’obbligu, li mbagħad huma responsabbli biex dawn jintbagħtu lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (FIU) minnufih u eżatt kif ikunu. Il-konsultazzjonijiet urew li l-entitajiet obbligati u korpi awtoregolatorji f’dan is-settur ma jirrappurtawx ħafna tranżazzjonijiet suspettużi lill-FIUs, speċjalment f’ċerti Stati Membri. Dan jista’ jkun indikazzjoni li jew it-tranżazzjonijiet suspettużi ma jiġux identifikati u rrappurtati b’mod korrett, jew li l-korpi awtoregolatorji ma jiżgurawx trażmissjoni sistematika tar-rapporti ta’ tranżazzjonijiet suspettużi (STR).
Is-settur tal-proprjetà immobbli wkoll huwa espost għal riskji sinifikanti ta’ ML, minħabba l-varjetà ta’ professjonisti involuti fi tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli (aġenti tal-proprjetà immobbli, istituzzjonijiet ta’ kreditu, nutara u avukati). Mezz ieħor komuni ta’ ħasil tal-flus rikavati huwa l-ħruġ ta’ fatturi żejda f’negozju kummerċjali (“ħasil tal-flus ibbażat fuq in-negozju”) jew it-twaqqif ta’ self fittizju. Min iwettaq dawn ir-reati juża metodi bħal dawn bħala mezz biex jiġġustifika ċ-ċaqliq ta’ rikavat kriminali permezz ta’ kanali bankarji, fejn ta’ spiss juża dokumenti foloz biex jinnegozja fil-prodotti u s-servizzi. Bl-istess mod, self fittizji spiss huma stabbiliti bejniethom sabiex tinħoloq tranżazzjoni finanzjarja fittizja bl-għan li tiġġustifika t-trasferimenti ta’ fondi ta’ oriġini illegali. Dan ir-riskju huwa meqjus bħala sinifikanti mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.
2.1.4.Flus kontanti u assi simili għal flus kontanti
L-SNRA wriet li l-flus kontanti jibqgħu l-iktar mezz rikorrenti li jintuża għall-għanijiet tal-ML / tat-TF, billi permezz tagħha l-kriminali jistgħu jaħbu l-identità tagħhom. Huwa għalhekk li jidhru fi kważi kull investigazzjoni tal-AML / tas-CFT. Skont it-3AMLD, tranżazzjonijiet ta’ flus kontanti ma ġewx immonitorjati kif suppost fis-suq intern minħabba n-nuqqas ta’ regolamentazzjoni ċara u rekwiżiti ta’ kontroll. Xi Stati Membri introduċew rapporti ta’ tranżazzjonijiet fi flus kontanti (cash transactions reports, CTR) jew limiti fuq pagamenti fi flus kontanti. Iżda fin-nuqqas ta’ rekwiżiti komuni għall-Istati Membri kollha, il-kriminali faċilment jistgħu jisfruttaw id-differenzi fil-leġiżlazzjoni. Bl-istess mod, il-qafas tal-UE għal kontrolli fuq il-messaġġiera ta’ flus kontanti fil-fruntieri esterni tal-UE ma jassigurax livelli xierqa ta’ mitigazzjoni, speċjalment billi ma jkoprix prodotti simili għall-flus bħal materjal likwidu ħafna inkluż deheb, djamanti jew high-storage kards anonimi mħallsin minn qabel.
Barra minn hekk, ir-riskji li jirriżultaw minn negozji f’oġġetti ta’ valur għoli fejn in-negozjanti jaċċettaw ħlasijiet fi flus kontanti ta’ aktar minn EUR 15 000 huma meqjusa bħala sinifikanti minħabba l-esponiment inerenti għar-riskji u l-livell baxx ta’ kontrolli. Il-fatt li dawn l-operaturi tas-suq huma soġġetti għar-regoli tal-AML / tas-CFT sal-punt biss li huma jaċċettaw ħlasijiet fi flus kontanti ta’ valur għoli jidher li jwassal għan-nuqqas ta’ effettività fl-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli. L-isfida hija aktar importanti għal dak li għandu x’jaqsam ma’ negozji li huma intensivi fil-flus kontanti. Dawn mhumiex soġġetti għar-regoli tal-AML / tas-CFT, sakemm ma jaqgħux fil-kategorija msemmija hawn fuq ta’ negozjanti li jinnegozjaw f’oġġetti ta’ valur għoli. Iżda dawn jistgħu jservu b’mod konvenjenti ħafna għall-ħasil tal-flus li ġej minn attivitajiet kriminali bbażata fuq flus kontanti.
L-evalwazzjoni tenfasizza wkoll li l-assi li joffru faċilitajiet simili għall-flus kontanti (deheb, djamanti) jew oġġetti tal-ħajja b’valur għoli li jistgħu jiġu nnegozjati faċilment (pereż. oġġetti kulturali, karozzi, ġojjellerija, arloġġi) huma wkoll ta’ riskju għoli, minħabba kontrolli dgħajfa. Ġie espress tħassib speċifiku dwar is-sakkeġġ u t-traffikar ta’ antikitajiet u artefatti oħra: l-artefatti ssakkeġġati jistgħu jservu bħala sors ta’ finanzjament tat-terroriżmu — jew inkella artefatti huma attraenti bħala tqegħid għall-ħasil tal-flus.
2.1.5.Organizzazzjonijiet bla skop ta' qligħ
L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ (non-profit organisations, NPOs) jistgħu jkunu esposti għar-riskji li jintużaw ħażin għal skopijiet ta’ TF. L-analiżi tal-vulnerabbiltà tas-settur tal-NPOs għat-TF kienet pjuttost ta’ sfida billi dan is-settur huwa kkaratterizzat minn varjetà ta’ strutturi u attivitajiet li jippreżentaw livelli differenti ta’ esponiment għal riskji u s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji. Dan huwa dovut l-aktar minħabba x-xenarju diverġenti tal-NPOs u d-differenzi fl-oqsfa legali u l-prattiki nazzjonali. L-“NPOs espressivi” jippreżentaw xi vulnerabbiltà minħabba li dawn jistgħu jiġu infiltrati minn organizzazzjonijiet kriminali jew terroristiċi li jistgħu jaħbu s-sjieda benefiċjarja biex b’hekk it-traċċabbiltà tal-ġbir ta’ fondi ssir iktar diffiċli, filwaqt li ċerti tipi ta’ “NPOs’” li jipprovdu servizz” huma direttament iktar vulnerabbli minħabba n-natura intrinsika tal-attività tagħhom. Dan huwa minħabba li jistgħu jinvolvu finanzjament minn u lejn żoni ta’ kunflitt jew pajjiżi terzi identifikati mill-Kummissjoni li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom ta’ AML / CFT. Madankollu, ġie kkunsidrat waqt l-analiżi li din il-varjetà fost id-diversi tipi ta’ NPOs ma tipprekludix l-identifikazzjoni ta’ karatteristiċi komuni tal-vulnerabbiltajiet tas-settur tal-NPOs.
F’dan il-kuntest, l-analiżi wriet li r-rekwiżiti tal-AML / tas-CFT eżistenti mhumiex neċessarjament meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti bħala adegwati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tal-NPO u l-kontrolli fis-seħħ ivarjaw, skont l-Istat Membru kkonċernat. Huwa rikonoxxut li kontrolli fis-seħħ huma aktar effiċjenti meta jkollhom x’jaqsmu ma’ ġbir ta’ fondi fl-UE li jagħmel il-livell ta’ vulnerabbiltà inqas minn dak għal trasferimenti ta’ fondi jew nefqa barra mill-UE fejn għad fadal dgħufijiet materjali.
B’mod aktar ġenerali, il-valutazzjoni tas-settur tal-NPO wriet li din tista’ tgħaddi minn tnaqqis tar-riskji (“de-risking”) jiġifieri xi istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu ma jkunux daqshekk ħerqana li jipprovduh b’servizzi finanzjarji bħal ma huwa l-ftuħ ta’ kont bankarju. Xi tranżazzjonijiet finanzjarji jistgħu jiġu rrifjutati, skont il-pajjiż ta’ destinazzjoni tal-fondi. Barra minn hekk, organizzazzjonijiet iżgħar ma jkunux kapaċi juru li għandhom l-akkreditazzjoni jew prova fiskali tar-reġistrazzjoni jistgħu jsibu rwieħhom f’sitwazzjoni fejn ma jkunux jistgħu jiftħu kont bankarju. Skont ir-rappreżentanti tal-NPO, l-esklużjoni mill-provvista ta’ servizzi finanzjarji żżid l-użu tal-flus kontanti, li huma ħafna aktar vulnerabbli għal abbużi ta’ ML / TF.
Il-kwistjoni ta’ tnaqqis tar-riskji jew l-esklużjoni finanzjarja hija ta’ tħassib li jinħtieġ li tiġi kkunsidrata meta tiġi ttrattata l-politika tal-AML / tas-CFT. Il-klijenti ma jridux jiġu miċħuda minn fornituri finanzjarji regolati u obbligati li jużaw servizzi ta’ trasferiment bankarju jew servizzi ta’ trasferiment illegali. Madankollu, l-AML / is-CFT huma biss waħda mill-ħafna xprunaturi ta’ tnaqqis tar-riskji. Fil-livell tal-UE, l-adozzjoni tal-“Direttiva dwar il-Kontijiet ta’ Pagament”
se tagħti spinta lill-aċċess għas-servizzi finanzjarji bażiċi li x’aktarx jillimitaw id-dipendenza fuq kanali informali.
2.1.6.Hawala
Filwaqt li s-servizzi ta’ trasferiment ta’ valur jippreżentaw ir-riskji tagħhom stess, Hawala
u servizzi ta’ trasferiment ta’ valur informali oħra bħal dawn joħolqu theddida speċifika, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ TT. Normalment, l-operaturi kollha li joffru servizzi ta’ ħlas kif definiti fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas 2 (PSD2) jinħtieġ li jiġu rreġistrati kif xieraq u rregolati. Dawn il-fornituri jinħtieġ li jfittxu l-istatus ta’ istituzzjonijiet ta’ pagament awtorizzati jew, taħt ċerti kundizzjonijiet, istituzzjoni tal-ħlas irreġistrata. Il-Hawala u servizzi informali oħra ta’ trasferiment ta’ valur normalment jikkwalifikaw bħala illegali billi normalment ma jiġux irreġistrati u ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ PSD2. Din il-problema hija aggravata minħabba d-diffikultà fid-detezzjoni tal-eżistenza ta’ Hawala jew tali servizzi oħrajn: it-tranżazzjonijiet huma ħafna drabi miġbura, jiġu kkumpensati permezz ta’ merkanzija għall-importazzjoni / esportazzjoni, u jħallu warajhom rekord limitat ta’ informazzjoni. It-tnaqqis tar-riskji huwa rilevanti wkoll f’dan ir-rigward, għax il-klijenti miċħuda minn fornituri ta’ servizzi finanzjarji rregolati, xi drabi jirrikorru għal servizzi illegali ta’ dan it-tip.
2.1.7.L-iffalsifikar tal-munita
L-iffalsifikar tal-munita huwa tip ta’ attività illegali transnazzjonali b’livell għoli ta’ movimenti transfruntiera kemm ta’ kriminali kif ukoll ta’ flus foloz, u ħafna drabi jinvolvi gruppi ta’ kriminalità organizzata. Il-kuntrabandu ta’ flus foloz jiġġenera rikavati tal-kriminalità li jeħtieġu jiġu maħsula għall-integrazzjoni tagħhom fil-fluss finanzjarju regolari. Barra minn hekk, il-falsifikazzjoni tal-munita tista’ titqassam permezz ta’ netwerks terroristiċi biex tiffinanzja taħriġ, reklutaġġ, attakki u propaganda, li jeħtieġu ammonti kbar ta’ fondi. Ir-rikavat tal-falsifikazzjoni jista’ jiġi investit biex tissaħħaħ l-infrastruttura ta’ appoġġ tat-terroriżmu.
2.2.Il-vulnerabbiltajiet orizzontali
Il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ dgħufijiet li huma komuni għas-setturi kollha.
2.2.1.L-anonimità fi tranżazzjonijiet finanzjarji (flus u prodotti finanzjarji anonimi oħra)
L-organizzazzjonijiet kriminali jew gruppi terroristi jippruvaw jevitaw li jħallu warajhom xi informazzjoni u li jibqgħu ma jinstabux meta jwettqu attivitajiet illegali. Min-natura tagħhom, it-tranżazzjonijiet ta’ flus jippermettu anonimità sħiħa, li b’hekk isiru metodi tal-ħlasijiet / trasferimenti attraenti ħafna għat-trasgressruri. Is-setturi esposti għal livell għoli ta’ tranżazzjonijiet fi flus kontanti huma meqjusa bħala partikolarment f’riskju. Dan huwa rilevanti b’mod speċjali għal negozji b’użu intensiv ta’ flus kontanti, in-negozjanti fil-merkanzija u s-servizzi li jaċċettaw ħlasijiet fi flus kontanti, u l-operaturi ekonomiċi li jaċċettaw ħlasijiet f’denominazzjonijiet ta’ valur għoli, bħal karti tal-EUR 500 u EUR 200.
Il-prodotti finanzjarji li joffru karattteristiċi ta’ anonimità simili f’ċerti ċirkostanzi (bħal prodotti ta’ flus elettroniċi anonimi, muniti virtwali jew pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv) huma wkoll vulnerabbli għall-ML u t-TF. Il-livelli ta’ riskju tagħhom huma differenti meta mqabbla ma’ tranżazzjonijiet fi flus kontanti minħabba li jeħtieġu ppjanar aktar sofistikat, ikopru volumi iżgħar ta’ tranżazzjonijiet u jistgħu jkunu suġġetti għal ċertu livell ta’ monitoraġġ. Madankollu, l-anonimità tagħhom timponi limitazzjoni intrinsika fuq il-possibbiltajiet ta’ identifikazzjoni u monitoraġġ. L-istess analiżi tapplika għal tipi oħra ta’ assi bħal deheb u djamanti li huma faċilment negozjabbli jew jistgħu jiġu maħżuna b’mod sikur. Dawn huma faċilment trasferibbli u jippermettu l-anonimità fl-istess ħin.
2.2.2.Identifikazzjoni u aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja
Il-kriminali jużaw ukoll is-sistema finanzjarja biex ir-rikavati illeċiti tagħhom jużawhom fis-swieq finanzjarji, fil-proprjetà immobbli jew fl-ekonomija leġittima b’mod aktar strutturat milli bi flus kontanti jew tranżazzjonijiet finanzjarji anonimi. L-ewwel nett, is-setturi kollha huma vulnerabbli għal riskju ta’ infiltrazzjoni, l-integrazzjoni jew sjieda minn organizzazzjonijiet tal-kriminalità organizzata u gruppi terroristiċi. It-tieni nett, teknika komuni għall-kriminali huwa li jinħolqu kumpaniji tal-isem, trusts jew strutturi korporattivi kumplessi biex jaħbu l-identità tagħhom. F’każijiet bħal dawn, filwaqt li l-fondi involuti jistgħu jkunu identifikati b’mod ċar, is-sid benefiċjarju jibqa’ mhux magħruf. Skont informazzjoni mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, f’każijiet kbar ta’ ML / TF ġew użati strutturi opaki b’mod rikorrenti biex jinħbew is-sidien benefiċjarji. Din il-kwistjoni mifruxa mhix limitata għal ċerti ġurisdizzjonijiet jew ċerti tipi ta’ entitajiet ġuridiċi jew arranġamenti legali. Dawk li jagħmlu r-reat jużaw l-aktar metodu konvenjenti, faċli u sikur skont il-kompetenzi tagħhom, il-post, u prattiki tas-suq fil-ġurisdizzjoni tagħhom.
It-3AMLD fiha regoli dwar id-definizzjoni tas-sjieda benefiċjarja meta sseħħ relazzjoni ta’ negozju. Il-livell limitu ta’ 25 % ta’ sjieda tal-ishma biex tiddefinixxi l-element ta’ kontroll hija biss indikattiva u l-identifikazzjoni tal-“maniġer anzjan” bħala s-sid benefiċjarju hija biss l-aħħar soluzzjoni meta l-ebda sid benefiċjarju ieħor ma jkun jista’ jiġi identifikat wara valutazzjoni dokumentata fil-fond (pereż. qsim tal-ishma). Madankollu, fil-prattika, ir-regoli jistgħu jiġu applikati b’mod mekkaniku minn ċerti entitajiet obbligati. F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa dubjuż jekk dan iwassalx għall-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju reali.
2.2.3.Superviżjoni fis-suq intern tal-UE
Ċerti dgħufijiet fir-rigward tal-effikaċja tas-superviżjoni finanzjarja f’kuntest transfruntier huma evidenti. Skont l-opinjoni konġunta tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE)
, il-valutazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-konformità ta’ dan is-settur li jissorveljaw tvarja b’mod sinifikanti. L-iżjed aspett diffiċli jikkonċerna sitwazzjonijiet fejn entitajiet li jappartjenu għall-istess grupp finanzjarju huma soġġetti għas-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti minn diversi Stati Membri. Minħabba dawn is-sitwazzjonijiet l-implimentazzjoni tar-regoli tal-AML / tas-CFT issir pjuttost kumplessa minħabba d-differenzi persistenti bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-approċċ tagħhom fis-superviżjoni tal-AML / tas-CFT u minħabba l-inċertezza dwar ir-responsabbiltajiet tal-pajjiż tal-oriġini / tal-ospitanti b’mod partikolari għall-istituzzjonijiet ta’ ħlas u l-aġenti barranin tagħhom. Dan joħloq ir-riskju li ksur jew każijiet ta’ abbuż għal skopijiet ta’ kriminalità finanzjarja jibqgħu mistura. Barra minn hekk, jidher li l-informazzjoni rilevanti xi kultant ma tiġix kondiviża biżżejjed jew fi żmien tajjeb fost is-superviżuri kompetenti tal-AML / tas-CFT.
Hemm bosta raġunijiet għal dan:
- differenzi fl-istatus tal-kontropartijiet;
- qafas inadegwat biex jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali AML / CFT;
- enfasi eċċessiva fuq sempliċi superviżjoni prudenzjali; kif ukoll
- nuqqas ta’ qafas legali / mekkaniżmi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn superviżuri prudenti u superviżuri finanzjarji tal-AML / tas-CFT
.
Fl-aħħar nett, f’ċerti każijiet limitati, is-superviżuri għandhom diffikultà biex jidentifikaw il-kontropartijiet rilevanti billi f’xi Stati Membri, is-superviżjoni tal-AML / tas-CFT hija frammentata. L-opinjoni konġunta ssemmi wkoll li xi superviżuri ma jidentifikawx b’mod adegwat ir-riskji tal-AML / tas-CFT marbuta mas-setturi li huma jissorveljaw, u / jew ma jkollhomx proċeduri suffiċjenti jew dedikati bbażati fuq ir-riskju biex jissorveljaw dawn ir-riskji, b’mod speċjali fil-qasam tal-TF.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ setturi mhux finanzjarji, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korpi awtoregolatorji jwettqu funzjonijiet superviżorji għal konsulenti tat-taxxa, awdituri, kontabilisti esterni, nutara u professjonisti legali indipendenti oħra u aġenti tal-proprjetà. Hu x’inhu l-mudell ta’ superviżjoni segwit, is-superviżjoni tbati minn nuqqasijiet f’termini ta’ kontroll, gwida u l-livell ta’ rappurtar fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri.
2.2.4.Kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja
L-FIUs huma responsabbli biex jirċievu u janalizzaw informazzjoni dwar attivitajiet finanzjarji suspettużi rilevanti għall-ML, TF u reati predikati assoċjati, u għat-tixrid tar-riżultati tal-analiżi tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti. Din l-analiżi hija kruċjali għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jibdew investigazzjonijiet ġodda jew biex jikkumplimentaw dawk eżistenti. Minkejja li l-kollaborazzjoni bejn l-FIUs tal-UE żdiedet b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar għaxar snin, ċerti dgħufijiet fil-kooperazzjoni bejn l-FIUs għadhom jippersistu.
Rapport ta’ mmappjar tal-pjattaformi tal-FIU identifika b’mod estensiv l-ostakli għall-aċċess, l-iskambju u l-użu ta’ informazzjoni u kooperazzjoni operattiva bejn l-FIUs. Ir-rapport ta’ mmappjar ġie konkluż f’Diċembru 2016
. Huwa jenfasizza wkoll il-bażi legali, il-prattiċi u l-kwistjonijiet operazzjonali. Abbażi ta’ dan, u fuq l-analiżi tagħha stess, il-Kummissjoni ddeskriviet modi possibbli biex titjieb il-kooperazzjoni tal-FIUs tal-UE f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal separat.
2.2.5.Dgħufijiet oħra li huma komuni għas-setturi kollha
L-SNRA wriet li s-setturi kollha identifikati huma esposti għal xi vulnerabilitajiet addizzjonali:
- infiltrazzjoni mill-kriminali: il-kriminali xi kultant jistgħu jsiru proprjetarji ta’ entità marbuta b’obbligu jew ifittxu entitajiet marbutin b’obbligu lesti li jgħinuhom fl-attivitajiet ta’ ML tagħhom. B’hekk it-testijiet ta’ kompetenza u idoneità huma rilevanti għas-setturi kollha analizzati;
- dokumenti ffalsifikati: it-teknoloġija moderna qed tagħmilha eħfef biex jinħolqu dokumenti foloz u s-setturi kollha qegħdin jiffaċċjaw diffikultà biex idaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi robusti biex dawn jiġu skoperti;
- kondiviżjoni tal-informazzjoni insuffiċjenti bejn is-settur pubbliku u dak privat: l-entitajiet obbligati kollha enfasizzaw il-ħtieġa għal mekkaniżmi ta’ feedback tajbin mill-FIUs u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti. Ir-rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi minn entitajiet marbutin b’obbligu li joperaw bejn ġurisdizzjonijiet nazzjonali oħra hija diffikultà apparenti;
- nuqqas ta’ riżorsi, sensibilizzazzjoni u għarfien biex jimplimentaw ir-regoli tal-AML/CFT: filwaqt li ċerti entitajiet obbligati jinvestu f’għodod sofistikati ta’ konformità, ħafna minnhom għandhom għarfien, għodod u kapaċitajiet iktar limitati f’dan il-qasam; kif ukoll
- riskji ġodda li ħerġin minn FinTech: l-użu tas-servizzi onlajn huwa mistenni li jkompli jiżdied fl-ekonomija diġitali, li jagħti spinta lid-domanda għal identifikazzjoni onlajn filwaqt li jippreżenta riskju ikbar minn dawk ta’ tranżazzjonijiet mhux wiċċ imb’wiċċ. L-użu u l-affidabbiltà ta’ identifikazzjoni elettronika huwa kruċjali f’dan ir-rigward.
3.Miżuri ta’ mitigazzjoni biex jindirizzaw ir-riskji identifikati
Wara l-valutazzjoni tal-livelli ta’ riskju, dan ir-rapport jiddeskrivi l-miżuri li l-Kummissjoni tikkunsidra li jinħtieġ li jiġu segwiti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Huma bbażati fuq valutazzjoni ta’ għażliet possibbli biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati. Matul dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni qieset:
- il-livell tar-riskji tal-ML/TF;
- il-ħtieġa u l-proporzjonalità involuti fit-teħid ta’ azzjoni jew li tirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni;
- il-ħtieġa u l-proporzjonalità involuti fir-rakkomandazzjoni ta’ miżuri regolatorji jew mhux regolatorji; kif ukoll
- l-impatt fuq il-privatezza u d-drittijiet fundamentali.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-bżonn li tiġi evitata kwalunkwe possibilità ta’ abbuż jew miżinterpretazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha li tirriżulta fl-esklużjoni tal-klassijiet kollha ta’ klijenti u t-terminazzjoni tar-relazzjonijiet mal-klijenti, mingħajr ma jittieħed kont sħiħ u xieraq tal-livell ta’ riskju fi ħdan settur partikolari.
Matul il-valutazzjoni, il-Kummissjoni identifikat ukoll prodotti li jippreżentaw biss livell ta’ riskju sinifikatament baxx (jew moderatament sinifikanti) li għalihom ma hemm l-ebda miżuri ta’ mitigazzjoni ulterjuri meqjusa bħala meħtieġa f’dan l-istadju. Għalhekk, il-miżuri ppreżentati f’dan ir-rapport jikkonċernaw biss ir-riskji li l-Kummissjoni tqis bħala li jeħtieġu aktar mitigazzjoni. Dan l-approċċ huwa maħsub biex jippermetti lill-Istati Membri biex jidentifikaw aħjar azzjonijiet ta’ prijorità f’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Minkejja li r-rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri jkopru ħafna oqsma differenti, il-biċċa l-kbira tagħhom huma marbuta mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Dawn kienu maħsuba biex jappoġġjaw lill-Istati Membri sabiex jiffukaw fuq oqsma ewlenin ta’ riskju meta japplikaw l-obbligi tagħhom. Din l-evalwazzjoni ma tippreġudikax il-miżuri ta’ mitigazzjoni li xi Stati Membri qed japplikaw jew jistgħu jiddeċiedu li japplikaw b’rispons għar-riskji nazzjonali tagħhom stess tal-AML/CFT. Għalhekk, hemm mnejn l-Istati Membri jimplimentaw xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt diġà jew adottaw regoli aktar stretti mir-regoli minimi definiti fil-livell tal-UE.
L-SNRA għandu l-għan li jagħti stampa ċara tar-riskji tal-ML/TF fil-mument tal-pubblikazzjoni tiegħu. Dan l-eżerċizzju beda u ntemm meta l-qafas leġiżlattiv rilevanti fis-seħħ kienet id-Direttiva 2005/60/KE (it-3AMLD). Għalkemm ir-4AMLD diġà kienet ġiet adottata fil-ħin, l-iskadenza għat-traspożizzjoni tagħha kienet għadha m’għaddietx. Għal din ir-raġuni, ma kienx possibbli li tiġi inkluża kwalunkwe valutazzjoni dwar l-effetti konkreti li jkollha l-implimentazzjoni tagħha. Madankollu, il-bidliet fil-qafas ta’ kontra l-ħasil tal-flus tal-UE permezz tar-4AMLD u l-emendi proposti għaliha
tqiesu huma u jiġu ddefiniti l-miżuri ta’ mitigazzjoni, billi dawn iż-żewġ strumenti se jsaħħu b’mod sostanzjali l-qafas legali preventiv u b’hekk jimmitigaw wħud mill-vulnerabbiltajiet u r-riskji deskritti qabel.
3.1.Miżuri ta’ mitigazzjoni skont ir-4AMLD
Skont ir-4AMLD, mis-26 ta’ Ġunju 2017, il-qafas legali tal-UE jinkludi rekwiżiti ġodda:
·il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ entitajiet marbutin b’obbligu ġie estiż biex ikopri lill-fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard, il-kummerċjanti li jaċċettaw pagamenti bi flus kontanti ta’ aktar minn EUR 10 000 u tranżazzjonijiet okkażjonali li jikkostitwixxu trasferiment ta’ fondi (bl-inklużjoni ta’ rimessi ta’ flus) li jaqbżu l-EUR 1 000;
·l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju ġie msaħħaħ;
·ir-reġistri tas-sjieda benefiċjarja jitwaqqfu biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji ta’ entitajiet ġuridiċi u arranġamenti legali;
·l-anonimità ta’ prodotti ta’ flus elettroniċi tonqos;
·il-livell il-ġdid ta’ sanzjonijiet qed iżid l-effett deterrenti;
·Twaqqaf reġim ġdid għal kooperazzjoni bejn l-FIUs tal-UE.
Dawn il-miżuri l-ġodda huma mistennija li jnaqqsu l-livelli ta’ riskju fis-setturi kollha b’mod sostanzjali. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-konformità tad-dispożizzjonijiet tar-4AMLD, u se tippubblika rapport li jivvaluta l-implimentazzjoni sa Ġunju 2019.
3.2.Miżuri ta’ mitigazzjoni li diġà saru jew li għaddejjin fil-livell tal-UE
Barra minn hekk, l-SNRA kkonfermat li jeħtieġ li jsir aktar xogħol fuq xi kwistjonijiet li jeħtieġu miżuri leġiżlattivi jew inizjattivi oħra ta’ politika mnedija fil-livell tal-UE.
3.2.1.Miżuri leġislattivi
·Il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-4AMLD: skont din il-proposta kemm il-pjattaformi ta’ skambju ta’ muniti virtwali kif ukoll il-fornituri tal-kartieri jinħtieġ li jsiru entitajiet obbligati biex tonqos l-anonimità fit-tranżazzjonijiet. Il-possibbiltà li l-prodotti ta’ flus elettroniċi jkunu eżentati mir-rekwiżiti tal-AML/CFT se tiġi ristretta iktar. L-effikaċja tal-FIUs se tissaħħaħ u r-reġistri tal-kontijiet bankarji ċentralizzati jew sistemi għall-irkupru se jiġu stabbiliti biex jippermettu talbiet immirati aħjar. Bis-saħħa ta’ regoli aktar stretti dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet superviżorji, l-iskambju ta’ informazzjoni jsir aktar effettiv. In-natura msaħħa tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti (CDD) li għandhom jiġu applikati fil-konfront ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli se jiġu speċifikati aktar biex jiġi stabbilit approċċ aktar armonizzat f’dak ir-rigward. Il-kamp t’applikazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni f’reġistri tas-sjieda benefiċjarja se jiġu estiżi. Barra minn hekk, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet li jallinjaw ir-4AMLD b’obbligi ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti skont id-Direttiva 2014/107/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva rigward l-informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji.
·Ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti
: din il-proposta għandha l-għan li tippermetti lill-awtoritajiet jaġixxu fuq ammonti aktar baxxi mil-livell massimu kurrenti għad-dikjarazzjoni ta’ EUR 10000 fejn ikun hemm suspett ta’ attività kriminali, biex ittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet, u titlob l-iżvelar ta’ flus kontanti mibgħuta f’kunsinni mhux akkumpanjati bħal pakketti postali jew it-trasport tal-merkanzija. Id-definizzjoni ta’ “flus kontanti” se tiġi estiża wkoll biex tinkludi komoditajiet prezzjużi li jaġixxi bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur bħal deheb, flimkien ma’ kards tal-ħlas imħallsa minn qabel.
·Il-Kummissjoni qed tippjana li fis-sajf tal-2017 tadotta proposta bl-għan li tiġġieled kontra l-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta’ traffikar illeċitu fl-oġġetti storiċi - ikun xi jkun il-pajjiż ta’ provenjenza - biex tegħleb in-nuqqasijiet attwali fis-settur tal-arti
. Bl-istess mod it-traffikar illegali ta’ organiżmi salvaġġi huwa dejjem aktar rikonoxxut bħala sors ieħor ta’ finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi u attivitajiet relatati. Il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE biex jiġu indirizzati l-flussi finanzjarji illeċiti marbutin mat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi
.
·Id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu
tinkludi definizzjoni waħda tar-reat madwar l-UE kollha tar-reat tal-finanzjament tat-terroriżmu u tistabbilixxi regoli minimi dwar is-sanzjonijiet għal dan ir-reat. Il-proposti għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali
u Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska
se jikkumplimentaw l-approċċ preventattiv tal-UE billi jiżguraw rispons ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi xieraq meta jinqabdu reati ta’ ML u TF.
3.2.2.Inizjattivi ta’ politika
·Attwalment il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tniedi inizjattiva biex issaħħaħ it-trasparenza ta’ ħlasijiet fi flus kontanti. Hija se twettaq valutazzjoni tal-impatt, filwaqt li tqis ir-riżultati ta’ studju u ta’ konsultazzjoni pubblika miftuħa. Il-Kummissjoni se tħares lejn l-għażliet possibbli inkluża l-possibilità li tiġi introdotta restrizzjoni fuq il-ħlasijiet bil-flus kontanti. Dan jista’ jgħin biex jisfrattaw il-finanzjament tat-terroriżmu, billi l-ħtieġa tal-użu ta’ mezzi ta’ ħlas mhux anonimi taġixxi bħala deterrent kontra l-attività jew tagħmilha eħfef biex tidentifika u tinvestiga. Tista’ trawwem ukoll il-ġlieda kontra l-ML, il-frodi u l-kriminalità organizzata. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew biex twaqqaf il-produzzjoni u l-ħruġ tal-karti tal-flus ta’ EUR 500 se tikkontribwixxi biex tkompli tnaqqas ir-riskju kkawżat minn ħlasijiet bi flus kontanti.
·Abbażi fil-Pjattaforma tal-FIUs tal-UE msemmi hawn fuq l-immappjar ta’ setgħat tal-FIUs u l-ostakli għall-kooperazzjoni f’Diċembru 2016, u fuq analiżi addizzjonali, il-Kummissjoni ddeskriviet il-modi possibbli biex titjieb il-kooperazzjoni tal-FIUs tal-UE f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jelenka:
- kwistjonijiet li jistgħu jiġu solvuti permezz ta’ aktar gwida u kooperazzjoni msaħħa fil-livell operattiv, pereżempju permezz tax-xogħol fil-Pjattaforma tal-FIUs tal-UE (pereżempju dwar l-istandardizzazzjoni tar-rappurtar STR);
- kwistjonijiet li huma mistennija li jiġu riżolti ladarba jiġu trasposti r-4AMLD u l-emendi riċenti proposti għaliha; kif ukoll
- kwistjonijiet oħra li joriġinaw minn pajsaġġi legali diverġenti fl-Istati Membri, li jista’ jkollhom bżonn jiġu indirizzati b’azzjoni regolatorja.
L-operat tal-FIUs jista’ jiġi mtejjeb b’mod sostanzjali b’regoli speċifiċi tal-UE li jindirizzaw kwistjonijiet bħalma huma l-kooperazzjoni bejn l-FIUs u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tkompli teżamina għażliet potenzjali skont il-prinċipji tagħha ta’ Regolamentazzjoni Aħjar.
·Il-Kummissjoni waqqfet Task Force tal-FinTech interna biex tevalwa l-iżviluppi teknoloġiċi, is-servizzi bbażati fuq it-teknoloġija u l-mudelli tan-negozju, biex tiddetermina jekk ir-regoli u l-politiki eżistenti humiex xierqa għall-iskop u biex tidentifika alternattivi u proposti għall-użu ta’ opportunitajiet jew l-indirizzar tar-riskji possibbli. Ix-xogħol f’dan il-qasam se jkopri, b’mod partikolari, il-finanzjament kollettiv, il-muniti diġitali (inkluż tranżazzjonijiet crypto-to-crypto (mezz ta’ skambju permezz ta’ assi diġitali għal aktar sigurtà) u l-użu ta’ muniti virtwali għax-xiri ta’ oġġetti ta’ valur għoli), it-teknoloġija tar-reġistri distribwiti Teknoloġija u l-awtentikazzjoni/identifikazzjoni. L-użu tal-identifikazzjoni elettronika u l-on-boarding diġitali (qafas intiż sabiex jgħaqqad il-proċess kollu tax-xiri) se jiġu analizzati wkoll. Il-Kummissjoni se twettaq studju dwar it-tfassil u l-analiżi ta’ prattiki bankarji li bihom jilqgħu klijenti ġodda (on-boarding) madwar l-UE u l-passi li jmiss se jiġu vvalutati wkoll.
3.2.3.Aktar miżuri ta’ appoġġ għall-mitigazzjoni tar-riskju fil-livell tal-UE
·It-titjib fil-ġbir ta’ dejta statistika: Data kwantitattiva, rilevanti, affidabbli u komparabbli fil-livell tal-UE tikkontribwixxi għal fehim aħjar tar-riskji. Għalhekk, il-Kummissjoni se tagħmel mill-aħjar biex ittejjeb il-ġbir ta’ data statistika dwar l-AML/CFT, billi tiġbor, tikkonsolida u tanalizza l-istatistika pprovduta mill-Istati Membri skont l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 44 tar-4AMLD, u permezz ta’ ħidma mal-Eurostat biex tiżdied il-komparabilità tad-dejta.
·Gwida ulterjuri għal entitajiet obbligati dwar il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet okkażjonali u operazzjonijiet li jidhru li għandhom x’jaqsmu ma’ xulxin”: bħalissa skont it-3AMLD, l-entitajiet obbligati huma mitluba japplikaw miżuri ta’ CDD meta jistabbilixxu relazzjoni ta’ negozju jew iwettqu transazzjoni okkażjonali li jammontaw għal EUR 15 000 jew iktar. Dan il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet okkażjonali” huwa ta’ sfida għall-implimentazzjoni effettiva tar-regoli speċjalment fir-rimessa ta’ flus u servizzi ta’ kambju ta’ muniti - iżda wkoll fis-settur tal-logħob tal-azzard. Aktar gwida mill-Kummissjoni (f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali) tista’ tgħin biex jittaffa dan ir-riskju.
·Taħriġ għal professjonisti li jwettqu attivitajiet koperti mill-prinċipju tal-privileġġ legali: jinħtieġ li huma japplikaw ir-regoli tal-AML / tas-CFT b’mod aktar effettiv filwaqt li jħarsu b’mod sħiħ id-dritt għal proċess ġust u l-leġittimità tal-“privileġġ legali”. Jinħtieġ li l-attivitajiet ta’ taħriġ jagħtu linji gwida operattivi u perspettiva prattika sabiex jgħinu lil dawn il-professjonisti jagħrfu operazzjonijiet li jistgħu jkunu relatati mal-ML jew it-TF u biex juruhom kif għandhom jipproċedu f’każijiet bħal dawn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tivvaluta l-għażliet differenti disponibbli biex itejbu l-konformità f’dan is-settur, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
.
·Aktar analiżi ta’ riskji ppreżentati minn Hawala u servizzi informali ta’ trasferiment tal-valur: jinħtieġ li d-daqs tal-problema u s-soluzzjonijiet possibbli tal-infurzar tal-liġi jiġu analizzati aktar fil-fond. L-involviment tal-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi, b’mod speċjali l-Europol u l-Eurojust, flimkien ma’ superviżuri huwa meħtieġ sabiex joħolqu azzjonijiet b’effett deterrenti kontra atturi li ma jikkooperawx u jassistu lil operaturi li jkunu jridu jwettqu servizzi leġittimi f’ambjent li jħares il-liġi.
·Aktar ħidma biex titjieb is-superviżjoni fl-UE: l-entitajiet obbligati jridu japplikaw ir-regoli attwali b’mod effettiv. Għalhekk, il-Kummissjoni tagħmel enfasi kbir fuq il-ħidma mwettqa mis-superviżuri tal-AML / tas-CFT. Hemm sfidi li għandhom jiġu indirizzati: l-għadd kbir ta’ entitajiet obbligati fl-UE u d-diversità tagħhom; il-volum ta’ tranżazzjonijiet u klijenti; ix-xenarju fframmentat tas-superviżuri tal-AML/CFT; u l-limitazzjonijiet fl-għarfien tar-riskji tas-superviżuri. Se jsiru rakkomandazzjonijiet ulterjuri lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali responsabbli għas-superviżjoni biex jiżguraw li s-superviżuri tal-AML / tas-CFT jifhmu aħjar ir-rwol tagħhom fl-identifikazzjoni tar-riskji, u fid-deċiżjoni dwar ir-riżorsi li għandhom ikunu allokati għal superviżjoni, u l-azzjonijiet superviżorji li jwettqu fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu taħt ir-responsabbiltà tagħhom.
4.Rakkomandazzjonijiet
4.1.Rakkomandazzjonijiet għall-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASEs)
Fis-settur finanzjarju, l-ASEs għandhom rwol ċentrali fiż-żieda tal-kapaċità tal-UE biex tilqa’ l-isfidi f’dan is-settur. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-ASE:
-iqajjmu għarfien dwar-riskji tal-ML / tat-TF u jidentifikaw l-azzjonijiet xierqa biex tinbena ulterjorment il-kapaċità tas-superviżuri fis-superviżjoni tal-AML / tas-CFT
. F’dak il-kuntest, jinħtieġ li huma jwettqu evalwazzjonijiet bejn il-pari fuq superviżjoni bbażata fuq ir-riskju fil-prattika u jidentifikaw miżuri xierqa sabiex is-superviżjoni tal-AML / tas-CFT tkun aktar effettiva;
-jieħdu aktar inizjattivi biex itejbu l-kooperazzjoni bejn is-superviżuri. F’dan ir-rigward, l-ASE dan l-aħħar iddeċidew li jniedu influss ta’ xogħol dedikat sabiex il-qafas ta’ kooperazzjoni bejn is-superviżuri finanzjarji jaħdem aħjar;
-jaslu għal aktar soluzzjonijiet għall-operaturi ta’ sorvejlanza li jaġixxu taħt ir-reġim tal-“passaportar”. It-task force konġunta tal-awtorità Bankarja Ewropea (ABE) dwar is-servizzi ta’ ħlas / kontra l-ħasil tal-flus diġà bdiet taħdem fuq din il-kwistjoni. Hija qed tfittex li jiġi ċċarat meta aġenti u distributuri huma verament “stabbilimenti” u tqis ix-xenarji varji li se jgħinu biex jiġu ndirizzati r-riskji;
-jipprovdu linji gwida aġġornati dwar il-governanza interna sabiex ikomplu jiċċaraw l-aspettattivi madwar il-funzjonijiet ta’ uffiċjali ta’ konformità f’istituzzjonijiet finanzjarji;
-jipprovdu aktar gwida dwar l-identifikazzjoni tas-sjieda benefiċjarja għal fondi ta’ investiment, speċjalment f’sitwazzjonijiet li jippreżentaw riskju ogħla ta’ ML jew TF; kif ukoll
-janalizzaw ir-riskji operazzjonali tal-AML / tas-CFT marbuta mal-mudell tan-negozju / tal-kummerċ fis-setturi tas-servizzi bankarji korporattivi, is-servizzi bankarji privati u l-investiment istituzzjonali min-naħa l-waħda, u s-servizzi ta’ trasferiment ta’ valur ta’ flus u flus elettroniċi, min-naħa l-oħra. Jinħtieġ li din l-analiżi titwettaq fil-kuntest tal-opinjoni konġunta futura dwar ir-riskji li jaffettwaw is-settur finanzjarju skont l-Artikolu 6(5) tar-4AMLD
4.2.Rakkomandazzjonijiet għal superviżuri mhux finanzjarji
Is-settur mhux finanzjarju ma għandu l-ebda korp jew aġenzija tal-UE tat-tip ASE fis-seħħ fil-livell tal-UE. Skont il-qafas kontra l-ħasil tal-flus tal-UE, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korpi awtoregolatorji jwettqu funzjonijiet superviżorji għal konsulenti tat-taxxa, awdituri, kontabilisti esterni, in-nutara u professjonisti legali indipendenti oħra u aġenti tal-proprjetà. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, is-superviżjoni f’dawn is-setturi qed tbati minn nuqqasijiet f’termini ta’ kontrolli, gwida u l-livell ta’ rappurtar minn professjonisti legali, b’mod partikolari l-FIU. Għalhekk, jinħtieġ li l-entitajiet awtoregolatorji jagħmlu sforzi biex iżidu n-numru ta’ spezzjonijiet tematiċi u r-rappurtar. Jinħtieġ li huma wkoll jorganizzaw taħriġ biex jiżviluppaw fehim aħjar tar-riskji u l-obbligi ta’ konformità tal-AML / tas-CFT.
4.3.Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri
Skont il-livell ta’ riskju identifikat fis-setturi differenti koperti mill-SNRA, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri ta’ mitigazzjoni ta’ hawn taħt. Jinħtieġ li dawn jiġu kkunsidrati bħala linja bażi li tista’ tiġi adattata skont il-miżuri nazzjonali diġà fis-seħħ:
ØIl-kamp t’applikazzjoni tal-valutazzjonijiet nazzjonali tar-riskju
Jinħtieġ li l-Istati Membri jagħtu konsiderazzjoni xierqa lir-riskji li jippreżentaw diversi prodotti fil-valutazzjonijiet ta’ riskji nazzjonali tagħhom u jiddefinixxu miżuri xierqa ta’ kontroll, partikolarment dwar:
- negozji intensivi fi flus kontanti u pagamenti fi flus kontanti: Jinħtieġ li l-Istati Membri jiddefinixxu miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa bħalma huma l-introduzzjoni ta’ limiti fuq il-flus kontanti għal ħlasijiet, sistemi ta’ rappurtar dwar tranżazzjonijiet fi flus kontanti jew kull miżura oħra xierqa għall-indirizzar tar-riskju;
- artefatti kulturali u antikitajiet: Jinħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw ir-riskju li joħroġ minn dan is-settur, jippromovu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fost in-negozjanti tal-arti u jħeġġuġhom japplikaw il-miżuri AML / CFT;
- is-settur tal-NPO: Jinħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw kopertura xierqa ta’ NPO fil-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali tagħhom; kif ukoll
- il-prodotti ta’ flus elettroniċi: Jinħtieġ li l-Istati Membri jqisu r-riskji maħluqa minn prodotti ta’ flus elettroniċi anonimi u jiżguraw li l-limiti ta’ eżenzjoni huma baxxi kemm jista’ jkun, biex jiġi evitat l-użu ħażin tagħhom.
ØSjieda benefiċjarja
Jinħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ entitajiet ġuridiċi u arranġamenti legali tkun adegwata, preċiża u attwali.
(1) Jinħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw għodod adegwati sabiex jiġi żgurat li l-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju ssir kif xieraq meta japplikaw il-miżuri ta’ CDD. Fil-każ ta’ entitajiet ġuridiċi, meta l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu identifikaw biss il-maniġer superjuri bħala s-sid benefiċjarju, jinħtieġ li dan jiġi enfasizzat mill-entità marbuta b’obbligu (pereż. permezz ta’rekord speċjali ta’ din l-informazzjoni). Ikun għaqli li wieħed iżomm rekord ta’ kwalunkwe dubju li dik il-persuna identifikata hija s-sid benefiċjarju. Jinħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lil strutturi kumplessi fejn is-settlor, it-trustee, il-protettur, il-benefiċjarji jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li teżerċita kontroll finali fuq it-trust jinvolvu waħda jew diversi entitajiet legali.
(2) Jinħtieġ li r-regoli fir-4AMLD dwar it-trasparenza tal-nformazzjoni fuq is-sjieda benefiċjarja tiġi wkoll implimentata malajr, bl-introduzzjoni ta’ reġistri tas-sjieda benefiċjarja għat-tipi kollha ta’ entitajiet ġuridiċi u arranġamenti legali. Jinħtieġ li l-informazzjoni fir-reġistri tiġi verifikata fuq bażi regolari, pereżempju minn awtorità maħtura, sabiex jiġu evitati diskrepanzi b’informazzjoni miġbura minn entitajiet obbligati bħala parti mill-proċeduri tas-CDD tagħhom.
(3) Jinħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-setturi l-aktar esposti għal riskji minn skemi ta’ sjieda benefiċjarja opaki huma effettivament immonitorjati u ssorveljati. Dan huwa partikolarment il-każ għal intermedjarji bħal konsulenti tat-taxxa, awdituri, kontabilisti esterni, in-nutara u professjonisti legali indipendenti oħra u għall-fornituri ta’ servizzi ta’ konsulenza lill-impriżi dwar l-għaqdiet/akkwisti
. F’dan il-każ tal-aħħar, filwaqt li dawn is-servizzi huma koperti mill-qafas tal-UE dwar l-AML / is-CFT, l-SNRA jenfasizza applikazzjoni ineffettiva tar-regoli għal din il-kategorija speċifika ta’ impriża.
ØRiżorsi adegwati għas-superviżuri u l-FIUs
Skont ir-4AMLD, l-Istati Membri jridu jallokaw riżorsi “adegwati” lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom
. Madankollu, mid-dejta miġbura f’dan l-istadju, mhuwiex possibbli li tiġi identifikata kwalunkwe korrelazzjoni sistematika bejn ir-riżorsi allokati u d-daqs tas-settur, in-numru ta’ entitajiet marbutin b’obbligu u l-livell ta’ rappurtar. Jinħtieġ li l-Istati Membri juru li ġew allokati riżorsi suffiċjenti lis-superviżuri u l-FIUs sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom.
ØŻieda fl-ispezzjonijiet fil-post mis-superviżuri
Fis-settur finanzjarju, is-superviżuri jeħtiġilhom idaħħlu fis-seħħ mudell ta’ superviżjoni bbażat fuq ir-riskju skont il-linji gwida konġunti tal-ASE dwar is-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju li ġie ppubblikat f’Novembru 2016. Dawn il-linji gwida jiddikjaraw li s-superviżuri jinħtieġ li jirrevedu - kemm b’mod perjodiku kif ukoll fuq bażi ad hoc - jekk il-mudell ta’ superviżjoni tal-AML / tas-CFT bbażat fuq ir-riskju tagħhom superviżjoni jagħtix ir-riżultat mixtieq u, b’mod partikolari, jekk il-livell tar-riżorsi ta’ superviżjoni jibqax proporzjonat għar-riskji tal-ML / tat-TF identifikati. F’dan ir-rigward, huwa importanti li s-superviżuri jwettqu biżżejjed spezzjonijiet fil-post li huma proporzjonati għar-riskji identifikati tal-ML / tat-TF.
Jinħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-ispezzjonijiet fil-post huwa ffukat fuq ir-riskji operazzjonali speċifiċi tal-AML / tas-CFT skont il-vulnerabbiltajiet speċifiċi inerenti għal prodott jew servizz. Dan jirrigwarda b’mod partikolari l-investiment istituzzjonali (speċjalment permezz ta’ sensara); għas-servizzi bankarji privati fejn is-superviżuri jinħtieġ li jivvalutaw l-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-identifikazzjoni tas-sjieda benefiċjarja; u l-uffiċċji tal-kambju u servizzi ta’ trasferiment ta’ flus (money value-transfer services, “MVTS”) fejn l-ispezzjonijiet jinħtieġ jinkludu reviżjoni tat-taħriġ mogħti lill-aġenti.
Fis-settur mhux finanzjarju, jinħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom iwettqu biżżejjed spezzjonijiet mhux imħabbra fuq negozjanti ta’ valur għoli b’mod speċjali għal deheb u djamanti biex is-settur jidentifika lakuni possibbli f’konformità mar-rekwiżiti tas-CDD. Bl-istess mod, jinħtieġ li l-għadd ta’ spezzjonijiet fil-post fis-settur ta’ professjonisti li jwettqu attivitajiet koperti mill-prinċipju tal-privileġġ legali jkunu proporzjonati għar-riskji.
ØL-awtoritajiet superviżorji biex iwettqu l-ispezzjonijiet tematiċi
Jinħtieġ li s-superviżuri jiżviluppaw fehim aħjar tar-riskji tal-AML / tas-CFT li segment speċifiku tan-negozju huwa espost għalih. Jinħtieġ li din ir-rakkomandazzjoni tapplika għal investiment istituzzjonali (speċjalment permezz ta’ sensara) u servizzi bankarji privati; il-fornituri ta’ servizzi ta’ fiduċja u tal-kumpaniji (trust and company service providers, it-TCSPs); il-konsulenti tat-taxxa, l-awdituri, il-kontabilisti esterni, in-nutara u l-professjonisti legali indipendenti oħra; il-fornituri ta’ servizzi relatati ma’ konsulenza lill-impriżi dwar l-istruttura tal-kapital, l-istrateġija industrijali u kwistjonijiet u pariri relatati kif ukoll servizzi relatati mal-fużjonijiet u x-xiri ta’ impriżi. Għal dawk is-setturi, jinħtieġ li s-superviżuri jivvalutaw speċifikament l-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-identifikazzjoni ta’ sjieda benefiċjarja. Jinħtieġ li huma japplikaw wkoll għall-MVTS. F’każijiet bħal dawn, jinħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-superviżuri jwettqu l-ispezzjonijiet tematiċi fi żmien sentejn (2) mill-pubblikazzjoni tar-rapport tal-SNRA, ħlief jekk tali spezzjonijiet jkunu twettqu dan l-aħħar.
ØIl-kunsiderazzjonijiet għall-estensjoni tal-lista ta’ entitajiet marbutin b’obbligu
Għad hemm xi servizzi / prodotti mhux koperti minn qafas tal-UE dwar l-AML / is-CFT. Skont l-Artikolu 4 tar-4AMLD, jinħtieġ li l-Istati Membri jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim tal-AML/CFT għall-professjonisti li huma partikolarment fir-riskju. Meta japplikaw din id-dispożizzjoni, jinħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jissottomettu tal-inqas il-crowdfunding, il-pjattaformi ta’ skambju ta’ muniti virtwali u fornituri tal-kartieri
, il-postijiet fejn isiru l-irkanti, in-negozjanti tal-arti u l-antikitajiet u l-operaturi ekonomiċi speċifiċi ta’ oġġetti ta’ valur għoli għar-reġim tal-AML / tas-CFT tagħhom, billi huma identifikati bħala riskjużi taħt l-SNRA.
ØLivell xieraq ta’ CDD għal tranżazzjonijiet okkażjonali
Skont il-qafas legali attwali tal-UE, xi servizzi/prodotti jistgħu jiġu eżentati mis-CDD għal tranżazzjonijiet okkażjonali taħt ċertu limitu (EUR 15 000). Madankollu, hemm xi każijiet fejn dawn l-eżenzjonijiet abbażi ta’ limitu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala mhux ġustifikati u fejn livell limitu ta’ EUR 15 000 iqajjem xi tħassib. F’dan il-kuntest, jinħtieġ li l-Istati Membri jiddefinixxu limitu aktar baxx ta’ CDD għal tranżazzjonijiet okkażjonali biex jiżguraw li huwa proporzjonat mal-oppurtunitajiet tar-riskji tal-AML / tas-CFT identifikati fil-livell nazzjonali. Jinħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar il-limitu nazzjonali tagħhom għal tranżazzjonijiet okkażjonali. Limitu simili għal dak għal tranżazzjonijiet okkażjonali għal trasferimenti ta’ fondi jista’ jitqies bħala proporzjonat għar-riskju (jiġifieri EUR 1 000). Barra minn hekk, jinħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu gwida dwar id-definizzjoni ta’ tranżazzjonijiet okkażjonali, jipprovdu għal kriterji b’tali mod li r-regoli applikabbli tas-CDD għar-relazzjonijiet ta’ negozju ma jiġux evitati għal uffiċċji tal-kambju tal-valuta u, sakemm joħorġu r-rekwiżiti l-ġodda tar-4AMLD, ir-rimessi ta’ flus.
ØLivell xieraq ta’ CDD fil-każ ta’ servizzi ta’ kustodja sikura u servizzi simili
Sabiex is-servizzi tal-kustodja sikura jiġu sorveljati kif suppost, jinħtieġ li jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa. Jinħtieġ li din ir-rakkomandazzjoni tapplika għas-setturi li ġejjin:
- servizzi ta’ kaxxi ta’ sigurezza pprovduti minn istituzzjonijiet finanzjarji: Jinħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawn is-servizzi jiġu offruti biss lil detenturi ta’ kont bankarju fl-istess entità obbligata u jinħtieġ li jittrattaw b’mod adegwat ir-riskji maħluqa mill-aċċess tat-terzi persuni għall-kaxxi ta’ sigurezza. Jinħtieġ li tingħata gwida lill-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu biex jiġi ċċarat kif jinħtieġ li jimmonitorjaw b’mod effettiv il-kontenut tal-kaxxa ta’ sigurezza għad-depożiti bħala parti mir-rekwiżiti CDD / ta’ monitoraġġ tagħhom; kif ukoll
- servizzi ta’ ħżin simili pprovduti minn fornituri mhux finanzjarji: Jinħtieġ li l-Istati Membri jiddefinixxu miżuri proporzjonati għar-riskji ppreżentati fl-għoti ta’ dawn is-servizzi, inkluż fil-freeports, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali.
ØKooperazzjoni regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet obbligati
Jinħtieġ li din il-kooperazzjoni msaħħa tfittex li tħaffef id-detezzjoni tat-tranżazzjonijiet suspettużi u biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tal-STRs. Jinħtieġ li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni jipprovdu gwida ċara dwar ir-riskji tal-AML / tas-CFT, dwar is-CDD, fuq ir-rekwiżiti tal-STR u dwar kif għandhom jiġu identifikati l-aktar indikaturi rilevanti li jikxfu tar-riskji tal-ML/TF. Jinħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-FIUs jibagħtu feedback adegwat lill-entitajiet obbligati. Jinħtieġ li din ir-rakkomandazzjoni tapplika b’mod partikolari għas-setturi li ġejjin:
- is-settur tal-logħob tal-azzard: Għal magni tal-logħob tal-azzard, jinħtieġ li tingħata gwida ċara mill-awtoritajiet superviżorji dwar ir-riskju emerġenti marbut mal-lotteriji bil-vidjow. Għal logħob tal-azzard onlajn, jinħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti responsabbli jistabbilixxu wkoll programmi biex jitqajjem għarfien fost l-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn dwar il-fatturi tar-riskji emerġenti li jista’ jkollhom impatt fuq il-vulnerabilità tas-settur. Dawn jinkludu l-użu ta’ muniti virtwali jew flus elettroniċi anonimi u l-emerġenza ta’ operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn mhux awtorizzat; aktar feedback lill-FIU dwar il-kwalità tal-STRs, modi biex jitjieb ir-rappurtar u dwar l-użu li jkunu għamlu mill-informazzjoni pprovduta, u b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet tas-settur tal-logħob tal-azzard meta jiżviluppaw l-istandardizzazzjoni tal-mudell(i) STR / SAR fil-livell tal-UE.
- konsulenti tat-taxxa, awdituri, kontabilisti esterni, nutara u professjonisti legali indipendenti oħra: jinħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu gwida dwar il-fatturi ta’ riskju li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet li jinvolvu konsulenti tat-taxxa, awdituri, kontabilisti esterni, nutara u professjonisti legali indipendenti oħra. Jinħtieġ li huma wkoll jagħtu gwida dwar l-infurzar tal-privileġġ legali u dwar kif issir distinzjoni bejn servizzi legali soġġetti għall-essenza nnifisha tal-privileġġ legali mis-servizzi oħra mhux soġġetti għall-privileġġ legali meta dawn jiġu pprovduti lil klijent wieħed; kif ukoll
- MVTS: jinħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu lis-settur tal-MVTS b’aktar għarfien dwar ir-riskji u l-indikaturi tar-riskju dwar il-finanzjament tat-terroriżmu.
ØTaħriġ speċjali u kontinwu għal entitajiet marbutin b’obbligu
Jinħtieġ li s-sessjonijiet ta’ taħriġ garantiti mill-awtoritajiet kompetenti jkopru r-riskju ta’ infiltrazzjoni jew sjieda minn gruppi ta’ kriminalità organizzata. Jinħtieġ li din ir-rakkomandazzjoni tapplika għas-setturi li ġejjin:
- is-settur tal-logħob tal-azzard: għal imħatri, flimkien ma’ persunal u uffiċjali responsabbli mill-konformità, jinħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu sessjonijiet ta’ taħriġ obbligatorju għall-bejjiegħa tal-imħatri ffukati fuq evalwazzjoni xierqa tar-riskju tal-prodotti tagħhom / mudell ta’ negozju
- it-TCSPs, konsulenti tat-taxxa, awdituri, kontabilisti esterni, nutara u professjonisti legali indipendenti oħra, fornituri ta’ servizzi relatati ma’ pariri lill-impriżi dwar l-istruttura tal-kapital, l-istrateġija industrijali u kwistjonijiet u pariri relatati kif ukoll servizzi relatati mal-fużjonijiet u x-xiri ta’ impriżi: jinħtieġ li s-sessjonijiet ta’ taħriġ u gwida dwar il-fatturi ta’ riskju jiffokaw fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali, mhux wiċċ imb’ wiċċ, intermedjarji professjonali offshore, klijenti jew ġurisdizzjonijiet; u strutturi kumplessi / imsejħa shell
- il-proprjetà immobbli: jinħtieġ li t-taħriġ speċifiku jinkludi twissijiet (bnadar ħomor) għal każijiet fejn diversi professjonisti huma involuti f’tranżazzjoni ta’ proprjetà immobbli (l-aġent ta’ proprjetà immobbiljari, professjonist legali, istituzzjoni finanzjarja); kif ukoll
- MVTS: jinħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jipprovdu taħriġ obbligatorju għal aġenti biex isiru konxji mill-obbligi AML / CFT tagħhom u juruhom kif għandhom jidentifikaw tranżazzjonijiet suspettużi.
ØRappurtar annwali minn awtoritajiet kompetenti / korpi awtoregolatorji fuq l-attivitajiet tal-AML / tas-CFT tal-entitajiet marbutin b’obbligu skont ir-responsabbiltajiet tagħhom.
Dan l-obbligu ta’ rappurtar se jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jwettqu l-valutazzjonijiet ta’ riskji nazzjonali tagħhom u jippermettu aktar azzjonijiet proattivi biex jittrattaw id-dgħufijiet jew in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tal-AML/CFT fis-setturi li ġejjin:
- il-proprjetà immobbli: jinħtieġ li r-rapport jinkludi l-għadd ta’ rapporti li waslu għand korp awtoregolatorju u n-numru ta’ rapporti mibgħuta lill-FIUs meta dawk il-professjonisti qiegħdin jirrapportaw permezz ta’ korp awto-regolatorju; kif ukoll
- konsulenti tat-taxxa, awdituri, kontabilisti esterni, nutara u professjonisti legali indipendenti oħra: jinħtieġ li r-rapport jinkludi l-għadd ta’ spezzjonijiet fil-post imwettqa minn korpi awtoregolatorji biex jimmonitorjaw il-konformità tal-AML / tas-CFT, l-għadd ta’ rapporti li waslu minn korp awtoregolatorju u n-numru ta’ rapporti mibgħuta lill-FIU meta dawk il-professjonisti qiegħdin jirrapportaw permezz ta’ korp awto-regolatorju.
5.Konklużjonijiet
L-SNRA turi li s-suq intern tal-UE għadu vulnerabbli għar-riskji tal-ML / tat-TF. It-terroristi jużaw firxa wiesgħa ta’ metodi biex jiġbru u jressqu fondi u l-kriminali jimpjegaw aktar sistemi kumplessi u jieħdu vantaġġ minn opportunitajiet ġodda għall-ħasil tal-flus li jiġu offruti permezz ta’ servizzi u prodotti ġodda. Il-prevenzjoni tal-użu ħażin tas-sistema finanzjarja hija kruċjali biex tillimità l-kapaċità ta’ terroristi u kriminali biex joperaw u għall-kriminalità organizzata biex ma tkunx tista’ tgawdi mill-benefiċċji ekonomiċi li huma l-għan aħħari tal-attivitajiet illegali tagħhom.
Il-valutazzjoni solida mwettqa f’dawn l-aħħar sentejn enfasizzat il-ħtieġa li jiġu rfinati ċerti elementi tal-qafas leġiżlattiv u jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ atturi pubbliċi u privati biex jiġu implimentati l-obbligi ta’ konformità tagħhom.
Xi miżuri diġà qed jiġu segwiti, u l-Kummissjoni se timplimenta miżuri ġodda deskritti fil-qosor f’dan ir-rapport biex jiġu mitigati r-riskji b’mod xieraq. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa f’dan ir-rapport b’mod espedjenti. Skont l-Artikolu 6 tar-4AMLD, l-Istati Membri li jiddeċiedu li ma japplikaw l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet fir-reġimi nazzjonali tal-AML / tas-CFT tagħhom, jinħtieġ li jgħarrfu lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom u jipprovdu ġustifikazzjoni għaliha (“ikkonforma jew spjega”). Fin-nuqqas ta’ tali notifika, l-Istati Membri huma mistennija jimplimentaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Sabiex ikunu effettivi, jinħtieġ li l-politiki tal-AML / tas-CFT jiġu adattati għall-iżvilupp tas-servizzi finanzjarji, l-evoluzzjoni tat-theddid u r-riskji ġodda li tfaċċaw. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni se tagħmel monitoraġġ tal-azzjonijiet li ttieħdu mill-Istati Membri abbażi tas-sejbiet tal-SNRA u tagħti rapport dwar dawn il-konklużjonijiet mhux aktar tard minn Ġunju 2019. Din ir-reviżjoni se tivvaluta wkoll kif il-miżuri implimentati fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali għandhom impatt fuq il-livell ta’ riskju. Bl-isfidi li qed jevolvu, li jgawdu minn kwalunkwe lakuna ġdida, l-atturi kollha jridu jibqgħu viġilanti u jżidu l-isforzi u l-kooperazzjoni tagħhom: azzjoni konċertata hija meħtieġa iktar minn qatt qabel għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u għaldaqstant għat-tisħiħ tal-istabbiltà tas-suq intern u biex ittejjeb is-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u tas-soċjetà kollha kemm hi.