Brussell, 20.6.2017

COM(2017) 328 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-ħidma skont il-programm ta’ assistenza għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija, fil-Litwanja u fis-Slovakkja fl-2016 u fis-snin preċedenti


1Introduzzjoni

Dan ir-rapport janalizza l-progress fl-2016 u s-snin preċedenti bil-programmi ta’ assistenza tal-Unjoni Ewropea għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja. Dan jissodisfa r-rekwiżiti tar-rappurtar tar-Regolamenti tal-Kunsill rilevanti 1 2 , u jifforma l-bażi għall-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali tal-2017 fil-programmi ta’ assistenza. Fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali (il-QFP 2014-2020), il-Kummissjoni rrapurtat darbtejn dwar dan is-suġġett 3 , 4 .

Mal-adeżjoni tagħhom fl-UE, il-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja impenjaw ruħhom li jagħlqu tmien impjanti tal-enerġija nukleari tat-tip Sovjetiku qabel it-tmiem tat-tul tal-ħajja ppjanat tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-UE impenjat ruħha li tipprovdi għajnuna finanzjarja lit-tliet Stati Membri għad-dekummissjonar tal-impjanti tal-enerġija magħżula, jiġifieri:

·L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Kozloduy (NPP), l-unitajiet 1 sa 4 fil-Bulgarija;

·L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja; u

·L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Bohunice V1 fis-Slovakkja.

L-għan tal-programmi ta’ assistenza għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari12 huwa li jgħinu lill-Istati Membri rilevanti fl-implimentazzjoni tal-proċess kontinwu għal dekummissjonar sħiħ filwaqt li jinżammu l-ogħla standards ta’ sikurezza.

Fit-tliet każijiet, dekummissjonar sħiħ ifisser art abbandunata: Ir-rimi ta’ fjuwil użat u ta’ skart radjuattiv f’repożitorju ġeoloġiku fond mhux inkluż fl-ambitu tal-programmi ta’ assistenza għad-dekummissjonar, u jrid jiġi żviluppat minn kull Stat Membru fil-programm nazzjonali tiegħu għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv kif teżiġi d-Direttiva rilevanti 5 , 6 .

2Amministrazzjoni tal-programm

2.1Metodu ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni tafda l-implimentazzjoni tal-baġit tal-programmi lil korpi ta’ implimentazzjoni vvalutati mill-pilastri (ġestjoni indiretta), jiġifieri:

·fil-Bulgarija, lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (l-EBRD), b’kontribuzzjonijiet lill-Fond Internazzjonali ta’ Appoġġ għad-Dekummissjonar ta’ Kozloduy (il-KIDSF) mill-2001;

·fil-Litwanja, lill-EBRD, b’kontribuzzjonijiet lill-Fond Internazzjonali ta’ Appoġġ għad-Dekummissjonar ta’ Ignalina (l-IIDSF) mill-2001, u lill-Aġenzija Ċentrali għall-Immaniġġjar tal-Proġetti (is-CPMA) mill-2003;

·fis-Slovakkja, lill-EBRD, b’kontribuzzjonijiet lill-Fond Internazzjonali ta’ Appoġġ għad-Dekummissjonar ta’ Bohunice (il-BIDSF) mill-2001, u lill-Aġenzija Slovakka għall-Innovazzjoni u l-Enerġija (l-SIEA) mill-2016.

Għalhekk, għall-programm ta’ Ignalina u għall-programm ta’ Bohunice, il-fondi tal-UE jgħaddu minn żewġ kanali.

Mill-valutazzjonijiet tal-pilastri, il-Kummissjoni kisbet evidenza li l-korpi ta’ implimentazzjoni (l-EBRD, is-CPMA u l-SIEA) jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-ġestjoni indiretta kif stipulat fl-Artikolu 60 tar-Regolament Finanzjarju 7 .

2.2Programmazzjoni u monitoraġġ annwali

Il-Kummissjoni mmodifikat il-governanza tal-programmi għall-QFP 2014-2020 biex tistabbilixxi rwoli u responsabbiltajiet ċari, u introduċiet iżjed rekwiżiti dwar l-ippjanar, il-monitoraġġ, u r-rappurtar 8 .

B’konformità mal-approċċ rivedut tal-governanza, kull Stat Membru kkonċernat ħatar Koordinatur tal-Programm (fil-grad ministerjali jew ta’ segretarju tal-istat) li jkun responsabbli għall-programmazzjoni, il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-programm tad-dekummissjonar rispettiv fil-livell nazzjonali. Il-Koordinaturi tal-Programm iridu jippreżentaw il-programmi ta’ ħidma annwali u l-Kummissjoni tadottahom flimkien mad-deċiżjonijiet finanzjarji, skont il-proċedura ta’ eżami ddefinita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 9 .

F’kull Stat Membru hemm fis-seħħ kumitati li għandhom funzjonijiet ta’ monitoraġġ u rappurtar, kopreseduti minn rappreżentant tal-Kummissjoni u mill-Koordinaturi tal-Programmi. Il-korpi ta’ implimentazzjoni jimmonitorjaw fuq bażi ta’ jum b’jum. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-proġetti permezz ta’ analiżijiet fl-uffiċċju u spezzjonijiet fuq il-post li jsiru darbtejn fis-sena. Biex tkompli tappoġġa dan il-proċess, il-Kummissjoni talbet lill-benefiċjarji jintroduċu sistema ta’ mmaniġġjar tal-valur iggwadanjat (EVM) biex il-prestazzjoni u l-progress tal-proġett jitkejlu b’mod oġġettiv.

2.3Awditjar u evalwazzjonijiet

Fl-2016, il-Kummissjoni implimentat b’suċċess l-azzjonijiet kollha wara l-awditu intern tal-2015 dwar il-governanza u s-superviżjoni tal-programmi.

Ir-riżultat ewlieni kien il-valutazzjoni dettaljata 10 tas-sodezza tal-pjanijiet finanzjarji tal-Istati Membri rilevanti għat-tlestija sikura tad-dekummisjonar. L-istudju kkonferma l-konklużjonijiet pożittivi oriġinali tal-Kummissjoni (jiġifieri pjanijiet tad-dekummissjonar komprensivi, rilevanti u sħaħ; stima tal-ispejjeż bażiċi b’mod ġenerali xierqa għall-programmi tad-dekummissjonar u biżżejjed riżorsi biex jintlaħqu l-objettivi tal-qafas 2014-2020; l-ebda diskrepanza finanzjarja). Analizza wkoll id-diskrepanzi finanzjarji lil hinn mill-2020 b’mod speċjali fil-każ tal-Litwanja. F’dan ir-rigward, l-istudju wera li dawn it-tliet ekonomiji huma kapaċi jiffinalizzaw il-finanzjament tal-programmi tagħhom permezz ta’ riżorsi finanzjarji nazzjonali b’impatt negliġibbli jew, fil-Litwanja, bi skala ta’ madwar 0.3-0.5 % tal-baġit annwali tal-Istat fuq perjodu ta’ seba’ snin.

F’Settembru 2016, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat ir-rapport tagħha dwar l-awditu tal-prestazzjoni 11 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni aċċettat ir-rakkomandazzjonijiet, b’mod sħiħ jew parzjali, u indirizzathom jew se tkompli tindirizzahom kif xieraq billi:

-tappoġġa b’mod kontinwu l-iskambju tal-għarfien u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki,

-tiċċara u ssaħħaħ il-qafas għall-kofinanzjament nazzjonali,

-tesplora jekk il-finanzjament apposta għad-dekummissjonar għandux ikompli wara l-2020,

-tniedi dibattitu dwar l-alternattivi għall-kondiviżjoni tar-rimi ta’ skart radjuattiv fl-Unjoni, u

-tivvaluta jekk l-Istati Membri humiex kontabbli u trasparenti għall-ispejjeż tad-dekummissjonar u tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv.

F’Novembru 2016, is-servizzi tal-Kummissjoni bdew l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu 12 . Din l-evalwazzjoni tinkludi konsultazzjoni pubblika u valutazzjoni tar-riżultati u tal-impatti tal-programmi, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud li jagħtu lill-Unjoni. Se tindirizza wkoll l-ambitu għal modifika tal-proċeduri dettaljati tal-implimentazzjoni8.

2.4Implimentazzjoni baġitarja

Il-Kummissjoni adottat il-programmi ta’ ħidma annwali tal-2014, tal-2015 u tal-2016 u d-deċiżjonijiet ta’ finanzjament assoċjati 13 , 14 , 15 , u ntrabtet bil-baġit allokat permezz ta’ ftehimiet delegati mal-EBRD (EUR 120,6 miljun għall-IDSF ta’ Kozloduy, EUR 9,0 miljun għall-IDSF ta’ Ignalina, EUR 30,3 miljun għall-IDSF ta’ Bohunice), mas-CPMA (EUR 176,6 miljun) u mal-SIEA (EUR 62,5 miljun). Il-pagamenti tal-Kummissjoni kienu bbażati fuq ħtiġijiet previsti tal-kuntratt u l-progress fl-implimentazzjoni tal-proġett.

3Kofinanzjament

Il-programm ta’ Kozloduy

Bejn l-2014 u l-2016, ġew żborżati EUR 42,8 miljun minn riżorsi nazzjonali biex ikunu koperti l-ispejjeż tal-pjan għad-dekummissjonar ta’ Kozloduy, filwaqt li mill-IDSF ta’ Kozloduy ġew żborżati EUR 86,1 miljun, għal rata ta’ kofinanzjament ta’ 33 % mir-riżorsi Bulgari.

Fir-rapport11 tagħha, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri stmat li n-nuqqas finanzjarju għall-perjodu 2021-2030 se jkun EUR 28 miljun. Madankollu, il-Bulgarija bħalissa qed twettaq l-analiżi ta’ kull tliet snin tal-pjan għad-dekummissjonar kif meħtieġ bil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. Il-Kummissjoni se tivvaluta r-riżultati ta’ din l-analiżi meta dawn jintbagħtu mill-Koordinatur tal-Programm, u mbagħad se tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill.

Il-programm ta’ Ignalina

Mill-bidu nett tal-programm sa Ġunju tal-2016, ġew żborżati EUR 137.9 miljun minn riżorsi nazzjonali biex ikunu koperti l-ispejjeż tal-pjan għad-dekummissjonar ta’ Ignalina, filwaqt li mill-IDSF u mis-CPMA ta’ Ignalina ġew żborżati EUR 805,8 miljun, għal rata ta’ kofinanzjament ta’ 15 % mir-riżorsi Litwani.

Fil-QFP attwali ġiet osservata xejra ta’ żieda fil-kofinanzjament. L-iżborżi mis-sorsi nazzjonali mistennija li jkunu EUR 44 miljun fl-2016 u fl-2017. Fl-istess perjodu, l-IDSF ta’ Ignalina u s-CPMA mistennija jiżborżaw EUR 176 miljun, għal rata ta’ kofinanzjament ta’ 20 % mir-riżorsi Litwani fl-2016 u fl-2017.

In-nuqqas finanzjarju għall-perjodu 2021-2038 jibqa’ wieħed sostanzjali ta’ EUR 1,561 biljun11 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti 16 fis-seħħ tobbliga lill-gvern Litwan biex jinnegozja appoġġ addizzjonali tal-Unjoni għal wara l-2020, u jintrabat li fejn ma jinstabux sorsi ta’ finanzjament oħra, l-ispejjeż kollha jittieħdu mill-baġit tal-Istat.

Il-programm ta’ Bohunice

Mill-bidu nett tal-programm sal-aħħar tal-2015, ġew żborżati EUR 148 miljun mill-Fond Nukleari Nazzjonali Slovakk, filwaqt li mill-IDSF ta’ Bohunice ġew żborżati EUR 189 miljun, għal rata ta’ kofinanzjament ta’ 44 % mir-riżorsi Slovakki.

Għall-perjodu 2016-2025 (tmiem il-programm), il-fondi nazzjonali allokati jammontaw għal EUR 328 miljun, filwaqt li riżorsi allokati mill-UE huma EUR 482 miljun. In-nuqqas finanzjarju li jifdal għall-perjodu 2021-2025 huwa EUR 92 miljun11.

4Progress u prestazzjoni

L-Artikoli 2 ta’ kull wieħed miż-żewġ Regolamenti1,2 jiddefinixxu l-objettivi speċifiċi ewlenin tal-programmi għad-dekummissjonar għall-perjodu ta’ finanzjament 2014-2020. Dawn l-objettivi huma spjegati aktar fid-dettall fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni8 li bihom ġew stabbiliti l-linji bażi għal kull programm għad-dekummissjonar sħiħ rispettiv.

Ir-reatturi kollha huma magħluqin, u l-fjuwil tneħħa mill-qalba 17 ta’ kull reattur. Fl-2016 intlaħqu tappi ewlenin; inħarġet il-liċenzja għad-dekummissjonar tal-Unitajiet 3 u 4 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Kozloduy; u reġa’ beda jitneħħa l-fjuwil mill-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina. It-tliet Stati Membri komplew jimxu ’l quddiem fl-attivitajiet ta’ żarmar sal-punt li juri biċ-ċar li l-proċess tad-dekummissjonar ma jistax jitreġġa’ lura.

Dawk il-kisbiet ifissru wkoll passi sinifikanti għal sikurezza mtejba f’dawn is-siti. L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni juru li l-prestazzjoni hija ġeneralment allinjata mal-aspettattivi u għenu biex jidentifikaw kwistjonijiet minn kmieni biex jiġu stabbiliti miżuri effettivi ta’ mitigazzjoni.

4.1Il-programm ta’ Kozloduy

L-unitajiet 1-4 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Kozloduy huma r-reatturi VVER 440/230: l-unitajiet 1 u 2 ingħalqu fl-2002 u l-unitajiet 3 u 4 ingħalqu fl-2006.

Mill-2013, id-dekummissjonar hu fil-kontroll tal-Intrapriża tal-Istat Bulgara għall-Iskart Radjuattiv 18 (is-SERAW), organizzazzjoni apposta tad-dekummissjonar li l-missjoni tagħha hi l-ġestjoni sikura tal-iskart radjuattiv fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija. Bil-monitoraġġ tal-Ministeru tal-Enerġija, is-SERAW hija d-detentur tal-liċenzja / l-operatur inkarigat mid-dekummissjonar tal-unitajiet 1-4 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Kozloduy u tal-Faċilità Nazzjonali tar-Rimi (NDF) futura.

Il-linja bażi tal-programm

Il-karatteristiċi ewlenin tal-linja bażi tal-programm ta’ Kozloduy 19 huma: dekummissjonar sħiħ bħala art abbandunata li għandu jsir sal-2030 u bi spiża stmata ta’ EUR 1,107 biljun (l-2013). Il-linja bażi hija sostanzjata fil-pjan għad-dekummissjonar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Kozloduy 20 , li ġie approvat mill-awtoritajiet Bulgari, kif ikkonfermat fil-liċenzji tad-dekummissjonar.

Il-progress

Fid-data ta’ referenza tar-rappurtar, il-progress b’rabta mal-objettivi kien sodisfaċenti:

-Tneħħa l-fjuwil mill-qalba u mill-vaski tar-reattur u l-liċenzji tad-dekummissjonar għall-unitajiet 1 u 2 u tal-unitajiet 3 u 4 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Kozloduy inħarġu f’Novembru 2014 u f’Lulju 2016 rispettivament.

-L-istadju taż-żarmar tas-sala tat-turbini avvanza (ġew żarmati ~13430 tunnellata jiġifieri terz tal-komponenti tal-metall u twaqqgħu ~5978 tunnellata ta’ planki tal-konkrit).

-L-istadju taż-żarmar tas-sala tat-turbini avvanza (ġew żarmati ~13430 tunnellata jiġifieri terz tal-komponenti tal-metall u twaqqgħu ~5978 tunnellata ta’ planki tal-konkrit).

-Ammonti sinifikanti ta’ materjali ġew rilaxxati bħala mhux radjuattivi (~13049 tunnellata).

-L-infrastruttura tal-ġestjoni tal-iskart hija adattata għall-attivitajiet attwali taż-żarmar u tad-dekontaminazzjoni, iżda fil-ġejjieni hemm bżonn aktar faċilitajiet. Qed titħejja r-rotta għar-rimi tal-iskart ta’ livell baxx (>90 % fil-volum tal-iskart radjuattiv totali) u fl-2017 se tibda tinbena l-Faċilità Nazzjonali tar-Rimi (NDF). Barra minn hekk, il-kostruzzjoni taż-żewġ faċilitajiet għat-tnaqqis tal-volum kbir ta’ skart radjuattiv u għall-frammentazzjoni u d-dekontaminazzjoni mxiet ġmielha u l-attivazzjoni hija skedata għall-2017.

Il-prestazzjoni

Fl-2016, il-prestazzjoni ġenerali kienet ġeneralment sodisfaċenti; iż-żarmar tal-komponenti tal-metall fis-sala tat-turbini laħaq it-93 % tal-valuri ppjanati u l-ammont ta’ strutturi tal-konkrit li twaqqgħu qabeż dak li kien ippjanat (u sitt xhur qabel id-data ta’ skadenza); madankollu, iż-żarmar tal-binjiet tar-reattur għadu ma ġġenerax l-ammont ippjanat ta’ materjali.

Il-prestazzjoni tal-iskeda kienet sodisfaċenti għal ħafna proġetti tad-dekummissjonar; iżda f’xi proġetti, id-dewmien ma setax jiġi evitat. Bħalma ġie rrappurtat is-sena li għaddiet4, il-programm ġeneralment ikollu riskji akbar minħabba kwistjonijiet amministrattivi u legali, milli jkollu minħabba kwistjonijiet tekniċi. Dawn ir-riskji setgħu kienu ta’ theddida għall-operat kritiku tal-programm; għalhekk ġew indirizzati u ttaffew bħala parti mill-programm ta’ ħidma tal-2016. B’mod partikolari, il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali għall-kostruzzjoni tal-Faċilità Nazzjonali tar-Rimi tlestiet b’suċċess.

Mill-2014, il-valur iggwadanjat tal-programm implimentat bl-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni kien allinjat mal-ispejjeż reali, u dan wera prestazzjoni sodisfaċenti tal-ispiża.

4.2Il-Litwanja — L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina

L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina fih żewġ reatturi RBMK 1500: l-unitajiet 1 u 2 ingħalqu fl-2004 u fl-2009 rispettivament.

L-Intrapriża tal-Istat Litwan tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina 21 (l-INPP) hija d-detentur tal-liċenzja / l-operatur inkarigat mill-faċilitajiet li qed jiġu dekummissjonati u mill-faċilitajiet tar-rimi tal-iskart. Din topera fil-kontroll tal-Ministeru għall-Enerġija. F’din l-aħħar sena, l-INPP kompliet tadatta l-istruttura tagħha għal organizzazzjoni tad-dekummissjonar effettiva, li tkun aktar b’saħħitha fl-immaniġġjar tal-proġetti.

Il-linja bażi tal-programm

Il-karatteristiċi ewlenin tal-linja bażi tal-programm ta’ Ignalina 22 huma: dekummissjonar sħiħ bħala art abbandunata li għandu jsir sal-2038 u bi spiża stmata ta’ EUR 3,377 biljun. Il-linja bażi tal-programm hija sostanzjata fil-pjan għad-dekummissjonar finali20, li ġie approvat mill-Ministeru għall-Enerġija tar-Repubblika tal-Litwanja fil-25 ta’ Awwissu 2014.

Il-progress

Fid-data ta’ referenza tar-rappurtar, il-progress b’rabta mal-objettivi kien sodisfaċenti:

-It-tneħħija tal-assemblaġġi tal-fjuwil użat mill-vaski tal-fjuwil użat mill-unitajiet 1 u 2 bdiet f’Settembru 2016.

-F’Ottubru 2015, il-kundizzjonijiet tal-liċenzja tal-operat tal-unità 1 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina ġew adattati biex jawtorizzaw aktar attivitajiet ta’ żarmar u ta’ dekontaminazzjoni tat-tagħmir.

-L-attivitajiet taż-żarmar u tad-dekontaminazzjoni fis-sala tat-turbini żdiedu għal 99 % fl-unità 1 u ’l fuq minn 30 % fl-unità 2, li jikkorrispondu għal 19576 tunnellata ta’ tagħmir żarmat u dekontaminat mill-2014 sal-aħħar ta’ Ġunju 2016. Dan huwa madwar 50 % tal-mira tal-QFP.

-Il-faċilità l-ġdida għall-ħżin temporanju fix-xott tal-fjuwil użat qed titħaddem.

-L-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart hija adattata għall-ħtiġijiet attwali tal-attivitajiet taż-żarmar u tad-dekontaminazzjoni, iżda fil-ġejjieni hemm bżonn aktar faċilitajiet. Qed titħejja r-rotta tar-rimi tal-iskart ta’ livell baxx (>90 % fil-volum tal-iskart radjuattiv totali) u fl-2017 mistenni jiġi approvat it-tfassil tar-rimi tal-iskart tas-superfiċje. Barra minn hekk, fl-2018 se jiġu kkummissjonati l-faċilitajiet il-ġodda għat-trattament u l-ħżin tal-iskart solidu.

Il-prestazzjoni

Fl-2016, iż-żarmar tat-tagħmir sar b’ritmu adegwat, kemm fis-swali tat-turbini kif ukoll fil-binjiet tas-servizzi li jgħaqqduhom mal-binjiet tar-reattur. B’mod sodisfaċenti, il-ġestjoni tal-iskart kienet ukoll konformi mal-mira jew ’il fuq minnha.

It-trasferimenti tal-ewwel kontenituri tal-fjuwil użat mill-binjiet tar-reattur għall-faċilità l-ġdida tal-ħżin temporanju twettqu kif ippjanat.

Bħalissa ma hemmx tilwim kuntrattwali maġġuri li qed jaffettwa l-programm, madankollu jenħtieġ li l-prestazzjoni tal-iskeda tittejjeb f’xi oqsma bħall-finalizzazzjoni tal-kummissjonar tal-faċilitajiet il-ġodda għat-trattament u l-ħżin tal-iskart solidu.

L-analiżi tal-Valur Iggwadanjat toħroġ fid-dieher li wara tliet snin (2014-2016), il-programm ġenerali jinsab sitt xhur tard minn kif ippjanat.

Mill-2014, il-valur iggwadanjat tal-programm implimentat bl-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni kien allinjat mal-ispejjeż reali, u dan wera prestazzjoni sodisfaċenti tal-ispejjeż.

4.3Is-Slovakkja – L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Bohunice V1

L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Bohunice V1 fih żewġ reatturi VVER 440/230: l-unitajiet 1 u 2 ingħalqu b’mod permanenti fl-2006 u fl-2008 rispettivament.

Jadrová a vyraďovacia spoločnosť (JAVYS) hija organizzazzjoni Slovakka apposta għad-dekummissjonar li l-missjoni tagħha hi d-dekommissjonar sikur tal-faċilitajiet nukleari, l-immaniġġjar tal-fjuwil nukleari użat u l-immaniġġjar tal-iskart radjuattiv fit-territorju tar-Repubblika tas-Slovakkja. Din topera fil-kontroll tal-Ministeru għall-Ekonomija. JAVYS hija d-detentur tal-liċenzja / l-operatur inkarigat mid-dekummissjonar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Bohunice V1, mill-immaniġġjar tal-fjuwil użat u mill-faċilitajiet tar-rimi tal-iskart.

Il-linja bażi tal-programm

Il-karatteristiċi ewlenin tal-linja bażi tal-programm ta’ Bohunice 23 huma: dekummissjonar sħiħ bħala art abbandunata li għandu jsir sal-2025 u bi spiża stmata ta’ EUR 1,246 biljun 24 . Il-linja bażi tal-programm hija sostanzjata fil-pjan ta’ dekummissjonar dettaljat tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Bohunice V120, datat it-22 ta’ Ottubru 2014.

Il-progress

Fid-data ta’ referenza tar-rappurtar, il-progress biex jintlaħqu l-objettivi kien sodisfaċenti:

-Il-fjuwil tneħħa mill-qalba u mill-vaski tar-reatturi, u r-regolatur nukleari Slovakk ħareġ il-liċenzja 25 għall-fażi 2 (finali) tad-dekummissjonar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Bohunice V1 f’Diċembru 2014.

-Is-sistemi kollha ħlief waħda fis-sala tat-turbini u fil-binjiet awżiljarji tar-reattur V1 iżżarmaw. Iż-żarmar tat-torrijiet għat-tkessiħ ġie kkuntrattat aktar tard milli kien ippjanat iżda bi prezz ferm orħos milli kien ġie stmat fil-bidu u mingħajr impatt fuq l-operat kritiku tal-iskeda tad-dekummissjonar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Bohunice V1.

-Iż-żarmar u d-dekontaminazzjoni tal-binja tar-reattur bdew; il-materjali tal-insulazzjoni taċ-ċirkwiti primarji tneħħew għalkollox; id-dekontaminazzjoni taċ-ċirkwiti primarji reġgħet bdiet; u ħarġet sejħa għall-offerti biex jiżżarmaw il-komponenti l-kbar tas-sistema tal-fluwidu berriedi tar-reattur.

-Ammonti sinifikanti ta’ materjali ġew rilaxxati bħala mhux radjuattivi (~74692 tunnellata).

-L-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart hija adattata għall-ħtiġijiet attwali tal-attivitajiet taż-żarmar u tad-dekontaminazzjoni, u qed jiġu stabbiliti faċilitajiet addizzjonali għall-ħtiġijiet tal-ġejjieni. Il-kapaċità tar-rotta tar-rimi tal-iskart ta’ livell baxx (>90 % fil-volum tal-iskart radjuattiv totali) qed tiġi estiża fir-repożitorji eżistenti f’Mochovce. Barra minn hekk, il-kostruzzjoni tal-faċilità l-ġdida għall-ħżin temporanju tal-iskart ta’ livell intermedju li ma jistax jintrema f’Mochovce tinsab fl-aħħar stadji.

Il-prestazzjoni

Fl-2016, iż-żarmar tat-tagħmir tal-binja tar-reattur twettaq bi prestazzjoni sodisfaċenti, minkejja d-diffikultajiet fil-proġett għad-dekontaminazzjoni taċ-ċirkwiti primarji tat-tkessiħ. Kif antiċipat fir-rapport preċedenti4, id-dewmien f’dan il-proġett kellu impatt fuq attivitajiet oħra, u b’hekk naqset il-produzzjoni mit-trattament u mill-kundizzjonar tal-iskart radjuattiv.

L-analiżi tal-Valur Iggwadanjat toħroġ fid-dieher li wara tliet snin (2014-2016), id-data ta’ tmiem il-programm se tkun differita b’mill-inqas sena, mingħajr ma jittieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni. Madankollu, is-sistema tal-ġestjoni mtejba introdotta għall-QFP 2014-2020 tippermetti s-sejbien bikri tal-problemi biex l-operatur ikun jista’ jibda analiżi f’waqtha tal-istruttura tat-tqassim tax-xogħol biex jiżgura t-tlestija fil-ħin (l-2025). Ir-riżultati ta’ din l-analiżi se jintwerew fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu.

Mill-2014, il-valur iggwadanjat tal-programm implimentat bl-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni kien allinjat mal-ispejjeż reali, u dan wera prestazzjoni sodisfaċenti tal-ispejjeż.

4.4Proġetti fis-settur tal-enerġija

Fil-QFP attwali, il-programm ta’ assistenza ma jipprovdi l-ebda appoġġ finanzjarju ġdid għal miżuri ta’ mitigazzjoni fis-settur tal-enerġija; madankollu, sal-aħħar tal-2013, il-programmi ta’ assistenza kkontribwew għal proġetti fis-settur tal-enerġija b’konformità mat-trattati tal-adeżjoni u mal-politiki tal-enerġija nazzjonali rispettivi. Sal-lum tlestew ħafna proġetti, iżda hemm parti mill-fondi impenjati qabel l-2014 li għad tintefaq fuq il-proġetti li qed isiru.

Il-Bulgarija

Ingħatat għajnuna għal proġetti tal-effiċjenza enerġetika (eż. f’binjiet pubbliċi, dwal tat-toroq, tagħmir tat-tħaffir fil-minjieri), tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku, u tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. L-iżborżi laħqu t-63 % tal-impenji.

Il-Litwanja

Kull proġett implimentat permezz tal-Fond Internazzjonali ta’ Appoġġ għad-Dekummissjonar ta’ Ignalina tlesta.

Permezz tas-CPMA ingħatat għajnuna għal proġetti tal-effiċjenza enerġetika (eż. f’binjiet pubbliċi u dwal tat-toroq); l-iżborżi laħqu t-63 % tal-impenji.

Is-Slovakkja

Il-programm ta’ assistenza kkontribwixxa għal miżuri fis-settur tat-trażmissjoni kif ukoll għal miżuri tal-effiċjenza enerġetika f’binjiet pubbliċi. L-aħħar sett ta’ proġetti tlesta. Tlestew ukoll proġetti ewlenin fis-settur tat-trażmissjoni. L-iżborżi laħqu s-57 % tal-impenji.

5Konklużjonijiet

Il-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja għamlu progress fid-dekummissjonar tar-reatturi li huma s-suġġett ta’ dan ir-rapport. It-tħejjija u l-approvazzjoni fl-2014 tal-pjanijiet għad-dekummissjonar rispettivi kienu pass ewlieni f’dan ir-rigward. Fid-dawl tal-progress taż-żarmar, il-Kummissjoni tqis li ekonomikament, l-ebda wieħed minn dawn ir-reatturi ma jista’ jerġa’ jinxtegħel.

Il-ħtiġijiet finanzjarji biex jinkiseb id-dekummissjonar sħiħ ġew stabbiliti. L-immaniġġjar fit-tul tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv hi ’l barra mill-ambitu tal-programm ta’ assistenza tal-Unjoni, u għalhekk hu għalkollox fil-kompetenza tal-Istat Membru, b’konformità mad-Direttiva rilevanti5.

Abbażi tal-istudju tal-Kummissjoni li sar fl-201610, il-finanzjament tal-QFP 2014-2020 huwa adattat biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 2 ta’ kull wieħed mir-Regolamenti1,2. Dan se jwassal biex jitjiebu ferm il-livelli tas-sikurezza fis-siti kollha; huwa mistenni li għal Kozloduy u Bohunice il-perikli radjoloġiċi li jifdal se jkunu minimi; filwaqt li għal Ignalina, l-għan huwa li jitneħħa l-fjuwil nukleari użat kollu mill-unitajiet tar-reattur u li tiġi stabbilita l-infrastruttura sħiħa meħtieġa biex id-dekummissjonar jiġi finalizzat b’mod sikur.

L-ebda nuqqas finanzjarju mhu mistenni fit-tliet pajjiżi sal-2020. Il-fatt li jridu jinstabu l-fondi addizzjonali meħtieġa għal żmien fit-tul (għal wara l-2020) juri l-importanza li jsir segwitu bir-reqqa, speċjalment fil-Litwanja.

Fil-qafas finanzjarju attwali, il-programmi għamlu progress stabbli lejn l-aktar fażijiet ebsin tad-dekummissjonar. Pereżempju, f’Bohunice, fejn il-programm avvanza l-iżjed, l-operatur beda l-fażijiet taż-żarmar u tad-dekontaminazzjoni taċ-ċirkwiti primarji tar-reattur u affaċċja d-diffikultajiet inizjali hekk kif il-programm dieħel fl-aktar fażiiebsa mil-lat tekniku. Madankollu, l-istruttura tal-governanza tidher li hija adattata għas-sejbien bikri tal-problemi permezz ta’ monitoraġġ u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, u l-identifikazzjoni fil-pront ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni. It-tagħlimiet miksuba se jkunu ta’ benefiċċju għall-programmi ta’ Kozloduy u Ignalina; f’dan l-aħħar każ, in-natura speċifika tal-qalba tar-reattur tagħmilha aktar diffiċli li jiżżarma, għax madwar id-dinja ftit li xejn teżisti esperjenza bħal din 26 .

Kif enfasizzat fir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri11, fil-passat l-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart ġarrbet dewmien sinifikanti, b’mod partikolari fil-Litwanja u fil-Bulgarija; il-kwistjonijiet li kienu pendenti naqsu ħafna u l-proġetti rilevanti reġgħu qabdu r-ritmu b’monitoraġġ strett.

L-objettivi u l-indikaturi dettaljati (proposti mit-tliet Stati Membri u approvati mill-Kummissjoni8) ippermettew monitoraġġ u kejl mill-qrib tal-progress tal-ħidma abbażi ta’ informazzjoni kwantitattiva. Barra minn hekk, il-metodoloġija tal-ġestjoni tal-valur iggwadanjat fit-tliet programmi (ara t-Tabella 2 fl-Anness) tejbet il-komparabbiltà tal-progress fl-implimentazzjoni u żiedet l-effettività tal-monitoraġġ tal-Kummissjoni.

Il-prospettiva

Il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programmi u tirrapporta r-riżultati lill-Parlament u lill-Kunsill sal-aħħar tal-2017. F’dan il-kuntest il-proċeduri dettaljati tal-implientazzjoni8 se jiġu analizzati biex l-immaniġġjar tal-proġetti tiġi ssimplifikata aktar; is-sehem tal-kofinanzjament nazzjonali se jiġi eżaminat b’mod kritiku u se jiġu identifikati l-ispejjeż relatati man-nuqqas ta’ dekummissjonar, jekk ikun hemm.

F’dan il-qasam, l-akbar żviluppi mistennija huma:

·fil-Bulgarija, tibda l-kostruzzjoni tal-Faċilità għar-Rimi Nazzjonali u l-finalizzazzjoni ta’ infrastrutturi ewlenin oħrajn tal-immaniġġjar tal-iskart;

·fil-Litwanja, il-progress stabbli biex jitneħħa l-fjuwil u l-preparazzjonijiet biex tiżżarma l-qalba tal-graffit, li huwa proġett uniku u ta’ skala bla preċedent;

·fis-Slovakkja, id-dekontaminazzjoni taċ-ċirkwit primarju u l-għotja ta’ kuntratti ewlenin għaż-żarmar.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1368/2013 tat-13 ta’ Diċembru 2013 dwar l-appoġġ, min-naħa tal-Unjoni, għall-programmi ta’ għajnuna għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija u s-Slovakkja, u li jirrevoka r-Regolamenti (Euratom) Nru 549/2007 u (Euratom) Nru 647/2010 (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 1) u r-rettifika (ĠU L 8, 11.1.2014, p. 31).
(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1369/2013 tat-13 ta’ Diċembru 2013 dwar l-appoġġ, min-naħa tal-Unjoni, għall-programm ta’ għajnuna għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Litwanja, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1990/2006 (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 7) u r-rettifika (ĠU L 8, 11.1.2014, p. 30 u ĠU L 121, 24.4.2014, p. 59).
(3)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-ħidma fil-programm ta’ assistenza għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari lill-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja fil-perjodu 2010-2014 — COM(2016) 405 final.
(4)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-ħidma fil-programm ta’ assistenza għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari lill-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja fil-perjodu 2010-2014 — COM(2015) 78 final.
(5)

     Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48-56.

(6)

     Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom u inventarju tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat preżenti fit-territorju tal-Komunità u l-prospetti futuri – C(2017) 236 final.

(7) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002.
(8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Awwissu 2014 dwar ir-regoli ta’ applikazzjoni għall-programmi ta' assistenza għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari għall-Bulgarija, il-Litwanija u s-Slovakkja għall-perjodu 2014-2020 — C(2014) 5449 final.
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni
(10)  “Nuclear Decommissioning Assistance Programme (NDAP) – Assessment of the robustness of the financing plans considering the economic-financial-budgetary situation in each concerned Member State and of the relevance and feasibility of the detailed decommissioning plans” (Il-Programm ta’ Assistenza għad-Dekummissjonar tal-Impjanti Nukleari (NDAP) – Valutazzjoni tas-sodezza tal-pjanijiet ta’ finanzjament b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika, finanzjarja u baġitarja f’kull Stat Membru kkonċernat u tar-rilevanza u tal-fattibilità tal-pjanijiet dettaljati għad-dekummissjonar), Deloitte, NucAdvisor, VVA Europe, studju mħejji għall-Kummissjoni Ewropea, id-DĠ għall-Enerġija.
(11)  Rapport Speċjali tal-QEA Nru 22/2016 - EU nuclear decommissioning assistance programmes in Lithuania, Bulgaria and Slovakia: some progress made since 2011, but critical challenges ahead. (Il-programmi ta’ assistenza tal-UE għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Litwanja, fil-Bulgarija u fis-Slovakkja: sar ċertu progress mill-2011, iżda jridu jingħelbu sfidi kritiċi fil-ġejjieni)
(12)  https://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/better-regulation-why-and-how_mt
(13)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2014 dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' finanzjament għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ għajnuna għad-dekummissjonar tal-impjanti nukleari għal Bohunice, Ignalina u Kozloduy fl-2014 — C (2014) 8104.
(14)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Lulju 2015 dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ għajnuna għad-dekummissjonar tal-impjanti nukleari għal Bohunice, Ignalina u Kozloduy fl-2015 — C (2015) 5211.
(15)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Novembru 2016 dwar l-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma għall-2016 u l-finanzjament għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ għajnuna għad-dekummissjonar tal-impjanti nukleari għal Bohunice, Ignalina u Kozloduy fl-2016 — C (2016) 7394.
(16)  TAR, is-16 ta’ Ġunju 2014, Nru 7639, Liġi ta’ Emenda XII-914, il-5 ta’ Ġunju 2014
(17)  L-Unità 2 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina.
(18)   http://dprao.bg/en  
(19)  B’referenza għall-verżjonijiet preċedenti, il-pjan rivedut javvanza d-data tat-tmiem tal-programm b’ħames snin u l-istima tal-ispiża l-ġdida tirrappreżenta tnaqqis ta’ 11 %.
(20) Il-pjan jikkonforma mar-rekwiżiti ddefiniti fuq livell nazzjonali u jissodisfa l-istandards tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (l-IAEA).
(21)   http://www.iae.lt/en/  
(22)  B’referenza għall-verżjonijiet preċedenti (l-2005), il-pjan rivedut wassal biex l-istima tal-ispejjeż irduppjat u d-data ta’ tmiem il-programm ġiet posposta b’9 snin.
(23)  B’referenza għall-verżjonijiet preċedenti, il-pjan ta’ dekummissjonar dettaljat tal-2014 iżomm l-istruttura tat-tqassim tax-xogħol oriġinali u d-data ta’ tmiem il-programm (l-2025), iżda jevalwa mill-ġdid l-istima tal-ispiża ġenerali b’żieda ta’ 9 %.
(24) Aktar tard, din ġiet riveduta għal EUR 1,239 biljun.
(25)  Skont ir-regolamenti nazzjonali, il-liċenzji tad-dekummissjonar jinqasmu f’fażijiet; il-liċenzja tad-dekummissjonar tal-ewwel fażi li tawtorizza l-attivitajiet taż-żarmar ’il barra miż-żoni kkontrollati, inħarġet fl-2011 kif ippjanat; il-liċenzja tad-dekummissjonar tat-tieni fażi nħarġet fl-2014, qabel ma kien ippjanat, u tawtorizza ż-żarmar tar-reattur.
(26) Fl-Unjoni, ir-reatturi b’qalba tal-graffit għadhom ma ġewx żarmati minkejja li ħafna minnhom ingħalqu bosta snin ilu.

Brussell, 20.6.2017

COM(2017) 328 final

ANNESS

tar-

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-ħidma skont il-programm ta’ assistenza għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija, fil-Litwanja u fis-Slovakkja fl-2016 u fis-snin preċedenti


Tabella 1 - Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni.

L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Kozloduy, l-Unitajiet 1-4

L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina

L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Bohunice V1

Tneħħa l-fjuwil mill-qalba tar-reatturi ?

Iva

100%

Ix-xogħol għadu għaddej

Unità 1:
il-fjuwil tneħħa għalkollox

Unità 2:

31% tal-fjuwil tneħħa
- jifdal 1134 assemblaġġ

Iva

100%

Tneħħa l-fjuwil mill-vaski tar-reatturi ?

Iva

100%

Ix-xogħol għadu għaddej

Unità 1:
0%

jifdal 7084 assemblaġġ

Unità 2:

0%

jifdal 7246 assemblaġġ

Iva

100%

Inħarġet liċenzja għad-dekommissjonar?

Iva (l-Unitajiet 1-2)

Iva (l-Unitajiet 3-4)

is-27 ta’ Novembru2014

it-28 ta’ Lulju 2016

Le*

Il-kundizzjonijiet tal-liċenzja tal-operat tal-Unità 1 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina ġew adattati biex jawtorizzaw iż-żarmar u d-dekontaminazzjoni tat-tagħmir.

Iva

it-23 ta’ Diċembru 2014    
Fażi II

Ġew żarmati ċ-ċirkwiti primarji?

Le*

MA sal-lum

Le*

MA sal-lum

Ix-xogħol għadu għaddej

4%

Ġew żarmati s-sistemi tas-sala tat-turbini?

Ix-xogħol għadu għaddej

33% tal-Unitajiet 1-4

Ix-xogħol għadu għaddej

Unità 1:
99% żarmat

Unità
2:
30% żarmat

Iva

100%

Ġew żarmati r-reċipjenti tar-reatturi?

Le*

MA sal-lum

Le*

MA sal-lum

Le*

MA sal-lum

Ġie trattat l-iskart tad-dekommissjonar?

Ix-xogħol għadu għaddej

Metalli rilaxxati mingħajr restrizzjoni
13049 t

Ix-xogħol għadu għaddej

Skart radjuattiv: 10.6% trattat mill-2014
4764.5 m
3 minn stima totali ta’ 45000 m3

Ix-xogħol għadu għaddej

Skart konv. 74692t

Skart radjuattiv

408 FWP

Skeda tal-proġett: Intlaħqu t-tappi prinċipali, definiti fil-pjanijiet tad-dekommissjonar?

Iva**

Iva**

Parzjalment**

6 minn 7

   Ref. 30/06/2016    
*    Sa tmiem il-perjodu ta’ rapportar, ma kienx pjanat li dawn l-attivitajiet jibdew, b’konformità mal-linja bażi approvata.    
**
   It-tappi ewlenin huma identifikati fl-objettivi dettaljati    
   FWP = Il-Pakkett tal-Iskart Finali għar-rimi tal-iskart radjuattiv    .



Tabella 2 - Indikaturi oħra tal-prestazzjoni - (f’miljuni ta’ EUR).

L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Kozloduy, l-Unitajiet 1-4

L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina

L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Bohunice V1

[01/01/2014 - 30/06/2016]

Il-Valur Ippjanat (PV)

104

317

104

Il-Valur Iggwadanjat (EV)

92

254

90

L-ispiża reali (AC)

86

244

87

Il-prestazzjoni tal-iskeda SPI = EV / PV

Il-prestazzjoni tal-ispejjeż CPI = EV/AC