Brussell, 22.5.2017

COM(2017) 268 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju

fir-Rumanija

{SWD(2017) 174 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju

fir-Rumanija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u b'mod partikolari l-Artikolu 10(2), it-tieni subparagrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 121 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jippromwovu finanzi pubbliċi fis-sod fuq terminu medju permezz tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u s-sorveljanza multilaterali sabiex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern.

(2)Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa msejjes fuq l-objettiv ta' finanzi pubbliċi sodi bħala mezz ta' tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)Fit-12 ta’ Lulju 2016 il-Kunsill irrakkomanda lir-Rumanija tillimita d-devjazzjoni mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2016 u tikseb aġġustament fiskali annwali ta’ 0,5 % fil-PDG fl-2017 sakemm ma jiġix irrispettat l-objettiv baġitarju ta' terminu medju b’inqas sforz 2 .

(4)Fl-2016, abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2017 u d-dejta dwar l-eżitu tal-baġit tal-2016 ivvalidata mill-Eurostat, minn pożizzjoni ta’ -0,6 % tal-PDG, jiġifieri ’l fuq mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju ta’ -1 % tal-PDG, il-bilanċ strutturali ddeterjora għal -2,6 % tal-PDG, li jindika devjazzjoni sinifikanti mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju (devjazzjoni ta’ 1,6 % tal-PDG). It-tkabbir tan-nefqa tal-gvern, nett minn miżuri dwar id-dħul diskrezzjonarji u ta’ darba, kien ferm ogħla mill-parametru referenzjarju tan-nefqa, li wkoll indika devjazzjoni sinifikanti (devjazzjoni ta’ -2,0 % tal-PDG). Id-differenza fl-indikaturi hija primarjament spjegata minn rati ta’ tkabbir tal-PDG potenzjali nominali annwali differenti użati fil-komputazzjoni tagħhom. Irrispettivament minn din id-differenza, iż-żewġ indikaturi jikkonfermaw devjazzjoni sinifikanti mir-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-PST fl-2016.

(5)Fis-16 ta’ Mejju 2017, wara evalwazzjoni globali, il-Kummissjoni kkunsidrat li teżisti fir-Rumanija devjazzjoni sinifikanti osservata lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju u ħarġet twissija lir-Rumanija skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE u l-Artikolu 10(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

(6)Skont l-Artikolu 10(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, fi żmien xahar mid-data tal-adozzjoni tat-twissija, jinħtieġ li l-Kunsill jindirizza rakkomandazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat biex jittieħdu l-miżuri ta' politika neċessarji. Ir-regolament jipprevedi li r-regolament se jistipula skadenza ta’ mhux iktar minn ħames xhur biex l-Istat Membru jindirizza d-devjazzjoni. Fuq dik il-bażi, jidher li l-iskadenza tal-15 ta’ Ottubru 2017 hija xierqa biex ir-Rumanija tindirizza d-devjazzjoni. Sa dik id-data, jinħtieġ li r-Rumanija tirrapporta x'azzjoni tkun ħadet bħala reazzjoni għal din ir-rakkomandazzjoni.

(7)Il-bilanċ strutturali tar-Rumanija fl-2016 huwa stmat li kien 1,6 % tal-PDG ’il bogħod mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju tagħha. Abbażi tal-previżjonijiet tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni tal-previżjoni tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni, fl-2017 ir-Rumanija kienet fi żminijiet ekonomiċi normali. Il-proporzon tad-dejn tal-gvern tar-Rumanija huwa anqas mil-livell limitu ta’ 60 % tal-PDG. L-isforz strutturali minimu meħtieġ preskritt mir-Regolament (KE) Nru 1466/97 u l-matriċi ta’ aġġustament, li tqis iċ-ċirkostanzi ekonomiċi prevalenti u tħassib possibbli dwar is-sostenibbiltà, jammonta għal 0,5 % tal-PDG. Il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2017 tipprevedi deterjorament ulterjuri tal-bilanċ strutturali b'1,3 % tal-PDG fl-2017. Għaldaqstant, titjib strutturali minimu ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2017 jissarraf fi ħtieġa li jiġu adottati miżuri ta’ rendita totali ta’ 1,8 % tal-PDG meta mqabbla mal-linja bażi attwali mill-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni. Minħabba d-daqs sinifikanti tal-isforz ta’ konsolidazzjoni strutturali li jirriżulta mill-aġġustament minimu rekwiżit mill-PST, huwa xieraq li ma jiġi mitlub l-ebda aġġustament addizzjonali ieħor b’żieda mar-rekwiżit minimu ta’ 0,5 % tal-PDG.

(8)It-titjib rekwiżit tal-bilanċ strutturali b’0,5 % tal-PDG fl-2017 huwa konsistenti mar-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma teċċedix 3,3 % fl-2017.

(9)Il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni tipprevedi defiċit tal-gvern ta’ 3,5 % tal-PDG fl-2017, li huwa ogħla mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. L-aġġustament strutturali meħtieġ jidher ukoll li huwa xieraq biex jiżgura li r-Rumanija tirrispetta l-livell limitu tad-defiċit tal-gvern ta’ 3 % tal-PDG fl-2017.

(10)Huwa xieraq li din ir-rakkomandazzjoni tkun pubblika.

(11)Sabiex jinkisbu l-miri baġitarji rrakkomandati, huwa kruċjali li r-Rumanija tadotta u timplimenta b'mod strett il-miżuri neċessarji u tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi fejn tidħol in-nefqa kurrenti,

B'DAN JIRRAKKOMANDA:

(1)Jinħtieġ li r-Rumanija tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma teċċedix 3,3 % fl-2017, li tikkorrespondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,5 % tal-PDG, li b’dan tqiegħed lill-pajjiż fuq perkors ta’ aġġustament xieraq lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju.

(2)Jinħtieġ li r-Rumanija tuża kull qligħ mhux mistenni għat-tnaqqis tad-defiċit. Il-miżuri ta' konsolidament tal-finanzi pubbliċi għandhom jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir.

(3)Jinħtieġ li r-Rumanija tirrapporta dwar l-azzjoni li saret b’risposta għal din ir-rakkomandazzjoni sal-15 ta’ Ottubru 2017.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2) ĠU C 299, 18.8.2016, p. 73.