IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.5.2017
COM(2017) 248 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
L-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti għal bidu tajjeb fil-ħajja
{SWD(2017) 165 final}
1.Introduzzjoni
L-investiment fin-nies, u b’mod partikolari fiż-żgħażagħ, huwa waħda mill-ogħla prijoritajiet tal-Ewropa. F’Diċembru tal-2016, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-inizjattivi “Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa”, fejn enfasizzat l-importanza li jinfetħu opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ. Messaġġ importanti huwa li l-kwalità tal-edukazzjoni hija deċiżiva għall-prospetti u għall-opportunitajiet fil-ħajja taż-żgħażagħ. Din l-inizjattiva tibni fuq l-“Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa”
. L-edukazzjoni għandha wkoll rwol ċentrali fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
. Din il-Komunikazzjoni tagħmel parti minn pakkett ta’ inizjattivi li jindirizzaw l-iskejjel, l-edukazzjoni għolja u l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati. Din twieġeb għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru tal-2016.
Din tappoġġja l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli nru 4 tan-NU dwar l-edukazzjoni.
Edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd se tgħin lill-Ewropa sabiex tikseb l-objettivi ekonomiċi u soċjali tagħha. Edukazzjoni tajba hija l-bażi ta’ soċjetajiet inklużivi u reżiljenti. Hija l-punt tat-tluq għal karriera professjonali ta’ suċċess u l-aqwa protezzjoni kontra l-qgħad u l-faqar. Trawwem l-iżvilupp personali u tistabbilixxi l-bażi għaċ-ċittadinanza attiva. Edukazzjoni tajba tkattar ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-kompetittività. Madankollu, biex is-soċjetajiet jiksbu dawn il-benefiċċji, l-edukazzjoni ta’ kwalità għolja jeħtieġ li ssir realtà għal kulħadd.
L-iskejjel għandhom rwol fundamentali fit-tagħlim tul il-ħajja, u għalhekk hemm bżonn ta’ azzjoni biex jiġu mtejba l-kwalità u l-prestazzjoni tal-edukazzjoni skolastika. Is-sitwazzjoni attwali fl-Ewropa turi li ma hemm l-ebda lok għal kompjaċenza. Fl-Unjoni Ewropea, hemm diversità rikka ta’ skejjel u ta’ sistemi edukattivi. Fl-istess ħin, kważi l-Istati Membri kollha qed jaffaċċjaw bosta sfidi importanti:
·Jeżistu nuqqasijiet fl-iżvilupp tal-kompetenzi fil-livell tal-edukazzjoni skolastika. L-aħħar riżultati tal-istħarriġ PISA tal-OECD juru li wieħed minn kull ħames studenti għandu diffikultajiet serji fl-iżvilupp ta’ ħiliet suffiċjenti fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza. B’riżultat ta’ dan, dawn iż-żgħażagħ huma aktar probabbli li jaffaċċjaw ostakli importanti tul ħajjithom għall-inklużjoni soċjali u biex isibu impjieg. Fl-istess ħin, is-sehem ta’ studenti li jġibu riżultati tajbin ħafna fl-Ewropa huwa relattivament baxx: anki l-Istati Membri tal-UE bl-aqwa prestazzjoni huma megħluba minn pajjiżi Asjatiċi avvanzati
. Ħafna żgħażagħ għandhom nuqqas ta’ ħiliet diġitali xierqa. Kwistjoni oħra hija n-nuqqas ta’ kwalifiki formali; minkejja l-fatt li ħafna Stati Membri għamlu progress tajjeb biex jitnaqqas is-sehem ta’ studenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien għall-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 ta’ 10 %, xorta għad hemm wisq żgħażagħ li jitilqu mill-iskola b’mod prematur.
·L-edukazzjoni skolastika mhux dejjem twettaq bis-sħiħ ir-rwol tagħha biex tippromwovi l-ġustizzja soċjali. Id-dejta ta’ PISA
turi li d-distakk bejn is-sessi fil-matematika u fix-xjenza qed jonqos, madankollu l-isterjotipi tas-sessi għadhom qed iwasslu għal differenzi fl-involviment fix-xjenza u fl-ICT u jeħtieġu aktar attenzjoni. Barra minn hekk, id-dejta turi li l-kisbiet edukattivi fil-biċċa l-kbira jkunu jiddependu mill-isfond soċjoekonomiku tal-istudent. Bħala medja, iktar minn terz taż-żgħażagħ minn sfondi żvantaġġati fl-UE juru livelli baxxi ta’ riżultati edukattivi. Dan huwa erba’ darbiet aktar mill-pari tagħhom li ġejjin minn sfondi aktar vantaġġati u huwa amplifikat minn sfidi speċifiċi oħra għall-istudenti li ġejjin minn sfond ta' migrazzjoni u Rom. Dawn id-distakki jżidu mal-inugwaljanza soċjali minflok ma jrażżnuha. L-aċċess għal edukazzjoni u għal taħriġ ta’ kwalità għolja huwa fundamentali għal soċjetà aktar reżiljenti u ugwali. L-eżempji tal-Estonja u tal-Finlandja juru li s-sistemi edukattivi skolastiċi jistgħu jipprovdu livelli għoljin ta’ kisbiet kif ukoll ta’ ekwità fl-istess ħin.
·Ir-ritmu tal-bidla teknoloġika u diġitali qed iħalli effett profond fuq l-ekonomiji u fuq is-soċjetajiet tagħna - l-iskejjel jeħtieġ li jirrispondu aħjar għal din ir-realtà. Ħafna mit-tfal tal-iskola tal-lum aktar 'il quddiem se jaħdmu f'tipi ta’ xogħlijiet li llum il-ġurnata għadhom ma jeżistux. 90 % mill-impjiegi tal-lum jeħtieġu minn tal-inqas ċertu livell ta’ ħiliet diġitali. M’għadux biżżejjed li ż-żgħażagħ tagħna nagħtuhom sett fiss ta’ ħiliet jew ta’ għarfien; dawn iridu jiżviluppaw ir-reżiljenza u l-ħila biex jadattaw għall-bidla. Id-“Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-Isfruttar tal-Globalizzazzjoni” jirrikonoxxi wkoll li hemm bżonn ta’ modi ġodda ta’ tagħlim għal soċjetà li qed issir dejjem aktar mobbli u diġitali. Kif inhu enfasizzat fid-“Dokument ta’ Riflessjoni dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Ewropa”, is-sistemi edukattivi jeħtieġ li jiġu mmodernizzati biex jippromwovu l-kreattività u l-ħsieb kritiku, kif ukoll mentalità intraprenditorjali.
L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jeħtieġ riformi. Dan huwa kompitu tal-Istati Membri, peress li huma responsabbli mit-tfassil tas-sistemi edukattivi u s-soluzzjonijiet ivarjaw skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. F’konformità mas-sussidjarjetà, l-UE tista’ taqdi rwol siewi fl-appoġġ lill-Istati Membri fl-isforzi ta’ riforma tagħhom. Il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE tappoġġja lill-Istati Membri b’analiżi tad-dejta, kondiviżjoni tal-evidenza, bl-identifikazzjoni ta’ prattiki tajba, u billi toffri opportunitajiet għall-iskambju ta’ esperjenzi u għat-tagħlim reċiproku. Din it-tip ta’ kooperazzjoni volontarja toffri valur miżjud lill-Istati Membri fit-teħid ta' deċiżjonijiet informati.
Hemm tliet oqsma li fihom hija meħtieġa azzjoni u li fihom l-appoġġ fil-livell Ewropew jista’ jgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi msemmija hawn fuq:
1.L-iżvilupp ta’ skejjel aħjar u aktar inklużivi;
2.L-appoġġ lill-għalliema u lill-mexxejja tal-iskejjel għal tagħlim eċċellenti; u,
3.Il-governanza tas-sistemi edukattivi fl-iskejjel: it-tisħiħ tal-effikaċja, tal-ekwi u tal-effiċjenti.
Għal kull qasam, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi azzjoni tal-UE biex tassisti lill-Istati Membri fl-indirizzar ta’ dawn l-isfidi. Is-Semestru Ewropew huwa mutur ewlieni għar-riformi, jiġifieri permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-edukazzjoni. L-UE tista’ tgħin lil dawk l-Istati Membri li għandhom bżonn l-appoġġ fl-isforzi ta’ riforma tagħhom. Barra minn hekk, l-UE toffri appoġġ finanzjarju u tekniku lill-Istati Membri, b’mod partikolari permezz ta’ Erasmus+, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, u s-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali.
Id-diversità hija karatteristika tas-sistemi edukattivi skolastiċi Ewropej, u ma hemm l-ebda soluzzjoni universali. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom interess komuni fit-titjib tar-riżultati edukattivi. Biex din l-idea ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd issir realtà, jenħtieġ li jiġu sfruttati bis-sħiħ l-għodod kollha disponibbli fil-livelli nazzjonali u tal-UE. Il-Kummissjoni tinsab lesta li taħdem mill-qrib mal-Istati Membri.
2. L-iżvilupp ta’ skejjel aħjar u aktar inklużivi
Biex tikkomplimenta l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri, il-Kummissjoni se:
·Iżżid il-kooperazzjoni bejn l-iskejjel billi tagħmel is-sħubijiet bejn l-iskejjel u l-mobilità tal-istudenti permezz ta' Erasmus+ aktar aċċessibbli u tarrikkixxi t-tagħlim diġitali u interkulturali billi tippromwovi l-parteċipazzjoni f’eTwinning;
·Tiżviluppa għodda ta’ awtovalutazzjoni dwar il-kapaċità diġitali biex l-iskejjel fl-UE jkunu jistgħu, fuq bażi volontarja, jagħmlu awtovalutazzjoni ta’ fejn jinsabu fir-rigward tal-kriterji komuni u jiġu appoġġjati fl-iżvilupp u fit-titjib tal-użu effettiv tagħhom tat-teknoloġiji għat-tagħlim fl-era diġitali
. Billi jużaw din l-għodda, l-iskejjel jistgħu jagħżlu li jirrapportaw dwar il-progress tagħhom fid-disponibilità, fl-użu, fil-kompetenzi u fl-attitudnijiet għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni, billi jibnu bażi tad-dejta għall-Istati Membri parteċipanti kollha.
·Tappoġġja t-titjib fl-edukazzjoni fil-livell tal-iskejjel fix-xjenza, fit-teknoloġiji, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM) billi tippromwovi l-aħjar prattika fl-iżvilupp ta’ rabtiet u ta’ kooperazzjoni tal-edukazzjoni għolja, tar-riċerka u tan-negozji mal-iskejjel fil-livell tal-UE u tindirizza b’mod effettiv id-distakk u l-isterjotipi bejn is-sessi fi STEM, permezz ta’ Erasmus+.
·Tippromwovi u tappoġġja l-esperimentazzjoni tal-politika dwar l-iżvilupp ta’ pedagoġiji multilingwi u ta’ tagħlim fi klassijiet diversifikati bħala parti mill-programm ta’ ħidma tal-2018 ta’ Erasmus+.
·Tagħti segwitu għall-osservazzjonijiet tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità billi tappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Edukazzjoni Inklużiva u l-Istati Membri, fuq talba tagħhom, fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-edukazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
·Tkompli tappoġġja lill-Istati Membri sabiex jipprovdu edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja suffiċjenti u żżid l-isforzi biex tgħinuhom sabiex jitgħallmu minn xulxin u jidentifikaw x’jaħdem l-aħjar.
2.1
L-appoġġ lill-istudenti kollha u l-iżvilupp tal-kompetenzi tagħhom
Iż-żgħażagħ kollha jeħtieġ li jkollhom l-opportunità li jiżviluppaw il-firxa sħiħa ta’ kompetenzi ewlenin. Dawn jinkludu l-litteriżmu, l-lingwi barranin, il-matematika, ix-xjenza, il-ħiliet diġitali u l-ikkowdjar u l-kompetenzi ċiviċi u soċjali, iżda anki l-kompetenzi relatati mal-intraprenditorija u ħiliet trasversali bħall-kreattività u l-ħsieb kritiku. Minkejja l-importanza tagħhom, mhux iż-żgħażagħ kollha jiżviluppaw bis-sħiħ dawn il-kompetenzi. Il-Qafas Ewropew dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja tal-2006 jappoġġja l-kisba ta’ dawn il-kompetenzi. Ir-reviżjoni tiegħu, imħabbra fl-“Aġenda Ġdida għall-Ħiliet”, se tgħin biex ikompli jissaħħaħ l-iżvilupp tal-kompetenzi fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Għall-iskejjel, dan jeħtieġ ukoll bidla fil-mod kif isir it-tagħlim.
Ir-rabta tat-tagħlim mal-esperjenza tal-ħajja reali trendi riżultati aħjar. It-tagħlim ibbażat fuq proġetti u fuq problemi, l-esperjenzi fuq il-post tax-xogħol jew it-tagħlim f’servizz fil-komunità jżidu l-motivazzjoni taż-żgħażagħ, ipoġġu l-kontenut ta’ suġġett f’kuntest, u joffru opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali, ċiviċi u intraprenditorjali. L-edukazzjoni fix-xjenza, fit-teknoloġiji, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM) hija aktar effettiva meta tkun marbuta ma’ sfidi ekonomiċi, ambjentali u soċjali jew mal-arti u d-disinn, li juru r-rilevanza tagħha għall-ħajja ta’ kuljum.
It-teknoloġiji diġitali jistgħu jsaħħu t-tagħlim u jappoġġjaw l-innovazzjoni fl-iskejjel. Użati kif xieraq, it-teknoloġiji diġitali jistgħu jsaħħu l-esperjenzi ta’ tagħlim u jappoġġjaw l-iżvilupp lil hinn mill-kompetenza diġitali. Minkejja dan, kwart biss mit-tfal tal-iskola Ewropej huma mgħallma minn għalliema li jħossuhom kunfidenti fil-ħiliet diġitali. It-teknoloġiji diġitali jistgħu jappoġġjaw il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni fl-iskejjel u bejniethom u jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-istudenti u tal-familji tagħhom fil-ħajja skolastika.
L-iskejjel iridu jappoġġjaw lill-istudenti kollha u jirrispondu għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. L-iskejjel li joqogħdu attenti għall-ħtiġijiet varji ta’ studenti differenti jiksbu riżultati aħjar. Din għandha wkoll dimensjoni tas-sessi. L-iskejjel li jħaddnu d-diversità lingwistika u kulturali fil-popolazzjoni skolastika tagħhom u li jappoġġjaw l-integrazzjoni għandhom effett pożittiv fuq il-ħila ta' tagħlim tat-tfal kollha. Madankollu, din mhix dejjem il-prattika attwali. Uħud mill-Istati Membri jaffaċċjaw diffikultajiet meta jiġu biex jipprovdu lill-istudenti b’diżabilità b'aċċess għall-edukazzjoni inklużiva ta’ kwalità. F’ċerti bliet u reġjuni, sehem sinifikanti mill-istudenti fl-iskejjel ma jitkellmux bil-lingwa tat-tagħlim id-dar. Speċjalment it-tfal migranti li jkunu għadhom kif waslu jeħtieġu programmi lingwistiċi apposta biex jintegraw aħjar fl-iskola.
F’għadd ta’ pajjiżi, Rom u minoranzi etniċi oħra għandhom nuqqas ta’ aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità għolja.
2.2.
It-tisħiħ tat-tagħlim bil-ftuħ ta’ forom ġodda ta’ kooperazzjoni
Il-kooperazzjoni tgħin lill-iskejjel jarrikkixxu l-esperjenzi u l-eżiti tat-tagħlim u jappoġġjaw aħjar liż-żgħażagħ fl-iżvilupp tal-kompetenzi li jeħtieġu. Din tinkludi l-kooperazzjoni ma’ servizzi lokali, organizzazzjonijiet fil-komunità, negozji u universitajiet, iżda anki l-kooperazzjoni fi ħdan l-iskejjel. Iż-żgħażagħ f’riskju li jitilqu mill-edukazzjoni jibbenefikaw mill-kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi soċjali jew mal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ. L-interazzjoni bikrija ma’ gwidi tal-karriera, imprendituri u akkademiċi tgħin liż-żgħażagħ sabiex iħejju għall-impjieg futur u jkomplu l-istudji.F’oqsma tas-suġġetti bħax-xjenza jew l-isport, l-istudenti jibbenefikaw meta dawk li jipprovdu l-edukazzjoni, in-negozji u s-soċjetà ċivili jikkollaboraw mal-iskejjel tagħhom. Madankollu, mhux l-iskejjel kollha għandhom biżżejjed appoġġ estern jew jappoġġjaw il-kooperazzjoni neċessarja fost l-għalliema tagħhom stess, il-persunal l-ieħor, l-istudenti u l-ġenituri.
Il-bullying, il-bullying fuq l-internet, u l-vjolenza għandhom impatt negattiv fuq is-suċċess tat-tfal fl-iskola.
Il-benesseri fiżiku u mentali huwa prekundizzjoni għas-suċċess fit-tagħlim. L-evidenza turi li l-istrateġiji li jinvolvu lill-għalliema u lill-ġenituri huma l-aktar effettivi fl-indirizzar tal-forom kollha ta’ bullying.
Biex jitrażżnu kemm il-bullying kif ukoll il-vjolenza, it-tfal jeħtieġ li jitgħallmu dwar it-tolleranza u d-diversità. L-istess japplika għas-sikurezza online u għall-użu responsabbli tal-midja soċjali.
L-applikazzjoni ta’ approċċ għall-iskola kollha jtejjeb l-eżiti tat-tagħlim, l-inklużività u l-ekwità. B’dan l-approċċ, l-iskola kollha flimkien mal-partijiet ikkonċernati esterni u mal-komunità lokali jkunu involuti biex itejbu l-kwalità tal-iskola. Il-pjattaformi online “European Toolkit for Schools” u “School Education Gateway” jappoġġjaw dan l-approċċ, u huma disponibbli fuq bażi volontarja għall-iskejjel Ewropej kollha, billi jappoġġjaw l-iskambju bejn il-pari u jgħinu jtejbu l-metodi ta’ organizzazzjoni, il-prattiki ta’ tagħlim u l-esperjenzi ta’ tagħlim. Il-programm Erasmus+ jappoġġja s-sħubijiet bejn l-iskejjel Ewropej, u jgħin lill-iskejjel sabiex jestendu l-konnessjonijiet u jkunu jistgħu jiskambjaw l-istudenti b’mod transfruntier.
eTwinning hija l-akbar komunità għall-iskejjel fl-Ewropa. Diġà ħadu sehem aktar minn 460 000 għalliem u 4 minn kull 10 skejjel fl-Ewropa. Billi toffri ambjent online sikur għall-proġetti tal-edukazzjoni transfruntiera, eTwinning tipprovdi lill-iskejjel b’għodod faċilment aċċessibbli biex issaħħaħ l-offerta ta’ tagħlim diġitali tagħhom u tappoġġja l-kuntatti interkulturali u transfruntiera bejn l-għalliema u l-istudenti. L-integrazzjoni tal-użu tagħha fl-iskejjel kollha fl-Ewropa tista’ tgħin sabiex jissaħħu l-kompetenzi diġitali u jinfetħu l-klassijiet.
2.3
It-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-kwalità tagħhom
L-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja huma l-pedament ta’ sistema edukattiva effettiva u ekwa. Dawn iħejju lit-tfal għall-edukazzjoni primarja, isaħħu l-prestazzjoni akkademika fil-livelli futuri kollha, u għandhom impatt partikolarment pożittiv fuq it-tfal li jkunu ġejjin minn sfondi żvantaġġati u ta' migrazzjoni. Il-programm PISA juri li l-istudenti ta’ 15-il sena li ma attendewx l-edukazzjoni preprimarja huma tliet darbiet aktar f'riskju li jġibu marki baxxi minn dawk li attendew għal aktar minn sena. L-investiment fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal inaqqas il-bżonn ta’ livelli ogħla ta’ nfiq fi stadji aktar tard tal-edukazzjoni, meta l-ispejjeż għat-tneħħija tad-distakki bejn l-istudenti b’marki għoljin u baxxi jkunu aktar għoljin.
Il-provvista u l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja huma ta' sfida. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal żdiedet, iżda għadha problematika għal tfal li għandhom inqas minn tliet snin u speċjalment għal tfal żvantaġġati. Il-parteċipazzjoni, l-affordabilità u l-kwalità mhumiex distribwiti indaqs fi ħdan u bejn il-pajjiżi. F’25 Stat Membru, id-domanda għall-indukrar tat-tfal taqbeż il-provvista; id-defiċits fil-kwalità spiss huma marbuta mal-kwalifikazzjoni inadegwata tal-persunal u mal-opportunitajiet limitati għall-iżvilupp professjonali. L-esperti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea identifikaw b’mod konġunt prinċipji tal-kwalità u ħames oqsma ewlenin għal azzjoni: l-aċċess, il-forza tax-xogħol, il-kurrikulu, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ, il-governanza u l-finanzjament.
L-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għar-riżultati edukattivi tat-tfal żgħar, u tagħti lit-tfal kollha, inklużi dawk li ġejjin minn sfondi vulnerabbli, spinta biex jirnexxu fl-iskola.
3. L-appoġġ lill-għalliema u lill-mexxejja tal-iskejjel għal tagħlim eċċellenti
Biex tikkomplimenta l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri, il-Kummissjoni se:
·Toffri gwida dwar il-politika fuq il-karrieri u fuq l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u tal-mexxejja tal-iskejjel billi ssaħħaħ it-tagħlim bejn il-pari skont Edukazzjoni u Taħriġ 2020 permezz ta’ sensiela ta’ seminars bejn esperti u billi torbot dan mad-djalogu soċjali settorjali Ewropew fl-edukazzjoni;
·Tissimplifika l-aċċess u tippromwovi opportunitajiet għall-għalliema futuri biex jiksbu esperjenza prattika ta’ tagħlim barra mill-pajjiż bl-appoġġ ta’ Erasmus+;
·Tiżviluppa komunitajiet u riżorsi online għall-professjonsiti li jaħdmu fl-iskejjel, inklużi opportunitajiet ġodda ta’ eTwinning għall-għalliema studenti, netwerks online għall-għalliema fil-bidu tal-karriera u għall-mentors, korsijiet online (inklużi MOOCs), skambju tal-aħjar prattika fost dawk li jipprovdu Edukazzjoni Inizjali tal-Għalliema u Qafas tal-Kompetenzi Diġitali għall-appoġġ għall-awtovalutazzjoni u għall-iżvilupp tal-għalliema;
·Tkompli tiżviluppa sinerġiji mal-OECD biex tipproduċi dejta komparattiva konġunta dwar il-persunal tal-iskejjel, inkluż permezz ta’ ġbir aktar effiċjenti u konġunt tad-dejta minn Eurydice u l-OECD dwar għalliema u l-mexxejja tal-iskejjel.
3.1. Biex il-karrieri fit-tagħlim isiru aktar attraenti
Għalliema ta’ kwalità għolja, motivati u ta’ valur huma fil-qalba ta’ edukazzjoni eċċellenti. Iżda t-tnaqqis fil-prestiġju tal-professjoni u n-nuqqas ta’ persunal huma ta' sfidi f’ħafna Stati Membri, li qegħdin iżommu lura l-kwalità tal-edukazzjoni skolastika. Ħafna Stati Membri għandhom l-għan li jattiraw firxa usa’ ta’ kandidati xierqa għall-karrieri fit-tagħlim, u li jimmotivawhom u jappoġġjawhom biex jeċċellaw f’din il-professjoni impenjattiva.
It-titjib tas-selezzjoni u tar-reklutaġġ jista’ jgħin biex jiġu identifikati dawk li huma l-aktar adattati għat-tagħlim u tinġieb firxa usa’ ta’ esperjenzi fil-professjoni. Ċerti pajjiżi qed jevalwaw l-applikanti fuq firxa usa’ ta’ ħiliet u ta’ attitudnijiet minbarra l-merti akkademiċi tagħhom. Meta jkun rilevanti għall-Istati Membri, dan jista’ jimxi id f’id mal-isforzi biex jiġi indirizzat l-iżbilanċ sinifikati bejn is-sessi fit-tagħlim u biex jiġu attirati għalliema ġodda minn professjonijiet oħra u minn gruppi sottorappreżentati.
Il-paga, l-istatus kuntrattwali u l-prospetti ċari tal-karriera huma importanti għall-attraenza tal-professjoni. F’ċerti Stati Membri, ix-xogħol tal-għalliem imur minn taħt meta mqabbel ma’ professjonijiet oħra fil-kompetizzjoni għall-aħjar. L-għalliema spiss jaqilgħu ferm inqas mill-medja tal-ħaddiema b’edukazzjoni terzjarja: is-salarji jvarjaw minn 74 % fl-edukazzjoni preprimarja sa 92 % fil-livell sekondarju għoli. Il-pajjiżi b’livelli ta’ salarji baxxi ħafna jew b’sigurtà tal-impjieg batuta jbatu biex jattiraw għalliema ġodda u jimlew pożizzjonijiet vakanti bl-aktar kandidati kkwalifikati. L-għalliema huma mħassba wkoll dwar il-kwalità tal-preparazzjoni u tal-induzzjoni tagħhom u dwar l-opportunitajiet għall-karriera aħjar. Il-livelli tal-kompetenza u strutturi tal-karriera ddefiniti b'mod ċar isaħħu l-apprezzament tal-għalliema għall-prospetti tal-karriera.
3.2. Ix-xogħol tal-għalliem: professjonisti li jibqgħu studenti għall-karriera kollha tagħhom u li jaħdmu flimkien
Il-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema teħtieġ aktar attenzjoni. L-Edukazzjoni Inizjali tal-Għalliema hija aktar effettiva meta t-teorija pedagoġika tingħaqad kemm mal-għarfien dwar is-suġġett kif ukoll mal-prattika suffiċjenti fil-klassijiet. L-għalliema studenti jeħtieġ li jkunu ppreparati għal xogħol kollaborattiv u għal żvilupp professjonali tul il-karriera kollha tagħhom, biex jittrattaw mad-diversità fil-klassijiet u biex jużaw it-teknoloġiji diġitali b’kunfidenza. F’għadd ta’ Stati Membri, il-parteċipazzjoni fl-Iżvilupp Professjonali Kontinwu (CPD) hija baxxa jew ftit li xejn iffokata. Is-CPD irid ikun aċċessibbli, affordabbli u rilevanti. L-involviment tal-iskejjel u tal-għalliema fl-identifikazzjoni tat-temi u tal-oqsma batuti jista’ jgħin biex titjieb il-kwalità tagħhom.
L-għalliema jeħtieġu appoġġ speċjali matul l-istadji bikrija tal-karriera tagħhom. Meta jidħlu fil-professjoni, ħafna għalliema jsibu l-ambjenti reali tal-iskejjel diffiċli u wħud minnhom jitilqu mill-professjoni. Bħalissa, 6 minn kull 10 għalliema ġodda biss jirċievu induzzjoni ġenwina għall-prattika fl-iskejjel u skemi ta’ induzzjoni li jgħaqqdu l-appoġġ professjonali, soċjali u personali, inkluż il-mentoraġġ, u l-għajnuna lill-għalliema l-ġodda biex jiżviluppaw il-kompetenzi u r-reżiljenza. Dan isaħħaħ il-kwalità tat-tagħlim u jnaqqas l-ispejjeż għoljin marbuta mal-ħruġ mill-professjoni.
Il-kollaborazzjoni bejn l-għalliema bi prestazzjoni tajba ħafna. It-tagħlim f’tim, l-osservazzjoni ta’ għalliema oħra, u l-komunitajiet usa’ tat-tagħlim professjonali qed jintużaw dejjem aktar bħala forom b’saħħithom ta’ kollaborazzjoni bejn il-pari, iżda dawn għadhom mhumiex in-norma madwar l-Ewropa. Biex itejbu l-esperjenza tat-tagħlim tal-istudenti, l-għalliema jridu jkunu kapaċi u jridu jkunu lesti li jaħdmu u jitgħallmu f’timijiet – ma’ għalliema oħra, f’timijiet multiprofessjonali fl-iskola u ma’ sħab esterni.
L-ambjenti kollaborattivi u t-teknoloġiji diġtali jistgħu jsaħħu t-tagħlim fost l-għalliema. Is-sessjonijiet ta’ ħidma u l-korsijiet ta’ taħriġ tradizzjonali lil hinn mill-iskola għadhom prevalenti. L-innovazzjonijiet edukattivi bħal netwerks kollaborattivi bejn il-pari, korsijiet onlajn miftuħa massivi (MOOCs), u l-kondiviżjoni ta’ riżorsi edukattivi miftuħa jistgħu jikkumplimentaw dawn il-metodi u jgħinu biex jingħelbu l-ostakli għall-parteċipazzjoni.
Permezz ta’ Erasmus+, l-UE tappoġġja l-iżvilupp professjonali tal-persunal tal-iskejjel. L-għotjiet huma disponibbli għall-għalliema studenti, għall-għalliema u għall-mexxejja tal-iskejjel li jixtiequ jieħdu sehem f’korsijiet ta’ taħriġ, f’kollokamenti fi skejjel jew f’attivitajiet ta’ osservazzjoni tax-xogħol f’pajjiż ieħor. Permezz ta’ eTwinning, l-UE tħeġġeġ il-kollaborazzjoni volontarja u t-tagħlim bejn il-pari fost l-għalliema f’korsijiet online u f’avvenimenti ta’ taħriġ konġunt.
3.3. L-appoġġ fit-tmexxija tal-iskejjel
It-tmexxija effettiva tal-iskejjel tħalli impatt pożittiv fuq il-kisbiet tal-istudenti, fuq il-kwalità tat-tagħlim u fuq il-motivazzjoni tal-persunal. Ir-riċerka turi li tmexxija bbażata fuq viżjoni kondiviża mill-persunal, mill-ġenituri u mill-komunità lokali hija kruċjali għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni fl-iskejjel. Madankollu, f’ċerti Stati Membri, il-karigi ta’ tmexxija tal-iskejjel mhumiex meqjusa bħala attraenti. It-tmexxija ta’ skola normalment iġġib magħha taħlita impenjattiva ta’ kompiti marbuta mal-ġestjoni kif ukoll mat-tagħlim. Il-mexxejja tal-iskejjel spiss ma jirċivux il-preparazzjoni jew l-appoġġ kontinwu li jeħtieġu għal dawn il-kompiti differenti.
Iż-żieda fl-awtonomija tal-iskejjel wasslet għal aktar responsabbiltà għall-mexxejja tal-iskejjel f’ħafna pajjiżi. Din tippermetti lill-mexxejja tal-iskejjel jorganizzaw mill-ġdid il-ħin u l-approċċi fil-klassijiet tagħhom, jistimulaw l-iżvilupp tal-iskejjel u jikkondividu r-responsabbiltajiet fost grupp usa’ ta’ membri tal-persunal. Madankollu, dawn il-bidliet jeħtieġu riżorsi u appoġġ xierqa. Ir-reklutaġġ, it-tħejjija u l-iżvilupp professjonali tal-mexxejja tal-iskejjel huma fatturi kruċjali biex titjieb il-prestazzjoni tal-iskejjel.
4. Il-governanza tas-sistemi edukattivi fl-iskejjel: aktar effikaċi, ekwa u effiċjenti
Biex tikkomplimenta l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri, il-Kummissjoni se:
·Tibni fuq il-kooperazzjoni eżistenti, inkluż fuq l-istrateġiji tal-ħiliet u r-riżorsi tal-iskejjel, tistabbilixxi arranġament ta’ appoġġ tekniku xprunat mid-domanda f’kooperazzjoni mal-OECD biex tgħin lill-Istati Membri li jfittxu l-assistenza volontarja, fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ riformi kbar fl-edukazzjoni skolastika. Is-servizzi tal-Kummissjoni, inkluż is-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali, u l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE (bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u Erasmus+) jistgħu jipprovdu appoġġ;
·Tipproponi rapport konġunt dwar l-effikaċja u l-effiċjenza tan-nefqa fl-edukazzjoni skolastika, li jinvolvi lill-kumitati tal-Kunsill u lis-servizzi tal-Kummissjoni xierqa. Dan se jibni fuq il-ħidma li għaddejja mal-OECD u jista’ jwassal għall-iżvilupp ta’ gwida politika fuq l-investiment fl-edukazzjoni skolastika fi sħubija mal-Istati Membri tal-UE u mal-partijiet ikkonċernati;
·Tiżviluppa gwida mmirata dwar il-politika fuq l-assigurazzjoni tal-kwalità permezz ta’ konsulenza bejn il-pari u permezz tat-tagħlim bejn il-pari flimkien mal-Istati Membri tal-UE u mal-partijiet ikkonċernati.
4.1. Ir-riżorsi tal-iskejjel: investimenti adegwati u effiċjenti
Filwaqt li l-Ewropa tgawdi minn diversità rikka ta’ sistemi edukattivi, ta’ kulturi u ta’ ċirkustanzi, hemm sfidi simili għall-governanza u għall-finanzjament. Dawn jinkludu d-definizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet għall-finanzjament u l-adattament tan-netwerk skolastiku mat-tibdil demografiku. L-Istati Membri tal-UE jallokaw għadd sinifikanti ta’ riżorsi - fuq medja aktar minn 3 % tal-PDG - għall-edukazzjoni skolastika. L-użu tajjeb ta’ dawn ir-riżorsi huwa importanti għall-effiċjenza tan-nefqa pubblika sħiħa ta’ pajjiż.
Huwa ta’ importanza kbira li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi limitati biex tissaħħaħ il-prestazzjoni tal-istudenti kollha. L-istħarriġ ta' PISA juri li ma jistgħux jinkisbu riżultati edukattivi effettivi taħt livell minimu ta’ finanzjament. Ċerti Stati Membri mhumiex qed jinvestu biżżejjed biex jiksbu riżultati tajbin fit-tul. Madankollu, f’livell komparabbli ta’ nfiq, ċerti Stati Membri jiksbu riżultati aħjar minn oħrajn. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-oqsma ta’ politika tal-edukazzjoni u tal-ekonomija jista’ jtejjeb il-bażi ta’ evidenza u jiġġenera kunsens dwar “x’jaħdem” fl-investiment fl-edukazzjoni. L-isfidi jinkludu investimenti fl-infrastruttura, inkluż fl-infrastruttura diġitali u fil-konnettività, kif ukoll fil-kapital uman. Appoġġ għall-politika mfassal apposta għar-riformi fl-edukazzjoni tal-Istati Membri jista’ jgħin biex titjieb il-governanza tas-sistemi tal-iskejjel u jiżdiedu l-effikaċja u l-ekwità.
4.2. Il-kombinament tal-awtonomija u tal-assigurazzjoni tal-kwalità
L-interazzjoni bejn l-awtonomija tal-iskejjel u r-responsabbiltà titlob li jkun hemm sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità li jkunu b’saħħithom iżda flessibbli. Teżisti tendenza kbira reċenti lejn id-deċentralizzazzjoni u ż-żieda fl-awtonomija tal-iskejjel. L-għoti ta’ aktar awtonomija lill-iskejjel fuq il-prattiki u fuq l-organizzazzjoni tal-iskejjel jew fuq l-użu tagħhom tar-riżorsi finanzjarji jagħtihom aktar opportunitajiet biex jadattaw għall-ħtiġijiet speċifiċi u għall-kuntest lokali tagħhom. Madankollu, il-benefiċċji ta’ dan jiddependi mill-kapaċità tal-iskejjel li jippjanaw b’mod effettiv u jimmaniġġjaw l-iżvilupp tagħhom stess, kif ukoll minn kemm huma responsabbli quddiem il-ġenituri, il-komunitajiet lokali u l-awtoritajiet tal-edukazzjoni.
Ir-riżultati ta' PISA juru li l-awtonomija tal-iskejjel twassal għal kisba aħjar tal-ħiliet bażiċi meta tingħaqad mar-responsabbiltà. Il-mekkaniżmi ta' assigurazzjoni tal-kwalità jvarjaw ħafna madwar l-Ewropa, iżda għandhom xi sfidi komuni. Dawn jinkludu kif: jiġu stabbiliti l-għanijiet u jitkejjel il-progress għas-sistemi edukattivi u għat-tagħlim tal-istudenti; titfassal l-assigurazzjoni tal-kwalità għal sistemi edukattivi dejjem aktar deċentralizzati u mqassma fuq diversi livelli; jitħeġġu d-djalogu u kultura ta’ fiduċja bejn il-partijiet ikkonċernati fl-edukazzjoni; u l-prijorità lir-riżorsi umani u finanzjarji.
L-iżvilupp ta’ għodod u ta’ proċessi xierqa għal dejta kwantitattiva u kwalitattiva jsaħħaħ l-assigurazzjoni tal-kwalità. Jenħtieġ li l-mekkaniżmi ta' assigurazzjoni tal-kwalità jikkunsidraw il-klima fl-iskejjel u l-benesseri tal-istudenti kif ukoll l-iżvilupp tal-kompetenzi tal-istudenti. Kemm id-dejta kwantitattiva kif ukoll id-dejta kwalitattiva huma meħtieġa għal din il-perspettiva bbilanċjata. L-iskejjel u l-partijiet ikkonċernati lokali jridu jinvestu fil-bini tal-kapaċità biex jidentifikaw l-aktar għodod u indikaturi xierqa biex jissorveljaw kemm il-progressjoni tal-istudenti kif ukoll l-iżvilupp tal-iskejjel u jiżviluppaw komprensjoni komuni dwar kif jinterpretaw id-dejta. Jenħtieġ li dan ikun ikkumplimentat minn mekkaniżmi ta’ monitoraġġ estern bħal evalwazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali tal-iskejjel u/jew valutazzjonijiet tal-istudenti fuq skala kbira. It-trasferiment minn approċċ ta’ “lista ta’ kontroll” iffokat fuq il-konformità formali mar-regoli u mal-proċeduri, għal approċċ ta’ sostenn iffokat fuq l-iżvilupp tal-iskejjel jgħolli l-istandards u jtejjeb l-eżiti tat-tagħlim.
5.Konklużjoni – it-triq ’il quddiem
It-titjib tal-edukazzjoni huwa l-pedament tal-inizjattiva tal-Kummissjoni “Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa”. B’mod partikolari, il-kwalità tal-iskejjel taqdi rwol ewlieni fit-tiswir tal-prospetti taż-żgħażagħ. L-iskejjel iwittu t-triq għas-suċċess professjonali. Dawn joffru possibbiltà unika għall-mobilità soċjali. Madankollu, dan mhux dejjem ikun il-każ. Id-dejta l-ġdida ta' PISA hija allarmanti għall-Ewropa: is-sehem ta’ studenti li jġibu marki baxxi fix-xjenza żdied minn 16.6 % fl-2012 għal 20.6 % fl-2015. 11 % tal-istudenti jitilqu mill-iskola mingħajr kwalifika formali. Jekk dawn in-nuqqasijiet fl-edukazzjoni skolastika ma jiġux indirizzati, miljuni ta’ żgħażagħ se jkollhom nuqqas ta' opportunitajiet f’ħajjithom.
It-tisrif ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja f’realtà għaż-żgħażagħ kollha huwa tħassib kbir għall-ġejjieni tal-Ewropa. Id-dokument ta’ riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa ta’ April tal-2017
jiddikjara li l-edukazzjoni hija fost il-fatturi li se jiddeterminaw dejjem aktar il-ġejjieni tas-soċjetajiet u tal-ekonomiji tagħna; fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tas-27 ta’ Marzu 2017, 27 Stat Membru ħadu impenn li jaħdmu lejn “Ewropa soċjali: ...Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi mal-kontinent kollu”.
Ħidma lejn impenn kondiviż. It-titjib tal-edukazzjoni skolastika jistħoqqlu jkun prijorità assoluta. Dan japplika għall-Istati Membri u għall-UE u jirrekjedi kooperazzjoni msaħħa. Ir-riforma tas-sistemi edukattivi fl-iskejjel hija kompitu tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni hija lesta li tappoġġjahom billi tagħmel l-aqwa użu mill-għodod u l-proċessi tal-UE. B’mod partikolari, is-Semestru Ewropew huwa fattur li diġà wera li jikseb riżultati fir-riformi. Il-kooperazzjoni volontarja skont l-ET 2020 u ħidmiet oħra jenħtieġ li jiġu żviluppati aktar, biex dawn ikunu jistgħu joffru l-aħjar valur miżjud possibbli lill-Istati Membri. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ jintuża bis-sħiħ biex jgħin lill-Istati Membri sabiex jieħdu deċiżjonijiet politiċi infurmati u bbażati fuq l-evidenza. Mistoqsija importanti għall-kooperazzjoni fil-ġejjieni hija jekk jiġix stabbilit valur referenzjarju aktar ambizzjuż fil-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskola. Kwistjoni importanti oħra hija kif jista’ jintuża bl-aħjar mod il-programm Erasmus+ biex aktar żgħażagħ Ewropej jingħataw esperjenzi ta’ tagħlim barra minn pajjiżhom u jiżdiedu l-kapaċitajiet eżistenti għall-appoġġ tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni fl-edukazzjoni skolastika u tal-għalliema.
Is-suċċess se jiddependi fuq il-kooperazzjoni mill-qrib. Is-Summit dwar l-Edukazzjoni ppjanat għat-tieni nofs tal-2018 se jindirizza l-ekwità fl-edukazzjoni u kif għandhom jiġu appoġġjati aħjar il-gruppi żvantaġġati fl-edukazzjoni. Se joffri l-ewwel opportunità biex jiġi diskuss il-futur tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u b’mod partikolari fl-edukazzjoni skolastika.