IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.5.2017
COM(2017) 233 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 608/2013
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.5.2017
COM(2017) 233 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 608/2013
1. INTRODUZZJONI
Il-ksur tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali (DPI) huwa fenomenu mifrux u dejjem jikber madwar id-dinja. Il-kummerċ internazzjonali ta’ prodotti ffalsifikati jirrappreżenta sa 2.5% tal-kummerċ dinji, jew madwar EUR 338 biljun, abbażi tal-aħħar dejta disponibbli mill-2013 1 . L-impatt tal-falsifikazzjoni huwa partikolarment għoli fl-Unjoni Ewropea, bil-prodotti ffalsifikati u piratati jammontaw sa 5 % tal-importazzjonijiet, jew madwar EUR 85 biljun.
Komponent fundamentali tas-sistema tal-UE li tinforza d-DPI fil-fruntiera huwa r-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali 2 , li minn hawn ’il quddiem jissejjaħ ir-Regolament (UE) Nru 608/2013. Beda japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.
L-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 jgħid li “... il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk meħtieġ, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet xierqa.
Dak ir-rapport għandu jirreferi għal kull inċident rilevanti li jikkonċerna mediċini li jkunu għaddejjin mit-territorju doganali tal-Unjoni li jista’ jseħħ skont dan ir-Regolament, inkluża valutazzjoni tal-impatt potenzjali tiegħu fuq l-impenji tal-Unjoni dwar l-aċċess għal mediċini skont id-‘Dikjarazzjoni dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika’ adottata mill-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Doha fl-14 ta’ Novembru 2001 u l-miżuri meħuda sabiex tiġi indirizzata kull sitwazzjoni li toħloq effetti negattivi f’dak ir-rigward.”
Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 huwa akkumpanjat mill-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-UE għall-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI għas-snin bejn l-2013 u l-2017 3 , li għalihom il-Kummissjoni tippreżenta lill-Kunsill rapport ta’ sinteżi annwali u, sal-aħħar tal-2017, mistennija tippreżenta wkoll rapport finali.
Id-dokument preżenti għandu l-għan li jirrapporta dwar ir-rispons miġbur mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 mill-1 ta’ Jannar 2014. Fir-rigward tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri, ir-rapport ikopri perjodu ta’ tliet snin mill-1 ta’ Jannar 2014 sa Diċembru 2016, filwaqt li l-figuri dettaljati dwar l-azzjonijiet meħuda fil-fruntieri tal-UE jkopru s-snin 2014 u 2015, minħabba li l-istatistika għall-2016 kienet għadha mhijiex disponibbli fiż-żmien meta tħejja dan ir-rapport.
It-Taqsima 2 tispjega l-metodoloġija użata għat-tħejjija tar-rapport.
It-Taqsima 3 tiddeskrivi l-qafas leġiżlattiv tal-UE u tiffoka fuq in-novitajiet ewlenin introdotti mir-Regolament (UE) Nru 608/2013.
It-Taqsima 4 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-kummenti magħmula mis-settur privat.
It-Taqsima 5 tanalizza kif ġie implimentat ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 mill-Istati Membri, b’attenzjoni speċifika fuq in-novitajiet u l-elementi fakultattivi introdotti minn dan ir-Regolament. Hija tinkludi wkoll figuri dwar l-applikazzjoni konkreta tar-Regolament (UE) Nru 608/2013.
It-Taqsima 6 tispjega fid-dettall il-konklużjonijiet.
2. METODOLOĠIJA
Għat-tħejjija tar-rapport intużaw il-mezzi u l-għodod li ġejjin:
-żjarat ta’ appoġġ fl-Istati Membri u konsultazzjoni mal-Istati Membri dwar il-kwistjoni tal-mediċini;
-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati;
-tniżżil ta’ informazzjoni mill-bażi ta’ dejta ċentrali tal-Kummissjoni, l-hekk imsejħa COPIS Database (Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni u l-Piraterija).
2.1 Żjarat ta’ appoġġ fl-Istati Membri u konsultazzjoni mal-Istati Membri dwar il-kwistjoni tal-mediċini
Il-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-UE għall-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI għas-snin bejn l-2013 u l-2017 jipprevedi numru ta’ azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-Kummissjoni u mill-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 608/2013.
Azzjoni waħda tirrigwarda t-tmexxija ta’ żjarat ta’ appoġġ, matul is-snin 2015-2017, mill-Kummissjoni u minn esperti nazzjonali tad-DPI, fit-28 Stat Membru, sabiex jiġi stabbilit djalogu mal-awtoritajiet responsabbli mir-Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) Nru 608/2013, bil-għan li:
-tinġabar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 608/2013;
-jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-esperjenzi u l-aħjar prattiki.
Fl-2015 u l-2016, il-Kummissjoni, flimkien mal-esperti tad-DPI mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, mexxiet 24 żjara ta’ appoġġ fil-pajjiżi li ġejjin: BE, NL, FI, EE, SI, HR, LV, LT, MT, IT, EL, CY, SE, DK, DE, AT, SK, CZ, HU, PL, ES, PT, FR u LU. Dawn iż-żjarat intużaw sabiex jitħejja d-dokument preżenti. Fil-każ tal-Istati Membri li għad trid issirilhom iż-żjara fl-2017, jiġifieri BG, IE, RO u UK, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet doganali sabiex jimlew il-kwestjonarju użat fl-okkażjoni taż-żjarat ta’ appoġġ, sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru kollha jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 608/2013. Il-kwestjonarji mimlija minn dawk l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri waslu matul l-2016.
Fl-okkażjoni tal-ewwel laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti Doganali (it-taqsima tal-infurzar tad-DPI), li saret fil-11 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni talbet ukoll lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri sabiex jirrapportaw lill-Kummissjoni kwalunkwe inċidenti rilevanti li jikkonċernaw il-mediċini fi tranżitu madwar it-territorju doganali tal-Unjoni li setgħu seħħew skont ir-Regolament (UE) Nru 608/2013.
2.2 Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-UE għall-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI għas-snin 2013 sa 2017 waqqaf grupp li jlaqqa’ l-Kummissjoni, l-awtoritajiet doganali tal-UE, id-detenturi tad-drittijiet u partijiet ikkonċernati oħrajn fil-kuntest tal-azzjoni tiegħu 1.3.2 4 . Il-grupp jiltaqa’ darba fis-sena.
Fl-okkażjoni tar-raba’ laqgħa ta’ dan il-grupp, li saret fi Brussell fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni stiednet lid-detenturi tad-drittijiet u lil partijiet ikkonċernati oħrajn sabiex jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, b’enfasi speċifika fuq id-dispożizzjonijiet li ġejjin, li huma ta’ interess dirett għalihom:
-il-kapitolu II dwar l-applikazzjonijiet għal azzjonijiet (marbuta mal-kontenut tal-applikazzjonijiet għal azzjonijiet kif spjegati fid-dettall fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013);
-l-Artikolu 19 dwar l-ispezzjoni u t-teħid ta’ kampjuni ta’ oġġetti li r-rilaxx tagħhom kien sospiż jew li kienu detenuti;
-l-Artikolu 21 dwar l-użu permess ta’ ċerta informazzjoni mid-detentur tad-deċiżjoni;
-l-Artikoli 23 (proċedura standard għall-qerda tal-oġġetti u l-bidu ta’ proċeduri) u 26 (proċedura għall-qerda tal-oġġetti f’kunsinni żgħar);
-L-Artikolu 28 jikkonċerna r-responsabbiltà tad-detentur tad-deċiżjoni;
-L-Artikolu 29 jikkonċerna l-ispejjeż.
Sal-aħħar ta’ Settembru 2016 kienu waslu tmien tweġibiet mingħand l-assoċjazzjonijiet li ġejjin: European Express Association (EEA), Union des Fabricants (UNIFAB), l-Assoċjazzjoni tat-Trademarks tal-Komunitajiet Ewropej (ECTA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (EFPIA), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Industrija tas-Semikundutturi (ESIA), l-Assoċjazzjoni tat-Trademarks Internazzjonali (INTA), Business Action to Stop Counterfeit And Piracy (BASCAP), l-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Sidien tat-Trademarks (MARQUES).
Il-Kummissjoni tirringrazzja lil dawn l-assoċjazzjonijiet għall-kummenti li bagħtu.
2.3 L-użu ta’ COPIS (Tniżżil ta’ informazzjoni minn COPIS)
Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 jipprevedi li għall-fini tal-iżgurar tal-ipproċessar tal-informazzjoni trażmessa mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u li tirrigwarda d-deċiżjonijiet li jagħtu l-applikazzjonijiet, kif ukoll is-sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti jew id-detenzjoni tagħhom, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi bażi ta’ dejta ċentrali. Il-bażi tad-dejta ċentrali COPIS bdiet topera fl-1 ta’ Jannar 2014. Hija tinsab taħt żvilupp permanenti.
Il-Kummissjoni għandha aċċess għall-informazzjoni inkluża f’COPIS, kif xieraq, għall-issodisfar tar-responsabbiltajiet legali tagħha fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 608/2013.
Għat-tħejjija tar-rapport preżenti, il-Kummissjoni estrattat l-informazzjoni meħtieġa minn COPIS, b’mod partikolari dwar:
-in-numru ta’ Applikazzjonijiet għal Azzjonijiet (AFA) skont it-tip ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali koperti mir-Regolament (UE) Nru 608/2013 (ara l-Anness 1);
-ir-riżultati tal-użu tal-“proċedura standard”;
-l-użu tal-“proċedura għal kunsinni żgħar” (ara l-Anness 2).
3. QAFAS LEĠIŻLATTIV TAL-UE
3.1 Kuntest
L-UE bdiet tirregola l-infurzar tad-DPI fil-fruntieri fil-livell tal-Unjoni sa mill-1987 bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3482/86 5 , li jistabbilixxi miżuri li jipprojbixxu r-rilaxx ta’ oġġetti ffalsifikati għal ċirkolazzjoni libera. Minn dak iż-żmien ’il hawn, daħlu fis-seħħ tliet regolamenti oħrajn 6 bil-għan li jaġġustaw il-kamp ta’ applikazzjoni u l-proċeduri għall-evoluzzjoni tax-xejriet tal-frodi. L-aħħar reviżjoni, li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, ħadet f’kunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kummerċ dejjem jikber tal-oġġetti ffalsifikati bħala riżultat tal-kummerċ elettroniku dejjem jikber.
Bħar-Regolamenti tal-UE preċedenti fil-qasam, ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 jimplimenta l-miżuri ta’ infurzar fil-fruntieri inklużi fi ħdan il-Ftehim dwar l-aspetti ta’ Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS), li kien approvat mill-Kunsill tal-UE fl-1994 bħala parti min-negozjati multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj u konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Ir-Regolament saħansitra jimplimenta r-rekwiżiti mhux vinkolanti tat-TRIPS f’termini tal-infurzar fil-fruntieri, bħall-kontrolli fuq oġġetti ffalsifikati f’esportazzjoni u tranżitu, sabiex b’hekk jirrifletti l-impenn tal-UE għal protezzjoni għolja tad-DPI.
L-għan huwa li jiġi evitat li oġġetti li jiksru d-DPI ‘jitpoġġew fis-suq intern’ u li jiġu adottati miżuri għal dak il-għan ‘mingħajr ma tixxekkel il-libertà tal-kummerċ leġittimu’.
Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 fih biss regoli proċedurali għall-awtoritajiet doganali. Għaldaqstant, dan ir-Regolament ma jistabbilixxi ebda kriterju sabiex tiġi aċċertata l-eżistenza ta’ ksur ta’ DPI, li huwa definit fil-liġi sostantiva kkonċernata.
Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet doganali tal-UE sabiex iżommu oġġetti li huma suspettati li qegħdin jiksru DPI konferit mil-liġijiet tal-PI nazzjonali jew tal-UE u li jinsabu taħt kontroll doganali jew superviżjoni doganali.
Il-kontroll mill-awtoritajiet doganali għandu jkun ibbażat fuq analiżi tar-riskji u għandu jkun proporzjonat għar-riskju. Għalhekk, huwa essenzjali li l-awtoritajiet doganali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom informazzjoni rilevanti u suffiċjenti mid-detenturi tad-drittijiet sabiex ikunu jistgħu jorganizzaw l-analiżi tar-riskji tagħhom kif suppost.
L-awtoritajiet doganali jistgħu jaġixxu fuq “applikazzjoni għal azzjoni” (AFA) mitluba mid-detenturi tad-drittijiet, jew inkella fuq inizjattiva tagħhom stess, hekk imsejħa “ex-officio”.
AFA għandha tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali mill-persuni intitolati sabiex jibdew proċedimenti legali bil-għan li jiġi ddeterminat ksur tad-DPI. L-AFAs nazzjonali jiġu ppreżentati fi Stat Membru u jitolbu lill-awtoritajiet doganali tiegħu sabiex jieħdu azzjoni f’dak l-Istat Membru. Id-detenturi ta’ DPI abbażi ta’ liġi tal-Unjoni li tipproduċi effetti madwar l-Unjoni kollha jistgħu jippreżentaw AFA tal-Unjoni, li tipproduċi effetti f’aktar minn Stat Membru wieħed.
Il-formoli ta’ applikazzjoni u estensjoni huma stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 tal-4 ta’ Diċembru 2013 7 .
L-awtoritajiet doganali jieħdu d-deċiżjoni li jagħtu jew jirrifjutaw l-AFA.
Meta l-awtoritajiet doganali jissospendu r-rilaxx jew iżommu l-oġġetti suspettati detenuti, huma jinnotifikaw lid-detentur tad-deċiżjoni li tagħti l-applikazzjoni u lid-dikjarant jew lid-detentur tal-oġġetti. Skont il-“proċedura standard”, mal-konferma bil-miktub mid-detentur tad-deċiżjoni li, fil-kundanna tiegħu, kien hemm ksur ta’ DPI, u bi qbil espliċitu jew meqjus taż-żewġ partijiet, l-oġġetti suspettati jistgħu jinqerdu. Inkella, l-oġġetti jiġu rilaxxati, sakemm id-detentur tad-deċiżjoni ma jinnotifikax lill-awtoritajiet doganali li huwa beda proċeduri sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm ksur ta’ DPI. L-iskadenza sabiex jiġi kkonfermat il-qbil mal-qerda jew sabiex l-awtoritajiet doganali jiġu informati dwar il-bidu ta’ proċeduri tammonta għal 10 ijiem tax-xogħol (3 ijiem fil-każ ta’ oġġetti li jitħassru) u tista’, fil-każ tal-bidu ta’ proċeduri, fejn xieraq, tiġi estiża b’massimu ta’ 10 ijiem tax-xogħol oħra.
Meta l-oġġetti suspettati detenuti ma jkunux koperti minn AFA (azzjoni ex-officio), l-awtoritajiet doganali jridu jinnotifikaw id-detenzjoni lill-persuni kkonċernati, filwaqt li jipprovdulhom l-opportunità li jippreżentaw AFA.
Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 jipprevedi wkoll proċedura simplifikata għal pakketti żgħar li jinġarru bil-posta jew b’servizz ta’ posta espress (“proċedura għal kunsinni żgħar”), li tiġi applikata jekk jitlobha d-detentur tad-deċiżjoni li tagħti l-applikazzjoni, fejn l-oġġetti jistgħu jinqerdu bil-qbil espress jew preżunt tad-dikjarant waħdieni jew tad-detentur tal-oġġetti.
L-AFAs u l-informazzjoni dwar id-detenzjoni jiġu ġestiti permezz ta’ COPIS. Abbażi tad-dejta trażmessa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri permezz ta’ COPIS, il-Kummissjoni tippubblika fuq bażi annwali r-riżultati tal-azzjonijiet doganali fil-fruntieri esterni tal-UE 8 .
3.2 Karatteristiċi ġodda introdotti mir-Regolament (UE) Nru 608/2013
Il-karatteristiċi ġodda ewlenin introdotti mir-Regolament (UE) Nru 608/2013, li jikkompleta l-iskema diġà inkluża fir-regolamenti tal-passat, huma dawn li ġejjin:
- L-estensjoni tad-drittijiet u l-ksur koperti mill-azzjonijiet doganali: sabiex jissaħħaħ l-infurzar tad-DPI, l-intervent doganali kien estiż għal tipi oħrajn ta’ drittijiet u tipi oħrajn ta’ ksur għajr dawk koperti fir-Regolament (KE) Nru 1383/2003. It-tipi l-oħrajn ta’ drittijiet protetti huma l-ismijiet kummerċjali, it-topografiji ta’ prodotti semikundutturi u l-mudelli ta’ utilità. L-Indikazzjonijiet Ġeografiċi koperti issa jinkludu mhux biss prodotti agrikoli, iżda wkoll prodotti mhux agrikoli futuri possibbli, u r-Regolament isemmi speċifikament l-indikazzjonijiet ġeografiċi previsti fil-Ftehimiet ma’ pajjiżi terzi. Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ġie estiż ukoll sabiex ikopri aktar każijiet ta’ ksur, jiġifieri l-ksur kollu possibbli tat-trademarks (bħal trademarks simili li jagħtu lok għal konfużjoni u trademarks magħrufa sewwa) u mhux biss oġġetti ffalsifikati bħal fir-Regolamenti preċedenti, kif ukoll ksur permezz ta’ tagħmir ta’ ċirkomvenzjoni (tagħmir li huwa primarjament iddisinjat, prodott jew adattat għall-iskop li jippermetti jew jiffaċilita ċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri teknoloġiċi li jipprevjenu jew jirrestrinġu atti fir-rigward tax-xogħlijiet li mhumiex awtorizzati).
- Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-ispeċifiċità tal-informazzjoni li trid tiġi pprovduta fi ħdan l-AFA ġew estiżi meta mqabbla mar-Regolament preċedenti.
- Il-proċedura simplifikata għall-qerda saret il-proċedura standard obbligatorja. Taħt din il-proċedura, li diġà kienet teżisti bħala proċedura fakultattiva skont ir-Regolament (KE) Nru 1383/2003, mal-konferma bil-miktub mid-detentur tad-deċiżjoni li, fil-kundanna tiegħu, kien hemm ksur ta’ DPI, u bi qbil espress taż-żewġ partijiet, l-oġġetti suspettati jistgħu jinqerdu mingħajr il-ħtieġa li jiġi ddeterminat jekk kienx hemm ksur ta’ DPI. Hija tipprevedi li l-oġġetti jinqerdu malajr u b'mod kosteffettiva. Fil-passat din diġà kienet għodda ta’ suċċess fil-ġestjoni prattika u t-trattament ta’ “każijiet ċari” ta’ ksur tad-DPI; li din issir il-proċedura standard turi li kienet tal-istess suċċess fl-Istati Membri kollha.
Kuntrarju għall-proċedura simplifikata deskritta fir-Regolament (KE) Nru 1383/2003, il-proċedura standard ġdida ma titlobx lid-detentur tad-deċiżjoni jikseb direttament il-qbil bil-miktub mid-detentur tal-oġġetti/dikjarant sabiex jabbanduna l-oġġetti għall-qerda, iżda issa hija l-awtorità doganali li hija responsabbli sabiex tinnotifika lid-detentur tal-oġġetti/dikjarant u l-awtorità doganali tista’ tqis il-qbil tad-detentur tal-oġġetti/dikjarant bħala li ngħata meta huwa ma jkunx oppona espliċitament għall-qerda.
- Il-proċedura speċifika għal kunsinni żgħar ġiet introdotta sabiex tindirizza x-xejra dejjem tiżdied lejn kunsinna żgħira ta’ oġġetti ffalsifikati u piratati, li ġeneralment jidħlu fl-Unjoni permezz tas-servizz postali jew permezz ta’ kumpanija ta’ posta espress kummerċjali, kif ukoll sabiex tnaqqas l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi għat-trattament ta’ każijiet bħal dawn għal minimu. Hija tapplika għall-kunsinni żgħar kif definiti fl-Artikolu 2(19) tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, jiġifieri kunsinni mibgħuta bil-posta jew b'posta espress li jkun fihom massimu ta’ tliet unitajiet jew li jkollhom piż gross ta’ mhux aktar minn żewġ kilogrammi.
- “Qbil meqjus”: kemm il-proċedura standard kif ukoll dik għal kunsinni żgħar jipprevedu l-possibbiltà li jintuża l-qbil meqjus tad-detentur tal-oġġetti/dikjarant minflok il-qbil espliċitu tiegħu għall-qerda. Fi kliem ieħor, meta d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti ma jkunx ikkonferma l-qbil tiegħu mal-qerda tal-oġġetti, u lanqas ma jkun innotifika lill-awtoritajiet doganali bl-oppożizzjoni tiegħu għal din il-qerda sal-iskadenza definita, l-awtoritajiet doganali jistgħu jqisu li d-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti jkun ikkonferma l-qbil tiegħu mal-qerda tal-oġġetti.
- Spejjeż: minħabba li l-awtoritajiet doganali jieħdu azzjoni mal-applikazzjoni, l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 jistabbilixxi li l-awtoritajiet doganali jistgħu jiddeċiedu li d-detentur tad-deċiżjoni għandu jirrimborża l-ispejjeż kollha mġarrba mill-awtoritajiet doganali meta jieħdu azzjoni sabiex jinfurzaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tiegħu. Din tibqa’ d-deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri.
- L-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 jintroduċi dispożizzjoni dwar il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u dejta mal-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiżi terzi, bil-għan li jikkontribwixxi b’dan il-mod fil-ġlieda kontra l-kummerċ internazzjonali ta’ oġġetti li jiksru d-DPI. Sabiex tattiva l-proċedura, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxu l-elementi tal-arranġamenti prattiċi meħtieġa li jikkonċernaw l-iskambju ta’ dejta u informazzjoni.
- L-infurzar doganali tad-DPI fi ħdan l-Unjoni Ewropea jinvolvi l-iskambju ta’ dejta dwar deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-AFA. L-iskambju ta’ tali dejta, kif ukoll l-azzjonijiet doganali, kellhom isiru disponibbli permezz ta’ bażi ta’ dejta elettronika ċentrali. Għal dak il-għan, ġiet stabbilita l-bażi ta’ dejta ċentrali ta’ COPIS mill-Kummissjoni, li ilha topera mill-1 ta’ Jannar 2014.
4. KUMMENTI MIS-SETTUR PRIVAT
L-assoċjazzjonijiet tad-detenturi tad-drittijiet u tal-kumpaniji ta’ posta espress ifaħħru ħafna min-novitajiet introdotti mir-Regolament (UE) Nru 608/2013 u jagħtu rispons ġeneralment pożittiv dwar il-funzjonament tiegħu.
L-inklużjoni ta’ drittijiet ta’ PI addizzjonali fil-qasam tal-kontroll doganali titqies bħala utli, u tippermetti allinjament bejn ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 u d-Direttiva 2004/48/KE fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, kif ukoll billi tnaqqas id-diskriminazzjoni kontra d-DPI, minbarra t-trademarks
Il-preżentazzjoni tal-AFAs ma titqiesx bħala kumplessa żżejjed. Il-proċedura tal-AFA tal-Unjoni (il-preżentazzjoni fi Stat Membru wieħed u t-tixrid fl-Istat Membru l-ieħor mill-Istat Membru awtorizzanti) titqies ukoll bħala utli.
Il-proċedura standard ġdida bl-“għażla ta’ qbil meqjus” tagħha tidher li hija partikolarment apprezzata u kkunsidrata bħala għodda prattika ħafna.
B’mod ġenerali, it-tweġibiet riċevuti jiżvelaw fehma pożittiva fuq il-mod kif l-awtoritajiet doganali jissodisfaw id-doveri tagħhom fir-rigward tar-Regolament.
Kwistjonijiet li jqajmu xi tħassib huma dawn li ġejjin:
- L-informazzjoni li trid tiġi ppreżentata fl-AFA mhux dejjem tkun definita b’mod ċar (pereżempju, x’għandu jitqies bħala “distributur awtorizzat”?) jew l-informazzjoni msemmija ma tkunx għadha tapplika u ma tikkunsidrax l-akkwisti globali moderni u l-prattika tal-katina tal-provvista, jew saħansitra tista’ tkun diffiċli biex tinġabar minn xi wħud (il-post tal-produzzjoni, il-kumpaniji involuti, l-operaturi tas-suq, eċċ.). Barra minn hekk, id-distinzjoni bejn l-oqsma obbligatorji u fakultattivi fil-formoli annessi mar-Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 ma tkunx riflessa fir-Regolament (UE) Nru 608/2013.
Fir-rigward tal-aġġornar tal-informazzjoni inkluża fl-AFA, ma jidhirx li huwa effiċjenti li d-detentur tad-deċiżjoni jrid jirrapporta lill-awtoritajiet doganali kwalunkwe modifiki għal kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 (fid-dawl tal-firxa sinifikanti ta’ informazzjoni meħtieġa fl-imsemmi Artikolu).
Xi tweġibiet jissuġġerixxu li jiġi ssimplifikat ir-reġim lingwistiku għall-AFA tal-Unjoni billi jiġu aċċettati sottomissjonijiet bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż madwar it-28 Stat Membru.
- Ir-ritorn tal-kampjuni kif previst fl-Artikolu 19(2) ma jkunx possibbli fil-każijiet kollha, minħabba li t-twettiq tal-analiżi ta’ spiss jikkawża ħsara fil-kampjuni.
Jekk il-kampjuni ma jkunux jistgħu jiġu pprovduti mill-awtoritajiet doganali fl-ewwel għaxart ijiem tax-xogħol, huwa ssuġġerit li l-iskadenza ta’ għaxart ijiem sabiex id-detentur tad-deċiżjoni jkun jista’ jibda l-proċeduri tiġi estiża kif xieraq.
- L-iskadenza ta’ għaxart ijiem sabiex jinbdew il-proċeduri tkun qasira wisq (proċedura standard - Artikolu 23). Xi tweġibiet jissuġġerixxu li d-detentur tad-deċiżjoni għandu jingħata l-opportunità li jibda proċeduri legali matul skadenza ta’ żmien, li għandha tiġi kkalkolata minn dakinhar tan-notifika doganali tal-oġġezzjoni sal-qerda mid-detentur tal-oġġetti/dikjarant (u mhux min-notifika tas-sospensjoni tar-rilaxx jew id-detenzjoni tal-oġġetti).
- Il-ħażna tal-oġġetti (li r-rilaxx tagħhom kien sospiż jew li nżammu fil-bini ta’ kumpanija ta’ posta espress) tinvolvi spejjeż indiretti addizzjonali.
- L-ispejjeż tal-qerda (Artikolu 29) diffiċli jiġu vvalutati minn qabel (b’mod partikolari fil-proċedura għal kunsinni żgħar, minħabba li d-detentur tad-deċiżjoni ma jiġix ikkonsultat fuq kull detenzjoni) u se jkunu qegħdin jiżdiedu. Xi tweġibiet jissuġġerixxu li d-detentur tad-deċiżjoni għandu jingħata l-opportunità li jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-ħażna u tal-qerda b’mod kosteffettiv jew li l-ispejjeż relatati mal-azzjoni li tikkonċerna oġġetti ffalsifikati għandhom jitħallsu mill-kontraventur/importatur jew inkella li l-piż jitpoġġa fuq l-intermedjarji (konsenjatur/speditur/trasportatur).
Fir-rigward tal-proċedura għal kunsinni żgħar, filwaqt li ċerti tweġibiet iqisuha bħala utli ħafna, oħrajn jikkonkludu li din ma tistax tintuża għal ċerti tipi ta’ prodotti (bħal mediċini, minħabba li l-industrija tal-farmaċewtika għandha obbligu li tirrapporta d-detenzjonijiet tal-mediċini lill-awtoritajiet, jew semikundutturi, minħabba li l-ksur huwa kumpless biex jiġi vvalutat) jew saħansitra li ma tista’ tintuża għal xejn, minħabba li ma tiżgurax livell suffiċjenti ta’ informazzjoni dwar id-detenzjonijiet magħmula.
- Il-lista ta’ użi permessi tal-informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet doganali lid-detentur tad-deċiżjoni hija nieqsa miċ-ċarezza fil-formulazzjoni tagħha.
- F’dak li għandu x’jaqsam mal-proċedura ta’ “rilaxx bikri tal-oġġetti” u d-definizzjoni ta’ garanzija, il-prezz tal-liċenzja miksuba minn fuq is-sit web tad-detentur tad-dritt ma għandux jitqies bħala garanzija raġonevoli.
- F’dak li għandu x’jaqsam mar-responsabbiltà tad-detentur tad-deċiżjoni, ma sar ebda kumment ġenerali. Ftit tweġibiet jirreferu għar-responsabbiltà b’rabta mal-kwistjoni speċifika tan-nuqqas ta’ ritorn tal-kampjuni, bl-idea prinċipali tkun li d-detentur tad-deċiżjoni ma għandux jitqies bħala responsabbli għall-kampjuni li ma jiġux irritornati, jew li ssirilhom ħsara, minbarra fil-każ meta d-detentur tal-oġġetti/dikjarant jopponi għall-qerda u l-oġġetti inkwistjoni sussegwentement jinstabu li mhumiex qegħdin jiksru DPI.
It-tweġibiet ipprovduti jqajmu wkoll xi mistoqsijiet ta’ interpretazzjoni dwar ċerti aspetti tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, li kienu jew sejrin jiġu indirizzati direttament mal-partijiet ikkonċernati.
Fl-aħħarnett, it-tweġibiet ipprovduti jirreferu għal nuqqas ta’ implimentazzjoni komuni mal-UE kollha fuq ċerti kwistjonijiet, bħall-informazzjoni li titqies bħala obbligatorja f’AFA, l-iskadenza sabiex jintalab tiġdid tad-deċiżjoni doganali li tagħti l-AFA, il-mod kif tiġi implimentata l-proċedura standard (inkluż dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lid-detentur tad-deċiżjoni), ir-raġuni rikonoxxuta bħala valida għan-nuqqas ta’ bidu ta’ proċeduri, l-implimentazzjoni tal-proċedura għal kunsinni żgħar (li mhijiex sejra tiġi implimentata mill-Istati Membri kollha), in-nuqqas ta’ użu tal-informazzjoni mogħtija mid-detentur tad-deċiżjoni fl-AFA u inkluża f’COPIS għal finijiet ta’ analiżi tar-riskji.
5. L-IMPLIMENTAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI
Filwaqt li l-leġiżlazzjoni doganali tiġi adottata fil-livell tal-UE, l-implimentazzjoni tagħha hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri permezz tal-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali. L-Istati Membri għandhom ukoll il-kompetenza fuq l-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni doganali tagħhom, inkluż fuq l-organizzazzjoni tat-taħriġ tal-uffiċjali doganali. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 jindika fil-premessa 7 tiegħu li l-Istati Membri għandhom, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jipprovdu taħriġ xieraq għall-uffiċjali doganali sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament.
Il-qari tal-kwestjonarju u l-iskambju ta’ fehmiet imwettqa matul iż-żjarat ta’ appoġġ ippermettew li ssir diskussjoni dwar l-organizzazzjoni amministrattiva tad-dipartimenti doganali li jittrattaw l-infurzar tad-DPI, kemm jekk fil-livell ċentrali jew inkella fil-livell lokali (inklużi r-riżorsi umani involuti, it-taħriġ ipprovdut, l-użu ta’ bażi ta’ dejta, eċċ.), dwar il-kooperazzjoni mad-diversi partijiet ikkonċernati u dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri kollha previsti mir-Regolament.
Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 fih kemm dispożizzjonijiet obbligatorji kif ukoll dispożizzjonijiet fakultattivi. Dawn tal-aħħar iħallu f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jużawx għażla waħda jew l-oħra. Dan huwa l-każ bid-deċiżjoni li jintuża l-“qbil meqjus” imsemmi kemm fil-proċedura standard kif ukoll fil-proċedura għal kunsinni żgħar (Artikoli 23 u 26), id-deċiżjoni li titlob lid-detentur tad-deċiżjoni jħallas l-ispejjeż imġarrba mill-azzjoni doganali (Artikolu 29) u d-deċiżjoni dwar min għandu jiġi nnotifikat bejn id-detentur tal-oġġetti jew id-dikjarant kemm għall-proċedura standard kif ukoll għall-proċedura għal kunsinni żgħar (Artikoli 17 u 26). Iż-żjarat ta’ appoġġ taw l-opportunità li tissawwar stampa globali tal-għażla magħmula mill-Istati Membri vis-à-vis il-flessibbiltà offruta mir-Regolament.
5.1 Riżorsi umani/aspetti organizzazzjonali
L-Istati Membri jħabbtu wiċċhom ma’ riżorsi dejjem aktar limitati fil-qasam tad-dwana.
Ir-riżorsi umani ddedikati għad-DPI huma marbuta ħafna mal-livell ta’ prijorità mogħtija lid-DPI f’kull Stat Membru, lill-għadd ta’ AFA riċevuti fil-livell nazzjonali, lill-organizzazzjoni tad-dipartiment doganali kompetenti tad-DPI (IPR CCD - id-dipartiment responsabbli mit-trattament tal-Applikazzjonijiet għal Azzjoni) u lir-rwol tiegħu.
Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, l-IPR CCD jinsab fil-livell ċentrali.
Ir-rwol tiegħu jista’ jiġi definit b’tali mod li jimplika ċentralizzazzjoni għolja ħafna tal-kompiti tad-DPI fl-Istat Membru (inkluż il-livell ta’ trattament tal-proċeduri ta’ notifika lid-detenturi tad-drittijiet u lid-detentur tal-oġġetti/dikjarant għad-detenzjonijiet mibdija mill-uffiċċji doganali lokali).
Il-persunal tal-IPR CCD jista’ jvarja minn tim ta’ mhux aktar minn 20 membru għal persuna waħda.
Eżempji tar-rwoli ddedikati għal IPR CCD kbir ħafna, bi rwol pjuttost ċentralizzat, huma dawn li ġejjin:
- Konsultazzjoni fil-fażi ta’ tħejjija tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-DPI jew ta’ atti nazzjonali dwar id-DPI;
- It-tfassil ta’ struzzjonijiet interni sabiex jiġu pprovduti spjegazzjonijiet dwar ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 lill-uffiċċji doganali lokali jew dwar il-kunċetti marbuta mal-ksur tad-DPI;
- It-trattament ta’ AFA - appoġġ lid-detenturi tad-drittijiet fit-tħejjija tal-AFA, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tagħti jew tirrifjuta l-AFA u r-reġistrazzjoni tal-AFAs fil-bażi ta’ dejta kkonċernata;
- Superviżjoni tal-bażi tad-dejta;
- Fornitur tas-servizzi għad-detenturi tad-drittijiet u r-rappreżentanti ekonomiċi (l-IPR CCD għandu r-rwol ta’ intermedjarju bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-uffiċċju doganali lokali, sabiex jiċċentralizza l-kuntatti mad-detenturi tad-drittijiet);
- Appoġġ tal-uffiċċji doganali, b’azzjonijiet ta’ DPI (spjegazzjonijiet dwar il-kontenut tal-AFA, appoġġ fi proċedura ex-officio, appoġġ fir-rilaxx bikri tal-oġġetti permezz ta’ definizzjoni tal-garanzija li trid tiġi pprovduta mid-dikjarant);
- Ksur: azzjonijiet ex-officio, identifikazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati;
- Kontribuzzjoni għall-ġestjoni tar-riskji;
- Taħriġ (fl-iskola post-sekondarja doganali nazzjonali - It-tnissil ta’ kontenut/materjal tat-tagħlim, Il-ħolqien ta’ kontenut tat-tagħlim, Taħriġ);
- Attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi:
• Il-pubblikazzjoni tal-istatistika (fuq bażi annwali);
• Mistoqsijiet mill-istampa, intervisti;
• Sensitizzazzjoni tal-konsumaturi u tal-ekonomija (diskussjonijiet madwar mejda, konferenzi stampa, lekċers, fuljetti);
• Kooperazzjoni ma’ assoċjazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali.
Madankollu, fil-maġġoranza tal-każijiet, l-IPR CCD primarjament ikollu r-rwol li jittratta l-AFA.
F’xi Stati Membri, l-ispeċjalisti tad-DPI huma stazzjonati fil-livell lokali (bl-uffiċċji ewlenin jiffaċċjaw każijiet ta’ DPI).
It-taħriġ dwar id-DPI huwa previst fl-Istati Membri kollha, kemm jekk matul il-fażi ta’ taħriġ inizjali (għall-uffiċjali doganali kollha) jew matul il-fażi ta’ taħriġ vokazzjonali (għall-esperti tad-DPI). F’xi każijiet jintuża l-modulu ta’ taħriġ fit-tagħlim elettroniku, li ġie żviluppat f’kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-EUIPO. Hemm talba rikorrenti minn ħafna Stati Membri sabiex jirċievu għajnuna b’taħriġ dwar il-liġi sostantiva tal-PI.
5.2 Kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati
5.2.1 Is-settur pubbliku
Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħrajn li jintervjenu fl-infurzar tad-DPI mhijiex prevista mir-Regolament (UE) Nru 608/2013, iżda kienet evokata matul iż-żjarat ta’ appoġġ, billi hija element essenzjali għat-titjib tar-riżultati globali fuq l-infurzar tad-DPI.
Bħala medja, il-livell ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet l-oħrajn involuti fl-infurzar tad-DPI kien deskritt bħala medju sa baxx. Il-kompetenzi u r-rwoli differenti attribwiti lid-diversi awtoritajiet jistgħu jispjegaw is-sitwazzjoni.
Fl-Istati Membri li jirrapportaw kooperazzjoni tajba, din tiġi organizzata permezz ta’ ftehimiet installati fil-livell nazzjonali (permezz ta’ każijiet ta’ kooperazzjoni stabbiliti fil-livell politiku bejn ministeri differenti, li xi drabi jkunu jinkludu wkoll komponent operattiv).
Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet trid tiġi indirizzata aktar permezz ta’ avveniment ta’ bini tal-għarfien organizzat f’kooperazzjoni mal-EUIPO.
5.2.2 Settur privat
B’mod ġenerali, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u d-detenturi tad-drittijiet jew ir-rappreżentanti tagħhom hija deskritta bħala tajba, anki jekk f’xi każijiet ġew irrapportati ċerti diffikultajiet (ara t-taqsima dwar l-AFA hawn taħt).
L-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-deċiżjonijiet jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013, fejn xieraq, billi jiġu stipulati dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-pieni. Sa issa, huma ftit (6) l-Istati Membri li adottaw (jew li diġà kellhom) leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-pieni kif definiti fl-Artikolu 30. Fil-każ ta’ inċidenti ma’ detenturi ta’ deċiżjoni, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma favur li l-ewwel ifittxu d-djalogu sabiex jinstabu soluzzjonijiet aċċettabbli.
5.3 Applikazzjoni għal Azzjoni (kontenut/kwalità tal-informazzjoni)
Is-sistema ta’ infurzar amministrattiv għad-dwana, imdaħħla fis-seħħ permezz tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, tiffunzjona fuq il-bażi tat-talba li d-detenturi tad-drittijiet iridu jippreżentaw lill-awtoritajiet doganali. L-azzjoni doganali kollha tirriżulta minn dawn l-AFAs. Għalhekk, huwa essenzjali li l-informazzjoni li jkun fihom tkun ta’ kwalità suffiċjenti sabiex ikun jista’ jsir intervent doganali effiċjenti. Dan huwa minnu, speċjalment fil-każ tal-AFAs tal-Unjoni maħruġa minn Stat Membru wieħed li għandhom japplikaw fi Stati Membri oħrajn.
Il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri huma tal-fehma li, bħala medja, l-AFAs li jirċievu xorta ma jkollhomx l-informazzjoni ta’ kwalità neċessarja.
F’perċentwal baxx ta’ każijiet, dan iwassal għar-rifjut tad-deċiżjoni li tagħti l-AFA.
Fil-ħarifa tal-2016 ġie organizzat seminar ta’ Dwana 2020 bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru dwar l-infurzar doganali tad-DPI / l-armonizzazzjoni fil-proċess tal-għoti u t-trattament tal-AFA / ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni doganali vis-à-vis l-AFA.
F’dik l-okkażjoni, kien irrakkomandat li AFA għandha dejjem tinkludi l-elementi obbligatorji li ġejjin:
-Informazzjoni dwar l-identifikazzjoni ta’ oġġetti oriġinali u foloz;
-Karatteristiċi tas-sigurtà;
-Informazzjoni dwar il-katina ta’ provvista/distribuzzjoni.
Kien irrakkomandat ukoll, sabiex jittejbu l-kwalità u l-kontenut tal-AFA, li tiġi żgurata promozzjoni aħjar tal-“Manwal għat-Tlestija tal-Applikazzjonijiet għal Azzjoni u Talbiet għal Estensjoni” 9 .
L-Istati Membri enfasizzaw id-diskrepanzi bejn uħud mill-kaxxi tal-formola u l-oqsma ta’ COPIS. Din il-kwistjoni sejra tiġi indirizzata mill-Kummissjoni f’rilaxx futur ta’ COPIS.
5.4 L-użu tal-proċedura
5.4.1 Proċedura standard (Artikolu 23)
Il-“proċedura standard” tintuża fl-Istati Membri kollha. F’ħafna mill-Istati Membri, il-proċedura tintuża mill-bidu sal-aħħar. Fi Stat Membru wieħed, il-proċedura ta’ detenzjoni tinbeda skont ir-Regolament (UE) Nru 608/2013, iżda mbagħad dejjem tissokta skont il-proċedura kriminali nazzjonali, li jingħad li tieħu post il-proċedura amministrattiva prevista mir-Regolament (UE) Nru 608/2013. L-Artikolu 1(6) tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 jindika li din ma għandhiex taffettwa l-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-proprjetà intellettwali jew il-liġijiet tal-Istati Membri b’rabta mal-proċedimenti kriminali.
Xi Stati Membri jista’ jkollhom bżonn jaġġornaw il-mod ta’ kif huma jimplimentaw il-proċedura standard, sabiex jadattaw kompletament għad-dettalji tal-proċedura definita fir-Regolament (UE) Nru 608/2013.
5.4.2 Proċedura għal kunsinni żgħar (Artikolu 26)
L-Istati Membri kollha jużaw il-“proċedura għal kunsinni żgħar”, bl-eċċezzjoni ta’ żewġ Stati Membri, li jibbażaw l-azzjonijiet tagħhom fuq kunsinni żgħar dwar proċedimenti kriminali. Erba’ Stati Membri ma kellhom ebda sekwestru sa issa bil-“proċedura għal kunsinni żgħar”, anki jekk jużawha, fejn wieħed minnhom jispjega n-nuqqas ta’ riżultati bin-nuqqas ta’ riżorsi umani impenjati sabiex tiġi implimentata l-proċedura.
Ir-risposta ġenerali mill-awtoritajiet doganali għall-mistoqsija dwar għaliex xi detenturi tad-drittijiet ma jitolbux il-“proċedura għal kunsinni żgħar” kienet li, f’ċerti każijiet, fid-dawl tal-ispejjeż involuti u n-nuqqas ta’ informazzjoni (billi ma jiġux innotifikati bid-detenzjoni) iżommuhom lura milli jagħżlu l-proċedura.
5.4.3 Notifika lid-dikjarant jew lid-detentur tal-oġġetti (Artikoli 17 u 26)
B’mod ġenerali, kemm jekk skont il-“proċedura standard” jew skont il-“proċedura għal kunsinni żgħar”, meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali, l-awtoritajiet doganali jinnotifikaw lid-dikjarant direttament fl-okkażjoni tal-kontroll imwettaq (billi d-dikjarant spiss ikun preżenti).
5.4.4 L-użu tal-“qbil meqjus” (Artikoli 23 u 26)
Il-qbil meqjus jintuża b’mod wiesa’ għall-proċedura standard (minn madwar 60 % tal-Istati Membri fil-każijiet kollha fejn id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti ma jkunx ikkonferma l-qbil tiegħu mal-qerda tal-oġġetti u lanqas ikun innotifika l-oppożizzjoni tiegħu għaliha, kif ukoll minn madwar 30 % oħrajn f’ċerti każijiet biss). Għall-proċedura għal kunsinni żgħar, huwa jintuża minn madwar 57 % tal-Istati Membri fil-każijiet kollha fejn id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti ma jkunx ikkonferma l-qbil tiegħu mal-qerda tal-oġġetti u lanqas ikun innotifika l-oppożizzjoni tiegħu għaliha. Żewġ Stati Membri għażlu li ma jużawhx kompletament, f’każ wieħed wara deċiżjoni politika u fil-każ l-ieħor minħabba li mhuwiex awtorizzat minn regola amministrattiva trasversali.
L-użu tal-qbil meqjus ma wassal għal ebda tħassib fl-Istati Membri li jużawh u huwa meqjus bħala essenzjali minn dawk li japplikawh għall-użu effettiv tal-proċedura għal kunsinni żgħar.
5.4.5 Spejjeż (Artikolu 29)
Madwar 85 % tal-Istati Membri jitolbu lid-detentur tad-deċiżjoni sabiex iħallas l-ispejjeż għall-qerda skont il-proċedura standard.
Madwar 46 % tal-Istati Membri jitolbu lid-detentur tad-deċiżjoni sabiex iħallas l-ispejjeż għall-qerda kemm skont il-proċedura standard kif ukoll skont il-proċedura għal kunsinni żgħar.
Żewġ Stati Membri jħallsu l-ispejjeż imġarrba mill-azzjonijiet tagħhom fuq il-ħażna u l-qerda ta’ oġġetti skont ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 għall-proċedura standard.
Xi Stati Membri jaġixxu fuq bażi ad hoc fir-rigward tal-ispiża għall-qerda skont il-proċedura għal kunsinni żgħar.
5.4.6 Rilaxx bikri tal-oġġetti (Artikolu 24)
L-Artikolu 24 jipprevedi li, meta l-awtoritajiet doganali jkunu ġew innotifikati dwar il-bidu tal-proċeduri sabiex jiddeterminaw jekk kienx hemm ksur ta’ disinn, privattiva, mudell ta’ utilità, topografija ta’ prodott semikonduttur jew varjetà ta’ pjanta, id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti jista’ jitlob lill-awtoritajiet doganali sabiex jirrilaxxaw l-oġġetti jew iwaqqfu d-detenzjoni tagħhom qabel it-tlestija ta’ dawk il-proċeduri, sakemm id-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti jkun ipprovda garanzija suffiċjenti għall-ħarsien tal-interess tad-detentur tad-deċiżjoni.
Ir-rilaxx bikri tal-oġġetti ma japplikax għat-trademarks, li jirrappreżentaw il-maġġoranza kbira tas-sekwestri doganali (fl-2014 u fl-2015, 94 % tad-detenzjonijiet tal-oġġetti kollha kienu jikkonċernaw trademarks). Din hija probabbilment ir-raġuni għala l-proċedura rari ntużat madwar l-Unjoni (f’okkażjoni waħda minn Stat Membru wieħed u fuq bażi aktar regolari minn Stat Membru ieħor).
5.5 L-użu ta’ COPIS
COPIS bdiet topera fl-1 ta’ Jannar 2014. Minn dakinhar ’il hawn, l-awtoritajiet doganali ħadu passi sabiex jadattawha. Saru modifiki fl-ewwel rilaxx tal-għodda sabiex jiffaċilitaw l-użu tagħha. Anki jekk l-Istati Membri jirrikonoxxu t-titjib li sar f’COPIS matul l-aħħar sentejn, xorta waħda għad hemm xi tħassib ġenerali dwar l-effiċjenza u l-użu faċli mill-utenti ta’ ċerti funzjonijiet tal-bażi tad-dejta. Barra minn hekk, bħalissa qegħdin jiġu żviluppati aktar modifiki f’COPIS sabiex jiżguraw li din tirrispondi aħjar għall-ħtiġijiet tal-awtoritajiet doganali.
Matul l-iżvilupp tal-proġett tal-bażi tad-dejta ta’ COPIS, saru talbiet sabiex COPIS tippermetti l-preżentazzjoni elettronika ta’ AFA. Billi l-Enforcement Data Base (EDB), bażi ta’ dejta żviluppata mill-Osservatorju Ewropew dwar il-ksur tad-DPI, fiha informazzjoni rilevanti għall-preżentazzjoni tal-AFAs, tali bażi ta’ dejta tqieset bħala sors addattat għat-twassil tal-informazzjoni meħtieġa dwar l-AFA f’format elettroniku. Minbarra l-kuntatti bejn il-Kummissjoni u l-Osservatorju Ewropew dwar il-ksur tad-DPI, ġiet żviluppata proposta sabiex tiġi implimentata l-funzjonalità tal-‘pre-AFA’ fi ħdan COPIS bil-għan li tiffaċilita l-ħidma kemm tal-applikanti kif ukoll tal-awtoritajiet doganali.
Bħalissa għaddejja ħidma fuq l-iżvilupp ta’ portal tal-kummerċjanti għall-preżentazzjoni ta’ AFA elettronika, li fil-futur għandu jwassal għal AFA mingħajr karti.
Il-konnessjoni operattiva bejn COPIS u EDB ilha fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2015. Għall-applikant, din il-konnessjoni tnaqqas il-piż ta’ aktar minn preżentazzjoni waħda ta’ informazzjoni.
21 Stat Membru jużaw COPIS għall-ġestjoni tal-AFAs u l-ksur.
6 Stati Membri jużaw, għall-ġestjoni tal-AFAs u l-ksur, sistemi nazzjonali li huma awtomatikament marbuta ma’ COPIS.
Stat Membru wieħed juża, għall-ksur biss, sistema nazzjonali li hija awtomatikament marbuta ma’ COPIS, iżda juża COPIS għall-ġestjoni tal-AFAs.
Xi Stati Membri jagħtu aċċess sħiħ għal COPIS lill-uffiċjali doganali tagħhom; oħrajn jagħtu aċċess limitat għaliha, billi pjuttost jippromwovu l-użu tal-bażi tad-dejta nazzjonali tagħhom f’każ li tkun teżisti bażi ta’ dejta nazzjonali dwar id-DPI fi ħdan l-amministrazzjoni doganali. Dan jista’ jkun is-sors ta’ żbalji fit-trasferiment ta’ informazzjoni u ċertament iwassal għal ammont ta’ xogħol addizzjonali.
Ħafna Stati Membri jirrapportaw diffikultà sabiex jużaw l-informazzjoni mogħtija mid-detentur tad-deċiżjoni fl-AFA u inkluża f’COPIS għall-finijiet ta’ analiżi tar-riskji.
5.6 Implimentazzjoni mill-Kummissjoni
Kif previst fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, fl-4 ta’ Diċembru 2013 ġie adottat Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 10 li jistabbilixxi l-formola prevista fir-Regolament (UE) Nru 608/2013. Huwa previst aġġornament fl-2017.
Sa issa, il-Kummissjoni għadha ma adottat ebda att ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 608/213.
5.7 Ir-riżultati fil-fruntieri tal-UE għall-2014 u l-2015
Il-pubblikazzjoni annwali tar-rapport dwar l-infurzar doganali tal-UE tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali 11 fil-fruntieri esterni tal-UE tipprovdi opportunità sabiex titkejjel l-iskala tal-azzjonijiet doganali għall-infurzar tad-DPI. Ir-rapport fih informazzjoni statistika dwar id-detenzjonijiet magħmula taħt proċeduri doganali u jinkludi dejta dwar id-deskrizzjoni, il-kwantitajiet u l-valur tal-oġġetti, il-provenjenza tagħhom, il-mezzi tat-trasport u t-tip ta’ DPI li seta’ nkiser.
L-istatistika hija stabbilita mill-Kummissjoni, abbażi tad-dejta trażmessa mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri permezz ta’ COPIS.
5.7.1 Riżultati ġenerali
|
DETENZJONIJIET |
2012 |
2013 |
2014 |
2015 |
|
Każijiet |
90.473 |
86.854 |
95.194 |
81.098 |
|
Proċeduri |
Mhux disponibbli |
Mhux disponibbli |
105.488 |
95.313 |
|
Artikoli |
39.917.445 |
35.940.294 |
35.568.982 |
40.728.675 |
|
Valur bl-imnut domestiku |
EUR 896 miljun |
EUR 768 miljun |
EUR 617-il miljun |
EUR 642 miljun |
Kull detenzjoni ssir referenza għaliha bħala każ li jista’ jkun fih oġġett wieħed jew aktar. Kull każ jista’ jkun fih oġġetti ta’ kategoriji ta’ prodotti differenti u minn detenturi tad-drittijiet differenti. F’COPIS, l-Istati Membri jirreġistraw kull każ b’informazzjoni skont il-kategorija ta’ oġġetti u skont id-detentur tad-dritt. Għal kull kategorija ta’ oġġetti u kull detentur ta’ dritt, sejra tinbeda proċedura ta’ detenzjoni, li tispjega għaliex hemm aktar proċeduri minn każijiet.
Skont ir-rapport tal-2015 dwar l-infurzar doganali tad-DPI mill-UE fil-fruntieri esterni tal-UE, il-volum ta’ oġġetti li jiksru d-DPI ssekwestrati fil-fruntiera żdied bi 15 % bejn l-2014 u l-2015.
5.8 Ir-riżultati dwar il-mediċina fi tranżitu
Il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri sabiex jirrapportaw lill-Kummissjoni kwalunkwe inċidenti rilevanti li jikkonċernaw il-mediċini fi tranżitu fit-territorju doganali kollu tal-Unjoni li setgħu seħħew skont ir-Regolament (UE) Nru 608/2013.
27 Stat Membru rrapportaw li ma seħħ ebda inċident rilevanti fuq il-kontroll tal-mediċini fi tranżitu madwar it-territorju doganali tal-Unjoni.
Stat Membru wieħed irrapporta każ ta’ detenzjoni fuq il-mediċini fi tranżitu, li jikkonċernaw il-mediċini koperti minn privattiva, fejn l-informazzjoni dwar il-vjeġġi kienet tinkludi indikazzjonijiet ċari li l-oġġetti kienu destinati għas-suq intern u, għalhekk, l-oġġetti ġew detenuti. Finalment, dawn l-oġġetti nqerdu bi qbil miż-żewġ partijiet involuti.
5.9 Applikazzjoni għal Azzjonijiet u sekwestri li jirrigwardaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali koperti mir-Regolament (UE) Nru 608/2013
Id-drittijiet li għadhom kif ġew koperti mir-Regolament (UE) Nru 608/2013, jiġifieri l-mudelli ta’ utilità, l-ismijiet kummerċjali u t-topografiji ta’ semi-kondutturi, ma ġġenerawx numru kbir ta’ AFAs.
Fil-15 ta’ Settembru 2016, l-ismijiet kummerċjali kienu koperti minn 8 AFAs attivi u l-mudelli ta’ utilità kienu koperti minn 15-il AFA attiva. It-topografiji ta’ semikunduttur ma ġġeneraw ebda AFA.
Konsegwentement, l-għadd ta’ detenzjonijiet ta’ oġġetti li jiksru d-drittijiet li ġew miżjuda riċentament huwa pjuttost baxx.
Pereżempju, fi 18-il każ, l-oġġetti ġew detenuti abbażi ta’ suspett ta’ ksur ta’ isem kummerċjali, filwaqt li, f’żewġ każijiet, l-oġġetti ġew detenuti abbażi ta’ suspett ta’ ksur ta’ mudell ta’ utilità. Ma saret ebda detenzjoni għall-oġġetti fuq is-suspett ta’ ksur tat-topografija tas-semikundutturi.
Ma saret ebda detenzjoni għat-tagħmir ta’ ċirkomvenzjoni.
Fir-rigward tad-drittijiet li diġà kienu koperti skont ir-Regolament (KE) Nru 1383/2003, l-għadd ta’ AFAs li jkopru l-indikazzjonijiet ġeografiċi għadu baxx.
5.10 Riżultati tal-użu tal-“proċedura standard”
Fl-2014, 69.12 % tal-każijiet kollha ġew ittrattati skont il-“proċedura standard” u 30.88 % skont il-“proċedura għal kunsinni żgħar”.
Dan wassal għar-riżultati li ġejjin:
− l-oġġetti nqerdu skont il-“proċedura standard” wara konferma mid-detentur tad-dritt u l-qbil tad-detentur tal-oġġetti (58.43 %);
− l-oġġetti nqerdu skont il-“proċedura għal kunsinni żgħar” wara l-qbil tad-detenturi tal-oġġetti (27 %);
− inbdiet kawża fil-qorti mid-detentur tad-dritt sabiex jiġi ddeterminat il-ksur (6.14 %);
− l-oġġetti ġew rilaxxati minħabba li kienu jidhru li huma oġġetti oriġinali u mhux foloz (2.8 %);
− l-oġġetti ġew rilaxxati minħabba li d-detentur tad-dritt ma rreaġixxiex għan-notifika mill-awtoritajiet doganali (5.5 %);
− instabet soluzzjoni barra l-qorti bejn id-detentur tad-dritt u d-detentur tal-oġġetti, li warajha l-oġġetti ġew rilaxxati (0.11 %).
Fl-2015, 72.14% tal-każijiet kollha ġew ittrattati skont il-“proċedura standard” u 27.86% skont il-“proċedura għal kunsinni żgħar”. Dan wassal għar-riżultati li ġejjin:
− l-oġġetti nqerdu skont il-“proċedura standard” wara konferma mid-detentur tad-dritt u l-qbil tad-detentur tal-oġġetti (59.93%)
− l-oġġetti nqerdu skont il-“proċedura għal kunsinni żgħar” wara l-qbil tad-detenturi tal-oġġetti (22.05%);
− inbdiet kawża fil-qorti mid-detentur tad-dritt sabiex jiġi ddeterminat il-ksur (9.21%);
− l-oġġetti ġew rilaxxati minħabba li kienu jidhru li huma oġġetti oriġinali u mhux foloz (2.77%);
− l-oġġetti ġew rilaxxati minħabba li d-detentur tad-dritt ma rreaġixxiex għan-notifika mill-awtoritajiet doganali (5.75%);
− instabet soluzzjoni barra l-qorti bejn id-detentur tad-dritt u d-detentur tal-oġġetti, li warajha l-oġġetti ġew rilaxxati (0.29%).
5.11 L-użu tal-“proċedura għal kunsinni żgħar”
Fil-15 ta’ Settembru 2016, 48 % tal-AFAs nazzjonali kienu jinkludu talba sabiex tintuża l-proċedura għal kunsinni żgħar (726 minn 1502), filwaqt li 33 % tal-AFAs tal-Unjoni kienu jinkludu wkoll talba bħal din (393 minn 1184).
B’kollox, 41 % tal-AFAs jinkludu talba għall-użu tal-kunsinna żgħira.
Ir-rappreżentanti mis-settur privat spjegaw li għal ċertu tip ta’ drittijiet (li għalihom il-ksur huwa kumpless wisq sabiex jiġi vvalutat u li għalihom huma jqisu l-kompetenzi tad-detentur tad-dritt bħala essenzjali), l-użu tal-proċedura għal kunsinni żgħar ma jitqiesx bħala xieraq u, għalhekk, din ma tintgħażilx.
Fl-2015, fi ftit aktar minn 22 % tad-detenzjonijiet mibdija, l-oġġetti nqerdu skont il-proċedura għal kunsinni żgħar. Fl-2014, il-qerda skont l-istess proċedura kienet tirrappreżenta 27 % tar-riżultat tal-każijiet ta’ detenzjoni kollha.
Għad-dettalji kompleti tar-rapporti tal-2014 u tal-2015, ara s-sit web tat-TAXUD:
https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/2016_ipr_statistics.pdf
6. KONKLUŻJONIJIET
F’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 608/2013 qiegħda tiffunzjona b’mod sodisfaċenti. Hija tipprevedi firxa wiesgħa ta’ protezzjoni u proċeduri li qegħdin jintużaw b’mod korrett fit-28 Stat Membru.
Ċertament hemm il-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi li saru f’ċerti oqsma, bħal:
-il-kwalità tal-informazzjoni li tinsab fl-Applikazzjonijiet għal Azzjoni, notevolment l-AFA tal-Unjoni;
-l-użu tal-proċedura standard f’koerenza mad-dettalji tal-proċedura definita fir-Regolament (UE) Nru 608/2013.
Dan sejjer jiġi diskuss aktar fil-kuntest tal-azzjonijiet previsti mill-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-UE għall-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI għas-snin 2013/2017 u fl-eżerċizzju ta’ segwitu għas-Seminar ta’ Dwana 2020 dwar l-Applikazzjoni għal Azzjonijiet.
Il-funzjonament u l-immaniġġjar ta’ kunsinni żgħar ċertament għadha sfida, hekk kif il-bejgħ fuq l-internet qiegħed jiżdied b’mod kostanti, b’mod partikolari l-bejgħ ta’ prodotti li jiksru d-DPI. Il-ħidma fuq din il-kwistjoni sejra tissokta fil-grupp ta’ ħidma diġà eżistenti fuq kunsinni żgħar, li l-attivitajiet tiegħu sejrin jitkomplew fl-2017.
It-tħassib imqajjem mis-settur privat sejjer jiġi diskuss ukoll mal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membru bil-għan li jivvalutaw jekk dan huwiex stabbilit sewwa u jekk jistgħux jiġu previsti soluzzjonijiet għal dan it-tħassib.
Il-Kummissjoni tikkonkludi li, għalissa, ma hemm ebda ġustifikazzjoni sabiex hija tirrevedi kwalunkwe dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 608/2013.
Il-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-UE għall-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI għas-snin 2013-2017 sejjer jiġi vvalutat aktar tard din is-sena. Jista’ jkun opportun, sabiex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi li qiegħda tiffaċċja l-UE bil-ksur tad-DPI, li jiġi kkunsidrat pjan ta’ azzjoni globali futur dwar l-infurzar tad-DPI mill-UE, li jkun jinkludi mhux biss azzjonijiet doganali, iżda wkoll l-azzjonijiet li fil-preżent huma koperti mill-Komunikazzjoni ta’ Lulju 2014 “Lejn kunsens imġedded dwar l-infurzar tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali: Pjan ta’ Azzjoni tal-UE”,
12
kif ukoll l-attivitajiet żviluppati mill-Osservatorju Ewropew dwar il-Ksur tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali.
Anness 1
In-numru ta’ Applikazzjonijiet għal Azzjonijiet (AFAs) skont it-tip ta’ drittijiet – Is-sitwazzjoni fil-15 ta’ Settembru 2016
|
Attivi |
Skaduti |
Imħassra |
Totali |
|
|
Indikazzjonijiet ġeografiċi |
||||
|
Għal xarbiet aromatizzati bbażati fuq prodotti tal-inbid |
0 |
0 |
0 |
0 |
|
Għal prodotti elenkati fil-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi |
1 |
0 |
0 |
1 |
|
Għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel |
5 |
0 |
0 |
5 |
|
Għal xorb spirituż |
2 |
1 |
0 |
3 |
|
Għall-inbid |
3 |
2 |
0 |
5 |
|
GI nazzjonali għal prodotti oħrajn |
0 |
0 |
0 |
0 |
|
Disinn |
||||
|
Disinn komunitarju rreġistrat |
627 |
398 |
58 |
1083 |
|
Disinn komunitarju mhux irreġistrat |
11 |
11 |
0 |
22 |
|
Disinn internazzjonali rreġistrat |
109 |
73 |
4 |
186 |
|
Disinn nazzjonali |
128 |
63 |
2 |
193 |
|
TM |
||||
|
Trademark tal-UE |
2326 |
1596 |
118 |
4040 |
|
Trademark internazzjonali |
1053 |
832 |
55 |
1940 |
|
Trademark nazzjonali |
1220 |
771 |
20 |
2011 |
|
Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati |
206 |
103 |
7 |
316 |
|
Privattiva |
||||
|
Privattiva nazzjonali |
115 |
72 |
6 |
193 |
|
Privattiva tal-Unjoni |
110 |
75 |
6 |
191 |
|
Mudell ta’ utilità |
15 |
10 |
0 |
25 |
|
Ċertifikat supplimentari għall-mediċini |
23 |
17 |
0 |
40 |
|
Ċertifikat supplimentari għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti |
4 |
12 |
1 |
17 |
|
Dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti nazzjonali |
8 |
8 |
2 |
18 |
|
Dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità |
1 |
1 |
0 |
2 |
|
Isem kummerċjali |
8 |
10 |
0 |
18 |
|
Topografija ta’ prodott semikunduttur |
0 |
0 |
0 |
0 |
Anness 2
L-għadd ta’ Applikazzjonijiet għal Azzjonijiet (AFAs) li fihom talba għall-użu tal-“proċedura għal kunsinni żgħar” - Is-sitwazzjoni fil-15 ta’ Settembru 2016
|
Attivi |
Skaduti |
Imħassra |
Totali |
|
|
In-numru ta’ AFAs: |
||||
|
NAFA |
1502 |
2395 |
82 |
3979 |
|
UAFA |
1184 |
406 |
103 |
1693 |
|
Totali |
2686 |
2801 |
185 |
5672 |
|
AFAs bi proċedura għal kunsinni żgħar: |
||||
|
NAFA |
726 |
510 |
30 |
1266 |
|
UAFA |
393 |
152 |
15 |
560 |
|
Totali |
1119 |
662 |
45 |
1826 |
|
% ta’ NAFAs b’SC tat-total: |
48% |
21% |
||
|
% ta’ UAFAs b’SC tat-total: |
33% |
37% |
||
|
% ta’ AFAs b’SC tat-total: |
41% |
24% |
Kummerċ ta’ Oġġetti Ffalsifikati u Piratati: L-Immappjar tal-Impatt Ekonomiku, OECD/EUIPO (2016).
Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (ĠU L 181, 12.6.2013, p. 15-33).
Riżoluzzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-UE għall-ġlieda kontra d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (DPI) (ĠU C 80, 19.3.2013, p. 1).
L-azzjoni 1.3.2 mill-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-UE għall-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI għandha l-għan li tistabbilixxi djalogu bejn l-awtoritajiet doganali u d-detenturi tad-drittijiet u l-partijiet ikkonċernati dwar l-infurzar doganali tad-DPI.
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3842/86 tal-1 ta’ Diċembru 1986 li jistabbilixxi miżuri li jipprojbixxu r-rilaxx ta’ merkanzija ffalsifikata għal ċirkolazzjoni libera (ĠU L 357, it-18 ta’ Diċembru 1986, p.1.).
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94 tat-22 ta’ Diċembru 1994 li jistabbilixxi miżuri li jipprojbixxu r-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, l-esportazzjoni, l-esportazzjoni mill-ġdid jew dħul għal proċedura sospensiva ta’ oġġetti ffalsifikati jew pirati (ĠU L 341, 30.12.1994, p. 8), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (ĠU L 196, 2.8.2003, p. 7) u r-Regolament (UE) Nru 608/2013.
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 tal-4 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-formoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L, 18.12.2016, p. 10).
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 tal-4 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-formoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 10-31).
COM (2014) 392: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Lejn kunsens imġedded dwar l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Pjan ta’ Azzjoni tal-UE