Brussell, 2.5.2017

COM(2017) 227 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-obbligi tal-Kummissjoni fil-qasam tar-reċiproċità tal-viża u r-rappurtar dwar il-progress miksub


I.Introduzzjoni

Fit-12 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar l-istat attwali u t-triq ’il quddiem possibbli fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta' reċiproċità ma' ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika dwar il-viża 1 . F’din il-Komunikazzjoni, ġie nnutat li bl-appoġġ attiv tal-Kummissjoni, il-maġġoranza l-kbira ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ reċiproċità nnotifikati minn tmien pajjiżi terzi ġew solvuti. Madankollu, jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża sat-12 ta’ April 2016, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 kif emendat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill permezz tar-Regolament (UE) Nru 1289/2013 2 tal-11 ta' Diċembru 2013 jobbliga li l-Kummissjoni tadotta att delegat li jissospendi għal 12-il xahar l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz. Ir-Regolament jeħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tqis il-konsegwenzi ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Din il-Komunikazzjoni vvalutat il-konsegwenzi u l-impatti tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE kif ukoll għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni stiednet wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiddiskutu l-aħjar triq ’il quddiem.

Sussegwentement, il-Kummissjoni ppreżentat żewġ Komunikazzjonijiet ta’ segwitu f’Lulju 3 u Diċembru 4 tal-2016. Il-Komunikazzjoni ta’ segwitu f’Diċembru laqgħat il-fatt li l-Kanada pprovdiet skeda ta’ żmien ċara biex tinkiseb reċiproċità sħiħa tal-viża għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Fir-rigward tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni se tniedi mill-ġdid mingħajr dewmien l-isforzi tagħha mal-Amministrazzjoni l-ġdida biex tixpruna reċiproċità sħiħa tal-viżi flimkien mal-ħames Stati Membri kkonċernati bl-għan li jintlaħaq qbil fl-ewwel nofs tal-2017 dwar it-triq ’il quddiem biex jinkiseb dan l-objettiv. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib kemm mal-Parlament Ewropew kif ukoll mal-Kunsill biex tiżgura li l-Unjoni Ewropea titkellem b’vuċi waħda dwar din il-kwistjoni importanti u se tirrapporta dwar il-progress ulterjuri magħmul qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2017.

Din il-Komunikazzjoni tiddefinixxi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 265 TFUE wara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Marzu dwar “l-obbligi tal-Kummissjoni fil-qasam tar-reċiproċità tal-viża skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001” 5 u, bħala segwitu għall-Komunikazzjonijiet preċedenti, tieħu kont tal-iżviluppi f’dan il-qasam sa minn Diċembru 2016.

II.    Pożizzjonijiet meħuda bħala reazzjoni għall-komunikazzjonijiet

Fit-2 ta’ Marzu 2017, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni mhux leġislattiva dwar “l-obbligi tal-Kummissjoni fil-qasam tar-reċiproċità tal-viża skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001”. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu, il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-Kummissjoni hija legalment obbligata tadotta att delegat li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom ma neħħewx l-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini ta’ ċerti Stati Membri sal-iskadenza tat-12 ta’ April 2016. Huwa jappella wkoll lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 265 TFUE, biex tadotta l-att delegat meħtieġ fi żmien xahrejn mid-data tal-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni, l-aktar tard.

Kif rappurtat iktar kmieni, bħal fl-erba’ xhur ta’ qabel, il-Kunsill ma ddiskutiex il-kwistjoni.

III.    Żviluppi u d-direzzjoni ‘l quddiem

Il-Kanada (innotifikata mill-Bulgarija u r-Rumanija)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-Kanada, il-Komunikazzjoni ta’ segwitu ta’ Diċembru rrapportat progress sinifikanti. Qabel is-16-il Samit UE-Kanada li sar fit-30 ta’ Ottubru 2016 fi Brussell, il-Kanada pprovdiet skeda ta’ żmien ċara biex tikseb reċiproċità sħiħa tal-viżi. Il-gvern Kanadiż ħabbar it-tneħħija tar-rekwiżit tal-viża mill-1 ta’ Mejju 2017 għal ċittadini Bulgari u Rumeni li kellhom viża ta’ residenza temporanja Kanadiża f’dawn l-aħħar 10 snin jew li attwalment għandhom viża mhux għal skopijiet ta’ immigrazzjoni tal-Istati Uniti. Bħala tieni pass, il-Kanada impenjat ruħha wkoll li tagħti aċċess mingħajr il-bżonn ta’ viża liċ-ċittadini Bulgari u Rumeni kollha mill-1 ta’ Diċembru 2017.

Il-Kummissjoni tinnota b’sodisfazzjon li, b’mod konformi mal-impenji tagħha, fl-1 ta’ Mejju 2017 il-Kanada neħħiet l-obbligu tal-viża għal tal-kategoriji msemmija hawn fuq ta’ ċittadini Bulgari u Rumeni. Dawn il-vjaġġaturi issa jistgħu jivvjaġġaw lejn jew jgħaddu mill-Kanada bl-Awtorizzazzjoni Elettronika tal-Ivvjaġġar (eTA) minflok viża. It-tneħħija tal-viża kienet ippreċeduta minn kuntatti estensivi politiċi u tekniċi bejn il-Kummissjoni, il-Kanada u l-gvernijiet tal-Bulgarija u tar-Rumanija, kif ukoll kampanja ta’ informazzjoni għaċ-ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi u konsultazzjonijiet ma’ aġenziji tal-ivvjaġġar u l-linji tal-ajru fiż-żewġ Stati Membri.

Ingħata aġġornament dwar l-istat attwali tal-implimentazzjoni tat-tneħħija tar-rekwiżit tal-viża mill-Kanada waqt il-Konsultazzjonijiet Konġunta dwar il-Migrazzjoni u l-Asil li saru fit-28 ta’ April 2017 fi Brussell bejn il-Kummissjoni u l-Immigrazzjoni, ir-Refuġjati u ċ-Ċittadinanza fil-Kanada.

Il-Kummissjoni se tibqa’ f’kuntatt mill-qrib mal-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kanada, kemm fuq livell tekniku kif ukoll politiku, biex jiġi żgurat li tintlaħaq reċiproċità sħiħa tal-viża sal-1 ta’ Diċembru 2017.

L-Istati Uniti (innotifikati mill-Bulgarija, mill-Kroazja, minn Ċipru, mill-Polonja u mir-Rumanija)

Il-Komunikazzjoni ta’ segwitu ta’ Diċembru nnutat ukoll li l-Istati Uniti ma mxewx lejn it-tneħħija tar-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini Bulgari, Kroati, Ċiprijotti, Pollakki u Rumeni. Għalhekk il-Kummissjoni se tniedi mill-ġdid l-isforzi tagħha biex tixpruna r-reċiproċità sħiħa tal-viżi b’koordinazzjoni mill-qrib mal-ħames Stati Membri kkonċernati bl-għan li jintlaħaq qbil fl-ewwel nofs tal-2017 dwar it-triq ’il quddiem biex jinkiseb dan l-objettiv.

Matul l-aħħar xhur, il-kuntatti politiċi u tekniċi ġew intensifikati. Il-Kummissarju Avramopoulos tenna s-sejħa tal-UE għal reċiproċità sħiħa tal-viża waqt il-laqgħa tiegħu mas-Segretarju għas-Sigurtà Interna Kelly li saret f’Washington fit-8 ta’ Frar 2017. Il-Kummissarju Avramopoulos kellu wkoll diskussjoni ta’ segwitu kostruttiva ma’ interlokuturi mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti. L-interlokuturi tal-Istati Uniti qablu li jniedu proċess orjentat lejn ir-riżultati sabiex idaħħlu l-ħames Stati Membri fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża.

Barra minn hekk, il-Kummissarju Avramopoulos organizza laqgħa mal-Ministri tal-ħames Stati Membri kkonċernati biex jiddiskutu t-triq ’il quddiem lejn il-kisba tar-reċiproċità sħiħa tal-viża mal-Istati Uniti. Fil-laqgħa, il-Ministri impenjaw ruħhom li jaħdmu flimkien fi spirtu kostruttiv u pożittiv, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-Istati Uniti, biex jiksbu reċiproċità sħiħa dwar il-viża mill-iktar fis possibbli, inkluż it-tiftix għal passi interim reċiprokament aċċettabbli. Il-Kummissarju ddiskuta mal-Ministri l-passi li jistgħu jittieħdu min-naħa tal-UE biex tintlaħaq reċiproċità sħiħa dwar il-viża għal għall-benefiċċju reċiproku tal-UE u taċ-ċittadini tal-Istati Uniti, kif ukoll għal relazzjonijiet strateġiċi aktar wiesa’.

Fil-livell tekniku, ir-reċiproċità tal-viża ġiet diskussa wkoll matul il-Laqgħa UE-l-Istati Uniti tal-Uffiċjali Għolja tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li saret f’Malta fl-1 u t-2 ta’ Marzu 2017, fejn l-Istati Uniti kkonfermaw l-impenn tagħhom li jdaħħlu lill-ħames Stati Membri fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża. Madankollu, l-Istati Uniti enfasizzaw ukoll li dawn l-Istati Membri għadhom ma jissodisfawx il-ħtiġijiet kollha kif stabbiliti mil-leġislazzjoni tal-Istati Uniti. Min-naħa tagħhom l-Istati Uniti indikaw ukoll li s-sempliċi adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ att delegat dwar is-sospensjoni tal-eżenzjoni tal-viża għaċ-ċittadini tal-Istati Uniti, jirriżulta immedjatament fl-adozzjoni mill-Istati Uniti ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni, billi jintroduċu mill-ġdid il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Ġie mfakkar ukoll li l-Programm tat-Tneħħija tal-Viża kif implimentat taħt il-leġiżlazzjoni attwali ma jippermettix l-introduzzjoni ta’ pajjiżi ġodda sakemm dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha.

Sabiex tiġi stabbilita ħarsa ġenerali tar-rekwiżiti li għad iridu jiġu ssodisfati mill-ħames Stati Membri, il-Kummissjoni nediet eżerċizzju biex tiġbor informazzjoni mill-Istati Membri u l-Istati Uniti.

L-aħħar laqgħa tripartitika mal-Istati Uniti saret fil-25 ta’ April 2017. L-objettiv tagħha kien li jiġi vvalutat l-istat attwali fir-rigward tal-Programm tal-Eżenzjoni mill-Viża u biex titħaffef il-ħidma fuq dawk pendenti. Filwaqt li l-ostaklu ewlieni għal erba’ Stati Membri jibqa’ l-livell limitu ta’ 3% tar-rata tar-rifjut tal-viża 6 li huwa stipulat fl-Att dwar l-Immigrazzjoni u ċ-Ċittadinanza tal-Istati Uniti, rekwiżiti oħrajn bħar-rappurtar ta’ kuljum tad-dejta lill-bażi tad-dejta dwar id-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa tal-Interpol u l-firma u l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Serja 7 kienu għadhom mhux fis-seħħ għal xi Stati Membri kkonċernati. Matul il-laqgħa ġie miftiehem mal-Istati Uniti biex jitħaffef ix-xogħol fuq ir-rekwiżiti pendenti tal-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża fil-ġimgħat li ġejjin.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ħames Stati Membri kkonċernati se taħdem mal-Istati Uniti fuq il-konsolidazzjoni ta’ triq ’il quddiem, li għandha tiġi approvata f’Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Laqgħa Ministerjali tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni f’Ġunju 2017. Kuntatti u laqgħat ta’ livell għoli, eż. is-Samit tan-NATO u s-Samit tal-G7 li sar f’Mejju, il-Laqgħa Ministerjali tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni bejn l-UE u l-Istati Uniti f’Ġunju, is-Samit tal-G20 f’Lulju u l-Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni f’Settembru se jipprovdu opportunitajiet u okkażjonijiet biex ikun żgurat il-progress.

IV.    Konklużjoni

Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tikseb reċiproċità sħiħa tal-viża għall-Istati Membri kollha bħala kwistjoni ta’ prijorità.

Il-Kummissjoni tilqa’ bi pjaċir il-fatt li, f’konformità mal-impenn tagħha, fl-1 ta’ Mejju 2017 il-Kanada neħħiet l-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini Bulgari u Rumeni li jkollhom viża ta’ residenza temporanja Kanadiża f’dawn l-aħħar għaxar snin jew li attwalment huma fil-pussess ta’ viżi mhux għal skopijiet ta’ immigrazzjoni tal-Istati Uniti. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kanada, biex jiġi żgurat li l-iskadenza tal-1 ta’ Diċembru 2017 biex tinkiseb reċiproċità sħiħa tal-viża tkun issodisfata wkoll.

Fir-rigward tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni tinnota l-proċess orjentat lejn ir-riżultati li ġie varat. Il-Kummissjoni tqis li dan il-proċess, li qiegħda timmaniġġja b’kooperazzjoni mill-qrib mal-ħames Stati Membri kkonċernati, kif inhuma l-affarijiet bħalissa, huwa l-aktar mod xieraq ta’ kif wieħed jipproċedi. Dan se jħaffef il-progress jekk il-partijiet kollha jkunu impenjati għal dan il-proċess u jaħdmu b’mod kostruttiv. F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-Unjoni Ewropea titkellem b’vuċi waħda dwar din il-kwistjoni importanti.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li, b’mod partikolari fid-dawl tal-progress miksub matul l-aħħar sena u l-ħidma li għaddejja, li l-adozzjoni ta’ att delegat li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-Kanada u l-Istati Uniti tkun kontroproduċenti f’dan il-mument u ma sservix biex jintlaħaq l-objettiv ta’ vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib kemm mal-Parlament Ewropew kif ukoll mal-Kunsill biex tintlaħaq ir-reċiproċità sħiħa dwar il-viża u tirrapporta dwar żviluppi ulterjuri qabel l-aħħar ta’ Diċembru 2017.

_________

(1)

     COM(2016) 221 final tat-12 ta’ April 2016.

(2)

     Ir-Regolament (UE) Nru 1289/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 347 tal-11.12.2013, p. 74.

(3)

     COM(2016) 481 final tat-12 ta' Lulju 2016.

(4)

     COM(2016) 816 final tal-21 ta' Diċembru 2016.

(5)

      http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2017-0060+0+DOC+XML+V0//EN&language=MT .

(6)

     Waqt il-laqgħa tripartitika, l-Istati Uniti ppreżentaw statistika fuq ir-rifjut tal-viża għal 2016: Il-Bulgarija: 16.86% (2015:17.26%); Il-Kroazja: 6.78% (2015: 5.29%); Ċipru: 2.03% (2015: 3.53%); Il-Polonja: 5.37% (2015: 6.37%); Ir-Rumanija: 11.43% (2015: 11.16%). Filwaqt li Ċipru kien konformi mar-rekwiżit tar-rata ta’ 3% ta’ rifjut tal-viża, l-Istati Uniti indikaw li kienu qegħdin ifittxu t-totalità taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha u d-diviżjoni tal-gżira għadha sfida partikolari.

(7)

     Il-Ftehim PCSC dwar it-titjib tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja.