Brussell, 8.5.2017

COM(2017) 217 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Rieżami tal-miżuri tranżitorji għall-akkwist ta' proprjetà immobbli stabbilita fit-Trattat tal-2011 dwar l-adeżjoni tal-Kroazja fl-UE


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Rieżami tal-miżuri tranżitorji għall-akkwist ta’ proprjetà immobbli stabbilita fit-Trattat tal-2011 dwar l-adeżjoni tal-Kroazja fl-UE

Introduzzjoni

Il-Kummissjoni qed tippreżenta dan ir-rapport lill-Kunsill skont l-Att tal-2011 dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja 1 (“l-Att tal-Adeżjoni”). Dan l-Att jistabbilixxi perjodu tranżitorju ta’ seba’ snin sal-2020, bil-possibbiltà ta’ estensjoni ta’ tliet snin, li matulhom il-Kroazja tista’ żżomm ir-restrizzjonijiet eżistenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha 2 dwar l-akkwist tal-art agrikola. Dan jikkonċerna akkwisti minn persuni ġuridiċi u fiżiċi minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u miż-Żona Ekonomika Ewropea.

Skont it-Trattat dwar l-Adeżjoni, il-Kummissjoni hija obbligata tirrapporta lill-Kunsill fit-tielet sena wara l-adeżjoni dwar il-possibbiltà li tqassar jew li ttemm il-perjodu tranżitorju mogħti mit-Trattat dwar l-Adeżjoni qabel id-data stabbilita fit-Trattat.

Bħala prinċipju ġenerali, il-liġi tal-Unjoni Ewropea u l-moviment liberu tal-kapital jiffavorixxu investiment transfruntier. Il-moviment liberu tal-kapital huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali li bih l-investituri tal-UE jkunu liberi fil-prinċipju li joperaw fis-suq intern. L-investiment barrani jista’ jkollu ħafna benefiċċji għall-iżvilupp agrikolu u rurali. B’hekk, pereżempju, fl-Ewropa, l-investimenti transfruntiera ppremettew id-disseminazzjoni ta’ teknoloġiji u għarfien ġodda tal-biedja u pprovdew kapital għall-produzzjoni agrikola f’żoni sottokapitalizzati. L-investinenti transfuntiera jistgħu jikontribwixxu wkoll għar-razzjonalizzazzjoni tal-użu tal-art, b’mod partikulari f’żoni fejn l-istrutturi tas-sjieda huma frammentati ħafna.

Fl-istess ħin, ta’ min jiftakar li t-Trattati tal-UE ma jobbligawx lill-Istati Membri biex jilliberalizzaw is-suq tal-art agrikola mingħajr il-possibbiltà li jiġu imposti regoli xierqa biex jintlaħqu l-objettivi leġittimi ta’ politika pubblika. Il-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital jippermetti restrizzjonijiet nazzjonali fuq movimenti kapitali fil-forma ta’ regoli li jirregolaw is-swieq tal-art jekk ikunu meħtieġa, iġġustifikati u proporzjonati sabiex jiġi promoss l-interess pubbliku leġittimu u l-objettivi ta’ politika. Għaldaqstant, il-moviment liberu tal-kapital huwa bbilanċjat mal-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw li s-swieq tal-art jippermettu żvilupp rurali sostenibbli u produzzjoni agrikola.

Il-perjodu tranżitorju li matulu l-Kroazja tista’ żżomm ir-restrizzjonijiet li kienu jeżistu fil-ħin tal-adeżjoni tagħha kien ingħata biex jippermetti li l-Istat Membru li kien għadu kif issieħeb jindirizza l-imperfezzjonijiet tas-suq tal-art agrikola u s-settur agrikolu u jagħmlu aktar kompetittiv fis-suq intern. Dan ir-rapport għandu l-għan li jqis is-sitwazzjoni tas-suq tal-art agrikola u li janalizza l-ħtieġa għal dawn il-miżuri tranżitorji. Abbażi tas-sitwazzjoni ġenerali tas-settur agrikolu fil-Kroazja tliet snin wara l-adeżjoni tagħha fl-UE, dan ir-rapport jikkonkludi li l-perjodu tranżitorju ma għandux jitqassar.

1. Bażi ġuridika għar-rapport tal-Kummissjoni

L-Att tal-Adeżjoni tal-2011 ta perjodu tranżitorju lill-Kroazja li matulu setgħet iżżomm ir-restrizzjonijiet eżistenti fuq l-akkwist tal-art agrikola f’deroga mill-moviment liberu tal-kapital imnaqqax fl-Artikolu 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Skont l-Artikolu 18 tal-Att tal-Adeżjoni, dawn il-miżuri tranżitorji restrittivi japplikaw skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness V (Miżuri tranżitorji) tal-Att tal-Adeżjoni. Il-kapitolu dwar il-moviment liberu tal-kapital f’dan l-Anness jistipula li “rieżami ġenerali ta' din il-miżura transitorja għandu jsir sal-aħħar tat-tielet sena wara d-data tal-adeżjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill. Il-Kunsill jista', filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi li jqassar jew itemm il-perijodu transitorju indikat fl-ewwel paragrafu […]

2. Arranġamenti tranżitorji

Il-moviment liberu tal-kapital huwa wieħed mil-libertajiet fundamentali garantiti mil-liġi tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 63 tat-TFUE jistipula li “kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.” Il-movimenti tal-kapital jinkludu investimenti fil-proprjetà immobbli u fl-art agrikola. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sostniet li l-eżerċitar tad-dritt ta’ akkwist, użu jew disponiment ta’ art agrikola fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jiġġenera movimenti tal-kapital 3 . Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar l-akkwist tal-art agrikola trid tikkonforma mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital skont il-liġi tal-UE.

Madankollu, matul in-negozjati tal-adeżjoni mal-Kroazja, l-UE qablet dwar ċerti arranġamenti tranżitorji rigward l-akkwist tal-art agrikola li jippermettu li l-Kroazja tidderoga temporanjament mil-libertà fundamentali tal-movimenti kapitali. B’mod partikulari, l-Anness V tal-Att tal-Adeżjoni jippermetti li l-Kroazja “żżomm fis-seħħ għal seba' snin mid-data tal-adeżjoni r-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Att tagħha dwar l-Artijiet Agrikoli (OG 152/08), kif ikun fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni, fir-rigward tal-akkwist ta' artijiet agrikoli minn ċittadini ta' Stat Membru ieħor, minn ċittadini tal-Istati li huma parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Ftehim ŻEE) u minn persuni ġuridiċi kostitwiti f'konformità mal-liġijiet ta' Stat Membru ieħor jew ta' Stat li japparteċipa fil-Ftehim ŻEE.”. Fl-istess ħin, l-Att tal-Adeżjoni jipprevedi eċċezzjoni mill-miżuri tranżitorji għall-“bdiewa li jaħdmu għal rashom, li jkunu ċittadini ta' Stat Membru ieħor u li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom u jirrisjedu fil-Kroazja” u li “ma għandhomx ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu jew għal kwalunkwe regola jew proċedura li mhumiex soġġetti għaliha ċ-ċittadini tal-Kroazja”.  4

Ir-raġunijiet prinċipali sottostanti għat-talba Kroata għal miżuri tranżitorji kienu simili għal dawk imqajma mill-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE-12 (l-UE-10 u l-UE-2 5 ) għall-adeżjoni fl-UE u jirrigwardaw prinċipalment il-ħtieġa li jitħares l-ambjent soċjoekonomiku għal attivitajiet agrikoli bħala konsegwenza għall-introduzzjoni tas-suq intern u t-tranżizzjoni għall-Politika Agrikola Komuni. B’mod partikulari, il-miżuri tranżitorji huma intiżi li jattenwaw l-impatt negattiv li l-ftuħ tas-suq f’daqqa jista’ jkollu fuq il-Kroazja meta wieħed iqis id-differenzi kbar fil-prezzijiet tal-art u l-kapaċità tal-akkwist tal-bdiewa meta mqabbel mal-UE-15 u meta wieħed iqis li s-suq għall-art agrikola għadu soġġett għal fatturi istituzzjonali li jxekklu l-użu tal-art agrikola bħall-privatizzazzjoni mhux kompluta u r-restituzzjoni tal-art, is-sjieda inċerta, u r-reġistru tal-artijiet u l-katast mhux kompluti. Barra minn hekk, il-Kroazja saħqet li, bħala konsegwenza tal-Gwerra Interna (1991-1995), persentaġġ għoli tal-art agrikola ma setgħetx tintuża billi kienet affettwata minn mini u soġġetta għal attivitajiet ta’ tneħħija ta’ mini 6 .

Barra min hekk, il-Kroazja sostniet li matul il-perjodu tranżitorju jiġu implimentati xi miżuri biex tiżviluppa s-suq tal-art agrikola, ittejjeb il-produttività agrikola u ssaħħaħ il-kapaċità tal-bdiewa Kroati li jipparteċipaw f’suq tal-artijiet aktar miftuħ fil-futur. Għal dan il-għan, il-Kroazja ppjanat diversi proġetti ta’ nofs it-terminu u fit-tul li jiġu implimentati matul il-perjodu tranżitorju. Il-proġetti kkonċernati:

·ir-regolamentazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà u t-tqegħid f’ordni tar-reġistru tal-artijiet u tad-dejta katastali;

·il-konsolidazzjoni tal-art;

·l-iżvilupp tas-suq ta’ art agrikola għal lokazzjonijiet u t-titjib tad-drittijiet tal-lokatarji;

·ir-ristrutturar tal-produzzjoni agrikola;

·it-titjib tat-teknoloġia u tal-kapitalizzazzjoni; u

·it-tneħħija ta’ mini minn art agrikola.

Il-perjodu tranżitorju kien maħsub ukoll biex jipprovdi l-ħin meħtieġ biex tiġi privatizzata art tal-Istat u biex titlesta r-restituzzjoni ta’ titoli ta’ proprjetà għall-art.

3. Objettiv tar-rapport u metodoloġija

Skont l-Att tal-Adeżjoni, dan ir-rapport jirrieżamina żviluppi riċenti fis-settur agrikolu Kroat. L-għan tiegħu hu li jivvaluta l-ħtieġa li jitqassru jew jintemmu l-miżuri tranżitorji rigward l-akkwiżizzjoni tal-art minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew ċittadini taż-ŻEE qabel id-data stabilita fl-Att tal-Adeżjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tivvaluta r-raġunijiet imressqa mill-Kroazja matul in-negozjati tal-adeżjoni bħala ġustifikazzjoni għal deroga temporanja u teżamina jekk it-tħassib inizjali ġiex mitigat minn żviluppi sussegwenti.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-awtoritajiet Kroati sabiex tiġbor informazzjoni komprensiva dwar l-iżviluppi li seħħew fis-settur agrikolu mid-data tal-adeżjoni. It-tweġibiet tal-Kroazja għal dan il-kwestjonarju, flimkien mal-analiżi mill-Eurostat u dejta oħra, ippermettew li l-Kummissjoni tivvaluta:

·il-karatteristiċi soċjoekonomiċi tas-settur agrikolu u l-iżviluppi tal-indikaturi ekonomiċi rilevanti inkluż id-dħul u l-prezzijiet tal-art u l-livell tal-konverġenza tagħhom ma ‘ Stati Membri oħra;

·bidliet leġiżlattivi li jikkonċernaw is-sjieda barranija tal-art agrikola;

·il-progress li sar fil-proġetti ta’ terminu medju għat-tul li l-Kroazja ppjanat li tniedi biex ittejjeb l-operazzjoni tas-suq tal-art agrikola u biex iżżid l-effiċjenza tal-attivitajiet agrikoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-privatizzazzjoni tal-art, il-programmi ta’ restituzzjoni u l-attivitajiet ta’ tneħħija ta’ mini; u

·is-sitwazzjoni attwali tal-investimenti barranin fis-settur agrikolu Kroat.

4. Ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni wara tliet snin ta’ adeżjoni fl-UE

F’Ġunju 2016, il-Kummissjoni nnutat fir-rapport tagħha dwar il-konverġenza ta’ kull sentejn 7 li l-Kroazja ħabbtet wiċċha ma’ erba’ snin konsekuttivi ta’ tkabbir ekonomiku negattiv. Dan l-ambjent ekonomiku avvers riċenti kien ta’ piż fuq il-konverġenza fid-dħul u fuq il-produttività, inkluż fis-settur agrikolu.

a)Karatteristiċi soċjoekonomiċi tas-settur agrikolu

Wara perjodu ta’ tkabbir ekonomiku rapidu fl-2007 u fl-2008, il-kriżi ekonomika u finanzjarja kienet ta’ piż fuq l-ekonomija Kroata. Dan affettwa wkoll l-agrikultura, li rat tnaqqis fil-valur miżjud gross (VMG), fl-introjtu mill-fatturi u fl-għadd ta’ persuni impjegati. F’termini ta’ indikaturi strutturali, is-settur agrikolu Kroat għadu kkaratterizzat minn azjendi iżgħar; produttività tax-xogħol aktar baxxa; effiċjenza aktar baxxa; u introjtu mill-fatturi u kapaċità tal-akkwist aktar baxxi mill-medja tal-UE.

Bejn l-2007 u l-2013, il-VMG agrikolu tal-Kroazja kien jammonta għal medja ta’ madwar 2,88 % tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-pajjiż. Fl-2014, il-VMG agrikolu kien jammonta għal 2,38 % tal-PDG tal-pajjiż, b’EUR 1,03 biljun. Dan huwa tnaqqis ta’ 33 % meta mqabbel mal-ogħla valur f’dan il-perjodu, reġistrat fl-2008, u huwa tnaqqis ta’ 9 % meta mqabbel mal-2013. Attività agrikola ġġenerat valur ta’ output 8 ta’ EUR 2,28 biljun fl-2014, li huwa 10 % aktar baxx minn dak irreġistrat fl-2013 u segwa l-istess xejra negattiva bħall-VMG sa mill-2008.

Skont l-Att dwar l-Art Agrikola, l-art agrikola fil-Kroazja tinkludi art li tinħadem, ġonna, mergħat, bwar, ġardini, msaġar taż-żebbuġ, vinji, vaski bil-ħut, rqajja’ tal-qasab, artijiet mistagħdra u żoni oħra li jistgħu jintużaw għal produzzjoni agrikola. Skont id-dejta pprovduta mill-awtoritajiet Kroati, il-maġġoranza tal-azjendi agrikoli huma żgħar u mhux adattati għal biedja moderna, jiġifieri l-effiċjenza u l-produttività tagħhom huma baxxi.

Il-frammentazzjoni tal-azjendi agrikoli hija waħda mill-fatturi ewlenin li jillimitaw l-iżvilupp tas-settur agrikolu, għalkemm kien hemm ċertu livell ta’ konsolidazzjoni tal-art mill-2007. Azjendi żgħar li jużaw sa massimu ta’ ħames (5) ettari jirrappreżentaw 69,4 % tal-azjendi kollha, u mhux aktar minn 6,9 % jużaw aktar minn 20 ettaru ta’ art. L-art agrikola medja użata għal kull azjenda fil-Kroazja kważi rduppjat bejn l-2007 u l-2013 minn 5,4 ettari għal 10 ettari. Madankollu, dan huwa anqas mill-medja tal-UE ta’ 16,1-il ettaru.

Fl-2015, il-produttività tax-xogħol agrikolu fil-Kroazja kienet 44 % tal-medja tal-UE, iżda żdiedet b’mod ġenerali minn meta l-Kroazja daħlet fl-UE fl-2013 (ara l-Grafika 1 hawn taħt). Madankollu, għadha ħafna aktar baxxa mir-rati ta’ produttività tal-UE-15 u hija eqreb lejn dik fl-Istati Membri aktar ġodda.

Grafika 1. Produttività agrikola fil-Kroazja meta mqabbel mal-UE-15 u mal-UE-12

Tabella A: Dinamiki tal-produttività agrikola*

Tabella B: Konverġenza tal-produttività agrikola fil-Kroazja u fl-UE-15 2008-2015**

Sors: Sors: Eurostat, Kontijiet Nazzjonali Annwali tal-AMECO u tad-deflaturi tal-PDG.

Noti: *L-Istati Membri ġodda tal-UE-12 jirreferu għall-aħħar 13-il Stat Membru li ssieħbu, ħlief il-Kroazja li magħha qed isir it-tqabbil; **Il-produttività agrikola titkejjel f’VMG fi prezzijiet kostanti tal-2010 f’euro għal kull siegħa maħduma.

Skont id-dejta provviżorja mill-awtoritajiet tat-taxxa Kroati, il-prezz medju ta’ ettaru wieħed ta’ art agrikola fil-Kroazja kien ta’ EUR 4 935 fl-2014, li huwa relattivament għoli meta mqabbel mal-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE-12, iżda aktar baxx b’mod sinifikanti mill-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE-15. Il-prezzijiet tal-art fil-Kroazja żdiedu b’mod kostanti bejn l-2000 u l-2006 (abbażi ta’ dejta pprovduta mill-Kroazja matul in-negozjati tal-adeżjoni) u kienu madwar ħames darbiet ogħla fl-2012 meta mqabbel ma’ deċennju qabel. Madankollu, l-adeżjoni fl-UE fl-2013 ma żiedet b’mod notevoli la l-prezzijiet tal-art u lanqas l-għadd u d-daqs totali tal-irqajja’ tal-art ittrasferiti. Fil-fatt, il-prezzijiet tal-art saħansitra naqsu kemxejn dan l-aħħar, f’konformità maż-żieda riċenti fl-art agrikola disponibbli għall-użu (ara t-Tabella 1 fl-Anness). Għalkemm in-nuqqas ta’ dejta disponibbli dwar il-prezzijiet tal-bejgħ storiku tal-art madwar l-UE għandu jwassal għal attenzjoni fl-analiżi, jidher ċar li d-differenzi fil-prezzijiet tal-art agrikola bejn il-Kroazja u l-UE-15 ma nbidlux b’mod notevoli mill-adeżjoni.

Id-diskrepanza bejn il-PDG per capita kkalkulat skont l-istandards tal-kapaċità tal-akkwist bejn il-Kroazja u l-bqija tal-UE għadha hemm. Skont id-dejta tal-Eurostat, fl-2014 il-PDG per capita fil-Kroazja kkalkulat skont l-istandards tal-kapaċità tal-akkwist kien wieħed mill-aktar baxxi fl-UE kollha kemm hi, u kien stmat għal 58,8 % tal-medja tal-UE. Barra minn hekk, l-introjtu mill-fatturi agrikoli 9 niżel b’mod kontinwu mill-2009. Fl-2014 kompla nieżel b’35,7 % meta mqabbel mal-2008 u bi 11,9 % meta mqabbel mal-2013.

Sa mill-2011, l-introjtu mill-fatturi reali fl-agrikultura fil-Kroazja niżel taħt il-medja tal-introjtu mill-fatturi reali għall-UE-15. Dan ifisser li l-introjtu agrikolu ma għadux qed ilaħħaq ma’ dak tal-UE-15 (ara l-Grafika 1 fl-Anness). Għaldaqstant, il-kapaċità tal-akkwist reali tal-Kroazja fis-settur agrikolu fl-2014 kien sostanzjalment aktar baxx mill-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni.

Għaldaqstant, l-affordabilità tal-art agrikola baqgħet relattivament baxxa għall-bdiewa Kroati minħabba l-kapaċità tal-akkwist tagħhom. Skont id-dejta pprovduta mill-awtoritajiet Kroati, l-indiċi tal-affordabilità (abbażi tal-introjtu mill-fatturi mill-agrikultura u tal-prezzijiet tal-art fil-Kroazja fi prezzijiet kostanti tal-2010) fl-2014 għall-Kroazja, is-sena wara l-adeżjoni tagħha fl-UE, kien ta’ 0,79. Dan ifisser li, fl-UE, l-art agrikola fil-Kroazja kienet l-anqas affordabbli għall-bdiewa Kroati meta mqabbel ma’ bdiewa oħra tal-UE (ara t-Tabella 2 fl-Anness). Barra minn hekk, il-Grafika 2 fl-Anness turi li l-konverġenza fl-affordabilità tal-art agrikola Kroata għall-bdiewa fil-Kroazja kienet aktar kajmana bħala medja mill-2012, mhux biss meta mqabbla mal-medja tal-UE kollha kemm hi iżda anke meta mqabbla mal-parti l-kbira mit-12-il Stat Membru li daħlu dan l-aħħar.

b)Restrizzjonijiet legali dwar l-akkwist ta’ proprjetà immobbli agrikola

Skont il-leġiżlazzjoni Kroata fis-seħħ minn meta l-pajjiż issieħeb fl-UE, persuni ġuridiċi u fiżiċi barranin huma pprojbiti milli jkollhom sjieda ta’ art agrikola permezz ta’ tranżazzjoni legali, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fi ftehim internazzjonali. Fl-2013, l-Att dwar l-Art Agrikola tal-2008 (OG 152/08), li saret referenza għalih fl-Att tal-Adeżjoni, ġie sostitwit b’Att dwar l-Art Agrikola ġdid (OG 39/2013) u ġie emendat ulterjorment fl-2015 (OG 48/2015). L-Att tal-2013 żamm ħafna mir-restrizzjonijiet li kienu fis-seħħ preċedentement iżda introduċa l-possibbiltà li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jakkwistaw drittijiet ta’ proprjetà fuq art agrikola permezz ta’ wirt.

Skont l-Att tal-Adeżjoni, bdiewa li jaħdmu għal rashom li huma ċittadini ta’ Stat Membru ieħor u li jixtiequ jistabbilixxu rwieħhom u jirrisjedu fil-Kroazja jistgħu jakkwistaw art agrikola, diment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi nazzjonali li hija applikabbli għaċ-ċittadini Kroati. Barra minn hekk, iċ-ċittadini tal-UE/taż-ŻEE huma permessi li jixtru art agrikola permezz ta’ entitajiet legali rreġistrati u bbażati fil-Kroazja.

Għaldaqstant, l-oqfsa legali restrittivi huma mitigati bil-possibbiltà mogħtija lill-bdiewa tal-UE/taż-ŻEE li jaħdmu għal rashom u lill-entitajiet legali stabbiliti fil-Kroazja, li jakkwistaw art skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda restrizzjoni għaċ-ċittadini tal-UE/taż-ŻEE u għall-entitajiet legali li jikru art agrikola.

Il-qafas legali applikabbli, li ma jipprojbix l-akkwisti tal-art barranin kollha, għandhom jippermettu li l-Kroazja tilħaq l-objettivi li segwiet matul il-perjodu tranżitorju u jgħinu biex tersaq b’mod gradwali lejn sistema aktar miftuħa għaċ-ċittadini tal-UE/taż-ŻEE biex jakkwistaw l-art.

c)Privatizzazzjoni, restituzzjoni u art agrikola disponibbli

Il-privatizzazzjoni u l-każijiet ta’ restituzzjoni mhux solvuti li fadal jaffettwaw l-operazzjoni tas-swieq tal-art agrikola. Skont id-dejta pprovduta mill-awtoritajiet Kroati, 62 765 ettaru ta’ art tal-Istat inbiegħu taħt diversi programmi ta’ privatizzazzjoni implimentati bejn l-2001 u l-2013, filwaqt li l-bqija ġew mikrija. Dan huwa biss kwart mill-art tal-Istat. Ġew riċevuti madwar 50 000 applikazzjoni għar-restituzzjoni ta’ proprjetà minn partijiet interessati u madwar 9 000 każ għadhom pendenti.

Bidliet fl-ammont ta’ ta’ art agrikola disponibbli jista’ jkollhom impatt ukoll fuq l-operazzjoni tas-swieq tal-art agrikola. Fl-2013, 17 922 ettaru ġew trasformati fi proprjeta immobbli għajr art agrikola, żieda ta’ 6,1 % meta mqabbla mal-2012. Madankollu, l-art agrikola totali użata żdiedet minn 978 670 ettaru fl-2007 għal 1 571 200 ettaru fl-2013.

Għad hemm art disponibbli għal skopijiet agrikoli soġġetta għat-terminazzjoni ta’ attivitajiet ta’ tneħħija ta’ mini. Skont id-dejta pprovduta mill-awtoritajiet Kroati, fl-2016, 6 040 ettaru għadhom iridu jiġu trasferiti f’art agrikola. Billi sa issa, bħala medja, kull sena jitneħħew mini minn 2 000 ettaru, l-art li fadal tista’ tieħu madwar tliet snin oħra biex jitneħħewlha l-mini.

d)Investiment barrani

L-investiment barrani fl-agrikultura ġeneralment għandu impatt pożittiv fuq l-aċċess għall-kapital, it-trasferimenti tat-teknoloġija, il-funzjonament tas-swieq tal-art u l-produttività agrikola. Skont id-dejta pprovduta mill-awtoritajiet Kroati, l-investiment dirett barrani f’attivitajiet agrikoli, il-kaċċa u servizzi relatati ammontaw għal EUR 2,6 miljun fl-2011-2014. Il-leġiżlazzjoni Kroata dwar l-akkwist tal-art minn barranin tqiegħed limiti ċari fuq l-aċċess tal-investiment barrani għas-suq agrikolu Kroat. Ma nżamm l-ebda rendikont eżatt dwar azjendi agrikoli bi sjieda barranija jew lokali bħala kategoriji distinti.

Madankollu, minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ drittijiet ta’ proprjetà fuq l-art ta’ persuni fiżiċi, l-awtoritajiet Kroati stmaw li l-għadd ta’ azjendi agrikoli bi sjieda barranija diretta huwa negliġibbli. Fl-istess ħin, is-sidien barranin huma preżenti fis-suq tal-art agrikola permezz ta’ entitajiet legali, b’mod partikulari kumpaniji pubbliċi u privati b’responsabbiltà limitata rreġistrati u bbażati fil-Kroazja. Il-persuni ġuridiċi b’mod ġenerali, irrispettivament min-nazzjonalità tas-sidien tagħhom, jużaw madwar terz mill-art agrikola totali.

e)L-impatt tal-adeżjoni fl-UE

B’mod ġenerali, l-adeżjoni fl-UE tejbet l-aċċes tal-bdiewa għall-kreditu u l-assigurazzjoni. Dan jista’ jkollu impatt pożittiv fuq il-produttività agrikola.

Barra minn hekk, il-bdiewa Kroati rċevew appoġġ finanzjarju mill-Politika Agrikola Komuni tal-UE. L-ammont totali ta’ dan l-appoġġ finanzjarju riċevut mis-settur agrikolu ammonta għal EUR 292 miljun fl-2013 u EUR 295 miljun fl-2014. Dawn l-għajnuniet, li kienu disponibbli b’mod konsistenti għall-bdiewa Kroati, kienu jammontaw għal sehem konsiderevoli mill-introjtu mill-biedja Kroata. Setgħu għenu biex tiżdied l-effiċjenza u d-domanda għall-art, u jistgħu jappoġġjaw l-aspettattivi għal żieda fil-prezzijiet tal-art agrikola.

B’mod ġenerali, is-sussidji għenu biex jitjiebu l-kundizzjonijiet soċjali tal-bdiewa Kroati u, flimkien ma’ aċċess aħjar għall-kreditu, jistgħu jipprovdu inċentivi biex il-bdiewa Kroati jixtru art fil-futur u jiżviluppaw attivitajiet agrikoli. Dan jgħin biex jixpruna l-produttività tax-xogħol tas-settur agrikolu u jwassal għal żieda ulterjuri fl-introjtu mill-biedja.

Il-Kummissjoni tinnota li l-proġetti Kroati maħsuba biex itejbu l-operazzjoni tas-suq tal-art billi jindirizzaw l-oqsma speċifiċi identifikati matul in-negozjati tal-adeżjoni għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ. Filwaqt li xi proġetti, bħas-sistema ta’ informazzjoni tal-IT relatata mad-dejta katastali dwar l-art tal-Istat, diġà huma fis-seħħ, żviluppi ulterjuri tas-sistemi huma ppjanati, pereżempju l-possibbiltà li tiġi traċċata l-istorja tal-kuntratti u tiġi skambjata d-dejta mal-awtoritajiet kompetenti. Proġetti oħra ppjanati biex irawmu l-iżvilupp tas-settur agrikolu jinkludu l-istrateġija tal-ġestjoni rurali; il-programm operazzjonali għall-konsolidazzjoni tal-art agrikola; u l-proġett għall-irrigazzjoni u l-ġestjoni tal-art agrikola u l-ilmijiet.

5. Konklużjonijiet

L-Att tal-Adeżjoni tal-2011 jirrikjedi li jinħareġ fi żmien tliet snin mill-adeżjoni. Il-perjodu studjat huwa kemxejn qasir 10 u b’hekk ma setgħetx tinġabar evidenza empirika estensiva bis-sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif l-adeżjoni tal-Kroazja fl-UE affettwat l-iżvilupp tas-suq tal-art agrikola u s-settur agrikolu kollu kemm hu.

Madankollu, id-dejta disponibbli turi li mhux it-tħassib kollu espress matul in-negozjati tal-adeżjoni ġie mitigat tliet snin wara l-adeżjoni, partikularment minħabba l-fatt li wħud mill-azzjonijiet ippjanati li jiġu implimentati matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni għadhom għaddejjin, bħall-konsolidazzjoni tal-art, il-finalizzazzjoni tar-reġistru tal-artijiet, il-finalizzazzjoni tal-privatizzazzjoni kif ukoll it-tneħħija ta’ mini mill-art.

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tas-suq agrikolu Kroat jindika li għad hemm differenza kbira fil-prezzijiet tal-art u fl-introjtu tal-bdiewa bejn il-Kroazja u l-bqija tal-UE. Madankollu, mhijiex mistennija konverġenza sħiħa u lanqas ma titqies bħala kundizzjoni meħtieġa biex jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Barra minn hekk, l-analiżi tal-Kummissjoni turi tnaqqis fl-affordabilità tal-art mill-bdiewa Kroati: l-art agrikola ma saritx aktar affordabbli għall-bdiewa Kroati fl-2014, is-sena ta’ wara l-adeżjoni fl-UE, meta mqabbla mal-2013 partikularment minħabba tnaqqis fl-introjtu medju tal-bdiewa.

B’mod ġenerali, l-analiżi tas-sitwazzjoni preżenti fis-settur agrikolu fil-Kroazja turi li diversi fatturi għadhom jaffettwaw is-suq tal-art bħal: klima ekonomika fqira b’mod ġenerali; frammentazzjoni tas-sjieda; livelli relattivament baxxi tal-introjtu tal-bdiewa; privatizzazzjoni u restituzzjoni tal-art mhux kompluti; u attivitajiet ta’ tneħħija ta’ mini li għadhom għaddejjin.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li jenħtieġ li t-terminu perentorju għall-miżuri tranżitorji previsti fl-Att tal-Adeżjoni ma jitqassarx.

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll lill-Kroazja biex gradwalment tiffinalizza l-preparazzjoni tas-suq tal-art għall-applikazzjoni sħiħa tal-moviment liberu tal-kapital ladarba l-perjodu tranżitorju jasal fi tmiemu. Anke issa, ir-restrizzjonijiet fil-qafas legali dwar l-akkwist tal-art minn persuni fiżiċi u ġuridiċi barranin ma jammontawx għal projbizzjoni totali, billi l-entitajiet legali li ċ-ċittadini tal-UE/taż-ŻEE huma sidien tagħhom huma permessi li jixtru art, u bdiewa tal-UE/taż-ŻEE huma permessi li jakkwistaw art jekk ikunu jixtiequ li jistabbilixxu lilhom infushom u jirrisjedu fil-Kroazja. Barra minn hekk, l-Att dwar l-Art il-ġdid tal-2013 introduċa l-possibbiltà ta’ akkwist tad-drittijiet tas-sjieda ta’ art agrikola permezz ta’ wirt. Huwa daqstant ieħor importanti li s-suq tal-kiri tal-art ikun miftuħ għall-investituri barranin, li għaldaqstant ikunu jistgħu jistabbilixxu u joperaw impriżi agrikoli fil-Kroazja. Barra minn hekk, l-adeżjoni fl-UE diġà tejbet l-aċċess għall-kapital għall-bdiewa lokali.

Barra minn hekk, il-Kroazja impenjat ruħha li twettaq l-attivitajiet li ġejjin biex tippermetti l-moviment liberu tal-kapital sa tmiem il-perjodu tranżitorju tagħha:

(1)ir-regolamentazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà bħala prerekwiżit għall-aġġornament u t-tqegħid f’ordni tar-reġistru tal-artijiet;

(2)il-konsolidazzjoni tal-art;

(3)l-iżvilupp tas-suq ta’ art agrikola għal lokazzjonijiet u t-titjib tad-drittijiet tal-lokatarji;

(4)ir-ristrutturar tal-produzzjoni agrikola;

(5)it-titjib tat-teknoloġija u tat-tagħmir kapitali; u

(6)it-tneħħija ta’ mini minn art agrikola.

Dan kollu jipprovdi bażi tajba biex il-Kroazja tkompli tindirizza l-isfidi li rifdu r-raġunijiet biex ikun hemm perjodu tranżitorju, u ttejjeb il-produttività u l-pożizzjoni ekonomika tar-residenti Kroati involuti fi żvilupp agrikolu u rurali.

(1)

ĠU L 112, 24.4.2012, p. 10.

(2)

L-Att dwar l-Art Agrikola (OG 152/08).

(3)

 Il-Kawża C-370/05 (Festersen), il-pargrafi 21-23; Il-Kawża C-452/01 (Ospelt), il-pargrafu 24.

(4)

L-Att tal-Adeżjoni jistabbilixxi wkoll li “ċittadin ta' Stat Membru jew persuna ġuridika kostitwita f'konformità mal-liġijiet ta' Stat Membru ieħor, fl-ebda każ ma jistgħu jiġu ttrattati b'mod anqas favorevoli fir-rigward tal-akkwist ta' artijiet agrikoli minn kif jiġu ttrattati ċittadini jew persuni fid-data tal-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni jew jiġu trattati b'mod aktar restrittiv minn ċittadin jew persuna ġuridika ta' pajjiż terz”.

(5)

L-UE-12 tirreferi għall-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 (l-UE-10) u fl-2007 (l-UE-2). Ġie maqbul perjodu tranżitorju mar-Repubblika Ċeka, mal-Estonja, mal-Latvja, mal-Litwanja, mal-Ungerija, mal-Polonja u mas-Slovakkja (mill-UE-10), kif ukoll kemm mal-Bulgarija kif ukoll mar-Rumanija (l-UE-2). L-UE-15 tirreferi għall-Istati Membri qabel it-tkabbir fl-2004.

(6)

Skont id-dejta mogħtija mill-awtoritajiet Kroati, fl-1998 bejn 42 % u 54 % tal-art agrikola kienet soġġetta għal attivitajiet ta’ tneħħija ta’ mini, filwaqt li ż-żona totali affettwata mill-mini fi tmiem l-2006 kienet ta’ 997 km2.

(7)

Il-Kummissjoni Ewropea, ir-rapport dwar il-konverġemza 2016, disponibbli hawn: http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/european_economy/convergence_reports/index_en.htm.

(8)

Il-VMG huwa ekwivalenti għall-valur ta’ output mingħajr il-produzzjoni intermedja.

(9)

L-introjtu mill-fatturi juri l-valur nett maħluq bl-użu tal-fatturi ta’ produzzjoni kollha fil-produzzjoni agrikola.

(10)

L-istatistika disponibbli fid-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-rapport tirreferi għad-dejta sal-2014 biss.


Brussell, 8.5.2017

COM(2017) 217 final

ANNESS

tar-

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Rieżami tal-miżuri tranżitorji għall-akkwist ta' proprjetà immobbli stabbilita fit-Trattat tal-2011 dwar l-adeżjoni tal-Kroazja fl-UE


ANNESS

Tabella 1. Prezzijiet tax-xiri u tal-kiri għal art agrikola fil-Kroazja, EUR għal kull ettaru

2007

2012

2013

2014

Prezzijiet tax-xiri

6 028

4 902

4 935

Kirjiet

119

107

Art agrikola użata (ettari)

978 670

1 571 200

Sors: Dejta tal-awtorità nazzjonali tat-taxxa.

Grafika 1. Dinamiki tal-indiċi għal introjtu mill-fatturi reali fl-agrikultura għal kull unità tax-xogħol annwali (indikatur A) fl-2005-2014,

fil-Kroazja meta mqabbel mal-UE-15

Sors: Eurostat:

Noti: 2005=100; Unità tax-xogħol annwali waħda tikkorrispondi għax-xogħol imwettaq minn persuna waħda li tkun okkupata f’ azjenda agrikola fuq bażi full time. “Full-time” tfisser l-ammont minimu ta' sigħat mitlub mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti dwar il-kuntratti ta' impjieg. Jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jindikawx l-għadd ta’ sigħat, allura 1 800 siegħa jittieħdu bħala s-sigħat tax-xogħol annwali minimi: ekwivalenti għal 225 jum ta’ xogħol ta’ tmien sigħat kull wieħed.



Tabella 2. Affordabilità tal-art agrikolaKroata

għall-bdiewa fil-Kroazja u fil-bqija tal-UE, 2012-2014

Stat Membru

2012

2013

2014

Il-Belġju

7,01

7,05

6,25

Il-Bulgarija

0,87

1,30

1,44

Ir-Repubblika Ċeka

2,89

3,58

4,10

Id-Danimarka

10,03

8,47

9,03

Il-Ġermanja

4,42

7,27

5,86

L-Estonja

2,99

3,40

3,16

L-Irlanda

2,69

3,46

3,55

Il-Greċja

2,22

2,54

2,73

Spanja

4,14

5,58

5,32

Franza

5,33

5,54

6,03

Il-Kroazja

0,69

0,88

0,79

L-Italja

3,06

4,48

3,99

Ċipru

2,20

2,81

2,86

Il-Latvja

0,83

0,91

0,90

Il-Litwanja

1,13

1,26

1,14

Il-Lussemburgu

4,66

3,83

4,05

L-Ungerija

1,19

1,61

1,68

Malta

2,13

2,58

2,48

In-Netherlands

7,17

10,08

9,33

L-Awstrija

3,30

3,58

3,33

Il-Polonja

0,87

1,17

1,06

Il-Portugall

1,26

1,80

1,75

Ir-Rumanija

0,50

0,73

0,79

Is-Slovenja

0,80

1,00

1,17

Is-Slovakkja

2,08

2,49

2,70

Il-Finlandja

4,63

4,52

3,30

L-Iżvezja

4,10

4,56

4,92

Ir-Renju Unit

5,68

7,56

7,31

Sors: Eurostat, Kontijiet Ekonomiċi għall-Agrikoltura, AMECO għad-deflaturi tal-PDG u l-awtoritajiet Kroati għall-prezzijiet tal-art fil-Kroazja.

Nota: L-indiċi tal-affordabilità huma kkalkulati bħala l-proporzjon tal-introjtu nett mill-fatturi fl-agrikultura għal kull unità tax-xogħol annwali f’kull Stat Membru fuq il-prezz tax-xiri f’euro ta’ ettaru wieħed ta’ art agrikola fil-Kroazja fi prezzijiet kostanti tal-2010 f’euro. Għaldaqstant, l-indiċi ta’ affordabilità juru kemm jistgħu jinbiegħu ettari ta’ art bl-introjtu annwali mill-agrikultura tal-bdiewa f’kull Stat Membru. Valuri ogħla tal-indiiċ jindikaw li l-art agrikola hija aktar affordabbli għall-bdiewa.

Pereżempju, l-indiċi ta’ affordabilità għall-Kroazja jindikaw li l-introjtu nett mill-fatturi annwali mill-agrikultura tal-bdiewa Kroati ma kinux biżżejjed biex jakkwistaw ettaru wieħed ta’ art (billi l-valur tal-indiċi għall-Kroazja għall-2014 kien 0,79). Min-naħa l-oħra, l-introjtu nett mill-fatturi annwali tal-bdiewa fid-Danimarka kien jippermettilhom jixtru aktar minn 9 ettari ta’ art fil-Kroazja fl-2014 (billi l-valur tal-indiċi għal din is-sena għad-Danimarka kien 9).

Grafika 2. Konverġenza ta’ affordabilità ta’ art agrikola għall-produtturi agrikoli, 2012-2014

Panew A: Il-Kroazja meta mqabbla mal-bqija tal-UE-28

Panew B: Il-Kroazja meta mqabbla mal-bqija tat-12 il-Stat Membru

Sors: Eurostat, Kontijiet Ekonomiċi għall-Agrikoltura u l-awtoritajiet Kroati għall-prezzijiet tal-art fil-Kroazja.