Brussell, 27.4.2017

COM(2017) 193 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni ex post tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-2015 (Mons u Pilsen)

{SWD(2017) 135 final}
{SWD(2017) 137 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni ex post tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-2015 (Mons u Pilsen)

1.Introduzzjoni

Dan ir-rapport qed jiġi ppreżentat skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura mill-2007 sal-2019 1 , li jirrikjedi li kull sena l-Kummissjoni tiżgura evalwazzjoni esterna u indipendenti tar-riżultati tal-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura tas-sena ta’ qabel u tirrapporta dwar dik l-evalwazzjoni lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

Dan ir-rapport huwa intiż biex jikkomunika s-sejbiet tal-evalwazzjoni esterna tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-2015 u l-azzjonijiet li l-Kummissjoni se tressaq b’segwitu għas-sejbiet. Il-metodoloġija tal-evalwazzjoni u s-sejbiet huma ppreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-2015, li jissejjes fuq ir-Rapport Finali tal-evalwatur estern 2 .

2.Sfond għall-azzjoni

2.1.L-azzjoni tal-UE għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura (ECoC)

L-iskema inizjali tal-“Kapitali Ewropea tal-Kultura” tnediet fil-livell intergovernattiv fl-1985 3 . Id-Deċiżjoni 1419/1999/KE 4 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 li tistabbilixxi azzjoni tal-Komunità għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin 2005 sa 2019. L-Istati Membri huma elenkati f’ordni kronoloġika li tindika liema pajjiż jew pajjiżi huma intitolati biex jospitaw l-avveniment, sena b'sena. Id-Deċiżjoni 1419/1999/KE ġiet sostitwita bid-Deċiżjoni 1622/2006/KE li żammet il-prinċipju tal-ordni kronoloġika tal-Istati Membri iżda rfinat aktar l-għanijiet tal-azzjoni u introduċiet arranġamenti ġodda għall-għażla u l-monitoraġġ.

Skont id-Deċiżjoni 1622/2006/KE, l-għanijiet ġenerali tal-ECoC huma li jiġu enfasizzati r-rikkezza u d-diversità tal-kulturi Ewropej u l-karatteristiċi li jikkondividu – b'mod li jiġi promoss fehim reċiproku akbar fost iċ-ċittadini Ewropej – u li titrawwem il-kontribuzzjoni tal-kultura għall-iżvilupp fit-tul tal-bliet. L-ECoC għandha tistinka biex trawwem il-kooperazzjoni bejn l-operaturi kulturali, l-artisti u l-bliet fl-Ewropa, biex trawwem il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini li jgħixu fil-belt u fl-inħawi filwaqt li tqajjem l-interess taċ-ċittadini minn barra l-pajjiż, u biex tkun sostenibbli u parti integrali mill-iżvilupp kulturali u soċjali fit-tul tal-belt 5 .

Id-Deċiżjoni 1622/2006/KE, imħassra permezz tad-Deċiżjoni 445/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033, tkompli tapplika fil-każ tal-bliet li ġew nominati jew li huma fil-proċess li jiġu nominati bħala Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin mill-2013 sal-2019 6 .

2.2.L-għażla u l-monitoraġġ tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-2015

Skont id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE, il-Belġju u r-Repubblika Ċeka kienu intitolati jospitaw l-ECoC fl-2015.

Ġew organizzati kompetizzjonijiet paralleli mill-awtoritajiet rilevanti taż-żewġ Stati Membri. L-għażla twettqet f'żewġ fażijiet: il-fażi ta’ qabel l-għażla (il-bliet kandidati jitnaqqsu għal lista qasira) segwita mill-fażi tal-għażla (il-lista qasira titnaqqas għal kandidat wieħed). Bord ta’ tlettax-il membru – li sitta minnhom jinħatru mill-Istat Membru kkonċernat u s-sebgħa l-oħra mill-istituzzjonijiet Ewropej – eżamina l-offerti mill-bliet kandidati fuq il-bażi tal-għanijiet u l-kriterji stipulati fid-Deċiżjoni.

Fil-Belġju, kien hemm belt waħda li kienet kandidata. Fir-Repubblika Ċeka, applikaw tlett ibliet, li minnhom intagħżlu tnejn 7 . Fl-2010, il-bord irrakkomanda li Mons fil-Belġju u Pilsen fir-Repubblika Ċeka jingħataw it-titolu ta’ ECoC.

Il-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea formalment innomina lil Mons u lil Pilsen bħala ECoC tal-2015 rispettivament f’Novembru 2010 u f’Mejju 2011.

Wara n-nomina tagħhom, iż-żewġt ibliet kienu soġġetti għall-arranġamenti ta’ monitoraġġ: il-progress li sar fit-tħejjijiet tal-bliet ġie mmonitorjat u ggwidat minn bord magħmul minn seba’ esperti indipendenti maħtura mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li ċċekkja wkoll il-konformità mal-programm u l-impenji li fuq il-bażi tagħhom kienu ntagħżlu l-bliet. Fil-ħarifa tal-2012 u fir-rebbiegħa tal-2014, ir-rappreżentanti ta’ Mons u ta' Pilsen attendew żewġ laqgħat formali ta’ monitoraġġ organizzati mill-Kummissjoni. Fi tmiem il-proċess ta’ monitoraġġ, il-bord għamel rakkomandazzjoni pożittiva lill-Kummissjoni dwar l-għoti tal-premju ta’ EUR 1,5 miljun f’ġieħ Melina Mercouri kemm lil Mons kif ukoll lil Pilsen.

2.3.It-temi u l-fokus tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-2015

It-tema ġenerali ta’ Mons 2015 kien “fejn it-teknoloġija tiltaqa’ mal-kultura” u l-ambizzjoni kienet li l-belt titpoġġa fuq il-mappa tal-Ewropa bħala simbolu ta’ ristrutturar ekonomiku msejjes fuq alleanza ta’ suċċess bejn il-kultura, it-turiżmu u t-teknoloġiji l-ġodda. Il-programm kulturali tagħha tqassam f’erba’ staġuni: “Dazzle” (il-ġejbien tad-dawl u tas-sħana fix-xhur tax-xitwa); “Metamorphosis” (l-enfasi fuq il-miġja tar-rebbiegħa u l-bidliet li qed iseħħu f’Mons bl-iżviluppi l-ġodda tal-infrastruttura u l-possibbiltajiet offruti mit-teknoloġiji l-ġodda); “Escale” (in-nies jitħeġġew biex iżuru jew joqogħdu f’Mons matul il-perjodu tal-vaganzi); u “Renaissance” (l-enfażi fuq it-twelid mill-ġdid ta’ Mons wara d-dgħajfien tal-industriji ewlenin b’enfasi kemm fuq il-karattri storiċi tal-“epoka tad-deheb” tal-belt kif ukoll fuq l-iżviluppi futuri).

Il-motto ta’ Pilsen 2015 kien “Open up!” u esprima l-ambizzjoni tal-belt biex tuża s-sena tal-ECoC tagħha biex tinfetaħ għall-influwenzi Ewropej u oħrajn esterni. Matul l-2015, f’Pilsen twettqu avvenimenti kulturali u esperjenzi f’erba’ oqsma ewlenin: “Arts and Technologies” (biex tiġi ċċelebrata u tissaħħaħ ir-rabta bejn l-isfond industrijali, l-artiġjanat, il-ħiliet u n-negozju f’Pilsen); “Relationships and Emotions” (biex jinfetaħ l-ispazju pubbliku tal-belt u biex in-nies jiġu involuti f’diskussjoni dwar l-identità personali u nazzjonali tagħhom); “Transit and Minorities” (biex issir enfasi fuq id-diversità tal-belt u l-popolazzjoni tagħha); u “Stories and Sources” (biex tingħata promozzjoni lit-turiżmu permezz ta’ wħud mill-personalitajiet ta’ Pilsen u biex jitfakkru l-avvenimenti u l-esperjenzi tal-imgħoddi).

3.L-evalwazzjoni esterna

3.1.It-termini tal-evalwazzjoni

L-evalwazzjoni tesplora l-implimentazzjoni taż-żewġ ECoC tal-2015 matul il-perjodu kollu tagħhom, mill-bidu tagħhom sas-sostenibbiltà u l-legat li ħallew, u tqis l-impatt li kellu dan it-titlu fuq iż-żewġt ibliet. Partikolarment, hija tivvaluta r-relevanza, l-effiċjenza, l-effettività u s-sostenibbiltà tagħhom. Hija teżamina wkoll il-valur miżjud tal-UE kif ukoll il-koerenza u l-komplementarjetà tal-azzjoni ma’ inizjattivi oħra tal-UE. Fl-aħħar nett, tislet konklużjonijiet individwali u ġenerali minn dawn iż-żewġ ECoC tal-2015 u tqis l-implikazzjonijiet għall-bliet li fil-ġejjieni se jkollhom it-titlu ta’ ECoC.

3.2.Il-metodoloġija u l-limitazzjonijiet tal-approċċ magħżul

L-evalwazzjoni u l-metodoloġija tfasslu biex jissodisfaw ir-rekwiżit standard tad-Deċiżjoni, u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ fehim aktar dettaljat dwar il-prestazzjoni u l-kisbiet tal-azzjoni. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni tipprovdi opportunità biex wieħed iħares lura lejn is-sena ta’ qabel sabiex jiġu enfasizzati l-lezzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni bbażati fuq l-esperjenzi taż-żewġt ibliet ospitanti.

Il-metodoloġija għall-evalwazzjoni tal-ECoC tal-2015 fil-biċċa l-kbira ssegwi l-approċċ adottat fi studji preċedenti tal-azzjoni 8 .

Kif sar fl-evalwazzjonijiet preċedenti tal-ECoC għas-snin 2007-2014, il-loġika tal-intervent użata mill-evalwatur kienet imsejsa fuq ġerarkija tal-għanijiet stipulata fid-Deċiżjoni.

Sabiex ir-riżultati jkunu jistgħu jitqabblu mal-evalwazzjonijiet li saru diġà, il-metodoloġija ssegwi wkoll approċċ konsistenti fil-ġbir u l-analiżi tal-evidenza. Iż-żewġt ibliet ġew ivvalutati individwalment, abbażi tad-dejta primarja miġbura fil-post jew inkella mogħtija minn kull ECoC, u wkoll bl-analiżi ta’ firxa ta’ għejun ta’ dejta sekondarja.

Fost l-għejun tad-dejta primarja hemm l-intervisti li saru matul żewġ żjajjar lil kull belt jew bit-telefown, kif ukoll permezz ta’ stħarriġ online f’Mons (għal Pilsen il-kuntrattur qagħad fuq stħarriġ imwettaq mill-entità implimentattiva nnifisha). Dawn l-intervisti kellhom l-għan li jiksbu perspettivi differenti dwar kull ECoC, inkluż dawk tat-timijiet tal-maniġment, ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli lokali u nazzjonali, tal-operaturi kulturali ewlenin, ta’ firxa ta’ sħab involuti fit-tħejjija tal-ECoC u ta’ kampjun ta’ organizzazzjonijiet li jew imexxu jew jieħdu sehem fil-proġetti tal-ECoC.

L-għejun tad-dejta sekondarja jinkludu informazzjoni fl-applikazzjonijiet oriġinali tal-ECoC, l-istudji u r-rapporti prodotti jew ikkummissjonati mill-ECoC, il-programmi tal-avvenimenti, il-materjali promozzjonali u s-siti web, l-istatistika dwar il-kultura u t-turiżmu u d-dejta kwantitattiva mogħtija mill-ECoC dwar il-finanzi, l-attivitajiet, l-eżiti u r-riżultati.

Kif kien il-każ bl-evalwazzjonijiet ex post kollha tal-ECoC preċedenti, il-Kummissjoni tqis li din il-metodoloġija hija xierqa biex isir rapport li jipprovdi bażi raġonevolment solida ħalli jinsiltu konklużjonijiet sodi dwar il-prestazzjoni tal-ECoC.

Madankollu, hemm nuqqas ta’ evidenza soda dwar il-benefiċċji u l-impatt tal-ECoC fuq iż-żewġt ibliet ospitanti, parzjalment minħabba ż-żmien u l-limitazzjonijiet baġitarji tal-evalwazzjoni. Ikun ideali li jsir studju li jipprovdi analiżi ta’ qabel l-azzjoni (“referenza”) kif ukoll ta’ wara l-azzjoni biex jiġu vvalutati l-benefiċċji sħaħ u l-impatt tal-azzjoni tal-ECoC. Madankollu, ir-restrizzjonijiet baġitarji 9 u ta’ żmien 10 jippermettu li ssir biss evalwazzjoni ex-post u għalhekk saret biss analiżi ta’ wara l-azzjoni.

Minħabba f'hekk, il-konklużjonijiet tar-rapport huma aktar sostanzjati bil-fehmiet u l-opinjonijiet ta’ diversi tipi ta’ partijiet interessati milli bid-dejta kwantitattiva (limitata) disponibbli.

Min-naħa l-oħra, il-biċċa l-kbira tal-evidenza kwalitattiva, miksuba mir-riżultati tal-istħarriġ online u tal-intervisti, hija limitata għal dawk involuti direttament fil-programm u li b'xi mod ibbenefikaw minnu.

Barra minn hekk, uħud mill-għanijiet stabbiliti huma wkoll wiesgħa u mhux faċli biex jitkejlu u għadu kmieni wisq biex din l-evalwazzjoni tkun tista’ tivvaluta l-impatti aktar fit-tul. Minħabba f’hekk, il-biċċa l-kbira mill-evidenza tiffoka fuq l-eżiti u r-riżultati jew fuq il-benefiċċji ta’ livell ogħla li għadhom qed jitfaċċaw, aktar milli fuq l-impatti fil-prattika, li jieħdu aktar żmien biex jimmaterjalizzaw. Sabiex dawn l-impatti jiġu identifikati aħjar, ikun utli għaż-żewġt ibliet li jkollhom evalwazzjonijiet lonġitudinali, l-iktar biex jikkonfermaw l-effiċjenza tal-infiq pubbliku fl-ECoC mill-perspettiva kulturali, soċjali u ekonomika, billi tintuża wkoll firxa usa’ ta’ dejta evalwattiva biex issostni l-konklużjonijiet.

Il-Kummissjoni hija kompletament konxja – u taċċetta – dawn il-limitazzjonijiet, li diġà kienu identifikati fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tagħha li jakkumpanja lill-proposta għal Deċiżjoni li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni tal-ECoC għas-snin 2020 sal-2033 11 . Biex tirrimedja din is-sitwazzjoni, il-proposta tal-Kummissjoni u d-Deċiżjoni li fl-aħħar mill-aħħar ġiet adottata fuq din il-bażi 12 jipprevedu li l-bliet infushom – billi qegħdin f’pożizzjoni aħjar biex jiksbu d-dejta primarja dwar l-impatt tat-titlu – isiru l-atturi ewlenin fil-proċess tal-evalwazzjoni.

F'dan l-isfond, hija ħaġa pożittiva li Mons u Pilsen wettqu riċerka 13 biex jifhmu aħjar l-impatt tal-ECoC fuq l-istituzzjonijiet kulturali u r-residenti lokali, kif ukoll f’termini tad-dimensjoni internazzjonali u tal-ekonomija.

Madankollu, il-Kummissjoni sabet bażi suffiċjenti fid-dejta u fl-evidenza l-oħra li ssostni l-evalwazzjoni u li tippermettilha li tasal għall-evalwazzjonijiet u l-konklużjonijiet ġenerali tal-evalwazzjoni, li jitqiesu li jipprovdu analiżi ġenerali vera u sħiħa taż-żewġ ECoC tal-2015, għalkemm ma hemmx dejta b’saħħitha u provi indipendenti oħra li jsostnu konklużjonijiet sodi ħafna dwar l-effiċjenza u l-impatti.

4.Is-sejbiet ewlenin tar-Rapport ta’ Evalwazzjoni

4.1.Ir-relevanza tal-azzjoni tal-ECoC u taż-żewġ ECoC tal-2015

Skont dak li ħareġ mill-evalwazzjoni, iż-żewġt ibliet ospitanti qiesu l-ECoC prinċipalment bħala avveniment kulturali li jsaħħaħ u jinternazzjonalizza l-offerta kulturali tagħhom, kif ukoll li jippromwovi d-diversità kulturali u l-karatteristiċi kulturali komuni tal-Ewropa. Is-sena tal-ECoC inkludiet programm kulturali li kien iktar estensiv, aktar innovattiv u aktar Ewropew fin-natura tiegħu meta mqabbel mal-offerta kulturali tas-soltu fiż-żewġt ibliet. L-evalwazzjoni tikkonkludi li dan għamel l-ECoC azzjoni rilevanti ħafna b’rabta mal-Artikolu 167 tat-TFUE fil-kuntest tal-kontribut tal-Unjoni “għall-fjoritura tal-kulturi tal-Istati Membri”.

L-evalwazzjoni tenfasizza li Mons u Pilsen użaw ukoll l-istatus tagħhom ta’ ECoC biex jindirizzaw aspetti oħra tal-istrateġija għall-iżvilupp tal-belt rispettiva tagħhom. B’konsegwenza ta’ dan, ħafna mill-attivitajiet li saru fl-2015 kienu rilevanti ħafna għall-aġendi politiċi ġenerali taż-żewġt ibliet kif ukoll għal firxa ta’ prijoritajiet u għanijiet fil-livell tal-UE f’oqsma politiċi oħrajn minbarra l-kultura, bħall-iżvilupp urban u reġjonali, l-impjiegi, in-negozju, it-turiżmu kif ukoll il-politiki ta’ koeżjoni soċjali ġenerali.

4.2.L-effiċjenza

B’mod ġenerali, l-azzjoni tal-ECoC kienet implimentata b’mod effiċjenti fil-livell tal-UE. Il-proċess tal-għażla ppermetta l-għażla ta’ bliet bil-kapaċità, ir-riżorsi u l-viżjoni li jimplimentaw l-ECoC b’mod effettiv. Iż-żewġt ibliet ibbenefikaw ukoll minn arranġamenti ta’ monitoraġġ fil-livell tal-UE u mill-appoġġ informali mogħti mill-bord ta’ monitoraġġ u l-Kummissjoni Ewropea. Fl-istess ħin, jista’ jingħad li l-finanzjament modest ħafna direttament ipprovdut mill-UE (permezz tal-premju Melina Mercouri) kellu effett ta’ ingranaġġ konsiderevoli billi stimula liż-żewġt ibliet - iżda wkoll lill-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali rispettivi tagħhom - biex jinvestu somom konsiderevoli fil-programmi tal-ECoC tagħhom (madwar EUR 72,8 miljun fil-każ ta’ Mons u EUR 18,2 miljun fil-każ ta’ Pilsen) u fi żviluppi infrastrutturali assoċjati (EUR 143,5 miljun għal Mons u EUR 48,6 miljun għal Pilsen).

Fil-livell tal-bliet, kemm Mons kif ukoll Pilsen stabbilixxew mekkaniżmi ta’ eżiti li kienu b’saħħithom, u wettqu l-ECoC tagħhom b’mod effiċjenti, minħabba li t-tnejn li huma użaw il-fondi nazzjonali u tal-UE biex jimplimentaw programmi kulturali ta’ kwalità artistika għolja u ta’ daqs ħafna akbar mill-offerta kulturali li normalment tiġi pprovduta minn dawn il-bliet.

4.3.L-effettività

L-azzjoni tal-ECoC fl-2015 kienet waħda effettiva meta mqabbla mal-għanijiet stabbiliti għaliha fil-livell tal-UE, kif ukoll l-għanijiet stabbiliti mill-bliet li għandhom it-titolu. L-azzjoni kisbet impatt li ma kienx jinkiseb permezz tal-azzjonijiet tal-Istati Membri waħedhom. Fin-nuqqas tal-ECoC, iż-żewġ detenturi tat-titolu tal-2015 kienu jkunu liberi li jinvestu r-riżorsi tagħhom stess għall-implimentazzjoni tal-programmi kulturali u għall-iżvilupp tal-infrastruttura kulturali tagħhom. Madankollu, in-nomina tagħhom bħala ECoC attirat riżorsi addizzjonali, inkluż minn sponsors privati (aktar minn EUR 2 miljun fil-każ ta’ Mons u EUR 1,175 miljun, jiġifieri 6,4 % tal-baġit totali fil-każ ta’ Pilsen). Attirat ukoll rappurtaġġ akbar mill-midja: f’Mons, ġew akkreditati 450 ġurnalist internazzjonali u kien hemm 3,717-il artiklu fl-istampa internazzjonali jew aħbar fuq ir-radju u t-televiżjoni internazzjonali filwaqt li total ta’ 325 ġurnalist barrani żaru Pilsen u ħafna aktar ġurnalisti lokali u nazzjonali attendew (u koprew diversi attivitajiet tal-ECoC), li rriżultaw fi 3,500 aħbar direttament marbuta mal-ECoC ippubblikati fl-istampa lokali, nazzjonali u internazzjonali fl-2015. It-titlu tal-ECoC saħħaħ ukoll is-sens ta' kburija lokali fil-belt u wassal għal żieda fin-numru ta’ żjarat ta’ turisti nazzjonali u internazzjonali: żieda ta’ ħames darbiet fi żjarat turistiċi rreġistrati f’Mons fl-uffiċċju turistiku matul l-2015 u total ta’ 1,4 miljun viżitatur f’Pilsen, u dan irrappreżenta żieda ta’ 28 % meta mqabbel mas-sentejn preċedenti.

It-titlu tal-ECoC għen liż-żewġt ibliet jippreżentaw kontenut kulturali “ġdid” u “aħjar” minn dak li kien hemm qabel, bħalma huma l-użi ġodda ta’ spazji pubbliċi b’avvenimenti fil-miftuħ, festivals u installazjonijiet tal-arti urbana, u l-parteċipazzjoni msaħħa taċ-ċittadini f’avvenimenti kulturali, u l-belt ta’ Mons kienet aktar effettiva minn Pilsen meta ġiet biex timmira lejn gruppi speċifiċi fil-belt, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, l-anzjani u dawk żvantaġġati. Fl-aħħar nett, fiż-żewġt ibliet, it-titlu tal-ECoC immassimizza l-opportunità biex l-organizzazzjonijiet kulturali lokali jissaħħu, ħeġġiġhom jaħdmu aktar flimkien milli kienu qed jagħmlu qabel u għen fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet.

Kien ikun improbabbli li tinħoloq firxa daqshekk wiesgħa ta’ benefiċċji li kieku ma kienx hemm in-nomina tal-ECoC; f’dak is-sens, l-azzjoni tal-EcoC iġġenerat valur miżjud Ewropew ċar.

4.4.Is-sostenibbiltà

Iż-żmien ta’ din l-evalwazzjoni jagħmilha diffiċli li jinsiltu konklużjonijiet dwar is-sostenibbiltà.

Madankollu, iż-żewġ ECoC tal-2015 ġenwinament ħasbu u ppjanaw għas-sostenibbiltà u l-legat. It-tnejn li huma kienu ħerqana li jiżguraw li l-azzjoni tal-ECoC iddum aktar minn sena f’termini ta’ benefiċċji u impatt. Ir-riċerka identifikat ukoll xi potenzjal għas-sostenibbiltà tal-attivitajiet u l-impetu, b’mod partikolari f’Mons fejn hemm pjani konkreti għal avveniment ta’ legat (il-Biennali ta’ Mons 2018).

Bħal f’evalwazzjonijiet riċenti oħra tal-ECoC, il-partijiet interessati f’Mons u Pilsen artikolaw il-legati tas-sena f’termini ta’ ħiliet iktar b’saħħithom, relazzjonijiet iktar b’saħħithom u profil ogħla tal-kultura fil-belt b’mod aktar wiesa’. Fiż-żewġt ibliet, legat ieħor fit-tul kien il-mod kif il-programmi attiraw tip ġdid ta’ udjenza li tesperjenza u tgawdi l-kultura.

Madankollu hija meħtieġa aktar riċerka sabiex tiġi identifikata l-firxa tas-sostenibbiltà fil-prattika.

5.Rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-evalwazzjoni esterna u l-konklużjonijiet u l-azzjonijiet tal-Kummissjoni

Minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-azzjoni tal-ECoC għadha rilevanti ħafna fil-livell tal-UE u hija wkoll ippreġjata ħafna minn dawk li jospitawha. Tiġġenera wkoll programmi kulturali estensivi b’riżultati u impatti pożittivi li, madankollu, għadhom ma jistgħux jiġu vvalutati kompletament s’issa. L-evalwazzjonijiet lonġitudinali mwettqa mill-bliet ospitanti nfushom biss – kif imsemmi fil-punt 3.2 – jistgħu jipprovdu stampa aktar ċara f’dan ir-rigward.

Il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li l-programmi implimentati miż-żewġt ibliet li kellhom it-titlu fl-2015 kienu innovattivi u konsistenti mal-għanijiet tal-azzjoni tal-ECoC; huma rriflettew id-dimensjoni Ewropea tagħha, involvew ħafna residenti u partijiet interessati lokali, introduċew il-kultura lil udjenzi ġodda permezz ta’ strateġiji speċifiċi (b’mod partikolari f’Mons, sa ċertu punt f’Pilsen) u ppjanaw legat kemm fiżiku (postijiet ġodda kulturali) kif ukoll intanġibbli (fil-forma ta’ biennali f’Mons, u fil-forma ta’ żieda fil-kapaċità u fl-offerta kulturali taż-żewġt ibliet).

L-evalwazzjoni tagħmel rakkomandazzjonijiet kemm għall-bliet kif ukoll għall-Kummissjoni.

Ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-bliet jinkludu l-ħtieġa ta’ impenn u involviment nazzjonali, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tal-istrutturi kulturali u tan-nies impenjati fid-dinja tal-kultura, il-ħtieġa li ssir riflessjoni profonda dwar bini kulturali ġdid, il-ħtieġa ta’ realiżmu fir-rigward tal-potenzjal li jiġu attirati viżitaturi barranin u l-ħtieġa li l-avvenimenti ewlenin jiġu kkonfermati u kkomunikati mill-aktar fis possibbli. L-evalwatur iħeġġeġ ukoll lill-bliet iż-żgħar biex ma jiġux skoraġġuti milli jressqu l-kandidatura tagħhom għall-ECoC sempliċement għaliex għandhom baġit relattivament żgħir. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma utli għall-kandidati l-ġodda meta jkunu qed iħejju l-offerta tagħhom jew għall-bliet nominati huma u jiżviluppaw u jimplimentaw il-programmi tagħhom. Wara suġġeriment li sar mill-evalwatur fir-rapport preċedenti, il-Kummissjoni diġà żiedet dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġodda mal-ġabra ta’ rakkomandazzjonijiet li għamlet u ppubblikat fuq is-sit elettroniku 14 tagħha bħala referenza ulterjuri għall-bliet kandidati. Il-Kummissjoni tirreferi b’mod espliċitu għar-rakkomandazzjonijiet u tibbaża fuqhom meta tipparteċipa f’sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar il-Kapitali Ewropej tal-Kultura.

Ir-rapport jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli l-azzjoni skont id-Deċiżjonijiet Nru 1622/2006/KE u Nru 445/2014/UE. Barra minn hekk, jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprevedi dan li ġej:

Issir reviżjoni tal-linji gwida għall-evalwazzjoni tal-bliet, u l-formola tal-applikazzjoni u r-rekwiżiti tar-rapport ta’ progress, sabiex ikun żgurat li l-bliet jipprovdu dejta ta’ referenza dwar is-sitwazzjoni prevalenti fil-mument tal-applikazzjoni u matul il-preparazzjoni, li tista’ tgħin biex jiġu vvalutati l-impatti tal-azzjoni wara s-sena.

Issir stedina sabiex il-bliet jiffirmaw Memorandum ta’ Qbil li jkopri l-perjodu min-nomina sa tmiem is-sena tat-titlu. Dan il-MtQ għandu jirregola r-relazzjonijiet bejn il-belt, il-Kummissjoni u l-bord ta’ monitoraġġ u jikkomplementa d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet li jirregolaw l-azzjoni.

Titnieda pubbliċità aktar estensiva marbuta mal-Premju Melina Mercouri, inkluża ċerimonja simbolika ta’ premjazzjoni.

Titwettaq riċerka dwar l-impatti fit-tul tal-ECoC.

Il-Kummissjoni tilqa’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u tqis li dawn huma fattibbli u li se jżidu l-valur tal-implimentazzjoni kurrenti tal-azzjoni.

Din is-sena l-Kummissjoni se tirrevedi l-linji gwida għall-evalwazzjoni kif ukoll ir-rekwiżiti tar-rapport ta’ progress tagħha sabiex tistieden lill-bliet jiġbru d-dejta ta’ referenza. Madankollu, huwa f’idejn il-bliet stess biex jaġixxu dwar dan u jiżguraw ġbir xieraq ta’ dejta utli. Il-formola tal-applikazzjoni diġà tinkludi mistoqsija dwar l-istudji ta’ referenza jew stħarriġiet li l-bliet applikanti bi ħsiebhom jużaw sabiex issir evalwazzjoni tal-impatt tat-titlu tal-ECoC.

Il-Kummissjoni se tħejji abbozz ta’ Memorandum ta’ Qbil li għandu jiġi ffirmat mill-Kapitali Ewropej tal-Kultura futuri li jidħlu fil-proċess ta’ monitoraġġ. Dan se japplika għall-ewwel darba għall-ECoC 2020 u l-ECoC 2021, u l-monitoraġġ se jibda fl-2017. Il-fażi ta’ monitoraġġ hija diġà avvanzata wisq fir-rigward tal-ECoC 2018 u 2019 biex tali MtQ jkun ta’ xi rilevanza.

Il-Kummissjoni se tinvestiga l-possibilitajiet li tiġi organizzata ċerimonja għall-għoti tal-premju Melina Mercouri fi Brussell jew fil-bliet li jkunu ħadu l-premju. Fejn possibbli, dan se jsir diġà għall-ECoC 2018, jiġifieri Leeuwarden (in-Netherlands) u Valletta (Malta).

Finalment, rigward ir-riċerka dwar l-impatti fit-tul tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, il-Kummissjoni tfakkar fl-istudju utli ħafna u komprensiv li sar mill-Parlament Ewropew f’Diċembru 2013 dwar “European Capitals of Culture: Success Strategies and Long-Term Effects” (Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura: Strateġiji ta’ Suċċess u Effetti fit-Tul). Għalhekk ma tqisx li hu xieraq li jsir rapport ġdid li jkopri l-istess qasam ta’ riċerka f’dan il-waqt, imma ma teskludix li tistħarreġ il-possibbiltà li tagħmel dan fi stadju aktar tard.

(1)

   ĠU L 304, 3.11.2006, p. 1.

(2)

     Ir-rapport sħiħ huwa disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/programmes/creative-europe/sites/creative-europe/files/ecoc-2015-evaluation_en.pdf .

(3)

   Ir-Riżoluzzjoni tal-Ministri responsabbli għall-Affarijiet Kulturali li ltaqgħu fil-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 1985 dwar l-avveniment annwali “Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura” (85/C 153/02); http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:1985:153:0002:0003:EN:PDF .

(4)

   Id-Deċiżjoni 1419/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 li tistabbilixxi azzjoni tal-Komunità għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin 2005 sa 2019 (ĠU L 166, 1.7.1999, p.1). Dik id-Deċiżjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni 649/2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 117, 4.5.2005, p. 20)

(5)

     Għal iktar informazzjoni: https://ec.europa.eu/programmes/creative-europe/actions/capitals-culture_en .

(6)

     ĠU L 132, 3.5.2014, p. 1

(7)

   Ir-rapporti kollha tal-bord tal-fażi ta' qabel l-għażla, tal-fażi tal-għażla u tal-monitoraġġ huma disponibbli fis-sit li ġej: http://ec.europa.eu/programmes/creative-europe/actions/capitals-culture_en.htm.

(8)

     Ara r-rapporti ta’ evalwazzjoni hawnhekk:

http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/more_info/evaluations/index_en.htm?page=1&mxi=12 .

(9)

     Il-baġit allokat għax-xogħol ta’ evalwazzjoni hu proporzjonat mal-livell ta’ finanzjament tal-UE pprovdut direttament lill-ECoC (il-Premju Melina Mercouri ta’ EUR 1,5 miljun).

(10)

     Id-Deċiżjoni 1622/2006/KE teħtieġ li l-Kummissjoni twettaq l-evalwazzjoni immedjatament wara s-sena tat-titlu.

(11)

     Ara SWD (2012) 226 finali, il-punt 2.4.4.

(12)

      Id-Deċiżjoni 445/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 6.

(13)

     Uħud mir-riżultati ta’ din ir-riċerka kien għadhom fil-forma ta’ abbozz fiż-żmien meta l-evalwazzjoni Ewropea tal-azzjoni tal-ECoC ġiet iffinalizzata. L-evalwazzjoni Ewropea użat kemm jista’ jkun ħafna minn din l-informazzjoni, iżda ma setgħetx tibbenefika mir-riżultati finali.

(14)

     https://ec.europa.eu/programmes/creative-europe/sites/creative-europe/files/library/ecoc-compendium-recommendations_en.pdf