Brussell, 24.4.2017

COM(2017) 192 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Implimentazzjoni u evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, kif meħtieġ skont l-Artikolu 118

REFIT
Evalwazzjoni tal-impatt tar-regolament tas-sajd

{SWD(2017) 134 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Implimentazzjoni u evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, kif meħtieġ skont l-Artikolu 118

REFIT
Evalwazzjoni tal-impatt tar-regolament tas-sajd

1.introduzzjoni

Is-suċċess tal-Politika Komuni tas-Sajd 1 (PKS) jiddependi ħafna mill-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll effettiv. Il-miżuri stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 2 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll mifruxa mal-UE kollha għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-PKS (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Kontroll”) ifittxu li jistabbilixxu sistema tal-Unjoni għall-kontroll, l-ispezzjoni, u l-infurzar ibbażata fuq approċċ globali u integrat skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità u kosteffiċjenza amministrattiva.

Dan id-dokument iwieġeb għall-obbligu legali stipulat fl-Artikolu 118 tar-Regolament ta’ Kontroll li jistieden lill-Kummissjoni biex kull ħames snin tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Kontroll fl-Istati Membri (l-Artikolu 118(2)), u biex jiġu evalwati l-impatti tiegħu fuq il-PKS ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu (l-Artikolu 118 (3)).

L-evalwazzjoni tar-Regolament ta’ Kontroll hija inkluża wkoll fil-programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) 3 u l-għan tagħha kien li tevalwa jekk ir-Regolament huwiex adattat għall-iskop tiegħu billi jiffoka fuq l-aspetti tas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż regolatorju.

L-evalwazzjoni twettqet skont il-ħames kriterji tar-rilevanza, il-valur miżjud tal-UE, il-koerenza, l-effikaċja u l-effiċjenza stabbiliti fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar ta’ Mejju 2015 4 . Bħala parti mill-evalwazzjoni, twettqet ukoll analiżi tal-aspetti għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż regolatorju.

F’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet prinċipali tar-Regolament ta’ Kontroll ġew evalwati fil-konfront tal-għanijiet ġenerali tal-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi u l-iżvilupp ta’ kultura ta’ konformità mar-regoli tal-PKS. Barra minn hekk, ġiet eżaminata wkoll l-effikaċja tal-istrumenti previsti mir-Regolament ta’ Kontroll biex il-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni tal-PKS mill-Istati Membri. Dawn kienu l-oqsma li wrew dgħufijiet u nuqqasijiet fir-reġim ta’ kontroll preċedenti u li għalhekk ġew indirizzati b’mod speċifiku permezz ta’ strumenti ġodda fir-Regolament ta’ Kontroll attwali.

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni ta’ tali qafas legali ma setgħetx tonqos milli tqis l-ambjent tal-politika relatat miegħu. Barra mill-kuntest u l-għanijiet stabbiliti fiż-żmien tal-adozzjoni tiegħu, ir-Regolament ta’ Kontroll ġie evalwat fid-dawl tar-riforma tal-PKS li saret dan l-aħħar, li introduċiet għanijiet u obbligi legali ġodda, bħal pereżempju l-obbligu ta’ ħatt l-art. Tqiesu wkoll l-evoluzzjoni tal-aspetti ta’ kontroll implimentati permezz tal-applikazzjoni tar-Regolament IUU 5 , il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd 6 (FEMS) għall-perjodu 2014-2020 (li fost l-oħrajn jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda dwar is-sanzjonijiet finanzjarji), ir-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq 7 (OKS), kif ukoll id-diskussjonijiet li għaddejjin dwar ir-Regolament dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-flotot tas-sajd esterni 8 u l-isforzi tal-UE biex issawwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani. Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni qieset it-tibdil fix-xenarji istituzzjonali u politiċi, speċjalment id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u t-twaqqif ta’ Kooperazzjoni Ewropea fil-Funzjoni tal-Gwardja tal-Kosta 9 .

Ir-riżultati ġenerali ppreżentati f’dan id-dokument jiddependu mill-proċess ta’ konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Jinsabu iktar dettalji dwar il-konsultazzjonijiet li twettqu, is-sors tad-dejta u l-informazzjoni użati, il-metodoloġija li ntużat u r-riżultati li nkisbu fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “REFIT: Evalwazzjoni tal-impatt tar-regolament ta’ kontroll tas-sajd.”

2.L-implimentazzjoni - l-istat ta’ ħidma

Abbażi tad-dejta rrappurtata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 118 tar-Regolament ta’ Kontroll, u fuq l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li ħarġu minn awditi, verifiki u spezzjonijiet imwettqa skont it-Titolu X tar-Regolament ta’ Kontroll, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Istati Membri implimentaw l-obbligi prinċipali tar-Regolament ta’ Kontroll u stabbilixxew l-istrumenti, il-proċeduri u l-istandards meħtieġa biex jġi żgurat il-monitoraġġ u l-ispezzjoni tal-attivitajiet tas-sajd fl-UE kollha. Stabbilixxew Ċentri ta’ Monitoraġġ tas-Sajd moderni u effiċjenti li, flimkien ma’ strateġiji ta’ kontroll ibbażati fuq ir-riskju u programmi ta’ kontroll nazzjonali, tejbu s-sorveljanza u r-rintraċċar ta’ bastimenti tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE u dawk internazzjonali, kif ukoll il-ġbir u t-trasmissjoni ta’ dejta affidabbli. Fil-flotot tas-sajd qegħdin jintużaw Sistemi ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS) u Sistemi tar-Rappurtar Elettroniku (ERS) għall-bastimenti ta’ aktar minn 12-il metru, u dawn tejbu l-monitoraġġ, il-kontroll u l-affidabilità tad-dejta dwar il-qabdiet. Il-kapaċità tas-sajd fil-livell tal-UE naqset skont l-għanijiet stabbiliti, il-kwalità tad-dejta dwar il-qabdiet tjiebet meta mqabbla mar-reġim preċedenti u huwa rikonoxxut b’mod ġenerali li hemm iktar konformità mar-regoli tal-PKS, kemm mill-operaturi, kif ukoll mill-Istati Membri.

Filwaqt li ħafna elementi pożittivi rriżultaw fil-perjodu ta’ ħames snin eżaminat, l-analiżi enfasizzat ukoll kemm in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni, kif ukoll in-nuqqasijiet f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Kontroll, prinċipalment fir-rigward tas-sanzjonijiet u s-sistema ta’ punti, l-azzjonijiet ta’ segwitu ta’ każijiet ta’ ksur, l-iskambju u l-kondiviżjoni tad-dejta bejn l-Istati Membri, it-traċċabbiltà, il-kontroll tal-użin, u l-monitoraġġ u l-għodod tar-rappurtar tal-qabdiet tal-bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru.

3.Ir-riżultati tal-evalwazzjoni

L-evalwazzjoni tikkonferma r-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE tar-Regolament ta’ Kontroll, li qed juri li huwa strument validu li jwassal għal qafas konsistenti għall-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar biex tkun żgurata l-konformità mal-PKS. Huwa kkunsidrat ukoll bħala essenzjali biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi fost l-operaturi.

Ir-Regolament ta’ Kontroll issimplifika u rrazzjonalizza s-sistema ta’ kontroll preċedenti. Minkejja l-eżistenza ta’ strumenti oħra paralleli li fihom miżuri ta’ kontroll (eż. ir-Regolament dwar l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd 10 , il-Miżuri Tekniċi 11 u r-Regolament dwar il-Mediterran 12 ), fl-implimentazzjoni simultanja tagħhom ma ġew identifikati l-ebda kwistjonijiet partikolari. Ir-Regolament ta’ Kontroll huwa wkoll koerenti ma’ leġiżlazzjoni u atti oħra tas-sajd (eż. ir-Regolament dwar l-OKS u l-FEMS). Huwa ġab lill-UE konformi mal-obbligi internazzjonali tagħha fil-qasam tal-kontroll, b’mod partikolari ppermetta l-implimentazzjoni mhux diskriminatorja tar-Regolament IUU fir-rigward tal-pajjiżi terzi. Il-koerenza ma’ politiki oħra tal-UE, bħall-politika ambjentali, marittima, innovattiva (tkabbir blu), sanitarja, doganali u kummerċjali, lanqas mhi kkontestata. Madankollu, minkejja din il-konsistenza, hemm tħassib fost il-partijiet ikkonċernati dwar id-dispożizzjonijiet attwali għall-kontroll ta’ xi wħud mill-obbligi l-ġodda stabbiliti fil-Politika Komuni tas-Sajd (CFP), bħal pereżempju l-obbligu ta’ ħatt l-art. Barra minn hekk, in-nuqqasijiet relatati mat-traċċabbiltà jistgħu jfixklu l-implimentazzjoni effettiva tal-OKS. Barra minn hekk, l-istrumenti tar-Regolament ta’ Kontroll huma nieqsa mis-sinerġiji għal implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 13 u tal-Kooperazzjoni Ewropea fil-funzjoni tal-gwardja tal-kosta li għadha kif inħolqot.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-effikaċja u l-effiċjenza, l-implimentazzjoni tal-VMS, l-ERS u l-użu ta’ strateġiji ta’ kontroll ibbażati fuq ir-riskju wrew li huma għodda essenzjali biex jimmonitorjaw l-attivitajiet u biex tiżdied il-kwalità tad-dejta dwar il-qabdiet irrappurtata. Ġie wkoll rikonoxxut li l-użu ta’ sistemi elettroniċi ta’ informazzjoni dwar is-sajd u l-proċeduri ta’ kontroll standard naqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi, kif ukoll fuq l-awtoritajiet pubbliċi (jinsabu aktar dettalji fit-taqsima li jmiss “Is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-Piż Amministrattiv”). Madankollu, il-kumplessità ta’ xi regoli u tal-approċċ il-ġdid, meta mqabbla mar-reġim preċedenti wasslu għal dewmien fl-implimentazzjoni. Peress li d-dħul fis-seħħ ta’ serje ta’ dispożizzjonijiet kien ukoll mifrux fuq tliet snin mill-2010, il-benefiċċju f’ċerti oqsma qiegħed iseħħ biss issa u huwa biss wara medda twila ta’ żmien li l-vantaġġi se jkunu kompletament evidenti. Madankollu, ta’ min jinnota li jekk ikun hemm xi dewmien fl-implimentazzjoni minħabba ż-żmien meħtieġ għal żviluppi tekniċi (eż. sabiex jiġu implimentati teknoloġiji u sistemi tal-IT ġodda) jew minħabba t-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali, xi partijiet ikkonċernati jirreferu wkoll għal nuqqas ta’ rieda politika li tiġi żgurata implimentazzjoni f’waqtha, u l-Istati Membri sistematikament enfasizzaw in-nuqqas ta’ riżorsi umani.

In-nuqqas ta’ ċarezza ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet, dispożizzjonijiet li ma għadhomx rilevanti u implimentazzjoni diskrezzjonali fl-Istati Membri (eż. derogi, sanzjonijiet) ixekklu wkoll l-effikaċja u l-effiċjenza ta’ dan l-istrument legali.

Kundizzjonijiet ekwi

Il-partijiet ikkonċernati kollha ddikjaraw li sistema ta’ kontroll tas-sajd uniformi, armonizzata u globali fil-livell tal-UE għandha tkun prijorità tal-politika tas-sajd tal-Unjoni. L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi fost l-Istati Membri fil-qasam tal-kontroll, fost is-sajd, fost il-flotot tas-sajd tal-UE li jistadu kemm ġewwa kif ukoll barra l-ilmijiet tal-UE, u kemm fost il-flotot tas-sajd tal-UE u dawk mhux tal-UE li jistadu fl-ilmijiet tal-UE, huwa wieħed mill-pilastri għal funzjonament effettiv tal-PKS. Filwaqt li kien hemm ħafna suċċessi bis-saħħa tar-reġim il-ġdid ta’ kontroll, għad hemm lok għal titjib u huwa meħtieġ impenn ulterjuri mill-Istati Membri sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-Regolament għall-operaturi fil-livell tal-UE.

L-analiżi kkonfermat li l-iżvilupp ta’ standards tal-UE, ta’ approċċ armonizzat lejn attivitajiet ta’ kontroll u ta’ pjattaformi tal-IT komuni għall-iskambju tad-dejta huma għodod essenzjali għall-kisba ta’ bażi soda ta’ kundizzjonijiet ekwi. Ġie rikonoxxut li r-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) u tal-Kummissjoni Ewropea fl-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ approċċ armonizzat u koerenti, b’sistemi kompatibbli ta’ rappurtar, skambju ta’ dejta, u traċċabbiltà tal-prodotti tas-sajd f’dan ir-rigward huma fundamentali. 

It-traċċabilità tal-prodotti tas-sajd fl-Istati Membri hija kwistjoni ta’ tħassib. Minkejja li ġie osservat titjib sinifikanti fl-Istati Membri, u filwaqt li l-kontroll wara l-iżbark żied fl-affidabilità u l-kwalità tad-dejta, għad hemm kwistjonijiet dwar il-kontroll fl-ewwel bejgħ u matul it-trasport. Il-problemi prinċipali huma minħabba telf ta’ traċċabilità f’dawn iż-żewġ stadji tal-katina ta’ produzzjoni, fejn il-kunsinni jistgħu jitqiegħdu fis-suq mingħajr il-kontroll preliminari tal-oriġini tagħhom. L-awtoritajiet tal-kontroll huma tal-fehma li l-qafas attwali għall-kontroll tal-użin u tat-trasport qed jagħti lok għal rappurtar ħażin, filwaqt li d-dispożizzjonijiet dwar l-użin għandhom tendenza li jittrasferixxu l-kontroll mill-istat tal-bandiera għall-istat kostali. L-esperjenza wriet li t-trasport huwa l-mezz ideali għal rappurtar ħażin tad-dejta dwar il-qabdiet. Barra minn hekk, is-sistema ta’ traċċabilità bbażata fuq il-karta stipulata mir-Regolament ta’ Kontroll mhijiex ikkunsidrata bħala effettiva. Minħabba f’hekk, xi Stati Membri fuq bażi volontarja qed jiżviluppaw sistemi elettroniċi tat-traċċabilità, iżda l-approċċi differenti meħuda f’livell nazzjonali jfixklu l-iskambju tad-dejta, il-kontrolli ta’ verifika u l-validazzjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnutat li f’xi każijiet, id-diffikultajiet fl-iskambju tad-dejta huma attribwiti għal nuqqas ta’ rieda fl-iskambju tad-dejta, anke bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-EFCA.

Affermazzjonijiet ta’ kunfidenzjalità li tqajmu f’bosta każijiet, jistgħu jkunu wkoll ostaklu serju għall-implimentazzjoni ta’ politiki oħrajn relatati (eż. il-kooperazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta). Barra minn hekk għad hemm kwistjonijiet mhux riżolti dwar l-użu ta’ dejta xjentifika għal skopijiet ta’ kontroll u ta’ dejta ta’ kontroll għall-finijiet ta’ ġestjoni, li jeħtieġ li jiġu indirizzati għall-kisba tal-għanijiet tal-PKS. L-analiżi wriet biċ-ċar li xi wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Kontroll dwar id-dejta u l-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni m’humiex ċari biżżejjed.

Ir-regoli speċifiċi li japplikaw għall-bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru huma kkunsidrati li mhumiex għal kollox adattati: filwaqt li l-eżenzjonijiet u d-derogi huma perċepiti minn operaturi ta’ bastimenti akbar bħala nuqqas ta’ kontroll u li jxekklu l-kundizzjonijiet ekwi, ir-riġidità ta’ xi dispożizzjonijiet imposti huma perċepiti mis-sajjieda ż-żgħar bħala piż mhux ġustifikat, speċjalment għas-setturi li batew ħafna mill-kriżi ekonomika reċenti.

Il-kontroll tal-attivitajiet ta’ bastimenti ta’ inqas minn għaxar metri, li bħalissa huma eżentati milli jżommu ġurnal ta’ abbord, mhuwiex implimentat kif suppost mill-Istati Membri (eż. il-kontroll permezz ta’ kampjuni fil-ħin tal-iżbark). Fil-Baħar Mediterran, fejn aktar minn 80% tal-bastimenti huma żgħar, dan huwa suġġett li r-Regolament attwali ta’ Kontroll ma jindirizzax b’mod xieraq. Diffikultajiet simili jinsabu f’baċiri tal-baħar oħra, minkejja li huma inqas.

In-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ kontroll fir-rigward tas-sajd rikreattiv jitqies ukoll li jfixkel il-kundizzjonijiet ekwi, u ċ-ċittadini u l-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati rilevanti huma tal-fehma li dawn huma meħtieġa.

Bosta partijiet ikkonċernati esprimew it-tħassib tagħhom fir-rigward tal-kontroll tal-obbligu ta’ ħatt l-art. B’mod speċjali, l-operaturi huma mħassba dwar il-kundizzjonijiet ekwi u qed ifittxu l-limitazzjoni ta’ kwalunkwe piż addizzjonali. Għandu jiġi nnutat li filwaqt li t-test tar-Regolament ta’ Kontroll ġie allineat mal-PKS il-ġdida permezz tal-hekk imsejjaħ Regolament Omnibus 14 , huwa meqjus li d-dispożizzjonijiet għall-kontroll tal-obbligu ta’ ħatt l-art mhumiex adegwati u li l-kontroll ta’ obbligi ġodda (eż. il-kontroll tal-użu ta’ qabdiet ta’ speċijiet taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni u mhux għall-konsum dirett mill-bniedem) għandhom jiġu indirizzati b’mod aktar adegwat biex jiġu evitati l-konfużjoni u d-dubji kollha għal ħafna partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati.

L-evalwazzjoni wriet ukoll li r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, tal-EFCA u tal-Istati Membri għal ċerti kompiti mhumiex ċari u jwasslu għal duplikazzjoni ta’ attivitajiet simili.

L-operaturi industrijali u s-sajjieda esprimew tħassib dwar ir-riġidità ta’ xi dispożizzjonijiet tekniċi li nstab li kien diffiċli biex jiġu implimentati (eż. prattiki tal-użin, tolleranzi, trasport, notifika minn qabel, dati ta’ skadenza għat-trasmissjoni ta’ noti tal-bejgħ).

Kultura ta’ Konformità

Pedament importanti tal-Politika ta’ Kontroll huwa li issir sensibilizzazzjoni fost l-atturi kollha involuti fil-medda sħiħa ta’ attivitajiet tas-sajd (il-qabda, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni) dwar l-importanza tal-konformità mar-regoli tal-PKS. L-evalwazzjoni turi li l-qafas attwali kkontribwixxa għall-ħolqien ta’ kultura ta’ konformità fost l-operaturi u l-Istati Membri, li min-naħa tagħha wasslet għal iktar konformità mal-obbligi tal-PKS. Madankollu, huwa ċar ukoll li għad hemm ħtieġa li tissaħħaħ il-konformità mar-regoli tal-PKS permezz ta’ sistema ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll komprensiva u robusta, u biex l-industrija tiġi ssensibilizzata għall-importanza li jiġu rrispettati l-miżuri ta’ konservazzjoni.

Il-Programmi ta’ Kontroll u Spezzjoni Speċifiċi u l-Pjanijiet ta’ Użu Konġunt implimentati taħt il-koordinazzjoni tal-EFCA huma għodod effiċjenti, u nstab ukoll li humaeċċellenti biex jittejbu l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fost l-Istati Membri. L-attivitajiet ta’ skambju tal-informazzjoni u tat-taħriġ imwettqa mill-EFCA swew tajjeb ħafna biex jiġu spjegati r-regoli applikabbli l-ġodda u biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost l-operaturi dwar kwistjonijiet relatati mal-konservazzjoni.

L-evalwazzjoni turi li kultura ta’ konformità tiddependi ħafna fuq l-applikazzjoni ġusta u uniformi tar-regoli ta’ kontroll fis-sajd kollu u fl-Istati Membri kollha, inklużi l-bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jistadu fl-ilmijiet tal-UE, u tiddependi wkoll fuq azzjoni ta’ segwitu stretta u konsistenti tal-ksur osservat. L-implimentazzjoni effettiva tas-sistema ta’ sanzjonijiet, inkluża s-sistema ta’ punti għal ksur serju, hija pilastru magħruf biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tas-sajjieda. Madankollu, filwaqt li r-Regolament ta’ Kontroll jipprevedi dak li huwa meqjus bħala qafas legali adegwat b’konformità mat-Trattat, is-sistemi nazzjonali u l-applikazzjoni tagħhom ivarjaw b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. Is-sistema ta’ punti attwali għal ksur serju mhijiex applikata mill-Istati Membri bl-istess kriterji 15 . Il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri hija assolutament meħtieġa biex ikun hemm trattament ġust tas-sajjieda, li mbagħad jippermetti li tinkiseb il-fiduċja tagħhom u r-rispett tar-regoli. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet xierqa f’każ ta’ ksur, b’mod konsistenti u simili hija essenzjali biex jiġu żgurati l-effetti deterrenti tagħhom, minbarra li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-obbligi internazzjonali tal-UE.

Strumenti tal-Kummissjoni li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd mill-Istati Membri

L-istrumenti l-ġodda stabbiliti mir-Regolament ta’ Kontroll biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-PKS mill-Istati Membri, b’mod ġenerali ntlaqgħu tajjeb mill-partijiet ikkonċernati. Iż-żieda fis-setgħat tal-Kummissjoni Ewropea fil-verifika tal-attivitajiet ta’ kontroll tal-Istati Membri, it-twettieq tal-eżerċizzji ta’ awditjar u t-twettieq tal-ispezzjonijiet awtonomi żiedu wkoll l-attitudni ta’ konformità tal-Istati Membri mar-regoli tal-PKS.

Il-pjanijiet ta’ azzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati biex jiġu indirizzati nuqqasijiet sistemiċi fis-sistemi ta’ kontroll tagħhom urew li huma għodod ta’ kooperazzjoni effettivi.

Is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-Piż Amministrattiv:

Ir-Regolament ta’ Kontroll issimplifika u rrazzjonalizza s-sistema ta’ kontroll preċedenti, issimplifika l-komunikazzjoni fost l-atturi u naqqas il-piż amministrattiv.

Madankollu, ir-Regolament ta’ Kontroll għadu kumpless, u għadd ta’ dispożizzjonijiet jeħtieġu kjarifika legali. Barra minn hekk, peress li xi obbligi jistgħu jiġu interpretati u applikati b’modi differenti ħafna mill-Istati Membri differenti, il-Kummissjoni tintalab ta’ spiss biex tipprovdi gwida biex jiġu evitati ħafna interpretazzjonijiet differenti.

L-użu ta’ teknoloġiji moderni u l-iżvilupp ta’ sistemi elettroniċi ta’ informazzjoni dwar is-sajd u l-kondiviżjoni tad-dejta kienu mistennija li jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq terminu twil. Dan xorta ma seħħx għal kollox peress li l-iżvilupp ta’ dawk is-sistemi ħa ż-żmien u f’xi każijiet il-pjattaformi elettroniċi għadhom qed jiġu żviluppati. Madankollu, meta mqabbel mas-sistema ta’ kontroll preċedenti, ġie stmat tnaqqis nett ta’ 28% tal-piż amministrattiv għall-operaturi. Huwa rikonoxxut li l-maġġoranza tal-benefiċċji u tnaqqis fl-ispejjeż inkisbu u se jibqgħu jinkisbu mill-awtoritajiet pubbliċi, għalkemm l-informazzjoni disponibbli ma ppermettietx il-kwantifikazzjoni tagħhom 16 .

L-analiżi turi li r-Regolament ta’ Kontroll għandu potenzjal li jkompli jnaqqas iżjed il-piż amministrattiv, pereżempju billi jiġi promoss l-użu ta’ għodod tal-IT.

4.Konklużjonijiet

Ir-Regolament ta’ Kontroll huwa essenzjali biex jiġi żgurat ir-rispett tar-regoli tal-PKS. Dan l-istrument legali huwa meqjus bħala wieħed mill-għodod ewlenin biex jinkisbu l-objettivi tal-PKS, u biex jiġi żgurat li miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni jiġu nfurzati. Il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tiegħu jittrattaw kwistjonijiet li fil-passat wasslu għal wisq sajd eċċessiv u konformità dgħajfa.

L-Istati Membri ġeneralment implimentaw id-dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament ta’ Kontroll u ma hemmx dubju li wara sitt snin dan il-qafas legali huwa aċċettat sew mill-partijiet ikkonċernati rilevanti. Iżda minħabba l-kumplessità tar-regoli u ż-żmien meħtieġ għall-adattament, f’xi każijiet l-implimentazzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet għadha ma saritx.

L-evalwazzjoni kkonfermat li filwaqt li ma hemmx dubju li r-Regolament ta’ Kontroll ikkontribwixxa biex titjieb is-sistema ta’ kontroll tas-sajd u biex tiżdied il-konformità mal-PKS, il-qafas leġiżlattiv attwali mhuwiex għal kollox adattat għall-iskop tagħha. Hemm sejħa qawwija mill-partijiet ikkonċernati biex tiġi adattata aħjar is-sistema ta’ kontroll tal-PKS il-ġdida. Din is-sejħa b’mod partikolari qiegħda tindirizza l-obbligu tal-ħatt l-art, li jiżdiedu s-sinerġiji ma’ politiki oħrajn, b’mod partikolari politiki dwar l-ambjent u s-suq.

Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ċarezza ta’ ċerti dispożizzjonijiet kien wieħed mill-fatturi li xi kultant wassal għal approċċi ta’ implimentazzjoni differenti fil-livell tal-Istati Membri, li jxekklu l-kundizzjonijiet ekwi fost l-operaturi u għaldaqstant naqset il-fiduċja tagħhom fis-sistema. Barra minn hekk, in-natura obsoleta ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet, in-nuqqas ta’ flessibbiltà, kif ukoll xi kultant l-implimentazzjoni mhux effettiva mill-Istati Membri, ifixklu l-effikaċja u l-effiċjenza tar-reġim legali attwali. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet u s-sistema ta’ punti, l-azzjoni ta’ segwitu ta’ każijiet ta’ ksur, l-iskambju u l-kondiviżjoni tad-dejta, it-traċċabbiltà, l-għodod ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar tal-qabdiet għal bastimenti taħt it-tnax-il metru, jeħtieġu attenzjoni partikolari.

5.It-triq ’il quddiem

Il-kontribuzzjonijiet għal dan ir-rapport mingħand l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati l-oħra jenfasizzaw għadd ta’ sfidi ewlenin li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġu jindirizzaw sabiex tiġi żgurata sistema ta’ miżuri ta’ kontroll tas-sajd, ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni li tkun koerenti, effettiva u effiċjenti, u biex ikun żgurat ir-rispett tar-regoli tal-PKS. Dawn jinkludu wkoll titjib fil-prestazzjoni ġenerali tar-Regolament ta’ Kontroll, bl-għan li jiġi żgurat sajd sostenibbli filwaqt li fl-istess ħin jitjiebu s-sinerġiji ma’ politiki oħrajn.

Il-Kummissjoni se tippreżenta r-riżultat tal-evalwazzjoni lill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti għad-diskussjoni ta’ soluzzjonijiet effettivi.

(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, ĠU L 354, 28.12.2013, p.22.
(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006, ĠU L 343, 22.12.2009, p.1
(3)  Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): is-sitwazzjoni Attwali u l-Perspettivi “Tabella ta’ valutazzjoni REFIT”, SWD (2015) 110 final.
(4)  Il-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar (Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni), SWD (2015) 111
(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, ĠU L 286, 29.10.2008, p.1.
(6)  Ir-Regolament(UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, ĠU L 149, 20.05.2014, p.1.
(7)  Ir-Regolament (UE) 1379/2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, ĠU L 354, 28.12.2013, p.1.
(8)

 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-flotot tas-sajd esterni, li tħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008, SWD/2015/636 final - 2015/0289 (COD).

(9)  Ir-Regolament(UE) 2016/1626 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd ĠU L 251, 16.9.2016, p. 80.
(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.
(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar, ĠU L 125, 27.04.1998, p.1.
(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran, ĠU L 409, 30.12.2006, p.11.
(13)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina),ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.
(14)  Ir-Regolament (UE) 2015/812 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2187/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 2347/2002 u (KE) Nru 1224/2009, u r-Regolamenti (UE) Nru 1379/2013 u (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rigward l-obbligu tal-ħatt u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1434/98, ĠU L 133, 29.05.2015, p.1.
(15)

 L-Istati Membri għandhom japplikaw sistema ta’ punti għal ksur serju kif imsemmi fl-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, li abbażi tagħha d-detentur ta’ liċenzja tas-sajd ikun assenjat in-numru ta’ punti adattati bħala riżultat ta’ ksur tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Il-gravità tal-ksur inkwistjoni tiġi deċiża mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, u għandhom jitqiesu kriterji bħalma huma n-natura tal-ħsara, il-valur tagħha, is-sitwazzjoni ekonomika tal-awtur tal-ksur u l-livell tal-ksur jew ir-ripetizzjoni tiegħu.

(16) Għandu jiġi nnutat li filwaqt li llum il-ġurnata l-piż amministrattiv jirreferi kemm għall-operaturi, kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi, fil-ħin tal-valutazzjoni tal-impatti, fl-2008, ġie vvalutat biss il-piż amministrattiv għall-operaturi. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ linja bażi, ma kienx possibbli li jiġi kkwantifikat it-tnaqqis nett tal-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti.