IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.4.2017
COM(2017) 183 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fil-punent tal-Mediterran
{SWD(2017) 130 final}
1. Introduzzjoni
L-ekonomija marittima tar-reġjun tal-punent tal-Mediterran għandha potenzjal enormi għall-iżvilupp fis-setturi relatati kollha. Ir-reġjun għandu 200 port u terminal u kważi 40 % tal-merkanzija kollha (skont il-valur) tgħaddi mill-Mediterran.
Ir-reġjun tal-punent tal-Mediterran jattira l-akbar għadd ta’ turisti fil-baċir tal-Mediterran, parzjalment minħabba l-arti u l-ġid kulturali tiegħu. Huwa hotspot ta’ bijodiversità, b’481 żona marittima protetta, inklużi siti ta’ Natura 2000. Ir-reġjun huwa post rikk għas-sajd, u jirrappreżenta ’l fuq minn 30 % tal-valur totali tal-qabdiet fl-ewwel bejgħ fil-Mediterran u jipprovdi aktar minn 36 000 impjieg dirett fuq bastimenti tas-sajd.
Minkejja dawn il-vantaġġii ewlenin, ir-reġjun jiffaċċja għadd ta’ sfidi li jżidu mal-istabbiltà ġeopolitika ġenerali tiegħu: kriżi ekonomika u finanzjarja fit-tul b’qgħad għoli fost iż-żgħażagħ f’diversi pajjiżi, urbanizzazzjoni kostali dejjem tikber, l-isfruttament eċċessiv ta’ stokkijiet ta’ ħut, it-tniġġis tal-baħar u l-aħħar iżda mhux l-inqas il-kriżi tar-refuġjati.
It-tibdil fil-klima jaffettwa ferm lir-reġjun, u ż-żieda fil-livell tal-baħar hija theddida serja għall-ekosistemi u għall-ekonomiji kostali. Fatturi oħra bħat-tkabbir u t-tixjiħ tal-popolazzjoni, il-migrazzjoni u globalizzazzjoni approfondita wkoll ser jamplifikaw dawn il-pressjonijiet.
Għalhekk hemm ħtieġa ċara għal inizjattiva konġunta sabiex l-UE u l-pajjiżi ġirien ikunu jistgħu jaħdmu flimkien b’mod transkonfinali sabiex:
tiżdied is-sikurezza u s-sigurtà;
jiġu promossi t-tkabbir blu u l-impjiegi; kif ukoll
jiġu ppreservati l-ekosistemi u l-bijodiversità fil-punent tal-Mediterran.
Dwar il-kwistjoni ta’ governanza marittima, ħidma konġunta ser tippermetti wkoll lill-pajjiżi li jikkoordinaw l-azzjonijiet, jużaw l-għodod b’mod aktar effettiv u jimmassimizzaw l-użu ta’ strumenti ta’ finanzjament u finanzjarji, bil-possibbiltà ta’ ingranaġġ ta’ aktar investiment privat milli waħedhom, inkluż billi tiġi sfruttata l-Pjattaforma ta’ Investiment tal-Viċinat tal-UE li għadha kemm tnediet.
Konsegwentement, fl-2015 id-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Unjoni għall-Mediterran dwar l-Ekonomija Blu stiednet lill-pajjiżi parteċipanti biex jesploraw il-valur miżjud u l-fattibilità ta’ strateġiji marittimi xierqa fil-livell sottoreġjonali, u biex jibnu fuq l-esperjenza tad-Djalogu 5+5. F’Ottubru 2016, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Alġerija, Franza, l-Italja, il-Libja, Malta, il-Mawritanja, il-Marokk, il-Portugall, Spanja u t-Tuneżija ħeġġu l-ħidma ulterjuri fuq inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu, flimkien mas-Segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran.
Din l-Inizjattiva hija riżultat ta’ dik it-talba u tinkludi din il-Komunikazzjoni u l-Qafas ta' Azzjoni ta’ akkumpanjament. It-tnejn ġew abbozzati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi kkonċernati u mas-Segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran. Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-isfidi ewlenin, in-nuqqasijiet li jridu jiġu indirizzati kif ukoll soluzzjonijiet possibbli. Il-Qafas ta' Azzjoni jippreżenta l-prijoritajiet proposti u l-valur miżjud tagħhom, l-azzjonijiet u l-proġetti fid-dettall, b’miri kwantitattivi u skadenzi għall-monitoraġġ tal-progress maż-żmien.
L-Inizjattiva hija bbażata fuq l-esperjenza twila tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ strateġiji dwar il-baċir tal-baħar u dawk makroreġjonali (bħall-Istrateġija Atlantika, l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku). Hija bbażata wkoll fuq aktar minn żewġ deċennji ta’ ħidma fi ħdan id-Djalogu 5+5, li ħoloq rabtiet b’saħħithom bejn il-pajjiżi parteċipanti. Tibni wkoll fuq politiki oħra tal-UE marbuta mar-reġjun, bħall-prijoritajiet tar-Reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Komunikazzjoni riċenti dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani. L-Inizjattiva tibbenefika minn:
-id-djalogu reġjonali li qed iseħħ dwar il-Politika Marittima u l-Ekonomija Blu taħt l-umbrella tal-Unjoni għall-Mediterran;
-il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tas-sajd, li riċentement ġiet imsaħħa bil-proċess ta’ Katanja li tnieda fl-2016, u l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura, it-tnejn fi ħdan il-qafas tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran; kif ukoll
-il-kooperazzjoni fi ħdan il-konvenzjoni ta’ Barċellona għall-ħarsien tal-ambjent marittimu u tar-reġjuni kostali tal-Mediterran u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU u l-isforzi li saru fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Mediterranja għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Għalkemm l-Inizjattiva tiffoka fuq ir-reġjun tal-punent tal-Mediterran u l-10 pajjiżi msemmija hawn fuq, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ azzjoni tagħha — u l-benefiċċji potenzjali — jistgħu faċilment jestendu lil hinn minn dan is-sottobaċir. Għalhekk, skont il-ħtiġijiet li jridu jiġu indirizzati, l-azzjonijiet jistgħu jinvolvu msieħba fil-Mediterran ċentrali u fil-grigal tal-Atlantiku u ser jibqgħu miftuħin għal imsieħba oħra.
Minħabba li tikkonċerna kemm l-UE u l-pajjiżi msieħba, l-ewwel ser ikollha tiġi approvata politikament fl-UE u mbagħad fl-Unjoni għall-Mediterran u permezz ta' dan jingħaqdu flimkien l-10 pajjiżi kollha kkonċernati.
2. Sfidi u distakki
Konsultazzjonijiet estensivi bejn il-partijiet interessati u l-awtoritajiet nazzjonali indikaw serje ta’ sfidi u distakki li jistgħu jiġu miġbura fil-qosor fi tliet oqsma ewlenin kif ġej:
2.1 Sikurezza u sigurtà
Bħala medja, fil-punent tal-Mediterran iseħħu madwar 60 aċċident marbut mat-trasport marittimu fis-sena, li 15 minnhom jinvolvu tankers li jittrasportaw iż-żejt jew sustanzi kimiċi. Matul l-aħħar għaxar snin kważi nofs l-aċċidenti li wasslu għal tixrid sinifikanti (100 tunnellata jew aktar) seħħew fil-Baħar Mediterran tal-Punent. Ir-reġjun xorta qiegħed f’pożizzjoni aħjar meta mqabbel ma’ sottobaċiri oħra, iżda żviluppi ekonomiċi ġodda jistgħu jesponuh għal aktar riskji, speċjalment f’żoni b’konġestjoni tat-traffiku marittimu (bħall-Istrett ta’ Ġibiltà, l-Istrett ta’ Bonifacio jew l-Istrett ta’ Sqallija), u fil-portijiet u fit-terminals. L-irdoppjar tal-Kanal ta’ Suez jista' jkompli jaggrava l-konġestjoni tat-traffiku. Il-konċentrazzjoni ta’ bastimenti żżid ir-riskju ta’ kolliżjonijiet, tniġġis ambjentali u dak akustiku kif ukoll ta’ aċċidenti.
Dan ir-reġjun huwa wkoll partikolarment sensittiv mil-lat ta’ sigurtà. Bejn l-2013-2015, il-medja ta’ migranti illegali li qasmu l-ilmijiet tiegħu laħħqu l-11 000 fix-xahar, li joħloq tħassib dejjem akbar kemm għall-ħajjiet umani kif ukoll għall-attivitajiet ekonomiċi. It-tendenzi demografiċi attwali kif ukoll it-tibdil fil-klima huma mistennija li jintensifikaw il-kompetizzjoni attwali għar-riżorsi u jżidu mal-istabbiltà ġeopolitika tar-reġjun.
L-iżgurar tas-sikurezza u tas-sigurtà tal-attivitajiet marittimi huwa essenzjali għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli tas-setturi tal-ekonomija blu u għall-prosperità u għall-istabbiltà tar-reġjun. L-isforzi biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji u t-theddid jinkludu:
-il-Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Trasport Reġjonali għar-Reġjun tal-Mediterran
u l-proġetti tal-EMSA/SAFEMED;
-l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha;
-l-Istrateġija Marittima Integrata tal-Afrika tal-2050 u d-Dikjarazzjoni ta’ Lomé dwar is-Sigurtà Marittima;
-il-pakkett tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta
u proġett pilota relatat li tnieda fl-2016 biex titjieb il-kooperazzjoni operattiva fil-funzjonijiet tal-Gwardja tal-Kosta bejn tliet aġenziji tal-UE (FRONTEX, EFCA u EMSA) fil-punent tal-Mediterran;
Minn mindu l-kriżi tar-refuġjati u tal-migrazzjoni saret prijorità fl-2015, ġew żviluppati diversi attivitajiet li jiffokaw fuq il-migrazzjoni skont l-Aġenda Ewropea għall-Migrazzjoni. Is-Seahorse Mediterranean Network, il-Forum għall-Funzjonijiet tal-Gwardja tal-Kosta tal-Mediterran u Ewropej għenu wkoll biex titjieb il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi involuti.
Madankollu, l-inizjattivi u l-proġetti għadhom relattivament mifruxa madwar ir-reġjun, u l-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi, id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-ipproċessar u l-fehim tad-data għadhom differenti u frammentati bejn iż-żewġt ixtut. Għalhekk jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi msieħba tan-nofsinhar sabiex jiġu indirizzati dawk id-distakki billi jiġu ffaċilitati l-interoperabilità u l-iskambju tad-data, il-bini tal-kapaċità u t-titjib tar-rispons f’ħin reali għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
2.2 Rati għoljin ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ kontra forza tax-xogħol marittima li qed tixjieħ
Fir-reġjun tal-punent tal-Mediterran hemm paradoss fl-impjiegi, fis-sens li r-rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ huma estremament għoljin — bejn l-14 % u t-58 % — iżda n-negozji marittimi kemm f’setturi emerġenti u kif ukoll dawk tradizzjonali ma jistgħux isibu l-ħiliet u l-profili meħtieġa. Dan l-ispariġġ bejn id-domanda u l-provvista jinħoloq l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ djalogu u ta’ kooperazzjoni bejn l-industrija u l-livelli differenti ta’ edukazzjoni.
Hemm ukoll sfida doppja marbuta mar-R&Ż. Min-naħa waħda, attivitajiet bħat-turiżmu, it-trasport u s-sajd li tradizzjonalment huma fuq quddiem nett tal-ekonomija blu jeħtieġu aktar innovazzjoni u diversifikazzjoni sabiex jibqgħu sostenibbli, kompetittivi u profitabbli maż-żmien u sabiex jipprovdu impjiegi kwalifikati. Min-naħa l-oħra, diversi attivitajiet u ktajjen tal-valur emerġenti (bħall-bijoteknoloġija blu, enerġiji rinnovabbli tal-baħar, għixien u riżorsi minerali) jeħtieġu appoġġ iddedikat sabiex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, jiksbu massa kritika suffiċjenti u jattiraw R&Ż u investimenti imfassla apposta.
Attwalment fil-punent tal-Mediterran qed jiġu promossi għadd ta’ inizjattivi u oqfsa strateġiċi biex tingħata spinta lill-attività ekonomika, lir-riċerka u lill-innovazzjoni. Dawn jinkludu:
-l-Istrateġija tal-UE għal Tkabbir Blu u l-Politika Marittima
-l-istrateġija tal-UE għal aktar tkabbir u impjiegi fit-turiżmu marittimu u kostali;
-l-inizjattiva BLUEMED;
-Tkabbir Blu tal-FAO.
Dawn l-inizjattivi jimmiraw jew l-UE jew il-pajjiżi tal-Viċinat, iżda mhux lit-tnejn. Inizjattivi implimentati permezz ta’ sejħiet tal-UE mhux dejjem jirriflettu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-benefiċjarji fil-punent tal-Mediterran, u normalment l-appoġġ għall-attivitajiet trasversali fost il-partijiet interessati tan-nofsinhar u tat-tramuntana huwa limitat. Hemm bżonn ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati l-asimmetriji f’termini tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tagħhom, l-allinjament tal-istrumenti ta’ finanzjament, il-ġenerazzjoni tal-massa kritika għal attivitajiet ekonomiċi li attwalment mhumiex attraenti għall-investituri privati, l-indirizzar tal-ispariġġ attwali bejn il-provvista u d-domanda għal ħiliet blu, tiżdied il-kapaċità tal-partijiet interessati għal sħubiji bejn iż-żewġ xtut tar-reġjun u fl-aħħar mill-aħħar tingħata spinta lill-investimenti u l-ħolqien ta’ impjiegi fir-reġjun.
Inizjattivi oħra jkopru ż-żewġ xtut tar-reġjun bħall-Pjan ta’ Azzjoni għal Konsum u Produzzjoni Sostenibbli u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Trasport Reġjonali għar-reġjun tal-Mediterran. Joffru opportunità u jistgħu jibbenefikaw minn sinerġiji u kooperazzjoni akbar bejn il-partijiet interessati u involviment akbar mis-settur privat fl-implimentazzjoni tagħhom fil-livell tal-Mediterran tal-punent.
2.3 Interessi diverġenti u konfliġġenti fuq il-baħar
Ir-reġjun tal-punent tal-Mediterran għandu l-akbar bijodiversità u l-ogħla għadd ta’ speċijiet endemiċi fil-baċir kollu. Madankollu, b’mod simili għall-bqija tal-baċir tal-baħar, diversi stokkijiet ta’ ħut tiegħu ġew soġġetti għal sajd eċċessiv fit-tul. Żoni protetti tal-baħar magħżula nazzjonalment u s-siti ta’ Natura 2000 ikopru madwar 3.5 % tal-ilmijiet tiegħu, li għadu xi ftit ’il bogħod mill-mira ta’ żona ta’ konservazzjoni tal-kosta u tal-baħar ta’ 10 %.
Ir-reġjun jiġġenera 48 % tal-valur miżjud gross u 45 % tal-impjiegi għall-Mediterran kollu grazzi għas-setturi marittimi ewlenin tat-turiżmu, tal-akkwakultura, tas-sajd u tat-trasport. Huwa hotspot ta’ pressjonijiet ekonomiċi, demografiċi u ambjentali fejn wieħed isib 7 mit-13-il żona tal-Mediterran fejn attività ekonomika densa tinteraġixxi b’mod qawwi ma’ kwistjonijiet ta’ konservazzjoni.
Attivitajiet ekonomiċi marittimi potenzjalment kompetituri fl-istess ilmijiet jistgħu jiskoraġġixxu jew jimpedixxu l-investimenti. Dawn l-attivitajiet jistgħu jżidu wkoll il-ġenerazzjoni tal-iskart u l-konsum tal-enerġija u tal-ilma, jaggravaw l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi u oħrajn u finalment iwasslu għal aktar tniġġis u deterjorament serju tal-ekosistemi marittimi u kostali.
Din hija r-raġuni għaliex fir-reġjun saru sforzi sabiex tiġi implimentata firxa wiesgħa ta’ inizjattivi u ftehimiet bħal fost oħrajn l-Ippjanar Spazjali Marittimu tal-UE u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, l-Inizjattiva għat-Tkabbir Blu mill-FAO, il-Pjan ta’ Azzjoni/UNEP għall-Mediterran – il-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali tagħha għall-Iskart tal-Baħar u l-Protokoll dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali. L-istrateġija riċenti ta’ nofs it-terminu tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (2017-2020) lejn is-sostenibbiltà tas-sajd fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed u MEDFISH 4EVER joffru wkoll bażi tajba biex jiġi indirizzat l-isfruttament eċċessiv attwali tal-istokkijiet ta’ ħut.
Filwaqt li hemm rieda politika ġenwina biex jiġu riżolti l-isfidi ambjentali u tas-sajd, ir-reġjun għad ma għandux sensibilizzazzjoni, tixrid u tfassil ta’ politika transsettorjali bbażata fuq l-evidenza xierqa. Għad fadal ħafna nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u fl-infurzar, b’mod partikolari fuq livell nazzjonali u dak lokali.
Barra minn hekk, testijiet tal-istress fuq id-data marina jindikaw distakki serji fl-għarfien dwar in-natura ġeoloġika u ekoloġika tal-ilmijiet tan-nofsinhar u tnaqqis fl-investiment pubbliku fi programmi ta’ monitoraġġ fit-tramuntana. Distakki fit-tagħrif dwar il-qabdiet u l-isforz ta’ industriji żgħar tas-sajd joħolqu sfida partikolari fir-rigward tal-appoġġ għas-settur tas-sajd.
3. Ir-rispons: azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi u eliminati l-lakuni
Qafas kontinwu ta' Azzjoni (ara d-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ta’ akkumpanjament) jidentifika d-distakki li jridu jiġu eliminati u l-valur miżjud potenzjali tal-prijoritajiet u tal-azzjonijiet proposti. L-Inizjattiva ser tiġi ffinanzjata minn fondi u minn strumenti finanzjarji internazzjonali, tal-UE, nazzjonali u reġjonali eżistenti, li ser ikunu koordinati u komplementari. Dan għandu joħloq ingranaġġ u jattira finanzjament minn investituri pubbliċi u privati oħra. Is-sorsi ta' finanzjament potenzjali huma indikattivi u suġġetti u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta' valutazzjoni u għall-kriterji tal-fondi, tal-programmi u tal-proġetti ikkonċernati.
Permezz tat-trawwim tal-koordinazzjoni u tal-kooperazzjoni bejn l-10 pajjiżi din l-Inizjattiva għandha l-għan li:
żżid is-sikurezza u s-sigurtà
tippromwovi t-tkabbir blu u l-impjiegi; kif ukoll
tippreserva l-ekosistemi u l-bijodiversità fir-reġjun tal-punent tal-Mediterran.
Wara konsultazzjonijiet estensivi mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-partijiet interessati, l-Inizjattiva ser tiffoka fuq tliet għanijiet ewlenin li jindirizzaw dawn it-tliet sfidi ewlenin.
3.1 L-ewwel għan — Spazju marittimu aktar sikur
L-iżgurar tas-sikurezza u tas-sigurtà tal-attivitajiet fuq il-baħar huwa essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija marittima, għaż-żamma u għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-governanza xierqa tal-baħar u tal-kosti.
Prijoritajiet:
1.1
Il-kooperazzjoni bejn il-gwardji tal-kosta
Attwalment hemm diversi inizjattivi li qegħdin jiżviluppaw is-sigurtà u s-sikurezza marittima, iżda l-assi jitqassmu f’livelli differenti jew minn imsieħba differenti fir-reġjun tal-punent tal-Mediterran. Sar progress biex jiġi ffaċilitat l-iskambju volontarju tad-data, iżda l-kooperazzjoni bejn il-gwardji tal-kosta bejn iż-żewġt ixtut għadha limitata u għad hemm bżonn li jitjieb ir-rispons f’ħin reali għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fuq il-baħar.
Azzjonijiet:
Tiżdied il-kooperazzjoni bejn il-gwardji tal-kosta bejn iż-żewġt ixtut tar-reġjun tal-punent tal-Mediterran permezz ta’ azzjonijiet bħal netwerks fost iċ-ċentri ta’ taħriġ, taħriġ konġunt u skambju ta’ persunal.
Jingħata appoġġ għall-bini tal-kapaċità f’oqsma bħas-sajd illegali mhux irrapportat u mhux irregolat, is-servizz tat-traffiku tal-bastimenti, it-tiftix u s-salvataġġ marittimu, il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u traffikar illeċitu ieħor fuq il-baħar (inkluż permezz tal-iżvilupp ulterjuri tas-Seahorse Mediterranean Network).
Sorsi ta’ finanzjament potenzjali: il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI)
1.2
Is-sigurtà marittima u r-rispons għat-tniġġis marittimu
Hemm bżonn li tiġi ottimizzata l-kondiviżjoni tad-data marittima bejn iż-żewġt ixtut tar-reġjun tal-punent tal-Mediterran sabiex titjieb is-sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni, jiġi żgurat li l-finanzjament nazzjonali jintuża b’mod effettiv u titjieb il-kooperazzjoni dwar operazzjonijiet transkonfinali. Xi pajjiżi msieħba jaqsmu d-data ambjentali permezz ta’ EMSA/SAFEMED, filwaqt li l-konġestjonijiet jostakolaw l-aċċess tagħhom għal SafeSeaNet.
Azzjonijiet:
Tiġi mħeġġa l-kondiviżjoni tad-data dwar it-traffiku marittimu permezz ta’ appoġġ lill-pajjiżi tan-nofsinhar sabiex itejbu l-infrastruttura tagħhom (Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika/Sistema ta’ Informazzjoni u ta’ Monitoraġġ tat-Traffiku tal-Bastimenti) u jingħataw għajnuna sabiex jaċċessaw pjattaformi eżistenti (SafeSeaNet u s-Sistema Komuni ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni f’każ ta’ Emerġenza ta’ Tniġġis Marittimu).
Tissaħħaħ il-kapaċità (l-ippjanar, it-tħejjija u l-għodod) għal rispons u ħidma kontra t-tniġġis marittimu minn aċċidenti.
Sorsi ta’ finanzjament potenzjali: l-ENI, l-FEŻR, l-Orizzont 2020 tal-UE, il-Fondi Nazzjonali
Miri għall-ewwel għan
Kopertura sħiħa tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika sal-2018 bil-għan li tiġi kondiviża aktar data dwar il-monitoraġġ tat-traffiku marittimu fuq livell reġjonali;
Tisħiħ tas-sorveljanza fil-fruntieri permezz tal-involviment tal-pajjiżi tal-viċinat fis-Seahorse Mediterranean Network sal-2018.
3.2 It-tieni għan — Ekonomija blu intelliġenti u reżiljenti
L-innovazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien huma essenzjali biex jiġi indirizzat it-tibdil ġenerazzjonali fis-suq tax-xogħol u sabiex ir-reġjun isir aktar sostenibbli, kompetittiv u reżiljenti għal kriżijiet u xokkijiet ċikliċi. Dan l-għan jibni fuq inizjattivi eżistenti bħall-BLUEMED u l-Aġenda Strateġika tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tagħha, u jħeġġeġ l-involviment ulterjuri min-naħa tal-pajjiżi msieħba.
Prijoritajiet:
2.1
Ir-riċerka strateġika u l-innovazzjoni
Azzjonijiet:
Il-promozzjoni ta’ industriji u servizzi innovattivi b’bażi bijoloġika, inklużi l-ingredjenti tal-ikel, il-farmaċewtiċi, il-kożmetiċi, is-sustanzi kimiċi, il-materjali u l-enerġija.
L-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda għall-osservazzjoni u għall-monitoraġġ tal-oċeani, inklużi r-riżorsi bijoloġiċi tal-ilma fond u ta’ qiegħ il-baħar u riżorsi oħrajn.
L-iżvilupp ta’ kunċetti u protokolli ġodda minn kumpaniji privati u minn operaturi marittimi sabiex jiġi massimizzat l-użu tal-infrastruttura, bastimenti u pjattaformi għal skopijiet xjentifiċi, ambjentali, ta’ sikurezza u sigurtà.
L-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet imfassla apposta u teknoloġiji ġodda sabiex jiġu sfruttati l-enerġiji rinnovabbli tal-baħar u għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima.
L-iżvilupp tal-bini ta’ kapaċità għat-trasferiment tat-teknoloġija u tal-għarfien.
L-imsieħba u l-partijiet interessati mill-kosta tan-nofsinhar tal-punent tal-Mediterran ser jiġu mistiedna biex jissieħbu fl-Inizjattiva BLUEMED għall-ħolqien ta’ ekonomiji ta’ skala u t-trawwim ta’ sħubiji bejn ir-riċerka u l-industrija bejn iż-żewġt ixtut.
Sorsi ta’ finanzjament potenzjali: l-Orizzont 2020 tal-UE, il-Fondi nazzjonali, l-EMFF, l-EŻR, l-ENI, il-LIFE, il-Fond Ekoloġiku għall-Klima
2.2
L-iżvilupp ta’ raggruppamenti marittimi
Azzjonijiet:
Jingħata appoġġ għall-iżvilupp ta’ intrapriżi medji, żgħar u mikro fl-ekonomija blu (permezz ta’ raggruppamenti marittimi nazzjonali, inkubaturi tan-negozju, boosters, servizzi ta’ investituri informali u mezzi finanzjarji mfassla apposta).
It-trawwim ta’ netwerk effikaċi ta’ raggruppamenti marittimi madwar ir-reġjun.
It-twaqqif ta’ raggruppamenti reġjonali dwar l-enerġija rinnovabbli, il-benessri u t-tixjiħ attiv, ibbażati fuq riżorsi u teknoloġiji marini u marittimi.
Raggruppamenti marittimi jikkontribwixxu b’mod ċar għall-ħolqien ta’ innovazzjoni, impjiegi u tkabbir. Għandhom rwol ewlieni fil-ġenerazzjoni tal-massa kritika għal attivitajiet ekonomiċi li attwalment mhumiex attraenti għall-investituri privati
Sorsi ta’ finanzjament potenzjali: l-EMFF, il-COSME, l-ENI, l-FEŻR, il-fondi nazzjonali, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD)
2.3
L-iżvilupp u ċ-ċirkolazzjoni tal-ħiliet
L-istituzzjonijiet tat-taħriġ u tal-edukazzjoni marittimi identifikaw għadd ta’ modi possibbli biex jiġi indirizzat l-ispariġġ attwali bejn il-provvista u d-domanda ta’ ħiliet marittimi u sabiex tiżdied il-kooperazzjoni.
Azzjonijiet:
It-trawwim tal-iżvilupp ta’ ħiliet marittimi innovattivi permezz ta’ firxa ta’ azzjonijiet strateġiċi għat-tqabbil tad-domanda mal-provvista.
Il-promozzjoni ta’ netwerking u skambji bejn istituzzjonijiet marittimi, tal-port u tal-loġistika u l-akkademji.
It-trawwim ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-professjonijiet marittimi u l-attraenza tagħhom għaż-żagħżagħ.
It-tqabbil tal-provvista u d-domanda għal impjiegi f’servizzi multimodali tat-trasport tal-merkanzija, fil-katini tal-provvista u fl-infrastruttura.
L-armonizzazzjoni ta’ ħiliet u funzjonijiet eżistenti għall-ġestjoni ta’ kwistjonijiet ta’ migrazzjoni fir-reġjun u l-promozzjoni ta’ migrazzjoni ċirkolari aktar effettiva.
Sorsi ta’ finanzjament potenzjali: l-EMFF, l-Inizjattiva tat-Tkabbir Blu — il-FAO, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), l-ENI, l-ERASMUS+, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), il-fondi nazzjonali.
2.4
Il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli (trasport marittimu, portijiet, turiżmu marittimu u kostali, akkwakultura marina)
Azzjonijiet:
L-implimentazzjoni ta’ mudelli u prattiki sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni; appoġġ għall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija nadifa għad-desalinizzazzjoni tal-ilma baħar; il-promozzjoni ta’ effiċjenza enerġetika u tal-adattament għat-tibdil fil-klima fl-ibliet kostali.
Il-promozzjoni ta’ tbaħħir ambjentali u infrastrutturi tal-portijiet għal fjuwils alternattivi; l-ottimizzazzjoni ta’ infrastrutturi, interfaċċji u proċeduri/operazzjonijiet tal-portijiet; l-iżvilupp ulterjuri tan-Netwerk Trans-Ewropew għat-Trasport u l-awtostradi tal-baħar u tal-konnessjonijiet tal-portijiet relatati.
L-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda għat-turisti bbażati fuq temi fosthom:
-itinerarji naturali, kulturali u storiċi, turiżmu nawtiku u tal-kruċieri, marini sostenibbli, turiżmu tas-sajd u sajd rikreattiv;
-il-bini ta’ sikek artifiċjali u ekoloġiċi;
-il-ħolqien ta’ rabta bejn siti ta’ attrazzjoni fuq il-baħar u fuq l-art (l-ikel, il-kultura, l-isport, eċċ.).
L-iżvilupp ta’ standards tekniċi komuni għall-akwakultura marina sostenibbli fost il-pajjiżi, id-diversifikazzjoni tas-settur u l-bini ta’ kapaċità.
Attivitajiet marittimi u dawk ibbażati fuq l-art, flimkien mal-urbanizzazzjoni progressiva tal-kosta, jeżerċitaw pressjoni fuq l-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta tas-sottobaċir u jistgħu jaffettwaw is-sostenibbiltà fit-tul tas-setturi bħall-akkwakultura marina u t-turiżmu marittimu u kostali. Din il-prijorità ser tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli fir-reġjun u bidla lejn mobilità aktar intelliġenti u aktar ekoloġika, turiżmu sostenibbli u prattiki sostenibbli tal-akkwakultura.
Sorsi ta’ finanzjament: l-EMFF, il-COSME, is-CEF, il-LIFE, l-ENI, l-FEŻR, l-Orizzont 2020 tal-UE, il-fondi nazzjonali, l-Inizjattiva tat-Tkabbir Blu — il-FAO, id-Direttorju Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment, l-EFSI, l-EFSD
Miri għall-għan 2
-Il-pajjiżi tal-punent tal-Mediterran jiġu inklużi fl-Inizjattiva BLUEMED u fl-Aġenda Strateġika tar-Riċerka tagħha sal-2017;
-żieda ta’ 25 % fil-portijiet u fil-marini li huma ċċertifikati bħala ekoloġiċi sal-2022;
-żieda ta’ 20 % fil-valur tal-produzzjoni tal-akkwakultura sostenibbli sal-2022;
-żieda ta’ 20 % f’wasliet tat-turisti barra l-istaġun sal-2022.
3.3 It-tielet għan — Il-governanza aħjar tal-baħar
Il-kisba ta’ ekosistemi kostali u marini b’saħħithom filwaqt li jiġi promoss l-iżvilupp soċjoekonomiku teħtieġ qafas istituzzjonali, legali u tekniku solidu li jista’ jibbilanċja l-kompetizzjoni fid-domanda għal riżorsi naturali u spazji limitati.
Prijoritajiet:
3.1 L-ippjanar spazjali u l-ġestjoni kostali
Azzjonijiet:
Titjieb il-ġestjoni taż-żoni marittimi u kostali minn atturi lokali u tiġi żgurata implimentazzjoni adegwata u kkoordinata tad-Direttiva ISM u tal-Protokoll ĠIŻM, inkluż approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi.
Jitjieb l-għarfien dwar l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar u jiġu żviluppati soluzzjonijiet tal-inġinerija ekoloġiċi għall-istatus ambjentali tajjeb tal-ibħra u tal-kosti.
L-iżvilupp ta’ għodod biex jintgħażlu siti xierqa għal installazzjonijiet offshore u sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti enerġetiċi u ambjentali tar-reġjun.
Ser isiru sforzi sabiex ikun hemm konsistenza fl-implimentazzjoni tal-Ippjanar Spazjali Marittimu (ISM) u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u l-Protokoll dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żona tal-Kosta fil-Mediterran (Protokoll ĠIŻM).
Sorsi ta’ finanzjament potenzjali: l-EMFF, l-FEŻR, l-ENI, l-Orizzont 2020 tal-UE, il-fondi nazzjonali
3.2 L-għarfien dwar il-baħar u marittimu
It-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza jeħtieġ data dwar il-baħar u data marittima armonizzata u aġġornata dwar oqsma bħall-investimenti, il-valur miżjud gross, l-impjiegi, il-produzzjoni u r-rimi ta’ skart, il-batimetrija, il-kwalità tal-ilma u l-monitoraġġ ambjentali. Ħafna drabi d-data neċessarja jew ma tkunx disponibbli jew tkun disponibbli biss għal ċerti pajjiżi.
Azzjonijiet:
Il-promozzjoni tal-ġbir, taż-żamma u tal-ħżin tad-data, permezz tal-istrumenti, tal-bażi ta’ data u tal-proġetti eżistenti (b’mod partikolari n-Netwerk Ewropew ta’ Osservazzjoni u Data Marittima - l-EMODNET, iċ-Ċentru ta’ Għarfien Virtwali li huwa ġestit mis-Segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran u l-proġetti ta’ Orizzont 2020) u l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku u tematiku tagħhom madwar ir-reġjun.
Iż-żamma u l-aġġornar ta’ informazzjoni dwar fenomeni marbuta mal-erożjoni u r-riskji kostali; l-armonizzazzjoni u l-espansjoni tas-sistemi ta’ monitoraġġ tal-kosta fuq l-iskala tas-sottobaċir, u l-iżvilupp ta’ għodod komuni sabiex jiġu vvalutati l-impatti tal-attivitajiet tal-bniedem.
L-iżvilupp ta’ vetturi awtonomi mingħajr ekwipaġġ u infrastruttura relatata taħt il-baħar.
Il-bini ta’ kapaċità dwar affarijiet marittimi.
Sorsi ta’ finanzjament potenzjali: l-EMFF, l-ENI, l-FEŻR, il-LIFE, l-Orizzont 2020 tal-UE, il-fondi nazzjonali, il-Fond Ekoloġiku għall-Klima
3.3 Il-konservazzjoni tal-bijodiversità u tal-ħabitats marini
Azzjonijiet:
Issir valutazzjoni tal-pressjonijiet fuq l-atmosfera-art-baħar u r-riskji kemm għall-ekosistemi u kif ukoll għas-saħħa tal-bniedem.
Tingħata għajnuna għall-istabbiliment u għall-ġestjoni ta’ żoni protetti tal-baħar, għat-tnaqqis tal-iskart tal-baħar, għall-immaniġġjar tal-ilma tas-saborra u għall-monitoraġġ tat-tniġġis akustiku.
Tissaħħaħ il-kapaċità lokali biex jiġu identifikati speċi aljeni invażivi u r-rotot ta’ invażjoni u l-istruttura u l-funzjonament ta’ ekosistemi tal-baħar.
Jingħata appoġġ għal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-ambjent u l-bijodiversità tal-baħar u għal volontarjat ambjentali madwar ir-reġjun.
Il-bijodiversità tar-reġjun hija mhedda bit-tniġġis, bl-ewtrofikazzjoni, bil-qerda tal-ħabitats marittimi u kostali, bit-tfixkil tar-rotot migratorji tal-annimali selvaġġi, bit-tibdil fid-dinamika kostali, bl-iskart fil-baħar u bl-istorbju. Il-pajjiżi ser jiġu appoġġati fl-isforzi tagħhom biex jonoraw l-impenji internazzjonali miftiehma bħall-Konvenzjoni ta’ Barċellona, inkluż il-Pjan Reġjonali dwar l-Iskart fil-Baħar fil-Mediterran u l-Konvenzjoni dwar il-Bijodiversità.
Sorsi ta’ finanzjament potenzjali: il-LIFE, l-FEŻR, l-ENI, l-EMFF, l-Orizzont 2020 tal-UE, il-Fondi Nazzjonali
3.4 L-iżvilupp ta’ sajd u ta’ komunità kostali sostenibbli
Attwalment l-azzjonijiet bejn iż-żewġt ixtut huma frammentati, u għalhekk ser titkompla l-ħidma fuq il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali akbar permezz tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ nofs it-terminu tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (2017-2020) lejn is-sostenibbiltà tas-sajd fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. Dan għandu jiżgura wkoll li l-politika komuni tas-sajd tiġi implimentata b’mod aktar konsistenti fil-livell tas-sottobaċir.
Azzjonijiet:
It-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli ta’ industriji tas-sajd fuq skala żgħira u ta’ komunitajiet kostali billi tiżdied il-kapaċità tar-reġjun għall-immaniġġjar tal-istokkijiet tal-ħut permezz ta’ pjanijiet pluriennali tas-sajd, miżuri tekniċi, l-għeluq ta’ żoni u miżuri speċifiċi oħra ta’ konservazzjoni.
L-għoti ta' spinta lill-kapaċità tar-reġjun sabiex jiġu żgurati l-ġbir kif suppost tad-data, l-valutazzjonijiet xjentifiċi regolari u qafas legali xieraq għall-kontroll u għall-ispezzjonijiet.
L-istabbiliment ta’ gruppi tekniċi lokali sabiex jiġu analizzati opportunitajiet u theddid speċifiċi u jiġu definiti miżuri u tekniki konġunti ta’ intervent.
It-tixrid tal-aħjar prattiki għat-tqegħid ta’ prodotti tas-sajd fis-suq, jiżdied il-valur miżjud tagħhom u jiġu diversifikati l-attivitajiet ekonomiċi fil-komunitajiet kostali (anke permezz ta’ approċċi minn isfel għal fuq bħall-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità).
Sorsi ta’ finanzjament potenzjali: l-EMFF, l-ENI, l-Inizjattiva tat-Tkabbir Blu — il-FAO, il-GFCM.
Miri għat-tielet għan
-100 % tal-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali u 100 % tal-kosti għandhom ikunu koperti mill-Ippjanar Spazjali Marittimu u mill-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali u mill-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni tagħhom sal-2021;
-Talanqas 10 % taż-żoni kostali u tal-baħar iridu jkunu koperti minn żoni protetti tal-baħar u miżuri oħra effettivi ta’ konservazzjoni bbażati fuq żoni speċifiċi sal-2020;
-Tnaqqis ta’ 20 % tal-iskart fil-baħar li jiġi mormi fuq ix-xtajtiet sal-2024;
-Il-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran għandhom jiġu inklużi f’EMODNET sal-2020;
-L-Istati kollha għandu jkollhom qafas legali u kapaċitajiet tekniċi u umani adegwati sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom għall-kontroll u għall-ispezzjoni tas-sajd bħala Stati tal-bandiera, kotali u tal-port sal-2020;
-100 % tal-istokkijiet Mediterranji ewlenin
iridu jkunu soġġetti għal ġbir adegwat ta’ data, li tiġi vvalutata xjentifikament fuq bażi regolari u ġestita permezz ta’ pjan pluriennali tas-sajd sal-2020.
4. Governanza u implimentazzjoni
4.1 Koordinazzjoni
Il-koordinazzjoni politika ser tiġi pprovduta permezz tal-mekkaniżmi u tal-proċessi eżistenti tal-Unjoni għall-Mediterran, inkluż permezz ta’ laqgħat tal-uffiċjali għoljin u dawk ministerjali. Il-koordinazzjoni operazzjonali ser tiġi żgurata permezz ta’ Task Force tal-WestMED marbut mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Unjoni għall-Mediterran dwar l-Ekonomija Blu u ser jinkludi punti fokali nazzjonali mill-ministeri rilevanti, mill-Kummissjoni Ewropea u mis-Segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran. Ir-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet reġjonali eżistenti tal-Mediterran jistgħu jiġu mistiedna wkoll biex jissieħbu fit-Task Force.
4.2. Implimentazzjoni u rapportar
Sabiex l-Inizjattiva taħdem, għandhom jiġu ssodisfati għadd ta’ kundizzjonijiet ewlenin:
-approvazzjoni ministerjali sabiex jiġi rikonoxxut li l-Inizjattiva tmur lil hinn mill-politiki, mill-ministeri u mil-livelli tal-gvern. Il-pajjiżi għandhom jistabbilixxu l-prijoritajiet, jerfgħu ir-responsabbiltà, jallinjaw il-politiki u l-fondi fil-livell tal-pajjiż u jipprovdu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u lil dawk li jimplimentaw il-politiki b’setgħat u riżorsi xierqa fil-livelli amministrattivi kollha;
-il-Kummissjoni għandha tiżgura approċċ strateġiku fil-livell tal-UE, fosthom koordinazzjoni ma’ inizjattivi eżistenti relatati mal-UE;
-il-gvernijiet għandhom jimmonitorjaw, jirrapportaw lit-Task Force u jivvalutaw il-progress nazzjonali u jipprovdu gwida għall-implimentazzjoni;
-il-koordinazzjoni mal-ħidma tal-organizzazzjonijiet reġjonali eżistenti għandha tiġi żgurata permezz tas-Segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran;
-sej jkunu involuti l-partijiet interessati ewlenin: l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, inklużi l-awtoritajiet maniġerjali, l-atturi ekonomiċi u soċjali, iċ-ċittadini, l-akkademiċi u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Anke l-avvenimenti pubbliċi ser jippromwovu dan l-involviment (pereżempju forums annwali, avvenimenti minn negozju għal negozju u avvenimenti ta’ preżentazzjonijiet għall-investituri/finanzjament personalizzat speed-funding));
-mekkaniżmu ddedikat ta’ għajnuna għandu jipprovdi appoġġ bil-quddiem lill-pajjiżi u lit-Task Force; l-appoġġ għandu jinkludi wkoll l-involviment u sħubiji bejn il-partijiet interessati u l-ġbir ta’ kwalunkwe data meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti l-linji bażi, isir monitoraġġ u rapportar dwar il-progress.
5. Rabtiet ma’ politiki tal-UE
Minflok ma toħloq leġiżlazzjoni ġdida, l-għan ta’ din l-Inizjattiva huwa li jintlaħqu l-miri tal-Unjoni (il-prijoritajiet fir-rigward ta' ‘Impjiegi, Tkabbir u Investiment’, ‘Unjoni tal-Enerġija u tibdil fil-klima’, ‘Migrazzjoni’ u ‘Attur globali aktar b’saħħtu’) billi ssaħħaħ il-politiki rilevanti għar-reġjun u trawwem konformità mad-dritt tal-UE.
L-enfasi hija fuq koordinazzjoni aħjar bejn l-istrumenti ta’ finanzjament u fuq approċċ verament integrat li jorbot flimkien linji politiċi differenti u jgħaqqad sew il-politiki u l-inizjattivi tal-UE bħall-politika marittima, il-politika komuni tas-sajd, il-politika ta’ koeżjoni, il-politiki dwar l-ambjent, il-baħar u l-kosta, l-istrateġija globali għall-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE, il-pakkett dwar il-fruntieri u l-gwardji tal-kosta, l-istrateġiji dwar it-Tkabbir Blu, is-Sigurtà Marittima, MEDFISH 4EVER, il-bijodiversità, l-adattament għat-tibdil fil-klima, is-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, il-programmi qafas dwar ir-R&Ż u l-Komunikazzjonijiet dwar ‘Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran’ u dwar ‘Il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani’.
6. Rabtiet usa’
Hemm bżonn ta’ koordinazzjoni ma’ programmi u inizjattivi madwar il-Mediterran kollu u mal-Pjan ta’ Azzjoni kontigwi dwar l-Atlantiku u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku, kif ukoll mal-Inizjattivi BLUEMED u PRIMA. Il-programm INTERACT jista' jipprovdi assistenza f’dan ir-rigward fi ħdan il-limiti tal-kompetenza tiegħu.
L-Inizjattiva għandha wkoll tkun konsistenti ma’ leġiżlazzjoni eżistenti. Jeħtieġ li jkun hemm sinerġiji mal-proċess tal-Unjoni għall-Mediterran, mad-Djalogu 5+5, mal-Pjan ta’ Azzjoni għat-Trasport Reġjonali għar-Reġjun tal-Mediterran, man-Netwerk tat-Trasport Trans-Mediterranju, u ma’ oqfsa oħra bħal dawk provduti mill-Konvenzjoni ta’ Barċellona u mill-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran.
Permezz tal-esibizzjoni ta’ ideat sostenibbli u l-ħolqien ta’ impjiegi u tkabbir, il-proġetti appoġġjati mill-Inizjattiva jistgħu jinfirxu għal partijiet oħra tal-Mediterran, biex b’hekk jagħmlu l-Inizjattiva portal għal tkabbir sostenibbli fil-baċir.
7. Konklużjoni
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex japprovaw din il-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jipprovdu Opinjonijiet dwar din l-Inizjattiva.
Il-Kummissjoni ser tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-Inizjattiva lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sal-2022 abbażi tar-rapporti li jaslu mill-pajjiżi.