IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.3.2017
COM(2017) 156 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar is-Sistema ta’ Twissija Bikrija Nru 1-3/2017
għan-nefqa tal-FAEG
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.3.2017
COM(2017) 156 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar is-Sistema ta’ Twissija Bikrija Nru 1-3/2017
għan-nefqa tal-FAEG
WERREJ
1. Il-proċedura baġitarja tal-FAEG tal-2017............................…..3
2. Id-dħul assenjat għall-FAEG................................................................................3
3. Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2017…...............4
4. L-implimentazzjoni tad-dħul assenjat għall-FAEG......................................................6
5. Konklużjonijiet.......................................................................................................7
Anness 1: |
L-infiq proviżorju tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG sal-31ta’ Jannar 2017 |
1.Il-proċedura baġitarja tal-FAEG GĦALL-2017
Il-baġit tal-FAEG għall-2017 ġie adottat mill-Parlament Ewropew fl-1 ta’ Diċembru 2016. Għall-approprjazzjonijiet tal-impenn u għall-approprjazzjonijiet tal-pagamenti tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (l-FAEG), il-baġit kien jinkludi EUR 42 613 miljun u EUR 42 563 miljun rispettivament għall-pagamenti diretti u għan-nefqa marbuta mas-suq.
Hemm differenza bejn l-approprjazzjonijiet tal-impenn u l-approprjazzjonijiet tal-pagamenti minħabba l-fatt li, għal ċerti miżuri li huma implimentati direttament mill-Kummissjoni, jintużaw approprjazzjonijiet differenzjati. Dawn għandhom x’jaqsmu l-aktar ma’ miżuri ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli u ma’ miżuri ta’ strateġija politika u ta’ koordinazzjoni.
2.Id-dħul assenjat għall-FAEG
Għall-2017, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, id-dħul li ġej mill-korrezzjonijiet finanzjarji skont id-deċiżjonijiet tal-kontabilità u tal-approvazzjoni tal-konformità, u mill-irregolaritajiet, huwa mmarkat bħala dħul assenjat għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG. Ta’ min jinnota li s-sena baġitarja tal-2016 kienet l-aħħar sena li fiha nġabar id-dħul mill-imposta fuq il-ħalib, minħabba li l-kwoti tal-ħalib skadew fil-31 ta’ Marzu 2015.
Skont dawn id-dispożizzjonijiet, id-dħul assenjat jista’ jintuża biex ikopri l-finanzjament ta’ kwalunkwe nefqa tal-FAEG. F’każ li xi parti minn dan id-dħul ma tintużax matul is-sena baġitarja, din il-parti tiġi riportata awtomatikament għas-sena baġitarja li jmiss 1 .
Il-baġit tal-FAEG tal-2017 jinkludi:
l-aħħar stimi tal-Kummissjoni tal-bżonnijiet ta’ finanzjament għall-miżuri tas-suq u għall-pagamenti diretti,
l-istimi tad-dħul assenjat li għandu jinġabar tul is-sena baġitarja,
u r-riport tal-bilanċ tad-dħul assenjat li fadal mis-sena baġitarja ta’ qabel.
Fil-proposta tagħha għall-ammonti tal-approprazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG għall-2017, il-Kummissjoni qieset id-dħul assenjat totali mistenni, u għall-baġit tal-2017 talbet livell ta’ approprjazzjonijiet ikkalkulat permezz li jitnaqqas id-dħul assenjat stmat mill-istima tal-bżonnijiet. L-Awtorità tal-Baġit adottat il-baġit tal-FAEG filwaqt li qieset id-dħul assenjat mistenni.
Meta ġie stabbilit il-baġit għall-2017, l-istimi tal-Kummissjoni għad-dħul assenjat disponibbli kienu jammontaw għal EUR 2 732 miljun, magħmulin minn:
id-dħul assenjat li kien mistenni jiġi ġġenerat tul is-sena baġitarja tal-2017, stmat li se jkun ta’ EUR 1 430 miljun (EUR 1 278 miljun mill-korrezzjonijiet tal-approvazzjonijiet tal-konformità u EUR 152 miljun mill-irregolaritajiet);
id-dħul assenjat li kellu jiġi riportat mill-2016 għall-2017, stmat li kien se jkun ta’ EUR 1 302 miljun.
Il-Kummissjoni allokat dan id-dħul stmat ta’ EUR 2 732 miljun għall-iskemi li ġejjin:
EUR 400 miljun għall-fondi operazzjonali għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix, u
EUR 2 332 miljun għall-iskema ta’ pagament bażiku.
It-total tal-approprjazzjonijiet ivvutati u tad-dħul assenjat għal dawn l-iskemi huwa ta’:
EUR 855 miljun għall-fondi operazzjonali għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix, u
EUR 17 628 miljun għall-iskema ta’ pagament bażiku.
Fl-Anness, li jippreżenta l-eżekuzzjoni proviżorja tal-baġit għall-2017 għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2017, iċ-ċifri tal-approprjazzjonijiet tal-baġit fil-livell tal-artikolu għall-frott u l-ħaxix u għall-pagamenti diretti diżakkoppjati ma jqisux id-dħul assenjat imsemmi hawn fuq. Huma jippreżentaw approprjazzjonijiet ivvutati għal dawn l-artikoli li jammontaw għal EUR 661,5 miljun u EUR 33 191,8 miljun rispettivament.
Wara li jiġi inkluż id-dħul assenjat għal dawn l-artikoli, l-ammonti totali previsti fil-baġit tal-2017 jammontaw għal EUR 1 061,5 miljun għall-frott u l-ħaxix u għal EUR 35 523,8 miljun għall-pagamenti diretti diżakkoppjati.
3.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2017
L-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit għall-perjodu ta’ bejn is-16 ta’ Ottubru 2016 u l-31 ta’ Jannar 2017 hija ppreżentata fl-Anness. Dan il-livell ta’ implimentazzjoni ġie mqabbel mal-profil tan-nefqa tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija li ġiet stabbilita skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Hawn taħt qed jingħata kummentarju qasir dwar ċerti artikoli tal-baġit li juru d-differenzi l-aktar sinifikanti bejn il-livell tal-implimentazzjoni reali u dak mistenni għall-baġit tal-2017.
3.1.Miżuri tas-suq
L-użu tal-appropjrjazzjonijiet għall-interventi fis-swieq agrikoli kien ta’ EUR 35,9 miljun inqas minn dak mistenni. Madankollu, meta wieħed iqis id-dħul assenjat ta’ EUR 400 miljun li ġie allokat għall-miżuri tas-suq u japplika l-profil stmat tan-nefqa, dan in-nuqqas ta’ nfiq ikun ta’ EUR 113 miljun. Din id-diverġenza hija l-effett nett tax-xejriet tal-eżekuzzjoni primarjament fis-setturi tal-frott u l-ħaxix, tal-inbid, tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib u tal-laħam tal-majjal.
3.1.1.Il-frott u l-ħaxix (+ EUR 40,9 miljun meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet ivvutati)
Rigward l-approprjazzjonijiet ivvutati, il-livell ta’ implimentazzjoni ta’ hawn fuq mhuwiex indikattiv, minħabba n-nefqa għall-fondi operazzjonali għall-iskema tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u għal miżuri oħra fis-settur tal-frott u l-ħaxix, li hija ffinanzjata kemm mill-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit kif ukoll mid-dħul assenjat għal din l-iskema (NB: Għal aktar dettalji ara l-punt 2 ta’ hawn fuq).
Nota ta’ qiegħ il-paġna (*) fit-tabella tal-eżekuzzjoni proviżorja fl-Anness tqabbel il-konsum u l-profil tal-konsum mar-riżorsi finanzjarji totali disponibbli. Hija turi li l-eżekuzzjoni tan-nefqa hija EUR 36,5 miljun inqas mill-profil.
Dan huwa l-effett ta’ użu anqas mgħaġġel tal-iskemi kollha ffinanzjati b’dan l-artikolu. Primarjament, ir-rata tal-użu tal-approprjazzjonijiet baġitarji għall-miżuri ta’ kriżi ma tistax tiġi stmata b’mod affidabbli, u x’aktarx se tkun differenti minn profil ta’ konsum medju ta’ tliet snin, li huwa l-bażi tal-indikatur għall-biċċa l-kbira tal-iskemi ffinanzjati skont dan l-artikolu. F’dan l-istadju, din is-sitwazzjoni titqies li hija temporanja u l-eżekuzzjoni ta’ dan l-artikolu qed tiġi mmonitorjata mill-qrib mis-servizzi tal-Kummissjoni.
3.1.2.Il-prodotti tas-settur tal-vitikultura (- EUR 31,6 miljun)
Dan in-nuqqas ta’ nfiq huwa dovut għal ritmu inqas mgħaġġel tal-pagamenti li jagħmlu l-Istati Membri meta mqabbel mal-profil tan-nefqa stabbilit għall-programmi nazzjonali tal-inbid. F’dan l-istadju, din is-sitwazzjoni titqies li hija temporanja.
3.1.3.Il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (- EUR 45,9 miljun)
Ir-raġuni ewlenija għal-livell ta’ implimentazzjoni f’dan l-artikolu hija l-eżekuzzjoni tal-għajnuna tal-aġġustament eċċezzjonali għas-setturi tat-trobbija tal-bhejjem 2 . L-ammont ta’ approprjazzjonijiet ta’ EUR 350 miljun għal din l-iskema ta’ għajnuna ddaħħal fil-baġit taħt il-partita 05 02 12 99 – Miżuri oħra (il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib). Madankollu, peress li l-Istati Membri jistgħu jallokaw l-għajnuna lill-produtturi fis-setturi kollha tat-trobbija tal-bhejjem, l-użu tal-approprjazzjonijiet f’dan l-artikolu se jkun inqas u se jsiru t-trasferimenti meħtieġa biex tiġi koperta n-nefqa ddikjarata fl-artikoli l-oħra (05 02 13, 05 02 14 u 05 02 15).
Rigward l-użu tal-iskema, il-profil tal-konsum jistma li n-nefqa se tkun mifruxa b’mod ugwali matul il-perjodu ta’ eliġibbiltà sat-30 ta’ Settembru 2017. Fil-qosor, l-implimentazzjoni nieqsa attwali titqies li hija temporanja u l-eżekuzzjoni ta’ dan l-artikolu qed tiġi mmonitorjata mill-qrib mis-servizzi tal-Kummissjoni.
3.1.4.Il-laħam tal-majjal, il-bajd u l-pollam, il-prodotti mit-trobbija tan-naħal u prodotti oħrajn mill-annimali (+ EUR 10,1 miljun)
Dan il-konsum żejjed meta mqabbel mal-profil huwa primarjament riżultat tal-għajnuna tal-aġġustament eċċezzjonali msemmija fil-punt 3.1.3 ta’ hawn fuq, fejn in-nefqa fuq l-għajnuna korrispondenti fis-settur tal-laħam tal-majjal hija ddikjarata f’dan l-artikolu, filwaqt li l-ammont sħiħ tal-approprjazzjonijiet ibbaġittjati jiddaħħal fl-artikolu 05 02 12 - Il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. B’riżultat ta’ dan, tidher sopraeżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ivvutati għal dan l-artikolu li hija koperta minn trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet mill-artikolu tal-baġit 05 02 12.
3.2.Pagamenti diretti
L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-pagamenti diretti meta mqabbel mal-profil tal-konsum kien inqas b’EUR 2 283,4 miljun. Meta jitqies id-dħul assenjat allokat għal dan il-kapitolu, jiġifieri EUR 2 332 miljun, dan isir sottoeżekuzzjoni ta’ madwar EUR 4 biljun. Ta’ min wieħed jinnota li l-konsum ta’ EUR 27 biljun sal-31 ta’ Jannar 2017 huwa realment titjib kbir meta mqabbel mal-konsum ta’ EUR 20 biljun li kien hemm sal-istess żmien fis-sena ta’ qabel, li kienet l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ pagamenti diretti miftiehma fir-riforma tal-PAK tal-2013.
Għal għadd ta’ skemi, l-eżekuzzjoni tal-pagamenti diretti tjiebet b’mod ċar meta mqabbla mas-sitwazzjoni tal-istess żmien fis-sena baġitarja tal-2016. Barra minn hekk, diversi Stati Membri ħadu l-opportunità li jħallsu l-avvanzi mis-16 ta’ Ottubru 2016, u f’ċerti każijiet użaw ukoll id-deroga mogħtija biex iħallsu avvanzi ta’ aktar minn 50 %.
3.2.1.Il-pagamenti diretti diżakkoppjati (- EUR 2 111,1 miljun meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet ivvutati)
Rigward l-approprjazzjonijiet ivvutati, il-livell ta’ implimentazzjoni ta’ hawn fuq mhuwiex indikattiv għalkollox minħabba n-nefqa għall-Iskema ta’ Pagament Bażiku, li hija ffinanzjata kemm mill-approprjazzjonijiet ivvutati kif ukoll mid-dħul assenjat għal din l-iskema (NB: Għal aktar dettalji ara l-punt 2 ta’ hawn fuq).
Nota ta’ qiegħ il-paġna (*) fit-tabella tal-eżekuzzjoni proviżorja fl-Anness tqabbel il-konsum u l-profil tal-konsum mar-riżorsi finanzjarji totali disponibbli. Hija turi li l-eżekuzzjoni tan-nefqa hija EUR 4 063,3 miljun inqas mill-profil. Din hija notevolment aħjar minn dik tas-sena baġitarja ta’ qabel (meta kien hemm differenza ta’ EUR 14 839 miljun).
Kull xahar il-Kummissjoni tistudja l-livelli tal-eżekuzzjoni u t-tbassir tal-infiq tal-Istati Membri. F’dan l-istadju, id-diverġenza titqies li hija waħda temporanja, u huwa mistenni li, sal-aħħar tas-sena baġitarja, il-pagamenti diretti diżakkoppjati se jiġu implimentati kif previst.
3.2.2.Pagamenti diretti oħra (- EUR 172,2 miljun)
Dan l-użu mnaqqas tal-approprjazzjonijiet ivvutati relattivament limitat, meta mqabbel mal-profil tal-konsum, jirrifletti evoluzzjoni pożittiva meta jitqabbel ma’ tas-sena li għaddiet. Dan l-użu mnaqqas jitqies li huwa wieħed temporanju, u huwa mistenni li, sal-aħħar tas-sena baġitarja, se jiġu implimentati pagamenti diretti oħrajn kif previst.
3.3.L-awditjar tan-nefqa agrikola (+ EUR 27,2 miljun)
Għall-kapitolu 05 07 tal-baġit, il-konsum żejjed meta mqabbel mal-profil huwa b’mod ewlieni minħabba l-pagamenti li ngħataw qabel il-profil medju tas-snin preċedenti. Dawn il-pagamenti fil-biċċa l-kbira tagħhom jikkonċernaw korrezzjonijiet finanzjarji favur l-Istati Membri wara li saru deċiżjonijiet dwar l-approvazzjoni tal-konformità tal-kontijiet tas-snin ta’ qabel.
4.L-implimentazzjoni tad-dħul assenjat lill-FAEG
It-tabella fl-Anness turi li sal-31 ta’ Jannar 2015 kien inġabar dħul assenjat li jammonta għal EUR 206,8 miljun. B’mod speċifiku:
id-dħul mill-korrezzjonijiet ibbażat fuq deċiżjonijiet tal-kontabilità u tal-approvazzjoni tal-konformità kien jammonta għal EUR 161,4 miljun b’ammonti addizzjonali li għadhom mistennija sa tmiem is-sena baġitarja;
id-dħul mill-irregolaritajiet kien jammonta għal EUR 43,6 miljun b’xi ammonti addizzjonali wkoll mistennija sa tmiem is-sena baġitarja; u
xi dħul residwu mill-imposta fuq il-ħalib li kien jammonta għal EUR 1,7 miljun.
Fl-aħħar nett, l-ammont tad-dħul assenjat li eventwalment ġie riportat mill-2016 għall-2017 kien jammonta għal EUR 1 304 miljun.
Għalhekk, l-ammont totali tad-dħul assenjat disponibbli fil-31 ta’ Jannar 2017 għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG kien ta’ EUR 1 510,8 miljun, b’ammonti addizzjonali mistennija jinġabru matul is-sena baġitarja.
5.Konklużjonijiet
L-eżekuzzjoni proviżorja tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG għall-2017 għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2017 turi li r-rimborżi ta’ kull xahar lill-Istati Membri huma EUR 2 296,5 miljun inqas mill-profil ikkalkulat tal-konsum.
Diġà hemm disponibbli dħul assenjat ta’ EUR 1 510,8 miljun, u huwa mistenni li jinġabru ammonti addizzjonali matul is-sena baġitarja.
F’dan l-istadju, il-Kummissjoni tistenna li l-użu tal-approprjazzjonijiet għan-nefqa marbuta mas-suq u għall-pagamenti diretti għandu jaċċellera fix-xhur li ġejjin, speċjalment għal ċerti Stati Membri, u li l-pagamenti diretti kollha se jiġu implimentati kif kien mistenni oriġinarjament meta ġie stabbilit il-baġit tal-2017. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ammont tad-dħul assenjat li se jkun disponibbli sa tmiem is-sena se jkun biżżejjed biex ikopri l-finanzjament kemm tal-fondi operazzjonali għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix kif ukoll tal-iskema ta’ pagament bażiku.
Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, id-dħul assenjat intern għandu jiġi riportat għal sena waħda biss. Għalhekk, fl-interess ta’ ġestjoni soda tal-baġit, dan id-dħul assenjat ġeneralment jintuża l-ewwel qabel kull approprjazzjoni vvutata tal-artikolu tal-baġit ikkonċernat.
Is-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, kif ukoll is-setturi taċ-ċanga u l-vitella, tal-laħam tal-majjal u tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.3.2017
COM(2017) 156 final
ANNESS
tar-
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar is-Sistema ta’ Twissija Bikrija Nru 1-3/2017
għan-nefqa tal-FAEG