IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.4.2017
COM(2017) 149 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
L-Implementazzjoni tat-tielet Programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa fl-2014
{SWD(2017) 119 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.4.2017
COM(2017) 149 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
L-Implementazzjoni tat-tielet Programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa fl-2014
{SWD(2017) 119 final}
Werrej
Introduzzjoni
Azzjoni tas-sena — l-enfasi tematika tal-2014: il-mard kroniku
1.1 Il-Proġett PATHWAYS — Parteċipazzjoni f’postijiet tax-xogħol sani u strateġiji inklużivi fis-settur tax-xogħol
Inizjattivi li jikkontribwixxu b’mod dirett biex ikun implimentat id-dritt tal-UE
1.2 Talba għas-servizz— implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/24/UE dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali
Implimentazzjoni tal-baġit
1.3 Il-baġit
1.4 Il-prijoritajiet għall-2014 u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament
1.5 L-implimentazzjoni tal-baġit operazzjonali skont il-mekkaniżmu ta’ finanzjament
1.6 Il-ftehimiet tal-għotjiet diretti ma' organizzazzjonijiet internazzjonali
1.7 Akkwisti (kuntratti ta’ servizz)
1.8 Azzjonijiet oħra
1.9 Konsum tal-baġit fl-2014
1.10 It-tip ta’ benefiċarji
Konklużjoni
Introduzzjoni
Dan ir-rapport jippreżenta l-implimentazzjoni tat-Tielet Programm tas-Saħħa fl-2014. Din kienet l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tat-Tielet Programm tas-Saħħa stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 1 . Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 għal Programm li jdum seba’ snin sal-31 ta’ Diċembru 2020. Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament, il-Kummissjoni trid tirrapporta lill-Kumitat tal-Programm tas-Saħħa dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha ffinanzjati mill-Programm, u għandha tinforma wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport jissodisfa dak ir-rekwiżit. Jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-baġit tal-2014 u kif intefaq.
Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż fl-Anness 1 jippreżenta għadd ta’ eżempji ta’ azzjonijiet pluriennali ewlenin li kienu kofinanzjati mit-Tieni Programm tas-Saħħa 2 li r-riżultati finali tagħhom saru disponibbli fl-2014. Dan jiddeskrivi wkoll eżempji ta’ azzjoni ffinanzjata skont il-programm ta’ ħidma tal-2014 f’oqsma anċillari bħall-evalwazzjoni u d-disseminazzjoni. Fl-Annessi 2-10 hemm it-tabelli deskrittivi li jagħtu d-dettalji tal-attivitajiet kollha kofinanzjati u l-kuntratti pprovduti.
It-Tielet Programm tas-Saħħa għandu baġit totali ta’ EUR 449 400 000. Għandu erba' objettivi speċifiċi:
1.il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u t-trawwim ta' ambjenti li jappoġġaw stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa filwaqt li jtiqies il-prinċipju tas-“saħħa fil-politiki kollha”;
2.il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni minn theddid serju għas-saħħa ta' natura transkonfinali
3.il-kontribuzzjoni għal sistemi tas-saħħa innovattivi effiċjenti u sostenibbli;
4.il-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura għaċ-ċittadini tal-Unjoni.
Il-Programm jiddefinixxi l-indikaturi tal-progress għal kull objettiv. Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-Programm jista’ jiġi implimentat permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ finanzjament. Dawn huma:
azzjonijiet kofinanzjati mal-awtoritajiet tal-Istati Membri (“azzjonijiet konġunti”);
proġetti u għotjiet operattivi biex b’mod speċifiku jiġu appoġġati l-organizzazzjonijiet u n-netwerks mhux governattivi;
ftehimiet diretti mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, akkwist pubbliku; kif ukoll
azzjonijiet oħra.
F’konformità mal-pjan pluriennali mfassal fl-2013, il-programm ta’ ħidma annwali tal-2014 iffoka fuq il-mard kroniku. Għalhekk, fl-2014 ġew kofinanzjati diversi azzjonijiet biex jiġi indirizzat il-mard kroniku; waħda minnhom tingħata enfasi f’dan ir-rapport. Il-Programm jikkofinanzja wkoll inizjattivi li jgħinu biex jiġi implimentat id-dritt tal-UE. Dan ir-rapport jagħti żewġ eżempji ta’ kif fl-2014 il-Programm irnexxa f’dan il-qasam.
Ħarsa ’l quddiem ...
Bis-saħħa tal-kofinanzjament tal-Programm, fl-ewwel sena tat-Tielet Programm tas-Saħħa ġew appoġġati u tnedew għadd ta’ inizjattivi importanti, fosthom tmien azzjonijiet konġunti. F’konformità mal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni ex post tat-Tieni Programm tas-Saħħa, il-Kummissjoni tiżgura li l-implimentazzjoni tat-Tielet Programm tas-Saħħa tkun monitorjata mill-qrib u li r-riżultati jiġu ppubbliċizzati b’mod usa’. Il-Kummissjoni tkompli wkoll tinkoraġġixxi u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ kull Stat Membru u pajjiż li jipparteċipaw fil-Programm u tfittex sinerġiji ma’ programmi ta’ finanzjament oħrajn tal-UE.
Azzjoni tas-sena — l-enfasi tematika tal-2014: il-mard kroniku
Is-suġġett tas-saħħa ta’ prijorità għall-programm ta’ ħidma annwali tal-2014 kien il-mard kroniku. B’mod ġenerali, ġew imnedija tliet sejħiet għal proposti għal proġetti dwar aspetti differenti tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-mard kroniku, li rriżultaw f’ħames proġetti kofinanzjati. Ġew konklużi azzjoni konġunta dwar in-nutrizzjoni u l-attività fiżika u oħra dwar id-demenzja, kif ukoll sitt proġetti fil-qasam tat-tixjiħ attiv u b’saħħtu. Il-proġett PATHWAYS deskritt hawn taħt huwa eżempju tajjeb. Dan jindirizza l-kwistjoni importanti tal-parteċipazzjoni tal-pazjenti b’mard kroniku fil-forza tax-xogħol. Dan huwa konformi bis-sħiħ mal-aġenda tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi u t-tkabbir.
1.1Il-Proġett PATHWAYS — Parteċipazzjoni f’postijiet tax-xogħol sani u strateġiji inklużivi fis-settur tax-xogħol
1.1.1Sfond
Il-Proġett PATHWAYS — Parteċipazzjoni f’postijiet tax-xogħol sani u strateġiji inklużivi fis-settur tax-xogħol kien wieħed mill-proġetti kofinanzjati fl-2014 bħala parti mill-enfasi dik is-sena fuq il-mard kroniku. PATHWAYS beda fis-sajf tal-2015, se jdum 36 xahar u se jirċievi kofinanzjament sa massimu ta’ EUR 969 379.00. Jinvolvi 12-il sieħeb minn 10 pajjiżi Ewropej differenti (l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, in-Norveġja, il-Polonja, is-Slovenja u Spanja) li lkoll għandhom għarfien espert vast fil-qasam tal-kundizzjonijiet kroniċi u mentali u l-impjiegi.
1.1.2Deskrizzjoni qasira
Ta’ spiss, persuni b’mard kroniku u disturbi mentali jesperjenzaw problemi relatati max-xogħol, bħall-qgħad, l-assenteiżmu, produttività mnaqqsa u l-istigmatizzazzjoni fil-post tax-xogħol. Minħabba l-prevalenza li qed tiżdied tal-mard kroniku u tad-disturbi mentali fil-konfront tal-awsterità tal-baġit jenħtieġu strateġiji innovattivi li jgħinu lil dawn in-nies jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol.
Madankollu, għandhom nuqqas ta’ għarfien dwar l-istrateġiji disponibbli u dwar jekk humiex effettivi. Irridu niċċaraw ukoll il-ħtiġijiet relatati mal-impjieg tal-persuni b’mard kroniku u disturbi mentali. Għaldaqstant, PATHWAYS se jirrispondi billi jidentifika l-istrateġiji ta’ integrazzjoni u ta’ riintegrazzjoni li huma disponibbli fl-Ewropa u lil hinn minnha u se jiddetermina l-effettività tagħhom. Se jivvaluta wkoll il-ħtiġijiet speċifiċi relatati mal-impjieg tal-persuni b’mard kroniku u disturbi mentali. Fl-aħħar nett, se jiżviluppa linji gwida biex jappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġiji tal-integrazzjoni u tar-riintegrazzjoni professjonali. Fost il-metodi użati se jsiru konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati.
1.1.3Riżultati mistennija
PATHWAYS se jipprovdi għadd ta’ rapporti, fosthom:
wieħed li jqabbel l-istrateġiji disponibbli bbażati fuq ħames kategoriji ta’ mudelli tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa; kif ukoll
wieħed dwar il-ħtiġijiet tal-impjiegi mhux milħuqa tal-persuni b’mard kroniku, inkluż rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu indirizzati.
L-evidenza disponibbli dwar l-effikaċja tal-istrateġiji eżistenti tal-integrazzjoni u ta’ riintegrazzjoni fix-xogħol għall-persuni b’kundizzjonijiet kroniċi se tinġabar f’bażi tad-dejta u se tiġi deskritta f’dokument ta’ deskrizzjoni.
Fl-aħħar nett, PATHWAYS se jikkonkludi b’rakkomandazzjonijiet tal-politika biex jiġu implimentati strateġiji inklużivi li jwasslu lejn suq tax-xogħol aktar inklużiv li fih il-persuni b’mard kroniku u disturbi mentali jistgħu jipparteċipaw b’mod siewi.
Inizjattivi li jikkontribwixxu b’mod dirett biex ikun implimentat id-dritt tal-UE
Il-Programm tas-Saħħa jiffinanzja s-servizzi pprovduti minn kuntratturi esterni li jgħinu lill-Kummissjoni timplimenta deċiżjonijiet u direttivi fil-qasam tas-saħħa. Hawn taħt issib eżempju wieħed ta’ servizz bħal dawn li twettqu fl-2014.
1.2Talba għas-servizz— implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/24/UE dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali
1.2.1Deskrizzjoni introduttiva
F’dan l-istudju ġew ikkunsidrati l-effetti tad-Direttiva 2011/24/UE dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali 3 . L-objettiv ġenerali tiegħu kien li jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Istati Membri tad-Direttiva, kif meħtieġ skont l-Artikolu 20(1), u li jidentifika n-nuqqasijiet u l-potenzjal għal titjib. L-istudju jibbaża fuq is-sitwazzjoni fuq il-post u sorsi esterni ta’ valur oħrajn. Dawn is-servizzi kienu pprovduti permezz ta’ kuntratt ta’ servizz ma’ KPMG Advisory N.V., Technopolis Group and Empirica GmbH, skont il-kuntratt qafas SANCO/2012/02/011 — Lott 1. Il-kuntratt dam mill-21 ta’ Lulju 2014 sal-21 ta’ Marzu 2015 u kien jiswa EUR 179 026.
1.2.2Deskrizzjoni qasira
Barra mir-riċerka bbażata fuq id-dokumenti u analiżi tal-letteratura disponibbli, intużaw ukoll eżami tas-sit web u metodi ta’ riċerka parteċipattiva li jintużaw ħafna. Bi tkomplija ta’ xogħol li kien sar f’riċerki preċedenti, twettqet analiżi tas-siti web kollha tat-32 Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-kura tas-saħħa transkonfinali (PKN) (32 pajjiż jew territorju, bħalma huma l-Iskozja, Wales, l-Ingilterra, l-Irlanda ta’ Fuq u Ġibiltà li ġew inklużi separatament għar-Renju Unit).
Intuża l-metodu ta’ riċerka “psewdopazjent” biex tkun tista' titqies tajjeb il-perspettiva tal-utent aħħari. L-evalwaturi kkuttattjaw il-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali ta' 12-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands, is-Slovenja, Spanja, u l-Iżvezja) kemm bil-posta elettronika kif ukoll bit-telefown u ġew proposti tliet xenarji differenti ppjanati minn qabel.
Inġabret ukoll dejta suġġettiva u bbażata fuq l-opinjonijiet kemm f'dawn il-"pajjiżi fokus" kif ukoll fil-livell Ewropew, permezz ta' 59 intervista ma' partijiet ikkonċernati u stħarriġ minn fuq l-internet li ġew indirizzati lit-12-il PKN fil-pajjiżi fokus. Madwar 50% tal-partijiet ikkonċernati aċċettaw l-intervisti waqt il-perjodu ta' erba' ġimgħat. Dawn kienu jirrappreżentaw firxa ta' fornituri tal-assigurazzjoni fuq is-saħħa, fornituri tal-kura tas-saħħa, ombudsmen tal-pazjenti, awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, għaqdiet tal-pazjenti, korpi tal-awditjar, trejn unjins u organizzazzjonijiet li jippreskrivu l-kura tas-saħħa primarja. Il-PKN kollha wieġbu għal mill-inqas parti mill-istħarriġ online. Analiżi tal-Punti Qawwija, Punti Dgħajfa, Opportunitajiet, Theddidiet (SWOT) li ffukat fuq is-servizzi pprovduti lill-pazjenti tikkomplementa l-konklużjonijiet ta’ dan l-istudju.
1.3.3 Riżultati speċifiċi
Dan l-istudju huwa parti mill-ħidma li għaddejja biex jinbena xenarju bażi bħala punt tat-tluq għall-kejl u għall-valutazzjoni tal-kura tas-saħħa transkonfinali fl-Unjoni. Fost is-sejbiet ġenerali, il-partijiet ikkonċernati involuti kollha kkonfermaw li l-għadd ta’ pazjenti li għamlu użu tal-kura tas-saħħa transkonfinali skont din id-Direttiva huwa baxx.
Dan l-istudju jagħti kontribut siewi minkejja li kwalitattiv lill-valutazzjoni bażika u għall-isforzi futuri tal-evalwazzjoni, f’konformità mal-prinċipju “l-ewwel evalwa”. Is-sejbiet tal-istudju kienu ppublikati f’Mejju 2015 fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea u ġew ippreżentati waqt laqgħa tal-PNK organizzata mill-Kummissjoni Ewropea fit-2 ta’ Diċembru 2015, fejn intlaqgħu b’interess kbir. It-tama hija li l-modi metodoloġiċi tal-istudju se jkomplu jiġu esplorati mill-partijiet ikkonċernati interessati u mill-komunità usa’ tar-riċerka.
Madankollu, l-istudju mhuwiex evalwazzjoni formali. Ma kienx maħsub biex iqis l-ilmenti, il-każijiet ta' ksur u l-miżuri ta' traspożizzjoni. Minħabba li d-Direttiva m’ilhiex li ġiet adottata, u għalhekk ma tantx kien hemm dejta dwar il-mobbiltà tal-pazjenti, evalwazzjoni formali tad-Direttiva kienet tkun prematura.
Implimentazzjoni tal-baġit
1.3Il-baġit
Il-baġit għat-Tielet Programm tas-Saħħa 2014-2020 huwa ta’ EUR 449.4 miljun. Dan jinkludi EUR 33.48 miljun għall-funzjonament tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (Chafea) li ntalbet mill-Kummissjoni sabiex tammaniġġa l-Programm tas-Saħħa 2014-2020. Chafea ilha mill-2005 tipprovdi lill-Kummissjoni b’għajnuna teknika, xjentifika u amministrattiva fl-implimentazzjoni tal-Programm tas-Saħħa. 4 . Din torganizza sejħiet annwali għal proposti, tikkoordina l-evalwazzjoni tas-sottomissjonijiet, u tinnegozja, tiffirma u tmexxi l-ftehimiet ta’ għotja relatati. Hija responsabbli wkoll għal bosta proċeduri ta’ akkwist.
Il-baġit stabbilit fil-pjan ta’ ħidma għall-2014 5 kien ta’ EUR EUR 58 579 000, u tqassam kif ġej:
nefqa operazzjonali: EUR 52 870 000, ammont li jikkorrispondi għal-linja tal-baġit 17 03 01 L-inkoraġġament tal-innovazzjoni fil-kura tas-saħħa u ż-żieda tas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa, it-titjib tas-saħħa taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-protezzjoni tagħhom minn theddidiet transkonfinali fuq is-saħħa;
nefqa amministrattiva: EUR 1 500 000 — ammont li jikkorrispondi għal-linja tal-baġit 17 01 04 02 —nefqa ta’ sostenn għall-programm Saħħa għat-Tkabbir 6 .
It-total tal-baġit operazzjonali– inkluż barra minn hekk krediti taż-ŻEE-EFTA u krediti rkuprati minn snin baġitarji preċedenti - kien EUR 54 856 308.05 u t-total tal-baġit amministrattiv kien EUR 1 547 747.69.
Fl-2014, is-Chafea mmaniġġat EUR 44 541 244.83 minn dan il-baġit, filwaqt li l-Kummissjoni mmaniġġat l-ammont ta’EUR 9 409 832.88 li jkopri l-akkwist, l-għotjiet diretti u miżuri oħra.
1.4Il-prijoritajiet għall-2014 u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament
Il-prijoritajiet għall-2014 kienu stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2014) 3383 tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma għall-2014 u l-kriterji relatati. 7 .
Intużaw diversi mekkaniżmi ta’ finanzjament biex jiġi implimentat il-pjan ta’ ħidma għall-2014. Dawn qed jiġu deskritti fid-dettall hawn taħt.
Intużaw proċeduri kompetittivi għall-għażla u l-għoti biex jintgħażlu l-inizjattivi għall-finanzjament. Ma jintużawx proċeduri kompetittivi għall-għażla u l-għoti għall-azzjonijiet konġunti, għall-ftehimiet tal-għotjiet diretti u għall-konferenzi organizzati mill-presidenzi tal-Kunsill billi f’dawk il-każijiet il-proċeduri kompetittivi mhumiex permessi skont ir-regoli speċifiċi jew mhumiex użati fil-prattika, pereżempju minħabba sitwazzjoni ta’ monopolju.
Il-krediti amministrattivi koprew in-nefqa bħall-istudji, il-laqgħat tal-esperti, l-informazzjoni u l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni, u l-assistenza teknika u amministrattiva għas-sistemi tal-IT.
1.5L-implimentazzjoni tal-baġit operazzjonali skont il-mekkaniżmu ta’ finanzjament
|
Tip ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament |
Implimentazzjoni (EUR) |
Sehem tal-mekkaniżmu fit-total tal-baġit eżegwit |
|
Sejħiet għal proposti |
17 393 292.88 |
31.7 % |
|
Għotjiet għall-proġetti |
12 677 193.08 |
23.1 % |
|
Għotjiet operattivi |
4 716 099.80 |
8.5 % |
|
Għotjiet għal azzjonijiet konġunti |
18 506 972.39 |
33.7 % |
|
Għotjiet għall-konferenzi lill-Istati Membri li jkollhom il-presidenza tal-UE |
157 901.00 |
0.2 % |
|
Ftehimiet dwar għotjiet diretti |
3 849 825.96 |
7 % |
|
Immaniġġjati mis-CHAFEA |
2 700 000.00 |
|
|
Immaniġġjati mid-DĠ SANTE |
1 149 825.96 |
|
|
Akkwist (kuntratti ta’ servizz) |
12 769 292.44 |
23.3 % |
|
Immaniġġjati mis-CHAFEA |
5 283 078.56 |
9.7 % |
|
Immaniġġjati mid-DĠ SANTE |
7 486 213.88 |
13.6 % |
|
Azzjonijiet oħra |
1 273 793.04 |
2.3 % |
|
Immaniġġjati mis-CHAFEA |
500 000.00 |
|
|
Immaniġġjati mid-DĠ SANTE |
773 793.04 |
|
|
Baġit użat fl-2014 |
53 951 077.71 |
|
|
Buġit totali disponibbli |
54 856 307.05 |
|
|
Krediti mhux użati 8 |
||
|
mis-CHAFEA |
711 310.68 |
|
|
mid-DĠ SANTE |
193 918.66 |
|
|
Baġit użat |
98.3 % |
Bħala paragun, it-tabella ta’ hawn taħt turi l-perċentwali tal-baġit disponibbli użat għal kull mekkaniżmu finanzjarju fuq medja fit-Tieni Programm tas-Saħħa u fl-2014. Filwaqt li fl-2014 intuża proporzjon iżgħar għall-proġetti, intefaq ammont ikbar fuq l-azzjonijiet konġunti. Il-perċentwali huma simili għal għodod finanzjarji oħra.
|
Tip ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament |
Sehem tal-mekkaniżmu fit-total tal-baġit eżegwit fl-2014 |
Sehem tal-mekkaniżmu fit-total tal-baġit eżegwit fit-Tieni Programm tas-Saħħa |
|
Għotjiet għall-proġetti |
23.1 % |
36 % |
|
Għotjiet operattivi |
8.5 % |
7 % |
|
Għotjiet għal azzjonijiet konġunti |
33.7 % |
22 % |
|
Ftehimiet dwar għotjiet diretti |
4.9 % |
7 % |
|
Akkwist (kuntratti ta’ servizz) |
23.0 % |
25 % |
|
Azzjonijiet oħra |
2.3 % |
4 % |
Sejħiet għal proposti
Sejħiet għal proposti — għal proġetti u azzjonijiet tal-għotjiet operattivi —ġew imnedija fis-6 ta’ Ġunju 2014 fuq il-Portal tal-Parteċipanti tal-Programm Orizzont 2020, 9 is-sit web dwar is-saħħa pubblika tal-EUROPA 10 u s-sit web tas-Chafea 11 . Il-biċċa l-kbira tal-applikazzjonijiet waslu mingħand is-sħab ewlenin tal-Istati Membri tal-UE-15, li kienu jgħoddu għal 86 % tal-applikazzjonijiet għall-proġetti, 100 % tal-applikazzjonijiet għall-għotjiet operattivi, 100 % tal-applikazzjonijiet għall-azzjoni konġunta. 41 % tas-sħab kollha fl-azzjonijiet konġunti huma mill-pajjiżi tal-UE-13, l-istess bħalma huma 16 % tas-sħab tal-proġetti.
F'Ottubru tal-2014, is-Chafea organizzat sessjoni ta' ħidma dwar azzjoni konġunta u fi Frar tal-2015 organizzat sessjoni ta' ħidma dwar il-garanzija tal-kwalità tal-azzjoni konġunta. Il-Punti Fokali Nazzjonali għall-Programm tas-Saħħa organizzaw ukoll jiem ta’ tagħrif nazzjonali fil-BG, HR, CZ, EL, HU, IE, IT, LT, NL, NO, PL, PT, RO, SK, ES u UK. Fuq il-Portal tal-Parteċipanti tpoġġew għad-disponibbiltà l-linji gwida għall-applikanti. Il-helpdesk tas-Chafea pprovdiet ukoll assistenza u għajnuna prattika.
B’kollox, ġew riċevuti 50 proposta għal proġetti u 40 proposta għal għotjiet operattivi għal total li jammonta għal EUR 42 887 771. L-applikazzjonijiet ġew evalwati skont ir-regoli u l-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2014) 3383 u fis-sejħiet għall-proposti. 37 espert estern minn 18-il pajjiż ħadu sehem fil-proċess tal-evalwazzjoni. L-esperti ntgħażlu minn lista stabbilita wara sejħa għal espressjonijiet ta’ interess bl-isem "sejħa għal espressjoni ta’ interess fil-qasam tas-saħħa pubblika". 12 .
Il-proċess tal-evalwazzjoni sar f’żewġ stadji.
Fl-ewwel stadju, tliet evalwaturi esterni eżaminaw kull proposta. Waqt laqgħa organizzata mis-Chafea tfassal rapport tal-evalwazzjoni kkonsolidat għal kull proposta.
Fit-tieni stadju, il-kumitat tal-evalwazzjoni vverifika li l-evalwaturi kienu konformi mar-regoli u l-kriterji rilevanti. Imbgħad l-istess kumitat ħejja listi finali tal-proposti rrakkomandati għall-fondi, flimkien mal-listi ta’ riżerva. Il-kumitat tal-evalwazzjoni kien magħmul minn rappreżentanti tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (id-DĠ SANTE), tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u tas-Chafea. Id-deċiżjoni tal-għoti għall-proġetti 13 u għall-għotjiet operattivi 14 ittieħdet mis-Chafea.
1.5.1Għotjiet għall-proġetti
L-għotjiet għall-proġetti ngħataw lil azzjonijiet li jinvolvu diversi sħab, normalment tal-korpi tas-saħħa pubblika u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs). Il-kontribuzzjoni massima tal-UE hija ta' 60 % tal-kostijiet eliġibbli. Madankollu, din tista’ tiżdied sa 80 % jekk proposta tilħaq il-kriterji għal utilità eċċezzjonali. Fl-2014, żewġ proġetti kkwalifikaw għal utilità eċċezzjonali.
B’kollox intbagħtu 50 proposta b’risposta għas-sejħa għall-proposti għall-proġetti. Sitt proposti ġew esklużi fil-fażi tal-iskrinjar. Mill-44 proposta li kien jifdal 12-il waħda ġew rakkomandati għall-finanzjament u erbgħa tqiegħdu fuq lista ta’ riżerva. Fl-aħħar mill-aħħar ġew iffinanzjati 13-il proġett għal total ta’ EUR 11 567 617. Id-disseminazzjoni tagħhom fost l-objettivi tal-programm kienet kif ġej:
1. il-promozzjoni tas-saħħa: EUR 3 535 947 (5 proġetti);
2. it-theddid għas-saħħa: l-ebda proġett iffinanzjat;
3. is-sistemi tas-saħħa: EUR 8 031 670 (7 proġetti);
4. kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura: l-ebda proġett iffinanzjat.
Fl-anness hemm lista tal-proġetti kollha ffinanzjati.
1.5.2Għotjiet operattivi
L-għotjiet operattivi ngħataw lil organizzazzjonijiet jew netwerks mingħajr skop ta' qligħ li huma:
mhux governattivi;
mingħajr skop ta’ qligħ u indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u ta’ negozju jew interessi konflittwali oħra;
jaħdmu fil-qasam tas-saħħa pubblika;
jaqdu rwol effettiv fil-proċessi ta’ djalogu ċivili fil-livell tal-Unjoni;
isegwu tal-inqas wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-Programm;
attivi fil-livell tal-Unjoni u tal-inqas f’nofs l-Istati Membri; kif ukoll
għandhom kopertura ġeografika bilanċjata tal-Unjoni.
Il-kontribuzzjoni massima tal-UE hija ta' 60 % tal-kostijiet operattivi annwali. Madankollu, din tista’ tiżdied sa 80 % jekk proposta tilħaq il-kriterji għal utilità eċċezzjonali.. Fl-2014, erba’ għotjiet operattivi biss ikkwalifikaw għal utlità eċċezzjonali.
Hekk kif beda t-Tielet Programm tas-Saħħa, is-Chafea introduċiet is-sejħa għall-istrument pluriennali tas-“sħubija qafas”. Id-detenturi ta’ ftehimiet ta’ tliet snin għal sħubija qafas jistgħu mbagħad japplikaw għal kofinanzjament annwali. Intbagħat total ta' 40 proposta b’risposta għas-sejħa għall-proposti għall-għotjiet operattivi. Minn dawn, 14 ingħataw ftehim ta’ sħubija qafas (35 % tal-proposti riċevuti). Fl-2015, dawn kollha rċevew għotja operattiva annwali. It-total kofinanzjat kien ta’ EUR 4 716 099.80
Fl-anness hemm lista tal-għotjiet operattivi kollha ffinanzjati.
1.5.3Azzjonijiet konġunti
Għotjiet għal azzjonijiet konġunti ngħataw lil awtoritajiet kompetenti jew korpi tas-settur pubbliku u korpi mhux governattivi ddelegati minn dawk l-awtoritajiet kompetenti. Il-kontribuzzjoni massima tal-UE hija ta' 60 %. Madankollu, din tista’ tiżdied sa 80 % jekk proposta tilħaq il-kriterji għal utilità eċċezzjonali. Fl-2014, żewġ azzjonijiet konġunti biss ikkwalifikaw għal utlità eċċezzjonali.
Il-proċedura għall-azzjonijiet konġunti skont it-Tielet Programm tas-Saħħa nbidlet. Sabiex jiżguraw iktar trasparenza u inklużività, issa l-Istati Membri u l-pajjiżi parteċipanti fit-Tielet Programm tas-Saħħa jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi l-oħra bħala l-ewwel pass. Imbagħad, dawk li jkunu ġew nominati jkunu mistiedna jibagħtu proposta għal għotja diretta.
Ġew kofinanzjati tmien azzjonijiet konġunti għal total ta’ EUR 18 506 972.39. Dawn tqassmu fost l-objettivi tal-programm kif ġej:
1. il-promozzjoni tas-saħħa: EUR 5 698 457.39 (tliet azzjonijiet konġunti);
2. it-theddid għas-saħħa: EUR 3 499 873.00 (azzjoni konġunta waħda);
3. is-sistemi tas-saħħa: EUR 2 599 999.00 (żewġ azzjonijiet konġunti);
4. kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura: EUR 6 708 643.00 (żewġ azzjonijiet konġunti).
Kull waħda minn dawn l-azzjonijiet konġunti involviet bejn 10 u 24 Stat Membru u pajjiżi oħra li qed jieħdu sehem fil-programm; bħala medja kienu involuti 19 għal kull azzjoni konġunta.
Is-suġġetti dwar is-saħħa koperti mill-azzjonijiet konġunti huma:
drawwiet ta’ dieta żbilanċjata u nuqqas ta’ attività fiżika;
titjib tal-prevenzjoni u t-trattament tal-HIV u tal-koinfezzjoni f'reġjuni prijoritarji u gruppi prijoritarji fl-Unjoni Ewropea;
azzjoni kkoordinata biex tittejjeb is-sitwazzjoni u l-karriera tal-persuni bid-demenzja;
patoġeni emerġenti u perikolużi ħafna;
kooperazzjoni teknika u xjentifika dwar l-apparat mediku u l-apparat mediku dijanjostiku in vitro;
appoġġ għan-Netwerk tas-Saħħa elettronika;
implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Mard Rari 15 ; kif ukoll
monitoraġġ u kontroll fil-qasam tat-trasfużjoni tad-demm u tat-trapjant tat-tessuti u taċ-ċelloli.
Fl-anness hemm lista tal-azzjonijiet konġunti kollha ffinanzjati.
1.6Il-ftehimiet tal-għotjiet diretti ma' organizzazzjonijiet internazzjonali
Il-Ftehimiet tal-għotjiet diretti ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali ngħataw lil organizzazzjonijiet internazzjonali attivi fil-qasam tas-saħħa pubblika. L-għotjiet diretti jinkludu wkoll il-ftehimiet fil-livell tas-servizzi. Il-kontribuzzjoni massima tal-UE hija ta' 60 %.
B’kollox, ġew iffirmati seba’ ftehimiet ta’ għotja diretta, għal total ta’ EUR 3 849 825.96 kif ġej:
Erba’ ġew iffirmati mis-Chafea, jiġifieri:
1)il-ftehim ta’ kontribuzzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa għall-integrazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar sustanzi ta' oriġini umana (EUR 500 000);
2)il-ftehim ta’ għotja diretta annwali mal- Farmakopea Ewropea (EUR 1 100 000);
3)żewġ ftehimiet ta’ għotja diretta mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa:
il-monitoraġġ tal-politiki nazzjonali relatati man-nutrizzjoni, in-nuqqas ta’ attività fiżika, il-piż żejjed u l-obeżità (EUR 600 000); kif ukoll
il-monitoraġġ tal-politiki nazzjonali relatati mal-konsum tal-alkoħol u t-tnaqqis tal-ħsara (EUR 500 000).
Tlieta ġew iffirmati mid-DĠ SANTE, jiġifieri:
1)żewġ għotjiet diretti (sottodelegazzjoni trasversali/ftehim fil-livell tas-servizzi) lill-Eurostat rigward l-istatistika dwar il-morbidità għal total ta’ EUR 1 099 825.96; kif ukoll
2)għotja diretta waħda lill-Iskema ta' Kooperazzjoni tal-Ispezzjoni Farmaċewtika għat-taħriġ fil-qasam tal-ingredjenti farmaċewtiċi attivi ta’ EUR 50 000.
Fl-anness hemm lista tal-ftehimiet tal-għotjiet diretti kollha ffinanzjati.
1.7Akkwisti (kuntratti ta’ servizz)
L-akkwist (kuntratti ta' servizz) intuża għax-xiri ta’ servizzi. Il-Programm ikopri bis-sħiħ l-ispejjeż tal-akkwist.
Dawn il-kuntratti ta’ servizz ikopru l-ħtiġijiet kif speċifikat fil-pjan ta’ ħidma għall-2014:
l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-azzjonijet u tal-politiki,
l-istudji;
il-pariri;
id-dejta u l-informazzjoni dwar is-saħħa;
l-assistenza xjentifika u teknika;
il-komunikazzjoni;
id-disseminazzjoni;
l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni; kif ukoll
l-applikazzjonijiet tal-IT biex jappoġġaw il-politiki.
Fl-2014, id-DĠ SANTE ffirma diversi kuntratti ta’ servizz u talbiet speċifiċi bl-użu ta’ kuntratti qafas eżistenti. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kuntratti u talbiet kienu għal azzjonijiet orizzontali bħall-komunikazzjoni u s-servizzi tal-IT għall-manutenzjoni u l-funzjonament tal-għodod eżistenti tal-IT (jiġifieri il-bażi tad-dejta tal-EMP, EUDAMED, il-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa, eċċ.). Il-kuntratti ta’ akkwist kienu jinkludu wkoll kuntratti ma’ esperti li jaħdmu għall-kumitati xjentifiċi u l-istudji dwar l-evalwazzjoni u l-moritoraġġ. Il-baġit globali tal-akkwist pubbliku mmaniġġat mid-DĠ SANTE kien jammonta għal EUR 7 486 213.88.
Fl-2014, is-Chafea mmaniġġat 22 proċedura ġdida fis-suq għall-akkwist ta’ servizzi (erba’ kuntratti għall-promozzjoni tas-saħħa, erba’ kuntratti għat-theddid għas-saħħa, sitt kuntratti għas-sistemi tas-saħħa, u ħamsa għall-kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura) u tlieta fil-komunikazzjoni orizzontali għal total ta’EUR 5 283 078.56.
L-ammonti għal kull objettiv u l-organizzazzjoni tal-awtorizzazzjoni kienu kif ġej:
|
Objettiv tal-Programm tas-Saħħa |
Akkwist immaniġġat mid-DĠ SANTE (EUR) |
Akkwist immaniġġat mis-Chafea (EUR) |
|
Promozzjoni tas-saħħa |
1 353 200.72 |
1 280 967.00 |
|
Theddid għas-saħħa |
0 |
1 802 209.40 |
|
Sistemi tas-saħħa |
1 327 335.79 |
864 927.50 |
|
Kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura |
733 684.35 |
1 213 163.00 |
|
Orizzontali |
4 071 993.02 |
121 811.66 |
|
TOTAL |
8 260 006.92 |
5 283 078.56 |
Kull kuntratt ta’ servizz iffirmat jinsab elenkat fl-Anness.
1.8Azzjonijiet oħra
Fl-2014, ġie allokat ammont ta' EUR 2 184 000 għal azzjonijiet oħra. L-“azzjonijiet oħra” jinkludu t-tariffi tal-esperti, pereżempju:
il-bord ta’ esperti dwar modi effettivi ta’ investiment fis-saħħa;
għall-esperti li jwettqu spezzjoni tas-sistema dwar l-ingredjenti farmaċewtiċi;
għall-esperti li jkunu qed jieħdu sehem f’konferenzi internazzjonali dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi għar-reġistrazzjoni ta’ farmaċewtiċi biex jintużaw mill-bniedem u għal użi veterinarji.
Dan jinkludi wkoll l-ispejjeż tal-ftehimiet amministrattivi maċ-Ċentri Konġunti ta’ Riċerka u jkopri t-tariffa tas-sħubija tal-Kummissjoni fl-Osservatorju Ewropew għas-Sistemi u għall-Politiki tas-Saħħa. Għal aktar informazzjoni dwar liema azzjonijiet speċifiċi jaqgħu taħt “azzjonijiet oħra” jekk jogħġbok ara l-anness.
1.9Konsum tal-baġit fl-2014
Kollox ma’ kollox, il-baġit operazzjonali totali għall-2014 tqassam bejn erba’ objettivi speċifiċi tat-Tielet Programm tas-Saħħa kif ġej:
1.il-promozzjoni tas-saħħa: EUR 16 113 811.99 (30.6 % tal-baġit operazzjonali fl-2014);
2.it-theddid għas-saħħa: EUR 5 302 082.40 (10.1 % tal-baġit operazzjonali fl-2014);
3.is-sistemi tas-saħħa; EUR 16 537 850.33 (31.4 % tal-baġit operazzjonali fl-2014);
4.kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura: EUR 10 653 702.35 (20.2 % tal-baġit operazzjonali fl-2014);
5.attivitajiet orizzontali (IT, komunikazzjoni): EUR 4 193 804.68 (7.8 % tal-baġit operazzjonali fl-2014).
Ċart 1 — Użu tal-baġit operazzjonali fl-2014 skont l-objettivi tat-Tielet Programm tas-Saħħa
1.10It-tip ta’ benefiċarji
Fl-2014, ġew iffirmati madwar 400 16 għotja u kuntratt differenti ma’ diversi benefiċjarji u fornituri ta’ servizzi li jvarjaw minn organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi għal istituzzjonijiet akkademiċi u kumpaniji privati. Il-kategorija “oħrajn” tinkludi benefiċjarji bħall-fornituri tal-kura tas-saħħa u organizzazzjonijiet internazzjonali. Iċ-ċart 2 tagħti ħarsa ġenerali lejn id-diversi gruppi ta’ benefiċjarji.
Ċart 2 — tipi ta’ benefiċjarji tat-Tielet Programm tas-Saħħa fl-2014
Konklużjoni
L-2014 kienet l-ewwel sena tat-Tielet Programm tas-Saħħa, li ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-11ta’ Marzu 2014. B’konsegwenza ta’ dan, il-programm ta’ ħidma annwali ġie adottat xahrejn wara fis-26 ta’ Mejju 2014 u b’hekk iċ-ċiklu sħiħ tal-implimentazzjoni kien imdewwem. Għalhekk, il-biċċa l-kbira tal-ftehimiet ta’ għotja u diversi kuntratti ta’ servizz kienu ffirmati fl-ewwel trimestru tal-2015. Ir-Regolament tat-Tielet Programm tas-Saħħa jagħmel xi titjib sinifikanti meta mqabbel mat-Tieni Programm tas-Saħħa. Dawn jinkludu:
objettivi speċifiċi b’indikaturi relatati;
definizzjoni ċara ta’ “valur miżjud tal-UE”; kif ukoll
introduzzjoni ta’ kriterji li jiddefinixxu “utilità eċċezzjonali” għal azzjonijiet konġunti.
Dan fisser li, pereżempju, l-applikanti u l-evalwaturi kienu ggwidati aħjar bid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “valur miżjud tal-UE” u kien eħfef li l-konsorzji tal-azzjoni konġunta jiżviluppaw il-proposta b’tali mod li tkun tikkwalifika għall-utilità eċċezzjonali, jiġifieri rata ta’ kofinanzjament ta’ 80 %.
Kien hemm ukoll bosta bidliet pożittivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-Tielet Programm tas-Saħħa. Dawn kienu jinkludu l-introduzzjoni ta’ sottomissjonijiet online permezz tal-Portal tal-Parteċipanti; u evalwazzjoni online u l-firma elettronika ta’ ftehimiet tal-għotja. Ir-Regolament introduċa wkoll proċeduri amministrattivi semplifikati u ftehimiet ta’ għotja diretta għall-azzjonijiet konġunti u ftehimiet għal qafas ta’ sħubijia għad-detenturi tal-għotjiet li joperaw biex min jirċevihom ikun jista’ jwettaq ippjanar fuq perjodi itwal.
Il-proċedura l-ġdida għall-azzjonijiet konġunti hi wkoll aktar trasparenti għax bħala l-ewwel pass jenħtieġ li l-konsorzju jiġi stabbilit permezz ta’ nomini mill-Istati Membri/pajjiżi parteċipanti fit-Tielet Programm tas-Saħħa. Madankollu, dan ifisser li l-organizzazzjonijiet umbrella mhux governattivi tal-UE b’mod partikolari, jaffaċċjaw l-isfida li jiġu nominati, filwaqt li matul it-Tieni Programm tas-Saħħa kienu nnominati mill-Kummissjoni.
L-għadd ta’ parteċipanti fl-azzjonijiet konġunti jibqa’ relattivament għoli, bħalma kien diġà fit-Tieni Programm tas-Saħħa: medja ta’ 25 parteċipant għal kull azzjoni konġunta fl-2014 — li jvarja minn 12 sa 39. Din hija sfida għall-ġestjoni u l-koordinazzjoni ġenerali tal-azzjonijiet konġunti. Meta meta wieħed iħares lejn is-sejħiet għall-proposti għall-proġetti, jidher li għal żewġ sejħiet ma ngħata l-ebda proġett. F’każ minnhom dan ġara għax ma waslet l-ebda applikazzjoni, aktarx għax it-tema kienet definita b’mod kemxejn dejjaq u l-kofinanzjament propost kien relattivament baxx. Fil-każ l-ieħor waslu diversi proposti, iżda lkoll ġew esklużi mill-evalwazzjoni minħabba nuqqas ta’ kwalità.
Wara r-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni ex post, għandu jiġi implimentat aktar titjib fis-snin li ġejjin, fosthom sistema elettronika mtejba ta’ monitoraġġ u rappurtar, disseminazzjoni aħjar u aktar immirata u sforzi kontinwi biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet u tal-istituzzjonijiet minn dawk il-pajjiżi li sa issa ma kinux rappreżentati biżżejjed fost il-benefiċjarji.
ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1.
ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.
ĠU L 88, 4.4.2011, p.45
Id-Deċiżjoni 2004/858/KE tal-15 ta’ Diċembru 2004 (ĠU L 369, 16.12.2004, p. 73) emendata bid-Deċiżjoni 2008/544/KE tal-20 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 173, 3.7.2008, p. 27).
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 3383 tas-26.5.2014, http://ec.europa.eu/health/programme/events/adoption_workplan_2014_en.htm.
L-isem li oriġinarjament kien propost għat-Tielet Programm tas-Saħħa kien il-Programm Saħħa għat-Tkabbir: għalhekk, l-isem tal-linja tal-baġit. Billi dan l-isem ma nżammx, il-linja tal-baġit ingħatat isem mill-ġdid għall-programm ta’ ħidma 2016.
http://ec.europa.eu/health/programme/events/adoption_workplan_2014_en.htm.
Għadhom ma ntużawx il-krediti ta' qabel l-adeżjoni, id-differenza bejn l-ammonti fid-deċiżjoni tal-għotja u l-ammonti effettivament ikkuntrattati.
http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/3hp/index.html#c,calls=hasForthcomingTopics/t/true/0/1/0&hasOpenTopics/t/true/0/1/0&allClosedTopics/t/true/1/1/0&+PublicationDate/desc
http://ec.europa.eu/chafea/health/index.html.
ĠU S 040-065407, 26.2. 2014 u http://ec.europa.eu/chafea/ami/ .
http://ec.europa.eu/chafea/documents/health/list-projects-2014_en.pdf.
http://ec.europa.eu/chafea/documents/health/award-fpa-agreements-2014_en.pdf and http://ec.europa.eu/chafea/documents/health/specific-grant-agreements-2014_en.pdf .
http://ec.europa.eu/health/ph_threats/non_com/docs/rare_com_mt.pdf
Din teskludi kuntratti li jsiru ma’ esperti uniċi pereżempju dawk li qed jipparteċipaw f’Kumitati Xjentifiċi.