Brussell, 23.3.2017

COM(2017) 134 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà – l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni

{SWD(2017) 112 final}
{SWD(2017) 113 final}


1Introduzzjoni

Waħda mill-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni mressqa mill-President Juncker 1 hija li jitneħħew l-ostakli għal suq uniku diġitali fl-Ewropa. Is-settur pubbliku, li jirrappreżenta aktar minn 25 % tal-impjiegi kollha u jikkontribwixxi għal bejn wieħed u ieħor 20 % tal-PDG tal-UE permezz tal-akkwist pubbliku, għandu rwol ewlieni fis-suq uniku diġitali bħala regolatur, fornitur tas-servizzi u impjegatur.

L-Istati Membri qegħdin irendu l-amministrazzjoni pubblika tagħhom diġitali biex jiffrankaw il-ħin, inaqqsu l-kostijiet, iżidu t-trasparenza, u jtejbu kemm il-kwalità tad-dejta kif ukoll it-twettiq fil-prattika tas-servizzi pubbliċi. Madankollu, is-servizzi pubbliċi diġitali għadhom mhumiex realtà fl-Unjoni Ewropea, kif jidher mill-Indiċi tal-Ekonomija u tas-Soċjetà Diġitali tal-2016 għall-Gvern elettroniku 2 . Fir-rigward tas-servizzi transfruntiera fl-Unjoni, is-sitwazzjoni fiha aktar diffikultajiet billi għad hemm ostakli għall-aċċess tas-servizzi transfruntiera 3 .

Għad hemm potenzjal kbir biex is-servizzi pubbliċi jittejbu ulterjorment permezz ta’ integrazzjoni u awtomatizzazzjoni totali, użu aħjar tas-sorsi affidabbli ta’ informazzjoni, u l-ippubblikar fil-beraħ ta’ dejta pubblika filwaqt li jkun żgurat li r-rekords taċ-ċittadini u tan-negozji jkunu trattati f’konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta sabiex tiżdied il-fiduċja. Is-servizzi pubbliċi nazzjonali għandhom ikunu kkollegati u jitwasslu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali sabiex ikun hemm interkonnessjoni mas-suq uniku diġitali. Sabiex dan iseħħ, għandu jkun hemm approċċ ikkoordinat, fil-livelli kollha, fil-waqt tat-tħejjija tal-leġiżlazzjoni, tal-organizzazzjoni tal-proċessi operazzjonali min-naħa tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, tal-ġestjoni tal-informazzjoni u meta s-sistemi tal-IT jiġu żviluppati biex jimplimentaw is-servizzi pubbliċi. Inkella l-frammentazzjoni diġitali li teżisti se tikber, u dan jipperikola l-offerta tas-servizzi pubbliċi kkollegati fl-UE kollha.

L-interoperabbiltà hija fattur ewlieni biex it-twettiq ta’ trasformazzjoni diġitali jkun possibbli. Tippermetti lill-entitajiet amministrattivi li b’mod elettroniku jpartu bejniethom u maċ-ċittadini u man-negozji, informazzjoni sinifikanti b’modi li jinftiehmu mill-partijiet kollha. Tindirizza s-saffi kollha li jħallu impatt fuq it-twettiq fil-prattika tas-servizzi pubbliċi diġitali fl-UE, inklużi:

il-kwistjonijiet ġuridiċi, pereż. billi tiżgura li l-leġiżlazzjoni ma timponix ostakli mhux ġustifikati għall-użu mill-ġdid tad-dejta f’oqsma ta’ politika differenti;

l-aspetti organizzazzjonali, pereż. billi titlob ftehimiet formali dwar il-kundizzjonijiet applikabbli għall-interazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet;

it-tħassib dwar id-dejta/is-semantika, pereż. billi tiżgura l-użu ta’deskrizzjonijiet komuni tad-dejta skambjata;

l-isfidi tekniċi, pereż. billi tistabbilixxi l-ambjent neċessarju ta’ sistemi ta’ informazzjoni sabiex ikun hemm fluss kontinwu ta’ bits u bytes.

Diġà fl-1999 4 , il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa għall-interoperabbiltà bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u minn dakinhar ’il quddiem sostniet programmi għall-iżvilupp, il-promozzjoni u l-użu ta’ soluzzjonijiet interoperabbli fl-UE. Fl-2010 adottat Komunikazzjoni intitolata 5 “Lejn l-interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej”, li fl-Annessi tagħha kienet tinkludi l-Istrateġija Ewropea għall-Interoperabbiltà 6 (EIS) u l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà 7 (EIF). Minn dakinhar ’l hawn, il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà serva bħala referenza fl-Unjoni kollha kemm hi u lil hinn minnha, u kien il-bażi ta’ diversi oqfsa u strateġiji nazzjonali għall-interoperabbiltà (NIFs –national interoperability frameworks). Filwaqt li nimxu fuq il-passi ta’ dan is-suċċess, issa wasal iż-żmien li naġġornaw u nestendu l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà li għandna bħalissa sabiex jinkorpora rekwiżiti ġodda jew riveduti ta’ interoperabbiltà li jfeġġu minn linji ta’ politika u programmi tal-Unjoni kif ukoll minn amministrazzjonijiet pubbliċi, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi u x-xejriet teknoloġiċi.

F’dan il-kuntest, wieħed ifakkar li l-Komunikazzjoni dwar Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, 8 tas-6 ta’ Mejju 2015, tirrikonoxxi l-interoperabbiltà bħala prerekwiżit għal “konnessjonijiet effiċjenti bejn il-fruntieri, bejn il-komunitajiet u bejn is-servizzi pubbliċi u l-awtoritajiet” u tappella għar-reviżjoni u għall-estensjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà.

2Fejn ninsabu u fejn sejrin fir-rigward tal-interoperabbiltà

Il-programm (2010–2015) dwar is-Soluzzjonijiet ta’ Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej (ISA), 9 u s-suċċessur tiegħu l-programm ISA² (2016–2020), 10 huma l-istrumenti ewlenin li permezz tagħhom ġiet implimentata l-Istrateġija Ewropea għall-Interoperabbiltà u l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà ta’ bħalissa. Dan involva diversi azzjonijiet li kellhom l-għan li jtejbu l-kollaborazzjoni diġitali bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Ewropa.

L-Osservatorju tal-Oqfsa Nazzjonali għall-Interoperabbiltà (NIFO) stabbilit mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-programm ISA sabiex ikejjel il-progress u jwettaq monitoraġġ tas-sitwazzjoni attwali tal-interoperabbiltà fl-Unjoni indika li fl-2014, l-allinjament tal-oqfsa nazzjonali għall-interoperabbiltà mal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà kien laħaq rata medja ta’ 72 % 11 . Madankollu, il-livell ta’ implimentazzjoni tal-oqfsa nazzjonali għall-interoperabbiltà fi proġetti nazzjonali speċifiċi kien ta’ 45 % fl-2015, li jindika li għad hemm xi diffikultajiet fir-rigward tal-implimentazzjoni prattika tar-rakkomandazzjonijiet attwali.

L-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġu aktar gwida speċifika dwar kif jistgħu jtejbu l-governanza tal-attivitajiet ta’ interoperabbiltà tagħhom, jistabilixxu relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet, jissimplifikaw il-proċessi li jappoġġjaw is-servizzi diġitali totali, u jiżguraw li l-leġiżlazzjoni eżistenti u dik ġdida ma tikkompromettix l-isforzi tal-interoperabbiltà. Din il-gwida qiegħda titressaq f’ġabra aġġornata ta’ rakkomandazzjonijiet dwar l-interoperabbiltà inklużi fil-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, kif stabbilit fl-Anness 2 ta’ din il-Komunikazzjoni.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jgħinu lill-amministrazzjonijiet pubbliċi biex:

itejbu l-governanza nazzjonali tagħhom tal-attivitajiet ta’ interoperabbiltà,

jużaw mudelli operazzjonali komuni biex jiżviluppaw servizzi pubbliċi diġitali aħjar u jinkludu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tan-negozji minn Stati Membri oħra tal-UE,

jimmaniġġjaw id-dejta fil-pussess tagħhom f’formati semantiċi u sintattiċi komuni sabiex jagħmluha aktar faċli biex din tkun ippubblikata fil-portals, u biex tinġabar flimkien, tkun kondiviża u terġa’ tintuża.

Ir-rakkomandazzjonijiet aġġornati dwar l-interoperabbiltà jevolvu biex iqisu l-linji ta’ politika tal-UE bħad-Direttiva riveduta dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, 12 id-Direttiva INSPIRE 13 u r-Regolament eIDAS 14 .

Inizjattivi ġodda tal-UE, bħall-Inizjattiva Cloud Ewropea, 15 il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016–2020 16 u dawk previsti bħall-Passarella Unika Diġitali, 17 qegħdin jitqiesu wkoll sabiex ir-rakkomandazzjonijiet aġġornati dwar l-interoperabbiltà jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħhom.

Il-ħtieġa ta’ reviżjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà ġiet ikkonfermata matul l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni 18 mal-partijiet ikkonċernati kollha, jiġifieri l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri, iċ-ċittadini, in-negozji, u l-partijiet interessati l-oħra kollha bħall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni.

3Il-ħtieġa għal Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà ġdid

Il-Kummissjoni, sabiex tindirizza l-isfidi identifikati fir-rigward tal-interoperabbiltà, f’din il-Komunikazzjoni tippreżenta Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà ġdid u l-istrateġija biex timplimentah.

Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà l-ġdid jixħet aktar enfasi fuq kif il-prinċipji u l-mudelli tal-interoperabbiltà għandhom japplikaw fil-prattika u jqis il-ħtiġijiet relatati mal-politika u dawk teknoloġiċi li qegħdin ifeġġu. L-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet żdied minn 25 għal 47. Sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tagħhom, ir-rakkomandazzjonijiet huma magħmula aktar speċifiċi. Hemm lenti aktar qawwija fuq l-aċċess miftuħ u l-ġestjoni tal-informazzjoni, il-portabbiltà tad-dejta, il-governanza tal-interoperabbiltà u l-għoti ta’ servizz integrat 19 .

L-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà hija mmexxija mill-viżjoni segwenti: “L-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jipprovdu servizzi pubbliċi diġitali utentċentriċi interoperabbli ewlenin lin-negozji u liċ-ċittadini, fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni, li jappoġġjaw il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tad-dejta fl-Unjoni kollha kemm hija”. Din il-viżjoni ġiet approvata b’mod wiesa’ 20 mir-rappreżentanti tal-Istati Membri kkonsultati fil-kumitati ISA u ISA², mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, u minn partijiet ikkonċernati oħra.

Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni dwar l-interoperabbiltà (kif stipulat fl-Anness 1), maqsum f’ħames oqsma strateġiċi ta’ prijorità. Hija bbażata fuq il-prijoritajiet tal-interoperabbiltà li għandhom jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà matul l-2016–2020.

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Interoperabbiltà għandu jiggwida l-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mistennija li jikkomplementaw l-azzjonijiet fil-livell tal-UE (identifikati fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Interoperabbiltà) b’azzjonijiet nazzjonali, u b’hekk jiżguraw il-koerenza, li hija indispensabbli biex l-applikazzjoni tal-interoperabbiltà fis-settur pubbliku fl-Unjoni tirnexxi. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Interoperabbiltà jindirizza kwistjonijiet relatati mal-identifikazzjoni ta’ mekkaniżmi sodi għall-governanza tal-interoperabbiltà fil-livell nazzjonali u bejn il-fruntieri, il-kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet, l-impenn tal-partijiet ikkonċernati, u s-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-interoperabbiltà. Ikopri wkoll l-iżvilupp, it-titjib u l-promozzjoni tal-istrumenti ta’ appoġġ u tal-fatturi determinanti ewlenin tal-interoperabbiltà, filwaqt li jqis il-ħtiġijiet u l-prioritajiet tal-utenti aħħarin.

4L-oqsma ta’ prijorità

4.1L-iżgurar tal-governanza, tal-koordinazzjoni u tal-kondivizjoni tal-inizjattivi fir-rigward tal-interoperabbiltà

It-twettiq tal-interoperabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jirrikjedi entitajiet ta’ governanza u ta’ koordinazzjoni, u proċessi għall-ippjanar, għall-implimentar u għall-użu ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fl-Unjoni.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom rwol doppju:

I.li jmexxu, jikkoordinaw u jikkondividu l-inizjattivi kollha tal-interoperabbiltà 21 fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni bl-għan li jiżguraw li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jsegwu l-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, 22  

II.biex irawmu kooperazzjoni aħjar fost il-livelli kollha tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Unjoni u jġibu fix-xejn il-kompartimenti organizzattivi u diġitali li għad baqa’.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà. Il-Kummissjoni se twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà permezz tal-programm ISA² 23 .

Il-programm ISA² se jaqdi rwol ewlieni biex soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi jkunu żviluppati, stabbiliti, immaturati, operati, użati mill-ġdid, imtejba u mogħtija promozzjoni. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Programm ISA², se tiżgura li jkun hemm governanza kif suppost tal-interoperabbiltà, se tikklassifika u se tippromwovi s-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà, u se tikkoordina l-bosta inizjattivi ta’ interoperabbiltà tal-UE 24 .

4.2L-iżviluppar ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-organizzazzjonijiet

In-negozji u ċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn servizzi pubbliċi interoperabbli bbażati fuq integrazzjoni aħjar tal-proċessi operazzjonali u skambju aħjar tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Unjoni.

F’dan il-kuntest, l-interoperabbiltà tal-organizzazzjonijiet tfisser l-integrar jew l-allinjar tal-proċessi operazzjonali ta’ bejn l-organizzazzjonijiet u l-għoti ta’ xejra formali lir-relazzjonijiet bejn il-fornituri tas-servizzi u l-konsumaturi tas-servizzi pubbliċi Ewropej.

4.3L-involviment tal-partijiet ikkonċernati u s-sensibilizzazzjoni dwar l-interoperabbiltà

Kull inizjattiva ta’ interoperabbiltà għandha tissejjes fuq argument speċifiku għall-vijabbiltà li juri li l-interoperabbiltà hija investiment ta’ min jidħol għalih u li l-ħtiġijiet tal-utent ikunu ssodisfati b’mod aħjar meta s-sistemi ta’ informazzjoni jkunu jistgħu jikkomunikaw bejniethom.

F’dan il-kuntest, l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom:

I.jaraw kemm huma kbar il-benefiċċji prinċipali li jistgħu jinkisbu permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipji u tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, u jikkomunikawhom, u

II.jiffavorixxu l-applikazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà u s-soluzzjonijiet li proposti minnu.

Bħala utenti aħħarin, in-negozji u ċ-ċittadini wkoll għandhom ikunu involuti fit-tfassil, fl-analiżi, fil-valutazzjoni u fl-evoluzzjoni tas-servizzi pubbliċi Ewropej. Għal dan l-għan, il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Interoperabbiltà għandu azzjoni speċifika dwar l-involviment tal-utenti, biex jiġbor flimkien il-fehmiet u l-ħtiġijiet tan-negozji u taċ-ċittadini (inklużi dawk b’diżabbiltà) b’mod parteċipattiv u kollaborattiv. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, kemm jista’ jkun, imexxu t-tfassil u l-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi abbażi tal-ħtiġijiet tal-utenti.

4.4L-iżviluppar, il-manutenzjoni u l-promozzjoni tal-fatturi determinanti ewlenin tal-interoperabbiltà

Illum il-ġurnata, l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom f’idejhom il-ġestjoni ta’ ammonti kbar ta’ dejta f’formati differenti filwaqt li jużaw metodi differenti ta’ ġestjoni tad-dejta, iżommu aktar minn kopja waħda f’ħafna repożitorji differenti u ta’ sikwit jippubblikawha fuq diversi portals fl-Ewropa kollha bla ebda armonizzazzjoni f’termini ta’ kontenut u preżentazzjoni. Dan jispjega għaliex dawn jerġgħu jużaw l-informazzjoni li diġà jkollhom dwar iċ-ċittadini u n-negozji fi 48 % tal-każijiet biss 25 . Minħabba f’hekk, it-twettiq fil-prattika tas-servizzi pubbliċi ta’ sikwit ikun jieħu ħafna ħin u jkun ta’ skariġġ għaċ-ċittadini u għan-negozji. Dan jaf ukoll irawwem dubji fil-fiduċja b’rabta mal-protezzjoni tad-dejta.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, biex itejbu l-kwalità tas-servizzi pubbliċi Ewropej li jaslu għand l-utenti aħħarin b’mod diġitali, għandhom jiddefinixxu, jiżviluppaw, itejbu, jibdew joperaw, u jippromwovu sensiela ta’ fatturi determinanti ewlenin tal-interoperabbiltà, 26 kif ukoll iwettqu manutenzjoni tagħhom filwaqt li jiżguraw is-sigurtà tad-dejta skambjata.

4.5L-iżviluppar, il-manutenzjoni u l-promozzjoni ta’ strumenti li jappoġġjaw l-interoperabbiltà

Huma u jfasslu, jimplimentaw u jużaw is-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà, l-Istati Membri jeħtieġu l-appoġġ ta’ strumenti prattiċi, jiġifieri għodod, oqfsa, linji gwida u speċifikazzjonijiet, li huma neċessarji għall-kisba tal-interoperabbiltà fil-livell nazzjonali u bejn il-fruntieri. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-użu mill-ġdid tal-istrumenti li diġà jeżistu u jiżviluppaw ulterjorment oħrajn ġodda, b’mod partikolari:

l-Arkitettura Ewropea ta’ Referenza għall-Interoperabbiltà u l-Kartografija Ewropea tal-Interoperabbiltà 27 ;

modi ta’ valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-ICT tad-dritt tal-Unjoni 28 u l-identifikazzjoni ta’ diskrepanzi fil-leġiżlazzjoni li jxekklu l-interoperabbiltà 29 ;

il-“qafas għall-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid għas-soluzzjonijiet tal-IT” żviluppat fil-kuntest tal-programm ISA², biex jippromwovi u jtejjeb il-kondiviżjoni, l-iżvilupp kollaborattiv u l-użu mill-ġdid tas-soluzzjonijiet tal-IT (inkluż is-sors miftuħ) mill-amministrazzjonijiet pubbliċi.

5Strumenti finanzjarji

Il-Kummissjoni se tappoġġja, tippromwovi u twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Interoperabbiltà, u tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà b’mod ġenerali, l-ewwel u qabel kollox permezz tal-programm ISA².

L-azzjonijiet ippjanati jistgħu wkoll ikunu kompletament jew parzjalment iffinanzjati minn strumenti oħra, pereżempju:

Orizzont 2020 30 jista’ jappoġġja l-azzjonijiet relatati mal-innovazzjoni fis-settur pubbliku 31 ;

il-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” 32 tista’ tappoġġja t-tixrid u l-użu ta’ servizzi diġitali transfruntieri avvanzati ewlenin bħall-identifikazzjoni elettronika, l-akkwist pubbliku u s-servizzi tas-saħħa interoperabbli;

il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 33 jistgħu jappoġġjaw l-azzjonijiet relatati mat-tkabbir diġitali permezz tal-iżvilupp tal-prodotti u tas-servizzi tal-ICT 34 u dawk relatati mat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u tal-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi 35 ;

il-programm ta’ sostenn għar-riforma strutturali 36 jista’ jappoġġja l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-implimentazzjoni tad-dimensjoni nazzjonali tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà.

Strumenti finanzjarji oħra jistgħu jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Interoperabbiltà jew il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà permezz ta’ azzjonijiet b’mira f’oqsma politiċi speċifiċi.

6Il-Monitoraġġ u r-Rappurtar

L-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, u b’mod partikolari tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Interoperabbiltà, tista’ tkun possibbli biss bis-saħħa ta’ sjieda konġunta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-programm ISA² għandu jkollha f’idejha l-governanza u l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni u tal-monitoraġġ.

Il-Kummissjoni se toħloq qafas integrat għall-monitoraġġ, għall-valutazzjoni u għar-rapportar dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Interoperabbiltà. Dawn l-attivitajiet se jitwettqu bħala parti mill-kompetenzi tal-ħidma ta’ osservazzjoni tal-interoperabbiltà fl-ambitu tal-programm ISA² billi jintużaw indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u miri li jistgħu jitkejlu.

Sa tmiem l-2019, il-Kummissjoni se tevalwa l-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà. Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni u f’konformità mal-prinċipji tar-regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni tista’ tivvaluta jekk ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà għandhomx ikunu parti minn strument mandatorju.

7Il-konklużjoni

Hemm kunsens wiesa’ fost il-partijiet ikkonċernati dwar il-ħtieġa li jsir aġġornament tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà li jeżisti bħalissa. Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, l-Istati Membri, fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw minnufih l-isfidi attwali, jistgħu jadottaw approċċi individwali u diverġenti fir-rigward tal-interoperabbiltà. Dan iwassal għal soluzzjonijiet inkompatibbli li jistgħu jżidu l-frammentazzjoni diġitali fl-UE kollha u jimpedixxu s-suq uniku diġitali milli jsir realtà.

Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà l-ġdid issawwar f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u wara proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati l-oħra kollha rilevanti. Sabiex l-implimentazzjoni tiegħu tirnexxi se jkun meħtieġ l-involviment attiv tal-atturi kollha, speċjalment tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. L-azzjonijiet ippjanati se jiżguraw li l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà l-ġdid ikun jista’ jikseb l-objettiv aħħari tiegħu ta’ servizzi pubbliċi utentċentriċi interoperabbli fl-UE.

(1)

Bidu Ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda Tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku, Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss, Dikjarazzjoni ta’ ftuħ fis-Sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, Strasburgu, il-15 ta’ Lulju 2014.

(2)

Il-punteġġ tal-Gvern elettroniku huwa ta’ 55,4 % u joħroġ fil-beraħ li hemm diskrepanza sinifikanti bejn l-Istat Membru li kiseb l-ogħla punteġġ u dak li kiseb l-anqas punteġġ.

(3)

Kif ġie ddikjarat fir-rapport dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku għall-2014 fir-rigward tal-Punti Uniċi ta’ Kuntatt.

(4)

Fl-1999, il-Kummissjoni nediet inizjattiva ddedikata għall-interoperabbiltà: Id-Deċiżjoni Nru 1719/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar serje ta’ linji gwida, inkluża l-identifikazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni, għal networks trans-Ewropej għall-iskambju reċiproku elettroniku ta’ tagħrif bejn l-amministrazzjonijiet (IDA).

(5)

 COM(2010) 744 finali, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Lejn l-interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej”, Brussell, 16.12.2010.

(6)

 COM(2010) 744 finali, Anness 1.

(7)

 COM(2010) 744 finali, Anness 2.

(8)

  COM(2015) 192 final, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, Brussell, 06.05.2015.

(9)

Id-Deċiżjoni Nru 922/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA).

(10)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (Programm ISA² ) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku.

(11)

State of Play of Interoperability in Europe - Report 2014 (Is-sitwazzjoni attwali tal-interoperabbiltà fl-Ewropa – ir-Rapport 2014).

(12)

2003/98/KE, riveduta mid-Direttiva 2013/37/UE.

(13)

Id-Direttiva 2007/2/KE li tistabbilixxi infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE).

(14)

Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE.

(15)

COM/2016/0178 final, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta’ dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa.

(16)

COM/2016/0179 final, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika.

(17)

Inizjattiva tas-suq uniku diġitali fl-ambitu tal-ġabra ta’ azzjonijiet tal-Gvern elettroniku.

(18)

L-SWD(2017)113 relatat mar-rapport fil-qosor dwar l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni jindika li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE rreferew għall-ħtieġa għal Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà ġdid biex (i) iqis ix-xejriet teknoloġiċi l-ġodda (73 %); (ii) jipprovdi gwida prattika u aktar immirata għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-interoperabbiltà (73 %); u (iii) jallinja ruħu mal-evoluzzjoni tal-istrateġiji tal-UE, b’mod partikolari l-istrateġija tas-suq uniku diġitali (65 %).

(19)

L-SWD(2017)112 dwar ir-Reviżjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà – Analiżi, jagħti dettalji dwar iż-żieda fl-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet u l-valur miżjud tal-aġġornamenti.

(20)

L-SWD(2017)113 relatat mar-rapport fil-qosor dwar l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni jindika li 87 % fost dawk li wieġbu qablu ma’ din il-viżjoni.

(21)

L-inizjattivi tal-interoperabbiltà għandhom ikunu intiżi bħala azzjonijiet u soluzzjonijiet (jiġifieri oqfsa, servizzi u għodod) li jikkontribwixxu għat-titjib tal-interazzjonijiet bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, fil-livelli kollha, inklużi l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet. Dawn l-inizjattivi għandhom ikopru kull livell ta’ interoperabbiltà: ġuridiku, organizzattiv, semantiku u tekniku.

(22)

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jqiegħed limitu fuq l-azzjoni tal-UE għal dak li huwa neċessarju għall-kisba ta’ objettivi politiċi miftiehma. Dan ifisser li l-UE se tagħżel soluzzjonijiet li jagħtu kemm jista’ jkun libertà lill-Istati Membri.

(23)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 dwar ISA², l-Artikolu 1(2).

(24)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 dwar ISA², l-Artikoli 1 u 3.

(25)

Kif indikat fit-Taqsima 4.3.2 Gvern elettroniku tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali (COM(2015) 192 final).

(26)

Kif stipulat fl-Artikolu 2(14) tad-Deċiżjoni legali tal-ISA2 “fatturi determinanti ewlenin tal-interoperabbiltà” tfisser soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà (pereż. servizzi u għodod, standards u speċifikazzjonijiet) li huma neċessarji sabiex jippermettu t-twettiq effiċjenti u effettiv tas-servizzi pubbliċi tul amministrazzjonijiet.

(27)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 dwar ISA², l-Artikolu 3(f).

(28)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 dwar ISA², l-Artikolu 3(c).

(29)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 dwar ISA², l-Artikolu 3(d).

(30)

Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104), Brussell.

(31)

L-Isfida tas-Soċjetà 6 “L-Ewropa f’dinja li qed tinbidel – Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi” ta’ Orizzont 2020.

(32)

Ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar linji gwida għal networks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE.

(33)

  http://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/legislation/guidance/ .

(34)

L-Objettiv Tematiku Nru 2 tal-FSIE.

(35)

L-Objettiv Tematiku Nru 11 tal-FSIE.

(36)

  http://ec.europa.eu/about/srss/index_en.htm .


Brussell, 23.3.2017

COM(2017) 134 final

ANNESS

tal-
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà - Strateġija ta’ Implimentazzjoni

Pjan ta' Azzjoni għall-Interoperabbiltà

{SWD(2017) 112 final}
{SWD(2017) 113 final}


Pjan ta' azzjoni għall-interoperabbiltà

Il-pjan ta' azzjoni għall-interoperabbiltà jindirizza l-kawżi 1 tal-kwistjonijiet eżistenti ta’ interoperabbiltà u huwa indikattiv. Jista’ jkun aġġornat jekk jiġu identifikati u inklużi fih jew rtirati iktar azzjonijiet. Tibdil jista’ jiġi propost mill-Kummissjoni Ewropea fi kwalunkwe ħin u għandhom jingħataw raġunijiet validi, pereżempju sejbiet li jirriżultaw mill-monitoraġġ ta’ azzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Kumitat ISA² jew, jekk relevanti, mal-korpi li jirregolaw l-inizjattivi li jappoġġaw il-pjan ta' azzjoni għall-interoperabbiltà, hija responsabbli biex tiddeċiedi dwar kwalunkwe aġġornament għal-lista.

Objettivi

Azzjonijiet

Kronoloġija

Responsabbiltà

Qasam ta' prijorità Nru 1: L-iżgurar tal-governanza, tal-koordinazzjoni u tal-kondiviżjoni ta’ inizjattivi għall-interoperabbiltà

Għall-governanza u l-koordinazzjoni tal-inizjattivi għall-interoperabbiltà fil-livelli tal-UE u nazzjonali.

1.Identifikazzjoni u koordinazzjoni mal-politiki relevanti l-oħra u mal-istrutturi ta’ governanza tagħhom fil-livelli tal-UE u nazzjonali (inkluż kumitati settorjali).

2017-2020

Kummissjoni Ewropea (KE),

Stati Membri (SM)

2.Identifikazzjoni u deskrizzjoni tal-istrutturi ta’ governanza u prattiki tajba għal koordinazzjoni tal-interoperabbiltà.

2017-2020

KE, SM

3.L-iżgurar li l-interoperabbiltà tiġi kkunsidrata fit-tfassil ta’ strumenti leġiżlattivi u li jiġu inklużi referenzi relevanti kif xieraq.

2017-2020

KE, SM

Sabiex jiġu żgurati l-eżekuzzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-FEI.

4.L-espansjoni u ż-żamma tal-Osservatorju NIF għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-FEI u l-konformità mal-istrateġiji/oqfsa nazzjonali għall-interoperabbiltà mal-FEI.

Kif ukoll, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni għall-interoperabbiltà.

2017-2020

KE, SM

5.Il-proviżjoni ta’ appoġġ u taħriġ ad hoc lill-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-FEI fil-livelli kollha tal-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom.

2017-2020

KE, SM



Qasam ta' prijorità Nru 2: L-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà organizzattiva

Sabiex jiġu pprovduti u użati faċilitaturi relevanti (eż. ftehimiet ta’ interoperabbiltà) u artifatt (eż mudelli ta’ proċess tan-negozju).

6.Il-kjarifika u l-proposta ta’ modi kif ir-relazzjonijiet organizzattivi tal-amministrazzjoni pubblika tista’ tiġi formalizzata bħala parti mis-servizzi pubbliċi Ewropej. L-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ proċess komuni għad-deskrizzjoni ta’ proċessi tan-negozju. L-identifikazzjoni tal-aħjar prassi;

2017-2020

KE, SM

7.L-identifikazzjoni ta’ proċessi tan-negozju transfruntier ewlenin li jinvolvu skambju ta’ informazzjoni amministrattiva (inkluż dokumenti) u l-implimentazzjoni tagħhom mill-Istati Membri differenti, kif ukoll l-iżvilupp ta’ linji gwida dwar kif l-aħjar jiġu allinjati u simplifikati.

2017-2020

KE, SM

Qasam ta' prijorità Nru 3: Involviment ta’ partijiet ikkonċernati u sensibilizzazzjoni għall-interoperabbiltà

Sabiex l-amministrazzjonijiet pubbliċi jiġu mħeġġa jużaw soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà eżistenti jew ġodda filwaqt li japplikaw il-prinċipji, ir-rakkomandazzjonijiet u l-mudelli tal-FEI. Sabiex jiġu definiti, imkejla u kkomunikati l-benefiċċji ewlenin li jistgħu jinkisbu bl-applikazzjoni tal-prinċipji, ir-rakkomandazzjonijiet u l-mudelli FEI.

8.It-tfassil u t-twettiq ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni li jippromwovu l-importanza tal-interoperabbiltà u l-benefiċċji tal-applikazzjoni tal-FEI.

2017-2020

   

KE, SM

9.Koordinazzjoni mal-uffiċċji tal-pajjiżi tal-UE għall-implimentazzjoni nazzjonali (eż. appoġġ għall-istabbiliment ta’ governanza, l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet, titħeġġeġ il-parteċipazzjoni f’proġetti pilota tal-UE).

2018-2020

KE, SM

10.Iż-żamma, it-titjib u l-animazzjoni tal-pjattaforma Joinup għal involviment iktar tal-utent u l-bini tal-komunità

2017-2020

KE, SM

Sabiex jiġu ggwidati t-tfassil u l-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-utenti.

11.L-identifikazzjoni jew l-introduzzjoni ta’ mezzi ta’ involviment tal-utent fl-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi diġitali.

2018-2020

KE, SM

Qasam ta' prijorità Nru 4: L-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-promozzjoni ta’ faċilitaturi ewlenin tal-interoperabbiltà

Sabiex jiġu definiti, żviluppati, mtejba, operazzjonalizzati, miżmuma u promossi s-servizzi u l-għodod, l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet għall-interoperabbiltà.

12.Definizzjoni u implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet komuni tat-termini u kundizzjonijiet għall-aċċess u l-ġestjoni tar-reġistri bażi.

Il-firxa tal-kartografija ta’ soluzzjonijiet eżistenti għall-qasam tar-reġistri bażi.

2017-2020

KE, SM

13.L-implimentazzjoni u l-promozzjoni ta’ mudelli komuni għad-deskrizzjoni u l-katalogar tas-servizzi pubbliċi fl-UE kollha.

2017-2020

KE, SM

14.L-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet ta’ data u għodod għall-appoġġ ta’ inizjattivi ta’ “data miftuħa”.

2018-2020

KE, SM

15.L-identifikazzjoni ta’ miżuri biex tinbena l-fiduċja fit-twettiq ta’ servizzi pubbliċi diġitali Ewropej.

F’dan il-kuntest, li jitħaffef l-assorbiment tas-servizzi eIDAS, inkluż eID u eSignature.

2018-2020

KE, SM

16.L-analiżi tal-kontenut tad-data ta’ u skemi eżistenti ta’ metadata għall-informazzjoni ta’ amministrazzjoni pubblika (inkluż dokumenti) użati f’kuntest transfruntier jew transettorjali. Identifikazzjoni ta’ ostakli għall-għarfien reċiproku, l-iżvilupp ta’ mmappjar u l-appoġġ għal sforzi ta’ armonizzazzjoni.

2018-2020

KE, SM

17.Appoġġ ulterjuri għall-implimentazzjoni u t-tisħiħ tad-Direttiva INSPIRE permezz tal-użu ta’ data ġeospazjali fis-servizzi pubbliċi diġitali.

2017-2020

KE, SM

18.Koordinazzjoni mal-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar il-”cloud” u inizjattivi oħra relatati mal-“bini ta’ ekonomija xprunata mid-data” tas-Suq Uniku Diġitali (f’dak li jikkonċerna s-servizzi tal-gvern) u l-provvediment tar-rakkomandazzjonijiet neċessarji għall-interoperabbiltà u speċifikazzjonijiet b’kunsiderazzjoni dovuta għall-Komunikazzjoni dwar il-Prijoritajiet ta’ Standardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali (COM(2016)176).

2018-2020

KE, SM

Qasam ta' prijorità Nru 5: L-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-promozzjoni ta’ strumenti ta’ appoġġ għall-interoperabbiltà

Sabiex jiġu definiti, żviluppati, imtejba, operazzjonalizzati, mantnuti u promossi strumenti li jappoġġaw l-implimentazzjoni, il-valutazzjoni, u l-monitoraġġ ta’ attivitajiet ta’ interoperabbiltà.

19.L-iżvilupp ta’ metodu li jevalwa l-impatt eventwali tal-ICT tal-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE jew, jekk possibbli, fil-livelli nazzjonali. jidentifika leġiżlazzjoni li xxekkel l-interoperabbiltà (inkluż skrinjar legali); jitwettqu verifiki diġitali fuq politiki u leġiżlazzjoni proposti jew eżistenti; appoġġ għal azzjonijiet li jiffaċilitaw il-preparazzjoni u l-koerenza tal-leġiżlazzjoni.

2017-2020

KE, SM

20.L-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-użu ta’ mekkaniżmi u għodod li jevalwaw il-maturità, il-kostijiet u l-benefiċċji tal-interoperabbiltà.

2017-2020

KE, SM

21.Il-manutenzjoni u l-promozzjoni tal-”qafas għall-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid tas-soluzzjonijiet tal-IT” (inkluż sors miftuħ) żviluppat fil-kuntest tal-programm ISA².

2017-2020

KE, SM

22.Jiġu żgurati l-manutenzjoni, it-titjib u l-promozzjoni tal-Arkitettura Ewropea ta’ Referenza għall-Interoperabbiltà (EIRA) u l-Kartografija Ewropea għall-Interoperabbiltà (EIC) bħala strumenti għall-iffaċilitar tal-użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet eżistenti ta’ interoperabbiltà f’kuntest nazzjonali jew transfruntier.

2017-2020

KE, SM

(1)

Kawżi ta’ interoperabbiltà huma msemmija fit-test ewlieni tal-Komunikazzjoni. Ma hemmx korrispondenza bejn żewġ partijiet bejn l-oqsma ta’ prijorità u l-kawżi sottostanti; madanakollu, il-kawżi huma indirizzati minn waħda jew taħlita ta’ azzjonijiet proposti.


Brussell, 23.3.2017

COM(2017) 134 final

ANNESS

tal-KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà - Strateġija ta' Implimentazzjoni

{SWD(2017) 112 final}
{SWD(2017) 113 final}



Werrej

1    Introduzzjoni    

1.1    Definizzjonijiet    

1.2    L-għan u l-qafas legali tal-EIF    

1.3    Il-kamp ta’ applikazzjoni, il-qarrejja u l-użu tal-EIF    

2    Il-prinċipji sottostanti tas-servizzi pubbliċi Ewropej    

2.1    Introduzzjoni    

2.2    Il-prinċipju sottostanti 1: is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità    

2.3    Il-prinċipju sottostanti 2: ftuħ    

2.4    Il-prinċipju sottostanti 3: it-trasparenza    

2.5    Il-prinċipju sottostanti 4: l-użu mill-ġdid    

2.6    Il-prinċipju sottostanti 5: in-newtralità teknoloġika u l-portabbiltà tad-data    

2.7    Il-prinċipju sottostanti 6: iċ-ċentriċità tal-utent    

2.8    Il-prinċipju sottostanti 7: l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà    

2.9    Il-prinċipju sottostanti 8: is-sigurtà u l-privatezza    

2.10    Il-prinċipju sottostanti 9: il-multilingwiżmu    

2.11    Il-prinċipju sottostanti 10: is-simplifikazzjoni amministrattiva    

2.12    Il-prinċipju sottostanti 11: il-preservazzjoni tal-informazzjoni    

2.13    Il-prinċipju sottostanti 12: il-valutazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza    

3    Il-livelli tal-interoperabbiltà    

3.1    Governanza tal-interoperabbiltà    

3.2    Governanza ta’ servizz pubbliku integrat    

3.3    L-interoperabbiltà legali    

3.4    L-interoperabbiltà organizzattiva    

3.5    L-interoperabbiltà semantika    

3.6    L-interoperabbiltà teknika    

4    Il-mudell konċettwali għall-għoti tas-servizzi pubbliċi integrati    

4.1    Introduzzjoni    

4.2    Ħarsa ġenerali tal-mudell    

4.3    Il-komponenti bażiċi    

5    Konklużjoni    

6    Anness    

6.1    Abbrevjazzjonijiet    

Tabella tal-illustrazzjonijiet

Illustrazzjoni 1: Ir-relazzjoni bejn l-EIF, in-NIFs u d-DIFs    

Illustrazzjoni 2: Il-prinċipji tal-interoperabbiltà    

Illustrazzjoni 3: Mudell tal-interoperabbiltà    

Illustrazzjoni 4: Il-mudell konċettwali għal servizzi pubbliċi integrati    

Illustrazzjoni 5: Relazzjonijiet tal-mudell konċettwali tal-EIF    



1Introduzzjoni

Kif stipulat fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea (UE), is-suq intern tal-UE jiggarantixxi erba' “libertajiet” - il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital, tas-servizzi u tal-persuni bejn it-28 Stat Membru. Dawn il-libertajiet huma żgurati permezz ta' politiki komuni appoġġati b'netwerks u sistemi interkonnessi u interoperabbli. Il-persuni huma liberi li jaħdmu u jirrilokaw u n-negozji huma liberi li jinnegozjaw u joperaw fl-Istati Membri kollha tal-UE. Huma u jagħmlu dan, huma jkollhom jinteraġixxu b'mod elettroniku mal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri b'mod inevitabbli.

Sabiex jagħmlu dawn l-interazzjonijiet effiċjenti, effettivi, f’waqthom u ta’ kwalità għolja u biex jgħinu fl-eliminazzjoni tal-burokrazija żejda u jnaqqsu l-ispiża u l-isforzi involuti, l-Istati Membri qegħdin jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom billi jintroduċu servizzi pubbliċi diġitali. Madankollu, meta jagħmlu dan, huma jirriskjaw li joħolqu ambjenti diġitali iżolati u konsegwentement ostakoli elettroniċi li jistgħu jipprevjenu lill-amministrazzjonijiet pubbliċi milli jkollhom konnessjoni ma’ xulxin, u liċ-ċittadini u lin-negozji milli jidentifikaw u jużaw servizzi pubbliċi diġitali disponibbli f’pajjiżi oħra minbarra dawk tagħhom stess. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-isforzi għad-diġitazzjoni tas-settur pubbliku jiġu kkoordinati tajjeb fil-livell Ewropew, kif ukoll f’dak nazzjonali, sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-servizzi u d-data, u biex is-suq uniku diġitali tal-UE jiġi appoġġat biex jaħdem bla xkiel.

Fl-istess ħin, l-isfidi li tiffaċċja l-Unjoni jirrikjedu risposti ta’ politika komuni mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tirrikjedi interazzjoni bejn il-fruntieri u s-setturi tal-politika. Dan jinvolvi wkoll l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ sistemi interoperabbli. Tali sistemi, kif stabbilit fl-istrateġija tas-suq uniku diġitali, 1 huma maħsuba biex jiżguraw komunikazzjoni effettiva bejn il-komponenti diġitali bħal apparati, netwerks u repożitorji tad-data. Dawn jipprovdu wkoll konnessjonijiet aktar effiċjenti bejn il-fruntieri, bejn il-komunitajiet u bejn is-servizzi pubbliċi u l-awtoritajiet.

L-EIF jagħti gwida, permezz ta’ sett ta’ rakkomandazzjonijiet, lill-amministrazzjonijiet pubbliċi dwar kif dawn jistgħu jtejbu l-governanza tal-attivitajiet ta’ interoperabbiltà tagħhom, jistabbilixxu relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet, jarmonizzaw il-proċessi li jappoġġaw is-servizzi diġitali minn tarf għal ieħor u jiżguraw li l-leġiżlazzjoni eżistenti u dik ġdida ma jikkompromettux l-isforzi tal-interoperabbiltà.

1.1Definizzjonijiet

1.1.1Interoperabbiltà

Għall-iskop tal-EIF, l-interoperabbiltà hija l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet 2 li jinteraġixxu lejn miri benefiċjarji reċiproki, billi jinvolvu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u għarfien bejn dawn l-organizzazzjonijiet, permezz tal-proċessi tan-negozju li huma jappoġġaw, bl-użu tal-iskambju ta’ data bejn is-sistemi tal-ICT tagħhom.

1.1.2Servizz pubbliku Ewropew

Servizz pubbliku Ewropew jinkludi kwalunkwe servizz tas-settur pubbliku espost għal dimensjoni transfruntiera u fornut mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, jew lil xulxin jew lin-negozji u ċ-ċittadini fl-Unjoni.

1.1.3Qafas Ewropew għall-interoperabbiltà

Il-qafas Ewropew għall-interoperabbiltà huwa approċċ li jkun sar qbil fuqu b’mod komuni għat-twassil ta’ servizzi pubbliċi Ewropej b'mod interoperabbli. Dan jiddefinixxi linji gwida bażiċi dwar l-interoperabbiltà fil-forma ta’ prinċipji, mudelli u rakkomandazzjonijiet komuni.

1.2L-għan u l-qafas legali tal-EIF

L-iskop tal-EIF huwa li:

iħeġġeġ lill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej fl-isforzi tagħhom biex ifasslu u jwasslu servizzi pubbliċi Ewropej bla xkiel lil amministrazzjonijiet pubbliċi, ċittadini u negozji oħrajn, li sa fejn possibbli, ikunu diġitali b’mod awtomatiku (jiġifieri jipprovdu servizzi u data preferibbilment permezz tal-kanali diġitali), transfruntiera b’mod awtomatiku (jiġifieri aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha fl-UE) u li jinfetħu b’mod awtomatiku (jiġifieri jippermettu l-użu mill-ġdid, il-parteċipazzjoni/l-aċċess u t-trasparenza);

jipprovdi gwida lill-amministrazzjonijiet pubbliċi dwar it-tfassil u jaġġorna l-oqfsa nazzjonali għall-interoperabbiltà (NIF), jew politiki nazzjonali, strateġiji u linji gwida li jippromwovu l-interoperabbiltà;

jikkontribwixxi għall-istabbiliment tas-suq uniku diġitali billi jrawwem l-interoperabbiltà transfruntiera u transsettorjali għat-twassil tas-servizzi pubbliċi Ewropej.

In-nuqqas ta’ interoperabbiltà huwa ostakolu ewlieni għall-progress fis-suq uniku diġitali. L-użu tal-EIF għat-tmexxija tal-inizjattivi Ewropej għall-interoperabbiltà jikkontribwixxi għal ambjent interoperabbli Ewropej koerenti u jiffaċilita t-twassil tas-servizzi li jaħdmu flimkien, fi ħdan u bejn l-organizzazzjonijiet jew oqsma.

L-EIF huwa prinċipalment promoss u miżmum mill-programm ISA² 3 b'kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-ispirtu tal-Artikoli 26, 170 u 171 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 4 , billi jitlob li jiġu stabbiliti netwerks interoperabbli trans-Ewropej li ser jippermettu liċ-ċittadini jiksbu benefiċċju sħiħ minn suq intern Ewropew.

1.3Il-kamp ta’ applikazzjoni, il-qarrejja u l-użu tal-EIF

L-EIF huwa intenzjonat li jkun qafas ġeneriku applikabbli għall-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha fl-UE. Dan jistabbilixxi l-kundizzjonijiet bażiċi biex tinkiseb l-interoperabbiltà, jaġixxi bħala d-denominatur komuni għal inizjattivi rilevanti fil-livelli kollha, inkluż dak Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, iħaddan l-amministrazzjonijiet pubbliċi, iċ-ċittadini u n-negozji. Dan id-dokument huwa indirizzat għal dawk kollha li huma involuti fid-definizzjoni, it-tfassil, l-iżvilupp u t-twassil tas-servizzi pubbliċi Ewropej.

Billi l-Istati Membri għandhom sistemi amministrattivi u politiċi differenti, l-ispeċifiċitajiet nazzjonali għandhom jitqiesu meta l-EIF jiġi traspost fil-kuntest nazzjonali. L-UE u l-politiki nazzjonali (pereżempju n-NIFs) huma mistennija jibnu fuq l-EIF, billi jżidu elementi ġodda jew eżistenti ta’ rfinar. B’mod simili, jenħtieġ li l-oqfsa għall-interoperabbiltà speċifiċi għall-qasam (DIFs) 5 jibqgħu kompatibbli, u fejn ikun meħtieġ, jiġu estiżi mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-EIF sabiex jiġu indikati r-rekwiżiti speċifiċi għall-interoperabbiltà tal-qasam inkwistjoni. Dan ifisser li xi elementi tal-EIF jistgħu jiġu kkupjati b’mod dirett f’NIF jew DIF, filwaqt li oħrajn jista’ jkollhom bżonn li jiġu kkontestwalizzati u mfassla aktar biex ikopru l-ħtiġijiet partikolari.

Ir-relazzjoni bejn l-EIF, in-NIFs u d-DIFs hija deskritta fl-illustrazzjoni 1. L-EIF jipprovdi ġabra komuni tal-elementi għall-interoperabbiltà lin-NIFs u d-DIFs Ewropej. Il-konformità mal-EIF tiggarantixxi li n-NIFs u d-DIFs jiġu żviluppati b’mod ikkoordinat u allinjat, filwaqt li tiġi pprovduta l-flessibbiltà meħtieġa biex jiġu indirizzati r-rekwiżiti speċifiċi li jirriżultaw mill-ħtiġijiet nazzjonali jew minn dawk li huma speċifiċi għall-qasam.

Illustrazzjoni 1: Ir-relazzjoni bejn l-EIF, in-NIFs u d-DIFs

B’mod ġenerali, l-EIF jipprovdi valur f’żewġ direzzjonijiet:

minn isfel għal fuq: meta NIF allinjat mal-EIF jintuża għall-implimentazzjoni tas-servizzi pubbliċi fil-livelli kollha tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, dan joħloq il-kundizzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta' dawn is-servizzi bejn il-fruntieri;

minn fuq għal isfel: meta l-EIF jitqies fil-leġiżlazzjoni u fl-oqsma politiċi tal-UE, kemm permezz ta’ referenzi ad hoc jew b'mod aktar strutturali permezz tad-DIFs, dan iżid il-potenzjal tal-interoperabbiltà tal-azzjonijiet nazzjonali ta’ segwitu li jirriżultaw mit-traspożizzjoni.

Fiż-żewġ każijiet, ir-riżultat aħħari huwa l-iżvilupp ta’ ekosistema Ewropea tas-servizzi pubbliċi li permezz tagħha s-sidien u dawk li jfasslu s-sistemi u s-servizzi pubbliċi jsiru jafu bir-rekwiżiti tal-interoperabbiltà, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jkunu lesti biex jikkollaboraw ma’ xulxin u man-negozji u ċ-ċittadini, u l-informazzjoni tiġi ċċirkolata bla xkiel bejn il-fruntieri sabiex jiġi appoġġat suq uniku diġitali fl-Ewropa.

1.3.1L-oqsma tal-interoperabbiltà

L-kamp ta’ applikazzjoni tal-EIF ikopri tliet tipi ta’ interazzjonijiet:

A2A (amministrazzjoni għal amministrazzjoni) li tirreferi għall-interazzjonijiet bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi (pereżempju Stat Membru jew Istituzzjonijiet tal-UE);

A2B (amministrazzjoni għal negozju), li tirreferi għall-interazzjonijiet bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi (fi Stat Membru jew f’Istituzzjoni tal-UE) u n-negozji;

A2C (amministrazzjoni għal ċittadin), li tirreferi għall-interazzjonijiet bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi (fi Stat Membru jew f’istituzzjoni tal-UE) u ċ-ċittadini.

1.3.2Il-kontenut u l-istruttura

Il-kontenut u l-istruttura tal-EIF huma ppreżentati hawn taħt:

Il-Kapitolu 2 jippreżenta sett ta’ prinċipji maħsuba biex tiġi stabbilita mġiba ġenerali dwar l-interoperabbiltà;

Il-Kapitolu 3 jippreżenta mudell ta’ interoperabbiltà maqsum f’saffi li jorganizza f'saffi l-aspetti differenti ta' interoperabbiltà li għandhom jiġu indirizzati matul id-disinn ta' servizzi pubbliċi Ewropej;

Il-Kapitolu 4 jiddeskrivi mudell konċettwali għal servizzi pubbliċi interoperabbli. Il-mudell huwa allinjat mal-prinċipji tal-interoperabbiltà u jippromwovi l-idea ta’ “interoperabbiltà skont id-disinn” bħala approċċ standard għad-disinn u t-tħaddim ta’ servizzi pubbliċi Ewropej;

Il-Kapitolu 5 jikkonkludi d-dokument billi jipprovdi ħarsa ġenerali u jgħaqqad flimkien l-elementi ewlenin tal-EIF;

Sett ta’ 47 rakkomandazzjoni, bħala punti azzjonabbli li għandhom jiġu implimentati mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, huwa diskuss fil-kapitoli differenti.

2Il-prinċipji sottostanti tas-servizzi pubbliċi Ewropej

2.1Introduzzjoni

Il-prinċipji tal-interoperabbiltà huma aspetti tal-imġiba fundamentali li jixprunaw l-azzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Dan il-kapitolu jistipula l-prinċipji ġenerali ta' interoperabbiltà li huma rilevanti għall-proċess tat-twaqqif tas-servizzi pubbliċi Ewropej interoperabbli. Dawn jiddeskrivu l-kuntest li fih jiġu mfassla u implimentati s-servizzi pubbliċi Ewropej.

It-tnax-il prinċipju sottostanti 6 tal-EIF jistgħu jinġabru f’erba’ kategoriji:

1.Il-prinċipju li jistipula l-kuntest għall-azzjonijiet tal-UE dwar l-interoperabbiltà (Nru 1);

2.Il-prinċipji ewlenin tal-interoperabbiltà (Nri 2 sa 5);

3.Il-prinċipji li jirrelataw mal-ħtiġijiet u l-aspettattivi ġeneriċi tal-utenti (Nri 6 sa 9);

4.Il-prinċipji fundamentali għall-kooperazzjoni fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi (Nri 10 sa 12).

Illustrazzjoni 2: Il-prinċipji tal-interoperabbiltà

2.2Il-prinċipju sottostanti 1: is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jirrikjedi li d-deċiżjonijiet tal-UE jittieħdu b'mod kemm jista' jkun viċin taċ-ċittadini. Fi kliem ieħor, l-UE ma għandhiex tieħu azzjoni sakemm din ma tkunx aktar effettiva mill-azzjoni meħuda fil-livell nazzjonali. Il-prinċipju tal-proporzjonalità jillimita l-azzjonijiet tal-UE għal dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi tat-Trattati.

Fir-rigward tal-interoperabbiltà, qafas Ewropew huwa ġġustifikat biex jegħleb id-differenzi fil-politiki li jirriżultaw f’eteroġeneità u f’nuqqas ta’ interoperabbiltà u li jpoġġu s-suq uniku diġitali f’riskju.

L-EIF huwa maħsub bħala d-“denominatur komuni” tal-politiki tal-interoperabbiltà fl-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jgawdu biżżejjed libertà biex jiżviluppaw in-NIFs tagħhom fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tal-EIF. In-NIFs huma mistennija li jitfasslu u jiġu estiżi b’tali mod li l-ispeċifiċitajiet nazzjonali jiġu indirizzati b’mod adegwat.

 Rakkomandazzjoni 1:

Kun ċert li l-oqfsa nazzjonali għall-interoperabbiltà u l-istrateġiji tal-interoperabbiltà jiġu allinjati mal-EIF u, jekk ikun meħtieġ, fassalhom u estendihom biex jindirizzaw il-kuntest u l-ħtiġijiet nazzjonali.

2.3Il-prinċipju sottostanti 2: il-ftuħ

Fil-kuntest tas-servizzi pubbliċi interoperabbli, il-kunċett ta’ ftuħ jirrelata primarjament mad-data, l-ispeċifikazzjonijiet u s-softwer.

Data tal-gvern miftuħa (hawnhekk sempliċiment issir referenza għaliha bħala data miftuħa”) tirreferi għall-idea li jenħtieġ li d-data pubblika kollha tkun disponibbli b’mod ħieles għall-użu u l-użu mill-ġdid minn oħrajn, sakemm ma tkunx tapplika xi restrizzjoni, pereżempju għall-protezzjoni tad-data personali, il-kunfidenzjalità, jew id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-amministrazzjonijiet pubbliċi jiġbru u jiġġeneraw ammonti kbar ta’ data. Id-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (PSI) 7 tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-informazzjoni pubblika disponibbli għall-aċċess u għall-użu mill-ġdid bħala data miftuħa. Barra minn hekk, id-Direttiva INSPIRE 8 tirrikjedi l-kondiviżjoni ta’ settijiet tad-data u servizzi ġeografiċi bejn l-awtoritajiet pubbliċi mingħajr ebda restrizzjoni jew ostakolu prattiku għall-użu mill-ġdid tagħhom. Jenħtieġ li din id-data tiġi ppubblikata bl-inqas restrizzjonijiet possibbli u b’liċenzji ċari għall-użu tagħha sabiex ikun jista’ jsir skrutinju aħjar tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-amministrazzjonijiet u t-trasparenza tkun tista’ tiġi realizzata fil-prattika. Id-data miftuħa hija diskussa f’aktar dettall fit-taqsima 4.3.4.

 Rakkomandazzjoni 2:

Ippubblika d-data tiegħek stess bħala data miftuħa dment li ma tapplika l-ebda restrizzjoni partikolari.

L-użu ta’ teknoloġiji u prodotti b’softwer bis-sors miftuħ jista’ jgħin fl-iffrankar tal-ispiża tal-iżvilupp, jevita effett ta' lock-in u jippermetti adattament mgħaġġel għal ħtiġijiet speċifiċi tan-negozju minħabba li l-komunitajiet tal-iżviluppaturi li jappoġġawhom qegħdin jadattawhom b’mod kontinwu. Jenħtieġ li l-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jużawx biss is-softwer bis-sors miftuħ iżda, kull meta jkun possibbli, jikkontribwixxu għall-komunitajiet pertinenti ta' żviluppaturi. Is-sors miftuħ huwa faċilitatur tal-prinċipju bażiku tal-EIF dwar l-użu mill-ġdid.

 Rakkomandazzjoni 3:

Żgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għas-softwer bis-sors miftuħ u uri kunsiderazzjoni attiva u ġusta meta tuża s-softwer bis-sors miftuħ, billi tqis l-ispiża totali tas-sjieda tas-soluzzjoni.

Il-livell ta’ ftuħ ta’ speċifikazzjoni/standard huwa deċiżiv għall-użu mill-ġdid tal-komponenti tas-softwer li jimplimentaw dik l-ispeċifikazzjoni. Dan japplika wkoll meta komponenti bħal dawn jintużaw biex jiġu introdotti servizzi pubbliċi Ewropej ġodda. Jekk il-prinċipju tal-ftuħ jiġi applikat b'mod sħiħ:

il-partijiet ikkonċernati kollha jkollhom il-possibbiltà li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ispeċifikazzjoni u reviżjoni pubblika hija parti mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni;

l-ispeċifikazzjoni tkun disponibbli sabiex tiġi studjata minn min irid;

id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali relatati mal-ispeċifikazzjoni jiġu liċenzjati fuq it-termini ta' FRAND 9 , b'mod li tkun possibbli l-implimentazzjoni kemm fis-softwer propjetarju kif ukoll f'dak bis-sors miftuħ, 10 u preferibbilment fuq bażi mingħajr ħlas tar-royalties.

Fid-dawl tal-effett pożittiv tagħhom fuq l-interoperabbiltà, l-użu ta' speċifikazzjonijiet miftuħa ġie promoss f'ħafna dikjarazzjonijiet ta' politika u huwa mħeġġeġ għat-twassil tas-servizz pubbliku Ewropew. L-effett pożittiv tal-ispeċifikazzjonijiet miftuħin jintwera mill-ekosistema tal-internet. Madankollu, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jiddeċiedu li jużaw speċifikazzjonijiet inqas miftuħa, jekk l-ispeċifikazzjonijiet miftuħa ma jkunux eżistenti jew ma jissodisfawx il-ħtiġijiet funzjonali. Fil-każijiet kollha, jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet ikunu maturi u appoġġati mis-suq b’mod suffiċjenti, ħlief jekk jintużaw fil-kuntest ta' ħolqien ta' soluzzjonijiet innovattivi.

 Rakkomandazzjoni 4:

Agħti preferenza lill-ispeċifikazzjonijiet miftuħa, filwaqt li tqis b'mod xieraq il-kopertura tal-ħtiġijiet funzjonali, il-maturità u l-appoġġ tas-suq u l-innovazzjoni.

Finalment, il-ftuħ ifisser ukoll li ċ-ċittadini u n-negozji tingħatalhom is-setgħa li jiġu involuti fid-disinn ta’ servizzi ġodda, jagħtu kontribut għat-titjib tas-servizzi u jagħtu feedback dwar il-kwalità tas-servizzi pubbliċi eżistenti.

2.4Il-prinċipju sottostanti 3: it-trasparenza

It-trasparenza fil-kuntest tal-EIF tirreferi għal:

I.Il-provvediment ta’ viżibbiltà fl-ambjent amministrattiv ta’ amministrazzjoni pubblika. Dan jirrigwarda l-għoti ta’ permess lil amministrazzjonijiet pubbliċi, ċittadini u negozji oħrajn biex jaraw u jifhmu r-regoli, il-proċessi, 11 id-data, is-servizzi u t-teħid tad-deċiżjonijiet amministrattivi.

II.L-iżgurar tad-disponibbiltà tal-interfaċċji b’sistemi interni ta’ informazzjoni. L-amministrazzjonijiet pubbliċi joperaw numru kbir ta’ sistemi ta’ informazzjoni li ta’ spiss ikunu eteroġenji u differenti fl-appoġġ tal-proċessi interni tagħhom. L-interoperabbiltà tiddependi fuq l-iżgurar tad-disponibbiltà tal-interfaċċji ta’ dawn is-sistemi u d-data li huma jamministraw. Mill-banda l-oħra, l-interoperabbiltà tiffaċilita l-użu mill-ġdid tas-sistemi u d-data u tippermetti li dawn jiġu integrati f’sistemi akbar.

III.L-iżgurar tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, billi jiġi rispettat il-qafas legali applikabbli għall-volumi kbar ta’ data personali taċ-ċittadini, miżmuma u amministrati mill-Amministrazzjonijiet pubbliċi.

 Rakkomandazzjoni 5:

Żgura viżibbiltà interna u pprovdi interfaċċji esterni għal servizzi pubbliċi Ewropej.

2.5Il-prinċipju sottostanti 4: l-użu mill-ġdid

L-użu mill-ġdid ifisser li meta l-amministrazzjonijiet pubbliċi jiġu kkonfrontati bi problema speċifika jfittxu li jibbenefikaw mix-xogħol ta' ħaddieħor billi jħarsu lejn x'inhu disponibbli, jivvalutaw l-użu jew ir-rilevanza tiegħu għall-problema kkonċernata, u fejn ikun xieraq, jagħmlu użu minn soluzzjonijiet li jkunu taw prova tal-valur tagħhom x'imkien ieħor. Dan jirrikjedi li l-amministrazzjoni pubblika tkun miftuħa biex tikkondividi s-soluzzjonijiet, il-kunċetti, l-oqfsa, l-ispeċifikazzjonijiet, l-għodod u l-komponenti tagħha tal-interoperabbiltà ma’ oħrajn.

L-użu mill-ġdid tas-soluzzjonijiet tal-IT (pereżempju komponenti tas-softwer, Interfaċċji tal-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet, standards), informazzjoni u data, huwa faċilitatur tal-interoperabbiltà u jtejjeb il-kwalità minħabba li jestendi l-użu operazzjonali, kif ukoll jiffranka l-flus u l-ħin. Dan jagħmlu kontributur ewlieni għall-iżvilupp ta' suq uniku diġitali fl-UE. Xi standards u speċifikazzjonijiet tal-UE jeżistu wkoll fid-DIFs u jenħtieġ li jiġu applikati b'mod usa'. Pereżempju, id-Direttiva INSPIRE tistabbilixxi standards tal-interoperabbiltà għal indirizzi, katasti, toroq u ħafna suġġetti tad-data oħrajn li huma rilevanti għall-ħafna amministrazzjonijiet pubbliċi. Dawn l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet eżistenti jistgħu u jenħtieġ li jintużaw b'mod usa' lil hinn mill-qasam li għalih dawn ġew żviluppati oriġinarjament.

Diversi amministrazzjonijiet pubbliċi u gvernijiet madwar l-UE diġà jippromwovu l-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet tal-IT billi jadottaw mudelli tan-negozju ġodda, jippromwovu l-użu ta’ softwer b’sors miftuħ għal servizzi ewlenin tal-ICT u meta jużaw infrastruttura ta’ servizz diġitali. 

Hemm xi sfidi ewlenin li jillimitaw il-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid tas-soluzzjonijiet tal-IT, fil-livelli tekniċi, organizzazzjonali, legali u komunikattivi. Il-qafas ISA² dwar il-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid għal soluzzjonijiet tal-IT 12 jipprovdi rakkomandazzjonijiet għall-amministrazzjonijiet pubbliċi biex jgħinhom jegħlbu dawn l-isfidi u jikkondividu/jużaw mill-ġdid soluzzjonijiet komuni tal-IT. L-użu mill-ġdid u l-kondiviżjoni jistgħu jiġu appoġġati b'mod effettiv permezz ta' pjattaformi kollaborattivi 13 .

 Rakkomandazzjoni 6:

Uża mill-ġdid u kkondividi s-soluzzjonijiet, u kkoopera fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet konġunti meta timplimenta s-servizzi pubbliċi Ewropej.

 Rakkomandazzjoni 7:

Uża mill-ġdid u kkondividi l-informazzjoni u d-data meta timplimenta s-servizzi pubbliċi Ewropej, dment li ma tapplika l-ebda restrizzjoni partikolari tal-privatezza u tal-kunfidenzjalità.

2.6Il-prinċipju sottostanti 5: in-newtralità teknoloġika u l-portabbiltà tad-data

Fl-istabbiliment tas-servizzi pubbliċi Ewropej, jenħtieġ li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jiffokaw fuq il-ħtiġijiet funzjonali u jiddeferixxu kemm jista' jkun deċiżjonijiet dwar it-teknoloġija sabiex jitnaqqsu d-dipendenzi teknoloġiċi, jiġi evitat li t-teknoloġiji jew il-prodotti speċifiċi jiġu imposti fuq il-kostitwenti tagħhom u li jkunu kapaċi jadattaw għall-ambjent teknoloġiku li qiegħed jevolvi b'mod rapidu.

Jenħtieġ li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jipprovdu l-aċċess u l-użu mill-ġdid tas-servizzi pubbliċi u d-data tagħhom irrispettivament minn teknoloġiji jew prodotti speċifiċi.

 Rakkomandazzjoni 8:

Timponi l-ebda soluzzjoni teknoloġika fuq iċ-ċittadini, in-negozji jew amministrazzjonijiet oħrajn li hija speċifika għat-teknoloġija jew sproporzjonata għall-ħtiġijiet reali tagħhom.

Il-funzjonament tas-suq uniku diġitali jirrikjedi li d-data tkun trasferibbli faċilment fost sistemi differenti sabiex jiġi evitat il-lock-in, u jiġi appoġġat il-moviment liberu tad-data. Dan ir-rekwiżit jirrelata mal-portabbiltà tad-data - il-kapaċità tat-trasferiment u l-użu mill-ġdid tad-data b'mod faċli fost applikazzjonijiet u sistemi differenti, li saħansitra jsir iktar ta' sfida f'xenarji transfruntiera.

 Rakkomandazzjoni 9:

Żgura l-portabbiltà tad-data, jiġifieri li d-data tkun faċilment trasferibbli bejn is-sistemi u l-applikazzjonijiet li jappoġġaw l-implimentazzjoni u l-evoluzzjoni tas-servizzi pubbliċi Ewropej mingħajr restrizzjonijiet mhux iġġustifikati, jekk ikun legalment possibbli.

2.7Il-prinċipju sottostanti 6: iċ-ċentriċità tal-utent

L-utenti tas-servizzi pubbliċi Ewropej huma maħsuba li jkunu kwalunkwe amministrazzjoni pubblika, ċittadin jew negozju li jaċċessaw u jibbenefikaw mill-użu ta' dawn is-servizzi. Jenħtieġ li l-ħtiġijiet tal-utenti jiġu kkunsidrati meta jiġi ddeterminat liema servizzi pubbliċi jenħtieġ li jiġu pprovduti u kif dawn jenħtieġ li jitwasslu.

Għalhekk, sa fejn ikun possibbli, jenħtieġ li l-ħtiġijiet u r-rekwiżiti tal-utenti jiggwidaw id-disinn u l-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi, skont l-aspettattivi li ġejjin:

Approċċ ta' servizz ta' twassil b'kanali diversi, jiġifieri d-disponibbiltà ta' kanali alternattivi, fiżiċi u diġitali, biex jiġi aċċessat servizz, huwa parti importanti mid-disinn ta' servizz pubbliku, peress li l-utenti jistgħu jippreferu kanali differenti skont iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet tagħhom;

Jenħtieġ li punt uniku ta' kuntatt isir disponibbli għall-utenti, sabiex tinħeba l-kumplessità amministrattiva interna u jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, pereżempju meta korpi multipli jkollhom jaħdmu flimkien biex jipprovdu servizz pubbliku;

Jenħtieġ li l-feedback tal-utenti jinġabar, jiġi vvalutat b'mod sistematiku u jintuża biex jitfasslu servizzi pubbliċi ġodda u biex jittejbu aktar dawk eżistenti:

Sa fejn hu possibbli, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, jenħtieġ li l-utenti jkunu jistgħu jipprovdu d-data darba biss, u jenħtieġ li l-amministrazzjonijiet ikunu jistgħu jiksbu u jikkondividu din id-data biex iservu l-utent, skont ir-regoli tal-protezzjoni tad-data;

Jenħtieġ li l-utenti jiġu mitluba jipprovdu biss l-informazzjoni li hija assolutament meħtieġa sabiex jiksbu servizz pubbliku partikolari.

 Rakkomandazzjoni 10:

Uża kanali multipli biex tipprovdi s-servizz pubbliku Ewropew, biex tiżgura li l-utenti jistgħu jagħżlu l-kanal li jaqdi bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħhom.

 Rakkomandazzjoni 11:

Ipprovdi punt uniku ta' kuntatt biex taħbi l-kumplessità amministrattiva interna u biex tiffaċilita l-aċċess tal-utenti għas-servizzi pubbliċi Ewropej.

 Rakkomandazzjoni 12:

Stabbilixxi mekkaniżmi li jinvolvu lill-utenti fl-analiżi, id-disinn, il-valutazzjoni u fl-iżvilupp ulterjuri tas-servizzi pubbliċi Ewropej.

 Rakkomandazzjoni 13:

Sa fejn hu possibbli skont il-leġislazzjoni fis-seħħ, itlob lill-utenti tas-servizzi pubbliċi Ewropej l-informazzjoni rilevanti biss u darba biss.

2.8Il-prinċipju sottostanti 7: l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà

L-Inklużjoni tfisser li kulħadd ikun jista' jieħu vantaġġ b'mod sħiħ mill-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji ġodda biex jiġu aċċessati u jintużaw servizzi pubbliċi Ewropej, jingħelbu l-firdiet u l-esklużjoni soċjali u ekonomiċi.

L-aċċessibbiltà tiżgura li n-nies b'diżabbiltà, l-anzjani u gruppi żvantaġġjati oħrajn jistgħu jużaw is-servizzi pubbliċi b'livelli ta' servizz komparabbli ma' dawk ipprovduti lil ċittadini oħrajn 14 .

L-inklużjoni u l-aċċessibbiltà jridu jkunu parti miċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ ta' żvilupp ta' servizz pubbliku Ewropew f'termini ta' disinn, kontenut ta' informazzjoni u twassil. Dan għandu jikkonforma mal-aċċessibbiltà elettronika, mal-ispeċifikazzjonijiet rikonoxxuti b’mod wiesa’ fil-livell Ewropew jew internazzjonali 15 .

L-inklużjoni u l-aċċessibbiltà normalment jinvolvu t-twassil b'ħafna kanali. It-twassil ta' servizz tradizzjonali bbażat fuq karti jew b'kuntatt wiċċ imb'wiċċ jista' jeħtieġ li jeżisti flimkien mat-twassil elettroniku.

L-inklużjoni u l-aċċessibbiltà jistgħu jittejbu wkoll bil-kapaċità ta' sistema tal-informazzjoni li tippermetti lil partijiet terzi jaġixxu f'isem ċittadini li mhumiex kapaċi, kemm b'mod permanenti jew b'mod temporanju, jagħmlu użu dirett mis-servizzi pubbliċi.

 Rakkomandazzjoni 14:

Kun ċert li s-servizzi pubbliċi kollha huma aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, inkluż il-persuni b'diżabbiltà, l-anzjani u gruppi żvantaġġati oħrajn. Għas-servizzi pubbliċi diġitali, jenħtieġ li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet dwar l-aċċessibbiltà għall-internet li huma rikonoxxuti b’mod komuni fil-livell Ewropew jew internazzjonali.

2.9Il-prinċipju sottostanti 8: is-sigurtà u l-privatezza

Iċ-ċittadini u n-negozji jridu jkunu kunfidenti li meta jinteraġixxu ma’ awtoritajiet pubbliċi, huma jagħmlu dan b’mod sikur u f’ambjent affidabbli u f’konformità sħiħa ma’ regolamenti rilevanti, pereżempju r-Regolament u d-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-data, 16 u r-Regolament dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji 17 .L-amministrazzjonijiet pubbliċi jridu jiggarantixxu l-privatezza taċ-ċittadini u l-kunfidenzjalità, l-awtentiċità, l-integrità u n-nuqqas ta’ rifjut tal-informazzjoni pprovduta miċ-ċittadini u n-negozji. Is-sigurtà u l-privatezza huma diskussi f’aktar dettall fit-taqsima 4.3.7.

Rakkomandazzjoni 15:

Iddefinixxi qafas komuni ta’ sigurtà u tal-privatezza u stabbilixxi proċessi għas-servizzi pubbliċi biex tiżgura skambju sikur u affidabbli tad-data bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u fl-interazzjonijiet maċ-ċittadini u n-negozji.

2.10Il-prinċipju sottostanti 9: il-multilingwiżmu

Is-servizzi pubbliċi Ewropej jistgħu jintużaw b’mod potenzjali minn kulħadd fi kwalunkwe Stat Membru. Il-multilingwiżmu jeħtieġ li jitqies b'attenzjoni matul id-disinn tagħhom. Iċ-ċittadini madwar l-Ewropa ta’ spiss ikollhom problemi biex jaċċessaw u jużaw is-servizzi pubbliċi diġitali jekk dawn ma jkunux disponibbli fil-lingwi li jitkellmu.

Għandu jinstab bilanċ bejn l-aspettattivi taċ-ċittadini u n-negozji li jinqdew fil-lingwa(i) tagħhom jew il-lingwa(i) li jippreferu u l-kapaċità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri li joffru servizzi fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Bilanċ adegwat jista’ jkun li s-servizzi pubbliċi Ewropej ikunu disponibbli bil-lingwi tal-utenti finali, jiġifieri n-numru tal-lingwi jiġi deċiż fuq il-bażi tal-ħtiġijiet tal-utenti, bħal-livell li għalih is-servizz huwa kritiku għall-implimentazzjoni tas-suq uniku diġitali jew il-politiki nazzjonali, jew id-daqs tal-udjenza rilevanti.

Il-multilingwiżmu japplika mhux biss fil-livell tal-interfaċċja tal-utent, iżda fil-livelli kollha matul id-disinn tas-servizzi pubbliċi Ewropej. Pereżempju, jenħtieġ li l-għażliet li jsiru dwar ir-rappreżentazzjoni tad-data f’bażi ta’ data elettronika ma jillimitawx il-kapaċità tagħha li tappoġġa lingwi differenti.

L-aspett multilingwi tal-interoperabbiltà jsir rilevanti wkoll meta servizz pubbliku Ewropew jirrekjedi skambji bejn is-sistemi ta’ informazzjoni bejn fruntieri lingwistiċi, peress li għandha tinżamm it-tifsira tal-informazzjoni skambjata.

 Rakkomandazzjoni 16:

Uża s-sistemi ta' informazzjoni u l-arkitetturi tekniċi li jipprovdu għall-multilingwiżmu meta tistabbilixxi servizz pubbliku Ewropew. Iddeċiedi dwar il-livell tal-appoġġ tal-multilingwiżmu abbażi tal-ħtiġijiet tal-utenti mistennija.

2.11Il-prinċipju sottostanti 10: is-simplifikazzjoni amministrattiva

Fejn ikun possibbli, jenħtieġ li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jfittxu li jtejbu u jissimplifikaw il-proċessi amministrattivi tagħhom billi jtejbuhom jew jeliminaw kwalunkwe proċess li ma jipprovdix valur pubbliku. Is-simplifikazzjoni amministrattiva tista’ tgħin lin-negozji u liċ-ċittadini biex inaqqsu l-piż amministrattiv ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE jew l-obbligi nazzjonali. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jintroduċu servizzi pubbliċi Ewropej appoġġati b’mezzi elettroniċi, inkluż l-interazzjonijiet tagħhom ma’ amministrazzjonijiet pubbliċi, ċittadini jew negozji oħrajn.

Jenħtieġ li d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi ssir skont il-kunċetti li ġejjin:

diġitali b’mod awtomatiku, kull fejn ikun meħtieġ, sabiex ikun hemm tal-inqas kanal diġitali wieħed disponibbli għall-aċċess u l-użu ta’ servizz pubbliku Ewropew partikolari;

diġitali l-ewwel li jfisser li l-prijorità tingħata lis-servizzi pubbliċi Ewropej permezz ta’ kanali diġitali filwaqt li jiġi applikat il-kunċett ta’ twassil b’kanali diversi u l-politika “no-wrong-door”, jiġifieri kanali fiżiċi u diġitali jeżistu flimkien.

 Rakkomandazzjoni 17:

Issimplifika l-proċessi u uża kanali diġitali kull meta jkun xieraq għat-twassil ta’ servizzi pubbliċi Ewropej, biex twieġeb lura fil-pront u bi kwalità għolja għat-talbiet tal-utenti u naqqas il-piż amministrattiv fuq l-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini.

2.12Il-prinċipju sottostanti 11: il-preservazzjoni tal-informazzjoni

Il-leġiżlazzjoni tirrikjedi li d-deċiżjonijiet u d-data jinħażnu u jkunu jistgħu jiġu aċċessati għal ħin speċifikat. Dan ifisser li r-rekords 18 u l-informazzjoni f'forma elettronika miżmuma mill-amministrazzjonijiet pubbliċi bil-għan li jiġu ddokumentati l-proċeduri u d-deċiżjonijiet iridu jiġu ppreservati u kkonvertiti, meta jkun meħtieġ, għal mezz ġdid meta l-mezz il-qadim ma jibqax jintuża. Il-mira hi li jiġi żgurat li r-rekords u forom oħrajn ta' informazzjoni jżommu l-leġibbiltà, l-affidabbiltà u l-integrità tagħhom u jkunu jistgħu jiġu aċċessati sakemm ikun meħtieġ, filwaqt li jkunu soġġetti għas-sigurtà u l-privatezza.

Sabiex tiġi żgurata l-preservazzjoni fit-tul ta’ rekords elettroniċi u ta' tipi oħrajn ta' informazzjoni, jenħtieġ li l-formati jintgħażlu biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà fit-tul, inkluża l-preservazzjoni ta' firem jew siġilli elettroniċi assoċjati. F’dan ir-rigward, l-użu ta’ servizzi ta’ preservazzjoni kkwalifikati, skont ir-Regolament (UE) 910/2014, jista’ jiżgura l-preservazzjoni fit-tul tal-informazzjoni.

Għal sorsi ta' informazzjoni fil-pussess tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u ġestiti minnhom, il-preservazzjoni hija purament kwistjoni nazzjonali. Għal informazzjoni li mhijiex purament nazzjonali, il-preservazzjoni ssir kwistjoni Ewropea. F’dak il-każ, jenħtieġ li “politika ta’ preservazzjoni” adegwata tiġi applikata mill-Istati Membri kkonċernati, sabiex tiġi indirizzata kull diffikultà li tirriżulta jekk l-informazzjoni rilevanti tintuża taħt ġurisdizzjonijiet differenti.

Rakkomandazzjoni 18:

Ifformula politika ta’ preservazzjoni fit-tul għall-informazzjoni li tirrelata mas-servizzi pubbliċi Ewropej u b’mod partikolari għall-informazzjoni li tiġi skambjata bejn il-fruntieri.

2.13Il-prinċipju sottostanti 12: il-valutazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza

Hemm ħafna modi biex jittieħed rendikont tal-valur tas-servizzi pubbliċi Ewropej interoperabbli, inkluż konsiderazzjonijiet bħar-redditu fuq l-investiment, il-kost totali tal-pussess, il-livell tal-flessibbiltà u l-adattabbiltà, il-piż amministrattiv imnaqqas, l-effiċjenza, riskju inqas, it-trasparenza, is-simplifikazzjoni, il-metodi ta' ħidma mtejba, u l-livell ta’ sodisfazzjon mill-utent.

Jenħtieġ li s-soluzzjonijiet teknoloġiċi varji 19 jiġu evalwati meta jkun qed isir kull sforz biex tiġi żgurata l-effikaċja u l-effiċjenza ta’ servizz pubbliku Ewropew.

Rakkomandazzjoni 19:

Evalwa l-effettività u l-effiċjenza tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà u tal-għażliet teknoloġiċi differenti billi tqis il-ħtiġijiet tal-utenti, il-proporzjonalità u l-bilanċ bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji.

3Il-livelli tal-interoperabbiltà

Dan il-kapitolu jiddeskrivi mudell ta’ interoperabbiltà li huwa applikabbli għas-servizzi pubbliċi diġitali kollha u jistgħu jitqiesu wkoll bħala element integrali tal-mudell tal-interoperabbiltà skont id-disinn. Dan jinkludi:

erba' saffi ta' interoperabbiltà: legali, organizzattivi, semantiċi u tekniċi;

komponent trasversali tal-erba’ saffi, “governanza tas-servizz pubbliku integrat”;

livell ta’ bażi, “governanza tal-interoperabbiltà”.

Il-mudell huwa muri hawn taħt:

Illustrazzjoni 3: Mudell tal-interoperabbiltà

3.1Governanza tal-interoperabbiltà

Il-governanza tal-interoperabbiltà tirreferi għad-deċiżjonijiet dwar l-oqfsa tal-interoperabbiltà, l-arranġamenti istituzzjonali, l-istrutturi, ir-rwoli u r-responsabiltajiet, il-politiki, l-arranġamenti organizzazzjonali u aspetti oħrajn tal-iżgurar u l-monitoraġġ tal-interoperabbiltà fil-livelli nazzjonali u tal-UE.

Il-Qafas Ewropew għall-interoperabbiltà, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Interoperabbiltà (Anness 1 tal-Komunikazzjoni) u l-Arkitettura Ewropea għall-interoperabbiltà (EIRA) huma partijiet importanti tal-governanza tal-interoperabbiltà fil-livell tal-UE.

Id-Direttiva INSPIRE hija illustrazzjoni importanti speċifika għall-qasam 20 ta’ qafas għall-interoperabbiltà inkluż l-interoperabbiltà legali, l-istrutturi tal-koordinazzjoni u l-arranġamenti tekniċi tal-interoperabbiltà.

Is-servizzi pubbliċi Ewropej jaħdmu f'ambjent kumpless u f’wieħed li qiegħed jinbidel. L-appoġġ politiku huwa neċessarju għal sforzi ta' interoperabbiltà transsettorjali u/jew transfruntiera biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi 21 .Għal kooperazzjoni effettiva, il-partijiet ikkonċernati kollha jridu jikkondividu viżjoni, jaqblu dwar l-objettivi u l-perjodi ta’ żmien u jallinjaw il-prijoritajiet. L-interoperabbiltà bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi f’livelli amministrattivi differenti ser ikunu ta' suċċess biss jekk il-gvernijiet jagħtu biżżejjed prijorità u jassenjaw riżorsi għall-isforzi rispettivi tagħhom fir-rigward tal-interoperabbiltà 22 . 

In-nuqqas tas-settijiet tal-ħiliet interni meħtieġa huwa ostakolu ieħor fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-interoperabbiltà. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkludu l-ħiliet tal-interoperabbiltà fl-istrateġiji tal-interoperabbiltà tagħhom, billi jirrikonoxxu li l-interoperabbiltà hija kwistjoni multi-dimensjonali li teħtieġ għarfien u ħiliet f’oqsma legali, organizzazzjonali, semantiċi u tekniċi.

L-implimentazzjoni u t-twassil ta’ servizz pubbliku Ewropew partikolari ta' spiss jiddependi fuq il-komponenti li huma komuni għal ħafna servizzi pubbliċi Ewropej. Jenħtieġ li s-sostenibbiltà ta’ dawn il-komponenti, li huma koperti minn ftehimiet tal-interoperabbiltà milħuqa lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ servizz pubbliku Ewropew partikolari, ikunu disponibbli wkoll matul iż-żmien. Dan huwa fundamentali, peress li jenħtieġ li l-interoperabbiltà tiġi ggarantita b’mod sostenibbli u mhux bħala mira jew proġett ta’ darba. Minħabba li l-komponenti komuni u l-ftehimiet tal-interoperabbiltà huma r-riżultati ta’ ħidma mwettqa mill-amministrazzjonijiet pubbliċi f'livelli differenti (lokali, reġjonali, nazzjonali, u tal-UE), il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ ta' din il-ħidma jirrikjedu approċċ olistiku.

Il-governanza tal-interoperabbiltà hija fundamentali għal approċċ olistiku dwar l-interoperabbiltà, peress li din tiġbor flimkien l-istrumenti kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tiegħu.

Rakkomandazzjoni 20:

Żgura governanza olistika tal-attivitajiet ta’ interoperabbiltà fil-livelli u s-setturi amministrattivi.

Il-koordinazzjoni, il-komunikazzjoni u l-monitoraġġ huma ta’ importanza fundamentali għal governanza ta’ suċċess. Il-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-programm ISA2, tappoġġa Osservatorju tal-Qafas Nazzjonali għall-Interoperabbiltà (NIFO). L-objettiv ewlieni tiegħu huwa li jipprovdi informazzjoni dwar in-NIFs u l-istrateġiji/il-politiki tal-interoperabbiltà u dawk diġitali relatati, li jgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jikkondividu u jużaw mill-ġdid l-esperjenzi u li jappoġġa t-“traspożizzjoni” tal-EIF b’mod nazzjonali. NIF jista’ jkun dokument wieħed jew aktar li jiddefinixxi l-oqfsa, il-politiki, l-istrateġiji, il-linji gwida u l-pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-interoperabbiltà fi Stat Membru.

3.1.1L-identifikazzjoni u l-għażla ta’ standards u speċifikazzjonijiet

L-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet huma fundamentali għall-interoperabbiltà. Hemm sitt passi biex dawn jiġu ġestiti b’mod adegwat:

l-identifikazzjoni tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati abbażi tal-ħtiġijiet u r-rekwiżiti speċifiċi;

il-valutazzjoni tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet ta' kandidat li jistgħu jiġu kkunsidrati bl-użu ta’ metodi standardizzati, trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji 23 ;

l-implimentazzjoni tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet skont il-pjanijiet u l-linji gwida prattiċi;

il-monitoraġġ tal-konformità 24 mal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet;

il-ġestjoni tal-bidla permezz ta’ proċeduri adegwati;

id-dokumentazzjoni tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet, f’katalogi miftuħa, bl-użu ta’ deskrizzjoni standardizzata 25 .

Rakkomandazzjoni 21:

Daħħal fis-seħħ proċessi biex tagħżel l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti, evalwahom, immonitorja l-implimentazzjoni tagħhom, ivverifika l-konformità u ttestja l-interoperabbiltà tagħhom.

Rakkomandazzjoni 22:

Uża approċċ strutturat, trasparenti u oġġettiv għall-valutazzjoni u l-għażla ta' standards u speċifikazzjonijiet. Qis ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-UE u fittex li tagħmel l-approċċ konsistenti bejn il-fruntieri.

Rakkomandazzjoni 23:

Ikkonsulta l-katalgi rilevanti tal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-linji gwida fil-livell nazzjonali u tal-UE, skont in-NIF u d-DIFs rilevanti tiegħek, meta takkwista u tiżviluppa soluzzjonijiet tal-ICT.

L-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jitfasslu għall-EIRA u kkatalogati fil-kartografija tal-interoperabbiltà Ewropea (EIC).

F'xi każijiet, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jsibu li ma hemm l-ebda standard/speċifikazzjoni xierqa disponibbli għal ħtieġa speċifika f'dominju speċifiku. Il-parteċipazzjoni attiva fil-proċess ta' standardizzazzjoni tnaqqas it-tħassib dwar dewmien, ittejjeb il-konformità tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet mal-ħtiġijiet tas-settur pubbliku u tista’ tgħin lill-gvernijiet jibqgħu aġġornati mal-innovazzjoni teknoloġika.

Rakkomandazzjoni 24:

Ipparteċipa b'mod attiv fil-ħidma ta' standardizzazzjoni rilevanti għall-ħtiġijiet tiegħek biex tiżgura li r-rekwiżiti tiegħek jiġu ssodisfati.

3.2Governanza ta’ servizz pubbliku integrat

Id-dispożizzjoni dwar is-servizz pubbliku Ewropew ta’ spiss tirrikjedi li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jaħdmu flimkien biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti finali u s-servizzi pubbliċi jiġu pprovduti b’mod integrat. Meta jiġu involuti organizzazzjonijiet multipli, hemm bżonn ta’ koordinazzjoni u governanza mill-awtoritajiet b’mandat għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-operazzjoni tas-servizzi pubbliċi Ewropej. Jenħtieġ li s-servizzi jiġu regolati biex jiġu żgurati: l-integrazzjoni, l-eżekuzzjoni bla xkiel, l-użu mill-ġdid tas-servizzi u tad-data, u l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda u “moduli” 26 . Fit-taqsima 4.3.1 hemm aktar informazzjoni dwar l-aspetti tal-“għoti ta’ servizz pubbliku integrat”.

Meta ssir enfasi fuq il-parti tal-governanza, jenħtieġ li din tkopri s-saffi kollha: legali, organizzattivi, semantiċi u tekniċi. L-iżgurar tal-interoperabbiltà meta jitħejjew l-istrumenti legali, il-proċessi bejn organizzazzjoni u negozju, l-iskambji tal-informazzjoni, is-servizzi u l-komponenti li jappoġġaw is-servizzi pubbliċi Ewropej, huwa kompitu kontinwu, peress li l-interoperabbiltà ta’ spiss tiġi mfixkla minn bidliet fl-ambjent, jiġifieri fil-leġiżlazzjoni, fil-ħtiġijiet tan-negozji jew iċ-ċittadini, fl-istruttura organizzazzjonali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, fil-proċessi tan-negozju jew bil-ħolqien ta’ teknoloġiji ġodda. Dan jirrikjedi, fost affarijiet oħrajn, strutturi u rwoli u responsabbiltajiet organizzazzjonali għat-twassil u t-tħaddim ta’ servizzi pubbliċi, ftehimiet dwar il-livell tas-servizzi, l-istabbiliment u l-ġestjoni tal-ftehimiet dwar l-interoperabbiltà, proċeduri tal-ġestjoni tat-tibdil u pjanijiet għall-kontinwità tan-negozju u l-kwalità tad-data.

Jenħtieġ li l-governanza tas-servizz pubbliku integrat tinkludi bħala minimu:

id-definizzjoni ta’ strutturi, rwoli u responsabbiltajiet organizzazzjonali u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-partijiet ikkonċernati involuti;

l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti għal:

oaspetti ta’ interoperabbiltà, inkluż il-kwalità, l-iskalabbiltà u d-disponibbiltà ta' moduli li jistgħu jerġgħu jintużaw inkluż sorsi ta’ informazzjoni (reġistri bażi, portali tad-data miftuħa, eċċ) u servizzi oħrajn interkonnessi;

oinformazzjoni/servizzi esterni, li jissarrfu fi ftehimiet ċari dwar il-livell tas-servizz (inkluż dwar l-interoperabbiltà);

pjan ta’ ġestjoni ta’ tibdil, li jiddefinixxi l-proċeduri u l-proċessi meħtieġa biex it-tibdil jiġi indirizzat u kkontrollat;

pjan ta’ kontinwità tan-negozju/tal-irkupru minn diżastru biex jiġi żgurat li s-servizzi pubbliċi diġitali u l-moduli tagħhom ikomplu jaħdmu f’firxa ta’ sitwazzjonijiet, pereżempju f’attakki ċibernetiċi jew fin-nuqqas ta’ moduli.

Rakkomandazzjoni 25:

Żgura l-interoperabbiltà u l-koordinazzjoni tul iż-żmien meta tħaddem jew twassal servizzi pubbliċi integrati billi ddaħħal fis-seħħ l-istruttura tal-governanza meħtieġa.

3.2.1Ftehimiet tal-interoperabbiltà

Jenħtieġ li l-organizzazzjonijiet involuti fl-għoti ta’ servizz pubbliku Ewropew jagħmlu ftehimiet formali għall-kooperazzjoni permezz ta’ ftehimiet tal-interoperabbiltà. L-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ dawn il-ftehimiet huma parti mill-governanza tas-servizz pubbliku.

Jenħtieġ li l-ftehimiet jitfasslu b'dettall suffiċjenti biex jinkiseb l-għan tagħhom, jiġifieri li jipprovdu servizz pubbliku Ewropew, filwaqt li jħallu lil kull organizzazzjoni b'awtonomija interna u nazzjonali fattibbli massima.

Fil-livelli semantiċi u tekniċi, iżda wkoll f’xi każijiet fil-livell organizzattiv, il-ftehimiet tal-interoperabbiltà normalment jinkludu standards u speċifikazzjonijiet. Fil-livell legali, il-ftehimiet tal-interoperabbiltà jsiru speċifiċi u vinkolanti permezz ta' leġiżlazzjoni tal-UE u/jew nazzjonali, jew permezz ta' ftehimiet bilaterali u multilaterali.

Tipi oħrajn ta’ ftehimiet jistgħu jikkumplimentaw il-ftehimiet tal-interoperabbiltà, billi jindirizzaw kwistjonijiet relatati mat-tħaddim. Pereżempju, memorandum ta' qbil (MoUs), ftehimiet dwar il-livell ta' servizz (SLAs), proċeduri ta’ appoġġ/eskalazzjoni u dettalji ta’ kuntatt, li jirreferu, jekk ikun meħtieġ, għal ftehimiet sottostanti f’livelli semantiċi u tekniċi.

Peress li t-twassil ta' servizz pubbliku Ewropew huwa r-riżultat ta' partijiet ta' ħidma kollettiva li jipproduċu jew jikkunsmaw partijiet mis-servizz, huwa fundamentali li fil-ftehimiet tal-interoperabbiltà jiġu inklużi proċessi ta' ġestjoni tal-bidla adegwati biex jiġu żgurati l-eżattezza, l-affidabbiltà, il-kontinwità u l-evoluzzjoni tas-servizz imwassal lil amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini oħrajn.

Rakkomandazzjoni 26:

Stabbilixxi ftehimiet tal-interoperabbiltà fil-livelli kollha, flimkien ma’ ftehimiet operazzjonali u proċeduri ta' ġestjoni tal-bidla.

3.3L-interoperabbiltà legali

Kull amministrazzjoni pubblika li tikkontribwixxi għall-provvista ta' servizz pubbliku Ewropew taħdem fi ħdan il-qafas legali nazzjonali tagħha stess. L-interoperabbiltà legali tirrigwarda li jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet li joperaw skont oqfsa legali, politiki u strateġiji differenti jkunu jistgħu jaħdmu flimkien. Dan jista’ jirrikjedi li l-leġiżlazzjoni ma timblukkax l-istabbiliment ta’ servizzi pubbliċi Ewropej fi ħdan u bejn l-Istati Membri u li jkun hemm ftehimiet ċari dwar kif għandhom jiġu indirizzati d-differenzi fil-leġiżlazzjoni bejn il-fruntieri, inkluż l-għażla tal-ħolqien ta’ leġiżlazzjoni ġdida.

L-ewwel pass lejn l-indirizzar tal-interoperabbiltà legali, huwa t-twettiq ta’ “kontrolli tal-interoperabbiltà” billi tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni eżistenti biex jiġu identifikati l-ostakoli għall-interoperabbiltà: restrizzjonijiet settorjali jew ġeografiċi fl-użu u l-ħażna tad-data, mudelli differenti u vagi tal-liċenzja tad-data, obbligi restrittivi żżejjed għall-użu ta’ teknoloġiji diġitali speċifiċi jew modi ta’ twassil biex jiġu pprovduti s-servizzi pubbliċi, rekwiżiti kontradittorji għall-istess proċeduri tan-negozju jew għal dawk simili, ħtiġijiet tas-sigurtà u tal-protezzjoni tad-data li ma għadhomx jgħoddu, eċċ.

Jenħtieġ li l-koerenza bejn il-leġiżlazzjonijiet, bil-għan li tiġi żgurata l-interoperabbiltà, tiġi evalwata qabel l-adozzjoni u permezz ta’ evalwazzjoni regolari tal-prestazzjoni tagħhom ladarba dawn jiġu applikati.

Meta jitqies li s-servizzi pubbliċi Ewropej huma maħsuba b’mod ċar biex jiġu pprovduti - fost oħrajn - mill-kanali diġitali, l-ICT iridu jitqiesu kemm jista’ jkun kmieni fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni proposta tiġi sottomessa għal “kontroll diġitali”:

sabiex jiġi żgurat li din ma tkunx xierqa biss għad-dinja fiżika, iżda wkoll għad-dinja diġitali (pereżempju l-Internet);

sabiex jiġi identifikat kwalunkwe ostakolu għall-iskambju diġitali; u

sabiex jiġu identifikati u evalwati l-impatt tal-ICT tagħha fuq il-partijiet ikkonċernati.

Dan ser jiffaċilita wkoll l-interoperabbiltà bejn is-servizzi pubbliċi f’livelli aktar baxxi (semantiċi u tekniċi), u ser iżid il-potenzjal għall-użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet tal-ICT eżistenti, sabiex titnaqqas l-ispiża, kif ukoll iż-żmien tal-implimentazzjoni.

Jenħtieġ li l-valur legali ta' kwalunkwe informazzjoni skambjata bejn l-Istati Membri jinżamm bejn il-fruntieri u jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data tiġi rispettata kemm fil-pajjiżi minn fejn oriġinat kif ukoll fil-pajjiżi li jkunu qegħdin jirċevuha. Dan jista’ jirrikjedi ftehimiet addizzjonali biex jingħelbu d-differenzi potenzjali fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

Rakkomandazzjoni 27:

Żgura li l-leġiżlazzjoni hija eżaminata permezz ta’ “kontrolli tal-interoperabbiltà”, sabiex tidentifika kwalunkwe ostakolu għall-interoperabbiltà. Fl-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni għall-istabbiliment ta’ servizz pubbliku Ewropew, fittex li tagħmel dan b’mod konsistenti mal-leġiżlazzjoni rilevanti, wettaq “kontroll diġitali” u qis ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.

3.4L-interoperabbiltà organizzattiva

Din tirreferi għall-mod li bih l-amministrazzjonijiet pubbliċi jallinjaw il-proċessi, ir-responsabbiltajiet u l-aspettattivi tan-negozju tagħhom biex jilħqu miri benefiċjarji miftiehma b’mod komuni u b’mod reċiproku. Fil-prattika, l-interoperabbiltà organizzattiva tfisser id-dokumentazzjoni u l-integrazzjoni jew l-allinjament tal-proċessi tan-negozju u tal-informazzjoni rilevanti skambjata. Barra minn hekk, l-interoperabbiltà organizzazzjonali għandha l-għan li tissodisfa r-rekwiżiti tal-komunità tal-utenti billi tagħmel is-servizzi disponibbli, identifikati b’mod faċli, aċċessibbli u kkonċentrati fuq l-utent.

3.4.1Allinjament tal-proċess tan-negozju

Sabiex l-entitajiet amministrattivi differenti jkunu jistgħu jaħdmu flimkien b'mod effiċjenti u effettiv sabiex jipprovdu s-servizzi pubbliċi Ewropej, huma jista’ jkollhom bżonn li jallinjaw il-proċessi tan-negozju eżistenti tagħhom jew li jiddefinixxu u jistabbilixxu proċessi ta' negozju ġodda.

L-allinjament tal-proċessi tan-negozju jimplika li dawn jiġu ddokumentati, b'mod li jkun sar qbil fuqu u b’tekniki ta’ mudellar aċċettati b’mod komuni, inkluż l-informazzjoni assoċjata skambjata, biex l-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha li jikkontribwixxu għat-twassil ta' servizzi pubbliċi Ewropej jkunu jistgħu jifhmu l-proċess globali tan-negozju (minn tarf għal ieħor) u r-rwol tagħhom fih.

Rakkomandazzjoni 28:

Iddokumenta l-proċessi tan-negozju tiegħek billi tuża tekniki ta’ mmudellar aċċettati b’mod komuni u aqbel dwar kif dawn il-proċessi jenħtieġ li jiġu allinjati biex twassal servizz pubbliku Ewropew.

3.4.2Ir-relazzjonijiet organizzattivi

L-orjentazzjoni ta' servizz, li fuqha jinbena l-mudell konċettwali għas-servizzi pubbliċi, tfisser li r-relazzjoni bejn il-fornituri ta' servizz u l-konsumaturi ta' servizz trid tiġi strutturata b'mod ċar.

Dan jinvolvi li jinstabu strumenti biex jiġu fformalizzati l-assistenza reċiproka, l-azzjoni konġunta u l-proċessi ta' negozju interkonnessi bħala parti mit-twassil ta' servizz, pereżempju MoUs u SLAs bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi parteċipanti. Għal azzjonijiet transfruntiera, jenħtieġ li preferibbilment dawn ikunu ftehimiet Ewropej multilaterali jew globali.

Rakkomandazzjoni 29:

Ikkjarifika u fformalizza r-relazzjonijiet organizzattivi tiegħek biex tistabbilixxi u tħaddem is-servizzi pubbliċi Ewropej.

3.5L-interoperabbiltà semantika

L-interoperabbiltà semantika tiżgura li l-format u t-tifsira preċiżi tad-data u tal-informazzjoni skambjata jiġu ppreservati matul l-iskambji bejn il-partijiet, fi kliem ieħor “dak li jintbagħat huwa dak li jinftiehem”. Fl-EIF, l-interoperabbiltà semantika tkopri l-aspetti semantiċi, kif ukoll dawk sintattiċi:

L-aspett semantiku jirreferi għat-tifsira tal-elementi tad-data u r-relazzjoni bejniethom. Din tinkludi l-iżvilupp ta' vokabularji u skemi biex jiġu deskritti l-iskambji tad-data u jiġi żgurat li l-elementi tad-data jinftiehmu bl-istess mod mill-partijiet kollha li jkunu qegħdin jikkomunikaw;

L-interoperabbiltà sintattika tirreferi għad-deskrizzjoni tal-format eżatt tal-informazzjoni li ser tiġi skambjata f'termini ta' grammatika u format.

Punt tat-tluq biex tittejjeb l-interoperabbiltà semantika huwa li d-data u l-informazzjoni jitqiesu bħala ass pubbliku prezzjuż.

Rakkomandazzjoni 30:

Qis id-data u l-informazzjoni bħala ass pubbliku li jenħtieġ li jiġi ġġenerat, jinġabar, jiġi ġestit, jiġi kondiviż, jiġi protett u ppreservat b’mod xieraq.

Jenħtieġ li tiġi abbozzata strateġija ta’ ġestjoni tal-informazzjoni u tiġi kkoordinata fl-aktar livell għoli possibbli (korporattiv jew ta’ intrapriża) sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni u jiġu stabbiliti l-prijoritajiet.

Pereżempju, ftehimiet dwar id-data ta’ referenza, fil-forma ta’ tassonomiji, vokabularji kkontrollati, teżawri, listi ta’ kodiċi 27 u strutturi/mudelli tad-data li jistgħu jerġgħu jintużaw mill-ġdid 28 huma prerekwiżiti ewlenin biex tinkiseb l-interoperabbiltà semantika. Approċċi bħal disinn xprunat mid-data, flimkien ma’ teknoloġiji marbuta mad-data, huma modi innovattivi biex tittejjeb b’mod sostanzjali l-interoperabbiltà semantika.

Rakkomandazzjoni 31:

Implimenta strateġija ta’ ġestjoni tal-informazzjoni fl-ogħla livell possibbli biex tevita l-frammentazzjoni u d-duplikazzjoni. Jenħtieġ li tiġi pprijoritizzata l-ġestjoni tal-metadata, tad-data ewlenija u tad-data ta’ referenza.

Bl-istess mod li bih l-istandards tekniċi rawmu interoperabbiltà teknika (pereżempju il-konnettività tan-netwerk) għal għexieren ta’ snin, huma meħtieġa standards u speċifikazzjonijiet robusti, koerenti u applikabbli b’mod universali sabiex tkun tista’ tiġi skambjata l-informazzjoni ta’ valur fost l-organizzazzjonijiet pubbliċi Ewropej 29 . 

Fid-dawl tal-ambjenti lingwistiċi, kulturali, legali, u amministrattivi differenti fl-Istati Membri, dan il-livell tal-interoperabbiltà joħloq sfidi sinifikanti. Madankollu, dment li l-isforzi tal-istandardizzazzjoni ma jimmaturawx fil-livell semantiku tal-interoperabbiltà, huwa diffiċli li jiġu żgurati l-iskambju tal-informazzjoni bla xkiel, il-moviment liberu tad-data u l-portabbiltà tad-data fost l-Istati Membri biex jiġi appoġġat suq uniku diġitali fl-UE.

Rakkomandazzjoni 32:

Appoġġa l-istabbiliment ta' komunitajiet speċifiċi għas-settur u transettorjali li jkollhom l-għan li joħolqu speċifikazzjonijiet tal-informazzjoni miftuħa u ħeġġeġ lill-komunitajiet rilevanti biex jikkondividu r-riżultati tagħhom fuq pjattaformi nazzjonali u Ewropej.

3.6L-interoperabbiltà teknika

Din tkopri l-applikazzjonijiet u l-infrastrutturi li jgħaqqdu s-sistemi u s-servizzi. L-aspetti tal-interoperabbiltà teknika jinkludu speċifikazzjonijiet tal-interfaċċja, servizzi ta' interkonnessjoni, servizzi tal-integrazzjoni tad-data, preżentazzjoni u skambju tad-data u protokolli ta’ komunikazzjoni sikura.

Ostakolu ewlieni għall-interoperabbiltà jirriżulta minn sistemi ta’ legat. Storikament, l-applikazzjonijiet u s-sistemi ta’ informazzjoni fl-amministrazzjonijiet pubbliċi ġew żviluppati b’mod minn isfel għal fuq, biex jippruvaw jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi speċifiċi għall-qasam u dawk lokali. Dan irriżulta fi “gżejjer” tal-ICT frammentati li huma diffiċli biex jiġu interoperati.

Minħabba d-daqs tal-amministrazzjoni pubblika u l-frammentazzjonijiet tas-soluzzjonijiet tal-ICT, in-numru kbir ta’ sistemi ta’ legat joħloq ostakolu addizzjonali għall-interoperabbiltà fis-saff tekniku.

Jenħtieġ li l-interoperabbiltà teknika tiġi żgurata, fejn possibbli, bl-użu ta' speċifikazzjonijiet tekniċi formali.

Rakkomandazzjoni 33:

Uża speċifikazzjonijiet miftuħa, fejn possibbli, biex tiżgura l-interoperabbiltà teknika meta tistabbilixxi servizzi pubbliċi Ewropej.

4Il-mudell konċettwali għall-għoti tas-servizzi pubbliċi integrati

4.1Introduzzjoni

Dan il-kapitolu jipproponi mudell konċettwali għal servizzi pubbliċi integrati bħala gwida għall-ippjanar, l-iżvilupp, it-tħaddim u l-manutenzjoni tagħhom mill-Istati Membri. Huwa rilevanti għal-livelli governattivi kollha, minn dawk lokali sa l-UE. Il-mudell huwa modulari u jinkludi komponenti tas-servizz b’akkoppjar laxk 30 interkonnessi flimkien permezz ta’ infrastruttura kondiviża.

Rakkomandazzjoni 34:

Uża l-mudell konċettwali għal servizzi pubbliċi Ewropej biex tfassal servizzi ġodda jew tfassal mill-ġdid dawk eżistenti u uża mill-ġdid, meta jkun possibbli, komponenti eżistenti tas-servizz u d-data.

L-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġu jidentifikaw, jinnegozjaw u jaqblu dwar approċċ komuni biex jiġu interkonnessi komponenti ta’ servizz. Dan ser isir f’livelli amministrattivi nazzjonali differenti skont kull struttura organizzattiva tal-pajjiż. Jenħtieġ li l-limiti ta’ aċċess għal servizzi u informazzjoni jiġu definiti permezz ta’ interfaċċji u kundizzjonijiet ta’ aċċess.

Rakkomandazzjoni 35:

Iddeċiedi dwar skema komuni għall-interkonnessjoni tal- komponenti ta' servizz b'akkoppjar laxk u stabbilixxi u żomm l-infrastruttura neċessarja għall-istabbiliment u ż-żamma ta’ servizzi pubbliċi Ewropej.

Jeżistu soluzzjonijiet tekniċi magħrufa sew u użati ħafna biex jinkiseb dan, pereżempju s-servizzi tal-web, iżda biex jiġu implimentati fil-livell tal-UE jkunu meħtieġa sforzi miftiehma minn amministrazzjonijiet pubbliċi, inkluż mudelli komuni jew kompatibbli, standards u ftehimiet dwar infrastruttura komuni.

4.2Ħarsa ġenerali tal-mudell

Dan il-mudell konċettwali jippromwovi l-idea ta’ interoperabbiltà skont id-disinn. Dan ifisser li biex is-servizzi pubbliċi Ewropej ikunu interoperabbli, jenħtieġ li dawn jitfasslu skont il-mudell propost u billi jitqiesu ċerti rekwiżiti tal-interoperabbiltà u tal-użu mill-ġdid 31 . Il-mudell jippromwovi l-użu mill-ġdid bħala xprunatur għall-interoperabbiltà, billi jirrikonoxxi li jenħtieġ li s-servizzi pubbliċi Ewropej jużaw mill-ġdid l-informazzjoni u s-servizzi li diġà jeżistu u li jistgħu jsiru disponibbli minn diversi sorsi fil-limiti organizzazzjonali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jew lil hinn minnhom. Jenħtieġ li l-informazzjoni u s-servizzi jiġu rkuprati u jsiru disponibbli f’formati interoperabbli.

Il-komponenti bażiċi tal-mudell konċettwali huma ppreżentati hawn taħt.



Illustrazzjoni 4: Il-mudell konċettwali għal servizzi pubbliċi integrati

L-istruttura tal-mudell tinkludi:

“it-twassil ta’ servizz integrat” ibbażat fuq “funzjoni ta’ koordinazzjoni” biex titneħħa l-kumplessità għall-utent finali;

politika “no wrong door” tat-twassil ta’ servizz tipprovdi għażliet alternattivi u kanali għat-twassil ta’ servizz, filwaqt li tiżgura d-disponibbiltà tal-kanali diġitali (diġitali b’mod awtomatiku);

l-użu mill-ġdid tad-data u s-servizzi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u tiżdied il-kwalità u l-interoperabbiltà;

il-katalogi jiddeskrivu servizzi li jistgħu jerġgħu jintużaw u assi oħrajn biex tiżdied it-traċċabbiltà u l-użu tagħhom;

governanza tas-servizz pubbliku integrat;

is-sigurtà u l-privatezza.

4.3Il-komponenti bażiċi

4.3.1Il-funzjoni ta’ koordinazzjoni

Il-funzjoni ta’ koordinazzjoni tiżgura li jiġu identifikati l-ħtiġijiet u li jiġu invokati u ġestiti servizzi xierqa sabiex jiġi pprovdut servizz pubbliku Ewropew. Jenħtieġ li din il-funzjoni tagħżel is-sorsi u s-servizzi xierqa u tintegrahom. Il-koordinazzjoni tista’ tkun awtomatika jew manwali. Il-fażijiet tal-proċess li ġejjin huma parti mit-“twassil ta’ servizz pubbliku integrat” u huma eżegwiti mill-funzjoni ta’ koordinazzjoni.

I.Il-ħtieġa ta’ identifikazzjoni: Din tirriżulta minn talba ta’ servizz pubbliku li ssir minn ċittadin jew negozju.

II.L-ippjanar: Dan jinkludi l-identifikazzjoni tas-servizzi u s-sorsi tal-informazzjoni meħtieġa, bl-użu tal-katalogi disponibbli u billi dawn jiġu aggregati fi proċess wieħed, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-utent (pereżempju personalizzazzjoni).

III.L-Eżekuzzjoni; Din tinvolvi l-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni, billi jiġu applikati r-regoli tan-negozju (kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni u l-politika rilevanti) sabiex jingħata jew jiġi miċħud l-aċċess għal servizz u mbagħad jiġi pprovdut s-servizz mitlub liċ-ċittadini jew lin-negozji.

IV.Evalwazzjoni: Wara l-għoti ta’ servizz, il-feedback tal-utenti jinġabar u jiġi evalwat.

4.3.2Sorsi u servizzi interni ta’ informazzjoni

L-amministrazzjonijiet pubbliċi jipproduċu u jagħmlu disponibbli numru kbir ta’ servizzi, filwaqt li jżommu u jamministraw numru kbir, kif ukoll varjetà kbira ta’ sorsi ta’ informazzjoni. Dawn is-sorsi ta’ informazzjoni ta’ spiss mhumiex magħrufa barra mil-limiti ta’ amministrazzjoni partikolari (u xi drabi anke fi ħdan dawk il-limiti). Ir-riżultat huwa duplikazzjoni tal-isforz u użu mhux suffiċjenti tar-riżorsi u s-soluzzjonijiet disponibbli.

Sorsi ta’ informazzjoni (reġistri bażi, portali tad-data miftuħa, u sorsi awtorevoli oħrajn ta’ informazzjoni) u servizzi disponibbli mhux biss fis-sistema amministrattiva, iżda wkoll fl-ambjent estern li jista’ jintuża biex jiġu integrati s-servizzi pubbliċi bħal moduli. Jenħtieġ li l-moduli (sorsi u servizzi ta’ informazzjoni) jagħmlu d-data jew il-funzjonalità tagħhom aċċessibbli permezz ta’ approċċi orjentati lejn is-servizz.

Rakkomandazzjoni 36:

Żviluppa infrastruttura kondiviża ta’ servizzi li jistgħu jerġgħu jintużaw u sorsi ta’ informazzjoni li jistgħu jintużaw mill-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha.

Jenħtieġ li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jippromwovu politiki għall-kondiviżjoni tas-servizzi u s-sorsi ta’ informazzjoni bi tliet modi ewlenin.

I.L-użu mill-ġdid: Meta jitfasslu servizzi ġodda jew jiġu riveduti dawk eżistenti, jenħtieġ li l-ewwel pass ikun li jiġi investigat jekk is-servizzi eżistenti u s-sorsi ta’ informazzjoni jistgħux jerġgħu jintużaw;

II.Ippubblika: Meta jitfasslu servizzi u sorsi ta’ informazzjoni ġodda jew jiġu riveduti dawk eżistenti, jenħtieġ li s-servizzi u s-sorsi ta’ informazzjoni li jistgħu jerġgħu jintużaw isiru disponibbli biex ħaddieħor ikun jista’ jerġa’ jużahom;

III.Aggregat: Ladarba jiġu identifikati s-servizzi xierqa u s-sorsi ta’ informazzjoni, jenħtieġ li dawn jiġu aggregati biex jiffurmaw proċess ta’ għoti ta’ servizz integrat. Jenħtieġ li l-moduli juru l-kapaċità nattiva li jiġu kkombinati (“interoperabbiltà skont id-disinn”), sabiex ikunu lesti biex jintgħaġnu ma' oħrajn f’ambjenti differenti b’tibdil minimu. Din l-aggregazzjoni hija rilevanti għall-informazzjoni, is-servizzi u soluzzjonijiet oħrajn ta’ interoperabbiltà (pereżempju softwer).

L-approċċ tal-modulu li jista’ jerġa’ jintuża jsib applikazzjoni xierqa billi jfassal soluzzjonijiet skont il-moduli konċettwali ta’ arkitettura ta’ referenza 32 li tippermetti l-iskoperta tal-komponenti li jistgħu jerġgħu jintużaw, li jippromwovi wkoll ir-razzjonalizzazzjoni. Ir-riżultat ta’ dan l-immappjar huwa kartografija 33 ta’ soluzzjonijiet, inkluż il-moduli tagħhom, li jistgħu jerġgħu jintużaw biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet komuni tan-negozju u tiġi żgurata l-interoperabbiltà.

B’mod aktar speċifiku, biex jiġi evitat sforz doppju, spejjeż żejda u problemi ulterjuri ta’ interoperabbiltà, filwaqt li tiżdied il-kwalità tas-servizzi offruti, il-mudell konċettwali juri żewġ tipi ta’ użu mill-ġdid.

L-użu mill-ġdid ta' servizzi: Tipi differenti ta’ servizzi jistgħu jerġgħu jintużaw. Eżempji jinkludu servizzi pubbliċi bażiċi, pereżempju l-għoti ta’ ċertifikat tat-twelid u servizzi komuni bħall-identifikazzjoni elettronika u l-firma elettronika. Is-servizzi komuni jistgħu jiġu pprovduti mis-settur pubbliku, mis-settur privat jew permezz ta’ mudelli bi sħubija pubblika-privata (PPP);

L-użu mill-ġdid tal-informazzjoni: L-amministrazzjonijiet pubbliċi diġà jaħżnu ammonti kbar ta’ informazzjoni b’potenzjal għal użu mill-ġdid. Eżempji jinkludu: data ewlenija minn reġistri bażi bħala data awtorevoli użata minn applikazzjonijiet u sistemi multipli; data miftuħa taħt liċenzji b’użu miftuħ ippubblikati minn organizzazzjonijiet pubbliċi; tipi oħrajn ta’ data awtorevoli validati u ġestiti taħt il-patroċinju tal-awtoritajiet pubbliċi. Ir-reġistri bażi u d-data miftuħa huma diskussi f’aktar dettall fit-taqsima li jmiss.

4.3.3Ir-reġistri bażi

Ir-reġistri bażi huma l-pedament tat-twassil tas-servizzi pubbliċi Ewropej. Reġistru bażi huwa sors ta’ informazzjoni affidabbli u awtorevoli li jista’ u jenħtieġ li jintuża b’mod diġitali minn oħrajn, meta organizzazzjoni waħda tkun responsabbli mill-ġbir, l-użu, l-aġġornament u l-preservazzjoni tal-informazzjoni. Ir-reġistri bażi huma sorsi affidabbli ta’ informazzjoni bażika dwar elementi tad-data bħal persuni, kumpaniji, vetturi, liċenzji, bini, lokalitajiet u toroq. Din it-tip ta’ informazzjoni tikkostitwixxi d-data ewlenija” għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u t-twassil ta’ servizz pubbliku Ewropew. “Awtorevoli” tfisser hawnhekk li reġistru bażi jitqies li jkun “sors” ta’ informazzjoni, jiġifieri juri l-istatus korrett, ikun aġġornat u jkun tal-ogħla kwalità u integrità possibbli.

F’każ ta’ reġistri ċentralizzati, entità organizzazzjonali waħda hija responsabbli biex tiżgura l-kwalità tad-data u biex ikollha miżuri fis-seħħ sabiex tiġi żgurata l-korrettezza tad-data. Reġistri bħal dawn huma taħt il-kontroll legali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, billi t-tħaddim u l-manutenzjoni jistgħu jiġu esternalizzati lejn organizzazzjonijiet oħrajn jekk ikun hemm bżonn. Hemm diversi tipi ta' reġistri bażi, pereżempju popolazzjoni, negozji, vetturi, katasti. Għall-amministrazzjonijiet, huwa importanti li tinkiseb ħarsa ġenerali ta’ livell għoli tat-tħaddim tar-reġistri bażi u tad-data li huma jaħżnu (reġistru ta’ reġistri).

F’każ ta’ reġistri mqassma, irid ikun hemm entità organizzazzjonali waħda responsabbli għal kull parti mir-reġistru. Barra minn hekk, entità waħda trid tkun responsabbli mill-koordinazzjoni tal-partijiet kollha tar-reġistru distribwit.

Qafas ta’ reġistru bażi “jiddeskrivi l-ftehimiet u l-infrastrutturi għat-tħaddim ta’ reġistri bażi u r-relazzjonijiet ma’ entitajiet oħrajn”.

Jenħtieġ li l-aċċess għal reġistri bażi jiġi regolat sabiex ikun konformi mar-regolamenti tal-privatezza u regolamenti oħrajn; reġistri bażi huma regolati mill-prinċipji tal-ġestjoni tal-informazzjoni.

Il-ġestjoni tal-informazzjoni hija l-korp (jew possibbilment individwu) responsabbli mill-ġbir, l-użu, l-aġġornament, iż-żamma u t-tħassir tal-informazzjoni. Dan jinkludi d-definizzjoni tal-użu tal-informazzjoni permissibbli, il-konformità mar-regolamenti dwar il-privatezza u mal-politiki dwar is-sigurtà, l-iżgurar li l-informazzjoni hija attwali u l-iżgurar tal-aċċessibbiltà tad-data minn utenti awtorizzati.

Jenħtieġ li r-reġistri bażi jfasslu u jimplimentaw pjan dwar l-iżgurar tal-kwalità tad-data sabiex tiġi żgurata l-kwalità tad-data tagħhom. Jenħtieġ li ċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jikkontrollaw l-eżattezza, il-korrettezza u l-kompletezza ta’ kwalunkwe data tagħhom li tinsab fir-reġistri bażi.

Jenħtieġ li gwida għat-terminoloġija użata u/jew glossarju ta’ termini rilevanti użati f’kull reġistru bażi tkun disponibbli għal skopijiet ta’ informazzjoni li tista’ tinqara mill-bnedmin, kif ukoll b’magna.

Rakkomandazzjoni 37:

Agħmel sorsi awtorevoli tal-informazzjoni disponibbli għal oħrajn waqt li timplimenta mekkaniżmi ta' aċċess u ta’ kontroll biex tiżgura s-sigurtà u l-privatezza skont il-leġiżlazzjoni rilevanti.

Rakkomandazzjoni 38:

Żviluppa interfaċċji b’reġistri bażi u sorsi awtorevoli tal-informazzjoni, ippubblika l-mezzi semantiċi u tekniċi u d-dokumentazzjoni meħtieġa għal oħrajn biex jikkonnettjaw u jużaw mill-ġdid l-informazzjoni disponibbli.

Rakkomandazzjoni 39:

Qabbel kull reġistru bażi ma’ metadata xierqa inkluż id-deskrizzjoni tal-kontenut tiegħu, l-iżgurar u r-responsabbiltajiet tas-servizz, it-tip ta’ data ewlenija li jżomm, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess u l-liċenzji, it-terminoloġija, glossarju rilevanti u l-informazzjoni dwar kwalunkwe data ewlenija li dan juża minn reġistri bażi oħrajn.

Rakkomandazzjoni 40:

Oħloq u segwi l-pjanijiet dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tad-data għal reġistri bażi u data ewlenija relatata.

4.3.4Data miftuħa:

Id-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni mis-settur pubbliku tipprovdi qafas legali komuni għall-użu mill-ġdid tad-data tas-settur pubbliku. Il-fokus huwa fuq ir-rilaxx ta’ data li tista’ tinqara mill-magni għall-użu minn oħrajn sabiex jiġu stimulati t-trasparenza, il-kompetizzjoni ġusta, l-innovazzjoni u ekonomija xprunata mid-data. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, il-ftuħ u l-użu mill-ġdid tad-data jridu jkunu mhux diskriminatorji, jiġifieri li d-data trid tkun interoperabbli sabiex b’hekk din tkun tista’ tinstab, tiġi skoperta u pproċessata.

Rakkomandazzjoni 41:

Stabbilixxi proċeduri u proċessi biex tintegra l-ftuħ tad-data fil-proċessi tan-negozju komuni tiegħek, fir-rutini tax-xogħol u fl-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni ġodda.

Attwalment, hemm ħafna ostakoli għall-użu tad-data miftuħa. Ta’ spiss dan jiġi ppubblikat f’formati differenti jew f’formati li jfixklu l-użu faċli, dan jista’ jonqos li jkollu metadata xierqa, id-data nnifisha tista’ tkun ta’ kwalità baxxa, eċċ. Idealment jenħtieġ li l-metadata bażika 34 u s-semantika ta’ settijiet tad-data miftuħa jiġu deskritti f’format standard li jkun jista’ jinqara mill-magni.

Rakkomandazzjoni 42:

Ippubblika data miftuħa f’formati li jkunu jistgħu jinqraw mill-magni, kif ukoll f’formati mhux proprjetarji. Kun ċert li d-data miftuħa tiġi akkumpanjata b’metadata ta’ kwalità għolja, li tista’ tinqara mill-magni f’formati nonproprjetarji, inkluż deskrizzjoni tal-kontenut tagħha, il-mod li bih id-data tinġabar u l-livell ta’ kwalità tagħha u t-termini tal-liċenzja li taħthom din issir disponibbli. Huwa rrakkomandat l-użu ta’ vokabolarji komuni għall-espressjoni tal-metadata.

Id-data tista’ tintuża b’modi differenti u għal skopijiet varji u jenħtieġ li l-pubblikazzjoni tad-data miftuħa tippermetti dan. Madankollu, l-utenti jistgħu jsibu l-problemi fir-rigward ta’ settijiet ta’ data jew jistgħu jikkummentaw dwar il-kwalità tagħhom jew jistgħu jippreferu modi oħrajn tal-pubblikazzjoni. Il-feedback “loops” jistgħu jgħinu f’tagħlim ulterjuri dwar il-mod li bih is-settijiet tad-data jintużaw u dwar kif tista’ tittejjeb il-pubblikazzjoni tagħhom.

Sabiex l-użu mill-ġdid tad-data jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu, l-interoperabbiltà u ċ-ċertezza legali huma essenzjali. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li d-dritt li xi ħadd juża mill-ġdid id-data miftuħa jiġi kkomunikat b’mod ċar fost l-Istati Membri, u jenħtieġ li, safejn ikun possibbli, ir-reġimi legali biex jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid tad-data jiġu promossi u standardizzati.

Rakkomandazzjoni 43:

Ikkomunika b’mod ċar id-dritt għall-aċċess u l-użu mill-ġdid tad-data miftuħa. Ir-reġimi legali li jiffaċilitaw l-aċċess u l-użu mill-ġdid, bħal-liċenzji, jenħtieġ li jiġu standardizzati safejn ikun possibbli.

4.3.5Katalogi

Il-katalogi jgħinu lil persuni oħrajn biex isibu riżorsi li jkunu jistgħu jerġgħu jintużaw (pereżempju servizzi, data, softwer, mudelli tad-data). Jeżistu tipi differenti ta’ katalgi, pereżempju direttorji tas-servizzi, libreriji ta’ komponenti tas-softwer, portali tad-data miftuħa, reġistri ta' reġistri bażi, katalgi tal-metadata, katalgi ta’ standards, speċifikazzjonijiet u linji gwida. Hemm il-bżonn ta’ deskrizzjonijiet miftiehma b’mod komuni tas-servizzi, tad-data, tar-reġistri u tas-soluzzjonijiet interoperabbli ppubblikati f’katalogi sabiex tkun permessa l-interoperabbiltà bejn il-katalogi 35 . tip speċifiku ta’ katalogu huwa l-kartografija Ewropea għall-interoperabbiltà (EIC) tas-soluzzjonijiet tal-interoperabbiltà disponibbli għall-użu mill-ġdid u l-kondiviżjoni.

Rakkomandazzjoni 44:

Stabbilixxi katalgi ta’ servizzi pubbliċi, data pubblika u soluzzjonijiet tal-interoperabbiltà u uża mudelli komuni biex tiddeskrivihom.

4.3.6Sorsi u servizzi esterni ta’ informazzjoni

Jenħtieġ li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jisfruttaw is-servizzi mogħtija barra mil-limiti organizzazzjonali tagħhom minn partijiet terzi, bħal servizzi ta’ pagament ipprovduti minn istituzzjonijiet finanzjarji jew servizzi ta’ konnettività pprovduti minn fornituri ta’ telekomunikazzjonijiet. Huma jeħtieġu wkoll jisfruttaw is-sorsi esterni ta’ informazzjoni bħad-data miftuħa u d-data minn organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kmamar tal-kummerċ, eċċ. Barra minn hekk, id-data utli tista’ tinġabar permezz tal-internet tal-oġġetti (pereżempju sensuri) u mill-applikazzjonijiet tal-web soċjali.

Rakkomandazzjoni 45:

Meta jkun utli u fattibbli li tagħmel dan, uża sorsi u servizzi esterni ta’ informazzjoni waqt l-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi Ewropej.

4.3.7Is-sigurtà u l-privatezza

Is-sigurtà u l-privatezza huma tħassib prinċipali fl-għoti tas-servizzi pubbliċi. Jenħtieġ li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jiżguraw li:

huma jsegwu l-approċċ għall-privatezza skont id-disinn u s-sigurtà skont id-disinn biex jiġu żgurati l-infrastruttura u l-moduli tal-bini tagħhom;

is-servizzi ma jkunux vulnerabbli għall-attakki li jista’ jkollhom effett negattiv fuq it-tħaddim tagħhom u jikkawżaw serq tad-data jew ħsara lid-data u

jkunu konformi mar-rekwiżiti u l-obbligi legali dwar il-protezzjoni u l-privatezza tad-data billi jirrikonoxxu r-riskji għall-privatezza mill-ipproċessar u l-analitika avvanzati tad-data.

Jenħtieġ li dawn jiżguraw li l-kontrolluri jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data billi jkopru l-punti li ġejjin.

“Pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju” sabiex jiġu identifikati r-riskji, jiġi evalwat l-impatt potenzjali tagħhom u jiġu ppjanati r-risponsi b’miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa. Abbażi tal-iżviluppi teknoloġiċi l-aktar riċenti, dawk il-miżuri jridu jiżguraw li l-livell tas-sigurtà jkun proporzjonat mal-livell ta’ riskju;

“Pjanijiet għall-kontinwità tar-riskju” u “pjanijiet ta’ sostenn u ta’ rkupru” biex jimplimentaw il-proċeduri meħtieġa għat-tħaddim tal-funzjonijiet wara avveniment diżastruż u l-funzjonijiet kollha jinġiebu lura għan-normal mill-aktar fis possibbli;

“Pjan għall-aċċess tad-data u l-awtorizzazzjoni” li jiddetermina min għandu aċċess għal liema data u taħt liema kundizzjonijiet, sabiex tiġi żgurata l-privatezza. Jenħtieġ li jiġu ssorveljati aċċessi mhux awtorizzati u ksur tas-sigurtà u jenħtieġ li jittieħdu azzjonijiet xierqa biex tiġi evitata kwalunkwe rikorrenza tal-ksur;

L-użu ta’ servizzi fiduċjarji kkwalifikati skont ir-Regolament eIDAS 36 sabiex jiġu żgurati l-integrità, l-awtentiċità, il-kunfidenzjalità u n-nuqqas ta’ rifjut tad-data.

Meta l-amministrazzjonijiet pubbliċi u entitajiet oħrajn jiskambjaw informazzjoni uffiċjali, jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi trasferita, skont ir-rekwiżiti tas-sigurtà, permezz ta’ netwerk sikur, armonizzat, ġestit u kkontrollat 37 .Jenħtieġ li l-mekkaniżmi ta’ trasferiment jiffaċilitaw skambji ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet, in-negozji u ċ-ċittadini li jkunu:

irreġistrati u vverifikati, sabiex b’hekk kemm l-ispeditur kif ukoll ir-riċevitur ikunu ġew identifikati u awtentifikati permezz ta' proċeduri u mekkaniżmi miftiehma;

ikkriptati, biex b’hekk tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tad-data skambjata;

ittimbrati bil-ħin, biex jinżamm il-ħin preċiż tat-trasferiment u l-aċċess tar-rekords elettroniċi;

illoggjati, biex ir-rekords elettroniċi jiġu arkivjati, b’hekk jiġi żgurat rekord legali tal-verifika.

Jenħtieġ li mekkaniżmi xierqa jippermettu l-iskambju sikur tal-messaġġi, rekords, formoli u tipi oħrajn ta' informazzjoni vverifikati b’mod elettroniku bejn is-sistemi differenti; jenħtieġ li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tas-sigurtà u l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji bħal firem elettroniċi/ħolqien ta’ siġilli u verifika; u jenħtieġ li jissorveljaw it-traffiku biex jinstabu intrużjonijiet, tibdil tad-data u tip ieħor ta’ attakki.

Barra minn hekk, l-informazzjoni trid tkun protetta b’mod xieraq matul it-trażmissjoni, l-ipproċessar u l-ħażna permezz ta’ proċessi tas-sigurtà differenti bħal:

id-definizzjoni u l-applikazzjoni ta’ politiki tas-sigurtà;

it-taħriġ dwar is-sigurtà u s-sensibilizzazzjoni;

is-sigurtà fiżika (inkluż il-kontroll tal-aċċess);

is-sigurtà fl-iżvilupp;

is-sigurtà fl-operazzjonijiet (inkluż il-monitoraġġ tas-sigurtà, il-ġestjoni tal-inċidenti, il-ġestjoni tal-vulnerabbiltà);

reviżjonijiet tas-sigurtà (inkluż verifiki u kontrolli tekniċi).

Peress li d-data li toriġina minn Stati Membri differenti tista' tkun soġġetta għal approċċi differenti rigward l-implimentazzjoni tal-protezzjoni tad-data, jenħtieġ li jintlaħaq qbil dwar rekwiżiti komuni għall-protezzjoni tad-data qabel ma jiġi pprovdut servizz aggregat.

Id-dispożizzjoni ta' skambju sikur ta' data teħtieġ ukoll diversi funzjonijiet amministrattivi, fosthom:

ġestjoni ta' servizz biex ikun hemm superviżjoni tal-komunikazzjonijiet kollha dwar l-identifikazzjoni, l-awtentikazzjoni, l-awtorizzazzjoni, it-trasport tad-data, eċċ., inklużi l-awtorizzazzjonijiet tal-aċċess, ir-revoka, u l-awditjar;

reġistrazzjoni ta' servizz, biex jiġi pprovdut (soġġett għal awtorizzazzjoni xierqa) l-aċċess għas-servizzi disponibbli permezz ta' lokalizzazzjoni u verifika minn qabel li s-servizz huwa affidabbli;

reġistrazzjoni tas-servizz, biex jiġi żgurat li l-iskambji tad-data kollha jiġu reġistrati għall-evidenza fil-ġejjieni u fejn meħtieġ, arkivjati.

Rakkomandazzjoni 46:

Ikkunsidra r-rekwiżiti speċifiċi għas-sigurtà u l-privatezza u identifika miżuri għall-għoti ta’ kull servizz pubbliku skont il-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju.

Rakkomandazzjoni 47:

Uża s-servizzi fiduċjarji skont ir-Regolament dwar l-eID u s-Servizzi Fiduċjarji bħala mekkaniżmi li jiżguraw skambju tad-data sikur u protett fis-servizzi pubbliċi.

5Konklużjoni

Fl-aħħar deċennji, l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej investew fl-ICT biex jimmodernizzaw l-operazzjonijiet interni tagħhom, inaqqsu l-ispejjeż u jtejbu s-servizzi li joffru liċ-ċittadini u lin-negozji. Minkejja l-progress sinifikanti li sar u l-benefiċċji li diġà nkisbu, l-amministrazzjonijiet xorta waħda jiffaċċjaw ostakoli konsiderevoli biex jiskambjaw l-informazzjoni u jikkollaboraw b’mod elettroniku. Dawn jinkludu ostakoli leġiżlattivi, proċessi tan-negozju u mudelli ta’ informazzjoni inkompatibbli, u d-diversità tat-teknoloġiji użati. Dan huwa minħabba li, storikament, is-sistemi ta’ informazzjoni ġew stabbiliti fis-settur pubbliku b’mod indipendenti minn xulxin u b’mod mhux ikkoordinat. Id-diversità ta’ konfigurazzjonijiet istituzzjonali madwar l-Ewropa żżid saff ieħor ta’ kumplessità fil-livell tal-UE.

L-interoperabbiltà hija prerekwiżit biex jiġu permessi kemm il-komunikazzjoni elettronika, kif ukoll l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi. Dan jagħmilha wkoll prerekwiżit għall-kisba ta’ suq uniku diġitali. Il-programmi tal-interoperabbiltà fl-UE evolvew matul iż-żmien. Fil-bidu, dawn kienu jikkonċernaw il-kisba tal-interoperabbiltà b’mod partikolari tal-oqsma, imbagħad it-tqegħid fis-seħħ ta’ infrastruttura komuni. Aktar riċenti, dawn bdew jindirizzaw l-interoperabbiltà fil-livell semantiku. Il-governanza, il-kompatibbiltà tar-reġimi legali, l-allinjament tal-proċessi tan-negozju u l-aċċess sikur għas-sorsi tad-data huma wħud mill-kwistjonijiet li jmiss jiġu indirizzati, sabiex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi żviluppati bis-sħiħ.

L-EIF jippromwovi l-komunikazzjoni elettronika fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej billi jipprovdi sett ta’ mudelli, prinċipji u rakkomandazzjonijiet komuni. Dan jirrikonoxxi u jenfasizza l-fatt li l-interoperabbiltà mhijiex biss kwistjoni tal-ICT, peress li din għandha livelli ta’ implikazzjonijiet li jvarjaw minn dawk legali għal dawk tekniċi. L-indirizzar tal-kwistjonijiet b’approċċ olistiku f'dawn is-saffi kollha u f’livelli amministrattivi differenti minn dawk lokali għal dawk tal-UE jibqa’ sfida. L-EIF jidentifika erba’ livelli ta’ sfidi għall-interoperabbiltà (legali, organizzazzjonali, semantiċi u tekniċi), filwaqt li fl-istess ħin jindika r-rwol essenzjali tal-governanza biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-attivitajiet rilevanti fost il-livelli u s-setturi kollha tal-amministrazzjoni.

Il-mudell konċettwali tal-EIF għas-servizzi pubbliċi jkopri d-disinn, l-ippjanar, l-iżvilupp, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ servizzi pubbliċi integrati fil-livelli governattivi kollha mil-livell lokali sal-livell tal-UE. Il-prinċipji stabbiliti hawnhekk jiggwidaw it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment ta' servizzi pubbliċi Ewropej interoperabbli. Barra minn hekk, l-EIF joffri għodod prattiċi fil-forma ta’ sett ta’ rakkomandazzjonijiet azzjonabbli.

Il-komponenti tal-EIF huma rappreżentati fil-Figura 5.

Illustrazzjoni 5: Relazzjonijiet tal-mudell konċettwali tal-EIF

L-EIF rivedut huwa strument ewlieni għall-istabbiliment ta’ servizzi pubbliċi diġitali interoperabbli fil-livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE sabiex b'hekk jikkontribwixxi biex is-suq uniku diġitali jsir realtà.

6Anness

6.1Abbrevjazzjonijiet

Abbrevjazzjoni

Tifsira

A2A 

Amministrazzjoni għal amministrazzjoni

A2B 

Amministrazzjoni għal negozju

A2C 

Amministrazzjoni għal ċittadin

DIF

Qafas għall-interoperabbiltà speċifiku għall-qasam

DSM

Suq uniku diġitali

KE

Il-Kummissjoni Ewropea

EIC

Kartografija Ewropea għall-Interoperabbiltà

EIF

Qafas Ewropew għall-interoperabbiltà

EIRA

Arkitettura ta’ referenza Ewropea għall-Interoperabbiltà

UE

Unjoni Ewropea

EUPL

Liċenzja Pubblika tal-Unjoni Ewropea

ICT

Teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni

INSPIRE

Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire)

ISA

Soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej

ISA²

Soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini Ewropej

MoU

Memorandum ta’ qbil

SM

Stat Membru

NIF

Qafas nazzjonali għall-interoperabbiltà

NIFO

Osservatorju tal-Qafas Nazzjonali għall-Interoperabbiltà

PSI

Informazzjoni tas-settur pubbliku

FLS

Ftehim dwar il-livell ta’ servizz

SOA

Arkitettura orjentata lejn is-servizz

(1) COM(2015) 192 final, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, Brussell, 06.05.2015.  
(2) “Organizzazzjonijiet” hawnhekk tfisser unitajiet tal-amministrazzjoni pubblika jew kwalunkwe entità li taġixxi f’isimhom, jew l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-UE.
(3) Stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015.
(4) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:12012E/TXT&from=EN  .
(5) Pereżempju, id-Direttiva 2007/2/KE li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Ewropea (INSPIRE) u r-regolamenti ta’ implimentazzjoni u l-linji gwida rilevanti.
(6) Il-prinċipji jibqgħu prattikament l-istess bħal fl-EIF preċedenti. Ir-raggruppament tagħhom u l-kamp ta’ applikazzjoni preċiż ta’ kull rakkomandazzjoni ġew aġġornati biex jiġi rifless l-iżvilupp riċenti tal-politika u dak tekniku.
(7) Id-Direttiva 2003/98/KE u kif riveduta mid-Direttiva 2013/37/UE.
(8) Id-Direttiva 2007/2/KE li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE). L-evalwazzjoni REFIT riċenti (COM(2016)478 u l-SWD(2016)273) uriet li xorta waħda għad hemm ostakoli serji fil-prinċipju tal-aċċess miftuħ madwar l-UE.
(9) FRAND: ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji.
(10) Dan irawwem il-kompetizzjoni peress li l-fornituri li jaħdmu taħt diversi mudelli tan-negozju varji jistgħu jikkompetu biex iwasslu prodotti, teknoloġiji u servizzi bbażati fuq speċifikazzjonijiet bħal dawn.
(11) Pereżempju, bl-istabbiliment ta’ Portal Uniku Diġitali, azzjoni DSM.
(12) https://joinup.ec.europa.eu/community/isa/document/sharing-and-reuse-framework-fostering-collaboration-among-public-administrati   
(13) https://joinup.ec.europa.eu/ Fil-livell tal-UE, ġiet stabbilita l-pjattaforma Joinup () biex issir kondiviżjoni tal-komponenti tas-softwer bis-sors miftuħ, tal-assi semantiċi, tal-moduli u tal-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni Ewropea introduċiet ukoll il-liċenzja EUPL sabiex tħeġġeġ il-kondiviżjoni ta' komponenti tas-softwer.
(14) Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku, u x-xogħol imniedi mill-Kummissjoni dwar “Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà”.
(15) Ara wkoll il-mandat ta' standardizzazzjoni tal-KE Nru 376 dwar l-iżvilupp ta' standards Ewropej għall-akkwist pubbliku ta' prodotti u servizzi aċċessibbli tal-ICT.
(16) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data.Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali.
(17) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern.
(18) Kif definit mit-tieni verżjoni tal-ħtiġijiet tal-mudell għall-ġestjoni ta' rekords elettroniċi (MoReq2): rekord hija “l-informazzjoni maħluqa, riċevuta u miżmuma bħala evidenza u informazzjoni minn organizzazzjoni jew persuna, skont l-obbligi legali jew fit-tranżazzjoni tan-negozji.
(19) pereżempju cloud computing, internet tal-oġġetti, big data u softwer bħala servizz.
(20) L-Artikolu 1 tad-Direttiva INSPIRE jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għall-“finijiet tal-politiki ambjentali tal-Komunità jew għall-attivitajiet li jista’ jkollhom impatt fuq l-ambjent”.
(21) Il-programm ISA² huwa eżempju ta' tali appoġġ politiku.
(22) Ara pereżempju r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2007/2/KE ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) skont l-Artikolu 23, 2016.
(23) Pereżempju, il-metodu ta’ valutazzjoni komuni għall-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet (CAMSS) żviluppa fil-kuntest tal-programm ISA.
(24) Il-mudelli ta’ konformità jistgħu jinkludu għażliet bħal mandatorji, ikkonforma-jew-spjega, tajjeb-li-jkollok, fakultattivi, eċċ.
(25) Pereżempju l-iskema tal-metadata tad-deskrizzjoni tal-assi (ADMS) żviluppat fil-kuntest tal-programm ISA.
(26) “Modulu” hija unità awtonoma, interoperabbli u sostitwibbli li tinkludi struttura interna.
(27) Pereżempju t-teżawru Eurovoc u t-tassonomija Ewropea ta’ ħiliet, kompetenza u okkupazzjonijiet (ESCO).
(28) Il-persuna, in-negozju, il-post u s-servizz pubbliku prinċipali żviluppati mill-programm ISA huma eżempji ta’ mudelli transsettorjali, u tad-data li jistgħu jerġgħu jintużaw.
(29) Peristeras V., “Semantic Standards: Preventing Waste in the Information Industry”, (Standards Semantiċi: Il-prevenzjoni tal-Iskart fl-Industrija tal-Informazzjoni)“ IEEE Intelligent Systems”, (Sistemi Intelliġenti IEEE), Nru 4, Lulju-Awwissu 2013, volum 28, pp: 72-75.
(30) Arkitettura orjentata lejn is-servizz (SOA) hija implimentazzjoni ta' dak il-kunċett.
(31) Il-mudell tal-maturità interoperabbli (IMM) żviluppa fil-kuntest tal-programm ISA li jista’ jintuża biex tiġi evalwata d-disponibbiltà ta’ servizz għall-interoperabbiltà.
(32) Eżempju ta’ dan huwa l-Arkitettura Ewropea ta’ referenza għall-interoperabbiltà (EIRA).
(33) Fil-livell Ewropew, il-kartografija Ewropea għall-interoperabbiltà (EIC), disponibbli permezz tal-pjattaforma Joinup, hija għodda siewja biex jiġu identifikati soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li jistgħu jerġgħu jintużaw.
(34) Pereżempju dawk inklużi fl-ispeċifikazzjoni DCAT-AP li ġew żviluppati fil-kuntest tal-programm ISA.
(35) Id-DCAT-AP, il-“Core Public Service Vocabulary” (il-Vokabularju tas-Servizzi Pubbliċi Ewlenin) u l-“Asset Description Metadata Schema” (l-Iskema tal-Metadata tad-Deskrizzjoni tal-Assi) huma eżempji ta’ speċifikazzjonijiet użati biex jiddeskrivu d-data miftuħa, is-servizzi pubbliċi u s-soluzzjonijiet tal-interoperabbiltà rispettivament. Pereżempju: GeoDCAT-AP huwa estensjoni tad-DCAT-AP li jiddeskrivi settijiet ta’ data, serje tad-data u servizzi ġeospazjali. Dan jipprovdi rabta sintattika tal-RDF għall-unjoni tal-elementi ta’ metadata ddefiniti fil-profil ewlieni tal-ISO 19115:2003 u dawk definiti fil-qafas tad-Direttiva INSPIRE.
(36) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014. 
(37) Pereżempju n-netwerk sikur TestaNG.