Brussell, 28.2.2017

COM(2017) 103 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni u d-delega tas-setgħa skont ir-Regolament (UE) 98/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prekursuri tal-isplussivi


1.    INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 1 rigward il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi (“ir-Regolament”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2013 u sar applikabbli fit-2 ta’ Settembru 2014. Dan jistabilixxi regoli armonizzati dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta’ sustanzi u taħlitiet kimiċi li jistgħu jintużaw ħażin fil-manifattura illeċita ta’ splussivi magħmulin id-dar. Il-kontrolli u r-restrizzjonijiet tar-Regolament japplikaw għas-sustanzi elenkati fl-Annessi u għal taħlitiet u sustanzi li fihom dawn is-sustanzi.

L-Artikolu 18(1) tar-Regolament jitlob li l-Kummissjoni sat-2 ta’ Settembru 2017 tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jeżamina kull problema li ġejja mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll kemm hu tajjeb u fattibbli li jiġu proposti bidliet leġiżlattivi li jistgħu jkomplu jsaħħu u jarmonizzaw is-sistema. Dawn jinkludu l-possibilità li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament biex ikopri l-utenti professjonali u inklużi prekursuri tal-isplussivi mhux skedati fl-Anness II.

Barra minn hekk, l-Artikolu 14(2) jirrikjedi li l-Kummissjoni tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa, mogħtija lilha għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Marzu 2013, “sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin,” jiġifieri sal-1 ta’ Ġunju 2017.

Dan ir-rapport għandu l-għan li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fiż-żewġ artikoli t’hawn fuq. Fl-interess tas-simplifikazzjoni tal-eżerċizzju ta’ rappurtar, u minħabba li d-delega ta’ setgħa hija għodda għal bidla leġiżlattiva, il-Kummissjoni tqis li huwa ta’ ġid u pertinenti li dawn iż-żewġ rapporti jiġu kkonsolidati f’wieħed. Dan ir-rapport għandu wkoll l-għan li jikkomunika informazzjoni li ttejjeb il-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament min-naħa tal-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet nazzjonali, u biex tiżdied it-trasparenza fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni ħejjiet dan ir-rapport fuq il-bażi tad-diskussjonijiet u konsultazzjonijiet fil-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri (SCP), grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni 2 li jinkludi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE u ta’ pajjiżi mhux tal-UE fiż-ŻEE u r-rappreżentanti tal-katini tal-provvista tal-industrija kimika u tal-bejgħ bl-imnut, u fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni stess.

2.    SFOND

2.1.    Status ta’ konformità mar-Regolament

Mill-1 ta’ Jannar 2017, ħafna mill-Istati Membri kienu f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament:

L-Istati Membri kollha stabbilew punt ta’ kuntatt nazzjonali wieħed jew aktar b’numru tat-telefon u indirizz tal-email ċari għar-rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi u għal għajbien u serq sinifikanti (l-Artikolu 9(2));

23 Stat Membru jinsabu f’konformità sħiħa, wara li stabbilew regoli dwar penali (Artikolu 11), xerrdu b’mod regolari l-linjigwida ppreparati mill-SCP (l-Artikolu 9(6)) u fejn applikabbli, nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex jimplimentaw l-eċċezzjonijiet taħt reġim ta’ liċenzjar jew reġistrazzjoni (l-Artikoli 4(4)) tar-reġimi li kienu jeżistu qabel (l-Artikolu 13(4));

Ħames Stati Membri huma f’konformità parzjali, peress li ma stabbilewx regoli dwar il-penali.

Fi sforz biex tiżgura l-konformità sħiħa min-naħa tal-Istati Membri mar-Regolament, il-Kummissjoni stabbiliet diskussjonijiet bilaterali dwar kunsiderazzjonijiet tal-konformità u bdiet proċeduri ta’ ksur 3 ma’ xi Stati Membri, u se tkompli b’dawn id-diskussjonijiet kif meħtieġ.

Ir-Regolament huwa rilevanti għaż-ŻEE u għalhekk huwa rilevanti wkoll għall-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (ESA) hija kompetenti għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament f’dawk il-pajjiżi. Filwaqt li n-Norveġja u l-Liechtenstein huma konformi mar-Regolament, fis 17 ta’ Novembru 2016, l-ESA ressqet lill-Iżlanda quddiem il-Qorti tal-EFTA għaliex dak l-Istat naqas milli jieħu l-miżuri neċessarji biex jagħmel ir-Regolament parti mill-ordinament ġuridiku intern tiegħu 4 .

Fl-aħħar nett, l-Iżvizzera mhijiex marbuta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament, iżda xorta waħda qed tqis li taddotta l-miżuri li jikkontrollaw u jirrestrinġu l-prekursuri tal-isplussivi f’livell nazzjonali. Hija diġa’ ħatret punt ta’ kuntatt nazzjonali għar-rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi u għajbien u serq sinifikanti.

2.2.    Miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni

Skont l-Artikolu 4(1), ir-Regolament jipprojbixxi t-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti (elenkati fl-Anness I tar-Regolament) lil membri tal-pubbliku. L-Istati Membri jistgħu xorta waħda jistabbilixxu u jżommu sistemi ta’ liċenzjar u/jew reġistrazzjoni li permezz tagħhom il-prekursuri tal-isplussivi ristretti jistgħu jsiru disponibbli, b’mod ikkontrollat, lil membri tal-pubbliku ġenerali (l-Artikolu 4(2) u (3)).

Mill-1 ta’ Jannar 2017, 16-il Stat Membru kellhom reġimi ta’ liċenzjar u/jew ta’ reġistrazzjoni fis-seħħ, filwaqt li t-12 il-Stat Membru l-ieħor żammew il-projbizzjonijiet 5 Għalhekk l-applikazzjoni tar-Regolament sa issa turi li ma hemm l-ebda kunsens fil-livell tal-UE dwar jekk il-prekursuri tal-isplussivi ristretti għandhomx jiġu pprojbiti jew magħmula disponibbli b’mod ikkontrollat.

Fost dawk l-Istati Membri li żammew is-sistemi ta’ liċenzjar, hemm varjazzjoni sinifikanti fil-proċess għat-talba ta’ liċenzji, għall-kriterji li fuqhom jingħataw jew jiġu miċħuda u għat-tul u t-tip ta’ validità. Xi Stati Membri jqisu li talbiet għal liċenzja għandhom jingħataw sakemm ma jkunx hemm raġuni għaliex ma għandhomx, filwaqt li oħrajn japplikaw l-approċċ oppost, u jiċħdu l-liċenzji sakemm ma jkunx hemm raġuni speċifika biex jingħataw. B’konsegwenza ta’ hekk, il-persentaġġ tal-liċenzji mogħtija u miċħuda fl-Istati Membri li għaddew l-informazzjoni lill-Kummissjoni huwa differenti ħafna. Sa issa ma hemmx każijiet magħrufa ta’ Stati Membri li jirrikonoxxu b’mod reċiproku l-liċenzji ta’ xulxin.

Xi Stati Membri, kull fejn ikun possibbli, jipproponu sustanzi alternattivi jew livelli ta’ konċentrazzjoni li jistgħu jintużaw għal skopijiet leġittimi. L-esperjenzi rrappurtati mill-Istati Membri jissuġġerixxu li hemm alternattivi għal bosta mill-użi leġittimi, jekk mhux saħansitra għall-biċċa l-kbira minnhom.

Xi Stati Membri marru lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti fir-Regolament u adottaw miżuri li pereżempju jobbligaw lill-operaturi ekonomiċi biex jirreġistraw mal-awtoritajiet kompetenti u biex kull tant żmien jiddikjaraw it-tranżazzjonijiet kollha, inklużi l-importazzjonijiet, jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament sabiex ikopri l-utenti professjonali, jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-ħżin, jipprevedu l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni rilevanti ma’ Stati Membri oħra jew jistabbilixxu rwol għall-awtoritajiet doganali.

Barra minn hekk, xi Stati Membri japplikaw restrizzjonijiet u kontrolli fuq prekursuri tal-isplussivi mhux elenkati, jew restrizzjonijiet aktar stretti għal sustanzi li huma elenkati. Fil-każijiet attwali kollha, l-Istati Membri kellhom ir-restrizzjonijiet u l-kontrolli kollha fis-seħħ qabel l-adozzjoni tar-Regolament.

Flimkien mal-adozzjoni u l-infurzar tal-miżuri nazzjonali tagħhom, ħafna mill-Istati Membri allegatament wettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni li jimmiraw għall-operaturi ekonomiċi involuti fil-katina tal-provvista tal-prekursuri tal-isplussivi elenkati. Il-kampanji għandhom l-għan li jżidu l-kuxjenza dwar l-obbligu tal-limitazzjoni u tar-rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi. Xi Stati Membri jinvolvu b’mod attiv fornituri u postijiet tas-suq elettroniċi.

Għadu kmieni wisq biex wieħed jiġbed konklużjonijiet mid-dejta miksuba dwar il-liċenzji, ir-reġistrazzjoni, ir-rapporti ta’ tranżazzjonijiet suspettużi u l-infurzar. Fil-futur, il-Kummissjoni se timmira li tiġbor u tanalizza dejta rilevanti biex tidentifika tendenzi ta’ theddid fil-livell tal-UE, prattiki tajba u oqsma potenzjali li jistgħu jiġu msaħħa u armonizzati.

2.3.    Il-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri (SCP)

Minħabba li l-SCP ġie mwaqqaf skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE tal-2008 dwar it-Tisħiħ tas-Sigurtà tal-Isplussivi, 6 ilu jaħdem b’mod attiv biex itejjeb il-protezzjoni fl-Ewropa kontra l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi għall-manifattura ta’ splussivi magħmulin id-dar.

Minħabba li r-Regolament ġie adottat fl-2013, l-SCP ltaqa’ regolarment biex jiffaċilita u jissorvelja l-implimentazzjoni tiegħu. Fuq kollox, l-SCP jipprovdi pjattaforma għall-Istati Membri u rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi fil-katina tal-provvista għall-iskambju tal-informazzjoni u fehmiet dwar ir-Regolament u l-implimentazzjoni prattika tiegħu.

Kisbiet oħra tal-SCP jinkludu l-adozzjoni u r-reviżjoni regolari ta’ Linji Gwida 7 u x-xogħol ta’ tħejjija għal tliet atti delegati li żiedu sustanzi ta’ theddid għall-Anness II (ara t-Taqsima 4). L-SCP ippermetta wkoll aktar skambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar rapporti ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, għajbien u serq, u l-għoti u r-rifjut ta’ liċenzji, u appoġġja l-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni mill-industrija kimika u mis-settur tal-bejgħ bl-imnut. Fl-2013-2015, erba’ Membri tal-SCP mexxew b’mod konġunt is-Sigurtà ffinanzjata mill-UE dwar il-Bejgħ ta’ Kimiċi, li żviluppat materjal ta’ gwida għall-bejjiegħa, kemm f’postijiet fiżiċi ukif ukoll fuq l-internet, u għal awtoritajiet kompetenti u tal-infurzar tal-liġi.

3.    IR-REVIŻJONI

“L-isplussivi magħmulin id-dar jibqgħu arma preferuta mit-terroristi flimkien ma’ armi konvenzjonali, minħabba d-disponibilità, l-effiċjenza u l-effettività tagħhom,” skont ir-Rapport tal-Europol tal-2016 dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu. Madankollu, dan ir-rapport u l-verżjonijiet tiegħu tal-2015, 2014 u 2013 tiegħu kollha nnutaw tnaqqis fl-użu ta’ splussivi magħmulin id-dar b’rabta mal-użu ta’ armi tan-nar u/jew apparat inċendjarju.

Id-dħul fi s-seħħ tar-Regolament ikkontriwixxa għat-tnaqqis tat-theddida kkawżata mill-prekursuri tal-isplussivi fl-Ewropa. Mill-laqgħat u konsultazzjonijiet tal-SCP u studju li sar minn konsorzju ta’ esperti indipendenti, 8 jirriżulta li:

L-ammont ta’ prekursuri tal-isplussivi disponibbli fis-suq naqas. Dan huwa parzjalment minħabba l-fatt li ħafna operaturi ekonomiċi qed japplikaw ir-restrizzjonijiet u parzjalment għax b’mod volontarju, xi manifatturi waqfu jagħmluhom u xi operaturi ekonomiċi waqfu jbigħuhom. Il-katina tal-provvista ma rrappurtat l-ebda tfixkil jew telf ekonomiku li sar b’riżultat ta’ dan. Barra minn hekk, f’xi Stati Membri li jżommu s-sistemi tal-liċenzjar, l-awtoritajiet irrapportaw li n-numru ta’ applikazzjonijiet għall-liċenzji bħalissa huwa ferm aktar baxx milli kien fl-ewwel sena tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dan jissuġġerixxi li l-membri tal-pubbliku ġenerali adottaw b’suċċess sustanzi alternattivi (mhux sensittivi) biex ikomplu għaddejjin bl-attivitajiet mhux professjonali leġittimi tagħhom.

Il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti u tal-infurzar tal-liġi biex jinvestigaw inċidenti suspettużi li jinvolvu prekursuri tal-isplussivi żdiedet. L-Istati Membri rrappurtaw żieda fin-numru ta’ tranżazzjonijiet suspettużi rappurtati, għejbien u serq minħabba għarfien akbar fost l-operaturi ekonomiċi li jittrattaw il-prekursuri tal-isplussivi. Barra minn hekk, xi Stati Membri fuq bażi ad hoc skambjaw informazzjoni dwar ir-rapporti u rrifjutaw liċenzji. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jżommu reġimi ta’ liċenzjar għandhom fehim aħjar ta' min fost il-membri tal-pubbliku huwa fil-pussess ta’ sustanzi ristretti u l-għan li għalih beħsiebhom jużawhom.

Għadu mhuwiex possibbli li jiġi vvalutat f’aktar dettall l-impatt tar-Regolament. Madankollu, numru ta’ inċidenti rrappurtati mill-Istati Membri jissuġġerixxu li l-applikazzjoni tar-Regolament ikkontribwiet għall-isforzi tagħhom lejn il-prevenzjoni ta’ attakki terroristiċi li jinvolvu splussivi magħmulin id-dar.

3.1.    Sfidi li żviluppaw mill-applikazzjoni tar-Regolament

Minkejja l-impatt globali pożittiv tar-Regolament fit-tnaqqis tal-aċċess għal u ż-żieda ta’ kontroll fuq il-prekursuri tal-isplussivi, l-applikazzjoni tiegħu ħolqot numru ta’ problemi u sfidi. L-eżempji msemmijin f’din it-taqsima mhux neċessarjament jirriflettu l-esperjenzi tal-Istati Membri jew tal-operaturi ekonomiċi kollha jew ta’ ħafna minnhom. Madankollu, kellhom impatt wiesa’ biżżejjed biex ma jkunux attribwibbli liċ-ċirkustanzi speċjali ta’ xi Stat Membru jew operatur individwali.

L-isfida ewlenija għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri hija l-għadd enormi ta’ operaturi affettwati mir-restrizzjonijiet u l-kontrolli fuq ir-Regolament. Minħabba li ħafna mis-sustanzi u taħlitiet kimiċi kkonċernati mir-Regolament huma prodotti tad-dar, il-katina tal-provvista hija ħafna ikbar minn dak ta’ prodotti oħra soġġetti għal dispożizzjonijiet ta’ kontroll speċifiċi (eż prekursuri tad-droga). Minħabba hekk, kienet sfida kbira għall-awtoritajiet kompetenti biex jilħqu l-atturi ekonomiċi kollha fil-katina tal-provvista ta’ prekursuri tal-isplussiv biex jinfurmawhom bid-dmirijiet tagħhom. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti, b’kollaborazzjoni mal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-industrija kimika u s-settur tal-bejgħ bl-imnut, wettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u involvew ruħhom ma’ firxa wiesgħa ta’ operaturi — mill-manifatturi għall-bejjiegħa, kumpaniji kbar għal ħwienet żgħar, u l-bejjiegħa fuq l-internet sal-postijiet tas-suq elettroniċi.

Sfida oħra għall-awtoritajiet tal-Istati Membri hija li jinfurżaw ir-restrizzjonijiet u l-kontrolli fuq bejgħ fuq l-internet, l-importazzjonjiiet u l-moviment fl-UE. Il-prodotti li għandhom volum kbir ta’ spiss jiġu ttrasportati u jinbiegħu fi kwantitajiet akbar (eż fertilizzanti) u għalhekk huma relattivament eħfef biex jiġu identifikati u kkontrollati. Bil-kontra ta’ dan, prodotti oħra jinbiegħu fi kwantitajiet u volumi żgħar, u għalhekk huma aktar diffiċli li jiġu interċettati meta jintbagħtu jew jiġu ttrasportati fl-Ewropa u madwarha. Biex tiġi indirizzata din il-problema, l-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet doganali qegħdin iżidu l-isforzi tagħhom biex jidentifikaw każijiet ta’ akkwist u pussess illegali, billi pereżempju jżidu l-koperazzjoni bejn l-aġenziji u l-iskambju tal-informazzjoni fil-livell tal-UE.

Sfida ewlenija għall-operaturi ekonomiċi, l-aktar għal dawk fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, kienet li jiġu identifikati l-prodotti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Il-prodotti li fihom prekursuri tal-isplussivi ristretti għandhom ikunu ttikkettati kif xieraq. Meta dan ma jsirx minn kmieni fil-katina tal-provvista, huwa diffiċli għall-operaturi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut biex jivverifikaw sew li t-tikketta tkun imwaħħla u li tapplika r-restrizzjoni. Barra minn hekk, il-prekursuri tal-isplussivi elenkati fl-Anness II tar-Regolament, li mhumiex ristretti ma għandhomx bżonn jiġu tikkettati. L-operaturi ekonomiċi, l-aktar dawk b’bidla kbira fil-presunal, jeħtieġ li jiddedikaw riżorsi ta’ żmien konsiderevoli biex jidentifikaw prodotti kkonċernati u jħarrġu lill-persunal tagħhom b’mod xieraq.

L-operaturi ekonomiċi li jagħmlu negozju bejn il-fruntieri tal-UE jaffaċċjaw ukoll l-isfida li jkollhom jadattaw għan-natura speċifika tar-reġimi differenti f’kull Stat Membru. Ir-Regolament jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-aspetti ewlenin tal-applikazzjoni tiegħu fit-territorju tagħhom. Minħabba dan, l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu konxji mit-tip ta’ reġim li japplika fl-Istat Membru speċifiku li l-prodott huwa maħsub għalih, u għandhom jirreġistraw il-bejgħ, jivverifikaw il-liċenzja jew jipprojbixxu l-bejgħ kif xieraq. Xi kumpaniji għandhom proċeduri interni ta’ diliġenza dovuta robusti li jiffaċilitaw il-konformità ma’ oqfsa regolatorji kumplessi. Madankollu, għal kumpaniji mingħajr proċeduri bħal dawn, li spiss ikunu kumpaniji iżgħar, dan huwa proċess li jieħu ħafna żmien.

Fl-aħħar nett, l-operaturi ekonomiċi li jbigħu kemm lil membri tal-pubbliku ġenerali kif ukoll lil tipi oħra ta’ utenti aħħarija rrappurtaw problemi biex jivvalutaw bi grad raġonevoli ta’ ċertezza jekk il-persuna li akkwistat sustanza ristretta hijiex qed taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, negozju jew professjoni tagħha, jew b’xi mod ieħor. Fil-fatt, ir-Regolament ma jispeċifikax il-kriterji għall-valutazzjoni ta’ x’jikkwalifika bħala professjonali jew għall-verifika ta’ kredenzjali professjonali. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma stabbiliti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u bħala riżultat il-kriterji jistgħu jvarjaw bejn territorji differenti.

Sfida kontinwa għall-Kummissjoni hija li tibqa’ aġġornata mit-theddida għas-sigurtà li qed tevolvi. Sabiex jiġi adattat ir-Regolament rigward l-użu ta’ sustanzi kimiċi ġodda, jew tal-konċentrazzjonijiet ġodda tas-sustanzi elenkati, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq informazzjoni u dejta mill-Istati Membri. Fl-2016, l-isforzi mgħoddija mill-SCP wasslu biex tliet sustanzi ta’ theddid ġew miżjuda mal-Anness II (ara t-Taqsima 4).

L-indirizzar tal-isfidi msemmijin hawn fuq huwa kwistjoni ta’ prijorità għall-Kummissjoni. B’kooperazzjoni mill-qrib mal-SCP, il-Kummissjoni se tuża l-għodod għad-dispożizzjoni tagħha (inkluż l-atti leġiżlattivi, id-dokumenti ta’ gwida u appoġġ prattiku) biex ittejjeb il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u tal-operaturi ekonomiċi biex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom b’fiduċja sħiħa.

3.2.    Ix-xewqa u l-fattibbiltà ta’ aktar tisħiħ u armonizzazzjoni tas-sistema

It-theddida maħluqa mill-użu ta’ kimiċi ta’ prekursuri tal-isplussivi fil-manifattura ta’ splussivi magħmulin id-dar minn terroristi għadha għolja u qed tevolvi l-ħin kollu. Il-prijorità tal-Kummissjoni, lil hinn mill-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet eżistenti, hija li tqis liema miżuri u azzjonijiet jistgħu jsaħħu s-sistema fil-futur 9 . 

Bidliet lir-Regolament jistgħu jwasslu għal piżijiet addizzjonali għall-awtoritajiet pubbliċi, l-operaturi ekonomiċi, u l-konsumaturi. Biex jiġi żgurat li l-piżijiet ma jkunux sproporzjonati mal-għanijiet li qed jiġu mfittxija, il-Kummissjoni, fl-2017 se tivvaluta l-impatt kif ukoll il-kostijiet u l-benefiċċji għall-partijiet interessati kollha u kwalunkwe potenzjal għal simplifikazzjoni, ta’ miżuri bl-għan li:

Iddejjaq ir-restrizzjonijiet u l-kontrolli, billi żżid sustanzi ġoddata’ tħassib dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u billi ssaħħaħ ir-restrizzjonijiet fuq sustanzi li diġa’ huma koperti.

Iżżid il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jissorveljaw il-bejgħ u l-pussess ta’ prekursuri tal-isplussivi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jafu min huma l-operaturi ekonomiċi li qed jagħmlu disponibbli l-prekursuri tal-isplussivi fis-suq, u min huma l-individwi li qed jixtru, jippossjedu u jużaw il-prekursuri tal-isplussivi ristretti. Dawn l-individwi jinkludu membri tal-pubbliku u dawk li qed jaġixxu għal għanijiet marbuta mal-professjonijiet tagħhom. B’dan l-għan f’moħħha, il-Kummissjoni se teżamina l-impatt ta’ miżuri bħall-ħtieġa li l-operaturi ekonomiċi jirreġistraw mal-awtorità kompetenti tagħhom u jissottomettu r-reġistru ta’ tranżazzjonijiet tagħhom b’mod regolari lill-awtoritajiet kompetenti. Il-Kummissjoni se tqis ukoll l-impatt ta’ li tistabbilixxi kriterji komuni għal-liċenzji, biex tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-għoti u r-rifjut ta’ talbiet u sabiex tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri.

Iżżid il-kapaċità tal-Istati Membri kompetenti u l-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi biex jidentifikaw u jinvestigaw ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni se tikkunsidra miżuri biex issaħħaħ is-sistemi ta’ rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, għejbien u serq, pereżempju billi tiżgura li l-informazzjoni li jista' jkollha rilevanza transfruntiera tiġi kondiviża. Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll miżuri biex issaħħaħ is-sistema fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ prekursuri tal-isplussivi minn pajjiżi terzi, (jiġifieri importazzjonijiet) u r-rwol operazzjonali tal-awtoritajiet doganali fil-fruntieri esterni tal-Unjoni.

Iżżid il-kapaċità tal-operaturi ekonomiċi tul il-katina ta’ forniment. Il-Kummissjoni se tqis miżuri maħsuba biex itejbu t-trażmissjoni tal-informazzjoni tul il-katina tal-provvista kimika u tal-bejgħ bl-imnut billi pereżempju terġa’ tiġi vvalutata d-dispożizzjoni ta’ ttikkettar fir-Regolament. Kull fejn ikun possibbli, il-Kummissjoni se tfittex ukoll li tnaqqas l-inċertezzi legali għall-operaturi ekonomiċi.

Flimkien ma’ dan, il-Kummissjoni se terġa’ teżamina t-trasferiment ta’ dispożizzjonijiet relatati man-nitrat tal-ammonju minn REACH (KE 1907/2006) 10 lejn ir-Regolament, 11 u kif indikat fl-ewwel rapport ta’ progress tagħha lejn Unjoni ta’ Sigurtà effettiva u ġenwina, 12 se teżamina wkoll ir-riżultati ta’ proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE li għandhom il-potenzjal li jnaqqsu t-theddida li għandhom l-isplussivi magħmula b’abbuż billi pereżempju, tinnewtralizza l-proprjetajiet ta’ natura splussiva ta’ ċerti sustanzi u prodotti.

Il-Kummissjoni se tqis ukoll azzjonijiet mhux leġiżlattivi li jistgħu jkomplu jsaħħu s-sistema. Hija se tagħmel dan billi ssaħħaħ ir-rwol tal-Europol, twaqqaf subgruppi ad hoc tal-PSK biex jiddiskutu sfidi speċifiċi (eż. Id-disponibilità u l-kontroll ta’ bejgħ bl-internet jew ir-rwol tad-dwana), jiffaċilitaw il-laqgħat ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali u jappoġġjaw sforzi biex titjieb il-koperazzjoni fil-livell reġjonali.

3.3.    Kemm hu tajjeb u fattibbli li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament jiġi estiż biex ikopri l-utenti professjonali

Ir-restrizzjoni imposta mir-Regolament tapplika biss għal “membri tal-pubbliku.” Persuni li jaġixxu għal għanijiet marbuta mal-kummerċ, negozju jew professjoni tagħhom (imsejħa b’mod komuni bħala “utenti professjonali”) jistgħu jkomplu jaċċessaw il-prekursuri tal-isplussiv ristretti mingħajr restrizzjonijiet.

L-eżenzjoni mogħtija lil utenti professjonali jew 1) tassumi li dan it-tip ta’ utent mhux se jagħmel użu illeċitu mill-prekursuri tal-isplussivi biex jipproduċi splussivi magħmulin id-dar, u/jew 2) tqis li jkun ta’ piż sproporzjonat għal operaturi ekonomiċi biex jestendu r-restrizzjonijiet għal dan it-tip ta’ utent.

Madankollu, il-Kummissjoni tara nuqqas ta’ sigurtà possibbli fl-eżenzjoni ta’ utenti professjonali mir-restrizzjonijiet imposti mir-Regolament. Il-Kummissjoni għalhekk se tqis l-impatt tal-miżuri ġodda li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament biex ikopri l-utenti professjonali, filwaqt li jeżaminaw mill-qrib il-piżijiet imposti fuq l-operaturi ekonomiċi. Jista’ jagħti l-każ li l-operaturi ekonomiċi jkollhom bżonn jirreġistraw it-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu lill-utenti professjonali u jżommu r-rekords disponibbli għall-ispezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

Dan ta’ hawn fuq għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti u tal-infurzar tal-liġi bi stampa aħjar ta’ min qed ikollu aċċess għal liema prekursuri u għall-liema raġuni. Dan jiffaċilita wkoll l-investigazzjoni bikrija u l-prosekuzzjoni ta’ istanzi ta’ allegazzjoni ta’ użu ħażin.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tqis l-introduzzjoni ta’ definizzjoni armonizzata ta’ “utent professjonali” u kriterji komuni biex jiġi ddeterminat min jikkwalifika bħala professjonali għall-verifika tal-kredenzjali professjonali.

3.4.    Ix-xewqa u l-fattibbilità tal-inklużjoni ta’ prekursuri tal-isplussivi mhux skedati fid-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtaġġ ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, għajbien u serq

Il-Kummissjoni mhux beħsiebha tapplika d-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtaġġ ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, għajbien u serq lill-kategorija ġenerali ta’ “prekursuri tal-isplussivi mhux skedati”. Dan ipoġġi piż mhux proporzjonat u livell mhux ġustifikat ta’ inċertezza fuq l-operaturi ekonomiċi, li mhux neċessarjament ikunu jafu liema sustanzi kimiċi jistgħu jintużaw, f’mument partikolari, bħala prekursur tal-isplussivi.

Minkejja dan, il-Kummissjoni tqis li huwa essenzjali li jiġi aġġornat l-Anness II kull meta jkun hemm bżonn, biex jiżdiedu sustanzi speċifiċi li huma ta’ theddida bħala prekursur tal-isplussivi, u diġà nqdiet bis-setgħa tagħha li tadotta atti delegati biex tagħmel dan (ara t-Taqsima 4).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tivvaluta r-rilevanza li żżid aktar kategoriji ta’ sustanzi mal-Anness II. Fost l-oħrajn, hija se tivvaluta l-impatt, inkluż minn perspettiva ekonomika, tal-inklużjoni tal-idrati kollha tal-imluħ tan-nitrati kollha bl-istess mod li r-Regolament (KE) Nru 273/2004 jagħmel għall-imluħ tal-prekursuri tad-drogi 13 , kif ukoll għall-fertilizzanti b’kontenut għoli ta’ nitroġenu.

Iż-żidiet ta’ hawn fuq jagħlqu n-nuqqasijiet preżenti fir-Regolament u jistgħu wkoll jiffaċilitaw il-kompitu ta’ operaturi ekonomiċi billi jissimplifikaw il-linji gwida dwar liema sustanzi huma ta’ tħassib. Il-Kummissjoni se tivvaluta xorta waħda l-impatt eżatt taż-żidiet fuq il-katina tal-provvista qabel ma tadotta xi proposta.

4.    L-EŻERĊIZZJU TAS-SETGĦA LI TADOTTA ATTI DDELEGATI

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati dwar bidliet għall-valuri limitu fl-Anness I sa fejn meħtieġ biex takkomoda żviluppi fl-użu ħażin tas-sustanzi bħala prekursuri tal-isplussivi jew fuq il-bażi ta’ riċerka u ttestjar. Hija tista’ wkoll tadotta atti delegati dwar iż-żieda ta’ sustanzi mal-Anness II, fejn meħtieġ biex jiġu akkomodati l-iżviluppi fl-użu ħażin tas-sustanzi bħala prekursuri tal-isplussivi.

Fl-2016, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa tagħha li tadotta atti delegati biex iżżid tliet sustanzi mal-Anness II:

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) li jemenda r-Regolament (UE) Nru 98/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda ż-żieda ta’ trab tal-aluminju mal-lista ta’ prekursuri fl-Anness II 14 ;

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) li jemenda r-Regolament (UE) Nru 98/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda ż-żieda ta’ nitrat tal-manjeżju eżaidrat mal-lista ta’ prekursuri fl-Anness II 15 ; kif ukoll

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) li jemenda r-Regolament (UE) Nru 98/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda ż-żieda ta’ trab tal-manjeżju mal-lista ta’ prekursuri fl-Anness II 16 ;

Iż-żidiet tas-sustanzi msemmija hawn fuq għall-Anness II ġew proposti lis-SCP mill-Istati Membri. Fit-tħejjija tal-atti delegati l-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari lis-settur tal-industrija kimika u lil dak tal-bejgħ bl-imnut, kif meħtieġ mir-Regolament, u ppreżentat analiżi li turi li ż-żidiet ma jimponux piż mhux proporzjonat fuq operaturi ekonomiċi u konsumaturi. Il-membri u l-osservaturi tal-SCP iddiskutew u appoġġaw b’mod ġenerali dawn iż-żidiet. Qabel l-adozzjoni, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll l-abbozzi tal-atti delegati għal konsultazzjoni pubblika 17 . Tul il-proċess proċedurali u dak tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-Kummissjoni żgurat it-trażmissjoni f’waqtha u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma għamlitx użu mis-setgħa delegata tagħha biex tbiddel kwalunkwe mill-valuri ta’ limitu fl-Anness I.

Għalkemm il-Kummissjoni sa issa ma identifikatx sustanzi addizzjonali li għandhom ikunu soġġetti għall-ħtieġa ta’ rappurtar jew prekursuri tal-isplussivi ristretti li l-valuri limiti tagħhom għandhom jinbidlu, dawn il-bżonnijiet jistgħu jinqalgħu fil-futur u jkun jeħtieġ li jiġu indirizzati malajr permezz ta’ atti delegati biex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà pubblika. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-setgħa li tadotta atti delegati kkonferiti lilha b’dan ir-Regolament tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodu ta’ ħames snin, f’konformità mal-Artikolu 14(2) tar-Regolament.

5.    KONKLUŻJONI

Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 98/2013 ikkontribwixxa biex jitnaqqas l-aċċess għal prekursuri splussivi perikolużi li jistgħu jintużaw ħażin għall-manifattura ta’ splussivi magħmulin id-dar, għaliex hija introduċiet restrizzjonijiet u kontrolli fuq sustanzi ta’ tħassib ewlieni. Madankollu, it-theddida kkawżata minn splussivi magħmulin id-dar tibqa’ għolja u qed tevolvi l-ħin kollu. F’Unjoni ta’ moviment ħieles ta’ persuni, oġġetti u servizzi, iċ-ċittadini u residenti Ewropej jistennew azzjoni kontra t-terroriżmu fuq il-livell tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni, l-Istati Memri u l-katina tal-provvista ta’ prekursuri tal-isplussivi fl-Ewropa jridu jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet eżistenti u biex jidentifikaw miżuri u azzjonijiet li fil-futur isaħħu s-sistema madwar l-isplussivi magħmulin id-dar.

Il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-SCP diġà bdiet tirrevedi r-Regolament billi żiedet tliet sustanzi ta’ prekursuri tal-isplussivi mal-Anness II. Dan huwa pass importanti lejn il-kontroll aħjar ta’ sustanzi ta’ theddida. Madankollu, l-esperjenza fl-implimentazzjoni prattika li ttieħdet mit-2 ta’ Settembru 2014, flimkien ma’ żviluppi globali, jagħmluha essenzjali li jitqiesu bidliet oħra għar-Regolament biex tiżdied il-kapaċità tal-atturi involuti kollha fl-implimentazzjoni u l-infurzar tar-restrizzjonijiet u tal-kontrolli. B’dan l-għan f’moħħha, il-Kummissjoni se tivvaluta bir-reqqa l-impatt ta’ għadd ta’ miżuri ġodda possibbli li jistgħu jiġu proposti fil-futur qrib.

(1)

ĠU L 39, 9.2.2013, p.1.

(2)

Referenza tal-grupp E03245, ara taħt http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=3245&NewSearch=1&NewSearch=1 .

(3)

Skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Każ tal-Qorti tal-EFTA E-18/16.

(5)

Lista ta’ miżuri hija disponibbli fuq http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/crisis-and-terrorism/explosives/explosives-precursors/index_en.htm .

(6)

Dokument tal-Kunsill 8311/08.

(7)

  http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/crisis-and-terrorism/explosives/explosives-precursors/docs/guidelines_on_the_marketing_and_use_of_explosives_precursors_en.pdf .

(8)

Studju Preparatorju dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 98/2013 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prekursuri tal-isplussiv (Novembru 2016). Koordinati minn ENCO għall-Kummissjoni Ewropea skont il-Kuntratt ta’ Servizz Qafas HOME/2014/ISFP/PR/CBRN/0025 - Lott 1.

(9)

COM (2015) 624 finali.

(10)

ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(11)

L-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-trasferiment intalbu skont l-artikolu 18(2) tar-Regolament u ġew stabbiliti f’COM(2015) 122 finali.

(12)

COM (2016) 670 finali.

(13)

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga, ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1.

(14)

C(2016) 7647 finali

(15)

C(2016) 7650 finali.

(16)

C(2016) 7657 finali.

(17)

Bħala parti mill-aġenda tagħha ta’ regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni tilqa’ r-reazzjonijiet tal-pubbliku għall-abbożż tal-leġiżlazzjoni ppubblikat f’ https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/share-your-views_en .